Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2022/0117(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0223/2023

Testi mressqa :

A9-0223/2023

Dibattiti :

PV 10/07/2023 - 16
CRE 10/07/2023 - 16

Votazzjonijiet :

PV 11/07/2023 - 8.15
CRE 11/07/2023 - 8.15
PV 27/02/2024 - 7.5
CRE 27/02/2024 - 7.5

Testi adottati :

P9_TA(2023)0264
P9_TA(2024)0085

Testi adottati
PDF 274kWORD 80k
It-Tlieta, 11 ta' Lulju 2023 - Strasburgu
Il-protezzjoni ta' ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem minn proċedimenti ġudizzjarji manifestament infondati jew abbużivi
P9_TA(2023)0264A9-0223/2023

Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fil-11 ta' Lulju 2023 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jinvolvu ruħhom f’parteċipazzjoni pubblika minn proċedimenti ġudizzjarji manifestament infondati jew abbużivi (“Kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika”) (COM(2022)0177 – C9-0161/2022 – 2022/0117(COD))(1)

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 1
Proposta għal direttiva
Kunsiderazzjoni 2a (ġdida)
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Emenda 2
Proposta għal direttiva
Premessa 2
(2)  L-Artikolu 10(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) tipprevedi, inter alia, id-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja (l-Artikolu 7), il-protezzjoni tad-data personali (l-Artikolu 8), il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, li tinkludi r-rispett għal-libertà u l-pluraliżmu tal-media (l-Artikolu 11), u għal rimedju effettiv u smigħ ġust (l-Artikolu 47).
(2)  L-Artikolu 10(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) tipprevedi, inter alia, id-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja (l-Artikolu 7), il-protezzjoni tad-data personali (l-Artikolu 8), il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, li tinkludi r-rispett għal-libertà u l-pluraliżmu tal-media (l-Artikolu 11), għal-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni (l-Artikolu 12) u għal rimedju effettiv u smigħ ġust (l-Artikolu 47).
Emenda 3
Proposta għal direttiva
Premessa 3a (ġdida)
(3a)  Id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni huwa dritt fundamentali li għandu jiġi eżerċitat b’sens ta’ dmir u b’responsabbiltà, filwaqt li jitqies id-dritt fundamentali tan-nies li jiksbu informazzjoni imparzjali kif ukoll ir-rispett għad-dritt fundamentali li wieħed jipproteġi r-reputazzjoni, il-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza. F’każijiet ta’ kunflitt bejn dawn id-drittijiet, il-partijiet kollha għandu jkollhom aċċess għall-qrati b’rispett dovut għall-prinċipju ta’ proċess ġust.
Emenda 4
Proposta għal direttiva
Premessa 3b (ġdida)
(3b)  Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Novembru 2021 dwar it-tisħiħ tad-demokrazija u l-libertà u l-pluraliżmu tal-media fl-Unjoni, il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni tipproponi pakkett kemm ta’ liġi mhux vinkolanti kif ukoll ta’ liġi vinkolanti biex tindirizza l-għadd dejjem jikber ta’ kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jew “SLAPPs” li jikkonċernaw lill-ġurnalisti, l-NGOs, l-akkademiċi u s-soċjetà ċivili fl-Unjoni. Il-Parlament ippropona miżuri leġiżlattivi fl-oqsma tal-liġi proċedurali ċivili u kriminali, bħal mekkaniżmu ta’ tkeċċija bikrija għal kawżi ċivili abbużivi, id-dritt għall-aġġudikazzjoni sħiħa tal-ispejjeż imġarrba mill-konvenut, u d-dritt għal kumpens għad-danni. Ir-riżoluzzjoni tal-11 ta’ Novembru 2021 inkludiet ukoll sejħa għal taħriġ adegwat għall-imħallfin u l-prattikanti legali dwar l-SLAPPs, fond speċifiku biex jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-vittmi tal-SLAPPs u reġistru pubbliku tad-deċiżjonijiet tal-qorti dwar il-kawżi SLAPP. Barra minn hekk, il-Parlament appella għar-reviżjoni tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill1a (“ir-Regolament Brussell I”) u tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill1b(“ir-Regolament Ruma II”) sabiex jiġu pprevenuti “turiżmu ta’ libell” jew “għażla opportunistika tal-ġuriżdizzjoni”.
__________________
1a Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).
1b Ir-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40).
Emenda 5
Proposta għal direttiva
Premessa 4
(4)  L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tipprovdi protezzjoni lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jinvolvu ruħhom f’parteċipazzjoni pubblika dwar materji ta’ interess pubbliku, b’mod partikolari l-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, kontra proċedimenti ġudizzjarji li jinfetħu kontrihom sabiex jiġu skoraġġuti mill-parteċipazzjoni pubblika (komunement imsejħa strategic lawsuits against public participation (kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika) jew “SLAPPs”).
(4)  L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tipprovdi regoli minimi fil-livell tal-Unjoni sabiex tiżgura li l-protezzjoni tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jinvolvu ruħhom f’parteċipazzjoni pubblika dwar materji ta’ interess pubbliku, inklużi l-ġurnalisti, il-pubblikaturi, l-organizzazzjonijiet tal-media, l-informaturi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-NGOs, it-trade unions, l-artisti, ir-riċerkaturi u l-akkademiċi, kontra proċedimenti ġudizzjarji li jinfetħu kontrihom, kif ukoll it-theddid relatat, sabiex jiġu skoraġġuti mill-parteċipazzjoni pubblika (komunement imsejħa strategic lawsuits against public participation (kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika) jew “SLAPPs”).
Emenda 6
Proposta għal direttiva
Premessa 5
(5)  Il-ġurnalisti għandhom rwol importanti fl-iffaċilitar tad-dibattitu pubbliku u fit-twassil u l-akkoljenza ta’ informazzjoni, opinjonijiet u ideat. Huwa essenzjali li jingħataw l-ispazju meħtieġ biex jikkontribwixxu għal dibattitu miftuħ, liberu u ġust u biex jiġġieldu d-diżinformazzjoni, il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza. Il-ġurnalisti għandhom ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom b’mod effettiv sabiex jiżguraw li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għal pluralità ta’ fehmiet fid-demokraziji Ewropej.
(5)  Il-ġurnalisti għandhom rwol importanti fl-iffaċilitar tad-dibattitu pubbliku u fit-twassil u l-akkoljenza ta’ informazzjoni, opinjonijiet u ideat. Ġurnaliżmu indipendenti, professjonali u responsabbli, kif ukoll l-aċċess għal informazzjoni pluralistika, huma pilastri fundamentali tad-demokrazija. Huwa essenzjali li jingħataw l-ispazju meħtieġ biex jikkontribwixxu għal dibattitu miftuħ, liberu u ġust u biex jiġġieldu d-diżinformazzjoni, il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza. Il-ġurnalisti għandhom ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom b’mod effettiv u mingħajr biża’ sabiex jiżguraw li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għal pluralità ta’ fehmiet fid-demokraziji Ewropej.
Emenda 7
Proposta għal direttiva
Premessa 6
(6)  Il-ġurnalisti investigattivi għandhom rwol ewlieni fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-estremiżmu. Ix-xogħol tagħhom iġib miegħu riskji partikolarment għoljin u qed jesperjenzaw għadd dejjem akbar ta’ attakki u fastidju. Hija meħtieġa sistema robusta ta’ salvagwardji sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw ir-rwol kruċjali tagħhom bħala gwardjani dwar materji ta’ interess pubbliku leġittimu.
(6)  Il-ġurnalisti investigattivi u b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet tal-media għandhom rwol ewlieni f’li jikxfu u f’li jiġġieldu l-kriminalità organizzata, l-abbuż tal-poter, il-korruzzjoni, il-ksur tad-drittijiet fundamentali u l-estremiżmu. Ix-xogħol tagħhom iġib miegħu riskji partikolarment għoljin u qed jesperjenzaw għadd dejjem akbar ta’ attakki, qtil, theddid, intimidazzjoni u fastidju. Hija meħtieġa sistema robusta ta’ salvagwardji u protezzjoni, inkluża protezzjoni tas-sikurezza fiżika tagħhom, sabiex tkun tista’ tippermetti lill-ġurnalisti investigattivi jissodisfaw ir-rwol kruċjali tagħhom bħala gwardjani dwar materji ta’ interess pubbliku, mingħajr biża’ ta’ kastig talli wettqu riċerka għall-verità u infurmaw lill-pubbliku.
Emenda 8
Proposta għal direttiva
Premessa 7
(7)  Id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għandhom ukoll rwol importanti fid-demokraziji Ewropej, speċjalment fiż-żamma tad-drittijiet fundamentali, tal-valuri demokratiċi, tal-inklużjoni soċjali, tal-protezzjoni ambjentali u tal-istat tad-dritt. Dawn għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fil-ħajja pubblika u jsemmgħu leħenhom dwar materji ta’ politika u fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet mingħajr biża’ ta’ intimidazzjoni. Id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jirreferu għall-individwi jew l-organizzazzjonijiet involuti fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u varjetà ta’ drittijiet oħrajn, bħad-drittijiet ambjentali u klimatiċi, id-drittijiet tan-nisa, id-drittijiet tal-LGBTIQ, id-drittijiet tal-persuni bi sfond razzjali jew etniku minoritarju, id-drittijiet tax-xogħol jew il-libertajiet reliġjużi. Il-parteċipanti l-oħrajn fid-dibattitu pubbliku, bħall-akkademiċi u r-riċerkaturi, jistħoqqilhom ukoll protezzjoni adegwata.
(7)  Id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għandhom ukoll rwol importanti fid-demokraziji Ewropej, speċjalment fiż-żamma tad-drittijiet fundamentali, tal-valuri demokratiċi, tal-inklużjoni soċjali, tal-protezzjoni ambjentali, tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tal-istat tad-dritt. Meta jitqiesu l-politiki ambjentali u klimatiċi tal-Unjoni, jenħtieġ li tingħata wkoll attenzjoni lill-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet ambjentali. Jenħtieġ li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fil-ħajja pubblika, jippromwovu l-obbligu ta’ rendikont u jsemmgħu leħenhom dwar materji ta’ politika u fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet mingħajr biża’ ta’ intimidazzjoni. Id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jirreferu għall-individwi jew l-organizzazzjonijiet involuti fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u varjetà ta’ drittijiet oħrajn, bħad-drittijiet ambjentali u klimatiċi, id-drittijiet tan-nisa, id-drittijiet tal-LGBTIQ, id-drittijiet tal-persuni bi sfond razzjali jew etniku minoritarju, id-drittijiet tax-xogħol jew il-libertajiet reliġjużi.
Emenda 9
Proposta għal direttiva
Premessa 7a (ġdida)
(7a)  Il-parteċipanti fid-dibattitu pubbliku, għajr il-ġurnalisti, l-organizzazzjonijiet tal-media jew id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, bħal akkademiċi, riċerkaturi jew artisti, jistħoqqilhom ukoll protezzjoni adegwata. F’soċjetà demokratika, jenħtieġ li jkunu jistgħu jirriċerkaw, jgħallmu, jitgħallmu, iwettqu xogħolhom u jikkomunikaw mingħajr biża’ ta’ ritaljazzjoni. L-akkademiċi u r-riċerkaturi jikkontribwixxu b’mod fundamentali għad-diskors pubbliku u t-tixrid tal-għarfien, kif ukoll jiżguraw li d-dibattitu demokratiku jkun jista’ jsir fuq bażi infurmata u jiġġieled id-diżinformazzjoni.
Emenda 10
Proposta għal direttiva
Premessa 9
(9)  Sabiex jitrawwem dan l-ambjent, huwa importanti li l-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jiġu protetti minn proċedimenti ġudizzjarji kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Tali proċedimenti ġudizzjarji ma jinfetħux għall-fini ta’ aċċess għall-ġustizzja, iżda biex jissikkett id-dibattitu pubbliku tipikament bl-użu tal-fastidju u l-intimidazzjoni.
(9)  Sabiex jitrawwem dan l-ambjent, huwa importanti li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi jiġu protetti minn proċedimenti ġudizzjarji kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Tali proċedimenti ġudizzjarji ma jinfetħux għall-fini ta’ aċċess għall-ġustizzja, iżda biex jissikkett id-dibattitu pubbliku u jiġu prevenuti l-investigazzjoni u r-rappurtar ta’ ksur ta’ liġi tal-Unjoni jew nazzjonali, inkluż il-korruzzjoni jew prattiki abużivi oħra tipikament bl-użu tal-fastidju u l-intimidazzjoni.
Emenda 11
Proposta għal direttiva
Premessa 10
(10)  L-iSLAPPs tipikament jinfetħu minn entitajiet b’saħħithom, pereżempju individwi, gruppi tal-illobbjar, korporazzjonijiet u organi tal-istat. Dawn spiss jinvolvu żbilanċ fil-poter bejn il-partijiet, fejn l-attur ikollu pożizzjoni finanzjarja jew politika aktar b’saħħitha mill-konvenut. Għalkemm ma humiex komponent indispensabbli ta’ kawżi bħal dawn, fejn ikun preżenti, żbilanċ fil-poter iżid b’mod sinifikanti l-effetti dannużi kif ukoll l-effetti dissważivi tal-proċedimenti ġudizzjarji kontra l-parteċipazzjoni pubblika.
(10)  L-iSLAPPs tipikament jinfetħu minn entitajiet b’saħħithom, pereżempju individwi, gruppi tal-illobbjar, korporazzjonijiet, uffiċjali pubbliċi, entitajiet ikkontrollati pubblikament, politiċi, awtoritajiet ġudizzjarji u organi tal-istat f’attentat li jsikktu d-dibattitu pubbliku. Dawn spiss jinvolvu żbilanċ fil-poter bejn il-partijiet, meta r-rikorrent ikollu pożizzjoni finanzjarja jew politika aktar b’saħħitha mill-konvenut. Għalkemm ma humiex komponent indispensabbli ta’ kawżi bħal dawn, meta jkun preżenti, żbilanċ fil-poter iżid b’mod sinifikanti l-effetti dannużi kif ukoll l-effetti dissważivi tal-proċedimenti ġudizzjarji kontra l-parteċipazzjoni pubblika.
Emenda 12
Proposta għal direttiva
Premessa 11
(11)  Il-proċedimenti ġudizzjarji kontra l-parteċipazzjoni pubblika jista’ jkollhom impatt negattiv fuq il-kredibbiltà u r-reputazzjoni tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jaħlu r-riżorsi finanzjarji u oħrajn tagħhom. Minħabba proċedimenti bħal dawn, il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar materja ta’ interess pubbliku tista’ tiġi ttardjata jew evitata għalkollox. It-tul tal-proċeduri u l-pressjoni finanzjarja jista’ jkollhom effett dissważiv fuq il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem. Għalhekk, l-eżistenza ta’ prattiki bħal dawn jista’ jkollha effett ta’ deterrent fuq il-ħidma tagħhom billi tikkontribwixxi għall-awtoċensura b’antiċipazzjoni ta’ proċedimenti ġudizzjarji futuri possibbli, li jwassal għat-tfaqqir tad-dibattitu pubbliku għad-detriment tas-soċjetà kollha kemm hi.
(11)  Il-proċedimenti ġudizzjarji kontra l-parteċipazzjoni pubblika jista’ jkollhom impatt negattiv fuq il-kredibbiltà u r-reputazzjoni tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jinvolvu ruħhom fil-parteċipazzjoni pubblika u jaħlu r-riżorsi finanzjarji u oħrajn tagħhom. Minħabba proċedimenti bħal dawn, il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar materja ta’ interess pubbliku tista’ tiġi ttardjata jew evitata għalkollox. It-tul tal-proċeduri u l-pressjoni finanzjarja jista’ jkollhom effett dissważiv fuq il-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jinvolvu ruħhom fil-parteċipazzjoni pubblika. Għalhekk, l-eżistenza ta’ prattiki bħal dawn jista’ jkollha effett ta’ deterrent fuq il-ħidma tagħhom billi tikkontribwixxi għall-awtoċensura b’antiċipazzjoni ta’ proċedimenti ġudizzjarji futuri possibbli, li jwassal għat-tfaqqir tad-dibattitu pubbliku għad-detriment tas-soċjetà kollha kemm hi.
Emenda 13
Proposta għal direttiva
Premessa 12
(12)  Dawk immirati mill-proċedimenti ġudizzjarji kontra l-parteċipazzjoni pubblika jistgħu jiffaċċjaw diversi kawżi simultanjament, xi drabi mibdija f’diversi ġuriżdizzjonijiet. Il-proċedimenti mibdija fil-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru wieħed kontra persuna residenti fi Stat Membru ieħor normalment ikunu aktar kumplessi u għaljin għall-konvenut. L-atturi fi proċedimenti ġudizzjarji kontra l-parteċipazzjoni pubblika jistgħu jużaw ukoll għodod proċedurali sabiex iżidu t-tul u l-kost tal-litigazzjoni, u jressqu kawżi f’ġuriżdizzjoni li huma jqisu li hija favorevoli għall-kawża tagħhom, aktar milli quddiem qorti li tkun fl-aħjar pożizzjoni sabiex tisma’ t-talba. Prattiki bħal dawn ipoġġu wkoll piżijiet bla bżonn u ta’ ħsara fuq is-sistemi tal-qrati nazzjonali.
(12)  Dawk immirati mill-proċedimenti ġudizzjarji kontra l-parteċipazzjoni pubblika jistgħu jiffaċċjaw diversi kawżi simultanjament, li jistgħu jkunu ċivili, amministrattivi jew kriminali jew taħlita ta’ dawn, xi drabi mibdija f’diversi ġuriżdizzjonijiet. Il-proċedimenti mibdija fil-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru wieħed kontra persuna residenti fi Stat Membru ieħor normalment ikunu aktar kumplessi u għaljin għall-konvenut. Ir-rikorrenti fi proċedimenti ġudizzjarji kontra l-parteċipazzjoni pubblika jistgħu jużaw ukoll għodod proċedurali sabiex iżidu t-tul u l-kost tal-litigazzjoni, u jressqu kawżi f’ġuriżdizzjoni li huma jqisu li hija favorevoli għall-kawża tagħhom (għażla opportunistika tal-ġuriżdizzjoni), aktar milli quddiem qorti li tkun fl-aħjar pożizzjoni sabiex tisma’ t-talba. It-tul u l-varjetà tal-proċedimenti, il-pressjoni finanzjarja u t-theddida ta’ penali jikkostitwixxu għodod qawwija biex vuċijiet kritiċi jiġu intimidati u msikkta. Prattiki bħal dawn ipoġġu wkoll piżijiet bla bżonn u ta’ ħsara fuq is-sistemi tal-qrati nazzjonali u jwasslu għal użu ħażin tar-riżorsi tagħhom, b’tali mod li jikkostitwixxu abbuż tas-sistemi ġudizzjarji.
Emenda 14
Proposta għal direttiva
Premessa 13
(13)  Is-salvagwardji previsti f’din id-Direttiva jenħtieġ li japplikaw għal kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika minħabba l-involviment tagħha f’parteċipazzjoni pubblika. Għandhom jipproteġu wkoll lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, jew fuq bażi professjonali jew personali, jappoġġaw, jassistu jew jipprovdu oġġetti jew servizzi lil persuna oħra għal finijiet marbuta direttament mal-parteċipazzjoni pubblika fuq materja ta’ interess pubbliku. Dan jinvolvi pereżempju l-fornituri tal-internet, il-pubblikaturi jew l-istamperiji, li jiffaċċjaw jew huma mhedda bi proċedimenti ġudizzjarji talli jipprovdu servizzi lill-persuna fil-mira tal-proċedimenti ġudizzjarji.
(13)  Is-salvagwardji previsti f’din id-Direttiva jenħtieġ li japplikaw għal kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika minħabba l-involviment dirett jew indirett tagħha f’parteċipazzjoni pubblika. Jenħtieġ li jipproteġu wkoll lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, jew fuq bażi professjonali jew personali, jappoġġaw, jassistu jew jipprovdu oġġetti jew servizzi lil persuna oħra għal finijiet marbuta direttament mal-parteċipazzjoni pubblika fuq materja ta’ interess pubbliku. Dan jinvolvi pereżempju l-avukati, il-membri tal-familja, il-fornituri tal-internet, il-pubblikaturi jew l-istamperiji, li jiffaċċjaw jew huma mhedda bi proċedimenti ġudizzjarji talli jassistu, jipprovdu appoġġ jew servizzi lill-persuna fil-mira tal-proċedimenti ġudizzjarji.
Emenda 15
Proposta għal direttiva
Premessa 15
(15)  Id-Direttiva ma tapplikax għal talbiet li jirriżultaw mir-responsabbiltà tal-Istat għal azzjonijiet jew ommissjonijiet fl-eżerċizzju tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii) u talbiet kontra uffiċjali li jaġixxu f’isem l-Istat u r-responsabbiltà għal atti ta’ awtoritajiet pubbliċi, inkluża r-responsabbiltà ta’ detenturi ta’ kariga maħtura pubblikament.
(15)  Id-Direttiva ma tapplikax għal talbiet li jirriżultaw mir-responsabbiltà tal-Istat għal azzjonijiet jew ommissjonijiet fl-eżerċizzju tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii) u talbiet kontra uffiċjali li jaġixxu f’isem l-Istat u r-responsabbiltà għal atti ta’ awtoritajiet pubbliċi, inkluża r-responsabbiltà ta’ detenturi ta’ kariga maħtura pubblikament, sakemm il-liġi nazzjonali ma tipprevedix dan. F’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-proċedimenti tal-qorti xorta jistgħu jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ “materji ċivili u kummerċjali” kif imsemmi f’din id-Direttiva meta Stat jew korp pubbliku jkun parti, jekk l-atti jew l-ommissjonijiet ma jseħħux fl-eżerċizzju tal-awtorità tal-Istat.
Emenda 16
Proposta għal direttiva
Premessa 15a (ġdida)
(15a)  Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi, u b’hekk tippermetti lill-Istati Membri jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-persuni li jinvolvu ruħhom f’parteċipazzjoni pubblika, inkluż id-dritt nazzjonali li jistabbilixxi salvagwardji proċedurali aktar effettivi, bħal penali doppja meta, b’rispett sħiħ għad-dritt ta’ proċess ġust, il-qorti tista’ mhux biss tagħti l-ispejjeż jew il-kumpens lill-konvenut iżda wkoll timponi penali li r-rikorrent għandu jħallas lill-Istat meta jkun ċar li l-litigazzjoni li beda kienet vessatorja, frivola jew b’rieda ħażina. Jenħtieġ li l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma sservix biex tiġġustifika xi regressjoni relatata mal-livell ta’ protezzjoni li diġà jeżisti f’kull Stat Membru.
Emenda 17
Proposta għal direttiva
Premessa 16
(16)  Il-parteċipazzjoni pubblika għandha tfisser kwalunkwe dikjarazzjoni jew attività minn persuna fiżika jew ġuridika espressa jew imwettqa fl-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni dwar materja ta’ interess pubbliku, bħall-ħolqien, il-wiri, ir-reklamar jew promozzjoni oħra ta’ komunikazzjonijiet, pubblikazzjonijiet jew xogħlijiet ġurnalistiċi, politiċi, xjentifiċi, akkademiċi, artistiċi, kummentattivi jew satiriċi, u kwalunkwe azzjoni preparatorja marbuta direttament magħhom. Tista’ tinkludi wkoll attivitajiet relatati mal-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni u l-għaqda paċifika, bħall-organizzazzjoni ta’ jew il-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ lobbjar, dimostrazzjonijiet u protesti jew attivitajiet li jirriżultaw mill-eżerċizzju tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u d-dritt għal rimedju effettiv, bħall-preżentata ta’ lmenti, petizzjonijiet, talbiet amministrattivi u ġudizzjarji u l-parteċipazzjoni f’seduti pubbliċi. Il-parteċipazzjoni pubblika jenħtieġ li tinkludi wkoll attivitajiet preparatorji, ta’ appoġġ jew ta’ assistenza li jkollhom rabta diretta u inerenti mal-istqarrija jew mal-attività inkwistjoni u li jkunu mmirati biex irażżnu l-parteċipazzjoni pubblika. Barra minn hekk, tista’ tkopri attivitajiet oħrajn maħsuba sabiex jinfurmaw jew jinfluwenzaw l-opinjoni pubblika jew biex jippromwovu azzjoni mill-pubbliku, inklużi attivitajiet minn kwalunkwe entità privata jew pubblika b’rabta ma’ materja ta’ interess pubbliku, bħall-organizzazzjoni ta’ riċerka, stħarriġ, kampanji jew kwalunkwe azzjoni kollettiva oħra, jew il-parteċipazzjoni fihom, u kwalunkwe azzjoni kollettiva oħra.
(16)  Il-parteċipazzjoni pubblika jenħtieġ li tfisser kwalunkwe dikjarazzjoni, attività jew azzjoni preparatorja, ta’ appoġġ jew li tassisti direttament marbuta magħha, minn persuna fiżika jew ġuridika espressa jew imwettqa fl-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali u tal-bniedem u libertajiet bħad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni dwar materja ta’ interess pubbliku, bħall-ħolqien, il-wiri, ir-reklamar jew promozzjoni oħra ta’ komunikazzjonijiet, pubblikazzjonijiet jew xogħlijiet ġurnalistiċi, politiċi, xjentifiċi, akkademiċi, artistiċi, kummentattivi jew satiriċi, u kwalunkwe attività preparatorja marbuta direttament magħhom. Tista’ tinkludi wkoll attivitajiet relatati mal-eżerċizzju tal-libertà akkademika u artistika, tad-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni u l-għaqda paċifika, bħall-organizzazzjoni ta’ jew il-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ lobbjar, dimostrazzjonijiet u protesti jew attivitajiet li jirriżultaw mill-eżerċizzju tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u d-dritt għal rimedju effettiv, bħall-preżentata ta’ lmenti, petizzjonijiet, talbiet amministrattivi u ġudizzjarji u l-parteċipazzjoni f’seduti pubbliċi. Il-parteċipazzjoni pubblika jenħtieġ li tinkludi wkoll attivitajiet preparatorji, ta’ appoġġ jew ta’ assistenza li jkollhom rabta diretta u inerenti mal-istqarrija jew mal-attività inkwistjoni u li jkunu fil-mira biex irażżnu l-parteċipazzjoni pubblika. Barra minn hekk, tista’ tkopri attivitajiet oħrajn maħsuba sabiex jinfurmaw jew jinfluwenzaw l-opinjoni pubblika jew biex jippromwovu azzjoni mill-pubbliku, inklużi attivitajiet minn kwalunkwe entità privata jew pubblika b’rabta ma’ materja ta’ interess pubbliku, bħall-organizzazzjoni ta’ riċerka, stħarriġ, kampanji jew kwalunkwe azzjoni kollettiva oħra, jew il-parteċipazzjoni fihom, u kwalunkwe azzjoni kollettiva oħra.
Emenda 18
Proposta għal direttiva
Premessa 18
(18)  Il-kunċett ta’ materja ta’ interess pubbliku jenħtieġ li tinkludi wkoll il-kwalità, is-sikurezza jew aspetti rilevanti oħra tal-oġġetti, tal-prodotti jew tas-servizzi fejn tali materji ikunu rilevanti għas-saħħa pubblika, għas-sikurezza, għall-ambjent, għall-klima jew għat-tgawdija tad-drittijiet fundamentali. Tilwima purament individwali bejn konsumatur u manifattur jew fornitur ta’ servizz dwar oġġett, prodott jew servizz għandha tkun koperta biss meta l-materja jkun fiha element ta’ interess pubbliku, pereżempju fir-rigward ta’ prodott jew servizz li jonqos milli jikkonforma mal-istandards ambjentali jew ta’ sikurezza.
(18)  Il-kunċett ta’ kwistjoni ta’ interess pubbliku jenħtieġ li jinkludi kwistjonijiet rilevanti għat-tgawdija tad-drittijiet fundamentali, inklużi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-protezzjoni mill-vjolenza abbażi tal-ġeneru u n-nondiskriminazzjoni, u l-protezzjoni tal-istat tad-dritt, il-libertà u l-pluraliżmu tal-media, u l-ambjent. Huwa jenħtieġ li jinkludi wkoll il-kwalità, is-sikurezza jew aspetti rilevanti oħra tal-oġġetti, tal-prodotti jew tas-servizzi meta tali materji jkunu rilevanti għas-saħħa pubblika, għas-sikurezza, għall-ambjent, għall-klima, għall-konsumatur jew għad-drittijiet tax-xogħol. Tilwima purament individwali bejn konsumatur u manifattur jew fornitur ta’ servizz dwar oġġett, prodott jew servizz jenħtieġ li tkun koperta biss meta l-materja jkun fiha element ta’ interess pubbliku, pereżempju fir-rigward ta’ prodott jew servizz li jonqos milli jikkonforma mal-istandards ambjentali jew ta’ sikurezza.
Emenda 19
Proposta għal direttiva
Premessa 19a (ġdida)
(19a)  Allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni, frodi, approprjazzjoni indebita, ħasil tal-flus, estorsjoni, koerċizzjoni, fastidju sesswali u vjolenza abbażi tal-ġeneru, jew forom oħra ta’ intimidazzjoni u kriminalità, jew kwalunkwe reat kriminali jew amministrattiv ieħor, inkluża l-kriminalità finanzjarja u ambjentali, jikkwalifikaw bħala kwistjonijiet ta’ interess pubbliku. Attivitajiet bl-għan li jipproteġu l-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, il-prinċipju ta’ noninterferenza fil-proċessi demokratiċi, u li jipprovdu jew jiffaċilitaw l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni bl-għan li tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni jikkwalifikaw ukoll bħala kwistjonijiet ta’ interess pubbliku.
Emenda 20
Proposta għal direttiva
Premessa 20
(20)  Il-proċedimenti ġudizzjarji abbużivi tipikament jinvolvu tattiċi ta’ litigazzjoni użati b’rieda ħażina bħal dewmien tal-proċedimenti, li jikkawżaw spejjeż sproporzjonati lill-konvenut fil-proċedimenti jew fl-għażla opportunistika tal-ġuriżdizzjoni. Dawn it-tattiċi jintużaw mill-attur għal skopijiet oħra minbarra li jikseb aċċess għall-ġustizzja. Dawn it-tattiċi ta’ spiss ikunu, għalkemm mhux dejjem, ikkombinati ma’ diversi forom ta’ intimidazzjoni, fastidju jew theddid.
(20)  In-nuqqas ta’ bilanċ fil-poter bejn il-partijiet li huwa karatteristiku tal-iSLAPPs tipikament jirriżulta mill-użu ħażin ta’ vantaġġ ekonomiku jew influwenza politika mir-rikorrent kontra l-konvenut, flimkien man-nuqqas ta’ mertu legali. Indikaturi oħra għal proċedimenti ġudizzjarji abbużivi tipikament jinvolvu tattiċi ta’ litigazzjoni użati b’rieda ħażina bħal dipendenza fuq allegazzjoni waħda jew aktar li jkunu kompletament jew parzjalment infondati, tressiq ta’ numru eċċessiv ta’ talbiet, dewmien tal-proċedimenti jew twaqqif ta’ kawżi fi stadju aktar tard tal-proċedimenti, bidu ta’ proċedimenti differenti fuq kwistjonijiet simili, li jikkawżaw spejjeż sproporzjonati lill-konvenut fil-proċedimenti jew fl-għażla opportunistika tal-ġuriżdizzjoni. L-imġiba fil-passat tar-rikorrent u, b’mod partikolari, kwalunkwe storja ta’ intimidazzjoni legali jenħtieġ li jitqiesu wkoll meta jiġi ddeterminat jekk il-proċedimenti tal-qorti humiex ta’ natura abbużiva. Dawn it-tattiċi jintużaw mir-rikorrent għal skopijiet oħra minbarra li jikseb aċċess għall-ġustizzja jew li ġenwinament jeżerċita dritt. Dawn it-tattiċi ta’ spiss ikunu, għalkemm mhux dejjem, ikkombinati ma’ diversi forom ta’ intimidazzjoni, fastidju jew theddid.
Emenda 21
Proposta għal direttiva
Premessa 20a (ġdida)
(20a)  Proċedimenti ġudizzjarji manifestament infondati jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika qed isiru aktar sofistikati u aktar effettivi, b’waħda mit-tekniki użati tkun il-ftuħ ta’ kawżi multipli kontra l-istess persuna dwar l-istess suġġett, li jfisser li kollha kemm huma għandhom jiġu difiżi u ttrattati fl-istess ħin u b’mod parallel mill-istess persuna, fatt li jżid l-ispejjeż b’mod sproporzjonat.
Emenda 22
Proposta għal direttiva
Premessa 20b (ġdida)
(20b)  L-iSLAPPs huma kkaratterizzati b’mod konsistenti minn żbilanċ fil-poter bejn ir-rikorrent u l-konvenut f’termini ta’ riżorsi finanzjarji u legali. Dan l-iżbilanċ fil-poter iqajjem tħassib partikolari jekk il-kawżi abbużivi jiġu ffinanzjati direttament jew indirettament minn baġits tal-Istat u jkunu kkombinati ma’ miżuri statali indiretti u diretti oħra kontra l-organizzazzjonijiet tal-media indipendenti, il-ġurnaliżmu indipendenti u s-soċjetà ċivili.
Emenda 23
Proposta għal direttiva
Premessa 20c (ġdida)
(20c)  Proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika spiss jiksru d-dritt tal-konvenuti għad-difiża rikonoxxut mill-Karta, u jista’ jkollhom impatt ukoll fuq id-dritt tagħhom għal proċess ġust u l-preżunzjoni tal-innoċenza.
Emenda 24
Proposta għal direttiva
Premessa 22
(22)  Materja jenħtieġ li titqies li għandha implikazzjonijiet transfruntieri ħlief jekk iż-żewġ partijiet ikunu ddomiċiljati fl-istess Stat Membru bħall-qorti adita. Anki meta ż-żewġ partijiet ikunu ddomiċiljati fl-istess Stat Membru bħall-qorti adita, il-materja għandha titqies li għandha implikazzjonijiet transfruntieri f’żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet oħrajn. L-ewwel sitwazzjoni hija meta l-att speċifiku ta’ parteċipazzjoni pubblika li jikkonċerna materja ta’ interess pubbliku jkun rilevanti għal aktar minn Stat Membru wieħed. Dan jinkludi pereżempju l-parteċipazzjoni pubblika f’avvenimenti organizzati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, bħal dehriet f’seduti pubbliċi, jew stqarrijiet jew attivitajiet dwar materji li huma ta’ rilevanza speċifika għal aktar minn Stat Membru wieħed, bħat-tniġġis transfruntier jew allegazzjonijiet ta’ ħasil tal-flus b’involviment transfruntier potenzjali. It-tieni sitwazzjoni fejn materja jenħtieġ li titqies li għandha implikazzjonijiet transfruntieri hija meta l-attur jew l-entitajiet assoċjati jkunu bdew proċedimenti tal-qorti fl-istess ħin jew preċedenti kontra l-istess konvenuti jew konvenuti assoċjati fi Stat Membru ieħor. Dawn iż-żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet iqisu l-kuntest speċifiku tal-iSLAPPs.
(22)  Materja jenħtieġ li titqies li għandha implikazzjonijiet transfruntieri ħlief jekk iż-żewġ partijiet ikunu ddomiċiljati fl-istess Stat Membru bħall-qorti adita. Anki meta ż-żewġ partijiet ikunu ddomiċiljati fl-istess Stat Membru bħall-qorti adita, jenħtieġ li l-materja titqies li għandha implikazzjonijiet transfruntieri f’żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet oħrajn. L-ewwel sitwazzjoni hija meta l-att speċifiku ta’ parteċipazzjoni pubblika jkun rilevanti għal aktar minn Stat Membru wieħed minħabba d-dimensjoni transfruntiera tal-att innifsu, jew minħabba l-interess leġittimu li l-pubbliku jista’ jieħu fil-materja kkonċernata mill-att, inkluż jekk l-att huwiex aċċessibbli permezz ta’ mezzi elettroniċi. Dawn is-sitwazzjonijiet jinkludu pereżempju l-parteċipazzjoni pubblika f’atti, bħal avvenimenti organizzati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, dehriet f’seduti pubbliċi, jew pubblikazzjonijiet imxerrda b’mod wiesa’. Huma jistgħu jinkludu wkoll stqarrijiet jew attivitajiet dwar materji, bħat-tniġġis transfruntier, jew allegazzjonijiet ta’ ħasil tal-flus b’involviment transfruntier potenzjali. Att ta’ parteċipazzjoni pubblika jenħtieġ li jitqies li huwa aċċessibbli f’aktar minn Stat Membru wieħed, b’mod partikolari, jekk isir fuq l-internet, pereżempju fil-każ ta’ kampanji tal-media soċjali jew kopertura tal-media online. In-natura tal-internet li huwa preżenti kullimkien tiġġustifika l-kunsiderazzjoni ta’ atti ta’ parteċipazzjoni pubblika li huma aċċessibbli f’aktar minn Stat Membru wieħed bħala materji b’implikazzjonijiet transfruntiera. L-effett tal-mezzi diġitali ta’ komunikazzjoni fuq il-kunċett ta’ elementi transfruntiera diġà ġie rikonoxxut fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. It-tieni sitwazzjoni fejn materja jenħtieġ li titqies li għandha implikazzjonijiet transfruntieri hija meta r-rikorrent jew l-entitajiet assoċjati jkunu bdew proċedimenti tal-qorti fl-istess ħin jew preċedenti kontra l-istess konvenuti jew konvenuti assoċjati fi Stat Membru ieħor. Dawn iż-żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet iqisu l-kuntest speċifiku tal-iSLAPPs.
Emenda 25
Proposta għal direttiva
Premessa 22a (ġdida)
(22a)  Jenħtieġ li l-appoġġ ikun disponibbli għall-persuni fil-mira minn proċedimenti tal-qorti kontra l-parteċipazzjoni pubblika mill-mument li l-awtoritajiet kompetenti jsiru konxji ta’ dawn il-persuni u matul il-proċedimenti kollha f’konformità mad-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva. L-appoġġ jenħtieġ li jkun disponibbli permezz ta’ varjetà ta’ mezzi, inkluż billi jiġu pprovduti informazzjoni u pariri komprensivi u indipendenti, b’mod li huwa faċilment aċċessibbli għall-pubbliku u bla ħlas, dwar il-proċeduri u r-rimedji disponibbli, dwar il-protezzjoni mill-intimidazzjoni, il-fastidju jew it-theddid ta’ azzjoni legali, u dwar id-drittijiet tal-persuna kkonċernata, u billi tiġi pprovduta għajnuna legali fi proċedimenti ċivili transfruntiera, għajnuna legali fi proċedimenti ulterjuri u konsulenza legali jew assistenza legali oħra li titqies xierqa. Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu assistenza finanzjarja u miżuri ta’ appoġġ, inkluż appoġġ psikoloġiku, għal dawk fil-mira mill-proċedimenti tal-qorti kontra l-parteċipazzjoni pubblika.
Emenda 26
Proposta għal direttiva
Premessa 22b (ġdida)
(22b)  Il-parteċipazzjoni fi proċedimenti kontra l-parteċipazzjoni pubblika tesponi lil dawk fil-mira għal stress psikoloġiku partikolari. Barra minn hekk, il-preparazzjoni għal tali proċedimenti u parteċipazzjoni fihom hija marbuta ma’ riżorsi siewja tal-konvenuti li ħafna drabi ma jkollhomx jew li nkella jkunu ġew investiti fl-involviment fil-parteċipazzjoni pubblika. Assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet u korpi kollettivi oħra, bħat-trade unions, u kwalunkwe entità legali oħra li, f’konformità mal-kriterji stabbiliti mid-dritt nazzjonali tagħhom, għandha interess leġittimu fis-salvagwardja tad-drittijiet tal-konvenut jenħtieġ li għalhekk ikollhom il-possibbiltà li jipparteċipaw fil-proċedimenti, jew f’isem il-konvenut jew b’appoġġ għalih, bl-approvazzjoni tiegħu, jew li jipprovdu informazzjoni fil-proċeduri ġudizzjarji previsti għall-infurzar tal-obbligi skont din id-Direttiva. Tali possibbiltà ta’ rappreżentanza legali jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-kompetenzi tat-trade unions u tar-rappreżentanti tal-ħaddiema li jinvolvu ruħhom f’isem il-ħaddiema jew b’appoġġ għalihom fi proċedimenti ġudizzjarji, f’konformità ma’ regoli oħra tal-Unjoni u nazzjonali.
Emenda 27
Proposta għal direttiva
Premessa 23
(23)  Il-konvenuti għandhom ikunu jistgħu japplikaw għas-salvagwardji proċedurali li ġejjin: talba għal garanzija li tkopri l-ispejjeż tal-proċedimenti, jew tal-ispejjeż tal-proċedimenti u tad-danni, u talba għal ċaħda bikrija ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament infondati, talba għal rimedji kontra proċedimenti abbużivi bil-qorti (aġġudikazzjoni tal-ispejjeż, kumpens għad-danni u penali), jew kollha kemm huma fl-istess ħin.
(23)  Jenħtieġ li l-konvenuti jkunu jistgħu japplikaw għas-salvagwardji proċedurali li ġejjin: talba għal garanzija li tkopri l-ispejjeż tal-proċedimenti, jew tal-ispejjeż tal-proċedimenti u tad-danni, u talba għal ċaħda bikrija ta’ proċedimenti tal-qorti manifestament infondati, talba għal rimedji kontra proċedimenti abbużivi bil-qorti (aġġudikazzjoni tal-ispejjeż, kumpens għad-danni u penali), jew kollha kemm huma fl-istess ħin. Il-proċedimenti ġudizzjarji kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi minħabba l-involviment tagħhom fil-parteċipazzjoni pubblika jenħtieġ li jiġu ttrattati b’mod rapidu u effettiv, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi tal-każ, id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal proċess ġust.
Emenda 28
Proposta għal direttiva
Premessa 26
(26)  Sabiex il-konvenut jiġi pprovdut b’salvagwardja addizzjonali, għandu jkun hemm il-possibbiltà li jingħata garanzija biex ikopri l-ispejjeż proċedurali u/jew id-danni, meta l-qorti tqis li anke jekk it-talba ma tkunx manifestament infondata, hemm elementi li jindikaw abbuż tal-proċedura u l-prospetti għas-suċċess fil-proċedimenti ewlenin ikunu baxxi. Garanzija ma tinvolvix sentenza fuq il-merti iżda sservi bħala miżura kawtelatorja li tiżgura l-effetti ta’ deċiżjoni finali li ssib abbuż ta’ proċedura. Għandu jkun f’idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu jekk għandhiex tiġi ordnata garanzija mill-qorti fuq mozzjoni tagħha stess jew fuq talba mill-konvenut.
(26)  Sabiex il-konvenut jiġi pprovdut b’salvagwardja addizzjonali, jenħtieġ li jkun hemm il-possibbiltà li jingħata garanzija biex ikopri l-ispejjeż proċedurali u/jew id-danni, meta l-qorti tqis li anke jekk it-talba ma tkunx manifestament infondata, hemm elementi li jindikaw abbuż tal-proċedura u l-prospetti għas-suċċess fil-proċedimenti ewlenin ikunu baxxi. Meta d-dritt nazzjonali jipprevedi hekk, jenħtieġ li jkun possibbli li tingħata garanzija lill-konvenut fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti tal-qorti u jenħtieġ li l-imħallef ikun jista’ jordna li tiġi allokata dispożizzjoni għat-tariffi tal-qorti lill-konvenut u jiġġarrbu mir-rikorrent filwaqt li titqies, meta jkun xieraq, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-partijiet u l-ispejjeż prevedibbli tal-proċedimenti. Garanzija ma tinvolvix sentenza fuq il-merti iżda sservi bħala miżura kawtelatorja li tiżgura l-effetti ta’ deċiżjoni finali li ssib abbuż ta’ proċedura u li tkopri l-ispejjeż u d-danni kkawżati lill-konvenut. Jenħtieġ li jkun f’idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu jekk għandhiex tiġi ordnata garanzija mill-qorti fuq mozzjoni tagħha stess jew fuq talba mill-konvenut.
Emenda 29
Proposta għal direttiva
Premessa 29
(29)  Sabiex tiġi żgurata ħeffa kbira fil-proċedura mħaffa fuq rikors għal ċaħda bikrija, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limiti ta’ żmien għaż-żamma ta’ seduti jew sabiex il-qorti tieħu deċiżjoni. Huma jistgħu jadottaw ukoll skemi simili għal proċeduri fir-rigward ta’ miżuri provviżorji. L-Istati Membri għandhom jagħmlu sforzi biex jiżguraw li meta l-konvenut ikun ressaq rikors għal salvagwardji proċedurali oħrajn, id-deċiżjoni tittieħed ukoll b’ħeffa. Għal trattament rapidu, l-Istati Membri jistgħu jqisu, fost l-oħrajn, jekk ir-rikorrent ikunx beda proċedimenti multipli jew miftiehma f’materji simili u l-eżistenza ta’ tentattivi ta’ intimidazzjoni, fastidju jew theddid lill-konvenut.
(29)  Il-qrati jew it-tribunali aditi b’applikazzjoni għal salvagwardji proċedurali, jenħtieġ li jaġixxu b’mod rapidu fir-rigward ta’ dik l-applikazzjoni, billi jużaw l-aktar proċeduri effiċjenti disponibbli skont id-dritt nazzjonali. Sabiex tiġi żgurata ħeffa kbira fil-proċedura mħaffa fuq rikors għal ċaħda bikrija, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limiti ta’ żmien għaż-żamma ta’ seduti jew sabiex il-qorti tieħu deċiżjoni. Huma jistgħu jadottaw ukoll skemi simili għal proċeduri fir-rigward ta’ miżuri provviżorji. Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu sforzi biex jiżguraw li meta l-konvenut ikun ressaq rikors għal salvagwardji proċedurali oħrajn, id-deċiżjoni tittieħed ukoll b’ħeffa. Għal trattament rapidu, l-Istati Membri jistgħu jqisu, fost l-oħrajn, jekk ir-rikorrent ikunx beda proċedimenti multipli jew miftiehma f’materji simili u l-eżistenza ta’ tentattivi ta’ intimidazzjoni, fastidju jew theddid lill-konvenut.
Emenda 30
Proposta għal direttiva
Premessa 30
(30)  Jekk konvenut ikun ressaq rikors għal ċaħda bikrija, jenħtieġ li l-attur fil-proċedimenti prinċipali jġib prova fil-proċedura mħaffa li t-talba ma hijiex manifestament infondata. Dan ma jirrappreżentax limitazzjoni tal-aċċess għall-ġustizzja, meta jitqies li l-attur iġorr l-oneru tal-prova fir-rigward ta’ dik it-talba u jeħtieġlu biss li jissodisfa l-limitu ħafna aktar baxx li juri li t-talba ma hijiex manifestament infondata sabiex tiġi evitata ċaħda bikrija.
(30)  Jekk konvenut ikun ressaq rikors għal ċaħda bikrija, jenħtieġ li r-rikorrent fil-proċedimenti prinċipali jġib prova fil-proċedura mħaffa li t-talba ma hijiex manifestament infondata. Dan ma jirrappreżentax limitazzjoni tal-aċċess għall-ġustizzja, meta jitqies li r-rikorrent iġorr l-oneru tal-prova fir-rigward ta’ dik it-talba u jeħtieġlu biss li jissodisfa l-limitu ħafna aktar baxx li juri li t-talba ma hijiex manifestament infondata sabiex tiġi evitata ċaħda bikrija. Barra minn hekk, jenħtieġ li d-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija bikrija jittieħdu dejjem minn imħallef, fuq bażi ta’ każ b’każ, u jenħtieġ li r-rikorrenti dejjem ikunu intitolati li jressqu appell kontra d-deċiżjoni bikrija ta’ ċaħda.
Emenda 31
Proposta għal direttiva
Premessa 31
(31)  L-ispejjeż għandhom jinkludu l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti, inklużi l-ispejjeż sħaħ tar-rappreżentanza legali mġarrba mill-konvenut sakemm dawn l-ispejjeż ma jkunux eċċessivi. L-ispejjeż tar-rappreżentanza legali li jaqbżu l-ammonti stabbiliti fit-tabelli tat-tariffi statutorji ma għandhomx jitqiesu bħala eċċessivi per se. Il-kumpens sħiħ għad-danni għandu jinkludi kemm danni materjali kif ukoll immaterjali, bħall-ħsara fiżika u psikoloġika.
(31)  Jenħtieġ li l-ispejjeż jinkludu l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti, inklużi l-ispejjeż sħaħ tar-rappreżentanza legali, inklużi l-kostijiet ta’ qabel il-proċess imġarrba mill-konvenut sakemm dawn l-ispejjeż ma jkunux eċċessivi. L-ispejjeż tar-rappreżentanza legali li jaqbżu l-ammonti stabbiliti fit-tabelli tat-tariffi statutorji jenħtieġ li ma jitqiesux bħala eċċessivi per se, iżda jkun permess li l-ispejjeż jingħataw bis-sħiħ. Meta d-dritt nazzjonali ma jipprevedix l-għoti bis-sħiħ tal-ispejjeż lil hinn mit-tariffi statutorji, il-qorti jenħtieġ li tkun tista’ tagħti l-ispejjeż bis-sħiħ bi kwalunkwe mezz ieħor li jkun disponibbli, f’konformità mad-dritt nazzjonali, inkluż permezz tal-kumpens għad-danni.
Emenda 32
Proposta għal direttiva
Premessa 31a (ġdida)
(31a)  Il-kumpens sħiħ għad-danni għandu jinkludi kemm danni materjali kif ukoll mhux materjali, bħall-ħsara fiżika, għar-reputazzjoni u psikoloġika. Sabiex il-konvenut ikun jista’ jitlob id-danni faċilment u fil-ħin, jenħtieġ li jkun possibbli li jfittex id-danni fl-istess proċedimenti bħal dawk imressqa kontra l-konvenut, meta jkun xieraq permezz ta’ kontrotalba. Jenħtieġ li d-dannu materjali jinkludi b’mod partikolari l-onorarji tal-avukat, meta ma jkunux rimborżabbli bħala spejjeż, spejjeż tal-ivvjaġġar u spejjeż mediċi, b’mod partikolari għall-assistenza psikoloġika. Id-dannu materjali jenħtieġ li jinkludi l-ispejjeż ta’ qabel il-proċess, jekk dawn ma jkunux inklużi fl-ispejjeż skont il-liġi nazzjonali jew din id-direttiva. L-ispejjeż ta’ qabel il-proċess għandhom jinkludu wkoll l-ispejjeż neċessarji mġarrba fir-rigward tad-difiża tad-drittijiet tal-persuna kontra talbiet abbużivi, inklużi l-onorarji tal-avukat. Id-dannu mhux materjali jinkludi b’mod partikolari forom differenti ta’ ħsara fiżika u/jew psikoloġika, uġigħ u tbatija jew diffikultà emozzjonali relatati mal-proċedimenti ġudizzjarji, dannu għar-reputazzjoni u b’mod ġenerali, kwalunkwe tip ta’ dannu intanġibbli.
Emenda 33
Proposta għal direttiva
Premessa 32
(32)  L-għan ewlieni li l-qrati jew it-tribunali jingħataw il-possibbiltà li jimponu penali huwa sabiex l-atturi potenzjali jkunu skoraġġiti milli jiftħu proċedimenti ġudizzjarji abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Tali penali jenħtieġ li jkunu proporzjonati għall-elementi ta’ abbuż identifikati. Meta jistabbilixxu l-ammonti għal penali, il-qrati jistgħu jqisu l-potenzjal ta’ effett dannuż jew dissważiv tal-proċedimenti fuq il-parteċipazzjoni pubblika, inkluż fir-rigward tan-natura tat-talba, jekk ir-rikorrent ikunx beda proċedimenti multipli jew miftiehma f’materji simili u l-eżistenza ta’ tentattivi ta’ intimidazzjoni, fastidju jew theddida għall-konvenut.
(32)  L-għan ewlieni li l-qrati jew it-tribunali jingħataw il-possibbiltà li jimponu penali huwa sabiex ir-rikorrenti potenzjali jkunu skoraġġiti milli jiftħu proċedimenti ġudizzjarji abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Tali penali jenħtieġ li jiġu determinati abbażi ta’ każ b’każ u jenħtieġ li jkunu proporzjonati għall-elementi ta’ abbuż identifikati. Meta jistabbilixxu l-ammonti għal penali, il-qrati jistgħu jqisu l-potenzjal ta’ effett dannuż jew dissważiv tal-proċedimenti fuq il-parteċipazzjoni pubblika, inkluż fir-rigward tan-natura tat-talba, jekk ir-rikorrent ikunx beda proċedimenti multipli jew miftiehma f’materji simili u l-eżistenza ta’ tentattivi ta’ intimidazzjoni, fastidju jew theddida għall-konvenut.
Emenda 34
Proposta għal direttiva
Premessa 32a (ġdida)
(32a)  Biex jiġi żgurat li l-pubbliku jkun jista’ jkun konxju mid-deċiżjonijiet tal-qorti, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu reġistru nazzjonali aċċessibbli għall-pubbliku tad-deċiżjonijiet tal-qorti rilevanti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, f’konformità mar-regoli tal-Unjoni u dawk nazzjonali dwar il-protezzjoni ta’ data personali. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi reġistru tal-Unjoni aċċessibbli għall-pubbliku abbażi tal-informazzjoni mir-reġistri tal-Istati Membri li jikkonċernaw deċiżjonijiet rilevanti tal-qorti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, f’konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali.
Emenda 35
Proposta għal direttiva
Premessa 33
(33)  Fil-kuntest transfruntier, huwa importanti wkoll li tiġi rikonoxxuta t-theddida tal-iSLAPPs minn pajjiżi terzi mmirati lejn il-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u persuni oħrajn involuti fil-parteċipazzjoni pubblika li huma ddomiċiljati fl-Unjoni Ewropea. Dawn jistgħu jinvolvu danni eċċessivi mogħtija kontra ġurnalisti tal-UE, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u oħrajn. Il-proċedimenti tal-Qorti f’pajjiżi terzi huma aktar kumplessi u għaljin għall-persuni fil-mira. Sabiex jiġu protetti d-demokrazija u l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni fl-Unjoni Ewropea u sabiex jiġi evitat li s-salvagwardji previsti minn din id-Direttiva jiġu mminati minn rikors għal proċedimenti ġudizzjarji f’ġuriżdizzjonijiet oħrajn, huwa importanti li tiġi pprovduta protezzjoni wkoll kontra proċedimenti ġudizzjarji manifestament infondati u abbużivi f’pajjiżi terzi.
(33)  Fil-kuntest transfruntier, huwa importanti wkoll li tiġi rikonoxxuta t-theddida tal-iSLAPPs minn pajjiżi terzi mmirati lejn il-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u persuni oħrajn involuti fil-parteċipazzjoni pubblika li huma ddomiċiljati fl-Unjoni Ewropea. Dawn jistgħu jinvolvu danni eċċessivi mogħtija kontra persuni li jinvolvu ruħhom fil-parteċipazzjoni pubblika. Il-proċedimenti tal-Qorti f’pajjiżi terzi huma aktar kumplessi u għaljin għall-persuni fil-mira. Sabiex jiġu protetti d-demokrazija u l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni fl-Unjoni Ewropea u sabiex jiġi evitat li s-salvagwardji previsti minn din id-Direttiva jiġu mminati minn rikors għal proċedimenti ġudizzjarji f’ġuriżdizzjonijiet oħrajn, huwa importanti li tiġi pprovduta protezzjoni wkoll kontra proċedimenti ġudizzjarji manifestament infondati u abbużivi f’pajjiżi terzi.
Emenda 36
Proposta għal direttiva
Premessa 33a (ġdida)
(33a)  Fir-rigward tal-ġuriżdizzjoni għal talbiet ta’ malafama jew talbiet oħra bbażati fuq il-liġi ċivili jew kummerċjali li jistgħu jikkostitwixxu proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, l-Istat Membru ta’ domiċilju tal-konvenut jenħtieġ li jitqies bħala l-unika ġuriżdizzjoni, wara li jkunu ġew ikkunsidrati kif xieraq il-każijiet li fihom il-konvenuti f’każijiet ta’ malafama jkunu persuni fiżiċi. Bl-eċċezzjoni ta’ dik ir-regola li tikkonċerna każijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, din id-Direttiva jenħtieġ li ma taffettwax l-applikazzjoni tar-Regolament Brussell I.
Emenda 37
Proposta għal direttiva
Premessa 33b (ġdida)
(33b)  Din id-Direttiva tistabbilixxi raġuni speċjali għal-liġi applikabbli għall-pubblikazzjonijiet bħala att ta’ parteċipazzjoni pubblika. F’talbiet dwar pubblikazzjoni bħala att ta’ parteċipazzjoni pubblika, il-liġi applikabbli jenħtieġ li titqies bħala l-liġi tal-post li għalih dik il-pubblikazzjoni tkun diretta. Jekk ma jkunx possibbli li jiġi identifikat dak il-post, il-liġi applikabbli jenħtieġ li tkun il-liġi tal-post tal-kontroll editorjali jew tal-attività rilevanti fir-rigward tal-att ta’ parteċipazzjoni pubblika. F’każijiet għajr dawk koperti minn dik l-eċċezzjoni, din id-Direttiva jenħtieġ li ma taffettwax l-applikazzjoni tar-Regolament Ruma II.
Emenda 38
Proposta għal direttiva
Premessa 34
(34)  Din id-Direttiva toħloq raġuni speċjali ġdida ta’ ġuriżdizzjoni sabiex jiġi żgurat li l-persuni fil-mira ta’ SLAPPs iddomiċiljati fl-Unjoni Ewropea jkollhom rimedju effiċjenti disponibbli fl-Unjoni kontra proċedimenti ġudizzjarji abbużivi mressqa f’qorti jew tribunal ta’ pajjiż terz. Din il-bażi speċjali ta’ ġuriżdizzjoni tippermetti li l-persuni fil-mira li jkunu ddomiċiljati fl-Unjoni Ewropea jfittxu, fil-qrati jew fit-tribunali tad-domiċilju tagħhom, kumpens għad-danni u għall-ispejjeż imġarrba b’rabta mal-proċedimenti quddiem il-qorti jew it-tribunal tal-pajjiż terz. Dan id-dritt japplika irrispettivament mid-domiċilju tal-attur fil-proċedimenti fil-pajjiż terz.
(34)  Din id-Direttiva toħloq raġuni speċjali ġdida ta’ ġuriżdizzjoni sabiex jiġi żgurat li l-persuni fil-mira ta’ SLAPPs iddomiċiljati fl-Unjoni Ewropea jkollhom rimedju effiċjenti disponibbli fl-Unjoni kontra proċedimenti ġudizzjarji abbużivi mressqa f’qorti jew tribunal ta’ pajjiż terz. Din il-bażi speċjali ta’ ġuriżdizzjoni tippermetti li l-persuni fil-mira li jkunu ddomiċiljati fl-Unjoni Ewropea jfittxu, fil-qrati jew fit-tribunali tad-domiċilju tagħhom, kumpens għad-danni u għall-ispejjeż imġarrba jew li jkunu raġonevolment mistennija li jiġu mġarrba b’rabta mal-proċedimenti quddiem il-qorti jew it-tribunal tal-pajjiż terz. Dan id-dritt japplika irrispettivament mid-domiċilju tar-rikorrent fil-proċedimenti fil-pajjiż terz.
Emenda 39
Proposta għal direttiva
Premessa 34a (ġdida)
(34a)  L-Istati Membri jenħtieġ li jinkoraġġixxu u jaħdmu mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi organizzazzjonijiet mhux governattivi rikonoxxuti u attivi li jaħdmu mal-persuni fil-mira tal-proċedimenti tal-qorti kontra l-parteċipazzjoni pubblika, b’mod partikolari fir-rigward ta’ inizjattivi ta’ tfassil tal-politika, kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni, programmi ta’ riċerka u ta’ edukazzjoni, u taħriġ, kif ukoll il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-impatt ta’ tali miżuri.
Emenda 40
Proposta għal direttiva
Premessa 34b (ġdida)
(34b)  Id-dispożizzjonijiet u s-salvagwardji ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li japplikaw għall-proċedimenti tal-qorti abbużivi kollha kontra l-parteċipazzjoni pubblika quddiem qorti nazzjonali fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-regoli nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva u wara din id-data.
Emenda 41
Proposta għal direttiva
Premessa 34c (ġdida)
(34c)  L-Istati Membri jenħtieġ li jiġu inkoraġġiti biex jieħdu azzjoni xierqa biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni tagħhom għat-titjib tal-aċċess ta’ dawk fil-mira tal-proċedimenti tal-qorti kontra l-parteċipazzjoni pubblika għal informazzjoni dwar is-salvagwardji proċedurali stabbiliti f’din id-Direttiva u skont id-dritt nazzjonali. Tali kooperazzjoni jenħtieġ li tkopri l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-prattiki kurrenti fl-Istati Membri f’każijiet transfruntiera u l-għoti ta’ assistenza, meta jkun xieraq, lil networks u korpi Ewropej bħall-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, il-ħidma fuq materji direttament rilevanti għal dawk fil-mira tal-proċedimenti tal-qorti kontra l-parteċipazzjoni pubblika.
Emenda 42
Proposta għal direttiva
Premessa 34d (ġdida)
(34d)  B’rispett xieraq għall-indipendenza tal-professjoni legali, l-Istati Membri jenħtieġ li jinkoraġġixxu l-adozzjoni minn assoċjazzjonijiet professjonali ta’ regoli deontoloġiċi li jiggwidaw l-imġiba tal-professjonisti legali biex jiskoraġġixxu l-adozzjoni ta’ kawżi abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, inkluż, meta jkun xieraq, sanzjonijiet dixxiplinari għall-ksur ta’ dawk ir-regoli. Tali miżuri jenħtieġ li jiġu żviluppati b’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-assoċjazzjonijiet professjonali, is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.
Emenda 43
Proposta għal direttiva
Premessa 34e (ġdida)
(34e)  Il-ġbir tad-data huwa essenzjali biex jiġu ddokumentati każijiet ta’ proċedimenti ġudizzjarji abbużivi u jiġu pprovduti soluzzjonijiet għall-prevenzjoni tagħhom. Din id-Direttiva jenħtieġ li tistabbilixxi kriterji komuni biex jiġu standardizzati l-proċeduri tal-ġbir tad-data fl-Istati Membri u jiġi żgurat li tinġabar data komparabbli. L-Istati Membri jenħtieġ li, fuq bażi regolari, jipprovdu lill-Kummissjoni b’data disponibbli li turi kif dawk fil-mira tal-proċedimenti tal-qorti kontra l-parteċipazzjoni pubblika kisbu aċċess għas-salvagwardji stabbiliti f’din id-Direttiva. Abbażi tad-data pprovduta mill-Istati Membri, il-Kummissjoni jenħtieġ li tissottometti rapport kull ħames snin dwar l-evalwazzjoni u r-rieżami ta’ din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dawk ir-rapporti jenħtieġ li jsiru pubbliċi.
Emenda 44
Proposta għal direttiva
Premessa 36
(36)  Din id-Direttiva tikkomplementa r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinvolvu ruħhom f’parteċipazzjoni pubblika minn proċedimenti ġudizzjarji manifestament infondati jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (“Kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika”). Din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri u tipprovdi sett komprensiv ta’ miżuri li jinkludu t-taħriġ, it-tisħiħ tas-sensibilizzazzjoni, l-appoġġ għall-persuni fil-mira ta’ proċedimenti ġudizzjarji abbużivi u l-ġbir tad-data, ir-rapportar u l-monitoraġġ tal-proċedimenti ġudizzjarji kontra l-parteċipazzjoni pubblika.
(36)  Din id-Direttiva tikkomplementa r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinvolvu ruħhom f’parteċipazzjoni pubblika minn proċedimenti ġudizzjarji manifestament infondati jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (“Kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika”). Din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri u tipprovdi sett komprensiv ta’ miżuri li jinkludu t-taħriġ, it-tisħiħ tas-sensibilizzazzjoni, l-appoġġ għall-persuni fil-mira ta’ proċedimenti ġudizzjarji abbużivi u l-ġbir tad-data, ir-rapportar u l-monitoraġġ tal-proċedimenti ġudizzjarji kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Meta jittrasponu din id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħtu attenzjoni partikolari lill-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward, b’mod partikolari, tal-inklużjoni ta’ salvagwardji, simili għal dawk previsti minn din id-Direttiva, b’relazzjoni ma’ każijiet domestiċi mhux koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, u l-għoti ta’ assistenza legali lill-konvenuti b’mod affordabbli u faċilment aċċessibbli, u jikkunsidraw l-inklużjoni fil-liġijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni tagħhom ta’ dispożizzjonijiet immirati għal dak il-għan. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu inkoraġġiti wkoll jikkunsidraw li jistabbilixxu fond biex jappoġġaw lill-vittmi tal-iSLAPPs, li jenħtieġ li jintuża direttament għal tariffi legali jew l-għoti ta’ għajnuna legali u appoġġ psikoloġiku.
Emenda 45
Proposta għal direttiva
Premessa 36a (ġdida)
(36a)  Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar appoġġ komprensiv u miżuri preventivi, mekkaniżmi ta’ appoġġ mhux finanzjarju bħall-għoti ta’ għajnuna legali u appoġġ psikoloġiku, kif ukoll miżuri ta’ taħriġ, ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ ġbir tad-data. Hija tfittex ukoll li tiżgura li d-data tinġabar billi jiġu stabbiliti kriterji komuni fil-livell tal-Unjoni. Jenħtieġ li jiġi stabbilit punt fokali nazzjonali li jiġbor u jaqsam l-informazzjoni dwar l-organizzazzjonijiet kollha li jipprovdu gwida u appoġġ għall-persuni fil-mira tal-proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Tali organizzazzjonijiet jistgħu jinkludu assoċjazzjonijiet ta’ professjonisti legali, kunsilli tal-media u tal-istampa, assoċjazzjonijiet komprensivi għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, assoċjazzjonijiet fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali, ditti legali li jiddefendu persuni fil-mira tal-proċedimenti ġudizzjarji manifestament infondati jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika pro bono, l-uffiċċji ta’ konsultazzjoni legali tal-universitajiet u organizzazzjonijiet nongovernattivi oħrajn.
Emenda 46
Proposta għal direttiva
Premessa 36b (ġdida)
(36b)  Sabiex titrawwem il-prevenzjoni tal-introduzzjoni tal-iSLAPPs u l-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi fil-mira, huwa kruċjali li jiġu promossi l-informazzjoni rilevanti, is-sensibilizzazzjoni, il-kampanji, l-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż dwar id-drittijiet u l-mekkaniżmi ta’ protezzjoni tagħhom.
Emenda 47
Proposta għal direttiva
Premessa 36c (ġdida)
(36c)  Jenħtieġ li t-taħriġ għall-ġurnalisti, għall-professjonisti l-oħra fil-qasam tal-media u għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem isaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jindirizzaw proċedimenti ġudizzjarji abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Jenħtieġ li dan jiffoka fuq ir-rikonoxximent ta’ tali proċedimenti ġudizzjarji, fuq kif wieħed għandu jaġixxi meta jkun fil-mira tagħhom u jinformahom dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-passi meħtieġa biex jipproteġu lilhom infushom minn tali proċedimenti. It-taħriġ jenħtieġ li jiġi pprovdut ukoll lill-professjonisti legali sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar proċedimenti ġudizzjarji abbużivi u jkunu jistgħu jidentifikawhom fi stadju bikri ħafna.
Emenda 48
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1
Din id-Direttiva tipprovdi salvagwardji kontra proċedimenti ġudizzjarji manifestament infondati jew abbużivi f’materji ċivili b’implikazzjonijiet transfruntieri miġjuba kontra persuni fiżiċi u ġuridiċi, b’mod partikolari ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, minħabba l-involviment tagħhom fil-parteċipazzjoni pubblika.
Din id-Direttiva tipprovdi sett ta’ standards minimi ta’ protezzjoni u salvagwardji kontra proċedimenti ġudizzjarji manifestament infondati u abbużivi f’materji ċivili, kif ukoll it-theddid tagħhom, b’implikazzjonijiet transfruntiera miġjuba kontra persuni fiżiċi u ġuridiċi li jinvolvu ruħhom fil-parteċipazzjoni pubblika.
Emenda 49
Proposta għal direttiva
Artikolu 2 – paragrafu 1
Din id-Direttiva għandha tapplika għal materji ta’ natura ċivili jew kummerċjali b’implikazzjonijiet transfruntieri, tkun xi tkun in-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Din ma għandhiex tiġi estiża, b’mod partikolari, għal dħul, materji doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbilità tal-Istat għal atti jew ommissjonijiet fl-eżerċiżżju tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii).
Din id-Direttiva għandha tapplika għal materji ta’ natura ċivili jew kummerċjali li jkollhom implikazzjonijiet transfruntiera, inklużi miżuri interim u kawtelatorji, kontrokawżi jew tipi partikolari oħra ta’ rimedji disponibbli taħt strumenti oħrajn , tkun xi tkun in-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Din ma għandhiex tiġi estiża, b’mod partikolari, għal dħul, materji doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti jew ommissjonijiet fl-eżerċizzju tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii).
Emenda 50
Proposta għal direttiva
Artikolu 2a (ġdid)
Artikolu 2a
Rekwiżiti minimi
1.  L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli mis-salvagwardji previsti f’din id-Direttiva kontra proċedimenti ġudizzjarji manifestament infondati u abbużivi f’materji ċivili.
2.  L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fl-ebda ċirkostanza m’għandha tikkostitwixxi raġunijiet għal tnaqqis fil-livell ta’ salvagwardji diġà mogħtija mill-Istati Membri fil-materji koperti b’din id-Direttiva.
Emenda 51
Proposta għal direttiva
Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt 1
1.  “parteċipazzjoni pubblika” tfisser kwalunkwe dikjarazzjoni jew attività minn persuna fiżika jew ġuridika espressa jew imwettqa fl-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni dwar materja ta’ interess pubbliku u azzjoni preparatorja, ta’ appoġġ jew ta’ assistenza marbuta direttament magħha. Dan jinkludi l-ilmenti, il-petizzjonijiet, it-talbiet amministrattivi jew ġudizzjarji u l-parteċipazzjoni f’seduti pubbliċi;
1.  “parteċipazzjoni pubblika” tfisser kwalunkwe dikjarazzjoni jew attività minn persuna fiżika jew ġuridika espressa jew imwettqa fl-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, libertà akkademika, jew libertà ta’ assemblea u assoċjazzjoni, u azzjoni preparatorja, ta’ appoġġ jew ta’ assistenza marbuta direttament magħha, dwar materja ta’ interess pubbliku. Dan jinkludi l-ilmenti, il-petizzjonijiet, it-talbiet amministrattivi jew ġudizzjarji, il-parteċipazzjoni f’seduti pubbliċi, il-ħolqien, l-esibizzjoni, ir-reklamar, jew promozzjoni oħra ta’ komunikazzjonijiet, pubblikazzjonijiet jew xogħlijiet ġurnalistiċi, politiċi, xjentifiċi, akkademiċi, artistiċi, satiriċi;
Emenda 52
Proposta għal direttiva
Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt 2 – punt a
(a)  is-saħħa pubblika, is-sikurezza, l-ambjent, il-klima jew it-tgawdija tad-drittijiet fundamentali;
(a)  id-drittijiet fundamentali, inklużi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-libertà tal-media u d-drittijiet tal-konsumatur u tax-xogħol, kif ukoll is-saħħa pubblika, is-sikurezza, l-ambjent jew il-klima;
Emenda 53
Proposta għal direttiva
Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt 2 – punt b
(b)  l-attivitajiet ta’ persuna jew entità b’viżibbiltà pubblika jew ta’ interess pubbliku;
(b)  l-attivitajiet ta’ persuna jew entità b’viżibbiltà pubblika jew ta’ interess pubbliku, inklużi uffiċjali tal-gvern u entitajiet privati;
Emenda 54
Proposta għal direttiva
Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt 2 –punt d
(d)  allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni, frodi jew kriminalità;
(d)  allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni, frodi, approprjazzjoni indebita, ħasil tal-flus, estorsjoni, koerċizzjoni, fastidju sesswali u vjolenza abbażi tal-ġeneru, jew forom oħra ta’ intimidazzjoni, jew kwalunkwe reat kriminali jew amministrattiv ieħor, inkluża l-kriminalità ambjentali;
Emenda 55
Proposta għal direttiva
Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt 2 – punt e
(e)  attivitajiet immirati lejn il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni;
(e)  attivitajiet bil-għan li jipproteġu l-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, il-prinċipju ta’ noninterferenza fil-proċessi demokratiċi, u li jipprovdu jew jiffaċilitaw l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni bil-għan li tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni;
Emenda 56
Proposta għal direttiva
Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt 2 – punt ea (ġdid)
(ea)  attivitajiet akkademiċi, xjentifiċi, ta’ riċerka u artistiċi;
Emenda 57
Proposta għal direttiva
Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt 3 – parti introduttorja
“proċedimenti ġudizzjarji abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika” tfisser proċedimenti ġudizzjarji mressqa fir-rigward tal-parteċipazzjoni pubblika li huma kompletament jew parzjalment infondati u li għandhom bħala l-għan ewlieni tagħhom li jipprevjenu, jirrestrinġu jew jippenalizzaw il-parteċipazzjoni pubblika. Indikazzjonijiet ta’ tali skop jistgħu jkunu:
“proċedimenti ġudizzjarji abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika” tfisser proċedimenti ġudizzjarji mressqa fir-rigward tal-parteċipazzjoni pubblika li huma kompletament jew parzjalment infondati, ikkaratterizzati minn elementi li jindikaw użu ħażin tal-proċess ġudizzjarju għal finijiet għajr l-affermazzjoni, il-ġustifikazzjoni jew l-eżerċitar b’mod ġenwin ta’ dritt u li għandhom bħala l-għan ewlieni tagħhom li jipprevjenu, jirrestrinġu jew jippenalizzaw il-parteċipazzjoni pubblika b’mod abbużiv. Indikazzjonijiet ta’ tali skop jistgħu jkunu:
Emenda 58
Proposta għal direttiva
Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt 3 – punt -a (ġdid)
(-a)  l-użu ħażin tal-vantaġġ ekonomiku jew l-influwenza politika mir-rikorrent kontra l-konvenut, li jwassal għal żbilanċ fis-setgħat bejn iż-żewġ partijiet;
Emenda 59
Proposta għal direttiva
Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt 3 – punt c
(c)  intimidazzjoni, fastidju jew theddid min-naħa tal-attur jew tar-rappreżentanti tiegħu.
(c)  intimidazzjoni, fastidju jew theddid min-naħa tar-rikorrent jew tar-rappreżentanti tiegħu, qabel jew wara l-proċedimenti, kif ukoll kwalunkwe storja preċedenti ta’ intimidazzjoni mir-rikorrent.
Emenda 60
Proposta għal direttiva
Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt 3 – punt ca (ġdid)
(ca)  l-użu in mala fede ta’ tattiċi proċedurali, bħal dewmien fil-proċedimenti, u l-għażla li tiġi segwita talba li hija soġġetta għall-ġuriżdizzjoni tal-qorti li tkun se tittratta t-talba bl-aktar mod favorevoli, jew il-waqfien tal-kawżi fi stadju aktar tard tal-proċedimenti.
Emenda 61
Proposta għal direttiva
Artikolu 4 – paragrafu 2 – punt a
(a)  l-att ta’ parteċipazzjoni pubblika li jikkonċerna materja ta’ interess pubbliku li kontrih jinfetħu proċedimenti ġudizzjarji jkun rilevanti għal aktar minn Stat Membru wieħed, jew
(a)  l-att ta’ parteċipazzjoni pubblika jkun rilevanti għal aktar minn Stat Membru wieħed, jew minħabba d-dimensjoni transfruntiera tal-att innifsu, jew minħabba l-interess leġittimu li l-pubbliku jista’ jieħu fil-materja kkonċernata mill-att, inkluż jekk l-att huwiex aċċessibbli permezz ta’ mezzi elettroniċi, jew
Emenda 62
Proposta għal direttiva
Artikolu 5 – paragrafu 3
3.  L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-miżuri dwar is-salvagwardji proċedurali f’konformità mal-Kapitoli III u IV jistgħu jittieħdu mill-qorti jew mit-tribunal adit bil-materja ex officio.
3.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-miżuri dwar is-salvagwardji proċedurali f’konformità mal-Kapitoli III u IV jistgħu jittieħdu mill-qorti jew mit-tribunal adit bil-materja ex officio.
Emenda 63
Proposta għal direttiva
Artikolu 5a (ġdid)
Artikolu 5a
Proċedimenti rapidi tal-qorti
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati jew it-tribunali aditi b’applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 jaġixxu fil-proċedimenti li fir-rigward tagħhom tkun tressqet l-applikazzjoni billi jużaw l-aktar proċeduri rapidi disponibbli skont id-dritt nazzjonali, filwaqt li jqisu ċ-ċirkostanzi tal-każ, id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal proċess ġust.
Emenda 64
Proposta għal direttiva
Artikolu 5b (ġdid)
Artikolu 5b
Assistenza lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jinvolvu ruħhom fil-parteċipazzjoni pubblika
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jinvolvu ruħhom fil-parteċipazzjoni pubblika jkollhom aċċess, kif xieraq, għal miżuri ta’ appoġġ, b’mod partikolari dawn li ġejjin:
(a)   informazzjoni u pariri komprensivi u indipendenti li jkunu faċilment aċċessibbli għall-pubbliku u mingħajr ħlas dwar proċeduri u rimedji disponibbli, dwar il-protezzjoni mill-intimidazzjoni, mill-fastidju jew mit-theddid ta’ azzjoni legali, u dwar id-drittijiet tagħhom; u
(b)   għajnuna legali f’konformità mad-Direttiva 2003/8/KE tal-Kunsill, u, f’konformità mad-dritt nazzjonali, għajnuna legali fi proċedimenti ulterjuri, u konsulenza legali jew assistenza legali oħra;
(c)   assistenza finanzjarja u miżuri ta’ appoġġ, inkluż appoġġ psikoloġiku, għal dawk fil-mira tal-proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika.
Emenda 65
Proposta għal direttiva
Artikolu 7 – paragrafu 1
L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li qorti jew tribunal aditi bi proċedimenti ġudizzjarji kontra l-parteċipazzjoni pubblika jkunu jistgħu jaċċettaw li l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jissalvagwardjaw jew jippromwovu d-drittijiet ta’ persuni involuti fil-parteċipazzjoni pubblika jkunu jistgħu jieħdu sehem f’dawk il-proċedimenti, jew b’appoġġ tal-konvenut jew sabiex jipprovdu informazzjoni.
L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li qorti jew tribunal aditi bi proċedimenti ġudizzjarji kontra l-parteċipazzjoni pubblika jkunu jistgħu jaċċettaw li assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet u korpi kollettivi oħra, bħat-trade unions, u kwalunkwe entità legali oħra li, f’konformità mal-kriterji stabbiliti mil-liġi nazzjonali tagħhom, għandhom interess leġittimu li jissalvagwardjaw jew jippromwovu d-drittijiet ta’ persuni involuti fil-parteċipazzjoni pubblika jkunu jistgħu jieħdu sehem f’dawk il-proċedimenti, jew f’isem jew b’appoġġ tal-konvenut, bl-approvazzjoni tiegħu, jew sabiex jipprovdu informazzjoni, fi kwalunkwe proċedura ġudizzjarja prevista għall-infurzar tal-obbligi skont din id-Direttiva. Din id-dispożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għad-drittijiet eżistenti ta’ rappreżentanza u intervent kif garantiti minn regoli oħra tal-Unjoni jew nazzjonali.
Emenda 66
Proposta għal direttiva
Artikolu 8 – paragrafu 1
L-istati Membri għandhom jiżguraw li fil-proċedimenti ġudizzjarji kontra l-parteċipazzjoni pubblika, il-qorti jew it-tribunal aditi jkollhom is-setgħa li jeħtieġu lill-attur jagħti garanzija għall-ispejjeż proċedurali, jew għall-ispejjeż u d-danni proċedurali, jekk iqisu li tali garanzija hija xierqa fid-dawl tal-preżenza ta’ elementi li jindikaw proċedimenti ġudizzjarji abbużivi.
L-istati Membri għandhom jiżguraw li fil-proċedimenti ġudizzjarji kontra l-parteċipazzjoni pubblika, il-qorti jew it-tribunal aditi jkollhom is-setgħa li jeħtieġu lir-rikorrent jagħti garanzija għall-ispejjeż tal-proċeduri, inklużi l-ispejjeż kollha tar-rappreżentanza legali mġarrba mill-konvenut u d-danni, jekk iqisu li tali garanzija hija xierqa fid-dawl tal-preżenza ta’ elementi li jindikaw proċedimenti ġudizzjarji abbużivi. Meta d-dritt nazzjonali jipprevedi tali possibbiltà, tista’ tingħata garanzija lill-konvenut fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti tal-qorti.
Emenda 67
Proposta għal direttiva
Artikolu 9 – paragrafu 2
2.  L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limiti ta’ żmien għall-eżerċizzju tad-dritt li jippreżentaw rikors għal ċaħda bikrija. Il-limiti ta’ żmien għandhom ikunu proporzjonati u ma jirrendux dan l-eżerċizzju impossibbli jew eċċessivament diffiċli.
2.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu limiti ta’ żmien għall-eżerċizzju tad-dritt li jippreżentaw rikors għal ċaħda bikrija. Il-limiti ta’ żmien għandhom ikunu proporzjonati, raġonevoli u ma jirrendux dan l-eżerċizzju impossibbli jew eċċessivament diffiċli.
Emenda 68
Proposta għal direttiva
Artikolu 14 – paragrafu 1
L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li attur li jkun ippreżenta proċedimenti ġudizzjarji abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jkun jista’ jiġi ordnat iħallas l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti, inklużi l-ispejjeż kollha tar-rappreżentanza legali mġarrba mill-konvenut, sakemm dawn l-ispejjeż ma jkunux eċċessivi.
L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li rikorrent li jkun ippreżenta proċedimenti ġudizzjarji abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika jiġi ordnat iħallas l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti, inklużi l-ispejjeż kollha tar-rappreżentanza legali mġarrba mill-konvenut, sakemm dawn l-ispejjeż ma jkunux eċċessivi. Meta d-dritt nazzjonali ma jiggarantix l-għoti bis-sħiħ tal-ispejjeż tar-rappreżentanza legali lil hinn mit-tabelli tat-tariffi statutorji, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali spejjeż jiġu koperti bis-sħiħ b’mezzi oħra disponibbli skont id-dritt nazzjonali, u, meta jkun xieraq, permezz ta’ kumpens għad-danni f’konformità mal-Artikolu 15.
Emenda 69
Proposta għal direttiva
Artikolu 15 – paragrafu 1
L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li persuna fiżika jew ġuridika li tkun ġarrbet ħsara bħala riżultat ta’ proċedimenti abbużivi tal-qorti kontra l-parteċipazzjoni pubblika tkun tista’ titlob u tikseb kumpens sħiħ għal dik il-ħsara.
L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li persuna fiżika jew ġuridika li tkun ġarrbet ħsara bħala riżultat ta’ proċedimenti abbużivi tal-qorti kontra l-parteċipazzjoni pubblika tkun tista’ titlob u tikseb kumpens sħiħ għal dik il-ħsara, li tkopri ħsara materjali jew mhux materjali, inkluża l-ħsara għar-reputazzjoni, mingħajr il-ħtieġa li jinbdew proċedimenti tal-qorti separati għal dak il-għan.
Emenda 70
Proposta għal direttiva
Artikolu 16 – paragrafu 1a (ġdid)
1a.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati jew it-tribunali li jimponu penali jqisu kif xieraq:
(i)   is-sitwazzjoni ekonomika tar-rikorrent;
(ii)   in-natura u l-għadd tal-elementi li jindikaw abbuż identifikat.
Emenda 71
Proposta għal direttiva
Artikolu 16a (ġdid)
Artikolu 16a
Reġistri nazzjonali
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu reġistru aċċessibbli għall-pubbliku tad-deċiżjonijiet rilevanti tal-qorti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, f’konformità mar-regoli tal-Unjoni u dawk nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali.
Emenda 72
Proposta għal direttiva
Artikolu 18 – paragrafu 1
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta proċedimenti ġudizzjarji abbużivi għall-involviment f’parteċipazzjoni pubblika jkunu tressqu f’qorti jew tribunal ta’ pajjiż terz kontra persuna fiżika jew ġuridika ddomiċiljata fi Stat Membru, dik il-persuna tista’ titlob, fil-qrati jew fit-tribunali tal-post fejn tkun iddomiċiljata, kumpens għad-danni u l-ispejjeż imġarrba b’rabta mal-proċedimenti quddiem il-qorti jew it-tribunal tal-pajjiż terz, irrispettivament mid-domiċilju tal-attur fil-proċedimenti fil-pajjiż terz.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta proċedimenti ġudizzjarji abbużivi għall-involviment f’parteċipazzjoni pubblika jkunu tressqu f’qorti jew tribunal ta’ pajjiż terz kontra persuna fiżika jew ġuridika ddomiċiljata fi Stat Membru, dik il-persuna għandu jkollha d-dritt li titlob, fil-qrati jew fit-tribunali tal-post fejn tkun iddomiċiljata, kumpens għad-danni u l-ispejjeż imġarrba b’rabta mal-proċedimenti quddiem il-qorti jew it-tribunal tal-pajjiż terz, irrispettivament mid-domiċilju tar-rikorrent fil-proċedimenti fil-pajjiż terz.
Emenda 73
Proposta għal direttiva
Kapitolu Va (ġdid)
Kapitolu Va
Ġuriżdizzjoni, liġi applikabbli u relazzjonijiet ma’ strumenti tad-dritt internazzjonali privat tal-Unjoni
Emenda 74
Proposta għal direttiva
Artikolu 18a (ġdid)
Artikolu 18a
Ġuriżdizzjoni għal talbiet ta’ malafama
F’talbiet għal malafama jew talbiet oħra bbażati fuq il-liġi ċivili jew kummerċjali li jistgħu jikkostitwixxu talba skont din id-Direttiva, id-domiċilju tal-konvenut għandu jitqies bħala l-unika ġuriżdizzjoni, wara li jkunu ġew ikkunsidrati kif xieraq il-każijiet li fihom il-vittmi ta’ malafama jkunu persuni fiżiċi.
Emenda 75
Proposta għal direttiva
Artikolu 18b (ġdid)
Artikolu 18b
Relazzjonijiet mar-Regolament Brussell I
Bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 18a ta’ din id-Direttiva, din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-applikazzjoni tar-Regolament Brussell I.
Emenda 76
Proposta għal direttiva
Artikolu 18c (ġdid)
Artikolu 18c
Liġi applikabbli għall-pubblikazzjonijiet bħala att ta’ parteċipazzjoni pubblika
F’talbiet li jirrigwardaw pubblikazzjoni bħala att ta’ parteċipazzjoni pubblika, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi tal-post li lejha tkun diretta dik il-pubblikazzjoni. F’każ li ma jkunx possibbli li jiġi identifikat il-post li lejh tkun diretta l-pubblikazzjoni, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi tal-post tal-kontroll editorjali jew tal-attività editorjali rilevanti fir-rigward tal-att ta’ parteċipazzjoni pubblika.
Emenda 77
Proposta għal direttiva
Artikolu 18d (ġdid)
Artikolu 18d
Relazzjonijiet mar-Regolament Ruma II
Bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 18c ta’ din id-Direttiva, din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-applikazzjoni tar-Regolament Ruma II.
Emenda 78
Proposta għal direttiva
Kapitolu Vb (ġdid)
Kapitolu Vb
Dispożizzjonijiet oħra
Emenda 79
Proposta għal direttiva
Artikolu 18e (ġdid)
Artikolu 18e
Reġistru tal-Unjoni
Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa biex tistabbilixxi reġistru tal-Unjoni aċċessibbli għall-pubbliku abbażi tal-informazzjoni pprovduta f’konformità mal-Artikolu 16a tad-deċiżjonijiet rilevanti tal-qorti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, f’konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali.
Emenda 80
Proposta għal direttiva
Artikolu 18f (ġdid)
Artikolu 18f
Sensibilizzazzjoni
L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni xierqa, inkluż permezz ta’ mezzi elettroniċi, bil-għan li jżidu s-sensibilizzazzjoni dwar kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika u s-salvagwardji proċedurali stabbiliti f’din id-Direttiva kontrihom. Tali azzjoni tista’ tinkludi kampanji ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni u programmi ta’ riċerka u edukazzjoni, meta jkun xieraq, b’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra.
Emenda 81
Proposta għal direttiva
Artikolu 18g (ġdid)
Artikolu 18g
Punt uniku ta’ servizz
L-Istati Membri għandhom, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, jieħdu miżuri xierqa biex jistabbilixxu “punt uniku ta’ servizz” li jinkludi n-networks nazzjonali ddedikati ta’ avukati speċjalizzati, ġuristi u psikologi, li l-persuni fil-mira tal-iSLAPPs jistgħu jikkuntattjaw, u li permezz tagħhom jistgħu jirċievu gwida u aċċess faċli għal informazzjoni dwar l-iSLAPPs, u protezzjoni kontrihom, inkluż fir-rigward tal-għajnuna legali, l-appoġġ finanzjarju u l-appoġġ psikoloġiku.
Emenda 82
Proposta għal direttiva
Artikolu 18h (ġdid)
Artikolu 18h
Taħriġ tal-ġuristi
1.   B’rispett dovut għall-indipendenza tal-professjoni legali, l-Istati Membri għandhom jirrakkomandaw li dawk reponsabbli mit-taħriġ tal-avukati jagħmlu disponibbli kemm taħriġ ġenerali kif ukoll speċjalizzat biex iżidu s-sensibilizzazzjoni tal-kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika u s-salvagwardji proċedurali kontrihom previsti f’din id-Direttiva.
2.   Mingħajr preġudizzju għall-indipendenza ġudizzjarja u d-differenzi fl-organizzazzjoni tal-ġudikatura madwar l-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jitolbu li dawk responsabbli għat-taħriġ tal-imħallfin jagħmlu disponibbli kemm taħriġ ġenerali kif ukoll speċjalizzat biex l-imħallfin isiru aktar konxji tal-ħtiġijiet tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jinvolvu ruħhom fil-parteċipazzjoni pubblika.
3.   Permezz tas-servizzi pubbliċi tagħhom jew bil-finanzjament tal-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ tal-iSLAPP, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu inizjattivi li jippermettu lil dawk li jipprovdu appoġġ lil dawk fil-mira tal-proċedimenti ġudizzjarji manifestament infondati jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika biex jirċievu taħriġ adegwat.
Emenda 83
Proposta għal direttiva
Artikolu 18i (ġdid)
Artikolu 18i
Kooperazzjoni u koordinazzjoni tas-servizzi
L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni xierqa biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri għat-titjib tal-aċċess ta’ dawk fil-mira tal-proċedimenti tal-qorti manifestament infondati jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika għal informazzjoni dwar is-salvagwardji proċedurali previsti f’din id-Direttiva u skont id-dritt nazzjonali. Tali kooperazzjoni għandha tal-inqas tkun immirata lejn:
(a)   l-iskambju tal-prattiki attwali; u
(b)   l-għoti ta’ assistenza lin-networks Ewropej li jaħdmu fuq materji direttament rilevanti għal dawk fil-mira tal-proċedimenti ġudizzjarji manifestament infondati jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika.
Emenda 84
Proposta għal direttiva
Artikolu 18j (ġdid)
Artikolu 18j
Regoli deontoloġiċi għall-professjonisti legali
L-Istati Membri, b’rispett dovut għall-indipendenza tal-professjoni legali, għandhom jinkoraġġixxu l-adozzjoni minn assoċjazzjonijiet professjonali ta’ regoli deontoloġiċi li jiggwidaw l-imġiba tal-professjonisti legali biex jiskoraġġixxu t-teħid ta’ kawżi abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, u meta jkun xieraq, iqisu miżuri li jindirizzaw kwalunkwe ksur ta’ dawk ir-regoli.
Emenda 85
Proposta għal direttiva
Artikolu 18k (ġdid)
Artikolu 18k
Ġbir tad-data
1.   L-Istati Membri, filwaqt li jqisu l-arranġamenti istituzzjonali tagħhom dwar l-istatistika ġudizzjarja, għandhom jinkarigaw awtorità waħda jew aktar bir-responsabbiltà li jiġbru u jaggregaw data dwar proċedimenti ġudizzjarji abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika mibdija fil-ġuriżdizzjoni tagħhom, b’rispett sħiħ tar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data.
2.   Id-data msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi, b’mod partikolari, il-kriterji li ġejjin:
(a)   l-għadd ta’ proċedimenti ġudizzjarji abbużivi kontra kawżi ta’ parteċipazzjoni pubblika, mibdija fis-sena rilevanti;
(b)   l-għadd ta’ proċedimenti tal-qorti abbużivi kontra każijiet ta’ parteċipazzjoni pubblika miċħuda kmieni minħabba li jkunu dipendenti fuq talbiet kompletament jew parzjalment infondati;
(c)   l-għadd ta’ proċedimenti ġudizzjarji, ikklassifikati skont it-tip ta’ konvenut (eż. ġurnalist, difensur tad-drittijiet tal-bniedem, organizzazzjoni tal-media);
(d)   l-għadd ta’ proċedimenti ġudizzjarji, ikklassifikati skont it-tip ta’ rikorrent (eż. politiku, persuna privata, kumpanija, jekk ir-rikorrent huwiex entità barranija);
(e)   ċifri dwar atti ta’ parteċipazzjoni pubblika li dwarhom infetħu proċedimenti ġudizzjarji;
(f)   ċifri dwar l-istimi tal-ammont tad-danni inizjali mitlubin mir-rikorrenti;
(g)   deskrizzjoni tal-bażijiet legali differenti li r-rikorrenti jistrieħu fuqhom u ċ-ċifri relatati;
(h)   ċifri dwar it-tul tal-proċedimenti, inklużi l-istanzi kollha;
(i)   ċifri dwar elementi transfruntiera;
(j)   meta tkun disponibbli, data oħra, inkluż dwar l-ispejjeż ġudizzjarji tal-proċedimenti u, meta jkun rilevanti u xieraq, ċifri rilevanti dwar l-isfond storiku tal-każijiet;
(k)   it-tip ta’ talba maħruġa abbażi ta’ din id-Direttiva u, meta jkun xieraq, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tikkomplementaha.
Emenda 86
Proposta għal direttiva
Artikolu 20 – paragrafu 1
L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha rilevanti dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva mhux aktar tard minn [ħames (5) snin mid-data tat-traspożizzjoni]. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta, il-Kummissjoni għandha sa mhux aktar tard minn [6 snin mid-data tat-traspożizzjoni], tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Ir-rapport għandu jipprovdi valutazzjoni tal-evoluzzjoni tal-proċedimenti ġudizzjarji abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika u tal-impatt ta’ din id-Direttiva fl-Istati Membri. Jekk ikun meħtieġ, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti għall-emenda ta’ din id-Direttiva.
L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha rilevanti dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari id-data disponibbli li turi kif dawk fil-mira tal-proċedimenti ġudizzjarji kontra l-parteċipazzjoni pubblika użaw is-salvagwardji previsti f’din id-Direttiva, sa [tliet snin mid-data tat-traspożizzjoni]. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta, il-Kummissjoni għandha sa mhux aktar tard minn [erba’ snin mid-data tat-traspożizzjoni] u kull ħames snin wara dan, tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Ir-rapport għandu jipprovdi valutazzjoni tal-evoluzzjoni tal-proċedimenti ġudizzjarji abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika u tal-impatt ta’ din id-Direttiva fl-Istati Membri filwaqt li jqis il-kuntest nazzjonali f’kull Stat Membru, inkluża l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. Jekk ikun meħtieġ, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti għall-emenda ta’ din id-Direttiva. Dawk ir-rapporti għandhom ikunu pubbliċi.
Emenda 87
Proposta għal direttiva
Artikolu 21 – paragrafu 1 – subparagrafu 1
L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [sentejn (2) mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva]. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.
L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva]. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif issir tali ir-referenza.
Emenda 88
Proposta għal direttiva
Artikolu 21 – paragrafu 1a (ġdid)
1a.  L-Istati Membri għandhom japplikaw din id-Direttiva wkoll għall-każijiet pendenti fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-regoli nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

(1) Il-każ ġie mgħoddi lura għan-negozjati interistituzzjonali lill-kumitat responsabbli, skont l-Artikolu 59(4), ir-raba' subparagrafu (A9-0223/2023).

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' Diċembru 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza