Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Lulju 2023 dwar il-ħtieġa ta’ azzjoni tal-UE dwar it-tiftix u s-salvataġġ fil-Mediterran (2023/2787(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1951 u l-protokoll addizzjonali tagħha,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar tal-1974 (SOLAS) u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar it-Tiftix u s-Salvataġġ fil-Baħar tal-1979 (il-Konvenzjoni dwar it-Tiftix u s-Salvataġġ) kif emendati, u r-riżoluzzjonijiet relatati tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI), b’mod partikolari r-Riżoluzzjoni MSC.167(78) tal-20 ta’ Mejju 2004 bit-titolu “Guidelines on the Treatment of Persons Rescued At Sea” (Linji gwida dwar it-trattament ta’ persuni salvati mill-baħar),
– wara li kkunsidra l-Kapitolu 5 tal-Konvenzjoni dwar it-Tiftix u s-Salvataġġ rigward il-proċeduri operattivi,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 1, l-Artikolu 2(1), l-Artikolu 3, l-Artikolu 6, l-Artikolu 18, l-Artikolu 19 u l-Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 67(1), l-Artikolu 77(1) u l-Artikolu 77(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 656/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi regoli dwar is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operazzjonali kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea(1),
– wara li kkunsidra l-Patt Globali tan-NU tad-19 ta’ Diċembru 2018 għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari u dwar ir-Rifuġjati,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624(2),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Settembru 2020 dwar Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil (COM(2020)0609),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Ottubru 2020 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE dwar id-definizzjoni u l-prevenzjoni tal-faċilitazzjoni ta’ dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Mejju 2021 dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-politika barranija tal-UE dwar il-migrazzjoni(4),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa ta’ Ġunju 2019 bit-titolu “Lives saved. Rights protected. Bridging the protection gap for refugees and migrants in the Mediterranean” (Ħajjiet salvati. Drittijiet protetti. L-eliminazzjoni tad-distakk fil-protezzjoni għar-rifuġjati u l-migranti fil-Mediterran), għar-rapport ta’ segwitu tiegħu tal-2021 bit-titolu “A distress call for human rights – The widening gap in migrant protection in the Mediterranean” (Sejħa ta’ emerġenza għad-drittijiet tal-bniedem – Id-distakk dejjem jikber fil-protezzjoni tal-migranti fil-Mediterran” u għall-Kumment tiegħu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ta’ Settembru 2022 intitolat “For the rights of the living, for the dignity of the dead – Time to end the plight of missing migrants in Europe” (Għad-drittijiet tal-ħajjin, għad-dinjità tal-mejtin – Wasal iż-żmien li tintemm is-sitwazzjoni tal-migranti neqsin fl-Ewropa),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Marzu 2022 dwar l-ispazju jiċkien tas-soċjetà ċivili fl-Ewropa(5),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-11 ta’ Ottubru 2022 bit-titolu “Nowhere but back: Assisted return, reintegration and the human rights protection of migrants in Libya” (Imkien ħlief lura: Ir-ritorn assistit, ir-riintegrazzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti fil-Libja),
– wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE tal-21 ta’ Novembru 2022 dwar il-Mediterran Ċentrali,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE tas-6 ta’ Ġunju 2023 għar-rotot tal-Mediterran tal-Punent u tal-Atlantiku,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-20 ta’ Marzu 2023 mill-Missjoni Indipendenti ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni tan-NU fil-Libja,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tas-6 ta’ Lulju 2023 bit-titolu “Six steps to prevent future tragedies at sea” (Sitt passi biex jiġu pprevenuti diżgrazzji futuri fil-baħar),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi skont iċ-ċifri tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), mill-2014 ’l hawn 27 633 persuna ġew irreġistrati bħala nieqsa (maħsuba mejta) fil-Mediterran; billi n-numru ta’ mwiet kien l-ogħla fil-Mediterran Ċentrali, fejn l-IOM irrapportat aktar minn 17 000 mewta u persuni li għebu; billi fl-2022, 2 406 persuna ġew irreġistrati bħala mejtin jew nieqsa u għall-2023 iċ-ċifra diġà laħqet l-1 875 persuna mejta jew nieqsa; ifakkar li din ir-rotta hija biss waħda minn ħafna rotot fatali użati minn persuni li jkunu qegħdin ifittxu li jaslu l-Ewropa;
B. billi ħafna persuni vulnerabbli bħalma huma n-nisa u l-minorenni mhux akkumpanjati jinsabu fost dawk li qed jippruvaw jaslu l-Ewropa billi jaqsmu l-Mediterran; billi ħafna minnhom huma f’riskju li jisfaw vittmi tat-traffikar u l-isfruttament u għalhekk jeħtieġu protezzjoni immedjata;
C. billi s-salvataġġ tal-ħajjiet huwa qabelxejn att ta’ solidarjetà ma’ dawk fir-riskju, iżda wkoll obbligu legali kemm skont id-dritt tal-Unjoni kif ukoll skont id-dritt internazzjonali, peress li l-Artikolu 98 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) – li ġiet irratifikata mill-Istati Membri kollha u mill-Unjoni nnifisha – jirrikjedi li l-Istati jagħtu assistenza lil kwalunkwe persuna f’diffikultà fuq il-baħar;
D. billi l-Artikolu 19(2)(g) tal-UNCLOS, moqri flimkien mal-Artikolu 17 tagħha, jipprevedi li vapur barrani għandu d-dritt ta’ passaġġ innoċenti f’baħar territorjali ta’ Stat li huwa parti għall-Konvenzjoni u li l-passaġġ ta’ vapur barrani jrid jitqies li huwa ta’ preġudizzju għall-paċi, il-bon ordni jew is-sigurtà tal-Istat kostali jekk fil-baħar territorjali huwa jkun involut fit-tagħbija jew il-ħatt ta’ kwalunkwe komodità, munita jew persuna li jmorru kontra l-liġijiet u r-regolamenti doganali, fiskali, sanitarji jew tal-immigrazzjoni tal-Istat kostali;
E. billi d-dritt internazzjonali tal-baħar u d-dritt marittimu jirrikjedu li l-Istati jieħdu miżuri preventivi, ta’ twissija bikrija u ta’ reazzjoni biex jitnaqqas ir-riskju ta’ fatalitajiet fuq il-baħar, inkluż billi joperaw servizzi adegwati u effikaċi tat-tfittxija u s-salvataġġ; billi l-liġi Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem tirrikjedi li l-Istati jwettqu dmirijiet pożittivi fir-rigward tas-salvagwardja tal-ħajjiet ta’ dawk fill-ġuriżdizzjoni tagħhom u jieħdu miżuri preventivi biex jevitaw riskji reali u immedjati għall-ħajja tal-bniedem;
F. billi fil-każ li ċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ Marittimu (MRCC) responsabbli miż-żona tat-tiftix u s-salvataġġ ma jassumix ir-responsabbiltà għal operazzjoni, inklużi każijiet meta n-nuqqas li jsir dan ikun wieħed sistemiku, il-Linji Gwida 2004 tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) u tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima (MSC) dwar it-trattament tal-persuni salvati fuq il-baħar iqisu li l-ewwel Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ allertat huwa dak responsabbli;
G. billi d-dritt internazzjonali marittimu u dak dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll id-dritt tal-Unjoni, jeħtieġu l-iżbark tal-persuni salvati f’post sikur; billi d-dritt tal-Unjoni jiddefinixxi “post ta’ sikurezza” bħala post fejn l-operazzjonijiet tas-salvataġġ jitqiesu li jitterminaw u fejn is-sikurezza tal-ħajja tas-superstiti ma tkunx mhedda, fejn jistgħu jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi umani tagħhom u minn fejn jistgħu jsiru l-arranġamenti għat-trasportazzjoni lejn id-destinazzjoni li jmiss jew id-destinazzjoni finali tas-superstiti, b’kont meħud tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom f’konformità mal-prinċipju ta’ non-refoulement;
H. billi l-bastimenti kollha li joperaw fil-Mediterran, inkluż meta jkunu involuti f’operazzjonijiet tas-salvataġġ, għandhom l-obbligu li jirrispettaw il-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti u regoli applikabbli oħra;
I. billi, f’konformità mal-Gwida tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE dwar id-definizzjoni u l-prevenzjoni tal-faċilitazzjoni ta’ dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati, “kull min hu involut f’attivitajiet ta’ tfittxija u salvataġġ irid josserva l-istruzzjonijiet li jirċievi mill-awtorità koordinatriċi meta jintervjeni f’avvenimenti ta’ tfittxija u salvataġġ, skont il-prinċipji ġenerali u r-regoli applikabbli tal-liġi internazzjonali marittima u tad-drittijiet tal-bniedem”; billi din tfakkar ukoll li l-“kriminalizzazzjoni ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi jew ta’ atturi mhux statali oħra li jwettqu operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ filwaqt li tikkonforma mal-qafas legali rilevanti tammonta għal ksur tad-dritt internazzjonali, u għalhekk mhijiex permessa mil-liġi tal-UE.”;
J. billi minn tmiem l-operazzjoni Mare Nostrum fil-31 ta’ Ottubru 2014 ’l hawn, ma saret l-ebda attività proattiva ta’ tiftix u salvataġġ operata minn xi stat fil-Mediterran Ċentrali;
K. billi, fl-20 ta’ Marzu 2023, il-Kunsill iddeċieda li jestendi l-mandat tal-operazzjoni tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni EUNAVFOR MED IRINI sal-31 ta’ Marzu 2025, li hija inkarigata, fost l-oħrajn, li tappoġġja l-bini tal-kapaċitajiet u li tħarreġ il-gwardja tal-kosta u l-flotta navali tal-Libja;
L. billi l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) bħalissa qiegħda topera fil-Mediterran permezz ta’ Themis (li tappoġġja lill-Italja fil-Mediterran Ċentrali), Poseidon (li tappoġġja lill-Greċja fil-fruntieri tal-baħar Griegi mat-Turkija) u Indalo (li tappoġġja lil Spanja fil-Mediterran tal-Punent);
M. billi l-gwardja tal-kosta Libjana qed tkompli tinterċetta jew issalva għadd kbir ta’ persuni fil-baħar; billi f’għadd ta’ okkażjonijiet iċ-Ċentru Konġunt ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ fil-Libja naqas milli jissodisfa għalkollox l-obbligi tiegħu skont id-dritt marittimu internazzjonali li jikkoordina operazzjonijiet ta’ salvataġġ, ta’ spiss ma jirreaġixxix għal sejħiet għall-għajnuna, xekkel il-bastimenti tal-NGOs milli jsalvaw il-ħajjiet u poġġa fil-periklu l-ħajjiet meta kien imur isalva jew jinterċetta persuni fuq il-baħar; billi l-assi tal-Frontex kienu qed jittrażmettu informazzjoni liċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ Marittimu Libjan dwar persuni li jinsabu f’diffikultà fuq il-baħar;
N. billi l-persuni interċettati mill-gwardja tal-kosta Libjana jiġu trasferiti lejn ċentri ta’ detenzjoni fejn jiġu sistematikament esposti għad-detenzjoni arbitrarja f’kundizzjonijiet inumani, u fejn it-tortura u trattament ħażin ieħor, inkluż l-istupru, kif ukoll il-qtil u l-isfruttament arbitrarji huma endemiċi; billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati huwa tal-fehma li l-Libja ma tissodisfax il-kriterji biex tiġi nnominata bħala post sikur għall-iskop ta’ żbark wara salvataġġ fil-baħar;
O. billi l-kuntrabandu u t-traffikar tal-migranti huma fenomeni distinti minn xulxin u indirizzati minn oqfsa legali distinti fil-livell tal-Unjoni u fil-livell internazzjonali; billi t-traffikar tal-bnedmin jinvolvi r-reklutaġġ, it-trasport jew il-ħabi ta’ persuna permezz tal-użu ta’ mezzi vjolenti, qarrieqa jew abbużivi għall-iskop ta’ sfruttament, filwaqt li d-dħul klandestin tal-migranti, skont il-Protokoll kontra l-Faċilitazzjoni tad-Dħul Klandestin ta’ Migranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru (il-Protokoll tan-NU kontra l-Faċilitazzjoni tad-Dħul Klandestin) ifisser l-akkwist, sabiex jinkiseb, direttament jew indirettament, benefiċċju finanzjarju jew materjali ieħor, tad-dħul illegali ta’ persuna fi Stat Parti li tiegħu l-persuna ma tkunx ċittadin jew resident permanenti;
P. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta’ approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni, il-Parlament kien tal-fehma li rispons tal-Unjoni permanenti, robust u effikaċi fl-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ fuq il-baħar huwa kruċjali biex tiġi prevenuta eskalazzjoni fl-għadd ta’ mwiet ta’ migranti li jkunu qed jippruvaw jaqsmu l-Baħar Mediterran; billi għandhom jinħolqu mogħdijiet legali u sikuri sabiex jitnaqqsu l-migrazzjoni irregolari u l-għadd ta’ mwiet fil-Mediterran;
Q. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2018 dwar il-progress rigward il-Patti Globali tan-NU għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari u dwar ir-Rifuġjati, il-Parlament appella għal kapaċitajiet akbar ta’ tiftix u salvataġġ għall-persuni li jkunu jinsabu f’diffikultà, biex l-Istati kollha jibdew jużaw kapaċitajiet akbar, u biex jiġi rikonoxxut l-appoġġ mogħti minn atturi privati u NGOs fit-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ salvataġġ fuq il-baħar u fuq l-art;
R. billi mekkaniżmu ta’ solidarjetà b’saħħtu u permanenti bejn l-Istati Membri huwa prijorità ewlenija biex jiġi żgurat il-qsim ġust tar-responsabbiltà fil-livell tal-Unjoni wara l-iżbark tal-migranti wara operazzjoni ta’ tiftix u salvataġġ;
1. Jesprimi d-dispjaċir u n-niket kbir tiegħu għat-telf traġiku rikorrenti tal-ħajjiet fil-Mediterran, b’mod partikolari n-nawfraġju reċenti tal-14 ta’ Ġunju 2023, meta bastiment tas-sajd għereq fil-Baħar Jonju lil hinn mill-kosta ta’ Pylos, Messenia, il-Greċja filwaqt li kien qed iġorr madwar 750 persuna, li 104 minnhom ġew salvati, bi 82 ġisem irkuprat u l-bqija nieqsa, maħsuba mejta; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħmlu ħilithom sabiex jidentifikaw l-iġsma u l-persuni neqsin, u jinformaw lil qrabathom; ifakkar fil-ħtieġa li jiġi żgurat it-trattament uman u deċenti tas-superstiti u jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni volontarja biex jirrilokaw lil dawn il-persuni, filwaqt li jqisu r-rabtiet familjari u jiżguraw li jirċievu kura adegwata;
2. Itenni li, skont id-dritt internazzjonali tal-baħar, hemm l-obbligu li tingħata l-għajnuna lill-persuni li jinsabu f’diffikultà u jistieden lill-Istati Membri kollha biex, kemm individwalment kif ukoll meta jkunu qed jaġixxu bħala Stati Membri tal-UE jew fil-fora internazzjonali rilevanti, jirrispettaw bis-sħiħ l-istandards tad-dritt internazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni rilevanti; jistieden lill-bastimenti kollha li jwettqu operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ biex jikkonformaw mal-istruzzjonijiet mogħtija b’konformità mad-dritt internazzjonali u dak tal-Unjoni miċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ kompetenti u jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u mal-Frontex sabiex jiżguraw is-sikurezza tal-migranti;
3. Jesprimi t-tħassib tiegħu li minkejja l-għadd kbir ta’ persuni salvati f’dawn l-aħħar snin, l-IOM irreġistrat 27 633 persuna nieqsa fil-Mediterran mill-2014 ’l hawn; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-prattiki attwali tal-Istati Membri fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ u tibda taħdem minnufih fuq approċċ ġdid, aktar sostenibbli, affidabbli u permanenti għalihom, li jissostitwixxi s-soluzzjonijiet ad hoc eżistenti, u li tipprovdi appoġġ materjali, finanzjarju u operazzjonali lill-Istati Membri sabiex itejbu l-kapaċità ġenerali għas-salvataġġ tal-ħajjiet fil-baħar u għall-koordinazzjoni tal-operazzjonijiet tat-tiftix u salvataġġ;
4. jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri u lill-Frontex itejbu l-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ proattivi billi jipprovdu biżżejjed bastimenti u tagħmir speċifikament iddedikati għall-operazzjonijiet u l-persunal tat-tiftix u salvataġġ tul ir-rotot fejn jistgħu jagħtu kontribut effettiv biex jiġu salvati l-ħajjiet; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja tali inizjattivi kemm politikament kif ukoll finanzjarjament; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-bastimenti kollha li huma kapaċi jassistu fl-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ, inklużi l-bastimenti mħaddma mill-NGOs; jemmen li l-bastimenti tal-NGOs u l-vapuri tal-merkanzija ma għandhomx ikunu sostitut għall-issodisfar xieraq mill-Istati Membri u mill-Unjoni tal-obbligi tagħhom ta’ tiftix u salvataġġ; jitlob li titwaqqaf missjoni komprensiva ta’ tiftix u salvataġġ tal-UE implimentata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u mill-Frontex;
5. Iqis li l-atturi kollha fil-Mediterran għandhom jittrażmettu b’mod proattiv l-informazzjoni u, meta xieraq, jgħaddu l-messaġġi ta’ sejħiet ta’ emerġenza dwar persuni f’diffikultà fil-baħar lill-awtoritajiet responsabbli għall-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ u, meta xieraq, lil kwalunkwe bastiment fil-viċinanza li jista’ jinvolvi ruħu b’mod immedjat fit-tiftix u salvataġġ u jieħu lil dawk il-persuni f’port ta’ żbark sikur; iħeġġeġ lill-Istati Membri jqisu kif xieraq il-Gwida tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE dwar id-definizzjoni u l-prevenzjoni tal-faċilitazzjoni ta’ dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati bil-għan li jippermettu l-ħidma tal-atturi kollha ta’ tiftix u salvataġġ; jistieden ukoll lill-Istati Membri jżommu l-eqreb portijiet sikuri tagħhom miftuħa għall-bastimenti tal-NGOs u ma jikkriminalizzawx lil dawk li jipprovdu assistenza lill-migranti f’diffikultà;
6. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol ta’ koordinazzjoni tagħha fil-Grupp ta’ Kuntatt dwar it-Tiftix u Salvataġġ billi torganizza laqgħat aktar regolari u tlaqqa’ lill-atturi kollha involuti fit-tiftix u s-salvataġġ, inklużi l-NGOs u s-sidien tal-bastimenti, bil-ħsieb li jiġu żviluppati sinerġiji u prattiki komuni akbar sabiex jiġi żgurat rispons rapidu f’każ ta’ inċidenti fil-baħar; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta regolarment dwar l-attivitajiet tal-Grupp ta’ Kuntatt dwar it-Tiftix u s-Salvataġġ lill-Parlament;
7. Jistieden lill-Frontex ittejjeb b’mod sinifikanti l-informazzjoni disponibbli dwar l-attivitajiet operattivi tagħha b’rabta mat-tiftix u s-salvataġġ u tqiegħed informazzjoni preċiża u komprensiva għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fir-rigward tal-attivitajiet tagħha, filwaqt li tirrikonoxxi l-obbligu legali tagħha li ma tiżvelax informazzjoni operattiva li “tista’ tipperikola l-ilħiq tal-objettiv tal-operazzjonijiet”; jistieden lill-Frontex tissodisfa d-dmirijiet speċifiċi tagħha skont ir-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, inkluż li tinforma regolarment lill-Membri tal-Parlament li għandha tagħtihom kont ta’ għemilha b’informazzjoni dettaljata; jisħaq, b’mod partikolari, fuq il-ħtieġa ta’ informazzjoni ta’ wara l-operazzjonijiet aktar dettaljata;
8. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina jekk l-azzjonijiet meħuda minn xi Stati Membri f’konformità mad-dritt nazzjonali tagħhom biex ma jħallux lid-dgħajjes tas-salvataġġ jidħlu fl-ilmijiet territorjali tagħhom mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni u dak internazzjonali u mal-Artikolu 18 tal-Karta, moqri fid-dawl tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, u tieħu azzjoni xierqa meta, fil-valutazzjoni tagħha, issib li l-azzjonijiet tal-Istati Membri ma jikkonformawx mad-dritt tal-Unjoni;
9. Itenni li l-Istati Membri tal-UE għandhom jiżguraw investigazzjoni fil-pront u indipendenti tan-nawfraġji kollha, filwaqt li f’dawn l-investigazzjonijiet ifittxu l-għarfien espert ta’ korpi speċjalizzati fid-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja li l-UE għandha ssib modi kif tapplika l-prinċipji tat-trasparenza u tal-obbligu ta’ rendikont stabbiliti fir-regoli tal-UE meta tinvestiga n-nawfraġji;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tikkondividi informazzjoni u data komprensivi dwar il-livell ta’ appoġġ ipprovdut permezz ta’ finanzjament mill-UE u mill-Istati Membri lill-gwardji tal-fruntiera u tal-kosta f’pajjiżi terzi, inklużi l-Libja, it-Turkija, l-Eġittu, it-Tuneżija u l-Marokk, mhux biss permezz ta’ trasferimenti diretti iżda wkoll permezz ta’ assistenza materjali, teknika u ta’ taħriġ, inkluż bħala parti mill-attivitajiet tal-aġenziji tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw l-allegazzjonijiet ta’ ksur serju tad-drittijiet fundamentali mill-gwardja tal-kosta Libjana u jtemmu l-kooperazzjoni f’każ ta’ ksur serju tad-drittijiet fundamentali li jiffaċċjaw il-persuni interċettati fil-baħar;
11. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Frontex jiżguraw li l-iżbark isir biss f’post sikur f’konformità mad-dritt internazzjonali u tal-Unjoni rilevanti, u jiżguraw li tali port ikun l-eqreb port sikur disponibbli għall-iżbark; ifakkar lill-atturi kollha li jeħtiġilhom iżommu lura milli joħorġu struzzjonijiet lill-kaptani tal-bastimenti li jistgħu, direttament jew indirettament, iwasslu għal dewmien bla bżonn fl-iżbark sikur ta’ persuni salvati jew għall-iżbark ta’ persuni salvati f’post mhux sikur;
12. Itenni li l-perkorsi sikuri u legali huma l-aħjar mod kif jiġi evitat it-telf tal-ħajjiet u jħeġġeġ lill-Istati Membri jintensifikaw il-miżuri ta’ risistemazzjoni u, meta meħtieġ, jistabbilixxu kurituri umanitarji lejn l-Unjoni Ewropea;
13. Ifakkar li l-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri għandha tiġi implimentata bħala responsabbiltà kondiviża tal-Frontex u l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ġestjoni tal-fruntieri, inkluż gwardji tal-kosta sal-punt li jwettqu operazzjonijiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri marittimi u kwalunkwe kompitu ieħor ta’ kontroll tal-fruntieri;
14. Jikkundanna bil-qawwa lit-traffikanti kriminali u lil dawk li jiffaċilitaw id-dħul klandestin, li jisfruttaw individwi vulnerabbli u li jipperikolaw il-ħajjiet fil-baħar, u jitlob li jsiru sforzi akbar biex jiġu eliminati n-networks kriminali tagħhom, biex dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja u biex jiġu mfixkla l-attivitajiet illeċiti tagħhom;
15. Ifakkar li n-nies f’pajjiżi mhux tal-UE jeħtiġilhom jiġu infurmati fi stadju bikri mill-media u mill-istituzzjonijiet edukattivi li r-rotta madwar il-Mediterran hija fatali u perikoluża; jitlob il-kooperazzjoni ma’ dawk il-pajjiżi mhux tal-UE għal dan il-għan;
16. Jinnota li l-Parlament fil-passat kien tal-fehma li min-naħa tal-Unjoni, rispons permanenti, robust u effettiv fl-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ fil-baħar huwa kruċjali għall-prevenzjoni ta’ aktar imwiet ta’ migranti li jkunu qed jippruvaw jaqsmu l-Mediterran; huwa tal-fehma li l-implimentazzjoni xierqa tal-obbligi skont id-dritt internazzjonali dwar it-tiftix u s-salvataġġ tirrikjedi approċċ aktar proattiv u kkoordinat għall-operazzjonijiet tat-tiftix u s-salvataġġ mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha; jibqa’ konvint li l-Frontex – f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri – għandu jkollha rwol ewlieni f’rispons tal-Unjoni aktar proattiv għat-tiftix u s-salvataġġ;
17. Iqis li, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaqblu li jiskambjaw il-protokolli dwar it-tiftix u s-salvataġġ u jiżviluppaw l-aħjar prattiki biex jippermettu lill-Istati Membri jaġġustaw il-protokolli tat-tiftix u s-salvataġġ tagħhom; jemmen, barra minn hekk, li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll li torbot il-finanzjament tal-UE għall-ġestjoni tal-fruntieri marittimi mal-użu ta’ protokolli li jiżguraw li tingħata assistenza f’waqtha lill-persuni f’periklu fil-baħar;
18. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti biex tagħmel il-finanzjament lil pajjiżi terzi kundizzjonali fuq il-kooperazzjoni dwar il-ġestjoni tal-flussi migratorji u l-ġlieda kontra t-traffikanti tal-bnedmin u l-faċilitaturi tad-dħul klandestin tal-migranti;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lill-parlamenti nazzjonali tagħhom, lill-Frontex, lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil, lill-Europol, lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati, lill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni u lill-NGOs li jwettqu attivitajiet ta’ tiftix u salvataġġ fil-baħar.