Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2022/2145(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0077/2023

Testi mressqa :

A9-0077/2023

Dibattiti :

PV 18/04/2023 - 17
CRE 18/04/2023 - 17

Votazzjonijiet :

PV 19/04/2023 - 11.8
CRE 19/04/2023 - 11.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2023)0113

Testi adottati
PDF 188kWORD 61k
L-Erbgħa, 19 ta' April 2023 - Strasburgu
Il-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE, il-Gruppi Tattiċi tal-UE u l-Artikolu 44 tat-TUE: it-triq 'il quddiem
P9_TA(2023)0113A9-0077/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' April 2023 dwar il-Kapaċità ta’ Skjerament Rapidu tal-UE, il-Gruppi Tattiċi tal-UE u l-Artikolu 44 tat-TUE: it-triq ’il quddiem (2022/2145(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b’mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-pjan ta’ azzjoni intitolat “Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża – Għal Unjoni Ewropea li tipproteġi liċ-ċittadini, il-valuri u l-interessi tagħha u tikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali”, li ġie approvat mill-Kunsill fil-21 ta’ Marzu 2022 u approvat mill-Kunsill Ewropew fil-25 ta’ Marzu 2022,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF)(1),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment ta’ Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta’ Jannar 2018 dwar l-approċċ integrat għall-kunflitti u l-kriżijiet esterni,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Versailles adottata fil-laqgħa informali tal-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tal-11 ta’ Marzu 2022,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 u l-25 ta’ Marzu u tat-30 u l-31 ta’ Mejju 2022,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Jannar 2023 dwar l-implimentazzjoni tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni – rapport annwali 2022(2),

–  wara li kkunsidra t-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Summit ta’ Wales adottata mill-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tan-NATO li kienu qed jipparteċipaw fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana tal-5 ta’ Settembru 2014, u b’mod partikolari l-miżuri li jagħmlu l-Forza ta’ Reazzjoni tan-NATO (NRF) aktar reattiva u kapaċi,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Summit ta’ Madrid adottata mill-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tan-NATO li kienu parteċipanti fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana f’Madrid fid-29 ta’ Ġunju 2022, u b’mod partikolari l-Kunċett Strateġiku l-ġdid tan-NATO adottat waqt dan is-Summit,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO ffirmati fit-8 ta’ Lulju 2016 u fl-10 ta’ Lulju 2018, u l-74 proposta għal azzjoni komuni approvati mill-Istati Membri tal-UE u l-Alleati tan-NATO,

–  wara li kkunsidra r-rapport tad-9 ta’ Mejju 2022 dwar l-eżitu finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-Kunsill Affarijiet Barranin (Difiża) tal-15 ta’ Novembru 2022,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0077/2023),

A.  billi mill-2003 ’l hawn l-UE kisbet esperjenza estensiva fl-iskjerament tal-operazzjonijiet militari u l-missjonijiet ċivili biex tippromwovi l-paċi, is-sigurtà, l-istabbiltà u l-progress fl-Ewropa u fid-dinja, miksuba f’19-il missjoni kompluti u fi 18-il missjoni li għadhom għaddejjin; billi dawn l-operazzjonijiet u l-missjonijiet tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK) joperaw regolarment flimkien ma’ missjonijiet tal-Istati Membri, tan-Nazzjonijiet Uniti, tan-NATO, ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u ta’ pajjiżi terzi u jikkomplementawhom; billi ħafna Stati Membri tal-UE huma wkoll kontributuri ewlenin għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet immexxija min-NU; billi l-preżenza simultanja ta’ diversi atturi, missjonijiet u operazzjonijiet f’żona ta’ kunflitt waħda tenfasizza l-importanza tal-koordinazzjoni u d-diviżjoni tax-xogħol għat-titjib tal-koerenza u tal-effettività;

B.  billi x-xenarju ġeopolitiku fl-Ewropa nbidel b’mod drammatiku wara li faqqgħet il-gwerra fit-territorju Ewropew; billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà globali marret għall-agħar u billi l-Unjoni jeħtieġ li tkun aktar reattiva u kredibbli fl-indirizzar tal-kriżijiet; billi l-UE ilha tistinka għal aktar minn 20 sena biex issir attur effettiv fil-qasam tas-sigurtà u tħeġġeġ il-kooperazzjoni tal-Istati Membri tal-UE permezz ta’ varjetà ta’ strutturi u strumenti, bħall-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, il-Pjan tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet, il-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO), il-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC) u r-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD) sabiex jittejbu l-kapaċitajiet, l-interoperabbiltà u s-soluzzjonijiet kosteffettivi għad-difiża Ewropea; billi r-riżultati u l-effettività ta’ dawn l-istrumenti għadhom pjuttost limitati; billi mill-2017 ’il hawn ġew varati 61 proġett tal-PESCO mingħajr ma nkisbu riżultati tanġibbli;

C.  billi l-Iżvezja u l-Finlandja fit-18 ta’ Mejju 2022 ressqu l-applikazzjonijiet tagħhom b’mod konġunt biex jingħaqdu man-NATO; billi l-Alleati tan-NATO iffirmaw il-Protokolli ta’ Adeżjoni għall-Finlandja u l-Iżvezja fil-5 ta’ Lulju 2022;

D.  billi l-Ewropa hija pilastru tal-paċi u l-istabbiltà fid-dinja, rwol li jirrikjedi l-appoġġ qawwi taċ-ċittadini Ewropej; billi, f’dan il-kuntest, inqalgħet il-ħtieġa li jiġu miġġielda kampanji ostili ta’ diżinformazzjoni u li jiġu kkomunikati b’mod proattiv l-iskop u l-objettivi tal-iskjeramenti tal-Kapaċità ta’ Skjerament Rapidu tal-UE liċ-ċittadini Ewropej, lill-popolazzjonijiet lokali tal-pajjiżi ospitanti u lill-komunità internazzjonali;

E.  billi l-Kapaċità ta’ Skjerament Rapidu tal-UE hija komponent ewlieni għall-awtonomija strateġika tal-Unjoni Ewropea u għandha ttejjeb b’mod sinifikanti l-kapaċitajiet ta’ sigurtà u ta’ difiża tagħna biex naġixxu barra mit-territorju tal-UE; billi l-ħolqien tal-Kapaċità ta’ Skjerament Rapidu tal-UE għandu jiġġenera sinerġiji ġodda tas-sigurtà u jsaħħaħ il-kapaċitajiet operattivi, inkluż ukoll fir-relazzjonijiet mas-sħab tagħna;

F.  billi l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK jiddependu regolarment mill-operazzjonalizzazzjoni tajba tal-approċċ integrat tal-UE, mill-prestazzjoni effettiva tal-missjonijiet tas-sħab internazzjonali, mill-kooperazzjoni affidabbli, mill-kondiviżjoni f’waqtha tal-informazzjoni, kif ukoll mill-appoġġ istituzzjonali u soċjetali sinċier, is-sjieda, ir-rispett għad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, għad-dritt umanitarju internazzjonali u għall-istandard demokratiku u ta’ trasparenza tan-nazzjon ospitanti, kif ukoll mir-rieda politika tal-Istati Membri li jiggarantixxu biżżejjed persunal u riżorsi finanzjarji; billi n-nuqqas ta’ kwalunkwe wieħed minn dawn jista’ jipperikola l-implimentazzjoni tal-mandat tal-missjoni tal-PSDK u fl-aħħar mill-aħħar jista’ jwassal għall-irtirar tal-forzi tal-UE; billi l-mandati jenħtieġ li jistabbilixxu objettivi definiti b’mod ċar għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-UE, inkluża skeda ta’ żmien għall-ilħuq tagħhom, kif ukoll strateġija komprensiva ta’ ħruġ;

G.  billi fid-dawl tal-esperjenzi reċenti fir-reġjun tas-Saħel, hemm bżonn li jinsiltu t-tagħlimiet u li l-interessi tas-sigurtà tal-popolazzjoni lokali jitqiegħdu fil-qalba ta’ approċċ ġenwin għas-sigurtà tal-bniedem;

H.  billi t-terminazzjoni prematura tal-missjonijiet tal-PSDK tista’ tħalli lin-nazzjonijiet ospitanti u l-aworitajiet tagħhom f’pożizzjoni dgħajfa biex jipproteġu lill-popolazzjonijiet tagħhom, u b’hekk toħloq vakwi fis-setgħa li jistgħu jiġu sfruttati minn atturi oħra statali u mhux statali, inklużi terroristi u estremisti, u inklużi dawk sponsorjati mill-kompetituri globali tagħna;

I.  billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jenħtieġ li jistinkaw għall-koordinazzjoni mas-sħab tal-istess fehma meta jkunu qed iħejju, imexxu u jsostnu l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK; billi l-Unjoni jenħtieġ li tkun kapaċi tiskjera b’mod rapidu forzi multinazzjonali, multidimenzjonali u modulari, issaħħaħhom malajr fejn meħtieġ u ssostnihom għaż-żmien kollu meħtieġ f’koordinazzjoni mas-sħab tal-istess fehma iżda mingħajr ma tiddependi mill-appoġġ ta’ partijiet terzi;

J.  billi l-missjonijiet tal-PSDK jitwettqu bl-użu ta’ riżorsi umani kapaċitajiet ipprovduti mill-Istati Membri u jiddependu mill-forniment suffiċjenti ta’ forzi u tagħmir; billi l-Istati Membri spiss jonqsu milli jipprovdu biżżejjed forzi u tagħmir lill-missjonijiet tal-PSDK u b’hekk jikkompromettu l-effettività tal-missjoni; billi l-kapaċitajiet tal-Istati Membri jintużaw għal skopijiet nazzjonali u għall-kontributi tagħhom għad-difiża kollettiva u għall-missjonijiet barra mill-pajjiż; billi l-pajjiżi kandidati u ta’ assoċjazzjoni wkoll ikkontribwew għall-missjonijiet tal-PSDK;

K.  billi, għad-difiża kollettiva, ħafna Stati Membri jikkoordinaw l-isforzi tagħhom u jużaw il-forzi tagħhom fi ħdan il-qafas tan-NATO; billi ħafna Stati Membri jikkontribwixxu wkoll għal missjonijiet barra mill-UE fi ħdan il-qafas tal-PSDK;

L.  billi l-bini tal-kapaċitajiet u l-adattament tagħhom għall-ħtiġijiet militari jirrikjedu li jiġu żviluppati kultura strateġika komuni, il-perċezzjoni tat-theddid u soluzzjonijiet u li dawn jiġu kkombinati fid-duttrina u l-kunċetti, l-organizzazzjoni u l-istruttura tal-forzi, it-taħriġ individwali, kollettiv u multinazzjonali regolari, il-loġistika adegwata, l-iżvilupp ta’ materjal tad-difiża, il-ġestjoni tal-akkwist u taċ-ċiklu tal-ħajja, l-iżvilupp tat-tmexxija militari, ir-reklutaġġ u l-iżvilupp tal-persunal, l-infrastrutturi, l-installazzjonijiet u l-faċilitajiet tad-difiża, l-interoperabbiltà u l-istandardizzazzjoni;

M.  billi l-inizjattivi ta’ akkwist komuni huma kritiċi biex tiġi żgurata l-awtonomija strateġika tal-UE f’ambjent reġjonali u internazzjonali li bħalissa huwa volatili;

N.  billi l-Istati Membri jenħtieġ li jindirizzaw in-nuqqasijiet fil-kapaċità fil-faċilitaturi strateġiċi u jimpenjaw ruħhom li jnaqqsu b’mod sostanzjali d-distakki kritiċi sal-2025, b’mod partikolari dawk marbuta mal-Kapaċità ta’ Skjerament Rapidu tal-UE;

O.  billi l-eżerċizzji jenħtieġ li jiġu adattati għax-xenarju ta’ theddid attwali u għax-xenarji possibbli ta’ skjerament tal-Kapaċità ta’ Skjerament Rapidu tal-UE; billi abbażi tal-prinċipju ta’ sett uniku ta’ forzi, l-istandards konverġenti tat-taħriġ u taċ-ċertifikazzjoni jistgħu jtejbu l-interoperabbiltà tal-forzi disponibbli tal-Istati Membri tal-UE; billi t-taħriġ konġunt għall-uffiċjali ċivili u militari fil-Kapaċità ta’ Skjerament Rapidu tal-UE jirrikjedi l-adattament progressiv tat-tagħlim u t-taħriġ ipprovdut mill-Kulleġġ Ewropew ta’ Sigurtà u ta’ Difiża, stabbilit mill-Azzjoni Konġunta 2008/550/CFDP;

P.  billi l-Boxxla Strateġika ġiet adottata fil-21 ta’ Marzu 2022, ftit wara li bdiet il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u tistabbilixxi l-azzjoni fil-livell tal-UE f’ħafna minn dawn l-oqsma;

Q.  billi, meta adottaw il-Boxxla Strateġika, l-Istati Membri qablu li jridu jkunu kapaċi li kollettivament jirrispondu għat-theddid imminenti jew li jirreaġixxu malajr għal kriżi barra mill-Unjoni fi kwalunkwe stadju taċ-ċiklu tal-kunflitt u jiżviluppaw kapaċità ta’ skjerament rapidu li tkun tippermetti lill-UE tiskjera b’mod rapidu forza modulari, inklużi komponenti tal-art, tal-ajru u marittimi, kif ukoll l-assi strateġiċi meħtieġa;

R.  billi l-Boxxla Strategika tipproponi “it-tisħiħ u l-isfruttar sinifikanti tal-potenzjal sħiħ tal-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE, b’mod partikolari l-Fond Ewropew għad-Difiża, peress li huma kruċjali biex insaħħu l-kapaċitajiet ta’ difiża tagħna kif ukoll biex il-forzi tal-Istati Membri jiġu mgħammra biex jiffaċċjaw il-kampijiet tal-battalja futuri”;

S.  billi l-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) huwa strument tal-UE li diġà ġie varat, huwa mfassal biex itejjeb il-kapaċitajiet militari u jinkludi t-tisħiħ tal-kompetittività tal-bażi industrijali;

T.  billi l-EDF u l-EPF diġà ntużaw; billi l-EDF huwa strument imfassal biex itejjeb il-kapaċitajiet militari filwaqt li l-EPF hija mfassla biex trawwem l-appoġġ operattiv, il-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-piżijiet barra mill-pajjiż;

U.  billi t-tisħiħ propost tal-industrija tad-difiża Ewropea permezz tal-att dwar l-akkwist komuni (EDIRPA) u r-regolamenti tal-programm Ewropew ta’ investiment għad-difiża (EDIP) għandu jiffaċilita l-akkwist komuni li jinvolvi lill-Istati Membri tal-UE fi spirtu verament kooperattiv, u b’hekk tissaħħaħ l-interoperabbiltà bejn il-forzi armati nazzjonali;

V.  billi evalwazzjoni mill-ġdid u żieda xierqa fil-baġit tal-EPF biex jiġi żgurat il-finanzjament xieraq u f’waqtu tal-Kapaċità ta’ Skjerament Rapidu tal-UE taħt kwalunkwe xenarju konċepibbli huma assolutament vitali; billi dawn iż-żidiet fil-finanzjament għandhom iqisu l-ħtieġa li jiġi kofinanzjat l-appoġġ militari għall-Ukrajna, u għalhekk jiżdied sabiex il-baġit tal-EPF ikun jista’ jkopri l-ispejjeż għall-attivitajiet skedati tagħha u n-nefqa operattiva tal-Kapaċità ta’ Skjerament Rapidu tal-UE; billi aktar minn 50 % tal-baġit oriġinali għall-EPF għall-2021–2027 diġà ntefaq;

W.  billi jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni lil liema tipi ta’ nfiq relatati mal-Kapaċità ta’ Skjerament Rapidu jistgħu jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-UE skont l-Artikolu 44 TUE;

X.  billi l-Kapaċità ta’ Skjerament Rapidu tal-UE hija essenzjali għall-PSDK peress li hija l-unika kapaċità militari fuq stand-by għall-operazzjonijiet possibbli u tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-effettività tal-forzi armati tal-Istati Membri;

Y.  billi l-Kunċett ta’ Grupp Tattiku għen biex jiġu żviluppati l-kooperazzjoni u l-interoperabbiltà multinazzjonali tad-difiża, kif ukoll it-trasformazzjoni tal-forzi armati għall-iskjerament rapidu u l-modernizzazzjoni tagħhom;

Z.  billi l-problemi relatati mat-teħid tad-deċiżjonijiet u r-rieda politika xekklu strutturalment l-iskjerament tal-gruppi tattiċi tal-UE sa mill-ħolqien tagħhom fl-2007 u b’riżultat ta’ dan qatt ma ntużaw;

AA.  billi b’mod ġenerali, l-Istati Membri ma mmobilizzawx biżżejjed rieda politika matul is-snin biex jagħmlu strumenti importanti bħall-gruppi tattiċi kapaċità affidabbli u li tiffunzjona tajjeb;

AB.  billi f’każijiet fejn il-gruppi tattiċi tal-UE ma jkunux ġew skjerati, l-Istati Membri individwali tal-UE xi kultant, minflok, aġixxew barra mill-qafas tal-UE, jew waħedhom jew ma’ stati oħra tal-UE jew mhux tal-UE, u inevitabbilment illimitaw, jekk mhux ukoll dgħajfu, l-aspirazzjoni ddikjarata tal-UE għall-“integrazzjoni” tal-għodod tal-politika, l-istituzzjonijiet u l-atturi fl-insegwiment tal-interessi u l-valuri komuni, inkluż ukoll fil-politika barranija; billi f’dawn il-każijiet il-Parlament, għalhekk, ma setax jeżerċita sorveljanza demokratika, la formali u lanqas informali;

AC.  billi l-prinċipju tal-“costs lie where they fall” (ħadd ma jħallas l-ispejjeż ta’ ħadd) għall-finanzjament tal-gruppi tattiċi ma jipprovdi l-ebda inċentiv biex l-Istati Membri li jikkontribwixxu t-truppi biex fil-fatt jiskjerawhom meta jkunu fuq stand‑by; billi din kienet raġuni sottostanti għan-nuqqas ta’ rieda min-naħa tal-Istati Membri li jikkontribwixxu truppi;

AD.  billi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Kunsill Ewropew irrikonoxxew formalment in-nuqqas ta’ finanzjament komuni għall-gruppi tattiċi bħala “l-aktar ostaklu sinifikanti”; billi l-evidenza u l-eżempji preċedenti jissuġġerixxu li deher li kien ħafna aktar faċli li tittieħed deċiżjoni jekk ma jkunx hemm spejjeż addizzjonali għan-nazzjonijiet involuti;

AE.  billi kull darba li ġie diskuss l-użu tal-gruppi tattiċi iżda ma kienx hemm qbil dwaru, ġie msaħħaħ preċedent negattiv li jdgħajjef l-ispirtu ta’ solidarjetà u kooperazzjoni;

AF.  billi l-ewwel snin tal-gruppi tattiċi kienu kkaratterizzati minn tnaqqis fil-momentum għall-PSDK, b’mod partikolari minħabba tnaqqis fid-difiża wara l-kriżi finanzjarja tal-2008;

AG.  billi kien hemm konverġenza reali relattivament limitata fost l-Istati Membri dwar il-prijoritajiet rigward it-theddid iffaċċjat mill-Unjoni Ewropea u l-ħtieġa li jkunu kapaċi jwieġbu b’mod rapidu għal tali theddid; billi l-Boxxla Strateġika tagħmel progress konsiderevoli dwar dan permezz tal-analiżi komuni tat-theddid;

AH.  billi approċċ komprensiv huwa prerekwiżit għall-kisba ta’ riżultati sostenibbli fit-tisħiħ tas-sigurtà u l-istabbiltà fiż-żoni ta’ kunflitt; billi l-approċċ integrat tal-UE jipprevedi l-użu koerenti ta’ strumenti differenti fl-istadji differenti tal-kunflitti; billi l-approċċ integrat huwa maħsub ukoll biex jagħti prijorità lill-prevenzjoni u jippromwovi s-sigurtà tal-bniedem tal-popolazzjonijiet lokali;

AI.  billi n-NATO tibqa’ l-qafas istituzzjonali ewlieni għas-sigurtà Ewro-Atlantika;

AJ.  billi l-Unjoni Ewropea għandha bżonn urġenti li terfa’ aktar responsabbiltà għas-sigurtà tagħha stess billi taġixxi fil-viċinat tagħha u lil hinn minnu; billi biex tilħaq dan il-għan, l-UE jeħtiġilha ttejjeb il-kapaċitajiet ta’ sigurtà u ta’ difiża tagħha stess sabiex tiżgura l-awtonomija strateġika tagħha kif ukoll il-kapaċità tagħha li tissalvagwardja l-valuri u l-interessi tagħha stess;

AK.  billi fl-14 ta’ Novembru 2022 il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà (WPS), fejn il-paragrafi 7 u 14 jenfasizzaw b’mod espliċitu l-importanza ta’ tmexxija sinifikattiva min-nisa matul iċ-ċikli sħaħ tal-kunflitti u l-implimentazzjoni tal-aġenda tad-WPS fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK;

AL.  billi d-dikjarazzjonijiet konġunti dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO għandhom jiddefinixxu l-oqsma ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni, jiddeterminaw il-kompiti li għandhom jitwettqu f’kull qafas u jkunu akkumpanjati minn pjanijiet direzzjonali għall-implimentazzjoni tagħhom;

AM.  billi l-Boxxla Strateġika tistabbilixxi pjan direzzjonali ċar għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet fil-livell tal-UE, b’mod partikolari għat-trasformazzjoni tas-sistema tal-gruppi tattiċi tal-UE, l-istabbiliment ta’ Kapaċità ta’ Skjerament Rapidu tal-UE aktar ħafifa u flessibbli, billi nibnu fuq il-gruppi tattiċi tal-UE modifikati b’mod sostanzjali u nwittu t-triq biex l-implimentazzjoni ta’ kompiti speċifiċi tal-PSDK tiġi fdata lil grupp ta’ Stati Membri fi ħdan il-qafas tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 42(5) u l-Artikolu 44 TUE;

AN.  billi l-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE hija element essenzjali tal-Boxxla Strateġika, u għalhekk għandha tiġi implimentata b'urġenza u għandha tingħata l-livell meħtieġ ta' urġenza mill-Istati Membri tal-UE; billi biex tkun operattiva għalkollox, il-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE għandha tegħleb l-ostakli li l-gruppi tattiċi ħabbtu wiċċhom magħhom fil-passat u m'għandhiex tirrepeti l-istess żbalji;

AO.  billi, kif iddikjarat fil-Boxxla Strateġika, il-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE għandha tkun ibbażata fuq xenarji operattivi predefiniti kif ukoll fuq esperjenza prattika fuq il-post fl-użu tal-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE u għandha tqis, fost oħrajn, il-linji gwida fil-Boxxla Strateġika;

AP.  billi l-Artikolu 44 TUE qatt ma ntuża, u huwa impreċiż f'termini ta' kif jaħdem fil-prattika;

AQ.  billi l-Artikolu 44 TUE jipprevedi possibbiltajiet ta' reazzjoni fi ħdan qafas tal-UE għal kriżijiet differenti b'mod aktar rapidu u flessibbli bl-għan li jiġu ssalvagwardjati l-valuri u l-interessi tal-Unjoni; billi wara li l-Kunsill (li jirrappreżenta 27 Stat Membru) ikun iddeċieda li joħloq grupp ta' Stati Membri skont l-Artikolu 44 TUE, l-Istati Membri f'dan il-grupp jistgħu jeżerċitaw l-awtonomija tagħhom ta' teħid ta' deċiżjonijiet u jużaw il-veto kontra kwalunkwe deċiżjoni oħra tal-Kunsill;

AR.  billi l-implimentazzjoni possibbli tal-Artikolu 44 TUE, kif ukoll il-ħolqien u l-operat tal-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE, għandhom jitqiesu aspetti ewlenin tal-PSDK li dwarhom il-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) jeħtieġ li jikkonsulta regolarment lill-Parlament;

AS.  billi, f'konformità mal-Artikolu 41 TUE u abbażi tal-esperjenza tal-kulleġġ Ewropew ta' sigurtà u ta' difiża, in-nefqa amministrattiva għall-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE għandha titħallas mill-baġit tal-Unjoni ħlief għan-nefqa li hija koperta mill-EPF, filwaqt li xorta titħalla l-possibbiltà li l-Istati Membri parteċipanti jagħmlu kontribuzzjonijiet mingħajr ħlas lill-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE;

AT.  billi l-kompiti ta' Petersberg jinkludu kompiti umanitarji u ta' salvataġġ, il-prevenzjoni tal-kunflitti u ż-żamma tal-paċi, kompiti ta' forzi tal-kumbattiment għall-ġestjoni ta' kriżijiet, inklużi operazzjonijiet ta' żamma tal-paċi, operazzjonijiet konġunti ta diżarm, kompiti ta' konsulenza u ta' assistenza militari, kif ukoll kompiti ta' stabbilizzazzjoni wara l-kunflitti;

AU.  billi, għalhekk, l-ambitu tal-ispejjeż komuni għall-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE għal missjonijiet barra l-Unjoni għandu jiġi estiż; billi, f'dak ir-rigward, jista' jkun meħtieġ aġġornament tal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE jew li jiġu proposti atti ġodda tal-Unjoni, biex jirriflettu dak kollu li ntqal hawn fuq;

AV.  billi, f'konformità mal-Boxxla Strateġika, il-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija hija l-istruttura preferita ta' kmand u kontroll għall-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE fil-livell militari-strateġiku u għandha tilħaq il-kapaċità operattiva sħiħa tagħha mill-aktar fis possibbli, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2018, li stabbilew l-2020 bħala l-iskadenza għal dan;

AW.  billi l-atti rilevanti tal-Unjoni għandhom jiġu aġġornati biex jirriflettu dak kollu li ntqal hawn fuq;

L-istabbiliment ta' Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-Unjoni Ewropea

1.  Jilqa' l-proposta tal-VP/RGħ, minquxa fil-Boxxla Strateġika approvata mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin u tad-Difiża tal-UE u approvata mill-Kunsill Ewropew, biex tiġi stabbilita l-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE; jisħaq fuq l-importanza li l-UE jkollha l-istrumenti flessibbli, robusti u kredibbli, il-kapaċitajiet u l-istruttura ta' kmand u ta' kontroll meħtieġa biex tieħu azzjoni effettiva u tirrispondi malajr u b'mod deċiżiv biex tipprevjeni u ġġestixxi l-kriżijiet sabiex tasserixxi lilha nnifsha bħala attur aktar kredibbli fir-rigward tas-sigurtà u d-difiża u sservi u tipproteġi madwar id-dinja ċ-ċittadini, l-interessi, il-prinċipji u l-valuri tal-Unjoni minquxa fl-Artikolu 21 TUE; iqis li l-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE hija kruċjali biex jitnaqqas id-distakk bejn il-livell ta' ambizzjoni tal-UE u l-kapaċitajiet reali tagħha; jissottolinja, f'dan il-kuntest:

   (a) li l-ħtiġijiet identifikati fil-Boxxla Strateġika u l-iżviluppi fl-ambjent operattiv għandhom jiġu kkunsidrati fil-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE;
   (b) in-neċessità li l-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE tiġi ddisinjata biex tirrifletti l-kuntest ġeopolitiku ġdid;
   (c) li l-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE għandha tilħaq il-kapaċità operattiva sħiħa tagħha sa mhux aktar tard mill-2025;

2.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-VP/RGħ jipproponi deċiżjoni tal-Kunsill għal Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE li tipproteġi l-valuri tal-Unjoni u taqdi l-interessi tal-Unjoni inġenerali, li tirrispondi għal theddid imminenti jew li tirreaġixxi malajr għal sitwazzjoni ta' kriżi barra l-Unjoni inkluż f'ambjenti mhux permissivi u matul l-istadji kollha ta' ċiklu ta' kunflitt skont dawn il-linji, filwaqt li jitqies ukoll it-tibdil fil-kuntest ġeopolitiku:

   (a) il-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE għandha tiġi stabbilita bħala wieħed mit-tipi ta' kapaċità militari tal-Unjoni Ewropea għar-rispons għall-kriżijiet bl-identità ġuridika u istituzzjonali proprja, biex il-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE tkun tista' tiġi stabbilita bħala forza li tkun disponibbli b'mod permanenti u li titħarreġ flimkien bl-għan li ssir forza permanenti;
   (b) il-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE għandha tirrifletti l-isfidi, ir-riskji u t-theddid identifikati fl-Analiżi tat-Theddid tal-UE, tinkludi l-kompiti ta' Petersberg kollha identifikati fl-1992 u tiffoka l-ippjanar kunċettwali tagħha fuq il-kompiti ta' ġestjoni tal-kriżijiet stabbiliti fl-Artikolu 43 TUE, fost oħrajn; il-kompiti tagħha għandhom jinkludu wkoll operazzjonijiet ta' salvataġġ u evakwazzjoni, id-dħul inizjali u l-fażi inizjali ta' operazzjonijiet ta' stabbilizzazzjoni, rinfurzar temporanju ta' missjonijiet oħra u li taġixxi bħala forza ta' riżerva biex tiżgura l-ħruġ; il-Kunsill jista' jassenja kompiti ulterjuri skont l-Artikolu 43 TUE u t-tul ta' żmien u l-ambitu tal-kompiti għandhom ikunu konsistenti mar-riżorsi allokati lill-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE; jinnota li għandha tiddaħħal il-flessibbiltà fl-ippjanar tal-kompiti u x-xenarji sabiex il-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE tkun lesta biex tindirizza s-sitwazzjonijiet ta' kriżi kollha possibbli;
   (c) il-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE għandha tkun magħmula minn minimu ta' 5 000 truppa, esklużi l-faċilitaturi strateġiċi, bħall-persunal ta' tasport bl-ajru u bil-baħar, l-assi tal-intelligence, it-trasport strateġiku u l-komunikazzjonijiet satellitari u l-assi ta' rikonjizzjoni strateġika, il-forzi tal-operazzjonijiet speċjali u l-unitajiet tal-evakwazzjoni u l-kura medika, bi skadenzi differenti "notice to move" għal partijiet differenti tal-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE, b'uħud ikollhom "notice to move" ta' bejn ħamest ijiem u għaxart ijiem; jinnota li numru eżatt rigward in-numru minimu ta' truppi jista' jiġi vvalutat biss wara li l-pjanifikaturi kunċettwali jkunu analizzaw ix-xenarji potenzjali;
   (d) il-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE għandha twettaq eżerċizzji konġunti regolari fil-livell strateġiku, tal-forzi konġunti u tattiku f'konformità mal-istandards tan-NATO f'qafas tal-UE bbażat fuq xenarji operattivi u skont standards uniformi ta' taħriġ u ċertifikazzjoni, bħal dawk tan-NATO, sabiex jittejbu l-istat ta' tħejjija u l-interoperabbiltà; l-eżerċizzji għandhom jiġu skedati mill-VP/RGħ u għandhom jiġu ppjanati u mmexxija mill-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija sabiex jiżdiedu l-istat ta' tħejjija u l-interoperabbiltà; jisħaq li x-xenarji operattivi għandhom ikunu flessibbli u adattati għar-realtajiet ġeopolitiċi, ix-xenarju ta' theddid attwali u x-xenarji ta' skjerament possibbli tal-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE; jissottolinja l-ħtieġa vitali li jsiru eżerċizzji reali regolari mill-2023 'il quddiem;
   (e) l-elementi kollha tal-forza tal-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE għandhom jiġu assenjati esklużivament lilha, filwaqt li xorta titħalla l-possibbiltà li l-Istati Membri jsejħulhom għad-dmir nazzjonali f'każ ta' emerġenza; jenfasizza li l-VP/RGħ għandu jkollu rwol ewlieni fis-sinkronizzazzjoni tal-azzjonijiet man-NATO biex l-ambizzjonijiet tal-UE ma jiġux influwenzati min-NATO u viċi versa, inkluż permezz tal-allinjament tal-kategoriji ta' tħejjija tal-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE u l-Mudell tal-Forzi tan-NATO; jisħaq li s-"single-hatting" biss jiżgura l-operazzjonalizzazzjoni tal-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE u d-disponibbiltà tal-forzi u l-kapaċitajiet tagħha f'każ ta' kriżi; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, biex jonoraw l-impenji rispettivi tagħhom ħalli jiżguraw it-tħejjija operattiva tal-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE; jilqa', f'dan ir-rigward, it-tielet Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO u jissottolinja l-importanza ta' passi ulterjuri bl-għan tal-approfondiment ta' din ir-relazzjoni, abbażi tal-Boxxla Strateġika tal-UE, il-Kunċett Strateġiku l-ġdid tan-NATO u passi konkreti biex din il-kooperazzjoni tissaħħaħ aktar;
   (f) il-biċċa l-kbira tal-moduli tal-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE jkollhom bżonn jibqgħu f'livell ta' tħejjija standard, ħlief dawk għal kompiti ta' urġenza kbira; jinnota li, skont is-sitwazzjoni tas-sigurtà, il-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija tista' tiddeċiedi li żżid l-istat ta' tħejjija ta' moduli meħtieġa għal missjoni speċifika;
   (g) il-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE tkun tiddependi fuq unitajiet b'rotazzjoni b'perjodu ta' rotazzjoni ta' 12-il xahar sabiex jitneħħew l-inċentivi għall-Istati Membri li jipposponu t-teħid tad-deċiżjonijiet meta jkunu ħadu t-tmexxija tal-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE;
   (h) il-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE trid tkun tista' tiġi skjerata fil-post, u meta jkunu fl-azzjoni l-Istati Membri parteċipanti kollha jridu jinnotifikaw lill-Kwartieri Ġenerali tal-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE dwar liema unitajiet u tagħmir, inkluż it-trasport bl-ajru, bil-baħar u fuq l-art, se jkunu b'mod permanenti għad-dispożizzjoni tal-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE sabiex il-pajjiż responsabbli jista' jiskjerahom mingħajr dewmien; il-pajjiżi li ma jkollhomx biżżejjed persunal, materjal jew kapaċità loġistika għandhom jistabbilixxu ftehimiet minn qabel ma' pajjiżi oħra sabiex ikunu jistgħu jonoraw l-impenji tagħhom fil-konfront tal-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE meta jieħdu t-tmexxija tal-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE;
   (i) il-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE tkun iffinanzjata kif ġej:
   (i) f'konformità mal-Artikolu 41 TUE, l-ispiża amministrattiva tal-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE għandha titħallas mill-baġit tal-Unjoni; dment li l-baġit tal-PESK jiżdied b'mod konsiderevoli u li, b'konsegwenza ta' dan, ma jitnaqqasx il-baġit tal-missjonijiet ċivili li għaddejjin tal-PSDK;
   (ii) l-ispiża operattiva, inkluż għal eżerċizzji konġunti għal ċertifikazzjoni ta' kapaċità operattiva sħiħa (FOC) u l-ispejjeż tal-munizzjon, il-kiri ta' tagħmir militari mill-UE u l-ispejjeż relatati mal-organizzazzjoni u t-twettiq ta' eżerċizzji reali, għandhom jiġu minn EPF rivedut b'baġit akbar; jinnota li r-regoli baġitarji tal-EPF jippermettu dan "jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk" u jħeġġeġ lill-Kunsill jieħu deċiżjonijiet pożittivi f'każijiet bħal dawn; jappella wkoll, f'dan ir-rigward, għal estensjoni tal-ambitu tal-ispejjeż komuni għall-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE; jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2022 u l-approvazzjoni tal-Kunsill Ewropew biex il-baġit tal-EPF jiżdied b'EUR 2 biljun għall-2024-2027;
   (iii) il-gruppi tattiċi tal-UE għandhom jiġu ffinanzjati fil-livell tal-UE matul il-fażijiet ta' stand-up, stand-by u stand-down tagħhom; il-finanzjament għalihom għandu jkopri wkoll l-ispejjeż għas-sostituzzjoni tat-tagħmir mitluf jew użat fl-azzjoni;

3.  Jistieden lill-Istati Membri juru rieda politika u jipprovdu l-ammont xieraq ta' fondi u persunal meħtieġa biex tittieħed azzjoni mill-aktar fis possibbli biex is-sistema tal-gruppi tattiċi tal-UE tinbidel fi strument aktar robust u flessibbli skont il-ħtiġijiet tal-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jadattaw il-proċeduri nazzjonali biex jippermettu skjeramenti rapidi, filwaqt li jirrikonoxxi l-kultura strateġika, il-kapaċitajiet u l-kompetenzi tal-Istati Membri stess fir-rigward tas-sigurtà u d-difiża;

5.  Jisħaq li l-iżvilupp tal-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE għandu jkun ibbażat fuq it-tagħlimiet meħuda mill-gruppi tattiċi tal-UE u li l-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE m'għandhiex titqies bħala kunċett rivedut ta' gruppi tattiċi tal-UE; iqis li l-kunċett tal-gruppi tattiċi tal-UE għandu dgħufijiet fid-disinn strutturali li ppermettew lill-Istati Membri jwettqu kalkoli nazzjonali tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji kull darba li saret talba għal skjerament u jużaw il-veto tagħhom filwaqt li jagħtu spjegazzjonijiet għal dan; jinnota li l-livell ogħla ta' ambizzjoni tal-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE meta mqabbel mal-gruppi tattiċi huwa għalhekk primarjament kwalitattiv għaliex isolvi n-nuqqasijiet tal-gruppi tattiċi; iqis li l-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE għandha potenzjal kbir ħafna li ttejjeb sostanzjalment il-gruppi tattiċi u tieħu tagħlimiet minnhom, issaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-UE u tikkontribwixxi b'mod pożittiv għall-approċċ integrat tal-UE għas-sigurtà u l-paċi;

6.  Jenfasizza li l-iskjerament rapidu jirrikjedi flessibbiltà fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u l-istat ta' tħejjija xieraq tal-moduli militari, li, minbarra l-forzi tal-art, jinkludu l-komponenti meħtieġa għall-operazzjonijiet bl-ajru, bil-baħar u speċjali u faċilitaturi strateġiċi;

7.  Jisħaq fuq il-progress insuffiċjenti tal-UE rigward il-faċilitaturi strateġiċi matul l-aħħar 20 sena u jitlob lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE jindirizzaw b'urġenza n-nuqqasijiet fil-kapaċitajiet u jimpenjaw ruħhom li jnaqqsu b'mod sostanzjali d-distakki kritiċi sal-2025, b'mod partikolari dawk marbuta mal-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE u d-distakki strutturali; jenfasizza li dawn il-faċilitaturi strateġiċi jeħtieġ li jkunu mfassla apposta għall ħtiġijiet tal-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE u jkunu prijoritizzati għall-użu tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ, barra minn hekk, biex jidentifikaw ukoll il-ħtiġijiet finanzjarji għall-indirizzar ta' dawn id-distakki; jissottolinja, f'dan ir-rigward, ir-rwol tal-EDF fl-indirizzar tan-nuqqasijiet fil-kapaċitajiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu kunsiderazzjoni speċjali lill-ħtiġijiet potenzjali tal-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE f'oqfsa eżistenti bħall-PESCO; jilqa' l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex tiffaċilita l-akkwist konġunt bħala strument komplementari għat-titjib tal-kapaċitajiet u l-interoperabbiltà tal-UE;

8.  Jenfasizza li d-disponibbiltà ta' faċilitaturi strateġiċi Ewropej jeħtieġ li tittejjeb peress li din hija prekundizzjoni għal Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE operattiva għalkollox u mgħammra adegwatament li tinkludi serviziz ta' intelligence, sorveljanza u rikonjizzjoni robusti, proattivi u jekk possibbli, awtonomi, kapaċitajiet ta' trasport strateġiku, b'mod partikolari bl-ajru, riforniment ta' fjuwil fl-ajru, komunikazzjonijiet satellitari, assi ta' komunikazzjoni spazjali, unitajiet ta' kura u evakwazzjoni medika u kapaċitajiet ta' difiża ċibernetika li jistgħu jivvalutaw sew evalwazzjonijiet ta' sitwazzjoni ta' kriżi;

9.  Jenfasizza li l-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE għandha ssir gradwalment operattiva għal xenarji differenti skont il-maturità tal-faċilitaturi strateġiċi tagħha, mill-operazzjonijiet l-inqas impenjattivi sa dawk l-aktar impenjattivi;

10.  Jirrimarka dwar il-fatt li aktar sforzi u investimenti fil-faċilitaturi strateġiċi jikkontribwixxu wkoll għal appoġġ Ewropew usa' għan-NATO; jissottolinja li l-UE tiddependi l-aktar mill-Istati Uniti għall-faċilitaturi strateġiċi; jirrimarka, barra minn hekk, li s-setgħat leġiżlattivi tal-UE f'oqsma essenzjali bħall-gwerra ibrida, is-sigurtà ċibernetika jew il-politika spazjali għandhom impatt sostanzjali fuq l-iżvilupp u d-disponibbiltà tal-faċilitaturi strateġiċi meħtieġa għall-operazzjonalizzazzjoni tal-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE; jissottolinja, għalhekk, il-ħtieġa ta' koordinazzjoni orizzontali fl-oqsma politiċi kollha fl-UE;

11.  Jisħaq li l-iskjerament rapidu jirrikjedi żieda fit-tħejjija u l-kooperazzjoni ta-UE billi tissaħħaħ il-mobbiltà militari; jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari 2.0, speċjalment l-għan iddikjarat tiegħu li jappoġġa movimenti fuq skala kbira ta' forzi militari fl-UE kollha, li huma kruċjali biex l-UE tkun tista' tiskjera l-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE fi żmien qasir;

12.  Jenfasizza li l-aspirazzjonijiet tal-Boxxla Strateġika se jiġu ssodisfati biss jekk l-Istati Membri jkunu kapaċi jżidu u jikkoordinaw kif xieraq il-programmi ta' akkwist fil-qasam tad-difiża u l-kapaċitajiet ta' difiża nazzjonali tagħhom; ifakkar, f'dan ir-rigward, li investiment kontinwu fl-indirizzar tan-nuqqasijiet militari tal-Ewropa għandu jinkiseb permezz ta' kollaborazzjoni Ewropea peress li huwa rekwiżit bażiku biex il-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE tiġi varata b'mod effettiv u biex jingħata kontribut siewi għall-iżvilupp tal-UE bħala attur ġeopolitiku serju u kredibbli; jilqa', barra minn hekk, l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex tiffaċilita l-akkwist konġunt bħala strument komplementari għat-titjib tal-kapaċitajiet u l-interoperabbiltà tal-UE;

13.  Iqis li ċ-Ċentru Satellitari tal-UE għandu jipprovdi s-servizzi u l-għarfien espert tiegħu lill-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE u jitlob li jsiru l-arranġamenti futuri meħtieġa, inkluż l-iżgurar li l-EUSatCen ikollu finanzjament adegwat disponibbli;

Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija

14.  Jirrimarka li l-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE għandu jkollha kwartieri ġenerali operattivi permanenti u żviluppati għalkollox taħt il-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija u għandha tiżgura l-effikaċja tagħha billi tikkunsidra dan li ġej:

   (a) il-kapaċità operattiva sħiħa tagħha għandha tinkiseb minnufih peress li l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2018 stabbilew l-2020 bħala l-iskadenza; jenfasizza l-ħtieġa li jsir progress fir-rigward tal-kooperazzjoni ċivili-militari;
   (b) kwartieri ġenerali attivi u permanenti jirrikjedu sa 350 membru tal-persunal li jkunu kapaċi jippjanaw u jmexxu l-iskjeramenti tal-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE meta tilħaq l-FOC;
   (c) għandha torganizza taħriġ u eżerċizzji reali konġunti, issegwi l-approċċ integrat tal-UE għall-kunflitti u l-kriżijiet esterni filwaqt li tevita duplikazzjoni mhux meħtieġa mal-inizjattivi tan-NATO, u taħdem b'mod konġunt ma' strutturi oħra relatati mal-PSDK bħas-SEAE, il-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija, iċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-UE, l-Istat Maġġur tal-UE u l-Kummissjoni;
   (d) il-kwartieri ġenerali għandu jkollhom infrastruttura adegwata, struttura integrata ta' komunikazzjoni u informazzjoni sigura bbażata fuq il-programm ta' konnettività sigura tal-UE, u faċilitajiet għal laqgħat siguri u għall-użu tas-servizzi tal-intelligence; jitlob lill-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija tindirizza n-nuqqas ta' sistemi ta' komunikazzjoni interoperabbli bejn il-forzi tad-difiża tal-UE;
   (e) jissottolinja l-ħtieġa ta' finanzjament xieraq biex il-kwartieri ġenerali jwettqu l-funzjonijiet u l-kompiti li ngħataw mandat li jwettqu;

15.  Jissuġġerixxi li jinżammu kwartieri ġenerali operattivi "b'livell għoli ta' tħejjija" bħala soluzzjonijiet alternattivi ta' kmand tal-UE sabiex jiġu antiċipati xenarji li fihom diversi kriżijiet iseħħu fl-istess żmien;

16.  Jissottolinja li l-Artikolu 36 TUE jirrikjedi li l-VP/RGħ jinforma regolarment lill-Parlament u għalhekk għandu jagħmel dan rigward il-progress li jkun sar biex il-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija tiġi żviluppata fi struttura sħiħa ta' kmand u kontroll, li tkun kapaċi tippjana, tikkontrolla u tikkmanda kompiti u operazzjonijiet mhux eżekuttivi u eżekuttivi, biex b'hekk il-Parlament ikun jista' jeżerċita skrutinju, b'mod partikolari ta' jekk l-azzjonijiet kollha tal-UE humiex koordinati biżżejjed biex jiġu mmassimizzati l-koerenza u l-effikaċja;

L-Artikolu 44 TUE – azzjoni f'isem l-Unjoni Ewropea

17.  Jenfasizza li l-użu tal-Artikolu 44 TUE jista' joffri benefiċċji sinifikanti, bħall-ħeffa, il-flessibbiltà u l-libertà ta' azzjoni, filwaqt li jippreserva l-azzjoni konġunta tal-UE f'sitwazzjonijiet fejn l-iskjerament tat-truppi jrid ikun rapidu sabiex tiġi evitata eskalazzjoni ulterjuri u fejn ir-riskji għat-truppi ta' kumbattiment jkunu ta' livell għoli; jenfasizza li t-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-iskjerament tal-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE abbażi tal-Artikolu 44 TUE jippermetti wkoll l-involviment ta' pajjiżi terzi fil-missjonijiet tal-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE fejn ikun meħtieġ u mixtieq;

18.  Jistieden lill-Istati Membri biex jaġixxu f'isem l-Unjoni Ewropea kif ingħataw mandat li jagħmlu mill-Kunsill skont l-Artikolu 44 TUE u biex, għalhekk, jużaw l-għodod kollha fit-Trattat biex iżidu l-kredibbiltà, il-flessibbiltà u l-effiċjenza tal-ġestjoni tal-kriżijiet tal-UE;

19.  Jistieden lill-Istati Membri, barra minn hekk, biex jaġixxu skont l-Artikolu 44 TUE abbażi ta' proposta mill-VP/RGħ, inkluż jekk dan jiġi ssuġġerit minn qabel minn Stat Membru, wara li jingħataw approvazzjoni unanima mill-Kunsill, li tista' tinkiseb bl-użu tal-astensjoni kostruttiva; iħeġġeġ lill-Istati Membri fdati bl-implimentazzjoni tal-kompitu jużaw il-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata għad-deċiżjonijiet sussegwenti tagħhom;

20.  Iqis li l-inċentivi politiċi u ekonomiċi jeħtieġ li jinbidlu sabiex jittejbu l-prospetti għall-użu tal-Artikolu 44 TUE; jitlob li l-Istati Membri li jużaw l-Artikolu 44 TUE jingħataw aċċess akbar għall-finanzjament komuni biex ikopru l-ispejjeż addizzjonali u biex jingħataw aktar flessibbiltà għal deċiżjonijiet operattivi u għall-abbozzar ta' kunċetti ta' ġestjoni tal-kriżijiet u ta' pjanijiet operattivi; jissuġġerixxi l-użu ta' xenarji biex jiġu simulati użi possibbli tal-Artikolu 44 TUE minn qabel u biex jiġu ċċarati modalitajiet assoċjati;

21.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ jinforma regolarment lill-Parlament kif previst fl-Artikolu 36 TUE u jiżgura li l-fehmiet tal-Parlament jitqiesu kif xieraq fil proposti tal-VP/RGħ;

22.  Jisħaq li l-Istati Membri u l-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE jeħtiġilhom isegwu l-approċċ integrat tal-UE sabiex jiżguraw koordinazzjoni effettiva ta' rispons tal-UE matul il-fażijiet differenti ta' kriżi jew kunflitt, filwaqt li jikkombinaw attivitajiet ta' difiża u sigurtà ma' azzjonijiet ta' żvilupp u diplomazija;

23.  Jenfasizza li l-użu tal-Artikolu 44 TUE jipprovdi benefiċċji sinifikanti meta mqabbel mal-Istati Membri li jaġixxu barra mill-qafas tal-UE;

Aġġornament ta' atti legali rilevanti

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-bidliet xierqa għar-Regolamenti Finanzjarji u tal-Persunal tal-UE, għall-ftehim interistituzzjonali rilevanti dwar kwistjonijiet baġitarji, u għal atti oħra tal-Unjoni kif meħtieġ;

25.  Jistieden lill-VP/RGħ jipproponi d-deċiżjonijiet meħtieġa tal-Kunsill, flimkien mal-Kummissjoni fejn xieraq;

Drittijiet tal-ġeneri, soċjali u tal-ħaddiema

26.  Jenfasizza li l-parteċipazzjoni tan-nisa fill-PSDK tikkontribwixxi għall-effikaċja tal-missjonijiet u hija mutur tal-kredibbiltà tal-UE bħala difensur tal-ugwaljanza tal-ġeneri madwar id-dinja; jappella għal integrazzjoni sinifikanti tal-perspettiva tal-ġeneri fil-formulazzjoni tal-PSDK, b'mod partikolari permezz ta' bilanċ aħjar bejn il-ġeneri fil-persunal u t-tmexxija tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK u t-taħriġ speċifiku tal-persunal skjerat; jitlob li l-persunal militari kollu skjerat mill-UE jiġi mħarreġ biżżejjed dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, u speċifikament dwar kif jintegraw il-perspettiva tal-ġeneri fil-kompiti tagħhom;

27.  Jinnota li l-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE se tkun magħmula minn forzi li se jitħarrġu u jaħdmu flimkien u li, dment li jkunu taħt kmand tal-UE, it-truppi assenjati għall-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu tal-UE għandhom igawdu drittijiet soċjali u tax-xogħol ugwali;

o
o   o

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14.
(2) Testi adottati, P9_TA(2023)0010.

Aġġornata l-aħħar: 21 ta' April 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza