Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2023/2741(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0312/2023

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/07/2023 - 8.10

Testi adottati :

P9_TA(2023)0281

Testi adottati
PDF 129kWORD 47k
L-Erbgħa, 12 ta' Lulju 2023 - Strasburgu
It-twaqqif ta’ Korp tal-Etika tal-UE
P9_TA(2023)0281RC-B9-0312/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Lulju 2023 dwar it-twaqqif ta’ korp tal-etika tal-UE (2023/2741(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b’mod partikolari l-Artikoli 9, 10, 13, 15(3) u 17(3) tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b’mod partikolari l-Artikolu 298 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss 2019-2024, ippreżentati fis-16 ta’ Lulju 2019 minn Ursula von der Leyen fil-kapaċità tagħha ta’ kandidat għal President tal-Kummissjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Settembru 2021 dwar it-tisħiħ tat-trasparenza u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE billi jiġi stabbilit korp tal-etika indipendenti tal-UE(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar is-suspetti ta’ korruzzjoni mill-Qatar u l-ħtieġa usa’ ta’ trasparenza u responsabbiltà fl-istituzzjonijiet Ewropej(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2023 dwar it-twaqqif ta’ Korp tal-Etika indipendenti tal-UE(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2023 dwar is-segwitu mogħti lill-miżuri mitluba mill-Parlament biex tissaħħaħ l-integrità tal-istituzzjonijiet Ewropej(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Ġunju 2023 bit-titolu “Proposta għal korp interistituzzjonali tal-etika” (COM(2023)0311),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-indipendenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet pubbliċi u r-rappreżentanti eletti tagħhom, il-Kummissarji tal-UE u l-uffiċjali huma ta’ importanza fundamentali għat-trawwim tal-fiduċja taċ-ċittadini, li hija meħtieġa biex l-istituzzjonijiet demokratiċi jiffunzjonaw b’mod leġittimu;

B.  billi r-rivelazzjonijiet reċenti dwar korruzzjoni ġustament żiedu l-iskrutinju pubbliku u politiku tal-istandards u l-prattiki attwali fi ħdan il-Parlament u istituzzjonijiet oħra;

C.  billi l-qafas tal-etika attwali huwa frammentat madwar l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE, li għandhom regoli, proċessi u livelli differenti ta’ infurzar, u dan joħloq sistema kumplessa li diffiċli tiġi infurzata u qed idgħajjef il-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE;

D.  billi n-nuqqasijiet tal-qafas tal-etika attwali tal-UE jirriżultaw l-iktar mill-fatt li dan jiddependi minn approċċ awtoregolatorju u m’għandux biżżejjed riżorsi u kompetenzi biex jivverifika l-informazzjoni; billi l-ħolqien ta’ korp tal-etika indipendenti għandu jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-UE u l-leġittimità demokratika tagħhom;

E.  billi t-TUE u t-TFUE jistabbilixxu qafas ta’ governanza Ewropea bbażat fuq is-separazzjoni tas-setgħat, u jistabbilixxu drittijiet u obbligi distinti għal kull istituzzjoni;

F.  billi l-Parlament appoġġa b’mod wiesa’ proposta għat-twaqqif ta’ korp tal-etika indipendenti fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Settembru 2021;

G.  billi qatt ma ġiet imposta penali finanzjarja waħda għal ksur tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Membri; billi 26 tali ksur ġew dokumentati fir-rapporti annwali tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Kondotta tal-Membri;

H.  billi l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar reġistru obbligatorju ta’ trasparenza daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Mejju 2021; billi l-NGOs fiċ-ċentru tal-iskandlu Qatargate ma kinux reġistrati, iżda madankollu kellhom aċċess mingħajr xkiel għall-Parlament Ewropew; billi r-rivelazzjonijiet sussegwenti kixfu nuqqasijiet sinifikanti fis-sorveljanza u fir-responsabbiltà għall-partijiet ikkonċernati li jaġixxu f’isem pajjiżi mhux tal-UE jew b’finanzjament mingħand dawn il-pajjiżi;

1.  Jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni għall-istabbiliment ta’ korp interistituzzjonali tal-etika hija insodisfaċenti u mhux ambizzjuża biżżejjed, u għalhekk ma twassalx għal korp tal-etika indipendenti ġenwin kif previst fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-16 ta’ Settembru 2021 u kif imtenni fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2023;

2.  Jiddispjaċih dwar id-dewmien twil tal-Kummissjoni biex tippreżenta l-proposta minkejja l-impenn meħud mill-President tal-Kummissjoni fil-linji gwida politiċi tagħha meta ġiet eletta għall-ewwel darba;

3.  Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni biħsiebha tiffaċilita d-djalogu bejn l-istituzzjonijiet dwar l-istabbiliment tal-korp f’konformità mal-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea 2019-2024 sabiex tkun tista’ ssir investigazzjoni indipendenti dwar l-istandards u r-regoli attwali fl-istituzzjonijiet;

4.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kummissjoni pproponiet li ħames esperti indipendenti jkunu involuti biss bħala osservaturi u mhux bħala membri sħaħ; ifakkar li l-proposta tal-Parlament tal-2021 kienet tipprevedi korp ta’ disa’ persuni magħmul minn esperti tal-etika indipendenti, minflok membru wieħed minn kull istituzzjoni parteċipanti; itenni li l-membri tal-korp jeħtieġ li jkunu indipendenti, magħżula abbażi kemm tal-kompetenza, l-esperjenza u l-kwalitajiet professjonali tagħhom, kif ukoll tal-integrità personali tagħhom, ikollhom rekord impekkabbli ta’ mġiba etika u jipprovdu dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kunflitti ta’ interess;

5.  Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu li l-korp tal-etika għandu jkun jista’ jinvestiga mhux biss l-allegat ksur tar-regoli etiċi iżda wkoll il-ksur tar-regoli dwar il-kunflitti ta’ interess, il-fenomenu tar- “revolving doors”, il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni u każijiet oħra ta’ mġiba ħażina u jkollu s-setgħa li jitlob dokumenti amministrattivi, filwaqt li jirrispetta l-immunità tal-Membri u l-libertà tal-mandat tagħhom u jissalvagwardja l-garanziji proċedurali applikabbli; jipproponi li l-korp tal-etika jingħata s-setgħa li jittratta każijiet individwali fuq talba minn istituzzjoni parteċipanti jew fuq proposta ta’ membru wieħed jew aktar tal-korp, inklużi l-esperti indipendenti tiegħu;

6.  Jenfasizza li l-korp għandu jkun jista’ joħroġ rakkomandazzjonijiet għal sanzjonijiet lill-awtoritajiet responsabbli tal-istituzzjonijiet parteċipanti rispettivi; jipproponi li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu jsiru pubbliċi flimkien mad-deċiżjoni meħuda mill-istituzzjoni rispettiva jew wara skadenza;

7.  Jissuġġerixxi li l-esperti indipendenti jittrattaw każijiet individwali flimkien mal-membru tal-korp li jirrappreżenta l-istituzzjoni kkonċernata fil-każ individwali, li jkun jista’ jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-korp;

8.  Itenni li l-korp tal-etika għandu jkun jista’ jirċievi u jivvaluta dikjarazzjonijiet ta’ interess u ta’ assi minn istituzzjonijiet parteċipanti meta dan ikun applikabbli;

9.  Jissottolinja li dan il-korp għandu jkollu wkoll rwol preventiv billi joħloq sensibilizzazzjoni u jipprovdi gwida dwar kif jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess għall-membri tal-istituzzjonijiet parteċipanti; jinnota li l-kamp ta’ applikazzjoni u l-kompetenzi ta’ tali korp jeħtieġ li jkunu definiti b’mod ċar sabiex jiġu rrispettati kif xieraq l-awtonomija u d-differenzi istituzzjonali, kif ukoll il-funzjonijiet tal-membri tiegħu;

10.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni tkopri l-membri tal-istituzzjonijiet parteċipanti iżda ma tikkonċernax il-membri tal-persunal, li huma soġġetti għal obbligi komuni fir-Regolamenti tal-Persunal; itenni t-talba tiegħu biex il-membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet parteċipanti jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ħidma tal-korp tal-etika;

11.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-korp jipproteġi lill-informaturi, b’mod partikolari l-uffiċjali pubbliċi Ewropej, sabiex ikunu jistgħu jesprimu t-tħassib tagħhom dwar ksur possibbli tar-regoli mingħajr il-biża’ ta’ ritaljazzjoni;

12.  Jitlob aktar ambizzjoni fl-istrutturar tas-segretarjat tal-korp tal-etika billi jiġi allokat riżorsi suffiċjenti, sabiex b’hekk ikun jista’ jwettaq il-kompiti kollha tiegħu;

13.  Jenfasizza li l-korp tal-etika għandu jiżgura s-separazzjoni tas-setgħat u jevita d-duplikazzjoni tal-isforzi, u li l-mandat tiegħu għalhekk ma għandux jikkoinċidi ma’ dak tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi, tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, tal-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni u tal-pulizija nazzjonali, jew tal-Ombudsman Ewropew;

14.  Jirrakkomanda li l-proċeduri interni tal-Parlament dwar it-trattament tal-ksur tar-regoli, b’mod partikolari l-Kodiċi ta’ Kondotta, jissaħħu, li l-katalogu tas-sanzjonijiet jiġi definit b’mod aktar ċar u li l-Kumitat konsultattiv jiġi riformat strutturalment u li jinħarġu rapporti pubbliċi regolari dwar il-ħidma tiegħu; jissottolinja li l-Parlament bħalissa qed jirrieżamina l-qafas ta’ regoli istituzzjonali tiegħu u se jkun qed jieħu miżuri ta’ riforma konkreti biex iżid is-sempliċità, it-trasparenza u l-infurzar effettiv tagħhom;

15.  Jemmen li n-negozjati dwar it-trasparenza u l-etika jridu huma stess jitwettqu bi trasparenza eżemplari; jenfasizza li l-gruppi politiċi kollha għandhom ikunu rappreżentati fil-grupp ta’ kuntatt tal-Parlament li lilu se jkun qed jirrapporta t-tim tan-negozjati, kif normalment ikun il-każ;

16.  Jemmen li l-kumplessità tal-partijiet ikkonċernati involuti m’għandhiex tkun raġuni għal aktar dewmien fl-istabbiliment tal-korp tal-etika; jimpenja ruħu li jikkonkludi n-negozjati interistituzzjonali sa tmiem l-2023, sabiex il-korp tal-etika l-ġdid ikun jista’ jibda jopera sa mhux aktar tard mill-bidu tal-perjodu leġiżlattiv li jmiss; jimpenja ruħu wkoll li jidħol fin-negozjati interistituzzjonali abbażi tal-pożizzjoni espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Settembru 2021;

17.  Jisħaq li fil-każ tal-Qatargate, l-NGOs allegatament intużaw bħala vetturi ta’ ndħil barrani fid-demokrazija Ewropea; jitlob rieżami urġenti tar-regolamenti eżistenti bl-għan li jiżdiedu t-trasparenza u r-responsabbiltà tal-NGOs fl-interazzjonijiet tagħhom mal-Membri;

18.  Jitlob b’mod partikolari l-istabbiliment ta’ standards robusti dwar it-trasparenza u l-aċċess għall-istituzzjonijiet għall-entitajiet elenkati fir-Reġistru tat-Trasparenza, inklużi l-NGOs; itenni, f’dan il-kuntest, il-ħtieġa ta’ skrinjar finanzjarju preliminari komprensiv qabel ma dawn l-entitajiet jiġu elenkati fir-Reġistru tat-Trasparenza;

19.  Ifakkar li l-fenomenu ta’ “revolving doors” japplika wkoll għall-NGOs, u jitlob studju ulterjuri tal-kunflitti ta’ interess f’dan ir-rigward bħala kwistjoni ta’ urġenza; jisħaq li l-membri tal-korp tal-etika jeħtiġilhom, fiċ-ċirkostanzi kollha, jevitaw il-kunflitti ta’ interess u għalhekk jeħtiġilhom jastjenu mingħajr dewmien milli jaħdmu fuq fajls li għandhom x’jaqsmu mal-qasam ta’ ħidma tal-NGOs li jkunu rċevew remunerazzjoni mingħandhom;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-istituzzjonijiet l-oħra u lill-korpi konsultattivi elenkati fl-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(1) ĠU C 117, 11.3.2022, p. 159.
(2) ĠU C 177, 17.5.2023, p. 109.
(3) Testi adottati, P9_TA(2023)0055.
(4) Testi adottati, P9_TA(2023)0054.

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' Diċembru 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza