Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2022/2138(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0178/2023

Testi mressqa :

A9-0178/2023

Dibattiti :

PV 31/05/2023 - 18
CRE 31/05/2023 - 18

Votazzjonijiet :

PV 01/06/2023 - 6.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2023)0217

Testi adottati
PDF 208kWORD 67k
Il-Ħamis, 1 ta' Ġunju 2023 - Brussell
Il-fastidju sesswali fl-UE u l-evalwazzjoni MeToo
P9_TA(2023)0217A9-0178/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2023 dwar il-fastidju sesswali fl-UE u l-evalwazzjoni MeToo (2022/2138(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8, 10, 19, 83, 153 u 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (“il-Konvenzjoni ta’ Istanbul”),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Vjolenza u l-Fastidju tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (Nru 190) u r-Rakkomandazzjoni tagħha dwar il-Vjolenza u l-Fastidju (Nru 206) u d-dispożizzjonijiet ewlenin tagħhom,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni(2) (id-Direttiva dwar l-Informaturi),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2020 intitolata “Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza Bejn il-Ġeneri għall-2020-2025” (COM(2020)0152),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Novembru 2020 bit-titolu “Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025” (COM(2020)0698),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Settembru 2018 dwar miżuri biex jiġu evitati u miġġielda l-mobbing u l-fastidju sesswali fil-post tax-xogħol, fl-ispazji pubbliċi, u fil-ħajja politika fl-UE(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta’ Novembru 2019 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul u l-miżuri l-oħra biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Jannar 2021 dwar il-perspettiva tal-ġeneru fil-kriżi tal-COVID-19 u fil-perjodu ta’ wara l-kriżi(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Jannar 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Diċembru 2021 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru: il-vjolenza ċibernetika(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2021 dwar MeToo u l-fastidju – il-konsegwenzi għall-istituzzjonijiet tal-UE(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Frar 2023 dwar il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika: l-adeżjoni tal-EU(10),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2022 tal-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi,

–  wara li kkunsidra l-istudju konġunt internazzjonali ta’ Diċembru 2022 dwar il-vjolenza u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol(11),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Ombudsman Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2018 dwar id-dinjità fuq il-post tax-xogħol fl-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Bureau tat-2 ta’ Lulju 2018 dwar il-funzjonament tal-Kumitat Konsultattiv kompetenti għall-ilmenti ta’ fastidju li jikkonċernaw il-Membri tal-Parlament Ewropew u l-proċeduri tiegħu biex jittratta l-ilmenti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 10(6) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Anness II tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu intitolat “Kodiċi ta’ Mġiba Xierqa għall-Membri tal-Parlament Ewropew fil-kuntest tal-Mandat tagħhom”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A9-0178/2023),

A.  billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija valur ewlieni tal-UE, minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, u trid tiġi integrata fil-politiki, l-attivitajiet u l-programmi kollha tal-UE; billi d-dritt għal trattament ugwali u d-dritt għan-nondiskriminazzjoni huma drittijiet fundamentali minquxin fit-Trattati u fl-Artikoli 21 u 23 tal-Karta u għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ; billi d-dritt għall-integrità tal-persuna huwa fundamentali skont l-Artikolu 3 tal-Karta;

B.  billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fil-forom kollha tagħha, inkluż il-fastidju sesswali, hija kemm kawża kif ukoll konsegwenza tad-differenza bejn il-ġeneri u ksur tad-drittijiet tal-bniedem; billi din tikkostitwixxi ostaklu serju għall-parteċipazzjoni tan-nisa, il-bniet u vittmi oħra fl-isferi kollha tal-ħajja privata u pubblika u b’hekk ma jkunux jistgħu jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom; billi l-qerda tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija prerekwiżit sabiex tinkiseb tabilħaqq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi sabiex tiġi evitata u miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluż il-fastidju sesswali, huwa kruċjali li l-UE u l-Istati Membri jagħmlu progress sinifikanti fil-kisba tagħhom ta’ ugwaljanza abbażi tal-ġeneru permezz ta’ azzjoni konkreta u billi jimplimentaw b’mod sħiħ l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-ibbaġitjar sensittiv għal kwistjonijiet ta’ ġeneru fl-oqsma ta’ politika kollha u t-teħid ta’ deċiżjoni kollu;

C.  billi l-fastidju sesswali huwa ddefinit fid-dritt tal-UE bħala “kwalunkwe forma ta’ mġiba verbali, mhux verbali jew fiżika mhux mixtieqa ta’ natura sesswali ... bil-għan jew bl-effett li tmur kontra d-dinjità ta’ persuna, b’mod partikolari meta jinħoloq ambjent intimidanti, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv”; bill l-leġiżlazzjoni tal-UE kurrenti wriet li għadha mhijiex effettiva biżżejjed biex tipprevjeni u tiġġieled dawn il-fenomeni fil-prattika; billi hemm ħtieġa għal leġiżlazzjoni tal-UE aktar b’saħħitha dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, and għal estensjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-fastidju u l-fastidju sesswali ’l hinn mill-ambjent tax-xogħol, f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, sabiex din il-kwistjoni tiġi indirizzata bis-sħiħ fl-oqsma kollha tal-ħajja u s-soċjetà; billi d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi tistabbilixxi d-dritt li wieħed ma jiġix diskriminat, u lanqas ma jkun soġġett għal fastidju, fil-kuntesti ta’ impjieg abbażi tal-orjentazzjoni sesswali(12); billi d-“Direttivi dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi” jistipulaw li l-fastidju bbażat fuq is-sess u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol u fl-aċċess għall-prodotti u s-servizzi jmur kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa; billi l-proposta għal direttiva dwar il-vjolenza kontra n-nisa tiddefinixxi il-“fastidju sesswali fuq ix-xogħol” bħala kwalunkwe forma ta’ mġiba verbali, mhux verbali jew fiżika mhux mixtieqa ta’ natura sesswali, fejn iseħħ matul, b’rabta ma’, jew li tirriżulta minn kwistjonijiet ta’ impjieg, okkupazzjoni u impjieg indipendenti, inklużi relazzjonijiet ta’ servizz fil-qadi tad-dmirijiet, bl-għan jew bl-effett ta’ vjolazzjoni tad-dinjità tal-vittma, b’mod partikolari meta jinħoloq ambjent intimidanti, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv, inkluż meta r-rifjut ta’ persuna, jew is-sottomissjoni tagħha, għal tali mġiba tintuża b’mod espliċitu jew impliċitu bħala bażi għal deċiżjonijiet relatati mal-impjiegi; billi l-vjolenza u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol huma kwistjoni serja ta’ saħħa u sigurtà u għandhom jiġu indirizzati u evitati bħala tali;

D.  billi l-fastidju sesswali huwa forma ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru u forma estrema ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru li taffettwa lin-nisa u lill-bniet b’mod sproporzjonat; billi l-awturi ta’ reati sesswali huma b’mod predominanti rġiel; billi l-fastidju sesswali spiss jintrabat ma’ forom oħra ta’ diskriminazzjoni minbarra d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru u jrid jiġi indirizzat b’approċċ intersezzjonali u mill-angoli kollha tiegħu; billi l-fastidju sesswali jrid jiġi mifhum fid-dawl tas-setgħa tal-irġiel u d-differenza bejn il-ġeneri inġenerali, peress li hija l-konsegwenza ta’ stereotipi marbuta mal-ġeneru, strutturi eteropatrijarkali, inugwaljanzi strutturali u istituzzjonali u s-sessiżmu li għandu l-għeruq tiegħu fid-distribuzzjoni mhux ugwali tal-poter bejn in-nisa u l-irġiel fis-soċjetà u fil-ħajja tax-xogħol; billi dimensjonijiet varji huma meħtieġa sabiex jiġu mifhuma x’joħloq il-kunċetti ta’ superjorità u inferjorità, fis-soċjetà u fil-ħajja tax-xogħol; billi jista’ jintwera f’bosta forom differenti u jista’ iseħħ f’bosta ambjenti soċjali differenti bħad-dar, il-post tax-xogħol, is-sistema edukattiva, online u fl-ispazju pubbliku, inkluż fastidju fit-triq, u għandu diversi konsegwenzi fuq kull aspett tas-soċjetà; billi l-fastidju fl-edukazzjoni għandu konsegwenzi serji fuq il-kapaċità tal-istudenti li jitgħallmu, kif ukoll fuq is-saħħa fiżika u mentali tagħhom, u għandu implikazzjonijiet għal tul il-ħajja, bħan-normalizzazzjoni tal-fastidju sesswali; billi dan għandu dimensjoni tal-ġeneru hekk kif numru sproporzjonat ta’ nisa u bniet huma vittmi ta’ fastidju sesswali inkluż, iżda mhux limitat, għall-attakk sesswali u l-istupru; billi l-fastidju sesswali jimmina l-ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol u jirrinforza stereotipi dwar il-kapaċitajiet tan-nisa u l-aspirazzjonijiet tagħhom; billi l-fastidju sesswali jistgħu jkollu effett li jsikket u impatt negattiv fuq il-ħlas, il-progressjoni fil-karriera u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-vittmi, u jista’ jwassal lill-individwi biex potenzjalment joħorġu mid-dinja tax-xogħol; billi l-moviment MeToo żied is-sensibilizzazzjoni pubblika dwar l-użu ħażin tal-ftehimiet ta’ nondivulgazzjoni (NDAs) fil-kuntest tal-fastidju sesswali li qed jipprevjeni lill-vittmi milli jitkellmu, u jibqa’ punt ta’ tħassib li jrid jiġi indirizzat; billi l-fastidju sesswali jikkontribwixxi wkoll għal anqas nisa milli jidħlu fis-suq tax-xogħol jew jibqgħu fih, li jkompli jwessa’ d-distakk fil-parteċipazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel f’dan is-suq, u jikkontribwixxi għall-fatt li n-nisa jitħallsu anqas mill-irġiel u għalhekk id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri tkompli tiggrava;

E.  billi waħda minn kull żewġ nisa (55 %) ġiet iffastidjata sesswalment fl-UE mill-inqas darba mill-età ta’ 15-il sena; billi fuq il-post tax-xogħol, li spiss huwa ’l bogħod milli jkun ambjent sigur u rispettuż, aktar minn għoxrin fil-mija tan-nies (kważi 23 %) esperjenzaw vjolenza u fastidju, kemm fuq livell fiżiku kif ukoll fuq dak psikoloġiku jew sesswali; billi kemm dawk li jwettqu l-fastidju kif ukoll il-vittmi jistgħu jkunu ta’ kwalunkwe sess jew ġeneru; billi n-nisa, il-bniet, il-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru, intersesswali, queer u asesswali u aktar (LGBTQIA+) u gruppi vulnerabbli oħra huma b’mod partikolari esposti u affetwati b’mod sproporzjonat(13); billi aktar data anonimizzata hija meħtieġa biex tinftiehem aħjar id-diżaggregazzjoni tal-każijiet ta’ fastidju, b’kont meħud li bosta impjegati LGBTQIA+ jaħdmu f’ambjent ikkaratterizzat minn preġudizzju u ostilità; billi l-proporzjon ta’ nisa li qatt ma ħadmu u esperjenzaw kwalunkwe mġiba mhux mixtieqa b’konnotazzjonijiet sesswali fuq il-post tax-xogħol ivarja bejn l-Istati Membri, u jvarja bejn 11 % u 41 %(14); billi l-maġġoranza tal-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol iseħħ bejn kollegi u f’ħafna każijiet jinvolvi superjuri ġerarkiċi rġiel; billi 32 % tal-vittmi kollha fl-UE qalu li l-awtur kien superjur ġerarkiku, kollega jew klijent; billi 75 % tan-nisa fi professjonijiet li jirrikjedu kwalifiki jew f’karigi maniġerjali tal-ogħla livell esperjenzaw fastidju sesswali; billi 61 % tan-nisa impjegati fis-settur tas-servizzi ġew soġġetti għall-fastidju sesswali(15); billi hemm darbtejn aktar ċans li n-nisa żgħażagħ esperjenzaw vjolenza jew fastidju sesswali milli l-irġiel żgħażagħ, u kien hemm kważi darbtejn aktar ċans li nisa migranti jirrapportaw vjolenza u fastidju sesswali meta mqabbla man-nisa mhux migranti; billi d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru, inkluż il-fastidju sesswali, tista’ tiġi aggravata fejn titħallat mad-diskriminazzjoni bbażata fuq raġunijiet oħra pprojbiti mid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri n-nazzjonalità, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru, il-karatteristiċi sesswali, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, it-twelid, diżabbiltà, l-età, l-orjentazzjoni sesswali u l-klassi soċjoekonomika; billi r-riskju li jiġi esperjenzat fastidju fuq il-post tax-xogħol huwa b’mod partikolari ogħla f’ċerti gruppi bħan-nisa minn komunitajiet razzjalizzati, iż-żgħażagħ u l-migranti; billi 21 % tal-persuni LGBTQIA+ ħassewhom iddiskriminati u l-perċentwal huwa saħansitra ogħla għal persuni transġeneru (35 %) u intersesswali (32 %)(16); billi kważi ħames persuni minn kull għaxra li jiffaċċjaw diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru inkluża diskriminazzjoni intersezzjonali ffaċċjaw ukoll fastidju fuq il-post tax-xogħol meta mqabbel ma’ żewġ persuni minn kull għaxra li ma ġewx iddiskriminati abbażi tal-ġeneru(17); billi l-perċentwal ta’ nisa li rraportaw tali esperjenza tul ħajjithom huwa baxx ħafna; billi l-irġiel huma wkoll vittmi ta’ fastidju u jikkostitwixxu 10 % tal-vittmi ta’ fastidju sesswali; billi fid-dawl tal-gwerra ta’ aggressjoni skandaluża tar-Russja kontra l-Ukrajna, ir-rifuġjati Ukreni, b’mod partikolari n-nisa, huma aktar vulnerabbli għal sfruttament sesswali inkluż, iżda mhux limitat, fuq il-post tax-xogħol;

F.  billi l-fastidju online, bħala forma ta’ vjolenza ċibernetika bbażata fuq il-ġeneru, qed jiżdied b’mod kostanti bħala konsegwenza tal-użu mifrux tal-Internet, inklużi teknoloġiji ġodda u l-media soċjali, li jippermettu lill-awturi tar-reati jħossuhom siguri hekk kif ma jikxfux l-identità tagħhom minħabba l-anonimità; billi l-fastidju sesswali online jista’ jikkostitwixxi, fost affarijiet oħra, qsim mhux kunsenswali ta’ kontenut intimu, cyberstalking, sfruttament, koerċizzjoni jew theddid ta’ natura sesswali, bullying issesswalizzat jew sesswalizzazzjoni mhux mixtieqa; billi stħarriġ riċenti wera li 13 % tan-nisa kienu soġġetti għal fastidju online fl-aħħar ħames snin u 8 % fl-aħħar tnax-il xahar; billi ċerti professjonijiet, bħall-politikanti, il-ġurnalisti jew l-attivisti tad-drittijiet tan-nisa u l-LGBTQIA+, l-attivisti nisa f’organizzazzjonijiet ċivili tad-drittijiet tal-bniedem u figuri pubbliċi oħra huma b’mod partikolari suxxettibbli li jkunu vittmi ta’ vjolenza u fastidju online; billi stħarriġ riċenti tas-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew ikkwantifika l-ispiża relatata mal-vjolenza ċibernetika bbażata fuq il-ġeneru, li hija bejn EUR 49,0 u EUR 89,3 biljun fis-sena(18); billi l-vjolenza ċibernetika bbażata fuq il-ġeneru u l-fastidju online jistgħu jkollhom effett li jsikktu lin-nisa u lill-bniet; billi waħda minn kull ħamest ibniet (19 %) ħarġet minn pjattaforma tal-media soċjali wara li ġiet iffastidjata jew naqqset b’mod sinifikanti l-użu tagħha, filwaqt li waħda minn kull għaxra (12 %) biddlet il-mod kif tesprimi ruħha; billi aktar minn terz (37 %) tal-bniet li huma minn minoranza etnika u li sofrew abbuż jgħidu li huma ġew immirati minħabba r-razza jew l-etniċità tagħhom, filwaqt li aktar min-nofs (56 %) ta’ dawk li jidentifikaw ruħhom bħala LGBTQIA+ jgħidu li ġew iffastidjati minħabba l-identità tal-ġeneru jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom(19);

G.  billi l-fastidju huwa mifrux iżda mhux irrapportat biżżejjed; “billi waħda mir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rapportar ta’ fastidju sesswali hija n-nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni, xi kultant minħabba n-nuqqas ta’ fehim tal-gravità tal-kwistjoni u jekk din hijiex punibbli bil-liġi, minħabba n-normalizzazzjoni tal-fastidju sesswali, nuqqas ta’ sistemi effettivi, trasparenti, affidabbli u indipendenti ta’ rapportar u nuqqas ta’ għarfien dwar il-kanali għall-appoġġ tal-vittmi, iżda wkoll minħabba biża’ ta’ ritaljazzjoni, vittimizzazzjoni u telf ta’ xogħol, kif ukoll stereotipi li jwaħħlu fil-vittma minflok f’min iwettaq ir-reat; billi huwa essenzjali li jkun hemm protezzjoni kontra l-vittimizzazzjoni jew ir-ritaljazzjoni kontra l-ilmentaturi, il-vittmi, ix-xhieda u l-informaturi sabiex jiġi żgurat aċċess faċli għal protezzjoni xierqa u effettiva, rimedji u rapportar u proċeduri siguri, ġusti u effettivi f’każijiet ta’ vjolenza u fastidju fuq il-post tax-xogħol; billi l-informaturi għandhom rwol ċentrali fl-iżvelar ta’ fastidju sesswali u psikoloġiku, ta’ ġestjoni ħażina u ta’ diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol; billi l-vittmi nisa għandhom aktar ċans li jaqsmu dawn l-esperjenzi dannużi milli dawn irġiel minħabba l-istigma u l-istereotipi tal-ġeneru; billi l-forom kollha ta’ fastidju fuq il-post tax-xogħol għandhom konsegwenzi serji għas-saħħa fiżika u psikoloġika u l-benesseri tal-impjegati u għalhekk il-prevenzjoni u t-trattament tiegħu għandhom jingħataw prijorità minn kull impjegatur sabiex jiġi żgurat ambjent tax-xogħol sigur;

H.  billi l-istituzzjonijiet Ewropej bdew jadattaw ir-regoli u l-proċeduri interni tagħhom sabiex jidentifikaw, jiġġieldu u jissanzjonaw aħjar il-fastidju; billi l-miżuri li ttieħdu s’issa ma kinux biżżejjed peress li l-fastidju għadu jseħħ fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE, ir-rapportar għadu baxx, il-vittmi mhumiex assistiti b’mod xieraq u l-kultura ta’ impunità għadha teżisti; billi l-Parlament Ewropew mhuwiex sfortunatament post tax-xogħol sigur, hekk kif każijiet ta’ fastidju sesswali u forom oħra ta’ fastidju għadhom iseħħu sal-lum; billi l-Parlament Ewropew ikkundanna l-fastidju sesswali fl-istituzzjoni u fl-UE fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ Ottubru 2017(20), u ħa pożizzjonijiet simili fl-2019(21) u fl-2021(22); billi l-implimentazzjoni tal-Parlament ta’ mekkaniżmi ta’ prevenzjoni u riformi ta’ proċeduri kontra l-fastidju, kif ġie appellat fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2021 dwar MeToo, ġiet milqugħa b’ċertu livell ta’ nuqqas ta’ rieda li jiġu implimentati dawn it-talbiet, li rriżulta mhux biss mill-injoranza fir-rigward tal-fenomenu tal-fastidju iżda wkoll min-nuqqas ta’ ċarezza tar-regoli legali eżistenti tal-Parlament;

I.  billi f’Ottubru 2022 id-dinja ċċelebrat il-ħames anniversarju tal-moviment MeToo, li jħeġġeġ lin-nisa u vittmi oħra tal-fastidju sesswali jsemmgħu leħinhom, bl-għan li titqajjem kuxjenza u bl-effett li tinqered il-vjolenza mifruxa; billi l-moviment MeToo wera kemm hawn fastidju sesswali u n-natura tiegħu u qajjem moviment internazzjonali u dibattitu dwar il-kawżi sottostanti u r-rispons meħtieġ; billi, minn dak iż-żmien ’l hawn, il-moviment ħeġġeġ lil vittmi mad-dinja kollha jsemmgħu leħinhom fi sferi differenti, inkluż fil-politika; billi minkejja r-rispons pubbliku u l-fatt li xi Stati Membri, kumpaniji individwali, skejjel u atturi oħra implimentaw miżuri biex jipprevjenu u jiġġieldu l-fastidju sesswali, il-progress li sar biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-fastidju sesswali wara ħames snin tal-moviment MeToo mhuwiex biżżejjed u hemm ħtieġa għal azzjoni urġenti biex jinqered il-fastidju fl-UE;

J.  billi l-fastidju sesswali u tipi oħra ta’ vjolenza u mġieba offensivi jew mhux mixtieqa fuq il-post tax-xogħol irid jiġu mifhuma bħala kwistjoni tas-saħħa u s-sigurtà u mhux bħala problema individwali tal-vittma; billi l-ebda parti mis-suq tax-xogħol jew mill-ħajja tax-xogħol hija protetta mill-fastidju sesswali, iżda l-inċidenti jvarjaw, bħalma jvarjaw il-forom ta’ fastidju skont is-settur u t-tip ta’ xogħol; billi l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol huwa b’mod partikolari prevalenti fis-setturi b’livelli għoljin ta’ kuntratti prekarji; billi l-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-sigurtà tal-impjieg u t-tip ta’ xogħol huma fatturi ta’ riskju li wieħed ikun espost għal fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol; billi n-negozjar kollettiv jista’ jkun għodda importanti għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza u l-fastidju sesswali, inkluża l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fuq il-postijiet tax-xogħol, il-fastidju minn partijiet terzi, u l-effetti tal-vjolenza domestika fuq il-post tax-xogħol;

K.  billi fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, il-Parlament appella għall-introduzzjoni ta’ diversi miżuri interni konkreti, inklużi l-introduzzjoni ta’ taħriġ mandatorju dwar il-prevenzjoni tal-fastidju għall-Membri kollha hekk kif jiġu appuntati fil-bidu tal-mandat tagħhom u għall-persunal kollu, u l-introduzzjoni ta’ approċċ ta’ tolleranza żero iżda, bosta snin wara, ftit minn dawn il-miżuri konkreti ġew implimentati bis-sħiħ u jeħtieġ li jsir aktar; billi, fl-opinjoni tiegħu, is-Servizz Legali tal-Parlament qal li l-introduzzjoni ta’ taħriġ mandatorju dwar il-prevenzjoni tal-fastidju għall-Membri ma jaffettwax l-eżerċizzju tal-mandat ħieles u indipendenti tagħhom; billi r-riċerka turi li taħriġ dwar il-fastidju jrid jiġi kkumplimentat minn taħriġ “bystander”, li jwassal għal riżultati aħjar meta jingħata wkoll lil-livell maniġerjali u lill-persunal;

L.  billi l-istituzzjonijiet Ewropej b’mod ġenerali u l-Parlament Ewropew b’mod partikolari, bħala leġiżlatur u impjegatur, għandhom ikunu ta’ eżempju għall-Istati Membri u l-impjegaturi kollha; billi l-Membri tal-Parlament Ewropew, kemm bħala r-rappreżentanti eletti direttament taċ-ċittadini tal-UE kif ukoll bħala leġiżlaturi, għandhom responsabbiltà speċjali li jwettqu dmirijiethom filwaqt li jirrispettaw l-ogħla standards u l-liġi tal-UE;

Kummenti ġenerali

1.  Ifakkar li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija valur ewlieni tal-UE u trid tiġi integrata fil-politiki, l-attivitajiet u l-programmi kollha tal-UE; jiddispjaċih għall-progress kajman lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE u jfakkar li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija kemm kawża kif ukoll konsegwenza tad-differenza bejn il-ġeneri; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti għal titjib u jinsisti li l-UE u l-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ biex iħaffu l-progress, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u tal-ibbaġitjar sensittiv għal kwistjonijiet ta’ ġeneru fil-politiki, l-attivitajiet u l-programmi kollha tal-UE; jikkundanna bil-qawwa l-forom kollha ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluża l-vjolenza sesswali, u l-forom kollha ta’ fastidju, b’mod partikolari l-fastidju sesswali;

2.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta, abbażi tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE, proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill biex il-vjolenza abbażi tal-ġeneru tiġi identifikata bħala qasam ġdid ta’ kriminalità; jafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE li tindirizza l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jilqa’ l-proposta għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika (COM(2022)0105); jilqa’ l-istħarriġ li sar fl-2014 mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) dwar il-vjolenza kontra n-nisa u jilqa’ l-istħarriġ il-ġdid tal-FRA li huwa ppjanat għall-2024 madwar l-Ewropa; jenfasizza l-importanza ta’ ġbir ta’ data frekwenti u diżaggregata dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru sabiex isir immappjar ta’ kemm hi kbira l-kwistjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu dak kollu li huwa meħtieġ biex dan isir realtà;

3.  Itenni l-appell tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri biex jirratifikaw malajr il-Konvenzjoni ta’ Istanbul, rikonoxxuta internazzjonalment, dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, f’konformità mal-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-2021, li tistabbilixxi set ta’ standards li jimmiraw li jipprevjenu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, jipproteġu lill-vitmi u jikkastigaw lill-atturi tar-reati; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li l-fastidju sesswali jiġi inkluż bħala reat kriminali kemm fil-qasam tax-xogħol, kif indikat fid-direttivi eżistenti tal-UE kontra d-diskriminazzjoni, u f’kwalunkwe qasam ieħor tal-ħajja, f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, u li dawn jirreferu għad-definizzjoni ta’ fastidju fl-Artikolu 40 tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fil-leġiżlazzjoni rilevanti tagħhom; huwa konvint li l-UE u l-Istati Membri għandhom jiġġieldu r-rigress kontra l-ugwaljanza bejn il-ġeneri billi jadottaw u jimplimentaw regoli u politiki konkreti, effiċjenti u ambizzjużi dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluż il-fastidju psikoloġiku, fiżiku u sesswali;

4.  Jikkundanna bil-qawwa l-forom kollha ta’ fastidju, speċjalment il-fastidju sesswali; jinnota li l-fastidju huwa fenomenu mifrux, pervażiv u dannuż fl-oqsma kollha tal-ħajja privata u dik pubblika; jisħaq li l-fastidju esperjenzat fuq il-post tax-xogħol jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jista’ jkollu konsegwenzi serji fuq is-saħħa fiżika u psikoloġika ta’ persuna, għax iġegħilha tħossha skomda u mhux sigura fuq ix-xogħol u f’xi każijiet iżommha milli tagħmel xogħolha; jenfasizza l-importanza li tiġi indirizzata l-vjolenza ċibernetika fuq il-post tax-xogħol, peress li għandha impatt enormi fuq is-saħħa mentali tal-vittmi; jirrimarka li attenzjoni speċjali trid tingħata lin-nisa u lill-bniet li qed jaħarbu l-gwerra bħan-nisa Ukreni;

Il-fastidju sesswali u l-moviment MeToo fl-Istati Membri

5.  Jappoġġa bil-qawwa l-moviment internazzjonali MeToo, li ġie mwaqqaf mill-attivista Tarana Burke fl-2006 biex jgħin lill-vittmi ta’ vjolenza sesswali, u nfirex madwar id-dinja fl-2017 wara li l-MeToo nfirex ħafna; ifaħħar lill-miljuni ta’ nies li semmgħu leħinhom billi qasmu l-istejjer tagħhom ta’ vjolenza sesswali sabiex ma jibqgħux fommhom sieket u jfittxu ġustizzja; jinnota li, mill-2017, il-moviment MeToo qed ikollu effett f’xi Stati Membri u li, sussegwentement, bidliet saru mill-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet biex jindirizzaw il-vjolenza sesswali, jgħinu lill-vittmi u jindirizzaw il-konsegwenzi negattivi fuq is-soċjetà; jinnota, madankollu, li f’ċerti Stati Membri, ma sar l-ebda progress jew ftit li xejn f’dan ir-rigward; jistieden lill-Istati Membri jfasslu u jimplimentaw b’mod pro-attiv leġiżlazzjoni u politiki li jindirizzaw il-vjolenza sesswali u l-fastidju fis-soċjetà tagħna;

6.  Jenfasizza li l-fastidju u l-vjolenza sesswali mhumiex iddefiniti u kkriminalizzati bl-istess mod fl-UE, u b’hekk inħolqu drittijiet u protezzjoni tal-vittmi fframmentati fl-Istati Membri kollha, li juri l-ħtieġa għal approċċ komuni tal-UE li jista’ jintlaħaq jekk il-vjolenza abbażi tal-ġeneru tiġi identifikata bħala reat kriminali tal-EU; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta, abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE, proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill biex il-vjolenza abbażi tal-ġeneru tiġi identifikata bħala qasam ġdid ta’ kriminalità u lill-Kunsill biex jadotta din id-deċiżjoni; jistieden lill-Istati Membri jipprovdi protokolli għal azzjonijiet standardizzati li huma sensittivi għall-ġeneru sabiex jappoġġaw lill-vittmi kollha tal-fastidju sesswali, inklużi vittmi ta’ fastidju sesswali transfruntier; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw mekkaniżmi u proċeduri ta’ rapportar effettivi f’każijiet ta’ vjolenza u fastidju fid-dinja tax-xogħol, jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa ta’ protezzjoni kontra l-vittimizzazzjoni jew ir-ritaljazzjoni kontra l-ilmentaturi, il-vittmi, ix-xhieda u l-informaturi u jiżguraw il-protezzjoni l-konfidenzjalità u l-privatezza ta’ dawk l-individwi involuti u jiżguraw li r-rekwiżiti għall-privatezza u l-konfidenzjalità ma jintużawx ħażin; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli riżorsi xierqa biex jippromwovu l-istabbiliment u l-kontinwazzjoni ta’ spazji siguri fuq il-post tax-xogħol, kemm online kif ukoll offline, b’mod partikolari spazji uniċi siguri fir-rigward tal-ġeneru, fejn in-nisa fid-diversità intersezzjonali kollha tagħhom ikunu jistgħu jmorru sabiex jiskambjaw l-informazzjoni, jibnu networks komunitarji u jirċievu appoġġ bejn il-pari, bil-għan li jagħtu s-setgħa u jinkoraġġixxu lin-nisa;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu set komprensiv ta’ regoli minimi, li jindirizzaw il-problema persistenti tal-fastidju sesswali u l-fastidju psikoloġiku b’mod olistiku u li jindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi ta’ tali vjolenza; jisħaq fuq il-ħtieġa li jitqiesu l-kondizzjonijiet ġodda tax-xogħol mill-bogħod u l-lezzjonijiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19; jissottolinja li l-leġiżlazzjoni għandha rwol ewlieni fil-ġlieda kontra l-fastidju u l-vjolenza sesswali fuq il-post tax-xogħol u li l-leġiżlazzjoni mingħajr implimentazzjoni xierqa ma jwasslux għall-eżitu mixtieq; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-liġijiet kontra l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol jiġu aġġornati sabiex jipproteġu lin-nisa li jaħdmu mill-bogħod mill-abbuż online; jistieden lill-Istati Membri jqisu l-ħtiġijiet tan-nisa u l-bniet għas-sigurtà u s-sikurezza tagħhom meta jivvjaġġaw lejn ix-xogħol u lura billi jiżguraw li s-servizz ta’ trasport pubbliku jkun sigur kif ukoll dawl fit-toroq adegwat u sostenibbli;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-Eurostat u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), biex jippromwovu u jiżguraw riċerka dwar prattiki bbażati fuq l-evidenza u l-ġbir sistematiku ta’ data relevanti, anonimizzata, diżaggregata skont is-sess u l-età, u li tista titqabbel, dwar każijiet ta’ fastidju sesswali u diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru u fastidju psikoloġiku, inkluż il-fastidju online, fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll il-kawżi u l-konsegwenzi tal-fastidju sesswali, inkluż l-impatt li avviżi sessisti u stereotipizzati jistggħu jkollhom fuq l-inċidenza ta’ vjolenza u fastidju; ifakkar li d-dritt tal-UE jirrikjedi lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet u lill-aġenziji tal-UE li jiżguraw li jkun stabbilit korp tal-ugwaljanza biex jipprovdi għajnuna indipendenti lill-vittmi ta’ fastidju, iwettaq stħarriġ indipendenti, jiġbor data rilevanti, diżaggregata skont is-sess u l-età u komparabbli, iwettaq riċerka dwar definizzjonijiet u klassifikazzjonijiet, jippubblika rapporti indipendenti u jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-impjieg u t-taħriġ, dwar l-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi u l-provvista tagħhom, u għal dawk impjegati għal rashom; jilqa’ l-proposta l-ġdida għal żewġ Direttivi mill-Kummissjoni Ewropea tas-7 ta’ Diċembru 2022 bil-għan li tistabbilixxi standards vinkolanti għal korpi ta’ ugwaljanza fil-qasam ta’ trattament ugwali; jistieden lill-Istati Membri jqajmu kuxjenza dwar ix-xogħol ta’ korpi ta’ ugwaljanza li qed jimmonitorjaw il-prattiki diskriminatorji permezz ta’ riżorsi suffiċjenti biex jiżguraw il-funzjonament effettiv tagħhom;

9.  Jenfasizza li l-fastidju psikoloġiku u sesswali fuq il-post tax-xogħol huwa illegali u l-awturi ta’ reati jistgħu jiġu soġġetti għal proċeduri kriminali u/jew amministrattivi; jissuġġerixxi li servizzi esterni ta’ konsulenza li jagħtu pariri dwar kif għandu jiġi indirizzat b’mod xieraq il-fastidju fuq il-post tax-xogħol għandhom jiġu kkonsultati mill-impjegaturi sabiex jiżguraw ambjent tax-xogħol sigur, jinformawhom dwar ir-rimedji legali disponibbli, inklużi miżuri dixxiplinari, u jipprovdu l-possibbiltà ta’ konċiljazzjoni bikrija, u parir legali u appoġġ lill-vittmi; jissuġġerixxi li “konċiljazzjoni bikrija” għandha biss isseħħ jekk il-vittmi jkunu jridu, dment li jkunu ngħataw informazzjoni komprensiva u appoġġ qabel ma ssir il-konċiljazzjoni u li jkunu jistgħu jwaqqfu l-proċess fi kwalunkwe stadju; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-impjegati kollha, fil-bidu tal-kuntratt tagħhom, jirċievu informazzjoni dwar proċeduri u politika fis-seħħ kontra l-fastidju, id-drittijiet tal-impjegati f’sitwazzjonijiet ta’ fastidju jew vjolenza kontra tagħhom fuq il-post tax-xogħol u kif jaċċedu għal servizzi ta’ konsulenza esterni; jitlob li l-Kummissjoni tivvaluta, tiskambja u tqabbel l-aħjar prattiki eżistenti fil-ġlieda kontra l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, u li xxerred ir-riżultati ta’ din il-valutazzjoni f’dak li jirrigwarda l-miżuri effettivi li l-Istati Membri jistgħu jieħdu biex jinkoraġġixxu lill-kumpaniji, lis-sħab soċjali u lill-organizzazzjonijet involuti fit-taħriġ vokazzjonali biex jipprevjenu kull forma ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-fastidju u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol; jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li l-mekkaniżmi ta’ finanzjament għall-programmi maħsuba biex jikkumbattu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru jkunu jistgħu jintużaw għal sensibilizzazzjoni u għall-appoġġ ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jindirizzaw il-vjolenza fuq in-nisa, inkluż il-fastidju sesswali;

10.  Jistieden lill-Istati Membri jimmotivaw lil persuni ta’ kull ġeneru u identità tal-ġeneru biex jiġġieldu l-fastidju sesswali u jipparteċipaw b’mod attiv fil-bidla soċjali; iqis li l-fastidju sesswali jikkonċerna lil persuni ta’ kull ġeneru, u lis-soċjetà kollha kemm hi; jisħaq f’dan il-kuntest fuq ir-rwol ċentrali tal-irġiel u s-subien li jintemmu l-forom kollha ta’ fastidju u fastidju sesswali; jistieden lill-Istati Membri u lill-atturi kollha jiżguraw li l-irġiel u s-subien jkollhom irwol attiv u pożittiv biex jintemmu l-forom kollha ta’ fastidju u fastidju sesswali, u forom oħra ta’ abbuż u vjolenza, inkluż permezz tal-involviment f’kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u prevenzjoni, filwaqt li jqisu li 82 % tal-inċidenti relatati mal-fastidju sesswali kontra n-nisa jinvolvu awtur tar-reat raġel; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu edukazzjoni inklużiva dwar is-sesswalità għal kulħadd, inklużi s-subien u l-irġiel, sabiex jirrikonoxxu u jipprevjenu fastidju sesswali u abbuż, inkluż dak minħabba mibegħda kontra persuni LGBTQIA+;

11.  Jissottolinja li s-sħab soċjali jista’ jkollhom irwol importanti fl-indirizzar tal-fastidju fuq il-post tax-xogħol, inkluż il-fastidju sesswali u l-vjolenza ċibernetika fuq il-post tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri, f’konsultazzjoni mas-sħab soċjali, jiżguraw li l-impjegaturi jieħdu miżuri xierqa sabiex jipprovdu ambjent tax-xogħol sigur u jappoġġaw lill-vittmi u jipprevjenu u jindirizzaw istanzi ta’ fastidju sesswali, vjolenza ċibernetika u vjolenza minn partijiet terzi fuq il-post tax-xogħol; jisħaq li l-impjegaturi jridu jiġu mwaqqfa milli jagħtu s-sensja, jiddiskriminaw kontra jew b’kwalunkwe mod jiżvantaġġaw impjegati li huma vittmi ta’ fastidju sesswali; jenfasizza f’dan il-kuntest li l-impjegati għandu jkollhom id-dritt li jirċievu appoġġ mingħand trade union u r-rappreżentant għas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jippromwovu n-negozjar kollettiv dwar prattiki fuq il-post tax-xogħol rigward il-prevenzjoni u l-indirizzar ta’ każijiet ta’ fastidju sesswali, inkluż permezz ta’ sensibilizzazzjoni u taħriġ tal-impjegaturi u l-impjegati, ir-rappreżentanti tat-trade unions u r-rappreżentanti għas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol; jirrikonoxxi r-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) u tan-networks tan-negozju fil-prevenzjoni u l-indirizzar tal-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, inkluż permezz tas-sensibilizzazzjoni u l-assistenza lill-vittmi;

12.  Jenfasizza li l-Konvenzjoni dwar il-Vjolenza u l-Fastidju tal-2019 (Nru 190) u r-Rakkomandazzjoni (Nru 206) huma l-ewwel standards internazzjonali tax-xogħol li jipprovdu qafas komuni biex jipprevjenu, isolvu u jeliminaw il-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol, inklużi l-vjolenza u l-fastidju abbażi tal-ġeneru; jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni biex jagħmlu dan mingħajr dewmien;

Il-fastidju fl-istituzzjonijiet tal-UE

13.   Huwa konvint li l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jaġixxu bħala impjegaturi eżemplari, billi jistabbilixxu standards ta’ tolleranza żero għal kwalunkwe tip ta’ fastidju, jaħdmu b’mod attiv fuq il-prevenzjoni tal-fastidju, il-protezzjoni adegwata għall-vittmi u mekkaniżmu ta’ appoġġ olistiku, filwaqt li jiġġieldu l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni, jimplimentaw ir-regoli tagħhom u jinforzaw sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi; jemmen li kondizzjonijiet ta’ xogħol tajba u ambjent sigur u rispettuż huma meħtieġa biex jiżguraw l-effikaċja tal-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE;

14.  Jiddispjaċih għall-fatt li, minkejja l-progress mibdi mill-moviment MeToo, inkluż il-moviment MeTooEP, li għen jikser is-silenzju u jżid l-importanza tal-implimentazzjoni aħjar ta’ politiki kontra l-fastidju, każijiet ta’ fastidju sesswali għadhom iseħħu madwar l-UE u fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej, inkluż fil-Parlament, u l-vittmi mhumiex appoġġati u protetti biżżejjed; ifakkar li dawn il-każijiet jitfgħu dell ikrah fuq il-funzjonament tal-istituzzjonijiet Ewropej u jimminaw il-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE fihom;

15.  Jissottolinja l-importanza tal-prevenzjoni, it-taħriġ speċjalizzat fit-tul, l-informazzjoni u l-isforzi ta’ sensibilizzazzjoni, il-promozzjoni ta’ politika ta’ tolleranza żero għall-fastidju u l-għoti ta’ assistenza f’forma ta’ konsulenza u psikoloġika lill-vittmi, kif ukoll pariri dwar kuntatti tal-pulizija u riferimenti ta’ fornituri ta’ rikors legali; jilqa’ l-kampanji regulari dwar il-prevenzjoni tal-fastidju b’posters u fuljetti aġġornati sabiex ifakkru lill-Membri u lill-persunal dwar ir-responsabbiltà tagħhom li jiżguraw imġiba eżemplari; jisħaq li l-miżuri ta’ prevenzjoni jridu jimmiraw b’mod partikolari li jagħtu setgħa lin-nisa u li jappoġġaw lill-irġiel biex jisfidaw stereotipi tal-ġeneru dannużi, filwaqt li jedukawhom dwar il-kunċett ta’ kunsens, jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għal ambjent tax-xogħol sigur, u jħeġġu lil kulħadd jaġixxi b’mod eżemplari u pożittiv lejn soċjetà li hija ħielsa mill-vjolenza abbażi tal-ġeneru; iqis li l-kampanji eżistenti għandhom jiġu aġġornati u rinforzati regolarment, b’mod partikolari dwar fastidju intersezzjonali u sesswali, sabiex l-injoranza jew “in-nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni” ma jintużaw bħala skuża għal ksur sfaċċat tar-regoli;

16.  Jinnota li l-każijiet ta’ fastidju sesswali u psikoloġiku għadhom mhumiex irraportati biżżejjed fil-Parlament peress li l-vittmi ma jużawx il-kanali eżistenti, minħabba raġunijiet bħal mistħija, biża’ ta’ ritaljazzjoni, nuqqas ta’ fiduċja ġenerali fit-trattament tal-każijiet ta’ fastidju mill-kumitati kompetenti li jittrattaw ilmenti ta’ fastidju, in-nuqqas ta’ sistema komprensiva ta’ rapportar, appoġġ u attenzjoni lill-vittmi bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem, biża’ li relazzjonijiet fuq il-post tax-xogħol jiġu affettwati b’mod negattiv jew ikollhom impatt negattiv fuq il-karriera tal-ilmentatur, jew li rapport ma jiġix emmnut jew ma jittiħidx b’serjetà; iqis li dan juri b’mod ċar il-ħtieġa għal aktar sforzi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar proċeduri ta’ rapportar u appoġġ lil vittmi fir-rigward ta’ prevenzjoni tal-forom kollha ta’ fastidju;

17.  Jinnota l-eżistenza ta’ strutturi formali u informali fil-Parlament Ewropew li jindirizzaw il-fastidju u b’mod partikolari kwistjonijiet ta’ fastidju sesswali billi jipprovdu assistenza ta’ konsulenza, legali u psikoloġika lill-vittmi, inklużi kampanji ta’ informazzjoni li jistgħu jippermettu lill-vittmi jirrikonoxxu eżempji ta’ fastidju; jappella għal promozzjoni, viżibbiltà, rinforzar u professjonalizzazzjoni aħjar ta’ dawn is-strutturi, il-kompetenzi u l-kompożizzjoni tagħhom sabiex jiġi żgurat li l-vittmi kollha jistgħu jirrapportaw b’fiduċja u b’sigurtà; jilqa’ l-inizjattivi ta’ ċerti gruppi politiċi, li ddeċidew li jappuntaw konsulenti kunfidenzjal kwalifikati u ombudspersons interni li lilhom vittmi ta’ fastidju jistgħu jirrapportaw il-każ tagħhom u jirċievu appoġġ, konsulenza u gwida f’kunfidenzjalità totali; jenfasizza li dawn l-istrutturi fil-gruppi politiċi ġew implimentati biex jikkumplimentaw, aktar milli jevitaw, l-istrutturi eżistenti tal-Parlament Ewropew, li jridu jiġu rieżaminati sabiex jappoġġaw bl-aħjar mod lill-vittmi; jappella għal skambju tal-aħjar prattiki bejn il-gruppi politiċi dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-fastidju sesswali u forom oħra ta’ fastidju; jesprimi t-tħassib tiegħu li r-rapportar tal-fastidju fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE jaf ikollu konsegwenzi fuq il-karriera tal-ilmentaturi; jenfasizza wkoll in-nuqqas ta’ data trasparenti u li tirrispetta l-privatezza dwar l-għadd ta’ każijiet ta’ fastidju fl-istituzzjoni;

18.  Ifakkar fl-obbligu tal-istituzzjonijiet Ewropej kollha li jistabbilixxu l-politiki kollha meħtieġa u protokolli ta’ azzjonijiet standardizzati sensittivi għall-ġeneru biex jipprevjenu u jindirizzaw il-forom kollha ta’ fastidju u vjolenza, u jħeġġiġhom jiżguraw li r-regoli kollha fis-seħħ jiggarantixxu approċċ ta’ tolleranza żero għal kwalunkwe forma ta’ mġiba ħażina u appoġġ sħiħ għall-vittmi kollha; jenfasizza d-dmir ta’ eżemplarità tal-membri eletti, il-persunal politiku u l-uffiċjali f’kull livell; jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej isaħħu r-regoli u l-politiki interni tagħhom sabiex jiżguraw li, f’każijiet ta’ fastidju u/jew vjolenza psikoloġika jew sesswali rraportati, is-sanzjonijiet fuq l-awtur allegat jikkonsistu mhux biss minn sospensjoni temporanja tar-responsabbiltajiet u l-benefiċċji relatati matul il-perjodu tas-sospensjoni, iżda wkoll il-waqfien sħiħ tas-salarju tagħhom u terminazzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg tagħhom jekk jinstabu ħatja;

19.  Jilqa’ l-progress li sar dwar ir-riforma tal-politiki kontra l-fastidju fid-diversi istituzzjonijiet tal-UE wara li ġie fformat il-moviment MeToo; jinnota, madankollu, li fl-istituzzjonijiet kollha jista’ jsir titjib sabiex jingħataw protezzjoni u appoġġ aħjar lill-vittmi u l-awturi jiġu ssanzjonati; ifakkar b’mod partikolari fil-każ tal-Parlament Ewropew li kwalunkwe qafas legali ta’ deterrent irid jaderixxi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-penali tad-dritt tal-Unjoni u jenfasizza li l-penali attwali massima għal ksur ta’ regoli tikkonsisti minn xahar sospensjoni tal-indennizz tas-sussistenza jew xahar sospensjoni ta’ xahar tal-attività tal-Membri tal-Parlament Ewropew, li tista’ tiġi rdoppjata f’każ ta’ ksur ripetut; jinnota li dawn is-sanzjonijiet mhumiex proporzjonati fid-dawl ta’ dannu serju li jbatu minnu l-vittmi tal-fastidju; jappella, għalhekk, għat-tisħiħ tas-sanzjonijiet billi ssir reviżjoni tar-Regoli ta’ Proċedura sabiex jiġi żgurat li s-severità tad-dannu kkawżat lill-vittmi tal-fastidju sesswali u psikoloġiku tkun indirizzata b’mod xieraq u proporzjonat fir-rigward tal-penali;

20.  Jemmen li l-każijiet ta’ fastidju fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jaffettwaw il-baġit tal-UE, u li, għalhekk, għandhom jitqiesu meta jiġi deċiż jekk tingħatax il-kwittanza baġitarja lill-istituzzjoni kkonċernata; jappella għal qafas aktar protettiv u miżuri ta’ appoġġ ġodda għall-vittmi ta’ fastidju, b’mod notevoli appoġġ psikoloġiku waqt li tkun għaddejja l-proċedura;

21.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet u lill-aġenziji kollha tal-UE jiskambjaw u jqabblu regolarment l-aħjar prattiki tagħhom ta’ politiki kontra l-fastidju, linji gwida jew kwalunkwe dispożizzjonijiet ġodda dwar mekkaniżmi u strateġiji ta’ tagħlim biex wieħed jitgħallem ikampa li jippromwovu wkoll l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

22.  Jappella biex l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jintroduċu network ta’ konsulenti kunfidenzjali u ta’ medjaturi esterni biex jipprovdu gwida u appoġġ lill-vittmi ta’ fastidju sesswali u jħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn il-konsulenti kunfidenzjali f’korpi differenti tal-UE, li huwa essenzjali għal korpi iżgħar b’inqas membri tal-persunal disponibbli biex jipprovdu appoġġ adegwat;

23.  Jinnota l-importanza li jiġi indirizzat l-fastidju sesswali intersezzjonali, permezz ta’ ħolqien ta’ ambjent inklużiv u rispettuż, fejn il-membri kollha tal-komunità huma apprezzati u ttrattati b’dinjità, indipendentement mir-razza, il-ġeneru, l-età, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru, il-karatteristiċi sesswali, id-diżabbiltà, jew karatteristiċi oħra; jinnota l-problema ta’ fastidju sesswali intersezzjonali għandha tkun ta’ tħassib għas-soċjetà kollha kemm hi; jinnota l-importanza ta’ politika komprensiva kontra d-diskriminazzjoni u l-fastidju li tqis l-intersezzjonalità u l-esperjenzi uniċi ta’ gruppi emarġinati; jappella għal sforzi ta’ edukazzjoni, taħriġ, u sensibilazzazzjoni li jindirizzaw l-intersezzjonalità u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ gruppi emarġinati li għandhom jingħataw lill-persunal u lill-membri tal-istituzzjonijiet Ewropej;

24.  Jilqa’ l-fatt li din il-leġiżlatura hija l-ewwel waħda li fiha l-Membri tal-Parlament Ewropew intalbu jiffirmaw dikjarazzjoni li tikkonferma l-impenn tagħhom li jikkonformaw mal-Kodiċi ta’ Mġiba Xierqa, li għandha paragrafi speċifiċi dwar il-fastidju; ifakkar, madankollu, li l-miżuri attwali biex jiġi indirizzat il-fastidju sesswali mhumiex b’saħħithom biżżejjed u ma jinkludux l-azzjonijiet kollha mitluba f’riżoluzzjonijiet preċedenti; f’dan il-kuntest, jistieden lill-amministrazzjoni u lill-Bureau tal-Parlament jadottawhom u jimplimentawhom u jitlob lill-President u lis-Segretarju Ġenerali jippreżentaw il-progress li sar fl-implimentazzjoni f’laqgħa pubblika tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (FEMM); jinnota bi tħassib li, minkejja l-isforzi li saru, għad hemm każijiet ta’ fastidju sesswali fil-Parlament; huwa konvint, madankollu, mir-rieda politika tal-Parlament li jindirizza l-fastidju sesswali u tipi oħra ta’ fastidju kemm fi ħdan l-istituzzjoni kif ukoll barra minnha; jappella għal aktar trasparenza fil-proċeduri kollha u għall-implimentazzjoni ta’ miżuri konkreti minn dipartimenti differenti fil-livell politiku u amministrattiv;

25.  Jilqa’ t-taħriġ dwar il-prevenzjoni tal-fastidju offrut lill-Membri, lill-maniġers fis-Segretarjat tal-Parlament u lill-persunal; huwa konvint, madankollu, li parteċipazzjoni volontarja f’taħriġ dwar il-prevenzjoni tal-fastidju wera li mhuwiex biżżejjed; jappella għall-introduzzjoni ta’ taħriġ mandatorju dwar il-prevenzjoni tal-fastidju għall-Membri kollha mill-bidu nett ta’ kull mandat u għall-persunal kollu, b’mod partikolari għal-livelli kollha ta’ maniġment; jappella li jiġu assoċjati sanzjonijiet man-nuqqas ta’ tlestija ta’ dan it-taħriġ u għar-reviżjoni tar-Regoli ta’ Proċedura f’dan ir-rigward; huwa mħasseb dwar l-għadd baxx ta’ Membri li attendew it-taħriġ s’issa f’din il-leġiżlatura, hekk kif 260 Membru biss minn 705 lestew it-taħriġ li jirrappreżenta 36,9 % tal-membri kollha; jappella għalhekk għal aktar azzjoni sabiex jiżgura li Membri jlestu t-taħriġ dwar il-prevenzjoni tal-fastidju fi żmien raġonevoli; jappella għal lista pubblika fuq is-sit web tal-Parlament ta’ Membri li għadhom ma lestewx it-taħriġ u għal dawk li għadhom ma bdewhx, u għall-pubblikazzjoni ta’ ċertifikat li jindika t-tlestija ta’ dan it-taħriġ fuq il-paġna individwali ta’ kull Membru; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li t-taħriġ ikun disponibbli spiss fil-lingwi kollha tal-UE; ifakkar li s-sanzjonijiet għandhom ikunu proporzjonati u jirrispettaw l-istatus elett tal-Membri u d-dritt tagħhom li jeżerċitaw il-mandat tagħhom; jissottolinja li t-taħriġ għandu jeduka u jassigura lill-impjegati sabiex ikunu jistgħu jaġixxu f’każ ta’ mġiba mhux adegwata u sitwazzjonijiet potenzjali ta’ fastidju sabiex jiġu identifikati l-ewwel sinjali ta’ fastidju u jsir intervent malajr sabiex is-sitwazzjoni ma teskalax;

26.  Jilqa’ l-miżuri implimentati permezz tal-“Pjan Direzzjonali Aġġornat għall-adattament ta’ miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ appoġġ bikri biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta’ kunflitt u ta’ fastidju bejn il-Membri u l-APA, it-trainees jew membri oħra tal-persunal” adottat mill-Bureau fit-12 ta’ Marzu 2018, u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi; jappella għal titjib, fuq bażi regolari, tas-sensibilizzazzjoni għall-persuni kollha li jaħdmu fil-bini tal-Parlament dwar il-politika ta’ fastidju żero, sabiex jiġu pprovduti bl-għodod biex jirrikonoxxu l-forom kollha ta’ fastidju u jirrapportawh; jappella għal aktar data diżaggregata skont il-ġeneru biex tiddentifika sa liema punt il-fastidju jaffettwa lill-impjegati fi ħdan il-PE, b’enfażi partikolari fuq il-komunità LGBTQIA+; jitlob għal mekkaniżmu ta’ monitoraġġ għall-implimentazzjoni ta’ din il-politika bil-parteċipazzjoni tal-Kumitat FEMM;

27.  Jinnota l-ħidma tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fuq il-post tax-xogħol u l-Kumitat Konsultattiv li jittratta l-ilmenti ta’ fastidju li jikkonċernaw lill-Membri tal-Parlament Ewropew; jappella għal trasparenza sħiħa dwar kif il-Parlament qed jindirizza kwistjonijiet ta’ fastidju, filwaqt li jipproteġi l-identità ta’ dawk affettwati, u jistieden liż-żewġ kumitati jabbozzaw u jippubblikaw ir-rapporti ta’ monitoraġġ u l-valutazzjonijiet tar-riskju tagħhom kull sena fuq is-sit web tal-Parlament Ewropew; jappella għal valutazzjoni interna annwali kif ukoll għal valutazzjoni indipendenti minn awdituri esterni magħżula fi proċedura trasparenti minn tal-anqas darba kull mandat u jenfasizza li dawn ir-riżultati jridu jiġu ppubblikati; jirrakkomanda, f’konformità mar-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, li tiġi stabbilita task force ta’ esperti indipendenti b’mandat biex jeżaminaw is-sitwazzjoni tal-fastidju u l-abbuż sesswali fil-Parlament u biex iwettqu valutazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv eżistenti tagħha li jittratta l-ilmenti bejn l-APAs u l-Membri tal-Parlament Ewropew dwar il-Fastidju u l-Prevenzjoni tiegħu fuq il-Post tax-xogħol u l-Kumitat Konsultattiv tal-Persunal għall-Persunal tal-Parlament dwar il-Prevenzjoni tal-Fastidju; jirrakkomanda li tipproponi bidliet adegwati sabiex tiġi żgurata professjonalizzazzjoni u tinkiseb il-mira għal tolleranza żero;

28.  Itenni l-appelli tiegħu li ż-żewġ kumitati konsultattivi jingħaqdu f’kumitat wieħed li jittratta każijiet ta’ fastidju, u li dan ikun magħmul minn Kwestatur wieħed, żewġ rappreżentanti tal-kumitati tal-persunal u/jew l-APAs u tliet esperti professjonali bħal tobba, terapisti u esperti legali fil-qasam tal-fastidju sabiex ikun hemm kompożizzjoni ugwali, professjonali, ġusta u bbilanċjata; jappella għall-ħolqien ta’ reġistru kunfidenzjali tal-każijiet matul iż-żmien, kif diġà ntalab fir-riżoluzzjonijiet li jmorru lura għall-2017 u l-2021; jappella għal mandat ċar u proċess ta’ selezzjoni trasparenti għall-membri tal-kumitat; jirrakkomanda l-ħolqien ta’ network volontarju ta’ appoġġ ta’ superstiti li jipprovdi appoġġ u gwida fost il-vittmi u s-superstiti tal-fastidju;

29.  Jiddispjaċih li l-proċeduri li qed jinvestigaw il-fastidju allegat jistgħu jieħdu sa sentejn hekk kif dan jikkawża dannu mhux meħtieġ lill-vittmi; ifakkar li hija r-responsabbiltà legali tal-amministrazzjoni tal-Parlament li tinvestiga każijiet imressaq quddiemha b’diliġenza dovuta u fil-ħin; jistieden għalhekk liż-żewġ Kumitati Konsultattivi li jittrattaw l-ilmenti ta’ fastidju fi ħdan il-Parlament Ewropew jikkonkludu l-każijiet imressqa quddiemhom malajr kemm jista’ jkun, u tal-anqas fi żmien sitt xhur, u li jinformaw b’mod kontinwu lill-partijiet kollha nvoluti f’din il-proċedura; jappella lill-President tieħu deċiżjoni dwar is-sanzjonijiet possibbli fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi r-rapport inizjali u tikkomunika din id-deċiżjoni lill-partijiet involuti qabel ma jsir kwalunkwe avviż pubbliku; jistieden lill-Bureau jinkludi artikolu dwar l-iskadenzi preskritti biex jiżgura li d-Deċiżjoni tal-Bureau tat-2 ta’ Lulju 2018 tikkonforma mal-prinċipji legali tal-UE dwar iċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba; jenfasizza l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tal-ħaddiema bil-kuntratti l-anqas stabbli u lill-fastidju online fid-dawl taż-żieda fit-telexogħol;

30.  Jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej jimplimentaw awditu esternu dwar is-sitwazzjoni tal-fastidju fi ħdan l-istituzzjonijiet tagħhom, inkluż ir-rieżami tal-proċeduri u s-sistemi eżistenti fis-seħħ li jittrattaw il-każijiet ta’ fastidju, jippubblikaw l-eżitu tar-riżultati u jintroduċu riformi abbażi tar-rakkomandazzjonijiet mill-awditu;

31.  Jinnota l-importanza tal-informaturi fil-każijiet ta’ fastidju; itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu dwar ir-reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, speċjalment tal-Artikolu 22c tagħhom, bil-għan li jiġi allinjat mal-istandards tad-Direttiva dwar l-Informaturi; jistieden lill-Bureau biex sadanittant jirrevedi minnufih ir-Regoli Interni tal-Parlament li jimplimentaw l-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal, bil-għan li jallinjahom; jistieden lis-Servizz Ewropew għar-Riċerka Parlamentari jikkummissjona studju dwar il-valur miżjud tal-pjattaformi tal-informaturi fuq il-postijiet tax-xogħol u dwar kif dan jista’ jkun applikabbli fl-istituzzjonijiet tal-UE, li l-eżiti u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu għandhom jiġu ppreżentati f’sessjoni ta’ ħidma jew f’seduta ta’ smigħ bi skambji ta’ fehmiet fil-kumitati rilevanti tal-Parlament;

32.  Jitlob għal darba oħra lill-Ombudsman Ewropew jipprovdi informazzjoni koerenti fuq bażi annwali lill-Grupp ta’ Livell Għoli tal-Parlament dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u d-Diversità u l-Kumitat FEMM rigward ilmenti dwar amministrazzjoni ħażina relatati mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-Parlament;

o
o   o

33.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
(2) ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17.
(3) ĠU C 346, 27.9.2018, p. 192.
(4) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 31.
(5) ĠU C 232, 16.6.2021, p. 48.
(6) ĠU C 456, 10.11.2021, p. 191.
(7) ĠU C 456, 10.11.2021, p. 208.
(8) ĠU C 251, 30.6.2022, p. 2.
(9) ĠU C 251, 30.6.2022, p. 138.
(10) Testi adottati, P9_TA(2023)0047.
(11) Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), Lloyd’s Register Foundation, L-esperjenza tal-vjolenza u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol: l-ewwel stħarriġ globali, 2022.
(12) Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16).
(13) ILO, Experiences of violence and harassment at work: A global first survey (Esperjenzi ta’ vjolenza u fastidju fuq il-post tax-xogħol: l-ewwel stħarriġ globali), Ġinevra, 2022.
(14) Eurostat, EU survey on gender-based violence against women and other forms of inter-personal violence (EU-GBV) – first results – 2022 edition(Stħarriġ tal-UE dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u forom oħra ta’ vjolenza interpersonali (EU-GBV) – l-ewwel riżultati – edizzjoni tal-2022).
(15) ILO, Experiences of violence and harassment at work: A global first survey (Esperjenzi ta’ vjolenza u fastidju fuq il-post tax-xogħol: l-ewwel stħarriġ globali), Ġinevra, 2022.
(16) L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), Violence against women(Vjolenza kontra n-nisa), 2014.
(17) FRA, A long way to go for LGBTI equality(Fadal ħafna xi jsir għall-ugwaljanza tal-persuni LGBTI), FRA, 2020.
(18) Lomba, N., et al., Combating Gender based Violence: Cyber Violence(Niġġieldu l-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru: il-Vjolenza Online), Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew, 2021.
(19) Plan International, Free to be online? Girls’ and young women’s experiences of online harassment(Liberi li jkunu online? Esperjenzi ta’ bniet u nisa żgħażagħ ta’ fastidju online), 2020.
(20) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE (ĠU C 346, 27.9.2018, p. 192).
(21) Riżoluzzjoni tat-28 ta’ Novembru 2019 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul u l-miżuri l-oħra biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru (ĠU C 232, 16.6.2021, p. 48).
(22) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Diċembru 2021 dwar MeToo u l-fastidju – il-konsegwenzi għall-istituzzjonijiet tal-UE (ĠU C 251, 30.6.2022, p. 138)

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Ottubru 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza