Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2023/2668(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0309/2023

Testi mressqa :

B9-0309/2023

Dibattiti :

PV 11/07/2023 - 20
CRE 11/07/2023 - 20

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2023)0278

Testi adottati
PDF 145kWORD 53k
L-Erbgħa, 12 ta' Lulju 2023 - Strasburgu
L-adeżjoni maż-żona Schengen
P9_TA(2023)0278B9-0309/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Lulju 2023 dwar l-adeżjoni maż-Żona Schengen (2023/2668(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Petizzjoni Nru 0004/2023 u l-Petizzjoni Nru 1033/2015 u d-diskussjoni rilevanti fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet tat-22 ta’ Marzu 2023,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 19 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea (11997D/PRO/02),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 67(1) u (2) tat-TFUE, li jiddikjara li l-Unjoni għandha tkun spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li “tassigura li ma jkunx hemm kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri interni”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-TUE, li jiddikjara li l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 20 u l-Artikolu 21(1) tat-TFUE, li jipprevedu li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tat-TFUE, li jiddikjara li “kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 13(1) u (2) tat-TUE dwar l-obbligu li l-istituzzjonijiet tal-UE jipprattikaw bejniethom il-koperazzjoni leali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 4(2) tal-Att tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (”il-Karta”), inkluż l-Artikolu 45 tagħha, li jistipula li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u jgħix liberament fit-territorju tal-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u fir-Rumanija(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni tad-9 u l-10 ta’ Ġunju 2011, tat-22 u t-23 ta’ Settembru 2011, tal-25 u s-26 ta’ Ottubru 2012, tas-7 u t-8 ta’ Marzu 2013, tal-5 u s-6 ta’ Diċembru 2013 u tat-8 u d-9 ta’ Diċembru 2022,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1908 tat-12 ta’ Ottubru 2017 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li jirrigwardaw is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża fir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/934 tal-25 ta’ Ġunju 2018 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li fadal tal-acquis ta’ Schengen marbuta mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u fir-Rumanija(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Mejju 2022 bit-titolu “Rapport dwar l-Istat ta’ Schengen 2022” (COM(2022)0301) u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Mejju 2023 bit-titolu “Rapport dwar l-Istat ta’ Schengen 2023” (COM(2023)0274), li jappellaw għat-“tlestija taż-żona Schengen b’deċiżjoni tal-Kunsill meħuda qabel tmiem l-2023 dwar l-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta’ Schengen għall-Bulgarija u r-Rumanija”,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Novembru 2022 bit-titlu “Nagħmlu ż-Żona Schengen aktar b’saħħitha bis-sehem sħiħ tal-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja fl-ispazju mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni” (COM(2022)0636), inkluż ir-Rapport dwar il-missjoni volontarja ta’ ġbir ta’ informazzjoni fir-Rumanija u l-Bulgarija dwar l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u l-iżviluppi tagħha mill-2011(5), ippubblikat flimkien mal-komunikazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922 tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar l-istabbiliment u l-operazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fil-Bulgarija u r-Rumanija: abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art, tal-baħar u tal-ajru(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta’ Ottubru 2011 u tat-18 ta’ Ottubru 2022 dwar l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija maż-żona Schengen(8),

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar il-missjoni komplementari volontarja ta’ ġbir ta’ informazzjoni fir-Rumanija u l-Bulgarija dwar l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u l-iżviluppi tagħha mill-2011, mibgħut lill-Parlament Ewropew f’Diċembru 2022,

–  wara li kkunsidra n-nota spjegattiva tad-9 ta’ Diċembru 2022 dwar il-pożizzjoni tal-Awstrija, maħruġa mill-Ministeru Federali għall-Affarijiet Ewropej u Internazzjonali tar-Repubblika tal-Awstrija,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 227(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi ż-żona Schengen hija waħda mill-pilastri tal-proġett Ewropew u hija essenzjali fil-qafas taċ-ċittadinanza Ewropea u mfassla biex tkun il-pedament tal-Unjoni Ewropea u tas-suq uniku kollu kemm hu; billi ż-żona Schengen hija l-aktar kisba emblematika tal-integrazzjoni Ewropea u tirrappreżenta manifestazzjoni tanġibbli tal-istil ta’ ħajja Ewropew, filwaqt li tmexxi l-ekonomija u tgħaqqad lill-Ewropej bejn naħa u oħra tal-fruntieri interni;

B.  billi għal aktar minn deċennju, ir-Rumanija u l-Bulgarija ma gawdewx mill-benefiċċji sħaħ taż-żona Schengen minħabba l-fatt li għadhom mhumiex membri sħaħ, minkejja li ssodisfaw l-obbligi kollha stabbiliti fl-acquis ta’ Schengen;

C.  billi kuljum madwar 3,5 miljun persuna jaqsmu l-fruntieri interni biex jaħdmu, jistudjaw jew iżuru l-familji u l-ħbieb, u kważi 1,7 miljun persuna jgħixu f’pajjiż tax-Schengen filwaqt li jaħdmu f’pajjiż ieħor. billi l-Ewropej jagħmlu madwar 1,25 biljun vjaġġ fiż-żona Schengen kull sena, li huwa ta’ benefiċċju kbir għas-settur tat-turiżmu u tal-kultura(9);

D.  billi n-nonadeżjoni tar-Rumanija u l-Bulgarija f’Schengen jirrappreżenta piż soċjetali u ekonomiku importanti għan-negozji u għall-popolazzjoni taż-żewġ pajjiżi; billi r-Rumanija għandha popolazzjoni ta’ aktar minn 19-il miljun waqt li l-Bulgarija għandha popolazzjoni ta’ kważi 7 miljuni, li magħhom għandhom jiżdiedu l-membri tad-dijaspori rispettivi tagħhom, li huma ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stati Membri oħrajn u li regolarment iġorru l-istess piż;

E.  billi ċ-ċittadini kollha tal-Bulgarija u tar-Rumanija jesperjenzaw diskriminati minħabba li jiffaċċjaw dewmien, piż burokratiku eċċessiv u spejjeż addizzjonali meta jivvjaġġaw jew jagħmlu negozju barra minn pajjiżhom, meta mqabbla mal-kontropartijiet tagħhom mill-pajjiżi tax-Schengen; billi l-veto fuq l-adeżjoni tar-Rumanija u tal-Bulgarija maż-żona Schengen jista’ jwassal għal sentiment anti-Ewropew f’dawn il-pajjiżi, u b’hekk iwassal għal tnaqqis fil-fiduċja fil-proġett tal-UE u fl-istituzzjonijiet tagħha; jenfasizza li l-verifiki tal-identità jżidu l-ispejjeż tal-merkanzija b’madwar 0,4 % sa 0,9 % tal-valur tal-kummerċ f’kull fruntiera ta’ Schengen, filwaqt li għall-kummerċ fis-servizzi japplikaw spejjeż saħansitra ogħla; jenfasizza li l-ispejjeż kummerċjali għaż-żona Schengen kollha jammontaw għal bejn EUR 6,5 biljun u EUR 13-il biljun fis-sena;

F.  billi fil-laqgħa tiegħu tat-8 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill ma appoġġjax id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija u fil-Bulgarija, minkejja l-evalwazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni, li ssottolinjat li r-Rumanija u l-Bulgarija qed ikomplu jissodisfaw il-kriterji kollha biex jaċċedu b’mod sħiħ għaż-żona Schengen;

G.  billi l-argumenti użati fil-motivazzjoni uffiċjali tal-Awstrija għall-vot ippubblikata fid-9 ta’ Diċembru 2022(10) mhumiex relatati mal-kundizzjonijiet stabbiliti għall-adeżjoni tar-Rumanija maż-żona Schengen, kif imsemmi fl-Artikolu 4(2) tal-Att tal-2005 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea;

H.  billi r-Rumanija u l-Bulgarija temmew b’suċċess il-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen skont l-Artikolu 4(2) tal-Att tal-2005 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Unjoni; billi l-istat ta’ tħejjija ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet kollha tal-acquis ta’ Schengen ġie kkonfermat minn esperti mill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Evalwazzjoni ta’ Schengen (SCH-EVAL) u mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tad-9 u l-10 ta’ Ġunju 2011; billi fit-8 ta’ Lulju 2011 il-Kunsill sab li ż-żewġ pajjiżi kienu ssodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen fl-oqsma kollha; billi l-parteċipazzjoni sħiħa fiż-żona Schengen, ladarba l-kundizzjonijiet kollha miftiehma jiġu vverifikati u ssodisfati, mhijiex kwistjoni ta’ privileġġ iżda pjuttost dritt ibbażat fuq il-liġi f’konformità mat-trattati tal-UE;

I.  billi l-missjonijiet volontarji ta’ ġbir ta’ informazzjoni ta’ Ottubru u Novembru 2022 żvelaw li mill-2011, il-Bulgarija u r-Rumanija implimentaw kontinwament l-acquis u l-għodod ta’ Schengen b’mod komprensiv u għalhekk huma kontributuri prezzjużi għall-funzjonament xieraq taż-żona Schengen;

J.  billi l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (FRONTEX) iddikjarat b’mod ċar, abbażi ta’ data tal-istatistika, li r-Rumanija u l-Bulgarija ma jirrappreżentawx rotta migratorja lejn il-bqija taż-żona Schengen; billi l-Istati Membri kollha li jappartjenu għaż-żona Schengen huma obbligati jikkonformaw mal-acquis ta’ Schengen, inkluż fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen(11);

K.  billi skont il-Kummissjoni, ir-Rumanija ġġestiet b’mod effiċjenti, f’konformità mal-istandards ta’ Schengen, aktar minn 4,5 miljun rifuġjat Ukren(12) li waslu fil-pajjiż mindu bdiet il-gwerra ta’ aggressjoni illegali tar-Russja kontra l-Ukrajna;

L.  billi l-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew talbu lill-Kunsill biex mingħajr aktar dewmien jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa kollha biex il-Bulgarija u r-Rumanija jsiru membri sħaħ taż-żona Schengen;

M.  billi l-ambjent, kif ukoll is-saħħa tas-sewwieqa, tal-ħaddiema tad-dwana u tal-persuni li jgħixu fiż-żona ta’ qsim tal-fruntiera, jinsabu wkoll f’riskju minħabba ż-żieda fit-tniġġis mill-ħafna eluf ta’ vetturi li jkunu weqfin fil-kju ta’ kuljum, li jistennew għal sigħat jew saħansitra jiem sħaħ biex jaqsmu l-fruntiera bejn l-Ungerija u r-Rumanija, ir-Rumanija u l-Bulgarija u l-Bulgarija u l-Greċja; billi informazzjoni bbażata fuq l-evidenza(13) enfasizzat li 46 000 tunnellata ta’ CO2 huma emessi kull sena minħabba li ma tneħħewx il-kontrolli fil-fruntieri interni għar-Rumanija u l-Bulgarija;

N.  billi l-ħin ta’ stennija għat-trakkijiet li jaqsmu l-fruntieri bejn il-pajjiżi Schengen kien ta’ bejn 10 u 30 minuta fl-2021, u fil-każ ta’ ħafna mill-qsim ġie rapportat li ma kien hemm l-ebda dewmien, filwaqt li għall-pajjiżi li mhumiex fiż-żona Schengen, id-dewmien fil-punti ta’ qsim jista’ jvarja minn ftit sigħat sa saħansitra jiem(14); billi fl-2022 il-kjuwijiet tat-trakkijiet kienu ta’ aktar minn 25 km fil-fruntieri Rumeni tal-Punent(15); billi dawn il-kjuwijiet twal fid-dwana li jestendu għal ġranet għandhom effett estremament negattiv fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera tat-trakkijiet u fuq l-ambjent;

O.  billi kemm ir-Rumanija kif ukoll il-Bulgarija rreġistraw telf finanzjarju sinifikanti f’dawn l-aħħar 11-il sena, u minkejja li ssodisfaw il-kriterji meħtieġa kollha biex jaċċedu għaż-żona Schengen, fl-istess ħin ma bbenefikawx mid-drittijiet relatati;

1.  Itenni, f’konformità mal-pożizzjoni li ilu li adotta u li stabbilixxa fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-adeżjoni tar-Rumanija u tal-Bulgarija maż-żona Schengen, l-appoġġ qawwi tiegħu għat-tkabbir taż-żona Schengen biex tinkludi lir-Rumanija u lill-Bulgarija abbażi tal-fatt li dawn il-pajjiżi diġà wrew li huma konformi mal-kriterji meħtieġa, li jissodisfaw b’mod effettiv l-obbligi ta’ Schengen u li diġà qed jagħtu kontribut pożittiv liż-żona Schengen;

2.  Jesprimi dispjaċir kbir dwar l-eżitu tad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2022, li rriżultaw f’ċaħda tal-aċċess għaż-żona Schengen lir-Rumanija u lill-Bulgarija, mingħajr ma ġiet ippreżentata ebda ġustifikazzjoni legali relatata mal-kriterji ta’ adeżjoni; iqis li dan l-eżitu kien motivat minn kampanji politiċi domestiċi nazzjonali, aktar milli mill-kriterji ta’ adeżjoni nnifishom;

3.  Jinnota bi tħassib serju li dan l-eżitu wassal biex iċ-ċittadini Rumeni u Bulgari jħossuhom li saret diskriminazzjoni kontrihom u jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tanalizza ksur possibbli tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; jinnota wkoll li filwaqt li l-adeżjoni tal-Kroazja maż-żona Schengen ġiet approvata, l-adeżjoni tar-Rumanija u tal-Bulgarija ma ġietx approvata; jinnota bi tħassib li ċ-ċaħda ta’ estensjoni taż-żona Schengen biex tinkludi r-Rumanija u l-Bulgarija kellha effett devastanti fuq l-appoġġ pubbliku għall-UE;

4.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jissodisfa l-obbligi ta’ kooperazzjoni leali tiegħu skont l-Artikolu 13 tat-TUE fir-relazzjoni tiegħu mal-Kummissjoni u mal-Parlament Ewropew u jesprimi l-bona fide tiegħu biex jaġixxi fuq l-adeżjoni tar-Rumanija u tal-Bulgarija maż-żona Schengen; iqis li ċ-ċaħda ta’ aċċettazzjoni tar-Rumanija u l-Bulgarija fiż-żona Schengen twassal għal ksur tal-Karta b’rabta mad-dritt għad-dinjità tal-bniedem (l-Artikolu 1), il-libertà u s-sigurtà (l-Artikolu 6), l-ugwaljanza quddiem il-liġi (l-Artikolu 20), il-protezzjoni ambjentali (l-Artikolu 37) u l-libertà ta’ moviment (l-Artikolu 45);

5.  Jitlob li l-Kunsill jirrispetta l-Artikolu 4(2) tal-Att tal-2005 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija fl-UE u jivvota, mingħajr aktar dewmien u sa mhux aktar tard minn tmiem l-2023, favur l-adeżjoni taż-żewġ pajjiżi u l-applikazzjoni sħiħa tagħhom tal-acquis ta’ Schengen purament abbażi tal-fatt li huma ssodisfaw il-kriterji Schengen;

6.  Jitlob lill-Kunsill jieħu nota li l-ħsara kollaterali u irreparabbli, bħal dik ikkawżata miż-żieda fl-emissjonijiet ta’ CO2 iġġenerati mill-miljuni ta’ vetturi kull sena li jqattgħu sigħat sħaħ jistennew fil-kontrolli fil-fruntiera, tikkuntrasta bil-kbir mal-miri ta’ newtralità klimatika tal-Unjoni;

7.  Jiddispjaċih u jirrimarka bi tħassib kbir li d-deċiżjoni negattiva dwar is-sħubija f’Schengen tar-Rumanija u l-Bulgarija hija strumentalizzata mill-propaganda kontra l-UE, inkluża l-propaganda Russa, għad-detriment tal-għanijiet tal-politika barranija tal-UE; jenfasizza li din id-deċiżjoni, filwaqt li mhijiex ibbażata fuq kriterji legalment sodi u applikabbli, tikkomprometti l-kapaċità tal-UE li tippromwovi l-valuri tagħha u l-governanza tajba f’pajjiżi mhux tal-UE, inkluż fil-pajjiżi ta’ adeżjoni;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel estimi tat-telf finanzjarju, il-qligħ mitluf u l-ħsara ambjentali mġarrba mir-Rumanija u l-Bulgarija, kif ukoll mill-Unjoni kollha kemm hi, mill-2011 minħabba l-fatt li r-Rumanija u l-Bulgarija mhumiex membri ta’ Schengen; iqis li l-Kummissjoni għandha tanalizza mekkaniżmi possibbli għall-kumpens tat-telf finanzjarju mġarrab mill-Bulgarija u r-Rumanija minħabba ċ-ċaħda negattiva u mhux ġustifikata tas-sħubija fiż-żona Schengen, filwaqt li tqis it-telf finanzjarju li jibda minn Ġunju 2011;

9.  Jissottolinja li l-adeżjoni tar-Rumanija u tal-Bulgarija maż-żona Schengen hija essenzjali, peress li żona Schengen akbar mingħajr kontrolli fil-fruniteri interni ser issaħħaħ lill-UE;

10.  Jitlob lill-Istati Membri kollha jissodisfaw l-obbligu tagħhom ta’ kooperazzjoni leali mar-Rumanija u l-Bulgarija fir-rigward tal-adeżjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri maż-żona Schengen, f’konformità mal-Artikolu 4(3) tat-TUE; jinnota li l-ebda Stat Membru m’għandu jikser b’mod arbitrarju d-drittijiet ta’ Stati Membri oħra, inkluża l-adeżjoni leġittima tagħhom fiż-żona Schengen ladarba l-kriterji jiġu ssodisfati;

11.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tanalizza l-proċeduri possibbli kollha biex tiddefendi d-dritt għal moviment liberu taċ-ċittadini Rumeni u Bulgari;

12.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu analizzati l-azzjonijiet attwali u azzjonijiet potenzjali futuri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

13.  Jistieden lill-presidenza Spanjola tal-Kunsill biex tagħti prijorità għolja lil dan is-suġġett u biex tiskeda votazzjoni dwar din il-kwistjoni fl-2023; jistieden lill-Kunsill jieħu miżuri biex jiġi evitat l-abbuż tas-setgħa tal-veto;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 157, 21.6.2005, p. 203.
(2) ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 160.
(3) ĠU L 269, 19.10.2017, p. 39.
(4) ĠU L 165, 2.7.2018, p. 37.
(5) https://home-affairs.ec.europa.eu/system/files/2022-11/Bulgaria%20and%20Romania%20fact-finding%20mission%20report_en.pdf
(6) ĠU L 160, 15.6.2022, p. 1.
(7) ĠU C 388, 13.11.2020, p. 18.
(8) ĠU C 94 E, 3.4.2013, p. 13 u ĠU C 149, 28.4.2023, p. 11.
(9) ĠU C 99, 1.3.2022, p. 158.
(10) Dokument uffiċjali maħruġ mill-Ministeru Federali Awstrijak għall-Affarijiet Ewropej u Internazzjonali fid-9 ta’ Diċembru 2022 u ppreżentat bħala l-Anness 2 għall-Petizzjoni 0004/2023 dwar l-adeżjoni tar-Rumanija maż-żona Schengen.
(11) Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).
(12) Il-Pulizija tal-Fruntiera tar-Rumanija, https://www.cotidianul.ro/cati-ucraineni-au-intrat-in-tara-noastra/ https://www.politiadefrontiera.ro/ro/main/i-traficul-la-frontiera-in-data-de-13-iunie-2023-33710.html.
(13) Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Mejju 2023 intitola “Ir-Rapport dwar l-Istat ta’ Schengen 2023” (COM(2023)0274).
(14) https://www.euronews.com/my-europe/2021/03/26/a-decade-after-talks-began-is-romania-any-closer-to-joining-schengen
(15) L-Istqarrija għall-istampa tat-Trade Union Nazzjonali tat-Trasportaturi bit-triq tar-Rumanija, disponibbli fuq https://www.untrr.ro/en/press-release-untrr-requests-priority-for-romania-s-entry-into-the-schengen-area-and-the-right-of-free-movement-in-the-eu-for-romanian-road-carriers-and-passengers-without-blockages-for-trucks-and-coaches-at-the-eu-borders.html.

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' Diċembru 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza