Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2023 dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa (2023/2743(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa, b’mod partikolari dawk tas-16 ta’ Diċembru 2021 dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa(1), tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar l-istrumentalizzazzjoni tal-ġustizzja bħala strument ta’ repressjoni fin-Nikaragwa(2) u tat-22 ta’ Settembru 2022 dwar in-Nikaragwa, b’mod partikolari l-arrest tal-Isqof Rolando Álvarez(3),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-kelliem tiegħu dwar in-Nikaragwa, b’mod partikolari d-dikjarazzjonijiet tal-4 ta’ Awwissu 2022 dwar l-għeluq tal-istazzjonijiet tar-radju u l-għeluq tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tal-10 ta’ Frar 2023 dwar il-ħelsien tal-priġunieri politiċi, tas-16 ta’ Frar 2023 dwar ir-revoka taċ-ċittadinanza tal-avversarji politiċi u tat-18 ta’ April 2023 dwar il-ħames anniversarju tal-protesti fil-pajjiż kollu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali, fuq in-naħa l-oħra(4),
– wara li kkunsidra r-Regolamenti u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi kontra ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u abbużi fin-Nikaragwa u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-13 ta’ Ottubru 2022 li ġġedded dawn is-sanzjonijiet sal-15 ta’ Ottubru 2023(5),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta’ Esperti tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar in-Nikaragwa (GHREN) tat-2 ta’ Marzu 2023,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tad-9 ta’ Mejju 2022 u tat-2 ta’ Ġunju 2023,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2023 mill-Ewwel Awla Kriminali tal-Qorti tal-Appell ta’ Managua dwar id-deportazzjoni ta’ 222 traditur ta’ art twelidhom u d-dikjarazzjoni tal-15 ta’ Frar 2023 mill-maġistrat li jippresjedi tal-Qorti tal-Appell ta’ Managua dwar l-akkuża ta’ 94 traditur ta’ art twelidhom,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b’mod partikolari dawk tat-13 ta’ Frar 2023 li jilqgħu l-ħelsien tal-priġunieri politiċi fin-Nikaragwa iżda li jirrifjutaw iċ-ċaħda arbitrarja tan-nazzjonalità, tas-17 ta’ Frar 2023 li jikkundannaw l-eskalazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa u tat-18 ta’ April 2023 li jimmarkaw ħames snin mill-bidu tal-kriżi tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa,
– wara li kkunsidra r-rapporti tal-Mekkaniżmu Speċjali ta’ Monitoraġġ għan-Nikaragwa,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, ir-Regoli Standard Minimi tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Trattament tal-Priġunieri tal-2015 (ir-Regoli Nelson Mandela), ir-Regoli tan-NU dwar it-Trattament tal-Priġunieri Nisa u l-Miżuri li ma jċaħħdux il-libertà għal Trasgressuri Nisa tal-2010 (ir-Regoli ta’ Bangkok) u l-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1969,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra tal-1984,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u l-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-1969 (fil-Patt ta’ San José),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi mill-2018 ’l hawn, ir-reġim tan-Nikaragwa żamm il-ħabs, iffastidja u intimida b’mod sistematiku, ripetut u arbitrarju prekandidati presidenzjali, mexxejja tal-oppożizzjoni u mexxejja reliġjużi, kif ukoll mexxejja rurali u studenti, persuni indiġeni, persuni LGBTI, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, rappreżentanti tan-negozju u kwalunkwe vuċi kritika oħra fil-pajjiż; billi s-sitwazzjoni fin-Nikaragwa għadha sejra għall-agħar;
B. billi l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-abbużi mwettqa minn April 2018 mhumiex fenomenu iżolat, iżda pjuttost il-prodott ta’ proċess dinamiku biex tinġieb fix-xejn is-separazzjoni tas-setgħat u tal-garanziji demokratiċi u biex is-setgħa tiġi kkonċentrata essenzjalment fil-figuri tal-President u tal-Viċi President tar-Repubblika tan-Nikaragwa;
C. billi fid-9 ta’ Frar 2023, ir-reġim ta’ Ortega-Murillo ddeporta 222 priġunier politiku b’mod arbitrarju lejn l-Istati Uniti, inklużi personalitajiet politiċi, prekandidati għall-elezzjonijiet presidenzjali tal-2021, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u dimostranti fil-protesti tal-2018; billi kollha kemm huma ġew iddikjarati “tradituri ta’ art twelidhom” u tneħħitilhom in-nazzjonalità tagħhom;
D. billi l-Isqof Rolando Álvarez irrifjuta li jiġi eżiljat min-Nikaragwa u, bħala kastig, fl-10 ta’ Frar 2023 ġie kkundannat għal 26 sena ħabs u ġie mċaħħad miċ-ċittadinanza u mid-drittijiet politiċi tiegħu wara l-kundanna tiegħu għal akkużi ta’ “tradiment”, ta’ “imminar tal-integrità nazzjonali” u ta’ “tixrid ta’ aħbarijiet foloz”; billi Rolando Álvarez bħalissa jinsab fil-ħabs ta’ La Modelo u ma ġie permess l-ebda żjara mill-25 ta’ Marzu 2023; billi r-ripressjoni fuq il-knisja għadha għaddejja, minkejja r-rwol tagħha ta’ medjatur fid-djalogu nazzjonali tal-2018, inklużi t-tkeċċija ta’ sorijiet u l-arrest ta’ diversi qassisin u impjegati tal-knisja; billi f’April, il-Vatikan għalaq l-ambaxxata tiegħu fin-Nikaragwa wara li r-reġim tal-pajjiż ippropona li jissospendi r-relazzjonijiet diplomatiċi;
E. billi minbarra Rolando Álvarez, mit-30 ta’ April 2023, mill-inqas 46 priġunier politiku, inklużi xi wħud li ilhom detenuti mill-2018, għadhom miżmuma l-ħabs f’kundizzjonijiet inaċċettabbli, wara proċessi fil-magħluq li naqsu milli jirrispettaw il-garanziji bażiċi ta’ proċess ġust; billi dan il-qafas ta’ repressjoni tal-istat ġie stabbilit bil-kompliċità ċara tal-ġudikatura;
F. billi fil-15 ta’ Frar 2023, 94 avversarju politiku addizzjonali tneħħitilhom in-nazzjonalità tagħhom u l-proprjetà tagħhom ġiet issekwestrata wara li ġew akkużati b’konfoffa biex jipperikolaw l-integrità nazzjonali u jxerrdu miżinformazzjoni; billi madwar terz minnhom għadhom fin-Nikaragwa;
G. billi diversi pajjiżi offrew in-nazzjonalità, iċ-ċittadinanza jew il-protezzjoni temporanja liċ-ċittadini tan-Nikaragwa li saru apolidi mir-reġim ta’ Daniel Ortega u Rosario Murillo; billi Spanja offriet iċ-ċittadinanza lill-222 persuna eżiljata;
H. billi f’Mejju 2023, 63 persuna fil-pajjiż kollu ġew irrapportati bħala miżmuma b’mod arbitrarju u akkużati b’“konfoffa biex jipperikolaw l-integrità nazzjonali” u li “xerrdu aħbarijiet foloz”, akkużi li r-reġim qed juża biex isikket lill-kritiċi tiegħu;
I. billi fid-9 u l-11 ta’ Mejju 2023, il-Qorti Suprema tan-Nikaragwa ddeċidiet li 26 avukat u nutar li jikkritikaw ir-reġim, inklużi wħud mill-aktar difensuri prominenti tad-drittijiet tal-bniedem tal-pajjiż, ma jitħallewx jibqgħu jipprattikaw il-liġi fin-Nikaragwa;
J. billi minn April 2018, il-gvern tan-Nikaragwa għalaq aktar minn 3 300 organizzazzjoni u fondazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, inklużi organizzazzjonijiet tan-nisa u organizzazzjonijiet relatati mal-Knisja Kattolika, u ħalla bosta persuni mingħajr aċċess għas-servizzi jew l-assistenza tagħhom; billi l-istatus legali ta’ diversi universitajiet ġie revokat sabiex tiġi annullata l-opinjoni kuntrarja tal-istudenti; billi l-mezzi tal-midja ġew ukoll imġiegħla jagħlqu;
K. billi fid-9 ta’ Ġunju 2023, il-Gvern tan-Nikaragwa kkonfiska proprjetajiet li jappartjenu lil 222 priġunier politiku li kienu ġew furzati f’eżilju fi Frar wara li ġew ikkundannati li “wettqu atti kontra s-sovranità, l-indipendenza u l-awtodeterminazzjoni tan-nazzjon”;
L. billi, kif iddikjarat mill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati, ir-revoka taċ-ċittadinanza tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dissidenti għal raġunijiet arbitrarji tikser id-dritt internazzjonali, speċifikament l-Artikolu 15 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll il-Konvenzjoni tal-1954 dwar l-Istatus ta’ Persuni Apolidi u l-Konvenzjoni tal-1961 dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija; billi n-Nikaragwa hija parti għall-istrumenti kollha msemmija hawn fuq;
M. billi l-GHREN ippubblika l-ewwel rapport tiegħu dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa, li jiddeskrivi kif l-aġenti tal-pulizija u tas-Sistema Penitenzjarja Nazzjonali u l-membri tal-gruppi armati favur ir-reġim wettqu eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, detenzjoni arbitrarja u atti ta’ tortura fiżika u psikoloġika, inkluża l-vjolenza sesswali u bbażata fuq il-ġeneru, fost l-oħrajn, fil-kuntest tal-arrest, l-interrogazzjoni, u d-detenzjoni ta’ avversarji politiċi;
N. billi fit-28 ta’ Settembru 2022, ir-reġim tan-Nikaragwa ħa d-deċiżjoni mhux ġustifikata li jkeċċi l-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE għan-Nikaragwa u li jtemm ir-rabtiet diplomatiċi mar-Renju tan-Netherlands; billi l-UE wieġbet b’mod reċiproku billi ddikjarat lill-Kap tal-Missjoni tar-Repubblika tan-Nikaragwa lill-UE persona non grata;
O. billi fl-2022, il-fluss ta’ Nikaragwani li jemigraw lejn pajjiżi oħra bħala konsegwenza tal-kriżijiet politiċi, soċjali, tad-drittijiet tal-bniedem u ekonomiċi żdied; billi mill-2018 aktar minn 192 000 Nikaragwan ħarbu lejn il-Costa Rica, jew bħala persuni li jfittxu l-ażil jew bħala refuġjati; billi din ix-xejra tista’ tipperikola s-sistema tal-ażil tal-Costa Rica u toħloq piż żejjed fuq in-networks ta’ appoġġ fil-pajjiż;
P. billi minn mindu bdiet il-gwerra ta’ aggressjoni Russa illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata kontra l-Ukrajna, ir-reġim ta’ Ortega-Murillo appoġġa sistematikament lir-reġim tar-Russja fir-riżoluzzjonijiet tan-NU; billi r-Russja appoġġat lin-Nikaragwa b’tagħmir militari u għadha tospita preżenza militari Russa fil-pajjiż; billi d-diversi memoranda ffirmati bejn ir-Russja u n-Nikaragwa jsaħħu l-evidenza ċara tar-relazzjoni b’saħħitha u l-appoġġ komuni bejn ir-reġim ta’ Ortega-Murillo u r-reġim ta’ Putin;
1. Jikkundanna bil-qawwa t-twettiq mifrux tar-reġim tan-Nikaragwa ta’ ksur sistematiku u intenzjonat tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-popolazzjoni tiegħu għal raġunijiet purament politiċi; jisħaq li dan il-ksur jammonta għal delitti kontra l-umanità, kif iddikjarat mill-GHREN; jikkundanna l-prattiki użati mir-reġim biex isikket lill-popolazzjoni; jafferma mill-ġdid is-solidarjetà tiegħu mal-popolazzjoni tan-Nikaragwa u l-appoġġ kontinwu u sod tiegħu għaliha;
2. Jieħu nota tal-ħelsien ta’ 222 priġunier politiku, iżda jikkundanna d-deċiżjoni tar-reġim tan-Nikaragwa li jiddeportahom, ineħħilhom in-nazzjonalità tagħhom u d-drittijiet ċivili u politiċi tagħhom, jiffriża l-assi tagħhom u jikkonfiska l-proprjetà tagħhom; ifakkar lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa li ċ-ċaħda arbitrarja tan-nazzjonalità hija pprojbita mid-dritt internazzjonali u jitlob lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jreġġgħu lura minnufih dawn il-passi u jwaqqfu l-persekuzzjoni motivata politikament tagħhom ta’ dissidenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u r-ritaljazzjoni kontrihom;
3. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-istat tal-mewt ċivili mġarrab minn dawk li ġew imċaħħda min-nazzjonalità tagħhom iżda li baqgħu fin-Nikaragwa; jitlob lill-gvern tan-Nikaragwa jiggarantixxi l-ħajja u l-integrità tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jibqgħu fin-Nikaragwa, inkluż, fost l-oħrajn, Vilma Nuñez de Escorcia;
4. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tal-qraba fin-Nikaragwa ta’ dawk li ġew deportati u s-sitwazzjoni ta’ dawk li jibqgħu fil-pajjiż u li qed jiġu ppersegwitati, kif ukoll il-familji tagħhom; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu ffaċilitati l-proċessi ta’ riunifikazzjoni tal-familja; jisħaq, barra minn hekk, fuq l-importanza tal-monitoraġġ tal-benesseri tal-222 Nikaragwan li inizjalment ġew deportati lejn l-Istati Uniti u ta’ dawk li tneħħitilhom in-nazzjonalità tagħhom;
5. Jappella biex tingħata prova li l-Isqof Rolando Álvarez huwa ħaj; itenni t-talba tiegħu għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tiegħu u tal-priġunieri politiċi kollha detenuti arbitrarjament, attivisti tal-oppożizzjoni, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent, membri tal-Knisja Kattolika u ġurnalisti, u għall-annullament tal-proċedimenti mwettqa u s-sentenzi mogħtija kontrihom, kif ukoll ir-ritorn sikur tar-rifuġjati u l-persuni eżiljati kollha;
6. Jikkundanna l-abbuż psikoloġiku u fiżiku kontinwu li d-detenuti kollha jiffaċċjaw f’idejn il-pulizija u l-awtoritajiet tal-ħabs, li n-nisa u l-membri tal-komunità LGBTI huma fil-mira partikolari tiegħu, u s-sitwazzjoni ta’ detenzjoni f’iżolament li fiha qed jinżammu xi wħud minnhom, mingħajr aċċess għall-avukati, il-familji jew il-kura medika tagħhom; jitlob li l-familji jinżammu infurmati dwar l-istat ta’ saħħa tal-għeżież tagħhom li jinsabu f’detenzjoni; ifakkar lir-reġim tan-Nikaragwa fir-responsabbiltà tiegħu li jiżgura li l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni jikkonformaw mal-obbligi internazzjonali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u ma’ standards bħar-Regoli Standard Minimi tan-NU dwar it-Trattament tal-Priġunieri (ir-Regoli Nelson Mandela);
7. Jesprimi tħassib dwar il-manipulazzjoni tal-liġi kriminali u l-użu tas-sistema ġudizzjarja bħala strument għall-kriminalizzazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet ċivili u politiċi, kif ukoll il-libertà tar-reliġjon u t-twemmin; jappella għat-tħassir tal-liġijiet restrittivi li ngħaddew mill-2018 li jirrestrinġu bla bżonn l-ispazju ċiviku u demokratiku; jitob lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jiddefendu u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u jippermettu lill-poplu tan-Nikaragwa jeżerċita d-drittijiet ċivili u politiċi tiegħu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jippermettu lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-pajjiż;
8. Jitlob lir-reġim tan-Nikaragwa jieqaf jagħlaq l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u tas-soċjetà ċivili arbitrarjament u jerġa’ jdaħħal il-leġittimità tal-organizzazzjonijiet, il-partiti politiċi, l-organizzazzjonijiet reliġjużi, l-assoċjazzjonijiet u l-mezzi tal-midja, l-universitajiet u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem kollha li ngħalqu arbitrarjament, kif ukoll jirritorna l-proprjetà, l-assi, id-dokumenti u t-tagħmir kollha tagħhom li ġew sekwestrati indebitament u jistabbilixxi mill-ġdid l-istatus ġuridiku leġittimu tagħhom;
9. Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinkludu garanziji speċifiċi ta’ konformità mad-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-fondi Ewropej allokati, inkluż meta dawn il-fondi jiġu allokati permezz ta’ istituzzjonijiet multilaterali u finanzjarji bħall-Bank tal-Amerka Ċentrali għall-Integrazzjoni Ekonomika, u jwettqu monitoraġġ strett biex jiżguraw li dawn il-fondi ma jikkontribwixxux għat-tisħiħ tar-reġim tan-Nikaragwa;
10. Jissottolinja u jfaħħar ir-rwol kruċjali tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent, il-Knisja Kattolika u l-ġurnalisti fin-Nikaragwa; jitlob lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni jsaħħu d-djalogu regolari tagħhom magħhom, isaħħu l-mekkaniżmi li jappoġġaw il-ħidma vitali tagħhom u jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni fuq il-post, inkluż billi jimmonitorjaw il-proċessi u jżuru lill-mexxejja tal-oppożizzjoni u lill-kritiċi tal-gvern fil-ħabs jew f’detenzjoni domiċiljari; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jużaw l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħhom, inklużi l-viżi, biex jiffaċilitaw il-mobbiltà tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ta’ persuni oħra f’riskju u jiżguraw il-kontinwità tal-ħidma tagħhom;
11. Jitlob lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ għall-membri tal-oppożizzjoni tan-Nikaragwa li bħalissa jinsabu f’eżilju, kif ukoll iżommu l-kollaborazzjoni mill-qrib tagħhom mal-pajjiżi li jirċievu għadd sostanzjali ta’ migranti li qed jaħarbu mir-reġim tan-Nikaragwa u l-appoġġ tagħhom għalihom, b’mod partikolari l-Costa Rica; jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jistabbilixxu u jiffaċilitaw, permezz tal-aġenziji tagħhom ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, programmi speċifiċi biex jappoġġaw l-iżvilupp edukattiv taż-żgħażagħ u l-istudenti tan-Nikaragwa li ġew imċaħħda mid-dritt tagħhom għall-edukazzjoni;
12. Jappella lill-UE tappoġġa u tinvolvi ruħha b’mod attiv fi kwalunkwe prospett ta’ djalogu nazzjonali sinifikattiv u tkompli tinsisti fuq kundizzjonijiet sine qua non għad-djalogu, inkluż il-ħelsien ta’ priġunieri politiċi detenuti arbitrarjament, ir-restawr tal-istat tad-dritt u l-libertajiet, il-waqfien tar-repressjoni u l-biża’, l-istabbiliment mill-ġdid tal-istatus legali tal-partiti u l-organizzazzjonijiet politiċi li kienu arbitrarjament illegali, ir-ritorn ta’ eżiljati mingħajr eċċezzjoni u b’garanziji sħaħ, ir-ritorn ta’ korpi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem lejn il-pajjiż u ż-żamma ta’ elezzjonijiet ħielsa, ġusti u trasparenti;
13. Jitlob lir-reġim tan-Nikaragwa jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-GHREN fir-rapport tiegħu, kif ukoll dawk maħruġa mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tan-Nikaragwa jeliminaw l-impunità għall-ksur serju u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u jipprovdu lill-vittmi aċċess għall-ġustizzja u reparazzjonijiet sħaħ; jilqa’ t-tiġdid tal-mandat tal-GHREN u jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkomplu jappoġġaw il-ħidma vitali tiegħu;
14. Jiġbed l-attenzjoni għall-istrumentalizzazzjoni kontinwa tas-sistema ġudizzjarja u l-kompliċità tal-imħallfin f’dan ir-rigward; itenni t-talba tiegħu biex l-imħallfin u l-prosekuturi jiddaħħlu malajr fil-lista ta’ individwi sanzjonati mill-UE u biex il-lista ta’ individwi u entitajiet sanzjonati tiġi estiża ħalli tinkludi lil Daniel Ortega u ċ-ċirku tal-qalba tiegħu;
15. Jisħaq li s-summit li jmiss bejn l-UE u l-Komunità ta’ Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew (CELA) huwa opportunità biex jiġu rispettati l-prinċipji tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, u jitlob li l-parteċipanti kollha jirrispettaw dawn il-prinċipji; jirrimarka li dan mhux se jkun possibbli mingħajr l-inklużjoni tassew trasparenti, komprensiva u sinifikattiva tas-soċjetà ċivili; jitlob lis-Summit UE-CELAC joħroġ dikjarazzjoni li titlob ir-rispett xieraq għad-drittijiet tal-bniedem fiż-żewġ reġjuni, b’mod partikolari fin-Nikaragwa; ifakkar li, fid-dawl tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali, in-Nikaragwa jeħtiġilha tirrispetta u tikkonsolida dawn il-prinċipji; itenni t-talba tiegħu li, fid-dawl taċ-ċirkostanzi attwali, tiskatta l-klawżola demokratika tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni;
16. Jitlob lill-Istati Membri jibnu fuq l-evidenza miġbura mill-GHREN rigward id-delitti kontra l-umanità mwettqa mill-awtoritajiet tan-Nikaragwa u jappoġġaw it-tmiem tal-impunità fin-Nikaragwa, inkluż billi jiftħu investigazzjonijiet formali u jieħdu azzjoni legali kontra dawk responsabbli permezz tal-eżerċizzju ta’ ġuriżdizzjoni universali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jressqu lin-Nikaragwa quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja talli kisret il-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura u Forom Oħra ta’ Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti, li n-Nikaragwa hija firmatarja tagħha;
17. Jikkundanna l-appoġġ mingħajr kundizzjonijiet tar-reġim tan-Nikaragwa għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-assistenza militari Russa biex tkompli trażżan il-popolazzjoni tan-Nikaragwa; jiddeplora ż-żieda fl-iżolament tan-Nikaragwa mill-komunità internazzjonali; jikkundanna r-retorika aggressiva tal-awtoritajiet tan-Nikaragwa; itenni li l-prinċipju tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem huwa l-pedament tad-dritt internazzjonali;
18. Itenni l-appell tiegħu għall-estradizzjoni immedjata ta’ Alessio Casimirri lejn l-Italja;
19. Jitlob lill-Konferenza tal-Presidenti tiegħu tawtorizza missjoni ta’ ġbir ta’ informazzjoni biex tissorvelja s-sitwazzjoni fin-Nikaragwa;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali, lill-Presidenza Pro Tempore tal-Komunità tal-Istati tal-Amerika Latina u tal-Karibew, lill-Vatikan u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa.