Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Lulju 2023 dwar l-istat tal-Unjoni tal-SMEs (2023/2750(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Marzu 2020 bit-titolu “Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa” (COM(2020)0102),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Marzu 2020 bit-titolu “Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali” (COM(2020)0103),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Mejju 2021 bit-titolu “Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa” (COM(2021)0350),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali(1) (id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar strateġija ġdida għall-SMEs Ewropej(2),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ġunju 2023 bit-titolu “Rapport Annwali dwar l-SMEs Ewropej 2022/2023 – Rieżami tal-Prestazzjoni tal-SMEs 2022/2023”,
– wara li kkunsidra d-diskors tal-2022 dwar l-Istat tal-Unjoni mill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen fis-seduta plenarja tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Settembru 2022,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) Ewropej iffaċċjaw sfidi u tbatija sinifikanti minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, bit-tnejn wasslu għal tfixkil fil-ktajjen tal-valur globali u inflazzjoni persistenti;
B. billi l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jirreferi għas-suq uniku, l-iżvilupp sostenibbli u l-ekonomija soċjali tas-suq;
C. billi l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija tagħna, peress li jirrappreżentaw 99 % tan-negozji kollha fl-UE, jimpjegaw madwar 100 miljun persuna u jirrappreżentaw aktar minn nofs il-prodott domestiku gross tal-Ewropa;
D. billi l-mikrointrapriżi jirrappreżentaw sehem konsiderevoli tal-SMEs Ewropej u bosta drabi jkollhom diffikultajiet biex jaċċessaw il-finanzi u jiksbu għarfien sħiħ tal-opportunitajiet disponibbli fil-livell Ewropew u f’dak nazzjonali; billi din il-kategorija ta’ intrapriżi ntlaqtet ħażin ħafna mill-kriżi tal-COVID-19 u, mingħajr preġudizzju għad-definizzjoni attwali tal-SME, din jistħoqqilha tirċievi aktar assistenza u tiġi promossa aħjar;
E. billi fl-istħarriġ konġunt ta’ Ottubru 2022 mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-Kummissjoni, l-SMEs kienu l-aktar pessimisti dwar il-perspettiva ekonomika ġenerali li qatt ġiet irreġistrata; billi fir-rigward tal-aċċess għall-finanzi tal-intrapriżi, l-SMEs enfasizzaw ukoll ir-rieda dejjem tonqos tal-banek li jsellfu u d-disponibbiltà dejjem tonqos tal-linji ta’ kreditu;
F. billi r-rapport annwali għall-2022/2023 dwar l-SMEs Ewropej enfasizza l-fatt li r-rati ta’ inflazzjoni kkawżaw żieda fir-rati tal-imgħax, li min-naħa tagħhom naqqsu l-aċċess għall-finanzi pubbliċi u privati; billi l-istess rapport irrakkomanda li l-miżuri mmirati biex itaffu l-impatti negattivi tal-inflazzjoni għandhom jiffukaw fuq aċċess imtejjeb għall-finanzi għall-SMEs; billi r-rapport issottolinja n-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa bħala ostaklu għall-SMEs madwar l-UE;
G. billi n-nefqa operazzjonali industrijali fl-Ewropa hija għolja meta mqabbla mal-kompetituri globali; billi din in-nefqa hija fil-biċċa l-kbira tagħha xprunata minn prezzijiet għoljin tal-enerġija kif ukoll piż regolatorju kbir;
H. billi l-kompetittività Ewropea għadha lura meta mqabbla ma’ ekonomiji żviluppati oħra, u qed thedded il-potenzjal tal-Ewropa li tiġġenera ġid u prosperità; billi l-leġiżlazzjoni tal-UE trid tkun ibbilanċjata sew bejn it-trawwim tat-tkabbir, l-intraprenditorija, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-produttività tan-negozju;
I. billi l-piżijiet regolatorji għandhom jitnaqqsu b’mod sostanzjali, inklużi l-kostijiet tal-konformità kkawżati minn regolamentazzjoni żejda u proċeduri amministrattivi u obbligi ta’ rapportar kumplessi żżejjed;
J. billi 17 % biss tal-SMEs integraw b’suċċess it-teknoloġija diġitali fin-negozji tagħhom; billi d-diġitalizzazzjoni hija kruċjali għal tkabbir ekonomiku b’saħħtu u għall-ħolqien tal-impjiegi fis-suq uniku;
K. billi l-użu mill-Kummissjoni tal-prinċipju tal-innovazzjoni fit-tħejjija ta’ proposti leġiżlattivi ġodda jtejjeb b’mod sinifikanti l-kundizzjonijiet tas-suq għall-SMEs innovattivi fl-Ewropa, peress li jrawwem kompetizzjoni b’saħħitha fis-suq uniku u jaċċelera t-tranżizzjonijiet doppji tal-Ewropa;
L. billi matul id-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2022, il-President tal-Kummissjoni ħabbret li l-Kummissjoni kienet se tipproponi pakkett ta’ għajnuna għall-SMEs; billi ħabbret ukoll li d-Direttiva dwar il-Ħlas Tard ser tiġi riveduta peress li kienx ġust li wieħed minn kull erba’ fallimenti fl-UE huma dovuti għal fatturi li ma jitħallsux fil-ħin;
M. billi l-Parlament Ewropew, li jirrappreżenta l-interessi taċ-ċittadini tal-UE, jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-SMEs fit-trawwim tat-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-koeżjoni soċjali;
1. Jappella lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni ġenerali tal-effett kumulattiv tal-leġiżlazzjoni tal-UE fuq l-SMEs fl-UE, bil-għan li meta meħtieġ tipproponi simplifikazzjonijiet, kif ukoll qafas abilitanti biex jiġi żgurat li l-UE tkun l-aħjar post biex jiġu stabbiliti l-SMEs f’termini ta’ kompetittività u tkabbir;
2. Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu evitati burokrazija eċċessiva u gold-plating u li l-piż regolatorju għall-SMEs jitnaqqas għall-minimu assolut, filwaqt li jinżammu l-ogħla standards għall-protezzjoni tal-konsumaturi, tal-ħaddiema, tas-saħħa u tal-ambjent;
Pakkett ta’ għajnuna għall-SMEs
3. Jappella għall-adozzjoni urġenti ta’ Direttiva riveduta dwar il-Ħlas Tard, li tipprovdi lill-SMEs b’qafas legali robust u prevedibbli biex jiġi indirizzat id-dewmien fil-pagamenti kemm fir-relazzjonijiet bejn in-negozji kif ukoll bejn in-negozji u l-gvern, filwaqt li jiġi żgurat approċċ ibbilanċjat li jippreserva l-libertà tal-kuntratti;
4. Jinnota li l-ħlasijiet tard għadhom theddida kbira għas-sopravivenza tal-SMEs, b’mod partikolari fil-klima attwali ta’ inflazzjoni għolja u żieda fil-kostijiet tal-enerġija; jenfasizza li huwa stmat li wieħed minn kull erba’ fallimenti fl-UE jseħħu minħabba fatturi li ma jitħallsux fil-ħin;
5. Jappoġġa l-istabbiliment ta’ osservatorju dwar il-pagamenti tard, kif imħabbar fl-istrateġija għall-SMEs, sabiex jiġu mmonitorjati x-xejriet u l-iżviluppi fil-puntwalità tal-pagamenti li jsiru lill-SMEs, filwaqt li fl-istess ħin tiġi rrispettata l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġa l-użu mifrux ta’ għodod diġitali, bħall-fatturazzjoni elettronika u l-proċessi ta’ pagament awtomatizzati sabiex jiżdiedu t-trasparenza, is-sigurtà u l-effiċjenza;
6. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-Qafas Temporanju għall-Kriżi u t-Tranżizzjoni jinkludi bis-sħiħ lill-SMEs fl-implimentazzjoni tiegħu; jappella lill-Kummissjoni tiżgura kompetizzjoni ġusta għall-SMEs u tipprevjeni distorsjonijiet fis-suq uniku kkawżati minn illaxkar temporanju ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta reviżjoni possibbli tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat sabiex tevalwa kif l-interessi tal-SMEs jiġu salvagwardjati;
7. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi valutata d-definizzjoni attwali tal-SMEs sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għall-kapital ta’ riskju u tinħoloq definizzjoni standard għal kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja; jiddispjaċih li ma hemm ebda proposta biex tissaħħaħ it-tieqa għall-SMEs f’InvestEU fir-rieżami tal-qafas finanzjarju pluriennali;
8. Jilqa’ t-tħabbira tal-President tal-Kummissjoni fl-indirizz tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2022 ta’ proposta, bħala parti mill-pakkett ta’ għajnuna għall-SMEs, għal sett uniku ta’ regoli tat-taxxa biex isir in-negozju fl-Ewropa, L-Intrapriżi fl-Ewropa: Qafas għat-Tassazzjoni tal-Introjtu (BEFIT), jieħu nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta l-proposta BEFIT fit-12 ta’ Settembru 2023 bil-ħsieb li titfassal ġabra ta’ regoli ġdida u unika tal-UE dwar it-taxxa korporattiva; jisħaq li l-inizjattiva BEFIT għandha tirrappreżenta opportunità biex jiġu indirizzati l-kostijiet assoċjati mal-konformità mar-regoli tat-taxxa u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv, filwaqt li tgħin biex jiġi minimizzat l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u jitrawmu kundizzjonijiet ekwi għall-SMEs;
9. Josserva li l-kumpaniji qed jiffaċċjaw ambjent kummerċjali volatili u għadd dejjem akbar ta’ direttivi tal-UE dwar it-taxxa, b’mod partikolari wara l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali mill-Istati Membri; jesprimi dispjaċir għall-fatt li r-rata tat-taxxa effettiva għall-intrapriżi multinazzjonali hija ġeneralment ħafna aktar baxxa minn dik għall-SMEs; jemmen li d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2022/2523 tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar l-iżgurar ta’ livell minimu globali ta’ tassazzjoni għal gruppi ta’ intrapriżi multinazzjonali u gruppi domestiċi fuq skala kbira fl-Unjoni(3) se tgħin tnaqqas id-diskrepanza attwali;
10. Jappella lill-Kummissjoni tiżgura li jiġu ssodisfati t-talbet speċifiċi tal-SMEs, billi l-BEFIT jinżamm dejjem fakultattiv għall-SMEs, speċjalment dawk li ma jagħmlux negozju transfruntier;
11. Jieħu nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni, skont ir-regoli proposti tal-BEFIT, li tippermetti lill-SMEs li għandhom operazzjonijiet transfruntiera fi Stati Membri oħra joperaw taħt l-amministrazzjoni tat-taxxa li jafu l-aħjar;
Aċċess imtejjeb tal-SMEs għall-finanzi
12. Jinnota li l-isfidi ekonomiċi attwali u ż-żieda fir-rati tal-imgħax wasslu għal kundizzjonijiet aktar stretti għall-SMEs li qed jippruvaw jaċċessaw il-finanzjament; jappella lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha fir-rigward tal-unjoni tas-swieq kapitali u tirrilaxxa l-finanzjament għat-tkabbir tal-Ewropa;
13. Jilqa’ l-ħidma tal-Kummissjoni fuq il-pakkett tal-att dwar il-kwotazzjoni fil-Borża, li għandu l-għan li jtejjeb l-aċċess għas-swieq tal-ishma, b’mod partikolari għall-SMEs, billi jtaffi l-piż amministrattiv assoċjat mal-kwotazzjoni ta’ intrapriża f’Borża; jilqa’ l-pubblikazzjoni tal-pakkett tal-Att dwar il-kwotazzjoni fil-Borża; jagħraf il-potenzjal tiegħu li jiffaċilita l-aċċess għall-kapital għall-SMEs u jippermetti l-iskalabbiltà tagħhom; jirrikonoxxi l-opportunità li tiġi msaħħa l-Unjoni tas-Swieq Kapitali sabiex jiżdiedu l-investimenti fl-SMEs madwar l-UE u jenfasizza l-ħtieġa li tingħata prijorità lill-finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma għall-SMEs fi ħdan il-proġett tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali;
14. Itenni l-importanza li l-investimenti jiġu diretti lejn l-SMEs bħala kontribut għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjali;
15. Jappella biex tiġi aċċelerata l-ħidma fuq l-istrateġija Ewropea dwar il-krediti għall-esportazzjoni għall-SMEs sabiex tiġi pprovduta ġabra ta’ garanziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni li jkunu konsistenti u effettivi madwar l-UE;
16. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġati l-SMEs li jesperjenzaw diffikultajiet finanzjarji billi jiġi offrut appoġġ finanzjarju u mhux finanzjarju adegwat biex jiġi evitat il-falliment; jappella lill-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva dwar ir-Ristrutturar Preventiv(4);
17. Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni għal strateġija dwar l-investiment bl-imnut li tqiegħed l-interessi tal-konsumaturi fiċ-ċentru tal-investiment bl-imnut; itenni l-importanza li jiġi żgurat li l-SMEs jaraw l-opzjonijiet tagħhom ta’ finanzjament imtejba bħala riżultat ta’ parteċipazzjoni ogħla tal-investituri fil-livell tal-konsumatur fis-swieq kapitali, li għandha tkun riżultat ta’ din l-istrateġija;
18. Jappella li jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet doppji tad-dekarbonizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, peress li l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija tagħna u għalhekk il-pedament tal-kompetittività Ewropea fit-tul;
19. Ifakkar fil-ħtieġa ta’ kundizzjonijiet diġitali ekwi li jiżguraw l-interoperabilità u l-aċċess mhux diskriminatorju għad-data, li jippermettu t-tkabbir tal-SMEs f’ekonomija tad-data Ewropea ġusta;
20. Jappella biex l-adozzjoni tal-intelliġenza artifiċjali (IA) tiġi ffaċilitata billi jiġi promoss il-ħolqien ta’ alleanzi tal-SMEs għall-IA fi ktajjen tal-valur strateġiċi;
21. Jirrikonoxxi li l-kriżi klimatika tirrikjedi t-tranżizzjoni lejn emissjonijiet żero netti ta’ miljuni ta’ SMEs fl-UE; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jagħmlu l-finanzi sostenibbli aktar adatti għall-SMEs;
22. Jisħaq fuq l-importanza li l-SMEs jiġu involuti fi programmi u riżorsi ddedikati fi ħdan il-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku, b’mod partikolari fl-iżvilupp ta’ teknoloġija nadifa;
23. Ifakkar li l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) huwa programm ta’ finanzjament Ewropew ġdid u uniku mfassal biex jipprovdi negozji ġodda tat-teknoloġija profonda b’punt uniku ta’ servizz għall-finanzi biex jippermettilhom jiżviluppaw l-innovazzjoni tagħhom minn idea bikrija għal prodott kummerċjabbli, kif ukoll biex ikabbru l-kumpanija; jilqa’ ż-żieda fl-allokazzjoni tal-baġit tal-EIC, kif ukoll l-ambitu estiż tal-attivitajiet ta’ ekwità tiegħu, skont il-proposta għal pjattaforma tat-teknoloġiji strateġiċi għall-Ewropa; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni talloka parti mit-teknoloġiji strateġiċi proposti għall-pjattaforma tal-Ewropa speċifikament għall-SMEs;
24. Jappella għal aktar inċentivi biex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-SMEs fis-sejħiet ta’ finanzjament ta’ Orizzont Ewropa, filwaqt li jiġi żgurat li s-sottopilastru dwar l-SMEs fl-EIC jkollu l-flessibbiltà li jimmobilizza l-fondi malajr u li jżid il-baġit tiegħu meta jkun meħtieġ;
25. Jappella għall-għażla ta’ punt uniku ta’ kuntatt fi ħdan il-Kummissjoni biex jipprovdi gwida u appoġġ ċari lill-SMEs; jappella għall-istabbiliment ta’ portal diġitali uniku li jservi bħala punt uniku ta’ servizz li jikkonsolida l-appoġġ, il-forom u l-informazzjoni finanzjarji u mhux finanzjarji rilevanti kollha għall-impriżi kollha, inklużi l-SMEs; jappella għall-inklużjoni tar-rekwiżiti kollha dwar ir-rapportar skont il-leġiżlazzjoni tal-UE, kif ukoll dawk li jirriżultaw mill-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, fi strument ta’ rapportar uniku li jista’ jitfassal b’rekwiżiti speċifiċi u b’indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni lesti għall-użu għall-kumpaniji fuq bażi flessibbli; jenfasizza li dan l-istrument għandu jipprovdi wkoll rabta mal-opportunitajiet ta’ offerti u ta’ finanzjament tal-UE, biex b’hekk l-impriżi jkunu jistgħu jirnexxu fit-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi paralleli;
26. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prattiki u jiżviluppaw proċeduri komplementari fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari dawk li huma ta’ benefiċċju għan-negozji mikro u żgħar;
27. Jappoġġja l-introduzzjoni ta’ miżuri li jżidu l-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-akkwist pubbliku, inklużi proċessi ta’ sejħiet għall-offerti simplifikati u li jżidu l-użu ta’ għodod diġitali għall-akkwist transfruntier;
28. Jappella għat-tneħħija urġenti tal-ostakli għall-operazzjonijiet kummerċjali transfruntiera u għall-investimenti intra-UE sabiex jiġi stabbilit suq uniku sħiħ għall-attivitajiet ekonomiċi kollha;
29. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħtar ir-Rappreżentant għall-SMEs imwiegħed mingħajr dewmien; jemmen li r-Rappreżentant għall-SMEs għandu jkun f’pożizzjoni ċentrali taħt il-President tal-Kummissjoni biex jippermetti sorveljanza fuq kwistjonijiet tal-SMEs fid-direttorati ġenerali kollha; jemmen li wieħed mill-kompiti ewlenin tar-rappreżentant għall-SMEs għandu jkun il-ħolqien kondizzjonijiet ekwivalenti għan-negozju transfruntier u li tiġi indirizzata l-gold-plating;
30. Jemmen li l-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju jeħtieġlu jiġi estiż u li l-membri tal-persunal tiegħu għandhom ikunu fil-parti l-kbira tagħhom esperti indipendenti;
31. Jappella lill-Kummissjoni taġġorna t-Tabella ta’ Valutazzjoni għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex tippermetti sistema ta’ monitoraġġ li tkun kapaċi tittraċċa l-SMEs bħala benefiċjarji; jisħaq fuq l-importanza li tinġabar data granulari biex jiġu evalwati l-SMEs f’setturi speċifiċi;
32. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi inkluża l-perspettiva tal-SMEs fil-VAT (taxxa fuq il-valur miżjud) fil-pakkett dwar l-Era Diġitali; jappella għall-iżvilupp ta’ linji gwida mfassla apposta għall-SMEs biex jappoġġjaw l-aċċess modest tagħhom għall-benefiċċji tas-suq uniku;
33. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika sett ta’ għodod iddedikat għall-SMEs li jiddeskrivi l-miżuri u l-istrumenti disponibbli għall-Istati Membri biex jappoġġjaw lill-SMEs matul il-kriżi tal-enerġija; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prattiki, b’mod partikolari fir-rigward tal-politiki fiskali li jtaffu l-impatt tal-inflazzjoni u t-tfixkil fil-ktajjen tal-valur fuq l-SMEs;
Għodod ta’ politika adatti għall-SMEs
34. Jappoġġja bis-sħiħ l-introduzzjoni tal-Kummissjoni ta’ kontroll tal-kompetittività bħala parti mit-tħejjija tagħha għal leġiżlazzjoni ġdida; jemmen li dan il-kontroll għandu jkun inkorporat sew fil-qafas istituzzjonali tal-Kummissjoni;
35. Jappella biex il-prinċipju tal-innovazzjoni jiġi implimentat u vvalutat għall-atti legali ġodda u riveduti kollha proposti mill-Kummissjoni bl-għan li jiġu mħeġġa innovazzjonijiet li jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi ambjentali, soċjali u ekonomiċi tal-UE u biex jiġu antiċipati u sfruttati l-avvanzi teknoloġiċi futuri; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-impatt negattiv potenzjali ta’ atti legali proposti ġodda fuq l-iżvilupp ta’ innovazzjonijiet u l-introduzzjoni tagħhom fis-suq;
36. Jappella li jiġi applikat il-prinċipju ta’ “one in, one out” biex jiġi stabbilizzat il-piż regolatorju tal-UE fil-livell attwali tiegħu, għalkemm huwa għoli; jappella lill-Kummissjoni tqis l-aħjar prattiki fil-livell nazzjonali, inkluż il-valutazzjoni ta’ tnaqqis fil-piż regolatorju li jaffettwa lill-SMEs b’mill-inqas 30 % sabiex jitnaqqsu l-pressjonijiet tal-kostijiet u tiġi promossa l-kompetittività; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissemplifikaw il-proċeduri u jimplimentaw il-prinċipji ta’ “darba biss” u “diġitali b’mod awtomatiku”, li b’hekk jiffaċilitaw il-proċessi amministrattivi għall-SMEs;
37. Jappella għall-applikazzjoni konsistenti tal-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” f’deliberazzjonijiet interni u għat-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ input tal-SMEs, bi spjegazzjoni tar-raġuni għan-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-input tagħhom jekk ikun debitament ġustifikat; jirrikonoxxi l-importanza tal-konsultazzjonijiet mal-bord tal-SMEs u jiddispjaċih għall-fatt li l-użu tagħhom huwa ristrett minħabba nuqqas ta’ riżorsi;
38. Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu biex itejbu l-aċċess għal ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati; Jenfasizza l-importanza tat-taħriġ tal-ħiliet, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-impjegati tal-SMEs, b’mod partikolari matul is-Sena tal-Ħiliet 2023; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta l-politiki li jippermettu lill-SMEs iżommu forza tax-xogħol b’ħiliet; jissottolinja li inizjattivi bħall-Patt għall-Ħiliet, il-crash courses diġitali, in-network ta’ konsulenti dwar is-sostenibbiltà u ċ-ċentri tal-innovazzjoni diġitali, għandhom jagħtu prijorità lill-assistenza teknika lill-SMEs u lit-taħriġ tal-impjegati tagħhom; jappella biex il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa jindirizzaw b’mod adegwat il-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs; huwa tal-fehma li l-litteriżmu diġitali, il-litteriżmu fl-akkwist pubbliku u l-edukazzjoni finanzjarja u l-ħiliet ta’ ġestjoni tal-katina tal-provvista huma essenzjali biex tiżdied il-kompetittività tal-SMEs;
39. Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva għal pass Ewropew tas-sigurtà soċjali biex tiġi ffaċilitata l-mobilità tal-forza tax-xogħol u jittejjeb l-infurzar diġitali tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali, bil-ħsieb li l-awtoritajiet nazzjonali u s-sħab soċjali jiġu pprovduti bi strument f’ħin reali biex jinfurzaw b’mod effettiv id-dritt nazzjonali u tal-UE, inkluża l-verifika tad-dokumenti portabbli A1;
40. Ifakkar fl-importanza tal-promozzjoni tad-djalogu soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-SMEs, skont il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;
41. Jiddispjaċih dwar il-fatt li d-differenza bejn il-ġeneri għadha tippersisti fl-intraprenditorija u l-aċċess għall-finanzjament għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju mmexxija min-nisa; jappella lill-Kummissjoni tivvaluta l-ostakli li għadhom jipprevjenu lin-nisa milli jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal intraprenditorjali tagħhom u ssaħħaħ l-iskambju tal-aħjar prattiki fir-rigward tat-tisħiħ tal-ħiliet tan-nisa u l-fiduċja fihom infushom f’dan il-qasam;
42. Jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u jiġi ssimplifikat ir-reklutaġġ ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi bi kwalifiki għall-SMEs, inkluż billi tiġi esplorata l-possibbiltà li l-industrija jew l-assoċjazzjonijiet tan-negozju jkunu jistgħu jaġixxu bħala impjegaturi ċċertifikati f’isem il-membri tal-SMEs tagħhom;
43. Jappella għall-implimentazzjoni ta’ politiki favorevoli biex jappoġġaw it-trażmissjoni ta’ SMEs mmexxija mill-familji u jrawmu l-ispirtu intraprenditorjali tal-ġenerazzjoni li jmiss; jappella b’urġenza li ssir valutazzjoni bir-reqqa tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ristrutturar Preventiv; jinkoraġġixxi l-inklużjoni ta’ miżuri ta’ promozzjoni tat-trasferiment ta’ negozji fil-pakkett ta’ għajnuna għall-SMEs, bħall-faċilitazzjoni ta’ barometru Ewropew għat-trasferiment ta’ negozji;
44. Jilqa’, bħala l-ewwel pass, l-ispinta mħabbra tal-Kummissjoni biex jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti ta’ rapportar għall-kumpaniji u l-amministrazzjonijiet billi l-obbligi ta’ rapportar jitnaqqsu b’25 %; ifakkar, madankollu, li l-obbligi ta’ rapportar jirrappreżentaw biss porzjon żgħir tal-piż regolatorju u li għalhekk huma meħtieġa miżuri aktar drastiċi; jemmen li t-tnaqqis ippjanat fl-obbligi ta’ rapportar għandu japplika għal-leġiżlazzjoni kemm attwali kif ukoll futura;
45. Jemmen li l-UE għandha tippromwovi għodod diġitali sempliċi u faċli biex jintużaw biex l-SMEs ikunu jistgħu jinnavigaw l-ambjent regolatorju tal-UE;
46. Jappella lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi t-tixrid tal-aħjar prattiki u l-aċċess għal data preċiża biex jiġu appoġġjati t-trasferimenti u l-kontinwità sikuri, b’mod partikolari għan-negozji tal-familja, fejn il-kontinwità bejn il-ġenerazzjonijiet hija tal-akbar importanza;
47. Jemmen li l-UE jeħtieġ li ssaħħaħ il-prinċipju tagħha li wieħed ikollu viżibbiltà “kbira fuq affarijiet kbar, u żgħira fuq affarijiet żgħar” biex tiżgura aħjar il-proporzjonalità u s-sussidjarjetà u toħloq ambjent tan-negozju li jwassal għal tkabbir għall-SMEs tagħna;
48. Jappella għal valutazzjonijiet tal-impatt komprensivi mtejba b’enfasi speċjali fuq l-SMEs, inkluż test vinkolanti tal-SMEs fil-fażi tal-valutazzjoni tal-impatt biex jiġi vvalutat bis-sħiħ l-impatt ekonomiku, inklużi l-kostijiet ta’ konformità, tal-proposti leġiżlattivi dwar l-SMEs; jappella biex it-test jiġi aġġornat matul il-proċess leġiżlattiv kollu; jirrakkomanda rieżami komprensiv tat-test tal-SMEs, bl-introduzzjoni tal-użu ta’ għodod xierqa biex jiġi ffaċilitat l-input tal-SMEs, ir-reviżjoni regolari tal-valutazzjonijiet tal-impatt u d-differenzjazzjoni bejn il-kategoriji tad-daqs differenti tal-SMEs; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza ta’ valutazzjonijiet tal-impatt solidi li jqisu l-kompetittività tan-negozji Ewropej;
49. Jisħaq fuq l-importanza li jiġu introdotti rekwiżiti simplifikati u perjodi ta’ riżerva għall-SMEs fil-proposti leġiżlattivi sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità; jappella lill-Kummissjoni tinvolvi lill-SMEs fil-proċess tal-abbozzar ta’ leġiżlazzjoni sekondarja;
o o o
50. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Id-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (id-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza) (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 18).