Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2023 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar traineeships ta’ kwalità fl-Unjoni (2020/2005(INL))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 292 tat-TFUE, flimkien mal-Artikoli 153 u 166 tat-TFUE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 153(2), il-punt (b), tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 153(1), il-punt (b), tat-TFUE,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2014 dwar Qafas ta’ Kwalità għat-Traineeships(1) (ir-“Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2014”),
– wara li kkunsidra r-rapport sommarju fattwali tal-Kummissjoni tal-3 ta’ Awwissu 2022 tal-konsultazzjoni pubblika online b’appoġġ għall-evalwazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2014 dwar Qafas ta’ Kwalità għat-Traineeships (QFT)(2),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tas-27 ta’ Lulju 2017 dwar “Kuntrattar frodulenti tax-xogħol: abbuż tal-istatus tat-traineeships (l-Awstrija, il-Finlandja, Spanja u r-Renju Unit)”(3),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta’ Ottubru 2018 bit-titolu “Traineeships taħt il-Garanzija għaż-Żgħażagħ – Esperjenza minn fuq il-post”(4),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Ottubru 2016 bit-titolu “Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ: tliet snin wara” (COM(2016)0646),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Ottubru 2016 bit-titolu “Applikazzjoni tal-Qafas ta’ Kwalità għat-Traineeships” (SWD(2016)0324),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Ottubru 2020 dwar Pont għall-Impjiegi – It-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar l-istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Ottubru 2020 dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar Ewropa soċjali b’saħħitha għal tranżizzjonijiet ġusti(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Frar 2022 dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni taż-żgħażagħ Ewropej: l-impjiegi u l-irkupru soċjali wara l-pandemija(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Novembru 2022 dwar il-Llgat tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022(9),
– wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017 fis-Summit ta’ Gothenburg, b’mod partikolari l-Prinċipji Nru 1 u 4 tiegħu, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u d-Dikjarazzjoni tas-Summit Soċjali ta’ Porto tal-2021 li jimpenjaw ruħhom biex jaħdmu lejn Ewropa Soċjali u jirrinforzaw il-koeżjoni soċjali,
– wara li kkunsidra r-rapport ta’ eżitu tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa tat-30 ta’ Novembru 2022, adottat fil-qafas tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, b’mod partikolari l-proposta Nru 47, il-miżura Nru 5 li titlob li jiġi żgurat li l-internships u l-impjiegi taż-żgħażagħ jaderixxu mal-istandards ta’ kwalità, inkluż dwar ir-remunerazzjoni, filwaqt li jintemmu l-pagi minimi taż-żgħażagħ u kwalunkwe dispożizzjoni diskriminatorja oħra tal-liġi tax-xogħol speċifika għaż-żgħażagħ, u filwaqt li jiġu pprojbiti wkoll, permezz ta’ strument legali, l-internships mhux imħallsa fis-suq tax-xogħol u barra mill-edukazzjoni formali,
– wara li kkunsidra l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Jannar 2023 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas ta’ Kwalità għat-Traineeships,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, li għalih l-Istati Membri kollha tal-UE huma Stati Partijiet, b’mod partikolari l-Artikolu 7, il-punt (a)(i), dwar pagi ġusti u remunerazzjoni ugwali, l-Artikolu 7, il-punt (c), dwar opportunitajiet indaqs għal kulħadd, u l-Artikolu 9 dwar id-dritt għas-sigurtà soċjali għal kulħadd,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1700 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi qafas komuni għall-istatistika Ewropea relatata ma’ persuni u unitajiet domestiċi, abbażi ta’ data fuq livell individwali miġbura minn kampjuni, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 808/2004, (KE) Nru 452/2008 u (KE) Nru 1338/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1177/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98(10),
– wara li kkunsidra l-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Diċembru 2022 bit-titolu “lejn drittijiet ugwali għall-persuni b’diżabilità”(11),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità tal-2006,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 47 u 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A9-0186/2023),
A. billi t-traineeships huma mezz importanti għaż-żgħażagħ biex jiksbu l-esperjenza qabel ma jsibu impjieg stabbli; billi t-traineeships jistgħu jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni jew taħriġ vokazzjonali għas-suq tax-xogħol; billi huwa kruċjali li jiġu stabbiliti l-aħjar kundizzjonijiet u inċentivi biex iż-żgħażagħ ikollhom aċċess għal traineeships b’livell għoli ta’ kwalità li jippermettulhom ikollhom esperjenza siewja ta’ tagħlim, kif ukoll esperjenza ta’ xogħol u l-iżvilupp ta’ sett rilevanti ta’ ħiliet; billi t-trainees li jagħmlu traineeships fis-suq tax-xogħol miftuħ, traineeships fil-kuntest ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol (ALMPs) u traineeships li huma parti obbligatorja mit-taħriġ professjonali għandu jkollhom id-dritt għal remunerazzjoni kif stabbilit fl-Anness I; billi t-trainees li jagħmlu traineeships bl-għan li jiksbu kwalifiki edukattivi għandu jkollhom aċċess għal kumpens adegwat kif stabbilit fl-Anness II;
B. billi l-pandemija tal-COVID-19 interrompiet ħafna opportunitajiet edukattivi u ta’ impjieg, u b’hekk ħolqot ostakoli għall-kisba tal-ħiliet; billi dan laqat primarjament u b’mod sproporzjonat it-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol ta’ persuni żgħażagħ minn sfond żvantaġġat;
C. billi jeżistu tipi differenti ta’ traineeships fl-Unjoni; billi traineeship tista’ tinftiehem bħala perjodu limitat ta’ prattika tax-xogħol li jinkludi element ta’ tagħlim u taħriġ u li persuna tagħmlu sabiex tikseb esperjenza prattika u professjonali bil-għan li ttejjeb l-impjegabbiltà ta’ dik il-persuna u tiffaċilita t-tranżizzjoni għal impjieg stabbli; billi l-Parlament ikkundanna ripetutament il-prattika ta’ traineeships mhux imħallsa bħala forma ta’ sfruttament tal-ħaddiema żgħażagħ u ksur tad-drittijiet tagħhom u appella għal qafas legali komuni biex tkun żgurata remunerazzjoni ġusta għat-traineeships sabiex jiġu evitati prattiki ta’ sfruttament(12);
D. billi l-biċċa l-kbira tat-traineeships fl-Unjoni jistgħu jinqasmu fil-kategoriji li jinkludu: traineeships fis-suq miftuħ, traineeships assoċjati ma’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol, traineeships li huma parti mit-taħriġ professjonali u traineeships li huma parti minn kurrikuli akkademiċi jew vokazzjonali; billi dawn it-tipi differenti kollha ta’ traineeships jipprovdu opportunità għaż-żgħażagħ biex jitħarrġu, jiksbu ħiliet li jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u għandhom jipprovduhom b’aċċess aktar faċli għal impjiegi ta’ kwalità fil-futur filwaqt li jissodisfaw il-ħtiġijiet personali tagħhom; billi l-Unjoni, l-Istati Membri u s-sħab soċjali għandhom rwol ewlieni x’jaqdu biex jipprovdu aċċess għal traineeships ta’ kwalità;
E. billi fl-Unjoni jeżistu approċċi u oqfsa legali differenti li jirregolaw it-traineeships; billi dawn id-differenzi regolatorji jeżistu kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll, f’xi każijiet, fi ħdan l-Istati Membri;
F. billi l-istudji stabbilew rabtiet bejn il-kwalità tat-traineeships u l-eżitu tal-impjieg(13), u li r-remunerazzjoni hi wieħed mill-kriterji ewlenin tal-kwalità ta’ dak li jistabbilixxi li traineeship ikun wieħed b’livell għoli ta’ kwalità(14);
G. billi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2014 tindirizza t-traineeships fis-suq miftuħ u dawk assoċjati ma’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol;
H. billi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2014 tirrakkomanda li l-Istati Membri jpoġġu fil-prattika l-prinċipji li ġejjin għal qafas ta’ kwalità għat-traineeships: il-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ traineeships bil-miktub, objettivi ta’ tagħlim u taħriġ, kundizzjonijiet tax-xogħol applikabbli għat-trainees, drittijiet u obbligi tat-trainee u tal-fornitur ta’ traineeships, il-limitazzjoni ta’ traineeships għal perjodu raġonevoli, ir-rikonoxximent xieraq tat-traineeships permezz ta’ għodod tal-Unjoni (bħall-Europass), ir-rekwiżiti tat-trasparenza, l-istabbiliment ta’ traineeships transfruntiera, l-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej biex jittejbu t-traineeships, u l-applikazzjoni tal-qafas ta’ kwalità għat-traineeships innifsu;
I. billi persuna tista’ tesperjenza diskriminazzjoni b’mod differenti abbażi ta’ varjetà ta’ fatturi, inkluż, iżda mhux limitat, għas-sess, ir-razza, il-kulur, in-nazzjonalità, l-oriġini etnika jew soċjali u ekonomika, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ dik il-persuna(15); billi huwa kruċjali li niffokaw fuq l-indirizzar u l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni kollha fit-traineeships u l-iżgurar tal-aċċessibilità tat-traineeships għall-persuni u l-gruppi ta’ persuni li huma l-aktar ’il bogħod mis-suq tax-xogħol; billi ż-żgħażagħ li jgħixu f’ċirkostanzi finanzjarji aktar dgħajfa, inklużi l-persuni li jgħixu f’unitajiet domestiċi b’ġenitur wieħed, il-persuni b’diżabilità, il-migranti, il-persuni b’livelli ta’ edukazzjoni aktar baxxi, iż-żgħażagħ li ma jgħixux mal-ġenituri tagħhom u l-persuni minn unitajiet domestiċi b’intensità ta’ xogħol baxxa, għandhom inqas ċans li jkollhom aċċess għar-riżorsi finanzjarji meħtieġa biex jagħmlu traineeships mingħajr ħlas jew bi ħlas baxx(16);
J. billi f’Lulju 2022, 87 miljun ċittadin Ewropew kellhom xi forma ta’ diżabilità; billi l-persuni b’diżabilità għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ ostakli meta jaċċessaw traineeships b’livell għoli ta’ kwalità u meta jfittxu impjieg fis-suq tax-xogħol miftuħ;
K. billi traineeships b’livell għoli ta’ kwalità huma kruċjali biex iż-żgħażagħ jiġu edukati u mħarrġa kif xieraq għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u biex jiġu indirizzati l-ispariġġi fil-ħiliet u n-nuqqasijiet konsegwenti fis-suq tax-xogħol fl-Unjoni, filwaqt li jiġu ssodisfati l-interessi personali tat-trainee u jiġi enfasizzat il-valur miżjud potenzjali kemm għal min iħaddem kif ukoll għat-trainees; billi wisq żgħażagħ ma jistgħux isibu impjieg stabbli minħabba li l-impjiegi disponibbli jaf ma jikkorrispondux mas-sett ta’ ħiliet tagħhom; billi, fl-istess ħin, 40 % ta’ min iħaddem(17) isibuha diffiċli biex isibu impjegati bil-ħiliet adatti; billi r-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Unjoni hija ta’ 15,1 %, u fil-kuntest attwali tal-kriżi tal-għoli tal-ħajja, skont il-Eurostat(18), iż-żgħażagħ huma l-grupp li qed jiffaċċja l-akbar riskju ta’ faqar: kwart taż-żgħażagħ jgħixu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, filwaqt li n-nisa żgħażagħ jgħixu f’riskju akbar ta’ faqar jew esklużjoni soċjali;
L. billi madwar nofs il-persuni li għandhom bejn 15 u 34 sena fl-Unjoni kisbu esperjenza ta’ xogħol billi għamlu mill-inqas traineeship wieħed; billi l-biċċa l-kbira taż-żgħażagħ jirrapportaw li ħadmu f’żewġ internships mhux imħallsa qabel ma sabu impjieg stabbli(19); billi dan ifisser li madwar erba’ miljun persuna jieħdu sehem f’mill-inqas traineeship wieħed fis-sena fl-Unjoni(20);
M. billi l-maġġoranza tat-trainees li ħadu sehem fi stħarriġ tal-Ewrobarometru jaħsbu li l-esperjenza tagħhom kienet siewja jew tkun siewja biex isibu impjieg stabbli (71 %), iżda kważi terz (28 %) ma jaqblux(21);
N. billi r-riċerka tikkonferma li l-valur tat-traineeships biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn l-impjieg jiddependi mill-kwalità tagħhom f’termini ta’ kontenut tat-tagħlim u kundizzjonijiet tax-xogħol(22);
O. billi, skont l-istess stħarriġ tal-Ewrobarometru kif imsemmi hawn fuq, 40 % biss tat-trainees irċevew kumpens finanzjarju u billi aktar minn nofs dawk it-trainees (53 %) qiesu li l-kumpens ma kienx biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż bażiċi tal-għajxien tagħhom(23);
P. billi t-traineeships fi Stat Membru ieħor għadu rari: skont stħarriġ li sar mill-Ewrobarometru, 9 % biss tat-traineeships fl-Unjoni jsiru barra mill-pajjiż(24);
Q. billi hemm nuqqas ta’ data kumparattiva aġġornata dwar it-traineeships fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ traineeships fis-suq tax-xogħol miftuħ; billi d-data disponibbli dwar it-traineeships fl-Unjoni hija appoġġata minn definizzjonijiet differenti, u dan joħloq il-problemi f’termini ta’ kumparabbiltà tagħhom;
R. billi l-inċentivi għal min iħaddem huma kruċjali meta jiġu offruti traineeships ta’ kwalità, b’mod partikolari fejn min iħaddem huma mikrointrapriża jew intrapriża żgħira jew ta’ daqs medju; billi huwa mħeġġeġ it-tisħiħ tal-ħiliet diġitali u l-għodod diġitali meħtieġa biex jappoġġaw lit-trainees waqt li jkunu qed jagħmlu t-traineeship tagħhom; billi, f’dan ir-rigward, il-programm ta’ traineeships ta’ opportunità diġitali, offrut fl-ambitu tal-programm Erasmus+, jipprovdi lill-istudenti u l-gradwati żgħażagħ bl-opportunità li jiksbu ħiliet diġitali fuq il-post tax-xogħol u jiksbu esperjenza fis-settur tat-teknoloġija; billi t-traineeships ta’ kwalità għandhom b’mod ġenerali jsiru bi preżenza fiżika; billi x-xogħol mill-bogħod jew ibridu huwa dejjem aktar in-norma f’għadd ta’ setturi u kumpaniji; billi, f’dan ir-rigward, kwalunkwe parti mill-bogħod jew ibrida ta’ traineeship għandha tkun aċċettabbli biss meta l-preżenza fuq il-post tax-xogħol ma tkunx meħtieġa jew possibbli u għandha tikkonforma mal-kriterji tal-kwalità;
1. Jenfasizza li t-traineeships huma primarjament esperjenza ta’ tagħlim li ma għandhomx jissostitwixxu l-impjiegi fil-livell tad-dħul; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, b’koperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, biex jiffaċilitaw u jtejbu l-aċċess taż-żgħażagħ għal traineeships b’livell għoli ta’ kwalità, imħallsa u inklużivi, b’mod partikolari għal dawk ġejjin minn sfond vulnerabbli biex jintlaħaq l-objettiv tal-Unjoni ta’ koeżjoni soċjali u inklużjoni;
2. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ traineeships b’livell għoli ta’ kwalità biex jittejbu l-ħiliet u l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, biex b’hekk titħaffef it-tranżizzjoni tagħhom lejn is-suq tax-xogħol; jenfasizza li t-traineeships jistgħu jkunu opportunità għaż-żgħażagħ biex jitgħallmu u jittestjaw karrieri differenti biex isibu liema impjiegi huma adattati l-aktar għat-talenti u l-aspirazzjonijiet tagħhom;
3. Jenfasizza l-ħtieġa li ż-żgħażagħ jiġu edukati u mħarrġa kif xieraq għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol biex jiġi indirizzat l-ispariġġ fil-ħiliet, filwaqt li jiġu ssodisfati l-interessi personali tagħhom u jiġi enfasizzat il-valur miżjud potenzjali kemm għal min iħaddem kif ukoll għat-trainees; f’dan ir-rigward, jenfasizza ukoll il-ħtieġa li jiġu offruti traineeships f’oqsma marbuta mal-ħtiġijiet b’rabta mal-ħiliet, man-nuqqas ta’ ħaddiema u mas-setturi orjentati lejn il-futur, fid-dawl tat-tranżizzjoni ekoloġika u tat-tranżizzjonijiet diġitali;
4. Jisħaq li l-Unjoni ma tistax tippromwovi l-prekarjetà u li traineeships mhux imħallsa u li ma jkunux ta’ kwalità ma jistgħux jiġu appoġġati minn finanzi pubbliċi; jinsisti li min iħaddem m’għandux jirċievi u juża l-appoġġ finanzjarju pubbliku jekk ma jikkonformax mal-kriterji tal-kwalità, il-liġi u l-ftehimiet kollettivi;
5. Ifakkar li t-traineeships b’livell għoli ta’ kwalità jista’ jagħtu kontribut siewi biex jintlaħqu l-miri soċjali tal-Unjoni sal-2030 li mill-inqas 60 % tal-adulti kollha jipparteċipaw f’taħriġ kull sena u li mill-inqas 78 % tal-persuni bejn l-20 u l-64 sena f’impjieg, kif ukoll li r-rata ta’ persuni qiegħda li mhumiex qed isegwu korsijiet ta’ studju jew taħriġ (NEETs) tonqos għal 9 % permezz ta’ opportunitajiet ta’ kwalità, f’konformità mal-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU Nru 1, 4, 8 u 10;
6. Jenfasizza l-ħtieġa li ż-żgħażagħ jiġu mħarsa milli jagħmlu diversi traineeships wara xulxin billi jsir monitoraġġ strett tal-użu ta’ kuntratti bl-għan li jagħmlu t-tranżizzjoni bejn l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol;
7. Jenfasizza li traineeships b’livell għoli ta’ kwalità jippromwovu l-idea ta’ tagħlim tul il-ħajja u jikkontribwixxu għall-adattament fid-dawl tal-bidla dinamika fis-suq tax-xogħol, u konsegwentement jestendu l-ħajja tax-xogħol;
Reviżjoni tal-qafas attwali
8. Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna u ssaħħaħ ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2014 u tittrasformaha fi strument leġiżlattiv aktar b’saħħtu;
9. Jirrikonoxxi li l-prinċipji eżistenti tal-qafas ta’ kwalità għat-traineeships jibqgħu rilevanti biex jiggwidaw lil min iħaddem biex joffri traineeships b’livell għoli ta’ kwalità; jieħu nota tal-pożizzjoni vulnerabbli li jħabbtu wiċċhom magħha ż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol; jenfasizza li jridu jiżdiedu prinċipji ġodda fil-qafas ta’ kwalità għat-traineeships sabiex tittejjeb il-kwalità tat-traineeships u tiġi faċilitata t-tranżizzjoni taż-żgħażagħ kollha mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-prinċipji addizzjonali li ġejjin fil-qafas ta’ kwalità għat-traineeships aġġornat:
–
aċċess għal kumpens adegwat tat-trainees skont l-għoli tal-ħajja,
–
aċċess tat-trainees għall-protezzjoni soċjali skont l-iskemi nazzjonali,
–
żieda fl-aċċess għat-traineeships għal trainees minn sfondi vulnerabbli, inklużi trainees b’diżabilità, bl-użu ta’ approċċ intersettorjali,
–
postijiet tax-xogħol aċċessibbli,
–
konformità ta’ kwalunkwe parti ta’ traineeship imwettqa mill-bogħod mal-kriterji tal-kwalità,
–
objettivi tat-tagħlim ċari u aċċess għal mentoraġġ adegwat u għall-gwida ta’ mentors imħarrġa biex jiġi żgurat it-trasferiment interġenerazzjonali tal-ħiliet,
–
b’koperazzjoni mal-ispettorati nazzjonali tax-xogħol u l-awtoritajiet rilevanti, rrapportar tal-prattiki ħżiena u l-kundizzjonijiet ħżiena matul il-perjodu tat-traineeships permezz ta’ kanali stabbiliti;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi direttiva dwar traineeships fis-suq tax-xogħol miftuħ, traineeships fil-kuntest ta’ ALMPs u traineeships li huma parti obbligatorja mit-taħriġ professjonali, sabiex jiġu żgurati standards minimi tal-kwalità, inklużi regoli dwar it-tul tat-traineeships, l-aċċess għall-ħarsien soċjali f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali kif ukoll remunerazzjoni li tiżgura standard ta’ għajxien deċenti sabiex jiġu evitati l-prattiki ta’ sfruttament, f’konformità mal-abbozz ta’ direttiva stabbilit fl-Anness I;
Assistenza u qawmien ta’ kuxjenza
11. Jikkundanna l-użu tal-istatus ta’ traineeship biex jiġu kuntrattati ħaddiema b’ħiliet għolja u speċjalizzati, meta fir-realtà huma impjegati u r-relazzjoni tal-impjieg tagħhom għandha tkun rikonoxxuta bħala tali; tali prattika abbużiva sikwit twassal għal nuqqas ta’ sigurtà tal-impjiegi, paga aktar baxxa u nuqqas ta’ protezzjoni soċjali, b’mod partikolari nuqqas ta’ vaganzi mħallsa, nuqqas ta’ protezzjoni tal-mard jew liv tal-ġenituri, u anke n-nuqqas totali ta’ bonus tal-Milied jew tal-vaganzi; jisħaq fuq l-importanza li dawn il-prattiki ma jitħallewx jiġu formalizzati u leġittimizzati;
12. Itenni r-rwol ċentrali li jista’ jkollhom il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u t-tabella ta’ valutazzjoni assoċjata tagħha li torbot il-finanzjament ma’ politiki għal Strument UE Next Generation, u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ biex jikkontribwixxu għal żieda fin-numru ta’ traineeships b’livell għoli ta’ kwalità, inkluż dawk li huma aċċessibbli għall-gruppi żvantaġġati; iħeġġeġ lill-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, biex jużaw ir-riżorsi kollha disponibbli f’dan il-qasam; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-investiment inkluż permezz tal-FSE+ biex jappoġġaw miżuri mmirati għall-integrazzjoni taż-żgħażagħ żvantaġġati;
13. Jistieden lill-Istati Membri biex jużaw aħjar l-FSE+ biex jgħinu l-progressjoni fl-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tranżizzjoni għax-xogħol, billi jappoġġaw l-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi, inkluż titjib u tiġdid tal-ħiliet, it-tagħlim tul il-ħajja u l-impjegabbiltà bil-għan li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà għal kulħadd, b’mod partikolari dawk ġejjin minn sfond vulnerabbli sabiex ikun żgurat l-aċċess tagħhom għal opportunitajiet ugwali u billi jikkontribwixxu għall-kompetittività(25); jissottolinja r-rwol partikolari tal-programm Erasmus+ fil-promozzjoni tal-mobbiltà tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-Unjoni għat-trainees żgħażagħ;
14. Jistieden lill-Kummissjoni tqajjem kuxjenza fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali tal-fondi disponibbli tal-Unjoni biex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà minn kulħadd għal traineeships b’livell għoli ta’ kwalità, b’mod partikolari l-persuni minn sfond vulnerabbli, sabiex ikun żgurat l-aċċess tagħhom għal opportunitajiet indaqs;
15. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri fil-qasam ta’ traineeships b’livell għoli ta’ kwalità li huma aċċessibbli għal kulħadd; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipprovdu gwida u assistenza lil min iħaddem, b’mod partikolari lill-mikrointrapriżi u lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, biex ikunu jistgħu joffru traineeships b’livell għoli ta’ kwalità, u biex joffru inċentivi lil min iħaddem li jipprovdu lit-trainees kollokament ta’ impjieg b’livell għoli ta’ kwalità wara t-tlestija b’suċċess ta’ traineeship;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tiffoka b’mod partikolari fuq l-iżgurar ta’ traineeships ta’ kwalità, aċċessibbli u mħallsa, b’mod partikolari fis-suq tax-xogħol miftuħ, matul is-Sena Ewropea tal-Ħiliet bħala segwitu tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ u f’konformità mar-rapport dwar l-eżitu finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa ta’ Mejju 2022;
17. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi assistenza lill-Istati Membri dwar inkjesti legali relatati mal-implimentazzjoni ta’ qafas ta’ kwalità għat-traineeships;
L-aħjar prattiki u l-monitoraġġ
18. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw skemi ta’ monitoraġġ adegwati biex jiżguraw li l-ewwel esperjenza tax-xogħol tat-trainees tkun ta’ kwalità għolja; jistieden lill-Kummissjoni twassal linji gwida għal skemi ta’ monitoraġġ adegwati biex tiġi żgurata l-uniformità tal-ġbir tad-data;
19. Jitlob li l-ispettorati nazzjonali tas-suq tax-xogħol jinfurzaw il-konformità mar-regolamenti eżistenti dwar traineeships b’livell għoli ta’ kwalità; f’dan ir-rigward, jitlob li jkun hemm aktar qawmien tal-kuxjenza, taħriġ u bini tal-kapaċità għall-ispettorati nazzjonali tas-suq tax-xogħol;
20. Jitlob li jkun hemm aktar koperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati kollha involuti, b’mod partikolari s-servizzi tal-edukazzjoni u tal-impjieg pubbliku, il-fornituri ta’ traineeships inkluż l-impjegaturi, il-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali u l-involviment tas-sħab soċjali, ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u t-trainees; jissuġġerixxi l-ħolqien ta’ Alleanza Ewropea għat-Traineeships, simili għall-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati, li tgħaqqad flimkien lill-gvernijiet u lill-partijiet ikkonċernati ewlenin bil-għan li ssaħħaħ il-kwalità u l-offerta ta’ traineeships fl-Unjoni, filwaqt li tippromwovi l-mobbiltà tat-trainees, b’mod partikolari billi tiżgura aċċess għal biżżejjed riżorsi finanzjarji, inklużi korsijiet tal-lingwi;
21. Jitlob għall-appoġġ tal-patti lokali għall-ħiliet b’koperazzjoni mas-servizzi tal-impjiegi pubbliċi u l-atturi rilevanti kollha biex jiġi żgurat li t-traineeship jgħin biex jingħalaq l-ispariġġ fil-ħiliet fis-swieq tax-xogħol;
Ġbir tad-data
22. Jitlob li jsir ġbir tad-data aħjar u aktar kumparattiv dwar it-traineeships fil-livell nazzjonali u dak tal-Unjoni; jitlob li tiġi inkluża data kumparattiva dwar it-traineeships fit-tabella ta’ valutazzjoni soċjali;
23. Jenfasizza l-fatt li hija meħtieġa aktar data, b’mod partikolari dwar: statistika ta’ traineeships mhux imħallsa u s-setturi li fihom il-kwistjoni hija aktar predominanti; l-ostakli li t-trainees jiffaċċjaw biex jiksbu traineeship b’livell għoli ta’ kwalità u modi kif jegħlbu dawn l-ostakli; l-effetti tal-kriżijiet soċjoekonomiċi reċenti fuq it-trainees; l-isfidi li jiġu ffaċċjati sikwit waqt traineeship u modi kif jingħelbu dawn l-isfidi; ostakli possibbli iffaċċjati minn min iħaddem meta joffri traineeships b’livell għoli ta’ kwalità, u modi kif dawn l-ostakli jingħelbu; il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ traineeships diġitali; l-esperjenzi ta’ trainees b’diżabilità kif ukoll ta’ dawk ġejjin minn sfondi vulnerabbli; l-ostakli għat-traineeships transfruntiera u l-modi biex dawn jiġu megħluba;
Aċċessibbiltà
24. Ifakkar li kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, iċ-ċittadinanza, l-oriġini etnika jew soċjali u ekonomika, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali trid tkun projbita; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri speċifiċi biex jiżguraw dan(26);
25. Jissottolinja l-fatt li traineeships b’livell għoli ta’ kwalità jridu jkunu inklużivi u aċċessibbli għal kulħadd; jisħaq, b’mod partikolari, fuq il-ħtieġa li l-persuni b’diżabilità jiġu appoġġati biex ikollhom aċċess għal traineeships b’livell għoli ta’ kwalità filwaqt li jiġi żgurat proċess ta’ reklutaġġ inklużiv u jitnaqqsu l-ostakli għall-persuni b’diżabilità; jitlob definizzjoni tal-Unjoni kollha tad-diżabilità u jistieden lill-Kummissjoni taċċellera l-introduzzjoni tal-Karta tad-Diżabilità tal-UE biex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà tal-persuni b’diżabilità u l-ħila tagħhom li jieħdu opportunitajiet ta’ traineeships fi Stati Membri oħra; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ post tax-xogħol aċċessibbli adattat għall-ħtiġijiet ta’ trainees b’tipi ta’ diżabilitajiet differenti; jitlob li ssir reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE(27) biex jittejjeb l-artikolu dwar akkomodazzjoni raġonevoli fuq il-post tax-xogħol skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità; jitlob li tiġi żblokkjata l-adozzjoni tal-proposta għal direttiva kontra d-diskriminazzjoni (COM(2008)0426); jenfasizza l-ħtieġa għas-separazzjoni tar-remunerazzjoni u l-appoġġ għad-diżabilità biex ikun hemm spejjeż addizzjonali relatati mad-diżabilità għat-traineeships; jenfasizza l-importanza tal-għajnuna personali biex jiġu appoġġati l-persuni b’diżabilità, bil-għan li jiġi appoġġat l-għajxien indipendenti; jitlob li jkun hemm aktar koperazzjoni bejn is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni li huma f’riskju akbar ta’ diskriminazzjoni;
26. Jenfasizza l-ħtieġa għal tagħlim tul il-ħajja; jitlob li t-traineeships ikunu aċċessibbli għal persuni ta’ kull età; ifakkar li t-traineeships jistgħu jipprovdu ħafna benefiċċji lill-fornitur ta’ traineeships u lit-trainee; jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-potenzjal enormi u sottovalutat tal-anzjani;
27. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu offruti opportunitajiet immirati lejn iż-żgħażagħ minn sfondi żvantaġġati, b’mod partikolari ż-żgħażagħ NEETs; f’dan ir-rigward, jappoġġa l-mira fil-livell tal-Unjoni li tistipula li l-perċentwal ta’ NEETs għandu jkun inqas minn 9 % sal-2030(28);
Mobilità transfruntiera
28. Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu aktar traineeships transfruntieri; f’dan ir-rigward, jenfasizza l-potenzjal tal-EURES bħala għodda ta’ tqabbil u kollokament ta’ traineeships; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa l-EURES billi tipprovdi informazzjoni aktar ċara, f’formati li huma aċċessibbli għal persuni b’tipi differenti ta’ diżabilitajiet, kif ukoll gwida u servizzi ta’ kollokament aħjar għal trainees interessati li jixtiequ jieħdu vantaġġ mill-mobbiltà transfruntiera; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-EURES, fost l-oħrajn, fost il-fornituri ta’ traineeships, iż-żgħażagħ, in-nies qiegħda u l-gradwati reċenti; Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw ir-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba matul it-traineeship, b’mod partikolari fir-rigward tar-rikonoxximent transfruntier tal-ħiliet; itenni l-fatt li t-traineeships huma esperjenza ta’ xogħol valida u għandhom ikunu rikonoxxuti bħala tali matul il-proċessi ta’ reklutaġġ;
29. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta, abbażi tal-Artikolu 153(2), il-punt (b), tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 153(1), il-punt (b), tat-TFUE, proposta għal direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill, dwar qafas dwar traineeships ta’ kwalità, li jistabbilixxi rekwiżiti minimi għal standards ta’ kwalità u remunerazzjoni adegwata għat-traineeships fis-suq tax-xogħol miftuħ, għat-traineeships fil-kuntest tal-ALMPs u għat-traineeships li huma parti obbligatorja mit-taħriġ professjonali, skont l-abbozz ta’ direttiva stabbilita fl-Anness I;
30. Jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta, abbażi tal-Artikolu 166(4) tat-TFUE, proposta għal deċiżjoni tal-Parlament u tal-Kunsill dwar qafas ta’ kwalità għal traineeships imwettqa bl-għan li jinkisbu kwalifiki edukattivi, f’konformità mal-abbozz ta’ deċiżjoni stabbilit fl-Anness II;
31. Huwa tal-fehma li huwa meħtieġ finanzjament suffiċjenti għall-proposti stabbiliti hawnhekk u jikkunsidra li l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-proposti mitluba għandhom ikunu koperti mill-allokazzjoni baġitarja rilevanti tal-Unjoni;
o o o
32. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet li jakkumpanjawha lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta’ Frar 2022 dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni taż-żgħażagħ Ewropej: l-impjiegi u l-irkupru soċjali wara l-pandemija (ĠU C 342, 6.9.2022, p. 265).
Il-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja d-dokument Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas ta’ Kwalità għat-Traineeships. SWD(2013)0495 final. P. 15.
Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16).
Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar traineeships ta’ kwalità
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 153(2) il-punt (b), flimkien mal-Artikolu 153(1) il-punt (b), tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1) Prinċipju 1 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jsostni li kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi sabiex jinżammu u jinkisbu ħiliet li jippermettulhom jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà u jiġġestixxu b’suċċess it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol. Il-prinċipju nru. 3 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jissottolinja li irrispettivament mill-ġeneru, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, kulħadd għandu d-dritt għal trattament u opportunitajiet indaqs rigward, inter alia, l-impjieg u l-edukazzjoni.
(2) L-Artikolu 14(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li kull persuna għandha d-dritt għall-edukazzjoni u d-dritt li jkollha aċċess għall-formazzjoni professjonali u kontinwa.
(3) L-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030 għandha l-għan li tiżgura l-parteċipazzjoni sħiħa ta’ persuni b’diżabilità fis-soċjetà, fuq bażi ugwali ma’ oħrajn fl-Unjoni u lil hinn minnha. Fi ħdan dik l-istrateġija, il-Kummissjoni timpenja ruħha li tiżgura li l-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jieħdu sehem fit-taħriġ u fit-tagħlim ta’ ħiliet ġodda bħala rekwiżit fundamentali għall-impjieg u l-indipendenza.
(4) It-traineeships saru punt ta’ dħul importanti fis-suq tax-xogħol.
(5) L-ispejjeż soċjoekonomiċi jinħolqu jekk it-traineeships, b’mod partikolari dawk ripetuti, jieħdu post l-impjieg regolari, b’mod partikolari karigi ta’ livell ta’ dħul li normalment jiġu offruti lit-trainees. Barra minn hekk, traineeships b’livell baxx ta’ kwalità, speċjalment dawk bi ftit kontenut ta’ tagħlim, ma jwasslux għall-impjegabbiltà tat-trainee u ma huma ta’ benefiċċju għall-ebda parti. L-ispejjeż soċjali jistgħu jinħolqu wkoll b’rabta ma’ traineeships bi ħlas baxx jew mhux imħallsa li jillimitaw l-opportunitajiet tal-karriera ta’ dawk li ġejjin minn sfond żvantaġġat.
(6) Iċ-ċirkostanzi finanzjarji ta’ individwi jolqtu ħafna l-għażla tagħhom biex iwettqu traineeship mhux imħallsa jew bi ħlas baxx. Żgħażagħ minn sfondi vulnerabbli huma esklużi inġustament mill-aċċess għal opportunitajiet ta’ impjieg fi ħdan l-organizzazzjonijiet u l-industriji li joffru traineeships mhux imħallsa u indirettament jiddiskriminaw kontra xi gruppi ta’ żgħażagħ.
(7) Teżisti evidenza tar-rabta bejn il-kwalità tat-traineeship u l-eżitu tal-impjieg. Il-valur tat-traineeships biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn l-impjieg jiddependi mill-kwalità tagħhom f’termini ta’ kontenut tat-tagħlim u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Traineeships ta’ kwalità jimmotivaw liż-żgħażagħ biex jidħlu fis-suq tax-xogħol, itejbu l-prospetti futuri u l-istabbiltà mentali, itejbu t-tqabbil tal-ħiliet mas-suq tax-xogħol, joffru benefiċċji diretti fir-rigward tal-produttività u jippromwovu l-mobbiltà, b’mod partikolari billi jnaqqsu l-ispejjeż tat-tiftix u tat-tqabbil, kemm għall-intrapriżi kif ukoll għat-trainees.
(8) L-evidenza turi li għadd sinifikanti ta’ traineeships m’għandhomx rabta bejn il-kompiti u l-objettivi tat-tagħlim. Traineeship ta’ kwalità irid joffri kontenut ta’ tagħlim solidu u b’sinifikat. Dan ifisser, l-identifikazzjoni tal-ħiliet speċifiċi li għandhom jinkisbu, superviżjoni u mentoraġġ tat-trainees, u monitoraġġ tal-progress tagħhom matul it-traineeship huwa meħtieġ.
(9) Ġew identifikati wkoll problemi fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, bħal pereżempju sigħat twal ta’ xogħol, nuqqas ta’ kopertura ta’ sigurtà soċjali, nuqqas ta’ kopertura ta’ assigurazzjoni tas-saħħa u tal-inċidenti kif ukoll liv minħabba l-mard, il-protezzjoni kontra r-riskji għas-saħħa u sigurtà jew riskji okkupazzjonali, remunerazzjoni baxxa jew noneżistenti u nuqqas ta’ ċarezza fit-termini u l-kundizzjonijiet previsti fil-ftehimiet tat-traineeships.
(10) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trainees huma koperti mis-sistema tas-sigurtà soċjali, speċjalment fir-rigward tad-drittijiet tas-saħħa, tal-qgħad u tal-pensjoni skont il-liġi u l-prattika nazzjonali. Il-fornituri ta’ traineeships għandhom jiżguraw li l-trainees ikollhom assigurazzjoni kontra l-inċidenti, inkluż inċidenti fuq il-post tax-xogħol, f’konformità mal-liġi u mal-prattika nazzjonali.
(11) It-traineeships fis-suq tax-xogħol miftuħ għadhom mhux regolati f’xi Stati Membri. Fin-nuqqas ta’ qafas jew strument regolatorju, jew minħabba li hemm nuqqas ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet tax-xogħol għat-traineeships u l-kontenut ta’ tagħlim tagħhom, ħafna fornituri ta’ traineeships jistgħu jużaw lit-trainees bħala ħaddiema rħas jew saħansitra mhux imħallsa.
(12) In-nuqqas ta’ informazzjoni bħal din u ta’ kriterji vinkolanti tal-kwalità huwa waħda mill-kawżi ta’ traineeships b’livell baxx ta’ kwalità u hija problema ħafna aktar mifruxa għat-traineeships milli għall-impjiegi regolari. Rekwiżiti ta’ trasparenza akbar u notifiki jew avviżi newtrali għall-ġeneru u inklużivi li jirreklamaw pożizzjonijiet ta’ traineeships itejbu l-aċċessibbiltà ta’ traineeships.
(13) Is-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, bħal unions tal-istudenti, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u fornituri ta’ servizzi ta’ gwida tal-karriera tul il-ħajja, għandhom rwol ewlieni fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ politiki u programmi ta’ taħriġ. Il-koperazzjoni bejniethom tista’ tipprovdi lit-trainees b’informazzjoni mmmirata dwar l-opportunitajiet ta’ karriera disponibbli u l-ħtiġijiet ta’ ħiliet fis-swieq tax-xogħol, kif ukoll dwar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tat-trainees.
(14) Il-Parlament Ewropew ikkundanna ripetutament il-prattika ta’ traineeships mhux imħallsa bħala forma ta’ sfruttament tal-ħaddiema żgħażagħ u ksur tad-drittijiet tagħhom u appella għal qafas legali komuni biex tkun żgurata remunerazzjoni ġusta għat-traineeships sabiex jiġu evitati prattiki ta’ sfruttament.
(15) Din id-Direttiva għandha tistabbilixxi l-istandards minimi għad-determinazzjoni ta’ x’jikkostitwixxi traineeship b’livell għoli ta’ kwalità;
(16) Din id-Direttiva għandha tkopri trainees li jagħmlu traineeships fis-suq tax-xogħol miftuħ, fil-kuntest ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol inkluż dawk offruti mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ, u traineeships li huma parti obbligatorja mit-taħriġ professjonali.
(17) Meta jitqiesu n-natura u l-objettiv ta’ din id-Direttiva, din m’għandhiex tiġi interpretata li xxekkel lill-Istati Membri milli jżommu jew jistabbilixxu dispożizzjonijiet aktar favorevoli għat-trainees,
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas bl-iskop li jtejjeb il-kwalità u l-aċċessibbiltà tat-traineeships, kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-trainees li jagħmlu t-traineeships. Din id-Direttiva tapplika għat-traineeships li ġejjin:
(a) traineeships tas-suq miftuħ;
(b) traineeships fil-kuntest ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol;
(c) traineeships li huma parti obbligatorja mit-taħriġ professjonali.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
1. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) “traineeship tas-suq miftuħ” tfisser ftehim mhux obbligatorju, bilaterali u privat bejn trainee u fornitur ta’ traineeship mingħajr l-involviment ta’ parti terza u mingħajr konnessjoni formali ma’ stabbiliment edukattiv jew ta’ taħriġ;
(b) “traineeship fil-kuntest ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol” tfisser traineeship organizzat minn servizz pubbliku tal-impjiegi b’koperazzjoni ma’ fornitur ta’ traineeship, abbażi ta’ ftehim bejn it-tliet partijiet bil-għan li tingħata għajnuna lil żgħażagħ qiegħda jew inattivi biex isibu impjieg;
(c) “traineeship li hu parti obbligatorja mit-taħriġ professjonali” tfisser traineeship li jservi bħala introduzzjoni obbligatorja fil-prattika professjonali ta’ qasam ta’ xogħol speċifiku;
(d) “ftehim ta’ traineeship” tfisser ftehim ta’ perjodu limitat ta’ żmien, li jistabbilixxi traineeship tas-suq miftuħ, traineeship fil-kuntest ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol jew traineeship li huwa parti obbligatorja mit-taħriġ professjonali, li jinkludi element ta’ tagħlim u taħriġ, li jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi nazzjonali, ftehim kollettiv jew prattika nazzjonali fis-seħħ f’kull Stat Membru, filwaqt li titqies il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;
(e) “trainee” tfisser persuna li tagħmel traineeship tas-suq miftuħ, traineeship fil-kuntest ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol jew traineeship li huma parti obbligatorja mit-taħriġ professjonali biex tikseb esperjenza prattika u professjonali bl-għan li ttejjeb l-impjegabbiltà u tiffaċilita t-tranżizzjoni għal impjieg regolari, fuq il-bażi ta’ ftehim ta’ traineeship;
(f) “fornitur ta’ traineeship” tfisser impriża, servizz pubbliku tal-impjiegi jew entità oħra pubblika, privata jew mingħajr skop ta’ qligħ li tipprovdi traineeships fis-suq miftuħ, traineeships fil-kuntest ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol jew traineeships li huma parti obbligatorja mit-taħriġ professjonali.
Artikolu 3
Kriterji tal-kwalità
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trainees ikollhom id-dritt għal:
(a) ftehim ta’ traineeship bil-miktub li jistabbilixxi mill-inqas:
(i) it-tul ta’ żmien tat-traineeship u d-dispożizzjonijiet għal kwalunkwe tiġdid tat-traineeship;
(ii) għal ftehimiet ta’ traineeship li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva: ir-remunerazzjoni li għandha tiġi pprovduta lit-trainee f’konformità mad-Direttiva (UE) 2022/2041 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(1);
(iii) id-drittijiet u l-obbligi tat-trainee u tal-fornitur ta’ traineeship inkluż il-kompiti li għandhom jitwettqu mit-trainee u, fejn rilevanti, il-politiki tal-fornitur ta’ traineeship fir-rigward tal-kunfidenzjalità u s-sjieda tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;
(iv) l-arranġamenti għall-mentoraġġ u l-evalwazzjoni li għandha titwettaq mis-superviżur li jiggwida lit-trainee fil-kompiti assenjati;
(v) l-objettivi tat-tagħlim li ġew stabbiliti u diskussi b’mod konġunt bejn it-trainee u l-fornitur ta’ traineeship, u fil-każ tal-Artikolu 2, il-punti (b) u (c), il-partijiet l-oħra involuti, biex jgħinu lit-trainee jikseb esperjenza prattika u ħiliet rilevanti.
Il-kompiti msemmija fil-punt (iii) għandhom ikunu stabbiliti b’referenza għall-objettivi tat-tagħlim imsemmija fil-punt (v) u għandhom jiffaċilitaw l-ilħuq ta’ dawk l-objettivi tat-tagħlim;
(b) id-drittijiet stabbiliti fid-Direttivi 2003/88/KE(2) u (UE) 2019/1152(3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif implimentati mil-liġi u l-prattiki nazzjonali;
(c) l-aċċess għall-ħarsien soċjali tat-trainees skont l-iskemi nazzjonali, inkluż l-assigurazzjoni tas-saħħa, il-benefiċċji tal-qgħad u l-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw appoġġ għall-fornituri ta’ traineeships li joffri traineeships għal persuni b’diżabilità.
Artikolu 4
Tul taż-żmien, tiġdid u estensjoni tat-traineeship
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tul taż-żmien tat-traineeship ikun limitat u ma jkunx inqas minn xahar, filwaqt li jitqiesu l-prattiki nazzjonali.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-arranġamenti marbuta mat-tul taż-żmien, it-tiġdid jew l-estensjoni tat-traineeships ma jirriżultawx fis-sostituzzjoni tal-impjiegi fil-livell ta’ dħul, pożizzjonijiet vakanti għal impjiegi full-time jew kuntratti ta’ impjieg b’terminu indefinit permezz ta’, fost l-oħrajn, l-estensjoni tal-istess traineeship fl-istess pożizzjoni mill-istess fornitur ta’ traineeship.
3. L-Istati Membri għandhom jiċċaraw iċ-ċirkostanzi u l-kundizzjonijiet li fihom traineeship jista’ jiġi estiż jew imġedded wara li jkun skada l-ftehim ta’ traineeship inizjali.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-ftehim ta’ traineeship kemm it-trainee kif ukoll il-fornitur ta’ traineeship jistgħu jtemmu l-ftehim b’komunikazzjoni bil-miktub, filwaqt li jiġi provdut avviż minn qabel fi żmien xieraq fid-dawl tat-tul tat-traineeship u tal-prattika nazzjonali rilevanti.
Artikolu 5
Rikonoxximent tat-traineeships
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ir-rikonoxximent u l-validità tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba matul it-traineeships u li l-fornituri ta’ traineeships jattestawhom, abbażi ta’ valutazzjoni, permezz ta’ ċertifikat;
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-traineeships jiġu rikonoxxuti bħala esperjenza ta’ xogħol fil-proċessi ta’ reklutaġġ.
Artikolu 6
Rekwiżiti ta’ trasparenza
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta’ traineeships jinkludu fl-avviżi u r-reklami tal-pożizzjonijiet vakanti newtrali għall-ġeneru u inklużivi tagħhom informazzjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tat-traineeship, inkluż ir-remunerazzjoni tiegħu, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-kompiti mistennija u l-assigurazzjoni tas-saħħa u tal-inċidenti.
2. Il-fornituri ta’ traineeships għandhom jagħtu informazzjoni dwar il-politiki ta’ reklutaġġ, inkluż il-perċentwal ta’ trainees reklutati mill-fornitur ta’ traineeship wara t-traineeship tagħhom fis-snin reċenti.
3. Il-fornituri ta’ traineeships ma għandhomx jirrikjedu esperjenza ta’ xogħol preċedenti meta jirreklamaw jew joħorġu avviżi ta’ pożizzjonijiet vakanti għal traineeships.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispetturi tax-xogħol jipprojbixxu s-sostituzzjoni ta’ pożizzjonijiet fil-livell ta’ dħul jew pożizzjonijiet permanenti permezz ta’ traineeship.
Artikolu 7
Djalogu soċjali u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati
1. Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tas-sħab soċjali u f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-involviment effettiv tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati oħra fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tad-drittijiet u l-obbligi stabbiliti f’din id-Direttiva.
2. It-trainees għandu jkollhom aċċess għal rappreżentanza tal-ħaddiema, inkluż trade unions.
Artikolu 8
Penali
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva jew tad-dispożizzjonijiet rilevanti diġà fis-seħħ fir-rigward tad-drittijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom, sa ... [tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, bi kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom.
Artikolu 9
Nonrigressjoni u dispożizzjonijiet aktar favorevoli
1. Din id-Direttiva m’għandhiex tintuża biex jitnaqqsu d-drittijiet eżistenti għat-trainees, u lanqas ma tista’ tikkostitwixxi raġuni valida għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.
2. Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa l-prerogattiva tal-Istati Membri li japplikaw jew li jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma aktar favorevoli għat-trainees jew li jinkoraġġixxu jew jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehimiet kollettivi li huma aktar favorevoli għat-trainees.
Artikolu 10
Ġbir tad-data, monitoraġġ u evalwazzjoni
1. Il-Kummissjoni għandha tippubblika linji gwida biex tiżgura l-uniformità tal-ġbir tad-data. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-applikazzjoni ta’ dawk il-linji gwida.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ġbir tad-data tat-traineeships fil-livell nazzjonali jitwettaq f’konformità mal-linji gwida tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1. Dawn għandhom jibagħtu d-data miġbura lill-Kummissjoni kull sena.
Artikolu 11
Rapportar u rieżami
Sa ... [tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u l-impatt tagħha fil-prattika u tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Artikolu 12
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa ... [sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva] Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.
2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi ta’ kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
Artikolu 13
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 14
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Direttiva (UE) 2022/2041 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea(ĠU L 275, 25.10.2022, p. 33).
Ir-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-4 ta' Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9).
Id- Direttiva (UE) 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 105).
ANNESS II GĦAR-RIŻOLUZZJONI
Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas tal-kwalità għat-traineeships
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 166(4) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1) Prinċipju 1 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jsostni li kull persuna għandha d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi sabiex iżżomm u tikseb il-ħiliet li jippermettulha li tipparteċipa b’mod sħiħ fis-soċjetà u li tiġġestixxi b’suċċess it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol. Il-prinċipju tlieta tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jissottolinja li irrispettivament mill-ġeneru, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, kull persuna għandha d-dritt għal trattament u opportunitajiet indaqs, rigward, inter alia, x-xogħol u l-edukazzjoni.
(2) L-Artikolu 14(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea isostni li kull persuna għandha d-dritt għall-edukazzjoni u li jkollha aċċess għall-formazzjoni professjonali u kontinwa.
(3) L-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030 għandha l-għan li tiżgura l-parteċipazzjoni sħiħa ta’ persuni b’diżabilità fis-soċjetà, fuq bażi ugwali mal-oħrajn fl-Unjoni u lil hinn minnha. Fi ħdan dik l-istrateġija, il-Kummissjoni Ewropea timpenja ruħha li tiżgura li l-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jieħdu sehem fit-taħriġ u fit-tagħlim ta’ ħiliet ġodda bħala rekwiżit fundamentali għall-impjieg u l-indipendenza.
(4) It-traineeships magħmula bl-għan li jinkisbu kwalifiki edukattivi għandhom l-iskop li joffru lill-istudenti esperjenza ta’ tagħlim konkreta bbażata fuq ix-xogħol billi jintegraw l-għarfien akkademiku mal-esperjenza prattika, filwaqt li jagħtuhom l-opportunità li jsibu l-oqsma ta’ interess professjonali tagħhom u jtejbu l-impjegabbiltà tagħhom;
(5) Jinħolqu spejjeż soċjoekonomiċi jekk it-traineeships, b’mod partikolari dawk ripetuti, jieħdu post l-impjieg regolari, b’mod partikolari fil-pożizzjonijiet tal-livell ta’ dħul li normalment jiġu offruti lit-trainees. Barra minn hekk, it-traineeships b’livell baxx ta’ kwalità, speċjalment dawk bi ftit kontenut ta’ tagħlim, ma jwasslux għall-impjegabbiltà tat-trainee u l-ebda parti ma tibbenefika minnhom. L-ispejjeż soċjali jistgħu jinħolqu wkoll b’rabta ma’ traineeships mhux imħallsa li jillimitaw l-opportunitajiet tal-karriera ta’ persuni minn sfondi żvantaġġati;
(6) Teżisti evidenza tar-rabta bejn il-kwalità tat-traineeship u l-eżitu tal-impjieg. Il-valur tat-traineeships biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn l-impjieg jiddependi mill-kwalità tagħhom f’termini ta’ kontenut tat-tagħlim u l-kundizzjonijiet tat-taħriġ. Traineeships ta’ kwalità joffru motivazzjoni liż-żgħażagħ biex jidħlu fis-suq tax-xogħol, itejbu l-prospetti futuri u l-istabbiltà mentali, itejbu t-tqabbil tal-ħiliet mas-suq tax-xogħol, joffru benefiċċji diretti fir-rigward tal-produttività u jippromwovu l-mobbiltà, b’mod partikolari billi jnaqqsu l-ispejjeż tat-tiftix u tat-tqabbil, kemm għall-intrapriżi kif ukoll għat-trainees.
(7) L-evidenza turi li f’għadd sinifikanti ta’ traineeships ma teżistix ir-rabta bejn il-kompiti u l-objettivi tat-tagħlim. Traineeship ta’ kwalità irid joffri kontenut ta’ tagħlim solidu u sinifikattiv. Dan ifisser, l-identifikazzjoni tal-ħiliet speċifiċi li għandhom jinkisbu, is-superviżjoni u l-mentoraġġ tat-trainees, u l-monitoraġġ tal-progress tagħhom matul it-traineeship.
(8) Ġew identifikati wkoll problemi fir-rigward tal-kundizzjonijiet tat-taħriġ, bħal sigħat twal ta’ xogħol, nuqqas ta’ kopertura ta’ sigurtà soċjali, nuqqas ta’ kopertura ta’ assigurazzjoni tas-saħħa u tal-inċidenti kif ukoll liv minħabba l-mard, il-protezzjoni kontra r-riskji għas-saħħa u sigurtà jew riskji okkupazzjonali, kumpens fqir jew noneżistenti u nuqqas ta’ ċarezza fit-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehimiet tat-traineeships.
(9) F’xi Stati Membri, it-traineeships magħmula bl-għan li jinkisbu kwalifiki edukattivi għadhom mhux regolati. Fin-nuqqas ta’ qafas jew strument regolatorju, jew għax hemm nuqqas ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kundizzjonijiet tax-xogħol għat-traineeships u l-kontenut ta’ tagħlim tagħhom, ħafna mill-fornituri ta’ traineeships jistgħu jużaw lit-trainees bħala sors ta’ xogħol irħis jew saħansitra mhux imħallas.
(10) Il-qafas ta’ kwalità għat-traineeships imsaħħaħ u aġġornat se jappoġġa t-titjib tal-kundizzjonijiet tat-taħriġ u l-kontenut ta’ tagħlim tat-traineeships. L-elementi ewlenin tal-qafas ta’ kwalità għat-traineeships huma l-ftehim tat-traineeship bil-miktub li jindika l-objettivi edukattivi, kundizzjonijiet tat-taħriġ deċenti li jinkludu l-ammont ta’ kumpens allinjat mal-għoli tal-ħajja, drittijiet u obbligi, u rekwiżit li t-traineeships ikunu limitati għal tul ta’ żmien raġonevoli.
(11) In-nuqqas ta’ informazzjoni huwa waħda mill-kawżi ta’ traineeships b’livell baxx ta’ kwalità u huwa problema ħafna aktar mifruxa fit-traineeships milli fl-impjiegi regolari. Rekwiżiti ta’ trasparenza akbar għal notifiki jew avviżi newtrali għall-ġeneru u inklużivi li jirreklamaw pożizzjonijiet ta’ traineeships itejbu l-aċċessibbiltà.
(12) Il-partijiet ikkonċernati ewlenin, bħal pereżempju s-sħab soċjali, il-unions tal-istudenti, ir-rappreżentanti tal-istudenti, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u s-servizzi ta’ gwida dwar il-karriera tul il-ħajja, għandhom rwol ewlieni fit-tfassil, fl-implimentazzjoni u fil-monitoraġġ ta’ politiki u programmi ta’ taħriġ. Il-koperazzjoni bejniethom tista’ tipprovdi lit-trainees b’informazzjoni mmmirata dwar l-opportunitajiet ta’ karriera disponibbli u l-ħtiġijiet ta’ ħiliet fis-swieq tax-xogħol, kif ukoll dwar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tat-trainees.
(13) Waħda mill-opportunitajiet hija li tiżdied il-mobbiltà transfruntiera tat-trainees fl-Unjoni. In-nuqqas ta’ kumpens deċenti tikkostitwixxi ostakolu għall-iżvilupp ta’ mobbiltà transfruntiera tat-trainee, speċjalment għal studenti ġejjin minn gruppi żvantaġġati. Barra minn hekk, f’xi każijiet, instab li l-ostakoli amministrattivi u legali għall-mobbiltà transfruntiera tat-trainees jolqtu lil diversi mill-Istati Membri destinatarji. F’dan il-kuntest, l-informazzjoni dwar id-dritt għall-mobbiltà transfruntiera tat-trainees hija importanti. Billi jipprovdi prinċipji u linji gwida biex jiswew ta’ referenza, il-qafas tal-kwalità għat-traineeships jista’ jiffaċilita wkoll l-aċċess għat-traineeships tranżnazzjonali.
(14) Il-fornituri ta’ traineeships li jirrispettaw il-qafas ta’ kwalità għat-traineeships jistgħu jkunu appoġġati finanzjarjament minn fondi tal-Unjoni u nazzjonali. Dan jinvolvi kontribuzzjoni eventwali lill-fornituri għall-ispiża tat-traineeships.
(15) Il-Parlament Ewropew ikkundanna ripetutament il-prattika ta’ traineeships mhux imħallsa bħala forma ta’ sfruttament tal-ħaddiema żgħażagħ u ksur tad-drittijiet tagħhom u appella għal qafas legali komuni biex tkun żgurata remunerazzjoni ġusta għat-traineeships sabiex jiġu evitati prattiki ta’ sfruttament.
(16) Il-qafas ta’ kwalità għat-traineeships huwa punt ta’ referenza importanti biex jiġi ddeterminat x’jikkostitwixxi traineeship b’livell għoli ta’ kwalità.
(17) Din id-Deċiżjoni għandha tkopri t-trainees li jagħmlu traineeships bl-għan li jiksbu kwalifiki edukattivi.
(18) It-trainees koperti minn din id-Deċiżjoni għandu jkollhom aċċess għal kumpens adegwat li jiġi determinat minn kull Stat Membru fid-dawl tal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi nazzjonali u l-għoli tal-ħajja. Il-kumpens għandu jkopri mill-inqas il-ħtiġijiet bażiċi tal-għajxien bħall-ikel, l-akkomodazzjoni u t-trasport. Għandu jkun finanzjarju jew ikkomplementat b’xi mod ieħor minn benefiċċji in natura.
(19) Meta jiġu kkunsidrati n-natura u l-objettiv ta’ din id-Deċiżjoni, din m’għandhiex tiġi interpretata li xxekkel lill-Istati Membri milli jżommu jew jistabbilixxu dispożizzjonijiet aktar favorevoli għat-trainees,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Objettivi
L-objettivi tal-qafas ta’ kwalità għat-traineeships għandhom ikunu li jtejjeb:
(a) il-kwalità tat-traineeships imwettqa bil-għan li jinkisbu kwalifiki edukattivi, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontenut tat-tagħlim u tat-taħriġ kif ukoll il-kundizzjonijiet tat-taħriġ, bil-għan li tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għax-xogħol;
(b) l-aċċessibbiltà ta’ tali traineeships, b’mod partikolari bil-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni ta’ żgħażagħ minn gruppi żvantaġġati u persuni b’diżabilità billi jiġu implimentati l-Artikoli 2 sa 13.
Artikolu 2
Konklużjoni ta’ ftehim bil-miktub għat-traineeships
1. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li t-traineeships jkunu msejsa fuq ftehim bil-miktub konkluż fil-bidu tat-traineeship bejn it-trainee u l-fornitur ta’ traineeship;
2. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-ftehimiet ta’ traineeship jindikaw l-objettivi edukattivi, il-kundizzjonijiet tat-taħriġ, kumpens adegwat provdut lit-trainee mingħand il-fornitur ta’ traineeship, u d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet skont il-liġi applikabbli tal-Unjoni u nazzjonali, kif ukoll it-tul ta’ żmien tat-traineeship.
Artikolu 3
Objettivi tat-tagħlim u tat-taħriġ
1. L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-aħjar prattiki fir-rigward tal-objettivi tat-tagħlim u tat-taħriġ stabbiliti b’mod konġunt mit-trainee, mill-fornitur ta’ traineeship u mill-istituzzjoni edukattiva sabiex jgħinu lit-trainees jiksbu esperjenza prattika u ħiliet rilevanti. Il-kompiti assenjati lit-trainee għandhom jippermettu l-ilħuq ta’ dawn l-objettivi.
2. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lill-fornituri ta’ traineeships biex jagħżlu mentor għat-trainees li jiggwida lit-trainees fil-kompiti assenjati, jissorvelja u jivvaluta l-progress tagħhom filwaqt li jiżgura t-trasferiment interġenerazzjonali tal-ħiliet.
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet, il-kundizzjonijiet tat-taħriġ u l-aċċess għall-ħarsien soċjali tat-trainees, skont il-liġi applikabbli tal-Unjoni u nazzjonali, inkluż limiti għall-ħin massimu tax-xogħol fil-ġimgħa, perjodi minimi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u fil-ġimgħa, intitolamenti minimi għall-btajjel, liv tal-mard, drittijiet tat-telexogħol, u aċċess għar-rappreżentanza, jiġu rispettati u li s-sigħat tat-taħriġ u t-tul ta’ żmien tiegħu jkunu kompatibbli mal-pjan ta’ studju kkonċernat, fil-każ li t-taħriġ u l-edukazzjoni jkunu se jsiru simultanjament.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trainees ikunu koperti b’assigurazzjoni tas-saħħa u tal-inċidenti kif ukoll b’liv minħabba mard skont il-liġi u l-prattika nazzjonali.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trainees koperti minn din id-Deċiżjoni jkollhom aċċess għal kumpens adegwat, determinat minn kull Stat Membru fil-perspettiva tal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi u tal-għoli tal-ħajja nazzjonali.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe taqsima ta’ traineeship imwettqa mill-bogħod tissodisfa l-kundizzjonijiet tat-taħriġ, isir monitoraġġ kif xieraq tagħha mill-mentor u timplimenta l-qafas ta’ kwalità għat-traineeships b’mod sħiħ.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispettorati nazzjonali tax-xogħol u l-awtoritajiet rilevanti jkollhom il-mezzi biex jirrappurtaw prattiki ħżiena u kundizzjonijiet ħżiena għat-trainees.
Artikolu 5
Drittijiet u obbligazzjonijiet
L-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-partijiet ikkonċernati jiżguraw li l-ftehim ta’ traineeship jistipula d-drittijiet u l-obbligi tat-trainee u ta’ min jipprovdi t-traineeship, inkluż, fejn ikun rilevanti, il-politika tal-fornitur ta’ traineeship fir-rigward tal-kunfidenzjalità u s-sjieda tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;
Artikolu 6
Tul ta’ żmien tat-traineeship
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw tul ta’ żmien limitat tat-traineeships li, fil-prinċipju, ma jaqbiżx is-sitt xhur, għajr f’każijiet fejn tul ta’ żmien itwal ikun iġġustifikat, filwaqt li titqies il-prattika nazzjonali.
2. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-prattika li fil-ftehim ta’ traineeship jiġi speċifikat li kemm it-trainee kif ukoll il-fornitur ta’ traineeship jistgħu jtemmuh b’komunikazzjoni bil-miktub lill-partijiet kollha, li tagħti avviż minn żmien xieraq qabel fid-dawl tat-tul tat-traineeship u l-prattika nazzjonali rilevanti.
Artikolu 7
Rikonoxximent tat-traineeships
L-Istati Membri għandhom jiżguraw ir-rikonoxximent, il-validazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-għarfien, tal-ħiliet u tal-kompetenzi miksuba matul it-traineeships kemm mill-fornitur ta’ traineeship kif ukoll mill-istituzzjoni edukattiva.
Artikolu 8
Aċċessibbiltà tat-traineeships
1. L-Istati Membri għandhom jippromwovu aċċess akbar għat-traineeships għal trainees minn sfondi vulnerabbli, inklużi trainees b’diżabilità.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-postijiet tax-xogħol ikunu adattati biex ikunu aċċessibbli għal trainees b’diżabilità.
Artikolu 9
Rekwiżiti ta’ trasparenza
L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lill-fornituri ta’ traineeships biex jinkludu, fl-avviżi u fir-reklami tagħhom ta’ pożizzjonijiet vakanti li jkunu newtrali għall-ġeneru u inklużivi, informazzjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tat-traineeship, b’mod partikolari fir-rigward tal-kumpens, l-assigurazzjoni tas-saħħa u tal-inċidenti u l-kompiti mistennija u biex jipprovdu informazzjoni dwar il-politiki ta’ reklutaġġ, inkluż il-perċentwal ta’ trainees reklutati fis-snin reċenti.
Artikolu 10
Traineeships transfruntiera
1. L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-mobbiltà transfruntiera tat-trainees fl-Unjoni, inter alia billi jiċċaraw il-qafas legali nazzjonali għat-traineeships u jistabbilixxu regoli ċari dwar meta jilqgħu trainees minn Stati Membri oħra u meta jibagħtu trainees lejn Stati Membri oħra u billi jnaqqsu l-formalitajiet amministrattivi;
2. Fil-każ ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jagħmlu traineeships fl-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-qafas ta’ kwalità għat-traineeships għalihom.
3. Fil-każ ta’ mobbiltà barra mill-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jippromwovu r-rispett tal-qafas ta’ kwalità għat-traineeships fi ftehimiet bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u l-fornituri ta’ traineeships.
Artikolu 11
Appoġġ finanzjarju
L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-użu ta’ fondi nazzjonali u/jew tal-Unjoni, bħall-pereżempju mill-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, għal fornituri ta’ traineeships li jirrispettaw il-qafas ta’ kwalità għat-traineeships.
Artikolu 12
Ġbir tad-data, monitoraġġ u evalwazzjoni
1. Il-Kummissjoni għandha tippubblika linji gwida għal skemi ta’ monitoraġġ adegwat biex tiġi żgurata l-uniformità tal-ġbir tad-data ħalli jiġi żgurat ġbir ta’ data aħjar u kumparattiva dwar it-traineeships fil-livell nazzjonali.
2. Abbażi tal-linji gwida ppubblikati skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tagħmel monitoraġġ, b’koperazzjoni mal-Istati Membri u b’mod partikolari permezz tal-EMCO, tal-progress fl-implimentazzjoni tal-qafas ta’ kwalità għat-traineeships skont din id-Deċiżjoni u tanalizza l-impatt tal-politiki fis-seħħ.
Artikolu 13
Implimentazzjoni tal-qafas ta’ kwalità għat-traineeships
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex japplikaw il-qafas ta’ kwalità għat-traineeships mill-aktar fis possibbli.
2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni sa ... [tliet snin wara d-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni] dwar il-miżuri meħuda f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni.
3. L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-involviment attiv tal-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari s-sħab soċjali, il-unions tal-istudenti, ir-rappreżentanti tal-istudenti, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u s-servizzi ta’ gwida dwar il-karriera tul il-ħajja, fl-implimentazzjoni tal-qafas ta’ kwalità għat-traineeships.
Artikolu 14
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 15
Destinatarji
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri