Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Lulju 2023 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti – rapport annwali għas-snin 2019-2021 (2022/2015(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b’mod partikolari l-Artikoli 1, 9, 10, 11 u 16 tiegħu,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-"Karta"), b’mod partikolari l-Artikoli 41 u 42 tagħha,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni(1),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-30 ta’ April 2008 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (COM(2008)0229),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Marzu 2011 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (COM(2011)0137),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Settembru 2017 dwar it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2019 dwar l-inkjesta strateġika OI/2/2017 tal-Ombudsman dwar it-trasparenza tad-diskussjonijiet leġiżlattivi fil-korpi preparatorji tal-Kunsill tal-UE(4),
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni(5) (id-Direttiva dwar l-Informaturi),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Frar 2021 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti (Artikolu 122(7) – Rapport annwali għas-snin 2016-2018)(6),
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ombudsman tal-Ewropew tas-17 ta’ Jannar 2022 fil-Kawża OI/4/2021/MHZ dwar kif l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) tikkonforma mal-obbligi tagħha tad-drittijiet fundamentali u tiżgura l-obbligu ta’ rendikont b’rabta mar-responsabbiltajiet imsaħħa tagħha,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta’ Ħidma ta’ Skrutinju tal-Frontex tal-14 ta’ Lulju 2021 tal-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern dwar l-investigazzjoni ta’ ġbir ta’ informazzjoni dwar il-Frontex rigward l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Settembru 2021 dwar it-tisħiħ tat-trasparenza u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE billi jiġi stabbilit korp tal-etika indipendenti tal-UE(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Ottubru 2021 dwar it-trasparenza tal-UE fl-iżvilupp, ix-xiri u d-distribuzzjoni tal-vaċċini kontra l‑COVID‑19(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2022 dwar ir-rapport annwali rigward l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2020(9),
– wara li kkunsidra r-rapport dwar l-eżitu finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, ippubblikat f’Mejju 2022,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-18 ta’ Ottubru 2022 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għas-sena finanzjarja 2020(10),
– wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Frontex tat-12 ta’ Mejju 2021 bit-titolu “2020 Consolidated Annual Activity Report” (Rapport ta’ Attività Annwali Konsolidat tal-2020),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar is-suspetti ta’ korruzzjoni mill-Qatar u l-ħtieġa usa’ ta’ trasparenza u responsabbiltà fl-istituzzjonijiet Ewropej(11),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2023 dwar is-segwitu mogħti lill-miżuri mitluba mill-Parlament biex tissaħħaħ l-integrità tal-istituzzjonijiet Ewropej(12),
– wara li kkunsidra r-rapporti annwali tal-Ombudsman Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 122(7) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-QĠUE tal-25 ta’ Jannar 2023 fil-Kawża T-163/21, De Capitani vs il-Kunsill(13) (minn hawn ’il quddiem imsejħa s- “sentenza De Capitani vs il-Kunsill”),
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-QĠUE tas-27 ta’ Novembru 2019 T-31/18, Luisa Izuzquiza u Arne Semsrott vs L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta(14) (minn hawn ’il quddiem imsejħa “s-sentenza fil-Kawża T-131/18”)
– wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni, tal-Kunsill u tal-Parlament tal-2019, l-2020 u l-2021 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali(15),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, (A9-0179/2023),
A. billi t-TUE jipprevedi li “[k]ull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni” u li d-deċiżjonijiet iridu jittieħdu b’mod kemm jista’ jkun miftuħ u qrib taċ-ċittadini(16); billi t-TFUE jipprevedi li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni jwettqu xogħolhom b’mod kemm jista’ jkun miftuħ u li ċ-ċittadini u r-residenti jrid ikollhom id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti(17); billi d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti huwa dritt fundamentali, protett mill-Karta u mit-Trattati, li ċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw b’mod proattiv, u dan jippermettilhom jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt tagħhom li jiskrutinizzaw il-ħidma u l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-UE, b’mod partikolari l-proċess leġiżlattiv; billi l-QĠUE ripetutament saħqet fuq ir-rabta bejn l-aċċess għad-dokumenti u d-demokrazija;
B. billi r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jirrikonoxxi l-importanza partikolari tal-għoti ta’ aċċess saħansitra usa’ għad-dokumenti meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jaġixxu fil-kapaċità leġiżlattiva tagħhom; jissottolinja l-ħtieġa partikolari li jiġi żgurat aċċess dirett għad-dokumenti leġiżlattivi;
C. billi l-QĠUE ssottolinjat li l-iskrutinju pubbliku tal-informazzjoni li dwarha tittieħed azzjoni leġiżlattiva huwa prekundizzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet demokratiċi(18); billi l-QĠUE kkonkludiet li l-ftuħ dwar tali informazzjoni jikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-demokrazija billi jippermetti liċ-ċittadini jiskrutinizzaw l-informazzjoni kollha li tkun iffurmat il-bażi għal att leġiżlattiv; billi l-QĠUE sostniet li l-kapaċità taċ-ċittadini li jkollhom aċċess għall-kunsiderazzjonijiet li jirfdu azzjoni leġiżlattiva hija prekundizzjoni għall-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet demokratiċi tagħhom;
D. billi l-ftuħ u l-governanza tajba fil-funzjonament tal-UE u fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħha huma indispensabbli biex tinbena l-fiduċja fl-Unjoni u se jiżguraw leġittimità, effiċjenza u obbligu ta’ rendikont akbar tal-amministrazzjoni lejn iċ-ċittadini; billi l-funzjonament tal-UE huwa bbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva; billi l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-UE jeħtiġilhom jagħmlu ħilithom biex ikollhom fil-mira l-ogħla standards possibbli fit-trasparenza, l-obbligu ta’ rendikont u l-integrità; billi huwa meħtieġ li jiġu żgurati metodi ta’ skrutinju li jgħaqqdu flimkien l-attivitajiet ta’ sorveljanza demokratika, ta’ kontroll u ta’ monitoraġġ; billi l-ftuħ u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili fil-ħajja demokratika tal-Unjoni huma indispensabbli għall-promozzjoni tal-governanza tajba fl-istituzzjonijiet tal-UE;
E. billi l-aċċess għal informazzjoni preċiża huwa essenzjali biex tiġi pprevenuta l-miżinformazzjoni u tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni diġitali;
F. billi fir-rapport dwar l-eżiti finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, il-plenarja tal-konferenza appellat għal aċċessibbiltà mtejba għaċ-ċittadini għal azzjonijiet tal-UE permezz ta’ informazzjoni, edukazzjoni, parteċipazzjoni taċ-ċittadini u trasparenza aħjar; billi hija talbet ukoll li jittejjeb il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE sabiex tiġi żgurata l-kapaċità tal-UE li taġixxi, filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-Istati Membri kollha u jiġi ggarantit proċess trasparenti u li jinftiehem għaċ-ċittadini; billi hemm interess pubbliku ċar fl-iżvelar ta’ dokumenti leġiżlattivi, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt tagħhom li jiskrutinizzaw il-proċess leġiżlattiv; billi skont l-Artikolu 16(8) tat-TUE, il-Kunsill jeħtieġlu jiltaqa’ fil-pubbliku meta jkun qed jiddelibera u jivvota dwar abbozz ta’ att leġiżlattiv; billi l-identifikazzjoni tal-biċċa l-kbira tad-dokumenti preparatorji fi proċeduri leġiżlattivi li għaddejjin bħala “LIMITE” tirrappreżenta restrizzjoni sproporzjonata fuq id-dritt taċ-ċittadini li jkollhom aċċess għad-dokumenti leġiżlattivi; billi sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jeżerċitaw bis-sħiħ id-dritt tagħhom ta’ aċċess għad-dokumenti, id-dokumenti leġiżlattivi kollha prodotti u/jew iċċirkolati fil-korpi preparatorji għandhom jitniżżlu f’reġistru pubbliku li jkun faċli għall-pubbliku biex jużah; billi skont il-QĠUE, l-aċċess għad-dokumenti leġiżlattivi jrid ikun wiesa’ kemm jista’ jkun, u l-ġustifikazzjoni għar-rifjut tal-aċċess għandha tkun ġustifikata, inkluż fi ħdan il-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill(19);
G. billi l-prinċipji ta’ ftuħ u trasparenza għandhom jirregolaw mhux biss il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, iżda wkoll il-mod li bih jiġi abbozzat test; billi t-trasparenza u l-aċċess għad-dokumenti għandhom ikunu garantiti wkoll fir-rigward ta’ kif jiġu implimentati l-politiki tal-UE fil-livelli kollha, u kif jintużaw il-fondi tal-UE;
H. billi l-aspettattivi taċ-ċittadini fir-rigward tat-trasparenza, l-obbligu ta’ rendikont tal-istituzzjonijiet pubbliċi, kif ukoll is-soluzzjonijiet tekniċi eventwali evolvew f’dawn l-aħħar snin; billi sabiex jiġu riflessi dawn l-iżviluppi u jiżdiedu l-obbligu ta’ rendikont u l-effiċjenza, jista’ jkun meħtieġ li tiġi infurzata l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali u l-ġurisprudenza tal-QĠUE u tal-QEDB, l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet tekniċi u linji gwida ġodda u l-adozzjoni ta’ miżuri għall-monitoraġġ tal-progress;
I. billi l-punti ta’ tħassib ewlenin imqajma fl-inkjesti li ngħalqu mill-Ombudsman Ewropew fl-2021 kienu t-trasparenza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, l-obbligu ta’ rendikont u r-rifjut tal-aċċess pubbliku għall-informazzjoni u d-dokumenti (29 %), segwiti mill-kultura ta’ servizz (26 %), l-użu xieraq tad-diskrezzjoni, inkluż fi proċeduri ta’ ksur (18 %), ir-rispett għad-drittijiet proċedurali (12 %) u l-ksur tad-drittijiet fundamentali (11 %)(20); billi, skont ir-rapport annwali tal-Ombudsman tal-2021, l-eżistenza tar-“revolving doors” tibqa’ kwistjoni ta’ tħassib;
J. billi fil-Każ 1499/2021/SF(21), l-Ombudsman sabet li r-rifjut tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jagħtu aċċess pubbliku sħiħ għad-dokumenti relatati man-negozjati leġiżlattivi kien jikkostitwixxi amministrazzjoni ħażina;
K. billi r-rieżami tal-proċedura “rapida” tal-Ombudsman fl-2021 biex jiġu ttrattati lmenti dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti wera kemm tnaqqis sinifikanti ta’ żewġ terzi fit-tul ta’ żmien għall-ipproċessar għall-ilmenti quddiem l-Ombudsman kif ukoll żieda fl-għadd ta’ lmenti dwar l-aċċess għad-dokumenti(22);
L. billi fil-Każ 1499/2021/SF(23), l-Ombudsman sabet li r-rifjut tal-Kunsill li jagħti aċċess pubbliku sħiħ għad-dokumenti relatati man-negozjati leġiżlattivi kien jikkostitwixxi amministrazzjoni ħażina; billi l-fatt li l-pubbliku jinżamm infurmat dwar il-progress tal-proċeduri leġiżlattivi huwa rekwiżit legali; billi l-aċċess f’waqtu għad-dokumenti leġiżlattivi huwa kruċjali biex iċ-ċittadini jeżerċitaw id-dritt tagħhom ibbażat fuq it-Trattati li jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tal-UE;
M. billi r-rispons tal-Unjoni għall-kriżi tal-COVID‑19 wera l-kapaċità tagħha li taġixxi, iżda wera wkoll il-ħtieġa li jkun hemm aktar trasparenza fi ħdan l-Unjoni, inkluża l-ħtieġa tal-adozzjoni ta' politika aħjar dwar l-indirizzar tad-diżinformazzjoni, sabiex tinkiseb informazzjoni aħjar u aktar preċiża għaċ-ċittadini tal-UE; billi l- “grupp ta’ ħidma ad hoc” tal-Kunsill dwar iċ-ċertifikati tal-COVID-19 wettaq il-ħidma tiegħu mingħajr trasparenza suffiċjenti;
N. billi l-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal-regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 f’Diċembru 2011; billi n-negozjati dwar dak ir-regolament ilhom wieqfa mill-2012; billi l-UE assumiet ħafna responsabbiltajiet ġodda minn meta daħal fis-seħħ ir-regolament; billi żieda fir-responsabbiltà tirrikjedi żieda fit-trasparenza, fl-iskrutinju demokratiku u fl-obbligu ta’ rendikont, sabiex il-kredibbiltà, il-leġittimità u l-fiduċja tal-UE jibqgħu jiġu rrispettati f’għajnejn iċ-ċittadini;
O. billi fis-sentenza De Capitani vs Il-Kunsill, il-QĠUE għamlitha ċara li l-iskop tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 huwa li jagħti lill-pubbliku l-aktar dritt ta’ aċċess wiesa’ possibbli, b’tali mod li kull eċċezzjoni li tidderoga mill-prinċipju tkun trid tiġi interpretata u applikata b’mod strett; billi kkjarifikat wkoll li l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jipprevedi, fost l-oħrajn, eċċezzjoni rigward l-aċċess għad-dokumenti leġiżlattivi jekk l-iżvelar tagħhom jimmina serjament il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-istituzzjoni inkwistjoni; billi meta jirrifjuta li jagħti aċċess għad-dokumenti billi jinvoka din l-eċċezzjoni, il-Kunsill jeħtieġlu juri li l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni jimmina speċifikament u effettivament il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tiegħu u li r-riskju ta’ tali mminar ikun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku;
P. billi wara li s-sentenza fil-Kawża T-131/18 ġiet deċiża favur il-Frontex, il-QĠUE ordnat lil żewġ individwi jħallsu EUR 23 700 lill-Frontex għall-irkupru tat-tariffi legali tagħha, ammont li aktar tard il-QĠUE naqqset għal EUR 10 520; billi fid-deċiżjoni tagħha tal-15 ta’ Diċembru 2022 fil-Kawżi Magħquda 1261/2020 u 1361/2020(24), l-Ombudsman sabet amministrazzjoni ħażina fil-prattiki reċenti tal-Frontex rigward l-aċċess għad-dokumenti, speċifikament ir-rifjut tagħha li tikkomunika permezz tal-posta elettronika ma’ individwi li jitolbu aċċess għad-dokumenti; billi dawn il-prattiki ta’ invokazzjoni ta’ ostakli tekniċi għall-aċċess għad-dokumenti u l-isforzi biex jiġu rkuprati spejjeż legali eċċessivi mill-ilmentaturi għandhom effett dissważiv fuq il-membri tas-soċjetà li jfittxu aċċess għad-dokumenti mill-Frontex u jistgħu eventwalment jikkontribwixxu għal aktar oskurità, nuqqas akbar ta’ trasparenza u saħansitra inaċċessibbiltà sħiħa għad-dokumenti dwar l-attivitajiet tal-Frontex; billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Ottubru 2021(25) u fir-Rapport ta’ Ħidma ta’ skrutinju tal-frontex, il-Parlament appella lill-Frontex biex toqgħod lura milli tfittex li tirkupra l-ispejjeż (eċċessivament għoljin) ta’ avukati esterni minn rikorrenti f’kawżi tal-qorti bbażati fuq talbiet għal aċċess għall-informazzjoni;
Żviluppi reċenti
1. Jisħaq li l-istituzzjonijiet tal-UE huma obbligati jimplimentaw l-Artikolu 15(3) tat-TFUE f’konformità mal-prinċipji demokratiċi, b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikolu 10(3) tat-TUE u fl-Artikolu 42 tal-Karta; ifakkar li l-Artikolu 10(3) tat-FUE jirrikonoxxi li “[k]ull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni”, u b’hekk jenfasizza li d-deċiżjonijiet iridu jittieħdu b’mod kemm jista’ jkun miftuħ u qrib taċ-ċittadini; jisħaq li t-trasparenza u l-aktar aċċess pubbliku wiesa’ possibbli għad-dokumenti huma essenzjali biex jiġu żgurati l-obbligu ta’ rendikont u l-iskrutinju demokratiku tal-istituzzjonijiet tal-UE, u li l-fiduċja taċ-ċittadini fl-UE tiddependi direttament fuq it-trasparenza;
2. Jieħu nota tal-fatt li l-Kummissjoni tirċievi l-akbar numru ta’ applikazzjonijiet inizjali għall-aċċess pubbliku għad-dokumenti (7 445 fl-2019, 8 001 fl-2020, 8 420 fl-2021), segwita mill-Kunsill (2 567 fl-2019, 2 321 fl-2020, 2 083 fl-2021) u l-Parlament (645 fl-2019, 442 fl-2020, 499 fl-2021); jirrikonoxxi l-fatt li r-rata ta’ rispons tal-istituzzjonijiet hija ġeneralment pjuttost pożittiva (fl-2019, kienet ta’ 78 % għall-Kummissjoni, 74,7 % għall-Kunsill u 93 % għall-Parlament); fl-2020 rati ta’ 81 % għall-Kummissjoni, 84,1 % għall-Kunsill u 93 % għall-Parlament; u fl-2021 rati ta’ 73,7 % għall-Kummissjoni, 83,3 % għall-Kunsill u 95 % għall-Parlament); jenfasizza madankollu li dewmien regolari u rifjuti bla bażi għall-iżvelar tad-dokumenti, anke b’mod parzjali, jimminaw id-dritt taċ-ċittadini għall-iskrutinju fuq l-istituzzjonijiet tal-UE; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi tal-UE jipprovdu statistika dwar id-dewmien fir-rispons għat-talbiet għal aċċess; jisħaq li, għall-Kummissjoni, ir-rieżamijiet tad-deċiżjonijiet inizjali jiddewmu f’85 % tal-każijiet(26);
3. Jinsab imħasseb dwar l-użu frekwenti tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 biex ma jingħatax aċċess sħiħ għad-dokumenti; itenni li istituzzjoni, korp jew organu li jinvokaw waħda mill-eċċezzjonijiet dwar l-aċċess għad-dokumenti taħt dan l-artikolu jeħtiġilhom iwettqu evalwazzjoni oġġettiva u individwali, juru li r-riskju għall-interess protett huwa fondat tajjeb, prevedibbli u mhux purament ipotetiku, u jiġġustifikaw kif xieraq kif l-aċċess għad-dokument jimmina b’mod speċifiku u effettiv l-interess protett(27); jappella lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi tal-UE biex jintegraw dawn il-valutazzjonijiet fil-prattiki tagħhom biex jipprovdu aċċess għad-dokumenti; jenfasizza li għadu jista’ jkun possibbli li jiġu żvelati xi partijiet ta’ dokument meta partijiet oħra jkollhom bżonn jiġu protetti; filwaqt li jitqies l-interess pubbliku prevalenti tal-iżvelar, inkluża l-ħtieġa li tiġi żgurata governanza tajba, effiċjenza u obbligu ta’ rendikont, kif ukoll l-involviment aktar mill-qrib taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet; jenfasizza l-ġurisprudenza tal-QĠUE(28) li tirrikonoxxi d-dritt tal-pubbliku li jikseb aċċess għad-dokumenti mill-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill li jaġixxu fil-kuntest tal-proċess leġiżlattiv; jinnota, madankollu, li l-aċċess għad irid jintalab b’mod attiv(29); jinnota bi tħassib li l-problemi komuni li n-nies jiffaċċjaw meta jitolbu aċċess għad-dokumenti huma r-rifjut għall-aċċess mill-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi abbażi ta’ argumenti mhux sostanzjali u inkonsistenzi fit-trattament ta’ talbiet għal aċċess għad-dokumenti simili; jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jiżviluppaw l-aħjar prattiki biex jippermettu applikazzjoni u interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u tal-ġurisprudenza rilevanti tal-QĠUE; jappella wkoll lill-aġenziji tal-UE biex jimplimentaw r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 fil-politiki tagħhom dwar l-aċċess għad-dokumenti(30);
4. Ifakkar li skont l-Ombudsman Ewropew, ir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għad-dokumenti, b’mod partikolari dokumenti leġiżlattivi, għandhom ikunu eċċezzjoni u limitati għal dak li huwa assolutament neċessarju; ifakkar ukoll li kwalunkwe deċiżjoni li ċċaħħad l-aċċess pubbliku għad-dokumenti trid tkun ibbażata fuq eżenzjonijiet legali definiti b’mod ċar u strett, akkumpanjati minn ġustifikazzjoni motivata u speċifika, biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jifhmu r-rifjut għall-aċċess u jagħmlu użu effettiv mir-rimedji legali disponibbli; iqis li approċċ aktar proattiv jgħin biex tiġi żgurata trasparenza effettiva u għall-prevenzjoni ta’ tilwim legali li jiswa ħafna flus u li jkun ta’ piż bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet;
5. Jiddispjaċih għall-fatt li l-aċċess għall-pariri pprovduti mis-servizzi legali tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi huwa limitat wisq; jisħaq li l-ħarsien tal-interess tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi li jfittxu parir legali u li jirċievu pariri sinċiera, oġġettivi u komprensivi billi jillimitaw l-aċċess pubbliku jista’ jsir biss jekk ir-riskju li l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jkun qed jiġi mminat ikun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku u jekk il-parir legali jkopri kwistjonijiet ta’ natura partikolarment sensittiva; jieħu nota tas-sentenza tal-QĠUE(31) li ddikjarat li r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jimponi, fil-prinċipju, obbligu li jiġu żvelati l-opinjonijiet tas-servizz legali tal-Kunsill relatati ma’ kwalunkwe proċess leġiżlattiv; jinnota li skont il-QĠUE, l-unika raġuni possibbli għal rifjut minħabba l-protezzjoni ta’ parir legali mogħti fil-kuntest tal-proċess leġiżlattiv hija jekk il-kontenut tal-opinjoni jkun partikolarment sensittiv fin-natura jew ikollu ambitu partikolarment wiesa’ li jmur lil hinn mill-kuntest tal-proċess leġiżlattiv; itenni l-opinjoni tal-QĠUE li, f’każijiet bħal dawn, l-istituzzjoni kkonċernata hija obbligata tagħti dikjarazzjoni dettaljata li fiha tiddeskrivi r-raġunijiet għal tali rifjut;
6. Jinnota bi tħassib kbir li fl-2021, wara talba għall-aċċess pubbliku għall-messaġġi testwali li ġew skambjati bejn il-President tal-Kummissjoni u l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ kumpanija farmaċewtika dwar ix-xiri ta’ vaċċini kontra l-COVID‑19, il-Kummissjoni rrifjutat li tirrikonoxxi li tali messaġġi testwali jaqgħu fid-definizzjoni ta’ “dokument” skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001; jinnota li, anke jekk il-Kummissjoni jkollha tirreġistra u tfittex tali messaġġi testwali, xorta tista’ tiddeċiedi li ma tagħtix aċċess pubbliku sħiħ għalihom jekk japplikaw l-eċċezzjonijiet elenkati fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 bħall-interessi kummerċjali; ifakkar li r-reġistrazzjoni ta’ dokument hija konsegwenza tal-eżistenza ta’ dokument u mhux prerekwiżit għall-eżistenza tiegħu; jieħu nota tal-fatt li l-Ombudsman sabet amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-Kummissjoni f’dan il-każ(32); jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tagħti segwitu għar-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman wara l-inkjesta tagħha biex terġa’ ssir tfittxija oħra ta’ messaġġi testwali rilevanti; jistieden lill-Kummissjoni twettaq tfittxija sħiħa mingħajr dewmien; jesprimi tħassib serju dwar id-distanza dejjem tikber bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-UE li din is-sitwazzjoni kkawżat;
7. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-politika interna tal-Kummissjoni hija, effettivament, li ma tirreġistrax messaġġi testwali, peress li targumenta li l-messaġġi testwali huma “dokumenti ta’ ħajja qasira” min-natura tagħhom u “mhumiex maħsuba li jkun fihom informazzjoni importanti relatata mal-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni”; jirrimarka, madankollu, li fil-prattika l-messaġġi testwali qed jintużaw għal dan l-iskop; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ġġib il-linji gwida interni tagħha dwar ir-reġistrazzjoni tad-dokumenti f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u tirreġistra messaġġi testwali relatati mal-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet tagħha; jinnota b’interess il-fatt li f’bosta Stati Membri saret prattika komuni għall-korpi pubbliċi li jarkivjaw messaġġi testwali relatati mal-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet tagħhom, soġġett għal-liġijiet dwar l-aċċess għad-dokumenti;
8. Jinnota li l-Kummissjoni kienet qed tħassar dokumenti, inklużi minuti minn laqgħat magħluqa, rapporti u dokumenti interni; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li din il-prattika wasslet għall-għajbien ta’ korrispondenza importanti rilevanti għal deċiżjonijiet ta’ politika; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura reġistrazzjoni u arkivjar sistematiċi ta’ korrispondenza mhux privata relatata ma’ deċiżjonijiet politiċi ewlenin b’mod awtomatiku;
9. Jiddispjaċih dwar id-diffikultà tal-Parlament biex jikseb aċċess għal informazzjoni sħiħa u dettaljata mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-dritt tal-UE; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ ħarsiet ġenerali ppubblikati b’mod proattiv ta’ informazzjoni aġġornata dwar l-aħħar proċedimenti fil-każijiet ta’ ksur speċifiċi kollha, speċjalment dawk li fihom il-ksur ilu pendenti għal perjodu twil ta’ żmien, kif ukoll in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-EU Pilot, djalogu informali bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE qabel ksur possibbli; jemmen li dan ifixkel l-iskrutinju parlamentari u pubbliku; jistieden lill-istituzzjonijiet jirrispettaw il-prinċipju tal-kooperazzjoni sinċiera u jippubblikaw din l-informazzjoni b’mod proattiv;
10. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tippubblikax b’mod proattiv statistika li tindika l-effikaċja tal-politiki tal-UE, b’mod partikolari dawk relatati mal-ġustizzja u l-affarijiet interni, li, fil-biċċa l-kbira, ifixklu l-iskrutinju pubbliku fuq politiki li għandhom impatt sinifikanti fuq id-drittijiet fundamentali; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika tali statistika b’mod proattiv sabiex tagħti prova li l-politiki huma neċessarji u proporzjonati biex jintlaħqu l-objettivi tagħhom;
11. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li d-dokumenti uffiċjali sikwit jiġu kklassifikati żżejjed mill-istituzzjonijiet tal-UE; itenni l-pożizzjoni tiegħu minn rapporti preċedenti dwar l-aċċess għad-dokumenti dwar il-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli ċari u uniformi għall-klassifikazzjoni u d-deklassifikazzjoni tad-dokumenti u li tiġi stabbilita awtorità indipendenti tal-UE biex tissorvelja l-infurzar ta’ dawn ir-regoli; jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ segwitu serju mill-Kummissjoni u mill-Kunsill;
12. Jisħaq li l-ftehimiet internazzjonali għandhom forza vinkolanti u għandhom impatt fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE, u jissottolinja l-ħtieġa ta’ trasparenza fin-negozjati tal-Parlament matul il-proċess kollu, inkluż billi jiġi żgurat aċċess għad-dokumenti rilevanti għall-MEPs; ifakkar li skont l-Artikolu 218 tat-TFUE, il-Parlament “għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura”;
13. Jieħu nota tal-fatt li fl-2021 il-Kunsill ikklasifika 1 327 dokument leġiżlattiv minn total ta’ 3 586 miżjuda mar-reġistru bħala “LIMITE”, u li 839 minnhom sussegwentement saru pubbliċi fuq talba(33); jisħaq li l-użu eċċessiv ta’ “LIMITE” jfixkel u jdewwem serjament l-aċċess taċ-ċittadini għad-dokumenti; jistieden lill-Kunsill jirrevedi l-linji gwida tiegħu għall-klassifikazzjoni ta’ dokumenti bħala “LIMITE” sabiex jiżgura pubblikazzjoni proattiva b’mod awtomatiku u juża “LIMITE” biss f’każijiet eċċezzjonali debitament ġustifikati, u jikkunsidra mill-ġdid regolarment din il-limitazzjoni; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Kunsill jippreżenta informazzjoni disponibbli dwar dokumenti leġiżlattivi f’reġistru li mhuwiex komplet u li mhuwiex faċli għall-użu tal-utent;
14. Jesprimi tħassib dwar id-diffikultajiet fl-aċċess għad-dokumenti ta’ ċerti aġenziji tal-UE li jżommu liċ-ċittadini u lill-MEPs milli jiskrutinizzawhom b’mod effettiv; iqis li huwa meħtieġ żvelar ta’ laqgħat u interazzjonijiet bejn l-aġenziji tal-UE u partijiet terzi biex tiġi żgurata trasparenza akbar;
15. Jinnota li l-Frontex stabbiliet reġistru tad-dokumenti fuq sit web apposta, kif ukoll il-fatt li, fl-ewwel sena mit-tnedija tagħha f’Marzu 2022, il-Frontex tellgħet kważi 2 000 dokument fir-reġistru; jiddispjaċih, madankollu, li r-reġistru fih ftit wisq dokumenti relatati mal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet konġunti, li hija l-attività ewlenija tal-aġenzija; jisħaq li l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Frontex huwa meħtieġ biex wieħed jifhem il-ħidma tal-aġenzija, u jiddispjaċih li, fl-2020, anqas minn 5 % tat-talbiet għal aċċess pubbliku għad-dokumenti rċevew aċċess sħiħ, u b’hekk saret prevenzjoni ta’ skrutinju pubbliku effettiv; japprova r-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman, wara l-inkjesta fuq inizjattiva proprja tagħha 4/2021/MHZ, li l-aġenzija għandha tieħu approċċ aktar proattiv għat-trasparenza bil-għan li jiġi żgurat obbligu ta’ rendikont akbar għall-operazzjonijiet tagħha;
16. Jesprimi tħassib serju dwar id-dewmien twil biex il-Membri tal-PE jingħataw aċċess għar-rapport tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) dwar l-imġiba ħażina ta’ diversi impjegati tal-Frontex, inkluż il-maniġment superjuri, fir-rigward tal-attivitajiet operattivi tiegħu; jinsab imħasseb dwar il-fatt li kemm il-Bord ta’ Tmexxija tal-Frontex kif ukoll l-OLAF ma ddefinewx is-sjieda tar-rapport u l-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet għall-pubblikazzjoni tiegħu wara talbiet mill-MEPs u l-Ombudsman; jisħaq li d-deċiżjoni li r-rapport tal-OLAF ma jsirx disponibbli mal-ewwel għall-MEPs kollha tista’ tikkontradixxi l-ħtieġa ta’ skrutinju demokratiku tal-aġenzija; jitlob li s-sejbiet tar-rapporti futuri tal-OLAF dwar il-Frontex isiru disponibbli pubblikament u jappella biex l-MEPs jingħataw aċċess immedjat għal dawn ir-rapporti addizzjonali meta jiġu ffinalizzati sabiex jiġi żgurat l-iskrutinju tagħhom tal-aġenzija;
17. Jinsab imħasseb serjament dwar il-fatt li MEPs, ex MEPs u persunal tal-Parlament Ewropew huma allegatament involuti f’korruzzjoni, ħasil tal-flus u parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali bi skambju għal influwenza fuq id-deċiżjonijiet tal-Parlament; ifakkar fl-importanza tat-trasparenza u l-aċċess għad-dokumenti fil-prevenzjoni u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u biex jiġi żgurat l-obbligu tal-obbligu ta’ rendikont tal-persuni li jwettqu dmirijiet pubbliċi; jinnota li livell għoli ta’ trasparenza, inkluż l-aċċess għad-dokumenti, jagħmilha aktar faċli li jiġu segwiti l-attivitajiet relatati mal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u jista’ jgħin biex jiġu esposti attivitajiet kriminali; ifakkar fir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2022 u tas-16 ta’ Frar 2023 u jappella għall-implimentazzjoni rapida u sħiħa tagħhom;
18. Jilqa’ l-fatt li l-Kumitat Speċjali dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni, u t-tisħiħ tal-integrità, tat-trasparenza u tal-obbligu ta’ rendikont fil-Parlament Ewropew (INGE 2) ingħata l-kompitu li jidentifika nuqqasijiet potenzjali fir-regoli tal-Parlament u jagħmel proposti għal riformi mmirati lejn it-tisħiħ tal-fiduċja pubblika fil-Parlament, filwaqt li jipproteġi d-dritt tal-MEPs li jwettqu l-mandati tagħhom b’mod liberu; jitlob li r-rakkomandazzjonijiet finali tal-INGE 2 jiġu implimentati malajr; itenni t-talba tiegħu għall-introduzzjoni ta’ rekwiżit obbligatorju għall-MEPs kollha, l-assistenti parlamentari akkreditati u l-membri biex jippubblikaw il-laqgħat skedati kollha ma’ persuni li jkunu esterni għall-Parlament meta dawn il-laqgħat ikunu relatati ma’ xi rapport, rapport fuq inizjattiva jew riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew;
19. Jappella għal aktar trasparenza dwar l-applikazzjonijiet nazzjonali għal finanzjament, dwar il-komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u dwar l-implimentazzjoni tal-finanzjament tal-UE;
20. Jesprimi dispjaċir kbir għall-fatt li għadha mhux disponibbli ħarsa ġenerali kompleta u pubblika tal-finanzjament mill-UE lil pajjiżi mhux membri tal-Unjoni biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ migrazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura trasparenza, inkluż billi tistabbilixxi ħarsa ġenerali ċara tal-istrumenti kollha fil-qafas tal-baġit tal-UE użati biex jiffinanzjaw il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi mhux tal-Unjoni fil-qasam tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, inkluża l-informazzjoni dwar l-ammont, l-iskop u s-sors tal-finanzjament, kif ukoll informazzjoni dettaljata dwar kwalunkwe miżura potenzjali oħra ta’ appoġġ ipprovduta minn aġenziji tal-UE bħall-Frontex, sabiex jiġi żgurat li l-Parlament u l-pubbliku jkunu jistgħu jeżerċitaw skrutinju tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa u timplimenta metodoloġija preċiża għas-segwitu tan-nefqa ta’ 10 % allokata għall-migrazzjoni u l-ispostament furzat biex tiżgura b’mod effettiv trasparenza u obbligu ta’ rendikont xierqa fir-rigward ta’ din in-nefqa, kif meħtieġ mir-Regolament (UE) 2021/947(34);
21. Ifaħħar lill-QĠUE talli xandret b’mod dirett fuq is-sit web tagħha l-għoti tas-sentenzi tagħha u l-qari tal-konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jsegwu s-seduti ta’ smigħ bl-istess kundizzjonijiet bħallikieku kienu fiżikament preżenti; jistieden lill-QĠUE xxandar ukoll is-seduti kollha b’mod dirett;
22. Jisħaq fuq l-importanza li tissaħħaħ it-trasparenza tad-deċiżjonijiet meħuda fil-proċeduri ta’ ksur; jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta’ trasparenza rigward l-ittri ta’ intimazzjoni u l-proċeduri ta’ ksur kontra l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-konformità mal-Artikolu 218 tat-TFUE u tagħmel disponibbli għall-pubbliku dokumenti rilevanti, bħal dokumenti mibgħuta lill-Istati Membri, b’rabta ma’ proċeduri ta’ ksur;
Is-sitwazzjoni leġiżlattiva attwali
23. Jirrimarka li, b’konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-TUE u tat-TFUE, id-dritt tal-aċċess għad-dokumenti jappartjeni lill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi kollha tal-UE(35); jinnota li minħabba l-obbligi msaħħa tat-trasparenza stabbiliti fit-Trattati, kwalunkwe reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 ma għandhiex tbaxxi l-livell attwali ta’ trasparenza; jenfasizza r-rwol kruċjali tal-ġurisprudenza rilevanti biex ir-regolament jinżamm aġġornat mal-iżviluppi attwali(36); jenfasizza l-ħtieġa li fi ħdan l-UE l-ġurisprudenza rilevanti tiġi kkodifikata, it-trasparenza tissaħħaħ aktar u l-obbligu ta’ rendikont jiġi żgurat;
24. Ifakkar li mhijiex il-forma tad-dokument jew il-fatt li jkun ġie rreġistrat li jagħmluh dokument ta’ istituzzjoni partikolari, iżda pjuttost jekk il-kontenut tiegħu jikkonċernax xi kwistjoni relatata mal-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ dik l-istituzzjoni;
Rakkomandazzjonijiet
25. Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li żżid it-trasparenza fi ħdan l-UE abbażi ta’ “trasparenza prestabbilita”; jitlob bil-ħerqa lill-Kummissjoni ma tikkunsidra l-ebda proposta għar-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 li tnaqqas l-istandards tat-trasparenza u l-aċċess għad-dokumenti; jiddeplora l-fatt li n-negozjati ilhom żmien twil wieqfa u jħeġġeġ bil-qawwa lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jissoktaw in-negozjati mal-istituzzjonijiet l-oħra abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni mill-2008 u l-2011; jinnota li kwalunkwe riforma se jkollha bżonn tindirizza kwistjonijiet ewlenin bħall-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi kollha tal-UE, l-ambitu tar-raġunijiet għar-rifjut biex jingħata aċċess għad-dokumenti, id-definizzjoni ta’ “dokument”, il-verifika tal-interess pubbliku, it-trasparenza fil-proċess leġiżlattiv u l-oppożizzjoni għall-eżenzjonijiet ta’ kategorija, kif ukoll biex tiġi integrata l-ġurisprudenza tal-QĠUE u tal-QEDB u biex jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi ġodda; jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jaħdmu b’mod kostruttiv bil-għan aħħari li jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jeżerċitaw bis-sħiħ id-dritt tagħhom ta’ aċċess għad-dokumenti u b’hekk jeżerċitaw ir-rwol ta’ skrutinju tagħhom fir-rigward tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-UE;
26. Jiddispjaċih li l-Parlament ripetutament irrifjuta li jagħti aċċess pubbliku għad-dokumenti, anke wara li din il-prattika ġiet ikklassifikata bħala amministrazzjoni ħażina mill-Ombudsman, u titolbu jagħti eżempju tajjeb; jappella għal aktar trasparenza, inkluż permezz ta’ aċċess aħjar għad-dokumenti, sabiex ikun jista’ jsir skrutinju pubbliku;
27. Jenfasizza, fid-dawl tal-iskandli reċenti, ir-riskji tal-laqgħat bil-magħluq; jesprimi dispjaċir kbir għall-fatt li l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-aġenziji u l-korpi tal-UE spiss wisq jinsistu li jsiru laqgħat bil-magħluq mingħajr ġustifikazzjoni xierqa; iqis li t-talbiet għal-laqgħat bil-magħluq għandhom jiġu evalwati kif xieraq; jappella għall-iżvilupp ta’ kriterji u regoli ċari li jirregolaw it-talbiet għal sessjonijiet bil-magħluq fl-istituzzjonijiet tal-UE;
28. Jistieden lill-Kummissjoni tkun aktar trasparenti fir-rigward tal-kuntratti ma’ partijiet terzi; jistieden lill-Kummissjoni tkun aktar proattiva fil-pubblikazzjoni ta’ ammont kbir ta’ informazzjoni kemm jista’ jkun dwar il-proċessi tal-offerti meta mqabbel mal-prattiki attwali tagħha;
29. Jilqa’ r-rakkomandazzjonijiet prattiċi tal-Ombudsman dwar kif għandhom jiġu rreġistrati l-messaġġi testwali u l-messaġġi istantanji mibgħuta jew riċevuti mill-membri tal-persunal fil-kapaċità professjonali tagħhom(37); jirrikonoxxi l-fatt li l-messaġġi testwali u l-messaġġi istantanji relatati max-xogħol huma “dokumenti” skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti u jistieden lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi l-oħra tal-UE jirrikonoxxu dan ukoll, isegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman kif xieraq u dan is-segwitu jagħmluh pubbliku; jistieden lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi l-oħra tal-UE japplikaw b’mod strett dan il-kunċett ta’ “dokument”, ħaġa li hija partikolarment importanti f’soċjetà tal-informazzjoni u fil-kuntest ta’ forom ġodda ta’ komunikazzjoni li qed jintużaw biex jiġu diskussi kwistjonijiet relatati mal-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet;
30. Jilqa’ l-linji gwida tal-2021 tal-Ombudsman għall-amministrazzjoni tal-UE dwar il-politiki u l-prattiki biex jagħtu effett lid-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti bil-ħsieb li jittejbu l-proċeduri interni sabiex il-proċess isir faċli u jkun miftuħ għaċ-ċittadini, inkluż billi l-pubbliku jingħata informazzjoni dwar kif għandu jressaq talba ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti, dwar il-proċedura segwita mill-istituzzjonijiet biex fit-trattament tat-talbiet u dwar il-mezzi ta’ rimedju(38); jappella lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi biex jużaw dawn il-linji gwida bħala bażi għall-proċeduri tagħhom ta’ aċċess għad-dokumenti;
31. Jinkoraġġixxi lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi jistabbilixxu, fuq is-siti web rispettivi tagħhom, pariri dwar liema informazzjoni għandu jkun fiha talba għal dokumenti skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 sabiex jiġi ssimplifikat l-ipproċessar tat-talbiet;
32. Jenfasizza li t-trasparenza u l-aċċess sħiħ għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet iridu jkunu r-regola, u li l-eċċezzjonijiet għal dik ir-regola iridu jiġu interpretati b’mod strett, filwaqt li jitqies l-interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar; jappella sabiex l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi kollha tal-UE jippubblikaw b’mod proattiv id-dokumenti fuq is-siti web tagħhom u jagħmluha eħfef biex iċ-ċittadini jfittxu dawn id-dokumenti sabiex ikun jista’ jsir l-iskrutinju pubbliku; jissottolinja li nuqqas ta’ għarfien dwar jekk id-dokumenti fil-fatt jeżistux jista’ jimpedixxi liċ-ċittadini milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jitolbu aċċess; jisħaq li l-fatt li jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jifhmu, isegwu fid-dettall u jipparteċipaw fil-proċess leġiżlattiv huwa rekwiżit legali skont it-Trattati u l-Karta, u huwa rekwiżit bażiku għall-iskrutinju demokratiku u għad-demokrazija inġenerali; jissottolinja li, skont il-QĠUE(39), iċ-ċittadini jeħtiġilhom ikunu wkoll kapaċi jsegwu fid-dettall il-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fi ħdan il-korpi preparatorji involuti fi proċeduri leġiżlattivi u jrid ikollhom aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha; jappella lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi tal-UE sabiex ikollhom politika ta’ “trasparenza mid-disinn” u jippubblikaw id-dokumenti marbuta mal-fajls leġiżlattivi b’mod proattiv, inklużi dokumenti li jiffurmaw parti minn proċeduri leġiżlattivi jew li jkunu relatati magħhom, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli u b’mod li jkun faċli għall-utent u aċċessibbli, kif ukoll jippubblikaw ilmenti b’rispons għar-rifjuti li jingħata aċċess; jemmen li dokumenti tat-trilogu, bħal aġendi, sommarji ta’ eżiti, minuti u approċċi ġenerali fil-Kunsill, huma relatati ma’ proċeduri leġiżlattivi u għandhom jiġu ttrattati bħala dokumenti leġiżlattivi; jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jikkonformaw bis-sħiħ mas-sentenza tal-QĠUE fil-Kawża T‑540/15(40) dwar l-aċċess għad-dokumenti tat-trilogu; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE, b’mod partikolari lill-Kunsill, biex itejbu r-regoli u l-proċeduri tagħhom dwar it-trasparenza leġiżlattiva, inklużi l-aċċessibbiltà u l-klassifikazzjoni tad-dokumenti leġiżlattivi; itenni t-talba tiegħu lill-Frontex biex ittemm minnufih il-prattika tagħha li titlob li l-applikanti jkopru l-ispejjeż tal-avukati esterni f’kawżi tal-qorti relatati ma’ talbiet għall-aċċess għall-informazzjoni(41);
33. Jilqa’ l-passi l-ġodda ta’ trasparenza meħuda mill-Kunsill fl-2020, f’konformità mal-proposti magħmula mill-Ombudsman fl-inkjesti tagħha dwar it-trasparenza leġiżlattiva fil-Kunsill u t-trasparenza tat-trilogi(42), biex jespandi l-iżvelar proattiv ta’ dokumenti leġiżlattivi, inklużi rapporti ta’ progress dwar negozjati dwar abbozzi ta’ liġijiet u mandati tal-Kunsill għal negozjati mal-Parlament Ewropew, u biex jiżgura l-applikazzjoni limitata tat-tikketta “LIMITE” għal tali dokumenti, inkluża r-restrizzjoni kemm tal-għadd ta’ dokumenti taħt din it-tikketta kif ukoll tad-durata tal-validità ta’ din it-tikketta; jesprimi dispjaċir għall-fatt li għad hemm differenzi bejn il-presidenzi fir-rigward tal-prattiki tagħhom dwar il-pubblikazzjoni proattiva tad-dokumenti; jinsisti li l-pubblikazzjoni sistematika tal-mandat biex jinbdew negozjati tat-trilogu u tal-pożizzjoni finali tal-Kunsill li tapprova l-eżitu tan-negozjati hija minimu assolut, u li sabiex tiġi riflessa t-trasparenza tal-Parlament fin-negozjati leġiżlattivi, il-Kunsill għandu wkoll jirreġistra b’mod sistematiku l-identitajiet tal-Istati Membri meta jesprimu l-pożizzjonijiet tagħhom fil-Kunsill; jappella għall-istabbiliment ta’ linji gwida vinkolanti permanenti għall-presidenzi kollha, abbażi tal-inizjattiva tal-Presidenza Finlandiża;
34. Jistieden lill-Kunsill jippubblika b’mod proattiv il-kuntatti tiegħu mal-lobbisti; jistieden lill-Kunsill jerġa’ jiftaħ id-djalogu bejn l-Istati Membri u s-Segretarjat Ġenerali dwar miżuri biex jittejbu l-konsistenza, l-istandardizzazzjoni u ċ-ċarezza tal-ġestjoni tad-dokumenti fil-Kunsill kollu; jisħaq dwar il-ħtieġa li l-Kunsill jippubblika d-dokumenti fil-ħin;
35. Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tabbozza linji gwida interni ġodda dwar it-trasparenza u l-aċċess għad-dokumenti u jistieden lill-istituzzjonijiet l-oħra jsegwu din l-inizjattiva; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiżgura li l-linji gwida jinvolvu politika ta’ “trasparenza mid-disinn” u jirriflettu l-ġurisprudenza rilevanti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman minn dawn l-aħħar snin(43);
36. Jappella lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet , lill-korpi u lill-organi l-oħra tal-UE jkunu aktar proattivi fil-pubblikazzjoni tad-dokumenti u tal-istatistika rigward kif jittrattaw it-talbiet għall-aċċess għad-dokumenti, peress li tali informazzjoni tgħin fil-valutazzjoni tal-approċċ proattiv tal-istituzzjonijiet għall-aċċess għad-dokumenti;
37. Itenni l-appell urġenti tiegħu lill-istituzzjonijiet tal-UE biex iħaffu bil-ħidma tagħhom dwar l-istabbiliment ta’ bażi ta’ data konġunta ddedikata u faċli għall-utent dwar l-istat tal-fajls leġiżlattivi (Bażi ta’ Data Leġiżlattiva Konġunta), kif miftiehem fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet(44) tat-13 ta' April 2016, biex tiġi żgurata trasparenza akbar; jisħaq li d-dokumenti li jsiru pubbliċi għandhom jiġu ppubblikati f’format li jippermettilhom li jkunu jistgħu jitfittxu u jinqraw mill-magni;
38. Jappella lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE jiżguraw li d-dokumenti uffiċjali kollha jiġu pprovduti sistematikament f’format miftuħ, faċli għall-utent u li jinqara mill-magni, li huwa partikolarment essenzjali għad-data diġitali u finanzjarja, u jiżguraw l-istess format għad-dokumenti ppubblikati fil-passat; jappella sabiex l-Artikolu 122(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu jiġi emendat biex jiġi żgurat li d-data tiġi pprovduta f’format miftuħ u li jista’ jinqara mill-magni; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE jikkunsidraw li jżidu l-għadd u jkabbru l-kategoriji ta’ dokumenti li jagħmlu disponibbli direttament fir-reġistri pubbliċi tagħhom u jtejbu r-rintraċċabbiltà u l-aċċessibbiltà tad-dokumenti fil-paġni tal-internet tagħhom; huwa tal-fehma li l-kategoriji ta’ dokumenti li għandhom ikunu magħmula aċċessibbli direttament permezz tar-reġistru pubbliku tal-Parlament għandhom jinkludu d-dokumenti leġiżlattivi preparatorji, irrispettivament minn jekk ikunux ġew abbozzati mill-Parlament waħdu jew flimkien mal-istituzzjonijiet l-oħra, bħal pereżempju d-dokumenti tat-trilogu politiċi u tekniċi, inklużi l-verżjonijiet kollha tad-dokument konġunt b’diversi kolonni msemmi fil-Kodiċi ta’ Kondotta għan-negozjar fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, soġġett għall-eċċezzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja;
39. Iqis li l-mod attwali biex tinstab l-istorja tal-votazzjoni tal-MEPs permezz ta’ fajls PDF li jkopru mijiet ta’ voti fuq is-sit web tal-Parlament, mhuwiex faċli għall-utent u ma jikkontribwix għat-trasparenza tal-UE; jistieden lill-Bureau tal-Parlament jiżviluppa sistema faċli għall-utent li fiha, għal kull votazzjoni b’sejħa tal-ismijiet, it-test ivvutat u r-riżultati tal-votazzjonijiet għal kull grupp u l-MEP ikunu viżibbli; jappella sabiex ir-riżultati tal-votazzjonijiet b’sejħa tal-ismijiet, id-data dwar l-attendenza tal-MEPs u t-testi vvotati jkunu magħmula disponibbli f’formati li jistgħu jinqraw mill-magni;
40. Ifakkar li applikazzjoni għall-aċċess għal dokument trid tiġi ttrattata fil-pront(45); jinnota bi tħassib serju li l-Ombudsman tirċievi ħafna lmenti miċ-ċittadini dwar dewmien estrem biex jinkiseb aċċess għad-dokumenti mitluba; jappoġġja l-fehmiet tal-Ombudsman li l-aċċess imdewwem huwa effettivament aċċess miċħud u li l-proċessi amministrattivi għandhom jiġu ssimplifikati biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jirċievu aċċess għad-dokumenti fil-ħin; jappella lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi tal-UE jiżguraw konformità mal-iskadenzi, għal aktar data dwar il-konformità tagħhom mal-iskadenzi u biex jingħataw spjegazzjonijiet lill-applikanti li jiddikjaraw ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ konformità mal-iskadenzi; jappella wkoll lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni biex iġġiegħel lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE jikkonformaw mal-iskadenzi; jisħaq li l-pubblikazzjoni proattiva ta’ dokumenti fir-reġistru hija l-aħjar soluzzjoni biex jitnaqqas l-għadd ta’ talbiet għal aċċess għad-dokumenti u jiġi evitat dewmien;
41. Jenfasizza li l-pandemija u l-bidliet fil-proċeduri ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE irriżultaw biex naqas ir-ritmu tal-ipproċessar tat-talbiet għall-aċċess għad-dokumenti; jisħaq li huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet jistabbilixxu mekkaniżmi biex jiżguraw li jinżamm l-ogħla livell ta’ trasparenza u aċċess għad-dokumenti anke f’każ ta’ kriżi;
42. Jinnota bi tħassib li bħalissa l-uniku mod kif iċ-ċittadini jistgħu jikkontestaw ir-rifjut ta’ talba għall-aċċess għal dokument jew in-nuqqas ta’ rispons fil-ħin meta l-iskadenzi ma jiġux rispettati huwa billi jressqu lment lill-Ombudsman, li r-rakkomandazzjonijiet tagħha sfortunatament mhumiex legalment vinkolanti, jew billi jiftħu proċedimenti tal-qorti kontra l-istituzzjoni quddiem il-QĠUE, li jinvolvi proċess estremament twil u għali, u eżiti inċerti, u dan joħloq piż mhux raġonevoli u dissważiv li jnaffar liċ-ċittadini li jkunu jixtiequ jikkontestaw deċiżjoni li jiġi rifjutat l-aċċess (parzjali); jenfasizza li, fil-prattika, dan ifisser li ma hemm l-ebda rimedju effettiv kontra deċiżjoni negattiva dwar talba għall-aċċess għad-dokumenti; jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE biex madankollu jagħtu segwitu b’mod sħiħ u fil-pront lid-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman; jappella lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi tal-UE jadottaw proċeduri aktar rapidi, aktar aċċessibbli u aktar simplifikati għat-trattament tal-ilmenti dwar ir-rifjuti li jingħata aċċess u miżuri biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jikkontestaw id-deċiżjonijiet jekk ikun meħtieġ; jirrakkomanda, f’dan il-kuntest, il-ħatra ta’ uffiċjali anzjani jew esperti indipendenti bil-kapaċità li jeżaminaw mill-ġdid, mingħajr dewmien żejjed, l-appelli li jikkonċernaw talbiet għall-aċċess għad-dokumenti; jenfasizza li l-impożizzjoni ta’ tariffi legali għoljin ħafna fuq is-soċjetà ċivili għandha effett dissważiv fuq l-aċċess tagħha għall-ġustizzja fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti, li huwa dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 42 tal-Karta, u timmina d-dritt tas-soċjetà ċivili għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta;
o o o
43. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2019 Luisa Izuzquiza u Arne Semsrott vs L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, T-31/18, ECLI:EU:T:2019:815.
Is-sentenza tal-QĠUE tal-1 ta’ Lulju 2008, Ir-Renju tal-Iżvezja u Maurizio Turco vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, C-39/05 P u C-52/05, ECLI:EU:C:2008:374. u s-sentenza tal-QĠUE tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea vs Access Info Europe, C-280/11P, ECLI:EU:C:2013:671.
L-Ombudsman Ewropew, “Deċiżjoni dwar ir-rifjut tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li jagħti aċċess pubbliku sħiħ għad-dokumenti relatati man-negozjati dwar l-abbozz tal-“Att dwar is-Swieq Diġitali”, is-27 ta’ Ġunju 2022.
L-Ombudsman Ewropew, “Deċiżjoni dwar ir-rifjut tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li jagħti aċċess pubbliku sħiħ għad-dokumenti relatati man-negozjati dwar l-abbozz tal-“Att dwar is-Swieq Diġitali”, is-27 ta’ Ġunju 2022.
L-Ombudsman Ewropew, “Deċiżjoni dwar kwistjonijiet relatati ma’ kif l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) tikkomunika maċ-ċittadini fir-rigward tal-aċċess tagħha għall-portal tad-dokumenti”, il-15 ta’ Diċembru 2022.
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Ottubru 2021 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għas-sena finanzjarja 2019 (ĠU L 47, 25.2.2022, p. 11).
L-Ombudsman Ewropew, “Ombudsman asks Commission to deal urgently with systemic delays in processing public access to documents requests” (L-Ombudsman titlob lill-Kummissjoni tittratta b’mod urġenti d-dewmien sistemiku fl-ipproċessar tat-talbiet għall-aċċess pubbliku għad-dokumenti), it-28 ta’ Marzu 2023.
is-sentenza tal-QĠUE tat-22 ta’ Marzu 2018, Emilio De Capitani vs Il-Parlament Ewropew, T-540/15, ECLI:EU:T:2018:167; is-sentenza tal-QĠUE tal-1 ta’ Lulju 2008, Ir-Renju tal-Iżvezja u Maurizio Turco vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, C‑39/05 P u C‑52/05, ECLI:EU:C:2008:374.
Becker, M., “The European Commission Deletes Mass Amounts of Emails and Does’t Archive Chats” (Il-Kummissjoni Ewropea tħassar ammonti enormi ta’ e-mails u ma tarkivjax iċ-chats), Der Spiegel, it-12 ta’ Novembru 2021.
L-Ombudsman Ewropew, “Deċiżjoni dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni Ewropea ta’ aċċess pubbliku għal messaġġi testwali li sar skambju tagħhom bejn il-President tal-Kummissjoni u l-Uffiċjal eżekuttiv ta’ kumpanija farmaċewtika dwar ix-xiri ta’ vaċċin kontra l-COVID-19”, is-16 ta’ Settembru 2021;
Abbozz tal-għoxrin rapport annwali tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.
Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1).
Ara, pereżempju, is-sentenza tal-QĠUE tat-18 ta’ Lulju 2017, Il-Kummissjoni Ewropea vs Patrick Breyer, IT-213/15, ECLI:EU:C:2017:563; is-sentenza tal-QĠUE tal-1 ta’ Settembru 2021, Andrea Homoki vs Il-Kummissjoni Ewropea, T-517/19, ECLI:EU:T:2021:529. u s-sentenza tal-QĠUE tal-21 ta’ April 2021, Laurent Pech vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, T-252/19, ECLI:EU:C:2021:203.
L-Ombudsman Ewropew, "Nota konklużiva dwar l-inizjattiva strateġika dwar kif l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-UE jirreġistraw il-messaġġi testwali u istantanji mibgħuta/riċevuti mill-membri tal-persunal fil-kapaċità professjonali tagħhom), it-13 ta’ Lulju 2022.
L-Ombudsman Ewropew, “A short guide for the EU administration on policies and practices to give effect to the right of public access to documents” (Gwida qasira għall-amministrazzjoni tal-UE dwar il-politiki u l-prattiki biex jingħata effett lid-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti), is-27 ta’ Ottubru 2021.
Id-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2021/1613 tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ April 2021 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għas-sena finanzjarja 2019 (ĠU L 340, 24.9.2021, p. 324).
L-Ombudsman Ewropew, “Ombudsman welcomes steps to make EU law making more accessible to the public” (L-Ombudsman tilqa’ l-passi biex id-dritt tal-UE jsir aktar aċċessibbli għall-pubbliku), is-16 ta’ Lulju 2020.
Ara, pereżempju, id-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew fil-Każ 2142/2018/EWM dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni Ewropea li tagħti aċċess għall-pożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar dokument ta’ gwida li jikkonċerna l-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi fuq in-naħal; is-sentenza tal-QĠUE tal-14 ta’ Settembru 2022, Pollinis France vs Il-Kummissjoni Ewropea, T‑371/20 u T‑554/20, ECLI:EU:T:2022:556; u s-sentenza tal-QĠUE tat-22 ta’ Marzu 2018, Emilio De Capitani vs Il-Parlament Ewropew, T-540/15, ECLI:EU:T:2018:167.
Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, (ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1).