Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Mejju 2023 dwar ir-riżorsi proprji: bidu ġdid għall-finanzi tal-UE, bidu ġdid għall-Ewropa (2022/2172(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 311 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ Marzu 2007 dwar il-futur tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”)(2),
– wara li kkunsidra r-rapport finali u r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji dwar il-finanzjament futur tal-UE, maħruġ f’Diċembru 2016,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom(3),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020, bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali għall-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda(4) (IIA),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar it-titjib tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027: baġit tal-UE reżiljenti adattat għal sfidi ġodda(5),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (COM(2021)0570),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Il-ġenerazzjoni li jmiss tar-riżorsi proprji għall-baġit tal-UE” (COM(2021)0566),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-16 ta’ Settembru 2020 dwar l-abbozz għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Mejju 1965 dwar proposti mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (PAK) u l-ħolqien ta’ riżorsi proprji għall-KEE(7),
– wara li kkunsidra id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ April 1970 dwar is-sostituzzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri bir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet(8),
– wara li kkunsidra t-Trattat tat-22 ta’ April 1970 li jemenda ċerti disposizzjonijiet baġitarji tat-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej u tat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill Uniku u Kummissjoni Unika tal-Komunitajiet Ewropej(9) (it-Trattat tal-Lussemburgu),
– wara li kkunsidra l-emendi adottati fit-22 ta’ Ġunju 2022 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni, id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u r-Regolament (UE) 2015/757(10),
– wara li kkunsidra l-emendi adottati fit-22 ta’ Ġunju 2022 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera (CBAM)(11),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar l-abbozz tar-regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021 sa 2027(12),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew adottati fil-21 ta’ Lulju 2020,
– wara li kkunsidra l-proġett pilota intitolat “Studju ta’ Fattibbiltà għal użu soċjali mill-ġdid tal-assi ffriżati u kkonfiskati bħala riżultat tas-sanzjonijiet tal-UE adottati wara l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna”(13),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,
– wara li kkunsidra l-ittra mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0155/2023),
A. billi, skont l-Artikolu 311 tat-TFUE, l-Unjoni jeħtiġilha tipprovdi għaliha nnifisha l-mezzi neċessarji sabiex tilħaq l-għanijiet tagħha u twettaq il-politiki tagħha, u l-baġit tagħha, mingħajr preġudizzju għal dħul ieħor, għandu jiġi ffinanzjat kompletament mir-riżorsi proprji; billi l-Artikolu 311 tat-TFUE jipprovdi wkoll li l-Kunsill irid jikkonsulta lill-Parlament Ewropew qabel ma jadotta deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji;
B. billi, minħabba livell għoli ta’ kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-introjtu nazzjonali gross (ING), id-deċiżjonijiet baġitarji huma dipendenti wisq fuq l-Istati Membri; billi l-baġit tal-Unjoni huwa ffinanzjat ukoll minn riżorsi proprji ġenwini permezz ta’ dazji doganali u taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), minħabba li l-Istati Membri għandhom it-tendenza li jqisuhom bħala kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-baġit tal-Unjoni;
C. billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li “l-eżerċizzju mill-Parlament tal-kompetenza baġitarja tiegħu f’seduta plenarja jikkostitwixxi mument fundamentali fil-ħajja demokratika tal-Unjoni”(14);
D. billi l-pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda fil-FII legalment vinkolanti jimpenja lill-istituzzjonijiet iżommu l-kwistjoni tal-finanzjament tal-baġit tal-Unjoni fuq quddiem fl-aġenda politika bil-ħsieb li jiġi żgurat perkors vijabbli għar-rifinanzjament tad-djun imġarrba fil-kuntest ta’ NextGenerationEU (NGEU) u jistipula li l-Kummissjoni tista’ tinkludi, fit-tieni basket ta’ riżorsi proprji ġodda, taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u kontribuzzjoni finanzjarja marbuta mas-settur korporattiv jew bażi komuni ġdida għat-taxxa korporattiva;
E. billi l-ħtieġa li l-NGEU jitħallas lura, ix-xokkijiet ekonomiċi u soċjali tal-invażjoni tal-Ukrajna mhux provokata u mhux ġustifikata mir-Russja, l-impatt qawwi tal-inflazzjoni fuq il-baġit tal-Unjoni u t-tellieqa globali li qed tintensifika biex jissawwar il-futur tal-manifattura tat-teknoloġija tal-enerġija nadifa, alimentati minn interventi pubbliċi massivi minn setgħat globali bħall-Att tal-Istati Uniti dwar it-Tnaqqis tal-Inflazzjoni, u sfidi emerġenti oħra għall-Unjoni, jissottolinjaw il-ħtieġa li tiġi vvalutata mill-ġdid is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, billi jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ ta’ riżorsi proprji ġenwini ġodda sabiex jiġi żgurat finanzjament sostenibbli tal-baġit tal-Unjoni fit-tul;
F. billi l-pandemija tal-COVID-19 kellha riperkussjonijiet kbar fuq in-nisġa soċjali u fuq l-ekonomija tal-UE, u qed tippreżenta sfidi fit-tul għall-irkupru ekonomiku u soċjali tagħna; billi l-pandemija kixfet il-ħtiġijiet ta’ finanzjament importanti fl-Ewropa, li jistgħu jiġu indirizzati bl-aħjar mod permezz ta’ azzjoni komuni dwar politiki ewlenin;
G. billi r-Rapport dwar ir-riżultati finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa tad-9 ta’ Mejju 2022 jinkludi proposta plenarja li “l-UE jeħtieġ li tqis l-impatt soċjali u ekonomiku tal-gwerra kontra l-Ukrajna u tadatta l-governanza ekonomika tagħha għall-kuntest ġeopolitiku l-ġdid, u ssaħħaħ il-baġit proprju tagħha permezz ta’ riżorsi proprji ġodda”; billi, fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, iċ-ċittadini tal-UE pproponew li kemm jissaħħaħ il-baġit tal-Unjoni permezz ta’ riżorsi proprji ġodda(15) kif ukoll li l-Parlament jiddeċiedi dwar il-baġit tal-Unjoni, kif inhuwa d-dritt tal-parlamenti fil-livell nazzjonali(16);
H. billi l-Parlament diġà esprima l-pożizzjoni tiegħu favur l-abolizzjoni tar-ribassi u l-korrezzjonijiet kollha, is-simplifikazzjoni tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT, l-unità tal-baġit tal-UE u l-użu ta’ multi u tariffi bħala dħul addizzjonali għall-baġit tal-Unjoni;
I. billi l-Kummissjoni ppreżentat proposta leġiżlattiva f’Diċembru 2021 li se tintroduċi tliet kategoriji ġodda ta’ riżorsi proprji, ibbażati, rispettivament, fuq l-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS), il-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (CBAM) u l-Ewwel Pilastru tal-konvenzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar it-tassazzjoni korporattiva internazzjonali;
J. billi l-pożizzjoni tal-Parlament tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(17) approvat b’mod ġenerali din il-proposta bħala pass importanti għalkemm insuffiċjenti; billi l-Kunsill qed ikompli jeżamina l-proposta;
K. billi l-leġiżlazzjoni settorjali dwar l-ETS u s-CBAM hija mistennija li tiġi adottata fit-tieni tremestru tal-2023; billi l-konvenzjoni multilaterali dwar l-Ewwel Pilastru tal-ftehim tal-OECD u l-implimentazzjoni armonizzata tiegħu fil-livell tal-Unjoni għadhom pendenti;
L. billi qed jiġu osservati l-ewwel sinjali tal-effett pożittiv tal-politika tar-riżorsa proprja bbażata fuq plastik mhux irriċiklat;
1. Jiddikjara li l-finanzi tal-UE għaddejjin minn perjodu kritiku fejn nuqqas ta’ riforma jkollu effetti detrimentali ħafna fuq il-futur tal-Unjoni Ewropea, u fuq il-politiki u l-objettivi tagħha, u fuq il-fiduċja taċ-ċittadini u tal-investituri fl-Unjoni;
2. Jisħaq fuq l-importanza kruċjali u dejjem tikber tal-baġit tal-Unjoni fit-twettiq tal-objettivi politiċi ewlenin tal-Unjoni, il-programmi ewlenin tagħha u l-kapaċità tagħha ta’ reazzjoni f’każ ta’ kriżi; jissottolinja l-isfidi multipli li l-UE qed tiffaċċja bħall-bini tal-awtonomija strateġika miftuħa tagħha, b’mod notevoli fl-oqsma tal-politika industrijali, is-saħħa, l-ispazju, l-ikel, il-materja prima, is-sustanzi kimiċi, ir-reżiljenza, it-tmiem tad-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili Russi, il-promozzjoni tat-tranżazzjoni ħadra u tat-tranżazzjoni diġitali filwaqt li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-kriżi tal-bijodiversità, it-twettiq tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, l-iżgurar tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, it-tlestija tal-unjoni tas-saħħa u tal-unjoni tal-enerġija, u l-finanzjament ta’ proġetti komuni importanti bħall-kooperazzjoni fid-difiża, il-protezzjoni ċivili u l-ispazju; ifakkar li l-Kummissjoni ddikjarat li l-ħtiġijiet mhux previsti maħluqa mill-gwerra fl-Ewropa huma ferm lil hinn mill-mezzi disponibbli fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) attwali; iqis li l-politiki u l-isfidi l-ġodda kollha tal-Unjoni jridu jinvolvu mezzi finanzjarji ġodda u riżorsi ġodda addizzjonali;
3. Itenni, f’dan ir-rigward, li finanzjament sod, affidabbli u reżiljenti tal-baġit tal-Unjoni jeħtieġ sett diversifikat u estiż ta’ riżorsi proprji; huwa konvint li hemm potenzjal kbir f’riforma mfassla tajjeb tar-riżorsi proprji tal-Unjoni mhux biss għat-tisħiħ tal-finanzjament tal-ħtiġijiet baġitarji tagħha, iżda wkoll biex tingħata spinta lir-riżultati tal-politika tagħha, jittejjeb il-bilanċ fiskali bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u jiżdied il-valur għall-finanzi pubbliċi ġenerali;
4. Ifakkar li l-Unjoni hija obbligata tħallas lura l-kapital u l-imgħax tal-fondi mislufa fil-qafas tal-Pjan ta’ Rkupru tal-UE; ifakkar, f’dan ir-rigward, li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni adottaw “pjan ta’ ħlas” fil-forma ta’ ftehim interistituzzjonali legalment vinkolanti li jistabbilixxi pjan direzzjonali għall-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda biex ikopru l-ispejjeż tas-self kollha; ifakkar, f’dan il-kuntest, li l-klassifikazzjoni AAA tal-Unjoni bħala mutwatarju kważi sovran tiddependi, inter alia, fuq l-affidabbiltà u l-kredibbiltà tas-segwitu mogħti mill-istituzzjonijiet għall-impenn politiku tagħhom li jintroduċu riżorsi proprji ġodda; ifakkar li l-ispejjeż ta’ ħlas lura tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru (EURI) u l-fluttwazzjonijiet tagħhom diġà qed iħallu impatt negattiv fuq il-baġit tal-Unjoni u jtenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tindirizza l-kwistjoni tal-EURI fir-rieżami tan-nofs it-terminu tal-QFP u tqiegħed il-linja baġitarja tal-EURI ’il fuq mil-limiti massimi tal-QFP;
5. Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar il-proposta għal emenda tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji; ifakkar li b’mod ġenerali huwa approva l-inizjattiva li jiġu introdotti tliet sorsi ġodda ta’ dħul ibbażati fuq l-ETS, is-CBAM u r-rikavati tal-Ewwel Pilastru tal-OECD;
6. Jesprimi l-aspettattivi għoljin tiegħu li, bir-riżorsi proprji bbażati fuq l-ETS u s-CBAM, id-domanda li ilha teżisti għal rabta aħjar tan-naħa tad-dħul tal-baġit tal-Unjoni mal-politiki ambjentali u r-raġuni fundamentali għall-integrazzjoni tal-klima fil-politiki tal-infiq u d-dħul fl-aħħar se ssir operattiva; jinnota li n-negozjati settorjali dwar is-CBAM u l-ETS wasslu għal ftehim; jilqa’ l-fatt li t-testi legali li jirriżultaw fid-Direttiva tal-ETS u r-Regolament tas-CBAM jibqgħu kompletament kompatibbli mal-proposta dwar ir-riżorsi proprji; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jivvalutaw bir-reqqa l-implikazzjonijiet rigward l-istimi tad-dħul; jinsisti li tali analiżijiet ma jintużawx bħala skuża biex jiġi mblukkat it-teħid tad-deċiżjonijiet u jistieden lill-Kunsill jaġixxi kemm jista’ jkun malajr fl-adozzjoni tat-testijiet legali rilevanti; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li fuq perjodu twil ħafna, hekk kif ikompli l-proċess tad-dekarbonizzazzjoni kif ippjanat, ir-rendiment mir-riżorsi proprji ekoloġiċi se jonqos;
7. Jinnota li r-referenza attwali fil-proposta dwar ir-riżorsi proprji għar-riżorsi proprji mir-rikavati tal-Ftehim tal-Ewwel Pilastru tal-OECD/G20 se jkollha tiġi aġġornata skont il-konvenzjoni multilaterali u d-Direttiva tal-Unjoni relatata biex id-dispożizzjonijiet jiġu implimentati fl-Istati Membri b’mod armonizzat; huwa, madankollu, imħasseb ħafna li n-negozjati dwar ir-riforma tal-Ewwel Pilastru qed jimxu bil-mod wisq fuq livell globali;
8. Iqis li dawn ir-riżorsi proprji ġodda huma meħtieġa biex jiġi evitat li l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ Ewropej iħallsu l-prezz għall-ħlas lura tal-kapital u l-imgħax tal-fondi mislufa taħt l-NGEU, jew permezz ta’ żieda fil-piż fuq il-kontribwenti jew permezz ta’ tnaqqis fil-programmi regolari tal-Unjoni li jaffettwaw direttament lill-benefiċjarji u lid-detenturi tal-proġetti; jemmen bis-sħiħ li l-istituzzjonijiet u l-atturi politiċi tal-Unjoni għandhom jikkomunikaw l-merti tal-baġit tal-Unjoni u n-naħa tad-dħul tiegħu b’mod aktar ċar liċ-ċittadini; jinnota d-domanda leġittima tal-Ewropej għal aktar ġustizzja soċjali u fiskali; iwissi kontra kwalunkwe tentattiv biex jitnaqqas il-finanzjament għal politiki ordinarji tal-Unjoni biex jinħoloq spazju għall-ħlas lura tad-dejn tal-Unjoni, peress li dan jipperikola l-għanijiet fit-tul tal-Unjoni, bħall-konverġenza ekonomika, soċjali u territorjali, ir-riċerka u l-innovazzjoni jew it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali;
9. Jiddispjaċih li l-mod attwali kif il-baġit tal-Unjoni huwa ffinanzjat jissuġġettah għal restrizzjonijiet baġitarji nazzjonali, u b’hekk iwassal għal pressjoni ’l isfel fuq il-volum globali tagħha, li diġà huwa modest, u loġika ta’ “juste retour” li ma tirriflettix bis-sħiħ il-prinċipju tas-solidarjetà fil-qalba tal-integrazzjoni tal-UE; jemmen li din l-istruttura hija waħda mir-raġunijiet ewlenin li qed iżżomm lill-Unjoni milli twettaq il-kompiti u l-impenji kollha tagħha b’mod effettiv; huwa mħasseb ħafna dwar il-progress bil-mod li sar mindu nħolqu l-Komunitajiet Ewropej rigward il-modernizzazzjoni tas-sistema tar-riżorsi proprji;
10. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Kunsill għadu ma approvax l-ewwel basket tal-riżorsi proprji l-ġodda; jistieden lill-Istati Membri fil-Kunsill jadottaw ir-riżorsi proprji l-ġodda mill-ewwel pakkett tal-14 ta’ Diċembru 2021 b’urġenza u mingħajr iżjed dewmien; huwa mħasseb ħafna, madankollu, dwar il-fatt li l-ammonti ġġenerati mir-riżorsi proprji l-ġodda mhux se jkunu biżżejjed biex ikopru l-ħlasijiet lura u l-ispejjeż tas-self kollha tal-NGUE (stmati mill-inqas EUR 15-il biljun fis-sena sal-2058); għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tressaq il-pakkett ta’ proposti li jmiss malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard mit-tielet tremestru tal-2023; jinsisti li dawn il-proposti jqisu l-prijoritajiet tal-Parlament kif spjegat hawn;
Id-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament tal-UE u s-sejba ta’ bilanċ ġdid ta’ dħul
11. Iħeġġeġ lill-atturi kollha biex ikomplu l-isforzi biex jidentifikaw riżorsi proprji ġodda u preferibbilment ġenwini, u sorsi oħra ta’ dħul għall-baġit tal-Unjoni bil-għan li tiġi koperta bis-sħiħ in-nefqa globali mistennija għall-ħlas lura tal-kapital u l-imgħax tal-fondi mislufa taħt l-NGEU u li jissaħħaħ il-baġit tal-Unjoni, fejn id-“domma ta’ 1 % tal-PDG tal-UE” għandha tiġi abbandunata; jemmen li l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda lil hinn mill-FII legalment vinkolanti tikseb benefiċċji dejjiema, mhux biss fit-twettiq tal-politiki tal-Unjoni, iżda anke fl-iżgurar tal-pożizzjoni tal-Unjoni bħala emittent tad-dejn kredibbli u intelliġenti;
12. Jissottolinja, għalhekk, li r-rikavati kollha minn riżorsi proprji addizzjonali tal-Unjoni jridu jkunu biżżejjed biex mhux biss biex ikopri s-servizz tad-dejn tal-bonds tal-Unjoni, inklużi l-imposti tal-imgħax, iżda wkoll biex isostni u jiffaċilita l-investimenti Ewropej meħtieġa lil hinn mill-2026;
13. Jemmen li n-naħa tad-dħul tal-baġit tal-Unjoni għandha tintuża b’mod strateġiku biex issaħħaħ il-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-Unjoni, u biex tippromwovi l-innovazzjoni fl-UE, kif ukoll il-ġustizzja soċjali, fiskali u ambjentali; jissottolinja li r-riżorsi proprji ekoloġiċi għandhom jiġu kkomplementati minn riżorsi proprji bbażati fuq it-taxxa mis-settur korporattiv għal raġunijiet ta’ suffiċjenza, ekwivalenza fiskali (dawk li jibbenefikaw mill-Unjoni u s-swieq miftuħa tagħha għandhom jikkontribwixxu wkoll is-sehem ġust tagħhom għall-finanzjament tagħha) u ekwità distributtiva ġenerali fost l-Istati Membri u s-setturi;
14. Jissottolinja li, biex tiġi indirizzati l-kriżi klimatika u l-kriżi fil-bijodiversità, ikun jinħtieġ ukoll li jiġu mmobilizzati aktar riżorsi u jiġu evalwati mill-ġdid il-politiki attwali ta’ inċentivazzjoni fl-Unjoni; jemmen bis-sħiħ li n-naħa tad-dħul tal-baġit tal-Unjoni tista’ tintuża kemm biex twaqqaf ċertu aġir negattiv kif ukoll biex tippermetti li l-investimenti jiksbu tranżizzjoni ekoloġika lejn ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju; jisħaq fuq l-importanza li dawn il-politiki jilħqu l-miri għall-2030 u l-2050, b’mod partikolari billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u jitneħħew b’mod gradwali l-fjuwils fossili;
Tassazzjoni korporattiva (BEFIT)
15. Jistenna bil-ħerqa l-inizjattiva tal-Kummissjoni “L-Intrapriżi fl-Ewropa: Qafas għat-Tassazzjoni tal-Introjtu (BEFIT)” li jmiss fit-tielet trimestru tal-2023; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi ġabra unika ta’ regoli tat-taxxa korporattiva għall-Unjoni, ibbażata fuq il-karatteristiċi ewlenin ta’ bażi komuni tat-taxxa u l-allokazzjoni tal-profitti bejn l-Istati Membri bl-użu ta’ formula jew tqassim skont il-formula ta’ taxxa fuq l-introjtu korporattiv ibbażata fuq ir-regoli tal-BEFIT, bħala riżorsa proprja ġdida fl-ispirtu tal-pjan direzzjonali; jistenna li l-approċċ il-ġdid għal din ir-riżorsa proprja bbażata fuq it-taxxa korporattiva jindirizza kwistjonijiet ta’ differenzi nazzjonali fit-tassazzjoni korporattiva li s’issa fixklu li tinħoloq riżorsa proprja f’dan il-qasam u jippermetti ambitu wiesa’ li jkopri għadd akbar ta’ kumpaniji attivi fis-suq uniku meta mqabbla mal-ftit biss kumpaniji multinazzjonali, fost l-akbar u l-aktar profittabbli, li huma soġġetti għall-Ftehim tal-Ewwel Pilastru tal-OECD; iwissi li, jekk in-negozjati dwar l-Ewwel Pilastru tal-OECD ma jiġux konklużi f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, il-Kummissjoni għandha tqis sorsi oħrajn ta’ dħul minn korporazzjonijiet kbar li joperaw fis-suq uniku;
“Mekkaniżmu ġust fil-fruntieri” tal-UE
16. Jiddeplora l-fatt li l-ktajjen tal-produzzjoni għal ċerti prodotti li jidħlu fis-suq uniku tal-Unjoni jinvolvu ħaddiema minn pajjiżi terzi li ma jirċevux paga deċenti u, f’xi każijiet, jgħixu f’faqar estrem; jirrimarka li l-importazzjoni ta’ dawn il-prodotti bażiċi fl-Unjoni twassal għal kompetizzjoni inġusta (“dumping soċjali”);
17. Jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tipproċedi b’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u b’valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa relatata ma’ proposta leġiżlattiva possibbli dwar “mekkaniżmu ġust fil-fruntieri”, li jirrikjedi li l-kumpaniji li jimportaw prodotti fis-suq uniku tal-Unjoni jħallsu lill-ħaddiema impjegati f’pajjiżi mhux tal-UE fil-katina tal-provvista globali tagħhom paga ta’ kuljum li tkun ogħla mil-linja tal-faqar rilevanti u li tkun biżżejjed biex tippermettilhom jaħarbu l-faqar assolut, kif definit mill-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti; jissottolinja li jekk kumpanija timporta fis-suq uniku tal-UE prodotti magħmula minn ħaddiema f’pajjiżi mhux tal-UE li l-pagi tagħhom huma inqas minn soll fiss bi ksur ta’ tali leġiżlazzjoni, hija jkollha tħallas imposta li tammonta għad-differenza bejn dan is-soll u r-remunerazzjoni effettiva li jirċievu l-ħaddiema tagħhom; iqis li r-rikavati mill-imposti mġarrba matul l-infurzar ta’ tali miżura għandhom jiżdiedu mal-baġit tal-Unjoni; jistenna li l-Kummissjoni tipprovdi stima tal-impatt fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol f’pajjiżi mhux tal-UE, kif ukoll il-kompatibbiltà ta’ tali miżura mar-regoli rilevanti tad-WTO; iqis li tali miżura tista’ ttejjeb il-kompetittività tal-kumpaniji li jipproduċu fl-Unjoni li jikkonformaw ma’ ċerti standards tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol u livelli tal-pagi; jistieden lill-Kummissjoni, meta tikkunsidra “mekkaniżmu ġust fil-fruntieri”, tqis it-tagħlimiet minn mekkaniżmi komparabbli eżistenti fl-Unjoni u madwar id-dinja, bħas-CBAM;
Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji (TTF)
18. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tkopri s-servizzi finanzjarji, inklużi t-tranżazzjonijiet finanzjarji, fit-tieni basket ta’ riżorsi proprji tagħha; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tikkunsidra TTF għall-Unjoni kollha; iħeġġeġ, f’dan il-kuntest, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri involuti fin-negozjati dwar il-kooperazzjoni msaħħa biex jagħmlu l-aħjar li jistgħu ħalli jilħqu ftehim dwar it-TTF qabel l-aħħar ta’ Ġunju 2023; jinkoraġġixxi lill-bqija tal-Istati Membri biex jingħaqdu magħhom; iqis li t-TTF bħala riżorsa proprja għandha dħul potenzjali għoli, u dan jiffaċilita l-ħlas lura tad-dejn tan-Next GenerationEU u jipprovdi mezzi miżjuda biex jiġu ffinanzjati l-prijoritajiet tal-Unjoni; jisħaq li kwalunkwe proposta għandha tkun akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa, tikkontribwixxi għall-objettivi tal-politika tal-Unjoni u ssegwi l-prinċipju tas-sussidjarjetà tal-Unjoni;
19. Jiġbed l-attenzjoni lejn ir-riakkwist dejjem jikber ta’ stokk korporattiv (xiri lura ta’ ishma) fl-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-fattibbiltà ta’ dazju tas-sisa fuq ir-riakkwist ta’ ishma minn korporazzjonijiet, peress li dan jippermetti l-ġenerazzjoni ta’ riżorsi ġodda, filwaqt li tiddiżinċentiva din il-prattika dejjem aktar mifruxa li tippremja lill-azzjonisti barranin għad-detriment tal-investimenti; jistieden lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, tivvaluta l-impatt potenzjali ta’ tali dazju tas-sisa fuq is-suq uniku qabel kwalunkwe proposta futura; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa, bħala għażla oħra, qafas komuni u standardizzat tat-taxxa minn ras il-għajn;
It-taxxa fuq il-kriptovaluti
20. Jissuġġerixxi l-introduzzjoni ta’ taxxa Ewropea fuq il-kriptoassi, li d-dħul minnha jmur fil-baġit tal-Unjoni bħala riżorsa proprja ġdida; jirrimarka li s-suq globali tal-kriptoassi ilu jikber b’mod rapidu (għalkemm mingħajr stabbiltà) mill-kriżi tal-2008, u f’Mejju 2021 il-kapitalizzazzjoni laħqet EUR 2 triljun; jinnota li l-kriptoassi progressivament qed jitqiesu bħala mezz ġenwin ta’ pagament u parti mill-istrateġiji ta’ investiment; jissottolinja li r-regolamentazzjoni u t-tassazzjoni tal-kriptoassi fil-livell tal-Unjoni huma aktar effiċjenti milli fil-livell nazzjonali minħabba l-mobbiltà għolja u d-dimensjoni transfruntiera tagħhom; jisħaq, f’dan ir-rigward, li taxxa Ewropea fuq il-kriptoassi trawwem il-ħolqien ta’ qafas fiskali armonizzat għall-kriptoassi, tkun aktar konsistenti man-natura transfruntiera tas-suq tal-kriptoassi, u tinkoraġġixxi l-adozzjoni ta’ standards fiskali fil-livell globali;
21. Jisħaq li diversi għażliet ta’ tassazzjoni huma konċepibbli għall-kripto assi, bħal taxxa fuq il-qligħ kapitali li jirriżulta minn attivitajiet ta’ kriptoassi (ibbażati fuq rata ta’ imposta uniformi għall-Istati Membri kollha), taxxa fuq it-tranżazzjonijiet tal-kriptoassi jew taxxa fuq il-mining u n-negozjar ta’ kriptoassi determinata skont il-konsum tal-elettriku u l-impatt ambjentali tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-impatt ta’ dawn l-għażliet fuq is-suq Ewropew tal-kriptoassi, tagħmel stima tad-dħul potenzjali u tressaq proposta konkreta;
L-ekonomija diġitali
22. Itenni s-sejħa tiegħu mill-pożizzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2022, meta l-Parlament iddikjara li fil-każ ta’ nuqqas ċar ta’ progress fil-livell tal-OECD lejn il-Konvenzjoni Multilaterali sal-aħħar tal-2023, għandha tiġi ppreżentata proposta leġiżlattiva għal imposta diġitali jew miżura simili li tista’ tiġi ppromulgata unilateralment u li tista’ sservi bħala bażi għal riżorsa proprja tal-Unjoni sabiex tiġġenera dħul sal-2026; jilqa’ l-fatt li d-dibattitu dwar il-kontribut ta’ fornituri ta’ kontenut diġitali kbar għall-ispejjeż tan-network għadu għaddej;
23. Jinnota, barra minn hekk, li l-espansjoni tal-ekonomija tad-data fl-Ewropa wasslet għal żieda qawwija fit-traffiku tad-data, speċjalment matul il-pandemija, u għal benefiċċji ekonomiċi sostanzjali għall-kumpaniji ewlenin tal-internet u s-settur tat-telekomunikazzjoni b’mod ġenerali; huwa konxju tal-impatt ambjentali tal-flussi tad-data; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u tivvaluta miżuri biex tottimizza dan it-traffiku tad-data u tillimita l-marka tal-karbonju tiegħu, inkluż permezz ta’ inċentivi finanzjarji;
Riżorsi proprji bbażata fuq l-istatistika
24. Jara valur miżjud potenzjali għoli fir-riżorsi proprji fil-forma ta’ kontribuzzjonijiet nazzjonali bbażati fuq l-istatistika li jipprovdu lill-Istati Membri inċentiv u premju għall-implimentazzjoni vigoruża tal-politiki fil-livell tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta u tissimula l-impatt ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet nazzjonali kkalkulati fuq il-bażi ta’ statistika fl-oqsma soċjali jew ambjentali, li għalihom tkun disponibbli fuq bażi annwali data armonizzata komuni, affidabbli u robusta tal-Eurostat;
25. Iqis li l-ambitu eżatt u r-rata tal-ġbir ta’ tali kontribuzzjonijiet nazzjonali bbażati fuq l-istatistika jistgħu jitnaqqsu u jiġu kkalibrati b’tali mod li tiġi żgurata l-ġustizzja distributtiva globali tal-basket tar-riżorsi proprji li jmiss; iqis li basket komprensiv u kkalibrat sew ta’ tali riżorsi proprji jista’ għalhekk jissostitwixxi u jagħmel superfluwa kwalunkwe tnaqqis artifiċjali, tnaqqis ta’ somma f’daqqa jew mekkaniżmi ta’ korrezzjoni min-naħa tad-dħul, li jikkompromettu l-konsistenza u l-forza ta’ inċentivazzjoni tal-politika tar-riżorsi proprji;
26. Jappella, b’mod speċifiku, li tiġi stabbilita riżorsa proprja bbażata fuq id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri; jissottolinja li, skont dan il-mekkaniżmu, sehem mill-kontribuzzjonijiet ibbażat fuq l-ING jiġi sostitwit minn koeffiċjent ta’ distribuzzjoni ġdid li jirrikjedi li l-Istati Membri b’differenza ogħla fil-pagi bejn il-ġeneri jikkontribwixxu aktar minn Stati Membri b’differenza iżgħar fil-pagi bejn il-ġeneri, b’mod proporzjonat;
27. Jitlob li tiġi eżaminata l-possibbiltà li jiġu introdotti riżorsi proprji ġodda marbuta ma’ tipi ta’ skart apparti l-iskart mill-imballaġġ tal-plastik, li, fost l-oħrajn, jinċentivaw lill-Istati Membri biex iżidu l-proporzjon ta’ skart li jmur għall-irkupru tal-materjal u b’hekk jikkontribwixxu għall-objettiv ta’ ekonomija ċirkolari;
28. Jappella għall-istabbiliment ta’ riżorsa proprja bbażata fuq il-bijoskart; jissottolinja li, taħt dan il-mekkaniżmu, sehem mill-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING jinbidel b’koeffiċjent ta’ distribuzzjoni ġdid li jirrikjedi li l-Istati Membri jirriċiklaw inqas bijoskart biex jikkontribwixxu aktar minn Stati Membri li jirriċiklaw aktar bijoskart; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta jekk jistax jiġi implimentat ukoll mekkaniżmu ta’ inċentivar biex titnaqqas il-ġenerazzjoni ta’ skart perikoluż u biex jappoġġja d-dekontaminazzjoni tiegħu bil-għan lijiġi ffaċiltat ir-riċiklaġġ tiegħu;
29. Jappella għall-istabbiliment ta’ riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-ikel; jissottolinja li, taħt dan il-mekkaniżmu, sehem mill-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING jinbidel b’koeffiċjent ta’ distribuzzjoni ġdid li jirrikjedi li l-Istati Membri jħallsu l-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ammont ta’ skart tal-ikel iġġenerat f’sena partikolari; iqis li din ir-riżorsa proprja għandha tinċentiva lill-Istati Membri biex jimplimentaw politiki għall-miżuri għat-tnaqqis tal-iskart tal-ikel tul il-katina kollha tal-produzzjoni u fil-fażi tal-konsum;
Sorsi ta’ dħul minbarra r-riżorsi proprji
30. Itenni li kwalunkwe dħul pubbliku ġġenerat mill-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, l-infurzar tar-regolamenti tal-Unjoni jew l-użu ta’ infrastruttura ffinanzjata mill-Unjoni għandu, b’mod awtomatiku u sabiex jiġu mutwalizzati l-benefiċċji, jakkumula għall-baġit tal-Unjoni, bħala riżorsa proprja jew bħala dħul ieħor, b’mod partikolari fejn l-impożizzjoni, il-ġbir u l-infurzar huma organizzati ċentralment minn istituzzjoni tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni, meta tkun qed tfassal proposti u lill-Parlament u lill-Kunsill, bħala awtoritajiet leġiżlattivi, jikkonformaw ma’ dan l-approċċ trasversali fil-ħidma leġiżlattiva tagħhom;
31. Jinsisti li d-dħul tal-baġit fil-forma ta’ imposti, ħlasijiet – bħal dawk li jitħallsu għar-rinunzji tal-viża taħt is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) meta din tibda topera – il-primjums għall-emissjonijiet eċċessivi, il-multi għall-kompetizzjoni, il-penali ta’ ksur jew oħrajn simili għandhom jiffurmaw parti integrali mill-baġit annwali; jirrikonoxxi li, għal raġunijiet relatati mat-Trattat, tali dħul ieħor irid jibqa’ anċillari għar-riżorsi proprji skont l-Artikolu 311, li jridu jibqgħu s-sors primarju ta’ finanzjament tal-baġit tal-Unjoni;
32. Jiġbed l-attenzjoni għall-każ speċjali ta’ rikavati ġġenerati fil-kuntest ta’ sentenzi ta’ ġustizzja kriminali u, b’mod speċifiku, il-konfiska ta’ assi fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mas-sanzjonijiet tal-Unjoni; jitlob li l-Kummissjoni tivvaluta fid-dettall kif tali rikavati jew penali miġbura mill-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jsiru disponibbli għall-baġit tal-Unjoni bħala riżorsa proprja; jappoġġja l-idea li r-rikavati mill-konfiska u l-monetizzazzjoni tal-assi li jirriżultaw minn attivitajiet kriminali jsiru riżorsa proprja tal-Unjoni; jappoġġja l-idea li r-rikavati mill-konfiska u l-monetizzazzjoni tal-assi Russi jsiru disponibbli għall-isforzi ta’ sokkors u ta’ rikostruzzjoni fl-Ukrajna; jissuġġerixxi li dawn ir-rikavati jiġu allokati permezz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni u li tiġi żgurata struttura ta’ governanza li tinvolvi l-Parlamenti tal-Ukrajna u dawk Ewropej;
Il-leġittimità fiskali trid tiġi żgurata mir-rappreżentanti eletti: kunsiderazzjonijiet kostituzzjonali, proċedurali u storiċi
33. Ifakkar li d-dibattitu dwar is-sorsi ta’ finanzjament tal-integrazzjoni Ewropea għandu storja twila u ħajja; ifakkar li l-Artikolu 49 tat-Trattat ta’ Pariġi tat-18 ta’ April 1951 li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar jistipula li “l-Awtorità Għolja għandha s-setgħa li takkwista l-fondi li teħtieġ biex twettaq il-kompiti tagħha billi timponi imposti fuq il-produzzjoni tal-faħam u l-azzar; [u] permezz ta’ kuntratti ta’ self”;
34. Jissottolinja li l-Artikolu 201 tat-Trattat ta’ Ruma tal-25 ta’ Marzu 1957 li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea stipula li “l-Kummissjoni għandha tistudja l-kundizzjonijiet li taħthom il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri ... jistgħu jiġu sostitwiti b’riżorsi oħra tal-Komunità nnifisha, b’mod partikolari, bi dħul li jakkumula mit-tariffa doganali komuni meta din tal-aħħar tkun ġiet introdotta definittivament”;
35. Ifakkar li l-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tas-Sitt Pajjiżi, fil-komunikat finali tas-Samit tal-Aja tat-2 ta’ Diċembru 1969, “qablu li progressivament jissostitwixxu ... il-kontribuzzjonijiet tal-pajjiżi membri bir-riżorsi proprji tagħhom [jiġifieri, tal-Komunitajiet], filwaqt li jitqiesu l-interessi kollha kkonċernati bil-għan li, meta jkun il-waqt, jinkiseb il-finanzjament integrali tal-baġits tal-Komunitajiet ... u tat-tisħiħ tas-setgħat baġitarji tal-Parlament Ewropew”;
36. Jiddispjaċih għall-fatt li minkejja dawn l-obbligi tal-liġi primarja, żewġ riżorsi proprji ġodda biss ġew introdotti mit-Trattat tal-Lussemburgu fl-1970, jiġifieri l-kontribuzzjoni bbażata fuq l-ING fl-1988 u r-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart mill-imballaġġ tal-plastik mhux riċiklat fl-2021;
37. Jirrikonoxxi l-merti tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING fid-dawl tal-funzjoni affidabbli tagħha ta’ bilanċjar; jesprimi dispjaċir għall-predominanza dejjiema tas-sehem tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali fis-sistema tar-riżorsi proprji, li issa jammontaw għal madwar 80 %; jiġbed l-attenzjoni għas-sehem modest tar-riżorsi proprji tradizzjonali u ġenwini, speċjalment id-dazji doganali, li llum jammontaw għal madwar 13 %;
38. Jikkonkludi li l-finanzjament attwali tal-baġit tal-Unjoni jmur kontra l-intenzjoni tal-missirijiet fundaturi u tal-ispirtu tat-Trattati;
39. Ifakkar fis-setgħat konsultattivi tiegħu rigward id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji; huwa konvint li rwol aktar inċiżiv tal-Parlament Ewropew bħala l-awtorità leġiżlattiva u baġitarja fil-leġiżlazzjoni sottostanti, kif ukoll fil-proċedura baġitarja annwali rigward id-dħul u l-livelli tad-dejn, għandu jiġi ggarantit; iqis, barra minn hekk, li l-Parlament Ewropew għandu jkollu rwol imsaħħaħ fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għar-riżorsi proprji biex jiġu żgurati l-viżibbiltà, il-leġittimità u r-responsabbiltà demokratika tal-finanzi pubbliċi tal-Unjoni;
40. Ifakkar li l-arranġamenti għar-riżorsi proprji għandhom ikunu ggwidati mill-objettivi ġenerali ta’ sempliċità, trasparenza u ekwità; itenni l-pożizzjoni tiegħu li r-ribassi u mekkaniżmi korrettivi oħra għandhom jitneħħew;
41. Jissottolinja li l-progress dwar ir-riżorsi proprji l-ġodda lil hinn mit-tieni basket inkluż fil-FII huwa meħtieġ b’mod urġenti; ifakkar lill-Istati Membri li n-negozjati tal-qafas finanzjarju pluriennali multilaterali wara l-2027 huma fundamentalment marbuta ma’ negozjati dwar ir-riżorsi proprji u d-disponibbiltà suffiċjenti tar-riżorsi proprji; jinsab lest li juża s-setgħat baġitarji kollha tiegħu biex jiżgura li jsir progress ċar u effettiv fil-qasam tar-riżorsi proprji;
o o o
42. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.