Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Lulju 2023 dwar il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment - rapport annwali 2022 (2023/2046(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapport ta’ attività tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) tat-2 ta’ Frar 2023 bit-titolu “Secure Europe” (Ewropa Sigura),
– wara li kkunsidra d-dokument tas-27 ta’ Jannar 2022 bit-titolu “EIB Group Operational Plan 2022-2024” (Pjan Operazzjonali tal-Grupp tal-BEI għall-2022-2024), u d-dokument tat-2 ta’ Frar 2023 bit-titolu “EIB Group Operational Plan 2023-2025” (Pjan Operazzjonali tal-Grupp tal-BEI għall-2023-2025),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-BEI dwar l-Investiment 2022/2023 bit-titolu “Resilience and Renewal in Europe” (Reżiljenza u Tiġdid fl-Ewropa), ippubblikat fit-28 ta’ Frar 2023,
– wara li kkunsidra l-“EIB Environment Framework” (il-Qafas Ambjentali tal-BEI) adottat fl-14 ta’ Novembru 2022,
– wara li kkunsidra r-rapport tat-2 ta’ Frar 2023 bit-titolu “Climate Action and environmental sustainable overview 2023” (Ħarsa ġenerali lejn l-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali 2023),
– wara li kkunsidra d-dokument tat-2 ta’ Frar 2022 bit-titolu “European Investment Bank Environmental and Social Standards” (Standards Ambjentali u Soċjali tal-Bank Ewropew tal-Investiment),
– wara li kkunsidra r-rapport tat-12 ta’ Lulju 2022 bit-titolu “Regional Cohesion in Europe 2021-2022 – Evidence from the EIB Investment Survey” (Il-Koeżjoni Reġjonali fl-Ewropa 2021-2022 – Evidenza mill-Istħarriġ dwar l-Investiment tal-BEI),
– wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali tal-Bank Klimatiku 2021-2025 mill-Bord tad-Diretturi tal-BEI fil-11 ta’ Novembru 2020,
– wara li kkunsidra l-Istħarriġ tal-BEI dwar il-Klima 2022-2023,
– wara li kkunsidra d-dokument tal-1 ta’ Frar 2023 bit-titolu “The EIB Group PATH Framework – Version 1.1 October 2022 – Supporting counterparties on their pathways to align with the Paris Agreement” (Il-Qafas PATH tal-Grupp tal-BEI – Verżjoni 1.1 ta’ Ottubru 2022 – Appoġġ lill-kontropartijiet dwar il-perkorsi tagħhom biex jallinjaw ruħhom mal-Ftehim ta’ Pariġi),
– wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tas-17 ta’ Marzu 2023 bit-titolu “Annual Report of the Procurement Complaints Activity and the Procurement Complaints Committee of the European Investment Bank 2022” (Rapport Annwali dwar l-Attività tal-Ilmenti dwar l-Akkwist Pubbliku u l-Kumitat tal-Ilmenti dwar l-Akkwist Pubbliku tal-Bank Ewropew tal-Investiment 2022),
– wara li kkunsidra d-dokument tal-10 ta’ Frar 2023 bit-titolu “EIB Global – partnership, people, impact” (BEI Globali – sħubija, persuni, impatt),
– wara li kkunsidra r-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Grupp tal-BEI tat-22 ta’ April 2022 bit-titolu “Rapid assessment of the EIB Group operational response to the COVID-19 crisis” (Valutazzjoni rapida tar-rispons operazzjonali tal-Grupp tal-BEI għall-kriżi tal-COVID-19),
– wara li kkunsidra n-nota tal-BEI tal-31 ta’ Mejju 2022 bit-titolu “Evaluation of EIB support for urban public transport in the European Union (2007-2019)” (Evalwazzjoni tal-appoġġ tal-BEI għat-trasport pubbliku urban fl-Unjoni Ewropea(2007-2019)),
– wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tas-6 ta’ Lulju 2022 bit-titolu “EIB Group Sustainability Report 2021” (Rapport tal-2021 tal-Grupp tal-BEI dwar is-Sostenibbiltà), u l-Qafas dwar is-Sostenibbiltà Ambjentali u Soċjali tal-Grupp BEI, adottat fit-2 ta’ Frar 2022,
– wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-21 ta’ Lulju 2022 bit-titolu “EIB Audit Committee Annual Reports for the year 2021” (Rapporti Annwali tal-Kumitat tal-Awditjar tal-BEI għas-sena 2021),
– wara li kkunsidra n-nota tal-BEI tat-30 ta’ Mejju 2022 bit-titolu “EIB evaluation of the EIB’s special activities” (Valutazzjoni tal-BEI tal-attivitajiet speċjali tal-BEI),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-BEI tas-27 ta’ Lulju 2022 bit-titolu “EIB Group activities in EU cohesion regions in 2021” (L-attivitajiet tal-Grupp tal-BEI fir-reġjuni ta’ koeżjoni tal-UE fl-2021),
– wara li kkunsidra r-rapport tat-8 ta’ Novembru 2022 bit-titolu “EIB Investment Survey 2022 – European Union overview” (Stħarriġ dwar l-Investiment tal-BEI – Ħarsa ġenerali tal-Unjoni Ewropea),
– wara li kkunsidra r-rapport tad-9 ta’ Diċembru 2022 bit-titolu “EIB Diversity and Inclusion – 2021 Progress Report” (Id-Diversità u l-Inklużjoni tal-BEI — Rapport ta’ Progress 2021),
– wara li kkunsidra d-dokument tal-BEI tat-2 ta’ Frar 2023 bit-titolu “Health Overview 2023” (Ħarsa Ġenerali lejn is-Saħħa 2023),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tat-18 ta’ Mejju 2022 dwar l-Analiżi tad-Diskrepanzi fl-Investiment fid-Difiża u l-Approċċ Futur (JOIN(2022)0024),
– wara li kkunsidra r-Rapport ta’ Attività ta’ Konformità tal-BEI 2021 tal-25 ta’ Awwissu 2022,
– wara li kkunsidra l-Politika ta’ Kontra l-Frodi tal-Grupp tal-BEI tal-5 ta’ Awwissu 2021,
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-2020 tal-Kumitat tal-Etika u l-Konformità tal-BEI, ippubblikat fit-8 ta’ April 2022, u r-regoli operazzjonali tiegħu adottati f’Jannar 2016,
– wara li kkunsidra l-kodiċijiet ta’ kondotta għall-persunal tal-Grupp tal-BEI, għall-membri tal-Kumitat tal-Awditjar tiegħu u għall-Kumitat ta’ Ġestjoni tiegħu, ippubblikati fit-3 ta’ Frar 2023,
– wara li kkunsidra r-Rapport ta’ Divulgazzjoni dwar il-Ġestjoni tar-Riskju 2021 tal-Grupp tal-BEI, ippubblikat fid-9 ta’ Awwissu 2022,
– wara li kkunsidra r-Regoli ta’ Proċedura tal-BEI,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Tripartitiku bejn il-Kummissjoni, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Bank Ewropew tal-Investiment (il-Ftehim Tripartitiku), li daħal fis-seħħ f’Novembru 2021,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-BEI dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Trasparenza tal-Grupp tal-BEI fl-2021, ippubblikat fis-7 ta’ Novembru 2022,
– wara li kkunsidra l-politika tal-Grupp tal-BEI dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta tal-24 ta’ Novembru 2021,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Marzu 2022 bit-titolu “REPowerEU: Azzjoni Ewropea Konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sikura u sostenibbli” (COM(2022)0108),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tal-15 ta’ Diċembru 2022,
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T‑299/20(1),
– wara li kkunsidra l-kummenti maħruġa mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem f’Awwissu 2021 dwar l-Abbozz ta’ Qafas għas-Sostenibbiltà Ambjentali u Soċjali (ESSF) tal-Grupp tal-BEI,
– wara li kkunsidra l-Każijiet 1065/2020/PB, 1251/2020/PB u 1252/2020/PB dwar il-BEI, li ġew deċiżi mill-Ombudsman Ewropew fil-21 ta’ April 2022, u l-Każ 1016/2021/KR, li ġie deċiż mill-Ombudsman Ewropew fis-27 ta’ Lulju 2022,
– wara li kkunsidra r-rapport ta’ spezzjoni tal-Ombudsman Ewropew tas-6 ta’ Diċembru 2022 fil-Każ OI/1/2021/KR dwar kif il-Kummissjoni tittratta l-isfida ta’ sitwazzjonijiet ta’ “revolving door” li jinvolvu l-(eks) membri tal-persunal tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0212/2023),
A. billi l-Grupp tal-BEI jikkonsisti mill-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) u huwa l-akbar istituzzjoni finanzjarja multilaterali fid-dinja, u l-kompitu ewlieni tiegħu huwa li jagħti spinta lill-potenzjal tal-Ewropa f’termini ta’ impjiegi u tkabbir; billi l-BEI huwa simultanjament wieħed mill-akbar fornituri ta’ finanzjament għall-klima, u jopera fis-swieq kapitali internazzjonali u joffri termini kompetittivi lill-klijenti u kundizzjonijiet favorevoli biex jappoġġja l-politiki u l-proġetti tal-UE;
B. billi l-BEI huwa marbut bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u billi l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem iridu jiġu integrati fil-proċeduri u l-istandards tiegħu fil-qasam tad-diliġenza dovuta, inklużi valutazzjonijiet ibbażati fuq it-tbassir li jkunu disponibbli għall-pubbliku; billi l-investiment tal-BEI għandu l-kapaċità li jappoġġja s-settur soċjali, inkluż fir-rigward tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-edukazzjoni u l-indirizzar tal-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali;
C. billi l-prijoritajiet ewlenin tal-BEI huma li jipprovdi finanzjament għal proġetti li jrawmu l-integrazzjoni Ewropea u jippromwovu u jappoġġjaw il-politiki tal-UE kemm fl-UE kif ukoll barra minnha, pereżempju permezz ta’ investimenti sostenibbli fil-klima u l-ambjent, l-iżvilupp, l-innovazzjoni u l-ħiliet, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), l-infrastruttura u l-koeżjoni;
D. billi l-BEI jaħdem mill-qrib ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE u ma’ banek promozzjonali nazzjonali u istituzzjonijiet tal-finanzi għall-iżvilupp (DFIs), f’koordinazzjoni mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), biex jilħaq il-miri tiegħu u biex jappoġġja l-politiki tal-UE f’aktar minn 140 pajjiż madwar id-dinja, permezz ta’ strumenti ta’ investiment dedikati bħal self, ekwitajiet, garanziji u faċilitajiet għall-kondiviżjoni tar-riskji, kif ukoll servizzi ta’ konsulenza;
E. billi l-BEI huwa marbut bit-trattat li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni, il-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-UE, l-iżvilupp reġjonali u l-iżvilupp ibbilanċjat u kostanti tas-suq intern, u li jindirizza l-inugwaljanzi billi jtejjeb il-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-impjiegi, l-opportunitajiet edukattivi, l-infrastrutturi u s-servizzi pubbliċi u li jipprovdi ambjent b’saħħtu u sostenibbli;
F. billi l-BEI għandu rwol ewlieni fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali u huwa impenjat li jallinja l-attivitajiet kollha tal-BEI mal-Ftehim ta’ Pariġi u li jżid il-finanzjament annwali għall-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali għal aktar minn 50 % tas-self totali sal-2025;
G. billi l-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta huwa parti mill-Pjan Direzzjonali tal-Bank Klimatiku tal-BEI;
H. billi l-BEI jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-għanijiet politiċi u ekonomiċi tal-UE u jappoġġja l-prijoritajiet ta’ azzjoni esterna tal-Unjoni fir-reġjuni kollha madwar id-dinja, inkluż f’pajjiżi politikament sensittivi fir-reġjuni tal-Viċinat tal-Lvant u tal-Mediterran, il-Balkani tal-Punent, il-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq;
I. billi l-BEI huwa l-akbar mutwanti multilaterali fir-reġjuni tal-viċinat tal-UE u jmexxi l-operazzjonijiet tiegħu barra mill-UE permezz tal-fergħa tiegħu tal-BEI Globali, b’network ta’ kważi 30 uffiċċju estern li jinsabu fl-Afrika, fl-Amerika Latina u fl-Asja;
J. billi l-BEI wettaq sforzi sinifikanti biex joffri appoġġ addizzjonali wara t-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, u stabbilixxa l-Fond ta’ Garanzija Pan-Ewropew biex jipprovdi kapital għall-SMEs;
K. billi, mill-kriżi finanzjarja globali, kien hemm diskrepanza persistenti fl-investiment produttiv ta’ 1,5 sa 2 punti perċentwali tal-PDG bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti, prinċipalment xprunata minn investiment akbar mill-Istati Uniti fil-makkinarju, it-tagħmir u l-innovazzjoni, b’mod partikolari fit-tagħmir tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (fis-settur tas-servizzi) u l-proprjetà intellettwali (fis-setturi pubbliċi u tad-difiża), u l-BEI huwa mistenni li jikkontribwixxi biex dik id-diskrepanza titnaqqas;
L. billi, fid-dawl tal-kriżi tal-enerġija, flimkien mal-konsegwenzi tal-pandemija u aspetti oħra tas-sitwazzjoni internazzjonali, irid jitnieda sett ta’ azzjonijiet iffukati fil-ħin biex jiżdiedu l-investimenti u biex l-ekonomiji jiġu protetti mill-effetti potenzjalment negattivi tal-issikkar monetarju;
M. billi għandha tingħata attenzjoni kontinwa lill-iżvilupp tal-aħjar prattiki relatati mal-politika tal-prestazzjoni u l-ġestjoni tal-BEI, kif ukoll lill-governanza tajba u t-trasparenza;
N. billi l-UE ma tistax taffordja li ddewwem l-azzjonijiet meħtieġa biex jiġu indirizzati l-isfidi strutturali u fit-tul, bħall-perċentwal dejjem jonqos tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol, it-tibdil fil-klima, id-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni;
O. billi l-mudell tan-negozju tal-BEI jitlob l-ogħla standards ta’ integrità, trasparenza, obbligu ta’ rendikont u governanza tajba, u jeħtieġ li jiġu adottati u aġġornati kontinwament miżuri adegwati biex jiġu miġġielda l-forom kollha ta’ frodi, ħasil tal-flus, finanzjament tat-terroriżmu u kriminalità organizzata u prattiki tat-taxxa dannużi b’mod effettiv u effiċjenti, kif ukoll biex jiġu indirizzati l-imġiba pprojbita identifikata fil-Politika tiegħu Kontra l-Frodi, li ġiet riveduta dan l-aħħar; billi l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) jistgħu jinvestigaw kwistjonijiet relatati mal-frodi, il-korruzzjoni u reati oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE fi ħdan il-BEI;
L-operazzjonijiet finanzjarji u l-prestazzjoni tal-BEI
1. Jirrimarka li fil-31 ta’ Diċembru 2022, it-total tal-karta tal-bilanċ tal-Grupp tal-BEI kien ta’ EUR 547,3 biljun, li juri tnaqqis ta’ EUR 20,7 biljun jew 3,6 % meta mqabbel mal-31 ta’ Diċembru 2021 meta din iċ-ċifra kienet ta’ EUR 568,0 biljun;
2. Jirrikonoxxi l-importanza tar-riżultati ewlenin miksuba mill-Grupp tal-BEI fl-2022, b’total ta’ EUR 72,5 biljun f’finanzjament (inklużi riżorsi proprji u ta’ partijiet terzi, meta mqabbla ma’ EUR 93,6 biljun fl-2021 u EUR 74,7 biljun fl-2020) li se jgħinu biex jiġu sfruttati madwar EUR 260 biljun f’investiment fl-ekonomija reali; josserva l-miri li qed jiżdiedu għall-2023 u l-2024 (EUR 80,4 biljun u EUR 82,2 biljun, rispettivament); jirrimarka li fl-2022, il-finanzjament tqassam fost il-prijoritajiet ewlenin kif ġej: EUR 17,93 biljun għall-innovazzjoni u l-kapital diġitali u uman, EUR 20,86 biljun għall-enerġija sostenibbli u r-riżorsi naturali, EUR 17,31 biljun għal bliet u reġjuni sostenibbli u EUR 16,35 biljun għall-SMEs u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja;
3. Josserva li fl-2022, il-livell ta’ prestazzjoni ġenerali tal-BEI baqa’ għoli u l-portafoll tas-self kompla jrendi tajjeb, u l-proporzjon ta’ self indebolit kien ta’ 0,4 % biss fi tmiem l-2022 (meta mqabbel ma’ 0,3 % u 0,4 % fi tmiem l-2021 u l-2020, rispettivament) u bi profitt nett irrapportat ta’ EUR 1,1 biljun fil-31 ta’ Diċembru 2022 (meta mqabbel ma’ EUR 2,5 biljun, EUR 1,7 biljun u EUR 2,4 biljun fl-2021, l-2020 u l-2019, rispettivament); jirrimarka li, minħabba li l-profitti jinżammu biex jappoġġjaw l-operazzjonijiet tal-BEI, il-profittabbiltà konsistenti tal-Bank wasslet għall-akkumulazzjoni ta’ riżervi konsiderevoli matul is-snin, li żiedet il-fondi proprji tal-BEI minn EUR 76,1 biljun fi tmiem l-2021 għal EUR 77,2 biljun fi tmiem l-2022;
4. Josserva li, abbażi ta’ mudell ekonomiku żviluppat b’mod konġunt mid-Dipartiment tal-Ekonomija tal-BEI u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni, l-appoġġ tal-Grupp tal-BEI se joħloq madwar 950 000 impjieg ġdid fl-UE-27 sal-2026 u se jkollu impatt fuq l-ekonomija tal-UE ekwivalenti għal +1,07 punti perċentwali tal-PDG;
5. Jilqa’ r-rwol konsultattiv tal-Bank, b’mod partikolari f’reġjuni li jikkombinaw il-produzzjoni intensiva fil-karbonju mal-fraġilità soċjoekonomika u li jappoġġjaw azzjonijiet ta’ adattament li jindirizzaw b’mod espliċitu l-ħtiġijiet tal-gruppi tal-popolazzjoni li huma l-aktar vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima;
6. Jinnota li, fl-2022, is-self il-ġdid tal-Bank ammonta għal EUR 65,15 biljun, li kien qrib ir-riżultati tas-snin preċedenti (EUR 65,4 biljun fl-2021, EUR 66,1 biljun fl-2020 u EUR 63,3 biljun fl-2019);
7. Jirrimarka li, fl-2022, l-akbar sehem ta’ finanzjament ġie allokat fl-Italja, fi Franza u fi Spanja;
8. Jinnota li, fl-2022, il-BEI ħareġ EUR 19,9 biljun f’Bonds għall-Kuxjenza dwar il-Klima u dwar is-Sostenibbiltà (CABs u SABs), u afferma mill-ġdid ir-rwol tiegħu bħala mexxej fis-swieq globali tal-bonds ekoloġiċi u ta’ sostenibbiltà wara li ħareġ l-ekwivalenti ta’ EUR 11,5 biljun u EUR 10,5 biljun fi prodotti ta’ dejn għas-sostenibbiltà fl-2021 u l-2020; josserva li l-BEI żied is-sehem tal-finanzjament għas-sostenibbiltà (minn CABs u SABs) fil-finanzjament totali tiegħu għal 45 % fl-2022, meta mqabbel ma’ 21 % u 15 % fl-2021 u l-2020;
9. Jifhem li mill-2021 sal-2027, il-garanzija ta’ EUR 26,2 biljun ta’ InvestEU, bi proviżjonament mill-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) u min-NextGenerationEU, mistennija timmobilizza aktar minn EUR 372 biljun f’investiment privat u pubbliku addizzjonali fl-Ewropa, prinċipalment għall-infrastruttura sostenibbli, ir-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, l-appoġġ għall-SMEs, l-investiment soċjali u l-ħiliet;
10. Jilqa’ l-iffirmar fis-7 ta’ Marzu 2022 tal-Ftehim InvestEU mal-Kummissjoni, li bih il-BEI u l-FEI saru l-ewwel sħab eżekuttivi li ffirmaw ftehim ta’ garanzija; ifakkar li l-programm InvestEU huwa s-suċċessur tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u huwa implimentat fl-ambitu tal-QFP 2021-2027 tal-UE u l-BEI huwa s-sieħeb ta’ implimentazzjoni ewlieni b’mod li l-BEI huwa responsabbli għall-ġestjoni ta’ 75 % tal-pakkett baġitarju ġenerali tal-mandat;
11. Jilqa’ l-approvazzjoni mill-Bord tad-Diretturi tal-Pjan Operazzjonali tal-Grupp tal-BEI 2023-2025, ippubblikat fit-2 ta’ Frar 2023, li jikkonferma l-allinjament tal-BEI mal-prijoritajiet politiċi tal-UE u l-impenn tiegħu li jżid l-ambizzjoni tiegħu għat-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika;
12. Jilqa’ l-introduzzjoni, mill-adozzjoni tal-Pjan Operazzjonali tal-Grupp tal-BEI 2022-2024, ta’ indikaturi tal-prestazzjoni b’valur miżjud għall-approvazzjonijiet ġodda, wara t-tnedija tal-qafas għall-kejl tal-addizzjonalità u tal-impatt (AIM) fl-2021; jifhem li l-operazzjonijiet tal-FEI mhumiex ikkunsidrati taħt il-qafas AIM, iżda jinnota li r-rekwiżiti ta’ addizzjonalità japplikaw għall-mandati ġestiti mill-FEI, inklużi l-InvestEU u l-prodotti ta’ garanzija tal-FEI;
13. Japprezza l-ħidma mwettqa mill-funzjoni ta’ Evalwazzjoni tal-Grupp tal-BEI, li tippromwovi l-obbligu ta’ rendikont permezz ta’ valutazzjonijiet ibbażati fuq l-evidenza tal-prestazzjoni u r-riżultati tal-Grupp u tikkontribwixxi għall-kondiviżjoni tal-għarfien, tinforma d-deċiżjonijiet tal-Grupp dwar politiki, strateġiji, prodotti, proġetti u kwistjonijiet organizzattivi, u ttejjeb il-prestazzjoni; jinnota l-evalwazzjonijiet dwar l-ekwità u s-semi-ekwità u dwar l-appoġġ għad-dejn, filwaqt li jindika li d-disponibbiltà ta’ tali finanzjament tindirizza l-lakuni rilevanti fis-suq u tagħti kontribut sinifikanti f’termini ta’ volumi, żvilupp tas-suq u l-aħjar prattiki; jissottolinja li l-għoti ta’ finanzjament stabbli u prevedibbli matul iċ-ċiklu ekonomiku kollu għandu effett kostanti fuq is-suq, inkluż fi żminijiet ta’ kriżi;
14. Jifhem li fl-2022 ingħataw aktar minn EUR 1 biljun ta’ appoġġ tal-BEI lis-settur ajruspazjali u liċ-ċibersigurtà, u dan kien ogħla mill-objettiv; jemmen li l-BEI għandu rwol strateġiku fl-appoġġ tal-finanzjament tad-difiża tal-Ewropa f’setturi b’użu doppju; jieħu nota li l-inizjattiva strateġika l-ġdida tal-BEI dwar is-sigurtà Ewropea se tagħmel disponibbli sa EUR 6 biljun ta’ finanzjament sal-2027; jilqa’ l-fatt li l-BEI huwa mistenni li jkompli jsaħħaħ is-sħubijiet istituzzjonali mal-Kummissjoni (b’mod partikolari d-Direttorat Ġenerali għall-Industrija tad-Difiża u l-Ispazju), l-Aġenzija tal-UE għall-Programm Spazjali, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u n-NATO;
15. Jinnota li, fl-isfond tal-isfidi maħluqa mill-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 u mill-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, id-distakk bejn l-Istati Membri f’termini tas-sitwazzjonijiet u l-kapaċitajiet ekonomiċi tagħhom kiber; jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat li r-reġjuni u l-pajjiżi l-aktar milquta jaġġustaw għaċ-ċirkostanzi l-ġodda sabiex ħadd ma jitħalla jibqa’ lura;
16. Jistieden lill-Bank ikompli jaqdi rwol ewlieni fl-indirizzar tad-diskrepanzi fl-investiment f’setturi bħall-akkomodazzjoni soċjali, l-utilitajiet żgħar, it-trasport pubbliku, it-trasport sostenibbli, l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità, u l-edukazzjoni, filwaqt li jiżgura l-addizzjonalità u l-komplementarjetà ma’ fondi pubbliċi oħra u ma’ selliefa kummerċjali;
17. Jirrimarka li l-investimenti fl-SMEs, fl-edukazzjoni, fir-riċerka u fl-iżvilupp, fl-amministrazzjoni effiċjenti u fl-infrastruttura lokali huma fost l-aktar modi effettivi għall-promozzjoni tat-tkabbir;
18. Jistieden lill-BEI jżid il-finanzjament sabiex jagħti spinta lit-tranżizzjoni teknoloġika, jipprovdi fondi lill-SMEs għar-riċerka u l-innovazzjoni fit-tul, jappoġġja l-iżvilupp ta’ ħiliet adattati għall-ħtiġijiet reali tas-suq tax-xogħol, u jippromwovi l-investiment fil-ħiliet diġitali tal-impjegati u tal-intraprendituri, l-infrastruttura diġitali u l-bini tal-kapaċitajiet għad-diġitalizzazzjoni;
19. Jilqa’ l-klassifikazzjoni AAA bi prospettiva “stabbli” tal-BEI mogħtija mit-tliet aġenziji ewlenin tal-klassifikazzjoni tal-kreditu (Fitch, Moody’s, u S&P); itenni li l-klassifikazzjoni AAA tal-Bank hija meħtieġa biex jiġu żgurati sorsi xierqa tas-suq ta’ finanzjament b’rati preferenzjali u li din trid tiġi ppreservata;
L-appoġġ tal-BEI f’oqsma tal-politika ewlenin – il-koeżjoni, l-infrastruttura, id-diġitalizzazzjoni, l-SMEs, l-innovazzjoni u l-ħiliet
20. Jinnota li skont il-politika ta’ koeżjoni attwali tal-UE għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, il-kontribut tal-Grupp tal-BEI għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali qed ikompli jgħin lill-pajjiżi u r-reġjuni madwar l-UE fejn l-iżvilupp mhuwiex uniformi; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fil-kuntest tal-kriżijiet li għaddejjin minnhom il-pajjiżi tal-UE, il-konsegwenzi ekonomiċi żiedu d-disparitajiet kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll internament fir-reġjuni fi ħdanhom, li jagħmilha saħansitra aktar importanti li jiġi żgurat li r-reġjuni u l-pajjiżi l-aktar milquta jkunu jistgħu jaġġustaw għaċ-ċirkostanzi l-ġodda sabiex ħadd ma jitħalla jibqa’ lura; jilqa’ d-deċiżjoni tal-Bank li jibda jsegwi, mill-2023, l-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni tas-self lil reġjuni inqas żviluppati, li l-mira għalih hija ta’ 21 % fl-2023, u bil-għan li jilħaq 23 % tal-finanzjament totali tal-UE sal-2025; itenni t-talba tiegħu għal distribuzzjoni ġeografika ġusta u trasparenti tal-proġetti u l-investiment, b’enfasi fuq ir-reġjuni inqas żviluppati, speċjalment fis-settur tas-saħħa, fl-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-infrastruttura, bil-għan li jiġu promossi t-tkabbir inklużiv u l-konverġenza u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; jinnota, f’dan il-kuntest, li d-dokument ta’ Orjentazzjoni dwar il-Koeżjoni tal-BEI għall-2021-2027 iżid il-finanzjament relatat mal-koeżjoni tal-Grupp tal-BEI għal madwar 40 % tal-finanzjament intra-UE għall-2022 (li jiżdied għal 45 % sal-2025), li minnu 20 % tal-fondi għandhom jiġu allokati għal reġjuni inqas żviluppati; huwa konxju li, fil-promozzjoni tal-inklużjoni u l-iżvilupp soċjali, l-opportunitajiet indaqs u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, il-Grupp jappoġġja l-politiki soċjali rilevanti tal-UE u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jinnota li kważi nofs is-self tal-BEI fl-UE fl-2022 (46 %) ġie ffirmat għal proġetti f’reġjuni ta’ koeżjoni, li fuqhom huwa bbażat l-appoġġ tal-Bank għal tkabbir ekwu u konverġenza madwar l-UE; jitlob lill-BEI jkun aktar attiv fl-indirizzar tan-nuqqasijiet rikorrenti li jipprevjenu lil ċerti reġjuni jew pajjiżi milli jibbenefikaw bis-sħiħ mill-attivitajiet finanzjarji tal-BEI;
21. Jemmen li l-innovazzjoni hija mutur tal-kompetittività, tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali, u li għad hemm distakk strutturali sinifikanti fl-investiment tal-UE fl-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni; iħeġġeġ lill-BEI jappoġġja t-trasformazzjoni diġitali, jirrispetta l-awtonomija strateġika fil-qasam diġitali u jippromwovi proġetti ta’ infrastruttura diġitali, li għandhom jiġu integrati fi standards u protokolli li jappoġġjaw is-sigurtà u r-reżiljenza tan-network, l-interoperabbiltà u internet miftuħ, plurali u sigur; jistieden lill-Bank irawwem l-awtonomija tal-Ewropa f’teknoloġiji ewlenin u jappoġġja t-trasformazzjoni teknoloġika tal-kumpaniji Ewropej, li se jkollu effett pożittiv kbir fuq l-impjiegi filwaqt li jaċċellera d-diġitalizzazzjoni; jistieden lill-Bank, barra minn hekk, jappoġġja t-tisħiħ tal-kapaċitajiet taċ-ċibersigurtà fl-UE, sabiex l-Ewropa ssir aktar reżiljenti u reattiva fid-dawl tat-theddid ċibernetiku, filwaqt li jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni eżistenti u jiġu protetti l-entitajiet kritiċi u s-servizzi essenzjali, bħall-isptarijiet u l-utilitajiet pubbliċi;
22. Huwa konxju li l-azzjonijiet tal-BEI jgħaqqdu l-klima, l-innovazzjoni u l-iżvilupp u jirrikonoxxi lill-innovazzjoni u t-teknoloġija bħalal l-faċilitaturi ewlenin tat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’emissjonijiet żero netti; jemmen li, biex jintlaħqu l-miri klimatiċi u diġitali ambizzjużi, il-BEI għandu jżomm l-istrateġija tiegħu li jappoġġja attivitajiet immexxija mill-għarfien u b’riskju ogħla li jiġġeneraw addizzjonalità akbar, u li t-teħid ta’ riskji ogħla permezz ta’ “attivitajiet speċjali” se jkompli jippermetti lill-Bank jilħaq klijenti u setturi ġodda, u jiżviluppa prodotti li jirrispondu għall-bidla fid-dinamika tas-suq u għall-ħtiġijiet tas-suq li qed jevolvu;
23. Jirrimarka li l-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta huwa parti ewlenija tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u li dan jindirizza l-effetti soċjali u ekonomiċi tal-mixja lejn in-newtralità klimatika; jinnota li l-kontribut tal-Grupp tal-BEI għall-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta jipprovdi pont importanti bejn iż-żewġ objettivi ta’ politika trasversali ewlenin tal-Grupp tal-azzjoni klimatika u l-koeżjoni; jenfasizza r-rwol li l-BEI huwa mitlub jaqdi fl-appoġġ tal-ekonomija tal-UE permezz tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta; jissottolinja li l-BEI jappoġġja t-tliet pilastri tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta; jifhem li, għat-tliet pilastri, l-attività tal-BEI hija mmexxija mid-domanda; jilqa’ l-ftehim iffirmat f’Settembru 2022 bejn il-Kummissjoni u l-BEI dwar il-faċilità ta’ self għas-settur pubbliku, it-tielet pilastru tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta, li se jiffinanzja investimenti pubbliċi b’valur ta’ EUR 10 biljun f’self tal-BEI fir-reġjuni l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika tal-UE; jistieden lill-BEI jipprovdi lill-benefiċjarji potenzjali miż-żoni l-aktar milquta appoġġ konsultattiv biex iħejju u jimplimentaw il-proġetti;
24. Jenfasizza l-importanza tal-SMEs għall-ekonomija Ewropea u jirrimarka li t-23 miljun SME fl-Unjoni jammontaw għal 99 % tan-negozji kollha u aktar minn nofs il-PDG tal-Ewropa, u għandhom rwol ewlieni fiż-żieda tal-valur fis-setturi kollha tal-ekonomija u jipprovdu madwar żewġ terzi tal-impjiegi kollha; jemmen li l-SMEs għandhom rwol ewlieni fit-tranżizzjoni inklużiva lejn in-newtralità klimatika, it-trasformazzjoni diġitali tal-industriji Ewropej u l-kompetittività tal-intraprendituri tal-UE; jinnota l-ħtieġa li jiġi evitat kwalunkwe rekwiżit ġdid eċċessiv li joħloq aktar burokrazija għall-SMEs;
25. Jilqa’ l-fatt li fl-2022 il-BEI pprovda finanzjament li jammonta għal investiment totali ta’ EUR 16,35 biljun għall-SMEs u għall-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja. jirrimarka li fl-2022 l-appoġġ finanzjarju tal-Grupp tal-BEI laħaq lil madwar 430 000 SME u kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja, li pprovdew 5,3 miljun impjieg;
26. Jenfasizza r-rwol tal-Fond Ewropew ta’ Garanzija (FEG) fl-appoġġ għall-kumpaniji, prinċipalment l-SMEs Ewropej, u jinnota li, sal-31 ta’ Diċembru 2022, il-korpi governattivi tal-BEI kienu approvaw proġetti li kienu jiswew total ta’ EUR 23,54 biljun (meta mqabbel ma’ EUR 23,2 biljun fl-2021), li minnhom EUR 11,07 biljun kienu finanzjament mill-BEI u EUR 12,47 biljun kienu finanzjament mill-FEI; u li l-firem li rriżultaw kienu laħqu EUR 20,9 biljun fl-aħħar tal-2022 (EUR 10,3 biljun mill-BEI u EUR 10,6 biljun mill-FEI); jirrimarka li dan l-intervent huwa mistenni li jimmobilizza investiment totali ta’ EUR 187,3 biljun (meta mqabbel ma’ total ta’ EUR 174,4 biljun fil-31 ta’ Diċembru 2021); huwa konxju tan-natura temporanja ta’ dan l-istrument u li l-perjodu ta’ allokazzjoni għall-prodotti tal-FEG ġie estiż biss sal-31 ta’ Diċembru 2022, fil-kuntest tal-miżuri biex jiġi appoġġjat l-irkupru tal-Unjoni wara l-pandemija tal-COVID-19, u jfaħħar il-puntwalità tal-FEG biex jgħin biex jittaffa l-impatt ekonomiku tal-pandemija fuq in-negozji; jinnota t-tħassib espress dwar in-nuqqas ta’ trasparenza dwar l-implimentazzjoni tal-FEG (b’mod partikolari, il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-pubblikazzjoni f’waqtha tal-proġetti ffinanzjati u l-identifikazzjoni tar-riċevituri finali); jilqa’ l-fatt li fil-programm ta’ ħidma tad-Diviżjoni tal-Evalwazzjoni tal-BEI għall-2024 ġiet inkluża evalwazzjoni tal-FEG, u jistenna li din tipprovdi analiżi eżawrjenti tal-valur miżjud effettiv u l-impatt tal-implimentazzjoni tal-FEG;
27. Jemmen li l-indirizzar tad-diskrepanzi strutturali kbar fl-investiment tal-UE jirrikjedi li jingħelbu l-ostakli għall-investiment kemm finanzjarju kif ukoll mhux finanzjarju u l-mobilizzazzjoni u l-koordinazzjoni fuq skala kbira tar-riżorsi u l-kapaċitajiet, flimkien mal-bini tal-kapaċità teknika u amministrattiva u t-tnaqqis fl-ostakli regolatorji; jitlob li jissaħħu l-assistenza teknika għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-għarfien finanzjarju espert tagħhom, speċjalment fir-reġjuni li fihom il-kapaċitajiet ta’ investiment huma baxxi, qabel l-approvazzjoni tal-proġetti, b’mod li jitjieb l-aċċess għall-finanzjament mill-BEI;
28. Jirrikonoxxi li l-immirar u l-implimentazzjoni ta’ investimenti trasformattivi permezz ta’ fondi mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jirrikjedu t-titjib tal-kapaċità teknika u amministrattiva; josserva li l-analiżi operazzjonali tal-BEI identifikat il-frammentazzjoni tas-suq tul il-fruntieri nazzjonali, ir-regolamentazzjoni frammentata, il-kapaċità limitata tal-promoturi tas-settur pubbliku u r-restrizzjonijiet baġitarji nazzjonali bħala kwistjonijiet ewlenin li jżommu lura l-proġetti ta’ investiment; jistieden lill-Grupp tal-BEI jappoġġja t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva billi juża l-esperjenza operazzjonali tiegħu;
29. Jistieden lill-Grupp tal-BEI jikkontribwixxi biex jipprovdi ċarezza u jippreserva inċentivi biex javvanza t-trasformazzjoni tal-Ewropa, itejjeb l-effett katalitiku tal-investiment pubbliku biex jattira l-investiment mis-settur privat, jiffaċilita l-aċċess għal strumenti finanzjarji li jassorbu r-riskju biex jgħin jipproteġi l-investiment strateġiku mis-settur privat, inaqqas l-ostakli amministrattivi bla bżonn u jindirizza n-nuqqas ta’ ħiliet tekniċi, b’mod partikolari għall-kumpaniji u l-muniċipalitajiet fir-reġjuni ta’ koeżjoni u għal objettivi ekoloġiċi u diġitali aktar kumplessi;
30. Jissottolinja li l-bdiewa tal-UE jiffaċċjaw sfidi dejjem akbar, bħall-ħtieġa li jadattaw għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, kif ukoll it-tfixkil ikkawżat mill-effetti tal-kriżi tal-enerġija, l-inflazzjoni li qed tiżdied u l-gwerra fl-Ukrajna; jissottolinja li s-setturi tal-agrikoltura, tal-forestrija u tas-sajd huma atturi fundamentali għat-tkabbir u l-iżvilupp fiż-żoni rurali; jistieden lill-BEI jipprovdi assistenza aħjar biex jappoġġja dawn is-setturi importanti;
31. Itenni t-talba tiegħu lill-BEI biex iwettaq diliġenza dovuta fil-fażi preparatorja tal-proġetti kollha sabiex jinkludi kunsiderazzjoni bir-reqqa u rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-komunitajiet indiġeni, u jiżviluppa strateġija ċara dwar id-drittijiet tal-bniedem li tinkludi valutazzjonijiet tal-impatt u riskji għad-drittijiet tal-bniedem;
Il-BEI, il-klima u l-ambjent
32. Isostni li l-flussi finanzjarji kollha tal-BEI għandhom ikunu konsistenti għalkollox mal-kisba ta’ emissjonijiet żero netti sa mhux aktar tard mill-2050 u mal-objettiv klimatiku aktar ambizzjuż tal-UE għall-2030; ifakkar li t-tranżizzjoni klimatika trid tkun inklużiva u ġusta, l-investimenti ekoloġiċi jridu jkunu vijabbli u li l-BEI huwa mistenni li jimmobilizza s-self, l-istrumenti finanzjarji, l-assistenza teknika u s-servizzi konsultattivi tiegħu biex jappoġġja lill-individwi u lin-negozji li qed jiffaċċjaw sfidi soċjoekonomiċi li jirriżultaw mit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju;
33. Jinsab imħasseb li għalkemm l-investimenti biex jiġi limitat it-tibdil fil-klima qed jiżdiedu, dawn għadhom ferm taħt dak li huwa meħtieġ biex tintlaħaq il-mira tal-Ewropa li tikseb emissjonijiet żero netti sal-2050; josserva li, skont l-analiżi tal-BEI, minkejja li l-investiment tal-UE fil-klima reġa’ żdied wara li naqas matul il-pandemija, il-livell ta’ tali nfiq jeħtieġ li jiżdied b’mod konsiderevoli biex l-Unjoni tilħaq l-għanijiet tagħha, u jinħtieġu EUR 356 biljun addizzjonali fis-sena meta mqabbel mal-2010-2020 biex jintlaħaq EUR 1 triljun ta’ investiment u jinkiseb it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ 55 % sal-2030;
34. Jinnota li l-finanzjament ekoloġiku mill-BEI żdied għal EUR 36,5 biljun (58 % tat-total) fl-2022, u qabeż il-mira li mill-inqas 50 % tal-finanzjament totali jiġi allokat għall-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali ferm qabel l-2025; josserva li l-BEI diġà appoġġja EUR 222 biljun f’investiment bħal dan matul dawn l-aħħar sentejn u jħeġġeġ lill-Grupp tal-BEI jimpenja ruħu aktar lejn l-objettiv tiegħu li jappoġġja EUR 1 triljun f’finanzjament ekoloġiku dan id-deċennju;
35. Jiddispjaċih dwar is-saħħa mnaqqsa tal-UE fil-qasam tat-teknoloġija ekoloġika, fejn qabel kienet stabbiliet lilha nnifisha bħala mexxejja; jemmen li l-UE jeħtieġ li żżid l-investimenti tagħha f’teknoloġiji aktar avvanzati, bħat-teknoloġiji tal-idroġenu, u ssaħħaħ l-isforzi tagħha fl-oqsma tal-mobbiltà sostenibbli, il-grilji intelliġenti, l-enerġija eolika u solari u l-ħżin tal-enerġija;
36. Josserva li l-Grupp tal-BEI ffirma ammont rekord f’finanzjament ġdid għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza, il-ħżin u l-grilji fl-2022, fejn il-finanzjament totali tal-BEI għall-proġetti tal-enerġija sostenibbli fl-UE jammonta għaċ-ċifra mingħajr preċedent ta’ EUR 17,06 biljun;
37. Japprezza t-tħabbira tal-BEI fis-27-il Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP27), li saret f’Sharm El-Sheikh, l-Eġittu mis-6 sat-18 ta’ Novembru 2022, li l-Grupp se jappoġġja l-pjan REPowerEU tal-Kummissjoni b’EUR 30 biljun addizzjonali f’self u finanzjament ta’ ekwità sal-2027, li se jkunu prinċipalment iddedikati għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika, il-grilji u l-ħżin, l-infrastruttura tal-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi u t-teknoloġiji rivoluzzjonarji, bħall-idroġenu b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju;
38. Jilqa’ l-pakkett ta’ finanzjament immirat approvat mill-Bord tad-Diretturi tal-BEI fis-26 ta’ Ottubru 2022, li huwa mistenni li jimmobilizza sa EUR 115 biljun ta’ investiment ġdid sal-2027, u b’hekk jagħti kontribut sostanzjali għall-objettiv tar-REPowerEU li tintemm id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi, flimkien mal-appoġġ kontinwu tal-BEI għas-settur tal-enerġija fl-UE, li laħaq medja ta’ madwar EUR 10 biljun ta’ finanzjament fis-sena matul l-aħħar għaxar snin;
39. Jissottolinja li l-Grupp tal-BEI dwar il-Politika Ambjentali u Soċjali jsaħħaħ l-impenn għall-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u l-Qafas Globali tal-Bijodiversità għal wara l-2020 u l-Istandards Ambjentali u Soċjali tal-BEI jiżguraw li l-proġetti ffinanzjati ma jikkawżaw l-ebda ħsara sinifikanti għall-bijodiversità u l-ekosistemi; jilqa’ l-bidla minn “ebda telf nett” għal “ebda telf” tal-bijodiversità, f’konformità mal-politiki tal-UE;
Il-BEI u s-sigurtà tal-enerġija
40. Jenfasizza li l-invażjoni illegali, mhux ġustifikata u mhux provokata tal-Ukrajna mir-Russja u l-kriżi tal-enerġija aggravaw ir-restrizzjonijiet eżistenti fuq il-provvista u li r-ramifikazzjonijiet tal-prezzijiet ogħla tal-enerġija jmorru lil hinn mill-impatt dirett fuq l-unitajiet domestiċi u n-negozji, u jżidu l-inflazzjoni u jnaqqsu d-domanda, u l-prezz ta’ dan iġarrbuh l-unitajiet domestiċi, in-negozji u l-gvernijiet tal-Ewropa;
41. Jesprimi gratitudni talli l-BEI ikkundanna l-invażjoni militari tal-Ukrajna mit-truppi Russi; jinnota li, mill-bidu tal-invażjoni, il-BEI mmobilizza u żborża EUR 1,7 biljun f’għajnuna ta’ emerġenza lill-Ukrajna, bl-appoġġ tal-Kummissjoni;
42. Huwa konxju li l-kapaċità tal-ekonomiji Ewropej li jassorbu xokkijiet ġodda hija kkumplikata minħabba l-legat fiskali tal-pandemija; jirrikonoxxi li l-politika fiskali b’saħħitha adottata b’reazzjoni għall-pandemija fl-2020 u l-2021 ipproteġiet lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji minn telf estensiv ta’ introjtu, u li tali miżuri pproteġew il-kapaċità produttiva tal-ekonomija b’mod li ppermettielha tirkupra malajr ladarba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19 tneħħew; jirrimarka li l-appoġġ fiskali msemmi hawn fuq alloka mill-ġdid sehem kbir mill-ġid nett mis-settur pubbliku għas-settur privat, u żied id-dejn pubbliku u l-iffrankar mill-privat, u li, wara tali azzjonijiet, il-gvernijiet għandhom inqas spazju għal kwalunkwe manuvra fiskali biex itaffu l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq l-unitajiet domestiċi u l-impriżi;
43. Ifakkar li l-BEI jista’ jkollu rwol importanti fit-trawwim tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet industrijali tal-UE billi joħloq il-kundizzjonijiet ta’ investiment it-tajba biex jiżgura s-sigurtà tal-provvista tul il-katina tal-valur, u jikkontribwixxi għat-tmexxija industrijali Ewropea futura, u b’hekk isaħħaħ il-piż ġeopolitiku tal-UE;
44. Jinnota li matul dawn l-aħħar għaxar snin, il-Grupp tal-BEI għadda aktar minn EUR 100 biljun lis-settur tal-enerġija tal-UE, filwaqt li investa fl-effiċjenza enerġetika, fl-enerġija rinnovabbli, fil-grilji u fil-ħażniet; josserva li bħalissa qed jingħata appoġġ biex jgħin lill-Istati Membri b’reazzjoni għall-kriżi kkawżata mit-tnaqqis f’daqqa fil-provvisti tal-gass Russu;
45. Jinnota d-deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI f’Ottubru 2022 li jgħolli l-volumi ta’ finanzjament tal-enerġija nadifa tal-Grupp b’appoġġ għall-objettiv ta’ REPowerEU li tintemm id-dipendenza tal-Ewropa fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi, u li wara dan se jiġu investiti EUR 30 biljun addizzjonali sal-2027; jemmen li din id-deċiżjoni m’għandhiex tirriżulta f’laxkar permanenti tal-kriterji klimatiċi li l-kumpaniji jridu jissodisfaw biex jikkwalifikaw għall-appoġġ; ifakkar li l-Qafas PATH għandu l-għan li jiżgura li l-proġetti ffinanzjati jkunu allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi u li l-operaturi jikkonformaw billi jiddekarbonizzaw l-attività kummerċjali ġenerali tagħhom u jsaħħu r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, f’konformità mal-Pjan Direzzjonali tal-Bank Klimatiku tal-BEI; jinsisti fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-investimenti b’valur miżjud tal-UE billi jiġu appoġġjati proġetti ta’ kooperazzjoni transnazzjonali fil-produzzjoni u l-infrastrutturi tal-enerġija;
46. Jissottolinja li l-investimenti kollha li jindirizzaw il-kriżi tal-enerġija, flimkien ma’ investimenti ta’ tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, għandhom jiġu implimentati b’mod effiċjenti u trasparenti;
Attivitajiet tal-FEI
47. Jinnota li l-FEI huwa parti mill-Grupp tal-BEI u li l-missjoni ċentrali tiegħu hija li jappoġġja lill-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (MSMEs) tal-Ewropa billi jgħinhom jaċċessaw il-finanzi; huwa konxju li l-FEI jfassal u jiżviluppa kapital ta’ riskju u tkabbir, garanziji u strumenti ta’ mikrofinanzjament li jimmiraw speċifikament lejn dan is-settur tas-suq u, b’dan il-mod, il-FEI jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi ewlenin tal-politika tal-UE bħall-kompetittività u t-tkabbir, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, l-impatt soċjali, il-ħiliet u l-kapital uman, u l-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali;
48. Jirrimarka li l-aktar programm ta’ finanzjament reċenti tal-FEI jżid il-volum tar-riżorsi, minn EUR 9,2 biljun fl-2022 għal EUR 13,0 biljun u EUR 13,5 biljun fl-2023 u fl-2024, rispettivament; jifhem li l-FEI qed jippjana li juża l-kapaċità sħiħa tal-mandat ta’ InvestEU fornut minn qabel fl-2022 u l-2023 billi japprova, sa tmiem l-2023, 60 % tal-baġit ta’ InvestEU appoġġjat minn NextGenerationEU u jiffinalizza l-firem korrispondenti sa tmiem l-2024;
49. Josserva li, matul l-2022, 30 % tal-appoġġ finanzjarju tal-FEI kien immirat lejn is-sostenibbiltà u t-trasformazzjoni ekoloġika u, f’konformità mal-ambizzjoni tal-Pjan Direzzjonali tal-Bank Klimatiku tal-Grupp tal-BEI, 21 % – madwar EUR 2 biljun – ġew diretti biex jintlaħqu l-objettivi orizzontali tal-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali; jissottolinja li l-FEI appoġġja intrapriżi innovattivi fl-agroteknoloġija, l-ekonomija blu, iċ-ċirkolarità u l-mobilità sostenibbli, kif ukoll għen lin-negozji u lill-individwi tradizzjonali jiffinanzjaw l-investimenti klimatiċi tagħhom;
50. Jirrimarka li, fl-2022, il-FEI pprovda aktar minn EUR 9 biljun f’finanzjament għal negozji żgħar u proġetti ekoloġiċi, bil-għan li jimmobilizza madwar EUR 97 biljun f’investimenti li jappoġġjaw in-newtralità klimatika, it-tranżizzjoni diġitali tal-industriji tal-UE u l-kompetittività tal-intraprendituri fl-UE;
51. Jirrimarka li l-FEI żamm ukoll l-enfasi tiegħu fuq l-objettiv ta’ koeżjoni orizzontali, prinċipalment permezz ta’ programmi ta’ investiment konġunti b’rabta mal-Pjattaforma ta’ Ekwità tal-Istituzzjonijiet ta’ Promozzjoni Nazzjonali tal-EIF u billi dderieġa 39 % tal-finanzjament lejn entitajiet fir-reġjuni ta’ koeżjoni tal-UE;
Impatt barra l-UE
52. Huwa konxju li, fl-attivitajiet tiegħu barra mill-UE, il-Grupp tal-BEI jappoġġja l-objettivi u l-prijoritajiet tal-azzjonijiet esterni tal-UE u juża l-għarfien espert u l-esperjenza tiegħu barra mill-UE f’oqsma ta’ prijorità bħall-azzjoni klimatika, is-saħħa u d-diġitalizzazzjoni, il-valuri tal-UE, u l-prinċipji tal-governanza tajba;
53. Jappella lill-UE tkompli timmassimizza l-potenzjal tal-BEI bħala għodda biex tisfrutta l-awtonomija strateġika tal-UE, b’mod partikolari f’termini ta’ enerġija u materja prima, u biex tippromwovi l-prijoritajiet tal-politika esterna tal-UE fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi mhux tal-UE, b’konformità sħiħa mal-proċess ta’ diliġenza dovuta ambjentali u soċjali, kif ukoll b’koordinazzjoni b’saħħitha bejn il-Kummissjoni u s-SEAE u d-delegazzjonijiet tal-UE biex jiġu ffaċilitati d-diskussjonijiet u l-kooperazzjoni mal-atturi rilevanti fuq il-post sabiex jiġu identifikati proġetti li jissodisfaw bl-aħjar mod l-objettivi tal-effikaċja tal-iżvilupp;
54. Japprezza l-isforzi miżjuda mill-istabbiliment tal-BEI Globali, iżda jħeġġeġ lill-BEI biex ikun aktar proattiv fit-tisħiħ tal-komunikazzjoni u l-viżibbiltà ġenerali tal-UE, speċjalment fir-rigward tal-ħidma tiegħu fin-Nofsinhar Globali; iwissi, madankollu, li fl-isforz għall-viżibbiltà, il-proġetti fil-livell lokali m’għandhomx jiġu mmarġinalizzati mill-proġetti akbar, u jisħaq li l-atturi lokali għandhom ikunu involuti biżżejjed;
55. Jilqa’ l-bidu tal-attività operazzjonali fl-1 ta’ Jannar 2022 tal-BEI Globali, stabbilit b’segwitu tad-deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI f’Settembru 2021 u fdat bl-attivitajiet kollha tal-BEI fir-reġjun tat-tkabbir, il-pajjiżi tal-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-UE, l-Afrika sub-Saħarjana, l-Asja, l-Amerika Latina, il-Karibew u l-Paċifiku; jifhem li l-BEI Globali huwa maħsub li jkun il-fergħa finanzjarja ewlenija ta’ Tim Ewropa, li topera lil hinn mill-UE, li tikkombina s-setgħa tal-BEI, tal-Istati Membri tal-UE u ta’ istituzzjonijiet oħra ta’ investiment li jaħdmu flimkien mal-UE; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-ftuħ tal-uffiċċji tal-BEI fi Pretoria, f’Kiev u f’Belgrad, li se jgħinu lill-BEI Globali jimplimenta l-missjoni tiegħu; jemmen li l-BEI Globali se jagħti kontribut ewlieni għall-għanijiet tat-tisħiħ tal-awtonomija strateġika tal-UE u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni multilaterali;
56. Itenni t-talba tiegħu li l-BEI Globali jkun iċċentrat fuq aġenda ta’ żvilupp ekwu u sostenibbli fil-pajjiżi riċevituri, filwaqt li jintwera żvilupp ċar;
57. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi u l-impenn tal-BEI fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-investiment tiegħu ta’ EUR 835,2 miljun fl-2022 permezz tal-BEI Globali, u b’hekk ikkontribwixxa għall-pjan ekonomiku u ta’ investiment tal-UE għar-reġjun; jinnota li aktar minn 80 % tal-investimenti ffirmati fl-2022 marru għal proġetti ambjentalment sostenibbli; jilqa’ l-fatt li l-investimenti tal-BEI b’appoġġ għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali sostenibbli tal-ekonomiji lokali fir-reġjun mill-2020 ’l hawn ammontaw għal EUR 2,5 biljun; iħeġġeġ lill-BEI Globali jkompli jipprovdi aċċess għall-finanzjament b’termini favorevoli għan-negozji fil-Balkani tal-Punent li jinvestu fl-aċċellerazzjoni tat-trasformazzjoni diġitali u l-implimentazzjoni tal-infrastruttura diġitali, l-estensjoni tan-network tat-telekomunikazzjoni 5G, l-iżvilupp urban sostenibbli, it-tħaffif tat-tranżizzjoni enerġetika u l-iżgurar tal-effiċjenza enerġetika, inklużi proġetti tal-enerġija rinnovabbli u proġetti newtrali għall-klima; jilqa’ t-tnedija tal-garanzija għar-reżiljenza tal-SMEs fl-ambitu tal-faċilità ta’ żvilupp u innovazzjoni tal-intrapriżi tal-Balkani tal-Punent, biex jiġi pprovdut aċċess għall-finanzjament b’termini favorevoli għal madwar 4 000 negozju żgħir fir-reġjun; jenfasizza l-importanza tal-proċedura ta’ kontroll baġitarju peress li, skont il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, l-appoġġ finanzjarju tal-UE li ammonta għal madwar EUR 700 miljun bejn l-2014 u l-2020 għall-promozzjoni tal-istat tad-dritt fil-Balkani tal-Punent ftit li xejn kellu impatt fuq ir-riformi fundamentali;
58. Jinnota l-isforzi tal-BEI rigward il-proċess ta’ diliġenza dovuta għall-istandards soċjali u ambjentali tal-operazzjonijiet tiegħu; iħeġġeġ lill-BEI issaħħaħ aktar il-konsultazzjoni sinifikanti tal-popolazzjonijiet lokali matul l-implimentazzjoni tal-proġetti, jinkorpora mekkaniżmi sodi ta’ responsabbiltà għall-komunitajiet milquta u jimmonitorja mill-qrib, u jirrapporta dwar, in-nuqqasijiet tal-involviment tiegħu u r-rwol tal-intermedjarji tiegħu fi proġetti li kellhom impatt negattiv fuq il-popolazzjonijiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
59. Jistenna li l-BEI Globali u l-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni tiegħu ma’ DFIs oħrajn ikunu kompletament trasparenti; jilqa’ f’dan il-kuntest l-iskambji regolari mal-Parlament Ewropew fi Brussell u l-aktar reċenti fil-Lussemburgu kif ukoll id-djalogu miftuħ kontinwu tal-Bank mal-partijiet ikkonċernati kollha, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-atturi lokali;
60. Iħeġġeġ lill-BEI jkompli jinvolvi ruħu b’mod attiv fl-iżvilupp tal-metodi u l-prattiki tal-ippjanar, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni fil-livell tal-pajjiżi, id f’id mad-delegazzjonijiet tal-UE u mal-atturi nazzjonali u lokali, u permezz ta’ kofinanzjament mad-DFIs;
61. Ifaħħar l-azzjoni rapida tal-BEI biex jappoġġja lill-Ukrajna immedjatament wara li faqqgħet il-gwerra ta’ aggressjoni Russa billi żborża EUR 1,7 biljun f’fondi fl-2022 f’ċirkostanzi diffiċli ħafna; jinnota li għad iridu jiġu żborżati EUR 540 miljun bħala proġetti konkreti fuq il-post; iħeġġeġ lill-BEI jiżgura l-kontribut tiegħu permezz tal-inizjattiva “EU for Ukraine” (l-UE għall-Ukrajna) biex l-ekonomija tal-Ukrajna tibqa’ għaddejja, biex jappoġġja l-isforz ta’ rikostruzzjoni tal-pajjiż, f’konformità mal-mandat li rċieva fil-15 ta’ Diċembru 2022 mill-Kunsill Ewropew;
62. Iħeġġeġ lill-BEI jiżgura kundizzjonalità stretta fir-rigward tal-assistenza finanzjarja pprovduta lill-Ukrajna, inkluża sorveljanza ċara u komprensiva fuq l-infiq tal-fondi tal-UE mmirati għar-rikostruzzjoni u l-għajnuna umanitarja; ifakkar, f’dan ir-rigward, fil-ħtieġa ta’ approċċ sistematiku tal-UE biex tittejjeb il-koordinazzjoni tal-iżborż tal-fondi u jissaħħaħ il-monitoraġġ tal-infiq;
63. Huwa konxju li, skont id-Digriet tal-President tal-Ukrajna Nru 64/2022, l-amministrazzjonijiet militari ilhom mill-24 ta’ Frar 2022 responsabbli għall-eżerċitar tas-setgħat tal-amministrazzjonijiet statali lokali rilevanti, kif ukoll fit-territorji deokkupati, għas-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet relatati mat-tħejjija, l-approvazzjoni, l-emenda u l-implimentazzjoni tal-baġit lokali, il-ġestjoni tal-proprjetà taħt sjieda komunali tal-komunità territorjali rispettiva u, għal perjodi qosra, l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar l-iżvilupp tal-art u l-użu ta’ riżorsi naturali ta’ importanza lokali; jemmen li, fis-sitwazzjoni attwali, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ ġestjoni u awditjar għandhom riżorsi u setgħat limitati biex jiżguraw il-livell standard ta’ trasparenza u ta’ kontroll adegwat fuq ir-riżorsi finanzjarji użati; iħeġġeġ lill-BEI jiżgura l-parteċipazzjoni tan-nies lokali u tar-rappreżentanti eletti demokratikament tal-gvern awtonomu lokali u jżid is-sorveljanza tiegħu tal-attivitajiet ta’ implimentazzjoni u jsegwi rwol ta’ monitoraġġ b’saħħtu fir-rigward tar-riżorsi allokati sabiex jiġi evitat li dawn jiġu miżapproprjati jew użati ħażin; jistieden lill-BEI jistabbilixxi t-timijiet ta’ monitoraġġ u awditjar tiegħu stess fl-Ukrajna, li jiżguraw il-preċiżjoni tad-data tal-awditjar relatata mal-proġetti kollha ffinanzjati mill-UE;
64. Jistieden lill-BEI jikkoordina u jissorvelja l-koordinazzjoni dwar il-fondi mill-inizjattiva “EU for Ukraine” mal-Kummissjoni, il-Bank Dinji u oħrajn fi ħdan il-Pjattaforma ta’ Koordinazzjoni tad-Donaturi tal-G7 għall-Ukrajna, kif ukoll l-awtoritajiet reġjonali u muniċipali tal-Ukrajna, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ approċċ kollaborattiv biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet urġenti tal-Ukrajna;
65. Jirrimarka li, minbarra l-appoġġ għall-Ukrajna, il-BEI Globali ta EUR 9,1 biljun f’finanzjament ġdid fl-2022, li wassal il-volum totali tal-attività minn din is-sussidjarja tal-BEI għal EUR 10,8 biljun, li tnediet f’Jannar 2022 biex jiżdiedu l-operazzjonijiet barra mill-UE;
66. Jilqa’ l-appoġġ finanzjarju u tekniku tal-BEI għar-Repubblika tal-Moldova, filwaqt li jitqiesu d-dipendenza u l-vulnerabbiltà tal-enerġija tal-pajjiż fil-kuntest ġeopolitiku attwali; jistieden lill-BEI jkompli jappoġġja lill-Moldova biex taċċellera l-adeżjoni tagħha mal-UE u l-progress tagħha lejn awtonomija u diversifikazzjoni tal-enerġija fit-tul;
67. Iħeġġeġ lill-BEI Globali isegwi preżenza lokali aktar b’saħħitha billi jadatta l-prodotti u l-mudelli kummerċjali għall-ħtiġijiet lokali u jikkoopera aktar mill-qrib mal-istituzzjonijiet sħab, sabiex jissaħħaħ l-impatt tal-UE fuq l-iżvilupp f’Tim Ewropa taħt il-kappa tal-istrument tal-viċinat, tal-iżvilupp u tal-kooperazzjoni internazzjonali – Ewropa globali;
68. Jilqa’ l-ewwel ftehim finanzjarju ffirmat bejn il-BEI u l-Fond Internazzjonali tan-NU għall-Iżvilupp Agrikolu (IFAD), li se jipprovdi lill-IFAD EUR 500 miljun bħala appoġġ għall-programm tiegħu biex itejjeb is-sigurtà tal-ikel u jnaqqas il-faqar fiż-żoni rurali u biex jgħin lill-bdiewa fuq skala żgħira jadattaw għat-tibdil fil-klima;
69. Jiġbed l-attenzjoni għall-fehmiet diverġenti fost l-Istati Membri dwar kif jiġu żgurati l-finanzjament u l-kopertura meħtieġa mill-baġit tal-UE sabiex jippermettu l-involviment kontinwu tal-Bank fl-Ukrajna, li hemm ir-riskju li ieqaf jekk ma tinstab l-ebda soluzzjoni; jilqa’ l-inizjattiva “EU for Ukraine” tal-BEI, li għandha l-għan li tgħin fil-bini mill-ġdid tal-infrastruttura, tappoġġja l-ħtiġijiet ta’ investiment ta’ prijorità u tappoġġja n-negozju; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li jkompli jingħata appoġġ sod lill-pajjiż f’konformità mal-ħtiġijiet tiegħu; jappella għal analiżi bir-reqqa u kontinwa tal-ħtiġijiet finanzjarji għar-rikostruzzjoni u għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ukrajna li tagħti prijorità lill-ħtiġijiet lokali, inkluża valutazzjoni tal-impatt tal-gwerra fuq l-ambjent;
70. Iħeġġeġ lill-BEI (BEI Globali), filwaqt li jibni fuq l-istabbiliment tal-ewwel ċentru reġjonali tiegħu fil-Kenja, ikompli jsaħħaħ il-preżenza tiegħu fuq il-post f’pajjiżi mhux tal-UE, filwaqt li jgħaqqad ir-riżorsi, fejn possibbli, u jżid il-kooperazzjoni ma’ atturi Ewropej u mhux Ewropej oħra, speċjalment id-DFIs; jappella għal mandat ta’ żvilupp konkret u b’saħħtu għall-BEI Globali, ibbażat fuq it-tnaqqis tal-inugwaljanzi u l-qerda tal-faqar u b’appoġġ għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli; jappoġġja żieda fil-garanziji li jagħti l-BEI mill-baġit tal-UE biex l-Bank ikun jista’ jespandi l-attivitajiet tiegħu fin-Nofsinhar Globali;
71. Iħeġġeġ aktar kooperazzjoni u adattament tal-metodi u l-għodod ta’ ħidma tal-BEI, u partikolarment tal-BERŻ, fir-rigward tal-ħtiġijiet ta’ investiment fl-Afrika, sabiex jiġu ffaċilitati l-investimenti fuq skala kbira fil-ġejjieni, filwaqt li fl-istess ħin jinżamm l-appoġġ tal-UE għal proġetti lokali fuq skala iżgħar, li fl-aħħar mill-aħħar jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli;
72. Jistieden lill-BEI jaħdem aktar mill-qrib mal-Bank Afrikan għall-Iżvilupp u jivvaluta l-vantaġġi possibbli tal-istabbiliment ta’ sussidjarja konġunta; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu ffinanzjati investimenti fit-tul li jrawmu l-iżvilupp sostenibbli; iħeġġeġ il-ħolqien ta’ ċentri konġunti ta’ proġetti u ta’ konsulenza, biex jipprovdu punti ta’ kuntatt effettivi għall-atturi lokali kif ukoll biex tittejjeb is-sjieda lokali għal proġetti ta’ żvilupp komuni, sabiex jiġu mmassimizzati l-impatt u l-effiċjenza tal-iżvilupp; jappella, f’dan ir-rigward, għall-appoġġ għall-iżvilupp tas-settur privat lokali fl-Afrika, speċjalment permezz tal-finanzjament tal-MSMEs Afrikani; iħeġġeġ, bl-istess mod, kooperazzjoni aktar mill-qrib ma’ banek oħra tal-iżvilupp reġjonali;
Azzjonijiet tal-BEI relatati mal-pandemija tal-COVID-19
73. Jirrimarka li, fl-2022, il-BEI żamm l-isforzi tiegħu biex jappoġġja azzjonijiet biex tiġi miġġielda l-pandemija; jissottolinja li, fl-2022, il-BEI pprovda EUR 5,1 biljun għal proġetti tas-saħħa u tax-xjenzi tal-ħajja li se kienu ta’ benefiċċju għal madwar 980 miljun persuna madwar id-dinja; japprezza l-appoġġ tal-BEI għall-inizjattiva globali dwar il-vaċċini COVAX, il-faċilità internazzjonali biex jiġi żgurat aċċess ġust u universali għall-vaċċini kontra l-COVID-19, fejn il-BEI pprovda total ta’ EUR 900 miljun sa Marzu 2022 u mbagħad, f’April 2022, wiegħed EUR 1 biljun addizzjonali biex jappoġġja lill-COVAX;
74. Jirrimarka li l-pandemija tal-COVID-19 ma kellha l-ebda impatt negattiv fuq il-kwalità tal-portafoll tas-self tal-BEI bis-saħħa tal-istrateġija ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ kreditu tiegħu u l-fatt li l-BEI għadu jżomm pożizzjoni robusta ta’ likwidità minkejja l-kuntest ġenerali ta’ inċertezza fis-swieq finanzjarji globali;
75. Jirrimarka li, fir-rigward tal-pandemija, il-Grupp tal-BEI wera l-flessibbiltà tiegħu fl-għoti ta’ soluzzjonijiet finanzjarji għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi u l-kapaċità tiegħu li jaġixxi b’mod komplementari għar-rispons tal-UE fuq skala kbira u fit-tul permezz tan-NextGenerationEU u l-appoġġ nazzjonali għall-investiment pubbliku;
Konformità, trasparenza u obbligu ta’ rendikont tal-BEI
76. Jinnota li, f’konformità mal-prattiki tajba f’istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra, il-Kumitat tal-Ilmenti dwar l-Akkwist (PCC) tal-BEI huwa kumitat speċjalizzat u indipendenti bil-mandat li jittratta lmenti ta’ akkwist li jikkontestaw id-deċiżjonijiet tal-Bank dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ proġetti taħt proġett iffinanzjat mill-BEI barra mill-UE; josserva li, fl-2022, il-PCC irċieva 18-il ilment ta’ akkwist, meta mqabbel ma’ 23 fl-2021 u 31 fl-2020, u li minn dawn it-18-il ilment, 13 kienu lmenti ta’ akkwist sottomessi qabel id-deċiżjoni/nuqqas ta’ oġġezzjoni tal-Bank (meta mqabbla ma’ 18-il ilment bħal dawn fl-2021) li s-Segretarjat tal-PCC idderieġa mill-ġdid lis-servizzi tal-Bank inkarigati mill-proġetti rilevanti għal segwitu ulterjuri, filwaqt li l-ħames ilmenti ta’ akkwist l-oħra ġew sottomessi lill-PCC wara li l-Bank ma oġġezzjonax għall-għotjiet ta’ kuntratti (l-istess numru bħal fl-2021) u ġew rieżaminati u deċiżi; josserva li l-Kumitat ivvota biex iżomm in-nuqqas ta’ oġġezzjoni tal-Bank għal tnejn mill-ilmenti u biex jirtira n-nuqqas ta’ oġġezzjoni tal-Bank fit-tliet każijiet l-oħra;
77. Japprezza li l-PCC, id-Diviżjoni tal-Investigazzjonijiet u d-Diviżjoni tal-Mekkaniżmu tal-Ilmenti għandhom rwoli komplementari fl-Ispettorat Ġenerali, u dan jiffaċilita l-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni biex jiġu koperti l-allegazzjonijiet kollha possibbli ta’ mġiba pprojbita u lmenti relatati mal-akkwist jew mhux relatati mal-akkwist; jinnota li, fl-2022, il-mekkaniżmu tal-ilmenti tal-BEI rreġistra 54 każ ġdid (meta mqabbel ma’ 64 fl-2021 u 77 fl-2020), ipproċessa 97 każ (107 u 137 fl-2021 u fl-2020, rispettivament) u għalaq 53 każ (64 u 94 fl-2021 u fl-2020); jirrimarka li 68 % tal-ilmenti rreġistrati fl-2022 kienu jikkonċernaw l-impatt ambjentali u soċjali, filwaqt li 20 % kienu jirreferu għal kwistjonijiet relatati mal-governanza u l-amministrazzjoni tal-BEI;
78. Jistieden lill-BEI jiżgura li l-mekkaniżmu tal-ilmenti jkun aċċessibbli, effettiv u indipendenti sabiex jidentifika u jirrimedja kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-proġetti relatati mal-BEI; jinnota li, fl-2022, id-Diviżjoni tal-Investigazzjonijiet tal-BEI rċeviet 180 allegazzjoni (meta mqabbla ma’ 174 u 183 fl-2021 u fl-2020), għalqet 147 każ bħal dawn (meta mqabbla ma’ 204 fl-2021 u 195 fl-2020) u ħarġet 36 rakkomandazzjoni u opinjoni (45 fl-2021 u 52 fl-2020); jenfasizza li 42 każ ġew irrappurtati lill-OLAF, li minnhom 11 ġew riferuti wkoll lill-UPPE; josserva li l-għadd ta’ każijiet fejn l-allegazzjonijiet jiġu ssostanzjati b’segwitu tal-investigazzjoni kompla jonqos (fl-2022 ġew issostanzjati 17-il każ minn 70 investigazzjoni miftuħa meta mqabbla ma’ 17-il każ issostanzjat minn 67 investigazzjoni miftuħa fl-2021, u 37 każ issostanzjat minn 91 investigazzjoni miftuħa fl-2020);
79. Jikkondividi l-fehma tal-Kumitat tal-Verifika tal-BEI dwar il-ħtieġa ta’ monitoraġġ, ġestjoni u sorveljanza msaħħa tar-riskji operazzjonali u teknoloġiċi, inklużi r-riskji ċibernetiċi u riskji oħra mhux finanzjarji;
80. Jinnota li l-Ftehim Tripartitiku ġġedded fl-11 ta’ Novembru 2021 mill-BEI, il-Kummissjoni u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri; jiddispjaċih għall-fatt li l-ftehim rivedut ma joffrix is-soluzzjoni estensiva li talab il-Parlament; jilqa’, madankollu, il-fatt li l-ftehim il-ġdid jippermetti aċċess akbar għad-dokumenti awditjati tal-BEI u titjib fis-simplifikazzjoni tagħhom u jiċċara l-iskeda ta’ żmien biex wieħed jirċievi d-dokumentazzjoni tal-awditjar meħtieġa, il-format tagħha u r-regoli dwar il-kunfidenzjalità, il-protezzjoni tad-data, il-metodi tal-ġbir tal-evidenza u l-aċċess għall-informazzjoni; itenni li l-Qorti mistennija jkollha aċċess sħiħ għall-informazzjoni kollha relatata mal-operazzjonijiet tal-BEI, li l-unika raġuni għall-eżistenza tiegħu hija l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE;
81. Jissottolinja l-ħtieġa ta’ djalogu regolari u strutturat bejn il-Parlament Ewropew u l-BEI, li jista’ jissaħħaħ permezz ta’ ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament u l-BEI, sabiex jittejjeb l-aċċess għad-dokumenti u d-data tal-BEI skont termini u kundizzjonijiet li jiggarantixxu l-kunfidenzjalità u, fejn meħtieġ, il-konformità mar-rekwiżiti legali; jinnota d-deċiżjonijiet tal-Ombudsman Ewropew dwar il-prattika tal-BEI dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni ambjentali (relatata ma’ proġetti li huwa jiffinanzja, jew direttament, bħal fil-Każ 1065/2020/PB, jew permezz ta’ intermedjarji, bħal fil-Każ 1251/2020/PB), li għandhom jikkonformaw mal-obbligi ta’ trasparenza stabbiliti mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus fir-rigward tal-pubblikazzjoni u l-iżvelar sistematiċi u attivi, fuq talba; josserva li l-Ombudsman Ewropew issuġġerixxa bidliet f’termini tal-komprensività tal-kontenut, il-puntwalità tal-pubblikazzjoni u l-viżibbiltà tal-informazzjoni u tar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità; jifhem li l-BEI qabel biss li jimplimenta xi wħud mis-suġġerimenti tal-Ombudsman Ewropew; jikkondividi l-fehma tal-Ombudsman Ewropew li jkun fl-interess pubbliku li l-BEI jimplimenta bis-sħiħ il-bidliet issuġġeriti;
82. jistieden lill-Qorti tal-Awdituri tiskrutinizza bis-sħiħ u tirrapporta regolarment dwar l-operazzjonijiet appoġġjati minn garanziji mill-baġit tal-UE, inklużi l-operazzjonijiet tal-BEI, u tindirizza kwalunkwe nuqqas fil-metodi ta’ ħidma tiegħu li attwalment mhux qed iħalluh jagħmel dan;
83. Jilqa’ l-politiki u l-prattiki tal-BEI u t-trasparenza tiegħu, u jappella għal aktar titjib, b’mod partikolari bl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ifformulati mill-Ombudsman Ewropew biex “[jittieħdu] diversi passi ta’ trasparenza biex il-pubbliku jkun jista’ jara aktar faċilment l-impatt ambjentali potenzjali tal-proġetti li jiffinanzja”;
84. Jilqa’ t-twaqqif, imħabbar fl-2021, ta’ sistema ġdida għas-segwitu u r-rappurtar dwar ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet maħruġa mid-Diviżjoni Investigattiva tal-BEI; itenni t-talba tiegħu li l-impatti finanzjarji tal-każijiet li d-diviżjoni tinvestiga jiġu indikati fir-rapporti annwali tal-ġejjieni tiegħu u li jmur lil hinn minn sempliċi deskrizzjoni narrattiva tal-istudji tal-każijiet sabiex jipprovdi għarfien siewi li jippermetti l-valutazzjoni ta’ kemm l-interessi finanzjarji huma salvagwardjati; ifakkar fl-importanza li l-BEI jiżgura evalwazzjoni ċara tar-riskji finanzjarji, operazzjonali u reputazzjonali meta jiddeċiedi dwar jekk investigazzjoni hijiex xierqa għal dak l-għan;
85. Itenni d-dispjaċir tiegħu li l-BEI għadu ma jiddivulgax bis-sħiħ id-dettalji tas-sjieda benefiċjarja tal-klijenti tiegħu; itenni t-talbiet tiegħu għal aktar trasparenza fir-rigward tal-operazzjonijiet tal-BEI permezz ta’ intermedjarji finanzjarji bħal banek kummerċjali u fondi ta’ investiment, fi ħdan il-qafas leġiżlattiv rilevanti, inkluż ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, u għad-definizzjoni ta’ obbligi ta’ rapportar standard li jistgħu jipprovdu livell adegwat ta’ data u informazzjoni; jistieden lill-BEI jinkludi klawżoli kuntrattwali dwar l-iżvelar obbligatorju minn intermedjarji finanzjarji dwar l-attività ta’ self;
86. Jistieden lill-BEI juża s-sistema ta’ identifikazzjoni bikrija u ta’ esklużjoni u jqis id-deċiżjonijiet dwar l-esklużjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe persuna jew entità li tapplika għal fondi tal-UE, li tintgħażel għalihom jew li tirċievi fondi tal-UE, meta tapprova investimenti koperti minn finanzjament li jkun ġej mill-baġit tal-UE;
87. Jieħu nota tal-kodiċijiet ta’ kondotta aġġornati għall-Kumitat ta’ Tmexxija u għall-Bord tad-Diretturi tal-BEI ta’ Awwissu 2021; jilqa’ l-introduzzjoni ta’ perjodu itwal ta’ preklużjoni għall-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija (24 xahar minflok 12-il xahar) u għall-membri tal-Bord tad-Diretturi (12-il xahar minflok sitt xhur); jiddispjaċih, madankollu, li ma hemm l-ebda dispożizzjoni li teskludi lill-viċi presidenti milli jissorveljaw u jieħdu deċiżjonijiet dwar l-operazzjonijiet fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom, u jinsisti li din tiġi indirizzata fir-reviżjoni li jmiss; jinnota l-konklużjonijiet u d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew fil-Każ 1016/2021/KR, dwar kif il-BEI tratta l-applikazzjoni minn ex viċi president biex jieħu pożizzjoni, fi żmien tliet xhur mit-tluq mill-kariga, f’kumpanija tal-enerġija u tal-utilitajiet li kienet irċeviet self mill-BEI; jinsab imħasseb dwar ir-riskju ta’ kunflitti ta’ interess u dwar l-inadegwatezza tal-miżuri adottati mill-BEI biex ittaffi r-riskju f’dan il-każ; jilqa’ r-reviżjoni mill-BEI tal-kodiċi ta’ kondotta għall-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija tiegħu, li indirizza xi wħud mit-tħassib dwar ir-riskju ta’ kunflitti ta’ interess fl-impjieg futur prospettiv ta’ membri jew membri preċedenti reċenti; itenni t-talba tiegħu biex in-nuqqasijiet pendenti rigward il-kunflitti ta’ interess jiġu indirizzati fir-reviżjoni li jmiss tal-kodiċi ta’ kondotta tal-Kumitat ta’ Tmexxija; jitlob lill-Ombudsman Ewropew jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta l-ġdid tal-Kumitat ta’ Tmexxija;
88. Jifhem li l-BEI qed isegwi r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-OLAF fl-għeluq tad-diversi investigazzjonijiet iffokati fuq l-allowances għall-edukazzjoni mogħtija indebitament lill-membri tal-persunal tal-BEI; jistenna li l-pagamenti mhux dovuti jiġu rkuprati bis-sħiħ u jtenni t-talba tiegħu li l-BEI jirrapporta lill-Parlament dwar l-eżitu tal-azzjonijiet ta’ rimedju tiegħu;
89. Jinnota l-passi meħuda mill-BEI f’dawn l-aħħar snin biex itejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-persunal tiegħu, b’mod partikolari fil-livell maniġerjali u l-livell ta’ uffiċjali għolja; iħeġġeġ lill-Bank jippersisti fl-isforzi tiegħu biex jikseb bilanċ aktar ċar bejn il-ġeneri fl-organizzazzjoni tiegħu; josserva li, fil-BEI, sa tmiem l-2022, in-nisa kienu jirrappreżentaw 44,5 % tal-kategorija eżekuttiva (D/6; E/5; F/4), u, f’dan il-grupp, in-nisa rrappreżentaw 35,6 % tal-persunal fil-livell ta’ uffiċjali għolja (D/6) u 44,3 % tal-persunal fil-livell ta’ uffiċjali (E/5), filwaqt li fil-livell ta’ analisti/ta’ uffiċjali inferjuri (F/4), in-nisa rrappreżentaw 64,4 %; jinnota li, fi tmiem l-2022, in-nisa kienu jirrappreżentaw 33 % tal-persunal maniġerjali (30,6 % fil-livell tal-Grupp tal-BEI), u laħqu l-mira stabbilita fl-istrateġija 2018-2021 għad-diversità u l-inklużjoni;
90. Itenni t-talba tiegħu lill-Bank biex inaqqas id-distakk fis-salarji bejn il-kategoriji amministrattivi u professjonali tal-persunal; jirrimarka li s-sitwazzjoni attwali u ż-żieda fl-għoli tal-ħajja fil-Lussemburgu jagħmlu pressjoni sinifikanti fuq il-persunal amministrattiv u, fuq terminu twil, jista’ jkollhom impatt negattiv fuq il-benessri tal-membri tal-persunal u fuq il-kompetittività tal-BEI biex jattira l-persunal bl-aħjar kwalifiki;
91. Jesprimi tħassib dwar rapporti ta’ proċeduri interni ta’ ħatra mhux trasparenti fost il-persunal maniġerjali fil-kwartieri ġenerali u fl-uffiċċji esterni; jistieden lill-Bank jiżgura li l-proċeduri kollha ta’ reklutaġġ u ta’ mobilità interna jiġu eżegwiti f’konformità mal-ogħla standards ta’ trasparenza u etika;
92. Jifhem li l-BEI qed jagħmel progress fid-diskussjoni interna dwar l-approċċ il-ġdid dwar id-diversità, l-ekwità, l-inklużjoni u l-appartenenza, li se jissostitwixxi l-istrateġija għall-2018-2021, u jħeġġeġ lill-Bank jadottaha mingħajr dewmien; itenni t-talba tiegħu lill-BEI biex jiżgura rappreżentanza ġeografika xierqa, inkluż fil-livelli maniġerjali medji u għoljin, u jitolbu jippubblika, kull sena, diżaggregazzjoni skont il-ġeneru u ċ-ċittadinanza tal-pożizzjonijiet maniġerjali medji u għoljin;
93. Itenni l-ħtieġa ta’ aktar trasparenza meta l-proġetti jiġu implimentati permezz ta’ intermedjarji finanzjarji; ifakkar fl-importanza tat-trasparenza wkoll għall-proċeduri interni tat-teħid tad-deċiżjonijiet u dwar l-impatt ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem tal-proġetti matul l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom;
94. Jieħu nota tal-inkjesta miftuħa mill-Ombudsman Ewropew f’Marzu 2023 dwar it-trasparenza, il-pubblikazzjoni f’waqtha tal-informazzjoni, u l-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali u soċjali tal-BEI; ifakkar li, f’April 2022, l-Ombudsman Ewropew ħareġ rakkomandazzjonijiet ċari biex il-BEI jadotta politika ta’ divulgazzjoni aktar ambizzjuża, li għadha ma tteħditx azzjoni dwarha;
95. Jilqa’ l-istrateġija tal-Grupp tal-BEI dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa u l-pjan ta’ azzjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jirrikonoxxi li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u, b’mod partikolari, l-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa, huma parti mill-mudell tan-negozju tal-BEI; jistieden lill-BEI jkompli jimplimenta l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-operazzjonijiet kollha tiegħu sabiex javvanza l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-iżvilupp inklużiv;
Segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament
96. Jitlob lill-BEI jibqa’ jirrapporta dwar il-qagħda attwali u l-istatus tar-rakkomandazzjonijiet preċedentement maħruġa mill-Parlament fir-riżoluzzjonijiet annwali tiegħu, b’mod speċjali rigward:
(a)
l-impatti (ekonomiċi, ambjentali u soċjali) tal-istrateġija ta’ investiment tiegħu u r-riżultati miksuba biex jagħti kontribut għall-iżvilupp ekwilibrat u regolari tas-suq intern fl-interessi tal-Unjoni,
(b)
l-azzjonijiet adottati favur it-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-imġiba ħażina, il-kunflitti ta’ interess, l-evitar tat-taxxa, il-frodi u l-korruzzjoni;
(c)
miżuri ġodda biex jissaħħu t-trasparenza u d-diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem;
(d)
miżuri biex jissaħħaħ l-appoġġ għall-SMEs u l-operaturi ekonomiċi eliġibbli matul l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE;
(e)
segwitu għas-sejħiet u t-talbiet adottati permezz ta’ din ir-riżoluzzjoni;
o o o
97. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u jitlob lill-Kunsill u lill-Bord tad-Diretturi tal-BEI jkollhom dibattitu dwar il-pożizzjonijiet tal-Parlament hawnhekk ippreżentati.