Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2023 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Qafas ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Gvern tal-Malażja, min-naħa l-oħra (11714/2022 – C9-0430/2022 – 2022/0221M(NLE))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Gvern tal-Malażja, min-naħa l-oħra (11714/2022),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 209 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(iii) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9‑0430/2022),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ Ftehim Qafas dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Gvern tal-Malażja, min-naħa l-oħra (11732/2022),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet konġunti tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tas-16 ta’ Settembru 2021 bit-titolu “L-Istrateġija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku” (JOIN(2021)0024) u tal-1 ta’ Diċembru 2021 bit-titolu “Il-Global Gateway” (JOIN(2021)0030),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta’ Ġunju 2022 dwar l-UE u l-isfidi tas-sigurtà fl-Indo-Paċifiku(1) u tal-5 ta’ Lulju 2022 dwar l-istrateġija għall-Indo-Paċifiku fil-qasam tal-kummerċ u l-investiment(2),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-mexxejja maqbula fis-summit kommemorattiv bejn l-UE u l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) li sar fl-14 ta’ Diċembru 2022 fi Brussell,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ Ottubru 2017 dwar ir-relazzjonijiet politiċi tal-UE mal-ASEAN(3),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Indoneżja, il-Malażja, il-Filippini, Singapore u t-Tajlandja – pajjiżi membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja, iffirmat fis-7 ta’ Marzu 1980(4), li jikkostitwixxi l-qafas legali għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN,
– wara li kkunsidra t-Tieni Protokoll Fakultattiv għall-Ftehim Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-15 ta’ Diċembru 1989, li jimmira lejn l-abolizzjoni tal-piena kapitali,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tas-16 ta’ Diċembru 1966 u l-Protokoll Fakultattiv tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra tal-10 ta’ Diċembru 1984 u l-Protokoll Fakultattiv tagħha,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha minn Għajbien Sfurzat tat-23 ta’ Diċembru 2010,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet dwar l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (Il-Konvenzjonijiet tal-ILO),
– wara li kkunsidra l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali tas-17 ta’ Lulju 1998,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta’ Diċembru 1966 u l-Protokoll Fakultattiv tiegħu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-11 ta’ Settembru 2013 li fiha r-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar in-negozjati għal ftehim ta’ sħubija u kooperazzjoni UE-Malażja(5), tas-17 ta’ Diċembru 2015 dwar il-Malażja(6) u tat-18 ta’ Jannar 2023 dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni - rapport annwali 2022(7),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 105(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0194/2023),
A. billi l-UE u l-Indo-Paċifiku huma marbuta b’mod inseparabbli minħabba l-interdipendenza tal-ekonomiji tagħhom u l-isfidi globali kondiviżi tagħhom;
B. billi l-Parlament esprima impenn qawwi biex jappoġġa lill-ASEAN bħala l-organizzazzjoni ċentrali għall-kooperazzjoni reġjonali; billi l-Malażja hija membru fundatur tal-ASEAN u kellha rwol kruċjali fl-iffaċilitar tal-progress ġenerali ta’ din l-organizzazzjoni;
C. billi fl-2022, l-UE u l-ASEAN iċċelebraw il-45 anniversarju tar-relazzjonijiet diplomatiċi tagħhom; billi l-mexxejja UE-ASEAN tennew f’dikjarazzjoni konġunta maħruġa fis-summit kommemorattiv tal-14 ta’ Diċembru 2022 li l-UE u l-ASEAN kienu sħab strateġiċi b’interess komuni f’reġjun paċifiku, stabbli u prosperu;
D. billi l-kooperazzjoni attwali bejn l-UE u l-Malażja hija bbażata fuq il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni UE-ASEAN tal-1980; billi l-Malażja storikament kienet sieħba mill-qrib tal-UE;
E. billi fl-2004, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja FSK individwali mal-Malażja;
F. billi l-UE u l-Malażja bdew negozjati għal FSK fi Frar 2011 u kkonkludewhom fit-12 ta’ Diċembru 2015;
G. billi fil-5 ta’ Awwissu 2016, l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-FSK ġew ippreżentati lill-Kunsill bħala ftehim “UE biss” bejn l-Unjoni Ewropea u l-Malażja; billi fis-17 ta’ Marzu 2017, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kien tal-fehma li l-FSK kellu jiġi ffirmat u konkluż bħala ftehim “imħallat”;
H. billi filwaqt li l-Malażja qablet li l-FSK ikun imħallat, hija ppreferiet li ma tapplikax il-FSK b’mod proviżorju;
I. billi l-UE u l-Malażja ffirmaw il-FSK fl-14 ta’ Diċembru 2022;
J. billi l-FSK se jsaħħaħ il-kooperazzjoni f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, in-nonproliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata, il-kummerċ, il-migrazzjoni, l-ambjent, l-enerġija, it-tibdil fil-klima, it-trasport, ix-xjenza u t-teknoloġija, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, l-edukazzjoni, l-agrikoltura u l-kultura;
K. billi ż-żewġ partijiet tal-FSK UE-Malażja tennew ir-rispett tagħhom lejn il-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem, kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fi strumenti internazzjonali rilevanti oħra tad-drittijiet tal-bniedem; billi r-rekord tad-drittijiet tal-bniedem tal-Malażja għadu problematiku;
L. billi l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, inkluż is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, jeħtieġ li jiżguraw li l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE u tal-Istati Membri qed jiġu implimentati b’mod konsistenti fil-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-UE;
M. billi l-gvern ta’ unità l-ġdid tal-Malażja qed jiffaċċja sfidi kbar fit-twettiq ta’ riformi demokratiċi, inkluż fil-qasam tal-istat tad-dritt, id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u biex tingħeleb il-polarizzazzjoni profonda fis-soċjetà;
N. billi fil-Malażja, l-Att dwar is-Sedizzjoni u l-Att dwar il-Komunikazzjonijiet u l-Multimedia ntużaw, f’xi każijiet biex jillimitaw il-libertà tal-kelma, kontra membri tal-Parlament nazzjonali; billi l-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda fil-Malażja bħalissa qed tiġi attakkata, u dan l-attakk huwa megħjun mill-eżistenza ta’ liġijiet wiesgħa u fformulati b’mod vag, inkluż l-Att dwar is-Sedizzjoni, l-Att dwar l-Istamperiji u l-Pubblikazzjonijiet, u t-taqsimiet 504 u 505(b) tal-Kodiċi Penali, li jikkriminalizzaw diskors li jwassal għal ksur tat-“trankwillità pubblika”; billi skont rapporti differenti tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-awtoritajiet Malażjani qed jagħmlu użu dejjem akbar mill-investigazzjonijiet kriminali biex jagħtu fastidju lill-ġurnalisti, lill-attivisti tas-soċjetà ċivili, lill-akkademiċi u liċ-ċittadini ordinarji li jużaw il-midja soċjali;
O. billi l-Malażja mhijiex firmatarja tal-Konvenzjoni dwar ir-Rifuġjati tan-NU tal-1951; billi madwar 185 000 rifuġjat u applikant għall-ażil, inkluż aktar minn 100 000 Musulman Rohingya, huma rreġistrati mal-aġenzija tar-rifuġjati tan-NU (Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati) iżda ma ngħatawx status legali; billi l-Malażja qed tiddeporta r-rifuġjati lura lejn il-Myanmar/Burma, bi ksur apparenti tad-dritt għall-asil u tal-prinċipju ta’ non-refoulement;
P. billi l-ħaddiema migranti jikkostitwixxu madwar 20-30 % tal-forza tax-xogħol fil-pajjiż, u spiss ikunu vittmi ta’ xogħol furzat u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; billi r-rifuġjati, il-persuni li jfittxu asil u l-persuni apolidi jiffaċċjaw ukoll riskju kbir ta’ xogħol furzat, peress li huma mċaħħda mill-aċċess għal impjieg legali minħabba l-istatus tagħhom mhux rikonoxxut; billi nstabet evidenza reċenti tal-eżistenza ta’ xogħol furzat u ta’ tħaddim tat-tfal fil-Malażja;
Q. billi l-Malażja mhix firmatarja tat-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li għandu l-għan li jabolixxi l-piena tal-mewt;
R. billi fit-3 ta’ April 2023, il-Parlament Malażjan approva abbozz ta’ liġi li jwaqqaf l-użu obbligatorju tal-piena tal-mewt u jillimita l-piena kapitali għal delitti serji;
S. billi l-UE u l-ASEAN huma t-tielet l-akbar sħab kummerċjali ta’ xulxin; billi l-UE hija l-ħames l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Malażja, u l-Malażja hija t-tielet l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE fi ħdan l-ASEAN;
T. billi n-negozjati għal ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Malażja ġew varati fl-2010 iżda ġew sospiżi wara seba’ ċikli fl-2012, fuq talba tal-Malażja;
Strateġija tal-UE għall-Indo-Paċifiku u sħubija strateġika mal-ASEAN
1. Jinnota li r-reġjun Indo-Paċifiku għandu sinifikat strateġiku dejjem akbar għall-Ewropa; itenni l-appoġġ tiegħu għall-istrateġija għall-kooperazzjoni tal-UE fl-Indo-Paċifiku;
2. Jissottolinja l-impenn tal-UE favur reġjun Indo-Paċifiku ħieles, miftuħ u bbażat fuq ir-regoli; itenni li l-istrateġija Indo-Paċifika l-ġdida tal-UE jeħtieġ li tiġi implimentata malajr biex toffri lis-sħab tal-UE fir-reġjun opportunità biex jindirizzaw l-isfidi komuni flimkien, biex jiddefendu l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u biex jiddefendu l-valuri u l-prinċipji kondiviżi tal-UE u l-ASEAN; huwa favur kooperazzjoni aktar b’saħħitha mal-pajjiżi fir-reġjun, inkluż b’mod partikolari mal-pajjiżi tal-ASEAN;
3. Jenfasizza li l-ASEAN hija sieħeb strateġiku għall-UE fl-Indo-Paċifiku; jilqa’ s-summit kommemorattiv bejn l-UE u l-ASEAN fl-14 ta’ Diċembru 2022; jesprimi t-tama li l-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni konġunta tal-mexxejja UE-ASEAN se tirriżulta f’kooperazzjoni aktar b’saħħitha mal-pajjiżi tax-Xlokk tal-Asja u b’mod partikolari mal-Malażja; itenni l-valur politiku ta’ relazzjonijiet bilaterali b’saħħithom bejn l-ASEAN u l-UE b’mod ġenerali, u bejn il-Malażja u l-UE b’mod partikolari;
4. Itenni t-talba tiegħu għall-implimentazzjoni rapida tal-istrateġija tal-Global Gateway tal-UE b’koordinazzjoni mal-istrateġija għall-Indo-Paċifiku; jenfasizza ċ-ċentralità ġeopolitika ta’ dan l-approċċ, li jintegra dimensjonijiet orjentati lejn l-iżvilupp sostenibbli, trasformattivi, li jsaħħu r-reżiljenza u bbażati fuq il-valuri f’approċċ ta’ Tim Ewropa; jilqa’ t-tħabbira ta’ pakkett finanzjarju ta’ EUR 10 biljun biex jiġu aċċellerati l-investimenti fl-infrastruttura fil-pajjiżi tal-ASEAN, b’mod partikolari fir-rigward tat-tranżizzjoni ekoloġika u l-konnettività sostenibbli;
5. Jilqa’ l-fatt li l-mexxejja UE-ASEAN affermaw mill-ġdid ir-rispett reċiproku tagħhom għall-prinċipji tas-sovranità u l-integrità territorjali kif stabbilit fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti; itenni li l-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna hija ksur sfaċċat tad-dritt internazzjonali; jilqa’ l-fatt li l-Malażja vvutat favur ir-riżoluzzjonijiet tan-NU b’appoġġ għall-Ukrajna, inkluż ir-riżoluzzjoni li titlob li r-Russja tirtira immedjatament, kompletament u mingħajr kundizzjonijiet il-forzi militari kollha tagħha mit-territorju tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment; iħeġġeġ lill-Malażja tippromwovi r-rispett għad-dritt internazzjonali, tappoġġja lill-Ukrajna u tieħu pożizzjoni ċara kontra l-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, anke fil-qafas tal-ASEAN;
6. Jinnota li x-Xlokk tal-Asja huwa fost l-aktar reġjuni f’riskju fid-dinja inkwantu l-impatt tat-tisħin globali; jistenna bil-ħerqa li jitlaqqa’ l-ewwel Djalogu Ministerjali ASEAN-UE dwar l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima fl-2023; jinnota li d-diskussjoni dwar iż-żejt tal-palm kienet sfida fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Malażja;
FSK UE-Malażja
7. Jilqa’ l-konklużjoni tal-FSK mal-Malażja; iqis li dan il-FSK jipprovdi qafas legali sod għat-tisħiħ ulterjuri tar-relazzjonijiet bilaterali politiċi u ekonomiċi li ilhom jeżistu u għad-diskussjoni ta’ kwistjonijiet ta’ tħassib reġjonali u globali bħall-promozzjoni tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-ġustizzja internazzjonali, it-tisħiħ tal-qafas internazzjonali għan-nonproliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fost l-oħrajn;
8. Jissottolinja li FSK modern u orjentat lejn il-futur jeħtieġ li jipprovdi qafas ambizzjuż rigward il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa; jistieden lill-UE tqiegħed dawn l-aspetti fiċ-ċentru tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Malażja fl-implimentazzjoni tal-FSK;
9. Jistieden lill-awtoritajiet Malażjani jibdlu l-liġijiet diskriminatorji dwar in-nazzjonalità u ċ-ċittadinanza li jdgħajfu d-drittijiet tal-bniedem bażiċi tan-nisa u jieħdu azzjoni effettiva biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni kontra n-nisa fuq il-post tax-xogħol, inkluż id-diskriminazzjoni fl-aċċess għal opportunitajiet ta’ impjieg u fit-trattament, l-assenza ta’ liv tal-maternità u pagi inugwali bejn l-irġiel u n-nisa;
10. Jistieden lill-partijiet jimpenjaw ruħhom li jappoġġaw l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni domestika dwar id-diliġenza dovuta korporattiva u r-responsabbiltà korporattiva, jaqblu dwar obbligi aktar speċifiċi fid-dawl ta’ valutazzjonijiet tal-impatt sostenibbli, jiskambjaw informazzjoni rilevanti, bħal pereżempju l-għadd ta’ investigazzjonijiet, verifiki u azzjonijiet ta’ infurzar, u jipprovdu taħriġ jew assistenza teknika lill-kumpaniji dwar id-diliġenza dovuta korporattiva u r-responsabbiltà korporattiva;
11. Jenfasizza li l-partijiet jaqblu li jikkooperaw fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni, kif ukoll fis-setturi tat-teknoloġija ekoloġika, l-enerġija u t-trasport;
12. Ifakkar li l-FSK jikkonferma l-impenn tal-partijiet li jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli, jikkooperaw sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tibdil fil-klima u tal-globalizzazzjoni, u li jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-iżvilupp miftiehma fil-livell internazzjonali, b’mod partikolari għat-tisħiħ tas-sħubija globali għall-iżvilupp, kif imġedda fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli; iħeġġeġ liż-żewġ partijiet iżidu l-isforzi biex jindirizzaw l-effetti tat-tibdil fil-klima billi jadottaw u jimplimentaw politiki aktar effettivi dwar il-klima fir-rigward tat-tranżizzjoni tal-enerġija u tad-dekarbonizzazzjoni;
13. Jenfasizza l-impenn tal-partijiet li jsaħħu l-kooperazzjoni biex jindirizzaw il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-kwistjonijiet ta’ adattament skont il-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima; jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ambjentali multilaterali applikabbli, inkluż il-Ftehim ta’ Pariġi, għandha titqies fl-attivitajiet kollha mwettqa mill-partijiet fl-ambitu tal-FSK;
14. Jenfasizza li l-Malażja qed tiffaċċja degradazzjoni ambjentali dejjem akbar f’ħafna reġjuni, inkluż id-deforestazzjoni, it-telf tal-bijodiversità, u t-tniġġis tal-arja u tal-ilma; iħeġġeġ liż-żewġ partijiet jagħmlu enfasi importanti fuq l-indirizzar ta’ dawn il-kwistjonijiet fil-kooperazzjoni tagħhom dwar il-ġlieda kontra dawn il-problemi;
15. Jilqa’ l-fatt li l-FSK jappoġġa l-promozzjoni tal-edukazzjoni u l-kooperazzjoni kulturali, inkluż l-iskambji bejn il-persuni;
16. Jenfasizza li l-Artikolu 1(1) tal-FSK jipprevedi li d-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għat-tisħiħ tal-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba jikkostitwixxu elementi essenzjali tal-FSK; jitlob li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bilaterali fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari fir-rigward tal-iskambji tal-aħjar prattiki, l-edukazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-istabbiliment ta’ djalogu b’sinifikat u b’bażi wiesa’ dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-kooperazzjoni fi ħdan il-korpi rilevanti tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem; ifaħħar lill-Malażja, f’dan l-isfond, talli ħarġet stedina permanenti għall-proċeduri speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fis-26 ta’ Frar 2019; iħeġġeġ lill-Malażja tistieden lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għal żjara fil-pajjiż;
17. Itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet Malażjani biex iħassru l-Att dwar is-Sedizzjoni li huwa wiesa’ żżejjed u jagħmlu l-leġiżlazzjoni kollha, inklużi l-Att dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu, l-Att dwar l-Istamperiji u l-Pubblikazzjonijiet, l-Att dwar il-Komunikazzjoni u l-Multimedia, l-Att dwar l-Għaqda Paċifika, u d-dispożizzjonijiet rilevanti oħra tal-Kodiċi Penali, konformi mal-istandards internazzjonali dwar il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet Malażjani biex jiffaċilitaw l-għaqda paċifika u jiggarantixxu s-sikurezza tal-parteċipanti kollha u l-libertà tal-espressjoni tagħhom;
18. Itenni t-tħassib tiegħu dwar l-adozzjoni tal-Att dwar il-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali fl-2016, li jagħti setgħat straordinarji lill-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali u lill-forzi tas-sigurtà; itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet Malażjani biex jirrevokaw din il-liġi, li tikser l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-ħtieġa li tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali ma tistax tinjora l-obbligu li jiġu protetti d-drittijiet ċivili u politiċi;
19. Itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet Malażjani biex jirratifikaw u jimplimentaw konvenzjonijiet internazzjonali ewlenin dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni Razzjali u l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;
20. Jistieden lill-Gvern Malażjan biex jirratifika u jimplimenta minnufih il-Konvenzjonijiet fundamentali kollha tal-ILO, inkluż dawk dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni (Nru 87), dwar id-Diskriminazzjoni (Nru 111), u dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali (Nru 155); jilqa’ r-ratifika reċenti tal-Malażja tal-Protokoll tal-2014 għall-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat tal-1930; iħeġġeġ lill-Gvern Malażjan jaġixxi b’mod sod kontra x-xogħol furzat, inkluż l-abbużi tal-ħaddiema domestiċi u jipprojbixxi lil min iħaddem milli jżomm passaporti mingħajr il-kunsens tal-impjegati; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Malażjani jżidu l-isforzi biex jidentifikaw il-vittmi tat-traffikar fost il-ħaddiema tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (RPĊ) fuq proġetti ta’ infrastruttura affiljati mal-gvern tar-RPĊ;
21. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tal-minoranzi reliġjużi u etniċi u tal-komunitajiet indiġeni fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Malażjani jipprovdu qafas komprensiv għall-protezzjoni u l-appoġġ tal-gruppi indiġeni u ta’ minoranza kollha fil-pajjiż, bir-rispett dovut għad-drittijiet fundamentali tagħhom, inkluż il-libertà reliġjuża u d-drittijiet kulturali;
22. Jikkundanna d-diskriminazzjoni mifruxa kontra l-komunità LGBTIQ+; jistieden lill-Gvern Malażjan jadotta malajr qafas legali biex jipproteġi lill-komunità LGBTIQ+ mid-diskriminazzjoni, b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u f’konformità mal-istandards internazzjonali;
23. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati fil-Malażja, b’mod partikolari fir-rigward tad-detenzjoni u d-deportazzjoni ta’ rifuġjati u persuni li jfittxu asil lejn pajjiżi fejn jiffaċċjaw ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż ir-rifuġjati Rohingya; jikkundanna d-deportazzjoni sommarja ta’ eluf ta’ ċittadini tal-Myanmar mingħajr ma jiġu vvalutati t-talbiet għall-asil tagħhom jew ħtiġijiet oħra ta’ protezzjoni tagħhom, bi ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement; jistieden lill-awtoritajiet Malażjani jwaqqfu minnufih id-deportazzjonijiet furzati u jagħtu malajr lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati aċċess għaċ-ċentri ta’ detenzjoni tal-immigrazzjoni; itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet Malażjani biex jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni dwar ir-Rifuġjati tal-1951 u l-Protokoll tal-1967 tal-istess Konvenzjoni;
24. Jissottolinja li l-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni jeħtieġ li tiġi implimentata b’rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali; jistieden lill-UE tippromwovi, tirrispetta u tipproteġi l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u b’mod partikolari l-prinċipji ta’ non-refoulement u ta’ ritorn volontarju fil-kooperazzjoni tagħhom mal-Malażja fil-qasam tal-migrazzjoni;
25. Ifaħħar lill-Malażja għall-abolizzjoni tal-użu obbligatorju tal-piena tal-mewt; jistieden lill-Gvern Malażjan iżomm il-moratorju uffiċjali fuq l-eżekuzzjonijiet kollha sakemm il-piena tal-mewt tiġi abolita kompletament u s-sentenzi tal-mewt kollha jiġu mibdula;
26. Jistieden lill-awtoritajiet Malażjani u lill-UE jinvolvu lis-soċjetà ċivili, lit-trade unions u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem b’mod sinifikattiv fl-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim;
27. Jenfasizza li t-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem jeħtieġ li jiġi kkunsidrat waqt kwalunkwe negozjati mal-Malażja;
28. Jenfasizza li l-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles tal-UE jipprevedu l-“klawżola ta’ noneżekuzzjoni” li twassal għas-sospensjoni tal-preferenzi kummerċjali fil-każ ta’ ksur tal-elementi essenzjali tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles;
o o o
29. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex tgħaddi r-riżoluzzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Malażja.