Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' April 2023 dwar ir-repressjoni tad-dritt għall-edukazzjoni u tal-attivisti favur id-drittijiet għall-edukazzjoni fl-Afganistan, inkluż il-każ ta’ Matiullah Wesa (2023/2648(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi fis-27 ta’ Marzu 2023 l-attivist favur l-edukazzjoni Afgan Matiullah Wesa, il-kap tal-organizzazzjoni PenPath, ġie arrestat flimkien ma’ diversi membri tal-familja tiegħu mir-reġim Taliban u għadu detenut mingħajr aċċess għall-familja tiegħu u mingħajr il-kapaċità li jikkontesta l-legalità tad-detenzjoni tiegħu;
B. billi mindu t-Talibani ħadu f’idejhom il-kontroll, in-nisa u l-bniet iffaċċjaw persekuzzjoni abbażi tal-ġeneru u restrizzjonijiet dejjem akbar fuq id-drittijiet fundamentali tagħhom, speċjalment fir-rigward tal-edukazzjoni, il-libertà tal-moviment u d-dritt għax-xogħol tagħhom; billi n-nisa prattikament tħassru mill-oqsma kollha tal-ħajja pubblika;
C. billi t-Talibani qed jippjanaw li jirrevedu l-kurrikulu nazzjonali biex l-edukazzjoni sekulari moderna tiġi sostitwita b’tagħlim reliġjuż u jiżviluppaw network nazzjonali ta’ skejjel reliġjużi; billi l-Afganistan issa huwa l-uniku pajjiż fid-dinja li jirrifjuta li jippermetti li n-nisa u l-bniet jirċievu edukazzjoni ogħla mil-livell primarju;
1. Jistieden lill-awtoritajiet de facto tal-Afganistan jeħilsu mid-detenzjoni minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil Matiullah Wesa u lil dawk kollha miżmuma l-ħabs talli eżerċitaw id-drittijiet fundamentali tagħhom; jitlob li d-drittijiet tagħhom jiġu rispettati, inkluż l-aċċess tagħhom għall-membri tal-familja u għal rappreżentanza legali;
2. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri jeżerċitaw pressjoni diplomatika direttament jew indirettament fuq l-awtoritajiet de facto tal-Afganistan biex jiżguraw il-ħelsien ta’ Matiullah Wesa u ta’ attivisti oħra detenuti b’mod arbitrarju, inklużi Rasul Abdi Parsi, Noorayel Kaliwal u Mortaza Behboudi;
3. Jiddeplora l-persekuzzjoni bbażata fuq il-ġeneru u ż-żarmar drammatiku tad-drittijiet tan-nisa fl-Afganistan; jiddenunzja l-projbizzjoni tal-edukazzjoni sekondarja u universitarja, u fuq in-nisa li jaħdmu f’organizzazzjonijiet mhux governattivi u fin-NU; jesprimi s-solidarjetà tiegħu man-nisa u l-bniet Afgani, u ma’ dawk li jpoġġu s-sikurezza tagħhom f’riskju biex jipprovdu edukazzjoni;
4. Jistieden lill-awtoritajiet de facto tal-Afganistan jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tan-nisa u l-bniet u jerġgħu jistabbilixxu l-parteċipazzjoni sħiħa, ugwali u sinifikanti tagħhom fil-ħajja pubblika;
5. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet de facto tal-Afganistan iwettqu l-wegħda tagħhom stess u jirrestawraw l-aċċess ugwali tal-bniet u tan-nisa għall-edukazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi pprovduta edukazzjoni lill-Afgani kollha f’konformità mal-istandards internazzjonali;
6. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ lill-gruppi Afgani li jipprovdu edukazzjoni lin-nisa u l-bniet, inkluż permezz ta’ għażliet ta’ edukazzjoni alternattiva, u jiffinanzjaw programmi ta’ assistenza speċifiċi kemm online kif ukoll permezz tal-edukazzjoni komunitarja;
7. Jinsisti li jinżamm impenn strett u kundizzjonali mat-Taliban abbażi tal-ħames parametri referenzjarji stabbiliti mill-Kunsill għall-involviment mal-awtoritajiet de facto u billi l-awturi ta’ dan il-ksur serju tad-drittijiet tal-bniet u tan-nisa jinżammu responsabbli, inkluż permezz ta’ miżuri restrittivi;
8. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw il-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan u jimpenjaw ruħhom li jġeddu u jsaħħu l-mandat tiegħu;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lin-Nazzjonijiet Uniti.