Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2022/2057(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0206/2023

Testi mressqa :

A9-0206/2023

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/07/2023 - 8.18
CRE 11/07/2023 - 8.18

Testi adottati :

P9_TA(2023)0267

Testi adottati
PDF 185kWORD 69k
It-Tlieta, 11 ta' Lulju 2023 - Strasburgu
Il-protezzjoni tal-ġurnalisti madwar id-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni
P9_TA(2023)0267A9-0206/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Lulju 2023 dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti madwar id-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni (2022/2057(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, u l-Kumment Ġenerali Nru 34 tal-Kumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar l-Artikolu 19 tiegħu dwar il-libertajiet tal-opinjoni u tal-espressjoni,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni tal-2005 u l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali tal-2005,

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà tal-opinjoni u l-espressjoni tat-13 ta’ April 2021 dwar id-diżinformazzjoni u l-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni, u dak tal-20 ta’ April 2022 bit-titolu “It-tisħiħ tal-libertà tal-media u tas-sikurezza tal-ġurnalisti fl-era diġitali”,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni tan-NU dwar is-Sikurezza tal-Ġurnalisti u l-Kwistjoni tal-Impunità tat-12 ta’ April 2012,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 4 tat-Tielet Konvenzjoni ta’ Ġinevra li jirreferi għall-“korrispondenti tal-gwerra”, l-Artikolu 79 tal-Protokoll Addizzjonali I dwar “miżuri ta’ protezzjoni għall-ġurnalisti” u l-artikoli l-oħra li jipproteġu lil tali professjonisti bħala persuni ċivili fi żminijiet ta’ kunflitt armat,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1738 (2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-23 ta’ Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni taċ-ċivili f’kunflitti armati, li tikkundanna l-attakki kontra l-ġurnalisti f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta maħruġa mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni, ir-Rappreżentant għal-Libertà tal-Media tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), ir-Rapporteur Speċjali għal-Libertà tal-Espressjoni tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani u r-Rapporteur Speċjali għal-Libertà tal-Espressjoni u l-Aċċess għall-Informazzjoni tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-20 ta’ Ottubru 2021 dwar il-politiċi u l-uffiċjali pubbliċi u l-libertà tal-espressjoni,

–  wara li kkunsidra l-eżiti tal-25 Kunsill Ministerjali tal-OSKE tas-7 ta’ Diċembru 2018, u b’mod partikolari d-Deċiżjoni Nru 3/18 dwar is-sikurezza tal-ġurnalisti,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikolu 10 tat-TFUE dwar id-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u b’mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha dwar il-libertà tal-espressjoni,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-libertà tal-espressjoni online u offline, adottati mill-Kunsill fit-12 ta’ Mejju 2014,

–  wara li kkunsidra il-pjan ta’ azzjoni għad-demokrazija Ewropea tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Diċembru 2020 (COM(2020)0790),

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra d-diskors illegali ta’ mibegħda online, imniedi f’Mejju 2016, u s-seba’ evalwazzjoni tiegħu tas-7 ta’ Ottubru 2021, li minnha ħareġ id-dokument bit-titolu “Skeda Informattiva – is-7 evalwazzjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta”,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2022 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jinvolvu ruħhom f’parteċipazzjoni pubblika minn proċedimenti ġudizzjarji manifestament infondati jew abbużivi (“Kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika”) (COM(2022)0177),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 dwar il-litteriżmu fil-media f’dinja dejjem tinbidel,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tat-3 ta’ Mejju 2022 bit-titolu “Is-sikurezza tal-ġurnalisti hija prijorità għall-Unjoni Ewropea”,

–  wara li kkunsidra l-ħidma mwettqa mill-Kunsill tal-Ewropa biex jippromwovi l-protezzjoni u s-sikurezza tal-ġurnalisti, b’mod partikolari r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2016)4 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri tat-13 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u atturi oħra tal-media u r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2018)1 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri tas-7 ta’ Marzu 2018 dwar il-pluraliżmu tal-media u t-trasparenza tas-sjieda tal-media,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni C(2021)6650 tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Settembru 2021,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tat-13 ta’ Frar 2019 dwar is-sostenibbiltà finanzjarja tal-ġurnaliżmu ta’ kwalità fl-era diġitali u r-rapport annwali tiegħu tal-2022 bit-titolu “Defending Press Freedom in Times of Tension and Conflict” (Niddefendu l-Libertà tal-Istampa fi Żminijiet ta’ Tensjoni u Kunflitt),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ Addis Ababa għar-rikonoxximent tal-kartuns bħala dritt fundamentali, ippreżentata lill-UNESCO fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Libertà tal-Istampa fit-3 ta’ Mejju 2019,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE, minn naħa waħda, u l-Membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OACPS), min-naħa l-oħra, inizjalat min-negozjaturi ewlenin tal-UE u tal-OACPS fil-15 ta’ April 2021, b’mod partikolari l-Artikoli 9 u 11(2) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-għoti tal-Premju Nobel għall-Paċi 2021 lill-ġurnalisti Maria Ressa u Dmitry Mouratov, rispettivament mill-Filippini u mir-Russja, b’rikonoxximent tal-isforzi eċċezzjonali tagħhom biex jissalvagwardjaw il-libertà tal-ġurnalisti,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta UE-AKP tat-28 ta’ Novembru 2019 dwar l-impatt tal-media soċjali fuq il-governanza, l-iżvilupp, id-demokrazija u l-istabbiltà (ACP-EU/102.745/19/fin.),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu mressqa għal dibattitu dwar każijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt skont l-Artikolu 144 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0206/2023),

A.  billi kull bniedem għandu d-dritt għal-libertà tal-espressjoni, tal-opinjoni u tal-informazzjoni; billi dan id-dritt jinkludi l-libertà li wieħed ikollu opinjonijiet mingħajr indħil u li jfittex, jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat permezz ta’ kwalunkwe mezz u indipendentement mill-fruntieri; billi d-demokraziji jistgħu jiffunzjonaw biss meta ċ-ċittadini jkollhom aċċess għal informazzjoni indipendenti u affidabbli u meta l-azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi tiġi skrutinizzata b’mod effettiv mill-media u minn osservaturi esterni oħrajn u billi jiżvelaw kull tip ta’ abbuż tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-libertà u l-pluraliżmu tal-media huma komponenti kruċjali tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, kif ukoll jippermettu li jkun hemm soċjetajiet demokratiċi, ħielsa u parteċipattivi; billi l-kompiti demokratiċi ewlenin tal-ġurnalisti u tal-media indipendenti jinkludu t-tisħiħ tat-trasparenza u tar-responsabbiltà demokratika; billi l-libertà tal-informazzjoni hija dritt fundamentali rikonoxxut mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; billi l-ġurnalisti jista’ jkollhom rwol essenzjali fil-promozzjoni tal-valuri demokratiċi, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali;

B.  billi ġurnalist huwa individwu li josserva, jiddeskrivi, jiddokumenta, jinvestiga u janalizza avvenimenti, dikjarazzjonijiet, politiki u kwalunkwe proposta li tista’ taffettwa lis-soċjetà, bl-iskop li jissistematizza tali informazzjoni u jiġbor u janalizza fatti biex jinforma, kemm online kif ukoll offline, lil segmenti tas-soċjetà jew lis-soċjetà b’mod ġenerali; billi l-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, fil-kumment ġenerali tiegħu Nru 34 (2011), jiddefinixxi l-ġurnaliżmu bħala “funzjoni kondiviża minn firxa wiesgħa ta’ atturi, inklużi ġurnalisti u analisti professjonali full-time, kif ukoll bloggers u oħrajn li jinvolvu ruħhom f’forom ta’ awtopubblikazzjoni fuq materjal stampat, fuq l-Internet jew xi mkien ieħor”;

C.  billi l-istati għandhom l-obbligi li jissalvagwardjaw id-drittijiet fundamentali assoċjati mal-ġurnaliżmu u mal-media, bħad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-opinjoni, id-dritt għall-ħajja, id-dritt għad-dinjità personali, u d-dritt li korrispondenza tal-ġurnalisti tiġi rrispettata fil-forom varji tagħha; billi d-dritt umanitarju internazzjonali jipprevedi l-protezzjoni tal-ġurnalisti u tal-korrispondenti tal-gwerra, filwaqt li jagħtihom protezzjonijiet speċifiċi fil-kunflitti armati; billi l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem tipprojbixxi kull forma ta’ diskriminazzjoni mingħajr distinzjoni ta’ kwalunkwe tip, inkluża d-diskriminazzjoni abbażi tar-razza, il-kulur, is-sess, il-lingwa, ir-reliġjon, l-opinjoni politika jew opinjoni oħra, l-oriġini nazzjonali jew soċjali, u l-proprjetà, it-twelid jew status ieħor; billi, f’xi każijiet, il-protezzjoni inadegwata mogħtija lill-ġurnalisti u l-atteġġjament dejjem aktar ostili fil-konfront tagħhom min-naħa ta’ ċerti personalitajiet pubbliċi qegħdin jimminaw sostanzjalment il-libertajiet bażiċi tagħhom;

D.  billi l-ġurnalisti u ħaddiema oħrajn tal-media għandhom missjoni li jipprovdu lill-pubbliku informazzjoni dwar suġġetti ġenerali jew speċjalizzati ta’ interess bl-aktar mod responsabbli u oġġettiv possibbli; billi huwa importanti li jiġi kkunsidrat ir-rwol soċjetali tal-ħaddiema kollha tal-media u tal-persunal ta’ appoġġ, kif ukoll tal-ħaddiema tal-media tal-komunità u l-hekk imsejħa ġurnalisti ċittadini;

E.  billi f’dawn l-aħħar snin kien hemm tnaqqis fil-libertà tal-istampa u xejra dejjem tikber ta’ attakki fiżiċi, fastidju, inkluż online, u intimidazzjoni bil-għan li jsikktu u jfarrku lill-ġurnalisti, b’mod partikolari l-korrispondenti tal-gwerra, il-ġurnalisti investigattivi li jaħdmu biex jikxfu l-korruzzjoni, it-traffikar, l-abbuż korporattiv, jew l-għemil ħażin ta’ atturi politiċi, u l-ġurnalisti li jirrapportaw dwar sitwazzjonijiet f’ċerti stati jew dittatorjati totalitarji; billi għadd dejjem akbar ta’ ġurnalisti qed jinqatlu barra miż-żoni ta’ kunflitt armat; billi l-ġurnalisti lokali li jkopru stejjer lokali jikkostitwixxu bil-bosta l-akbar numru ta’ vittmi; billi meta jiġbru u jxerrdu informazzjoni affidabbli dwar il-kunflitti armati, il-ġurnalisti jwettqu missjoni kruċjali ta’ interess pubbliku; billi din hija sitwazzjoni li teħtieġ azzjoni urġenti biex jinżamm ir-rwol essenzjali tal-media indipendenti biex jiġu żgurati t-trasparenza u r-responsabbiltà;

F.  billi xi awtoritajiet deliberatament jipprojbixxu l-aċċess tal-ġurnalisti għal żoni ta’ kunflitt sabiex jimmonopolizzaw l-informazzjoni li toħroġ, isikktu lill-informaturi, jgħattu l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u jikkontrollaw l-opinjoni pubblika; billi f’bosta każijiet il-korrispondenti tal-media jħabbtu wiċċhom ma’ diversi diffikultajiet u tfixkil intenzjonat biex jaċċessaw pajjiżi jew żoni speċifiċi fejn qed ikunu qed iseħħu kunflitti jew abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem; billi n-nuqqas ta’ kapaċità tagħhom li jaċċessaw dawn iż-żoni jdgħajjef il-kwalità tar-rapportar tal-iżviluppi lokali, li jippermetti li jkun hemm kampanji akbar ta’ diżinformazzjoni u miżinformazzjoni fil-media offline u online;

G.  billi l-isfidi li jiltaqgħu magħhom il-ġurnalisti biex iwettqu xogħolhom huma diversi, inklużi restrizzjonijiet fuq il-moviment, bħad-deportazzjonijiet u ċ-ċaħda tal-aċċess għal pajjiż jew żona partikolari, il-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, l-arresti arbitrarji u d-detenzjoni, it-tortura, il-vjolenza sesswali, b’mod partikolari kontra ġurnalisti nisa, il-ksur tal-garanziji ta’ proċess ġust, is-sentenzjar fuq akkużi foloz, il-konfiska ta’ tagħmir u l-ħsara li jista’ jkun hemm, is-serq tal-informazzjoni, is-sorveljanza illegali u l-isgass tal-uffiċċji, l-intimidazzjoni, il-fastidju tal-membri tal-familja, it-theddid għall-mewt, il-kampanji ta’ stigmatizzazzjoni u defamatorji biex jiskreditaw lill-ġurnalisti, il-proċedimenti legali abbużivi, il-ħtif, l-għajbien sfurzat, il-qtil u trattament ieħor krudili, inuman jew degradanti jew il-kastig;

H.  billi l-ġurnalisti investigattivi li qed jaħdmu biex jikxfu l-korruzzjoni u fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata qed ikunu partikolarment fil-mira; billi l-ġurnalisti jeħtieġu aċċess dirett, immedjat u mingħajr xkiel għall-informazzjoni sabiex jiskrutinizzaw kif xieraq lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet;

I.  billi l-ġurnalisti jeħtieġu sorsi affidabbli għall-ħidma investigattiva tagħhom; billi l-informaturi jipprovdu sorsi ewlenin ta’ informazzjoni għall-ġurnalisti, inkluż fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, u jista’ jkollhom rwol essenzjali fid-detezzjoni u r-rappurtar ta’ irregolaritajiet u għemil ħażin; billi, meta jagħmlu dan, jistgħu jsaħħu r-responsabbiltà demokratika u t-trasparenza; billi l-protezzjoni adegwata tal-informaturi hija prekundizzjoni biex tiġi żgurata l-effettività tagħhom; billi d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jipprovdi protezzjoni b’saħħitha għall-informaturi, għas-sorsi ġurnalistiċi u għar-rapportar tal-interess pubbliku;

J.  billi l-innovazzjoni teknoloġika żiedet il-kapaċità tal-individwi, tal-gvernijiet u ta’ atturi oħra li jispijjaw fuq il-ġurnalisti, li jiksru d-dritt tagħhom għall-privatezza u d-dritt tagħhom għall-kunfidenzjalità tas-sorsi tagħhom, tikkomprometti s-sigurtà diġitali tagħhom u timponi ċ-ċensura fuqhom; billi attakki bħal dawn jistgħu jinkludu li tinġabar data b’mod illegali jew kontra l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards tal-privatezza, li jiġu kompromessi l-kontijiet tal-ġurnalisti, jew li dawn jiġu llokkjati barra l-kontijiet tagħhom, li jiġu soġġetti għal malware intrużiv, li jisfaw fil-mira ta’ kontenut ta’ mibegħda u vjolenti, li jiġu skreditati pubblikament u li tinġabar u tiġi ppubblikata informazzjoni personali dwarhom jew dwar il-familji tagħhom, u saħansitra li tintuża informazzjoni miksuba biex jiġu assassinati; billi s-sorveljanza u t-theddid diġitali qed ikollhom impatt negattiv fuq il-libertà tal-istampa madwar id-dinja u qed jillimitaw il-kapaċità tal-ġurnalisti li jinvestigaw u jirrappurtaw;

K.  billi l-ġurnalisti jiffaċċjaw fastidju u theddid dejjem akbar għas-sikurezza u l-ħajja tagħhom fuq il-pjattaformi online, bħal fora, siti web tal-media soċjali, e-mail u s-siti web u taċ-chat, minn individwi b’intenzjonijiet malizzjużi, u minn xi gvernijiet, b’mod partikolari l-gvernijiet ta’ pajjiżi jew reġjuni li fihom dawn il-ġurnalisti huma attivi u jippruvaw jew jirnexxilhom jesponu kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, il-korruzzjoni tal-gvern jew ta’ atturi korporattivi jew jenfasizzaw tentattivi biex tiġi żgwidata l-opinjoni pubblika permezz ta’ kampanji ta’ diżinformazzjoni, intimidazzjoni u miżinformazzjoni;

L.  billi, skont il-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti, fl-2022, inqatlu 67 ġurnalist, filwaqt li 64 ġew irrappurtati neqsin; billi, skont data ppubblikata minn Reporters Mingħajr Fruntieri (RSF), 1 668 ġurnalist inqatlu madwar id-dinja bejn l-2003 u l-2022 b’rabta mal-ħidma tagħhom, u total ta’ 533 ġurnalist kienu jinsabu detenuti fl-2022 talli wettqu ħidmiethom, skont ir-round up annwali tal-RSF tal-2022 dwar vjolenza u abbużi kontra l-ġurnalisti; billi r-rapport tal-UNESCO dwar il-libertà tal-espressjoni 2021-2022 maħruġ fis-17 ta’ Jannar 2023 innota l-mewt ta’ 86 ġurnalist fl-2022, li jikkostitwixxi qtil kull erbat ijiem u żieda mit-total ta’ 55 qtil fl-2021;

M.  billi s-sikurezza tal-ġurnalisti hija kruċjali biex tiggarantixxi l-kapaċità tagħhom li jagħmlu xogħolhom sew; billi l-pajjiżi jridu jiggarantixxu l-protezzjoni tal-ġurnalisti kollha li joperaw fit-territorju tagħhom; billi hemm nuqqas ta’ miżuri internazzjonali robusti biex jipproteġu lill-ġurnalisti u jindirizzaw l-impunità għal reati kontra l-ġurnalisti; billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem talab li tiġi stabbilita task force internazzjonali dwar il-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-attakki fuq ġurnalisti;

N.  billi l-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat ir-rwol essenzjali li għandhom il-ġurnalisti biex jipprovdu liċ-ċittadini informazzjoni affidabbli u vverifikata; billi għalhekk għandu jsir sforz akbar biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u xierqa għall-ġurnalisti u għall-ħaddiema tal-media; billi ċerti gvernijiet użaw b’mod inġust ir-restrizzjonijiet tal-COVID-19 bħala metodu biex jirrestrinġu b’mod illeġittimu l-ħidma tal-ġurnalisti, speċjalment fir-rigward tar-rapportar tagħhom dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

O.  billi l-verifika tal-fatti hija attività ġurnalistika speċifika li tinvolvi li l-fatti jiġu vverifikati jew li n-narrattivi uffiċjali jiġu kkontestati bil-għan li tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni jew tiġi żvelata miżinformazzjoni kemm online kif ukoll offline; billi l-verifikaturi tal-fatti joperaw f’dinja fejn iċ-ċirkolazzjoni tal-informazzjoni hija estensiva u fejn l-algoritmi jippolarizzaw lid-dibattiti; billi dan għandu r-riskju li jesponi lill-verifikaturi tal-fatti għal attakki online, theddid, fastidju, pressjoni mill-awtoritajiet pubbliċi u proċedimenti legali abbużivi;

P.  billi t-tkabbir rapidu tal-media online u soċjali amplifika l-miżinformazzjoni u d-diżinformazzjoni, kif ukoll it-tixrid ta’ aħbarijiet foloz, bil-għan li jiġu skreditati s-sorsi kredibbli ta’ informazzjoni u li l-ġurnalisti, il-kontrolluri tal-fatti u l-ħaddiema tal-media li qed jagħmlu ħilithom biex jillimitaw dan it-tixrid jisfaw fil-mira; billi għadd dejjem jikber ta’ nies qed jirrikorru għall-internet u għall-media soċjali biex iżommu lilhom infushom infurmati;

Q.  billi d-diżinformazzjoni u l-miżinformazzjoni jista’ jkollhom konsegwenzi serji fuq il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u jistgħu jippreżentaw theddida sinifikanti għall-valuri tad-demokrazija u għal-libertajiet individwali; billi l-aħbarijiet foloz spiss jinħolqu biex jisfruttaw l-emozzjonijiet tan-nies u biex jiġbdu l-attenzjoni, u b’hekk jinxterdu b’mod aktar faċli u aktar malajr mill-aħbarijiet veri; billi l-attivitajiet għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni huma kkunsidrati kwistjoni ta’ interess pubbliku;

R.  billi, skont il-Kummissjoni, il-ġurnaliżmu politiku huwa partikolarment f’riskju, peress li xokkijiet jew kriżijiet soċjali ta’ spiss iservu bħala instigaturi għall-gvernijiet biex iniedu miżuri biex jillimitaw il-libertà, il-pluraliżmu u l-indipendenza tal-media;

S.  billi l-attakki, l-intimidazzjoni, l-eżilju furzat, il-qtil u l-priġunerija ta’ ġurnalisti, kartunisti, bloggers u ħaddiema tal-media għadhom fenomenu mifrux, kif l-istess hija l-impunità għal dawn l-azzjonijiet; billi l-ispazji online qed isiru dejjem aktar ambjent ostili, u d-diskors ta’ mibegħda u l-vjolenza l-aktar kontra ġurnalisti nisa qed jintensifikaw; billi dawn ir-reati jillimitaw il-kapaċità tal-pubbliku li jirċievi informazzjoni u ideat korretti u għalhekk għandhom impatt fuq id-dritt taċ-ċittadini li jirċievu informazzjoni u fuq il-kapaċità tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-kelma, il-libertà tal-espressjoni u l-parteċipazzjoni politika; billi kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati għall-ġurnalisti jinkludu l-evitar ta’ pressjoni interna u esterna bla bżonn, tad-dipendenza, tal-vulnerabbiltà u tal-instabbiltà, u b’hekk tar-riskju tal-awtoċensura;

T.  billi f’xi pajjiżi l-ġurnalisti detenuti ġew imċaħħda mid-dritt tal-aċċess għal avukat u qed jiġu mhedda u maltrattati f’kundizzjonijiet inumani; billi d-dritt għal aċċess indipendenti u trasparenti għall-ġustizzja huwa komponent ewlieni tal-istat tad-dritt u d-dritt għal proċess ġust irid jiġi żgurat madwar id-dinja;

U.  billi, minbarra l-vjolenza kontra l-ġurnalisti, l-intimidazzjoni, il-fastidju, il-qtil, l-impunità u n-nuqqas ta’ prosekuzzjoni għandhom effett li jberrdu u jwasslu għall-awtoċensura;

V.  billi l-ħtif tal-media, in-nuqqas ta’ trasparenza istituzzjonali, id-diskors ta’ mibegħda u d-diżinformazzjoni qed jiġu sfruttati dejjem aktar mill-atturi tal-istat, u f’xi każijiet anki mhux tal-istat, għal finijiet politiċi biex tiġi intensifikata l-polarizzazzjoni soċjali, l-aktar minn movimenti politiċi antidemokratiċi; billi dawn il-prattiki jintużaw b’mod partikolari minn reġimi awtoritarji biex iżommu l-poter;

W.  billi media tas-servizz pubbliku ffinanzjata tajjeb u b’saħħitha tista’ tkun garanti ta’ soċjetajiet demokratiċi; billi, madankollu, il-media tas-servizz pubbliku u l-ġurnalisti tagħha qed jiffaċċjaw għadd ta’ sfidi dejjem akbar, inkluża pressjoni politika u tas-suq, kif ukoll tnaqqis fl-infiq pubbliku għas-servizzi tal-media, aggravati aktar mill-pandemija tal-COVID-19;

X.  billi t-trasparenza tas-sjieda u tal-finanzjament tal-media hija ferm importanti biex jiġu żgurati l-pluraliżmu tal-media u l-ġurnaliżmu indipendenti; billi jrid isir kull sforz biex tiġi żgurata r-robustezza tas-settur tal-media, biex tiġi żgurata l-indipendenza, u biex jiżdiedu l-libertà u l-pluraliżmu tal-media; billi t-trasparenza tal-finanzjament tal-media hija element essenzjali fil-promozzjoni tal-fiduċja fost iċ-ċittadini;

Y.  billi l-ġurnalisti nisa jħabbtu wiċċhom ma’ forom ta’ vjolenza speċifiċi għall-ġeneru, bħall-fastidju sesswali u dak online; billi l-fastidju u l-abbuż online ta’ spiss huma sesswalizzati ħafna, ibbażati mhux fuq il-kontenut tax-xogħol tal-vittmi, iżda fuq il-karatteristiċi fiżiċi, l-isfond kulturali jew il-ħajja privata tagħhom; billi dan it-theddid jista’ jwassal lil ġurnalisti nisa biex jiċċensuraw lilhom infushom u jkollu effett li jberred fuq il-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni; billi l-esperti konsistentement sabu evidenza li n-nisa huma fil-minoranza fis-setturi tal-media, b’mod partikolari fi rwoli kreattivi, u huma sottorappreżentati b’mod sever fil-livelli għolja tat-teħid tad-deċiżjonijiet; billi diversi pajjiżi jiskoraġġixxu jew saħansitra jipprojbixxu lin-nisa milli jsegwu karrieri fil-ġurnaliżmu; billi l-imġiba misoġinistika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra l-ġurnalisti nisa online ma jistgħux jiġu ttollerati jew normalizzati; billi d-diskors ta’ mibegħda sessista qed jistigmatizza, jiġġenera biża’ u mistħija, kif ukoll ħsara psikoloġika, professjonali u għar-reputazzjoni, u jqajjem tħassib relatat mat-theddid għall-privatezza u s-sigurtà diġitali; billi f’każijiet estremi, it-theddid online li mhuwiex kriminalizzat jista’ jeskala għall-vjolenza fiżika, il-fastidju u l-abbuż tal-ġurnalisti f’kuntesti offline;

Z.  billi d-diskriminazzjoni li jħabbtu wiċċhom magħha l-ġurnalisti tista’ tintwera fir-rigward tal-ġeneru, ir-razza, l-etniċità, ir-reliġjon, it-twemmin, l-età, il-klassi, u l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru tagħhom; billi l-ġurnalisti LGBTIQ+ huma f’riskju ogħla ta’ attakki online; billi l-attakki online spiss jaggravaw it-theddid għas-sikurezza offline; billi dan it-theddid jista’ jwassal għall-awtoċensura u għandu effett li jberred fuq il-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni;

AA.  billi f’ħafna pajjiżi, kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPPs) jintużaw minn atturi politiċi u finanzjarji bil-għan li jsikktu l-vuċijiet kritiċi jew biex ibeżżgħu lill-ġurnalisti sakemm iwaqqfu l-investigazzjonijiet dwar il-korruzzjoni u kwistjonijiet oħra ta’ interess pubbliku; billi l-iSLAPPs huma theddida serja għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, peress li l-ġurnalisti jistgħu jinżammu milli jitkellmu jew jiġu ppenalizzati talli jitkellmu dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku; billi dan huwa partikolarment komuni f’pajjiżi b’liġijiet ta’ malafama jew ta’ libell li huma aktar faċli li jiġu abbużati, kif ukoll f’pajjiżi mmexxija minn reġim awtoritarju; billi l-pajjiżi mhux tal-UE u l-“proxies” tagħhom bħalissa huma involuti fi SLAPPs kontra ġurnalisti Ewropej fil-ġurisdizzjonijiet nazzjonali tal-UE;

AB.  billi l-Pjan ta’ Azzjoni tan-NU dwar is-Sikurezza tal-Ġurnalisti u l-Kwistjoni tal-Impunità għandu l-għan li joħloq ambjent ħieles u sikur għall-ġurnalisti u għall-ħaddiema tal-media, kemm f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt kif ukoll f’sitwazzjonijiet mhux ta’ kunflitt, bil-għan li jissaħħu l-paċi, id-demokrazija u l-iżvilupp madwar id-dinja; billi jinħtieġu riżorsi finanzjarji u umani adegwati ddedikati għal implimentazzjoni xierqa tal-Pjan ta’ Azzjoni tan-NU;

AC.  billi t-tixrid tal-miżinformazzjoni, l-aħbarijiet foloz, il-propaganda u d-diżinformazzjoni joħolqu klima ta’ xettiċiżmu globali fost il-popolazzjoni fir-rigward tal-informazzjoni b’mod ġenerali, li jesponi lill-ġurnalisti għal nuqqas ta’ fiduċja u huwa theddida għal-libertà tal-informazzjoni, għad-dibattitu demokratiku u għall-indipendenza tal-media, u żied il-ħtieġa ta’ sorsi tal-media ta’ kwalità għolja; billi ma sarx biżżejjed sforz biex il-ġurnalisti u ċ-ċittadini jiġu protetti mill-propaganda, l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni online;

AD.  billi l-analiżi tad-data u l-algoritmi qed ikollhom impatt dejjem akbar fuq l-informazzjoni li ssir aċċessibbli għaċ-ċittadini; billi diversi pajjiżi adottaw liġijiet bl-intenzjoni falza li jiġġieldu ċ-ċiberkriminalità li iżda fil-fatt joħonqu l-libertà tal-istampa billi huma mmirati lejn il-ġurnalisti indipendenti u kritiċi; billi kien hemm ġurnalisti li ntefgħu l-ħabs, ġew eżiljati bil-forza u ġew ittorturati talli rrappurtaw dwar il-korruzzjoni u abbużi oħra tad-drittijiet tal-bniedem;

AE.  billi s-Sħubija dwar l-Informazzjoni u d-Demokrazija, li tiġbor flimkien 50 stat minn madwar id-dinja, appellat għall-istabbiliment ta’ salvagwardji demokratiċi fl-ispazju ta’ komunikazzjoni u informazzjoni u rrikonoxxiet id-dritt ta’ kull ċittadin li jkollu informazzjoni affidabbli; billi din is-sħubija żviluppat sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet sabiex tindirizza l-kwistjoni tal-kaos tal-informazzjoni li l-UE tista’ tuża biex tappoġġja l-isforzi ta’ pajjiżi demokratiċi barra mill-Unjoni;

AF.  billi għadd dejjem jikber ta’ ġurnalisti Ewropej qed ikollhom jivvjaġġaw lejn żoni ta’ kunflitt mingħajr assigurazzjoni peress li l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jirrifjutaw li jkopru s-soġġorn tagħhom;

AG.  billi l-Premju Daphne Caruana Galizia tal-Parlament Ewropew, stabbilit f’Diċembru 2019 bħala ġieħ lil Daphne Caruana Galizia, ġurnalista investigattiva Maltija kontra l-korruzzjoni u blogger li nqatel f’attakk b’bomba fil-karozza tagħha fl-2017, jippremja fuq bażi annwali ġurnaliżmu eċċellenti li jippromwovi jew jiddefendi l-prinċipji u l-valuri ewlenin tal-Unjoni Ewropea bħad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

1.  Jissottolinja u jinsisti li kull bniedem għandu d-dritt għal-libertà tal-espressjoni, tal-opinjoni u tal-informazzjoni u li dan id-dritt jinkludi l-libertà li jkollu opinjonijiet mingħajr indħil u li jfittex, jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat permezz ta’ kwalunkwe mezz u indipendentement mill-fruntieri, kif stipulat fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; ifakkar fir-rwol essenzjali li jista’ jkollhom il-ġurnalisti fil-promozzjoni u s-salvagwardja tal-valuri demokratiċi, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali; jenfasizza l-ħtieġa li l-ġurnalisti jiġu protetti minn kwalunkwe tip ta’ vjolenza, kif stabbilit fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024;

2.  Ifakkar fil-fatt li d-demokrazija ma tistax tiffunzjona mingħajr informazzjoni affidabbli disponibbli u aċċessibbli kemm online kif ukoll offline; jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni tal-indipendenza tal-ġurnalisti, tas-salvagwardja tal-libertà tal-espressjoni, li tiġi żgurata d-diversità tal-media u li jiġi ppreservat id-dritt fundamentali ta’ kull ċittadin li jkun infurmat;

3.  Ifakkar li l-libertà li wieħed jipprattika l-ġurnaliżmu mingħajr restrizzjonijiet malizzjużi u intenzjonati hija xhieda tal-valuri tad-demokrazija u li meta l-prattika mingħajr restrizzjonijiet tal-ġurnaliżmu titħalla ssir, ikun kontribut għall-valuri demokratiċi;

4.  Jikkundanna r-reati kollha, inklużi l-attakki fiżiċi, il-ħtif ta’ persuni, it-tortura, l-intimidazzjoni u d-diskors ta’ mibegħda, kontra ġurnalisti, ħaddiema tal-media u persunal assoċjat madwar id-dinja, inkluż fl-UE; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-livell għoli ta’ impunità madwar id-dinja għal dawn ir-reati u jitlob li dawk responsabbli jagħtu rendikont ta’ għemilhom permezz ta’ investigazzjonijiet indipendenti, f’waqthom u effettivi mwettqa f’konformità mal-obbligi internazzjonali u l-istat tad-dritt; jissottolinja d-dritt tal-vittmi u l-familji tagħhom li jkollhom aċċess għal rimedji u konsulenza legali xierqa matul il-proċedimenti;

5.  Jikkundanna bil-qawwa kull detenzjoni arbitrarja tal-ġurnalisti u kull detenzjoni proviżorja bbażati fuq kriterji politiċi jew fuq liġijiet abbużivi; jappella biex il-ġurnalisti kollha li qed jinżammu mingħajr prova ta’ involviment individwali fit-twettiq ta’ reat jew mingħajr ma jinġiebu akkużi kontrihom jinħelsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet; jistieden lill-awtoritajiet rilevanti biex joqogħdu lura milli jittrattaw lill-qraba ta’ ġurnalisti ssuspettati bħala persuni ssuspettati potenzjali huma wkoll u milli jimponu fuqhom sanzjonijiet amministrattivi jew ta’ tip ieħor;

6.  Jiddeplora l-fatt li, skont il-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti, fl-2022, inqatlu 67 ġurnalist madwar id-dinja, minbarra dawk li kienu mhedda jew soġġetti għal vjolenza jew priġunerija arbitrarja; jagħti ġieħ lil dawk kollha li tilfu ħajjithom u sofrew attakki fl-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni tagħhom kemm online kif ukoll offline u jappoġġja lil dawk kollha li għandhom il-kuraġġ li jitkellmu kontra l-inġustizzja, il-korruzzjoni u l-illegalità; jenfasizza li r-reati kontra l-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-media għandhom jiġu investigati mill-Qorti Kriminali Internazzjonali, meta jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħha, u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jipprovdu l-appoġġ meħtieġ għall-investigazzjoni;

7.  Ifakkar fir-rwol essenzjali tal-ġurnalisti, inklużi l-ġurnalisti politiċi u investigattivi li jikxfu l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li jiġbru informazzjoni affidabbli u rilevanti, jiskrutinizzaw l-attivitajiet tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-uffiċjali eletti u jiżvelaw ksur tad-dritt nazzjonali u internazzjonali, delitti finanzjarji u korporattivi, delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità, repressjoni tal-istat, korruzzjoni, networks u attivitajiet kriminali, reati ambjentali u kull tip ta’ abbuż tad-drittijiet tal-bniedem, li jikkontribwixxi għall-kontrolli u l-bilanċi meħtieġa biex dawk responsabbli għall-ksur, inklużi l-persuni fil-poter, jagħtu rendikont ta’ għemilhom; jissottolinja l-fatt li dawn l-attivitajiet ipoġġu l-ġurnalisti f’riskju personali akbar;

8.  Itenni t-tħassib serju kontinwu tiegħu dwar l-istat tal-libertà tal-media fid-dinja fil-kuntest tal-abbużi u l-attakki li għadhom qed jitwettqu kontra l-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-media f’ħafna pajjiżi, kif ukoll iż-żeblieħ dejjem jikber tagħhom fil-pubbliku, li għandu impatt negattiv fuq il-prattika tal-ġurnaliżmu, b’mod partikolari fejn jidħol il-ġurnaliżmu politiku, investigattiv u transfruntier; jesprimi tħassib partikolari dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti u l-organizzazzjonijiet tal-media f’pajjiżi li huma kkunsidrati mir-Reporters Mingħajr Fruntieri li għandhom l-agħar sitwazzjonijiet madwar id-dinja; jiddispjaċih dwar l-abbużi mifruxa, kemm online kif ukoll offline, u ċ-ċensura li jiffaċċjaw il-ġurnalisti, inkluż abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, il-ġeneru u l-identità tal-ġeneru f’ħafna pajjiżi;

9.  Jissottolinja r-rwol importanti tal-ġurnalisti li jirrappurtaw dwar il-protesti u d-dimostrazzjonijiet u jappella li dawn jiġu protetti sabiex ikunu jistgħu jwettqu xogħolhom mingħajr biża’, rappreżalji jew fastidju; jinsab imħasseb dwar iż-żieda fir-restrizzjonijiet u fir-rappreżalji mmirati biex jifgaw il-protesti pubbliċi, li jestendu sat-trażżin ta’ kwalunkwe rapportar tagħhom minn ġurnalisti u osservaturi indipendenti;

10.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ oqfsa legali jew ta’ politika speċifiċi li jipproteġu lill-ġurnalisti u lill-ħaddiema tal-media mill-vjolenza, it-theddid u l-intimidazzjoni fuq skala globali, u l-ħtieġa li tiġi miġġielda l-impunità ta’ dawk li jwettquhom; jikkundanna l-fatt li xi personalitajiet pubbliċi u rappreżentanti tal-awtoritajiet iżebilħu lill-ġurnalisti pubblikament, peress li dan idgħajjef il-fiduċja fil-media fis-soċjetà kollha;

11.  Jissottolinja d-dmir tal-awtoritajiet pubbliċi li jipproteġu l-libertà tal-espressjoni u s-sikurezza tal-ġurnalisti u jistieden lill-pajjiżi madwar id-dinja jippromulgaw leġiżlazzjoni u politiki bbażati fuq l-esperjenzi tal-ġurnalisti, f’konformità mad-dritt u l-istandards internazzjonali, bl-objettiv li jipprovdu l-ambjent legali għall-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni vigoruża ta’ każijiet ta’ repressjoni tal-ġurnalisti u jipproteġuhom, u biex jiżguraw li jkun hemm investigazzjoni u segwitu xierqa, inkluża l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jagħmlu l-almu tagħhom biex jipprevjenu tali vjolenza, jiżguraw l-obbligu ta’ rendikont u jeqirdu l-impunità;

12.  Jiddeplora l-fatt li l-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-media spiss jaħdmu f’kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ sigurtà prekarji u li sejrin għall-agħar, li jikkomprometti l-kapaċità tagħhom li jaħdmu f’ambjent sikur u favorevoli; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-ġurnalisti żgħażagħ u lill-ġurnalisti freelance u jfakkar fid-dmir ta’ diliġenza li l-organizzazzjonijiet tal-media għandhom lejn il-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-media li jaħdmu magħhom; jisħaq li kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati għall-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-media huma kruċjali biex jitrawwem ġurnaliżmu ta’ kwalità għolja, li jippermetti lill-ġurnalisti jwettqu l-missjonijiet tagħhom u jiddefendu d-dritt għall-informazzjoni u d-dritt li wieħed ikun infurmat; jistieden lill-awtoritajiet jistabbilixxu pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tal-ġurnalisti, biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ġurnalisti u jipproteġu lill-ġurnalisti mill-vjolenza fiżika u psikoloġika;

13.  Jitlob li tingħata attenzjoni speċjali biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-ħidma tal-ġurnalisti u l-professjonisti tal-media li jaħdmu f’żoni ta’ kunflitt, peress li dawn sikwit jiffaċċjaw ostakoli finanzjarji li ma jħalluhomx ikomplu l-ħidma importanti tagħhom minħabba l-kunflitti; huwa tal-fehma li l-ġurnalisti li jivvjaġġaw lejn żoni ta’ kunflitt għandhom jingħataw assigurazzjoni adegwata;

14.  Jissottolinja li l-ġurnalisti għandhom jirċievu t-taħriġ meħtieġ, b’mod partikolari fir-rigward tas-sikurezza u l-ewwel għajnuna, mill-organizzazzjonijiet tal-media; jistieden lill-kumpaniji, b’mod partikolari fis-settur diġitali, iwettqu diliġenza dovuta effettiva u bir-reqqa biex jipprevjenu jew jimmitigaw kwalunkwe impatt negattiv fuq il-libertà tal-espressjoni, il-pluraliżmu tal-media u d-drittijiet tal-ġurnalisti f’pajjiżi mhux tal-UE;

15.  Ifakkar fl-obbligu li tiġi protetta l-libertà tal-espressjoni, inkluż għas-satiristi u l-kartunisti, huma u jinfurmaw, jippromwovu l-valuri demokratiċi u jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, filwaqt li jipprotestaw kontra l-kriminalità, il-korruzzjoni u l-abbużi tal-poter u jitfgħu dawl fuq u jiġġieldu ċ-ċensura u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

16.  Jiddeplora ż-żieda fit-tentattivi mill-awtoritajiet reliġjużi u statali li jirrestrinġu l-libertà tal-espressjoni u li jikkritikaw taħt il-pretest ta’ liġijiet reliġjużi jew blasfemi, speċjalment fil-każ ta’ satira jew kritika fil-forma ta’ xogħlijiet u espressjonijiet ġurnalistiċi jew kreattivi;

17.  Jissottolinja l-importanza li jiġu żgurati s-sikurezza u l-benesseri tal-ġurnalisti li jfittxu l-fatti, li huma partikolarment fil-mira minħabba li jiżvelaw il-miżinformazzjoni, id-diżinformazzjoni, u lil dawk li jxerrdu l-propaganda, u meta jagħmlu dan, sikwit jesponu fatti li xi persuni jkunu għamlu ħafna sforz biex jaħbu jew jgħawġu; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa għodod biex tindirizza din il-kwistjoni, bħal qafas legali għal mezzi tal-media mmirati u mezzi effettivi biex dawn joperaw;

18.  Jirrimarka li l-garanzija tal-kunfidenzjalità tas-sorsi hija prerekwiżit għall-ġurnaliżmu investigattiv u stampa indipendenti u li l-informaturi wrew li huma sors importanti għall-promozzjoni tat-trasparenza u tal-obbligu ta’ rendikont; jenfasizza, għalhekk, ir-rwol li l-informaturi jista’ jkollhom fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni minn atturi statali u mhux statali u biex il-pubbliku jinżamm infurmat; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-ħidma tal-informaturi u l-pubblikaturi tagħhom fil-kxif ta’ abbużi madwar id-dinja;

19.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ data affidabbli dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti li qed jiffaċċjaw ambjenti ta’ xogħol ostili; juri r-rispett tiegħu lejn organizzazzjonijiet bħar-Reporters Mingħajr Fruntieri, il-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti, Frontline, il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalisti u l-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi, biex insemmu biss ftit minnhom, għall-appoġġ tagħhom lill-ġurnalisti u lill-ħaddiema tal-media f’sitwazzjonijiet ta’ periklu li jistgħu jheddu s-sigurtà u l-benesseri tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa metodoloġiji olistiċi u sofistikati biex tfittex modi kif taqbad id-data fuq perjodi itwal ta’ żmien u għal tipi differenti ta’ vjolazzjonijiet kontra l-ġurnalisti; jitlob li jiġu żviluppati settijiet ta’ għodod ta’ monitoraġġ effikaċi, f’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-ġurnalisti, u li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ikompli jirrapporta regolarment lill-Parlament dwar l-istat globali tal-libertà tal-media u l-ksur tad-drittijiet tal-ġurnalisti madwar id-dinja;

20.  Jikkundanna, bl-aktar mod qawwi possibbli, kwalunkwe tentattiv biex tiġi msikkta l-media indipendenti jew biex jiġu mminati l-libertà u l-pluraliżmu tagħha u biex jiġi ristrett l-aċċess tal-pubbliku għal informazzjoni affidabbli permezz tal-għeluq tal-internet, is-sorveljanza illegali u/jew sproporzjonata, l-imblukkar jew l-iffiltrar ta’ kontenut online permezz ta’ talbiet illeġittimi jew indiskriminati lil pjattaformi għat-tneħħija tal-kontenut jew l-imblukkar ta’ siti web ta’ komunikazzjoni u tal-media soċjali; iwissi kontra prattiki li indirettament irażżnu tali media permezz ta’ patroċinju finanzjarju u jikkundanna, b’mod partikolari, it-tentattivi li tiġi kkontrollata l-media tas-servizz pubbliku; jiddeplora l-adozzjoni minn xi pajjiżi mhux tal-UE tal-hekk imsejħa liġijiet dwar l-aġenti barranin, li qed jintużaw biex isikktu u jrażżnu l-ġurnaliżmu; jistieden lill-gvernijiet jiġġieldu b’mod effettiv kontra l-abbuż u ma jużawx ħażin il-miżuri protettivi biex jipprevjenu l-libertà tal-espressjoni jew biex jippermettu ċ-ċensura; jirrakkomanda li l-gvernijiet jippermettu l-libertà tad-djalogu soċjali u politiku u l-kritika; ifakkar li, kif iddikjarat mir-Rapporteur Speċjali tan-NU għal-Libertà tal-Espressjoni, il-konċentrazzjoni tas-sjieda tal-media hija prattika li tmur kontra d-demokrazija u l-pluraliżmu, peress li timpedixxi l-espressjoni diversa tad-diversi setturi tas-soċjetà;

21.  Jiddenunzja l-użu dejjem jikber ta’ tagħmir ta’ sorveljanza u ta’ spyware għall-monitoraġġ, l-interċettazzjoni u ċ-ċensura tal-ħidma tal-ġurnalisti; jikkundanna l-involviment ta’ atturi statali u privati f’din is-sorveljanza illeċita, li tikser, fost drittijiet oħra, id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tas-sorsi tal-ġurnalisti; jitlob li l-allegazzjonijiet kollha ta’ sorveljanza illegali tal-ġurnalisti jiġu soġġetti għal investigazzjoni b’mod indipendenti u għal prosekuzzjoni fil-qrati, u li l-awturi jinżammu responsabbli; jissottolinja l-importanza li jingħata rimedju lill-ġurnalisti li jkunu sfaw illegalment fil-mira ta’ spyware; jitlob l-infurzar u l-monitoraġġ stretti tar-regolament tal-UE dwar l-oġġetti b’użu doppju sabiex ma tkun tista’ ssir l-ebda esportazzjoni tal-UE li tippermetti lir-reġimi awtoritarji jkollhom fil-mira jew jattakkaw b’mod arbitrarju lill-ġurnalisti;

22.  Jikkundanna l-użu tas-SLAPPs biex isikktu jew jintimidaw il-ġurnalisti u l-organizzazzjonijiet tal-media, inkluż minn awtoritajiet ta’ pajjiżi mhux tal-UE kontra ġurnalisti u media bbażati fl-UE, u biex jinħoloq ambjent ta’ biża’ li jrażżan ir-rappurtar tagħhom; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva kontra l-SLAPPs immirati lejn il-ġurnalisti fl-UE; jitlob li din il-leġiżlazzjoni tkopri b’mod adegwat id-dimensjoni esterna tal-SLAPPs sabiex tipproteġi lill-ġurnalisti bbażati fl-UE minn kawżi abbużivi mibdija minn awtoritajiet minn pajjiżi mhux tal-UE jew mill-“proxies” tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE, f’dan ir-rigward, jinkoraġġixxu lill-pajjiżi mhux tal-UE, speċjalment sħab tal-istess fehma li għadhom ma għamlux dan, biex jieħdu inizjattivi simili fil-livell nazzjonali u jinvolvu ruħhom dwar din il-kwistjoni fil-livell internazzjonali; jistieden lill-UE tipprovdi appoġġ legali u assistenza oħra lill-ġurnalisti fil-mira tal-SLAPPs u biex taħdem mas-sħab biex tiżviluppa linji gwida komprensivi għall-prosekuturi li jindirizzaw l-SLAPPs u tipprovdi lilhom u lill-imħallfin taħriġ dwar il-kwistjoni; jemmen li biex ittejjeb il-governanza esterna tagħha, l-UE jeħtiġilha tmexxi bl-eżempju u twettaq l-ambizzjonijiet domestiċi tagħha fil-qasam tal-politika tal-media b’mod kompletament koerenti u konsistenti; jilqa’, f’dan il-kuntest, l-adozzjoni tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali(1) u jappella għall-introduzzjoni ta’ miżuri effettivi fil-proposti ppubblikati reċentement għal direttiva kontra l-“kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika” (id-Direttiva anti-SLAPP) (COM(2022)0177) kif ukoll tal-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media (COM(2022)0457), li huma sinjali li juru li l-UE qiegħda tadotta approċċ aktar robust fir-rigward tal-politiki tal-media; huwa tal-fehma li dawn il-miżuri jistgħu jispiraw reġjuni oħra fid-dinja u jgħinu biex jiġu stabbiliti standards globali pożittivi; ifakkar fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa(2) dwar il-malafama, li jinkludu gwida dwar l-iżgurar tal-proporzjonalità tas-sanzjonijiet u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

23.  Jilqa’ azzjonijiet li għandhom l-għan li jqajmu kuxjenza dwar il-firxa sħiħa ta’ mekkaniżmi u għodod ta’ protezzjoni tal-UE u internazzjonali oħra li jistgħu jintużaw b’mod urġenti b’appoġġ għall-ġurnalisti fil-periklu li diġà huma disponibbli għall-persunal tal-UE/NU, organizzazzjonijiet iddedikati għall-protezzjoni tal-ġurnalisti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; huwa tal-fehma li l-UE tista’ żżid il-preżenza tagħha fir-rigward tal-protezzjoni tal-ġurnalisti barra mill-UE permezz tal-ħidma tad-delegazzjonijiet tagħha, kemm billi taħdem direttament mal-ġurnalisti kif ukoll permezz tal-istrateġiji ta’ komunikazzjoni tagħha biex tiżgura li jkunu magħrufa u aċċessibbli għall-ġurnalisti anke f’żoni remoti u permezz tal-appoġġ u l-promozzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ twissija internazzjonali eżistenti għall-ġurnalisti fil-periklu; jitlob li dawn il-mekkaniżmi u l-għodod ta’ protezzjoni jissaħħu b’approċċ sensittiv għall-ġeneru u b’żieda fil-finanzjament mill-UE u mill-Istati Membri; jenfasizza l-ħtieġa li s-SEAE u d-delegazzjonijiet tal-UE jkollhom riżorsi finanzjarji u ta’ persunal adegwati f’dan ir-rigward;

24.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jippromwovu l-użu tal-litteriżmu medjatiku bħala għodda biex tappoġġja l-fehim usa’ taċ-ċittadini u tas-soċjetajiet dwar ir-rwol soċjetali tal-ġurnaliżmu u jippromwovu programmi ta’ skambju għall-ġurnalisti; jitlob, b’mod partikolari, għall-promozzjoni ta’ programmi u politiki mmirati lejn it-trawwim tal-litteriżmu medjatiku u tal-aħbarijiet, għall-ġurnalisti u l-atturi tal-media; iqis li t-tisħiħ tal-ġurnaliżmu huwa essenzjali għall-prevenzjoni tad-diżinformazzjoni, il-polarizzazzjoni u l-vjolenza u jista’ jsaħħaħ id-demokraziji billi jiffavorixxi l-parteċipazzjoni politika; jenfasizza li huwa essenzjali li l-ġurnalisti jkunu ggarantiti l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jikkontribwixxu għal dibattitu pubbliku miftuħ, liberu u ġust, li huwa aspett ewlieni biex jgħin lis-soċjetà tiġġieled kontra d-diżinformazzjoni, il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil; itenni t-talba tiegħu biex l-edukazzjoni dwar il-media tiġi inkluża f’kuntesti formali u informali, inkluż permezz ta’ kurrikuli tal-edukazzjoni sabiex jitrawmu l-litteriżmu, il-ħiliet u l-kompetenzi tal-media u jiġi promoss u appoġġjat il-ħsieb kritiku; f’dan ir-rigward, jistenna bil-ħerqa r-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Kummissjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (2012-2027); jinnota li l-ħtieġa li tiġi żgurata l-libertà tal-media għandha tiġi inkluża fil-programmi ta’ sħubija tal-UE ma’ pajjiżi mhux tal-UE;

25.  Jinsisti fuq it-tisħiħ tal-kollaborazzjoni bejn il-pjattaformi online, il-gvernijiet u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi sabiex jiġi indirizzat b’mod effettiv it-tixrid ta’ messaġġi li jinċitaw il-mibegħda jew jinstigaw il-vjolenza lejn il-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-media, filwaqt li jitqies il-fatt li n-nisa huma partikolarment fil-mira; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu implimentati miżuri biex il-ġurnalisti jiġu protetti mill-vjolenza online u abbażi tal-ġeneru fuq il-media soċjali u pjattaformi diġitali oħrajn; jistieden lill-pjattaformi jneħħu minnufih il-kummenti jew ir-reazzjonijiet online li jagħtu fastidju lill-ġurnalisti, jinċitaw il-vjolenza u l-mibegħda jew jimminaw is-sikurezza tal-ġurnalisti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet barra mill-UE jwettqu investigazzjoni u prosekuzzjoni ta’ każijiet ta’ fastidju u abbuż online sabiex dawk responsabbli jinżammu responsabbli;

26.  Jenfasizza li f’dawn l-aħħar snin id-diskors ta’ mibegħda u d-diskriminazzjoni fil-media, kemm online kif ukoll offline, kif ukoll il-vjolenza ċibernetika kontra l-ġurnalisti, saru dejjem aktar mifruxa, u b’hekk qed jheddu l-libertà tal-media, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-informazzjoni u l-pluraliżmu tal-media; ifakkar li d-diskors ta’ mibegħda online jista’ jinċita l-vjolenza offline u l-fastidju online; jenfasizza li l-ġurnalisti nisa b’mod partikolari jiffaċċjaw ukoll fastidju sesswali u vjolenza sesswali u huma ħafna aktar probabbli li jesperjenzaw fastidju online mill-kollegi rġiel tagħhom; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jeżerċitaw pressjoni politika u diplomatika biex ibiddlu l-politiki u l-prattiki ta’ pajjiżi mhux tal-UE li jiskoraġġixxu jew saħansitra jipprojbixxu lin-nisa milli jsegwu karrieri fil-ġurnaliżmu;

27.  Jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE u lill-missjonijiet diplomatiċi tal-Istati membri tal-UE japplikaw il-linji gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem dwar il-libertà tal-espressjoni online u offline b’mod uniformi u konsistenti fir-rigward tal-protezzjoni tal-ġurnalisti u d-difiża tal-libertà tal-istampa; iħeġġeġ bil-qawwa lis-SEAE, lid-delegazzjonijiet tiegħu u lill-Istati Membri jagħmlu l-isforzi kollha biex jippromwovu, jużaw u jikkondividu eżempji ta’ prattiki tajbin, speċjalment ma’ uffiċjali tal-UE qabel ma jiġu assenjati barra l-UE; iħeġġeġ lid-delegazzjonijiet tal-UE f’pajjiżi mhux tal-UE jinvolvu ruħhom f’kampanji ta’ informazzjoni biex iqajmu kuxjenza dwar il-perikli tal-aħbarijiet foloz u jipprovdu lill-pubbliku ġenerali għodod biex jidentifikawhom u jfittxu sorsi affidabbli ta’ informazzjoni;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex dejjem iqisu l-għażla tal-azzjoni pubblika espressa kontra d-diplomazija silenzjuża, fl-interess tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-importanza li jiżdied il-fehim tas-soċjetà ċivili tal-modus operandi tad-delegazzjonijiet tal-UE fir-rigward tal-prattika tal-ġurnaliżmu u l-libertà tal-kelma u tal-espressjoni; iħeġġeġ lid-delegazzjonijiet tal-UE, f’dan ir-rigward, jagħmlu dikjarazzjonijiet aktar pubbliċi, sa fejn ikun possibbli, kemm b’mod preventiv kif ukoll b’reazzjoni għal ksur serju tad-dritt għal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni fid-dinja jew restrizzjonijiet fuqhom, b’mod partikolari f’każijiet ta’ attakki u detenzjoni ta’ ġurnalisti f’pajjiżi mhux tal-UE;

29.  Jistieden lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem jagħmilha waħda mill-ogħla prijoritajiet tiegħu li jiżgura s-sikurezza tal-ġurnalisti, tal-ħaddiema tal-media u tal-persunal assoċjat fir-relazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi mhux tal-UE; jemmen li jista’ jsir aktar f’dan ir-rigward; jinsisti bil-qawwa li l-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà għandu jagħti aktar attenzjoni lil każijiet speċifiċi ta’ arresti u prosekuzzjonijiet illeġittimi ta’ ġurnalisti u r-restrizzjoni tad-drittijiet tagħhom, u l-ħtieġa li jiġi evitat in-nuqqas ta’ azzjoni fil-protezzjoni tal-ġurnalisti li ħajjithom tinsab f’periklu immedjat;

30.  Jistieden lis-SEAE jistabbilixxi pjan ta’ reazzjoni ta’ emerġenza li għandu jiġi segwit mid-delegazzjonijiet tal-UE b’firxa ta’ għodod protettivi, bħal li jinħarġu dikjarazzjonijiet, li jkun hemm reazzjonijiet għal kampanji ta’ malafama, li jiġi kkoordinat il-monitoraġġ tal-proċessi, jitwettqu żjarat fil-ħabs, żjarat fid-djar jew fl-uffiċċji ta’ ġurnalisti f’riskju, jitqajmu każijiet urġenti mal-awtoritajiet, li d-djalogi bilaterali jintużaw biex jitqajjem tħassib dwar il-libertà tal-istampa, jiġu ffaċilitati l-mistrieħ u l-opportunitajiet ta’ serħan għal ġurnalisti fir-riskju jew dawk trawmatizzati, jingħata appoġġ għar-rilokazzjoni u/jew l-evakwazzjoni temporanja, jiġi pprovdut akkumpanjament fiżiku f’sitwazzjonijiet estremi, ikun hemm promozzjoni favur il-ġurnalisti u tinbena l-kapaċità tal-infurzar tal-liġi lokali, tal-awtoritajiet ġudizzjarji u governattivi biex il-ġurnalisti jiġu protetti, inkluż billi ssir pressjoni għal għoti ta’ rendikont sħiħ għall-abbużi tal-libertà tal-istampa; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lill-ġurnalisti li qed jinżammu ostaġġi u lill-protezzjoni tal-membri tal-familja tal-ġurnalisti fil-mira; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jappoġġjaw inizjattivi li għandhom l-għan li jwissu lill-ħaddiema tal-media dwar theddid immedjat f’pajjiżi mhux tal-UE b’mod immirat u rapidu u jiżviluppaw linji gwida mfassla apposta għall-ġurnalisti; ifakkar lill-Istati Membri li l-viżi umanitarji jistgħu jintużaw bħala mekkaniżmu ta’ sikurezza u protezzjoni għall-ġurnalisti fil-periklu; Jissottolinja l-importanza li l-ġurnalisti f’riskju jiġu aġevolati u appoġġjati, inkluż permezz ta’ proċess ta’ rilokazzjoni u billi l-ħidma tagħhom tkun appoġġjata waqt l-eżilju tagħhom u li l-ġurnalisti li qed jaħarbu minn kampanji ta’ ċensura u propaganda sponsorjati mill-istat jibqgħu jiġu appoġġjati billi jiġu megħjuna jbiddlu t-territorju u jkomplu joperaw minn post sikur jew iċaqalqu l-media indipendenti tagħhom barra minn pajjiżhom, sabiex ikunu jistgħu jkomplu jipprovdu informazzjoni rrappurtata b’mod liberu u affidabbli;

31.  Jissottolinja l-importanza tal-promozzjoni ta’ azzjonijiet ta’ taħriġ u ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza kontra l-ġurnalisti fl-eżerċizzju tal-ħidma tagħhom fil-livelli kollha tas-soċjetà u fi ħdan il-gvernijiet; iħeġġeġ lis-SEAE jiżviluppa approċċ strutturat għall-appoġġ tal-ġurnalisti li jiffaċċjaw theddid diġitali; jappella, f’dan ir-rigward, li tissaħħaħ il-kapaċità tad-delegazzjonijiet tal-UE biex jindirizzaw din il-kwistjoni, inkluż billi jiġi appoġġjat l-aċċess għat-taħriġ għall-ġurnalisti biex iżidu l-għarfien tagħhom dwar is-sigurtà diġitali preventiva u l-prattiki tajba; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti pjanijiet ta’ kontinġenza għall-eventwalità ta’ każijiet ta’ ksur tas-sigurtà diġitali fil-komunikazzjonijiet, u jappella li jiġu indirizzati l-impatti psikoloġiċi tal-fastidju fuq l-internet tal-ġurnalisti; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-appoġġ tal-UE għall-iżvilupp tal-media ma jkunx limitat għat-taħriġ tal-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-media iżda jestendi wkoll għall-akkwist ta’ tagħmir tekniku professjonali, li hija talba li tiġi espressa regolarment minn ġurnalisti indipendenti barra mill-UE;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jkomplu jsaħħu wkoll l-appoġġ tagħhom għall-bini tal-kapaċità billi jassistu lill-pajjiżi mhux tal-UE jippromulgaw oqfsa legali li jiffavorixxu l-pluraliżmu tal-media, il-protezzjoni tal-ġurnalisti, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-informazzjoni online u offline, u jiżguraw li l-attakki kollha kontra l-ġurnalisti jiġu investigati u mħarrka u li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ protezzjoni adegwati; għal dak l-għan, jappella għall-appoġġ tal-UE biex tippromwovi l-iżvilupp kontinwu tal-kompetenzi u l-ħiliet fil-professjonijiet kollha rilevanti għall-protezzjoni tal-ġurnalisti u professjonisti oħra tal-media f’pajjiżi sħab, b’mod partikolari għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-imħallfin u l-prosekuturi, kif ukoll l-awtoritajiet rilevanti kollha involuti fis-sikurezza diġitali;

33.  Jistieden lis-SEAE jħeġġeġ l-iskambju ta’ fehmiet bejn il-forzi tal-infurzar tal-liġi u l-ġurnalisti biex jippermetti rapportar mhux ostakolat u attivitajiet oħra tal-media li jkopru protesti jew dimostrazzjonijiet f’pajjiżi mad-delegazzjonijiet tal-UE u jistabbilixxi fehim komuni tad-drittijiet tal-ġurnalisti;

34.  Jissottolinja l-ħtieġa ta’ involviment u koordinazzjoni multilaterali msaħħa dwar is-sikurezza u l-protezzjoni effettiva tal-ġurnalisti, il-ħaddiema tal-media u l-persunal assoċjat, bil-ħsieb li jiġi stabbilit approċċ ta’ politika komprensiv li jinkludi l-pilastri tal-prevenzjoni, il-protezzjoni u l-prosekuzzjoni; jisħaq li l-UE jeħtiġilha tmexxi bl-eżempju u ssostni u tintensifika l-impenn tagħha għall-protezzjoni tal-ġurnalisti u l-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni u biex tiġġieled l-impunità għar-reati kontra l-ġurnalisti, il-ħaddiema tal-media u l-persunal assoċjat bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħha, u, għal dan l-għan, tmexxi patt u taħdem f’alleanza ma’ demokraziji oħra u sħab tal-istess fehma;

35.  Jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE, lill-missjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri tal-UE u lis-sħab tal-istess fehma jinvolvu ruħhom f’sensibilizzazzjoni u appoġġ proattivi fir-rigward tal-ġurnalisti u l-entitajiet tal-media indipendenti f’pajjiżi mhux tal-UE bil-għan li jappoġġjaw il-ħidma u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, jagħmlu valutazzjonijiet regolari tal-ambjent tal-libertà tal-istampa f’kull pajjiż rispettiv, jinkludu r-riskji kontinwi jew emerġenti għall-ġurnalisti, u jfittxu modi kif jimplimentaw jew miżuri li jistgħu jipprevjenu l-abbużi milli jseħħu jew miżuri ta’ protezzjoni, inkluż l-għoti ta’ appoġġ morali dimostrabbli u viżibbli lill-ġurnalisti f’riskju u lill-media indipendenti; jirrakkomanda l-istabbiliment ta’ punt ta’ kuntatt għall-ġurnalisti biex ifittxu protezzjoni u appoġġ u jimmonitorjaw il-vjolenza;

36.  Jistieden lill-Kunsill u lis-SEAE jimponu sanzjonijiet immirati skont is-Sanzjonijiet Globali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (l-Att Magnitsky tal-UE) kontra individwi u entitajiet responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra ġurnalisti u ħaddiema tal-media;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu miżuri sostenibbli fil-ftehimiet u s-sħubijiet kollha tagħhom ma’ pajjiżi terzi mhux tal-UE bil-għan li jipproteġu, jiffinanzjaw u jappoġġjaw il-pluraliżmu fil-media u l-ġurnaliżmu indipendenti; ifakkar, għal dan l-għan, iċ-ċentralità tal-klawsola tad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet bilaterali tal-UE u jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lill-ksur serju tad-drittijiet tal-ġurnalisti fl-attivazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din il-klawżola; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallokaw fondi għal dak il-għan, inkluż billi jżidu l-allokazzjoni għall-programm tematiku tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali (NDICI);

38.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiżguraw li l-programmi ta’ finanzjament tal-UE jkunu magħrufa u aċċessibbli għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali attivi fis-sikurezza tal-ġurnalisti u l-libertà ta’ espressjoni u, fejn xieraq, li jinkoraġġuhom u jappoġġjawhom fl-applikazzjoni ta’ tali programmi u biex ikollhom rwol ewlieni fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ proġetti rilevanti; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat bilanċ bejn il-finanzjament tal-UE għal proġetti biex tiġi promossa s-sikurezza tal-ġurnalisti u biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-media, f’konformità mal-programm tematiku tal-NDICI dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija u l-ipprogrammar indikattiv pluriennali tagħha u indikaturi relatati; itenni t-talba tiegħu li jiġi ssimplifikat il-proċess ta’ applikazzjoni sabiex isir inqas burokratiku;

39.  Ifakkar li l-avvanzi fil-libertà tal-media u l-libertà tal-espressjoni huma parti kruċjali mill-proċess ta’ adeżjoni tal-UE; ifakkar li l-pajjiżi kandidati b’ambjenti tal-media sodi u kompetittivi huma aktar suxxettibbli li jimxu malajr fin-negozjati tal-adeżjoni mal-UE; f’dan ir-rigward jilqa’ l-appoġġ li jingħata permezz tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija, iżda jemmen li jeħtieġ li tittieħed aktar azzjoni biex jiġi appoġġjat il-ġurnaliżmu indipendenti f’oqsma influwenzati minn atturi barranin malizzjużi; itenni, għalhekk, l-appell tiegħu li jiġi stabbilit Fond Ewropew għall-Media Demokratika biex jappoġġja lill-ġurnaliżmu indipendenti fit-tkabbir u fil-pajjiżi tal-Viċinat tal-UE u fil-pajjiżi kandidati;

40.  Jitlob li jkun hemm qafas ġuridiku adegwat u sostenibbli li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ protezzjoni tal-ispazju tal-informazzjoni libera, ibbażat fuq ir-reċiproċità tar-rekwiżiti ta’ ftuħ; jemmen li din is-sistema għall-protezzjoni ta’ spazji ta’ informazzjoni demokratika għandha tinbena fuq żewġ pilastri: 1) it-trattament indaqs – għall-mezzi awdjoviżivi kollha li jxandru fl-UE; 2) ir-reċiproċità – il-ftuħ tal-ispazju pubbliku għall-entitajiet tax-xandir tal-UE f’pajjiżi mhux tal-UE;

41.  Jemmen li l-programmi, il-fondi u l-inizjattivi tal-UE bħal Ewropa Kreattiva, il-Pjan ta’ Azzjoni Medjatiku u Awdjoviżiv, l-Għodda għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Media, il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline u l-mekkaniżmu tal-UE għad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem għandhom jintużaw bis-sħiħ fil-governanza esterna tal-UE biex jipprovdu appoġġ immirat lill-organizzazzjonijiet tal-media u tal-aħbarijiet f’pajjiżi mhux tal-UE, minkejja t-twettiq mill-organizzazzjonijiet tal-media tad-dmir tagħhom ta’ diliġenza fil-konfront tal-ġurnalisti tagħhom, b’mod partikolari, billi jikkonformaw mal-paragrafu 16 tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u atturi oħra tal-media(3) u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2021 dwar il-protezzjoni, is-sikurezza u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-ġurnalisti;

42.  Iħeġġeġ bil-qawwa li jiżdied l-appoġġ għall-programmi ta’ finanzjament, dikjarazzjonijiet u avvenimenti pubbliċi mmirati lejn it-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ protezzjoni fil-livell tan-NU u dawk ta’ mekkaniżmi reġjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-Qorti Inter-Amerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem f’konsultazzjoni mal-ġurnalisti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jappoġġjaw lill-ġurnalisti; jilqa’ l-ħidma tal-proċeduri speċjali tan-NU fl-indirizzar tat-theddid kontra l-ġurnalisti, inkluża r-rakkomandazzjoni tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għal-Libertà tal-Opinjoni u tal-Espressjoni biex tinħoloq task force internazzjonali dwar il-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ attakki fuq il-ġurnalisti u biex titqies b’mod attiv il-possibbiltà li jkun hemm Rappreżentant Speċjali tan-NU għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti fid-Dinja kollha, fost miżuri oħra;

43.  Jilqa’ l-ħidma tas-Sħubija dwar l-Informazzjoni u d-Demokrazija, li tiġbor flimkien 50 stat minn madwar id-dinja u li appellat għall-istabbiliment ta’ salvagwardji demokratiċi fl-ispazju ta’ komunikazzjoni u ta’ informazzjoni u rrikonoxxiet id-dritt li wieħed jirċievi informazzjoni affidabbli; jappoġġja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tas-Sħubija dwar l-Informazzjoni u d-Demokrazija;

44.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.

(1) Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1).
(2) Il-Kunsill tal-Ewropa, “Id-Dekriminalizzazzjoni tal-malafama: Gwida tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-proporzjonalità tal-liġijiet u l-konformità mad-drittijiet tal-bniedem”, 13 ta’ Lulju 2018.
(3) Ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2016)4 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u ta’ atturi oħra tal-media.

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' Diċembru 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza