Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Lulju 2023 dwar l-istat tal-Ftehim ta’ Djalogu Politiku u ta’ Kooperazzjoni (PDCA) bejn l-UE u Kuba fid-dawl taż-żjara reċenti tar-Rappreżentant Għoli fil-gżira (2023/2744(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Kuba,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Djalogu Politiku u ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Kuba, min-naħa l-oħra(1) (PDCA), iffirmat f’Diċembru 2016 u applikat b’mod proviżorju mill-1 ta’ Novembru 2017,
– wara li kkunsidra l-eżiti tat-tielet Djalogu formali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem skont il-PDCA, li sar fis-26 ta’ Frar 2021,
– wara li kkunsidra r-riżultati tal-laqgħa tal-Kunsill Konġunt UE-Kuba li saret f’Havana tas-26 ta’ Mejju 2023 u d-dikjarazzjoni konġunta tal-istampa mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Viċi Ministru għall-Affarijiet Barranin ta’ Kuba wara dik il-laqgħa,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli f’isem l-UE fl-ewwel anniversarju tad-dimostrazzjonijiet ġewwa Kuba fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2021,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta’ Diċembru 1966 u trattati u strumenti internazzjonali oħra fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra tal-10 ta’ Diċembru 1984, li Kuba hija Stat Parti minnha,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni u l-Kodiċi Kriminali ta’ Kuba,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija għall-perjodu 2020-2024,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2506 (2023) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tat-22 ta’ Ġunju 2023 bit-titolu “Konsegwenzi politiċi tal-gwerra ta’ aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna”,
– wara li kkunsidra r-Rapport Nru 83/23 dwar il-Każ 14.196 tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) tad-9 ta’ Ġunju 2023 bit-titolu “Rapport dwar l-ammissibbiltà u l-merti (pubblikazzjoni) – Oswaldo José Payà Sardiñas et al. – Kuba”,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta’ Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja tas-6 ta’ Awwissu 2021,
– wara li kkunsidra d-definizzjoni ta’ “organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili” f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-dokument ARES (2021) 2474104 tal-Viċi Direttur Maniġerjali tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għall-Kontinent Amerikan,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra r-rapporti mill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem bħall-Human Rights Watch, il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u Prisoners Defenders,
– wara li kkunsidra l-Kapitolu IV.B dwar Kuba tar-rapport annwali 2020 tal-IACHR,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tar-Rapporteur Speċjali dwar il-forom kontemporanji ta’ skjavitù, inklużi l-kawżi u l-konsegwenzi tagħha, u r-Rapporteur Speċjali dwar it-traffikar tal-persuni, speċjalment tan-nisa u tat-tfal, tas-6 ta’ Novembru 2019 lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-servizzi mediċi Kubani,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-aħħar Rieżami Perjodiku Universali ta’ Kuba mill-2018 dwar is-servizzi mediċi Kubani,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2017(2), il-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu għall-PDCA, inklużi kundizzjonijiet ċari marbuta mat-titjib tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija f’Kuba fil-premessi H, I, J, L u T u l-paragrafi 7, 8, 9, 10 u 12 tiegħu; billi l-UE fakkret, matul it-tielet djalogu formali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ma’ Kuba fis-26 ta’ Frar 2021, il-ħtieġa li jiġu rrispettati l-obbligi internazzjonali tal-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi l-proċess ta’ ratifika tiegħu għadu ma tlestiex kompletament u l-ftehim japplika b’mod proviżorju;
B. billi kwalunkwe djalogu politiku jrid jinkludi parteċipazzjoni intensiva u diretta ta’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili indipendenti u tal-atturi politiċi kollha tal-oppożizzjoni, mingħajr restrizzjonijiet, kif enfasizzat fl-Artikolu 36 tal-PDCA; billi l-Parlament ripetutament ikkundanna ksur tad-drittijiet tal-bniedem f’Kuba, filwaqt li enfasizza l-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1(5), 2(c), 5, 22 u 43(2) tal-PDCA, li fihom il-Gvern ta’ Kuba impenja ruħu li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem;
C. billi l-Parlament fakkar ripetutament lis-SEAE li l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili indipendenti fid-djalogi politiċi u fil-proġetti ta’ kooperazzjoni tal-ftehim hija parti essenzjali tal-PDCA u li l-esklużjoni tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili indipendenti mill-fondi ta’ kooperazzjoni u/jew il-parteċipazzjoni fil-ftehim, filwaqt li, għall-kuntrarju, il-parteċipazzjoni u l-aċċess għall-fondi ta’ kooperazzjoni jiġu permessi biss lill-kumpaniji li fihom l-Istat jipparteċipa jew jikkontrolla, kif kien il-każ mill-iffirmar tal-ftehim, għandhom jiġu rimedjati minnufih;
D. billi l-PDCA jinkludi “klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem”, li hija element essenzjali standard tal-ftehimiet internazzjonali tal-UE, li jippermetti li l-PDCA jiġi sospiż f’każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem kif stabbilit fil-paragrafu 11 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-5 ta’ Lulju 2017 li tapprova l-PDCA;
E. billi l-approvazzjoni mill-Parlament tal-PDCA kienet marbuta mal-impenn mill-Kummissjoni u mis-SEAE li jiggarantixxu l-istabbiliment ta’ skambju regolari mal-Parlament dwar l-applikazzjoni tal-ftehim u dwar it-twettiq tal-obbligi reċiproċi li jinsabu fih, speċjalment dawk relatati mal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi l-Parlament talab ukoll li s-SEAE jagħmel dak kollu possibbli biex jissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali f’Kuba meta japplika l-PDCA;
F. billi r-reġim gradwalment impost fuq Kuba jeskludi kwalunkwe prospett għal bidliet demokratiċi, peress li l-Artikolu 5 tal-Kostituzzjoni ta’ Kuba jiddikjara li l-“Partit Komunista uniku, Martí, Fidelista u Marxist-Leninist ta’ Kuba” huwa l-forza politika superjuri u l-ħakkiem tas-soċjetà u tal-Istat, u peress li l-Artikoli 4 u 229 jistabbilixxu s-sistema politika attwali bħala irriversibbli;
G. billi l-Artikoli 72 sa 84 tal-Kodiċi Kriminali ta’ Kuba fihom id-definizzjoni ta’ “stat perikoluż” u “miżuri ta’ sigurtà prekriminali”, li għalihom eluf ta’ persuni qegħdin jiġu kkundannati għal bejn sena u erba’ snin ta’ priġunerija kull sena, mingħajr ma jkun hemm l-ebda reat li jista’ jiġi attribwit lilhom, u li għalihom aktar minn 8 000 persuna ġew mitfugħin il-ħabs u aktar minn 2 500 ġew ikkundannati għal xogħol furzat mingħajr detenzjoni;
H. billi l-UE toffri mudell soċjoekonomiku u soċjopolitiku bbażat fuq l-għan li s-soċjetà tkun demokratika u li jkun hemm sostenibbiltà ekonomika u soċjali; billi l-Parlament ripetutament appella għal riformi f’Kuba, li huma meħtieġa aktar minn qatt qabel meta jitqies il-kuntest tal-kriżijiet ekonomiċi, soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem li għaddejjin bħalissa;
I. billi l-Parlament ta l-Premju Sakharov tiegħu għal-Libertà tal-Ħsieb lil attivisti Kubani fi tliet okkażjonijiet: Oswaldo Payá fl-2002, in-Nisa Libsin l-Abjad fl-2005 u Guillermo Fariñas fl-2010; billi r-rebbieħa tal-Premju Sakharov u qrabathom għadhom qegħdin jiġu ffastidjati, intimidati b’mod regolari, u miżmuma milli jitilqu mill-pajjiż u jipparteċipaw f’avvenimenti internazzjonali;
J. billi r-Rapport tal-IACHR Nru 83/23 dwar il-Kawża 14.196 jikkonkludi li l-Istat ta’ Kuba huwa direttament responsabbli għall-imwiet ta’ Oswaldo Payá u Harold Cepero; billi r-rapport ifakkar ukoll li l-IACHR “identifikat li l-ksur tad-drittijiet għal-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni ġie istituzzjonalizzat ‘bħala politika tal-Istat ta’ Kuba biex jipprevjeni kwalunkwe pożizzjoni kritika li tmur kontra r-reġim jew għas-sitwazzjoni politika, tax-xogħol, edukattiva, eċċ.’”;
K. billi fl-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’Kuba fir-rapport annwali tagħha tal-2022, l-IACHR iddeċidiet li tinkorpora kapitolu speċjali dwar Kuba (il-Kapitolu IV.B), filwaqt li qieset li, fil-fehma tal-IACHR, is-sitwazzjoni fil-gżira tikkwalifika bħala ksur serju tal-elementi fundamentali u tal-istituzzjonijiet tad-demokrazija rappreżentattiva previsti fil-Karta Demokratika Inter-Amerikana; billi l-IACHR tqis li dawn l-elementi u l-istituzzjonijiet huma essenzjali għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-IACHR tirrikonoxxi li r-reġim Kuban wettaq ksur massiv, serju u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem iggarantiti fid-Dikjarazzjoni Amerikana tad-Drittijiet u d-Dmirijiet tal-Bniedem, fil-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u fi strumenti applikabbli oħra tad-drittijiet tal-bniedem;
L. billi ma sarx progress konkret f’Kuba fir-rigward tal-prinċipji u l-objettivi ġenerali segwiti mill-ftehim lejn it-titjib tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u, għall-kuntrarju, ir-reġim Kuban intensifika r-repressjoni u l-ksur tiegħu tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt tax-xogħol, inkluż għadd dejjem jikber ta’ priġunieri politiċi; billi l-PDCA ma laħaqx l-għan ewlieni tiegħu li jtejjeb il-libertajiet fundamentali f’Kuba;
M. billi r-reġim ta’ Kuba saħħaħ ir-relazzjoni tiegħu mar-reġim ta’ Putin mill-bidu tal-gwerra illegali, mhux ġustifikata u mhux ipprovokata ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; billi Kuba ma appoġġjat l-ebda riżoluzzjoni tan-NU rigward l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u faħħret l-annessjonijiet ta’ diversi provinċji Ukreni; billi l-awtoritajiet Belarussi u Kubani ħabbru li l-persunal militari tal-gżira se jirċievi taħriġ fil-Belarussja, l-aktar alleat involut fl-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, u li magħha Havana qiegħda ssaħħaħ ir-rabtiet politiċi u ekonomiċi tagħha; billi matul iż-żjara tiegħu f’Moska f’Ġunju 2023, il-Ministru għall-Forzi Armati Rivoluzzjonarji ta’ Kuba, Álvaro López Miera, iddikjara li l-espansjoni tan-NATO sal-fruntieri tar-Russja wasslet biex ir-Russja twettaq l-“operazzjoni militari speċjali” tagħha u li, f’dan il-kuntest, ir-Russja qiegħda taqdi rwol ewlieni fil-ġlieda kontra l-espansjoni tal-faxxiżmu fl-Ewropa;
N. billi, fir-riżoluzzjoni tagħha tat-22 ta’ Ġunju 2023, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tirrikonoxxi lil Kuba bħala alleat tar-reġim ta’ Putin u “tistieden lill-parlamenti tal-Istati membri tal-Kunsill tal-Ewropa jirtiraw mir-ratifika pendenti tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Kuba (PDCA)”;
O. billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem għadhom jiddokumentaw ir-repressjoni li għaddejja tad-drittijiet għal-libertà tal-espressjoni, l-assemblea paċifika u l-assoċjazzjoni fil-pajjiż u l-iskoraġġiment tal-awtoritajiet Kubani tal-ilħna li ma jaqblux u li jimmiraw id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; billi fil-31 ta’ Mejju 2023, kien hemm total ta’ 1 037 priġunier politiku u priġunieri ta’ kuxjenza f’Kuba, inklużi 35 minorenni;
P. billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’Kuba hija allarmanti, b’mod partikolari għad-dissidenti u l-popolazzjonijiet vulnerabbli, bħan-nisa, id-dixxendenti Afrikani u l-komunità LGBTIQ+; billi kien hemm żieda fil-każijiet ta’ femminiċidju f’Kuba;
Q. billi r-reġim Kuban iwaħħal fl-embargo tal-Istati Uniti għall-problemi ekonomiċi kollha fil-gżira, filwaqt li l-livelli ta’ faqar f’Kuba ma huma xejn aktar mir-riżultat tal-falliment totali tas-sistema ekonomika u produttiva tagħha; billi r-reġim Kuban juża s-sitwazzjoni ekonomika bħala skuża għall-abbużi tiegħu u bħala mod kif jinkiseb l-appoġġ ta’ gvernijiet barranin li altrimenti jkunu lesti li jikkundannaw il-prattiki repressivi tal-pajjiż b’aktar qawwa;
R. billi l-fastidju u r-repressjoni mwettqa mir-reġim Kuban ilhom ikkaratterizzati minn liġijiet restrittivi, sorveljanza kostanti, tattiċi ta’ ċensura u intimidazzjoni, b’makkinarju dejjem akbar għall-kontroll tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ għaqda paċifika, filwaqt li l-individwi li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ proċessi inġusti, detenzjoni arbitrarja u akkużi kriminali foloz u abbużivi; billi, skont ir-rapport tal-2021 tal-Kumitat tan-NU dwar l-Għajbien Furzat, Kuba kellha talbiet għal azzjoni aktar urġenti relatati mal-għajbien furzat minn kwalunkwe pajjiż ieħor fid-dinja fl-2021 u tinsab fit-tielet post għan-numru ġenerali ta’ talbiet bħal dawn mill-2012;
S. billi fil-11 ta’ Lulju 2021, saru l-akbar protesti f’Kuba sa mill-“Maleconazo” tal-1994; billi bosta dimostranti ġew detenuti f’Kuba mill-protesti ta’ Lulju 2021, inklużi ġurnalisti, bosta avversarji tal-gvern, attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, artisti u żgħażagħ;
T. billi l-awtoritajiet Kubani rrifjutaw li jippermettu lid-diplomatiċi tal-UE jew tal-Istati Membri, il-mezzi tal-midja internazzjonali jew l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem jimmonitorjaw il-proċessi ta’ dawk detenuti matul il-protesti tal-11 ta’ Lulju 2021; billi aktar minn 100 persuna ċivili Kubana li ħadu sehem fil-protesti tal-11 ta’ Lulju 2021, mhux relatati mas-servizz jew il-funzjoni militari, ġew ipproċessati minn tribunali militari, bi ksur tad-dritt internazzjonali, u ġew ikkundannati sentenzi li jvarjaw minn sentejn sa 22 sena ħabs;
U. billi dawk li qed jinżammu l-ħabs b’mod arbitrarju huma soġġetti għal iżolament kontinwu, inklużi perjodi f’ċelel tal-kastig, tortura krudili u trattament inuman mingħajr aċċess għall-avukati tagħhom jew trattament mediku xieraq, u b’hekk qed ipoġġu ħajjithom fil-periklu; billi wħud minnhom qed jinżammu detenuti f’ħabsijiet ’il bogħod minn djarhom, u dan jimpedixxi lill-familji tagħhom milli jżuruhom; billi ġie rrappurtat li aktar minn 1 000 priġunier politiku f’Kuba qed jiġu ttorturati, inklużi minorenni, żgħażagħ u nisa; billi l-organizzazzjoni Prisoners Defenders ddokumentat, f’rapport tat-30 ta’ Mejju 2023, 181 każ ta’ tortura sistematika fost il-priġunieri politiċi f’Kuba;
V. billi f’Ottubru 2020, il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja kkonkluda li d-detenzjonijiet arbitrarji li seħħew f’dawn l-aħħar deċennji f’Kuba mhumiex każijiet iżolati, iżda huma pjuttost parti minn “prattika sistematika ... li fiha ... l-awtoritajiet Kubani pparteċipaw għal deċennji”;
W. billi l-ittri mir-Rapporteur Speċjali dwar forom kontemporanji ta’ skjavitù, inklużi l-kawżi u l-konsegwenzi tiegħu u mir-Rapporteur Speċjali dwar it-traffikar ta’ bnedmin, speċjalment tan-nisa u t-tfal, tan-NU, tal-Human Rights Watch, tal-Fondazzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u ta’ organizzazzjonijiet oħra ddenunzjaw il-fatt li ċ-ċivili Kubani li jaħdmu barra mill-pajjiż huma soġġetti għal traffikar ta’ bnedmin permezz ta’ liġijiet u regolamenti koerċittivi b’mod inerenti ta’ libertajiet bażiċi espliċiti ħafna, bħall-Artikolu 176 tal-Kodiċi Penali dwar il-Liġi dwar il-Migrazzjoni, ir-Riżoluzzjoni Mincex 368 tal-2020, u oħrajn; billi l-Gvern Kuban jipprojbixxi lill-ħaddiema kklassifikati bħala dawk li jaħarbu minn pajjiżhom u li ma jixtiqux jirritornaw lejn Kuba għal tmien snin skont il-Liġi dwar il-Migrazzjoni u jikkategorizzahom bħala “emigranti”, fejn jitilfu l-protezzjonijiet u d-drittijiet kollha taċ-ċittadinanza u kwalunkwe proprjetà tagħhom, u ma jitħallewx iżuru lill-uliedhom jew lill-familja tagħhom f’Kuba;
X. billi José Daniel Ferrer jibqa’ l-ħabs biss minħabba t-twemmin tiegħu u l-eżerċizzju paċifiku tad-drittijiet tal-bniedem tiegħu; billi l-kundizzjoni tas-saħħa tiegħu hija prekarja; billi flimkien ma’ Luis Manuel Otero Alcántara u Maykel “Osorbo” Castillo Pérez, dawn huma biss diversi eżempji tal-mijiet ta’ Kubani li qed iħabbtu wiċċhom mal-inġustizzja u r-repressjoni imposti mill-gvern tagħhom stess; billi, fis-87, 88 u 89 sessjoni tiegħu, il-Grupp ta’ Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja ddeċieda fuq disa’ każijiet kontra Kuba, fosthom dawk ta’ Ferrer (parti mill-Grupp tal-75, arrestat għall-involviment tiegħu fil-protesti tal-11 ta’ Lulju 2021) u Aymara Nieto (membru tan-Nisa Libsin l-Abjad, inkarċerata għal aktar minn ħames snin mingħajr kawża);
Y. billi r-rebbieħ tal-Premju Sakharov Guillermo Fariñas beda strajk tal-ġuħ ġdid fis-26 ta’ Ġunju 2023 biex jagħmel kampanja għar-rilaxx mingħajr kundizzjoni tal-priġunieri politiċi kollha fil-gżira;
Z. billi l-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ), Josep Borrell, ivvjaġġa lejn Kuba fil-25 ta’ Mejju 2023 biex jirrappreżenta lill-UE fit-tielet laqgħa tal-Kunsill Konġunt; billi din iż-żjara rrappreżentat opportunità biex jerġa’ jinfetaħ id-djalogu politiku bejn l-UE u Kuba u biex is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’Kuba titqiegħed fil-qalba tad-diskussjoni; billi l-VP/RGħ naqas deliberatament milli jiltaqa’ ma’ organizzazzjonijiet kredibbli u indipendenti tas-soċjetà ċivili, kif ukoll ma’ priġunieri politiċi u/jew mal-qraba tagħhom;
AA. billi, matul iż-żjara tiegħu, il-VP/RGħ Borrell iddikjara pubblikament li l-UE “la għandha l-kapaċità u lanqas ir-rieda” li timponi bidliet politiċi fuq il-gżira;
AB. billi minkejja s-snin ta’ insistenza dwar il-ħtieġa li ssir żjara lill-gżira, l-awtoritajiet Kubani jirrifjutaw b’mod sistematiku li jippermettu lill-kumitati uffiċjali, lid-delegazzjonijiet u lil xi gruppi politiċi mill-Parlament Ewropew, l-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u osservaturi indipendenti oħra tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi r-rapporteurs speċjali tan-NU, jidħlu f’Kuba;
1. Ifakkar li l-PDCA jisħaq li “r-rispett għal u l-promozzjoni ta’ prinċipji demokratiċi, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fl-istrumenti internazzjonali ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom li huma applikabbli għall-Partijiet, u r-rispett għall-istat tad-dritt jikkostitwixxi element essenzjali ta’ dan il-Ftehim”, madankollu r-reġim ta’ Kuba kontinwament injora u kiser dawn il-prinċipji u d-drittijiet għal għexieren ta’ snin u dan il-ksur żdied fi żminijiet riċenti; jemmen li, minkejja ż-żmien li għadda mid-dħul fis-seħħ tal-PDCA, ma kien hemm l-ebda titjib fin-nuqqas ta’ demokrazija u libertajiet f’Kuba; jinnota li, għall-kuntrarju, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-gżira kompliet taggrava u kompliet tiddeterjora, bi ksur ċar u sistematiku tad-dispożizzjonijiet bażiċi tal-PDCA;
2. Jisħaq fuq l-obbligu għall-partijiet kollha li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet vinkolanti tal-PDCA u li jirrispettaw il-prinċipju tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem; juri dispjaċir għall-fatt li, minkejja l-adozzjoni tal-PDCA, is-sitwazzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem f’Kuba marret għall-agħar; ifakkar li l-PDCA fih “klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem” bħala element essenzjali standard tal-ftehimiet internazzjonali tal-UE, li tippermetti s-sospensjoni tal-ftehim f’każ ta’ ksur ta’ dispożizzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;
3. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem u l-abbużi kontra d-dimostranti, id-difensuri politiċi, il-mexxejja reliġjużi, l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u l-artisti indipendenti, fost l-oħrajn, imwettaq mir-reġim ta’ Kuba; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kubani jtemmu minnufih il-politika ta’ repressjoni; jikkundanna n-nuqqas ta’ libertà reliġjuża f’Kuba;
4. Jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta’ dawk kollha detenuti biss bħala riżultat tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom, inkluż id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda paċifika; jappella wkoll biex jitwaqqgħu akkużi kriminali abbużivi u li dawk fl-eżilju jitħallew jirritornaw f’pajjiżhom;
5. Jikkundanna l-użu tat-tortura u t-trattament ħażin mill-awtoritajiet Kubani; jappella għal investigazzjonijiet fil-pront u imparzjali u aċċess immedjat għall-kura medika tal-għażla tagħhom għad-detenuti, kif ukoll aċċess għall-familji tagħhom;
6. Itenni t-talbiet tiegħu għad-dritt ta’ proċess ġust u għall-indipendenza tal-ġudikatura, u biex persuni mċaħħda mil-libertà tagħhom ikunu garantiti aċċess għal avukat indipendenti;
7. Jitlob lill-Istat ta’ Kuba jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem u jiżgura d-dritt għal għaqda paċifika u l-libertà tal-espressjoni, mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq fehmiet politiċi; jitlob lill-awtoritajiet Kubani jtemmu minnufih iċ-ċensura estensiva tagħhom tal-midja u l-kontroll tagħhom tal-internet; jitlob li d-drittijiet tal-libertà tal-espressjoni, tal-istampa u tal-għaqda jiġu rispettati mill-awtoritajiet Kubani; jitlob lill-awtoritajiet Kubani biex jisimgħu l-ilħna taċ-ċittadini tagħhom u jinvolvu ruħhom fi djalogu nazzjonali inklużiv biex ikomplu l-proċessi ta’ modernizzazzjoni u demokratizzazzjoni tal-pajjiż;
8. Jenfasizza r-rwol ewlieni li għandhom is-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-mexxejja reliġjużi f’Kuba u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu appoġġ lill-vittmi kollha ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem u detenzjonijiet arbitrarji fil-pajjiż;
9. Itenni l-appoġġ sod u bla kundizzjoni tiegħu għall-poplu ta’ Kuba, għad-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem f’Kuba u għad-dedikazzjoni ta’ min ifaħħarha tagħhom għal-libertajiet li ġew miċħuda mir-reġim ta’ Kuba għal deċennji;
10. Jitlob li l-awtoritajiet Kubani jagħtu aċċess għal delegazzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-UE u tal-Istati Membri u għal organizzazzjonijiet indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem sabiex jissorveljaw il-proċessi u jżuru fil-ħabs lill-mijiet ta’ attivisti u lill-Kubani ordinarji li jibqgħu detenuti għall-eżerċitar tad-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda;
11. Jissottolinja li l-kriżi tad-drittijiet tal-bniedem ta’ Kuba trid tkun akkumpanjata minn rispons proporzjonali mill-UE u mill-Istati Membri sabiex jiġu indirizzati l-kamp ta’ applikazzjoni u s-severità tas-sitwazzjoni; itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri, lis-SEAE u lid-delegazzjoni tiegħu f’Kuba biex jikkundannaw bil-qawwa u pubblikament il-politika repressiva tar-reġim ta’ Kuba u jżidu l-appoġġ tagħhom għal soċjetà ċivili ġenwina u indipendenti, inklużi r-rebbieħa tal-Premju Sakharov;
12. Jiddeplora n-nuqqas tal-VP/RGħ li juża l-preżenza tiegħu fil-pajjiż biex jiltaqa’ ma’ rappreżentanti indipendenti tas-soċjetà ċivili, priġunieri politiċi jew il-qraba tagħhom, li jirrappreżenta opportunità mitlufa; juri dispjaċir kbir għall-fatt li l-VP/RGħ ħela ċ-ċans li jappoġġja d-demokrazija permezz tas-soċjetà ċivili Kubana u l-priġunieri politiċi u li jibgħat messaġġ ċar dwar it-tħassib tal-UE rigward il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem f’Kuba; juri dispjaċir għall-effett kontroproduttiv ta’ whitewashing tar-reġim ta’ Kuba, li għalih ikkontribwixxiet iż-żjara tiegħu; ifakkar li kwalunkwe djalogu bejn l-UE u s-soċjetà ċivili u l-opportunitajiet ta’ finanzjament ta’ Kuba jrid jinkludi biss organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili, mhux NGOs iffinanzjati u ttollerati mir-reġim, peress li l-appoġġ ta’ dan tal-aħħar fl-aħħar mill-aħħar huwa ekwivalenti għall-finanzjament tal-istess reġim li qed jillimita l-libertajiet fundamentali kollettivi tal-poplu ta’ Kuba; jiddeplora ħafna l-kumment tal-VP/RGħ Borrell, matul iż-żjara tiegħu f’Kuba, li l-UE “la għandha l-kapaċità u lanqas ir-rieda li timponi bidliet f’Kuba”, avolja wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-PDCA huwa li jtejjeb il-libertajiet fundamentali u l-istandards tal-għajxien għaċ-ċittadini Kubani;
13. Juri dispjaċir li, mill-iffirmar tal-PDCA, is-SEAE aċċetta d-deċiżjoni tar-reġim ta’ Kuba li jeskludi organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili milli jipparteċipaw fis-Seminars kollha tas-Soċjetà Ċivili tal-UE u Kuba bħala partijiet ikkonċernati fl-iżvilupp tad-djalogu skont il-ftehim(3), filwaqt li ċaħħduh minn parti essenzjali mill-iskop tiegħu u marru kontra r-rieda tal-Parlament Ewropew u tal-Istati Membri tal-UE li ffirmawh;
14. Itenni t-talba tiegħu biex l-UE tattwa l-Artikolu 85(3)(b) tal-PDCA biex titlob laqgħa immedjata tal-kumitat konġunt għal raġunijiet ta’ ksur tal-ftehim min-naħa tal-Gvern Kuban, li jikkostitwixxi “każ ta’ urġenza speċjali”, li jista’ jwassal għas-sospensjoni tal-ftehim, b’mod partikolari il-ksur kontinwu, gravi u materjali tal-prinċipji demokratiċi u n-nuqqas ta’ rispett għad-drittijiet umani bażiċi kollha u għad-drittijiet fundamentali, kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, li huma element essenzjali ta’ dan il-ftehim, kif minqux fl-Artikolu 1(5), u n-nuqqas li jiġi indirizzat dan il-ksur minkejja l-bosta appelli biex isir dan;
15. Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex japplika d-dispożizzjonijiet tar-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Att Magnitsky tal-UE) u jadotta sanzjonijiet kontra dawk responsabbli għall-ksur persistenti tad-drittijiet tal-bniedem f’Kuba, billi jibda s-sanzjonar ta’ Miguel Díaz-Canel, bħala l-aktar figura għolja fil-linja ta’ kmand tal-forzi tas-sigurtà Kubani, flimkien ma’ uffiċjali oħra ta’ grad għoli fi ħdan il-Gvern ta’ Kuba;
16. Jisħaq li s-summit li jmiss bejn l-UE u l-Komunità ta’ Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew jirrappreżenta opportunità biex jiġu rispettati l-prinċipji tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, u jitlob li l-parteċipanti kollha jirrispettaw dawn il-prinċipji; jirrimarka li dan mhux se jkun possibbli mingħajr l-inklużjoni tassew trasparenti, komprensiva u sinifikattiva tas-soċjetà ċivili indipendenti; iqis li r-reġimi awtokratiċi ma għandhomx jipparteċipaw f’tali summits fost pajjiżi li jikkondividu valuri demokratiċi u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem; jitlob lil dawk li jipparteċipaw fis-summit biex joħorġu dikjarazzjoni li titlob rispett xieraq għad-drittijiet tal-bniedem fiż-żewġ reġjuni, b’enfasi partikolari fuq in-nuqqas ta’ rispett għad-demokrazija u l-libertajiet fundamentali f’Kuba;
17. Jikkundanna l-appoġġ tar-reġim ta’ Kuba għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u d-difiża tiegħu tar-Russja u l-Belarussja; ifakkar fid-dikjarazzjonijiet tal-VP/RGħ li jindikaw li n-nuqqas ta’ appoġġ lill-Ukrajna kontra l-aggressjoni Russa kieku jkollu l-konsegwenzi, u jiddeplora l-fatt li dawn id-dikjarazzjonijiet urew li huma biss retorika u ma ġewx imqabbla ma’ implikazzjonijiet prattiċi;
18. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Poter Popolari ta’ Kuba, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-gvernijiet tal-membri tal-Komunità ta’ Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew.
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Djalogu Politiku u ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Kuba, min-naħa l-oħra (ĠU C 334, 19.9.2018, p. 99).