Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2023 dwar ir-rikostruzzjoni sostenibbli u l-integrazzjoni tal-Ukrajna fil-komunità Ewro-Atlantika (2023/2739(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna, b’mod partikolari mindu eskalat il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fi Frar 2022,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra(1) u ż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna, iffirmati fl-2014,
– wara li kkunsidra l-applikazzjoni tal-Ukrajna għas-sħubija fl-UE tat-28 ta’ Frar 2022, u l-għoti konsegwenti ta’ status ta’ kandidat mill-Kunsill Ewropew fit-23 ta’ Ġunju 2022,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta wara l-24 Summit bejn l-UE u l-Ukrajna tat-3 ta’ Frar 2023 f’Kiev,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-summit tan-NATO f’Bucharest, fit-3 ta’ April 2008,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja tal-G7 tas-27 ta’ Ġunju 2022 dwar l-appoġġ għall-Ukrajna u d-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja tal-G7 l-aktar reċenti, tad-19 ta’ Mejju 2023,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà Josep Borrell u l-Kummissarju għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet Janez Lenarčič tas-6 ta’ Ġunju 2023 dwar il-qerda tad-diga ta’ Kakhovka,
– wara li kkunsidra d-dokument ta’ eżitu tal-Konferenza dwar l-Irkupru tal-Ukrajna (URC2022) li saret f’Lugano fl-4 u l-5 ta’ Lulju 2022 u l-URC2023 li se ssir f’Londra fil-21 u t-22 ta’ Ġunju 2023,
– wara li kkunsidra l-eżitu tal-Konferenza Internazzjonali ta’ Esperti dwar l-Irkupru, ir-Rikostruzzjoni u l-Modernizzazzjoni tal-Ukrajna, li saret f’Berlin fil-25 ta’ Ottubru 2022,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi mill-24 ta’ Frar 2022, meta r-Russja varat mill-ġdid il-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata, mhux ġustifikata u illegali tagħha kontra l-Ukrajna, is-sitwazzjoni ġeopolitika fl-Ewropa nbidlet fundamentalment; billi din il-gwerra ta’ aggressjoni tikkostitwixxi ksur sfaċċat u flagranti tal-Karta tan-NU u tal-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali; billi d-delitti mwettqa mir-Russja kontra l-Ukrajna, li jinkludu d-delitt ta’ aggressjoni, delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità li jistgħu jammontaw għal ġenoċidju, jirrikjedu l-obbligu ta’ rendikont sħiħ ta’ uffiċjali tal-gvern, mexxejja militari, propagandisti tal-media u awturi oħra, f’konformità mad-dritt internazzjonali; billi l-Ukrajna u ċ-ċittadini tagħha kienu u għadhom determinati fir-reżistenza tagħhom kontra l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja u ddefendew b’suċċess lil pajjiżhom, għad li ħallsu prezz qares mil-lat ta’ mwiet u ferimenti ċivili u militari kif ukoll il-qerda ta’ infrastruttura ċivili u kritika, tal-ambjent naturali u ta’ siti ta’ wirt kulturali; billi terz tal-popolazzjoni Ukrena ħarbu minn djarhom u l-prodott domestiku gross (PDG) tal-pajjiż huwa stmat li naqas b’mill-inqas terz fl-2022; billi l-azzjonijiet tar-Russja fl-Ukrajna matul dawn l-aħħar 16-il xahar għadhom jheddu l-paċi u s-sigurtà fl-Ewropa u madwar id-dinja;
B. billi l-Ukrajna, bħala pajjiż indipendenti u sovran, għandha d-dritt fundamentali li tiddetermina l-futur tagħha; billi dan jinkludi l-libertà li tagħżel l-alleanzi tagħha, li tistabbilixxi l-politiki tagħha u li ssegwi l-interessi nazzjonali tagħha f’konformità mar-rieda tal-poplu tagħha; billi Ukrajna b’saħħitha, stabbli u indipendenti hija vitali għall-istabbiltà taż-żona Ewro-Atlantika u kruċjali għat-trawwim tal-paċi u l-istabbiltà fl-Ewropa u fid-dinja, u għad-difiża tal-prinċipji tad-demokrazija u tad-dritt internazzjonali;
C. billi l-Ukrajna hija pajjiż kandidat għas-sħubija fl-UE u rċeviet appoġġ enormi mill-UE fl-oqsma kollha; billi l-Ukrajna għamlet progress tanġibbli fl-avvanz ta’ riformi kruċjali u turi impenn ċar lejn l-integrazzjoni mal-UE u man-NATO; billi f’Ottubru 2023, il-Kummissjoni se tippreżenta rapport dwar il-progress tal-Ukrajna fl-implimentazzjoni tas-seba’ rakkomandazzjonijiet indikati fl-opinjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Ġunju 2022 dwar l-applikazzjoni tal-pajjiż għal sħubija mal-UE; billi l-Kunsill Ewropew hu mistenni jiddeċiedi dwar l-istat ta’ tħejjija tal-Ukrajna għal sħubija mal-UE u dwar passi ulterjuri fil-perkors Ewropew tagħha fil-laqgħa tiegħu f’Diċembru 2023;
D. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha, flimkien mas-sħab internazzjonali u mal-alleati tan-NATO, qed jipprovdu appoġġ militari sostanzjali biex jassistu lill-Ukrajna fl-eżerċizzju tad-dritt leġittimu tagħha għall-awtodifiża kontra l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja;
E. billi, fid-dikjarazzjoni tas-summit tan-NATO f’Bucharest, l-alleati laqgħu l-aspirazzjonijiet Ewro-Atlantiċi tal-Ukrajna u qablu li din issir membru tan-NATO; billi kull ċiklu ta’ tkabbir tan-NATO segwa l-prinċipju li din l-organizzazzjoni għandha ġġib magħha sigurtà addizzjonali lill-membri eżistenti; billi s-summit tan-NATO li jmiss f’Vilnius f’Lulju 2023 se jkollu jindirizza l-kwistjoni ta’ kif għandu jingħata segwitu għad-dikjarazzjoni maħruġa f’Bucharest fl-2008 li appoġġat is-sħubija tal-Ukrajna;
F. billi t-theddid għall-paċi internazzjonali se jiżdied ħafna jekk l-Ukrajna ma toħroġx rebbieħa, għax dan jagħmel ħsara irreparabbli lill-pedament propju tal-ordni internazzjonali filwaqt li jagħti r-riħ lill-awtokraziji ostili madwar id-dinja biex jirreplikaw l-imġiba imperjalistika tar-Russja u jwettqu atti ta’ aggressjoni simili;
G. billi d-diga ta’ Kakhovka, li tinsab fuq ix-xmara Dnipro fil-parti tan-Nofsinhar tal-Ukrajna li tinsab okkupata mir-Russja, inqerdet deliberatament f’att ta’ terroriżmu fis-6 ta’ Ġunju 2023; billi l-isplużjoni ħolqot ħsara enormi fid-diga, u l-ilma tagħha beda nieżel bis-salt fid-direzzjoni ta’ Kherson; billi l-ħsara fid-diga kkawża diversi mwiet u wasslet biex il-popolazzjoni ċivili lokali kellha tiġi evakwata, filwaqt li qerdet l-infrastruttura, id-djar u l-organiżmi selvaġġi, u wasslet biex l-ilma ġie mniġġes b’sustanzi kimiċi u biż-żejt; billi l-Ukrajna stmat li għexieren ta’ eluf ta’ persuni għadhom maqbuda fiż-żona milquta u mijiet ta’ eluf jinsabu mingħajr aċċess għal ilma tax-xorb sikur; billi l-mini tal-art inqalgħu minn posthom bl-għargħar, u dan ħoloq tħassib serju dwar is-sikurezza; billi għexieren ta’ eluf ta’ ettari ta’ art agrikola saritilhom ħsara, filwaqt li t-tbattil tal-Ġibjun ta’ Kakhovka se jħalli 584 000 ettaru ta’ art agrikola mingħajr ilma għat-tisqija; billi l-ġibjun vast kien jipprovdi l-ilma għat-tkessiħ tal-impjant tal-enerġija nukleari (NPP) ta’ Zaporizhzhia u t-tnaqqis fil-livelli tal-ilma joħloq theddida addizzjonali għal dan l-impjant;
H. billi t-tieni Valutazzjoni Rapida tal-Ħsara u l-Ħtiġijiet mill-Gvern tal-Ukrajna, il-Grupp tal-Bank Dinji, il-Kummissjoni u n-Nazzjonijiet Uniti, ippubblikata fit-23 ta’ Marzu 2023, tistma li l-ispiża tar-rikostruzzjoni u l-irkupru fl-Ukrajna kibret għal mill-inqas EUR 383 biljun; billi din iċ-ċifra aktarx li se tkompli tiżdied hekk kif aktar infrastruttura qed issirilha ħsara jew tiġi meqruda, kif muri bl-eżempju tal-qerda reċenti tad-diga ta’ Kakhovka; billi l-Pjattaforma għall-Koordinazzjoni tad-Donaturi minn Diversi Aġenziji għall-Ukrajna ġiet varata fis-26 ta’ Jannar 2023, u tlaqqa’ flimkien uffiċjali ta’ livell għoli mill-Ukrajna, l-UE, il-pajjiżi tal-G7 u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bħall-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Dinji; billi l-pjattaforma hija maħsuba biex taġixxi bħala katalist għall-mobilizzazzjoni tal-impenji internazzjonali meħtieġa biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-Ukrajna;
1. Itenni s-solidarjetà soda tiegħu mal-poplu u mal-mexxejja qlubin tal-Ukrajna u jagħtihom ġieħ, għall-fatt li b’mod kuraġġuż qed jiddefendu s-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali ta’ pajjiżhom;
2. Itenni l-kundanna tiegħu, bl-aktar mod qawwi, tal-gwerra ta’ aggressjoni mhux ipprovokata, illegali u mhux iġġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna u tal-involviment tar-reġim fil-Belarussja; jistieden lir-Russja ttemm immedjatament l-attivitajiet militari kollha fl-Ukrajna u tirtira kompletament u mingħajr kundizzjonijiet il-forzi, il-proxies u t-tagħmir militari kollha mit-territorju kollu tal-Ukrajna rikonoxxut internazzjonalment, ittemm id-deportazzjonijiet furzati tagħha ta’ ċivili Ukreni u teħles lill-Ukreni kollha detenuti u deportati, b’mod partikolari t-tfal;
3. Jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jkompli jappoġġa lill-Ukrajna sar-restawr u l-kontroll sħaħ tal-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u matul il-proċess kollu tal-irkupru u r-rikostruzzjoni sostenibbli tal-Ukrajna; jirrikonoxxi r-reżiljenza u d-determinazzjoni murija mill-poplu Ukren fl-insegwiment tagħhom tal-valuri demokratiċi, l-isforzi ta’ riforma u l-aspirazzjonijiet għal integrazzjoni fil-komunità Ewro-Atlantika tan-nazzjonijiet;
4. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-qerda mir-Russja tad-diga ta’ Kakhovka fis-6 ta’ Ġunju 2023, li tat lok għal għargħar estensiv, ikkawżat diżastru ambjentali u ekoċidju fl-Ukrajna u tikkostitwixxi delitt tal-gwerra; itenni li dawk kollha responsabbli għal tali delitti tal-gwerra, inkluża l-qerda tad-diga, se jinżammu responsabbli f’konformità mad-dritt internazzjonali; jilqa’ l-attivazzjoni rapida tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu l-assistenza essenzjali kollha meħtieġa fiż-żona mgħarrqa, b’mod partikolari tagħmir u makkinarju għall-isforzi ta’ sokkors, ilma tax-xorb u ikel; jesprimi allarm dwar il-fatt li l-qerda tad-diga ta’ Kakhovka tista’ tipperikola wkoll is-sikurezza tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Zaporizhzhia; jappoġġa l-investigazzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali dwar il-qerda tad-diga ta’ Kakhovka;
5. Jesprimi t-tħassib kontinwu tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Zaporizhzhia, li huwa okkupat u kkontrollat illegalment mill-Federazzjoni Russa; jitlob li l-persunal tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) jingħata aċċess immedjat għall-faċilitajiet kollha fl-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Zaporizhzhia; jappoġġa l-isforzi biex tinżamm preżenza kontinwa tal-IAEA fl-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Zaporizhzhia; jissottolinja l-importanza li jissaħħaħ il-qafas internazzjonali għall-protezzjoni tal-faċilitajiet nukleari ddedikati għal skopijiet paċifiċi, inkluż matul kunflitti armati; itenni t-tħassib serju tiegħu dwar l-impatt ambjentali usa’ u fit-tul tal-kunflitt; ifakkar u jikkundanna l-atti preċedenti tar-Russja ta’ ekoċidju kontra l-flora u l-fawna tal-Ukrajna, inkluż il-qtugħ tas-siġar fil-foresti Ukreni, l-estrazzjoni minerarja ta’ żoni kbar u l-avvelenament tar-riżorsi tal-arja u tal-ilma;
6. Jissottolinja li l-paċi li ġġib magħha r-rebħa tal-Ukrajna trid tiġi żgurata permezz tal-integrazzjoni tal-Ukrajna fl-UE u fin-NATO; itenni, f’dan il-kuntest, l-appoġġ tiegħu għad-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jagħti lill-Ukrajna status ta’ kandidat għas-sħubija fl-UE; jittama li jkun hemm rakkomandazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni wara li jiġu ssodisfati s-seba’ passi stabbiliti fl-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni għas-sħubija tal-Ukrajna fl-UE; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jistabbilixxu perkors ċar għall-bidu tan-negozjati ta’ adeżjoni, abbażi ta’ approċċ pass pass, li jiffoka fuq l-għoti ta’ benefiċċji tanġibbli lis-soċjetà u liċ-ċittadini Ukreni mill-bidu tal-proċess; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jappoġġaw lill-Ukrajna sabiex in-negozjati ta’ adeżjoni tagħha mal-UE jkunu jistgħu jinfetħu din is-sena u jinnota li dan jista’ jiġi segwit minn konferenza intergovernattiva fl-istess perjodu ta’ żmien; jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu favur is-sħubija tal-Ukrajna fl-UE, li tirrappreżenta bidla ġeostrateġika u investiment f’Ewropa magħquda u b’saħħitha;
7. Itenni t-talba tiegħu għal interazzjoni innovattiva, komplementari u flessibbli bejn il-ħidma li tinsab għaddejja fuq l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fis-seħħ u l-proċess ta’ negozjati tal-adeżjoni, biex b’hekk jingħata lok għall-integrazzjoni gradwali tal-Ukrajna fis-suq uniku u fil-programmi settorjali tal-UE, inkluż aċċess għall-fondi tal-UE fil-oqsma rispettivi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jastjenu minn kwalunkwe azzjoni unilaterali li tillimita l-aċċess tal-Ukrajna għas-suq uniku tal-UE;
8. Jissottolinja li l-proċess tal-adeżjoni mal-UE jrid iseħħ f’konformità mal-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, abbażi tar-rispett tal-proċeduri rilevanti u bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfati l-kriterji stabbiliti, b’mod partikolari l-kriterji ta’ Copenhagen għas-sħubija fl-UE, u jibqa’ proċess ibbażat fuq il-mertu li jirrikjedi l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi rilevanti, b’mod partikolari fl-oqsma tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ekonomija tas-suq u tal-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE; iħeġġeġ lill-Ukrajna tagħti prijorità lit-tisħiħ tal-istat tad-dritt, it-tkomplija tar-riforma tal-ġudikatura tagħha u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, peress li l-progress f’dawn l-oqsma se jiddetermina mhux biss il-progress tagħha fil-perkors Ewropew iżda wkoll is-suċċess tar-rikostruzzjoni u tal-irkupru tagħha; jemmen bis-sħiħ li l-prospett, sod u bbażat fuq il-mertu, ta’ sħubija fl-UE għall-Ukrajna huwa fl-interessi politiċi, ekonomiċi u ta’ sigurtà tal-Unjoni stess;
9. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprovdu aktar appoġġ u assistenza lill-Ukrajna fil-perkors tagħha lejn l-adeżjoni mal-UE, inkluż f’termini ta’ għarfien espert tekniku, bini tal-kapaċitajiet u r-riformi istituzzjonali meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-kriterji tas-sħubija; jissottolinja li l-Unjoni stess jeħtiġilha twettaq ir-riformi meħtieġa fid-dawl ta’ tkabbir futur;
10. Jilqa’ d-deċiżjoni tas-summit tal-Kunsill tal-Ewropa tas-17 ta’ Mejju 2023 f’Reykjavík li jiġi stabbilit reġistru għall-ħsara kkawżata mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li jservi bħala wieħed mill-ewwel passi lejn mekkaniżmu internazzjonali ta’ kumpens għall-vittmi tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja; jistieden lill-bqija tal-membri tal-Kunsill tal-Ewropa biex jingħaqdu mal-ftehim mill-aktar fis possibbli; itenni, f’dan il-kuntest, it-talba tiegħu lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex javvanzaw b’mod ambizzjuż il-ħidma tagħhom lejn l-istabbiliment ta’ bażi ġuridika għall-konfiska tal-assi pubbliċi Russi bl-għan li tiġi ffinanzjata r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna u jiġu kkumpensati l-vittmi tal-aggressjoni tar-Russja; jissottolinja l-konvinzjoni tiegħu li ladarba tintemm il-gwerra, ir-Russja trid tiġi obbligata tħallas ir-reparazzjonijiet imposti fuqha biex jiġi żgurat li tagħmel kontribuzzjoni sostanzjali għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna;
11. Jenfasizza l-importanza li r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna tiġi marbuta mat-tħejjijiet għall-adeżjoni tal-pajjiż mal-UE u mar-riformi domestiċi li jinsabu għaddejjin bħalissa; itenni li l-infrastruttura u l-kapaċità industrijali li saritilhom ħsara għandhom jinbnew mill-ġdid f’konformità mal-prinċipju ta’ “nibnu mill-ġdid aħjar” u mal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, bl-għan li tiġi promossa ekonomija mingħajr karbonju u diġitali u li l-Ukrajna tiġi ttrasformata fi stat soċjali u ekonomija tas-suq Ewropej moderni;
12. Jissottolinja l-ħtieġa li tingħata prijorità favur pakkett komprensiv tal-UE għall-irkupru għall-Ukrajna, li għandu jkun iffukat fuq sokkors, rikostruzzjoni u rkupru tal-pajjiż fl-immedjat, fuq terminu medju u fuq terminu twil; jitlob li l-pakkett għall-irkupru jiġi appoġġat minn finanzjament kredibbli u adegwat tal-UE f’konformità mal-ħtiġijiet, u jistenna bil-ħerqa l-proposti tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali attwali u dwar il-finanzjament tal-isforzi ta’ rikostruzzjoni Ukreni fis-snin li ġejjin permezz tal-faċilità “Rebuild Ukraine”, ladarba tkun ġiet stabbilita;
13. Jirrikonoxxi l-ħidma li saret mill-Ukrajna, mill-UE, mill-G7, mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u minn sħab oħra tal-istess fehma biex jiġi żviluppat pjan ta’ rkupru u rikostruzzjoni għall-Ukrajna; jilqa’ u jappoġġa s-seba’ prinċipji gwida tad-Dikjarazzjoni ta’ Lugano b’mod partikolari; jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mas-sħab internazzjonali tal-UE u tal-Ukrajna, torganizza konferenza oħra ta’ livell għoli ddedikata għall-proċess ta’ rikostruzzjoni u rkupru tal-Ukrajna, li tibni fuq ir-riżultati tal-konferenzi internazzjonali ta’ Lugano u ta’ Berlin fl-2022 u tal-konferenza internazzjonali li jmiss f’Londra, u tikkontribwixxi wkoll biex il-proċess ta’ rikostruzzjoni jintiseġ aktar mill-qrib mal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea tal-Ukrajna; jilqa’ l-intenzjoni tal-UE li jkollha rwol ewlieni, b’mod partikolari permezz tal-Pjattaforma għall-Koordinazzjoni tad-Donaturi minn Diversi Aġenziji li hija r-riżultat ta’ ftehim mal-Ukrajna, il-G7, l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u sħab ewlenin oħra; jissottolinja l-ħtieġa li l-Parlament Ewropew ikun involut bħala osservatur; jenfasizza l-importanza ta’ koordinazzjoni tajba u tqassim xieraq tax-xogħol bejn id-donaturi u l-Ukrajna; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi żgurata sjieda sħiħa Ukrena tal-proċess ta’ rikostruzzjoni, bl-involviment mill-qrib tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-awtoritajiet lokali; iħeġġeġ lill-UE, lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali jipprovdu għotjiet kundizzjonali aktar milli self;
14. Jenfasizza li t-tneħħija tal-mini u l-ikklirjar ta’ munizzjon mhux splodut (UXO) huma prerekwiżiti għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna, inkluża l-produzzjoni agrikola tagħha, li hija vitali għall-ekonomija tal-pajjiż u għas-sigurtà tal-ikel globali; ifakkar li parti kbira mit-territorju tal-Ukrajna hija kkontaminata mill-mini u minn UXO; jenfasizza l-fatt li l-isforzi attwali għat-tneħħija tal-mini u għall-ikklirjar ma jkoprux id-domanda għal dawn l-attivitajiet; jisħaq li t-tneħħija tal-mini u l-ikklirjar tal-UXO jeħtieġ li jitħaffu sabiex tkun tista’ tingħata assistenza tal-kobor meħtieġ lill-partijiet tal-pajjiż li ġew l-aktar affettwati mill-aggressjoni Russa; jenfasizza li dawn l-isforzi se jirrikjedu finanzjament komprensiv u fit-tul;
15. Jistieden lill-Gvern Ukren jkompli jsaħħaħ l-awtonomija lokali u jinkorpora s-suċċess tar-riforma tad-deċentralizzazzjoni fl-arkitettura ġenerali tal-proċessi ta’ tiswija, irkupru u rikostruzzjoni tal-Ukrajna billi, fost l-oħrajn, jagħti rwol prominenti lill-awtoritajiet lokali fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-proġetti ta’ rikostruzzjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-Assoċjazzjoni tal-Bliet Ukreni u l-Alleanza Ewropea tal-Bliet u r-Reġjuni għar-Rikostruzzjoni tal-Ukrajna, u għall-fatt li din tal-aħħar tnediet fit-30 ta’ Ġunju 2022 bħala mezz biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet lokali u reġjonali fl-Ukrajna;
16. Jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-proċess ta’ rikostruzzjoni u rkupru tal-Ukrajna jrid ikun ibbażat sew fuq il-prinċipji tal-ġustizzja u l-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, is-sostenibbiltà u t-trasformazzjoni ekoloġika, is-sjieda lokali, it-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont, u għandu jkun akkumpanjat minn mekkaniżmi effettivi għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tiegħu; jenfasizza l-importanza ta’ arkitettura ta’ governanza trasparenti, obbligu ta’ rendikont u ġestjoni finanzjarja tajba; jisħaq fuq il-ħtieġa li jintużaw valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali għal proġetti ta’ rikostruzzjoni futuri, b’mod partikolari f’siti protetti, bħal dawk fil-Karpazji;
17. Iwissi kontra l-użu tal-isforzi futuri ta’ rikostruzzjoni biex tiġi emendata l-leġiżlazzjoni b’tali mod li tkun ta’ benefiċċju għal ċerti interessi personali għad-detriment ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti u ta’ trasparenza; jistieden lill-President Zelenskyy ma jiffirmax l-abbozz ta’ liġi 5655 dwar l-attività tal-iżvilupp urban;
18. Jissottolinja, barra minn hekk, il-ħtieġa li jitqiesu t-tħassib, il-ħtiġijiet u l-għarfien espert tal-persuni spostati internament u tar-rifuġjati, peress li r-riintegrazzjoni tagħhom fil-komunitajiet lokali se tkun kruċjali għat-tisħiħ tar-reżiljenza soċjetali u istituzzjonali tal-Ukrajna u biex tiżdied l-għaqda; ifakkar fl-isfida li tant tinħass li tiġi indirizzata t-tbatija tal-vittmi u tal-veterani, li ħafna minnhom se jkollhom diffikultà biex jintegraw mill-ġdid bis-sħiħ fil-ħajja soċjali wara li tintemm il-gwerra, b’mod partikolari dawk li ġew detenuti, ittorturati, stuprati jew inkella abbużati mill-forzi okkupanti Russi; itenni li ħafna minnhom se jeħtieġu riabilitazzjoni psikoloġika u medika fit-tul u assistenza għar-riintegrazzjoni;
19. Itenni l-pożizzjoni tiegħu li r-rappreżentanti tal-awtonomija lokali u tas-soċjetà ċivili fl-Ukrajna jridu jkunu involuti b’mod attiv fil-proċess ta’ rkupru u rikostruzzjoni u li dan il-proċess irid jissodisfa l-ogħla standards ta’ trasparenza u obbligu ta’ rendikont; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-gruppi żgħażagħ u vulnerabbli;
20. Jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jżommu l-għaqda tal-UE u jagħmlu pressjoni akbar fuq ir-Russja u l-alleati tagħha, inkluż permezz ta’ aktar pakketti ta’ sanzjonijiet immirati biex idgħajfu b’mod strateġiku l-kapaċità tal-gwerra tar-Russja; jikkundanna l-imġiba tal-istati, tal-entitajiet u tal-individwi li jgħinu lir-Russja tevita l-effetti tas-sanzjonijiet tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw mekkaniżmu għall-prevenzjoni taċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jespandu s-sanzjonijiet biex jinkludu projbizzjoni sħiħa, fl-Istati Membri kollha, fuq il-kummerċjalizzazzjoni u l-qtugħ ta’ djamanti ta’ oriġini Russa jew esportati mill-ġdid mir-Russja, u jbaxxu l-limitu massimu tal-prezz fuq iż-żejt Russu; itenni t-talba tiegħu lill-kumpaniji Ewropej biex jirtiraw l-operazzjonijiet tagħhom mir-Russja; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri partikolari biex jevitaw li prodotti ta’ teknoloġija avvanzata li qed jiġu esportati lejn pajjiżi mhux tal-UE jispiċċaw fir-Russja; jistieden lill-Istati Membri biex b’mod strett ħafna sseħħ il-prosekuzzjoni ta’ individwi jew entitajiet li jipparteċipaw fiċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE; jitlob li jissaħħu l-miżuri restrittivi kontra r-reġim fil-Belarussja, li ma jirriflettux is-sanzjonijiet imposti fuq ir-Russja minkejja bosta appelli f’dan ir-rigward, minkejja li r-reġim fil-Belarussja ta appoġġ politiku, finanzjarju, operazzjonali u loġistiku kostanti lil Moska fl-aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna u ħa sehem f’azzjonijiet ibridi konġunti kontra l-UE, bħall-użu tal-migrazzjoni bħala arma, sabiex jiddestabbilizza l-UE u jdgħajjef l-appoġġ għall-Ukrajna;
21. Jissottolinja li l-appoġġ tal-UE jmur lil hinn sew mis-settur ċivili u jinkludi wkoll appoġġ estensiv fil-qasam militari; jappella lill-UE, lill-Istati Membri u lis-sħab tal-istess fehma jsaħħu l-kooperazzjoni militari mal-Ukrajna, inkluż billi jipprovdu aktar kapaċitajiet, taħriġ u bini tal-kapaċitajiet, sabiex isaħħu l-kapaċitajiet ta’ difiża tal-Ukrajna għal-livell meħtieġ biex jinħeles it-territorju tal-Ukrajna rikonoxxut internazzjonalment u jiskoraġġixxu aktar aggressjoni; itenni l-appoġġ tiegħu għal dawn il-miżuri u għall-espansjoni sostanzjali tagħhom u l-ħtieġa li jsir użu sħiħ mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi f’dan ir-rigward;
22. Jissottolinja li bit-twaqqif ta’ suċċess tal-aggressjoni Russa, l-armata Ukrena wriet li hija waħda mill-aktar armati effettivi u ta’ esperjenza fid-dinja; jirrikonoxxi u jfaħħar il-kontribut sinifikanti tal-Ukrajna għas-sigurtà taż-żona Ewro-Atlantika u d-difiża tal-valuri tagħha permezz tar-reżistenza kontra l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja; ifakkar fir-riskji involuti jekk l-Ukrajna titħalla mdendla f’żona griża tas-sigurtà li tistieden lir-Russja ssostni l-ostilitajiet fit-tul;
23. Jistieden lill-alleati tan-NATO jonoraw l-impenn tagħhom fir-rigward tas-sħubija tal-Ukrajna fin-NATO u jistenna li s-summits li ġejjin f’Vilnius u f’Washington iwittu t-triq għall-estensjoni ta’ stedina lill-Ukrajna biex tingħaqad man-NATO u li l-proċess ta’ adeżjoni jibda wara li tintemm il-gwerra u jiġi ffinalizzat malajr kemm jista’ jkun; jappella lill-UE, lill-Istati Membri, lill-alleati tan-NATO u lis-sħab tal-istess fehma jaħdmu mill-qrib mal-Ukrajna biex jiżviluppaw qafas temporanju għall-garanziji tas-sigurtà, li għandu jiġi implimentat immedjatament wara l-gwerra, sa ma tinkiseb sħubija sħiħa man-NATO; jenfasizza l-fatt li l-integrazzjoni tal-Ukrajna fin-NATO u fl-UE ssaħħaħ is-sigurtà reġjonali u globali, tippromwovi l-istabbiltà u ssaħħaħ ir-rabtiet ta’ kooperazzjoni u l-valuri kondiviżi bejn l-Ukrajna u l-komunità Ewro-Atlantika;
24. Jistieden lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri jsaħħu l-komunikazzjoni strateġika u jipprovdu informazzjoni rilevanti dwar il-benefiċċji u l-opportunitajiet reċiproċi ppreżentati mit-tkabbir kemm fl-Ukrajna kif ukoll fl-Istati Membri, sabiex ikomplu jżidu l-appoġġ u jtejbu l-komprensjoni tal-proċess ta’ adeżjoni; jistieden lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri jtejbu l-viżibbiltà tal-finanzjament tal-UE u r-riżultati tanġibbli tiegħu fl-Ukrajna; jinsisti li l-UE u s-soċjetà ċivili Ukrena għandhom jaqdu rwol attiv fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-objettivi;
25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Verkhovna Rada tal-Ukrajna, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO u lill-President tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.