Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2022/2199(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0204/2023

Testi mressqa :

A9-0204/2023

Dibattiti :

PV 11/07/2023 - 18
CRE 11/07/2023 - 18

Votazzjonijiet :

PV 12/07/2023 - 8.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2023)0285

Testi adottati
PDF 191kWORD 67k
L-Erbgħa, 12 ta' Lulju 2023 - Strasburgu
Rapport tal-Kummissjoni tal-2022 dwar l-Albanija
P9_TA(2023)0285A9-0204/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Lulju 2023 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2022 dwar l-Albanija (2022/2199(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Albanija, min-naħa l-oħra(1),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta’ Ġunju 2003 u l-Aġenda ta’ Salonka għall-Balkani tal-Punent,

–  wara li kkunsidra l-applikazzjoni tal-Albanija biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea, imressqa fit-28 ta’ April 2009,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 bit-titolu “Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Albanija biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea” (COM(2010)0680),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-26 u s-27 ta’ Ġunju 2014, inkluża d-deċiżjoni li l-Albanija tingħata l-istatus ta’ kandidat għall-adeżjoni mal-UE,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Marzu 2020 biex jinbdew in-negozjati tal-adeżjoni mal-Albanija,

–  wara li kkunsidra l-eżiti tal-ewwel konferenza intergovernattiva mal-Albanija tad-19 ta’ Lulju 2022, b’mod partikolari l-bidu ta’ negozjati tal-adeżjoni mal-Albanija,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta’ Ġunju 2018 u tas-17 u t-18 ta’ Ottubru 2019,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2019, tal-25 ta’ Marzu 2020, tal-14 ta’ Diċembru 2021 u tat-13 ta’ Diċembru 2022 dwar it-tkabbir u l-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-eżiti tal-Proċess ta’ Berlin, li ġie varat fit-28 ta’ Awwissu 2014,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Frar 2020 bit-titolu “It-titjib tal-proċess tal-adeżjoni - Perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent” (COM(2020)0057),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2020 bit-titolu “Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent” (COM(2020)0641),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar is-Suq Reġjonali Komuni tad-9 ta’ Novembru 2020 u d-Dikjarazzjoni dwar l-Aġenda Ekoloġika għall-Balkani tal-Punent tas-Summit ta’ Sofija tal-10 ta’ Novembru 2020,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2020 bit-titolu “Guidelines for the Implementation of the Green Agenda for the Western Balkans” (Linji Gwida għall-Implimentazzjoni tal-Aġenda Ekoloġika għall-Balkani tal-Punent) (SWD(2020)0223),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-summits bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, li saru f’Sofija fis-17 ta’ Mejju 2018, f’Zagreb fis-6 ta’ Mejju 2020, f’Brdo pri Kranju fis-6 ta’ Ottubru 2021 u f’Tirana fis-6 ta’ Diċembru 2022,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1529 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Settembru 2021 li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III)(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ottubru 2022 bit-titolu “Komunikazzjoni tal-2022 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE” (COM(2022)0528),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ottubru 2022 bit-titolu “Albania 2022 Report” (Rapport 2022 dwar l-Albanija) (SWD(2022)0332),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kunsill tal-Ewropa ta’ Novembru 2021 bit-titolu “Beyond Definitions: a call for action against hate speech in Albania – a comprehensive study” (Lil hinn mid-definizzjonijiet: sejħa għal azzjoni kontra d-diskors ta’ mibegħda fl-Albanija – studju komprensiv),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja tal-14 ta’ Diċembru 2021 dwar l-estensjoni tal-mandat tal-korpi ta’ tranżizzjoni inkarigati mill-evalwazzjoni mill-ġdid tal-imħallfin u l-prosekuturi,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tas-26 ta’ Lulju 2021 tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSKE bit-titolu “Republic of Albania – Parliamentary Elections, 25 April 2021 – ODIHR Limited Election Observation Mission Final Report” (Repubblika tal-Albanija – Elezzjonijiet Parlamentari, 25 ta’ April 2021 – Rapport Finali tal-Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali Limitata tal-ODIHR),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni Konġunta tal-Kummissjoni ta’ Venezja u tal-OSKE/ODIHR tal-11 ta’ Diċembru 2020 dwar l-emendi tat-30 ta’ Lulju 2020 għall-Kostituzzjoni tal-Albanija u tal-5 ta’ Ottubru 2020 għall-Kodiċi Elettorali,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet l-oħra kollha tal-Kummissjoni ta’ Venezja dwar l-Albanija,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar is-Sigurtà tal-Enerġija u t-Tranżizzjoni Ekoloġika fil-Balkani tal-Punent u l-ftehimiet dwar il-libertà tal-moviment u r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u tal-edukazzjoni għolja tad-disa’ Summit tal-Proċess ta’ Berlin għall-Balkani tal-Punent tat-3 ta’ Novembru 2022,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 01/2022 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-10 ta’ Jannar 2022 bit-titolu “L-appoġġ mogħti mill-UE għall-istat tad-dritt fil-Balkani tal-Punent: Minkejja l-isforzi li saru, jippersistu problemi fundamentali”,

–  wara li kkunsidra l-arranġament ta’ ħidma tal-4 ta’ Lulju 2022 dwar il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tal-Albanija,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ April 2021 bit-titolu “L-Istrateġija tal-UE biex tiġi miġġielda l-Kriminalità Organizzata 2021-2025” (COM(2021)0170),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Lulju 2020 bit-titolu “Pjan ta’ azzjoni 2020-2025 tal-UE dwar it-traffikar tal-armi tan-nar” (COM(2020)0608),

–   wara li kkunsidra l-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni tal-2022 ta’ Transparency International, li jikklassifika l-Albanija fil-101 post minn total ta’ 180 pajjiż,

–   wara li kkunsidra l-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2022 ta’ Reporters Mingħajr Fruntieri li jikklassifika lill-Albanija fil-103 post minn total ta’ 180 pajjiż,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Ottubru 2019 dwar il-ftuħ ta’ negozjati tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta’ Fuq u mal-Albanija(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2021 dwar il-kooperazzjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fil-Balkani tal-Punent(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2022 dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni(5),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2022 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar l-istrateġija l-ġdida tal-UE għat-tkabbir(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Albanija,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-tieni Summit bejn il-Parlament Ewropew u l-iSpeakers tal-Balkani tal-Punent tat-28 ta’ Ġunju 2021,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0204/2023),

A.  billi t-tkabbir ibbażat fuq ir-regoli u l-valuri huwa storikament l-aktar strument effikaċi tal-politika barranija tal-UE filwaqt li jirrappreżenta investiment ġeostrateġiku fil-paċi, id-demokrazija, l-istabbiltà u s-sigurtà fit-tul fil-kontinent kollu;

B.  billi l-integrazzjoni Ewropea tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-valuri fundamentali tar-rispett għad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-libertà tal-espressjoni; billi iħeġġeġ li jkun hemm riformi fundamentali u jistimula t-tkabbir ekonomiku u l-kooperazzjoni reġjonali;

C.  billi dewmien ripetut fil-proċess ta’ adeżjoni jirriskja li jdgħajjef l-appoġġ taċ-ċittadini għall-adeżjoni mal-UE;

D.  billi kull pajjiż għandu jiġi evalwat fuq il-merti tiegħu stess u billi l-proċess ta’ adeżjoni bbażat fuq il-kundizjonalità m’għandux jintuża b’mod ħażin biex jissolva tilwim bilaterali;

E.  billi l-UE hija komunità ta’ diversità kulturali u lingwistika, ibbażata fuq is-solidarjetà u r-rispett reċiproku fost il-popli tagħha;

F.  billi l-indħil barrani malizzjuż dirett u bi prokura u d-diżinformazzjoni għandhom l-għan li jiżirgħu n-nuqqas ta’ qbil, jipprovokaw t-tensjonijiet u l-vjolenza, u jiddestabbilizzaw ir-reġjun kollu;

G.  billi l-futur tal-Albanija u ċ-ċittadini tagħha jinsab fi ħdan l-Unjoni Ewropea;

H.  billi l-prospett tas-sħubija tal-Albanija abbażi tal-mertu huwa fl-interess politiku, tas-sigurtà u dak ekonomiku tal-UE;

I.  billi l-UE tibqa’ impenjata bis-sħiħ li tappoġġa l-għażla strateġika tal-Albanija għas-sħubija fl-UE, li tirrappreżenta l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini Albaniżi lejn id-demokrazija u l-prosperità;

J.  billi l-Albanija hija sieħba affidabbli fil-qasam tal-politika barranija, inkluż permezz tal-involviment attiv tagħha fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u fin-NATO; billi l-pajjiż jibqa’ alleat ġeopolitiku importanti u sieħeb affidabbli, bis-saħħa tal-isforzi tiegħu biex javvanza l-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat;

K.  billi l-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna tenfasizza l-importanza kritika tat-tkabbir tal-UE biex jiġu żgurati s-sigurtà u l-istabbiltà fil-kontinent tagħna; billi dan jesponi l-ħtieġa li tiżdied ir-reżiljenza għall-gwerra ibrida u l-indħil barrani malizzjuż fil-proċessi demokratiċi, flimkien mal-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet taċ-ċibersigurtà u taċ-ċiberdifiża u li jiġu miġġielda l-ispjunaġġ u d-diżinformazzjoni;

L.  billi l-ambjent ġeopolitiku li qed jinbidel skatta momentum ġdid għat-tkabbir;

M.  billi l-Albanija għandha tibqa’ ffukata fuq l-aġenda ta’ riforma tal-UE;

N.  billi t-trasformazzjoni demokratika, l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u l-konformità mar-regoli, il-valuri u l-istandards tal-UE għandhom rwol ċentrali fil-proċess ta’ adeżjoni mal-UE u huma punt ta’ riferiment ewlieni għall-valutazzjoni tal-progress lejn l-adeżjoni mal-UE; billi kull pajjiż ta’ adeżjoni għandu juri riżultati robusti u irriversibbli fir-rigward tar-reżiljenza demokratika u t-trasformazzjoni soċjoekonomika tiegħu;

O.  billi l-protezzjoni u l-inklużjoni ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi u gruppi vulnerabbli huma kruċjali għall-Istati Membri tal-UE aspiranti;

P.  billi l-Albanija għad trid tallinja bis-sħiħ il-qafas elettorali tagħha mar-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR u tal-Kummissjoni ta’ Venezja;

Q.  billi relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat u kooperazzjoni reġjonali inklużiva huma indispensabbli għal integrazzjoni tal-UE b’suċċess;

R.  billi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-livelli għolja, l-indħil barrani malizzjuż, il-ħasil tal-flus u l-kriminalità organizzata hija kwistjoni ta’ sigurtà Ewropea; billi l-indirizzar ta’ dawn il-kwistjonijiet huwa kruċjali għall-progress tal-Albanija u ta’ pajjiżi oħra tat-tkabbir lejn l-adeżjoni mal-UE, peress li jissottolinja r-rabta bejn is-sigurtà interna u dik esterna;

S.  billi l-UE tibqa’ bil-bosta l-akbar sieħeb politiku, kummerċjali u ta’ investiment tal-Albanija u tal-Balkani tal-Punent kollha; billi l-UE hija l-akbar fornitur ta’ assistenza finanzjarja tar-reġjun; billi l-UE mmobilizzat appoġġ addizzjonali trasversali bla preċedent fid-dawl tal-pandemija u l-aggressjoni brutali tar-Russja kontra l-Ukrajna;

T.  billi l-Albanija kienet fil-mira qawwija tad-diżinformazzjoni Russa u attakki ibridi oħra; billi l-Albanija għandha ssaħħaħ il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika u ċ-ċibersigurtà tagħha, kif ukoll il-miżuri tagħha biex tindirizza d-diżinformazzjoni u t-tranżizzjoni tal-enerġija;

U.  billi l-kampanji ta’ miżinformazzjoni u ta’ diżinformazzjoni organizzati minn partijiet terzi għandhom l-għan li jmaqdru lill-UE u jippreżentawha bħala sieħeb mhux affidabbli;

V.  billi ċ-ċittadini Albaniżi gawdew minn vjaġġar mingħajr viża lejn iż-żona Schengen minn Diċembru 2010 u setgħu jipparteċipaw fi skambji ta’ studenti, akkademiċi u taż-żgħażagħ taħt il-programm Erasmus+ mill-2015 ’l hawn;

W.  billi l-bidu tan-negozjati ta’ adeżjoni huwa rikonoxximent ċar tal-progress tal-Albanija; billi dan jimmarka fażi ġdida fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Albanija u jitolbu impenn magħqud sabiex issir it-tħejjija għas-sħubija fl-UE;

Impenn għall-adeżjoni mal-UE

1.  Jilqa’ l-impenn sod, mingħajr xkiel u strateġiku tal-Albanija favur l-integrazzjoni fl-UE, li jirrifletti l-konsensus fost il-partiti politiċi u l-appoġġ prevalenti fost iċ-ċittadini;

2.  Ifaħħar is-solidarjetà, id-dedikazzjoni tagħha għal relazzjonijiet tajba ta’ viċinat, il-kooperazzjoni reġjonali, l-allinjament konsistenti u sħiħ mal-politika barranija u ta’ sigurtà tal-UE u l-promozzjoni tal-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, inkluż ir-rispons ċar tagħha għall-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, bl-adozzjoni tal-miżuri restrittivi tal-UE kontra r-Russja u l-Belarussja; ifaħħar l-impenn tal-Albanija favur il-multilateraliżmu fir-rwol tagħha bħala membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

3.  Jilqa’ l-bidu tan-negozjati tal-adeżjoni mal-Albanija; itenni li kull pajjiż tat-tkabbir għandu jiġi vvalutat fuq il-merti tiegħu stess u li l-pass tal-adeżjoni għandu jiġi ddeterminat mill-progress dwar il-funzjonament xieraq tal-istituzzjonijiet demokratiċi u għandu jkun ibbażat fuq l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u d-drittijiet fundamentali;

4.  Jilqa’ l-fatt li l-Gvern Albaniż żamm l-enfasi tiegħu fuq ir-riformi relatati mal-UE u saħħaħ l-istruttura ta’ koordinazzjoni tiegħu għall-integrazzjoni Ewropea u r-rwol tal-parlament tiegħu fil-proċess ta’ integrazzjoni tal-UE billi emenda l-leġiżlazzjoni rilevanti; jisħaq li l-gvern jeħtieġ li jkompli javvanza l-aġenda ta’ riforma tal-UE f’kooperazzjoni mal-oppożizzjoni u s-segmenti kollha tas-soċjetà, inkluż permezz tal-Kunsill Nazzjonali tal-Integrazzjoni Ewropea u l-Kunsill Nazzjonali għas-Soċjetà Ċivili;

5.   Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Gvern Albaniż u l-UE jsaħħu t-trasparenza, l-obbligu ta’ rendikont u l-inklużività tal-proċess ta’ adeżjoni, inkluża d-dimensjoni parlamentari tiegħu, billi jiżguraw il-parteċipazzjoni inklużiva u l-fiduċja taċ-ċittadini u billi jintegraw lis-soċjetà ċivili u lill-media fil-governanza demokratika u d-djalogu politiku; jissottolinja l-importanza tal-involviment effettiv tagħhom fil-proċess ta’ integrazzjoni tal-UE u mekkaniżmi konsultattivi oħra, bħala sħab leġittimi fil-proċess;

6.  Iħeġġeġ lill-Gvern Albaniż jintensifika l-isforzi tiegħu biex itejjeb il-funzjonament tal-istat tad-dritt u tal-ġudikatura, jindirizza l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, jiżgura l-libertà tal-media, jagħti s-setgħa lis-soċjetà ċivili, jiggarantixxi d-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-minoranzi, inkluża l-komunità LGBTIQ+, u jsaħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu mal-istituzzjonijiet tal-UE;

7.  Iħeġġeġ lil dawk li jfasslu l-politika jħaffu r-riformi li ppermettew l-ewwel konferenza intergovernattiva li kien ilha ħafna mistennija u li taw bidu b’suċċess għall-proċess ta’ skrinjar, u juru progress kostanti u viżibbli fil-garanzija tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, filwaqt li jiżguraw allinjament konsistenti mal-politiki tal-UE;

8.  Iħeġġeġ lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet biex jaħdmu b’mod konġunt biex jissodisfaw il-kriterji tas-sħubija sa mhux aktar tard mill-2030; ifakkar li, matul in-negozjati tal-adeżjoni, il-pajjiżi kandidati jridu jgħaddu minn trasformazzjonijiet sinifikanti sabiex jissodisfaw il-kriterji tas-sħubija;

9.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-dewmien mhux ġustifikat fil-proċess ta’ adeżjoni, li jdgħajjef il-kredibbiltà tal-UE, l-impenn tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-appoġġ pubbliku għas-sħubija fl-UE;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef l-appoġġ trasversali tagħha biex il-pajjiżi tat-tkabbir jinġiebu f’konformità mal-politiki tal-UE dwar l-ekonomija u s-suq uniku, l-enerġija u t-trasport, il-politika soċjali, l-edukazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, il-ġustizzja u l-affarijiet interni, il-protezzjoni ċivili, l-affarijiet barranin, u s-sigurtà u d-difiża, inkluża ċ-ċibersigurtà;

Demokrazija u stat tad-dritt

11.  Ifakkar li l-istat tad-dritt u l-integrità istituzzjonali huma s-sinsla tat-trasformazzjoni demokratika, ir-reżiljenza tas-soċjetà u l-koeżjoni soċjoekonomika;

12.  Ifaħħar il-progress u l-impenn tal-Albanija biex tlesti l-implimentazzjoni tar-riforma komprensiva tal-ġustizzja tagħha, li se ssaħħaħ l-indipendenza, it-trasparenza, l-effiċjenza, l-obbligu ta’ rendikont u l-fiduċja pubblika fis-sistema ġudizzjarja Albaniża;

13.  Iħeġġeġ lill-pajjiż jintensifika l-passi bl-għan li jiffinalizza l-proċess ta’ evalwazzjoni mill-ġdid (skrutinju) tal-imħallfin u l-prosekuturi u jtaffi l-effetti sekondarji tiegħu, jiġifieri billi jimla postijiet vakanti, inaqqas l-għadd ta’ kawżi pendenti fil-qrati u jtejjeb l-effiċjenza tal-qrati tiegħu, skont il-mappa ġudizzjarja l-ġdida, filwaqt li jiżgura aċċess universali għall-ġustizzja permezz ta’ miżuri trasversali u jqis il-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi tal-gruppi vulnerabbli;

14.  Jistieden lill-Gvern Albaniż itejjeb il-kapaċità operattiva tal-ġudikatura, inkluża l-Qorti Għolja, l-Ispettur Għoli tal-Ġustizzja u l-Iskola tal-Maġistrati, sabiex jissodisfa t-talba għal imħallfin kwalifikati biex jittrattaw il-każijiet pendenti sinifikanti; ifakkar fil-ħtieġa ta’ mekkaniżmi effettivi li jippermettu l-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni tal-korruzzjoni u kwalunkwe mġiba kriminali fil-ġudikatura permezz ta’ istituzzjonijiet ġudizzjarji u ta’ governanza responsabbli, indipendenti u li jiffunzjonaw bis-sħiħ;

15.  Jiddeplora l-konfrontazzjoni politika dejjiema, interuzzjonijiet u r-retorika xewwiexa minn politiċi u uffiċjali ta’ livell għoli, kif ukoll il-ksur tar-regoli ta’ proċedura parlamentari; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tnaqqis tal-lok għar-rwol ta’ sorveljanza parlamentari tal-oppożizzjoni, inkluż iċ-ċaħda tal-kumitati ta’ inkjesta parlamentari; jenfasizza responsabbiltà politika u soċjali konġunta għar-riformi; iħeġġeġ lill-atturi politiċi jżidu l-impenn tagħhom għad-djalogu u jsaħħu l-istituzzjonijiet u l-proċeduri demokratiċi permezz tal-involviment kostruttiv bejn u fi ħdan il-partijiet, ir-rispett reċiproku, il-konsultazzjonijiet inklużivi mas-soċjetà ċivili u t-teħid ta’ deċiżjonijiet trasparenti; jisħaq fuq l-importanza li tinbena kultura parlamentari kostruttiva billi jitrawwem kunsens fost l-atturi politiċi kollha u jiġu rrispettati d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-oppożizzjoni;

16.  Ifakkar fil-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ sorveljanza parlamentari u li jittejbu l-governanza u l-pluraliżmu, inkluż permezz ta’ aktar diġitalizzazzjoni u trasparenza;

17.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-partiti politiċi ewlenin naqsu milli jilħqu ftehim dwar ir-riforma elettorali; jistieden lill-awtoritajiet Albaniżi jimplimentaw b’mod urġenti l-bidliet pendenti fil-qafas elettorali u tal-finanzjament tal-partiti ferm qabel l-elezzjonijiet parlamentari tal-2025, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR u tal-Kummissjoni ta’ Venezja; jistieden lill-awtoritajiet jiggarantixxu l-libertà ta’ assoċjazzjoni, inkluż fil-partiti politiċi, u l-libertà li wieħed joħroġ għall-elezzjoni, anki għall-minoranzi kollha u għas-sezzjonijiet kollha tal-oppożizzjoni, mingħajr indħil statali jew indħil ieħor bla bżonn, billi jkomplu jtejbu l-aċċessibbiltà u l-integrità elettorali u billi jipprevjenu x-xiri tal-voti u l-użu ħażin tar-riżorsi amministrattivi, inkluż permezz tad-diġitalizzazzjoni, il-protezzjoni tad-data u l-aċċess ekwu għall-media, sabiex jiġi żgurat proċess elettorali ġust, miftuħ u trasparenti;

18.  Jinsisti fuq finanzjament adegwat u funzjonament effikaċi u imparzjali ta’ korpi u aġenziji indipendenti u fuq implimentazzjoni konsistenti tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom;

19.  Jinnota l-progress li għaddej u jistenna bil-ħerqa t-titjib sistematiku u riżultati konkreti fil-prevenzjoni, l-investigazzjoni proattiva u l-prosekuzzjoni tal-kawżi li jinvolvu l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, inklużi r-reati kriminali ambjentali, ċibernetiċi u ta’ traffikar u s-sentenzi finali mhux selettivi għal tali kawżi;

20.  Jilqa’ r-riżultati miksuba mill-Istruttura Speċjalizzata msaħħa Kontra l-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata (SPAK); iħeġġeġ lill-awtoritajiet Albaniżi jtejbu l-kooperazzjoni mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Investigazzjoni u l-kollaborazzjoni mal-UE u l-aġenziji tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u għall-eliminazzjoni tal-impunità;

21.  Jirrimarka li sforzi aktar strutturati u konsistenti, inklużi riżorsi, għodod u ħiliet adegwati, huma meħtieġa għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inkluż f’livell għoli; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-kultura tal-impunità;

22.  Jappella għal aktar progress fl-istabbiliment ta’ amministrazzjoni pubblika komprensiva, effiċjenti, ikkoordinata tajjeb u responsabbli; jappella għal monitoraġġ imtejjeb tal-assi tal-uffiċjali sabiex dan jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tal-korruzzjoni mill-oqsma kollha tal-ħajja pubblika;

23.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi stabbilit rekord sod f’każijiet ta’ korruzzjoni u li jitkomplew il-qbid, il-konfiska u l-irkupru ta’ assi kriminali li jirriżultaw minn reati ta’ korruzzjoni u kriminalità organizzata, inkluż permezz ta’ leġiżlazzjoni mmirata lejn il-ġid mhux ġustifikat, id-diġitalizzazzjoni tat-tranżazzjonijiet u l-iffriżar u l-konfiska estiżi ta’ assi illeċiti;

24.  Iħeġġeġ għal aktar riforma tal-pulizija biex jiġu żgurati l-integrità, il-professjonaliżmu u l-konformità sħiħa mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

25.  Jirrikonoxxi l-kontribut tas-soċjetà ċivili u tal-media fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jisħaq fuq l-importanza tal-involviment effettiv tagħhom fil-mekkaniżmi konsultattivi bħala sħab leġittimi fil-proċess;

26.  Jappoġġa t-tneħħija tad-dispożizzjonijiet tal-abbozz ta’ liġi dwar l-amnestija fiskali u kriminali u l-iskema proposta ta’ ċittadinanza b’investiment (“passaport tad-deheb”) li huma inkompatibbli man-normi u l-politika dwar il-viżi tal-UE u li jistgħu joħolqu riskji fir-rigward tas-sigurtà, il-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa, il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata; jinnota, f’dan ir-rigward, is-sospensjoni mħabbra tal-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment u l-intenzjoni tal-Gvern Albaniż li jfittex għarfien espert tal-UE dwar ir-reviżjoni tal-abbozz tal-liġi dwar l-amnestija fiskali u kriminali;

27.  Jistieden lill-awtoritajiet Albaniżi jiffukaw fuq l-immodernizzar tas-sistema fiskali u l-amministrazzjoni tat-taxxa, inklużi d-dikjarazzjoni u l-konformità tal-assi, it-tisħiħ tal-kontrolli kontra l-ħasil tal-flus u l-istabbiliment ta’ uffiċċju għall-irkupru tal-assi; jistieden lill-awtoritajiet iħarrku każijiet possibbli ta’ reati kriminali kontra l-baġit tal-UE skont l-arranġament ta’ ħidma dwar il-kooperazzjoni bejn l-UPPE u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tal-Albanija; jistieden lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent isaħħu l-kooperazzjoni ġudizzjarja mal-UE fil-qasam tal-kwistjonijiet kriminali skont l-arranġamenti ta’ ħidma mal-UPPE sabiex tiġi ffaċilitata l-investigazzjoni effettiva u l-prosekuzzjoni tal-użu ħażin tal-fondi tal-UE, inkluż billi jiġu mibgħuta uffiċjali nazzjonali ta’ kollegament mal-UPPE;

28.  Jisħaq fuq l-obbligu li l-awtoritajiet għandhom li jiżguraw it-trasparenza u l-kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku, il-kuntratti tal-gvern, il-privatizzazzjoni, l-għajnuna mill-Istat u l-proċeduri ta’ konċessjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu s-salvagwardji, it-trasparenza u l-kundizzjonalità fl-ambitu ta’ proċess strateġiku ta’ skrinjar tal-investiment barrani, u li ssir prosekuzzjoni tal-inċidenti korruzzjoni, frodi, abbuż tal-kariga u ħasil tal-flus, filwaqt li fl-istess ħin jiġu miġġielda l-evażjoni tat-taxxa, il-kostruzzjoni illegali u ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet; ifakkar li l-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti għal proġetti ta’ infrastruttura, inkluż fil-port ta’ Durrës u madwaru, iridu jikkonformaw mal-istandards tal-UE dwar l-akkwist pubbliku skont il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni;

29.  Iħeġġeġ u jfaħħar il-kooperazzjoni internazzjonali u jappella għal azzjoni kontinwa dwar iż-żarmar tan-networks tal-kriminalità transnazzjonali taħt kooperazzjoni msaħħa mal-aġenziji tal-ġustizzja u l-affarijiet interni tal-UE, bħall-Europol, l-Eurojust u l-Frontex, li tkopri azzjoni intensifikata kontra l-produzzjoni u t-traffikar organizzat tad-drogi, l-armi illegali u l-persuni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Albaniżi jsaħħu l-kapaċitajiet domestiċi operattivi u ta’ rkupru tal-assi; jisħaq li l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, it-traffikar tal-bnedmin u l-ħasil tal-flus għadhom oqsma li fihom huma meħtieġa riżultati addizzjonali;

30.  Jissottolinja l-kontribut kruċjali tal-Albanija għall-protezzjoni tal-fruntiera esterna tal-UE u l-prevenzjoni tal-kriminalità transfruntiera; jilqa’ l-investigazzjonijiet internazzjonali u l-operazzjonijiet Ewropej tal-pulizija li rnexxew biex jiġġieldu t-traffikar tal-bnedmin, in-narkotiċi, l-armi tan-nar, il-frodi online u t-theddid terroristiku;

31.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi miġġieled il-kummerċ illegali ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir, peress li l-Albanija għadha kemm pajjiż ta’ destinazzjoni kif ukoll pajjiż ta’ tranżitu f’dan ir-rigward;

32.  Iħeġġeġ lill-Albanija żżid l-isforzi biex tnaqqas it-talbiet għall-ażil bla bażi miċ-ċittadini tagħha u tkompli tallinja l-politika tagħha dwar il-viżi mal-lista tal-UE ta’ pajjiżi terzi li jeħtieġu viża;

33.  Jikkundanna l-indħil barrani malizzjuż u l-attakki ibridi, inklużi l-kampanji ta’ manipulazzjoni u d-diżinformazzjoni, l-inċitament għall-forom kollha ta’ radikalizzazzjoni u l-attakki ċibernetiċi kontra ċ-ċittadini Albaniżi u l-infrastruttura kritika, li għandhom l-għan li jiddestabilizzaw lill-pajjiż u li jiskreditaw lill-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jtejbu l-koordinazzjoni u jkomplu jassistu lill-awtoritajiet Albaniżi fit-tisħiħ konsiderevoli tar-reżiljenza tal-pajjiż kontra theddid bħal dan billi jsaħħu s-sigurtà diġitali, il-protezzjoni tad-data u l-kapaċitajiet taċ-ċiberdifiża, f’kooperazzjoni mill-qrib man-NATO; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi implimentata u infurzata b’mod effettiv l-istrateġija nazzjonali tagħha dwar iċ-ċibersigurtà;

34.  Jikkundanna l-użu mhux awtorizzat tad-data privata taċ-ċittadini, inkluż mill-partiti politiċi, u jistieden lill-awtoritajiet jieħdu miżuri urġenti biex jipprevjenu l-iżvelar tad-data u jħaffu l-allinjament mal-acquis tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data personali;

Libertajiet fundamentali u drittijiet tal-bniedem

35.  Jinnota l-passi legali li ttieħdu biex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi, u jappella li jittieħdu passi prattiċi sabiex tiġi żgurata l-inklużjoni tal-LGBTIQ+, ir-Rom, l-Eġizzjani u l-minoranzi etniċi u kulturali l-oħra kollha; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jindirizzaw id-diskriminazzjoni intersezzjonali li dawn il-gruppi jiffaċċjaw permezz ta’ approċċ istituzzjonali sistemiku fl-isferi kollha tal-ħajja soċjali, ekonomika u politika u jiżguraw investigazzjoni fil-pront dwar l-abbużi tad-drittijiet tagħhom;

36.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-arrest tas-sindku l-ġdid ta’ Chimara, Freddy Beleris, lejliet l-elezzjonijiet muniċipali f’Mejju, peress li dan kiser il-preżunzjoni tal-innoċenza u żamm lis-sindku elett milli jieħu l-kariga, peress li għadu l-ħabs sal-lum; jissottolinja li din il-kwistjoni hija marbuta mar-rispett ġenerali tad-drittijiet fundamentali, il-kwistjoni pendenti tal-proprjetajiet tal-membri tal-minoranza etnika Griega fiż-żona muniċipali u l-akkużi ta’ ndħil mill-Istat;

37.  Jistieden lill-awtoritajiet ikomplu jikkooperaw mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-komunitajiet Rom u lil dawk tal-Eġizzjani sabiex jiġu żgurati l-benesseri u l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà;

38.  Jistieden lill-awtoritajiet jinvolvu ruħhom fi djalogu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu biex jipproteġu d-drittijiet tal-komunità LGBTIQ+ u jiżguraw il-qafas legali u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni li tiggarantixxi l-inklużjoni u l-protezzjoni tal-membri tal-komunità;

39.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet iżidu l-ħidma tagħhom biex jiġġieldu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, iżidu l-protezzjoni tat-tfal, jadottaw u jimplimentaw leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-minoranzi, b’mod partikolari l-liġijiet sekondarji pendenti dwar l-awtoidentifikazzjoni tal-minoranzi nazzjonali u l-użu tal-lingwi minoritarji, u jwettqu ċensiment tal-popolazzjoni f’konformità sħiħa mal-istandards tal-UE; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu kkonsolidati d-drittijiet ta’ proprjetà u ta’ reġistrazzjoni tal-art u li jitlestew ir-restituzzjoni ta’ proprjetà esproprjata u l-kumpens għaliha;

40.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżguraw edukazzjoni inklużiva billi jieħdu miżuri immedjati biex itemmu u jipprevjenu s-segregazzjoni tat-tfal tal-iskola Rom u Eġizzjani, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-awtoritajiet jintensifikaw il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali online tat-tfal;

41.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Albaniżi jkomplu jżidu l-isforzi mmirati lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa, inkluż billi jagħtu prijorità lill-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, iżidu l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tan-nisa u jtejbu l-bilanċ bejn il-ġeneri fil-forza tax-xogħol;

42.  Jistieden lil-leġiżlaturi Albaniżi jieħdu passi biex jiżguraw ir-rappreżentanza adegwata tan-nisa fil-pożizzjonijiet kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jilqa’, f’dan l-isfond, l-ewwel kabinett b’maġġoranza femminili tal-gvern attwali; jistieden lill-awtoritajiet ikomplu jindirizzaw in-nuqqas ta’ implimentazzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema nisa, kif ukoll l-istereotipizzazzjoni tal-ġeneru, l-iżbilanċ bejn il-ġeneri u d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri fil-forza tax-xogħol; jindika differenzi sinifikanti bejn il-ġeneri, bħall-parteċipazzjoni aktar baxxa tan-nisa fis-suq tax-xogħol; jenfasizza l-ħtieġa li tintemm id-diskriminazzjoni fid-dispożizzjonijiet legali relatati mal-liv tal-maternità u li tittejjeb il-kapaċità tal-indukrar tat-tfal u tal-edukazzjoni preprimarja;

43.  Jirrikonoxxi l-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul; jilqa’ l-ewwel rapport tal-Albanija dwar il-kwistjoni u jistieden lill-awtoritajiet iżidu l-prevenzjoni tal-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru u l-femminiċidju u r-rispons għalihom, u jsaħħu l-appoġġ għas-superstiti; ifakkar fl-urġenza li jiżdiedu r-riżorsi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tan-nisa dwar id-drittijiet tagħhom, li tiżdied il-prevenzjoni u li jiġu pprovduti servizzi lis-superstiti tal-abbuż domestiku u online;

44.  Jilqa’ l-pjan ta’ azzjoni 2021–2027 għall-persuni LGBTI fl-Albanija u jitlob l-implimentazzjoni tiegħu; jilqa’ s-suċċess tal-ħdax-il avveniment Pride f’Tirana li sar fl-2022; jistieden lill-awtoritajiet jadottaw leġiżlazzjoni dwar ir-rikonoxximent tal-identità tal-ġeneru u l-unjonijiet u/jew iż-żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTIQ+ fir-rigward tal-aċċess għall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, il-ġustizzja, l-impjiegi u l-akkomodazzjoni; jiddeplora l-każijiet ta’ aggressjoni fiżika u diskors ta’ mibegħda kontra l-komunità LGBTIQ+;

45.  Jiddeplora in-nuqqas ta’ progress dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità; jitlob allinjament legali sħiħ mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità permezz tar-ratifika tal-Protokoll Fakultattiv tagħha; jappella għal finanzjament adegwat għall-pjan ta’ azzjoni nazzjonali 2021–2025 għall-persuni b’diżabilità;

46.  Jissottolinja l-importanza li jiġu indirizzati d-diskriminazzjoni u l-vjolenza, jitneħħew l-ostakli għall-inklużjoni soċjoekonomika, jiġu promossi l-impjiegi u tiġi żgurata votazzjoni aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità;

47.  Ifakkar fil-ħtieġa li jiġi żgurat b’mod effettiv u mhux selettiv id-dritt għal-libertà ta’ għaqda paċifika; jinnota l-importanza li jiġu indirizzati l-allegazzjonijiet ta’ mġiba ħażina tal-pulizija u l-użu sproporzjonat tal-forza, bl-għan li l-awturi jitressqu quddiem il-ġustizzja;

48.  Jinnota li huwa meħtieġ aktar progress biex jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni f’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura u t-Trattament u Pieni Inumani jew Degradanti;

49.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ progress fil-kisba tat-trasparenza istituzzjonali u s-sitwazzjoni li qed tiddeterjora tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-media; jisħaq fuq ir-rwol tal-Gvern u tal-mexxejja politiċi Albaniżi fil-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għall-kisba ta’ dawn il-libertajiet;

50.  Jikkundanna t-tentattivi biex jiġu skreditati l-ġurnalisti li jżommu arbitrarjament informazzjoni pubblika, bħal deċiżjonijiet li jiġu pprojbiti ġurnalisti milli jattendu konferenzi stampa tal-gvern, kif ukoll il-fatt li ma ġietx żgurata s-sikurezza tal-ġurnalisti u tal-istrumenti tal-media; jikkundanna l-vjolenza kollha kontrihom;

51.  Iħeġġeġ lill-Gvern Albaniż itejjeb l-aċċess għar-rappurtar u l-iskrutinju tal-ħidma tiegħu permezz ta’ mezzi formali, bħal konferenzi stampa u intervisti, u jiżgura l-aċċess ugwali, dirett u trasparenti tal-ġurnalisti għal sorsi uffiċjali;

52.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jieħdu azzjoni immedjata kontra l-indħil politiku u ekonomiku fil-media u jwaqqfu l-attakki verbali, il-kampanji ta’ malafama u l-intimidazzjoni kontra l-ġurnalisti, speċjalment dawk li jirrapportaw dwar kwistjonijiet tal-istat tad-dritt, peress li dan idgħajjef il-kwalità tal-ġurnaliżmu, l-indipendenza tal-media u l-kapaċità tal-ġurnalisti li jkopru kwistjonijiet ta’ interess pubbliku;

53.  Jistieden lill-awtoritajiet jadottaw qafas legali li jipproteġi lill-ġurnalisti, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lil partijiet ikkonċernati oħra minn kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPPs);

54.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-retorika xewwiexa li tippersisti, inkluż minn politiċi ta’ livell għoli, uffiċjali pubbliċi u personaġġi pubbliċi oħra; jappella għal investigazzjonijiet dwar l-attakki kollha kontra l-media kritika u li l-awtoritajiet iressqu lill-awturi tal-attakki kontra l-ġurnalisti quddiem il-ġustizzja;

55.  Jikkundanna kwalunkwe tentattiv regolatorju li jżid il-kontroll politiku fuq l-istituzzjonijiet tal-media; jilqa’, f’dan il-kuntest, l-irtirar tal-abbozz ta’ leġiżlazzjoni kontra l-malafama f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja;

56.  Iħeġġeġ lill-gvern Albaniż jiżgura l-indipendenza tax-xandar pubbliku u tar-regolatur tal-media u t-trasparenza tas-sjieda, il-finanzjament u r-reklamar pubbliku tal-media; jiddeplora l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-istrumenti tal-media Albaniżi għandhom nuqqas ta’ mudelli ta’ negozju sostenibbli u finanzjament trasparenti;

57.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet u lis-soċjetà ċivili jaħdmu flimkien sabiex jiġġieldu d-diżinformazzjoni u n-narrattivi manipulattivi billi jippromwovu l-litteriżmu medjatiku, joħolqu ambjent favorevoli għall-media indipendenti u jtejbu d-drittijiet tax-xogħol u soċjali tal-ġurnalisti;

58.  Japppella lill-UE tassisti fil-koordinazzjoni tal-isforzi reġjonali kontra d-diżinformazzjoni billi timmobilizza l-partijiet ikkonċernati rilevanti u ssaħħaħ id-djalogu, ir-riċerka u l-analiżi biex tipproduċi rispons ibbażat fuq l-evidenza għat-theddid ta’ diżinformazzjoni; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna iżid b’mod proattiv il-kredibbiltà tal-UE fir-reġjun u jespandi l-monitoraġġ StratCom biex jiffoka fuq theddid transfruntier ta’ diżinformazzjoni li joriġina mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-ġirien tagħhom;

59.  Jilqa’ l-ħidma tal-Alleanza għall-Media Etika fl-Albanija dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Etika għall-Ġurnalisti; jistieden lill-membri tal-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti Professjonali tal-Albanija jsegwu l-ogħla standards tal-industrija, b’mod partikolari billi jadottaw l-Journalism Trust Initiative stabbilita minn Reporters Mingħajr Fruntieri;

60.  Jissottolinja l-importanza ta’ qafas inklużiv għal involviment sinifikanti tas-soċjetà ċivili fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-proċess ta’ integrazzjoni tal-UE fil-livell tal-gvern nazzjonali u dak lokali, inkluż permezz tal-Kunsill Nazzjonali għas-Soċjetà Ċivili u s-Sħubija ta’ Gvern Miftuħ, u jistieden lill-Gvern Albaniż itejjeb l-effikaċja ta’ dawn il-pjattaformi; iħeġġeġ lill-atturi u lill-awtoritajiet politiċi kollha jieqfu jużaw u jikkundannaw id-diskors ta’ mibegħda, il-kampanji ta’ malafama u l-fastidju ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem indipendenti u jiżguraw li l-awturi jitressqu quddiem il-ġustizzja;

61.  Jappella li ssir reviżjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Organizzazzjonijiet Mingħajr Skop ta’ Qligħ (NPOs) li jdgħajfu l-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni; jinsab partikolarment imħasseb dwar il-multi sproporzjonati ħafna għall-ksur amministrattiv mill-NPOs; jilqa’ l-Kodiċi ta’ Standards awtoregolatorju għall-NPOs u jissuġġerixxi s-simplifikazzjoni tar-reġistrazzjoni elettronika tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

Kooperazzjoni reġjonali u relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat

62.  Jilqa’ d-djalogu kontinwu tal-Albanija għal relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat u kooperazzjoni reġjonali, li jibqgħu elementi essenzjali tal-proċess ta’ tkabbir, kif ukoll tal-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni. ifaħħar l-impenn kostruttiv tal-Albanija fl-inizjattivi ta’ kooperazzjoni reġjonali u transfruntiera inklużivi; jilqa’ l-ftehimiet tanġibbli milħuqa dwar il-moviment liberu u r-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki bħala parti mill-Proċess ta’ Berlin u jappella għall-implimentazzjoni malajr tagħhom; ifaħħar il-progress li ntlaħaq fil-kuntest tas-summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent f’Tirana, l-ewwel avveniment tat-tip tiegħu li sar fir-reġjun;

63.  Jisħaq fuq l-importanza li jsir użu sħiħ mill-inizjattivi reġjonali u intergovernattivi eżistenti, b’mod partikolari l-Inizjattiva Adrijatika-Jonika, l-Inizjattiva tal-Ewropa Ċentrali, l-istrateġija tal-UE għar-reġjun Adrijatiku-Joniku u l-Proċess ta’ Berlin, u li jinħolqu sinerġiji bejniethom;

64.  Ifaħħar lill-Albanija talli kellha rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-istabbiltà u l-kooperazzjoni fil-Balkani tal-Punent, inkluża l-parteċipazzjoni tagħha f’missjonijiet u operazzjonijiet immexxija mill-UE u min-NATO;

65.  Jilqa’ l-miżura ta’ appoġġ għat-Task Force Medika tal-Balkani li tammonta għal EUR 6 miljun fl-ambitu tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi, li takkwista t-tagħmir u l-provvisti meħtieġa għall-unitajiet mediċi tal-Forzi Armati tal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja;

66.  Ifakkar fil-ħtieġa li jitlesta għalkollox l-proċess tad-deklassifikazzjoni tal-fajls tal-era komunista u li dawn isiru aċċessibbli għar-riċerkaturi u għall-pubbliku ġenerali sabiex jiġu avvanzati l-ġustizzja u r-rikonċiljazzjoni, issir ġustizzja mal-vittmi u tipprovdi konsolazzjoni lis-superstiti u lill-familji tagħhom;

Riformi soċjoekonomiċi

67.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet ikomplu r-riformi strutturali f’konformità mal-programm ta’ riforma ekonomika 2023–2025 u jippermettu l-irkupru sostenibbli u t-tkabbir inklużiv permezz ta’ ġestjoni u governanza mtejba tal-finanzi pubbliċi, l-istat tad-dritt, id-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibbiltà, it-tnaqqis tal-esklużjoni soċjali, il-formalizzazzjoni tal-ekonomija, u servizzi mtejba tal-edukazzjoni u tas-saħħa; jappella għal aktar sforzi fit-titjib tal-ħiliet, it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-djalogu soċjali permezz ta’ djalogu sinifikanti u negozjar kollettiv;

68.  Jissottolinja l-importanza li ż-żgħażagħ jingħataw is-setgħa u li jitrawmu opportunitajiet għall-ġenerazzjonijiet żgħażagħ Albaniżi; jinnota l-abbozzar ta’ pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent; iħeġġeġ aktar investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, li jgħin biex jitreġġa’ lura l-eżodu ta’ mħuħ tar-riċerkaturi u ż-żgħażagħ;

69.  Jistieden lill-awtoritajiet inaqqsu r-riskju tal-esklużjoni soċjali u l-faqar billi jtejbu l-aċċess għas-servizzi soċjali, edukattivi u tal-kura tas-saħħa, b’mod partikolari għall-persuni mill-komunitajiet Rom, Eġizzjani u LGBTIQ+ u minoranzi u gruppi vulnerabbli oħra;

70.  Jissottolinja n-natura trasformattiva tal-assistenza sostanzjali tal-UE pprovduta taħt l-IPA III u l-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent; jinnota r-rwol tal-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent u l-proġetti ewlenin tiegħu; ifakkar li, f’konformità mal-kundizzjonalità tal-IPA III, il-finanzjament irid jitnaqqas jew jiġi sospiż f’każijiet ta’ rigress jew dewmien mhux ġustifikat fil-proċess ta’ riforma, b’mod partikolari fl-oqsma tad-demokrazija, id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt;

Enerġija, ambjent, żvilupp sostenibbli u konnettività

71.  Jilqa’ l-passi tal-Albanija biex tħaffef it-tranżizzjoni u d-diversifikazzjoni tal-enerġija lejn l-enerġija mir-riħ u mix-xemx u jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw l-użu sostenibbli tal-enerġija idroelettrika; ifaħħar, f’dan ir-rigward, l-użu rapidu tal-pakkett ta’ appoġġ għall-enerġija tal-UE għall-Balkani tal-Punent b’valur ta’ EUR 1 biljun, inkluż appoġġ baġitarju immedjat ta’ EUR 80 miljun lill-Albanija; jistieden lill-awtoritajiet jagħmlu l-aħjar użu minn din l-assistenza sabiex jibnu suq tal-enerġija reżiljenti u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent f’konformità mal-Aġenda Ekoloġika għall-Balkani tal-Punent;

72.  Ifakkar fl-importanza tal-investiment tal-UE fi proġetti bħall-impjant tal-enerġija solari Vau i Dejës, il-modernizzazzjoni tal-impjant idroelettriku ta’ Fierza, ir-rinnovazzjoni tal-kampus tal-Università ta’ Tirana u l-ferrovija l-ġdida Tirana-Durrës; iħeġġeġ lill-awtoritajiet iżidu l-isforzi fl-integrazzjoni tal-azzjoni ambjentali u klimatika fis-setturi tal-agrikoltura, tal-enerġija, tat-trasport u tal-industrija;

73.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-Presidenza fl-Uffiċċju tal-Komunità tal-Enerġija tal-Albanija biex tavvanza l-integrazzjoni tar-reġjun fis-suq tal-enerġija tal-UE; jilqa’ l-pjan tagħha li tiffranka l-enerġija, tipproduċi enerġija nadifa u tiddiversifika l-provvista tal-enerġija tagħha skont ir-REPowerEU u x-xiri konġunt tal-enerġija tagħha taħt il-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE;

74.  Jappella biex isir aktar progress fir-riforma tas-settur tal-elettriku u fl-iżgurar ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament sostenibbli għall-effiċjenza enerġetika;

75.  Jappella għal miżuri ppjanati bir-reqqa dwar il-bijodiversità, l-ilma, l-arja, il-klima, il-ġestjoni tal-iskart reġjonali, ir-riċiklaġġ u t-tniġġis industrijali;

76.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Albanija ttejjeb l-infrastruttura tagħha għall-ġestjoni tal-iskart, iżżid l-isforzi biex issaħħaħ ir-reżiljenza tal-pajjiż kontra l-impatti tat-tibdil fil-klima, inkluż billi taġġorna l-istrateġija nazzjonali dwar it-tibdil fil-klima u tintegra t-tibdil fil-klima fl-istrateġiji u l-pjanijiet settorjali;

77.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tniġġis bl-iskart tal-baħar fl-Albanija, li qed jaffettwa lill-pajjiżi ġirien, u jappella biex tittieħed azzjoni urġenti biex dan jiġi indirizzat;

78.  Iħeġġeġ lill-Gvern Albaniż iżid l-isforzi tiegħu biex itejjeb il-kwalità tal-arja u jnaqqas it-tniġġis tal-arja letali, b’mod partikolari fiż-żoni urbani;

79.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-istabbiliment tal-Park Nazzjonali tax-Xmara mhux mittiefsa Vjosa, l-ewwel park nazzjonali ta’ xmara mhux mittiefsa fl-Ewropa, u jfaħħar l-isforzi tas-soċjetà ċivili fit-tħejjija għall-istabbiliment tal-park; jistieden lill-awtoritajiet iqisu t-tħassib imqajjem mis-soċjetà ċivili dwar id-delineazzjoni tal-konfini tan-network għaż-żoni protetti;

80.  Iħeġġeġ lill-Gvern Albaniż jallinja malajr mal-acquis tal-UE dwar l-ilma, ilesti u jadotta l-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar, inaqqas it-tniġġis tal-ilma mormi u jieħu azzjoni biex jiżgura l-protezzjoni tal-għadira Ohrid billi jtemm ir-rilaxx tar-residwu mill-estrazzjoni; jistieden lill-Gvern Albaniż isaħħaħ l-isforzi tiegħu biex jipproteġi l-ambjent u l-bijodiversità tal-baħar tiegħu, inkluż billi jagħżel u jimmaniġġja b’mod effettiv iż-żoni tal-baħar protetti;

81.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żviluppata agrikoltura moderna, ekoloġika, u li ma tagħmilx ħsara lill-klima fuq skala żgħira u medja li tiżgura l-għajxien tal-bdiewa u l-protezzjoni tar-riżorsi naturali tal-Albanija kif ukoll tal-bijodiversità tagħha;

82.  Jappella għal titjib fit-trasparenza, it-twettiq, l-infurzar u l-monitoraġġ tal-valutazzjonijiet ambjentali u strateġiċi tal-impatt fuq l-ambjent, speċjalment fuq proġetti b’riperkussjonijiet ambjentali u soċjoekonomiċi kbar, bħall-proġett tal-impjant idroelettriku Skavica; jesprimi tħassib dwar l-impatt ekonomiku u ambjentali tal-proġetti ta’ żvilupp mhux kompetittivi b’finanzjament barrani;

83.  Jistieden lill-awtoritajiet jieħdu azzjoni urġenti biex jiġġieldu l-kriminalità ambjentali u jtejbu u jħaffu l-infurzar tal-politika u tal-liġi għall-protezzjoni tan-natura u l-bijodiversità, b’mod partikolari fir-rigward ta’ żoni protetti u speċi f’periklu kritiku, bħal-linċi tal-Balkani; jistieden lill-Gvern Albaniż jaħdem fuq leġiżlazzjoni dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-organiżmi selvaġġi u jinforza l-moratorju fuq il-qtugħ tas-siġar għall-injam;

84.  Iħeġġeġ lill-Gvern Albaniż iwaqqaf proġetti li jirriskjaw li jiksru n-normi nazzjonali u internazzjonali tal-protezzjoni tal-bijodiversità, bħall-Ajruport Internazzjonali ta’ Vlorë, u jwaqqaf l-iżvilupp tal-enerġija idroelettrika f’żoni protetti;

85.  Jilqa’ l-konformità sħiħa tal-Albanija mal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili u, b’riżultat ta’ dan, l-appoġġ miżjud sinifikanti tal-UE għat-tħejjija għal emerġenzi ċivili u rispons koordinat għall-kriżijiet wara t-terremoti, l-għargħar u n-nirien fil-foresti; iħeġġeġ lill-pajjiż ikompli jimmodernizza l-kapaċitajiet tiegħu ta’ maniġġar ta’ kriżijiet;

86.  Jappella għall-adozzjoni malajr tal-istrateġija nazzjonali tat-trasport, inkluż il-pjan ta’ azzjoni tagħha 2021-2025; itenni li huma meħtieġa sforzi sinifikanti għal trasformazzjoni strutturali tal-konnettività diġitali, tal-enerġija u tat-trasport;

87.  Itenni l-ħtieġa li jingħalqu l-lakuni fil-konnettività tat-trasport u li tiġi aġġornata l-infrastruttura pubblika fil-Balkani tal-Punent, bl-appoġġ tal-Istati Membri tal-UE u l-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent u f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi u l-għanijiet ta’ dekarbonizzazzjoni tal-UE; iħeġġeġ, f’dan ir-rigward, lill-awtoritajiet fil-pajjiżi Ewropej kollha jlestu proġetti infrastrutturali ewlenin, inklużi l-Kurituri Pan-Ewropej VIII u X;

88.  Jilqa’ t-tneħħija tal-ispejjeż tar-roaming fost il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-eliminazzjoni gradwali tat-tariffi tar-roaming bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, wara t-tnaqqis tagħhom mill-1 ta’ Ottubru 2023;

o
o   o

89.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Albanija.

(1) ĠU L 107, 28.4.2009, p. 166.
(2) ĠU L 330, 20.9.2021, p. 1.
(3) ĠU C 202, 28.5.2021, p. 86.
(4) ĠU C 251, 30.6.2022, p. 87.
(5) ĠU C 347, 9.9.2022, p. 61.
(6) ĠU C 167, 11.5.2023, p. 105.

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' Diċembru 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza