Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2023/2780(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0331/2023

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/07/2023 - 7.1

Testi adottati :

P9_TA(2023)0288

Testi adottati
PDF 122kWORD 44k
Il-Ħamis, 13 ta' Lulju 2023 - Strasburgu
L-iskwalifiki politiċi fil-Venezwela
P9_TA(2023)0288RC-B9-0331/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Lulju 2023 dwar l-iskwalifiki politiċi fil-Venezwela (2023/2780(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 144(5) u l-Artikolu 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-elezzjonijiet tal-Venezwela tal-2024 jistgħu jkunu punt ta’ bidla deċiżiva lejn ir-ritorn għad-demokrazija; billi l-pajjiż qed jesperjenza instabbiltà istituzzjonali, ekonomika u politika; billi aktar minn seba’ miljun ruħ ġew imġiegħla jitilqu mill-pajjiż;

B.  billi l-informazzjoni pubblika, il-libertà ta’ opinjoni u ta’ espressjoni u d-dritt ta’ għaqda ġew ristretti b’mod sistematiku;

C.  billi tliet retturi prinċipali tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (CNE) tal-Venezwela rriżenjaw, u dan wassal biex it-tnejn li fadal jirriżenjaw, u l-Assemblea Nazzjonali illeġittima ħatret rappreżentanti tar-reġim biex jagħżlu r-retturi l-ġodda;

D.  billi l-iskwalifiki arbitrarji u politikament iffabbrikati ta’ kandidati, bħall-iskwalifika ta’ 15-il sena ta’ María Corina Machado u dawk ta’ personalitajiet politiċi prominenti oħra bħal Leopoldo López, Henrique Capriles u Freddy Superlano, imorru kontra r-rakkomandazzjonijiet tal-missjoni ta’ osservazzjoni elettorali (MOE) tal-UE u jirrestrinġu severament id-drittijiet tal-Venezwelani li jagħżlu r-rappreżentanti tagħhom;

E.  billi din hija manuvra oħra mir-reġim, permezz tas-CNE, biex ifixkel il-proċess elettorali u jrażżan kwalunkwe prospettiva ta’ ritorn għad-demokrazija;

F.  billi l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, il-korpi tan-NU, l-Istati Uniti tal-Amerka, il-mexxejja ewlenin fir-reġjun u l-VP/RGħ tal-UE għamlu dikjarazzjonijiet li jikkundannaw dan kollu;

1.  Jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni arbitrarja u antikostituzzjonali biex María Corina Machado, Leopoldo López, Henrique Capriles u Freddy Superlano, fost kandidati oħra, ma jitħallewx joħorġu għall-elezzjoni, kif ukoll l-indħil tar-reġim ta’ Maduro fil-proċess elettorali;

2.  Jitlob proċedura ta’ nomina indipendenti għall-ħatriet tas-CNE;

3.  Jirrikonoxxi l-isforzi tal-oppożizzjoni għar-reġim biex jiġu organizzati elezzjonijiet primarji bħala soluzzjoni demokratika għall-Venezwelani residenti fil-pajjiż u barra mill-pajjiż; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Venezwelani jipprovdu l-kundizzjonijiet biex jiżguraw elezzjonijiet ekwi, liberi, inklużivi u trasparenti;

4.  Jitlob lill-UE tappoġġa ritorn għad-demokrazija fil-Venezwela u tagħmel pressjoni fuq ir-reġim Venezwelan biex jeħles lill-priġunieri politiċi kollha;

5.  Jiddeplora l-fatt li r-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE qed jiġu injorati u jinkoraġġixxi l-isforzi kollha favur l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom;

6.  Jappoġġa bis-sħiħ l-investigazzjonijiet tal-Qorti Kriminali Internazzjonali dwar id-delitti u l-atti ta’ repressjoni estensivi min-naħa tar-reġim Venezwelan u jitlob lill-UE tappoġġa l-investigazzjonijiet dwar l-allegati delitti kontra l-umanità, biex dawk responsabbli jagħtu kont ta’ għemilhom;

7.  Jisħaq li s-summit li se jsir dalwaqt bejn l-UE u l-Komunità ta’ Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew jirrappreżenta opportunità biex il-prinċipji tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem jitħarsu, u jistieden lill-parteċipanti kollha jirrispettaw dawn il-prinċipji; jistieden lill-parteċipanti fis-summit joħorġu dikjarazzjoni li titlob ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-libertajiet fundamentali;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-parteċipanti fis-summit bejn l-UE u l-Komunità ta’ Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-awtoritajiet Venezwelani.

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' Diċembru 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza