Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Lulju 2023 dwar is-sitwazzjoni fil-Libanu (2023/2742(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Libanu, b’mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Settembru 2021 dwar is-sitwazzjoni fil-Libanu(1),
– wara li kkunsidra riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b’mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 1559 (2004), 1701 (2006), 2539 (2020), 2591 (2021) u 2650 (2022),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra(2),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/860/KE tal-10 ta’ Diċembru 2007, li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja għal-Libanu(3),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni għall-istampa tad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Maxreq dwar żjara uffiċjali fil-Libanu bejn id-19 u t-23 ta’ Ġunju 2023,
– wara li kkunsidra l-impenji miftiehma fil-qafas tal-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Libanu f’Novembru 2016, il-Konferenza tas-CEDRE (Conférence économique pour le développement, par les réformes et avec les entreprises) fis-6 ta’ April 2018, ir-Riforma, il-Qafas għall-Irkupru u l-Bini mill-Ġdid tal-Libanu (3RF) f’Diċembru 2020 u l-laqgħat tal-Grupp Internazzjonali ta’ Appoġġ għal-Libanu fil-11 ta’ Diċembru 2019, fit-23 ta’ Settembru 2020 u fid-19 ta’ Mejju 2021,
– wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE dwar l-elezzjonijiet parlamentari li saru fil-15 ta’ Mejju 2022,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta’ Lulju 2022 li testendi b’sena l-qafas tal-UE għal sanzjonijiet immirati,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-1 ta’ Novembru 2022 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ) Josep Borrell dwar is-sitwazzjoni politika fil-Libanu u dik tat-8 ta’ April 2023 dwar l-eskalazzjoni tal-vjolenza,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-13 ta’ Novembru 2022 mid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għal-Libanu dwar is-Sitwazzjoni Attwali fil-Libanu,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-3 ta’ April 2023 mill-Koordinatur Speċjali tan-NU dwar l-elezzjonijiet muniċipali fil-Libanu,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-kelliem tagħha dwar is-sitwazzjoni fil-Libanu,
– wara li kkunsidra l-erba’ konvenzjonijiet ta’ Ġinevra tal-1949 dwar l-istatus tar-rifuġjati u l-protokolli addizzjonali tagħhom, ratifikati mil-Libanu,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi s-sitwazzjoni attwali fil-Libanu hija estremament allarmanti u inkwetanti ħafna minħabba l-kriżi politika, ekonomika, soċjali, finanzjarja u tas-saħħa, u l-istat ta’ falliment istituzzjonali; billi l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-elettriku, tal-gass u tal-ilma laħqet l-ogħla livell, ta’ kważi 600 %, f’Ġunju 2022; billi l-maġġoranza tal-popolazzjoni Libaniża qed tgħix fil-faqar u l-awtoritajiet qed jonqsu milli jiżguraw id-dritt ta’ kulħadd għal standard ta’ għajxien adegwat, inkluż id-dritt għall-ikel; billi s-sitwazzjoni ekonomika li dejjem qed tmur għall-agħar u ż-żieda fil-faqar wasslu għal diffikultajiet fl-aċċess għad-drittijiet bażiċi, bħall-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni, u għal żieda fl-emigrazzjoni;
B. billi l-Libanu huwa sieħeb qrib u importanti tal-Unjoni Ewropea; billi din is-sħubija hija bbażata fuq interessi komuni, rabtiet storiċi u kulturali li ilhom jeżistu snin twal, djalogu politiku u soċjali regolari u kuntatti interpersonali mifruxa ħafna; billi l-Libanu għandu soċjetà ċivili vibranti u partiti politiċi b’bosta attivisti, mexxejja tal-komunità, akkademiċi, artisti u gruppi taż-żgħażagħ li jieħdu azzjoni u jappellaw għal riformi urġenti;
C. billi fil-15 ta’ Mejju 2022 saru elezzjonijiet parlamentari fil-Libanu, u wara dan il-Hezbollah u l-alleati ta’ dan il-partit tilfu l-maġġoranza tagħhom fil-Parlament u Najib Mikati reġa’ ġie nnominat minn maġġoranza biex jiffurma gvern ġdid, iżda naqas milli jagħmel dan minħabba l-imblokk politiku; billi s-sitwazzjoni ppersistiet sakemm skada l-mandat tal-President Michel Aoun u ħalla lill-gvern proviżorju ta’ Mikati inkarigat mill-pajjiż;
D. billi l-Hezbollah, Amal u l-alleati tagħhom irrikorrew għal tattiċi mhux kostituzzjonali biex jipprevjenu l-konklużjoni tal-votazzjoni parlamentari, bħal pereżempju ħarġu mill-Kamra wara l-ewwel rawnd, u kisru l-kworum biex tiġi mblukkata l-elezzjoni tal-kandidat tal-oppożizzjoni; billi l-iSpeaker tal-Parlament tal-Libanu Namih Berri jirrifjuta li jorganizza rawnds ta’ votazzjoni miftuħa biex jiġi elett President, u dan imur kontra d-dispożizzjonijiet tal-kostituzzjoni Libaniża; billi dan irriżulta f’10 xhur ta’ blokkjar tal-elezzjonijiet presidenzjali fi żmien ta’ ħtieġa kbira għal president biex jiġu implimentati r-riformi meħtieġa, jiġi prevjenut il-kollass totali u jiġu restawrati l-istituzzjonijiet tal-istat u s-sistema demokratika; billi dan l-imblokk politiku huwa konsegwenza ta’ kriżi politika, ekonomika u soċjali b’ħafna saffi li tolqot l-isferi kollha tal-Istat Libaniż;
E. billi d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1277 tat-30 ta’ Lulju 2021 tipprevedi l-possibbiltà li jiġu imposti sanzjonijiet kontra persuni u entitajiet li jkunu “responsabbli għall-imminar tad-demokrazija jew tal-istat tad-dritt fil-Libanu”;
F. billi l-elezzjonijiet muniċipali fil-Libanu kellhom isiru fil-31 ta’ Mejju 2023, u issa ġew posposti għat-tieni sena konsekuttiva; billi l-Ministru tal-Intern proviżorju tal-Libanu Bassam Mawlawi żgura li l-pajjiż kien lest biex jorganizza l-elezzjonijiet muniċipali; billi l-Koordinatur Speċjali tan-NU għal-Libanu jappoġġja bis-sħiħ dawn l-elezzjonijiet u jqishom importanti biex jinżammu l-iskedi ta’ żmien kostituzzjonali u l-prattiki demokratiċi tal-Libanu, fi żmien meta l-pajjiż diġà qed jiffaċċja pożizzjoni presidenzjali vakanti u paraliżi istituzzjonali mifruxa; billi l-Parlament Libaniż, bil-voti ta’ Hezbollah, Amal, tal-Moviment Patrijotiku Liberu u tal-gruppi politiċi alleati tagħhom, iddeċieda li jipposponi l-elezzjonijiet muniċipali tal-pajjiż għal massimu ta’ sena, sal-31 ta’ Mejju 2024, minħabba skarsezzi ta’ finanzjament; billi dan il-posponiment jista’ jkompli jżid il-paraliżi istituzzjonali eżistenti u n-nuqqas ta’ fiduċja tal-poplu Libaniż fid-demokrazija;
G. billi t-tbatija ekonomika, il-politiki ta’ awsterità u l-korruzzjoni mifruxa wasslu għal diversi mewġiet ta’ protesti f’dawn l-aħħar snin, li l-akbar waħda minnhom seħħet fi żmien l-anniversarju tar-rivoluzzjoni tas-17 ta’ Ottubru, li bdiet fl-2019; billi l-protesti u l-inkwiet soċjali għadhom komuni minħabba dawn ir-raġunijiet, u għadhom iseħħu fil-pajjiż kollu;
H. billi l-isplużjoni fil-port ta’ Bejrut fl-4 ta’ Awwissu 2020, li għadha l-akbar splużjoni mhux nukleari li qatt seħħet fid-dinja, qatlet aktar minn 220 persuna, inkluż aktar minn 20 ċittadin tal-UE, darbet 7 000, spostat 300 000 persuna u qerdet jew għamlet ħsara lil 74 000 dar;
I. billi tliet snin wara l-isplużjoni fil-port ta’ Bejrut, l-investigazzjoni domestika dwar il-kawżi li wasslu għaliha ġiet ostakolata b’mod attiv, l-aktar minħabba l-abbuż ta’ poter eżerċitat minn atturi politiċi inkluż il-Hezbollah, l-alleati tiegħu, il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Prosekutur Ġenerali; billi l-korruzzjoni, il-ġestjoni ħażina u n-negliġenza li ilhom jeżistu, flimkien mal-istruttura tal-ġestjoni tal-port, ippermettew li kompost esplożiv ħafna (nitrat tal-ammonju) kien maħżun bla prekawzjonijiet fil-port għal kważi sitt snin, minkejja t-twissijiet minn uffiċjali lokali; billi fl-4 ta’ Awwissu 2021 saret protesta tal-massa fit-toroq f’Bejrut bid-dimostranti jitolbu li tittieħed responsabbiltà għall-isplużjoni fil-port; billi protesta enormi oħra fl-14 ta’ Ottubru 2021 immexxija mill-Hezbollah u l-Amal kontra l-Imħallef Kap Investigatur Bitar inbidlet f’attakk organizzat mill-Hezbollah u l-Amal fuq id-distrett ta’ Ain El Remmenh u l-partit tal-Forzi Libaniżi, li jappoġġja l-investigazzjoni fl-isplużjoni tal-port ta’ Bejrut;
J. billi fit-2 ta’ Lulju 2021, l-Imħallef Tarek Bitar talab lill-Parlament Libaniż ineħħi l-immunità ta’ tlieta mill-membri tiegħu sabiex ikunu jistgħu jiġu akkużati b’negliġenza kriminali u omiċidju b’intenzjoni probabbli fir-rigward tal-isplużjoni tal-port, minħabba r-responsabbiltà ministerjali tagħhom waqt li kien qed jinħażen il-materjal perikoluż; billi tnejn mill-eks ministri akkużati ġew eletti mill-ġdid u bħalissa huma membri tal-parlament; billi sa Ġunju 2023, maġġoranza tal-Parlament tal-Libanu ma neħħewx l-immunità tagħhom;
K. billi Human Rights Watch, Amnesty International, Legal Action Worldwide, Legal Agenda u l-Kummissjoni Internazzjonali ta’ Ġuristi ddokumentaw firxa ta’ nuqqasijiet proċedurali u sistemiċi fl-investigazzjoni domestika li jagħmluha inkapaċi titwassal ġustizzja b’mod kredibbli, inkluża l-interferenza politika flagranti, l-immunità għal uffiċjali politiċi ta’ livell għoli u n-nuqqas ta’ rispett għal proċess ġust u standards ta’ proċess xieraq; billi, f’dawn iċ-ċirkostanzi, l-istabbiliment ta’ missjoni internazzjonali ta’ ġbir ta’ informazzjoni awtorizzata mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU huwa dejjem aktar importanti; billi aktar minn 162 organizzazzjoni tad-drittijiet (kemm Libaniżi kif ukoll internazzjonali), superstiti u qraba tal-vittmi ħeġġew lill-membri tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU biex iressqu riżoluzzjoni dwar dan;
L. billi l-informatur, l-eks direttur tad-dipartiment tan-narkotiċi tal-port, il-Kurunell Joseph Skaf li kien wissa lis-superjuri tiegħu dwar il-periklu tal-ħżin tas-sustanzi kimiċi fl-2014, inqatel fl-2017; billi Joe Bejjany, li ħa ritratti tal-ħangar perikoluż qabel u wara l-isplużjoni, inqatel u l-mowbajl tiegħu nsteraq f’Diċembru 2020; billi l-attivist u pubblikatur Lokman Slim inqatel fi Frar 2021, għaxart ijiem wara li akkuża lill-Hezbollah li pprovda n-nitrat tal-ammonju lir-reġim ta’ Bashar al-Assad;
M. billi mit-22 ta’ Settembru 2021, ġew ippreżentati 21 kawża legali kontra l-Investigatur Ewlieni tal-isplużjoni, l-Imħallef Tarek Bitar, u mħallfin oħra li qed janalizzaw il-każijiet, li prinċipalment jinvolvu politiċi mill-Hezbollah u l-alleati tagħhom, il-Prosekutur Ġenerali u l-Ministru tal-Ġustizzja; billi l-investigazzjoni domestika dwar l-isplużjoni ġiet sospiża mit-23 ta’ Diċembru 2021 sa Jannar 2023 wara li tnejn mill-politiċi akkużati fil-każ ressqu lment ieħor kontra l-Imħallef Bitar, kif ukoll l-ogħla qorti tal-Libanu, il-Kunsill Ġudizzjarju Għoli, li qabel kien eżamina u rrifjuta t-talba preċedenti tiegħu biex ineħħi l-Imħallef Bitar mill-kariga tiegħu; billi l-Assemblea Ġenerali tal-Qorti tal-Kassazzjoni Libaniża, li issa għandha ġuriżdizzjoni, ma tistax tiddeċiedi dwar dawn il-każijiet peress li bħalissa ma għandhiex kworum minħabba li wieħed mill-membri tagħha rtira lejn l-aħħar tal-2021 u l-każ ma jistax jerġa’ jibda sakemm isiru ħatriet ġudizzjarji ġodda; billi l-Ministru tal-Finanzi proviżorju Youssef Khalil irrifjuta li jiffirma d-digriet dwar il-ħatriet ġudizzjarji, li ġiegħel lill-Imħallef Bitar iwaqqaf l-investigazzjoni mill-ġdid;
N. billi l-preżenza ta’ aktar minn miljun u nofs Sirjan fil-Libanu, flimkien ma’ madwar 15 800 rifuġjat Etjopjan, Iraqi, Sudaniż u ta’ oriġini oħra rreġistrati mal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR), u madwar 207 700 rifuġjat Palestinjan, għandha impatt fuq l-ekonomija tal-Libanu u kkontribwiet għall-kriżi multidimensjonali fil-pajjiż; billi r-rifuġjati Palestinjani fil-Libanu għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi u restrizzjonijiet sostanzjali: il-maġġoranza jgħixu fil-faqar u jiddependu mill-assistenza tal-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-rifuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) bħala s-sors ewlieni ta’ għajxien tagħhom;
O. billi, wara r-Rebbiegħa Għarbija u r-rewwixta popolari fis-Sirja tal-2011, ir-reġim ta’ Assad nieda kampanja ta’ trażżin brutali kontra l-popolazzjoni tiegħu stess, li fiha nqatlu aktar minn nofs miljun persuna u waqt li kważi nofs tal-popolazzjoni totali tal-pajjiż sabu ruħhom spustati, bir-riżultat li 6 miljun persuna sfaw rifuġjati u 7 miljun persuna ġew spostati internament; billi l-Hezbollah assista u appoġġja lir-reġim ta’ Assad fil-gwerra Sirjana, inkluż billi pprovda forzi fuq il-post u akkumpanja persunal tal-Korp tal-Gwardja Rivoluzzjonarja Iżlamika fl-organizzazzjoni u t-taħriġ tal-milizzji Sirjani; billi l-fergħa militari tal-Hezbollah tinsab fuq il-lista tal-UE ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi pprojbiti;
P. billi skont rapporti tal-Human Rights Watch, għadd ta’ rifuġjati ġew detenuti u deportati lejn il-fruntiera bejn is-Sirja u l-Libanu u mgħoddija lill-awtoritajiet Sirjani;
Q. billi fil-11 ta’ Ottubru 2022, l-Iżrael u l-Libanu għamlu avvanz storiku, u laħqu ftehim biex jistabbilixxu fruntiera marittima permanenti bejniethom, li għandha l-potenzjal li tikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-prosperità taż-żewġ ġirien, kif ukoll għal dawk tar-reġjun usa’;
R. billi fl-31 ta’ Awwissu 2022, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta r-riżoluzzjoni 2650 (2022), li estendiet il-mandat tal-Forza Interim tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libanu (UNIFIL) sal-31 ta’ Awwissu 2023; billi fakkar fil-ħtieġa li l-forzi armati Libaniżi jiġu skjerati fin-Nofsinhar tal-Libanu u li l-partijiet kollha jirrispettaw il-waqfien tal-ostilitajiet, jipprevjenu l-ksur tal-Linja Blu u jiżguraw il-libertà tal-moviment u l-aċċess tal-UNIFIL għal-Linja Blu;
S. billi Riad Salameh, li ilu mill-1993 Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Libanu, huwa s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest internazzjonali maħruġ f’Mejju 2023 fuq talba ta’ Franza u tal-Ġermanja fuq akkużi ta’ ħasil tal-flus, frodi, falsifikazzjoni, approprjazzjoni indebita u parteċipazzjoni f’assoċjazzjoni kriminali; billi fit-28 ta’ Marzu 2022 il-Eurojust ikkonfermat li awtoritajiet minn Franza, il-Ġermanja u l-Lussemburgu kienu ssekwestraw proprjetajiet u ffriżaw assi tas-Sur Salameh b’valur ta’ EUR 120 miljun; billi s-Sur Salameh qed jiċħad kwalunkwe mġiba ħażina u qed jirrifjuta li jirriżenja; billi l-mandat tas-Sur Salameh jintemm f’Lulju 2023;
T. billi l-Prosekutur Ġenerali ta’ Monaco qed iwettaq investigazzjoni dwar il-ħasil tal-flus kontra l-Prim Ministru Mikati, li huwa inkluż ukoll fid-Dokumenti ta’ Pandora;
1. Iqis li s-sitwazzjoni preżenti tal-Libanu hija kkawżata minn politiċi fil-klassi kollha li tinsab fil-gvern u minn partiti armati b’mod illegali li qed jostakolaw il-proċess demokratiku u kostituzzjonali, u jappella għad-diżarm tagħhom; jappella lill-elit politiku tal-Libanu jerfa’ s-sehem tiegħu mir-responsabbiltà għas-sitwazzjoni attwali fil-pajjiż;
2. Iħeġġeġ lill-Parlament Libaniż jeleġġi president fl-iqsar żmien possibbli sabiex jibdew jiġu indirizzati l-kriżijiet politiċi, ekonomiċi, soċjali, finanzjarji u tas-saħħa, u l-istat ta’ falliment istituzzjonali; iħeġġiġhom kollha biex finalment japprovaw u jiddefendu t-talbiet tal-poplu Libaniż; jesprimi tħassib serju dwar l-ostakli għall-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa u jistieden lill-mexxejja Libaniżi jagħtu prijorità lill-interessi nazzjonali; jiddispjaċih li l-Parlament Libaniż għad irid jeleġġi president wara 12-il sessjoni elettorali presidenzjali inkonklużiva;
3. Jesprimi dispjaċir li l-elezzjonijiet muniċipali skedati għal Mejju 2022 ġew posposti għat-tieni darba f’sentejn, u dan wassal għal imblokk politiku ulterjuri u żieda fid-diżfunzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Istat; iħeġġeġ lill-Ministeru tal-Intern u l-Muniċipalitajiet jimpenja ruħu li jorganizza l-elezzjonijiet muniċipali fis-sitt xhur li ġejjin u jipproċedi bit-tħejjija tagħhom kif xieraq; jistieden lill-awtoritajiet Libaniżi jitolbu li l-VP/RGħ jiskjera missjoni ta’ osservazzjoni elettorali, jew alternattivament, missjoni ta’ esperti elettorali, xhur qabel l-elezzjonijiet muniċipali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu l-assistenza teknika u finanzjarja kollha biex jikkontribwixxu biex jingħata lok li l-elezzjonijiet isiru fil-ħin u fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli, u jistinkaw biex jiggarantixxu l-ġustizzja u t-trasparenza tal-proċess kollu, filwaqt li jinsisti li hija r-responsabbiltà tal-gvern li jalloka l-baġit meħtieġ biex isiru l-elezzjonijiet muniċipali;
4. Jitlob li jkun hemm task force umanitarja internazzjonali taħt l-awspiċji tan-NU biex tappoġġja l-implimentazzjoni tal-assistenza umanitarja u tissorvelja l-użu tal-fondi;
5. Jitlob lill-UE toffri lil-Libanu l-iskjerament ta’ missjoni konsultattiva amministrattiva komprensiva tal-UE sabiex tiġi indirizzata l-ħtieġa urġenti li jiġi miġġieled il-falliment aċċelerat tal-amministrazzjoni pubblika u tas-servizzi bażiċi billi jiġu provduti pjan ta’ azzjoni u l-appoġġ meħtieġ relatat; ifaħħar ir-rwol tal-ħaddiema essenzjali tas-settur pubbliku li, minkejja li s-salarji tagħhom naqsu b’aktar minn nofs f’dawn l-aħħar snin minħabba miżuri ta’ awsterità, komplew jipprovdu servizzi ewlenin lill-popolazzjoni f’oqsma bħas-saħħa, l-edukazzjoni u l-indokrar;
6. Jistieden lill-Gvern Libaniż biex jimplimenta malajr ir-riformi ekonomiċi, finanzjarji u ta’ governanza ewlenin li se jiżguraw l-irkupru politiku u ekonomiku, inkluża r-regolamentazzjoni kredibbli ta’ setturi ekonomiċi ewlenin, bħas-settur tal-elettriku; jilqa’ l-adozzjoni ta’ emendi għal-liġi Libaniża dwar is-segretezza bankarja bħala pass ewlieni lejn l-isfruttar tal-assistenza makrofinanzjarja internazzjonali, jiġifieri mill-Fond Monetarju Internazzjonali; jistieden lill-pajjiż ikompli jimplimenta r-riformi, inkluż fil-ġudikatura, biex jiżgura l-indipendenza u jipprevjeni l-interferenza politika u l-impunità istituzzjonalizzata fis-sistema tal-ġustizzja; ifakkar fil-ħtieġa urġenti li tiġi limitata s-setgħa eżorbitanti tal-qorti militari u li jiġu limitati l-kompetenzi tagħha biex twettaq biss proċessi għal delitti militari mwettqa mill-militar u li qatt ma tipproċedi kontra ċivili; ifakkar li l-UE, il-Bank Dinji u n-NU talbu l-istabbiliment ta’ ġudikatura indipendenti u trasparenti, l-adozzjoni ta’ liġi moderna dwar l-akkwist pubbliku u l-adozzjoni ta’ strateġija kontra l-korruzzjoni;
7. Jistieden lill-Kunsill japplika sanzjonijiet immirati fl-ambitu tal-qafas adottat mill-Kunsill fit-30 ta’ Lulju 2021 kontra dawk kollha li qed jiksru l-proċess demokratiku u elettorali fl-istituzzjonijiet Libaniżi, dawk involuti f’kondotta finanzjarja ħażina serja u dawk li jfixklu investigazzjonijiet ta’ korruzzjoni jew l-investigazzjoni domestika dwar l-isplużjoni tal-port ta’ Bejrut jew missjoni internazzjonali ta’ ġbir ta’ informazzjoni li għandha ssir, u jaħtaf l-assi tagħhom fl-UE; jinnota li l-qafas tal-Kunsill għandu jiskadi fit-30 ta’ Lulju 2023; jistieden lill-Kunsill jieħdu azzjoni immedjata biex jestenduh u jaħdmu għat-tiġdid tiegħu;
8. Ifakkar li investigazzjoni trasparenti, indipendenti, newtrali u effettiva dwar l-isplużjoni tal-port ta’ Bejrut hija prijorità u trid tiġi żgurata; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Libaniżi jirrispettaw il-proċeduri ġudizzjarji u l-indipendenza tal-ġudikatura u jassistu kull sforz li jippermetti li dawk li huma responsabbli għad-deċiżjonijiet li wasslu għall-isplużjoni fil-port ta’ Bejrut jiġu investigati kif xieraq u jinżammu responsabbli; jitlob li ssir missjoni internazzjonali indipendenti ta’ ġbir ta’ informazzjoni fil-Libanu biex tiġi investigata l-isplużjoni ta’ Bejrut fil-qafas tan-NU; jinsisti li dawk li jinstabu direttament jew indirettament ħatja jeħtieġ li jinżammu responsabbli għall-ħajjiet mitlufa u għall-ħsara li saret lill-poplu Libaniż; jinsisti li l-port ta’ Bejrut huwa infrastruttura ewlenija għal-Libanu u jeħtieġ li jerġa’ jinbena; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jikkooperaw bis-sħiħ mal-Imħallef Bitar, li qed imexxi l-investigazzjoni dwar l-isplużjoni tal-port;
9. Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jassistu lill-familji tal-vittmi tal-ispjużjoni tal-port ta’ Bejrut fl-esplorazzjoni tal-possibbiltajiet li jippreżentaw kawżi fil-qrati nazzjonali barranin kif ukoll il-possibbiltajiet għall-prosekuzzjoni ta’ politiċi akkużati b’atroċitajiet taħt ġuriżdizzjoni universali; jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem joħroġ riżoluzzjoni li tistabbilixxi u tibgħat missjoni indipendenti u imparzjali ta’ ġbir ta’ informazzjoni sabiex jiġu ddeterminati l-fatti u ċ-ċirkostanzi tal-isplużjoni ta’ Bejrut, inklużi l-kawżi fundamentali, biex tiġi stabbilita l-ħtija tal-Istat u individwali u biex jiġu promossi l-ġustizzja u r-restituzzjoni għall-vittmi;
10. Jikkundanna b’qawwa l-kultura ta’ impunità li żviluppat fil-Libanu; jinsab imħasseb dwar it-tentattivi biex jiġu intimidati l-membri indipendenti tas-soċjetà ċivili permezz ta’ diversi mezzi; jinnota li l-vittmi u l-familji ma jistgħux jistennew aktar biex issir il-ġustizzja; jappella li tintemm minnufih il-kultura ta’ impunità li tipprevali fl-istituzzjonijiet Libaniżi u jħeġġeġ lill-awtoritajiet ineħħu l-ostakli kollha għall-investigazzjonijiet ġudizzjarji li għaddejjin, b’mod partikolari f’każijiet ta’ korruzzjoni;
11. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi soluzzjonijiet sostenibbli biex jiġu indirizzati l-insigurtà tal-ikel u l-kriżijiet tal-enerġija u l-ħtieġa li jiġi pprovdut appoġġ umanitarju dirett, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura; jitlob li l-appoġġ umanitarju tal-UE jkun akkumpanjat minn appoġġ għall-bdiewa u għall-ħaddiema agrikoli u forom oħra ta’ appoġġ għall-produzzjoni lokali tal-ikel, kif ukoll investiment fl-infrastruttura għall-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-pajjiż;
12. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar diversi każijiet ta’ ġestjoni ħażina u frodi relatati ma’ proġetti ffinanzjati mill-UE minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza u ta’ sorveljanza, kriterji ħżiena tal-għażla u tal-offerti u żamma mhux sodisfaċenti tar-rekords; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) jikkunsidraw il-każ tal-allegat użu ħażin tal-fondi tal-UE għall-faċilitajiet tal-immaniġġjar tal-iskart; jissottolinja li l-UE għandha żżomm sorveljanza l-proġetti u tipprovdi finanzjament f’pagamenti parzjali wara verifiki indipendenti għal kull fażi tal-proġetti rilevanti sabiex tikkumpensa għar-riskju għoli ta’ korruzzjoni tal-Libanu; jappella lill-UE u lis-sħab tagħha jippubblikaw id-dokumenti rilevanti kollha li jippermettu skrutinju indipendenti mis-soċjetà ċivili; jissottolinja li standards u prattiki tajba bħala dawn għandhom jiġu kondiviżi fost id-donaturi internazzjonali kollha li jfittxu li jgħinu lil-Libanu, bħal fil-każ tal-appoġġ tal-UE għall-ġestjoni tal-iskart solidu fil-Libanu; itenni t-talba tiegħu għall-Kummissjoni biex iżżid l-obbligu ta’ rendikont u l-monitoraġġ tal-proġetti ffinanzjati mill-UE fil-Libanu; jenfasizza li l-fondi tal-UE m'għandhomx jaslu għand Hezbollah;
13. Jisħaq li l-kundizzjonijiet ma humiex issodisfati għar-ritorn volontarju u dinjituż tar-rifuġjati f’żoni suxxettibbli għall-kunflitti fis-Sirja; ifakkar fil-vulnerabbiltà tal-popolazzjoni tar-rifuġjati fil-Libanu u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi pprovdut finanzjament adegwat, prevedibbli u b’diversi livelli lill-aġenziji li jaħdmu mar-rifuġjati sabiex jiġi żgurat il-forniment sħiħ ta’ servizzi essenzjali lill-komunitajiet tar-rifuġjati fil-pajjiż; jistieden lill-Kummissjoni taħdem biex ittejjeb is-sitwazzjoni umanitarja fis-Sirja sabiex tindirizza l-kawżi ewlenin tal-kriżi tar-rifuġjati; jenfasizza li r-ritorn tar-rifuġjati għandu jkun volontarju, dinjituż u sikur, skont kriterji internazzjonali; jitlob li tkompli tingħata għajnuna umanitarja lill-popolazzjoni Libaniża u lir-rifuġjati, b’kontrolli stretti; jistieden lil-Libanu jsir parti mill-Konvenzjoni tan-NU dwar ir-Rifuġjati tal-1951 u għall-protokoll tagħha tal-1967; jitlob li tinħoloq task force internazzjonali bil-parteċipazzjoni tal-UE, tan-NU u tal-awtoritajiet Libaniżi biex jindirizzaw il-kwistjoni tar-rifuġjati; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-eskalazzjoni tar-retorika kontra r-rifuġjati mill-partiti politiċi u l-ministri Libaniżi; iħeġġeġ lil-Libanu, fil-każ ta’ kwalunkwe azzjoni meħuda dwar il-migrazzjoni, biex iżomm lura mid-deportazzjoni u milli jimponi miżuri diskriminatorji u milli jinċita l-mibegħda kontra r-rifuġjati Sirjani; jistieden, f’dan ir-rigward, lill-UE u lill-Istati Membri jkomplu jipprovdu finanzjament lill-UNRWA u lir-rifuġjati Sirjani;
14. Jesprimi appoġġ għall-ħidma tal-UNIFIL tul il-fruntiera Libaniża-Iżraeljana u jikkundanna bil-qawwa l-attakki kollha fuq il-forzi taż-żamma tal-paċi tan-NU; jitlob, bħala kwistjoni ta’ urġenza, li dawk responsabbli jagħtu rendikont ta’ għemilhom;
15. Jistieden lill-UE żżid lill-Hezbollah b’mod sħiħ u lill-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika mal-lista tagħha ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi pprojbiti;
16. Jilqa’ l-iffirmar tal-ftehim dwar id-delineazzjoni tal-fruntiera marittima bejn il-Libanu u l-Iżrael u jħeġġeġ liż-żewġ pajjiżi jkomplu bl-impenn kostruttiv tagħhom;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija, lill-President tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tal-Libanu.