Indiċi 
Testi adottati
L-Erbgħa, 15 ta' Marzu 2023 - Strasburgu
Ebda oġġezzjoni għal att delegat: il-metodoloġija għall-kalkolu tal-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn derivattivi
 Ftehim UE/Stati Uniti: il-modifika tal-konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE
 L-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi
 Ir-repressjoni ulterjuri fil-konfront tal-poplu Belarussu, b'mod partikolari l-każijiet ta' Andrzej Poczobut u Ales Bialiatski
 Introjtu minimu adegwat li jiżgura inklużjoni attiva
 Il-funzjonament tas-SEAE u UE aktar b'saħħitha fid-dinja
 Is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika 2023
 Is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: prijoritajiet soċjali u tal-impjieg għall-2023
 Rapport ta' implimentazzjoni dwar il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE
 Ir-relazzjonijiet UE-Armenja
 Ir-relazzjonijiet UE-Ażerbajġan

Ebda oġġezzjoni għal att delegat: il-metodoloġija għall-kalkolu tal-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn derivattivi
PDF 125kWORD 45k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Jannar 2023 li jemenda r-Regolament ta' Delega (UE) 2015/63 fir-rigward tal-metodoloġija għall-kalkolu tal-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn derivattivi (C(2023)399 – 2023/2534(DEA))
P9_TA(2023)0072B9-0161/2023

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (C(2023)399),

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tal-31 ta' Jannar 2023, li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-Regolament Delegat,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, bid-data 1 ta' Marzu 2023,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/59/UE(1) (BRRD), u b'mod partikolari l-Artikoli 103(7) u 115 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,

–  wara li kkunsidra l-fatt li ma tqajmet l-ebda oġġezzjoni fil-perjodu previst fit-tielet u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li skada fl-14 ta’ Marzu 2023,

A.  billi r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63(2) jirreferi għall-metodoloġija tal-proporzjon ta' lieva stabbilita fl-Artikolu 429 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013(3) għall-kalkolu ta' ċerti kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni tal-Istati Membri; billi dawn l-Artikoli 429, 429a u 429b ġew emendati bir-Regolament (UE) 2019/876(4); billi dawn l-emendi ssostitwew il-metodu preċedenti (Metodu tal-Iskopertura Kurrenti - CEM) għall-kalkolu tal-valur tad-derivattivi bl-Approċċ Standardizzat – Riskju ta' Kreditu tal-Kontroparti (SA-CCR) il-ġdid, b'effetti fuq il-perjodi ta' kontribuzzjonijiet ex ante mill-2023;

B.  billi skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2019/876, il-bidla għandha tapplika mit-28 ta' Ġunju 2021, b'effett fuq ir-rapporti finanzjarji annwali tal-2021, li għandhom jiġu pprovduti mill-istituzzjonijiet lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni fl-2023, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) 2015/63;

C.  billi fl-att delegat emendatorju adottat, il-Kummissjoni tissostitwixxi r-referenza għar-Regolament (UE) Nru 575/2013 billi tikkopja l-formulazzjoni preċedenti (jiġifieri l-approċċ tas-CEM) fl-att delegat emendatorju biex tippreskrivi l-metodu ta' kalkolu għall-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn derivattivi; billi permezz ta' din l-emenda, il-kalkolu ta' ċerti kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni tal-Istati Membri jibqa' mhux mibdul;

D.  billi l-att delegat emendatorju jipprevedi d-dħul fis-seħħ tiegħu l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali u l-applikazzjoni retroattiva tiegħu mill-1 ta' Ottubru 2022; billi din il-formulazzjoni għandha tippermetti d-dħul fis-seħħ sal-aħħar ta' Marzu 2023, fil-ħin biex l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jibdew il-proċess għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet fit-tieni kwart tal-2023;

E.  billi l-att delegat emendatorju ġie adottat fl-20 ta' Jannar 2023; billi l-Kummissjoni, fl-ittra tagħha tal-31 ta' Jannar 2023 fejn talbet nuqqas ta' oġġezzjoni bikrija, issostni li l-urġenza hija kkawżata mill-ħtieġa li l-gwida maħruġa mill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni dwar il-punti tad-data li għandhom jiġu pprovduti mill-istituzzjonijiet sat-28 ta' Frar 2023 fir-rigward tad-derivattivi tkun koperta mill-emendi proposti; billi l-Parlament jenfasizza li talbiet futuri għal tali proċeduri għandhom isiru biss fil-każijiet l-aktar urġenti;

1.  Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-Regolament Delegat;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).
(2) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni (ĠU L 011, 17.1.2015, p. 44).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-proporzjon ta' lieva finanzjarja, il-proporzjon ta' finanzjament stabbli nett, rekwiżiti għall-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, riskju ta' kreditu tal-kontroparti, riskju tas-suq, skoperturi għal kontropartijiet ċentrali, skoperturi għal impriżi ta' investiment kollettiv, skoperturi kbar, rekwiżiti ta' rapportar u divulgazzjoni, u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 1).


Ftehim UE/Stati Uniti: il-modifika tal-konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE
PDF 123kWORD 43k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2023 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994 relatat mal-modifika tal-konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (11723/2022 – C9-0007/2023 – 2022/0231(NLE))
P9_TA(2023)0073A9-0042/2023

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (11723/2022),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka skont l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994 relatat mal-modifika tal-konċessjonijiet fuq il-kwoti tariffarji kollha inklużi fl-Iskeda CLXXV tal-UE bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (11724/2022),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a) (v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9‑0007/2023),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(1) u (4), u l-Artikolu 114(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0042/2023),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Istati Uniti tal-Amerka.


L-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi
PDF 133kWORD 52k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2023 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri, li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/960/ĠAI (COM(2021)0782 – C9-0457/2021 – 2021/0411(COD))
P9_TA(2023)0074A9-0247/2022

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0782),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 87(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9‑0457/2021),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitati responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-7 ta’ Diċembru 2022, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0247/2022),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-15 ta' Marzu 2023 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2023/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u li tħassar id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI

P9_TC1-COD(2021)0411


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġislattiv finali, d-Direttiva (UE) 2023/977.)


Ir-repressjoni ulterjuri fil-konfront tal-poplu Belarussu, b'mod partikolari l-każijiet ta' Andrzej Poczobut u Ales Bialiatski
PDF 159kWORD 58k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2023 dwar ir-repressjoni ulterjuri fil-konfront tal-poplu Belarussu, b'mod partikolari l-każijiet ta' Andrzej Poczobut u Ales Bialiatski (2023/2573(RSP))
P9_TA(2023)0075RC-B9-0164/2023

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra u l-konvenzionijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem l-oħrajn kollha li l-Belarussja hija parti għalihom,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-21-22 ta' Ottubru 2021,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċipresident tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Josep Borrell tal-25 ta' Marzu 2021 dwar l-attakki mmirati lejn l-Unjoni tal-Pollakki fil-Belarussja, tas-17 ta' Jannar 2023 dwar il-proċessi kontra l-mexxejja tal-oppożizzjoni u l-ġurnalisti, u tat-3 ta' Marzu 2023 dwar is-sentenzjar ta' Ales Bialiatski u ta' difensuri oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll id-dikjarazzjoni mill-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tas-7 ta' Ottubru 2022 dwar is-sentenza tal-qorti kontra r-rappreżentanti tal-media indipendenti;

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-4 ta' Marzu 2022 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja fil-kuntest tat-tħejjija għall-elezzjoni presidenzjali tal-2020 u warajha u d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Jannar 2023 mill-Kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-proċessi fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-4 ta' Mejju 2022 u tal-20 ta' Lulju 2022 ta' Anaïs Marin, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, is-sejħa tal-10 ta' Ottubru 2022 mill-esperti tan-NU għall-ħelsien immedjat mill-ħabs tar-rebbieħ tal-Premju Nobel u ta' difensuri oħrajn tad-drittijiet fil-Belarussja, u l-kummenti tat-3 ta' Marzu 2023 ta' Ravina Shamdasani, il-kelliem tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sentenzjar tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belrussja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-G7 tal-4 ta' Novembru 2022 dwar il-Belarussja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa tat-3 ta' Marzu 2023 dwar il-kundanna ta' Bialiatski, ir-rebbieħ tal-Premju Nobel, u ta' difensuri oħra tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mir-Rappreżentanta dwar il-Libertà tal-Media tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), Teresa Ribeiro, tat-13 ta' Lulju 2022 dwar il-priġunerija persistenti tal-ġurnalisti u tal-ħaddiema tal-media fil-Belarussja, tal-15 ta' Settembru 2022 dwar it-tfigħ fil-ħabs kontinwu tal-ġurnalisti fil-Belarussja u tas-7 ta' Ottubru 2022 dwar il-persekuzzjoni kontinwa tal-professjonisti tal-media fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi minn mindu bdew il-protesti paċifiċi wara l-elezzjoni presidenzjali mbagħbsa ferm tad-9 ta' Awwissu 2020, ir-reġim ta' Lukashenko qed ikompli bl-atti ta' repressjoni tiegħu kontra l-poplu Belarussu, fejn ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, l-attivisti tal-oppożizzjoni u ħafna oħrajn qed jiġu ffastidjati, ippersegwitati, arrestati, ittorturati u kkundannati talli esprimew oppożizzjoni għar-reġim, għall-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem u għall-appoġġ tar-reġim għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; billi l-prosekuzzjoni kriminali għadha waħda mill-aktar forom severi ta' repressjoni, u għadha mifruxa;

B.  billi, sa Marzu 2023, kien hemm aktar minn 1 450 persuna fuq il-lista li ċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Viasna iżomm ta' priġunieri politiċi Belarussi, inkluż ir-rebbieħ tal-Premju Sakharov u tal-Premju Nobel għall-Paċi Ales Bialiatski; billi Viasna hija konxja ta' mill-inqas 2 900 persuna li nstabu ħatja f'każijiet kriminali b'motivazzjoni politika; billi, fl-2022, ir-reġim ta' Lukashenko ħareġ mill-inqas 1 200 kundanna politika fuq akkużi kriminali u għalaq 215-il entità tal-media stampata, filwaqt li mill-2020 ġew illikwidati aktar minn 1 000 NGO;

C.  billi Ales Bialiatski, difensur prominenti tad-drittijiet tal-bniedem, fundatur u president taċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Viasna u rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi u tal-Premju Sakharov, ġie arrestat fit-12 ta' Frar 2022 u nżamm f'detenzjoni ta' qabel il-proċess; billi huwa ntbagħat il-ħabs bejn l-2011 u l-2014 u reġa' ntbagħat il-ħabs fl-2021 wara d-dimostrazzjonijiet enormi favur id-demokrazija li seħħew wara l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2020; billi fit-3 ta' Marzu 2023, Ales Bialiatski, Valiantsin Stefanovich, membru taċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Viasna, id-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Zmitser Salauyou, u Uladzimir Labkovich, koordinatur tal-kampanja "Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem għal Elezzjonijiet Ħielsa", rispettivament ġew ikkundannati għal 10, 9, 8 u 7 snin priġunerija fi proċessi politikament motivati; billi, fit-3 ta' Novembru 2021, Leanid Sudalenka, avukat mill-fergħa ta' Homieĺ ta' Viasna, u Tatsiana Lasitsa, voluntiera ta' Viasna, ingħataw rispettivament is-sentenza ta' tliet snin u ta' sentejn u nofs ħabs;

D.  billi Andrzej Poczobut, ġurnalist u membru tal-Unjoni tal-Pollakki fil-Belarussja, ġie arrestat fit-18 ta' Marzu 2021 u aktar tard ġie kkundannat tliet snin ħabs fuq akkużi li "insulta pubblikament lill-President tal-Belarussja" u li "inċita l-mibegħda etnika"; billi fit-8 ta' Frar 2023, il-Qorti Reġjonali ta' Hrodna sabitu ħati li inkoraġġixxa azzjonijiet immirati biex jagħmlu ħsara lis-sigurtà nazzjonali tar-Repubblika tal-Belarussja u li inċita l-ostilità etnika, u kkundannatu tmien snin ħabs;

E.  billi l-ġurnalisti għadhom fost dawk l-aktar fil-mira tar-reġim; billi bħalissa hemm aktar minn 30 ġurnalista miżmuma l-ħabs fil-Belarussja; billi sa Ottubru 2022, mill-inqas 29 entità tal-media indipendenti ġew deżinjati bħala "estremisti" u ġew imblukkati mill-awtoritajiet; billi, skont l-Għaqda ta' Ġurnalisti Belarussi, id-diskors pubbliku huwa kważi kompletament maħnuq u l-media hija repressa severament; billi, b'riżultat tar-repressjoni totali fuq il-media indipendenti, il-libertà tal-kelma ma għadhiex teżisti fil-Belarussja, u r-reġim jeżerċita sorveljanza totali fuq l-internet;

F.  billi l-akkużi kontra Andrzej Poczobut u Ales Bialiatski huma meqjusa b'mod wiesa' bħala politikament motivati u mmirati biex isikktu l-vuċijiet indipendenti u jrażżnu l-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni;

G.  billi l-forzi politiċi demokratiċi tal-Belarussja għadhom qed jiġu ppersegwitati; billi nbdew proċedimenti in absentia mir-reġim ta' Lukashenko kontra mexxejja tal-forzi demokratiċi fil-Belarussja u ħafna mexxejja u rappreżentanti tal-partiti tal-oppożizzjoni demokratika għadhom qed jinżammu l-ħabs f'kundizzjonijiet inumani; billi fis-6 ta' Marzu 2023 il-Qorti tal-Belt ta' Minsk ikkundannat lill-mexxej tal-oppożizzjoni demokratika Belarussa u lill-Kap tal-Kabinett Tranżizzjonali Magħqud, Sviatlana Tsikhanouskaya, għal 15-il sena ħabs in absentia; billi l-qorti kkundannat ukoll lil membri oħrajn tal-Kunsill ta' Koordinazzjoni, jiġifieri lil Pavel Latushka għal 18-il sena ħabs, u lil Maryia Maroz, Volha Kavalkova u Siarhei Dyleuski għal 12-il sena ħabs kull wieħed; billi s-sentenzi ngħataw jiem wara li qorti Belarussa estendiet b'18-il xahar is-sentenza ta' 18-il sena ħabs tar-raġel ta' Tsikhanouskaya, id-dissident u l-attivist favur id-demokrazija Siarhei Tsikhanouski; billi bosta minn dawk ikkundannati huma rebbieħa tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb;

H.  billi fis-17 ta' Ottubru 2022 f'sentenza ħarxa bla preċedent f'każ politikament motivat fil-Belarussja, il-priġunier politiku Mikalai Autukhovich ngħata sentenza ta' 25 sena f'kolonja penali ta' sigurtà għolja, filwaqt li 11-il persuna oħra ġew ikkundannati għal sentenzi ta' ħabs b'termini sa 20 sena;

I.  billi l-awtoritajiet fil-Belarussja kisru ripetutament id-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini tal-pajjiż, inkluż id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, tal-assemblea paċifika, u tal-assoċjazzjoni; billi r-ripressjoni għadha taffettwa s-setturi kollha tas-soċjetà; billi l-persekuzzjoni tal-individwi qed tkompli bl-iskuża tal-ġlieda kontra l-estremiżmu u t-terroriżmu; billi l-emendi għall-Kodiċi Kriminali tal-Belarussja daħlu fis-seħħ f'Jannar 2022, u reġgħu introduċew ir-responsabbiltà kriminali għall-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet mhux reġistrati; billi, f'Mejju 2022 l-awtoritajiet wessgħu l-applikazzjoni tal-piena kapitali għat-tentattivi ta' atti ta' terroriżmu, akkuża li qabel kienet tintuża fil-proċessi tal-attivisti politiċi; billi r-reġim Belarussu qed ikompli jirrestrinġi severament il-libertà tal-assoċjazzjoni; billi, f'Diċembru 2022, il-Gvern Belarussu ppreżenta abbozz ta' liġi lill-parlament biex jemenda l-Liġi dwar il-Partiti Politiċi, li fl-aħħar mill-aħħar jista' jwassal għall-projbizzjoni de facto ta' kwalunkwe partit politiku li jopponi lir-reġim;

J.  billi, f'Ottubru 2022, Lukashenko ffirma l-liġi għall-irtirar tal-Belarussja mill-Ewwel Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, b'mod li jiġi bblokkjat il-mandat tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU li jirċievi u jirrieżamina l-ilmenti relatati mad-drittijiet tal-bniedem minn individwi fil-Belarussja, li kien wieħed mill-aħħar mezzi ta' rimedju għall-Belarussi ppersegwitati;

K.  billi l-persekuzzjoni amministrattiva hija waħda mill-istrumenti li r-reġim ta' Lukashenko juża biex isikket lill-oppożizzjoni u kwalunkwe vuċi li tqajjem dubji dwar ir-reġim; billi f'Jannar 2023, iċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Viasna rrapporta mill-inqas 350 arrest u 141 każ ta' persekuzzjoni amministrattiva b'motivazzjoni politika;

L.  billi l-persekuzzjoni tat-trade unions indipendenti għadha għaddejja; billi l-awtoritajiet Belarussi emendaw il-leġiżlazzjoni biex iwessgħu l-kamp ta' applikazzjoni tal-organizzazzjonijiet li għandhom jiġu kategorizzati bħala "estremisti"; billi f'Lulju 2022, il-Qorti Suprema tal-Belarussja għalqet erba' trade unions indipendenti ewlenin u l-Kungress Belarussu tat-Trade Unions Demokratiċi; billi f'Jannar 2023, il-mexxejja ta' trade unions indipendenti Henadz Fiadynich u Vasil Berasneu ġew ikkundannati għal disa' snin ħabs, filwaqt li Vatslau Areshka ġie kkundannat għal tmien snin ħabs; billi fi Frar 2023, il-membri tal-grupp Rabochy Rukh (Moviment tal-Ħaddiema) Siarhei Sheest, Uladzimir Zhurauka, Andrei Paheryla, Hanna Ablab, Aliaksandr Hashnikau, Siarhei Dziuba, Ihar Mints, Valiantsin Tseranevich, Siarhei Shametska u Aliaksandr Kapshul ġew akkużati bi tradiment kontra l-pajjiż u li ħolqu u pparteċipaw f'organizzazzjoni estremista, u kollha kemm huma ġew ikkundannati għal sentenzi ta' bejn 11 u 15-il sena ħabs; billi l-Ministeru tal-Intern tal-Belarussja qed ikompli jżid l-attivisti u l-mexxejja tal-moviment tat-trade unions demokratiċi mal-listi ta' estremisti u terroristi;

M.  billi r-reġim kompla bl-atti ta' repressjoni tiegħu kontra l-avukati b'ritaljazzjoni għall-fatt li jesprimu fehmiet dwar kwistjonijiet ta' drittijiet, jirrappreżentaw klijenti f'każijiet b'motivazzjoni politika, jew jitkellmu kontra l-gwerra fl-Ukrajna; billi minn Awwissu 2020, mill-inqas 70 avukat tilfu l-liċenzji tagħhom wara deċiżjonijiet arbitrarji mill-Ministeru tal-Ġustizzja jew b'segwitu għal proċeduri ta' tneħħija mill-elenku tal-avukati b'motivazzjoni politika; billi fl-2022, seba' avukati ffaċċjaw akkużi kriminali b'motivazzjoni politika u komplew jiffaċċjaw akkużi amministrattivi, detenzjonijiet, tfittxijiet u fastidju; billi Vital Brahinets ġie kkundannat għal tmien snin ħabs talli ddefenda lil diversi priġunieri politiċi, inkluż Ales Bialiatski;

N.  billi r-reġim ta' Lukashenko ħa miżuri dejjem aktar repressivi kontra l-minoranzi nazzjonali fil-Belarussja, b'mod partikolari l-minoranzi Pollakki u Litwani, inkluż l-għeluq ta' skejjel li jgħallmu bil-lingwi ta' minoranzi nazzjonali, kif ukoll miżuri kontra l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil dawn il-minoranzi, bħall-Unjoni tal-Pollakki fil-Belarussja; billi d-diskriminazzjoni sistematika kontra l-Pollakki u minoranzi nazzjonali oħra ilha għaddejja għal ħafna snin, u l-aktar każijiet prominenti ta' repressjoni jkunu dawk kontra Andżelika Borys u Andrzej Poczobut;

O.  billi r-reġim ta' Lukashenko qed ikompli l-politika tiegħu ta' Russifikazzjoni tal-Belarussja, bl-għan strateġiku li jimmarġinalizza u jeqred l-espressjonijiet tal-identità nazzjonali Belarussa, inkluż il-lingwa u l-kultura tagħha; billi din il-politika tinvolvi wkoll il-projbizzjoni ta' simboli nazzjonali u storiċi tal-Belarussja bħall-bandiera bajda, ħamra u bajda u l-Pahonia, u l-għeluq ta' djar tal-pubblikazzjoni, skejjel privati u korsijiet tal-lingwa Belarussa;

P.  billi r-reġim illeġittimu ta' Lukashenko qed ikompli jrażżan il-libertà tar-reliġjon u t-twemmin; billi skont il-Kunsill ta' Koordinazzjoni, diversi saċerdoti Kattoliċi Rumani, Kattoliċi Griegi u Ortodossi kif ukoll pastors Protestanti ffaċċjaw diversi forom ta' pressjoni, minn multi għal termini twal ta' priġunerija, inkluż Siarhei Rezanovich, li ġie kkundannat għal 16-il sena ħabs;

Q.  billi l-priġunieri politiċi huma soġġetti għal repressjoni u kundizzjonijiet inumani addizzjonali; billi dan jieħu l-forma li l-priġunieri politiċi jinżammu f'kundizzjonijiet li huma pprojbiti skont l-obbligi internazzjonali tal-Belarussja, li jkunu soġġetti għal penali dixxiplinari għal raġunijiet fittizji u li jitqiegħdu f'ċelluli ta' kastig; billi l-priġunieri politiċi għadhom qed jirrapportaw deterjorament fir-rigward ta' saħħithom, umiljazzjoni u trattament ħażin; billi f'xi każijiet il-livell ta' sigurtà tad-detenzjoni tagħhom qed jiżdied u t-terminu ta' priġunerija qed jiġi estiż b'mod arbitrarju, id-dritt għall-korrispondenza qed jinkiser u l-priġunieri politiċi qed jiġu mċaħħda miż-żjarat tal-familja, kif muri mill-każ ta' Palina Sharenda-Panasiuk;

R.  billi eluf ta' Belarussi ġew imġiegħla jew saritilhom pressjoni biex jitilqu minn pajjiżhom u jsibu rifuġju barra l-pajjiż; billi l-awtoritajiet Belarussi qed ikomplu jadottaw miżuri li jirrestrinġu d-drittijiet tal-Belarussi li jgħixu barra mill-pajjiż; billi l-programm "It-Triq lejn id-Dar", mibdi mir-reġim ta' Lukashenko, jikkonsisti fi "stedina" lill-Belarussi li kienu telqu mill-pajjiż f'dawn l-aħħar snin biex jirritornaw lejn il-Belarussja, bil-wegħda li ma jiġux ippersegwitati dment li jagħmlu ammissjoni ta' ħtija uffiċjali; billi ħafna Belarussi li ġew lura f'pajjiżhom ġew arrestati, ippersegwitati u xi drabi kkundannati għal priġunerija minħabba li ħadu sehem fi protesti, ippubblikaw kummenti fuq il-media soċjali li jikkritikaw ir-reġim ta' Lukashenko jew taw donazzjonijiet lill-vittmi tar-repressjoni fil-Belarussja; billi f'Jannar 2023, ir-reġim Belarussu għadda liġi li se tneħħi ċ-ċittadinanza tal-persuni eżiljati, li qed jakkużahom bl-hekk imsejħa reati relatati mal-estremiżmu. Il-lista ta' dawn il-persuni issa tinkludi aktar minn 2 000 individwu;

S.  billi, aktar minn sentejn wara, ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-awtoritajiet Belarussi qed jinvestigaw l-eluf ta' rapporti ta' brutalità mill-pulizija li ilhom jitressqu mill-protesti f'Awwissu 2020 jew il-qtil ta' dimostanti; billi l-impunità mifruxa għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tipperpetwa s-sitwazzjoni ddisprata tal-poplu Belarussu; billi l-assenza tal-istat tad-dritt timpedixxi d-dritt tal-vittmi li jkollhom proċess ġust; billi l-Belarussja hija l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu japplika l-piena tal-mewt;

T.  billi l-awtoritajiet Belarussi spiss jirrikorru għas-sorveljanza, iċ-ċensura online u d-diżinformazzjoni, u jużaw teknoloġiji biex jikkontrollaw il-popolazzjoni; billi tali prattiki repressivi jirrappreżentaw pass ieħor lejn l-awtoritarjaniżmu diġitali u t-trażżin tad-drittijiet diġitali tal-poplu fil-Belarussja, li jwassal għal intimidazzjoni akbar taċ-ċittadini u t-tiċkin tal-ispazju ċiviku; billi r-reġim ta' Lukashenko juża wkoll ir-repressjoni transnazzjonali kontra ċittadini Belarussi li jgħixu barra mill-pajjiż;

U.  billi l-UE imponiet sanzjonijiet fuq individwi u entitajiet responsabbli għar-repressjoni fil-Belarussja, u pprovdiet appoġġ lis-soċjetà ċivili u lill-media indipendenti fil-pajjiż;

V.  billi l-awtoritajiet tal-Belarussja qegħdin ikomplu jappoġġjaw il-gwerra ta' agressjoni mhux ġustifikata Russa kontra l-Ukrajna billi jippermettu lir-Russja tuża t-territorju Belarussu għal attakki militari kontra l-Ukrajna; billi għexieren ta' ċittadini Belarussi ġew soġġetti għal prosekuzzjoni talli esprimew appoġġ favur l-Ukrajna, filwaqt li kkritikaw il-gvern talli appoġġja l-gwerra ta' aggressjoni Russa jew irrappurtaw dwar il-movimenti tat-truppi Russi u t-tagħmir militari tagħhom fil-Belarussja;

W.  billi fis-7 ta' Settembru 2022, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa stieden lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa biex iwaqqaf Grupp ta' Kuntatt dwar il-Belarussja f'kooperazzjoni mar-rappreżentanti tal-forzi demokratiċi tal-Belarussja u s-soċjetà ċivili; billi fl-1 ta' Marzu 2023, infetħet il-Missjoni tal-Belarussja Demokratika uffiċjali fi Brussell, f'ċerimonja li għaliha attendiet Sviatlana Tsikhanouskaya;

X.  billi fi Frar 2023, uffiċjali Belarussi ħabbru pjanijiet biex jikkonnettjaw man-network u aktar tard biex jikkummissjonaw it-tieni unità tal-enerġija tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari (NPP) tal-Belarussja f'Astravyets u biex ikomplu jespandu l-kapaċitajiet nukleari Belarussi; billi l-kostruzzjoni tal-NPP Belarussu seħħet bi ksur tal-istandards tekniċi u l-konvenzjonijiet internazzjonali rikonoxxuti internazzjonalment; billi l-aħħar rapporti ta' intelligence jikkonfermaw li l-awtoritajiet Belarussi u r-Rosatom Russa, li kienet responsabbli għall-bini tal-NPP Belarussu, oskuraw b'mod konsistenti s-sitwazzjoni reali fl-NPP Belarussu u naqsu milli jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar l-għadd kbir ta' inċidenti li seħħew hemmhekk;

1.  Itenni s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Belarussja li qed ikomplu jimpenjaw ruħhom għal Belarussja sovrana, ħielsa u demokratika, filwaqt li jissugraw ħajjithom u l-libertà tagħhom; ikompli jitlob li tintemm immedjatament ir-repressjoni mill-awtoritajiet tal-istat kontra l-poplu tal-Belarussja, il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha u tal-persuni kollha detenuti, arrestati jew ikkundannati b'mod arbitrarju għal raġunijiet politiċi, u li jitwaqqgħu l-akkużi kollha miġjuba kontrihom, kif ukoll ir-riabilitazzjoni sħiħa tagħhom u kumpens finanzjarju għad-danni li ġarrbu minħabba d-detenzjoni illeġittima tagħhom;

2.  Ikompli jikkundanna bl-aktar mod qawwi r-repressjoni li għaddejja fil-Belarussja, inkluż dik permezz ta' proċessi finta b'motivazzjoni politika; jikkundanna r-repressjoni sistematika tar-reġim ta' Lukashenko kontra l-popolazzjoni ċivili, li mill-elezzjoni presidenzjali misruqa tad-9 ta' Awwissu 2020 ġiegħlet lil eluf ta' Belarussi jaħarbu mill-pajjiż. itenni li l-kampanja ta' repressjoni sistematika li għaddejja bħalissa tikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

3.  Ifakkar lill-awtoritajiet Belarussi fl-obbligi tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini kollha tal-Belarussja, inklużi d-drittijiet għal-libertà tal-espressjoni, l-għaqda paċifika u l-assoċjazzjoni; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u ġudikatura indipendenti li tiffunzjona fil-Belarussja; itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Belarussi biex b'mod immedjat jibdlu s-sentenzi kollha tal-mewt u jistabbilixxu moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt, bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni sħiħa u permanenti tagħha; jikkundanna l-liġi l-ġdida li tippermetti l-użu tal-piena tal-mewt kontra uffiċjali u persunal tal-armata li nstabu ħatja ta' tradiment kontra l-pajjiż; jitlob li tintemm id-diskriminazzjoni fil-konfront tan-nisa u gruppi vulnerabbli, inklużi l-persuni li jappartjenu għal minoranzi, persuni b'diżabilità u persuni LGBTQI;

4.  Itenni li t-talbiet leġittimi tal-poplu tal-Belarussja għal demokrazija bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, il-prosperità, is-sovranità u s-sigurtà jridu jiġu ssodisfati; itenni t-talbiet preċedenti tiegħu għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti ġodda li għandhom jiġu organizzati taħt osservazzjoni internazzjonali mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSKE; ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha ma rrikonoxxewx ir-riżultati tal-elezzjoni presidenzjali tal-2020 u ma jirrikonoxxux lil Aliaksandr Lukashenko bħala l-president leġittimu tal-Belarussja;

5.  Jiddenunzja d-detenzjoni u l-kundanna ta' Andrzej Poczobut u l-kundanna ta' Ales Bialiatski, Valiantsin Stefanovich, Zmitser Salauyou u Uladzimir Labkovich, peress li jenfasizzaw l-isforzi tar-reġim biex irażżan l-impenn ċiviku kollu għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u l-ħidma ġurnalistika indipendenti kollha fil-pajjiż; jikkundanna l-ksur numeruż tad-dritt tagħhom għal proċess ġust u jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tagħhom, kif ukoll ir-riabilitazzjoni u l-kumpens sħiħ tagħhom;

6.  Jikkundanna s-sentenza in absentia ta' Sviatlana Tsikhanouskaya, mexxej tal-oppożizzjoni demokratika Belarussa u Kap tal-Kabinett Tranżitorju Magħqud, u figuri oħra tal-Kunsill ta' Koordinazzjoni, jiġifieri Pavel Latushka, Maryia Maroz, Volha Kavalkova u Siarhei Dyleuski; jiċħad il-verdett tal-qorti, li skontu l-eżerċitar tad-dritt demokratiku għall-kandidatura jikkostitwixxi "reat ta' assoċjazzjoni biex jinħataf il-poter"; jitlob li r-reġim ta' Lukashenko jirrevoka s-sentenzi u jwaqqa' l-akkużi kollha miġjuba kontra l-erba' attivisti; jinsisti li l-ebda attivist ikkundannat minħabba l-appoġġ tagħha jew tiegħu għall-oppożizzjoni prodemokratika jew il-parteċipazzjoni attiva fl-istess oppożizzjoni prodemokratika m'għandu jiġi pprojbit mill-kandidatura għal kariga eletta fil-Belarussja; jistieden lill-Istati Membri, b'mod partikolari dawk li jospitaw dawn il-membri prominenti tal-forzi demokratiċi tal-Belarussja, jiżguraw is-sikurezza u l-protezzjoni tagħhom kontra r-reġim ta' Lukashenko;

7.  Jikkundanna l-fastidju u l-persekuzzjoni intensi tat-trade unions; jiddenunzja s-sentenzi b'motivazzjoni politika kontra mexxejja indipendenti tat-trade unions bħal Henadz Fiadynich, Vasil Berasneu u Vatslau Areshka, u l-membri tal-grupp ta' Rabochy Rukh (il-Moviment tal-Ħaddiema), li juru nuqqas totali ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem tagħhom u ksur ċar tal-konvenzjonijiet internazzjonali tax-xogħol;

8.  Jikkundanna l-persekuzzjoni tal-gruppi minoritarji Pollakki, Litwani u nazzjonali oħra fil-Belarussja u r-rappreżentanti tagħhom, inklużi d-deċiżjonijiet li għandhom l-għan li jagħlqu l-iskejjel Pollakki u Litwani u jeliminaw l-edukazzjoni f'dawn il-lingwi, kif ukoll il-qerda taċ-ċimiterji u l-wirt Pollakki; jistieden lill-awtoritajiet Belarussi jwaqqfu l-miżuri kollha meħuda kontra l-minoranzi nazzjonali u jirrispettaw id-drittijiet tagħhom, inkluż id-dritt tagħhom għall-edukazzjoni bil-lingwi minoritarji;

9.  Jikkundanna l-fatt li l-proċessi b'motivazzjoni politika jinżammu wara bibien magħluqa u mingħajr proċess dovut tal-liġi, u b'hekk jiksru l-obbligi u l-impenji internazzjonali tal-pajjiż, li jirriżultaw f'sentenzi ħorox u mhux ġustifikati mogħtija lill-mexxejja tal-oppożizzjoni; jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE għar-relazzjonijiet mal-Belarussja u l-ambaxxati tal-Istati Membri fil-Belarussja biex tkompli tosserva u timmonitorja l-proċessi tal-priġunieri politiċi kollha; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jidentifikaw toroq ġodda biex jaħdmu favur il-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha; jistieden lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u organizzazzjonijiet oħra biex iżuru priġunieri politiċi, speċjalment dawk fejn hemm kwistjonijiet serji ta' saħħa;

10.  Jikkundanna l-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza, iffirmata minn Aliaksandr Lukashenko, li tiftaħ il-possibbiltà li l-Belarussi li jgħixu barra mill-pajjiż jiġu mċaħħda miċ-ċittadinanza tagħhom; jissottolinja li l-awtoritajiet Belarussi qed jiksru l-Artikolu 15 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, li l-Belarussja hija parti minnha, li jissalvagwardja d-dritt li wieħed ikollu nazzjonalità u jipprojbixxi l-privazzjoni arbitrarja tagħha; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Belarussi jwaqqfu l-programm "The Way Home";

11.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' investigazzjoni komprensiva tar-reati mwettqa mir-reġim ta' Lukashenko kontra l-poplu tal-Belarussja; jistieden lill-Istati Membri japplikaw b'mod attiv il-prinċipju ta' ġurisdizzjoni universali u jħejju kawżi fil-qorti kontra uffiċjali tal-Belarussja, inkluż Aliaksandr Lukashenko, li huma responsabbli għal vjolenza u repressjoni sistematika u reati kontra l-umanità jew kompliċi tagħhom;

12.  Itenni l-kundanna qawwija tiegħu tal-involviment tal-Belarussja fil-gwerra ta' aggressjoni mhux ġustifikata u mhux provokata tar-Russja kontra l-Ukrajna; jikkundanna r-retorika belliġeranti tar-reġim ta' Lukashenko kontra l-Ukrajna u t-tixrid massiv ta' propaganda u diżinformazzjoni dwar il-gwerra ta' aggressjoni; itenni li Lukashenko u uffiċjali Belarussi oħra jikkondividu r-responsabbiltà għal din il-gwerra ta' aggressjoni u għal delitti tal-gwerra mwettqa fl-Ukrajna u għandhom jinżammu responsabbli fi tribunal speċjali għad-delitt ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna u qrati internazzjonali xierqa oħra, u jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw l-isforzi f'dan ir-rigward; jesprimi l-appoġġ tiegħu lill-voluntiera u l-partiġjani Belarussi li qed jiġġieldu għall-indipendenza tal-Belarussja u li qed jgħinu lill-Ukrajna tiddefendi lilha nfisha kontra l-gwerra ta' aggressjoni Russa; jirrikonoxxi li r-reġim ta' Lukashenko huwa kompliċi fl-isponsorizzazzjoni statali tat-terroriżmu u kompliċi ta' stat li juża l-mezzi tat-terroriżmu;

13.  Jinnota bi tħassib l-hekk imsejħa integrazzjoni kontinwa tar-Russja u tal-Belarussja f'diversi oqsma, li tammonta għal okkupazzjoni de facto, u b'mod partikolari l-militarizzazzjoni progressiva tal-Belarussja u tar-reġjun, inkluż permezz tal-preżenza ta' truppi Russi fil-Belarussja, li tirrappreżenta sfida għas-sigurtà u l-istabbiltà tal-kontinent Ewropew, u li tmur kontra r-rieda tal-poplu Belarussu; jiddeplora d-deċiżjoni tal-Belarussja li tirrinunzja għall-istatus mhux nukleari tagħha;

14.  Jappella lill-UE u l-Istati Membri tagħha jwessgħu u jsaħħu s-sanzjonijiet tal-UE kontra individwi u entitajiet responsabbli għar-repressjoni tal-Belarussja u jinkludu lill-individwi kollha kompliċi fir-repressjoni tar-reġim kontra l-oppożizzjoni demokratika u d-dimostranti politiċi, inklużi mħallfin, prosekuturi u uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, tal-ħabsijiet u tal-kolonji penali, u jiżguraw l-infurzar xieraq tas-sanzjonijiet; jesprimi d-dispjaċir tiegħu li l-Belarussja ma kinitx inkluża fl-10 pakkett ta' sanzjonijiet kontra r-Russja u dawk li jappoġġjawha; jappella għall-adozzjoni ta' sanzjonijiet kredibbli kontra l-individwi u l-entitajiet Belarussi li jappoġġjaw il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u għall-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa biex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE fuq ir-Russja permezz tal-Belarussja u biex jiġu riflessi l-miżuri restrittivi imposti fuq ir-Russja fuq ir-reġim ta' Lukashenko fil-Belarussja; jappella biex il-putassa, is-sors ewlieni ta' introjtu tar-reġim, tiġi inkluża fuq il-lista ta' sanzjonijiet;

15.  Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jqajmu s-suġġett tas-sitwazzjoni fil-Belarussja fl-organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali rilevanti kollha, b'mod partikolari n-NU u l-korpi speċjalizzati tagħha, l-OSKE u kif ukoll fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, bil-għan li jtejbu l-iskrutinju internazzjonali tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, isaħħu l-azzjoni internazzjonali b'reazzjoni għas-sitwazzjoni fil-Belarussja u jegħlbu l-imblukkar tar-Russja u ta' pajjiżi oħra għal tali azzjoni;

16.  Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jikkooperaw ma' sħab internazzjonali, bħall-Mekkaniżmu ta' Moska tal-OSKE u l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, kif ukoll lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili fuq il-post, biex jiżguraw il-monitoraġġ, id-dokumentazzjoni u r-rappurtar tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u sussegwentement jiġi stabbilit l-obbligu ta' rendikont u tingħata ġustizzja lill-vittmi; ifaħħar, f'dan ir-rigward, il-ħidma tal-Pjattaforma Internazzjonali għall-Obbligu ta' Rendikont għall-Belarussja u jappella lill-UE u lill-Istati Membri jkomplu bl-appoġġ tagħhom; iħeġġeġ lill-Qorti Kriminali Internazzjonali tinvestiga u tniedi proċedimenti ta' qabel il-proċess kontra r-reġim Belarussu f'każijiet ta' reati kontra l-umanità;

17.  Jistieden lill-komunità internazzjonali kollha tirrifjuta l-kandidatura Belarussa għal-siġġu mhux permanenti mill-Grupp tal-Ewropa tal-Lvant fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għall-2024–2025;

18.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jaħdmu biex isaħħu l-mandat u l-uffiċċju tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarus u l-investigazzjoni tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) tal-Belarussja sabiex jirċievu u jipproċessaw b'mod effettiv ilmenti individwali miċ-ċittadini tal-Belarus jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-appell tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili internazzjonali u Belarussi fit-13 ta' Frar 2023 biex il-membri u l-Istati osservaturi tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU jistabbilixxu mekkaniżmu investigattiv indipendenti biex jikkomplementa u jwettaq segwitu tal-ħidma tal-eżami eżistenti tal-OHCHR, u jappella biex din il-ħidma tal-mekkaniżmu jkollha biżżejjed riżorsi u finanzjament;

19.  Jenfasizza r-rwol kritiku li għandhom il-media indipendenti, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-affermazzjoni tal-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-poplu Belarussu, kemm fil-Belarussja kif ukoll fl-eżilju; jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE biex isaħħu l-appoġġ għall-bini tal-kapaċità lis-soċjetà ċivili tal-Belarus, lill-media ħielsa, lit-trade unions indipendenti u lill-attivisti favur id-demokrazija kemm fil-Belarus kif ukoll fl-eżilju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jipprovdu appoġġ lis-soċjetà ċivili tal-Belarussja, lill-media indipendenti u lill-gruppi u strutturi politiċi demokratiċi, inklużi l-Kunsill ta' Koordinazzjoni u l-Kabinett Tranżitorju Magħqud; jistieden lill-forzi demokratiċi Belarussi jżommu u jippromwovu l-għaqda bbażata fuq l-objettiv ta' Belarussja ħielsa, demokratika u indipendenti;

20.  Jappella lill-Istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ u protezzjoni lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lis-soċjetà ċivili fil-Belarussja, li qed jiffaċċjaw repressjoni severa, inkluż billi joħorġu viżi ta' emerġenza għal tluq mill-Belarussja jekk ikun meħtieġ; jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE jkomplu jappoġġjaw l-isforzi tal-Istati Membri biex jipproteġu u jilqgħu lill-Belarussi mġiegħla jaħarbu minn pajjiżhom; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ lil dawk il-Belarussi residenti fl-UE li d-dokumenti tal-identità tagħhom qed jiskadu u li ma għandhom l-ebda mezz biex iġedduhom peress li ma jistgħux jirritornaw lejn il-Belarussja;

21.  Jikkundanna l-isforzi tar-reġim ta' Lukashenko biex jeqred il-kultura Belarussa u jsegwi politika tar-Russifikazzjoni tal-poplu Belarussu; jappella lill-UE tappoġġja l-kultura Belarussa u l-organizzazzjonijiet kulturali Belarussi; jikkundanna r-rifjut li l-proċess ta' Ales Bialiatski jsir bil-lingwa Belarussa minflok bil-lingwa Russa u ċ-ċaħda tar-rikjesta ta' Ales Bialiatski għal interpretu, li jixhed il-politika anti-Belarussa tar-reġim ta' Lukashenko; jappoġġja ċ-ċelebrazzjoni tal-poplu Belarussu tal-25 ta' Marzu, il-jum meta l-indipendenza tal-Belarussja ġiet ipproklamata fl-1918;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu passi biex jiżguraw li n-negozji li joperaw fil-Belarussja, kemm barranin kif ukoll lokali, jeżerċitaw diliġenza partikolari u jżommu r-responsabbiltà tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem kemm fl-operazzjonijiet kollha tagħhom kif ukoll fil-ktajjen tal-provvista tagħhom, f'konformità mal-Prinċipji Gwida tan-NU; jistieden lill-kumpaniji kollha bbażati fl-UE jtemmu r-relazzjonijiet tagħhom ma' kwalunkwe fornitur Belarussu li jappoġġja b'mod miftuħ ir-reġim vjolenti ta' Lukashenko, jew inkella jikser l-Prinċipji Gwida tan-NU; jistieden lill-Kunsill jimponi sanzjonijiet fuq kwalunkwe kumpanija Belarussa jew internazzjonali mhux konformi; iħeġġeġ lir-reġim ta' Lukashenko jtemm il-prattika tiegħu li jimponi xogħol furzat f'kolonji penali;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi task force li tiftaħ djalogu ta' politika mar-rappreżentanti tal-Belarussja demokratika sabiex taħdem fuq ftehim transsettorjali komprensiv li jkun il-pedament tal-kooperazzjoni mal-Belarussja demokratika ladarba r-reġim attwali ma jibqax fil-poter; itenni li dan għandu jkun akkumpanjat flimkien ma' pjan ta' riżorsi finanzjarji u amministrattivi, li għandu jiġi implimentat sabiex jitwettqu u jiġu ffinanzjati r-riformi meħtieġa fil-pajjiż ladarba dan ikun possibbli; jilqa' l-istabbiliment tal-Missjoni għall-Belarussja Demokratika fi Brussell u jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE jappoġġjaw il-Missjoni u l-Ambaxxati tal-Poplu tal-Belarussja;

24.  Itenni l-importanza li tiġi formalizzata r-relazzjoni bejn il-forzi demokratiċi Belarussi u l-Parlament sabiex tissaħħaħ ir-rappreżentanza tal-Belarussja fix-xena internazzjonali; jappella, għalhekk, għal rappreżentanza demokratika tal-Belarussja mġedda u rikonoxxuta uffiċjalment fl-Assemblea Parlamentari Euronest u fid-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Belarussja;

25.  Jissottolinja l-importanza li tissaħħaħ l-unità tal-UE fir-rigward tal-Belarussja, inkluż fir-rigward tal-iżolament diplomatiku tar-reġim attwali; jikkundanna kwalunkwe azzjoni, inklużi żjarat ta' livell għoli lill-awtoritajiet de facto f'Minsk, li jistgħu jitfgħu dubju fuq in-nuqqas ta' rikonoxximent inekwivoku tal-Unjoni tar-reġim ta' Lukashenko; f'dan il-kuntest, jiddeplora ż-żjara tat-13 ta' Frar 2023 f'Minsk mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ungeriż Péter Szijjártó, li tikkontradixxi l-politika tal-UE dwar il-Belarussja u dwar il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u ma japprovax il-ħruġ kontinwu minn xi Stati Membri ta' viżi ta' Schengen lil individwi qrib Aliaksandr Lukashenko;

26.  Itenni l-kundanna tiegħu tad-deċiżjoni reċenti tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (KOI) li jippermetti lill-atleti Belarussi jikkompetu fil-kwalifiki għall-Olimpjadi ta' Pariġi tal-2024 taħt bandiera newtrali, li jmur kontra l-iżolament multidimensjonali tal-Belarussja u li se jintuża mir-reġim għal finijiet ta' propaganda; jistieden lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali jeżerċitaw pressjoni fuq il-KOI biex ireġġa' lura din id-deċiżjoni u biex jadottaw pożizzjoni simili fuq kwalunkwe avveniment sportiv, kulturali jew xjentifiku ieħor;

27.  Jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni tas-sikurezza nukleari fl-NPP Belarussu u l-pjanijiet tal-Belarussja li tkompli tespandi l-kapaċitajiet nukleari tagħha;

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, lir-rappreżentanti tal-forzi demokratiċi tal-Belarussja u lill-awtoritajiet de facto tar-Repubblika tal-Belarussja.


Introjtu minimu adegwat li jiżgura inklużjoni attiva
PDF 168kWORD 60k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2023 dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura inklużjoni attiva (2022/2840(RSP))
P9_TA(2023)0076B9-0099/2023

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 4, 9, 14, 19, 151 u 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR) u l-pjan ta' azzjoni relatat,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Porto,

–  wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, li ġiet adottata fl-1979,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, li ġiet ikkonfermata mill-ġdid waqt il-Konferenza Dinjija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-1993, u b'mod partikolari l-Artikoli 3, 16, 18, 23, 25, 26, 27 u 29 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1966 dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU stabbiliti fl-2015, b'mod partikolari l-Għanijiet 1 u 10,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet Nri 26 u 131 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar l-iffissar tal-pagi minimi u n-Nri 29 u 105 dwar l-abolizzjoni tax-xogħol furzat,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 34, 35 u 36 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”), li jiddefinixxu b'mod espliċitu d-dritt għas-sigurtà soċjali u għal assistenza soċjali, livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-aċċess għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 1992 dwar il-kriterji komuni rigward ir-riżorsi u l-għajnuna soċjali suffiċjenti fis-sistemi ta' protezzjoni soċjali(1),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Jannar 2023 dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura inklużjoni attiva(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-rwol tad-dħul minimu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni ta' soċjetà inklużiva fl-Ewropa(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar il-politiki dwar l-introjtu minimu bħala għodda biex jiġi ttrattat il-faqar(4),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura inklużjoni attiva (O-000050/2022 – B9‑0008/2023 u O‑000051/2022 – B9‑0009/2023),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

A.  billi fl-2021, 95,4 miljun persuna fl-UE kienu f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali (AROPE), li jirrappreżenta 21,7 % tal-popolazzjoni tal-UE(5); billi l-faqar u l-esklużjoni soċjali huma kwistjoni ta' responsabbiltà soċjali individwali u kollettiva; billi l-kriżi attwali, li tikkonsisti f'fatturi interkonnessi inkluża l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha, il-gwerra Russa ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna u t-tibdil fil-klima, ħalliet lin-nies jiffaċċjaw għoli tal-ħajja ikbar u żiedet ir-rata tal-AROPE; billi rapport tal-Bank Dinji ta stima li sal-2030, bejn 68 u 135 miljun persuna oħra madwar id-dinja jistgħu jispiċċaw fil-faqar bħala riżultat tat-tibdil fil-klima(6);

B.  billi l-appoġġ għall-introjtu minimu huwa benefiċċju mhux kontributorju pprovdut lil nies li ma għandhomx biżżejjed riżorsi u li jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibilità nazzjonali, u għandu jitqies bħala parti integrali minn sistemi komprensivi ta' protezzjoni soċjali bbażati fuq id-drittijiet nazzjonali; billi l-iskemi ta' introjtu minimu (MISs) huma definiti bħala benefiċċji u servizzi li flimkien jikkostitwixxu xibka ta' sikurezza għal persuni li, kemm jekk fl-impjieg kif ukoll le, altrimenti ma jkollhomx biżżejjed riżorsi għalihom infushom u għad-dipendenti tagħhom biex jgħixu b'dinjità(7);

C.  billi l-faqar u l-esklużjoni soċjali huma kunċetti multidimensjonali li għalhekk iridu jiġu indirizzati permezz ta' approċċ olistiku u dinamiku li jinkludi miżuri biex jiġi żgurat l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi abilitanti, bħall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet; billi approċċ bħal dan għandu jiffoka fuq l-individwi u ċ-ċirkostanzi tagħhom u jkun parti minn strateġija effettiva kontra l-faqar; billi MISs b'finanzjamenti u riżorsi adegwati huma mod importanti u effettiv biex jingħeleb il-faqar u tiġi promossa l-inklużjoni soċjali; billi l-istigma soċjali marbuta man-nuqqas ta' riżorsi tikkontribwixxi għal sentimenti ta' mistħija li jistgħu jaħbu d-daqs reali tal-faqar fis-soċjetà;

D.  billi l-Eurostat tiddefinixxi r-rata tal-AROPE bħala t-total ta' persuni li huma f'riskju ta' faqar, li huma serjament imċaħħda mill-aspett materjali jew soċjali jew li jgħixu f'unità domestika b'intensità baxxa ħafna ta' xogħol;

E.  billi d-disparità tal-faqar bejn il-ġeneri ilha tikber għal dawn l-aħħar ħames snin, peress li n-nisa qed jiġu affettwati dejjem aktar u b'mod sproporzjonat mill-faqar u r-riskju ta' esklużjoni soċjali meta mqabbla mal-irġiel, b'mod partikolari n-nisa anzjani, in-nisa b'diżabilità, in-nisa Rom, in-nisa li jesperjenzaw forom intersezzjonali ta' diskriminazzjoni u l-ommijiet waħedhom; billi l-miżuri ta' konfinament relatati mal-COVID-19 kellhom impatt sproporzjonat fuq in-nisa u fuq il-persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, b'mod partikolari f'termini ta' piż ogħla ta' xogħol ta' indukrar informali, bħala riżultat ta' aċċess limitat għall-kura tas-saħħa, għall-edukazzjoni u għal servizzi soċjali oħra; billi d-distribuzzjoni inugwali ta' xogħol ta' kura u xogħol tad-dar mhux imħallsa fost l-irġiel u n-nisa tippreżenta fattur kruċjali biex jiġi ddeterminat jekk in-nisa jibdewx u jibqgħux jaħdmu, is-setturi u l-impjiegi li jaħdmu fihom, kemm iqattgħu sigħat jagħmlu xogħol imħallas, u l-kwalità tal-impjiegi li jwettqu; billi 80 % tal-kura fit-tul fl-Ewropa hija pprovduta minn persuni li jindokraw b'mod informali u dawn huma aktar probabbli li jiffaċċjaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali peress li 42 % tal-persuni li jindokraw li ma jaħdmux huma fil-kwartili bl-inqas introjtu u 59 % tal-persuni li jindokraw li ma jaħdmux għandhom diffikultà biex ilaħħqu mal-ħajja(8);

F.  billi fl-2020, ir-rata tal-AROPE għal nies ta' bejn il-15 u d-29 sena kienet ta' 25,4 % fl-UE, li tikkorrispondi għal madwar 18,1-il miljun ruħ;

G.  billi madwar 35 % tal-popolazzjoni tal-AROPE fl-età tax-xogħol fl-UE jaf mhijiex koperta minn introjtu minimu jew kwalunkwe benefiċċju soċjali ieħor(9); billi 20 % tal-persuni qiegħda fl-età tax-xogħol li jinsabu f'riskju ta' faqar fl-UE mhumiex eliġibbli li jirċievu xi appoġġ għall-introjtu; billi r-rata ta' nuqqas ta' użu ta' MISs fl-UE hija stmata għal 30-50 % tal-popolazzjoni eliġibbli(10); billi s-sistemi ta' benefiċċji stabbilita madwar l-Istati Membri jvarjaw b'mod sinifikanti; billi fl-2016, il-biċċa l-kbira tal-MISs tal-Istati Membri ma kinux biżżejjed biex jiggarantixxu lil kull persuna standard tal-għajxien deċenti(11); billi l-iżgurar ta' introjtu minimu adegwat bħala għodda għall-ġlieda kontra l-faqar mhux biss irawwem il-koeżjoni soċjali iżda huwa wkoll investiment fin-nies u fl-ekonomija, peress li jgħin biex tingħata spinta għad-domanda interna;

H.  billi t-tibdil fil-klima kellu impatt sproporzjonat fuq l-unitajiet domestiċi foqra u b'introjtu baxx u medju, peress li t-temp estrem ikkawża inflazzjoni f'diversi setturi, bħall-enerġija, l-oġġetti tal-ikel ("heatflation"(12)), il-ħwejjeġ u l-elettronika, u ħsara lill-akkomodazzjoni minħabba nirien mhux ikkontrollati u għargħar, u qed iħalli wkoll impatt fuq is-saħħa; billi l-Ewropa għadha qed tirkupra mill-pandemija tal-COVID-19 u qed tiffaċċja żieda fl-għoli tal-ħajja bħala riżultat tal-inflazzjoni għolja(13), b'mod partikolari fis-swieq tal-ikel, tal-komoditajiet u tal-enerġija, li ġiet aggravata bil-gwerra Russa ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna; billi, skont is-sejbiet inizjali ta' analiżi tal-Eurofound, il-biċċa l-kbira tal-miżuri ta' politika rrapportati biex itaffu l-effetti tal-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew u tal-inflazzjoni li qed tiżdied huma miżuri temporanji u ad hoc(14); billi l-miżuri mmirati lejn gruppi vulnerabbli huma aktar probabbli li jieħdu l-forma ta' appoġġ finanzjarju ġenerali; billi fl-2020, il-faqar enerġetiku baqa' sfida ewlenija għal madwar 35 miljun ċittadin tal-UE, madwar 8 % tal-popolazzjoni tal-UE(15);

I.  billi l-emerġenza attwali titlob il-promozzjoni ta' MISs nazzjonali li jiżguraw kwalità ta' ħajja deċenti għal dawk kollha li jissodisfaw kriterji speċifiċi ta' eliġibbiltà, filwaqt li jittejbu l-ħiliet tal-persuni esklużi mis-suq tax-xogħol, jiġu ggarantiti opportunitajiet indaqs u jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali;

J.  billi l-Prinċipji 12 u 13 tal-Karta Soċjali Ewropea jiddikjaraw rispettivament li "l-ħaddiema kollha u d-dipendenti tagħhom għandhom id-dritt għas-sigurtà soċjali" u li kwalunkwe persuna mingħajr riżorsi adegwati għandha d-dritt għal assistenza soċjali u medika(16); billi l-Artikolu 34(3) tal-Karta jirrikonoxxi d-dritt għal assistenza soċjali u għall-akkomodazzjoni sabiex tiġi żgurata eżistenza deċenti għal dawk kollha li ma għandhomx biżżejjed riżorsi;

K.  billi l-Prinċipju 3 tal-EPSR jiddikjara li "kulħadd għandu d-dritt għal trattament u opportunitajiet indaqs fir-rigward tal-impjiegi, tal-protezzjoni soċjali, tal-edukazzjoni, u tal-aċċess għal prodotti u servizzi disponibbli għall-pubbliku", il-Prinċipju 4 jgħid li "kulħadd għandu d-dritt għal assistenza f'waqtha u mfassla apposta biex itejjeb il-prospetti ta' impjieg jew ta' impjieg għal rasu", u l-Prinċipju 14 jiddikjara li "kull min ma għandux riżorsi suffiċjenti għandu d-dritt għal benefiċċji minimi ta' introjtu adegwati li jiżgura ħajja f'dinjità fl-istadji kollha tal-ħajja, u għal aċċess effettiv" għal "oġġetti u servizzi" ta' sostenn u li "għal dawk li jistgħu jaħdmu, il-benefiċċji ta' introjtu minimu għandhom jitħalltu ma' inċentivi għall-integrazzjoni (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol";

L.  billi l-Kunsill stabbilixxa 2030 mira ewlenija fl-oqsma tal-faqar, l-impjiegi u l-ħiliet, li waħda minnhom hija li l-għadd ta' persuni AROPE jitnaqqas b'mill-inqas 15-il miljun sal-2030 meta mqabbel mal-2019;

M.  billi llum, hemm diversi tipi ta' MISs stabbiliti madwar l-Istati Membri kollha, iżda l-impatt tagħhom ma kienx biżżejjed f'termini ta' konverġenza 'l fuq jew ta' tnaqqis tal-faqar(17); billi kull pajjiż Ewropew stabbilixxa l-iskemi tiegħu f'livell taħt il-livell limitu tar-riskju ta' faqar (AROP), u xi skemi bħal dawn lanqas biss jilħqu 20 % tal-limitu tal-AROPE, li f'termini prattiċi jfisser li dawk li jirċievu introjtu minimu ma għandhomx biżżejjed introjtu biex ilaħħqu mal-ħajja; billi l-Istati Membri għamlu progress mhux ugwali fl-iżgurar tal-adegwatezza, il-kopertura u l-użu tal-MISs, kif ukoll fl-implimentazzjoni ta' miżuri ta' attivazzjoni tas-suq tax-xogħol u miżuri li jipprovdu aċċess għal prodotti u servizzi abilitanti oħra; billi r-rati ta' użu huma baxxi(18) u hemm nuqqas ta' koordinazzjoni bejn l-appoġġ għall-introjtu, il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u s-servizzi soċjali; billi l-MISs nazzjonali huma parti minn sistemi usa' ta' protezzjoni soċjali u dan għandu jitqies meta tiġi vvalutata l-effettività tagħhom;

N.  billi l-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni tal-politika użati fl-aħħar 30 sena, bħar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 1992 dwar il-kriterji komuni li jikkonċernaw ir-riżorsi suffiċjenti u l-assistenza soċjali f'sistemi ta' protezzjoni soċjali, imsaħħa bir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva ta' persuni esklużi mis-suq tax-xogħol(19), ma wrewx li huma effiċjenti biżżejjed biex jindirizzaw l-isfidi identifikati u jnaqqsu l-esklużjoni soċjali u l-faqar b'mod effettiv, integrat u sostenibbli; billi f'dawn l-aħħar snin, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ħadu passi biex itejbu l-MISs tagħhom, flimkien ma' politiki soċjali oħra, iżda din l-azzjoni ma kinitx biżżejjed biex tindirizza l-isfidi identifikati; billi r-riformi fil-livell nazzjonali ma kinux komprensivi biżżejjed u l-implimentazzjoni tagħhom spiss waqgħet lura; billi l-evidenza turi żieda fl-inugwaljanzi fl-introjtu f'diversi Stati Membri f'dawn l-aħħar deċennji u l-esklużjoni soċjali għadha sfida sinifikanti;

O.  billi n-nisa, l-unitajiet domestiċi b'ġenitur wieħed, il-persuni b'diżabilità jew b'mard fit-tul, il-komunitajiet Rom li jgħixu f'insedjamenti, il-persuni bi sfond ta' migrazzjoni jew ta' minoranza, iż-żgħażagħ u l-anzjani, in-nies bla dar, il-komunità LBGTIQ+, il-persuni qiegħda u l-persuni li qed jippruvaw jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol wara assenza twila huma dawk l-aktar milquta jew f'riskju li jispiċċaw fil-faqar; billi r-riskju tal-faqar huwa ogħla għall-ħaddiema f'relazzjonijiet ta' impjieg atipiċi; billi ż-żgħażagħ ħafna drabi ma jkunux jistgħu jaċċessaw il-benefiċċji tal-qgħad minħabba li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti minimi ta' kontribuzzjoni; billi rekwiżiti diskriminatorji ta' età minima jċaħħdu wkoll liż-żgħażagħ ta' benefiċċji ta' introjtu minimu; billi t-tnaqqis tal-qgħad fit-tul jista' jkollu rwol ewlieni fil-ġlieda effettiva kontra l-faqar; billi fir-Rakkomandazzjoni tiegħu tat-30 ta' Jannar 2023, il-Kunsill jirrikonoxxi, skont il-proposta tal-Kummissjoni, li s-soluzzjonijiet li jiffaċilitaw ir-riċeviment tal-appoġġ għall-introjtu minn membri individwali tal-unità domestika jistgħu jikkontribwixxu għall-indipendenza ekonomika u s-sigurtà tal-introjtu tan-nisa u l-adulti żgħażagħ;

P.  billi l-persuni b'diżabilità huma aktar probabbli li jgħixu jew ikunu f'riskju ta' faqar minn nies mingħajr diżabilità, minħabba ostakli fis-soċjetà bħad-diskriminazzjoni, aċċess limitat għall-edukazzjoni u l-impjiegi u nuqqas ta' inklużjoni; billi fl-2021, ir-rata tal-AROPE fost il-persuni b'diżabilità fl-UE kienet ta' 29,7 %, meta mqabbla ma' 18,8 % għall-bqija tal-popolazzjoni(20); billi ħafna persuni b'diżabilità madwar l-UE jaħdmu f'ambjenti ta' impjieg segregati u protetti, fejn mhux dejjem igawdu l-istess drittijiet tax-xogħol u status bħall-persuni li jaħdmu fis-suq tax-xogħol miftuħ;

Q.  billi r-rata tal-AROPE hija ogħla fost il-persuni akbar fl-età (ta' 75 sena u aktar), il-pensjonanti b'diżabilità u l-pensjonanti li esperjenzaw qgħad fit-tul jew li kienu assenti mis-suq tax-xogħol għal perjodu twil biex jipprovdu indukrar tat-tfal jew forom oħra ta' kura(21); billi fl-2020, ir-rata tal-AROPE fost il-persuni rtirati fl-UE kienet ta' 15,6 %; billi d-differenzi bejn il-ġeneri fil-pagi u fil-pensjonijiet għadhom kbar u rispettivament kienu ta' 13 % fl-2020(22) u 29 % fl-2019(23); billi n-nisa anzjani ħafna drabi ma kisbux biżżejjed drittijiet tal-pensjoni biex jiżguraw ħajja ħielsa mill-faqar u l-esklużjoni soċjali, u ħafna minnhom jiddependu mill-introjtu u t-tfaddil tas-sieħeb/sieħba jew drittijiet tal-pensjoni derivati (pensjonijiet tar-riverżjoni); billi l-lonġevità akbar tan-nisa tfisser li ħafna jridu jiffaċċjaw l-ispejjeż tal-għajxien waħedhom f'età akbar; billi l-pensjonijiet insuffiċjenti u n-nuqqas ta' aġġustament tal-pensjonijiet eżistenti għall-għoli tal-ħajja dejjem akbar għandhom impatt kbir fuq il-persuni akbar fl-età, b'mod partikolari dawk li huma AROPE;

R.  billi impjiegi ta' kwalità għolja huma l-aħjar mod biex in-nies jinħarġu mill-faqar u billi perkorsi xierqa ta' titjib tal-ħiliet u ta' taħriġ mill-ġdid, imfassla għall-ħtiġijiet individwali, huma essenzjali biex il-persuni, b'mod partikolari l-ħaddiema ta' aktar minn 50 sena, jiġu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol;

S.  billi l-Artikolu 156 tat-TFUE jistabbilixxi li l-forniment u l-ġestjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali huma kompetenza tal-Istati Membri, li l-Unjoni tikkoordina iżda ma tarmonizzax;

T.  billi l-kriżi tal-enerġija u l-inflazzjoni għandhom il-potenzjal li jżidu l-għadd ta' persuni affettwati mill-insigurtà, il-faqar u l-esklużjoni soċjali; billi l-indirizzar tal-qgħad huwa l-aħjar mod biex jiġi miġġieled il-faqar;

1.  Ifakkar li fis-Summit ta' Porto, il-Kummissjoni, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili impenjaw ruħhom li sal-2030 ikunu naqqsu l-għadd ta' persuni li jgħixu fil-faqar jew li jesperjenzaw l-esklużjoni soċjali fl-UE b'mill-inqas 15-il miljun, inklużi mill-inqas 5 miljun tifel u tifla; ifakkar li l-UE naqset milli tilħaq il-mira tagħha li sal-2020 toħroġ 20 miljun persuna mill-faqar; jisħaq li r-rata tal-AROPE hija s-sehem ta' persuni b'introjtu disponibbli ekwivalizzat taħt il-limitu ta' 60 %(24) tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat medjan nazzjonali wara t-trasferimenti soċjali; jinsab imħasseb li l-gwerra ta' aggressjoni illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna kkawżat żidiet qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija u fl-inflazzjoni, li x'aktarx jaggravaw il-kriżi tal-għoli tal-ħajja u jimbuttaw numru dejjem akbar ta' nies fil-faqar u l-esklużjoni soċjali sakemm ma titteħidx azzjoni malajr; jisħaq li l-faqar mhuwiex biss nuqqas ta' mezzi ekonomiċi, iżda huwa pjuttost fenomenu multidimensjonali li jinkludi nuqqas kemm ta' introjtu kif ukoll ta' aċċess għal oġġetti u servizzi essenzjali, u b'hekk il-kundizzjonijiet bażiċi biex wieħed jgħix b'dinjità u jipparteċipa fis-soċjetà; jinnota li l-persuni li jgħixu fil-faqar u li jesperjenzaw l-esklużjoni soċjali ħafna drabi jiffaċċjaw ċirku vizzjuż ta' ħafna privazzjonijiet interrelatati u li jsaħħu lil xulxin u li jżommuhom milli jgawdu d-drittijiet tagħhom u jipperpetwaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali tagħhom;

2.  Jissottolinja li l-mira tal-UE dwar it-tnaqqis tal-faqar x'aktarx li ma tintlaħaqx fis-snin li ġejjin sakemm l-Istati Membri ma jimmodernizzawx u jsaħħu s-sistemi tal-protezzjoni soċjali tagħhom b'mod li jrawwem l-inklużjoni soċjali u jappoġġja lill-persuni li huma kapaċi jaħdmu billi jipprovdu perkorsi lejn impjiegi ta' kwalità għolja; jinsab imħasseb dwar il-pressjoni li l-kriżi attwali tal-għoli tal-ħajja qed tpoġġi fuq il-persuni żvantaġġati u fuq l-unitajiet domestiċi, b'mod partikolari fil-forma ta' inflazzjoni u prezzijiet tal-enerġija li qed jiżdiedu, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ immirat tagħhom għal dawk l-aktar fil-bżonn;

3.  Jisħaq li huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali; jistieden lill-Istati Membri jżidu gradwalment l-appoġġ tagħhom għall-introjtu minimu fil-każ tal-persuni li ma għandhomx biżżejjed riżorsi għal livell li jkun tal-inqas ekwivalenti għal-limitu nazzjonali tal-AROPE jew għall-valur monetarju tal-prodotti u s-servizzi meħtieġa skont id-definizzjonijiet nazzjonali, jew għal livelli komparabbli oħra stabbiliti mil-liġi u mill-prattika nazzjonali, u jindirizzaw b'mod urġenti kwistjonijiet relatati mal-adegwatezza, il-kopertura u l-użu; jirrikonoxxi d-differenzi fis-sistemi ta' protezzjoni nazzjonali u jissottolinja l-fatt li l-baġits ta' referenza, fost indikaturi oħra, jistgħu jgħinu biex jiġi ddeterminat liema mezzi finanzjarji huma meħtieġa biex wieħed jgħix b'dinjità f'pajjiż partikolari;

4.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-mekkaniżmi ta' liġi mhux vinkolanti eżistenti bħar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) u t-tabella ta' valutazzjoni soċjali stabbilita fl-ambitu tas-Semestru Ewropew ikkontribwew għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, iżda jinnota li wrew li ma kinux biżżejjed; itenni l-appell tiegħu għal reviżjoni tat-tabella ta' valutazzjoni soċjali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew sabiex jiġu inklużi indikaturi li jirriflettu bis-sħiħ ix-xejriet u l-kawżi tal-inugwaljanzi(25); jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-implimentazzjoni tagħhom tas-CSRs, b'mod partikolari dawk relatati mal-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-progress tagħhom f'dan ir-rigward;

5.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa; jenfasizza l-proposta 14, li titlob qafas komuni tal-UE għall-MISs biex jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa' lura; jenfasizza li l-introduzzjoni ta' qafas bħal dan tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni sħiħa tal-EPSR u l-pjan ta' azzjoni relatat;

6.  Jirrikonoxxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Jannar 2023 dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura l-inklużjoni attiva u jistieden lill-Istati Membri jadottawha u jimplimentawh malajr; jinsab imħasseb dwar il-fatt li, skont il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni, l-Istati Membri kienu jkunu meħtieġa biss jirrapportaw dwar il-progress tagħhom kull tliet snin u l-Kummissjoni ma kinitx twettaq eżerċizzju ta' rendikont sal-2032; jisħaq li din l-iskeda ta' żmien ma kinitx tkun allinjata mal-impenji tas-Summit ta' Porto u mal-pjan ta' azzjoni tal-EPSR; jistieden lill-Istati Membri jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar il-progress tagħhom fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni kull sentejn; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni fil-kuntest tas-Semestru Ewropew sal-2027, u tqis l-azzjoni meħuda b'rispons għaliha, kif imsemmi fil-paragrafu 16(e) tar-rakkomandazzjoni, sabiex jiġi evalwat l-impatt tagħha fit-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, fiż-żieda tal-livelli ta' impjieg u fit-titjib tal-parteċipazzjoni fit-taħriġ, kif ukoll fil-kontribut tagħha biex jintlaħqu l-miri tal-2030, b'mod partikolari l-objettiv li l-għadd ta' persuni fl-UE li jgħixu fil-faqar jew li jesperjenzaw esklużjoni soċjali jitnaqqas b'mill-inqas 15-il miljun;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, inkluż billi tippermettilhom jikkondividu l-aħjar prattika; jissottolinja l-importanza tal-finanzjament mill-qasam Impjiegi u Innovazzjoni Soċjali tal-Fond Soċjali Ewropew Plus għall-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni attiva biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta' sistemi ta' protezzjoni soċjali u politiki tas-suq tax-xogħol adegwati; jisħaq li l-appoġġ għall-introjtu minimu, bħala għodda għall-prevenzjoni u l-indirizzar tal-faqar, irid ikun parti minn strateġija usa' kontra l-faqar li tinkludi inċentivi għall-promozzjoni tar-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' dawk li jistgħu jaħdmu;

8.  Jinnota li, bħala segwitu għall-proposta tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura l-inklużjoni attiva, Direttiva tal-UE dwar introjtu minimu adegwat tista' tikkontribwixxi għall-għan li l-faqar jitnaqqas b'mill-inqas nofs fl-Istati Membri kollha sal-2030 u li tiġi żgurata l-integrazzjoni tal-persuni assenti mis-suq tax-xogħol, filwaqt li jiġu rrispettati l-ispeċifiċitajiet tas-sistemi nazzjonali ta' protezzjoni soċjali, il-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-kompetenzi tal-Istati Membri; jisħaq li tali Direttiva tista' tgħin biex tkompli ssaħħaħ l-aċċessibbiltà, l-adegwatezza u l-effettività tal-MISs, biex tippromwovi konverġenza soċjali 'l fuq; ifakkar li l-MISs għandhom jipproteġu lin-nies li ma għandhomx biżżejjed riżorsi milli jesperjenzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jevalwaw regolarment l-MISs tagħhom u jekk ikun meħtieġ jaġġornawhom, sabiex jiżguraw li l-livell ta' appoġġ ikun adegwat u jirrifletti l-limitu nazzjonali tal-AROPE jew il-valur monetarju tal-prodotti u s-servizzi meħtieġa u jissalvagwardja l-kapaċità tal-akkwist tal-benefiċjarji, filwaqt li jitqies l-għoli tal-ħajja; ifakkar li l-MISs għandhom jiġu stabbiliti u aġġustati permezz ta' proċessi trasparenti bbażati fuq metodoloġija robusta u bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti; jisħaq li l-introjtu minimu ma għandux jitqies biss bħala nfiq għall-protezzjoni soċjali iżda pjuttost bħala investiment fin-nies u fl-ekonomija, peress li l-benefiċjarji x'aktarx li jonfquh direttament għall-ħtiġijiet ta' kuljum;

10.  Jinnota li l-kompożizzjoni tal-unità domestika hija waħda mill-aspetti ewlenin meqjusa minn ħafna Stati Membri meta jistabbilixxu l-livell ta' appoġġ ipprovdut; jisħaq li l-applikazzjoni tat-test tal-mezzi skont l-unità domestika, tassumi li l-membri tal-unità domestika jiġbru u jaqsmu r-riżorsi tagħhom b'mod ugwali, tista' toħloq ċiklu ta' dipendenza; jinsisti li l-appoġġ għall-introjtu minimu għandu jingħata wara test tal-mezzi individwali, sabiex jiġu żgurati l-protezzjoni u l-indipendenza finanzjarja ta' kull individwu li ma jkollux riżorsi suffiċjenti u li jissodisfa l-kriterji ta' eliġibbiltà; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw soluzzjonijiet li jiffaċilitaw ir-riċeviment ta' appoġġ għall-introjtu minn membri individwali tal-unità domestika; jinnota li approċċ skont l-unità domestika spiss ikollu effett partikolarment negattiv fuq l-indipendenza ekonomika tan-nisa, li jista' jirriżulta fi vjolenza ekonomika abbażi tal-ġeneru u, fost affarijiet oħra, jillimita l-possibbiltà tan-nisa li jaħarbu mill-vjolenza u l-abbuż abbażi tal-ġeneru; jinsab imħasseb li l-limiti tal-età li jirrikjedu li l-applikanti jkollhom mill-inqas 18-il sena jistgħu jillimitaw l-aċċess tal-adulti żgħażagħ għall-appoġġ u jwaqqfuhom milli jsiru indipendenti;

11.  Iqis li l-aċċess għall-introjtu minimu jrid ikun effettiv, ugwali u universali għal persuni li ma jkollhomx riżorsi suffiċjenti u li jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti mill-Istati Membri, biex ikunu jistgħu jgħixu b'dinjità; ifakkar li l-introjtu minimu għandu jkun parti minn skemi usa' ta' appoġġ għall-introjtu miżjuda jew ikkombinati ma' benefiċċji in natura bħall-aċċess għal oġġetti u servizzi essenzjali u abilitanti relatati b'mod partikolari man-nutrizzjoni, l-indukrar tat-tfal, l-edukazzjoni u t-taħriġ, is-saħħa, l-akkomodazzjoni, il-kura fit-tul, it-trasport, l-enerġija, il-komunikazzjonijiet diġitali u l-parteċipazzjoni f'attivitajiet sportivi jew soċjokulturali, sabiex tiġi żgurata l-inklużjoni soċjali tal-benefiċjarji; jisħaq li l-appoġġ għall-introjtu irid iqis il-ħtiġijiet speċifiċi tal-individwi u l-inugwaljanzi intersezzjonali, bħal fir-rigward ta' ġenituri waħedhom, persuni b'diżabilità u tfal dipendenti; jinsisti li l-assistenza biex jiġu koperti l-ispejjeż relatati mad-diżabilità u l-appoġġ attiv għall-impjieg huma komplementari għall-introjtu minimu u dawn ma għadhomx jissostitwixxu lil xulxin;

12.  Jinsab imħasseb li l-kriterji ta' eliġibbiltà li jirrikjedu indirizz permanenti, kont bankarju jew perjodi sproporzjonati ta' residenza legali jistgħu jirrestrinġu l-aċċess għall-MISs u jisfurzaw lill-gruppi żvantaġġati fil-faqar, inklużi dawk li mhumiex ċittadini, ir-Rom u l-persuni mingħajr dar; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-MISs tagħhom jipprovdu kopertura sħiħa u effettiva għan-nies li ma għandhomx biżżejjed riżorsi u li jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibbiltà, u jneħħu l-ostakli, b'mod partikolari għall-gruppi żvantaġġati;

13.  Jinsab imħasseb dwar il-kwistjoni tal-livelli baxxi ta' użu għall-appoġġ għall-introjtu minimu fl-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jqajmu kuxjenza dwar l-MISs, il-kriterji ta' eliġibbiltà u d-drittijiet u l-obbligi relatati u jiġġieldu kontra l-istigmatizzazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jfasslu proċeduri ta' applikazzjoni simplifikati u li jinftiehmu biex jiġu aċċessati l-MISs, ineħħu l-ostakli amministrattivi bla bżonn u jipprovdu soluzzjonijiet online u offline, bħal punt uniku ta' kuntatt, gwida umana personalizzata minn dawk li jimmaniġġjaw il-każijiet magħżula, appuntamenti fiżiċi u diġitali mal-fornituri tas-servizzi pubbliċi, punti uniċi ta' servizz u appoġġ tekniku għall-applikanti u l-benefiċjarji; jissottolinja li mod effettiv għall-fornituri tas-servizzi soċjali u l-amministrazzjonijiet pubbliċi, f'kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, biex jindirizzaw il-problema tal-livell baxx ta' użu huwa li jidentifikaw b'mod proattiv il-benefiċjarji potenzjali, jinnotifikawhom bl-eliġibbiltà tagħhom u mbagħad jappoġġjawhom b'mod attiv biex jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom kif ukoll matul il-proċess kollu biex jiġi żgurat li l-benefiċċji jingħataw mingħajr xkiel;

14.  Jisħaq li meta tiġi pprovduta informazzjoni dwar l-eliġibbiltà u t-tfassil u l-amministrazzjoni tal-proċeduri ta' applikazzjoni, u matul l-għoti u d-durata tal-benefiċċji jeħtieġ li jiġi kkunsidrat id-distakk diġitali; jissottolinja l-valur miżjud tal-assistenza permezz ta' għodod online iżda jisħaq li l-għodod diġitali waħedhom mhux se jegħlbu l-ostakli strutturali bħal nuqqas ta' aċċess għal hardware tal-IT jew konnessjoni tal-internet jew ta' ħiliet diġitali; jinsab imħasseb dwar il-kwistjonijiet potenzjali li jqajjem id-distakk diġitali, speċjalment għall-anzjani, għall-persuni mingħajr dar, għall-persuni li jgħixu f'żoni remoti u għall-persuni Rom; ifakkar li d-disponibbiltà ta' appuntamenti fiżiċi mal-fornituri tas-servizz pubbliku tibqa' vitali biex jiġi żgurat it-twassil xieraq tas-servizz għan-nies kollha li ma għandhomx biżżejjed riżorsi;

15.  Jinnota li l-kura informali tista' twassal għal telf ta' introjtu, aggravament tad-differenzi bejn il-ġeneri fil-pagi u fil-pensjonijiet, il-faqar fix-xjuħija u l-femminizzazzjoni tal-faqar; jinsisti li x-xogħol ta' indukrar mhux imħallas għandu jiġi vvalutat, il-ħiliet tal-persuni li jindukraw għandhom jiġu rikonoxxuti u d-distribuzzjoni ugwali tar-responsabbiltajiet tal-kura għandha tiġi mħeġġa, kif enfasizzat fl-istrateġija Ewropea dwar il-kura; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri jtejbu s-sistemi ta' protezzjoni soċjali u s-servizzi pubbliċi tagħhom, b'mod partikolari għall-indukrar tat-tfal u l-kura fit-tul, sabiex il-persuni li jwettqu xogħol domestiku mhux imħallas, li l-maġġoranza tagħhom huma nisa, ma jesperjenzaw l-ebda faqar u esklużjoni soċjali u għalhekk ma jkunux mġiegħla jiddependu mill-protezzjoni soċjali, inkluż l-introjtu minimu;

16.  Iqis, madankollu, li l-MISs ma għandhomx jissostitwixxu sistemi ta' kura pubblika xierqa, u lanqas ma għandhom isiru diżinċentiv għan-nisa biex jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol u jirċievu kumpens ġust għal xogħolhom; jirrimarka li, jekk ma jkunux imfassla sew, l-MISs jistgħu jsaħħu l-istereotipi marbuta mal-ġeneru u jxekklu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol;

17.  Jisħaq li l-MISs waħedhom ma jistgħux joħorġu lin-nies mill-faqar; jemmen li huwa essenzjali li l-appoġġ għall-introjtu u l-introjtu minimu ma jikkontribwixxux għad-dipendenza soċjali u li minflok dawn iridu jiġu kkombinati ma' inċentivi u ma' miżuri tas-suq tax-xogħol ta' sostenn, abilitanti u attivi għal dawk li jistgħu jaħdmu sabiex jitkisser iċ-ċirku vizzjuż tal-faqar u d-dipendenza mill-appoġġ pubbliku għall-individwi u l-familji tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-MISs parti minn strateġija ta' inklużjoni proattiva li għandha l-parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali u fis-suq tax-xogħol u l-benesseri tan-nies fil-qalba tagħha; jisħaq fuq il-ħtieġa kemm ta' politiki ġenerali kif ukoll ta' miżuri mmirati li jagħtu s-setgħa lil dawk li jistgħu jaħdmu biex isibu impjiegi stabbli, ta' kwalità għolja u sikuri, li jipprovdu aċċess effettiv, ugwali u universali għal servizzi soċjali u pubbliċi għal kulħadd, b'mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tal-akkomodazzjoni, u li jinkludu opportunitajiet ta' apprendiment u ta' impjieg ipprovduti minn atturi tal-ekonomija soċjali bħall-intrapriżi soċjali għall-integrazzjoni fix-xogħol;

18.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri li jipprevjenu lill-benefiċjarji milli jkunu mġiegħla jaċċettaw impjiegi ta' kwalità baxxa; huwa tal-fehma li l-faqar fost dawk li jaħdmu jeħtieġ li jiġi indirizzat b'mod urġenti permezz ta' pagi deċenti sabiex jiġi żgurat li x-xogħol iħallas u tiġi pprevenuta l-ħtieġa li wieħed jiddependi mill-MISs; jirrikonoxxi, madankollu, li l-fatt li wieħed jirċievi paga ma għandux awtomatikament jagħmel lin-nies ineliġibbli għall-MISs jekk is-salarju tagħhom ma jkunx għoli biżżejjed biex huma jgħixu b'dinjità, u li għandhom jitqiesu sitwazzjonijiet speċifiċi meta jiġi ddeterminat l-aċċess għall-introjtu minimu;

19.  Jenfasizza li impjiegi sostenibbli u ta' kwalità għolja huma essenzjali biex jitnaqqas il-faqar; jisħaq f'dan il-kuntest fuq l-importanza li tingħata spinta lit-tkabbir stabbli, l-investiment u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri ta' politika biex jintegraw (mill-ġdid) lil dawk li jistgħu jaħdmu fis-suq tax-xogħol, inkluż billi jiżguraw li jipprovdu inċentivi suffiċjenti bħal edukazzjoni ta' kwalità għolja, taħriġ, opportunitajiet ta' taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet, jippromwovu l-impjiegi formali u jiġġieldu x-xogħol mhux iddikjarat, kif ukoll jinvolvu l-impjegaturi biex jittejbu ż-żamma u l-promozzjoni tal-impjiegi; jistieden lill-Istati Membri jikkomplimentaw dawn il-miżuri b'servizzi ta' appoġġ bħal konsulenza, taħriġ personalizzat u assistenza fit-tfittxija ta' impjieg, inklużi programmi speċjali għal nies li mhumiex fl-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ, nies qiegħda fit-tul u ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet, kif ukoll fir-rigward tal-iżvilupp ta' ħiliet orjentati lejn il-futur bil-ħsieb tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw il-kombinazzjoni ta' appoġġ għall-introjtu minimu mal-qligħ mix-xogħol bħala miżura progressiva ta' eliminazzjoni gradwali sabiex il-benefiċjarji waqt li jkunu deħlin (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol jiġu appoġġjati ħalli ma jispiċċawx fil-faqar fost dawk li jaħdmu; jinsab imħasseb dwar il-prattika fost xi kumpaniji li jimpjegaw biss benefiċjarji ta' introjtu minimu sakemm ikun hemm appoġġ pubbliku;

20.  Jisħaq li jridu jitrawmu soċjetajiet inklużivi billi jiġu miġġielda l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni filwaqt li jiġu promossi wkoll il-ġustizzja soċjali, l-impjiegi ta' kwalità għolja u kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol imtejba, permezz ta' djalogu soċjali u billi jiġu pprovduti servizzi soċjali bi prezz raġonevoli u aċċessibbli b'mod universali bħall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, kif ukoll sistemi ta' protezzjoni soċjali b'saħħithom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi biex tinkiseb konverġenza soċjali u ekonomika 'l fuq, jiġġieldu l-inugwaljanzi li qed jiżdiedu fi ħdan u bejn l-Istati Membri u jżidu s-solidarjetà; jisħaq li appoġġ għall-introjtu minimu, benefiċċji tal-qgħad, pagi minimi u pensjonijiet adegwati jistgħu jikkontribwixxu għal dawn l-objettivi; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan l-isfond, tikkunsidra bħala miżura ulterjuri tal-UE, wara r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, direttiva dwar introjtu minimu adegwat, sabiex tiġi żgurata r-riintegrazzjoni ta' persuni assenti mis-suq tax-xogħol, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-ispeċifiċitajiet tas-sistemi nazzjonali ta' protezzjoni soċjali u l-kompetenzi tal-Istati Membri;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu lis-sħab soċjali u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-persuni li jesperjenzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali u/jew ir-rappreżentanti tagħhom, fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Jannar 2023 u l-MISs nazzjonali, bil-għan li jittejbu, u meta meħtieġ jitwessgħu, il-kopertura, l-adozzjoni, l-aċċessibbiltà u l-adegwatezza tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali; jitlob, f'dan il-kuntest, taħriġ adegwat għall-ħaddiema soċjali u fornituri oħra ta' servizzi soċjali fl-Istati Membri, u żieda fl-għadd tagħhom, biex ikunu jistgħu jaħdmu f'kundizzjonijiet ottimali u jipprovdu appoġġ u assistenza personalizzata lil dawk li ma għandhomx biżżejjed riżorsi;

22.  Jisħaq fuq l-ħtieġa li tiġi żviluppata sistema ta' monitoraġġ u evalwazzjoni b'saħħitha u effettiva għall-MISs fl-Istati Membri, ibbażata fuq objettivi u data kwantitattivi preċiżi kif ukoll informazzjoni kwalitattiva, li għandha tinvolvi lil partijiet ikkonċernati rilevanti, bħal benefiċjarji, nies f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali, jew li jesperjenzawhom, u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, sabiex jiġi żgurat impatt reali fuq il-post; jenfasizza l-importanza ta' sistemi nazzjonali komprensivi ta' monitoraġġ u ta' rapportar dwar l-MISs, li jqisu mekkaniżmi oħra ta' protezzjoni soċjali u miżuri ta' politika soċjali fl-Istati Membri rispettivi; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati koordinazzjoni u skambju ta' informazzjoni suffiċjenti bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, b'mod partikolari dawk inkarigati mill-protezzjoni soċjali u mis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi;

23.  Jisħaq li l-benefiċjarji ta' appoġġ għall-introjtu minimu li ma jistgħux jaħdmu, ma jistgħux isibu xogħol jew mhumiex parti mill-forza tax-xogħol jeħtiġilhom jingħataw l-opportunità li jiġu inklużi fis-soċjetà u jikkontribwixxu għaliha permezz ta' mezzi mhux ekonomiċi, bħall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-volontarjat, il-parteċipazzjoni ċivika, u l-involviment soċjali fuq bażi volontarja;

24.  Jistieden lill-Istati Membri, sabiex jiżguraw impjieg sostenibbli, deċenti u ta' kwalità għolja, ħalli jimplimentaw malajr id-Direttiva (UE) 2022/2041 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Ottubru 2022 dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea(26), inkluż billi jissaħħaħ ir-rwol tan-negozjar kollettiv u d-djalogu soċjali, f'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, u billi jittieħdu miżuri xierqa ħalli tiġi ggarantita paga ġusta għal kulħadd, b'enfasi partikolari fuq in-nisa sabiex titnaqqas id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-programmi rilevanti tal-UE biex tappoġġja u timmonitorja l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, inkluż fil-qafas tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, sabiex tiġi żgurata u ffaċilitata l-integrazzjoni (jew ir-riintegrazzjoni) fis-suq tax-xogħol;

26.  Jisħaq fuq l-importanza ta' sistemi ta' aġġudikazzjoni effettivi fil-livelli kollha u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw u jiffaċilitaw l-aċċess għall-ġustizzja għall-applikanti u l-benefiċjarji b'introjtu minimu, sabiex id-dritt għall-appell ikun garantit u faċilment aċċessibbli għal kulħadd;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri li għandhom l-għan li jikkondividu l-prattika tajba bejn u fost l-Istati Membri, b'mod partikolari fir-rigward tar-Rom, il-persuni li jgħixu fil-faqar, in-nisa u gruppi żvantaġġati oħra;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Istati Membri b'aktar riżorsi flessibbli li jgħinu biex titnaqqas ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ li jgħixu fl-UE, il-gruppi żvantaġġati bħar-Roma, il-persuni b'diżabilità u komunitajiet esklużi oħra;

29.  Jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu opportunitajiet, speċjalment f'żoni żvantaġġati, permezz ta' inkubaturi, programmi ta' apprendistat, workshops u skemi lokali oħra għall-ħolqien tal-impjiegi biex tiġi mħeġġa l-integrazzjoni tal-parteċipanti u tal-gruppi fil-mira fis-suq tax-xogħol;

30.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 245, 26.8.1992, p. 46.
(2) ĠU C 41, 3.2.2023, p. 1.
(3) ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 8.
(4) ĠU C 346, 27.9.2018, p. 156.
(5) https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-eurostat-news/-/edn-20211015-1
(6) https://www.worldbank.org/en/news/feature/2020/10/07/global-action-urgently-needed-to-halt-historic-threats-to-poverty-reduction
(7) https://www.caritas.eu/minimum-income-schemes-to-ensure-dignity-for-all
(8) https://eurocarers.org/wp-content/uploads/2018/09/Eurocarers-Needs_final.pdf
(9) https://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=1092
(10) https://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=1092
(11) https://www.eapn.eu/wp-content/uploads/2016/03/2016-ESPN-report-minimum-income.pdf, p. 22.
(12) https://foodinstitute.com/focus/analysis-how-heatflation-is-heating-up-food-prices/
(13) https://ipes-food.org/_img/upload/files/AnotherPerfectStorm.pdf
(14) https://www.eurofound.europa.eu/publications/article/2022/first-responses-to-cushion-the-impact-of-inflation-on-citizens
(15) https://energy.ec.europa.eu/topics/markets-and-consumers/energy-consumer-rights/energy-poverty-eu_en u https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-eurostat-news/-/ddn-20211105-1
(16) https://rm.coe.int/168006b642, p. 2.
(17) Il-proposta tal-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2022 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura l-inklużjoni attiva (COM(2022)0490) u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha tal-istess data (SWD(2022)0313).
(18) https://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=mt&catId=89&furtherNews=yes&newsId=10417#navItem-relatedDocuments, p. 4.
(19) ĠU L 307, 18.11.2008, p. 11.
(20) https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Disability_statistics_-_poverty_and_income_inequalities
(21) https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/tespn100/default/bar?lang=en
(22) https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Gender_pay_gap_statistics
(23) https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-eurostat-news/-/ddn-20210203-1
(24) https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Glossary:At-risk-of-poverty_rate#:~:text=The%20at%2Drisk%2Dof%2D,disposable%20income%20after%20social%20transfers
(25) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Ottubru 2021 dwar il-politiki soċjali u tal-impjieg taż-żona tal-euro għall-2021 (ĠU C 184, 5.5.2022, p. 33).
(26) ĠU L 275, 25.10.2022, p. 33.


Il-funzjonament tas-SEAE u UE aktar b'saħħitha fid-dinja
PDF 194kWORD 65k
Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2023 lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà li tinkludi rendikont tal-funzjonament tas-SEAE u favur UE aktar b’saħħitha fid-dinja (2021/2065(INI))
P9_TA(2023)0077A9-0045/2023

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jistipula li r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jeħtieġlu jassisti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fl-iżgurar tal-konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tal-Unjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21(1) tat-TUE, li jistipula li l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali trid tkun iggwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha u li hija tfittex li tippromwovi fil-bqija tad-dinja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 26(2) tat-TUE, li jipprevedi li l-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jeħtiġilhom jiżguraw l-unità, il-konsistenza u l-effettività tal-azzjoni mill-Unjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 35 tat-TUE, li jiddikjara li l-missjonijiet diplomatiċi u konsulari tal-Istati Membri u tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni jridu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-protezzjoni fit-territorju ta’ pajjiżi terzi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 36 tat-TUE, li jiddikjara li r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jeħtieġlu jikkonsulta regolarment lill-Parlament dwar l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni u tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni, jinfurmah dwar kif jevolvu dawk il-politiki u jiżgura li l-fehmiet tal-Parlament jitqiesu kif xieraq,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 42 tat-TUE, li jagħti lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà setgħat li jagħmel proposti fil-qasam tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni, inkluż li jagħti bidu għal missjonijiet, bl-użu ta’ riżorsi kemm nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 167(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFEU), li jiddikjara li l-Unjoni għandha tinkoraġġixxi l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk jinħtieġ, tappoġġa u tissupplimenta l-azzjoni tagħhom biex iqajmu kuxjenza u jxerrdu l-kultura u l-istorja tal-popli Ewropej, jikkonservaw u jissalvagwardjaw il-wirt kulturali Ewropew sinifikanti u jrawmu skambji kulturali li mhumiex ta’ natura kummerċjali, u l-kreazzjoni artistika u letterarja, inklużi dawk fis-settur awdjoviżiv,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 167(3) TFUE, li jgħid li l-Unjoni u l-Istati Membri jridu jinkoraġġixxu l-koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fl-isfera tal-kultura, partikolarment il-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna(1) (id-“Deċiżjoni tas-SEAE”), u b’mod partikolari l-Artikoli 9 u 13 tagħha, li stipulat li r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà kellu jwettaq, sa nofs l-2013, rieżami tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE, li jkopri, fost oħrajn, l-implimentazzjoni tal-Artikoli 6(6) u 6(8) tad-Deċiżjoni tas-SEAE dwar il-bilanċ ġeografiku, akkumpanjat, jekk rilevanti, minn proposta leġiżlattiva li temenda d-Deċiżjoni,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà tal-14 ta’ Novembru 2022,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-20 ta’ Lulju 2010 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ) dwar ir-Responsabbiltà Politika(2),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u lill-Viċi President tal-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni tat-13 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rieżami tal-2013 tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE(3),

–  wara li kkunsidra d-diskors tal-ftuħ mogħti mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Viċi President tal-Kummissjoni fil-Konferenza Annwali tal-Ambaxxaturi tal-UE tal-2022,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2022 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar l-istrateġija l-ġdida tal-UE għat-tkabbir(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Jannar 2023 dwar l-implimentazzjoni tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni – rapport annwali 2022(5) u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Jannar 2023 dwar l-implimentazzjoni tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni – rapport annwali 2022(6),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (WPS) 2019-2024 tal-5 ta’ Lulju 2019,

–  wara li kkunsidra l-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża, adottata fil-21 ta’ Marzu 2022,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 118 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0045/2023),

A.  billi t-Trattati jiċċaraw li r-rwol tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) huwa li jassisti lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni u li jaħdem f’kooperazzjoni mas-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri(7); billi s-SEAE jrid jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-azzjoni esterna tal-UE fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha;

B.  billi sabiex jintlaħaq l-objettiv strateġiku li jiġi żviluppat ir-rwol ta’ tmexxija globali tagħha, l-UE jeħtiġilha tkompli tieħu rwol ta’ tmexxija fit-tisħiħ tas-sħubijiet multilaterali dwar prijoritajiet globali, b’mod partikolari s-sħubija tagħha man-NU u l-kooperazzjoni komprensiva u miftuħa tagħha man-NATO, ma’ pajjiżi oħra u organizzazzjonijiet internazzjonali tal-istess fehma, inkluż billi tfittex kooperazzjoni aktar komprensiva, koerenti u miftuħa man-NATO, u fil-protezzjoni u l-promozzjoni tal-libertà, tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem globalment;

C.  billi wasal iż-żmien li jiġi rriformat it-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, biex b’hekk isir użu sħiħ u aktar effettiv tal-istrumenti ta’ setgħa ta’ koerċizzjoni u ta’ persważjoni tal-UE, inkluż bl-introduzzjoni mingħajr aktar dewmien ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata (VMK) għat-teħid ta’ deċiżjonijiet f’ċerti oqsma tal-politika barranija tal-UE bħas-sanzjonijiet, id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tad-dritt internazzjonali, bl-eċċezzjoni tad-deċiżjonijiet li jniedu missjonijiet jew operazzjonijiet militari b’mandat eżekuttiv fil-qafas tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK) li għalihom trid tkun għadha meħtieġa l-unanimità, filwaqt li jiġi żgurat ukoll li l-azzjonijiet esterni u interni tal-UE jkunu interkonnessi b’mod koerenti;

D.  billi l-UE jeħtieġ li tkompli timxi ’l quddiem lejn id-diplomazija Ewropea awtonoma u tagħha stess fl-oqsma kollha, inklużi d-diplomazija pubblika u kulturali, ekonomika, klimatika, diġitali u ċibernetika, fost l-oħrajn, immexxija minn servizz diplomatiku tal-UE li jkun sostnut minn kultura diplomatika komuni bbażata fuq perspettiva tal-UE;

E.  billi huwa ta’ importanza kbira li jissaħħu r-relazzjonijiet kulturali internazzjonali u d-diplomazija kulturali tal-UE bħala pontijiet għall-promozzjoni tal-fehim reċiproku u r-relazzjonijiet madwar id-dinja, peress li dawn saru għodda diplomatika utli għall-UE u parti fundamentali mis-setgħa ta’ persważjoni tagħha;

F.  billi l-kriżijiet ġeopolitiċi u umanitarji globali juru l-ħtieġa li l-UE tikseb informazzjoni kredibbli u diretta dwar it-theddid estern eżistenti u possibbli għall-UE, sabiex tkun tista’ tirreaġixxi malajr u b’mod effikaċi, kif ukoll tipproteġi aħjar l-interessi tagħha lil hinn minnha;

G.  billi jeħtieġ li tissaħħaħ l-azzjoni esterna tal-Unjoni u s-SEAE permezz ta’ strumenti u riżorsi proprji, awtonomi u permanenti tal-UE għall-affarijiet barranin, il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u s-sigurtà u d-difiża sabiex l-Unjoni tkun attur globali sħiħ u kredibbli, kif ukoll biex tkun tista’ ssegwi u tikseb aħjar l-objettivi tagħha u tiddefendi l-valuri tagħha madwar id-dinja;

H.  billi r-rwol tas-SEAE huwa fil-qalba tal-implimentazzjoni tal-politiki barranin, tas-sigurtà u tad-difiża tal-UE u jrid juri t-triq lejn approċċ aktar komprensiv li jinkludi d-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni bħad-Direttorat Ġenerali għas-Sħubijiet Internazzjonali (DĠ INTPA), id-Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir (DĠ NEAR), fost l-oħrajn; billi fid-diskors tiegħu fil-Konferenza Annwali tal-Ambaxxaturi tal-UE tal-2022, il-VP/RGħ identifika nuqqasijiet fis-servizz diplomatiku tal-UE u fil-politiki esterni tal-UE b’mod ġenerali u talab li dawn jiġu indirizzati b’mod effettiv sabiex jissaħħu l-kapaċità, l-effiċjenza u l-effikaċja tal-politika tagħha; billi s-SEAE qed jiffaċċja diskrepanza bejn l-aspettattivi u l-kapaċitajiet u huwa nieqes minn setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet; billi s-SEAE għandu jiġi riformat sabiex jissaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala attur aktar proattiv u reżiljenti fi ħdan l-ordni internazzjonali;

I.  billi, skont l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni tas-SEAE, ir-Rappreżentant Għoli jrid jiżgura koordinazzjoni politika ġenerali u l-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, filwaqt li s-SEAE jeħtieġlu jikkontribwixxi għaċ-ċiklu ta’ programmazzjoni u ġestjoni għall-istrumenti ta’ finanzjament estern tal-UE, inkluż dwar l-allokazzjonijiet għall-pajjiżi u l-programmi indikattivi nazzjonali u reġjonali;

J.  billi l-aggressjoni militari mhux provokata, mhux ġustifikata u illegali mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna li bdiet fl-24 ta’ Frar 2022 hija ksur sfaċċat tad-dritt internazzjonali, tal-Karta tan-NU u tal-prinċipji minquxa fl-Att Finali ta’ Ħelsinki tal-1975 u tal-Memorandum ta’ Budapest tal-1994, u timmina serjament is-sigurtà u l-istabbiltà Ewropej u dawk globali; billi din il-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna biddlet fundamentalment ix-xenarju tas-sigurtà fl-Ewropa, inkluż billi żiedet l-instabbiltà fil-Viċinat tal-UE; billi din ir-realtà l-ġdida tenfasizza l-ħtieġa urġenti li tingħata prijorità lill-effikaċja tal-politika estera u ta’ sigurtà tal-UE billi żżid il-kapaċità tagħha li taġixxi biex tipproteġi l-valuri u l-interessi tagħna u tippromwovi l-prinċipji minquxa fl-Artikolu 21 tat-TUE; billi l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat diversi riżoluzzjonijiet li jikkundannaw l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna; billi l-ġlieda kontra l-impunità fost l-uffiċjali għolja fir-Russja u atturi oħra li kkontribwew għall-gwerra ta’ aggressjoni fl-Ukrajna hija vitali;

K.  billi l-bidliet fil-kuntest ġeopolitiku matul dawn l-aħħar snin, inklużi l-pandemija tal-COVID-19 u l-aggressjoni Russa fl-Ukrajna, żiedu b’mod sinifikanti t-talbiet lill-UE biex timmobilizza lill-pajjiżi sħab u tibni alleanzi reġjonali u globali madwar il-prijoritajiet strateġiċi tal-UE u, fl-istess ħin, enfasizzaw il-fehim fqir tal-perspettiva tal-UE fil-pajjiżi sħab madwar id-dinja, kif ukoll il-limiti tal-influwenza politika tal-UE;

L.  billi l-UE, il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) u l-PSDK tagħha huma dejjem aktar fil-mira ta’ kampanji ta’ diżinformazzjoni, fatt li jirrikjedi politika ta’ komunikazzjoni strateġika aktar robusta mis-SEAE;

M.  billi d-determinazzjoni u r-rieda tal-Parlament li jipproteġi u jiddefendi lill-Unjoni u l-valuri u l-prinċipji li tirrappreżenta, inklużi l-prinċipji tal-integrità territorjali, is-sovranità nazzjonali u l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, iridu jkunu akkumpanjati minn strutturi adegwati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u istituzzjonali għad-djalogu u l-kooperazzjoni esterni u interistituzzjonali u minn rieda politika;

N.  billi l-ġestjoni tal-azzjoni esterna tal-UE għandha tiġi riformata sabiex tinkiseb kultura diplomatika komuni tal-UE, jingħeleb in-nuqqas ta’ ċarezza u tiżdied il-fiduċja tal-Istati Membri billi jintuża l-ispazju prammatiku maħluq mill-kriżijiet reċenti; billi l-Artikolu 24(3) tat-TUE huwa kruċjali għall-effikaċja tal-politika esterna tal-UE peress li jobbliga lill-Istati Membri jappoġġaw il-politika esterna u ta’ sigurtà tal-Unjoni b’mod attiv u mingħajr riżerva fi spirtu ta’ lealtà u solidarjetà reċiproka u jappoġġaw l-azzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam; billi dawn ir-riformi għandhom jippermettu lill-UE tadatta għall-kuntest ġeopolitiku attwali, jiċċaraw id-diviżjoni tal-ħidma bejn ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Viċi President tal-Kummissjoni, il-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni u l-kummissarji l-oħra responsabbli għar-relazzjonijiet esterni, inaqqsu r-rivalitajiet persistenti bejn is-servizzi fi ħdan il-Kummissjoni, u jiddefinixxu l-limiti u l-kompetenzi tas-SEAE, tal-Kummissjoni, tal-Kunsill u tal-istrutturi tal-Istati Membri b’mod li jirrifletti b’mod adegwat ir-rwol speċifiku mogħti lir-Rappreżentant Għoli fl-azzjoni esterna tal-UE u li jevita d-duplikazzjoni fl-azzjoni esterna tal-UE; billi hemm potenzjal għal titjib fir-relazzjoni kooperattiva tal-VP/RGħ u tas-servizz tiegħu mal-President tal-Kunsill Ewropew u l-uffiċċju tiegħu, li jista’ jgħin biex tiżdied il-fiduċja tal-Istati Membri fir-rwol tal-VP/RGħ, is-SEAE u l-President tal-Kunsill Ewropew;

O.  billi l-fehim ta’ kif is-soċjetajiet huma ffurmati u influwenzati mir-reliġjonijiet u forom oħra ta’ twemmin huwa strumentali biex titqies b’mod effettiv il-libertà reliġjuża fil-politiki esterni tal-UE; billi l-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin huma għodda importanti għas-SEAE f’dan ir-rigward; billi l-għarfien tad-delegazzjonijiet tal-UE u l-użu tal-Linji Gwida jistgħu jittejbu, speċjalment biex jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi għall-pajjiż; billi evalwazzjoni formali tal-Linji Gwida mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (COHOM) ilha li saret;

P.  billi r-rwol u l-kapaċità tas-SEAE fid-definizzjoni tal-orjentazzjoni strateġika u fil-kontribut għall-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji esterni tal-UE għandhom jissaħħu;

Q.  billi d-daqs u l-profili tal-persunal tad-delegazzjonijiet tal-UE jridu jirriflettu l-interessi strateġiċi ġenerali tal-UE, kif ukoll l-interessi speċifiċi tal-UE fi kwalunkwe pajjiż sieħeb partikolari;

1.  Jirrakkomanda lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà:

   (a) jieħdu passi effettivi biex itejbu l-koordinazzjoni u l-integrazzjoni tal-politika barranija tal-UE u d-dimensjoni esterna tal-politiki interni tal-UE, b’mod partikolari l-migrazzjoni, il-kummerċ u l-enerġija; jiżguraw li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-politika kummerċjali u l-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża jkunu koerenti u konsistenti mal-għanijiet ġenerali tal-PESK tal-UE u l-PSDK tal-UE, kif minquxa fl-Artikolu 21 tat-TUE u l-Approċċ Integrat tal-UE għal Kunflitti u Kriżijiet Esterni, kif ukoll il-valuri u l-prinċipji li fuqhom twaqqfet l-Unjoni;
   (b) isaħħu l-istruttura ta’ koordinazzjoni strateġika magħmula mill-kummissarji rilevanti kollha, il-VP/RGħ u s-servizzi tal-Kummissjoni u tas-SEAE biex jiżguraw il-koerenza, is-sinerġija, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-azzjoni esterna tal-UE, inkluż tal-istrumenti ta’ finanzjament estern tagħha, politiki u programmi rilevanti oħra u l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp;
   (c) jaċċertaw ir-rwol ewlieni tal-VP/RGħ bħala pont bejn il-PESK u r-relazzjonijiet esterni tal-UE bil-għan li jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ koordinazzjoni u koerenza fl-azzjoni esterna tal-UE, inkluż fil-kooperazzjoni mill-qrib tal-VP/RGħ mal-Kulleġġ tal-Kummissarji sabiex tiġi kkoordinata d-dimensjoni esterna tal-politiki interni tal-UE u tissaħħaħ il-koordinazzjoni tal-azzjoni esterna tal-Istati Membri;
   (d) jiżguraw li l-azzjoni u l-politiki esterni kollha tal-Unjoni jikkontribwixxu għall-obbligu bbażat fuq it-Trattat li jiġu kkonsolidati u appoġġati d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali;
   (e) jiżguraw li s-SEAE jkollu r-responsabbiltà ġenerali u r-rwol istituzzjonali ewlieni għat-tmexxija tar-relazzjonijiet esterni kollha tal-UE, inkluż dwar id-dimensjonijiet esterni tal-politiki interni, u li r-Rappreżentant Għoli jkollu preeminenza f’każ ta’ differenzi fi ħdan il-Grupp ta’ Kummissarji għal Ewropa Aktar b’Saħħitha fid-Dinja;
   (f) jirrevedu d-Deċiżjoni tas-SEAE bil-ħsieb li jżidu l-influwenza tas-SEAE, isaħħuh, itejbu l-għodod tiegħu u jżidu l-leġittimità tiegħu; jenfasizza li l-aġġornament imsemmi hawn fuq tad-Deċiżjoni tas-SEAE għandu jkollu l-għan li jsaħħaħ l-awtonomija tiegħu minn perspettiva tal-UE, kif ukoll li jsaħħaħ l-istruttura tas-SEAE u jżid ir-riżorsi tiegħu;
   (g) iżidu l-influwenza u l-effikaċja tal-politika barranija tal-UE billi jiżguraw l-użu sħiħ tal-VMK għal ċerti oqsma tal-politika barranija, bħad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tad-dritt internazzjonali, u għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, u bl-eċċezzjoni ta’ deċiżjonijiet li joħolqu u jibagħtu missjonijiet jew operazzjonijiet militari b’mandat eżekuttiv skont il-PSDK, li għalihom għad trid tkun meħtieġa l-unanimità, kif previst fit-Trattat; iżommu f’moħħhom li anke taħt il-VMK, l-għan għandu jkun li jintlaħaq l-aktar kunsens wiesa’ possibbli u jekk possibbli l-unanimità; jesploraw għażliet oħra li jistgħu jiġu implimentati sadanittant, bħall-introduzzjoni ta’ “obbligu li jinkiseb riżultat” li jirrikjedi li l-Istati Membri jkomplu jiddiskutu kwistjoni speċifika sakemm tittieħed deċiżjoni;
   (h) jippermettu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jitkellmu b’vuċi waħda fin-NU u f’fora multilaterali oħra; filwaqt li jitfakkar li l-Parlament huwa tal-fehma li, sabiex tħares l-objettivi u l-interessi tagħha, l-UE għandha tfittex li tasal għal pożizzjonijiet komuni dwar kwistjonijiet quddiem il-Kunsill tas-Sigurtà permezz ta’ koordinazzjoni fi ħdan il-Kunsill tal-UE u fost l-istituzzjonijiet tal-UE; itejbu l-funzjonament u l-impatt politiku tar-rappreżentanza tal-UE fl-organizzazzjonijiet internazzjonali, inkluż billi jtejbu l-ankraġġ istituzzjonali tagħhom, b’mod partikolari fi ħdan l-organi tan-NU u l-aġenziji speċjali;
   (i) jippreżentaw proposti sodi dwar kif jinkiseb u jiġi garantit sede proprju u permanenti għall-Unjoni flimkien mas-sedi tal-Istati Membri f’kull forum multilaterali, inkluż fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, sabiex jissaħħu l-irwol, il-koerenza u l-kredibbiltà tal-UE fid-dinja;
   (j) jaħdmu flimkien ma’ sħab tal-istess fehma biex jindirizzaw id-dominanza ta’ pajjiżi mhux demokratiċi f’xi wħud mill-aktar korpi importanti fl-organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi n-NU u l-aġenziji tagħha; isaħħu l-inizjattiva diplomatika lejn l-istati kollha li astjenew jew li ma pparteċipawx fil-votazzjoni dwar ir-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-2 ta’ Marzu 2023 u tat-12 ta’ Ottubru 2022 sabiex jispjegaw is-serjetà tal-aggressjoni Russa u l-ħtieġa ta’ rispons unanimu mill-komunità internazzjonali;
   (k) jirrikonoxxu r-rwol u l-valur distinti tad-diplomazija parlamentari biex jikkomplementaw u jsaħħu l-viżibbiltà u l-impatt tal-azzjoni esterna tal-UE; jiżguraw li l-Parlament ikun inkorporat b’mod effettiv fil-politiki u l-azzjonijiet esterni kollha tal-UE bħala attur integrali tat-“Tim Ewropa”;
   (l) jikkunsidraw u jniedu riformi bil-ħsieb li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-PSDK isiru aktar flessibbli u effiċjenti, jew billi jagħmlu użu mill-potenzjal mhux sfruttat fit-Trattati jew billi jipproponu –fejn rilevanti –bidliet għat-Trattati li għandhom jiġu deċiżi f’Konvenzjoni li tagħti segwitu lill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa;
   (m) juru flessibbiltà u kreattività sabiex jiġi evitat li dikjarazzjonijiet jew forom oħra ta’ azzjoni fil-qasam tal-azzjoni esterna tal-UE jiġu ostakolati minn Stat Membru wieħed jew grupp żgħir ta’ Stati Membri;
   (n) isaħħu l-għodod billi jiżviluppaw strumenti awtonomi u permanenti proprji tal-UE fl-azzjoni esterni tagħha u jallinjaw l-azzjoni esterna kollha mat-Trattati, li jiddikjaraw li l-UE jeħtiġilha tikseb livell dejjem akbar ta' konverġenza tal-azzjonijiet tal-Istati Membri, li jirrikjedi li s-SEAE jingħata rwol aktar ċar u li jasserixxi tmexxija b’mod proattiv fil-proponiment tal-iżvilupp tal-politika sabiex ikunu jistgħu jiġu ffurmati politiki mmexxija, definiti u implimentati abbażi ta’ solidarjetà politika reċiproka fost l-Istati Membri;
   (o) jagħmlu użu akbar mir-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem; jistabbilixxu reġim ġdid ta’ sanzjonijiet iddedikat li fil-mira tiegħu jkollu l-individwi u entitajiet responsabbli għal korruzzjoni fuq skala kbira;
   (p) iżidu l-leġittimità tal-politika esterna u ta’ sigurtà tal-UE billi jaħdmu aktar mill-qrib mal-Istati Membri biex irawmu l-appoġġ attiv u mingħajr riżerva tagħhom għall-politika, kif ukoll kooperazzjoni leali u solidarjetà reċiproka f’konformità mal-prinċipji minquxa fl-Artikolu 24 tat-TUE;
   (q) jappoġġaw bis-sħiħ l-impenn u l-involviment attiv tad-delegazzjonijiet tal-UE dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’pajjiżi terzi; jiżguraw li l-Istati Membri u l-ambaxxati tagħhom ikunu wkoll impenjati bis-sħiħ u jagħtu prijorità lill-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, li m’għandhomx jitwettqu biss mid-delegazzjonijiet tal-UE b’mod ġenerali;
  

Żieda fl-influwenza

   (r) jintegraw bis-sħiħ il-prinċipju “aktar għal aktar” fir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi, li bihom l-UE tiżviluppa sħubijiet aktar b’saħħithom ma’ dawk li jikkondividu l-prinċipji tal-PESK u tal-PSDK u l-valuri fundamentali tal-Unjoni; għall-kuntrarju, japplikaw il-prinċipju “inqas għal inqas” fir-rigward ta’ pajjiżi terzi li juru nuqqas manifest ta’ rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt internazzjonali, u jadattaw il-livell u l-intensità tal-involviment tal-UE kif xieraq, b’mod partikolari f’termini ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, benefiċċji kummerċjali u aċċess għall-programmi tal-UE; jiżguraw l-allinjament sħiħ tal-pajjiżi kandidati mal-politika tal-PESK u s-sanzjonijiet tal-UE u jiżguraw li s-sanzjonijiet tal-UE ma jkunux jistgħu jiġu evitati;
   (s) iqisu, meta jistabbilixxu allokazzjonijiet finanzjarji fl-ipprogrammar tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI)-Ewropa Globali u l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III), ir-rekord tal-pajjiżi sħab fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet u l-impenji internazzjonali, inkluż l-Aġenda 2030, il-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-Ftehim ta’ Pariġi, kif ukoll ir-rispett tagħhom, għal kwalunkwe relazzjoni kuntrattwali mal-Unjoni, u jaħdmu lejn l-iżvilupp ta’ sħubijiet u alleanzi aktar b’saħħithom ma’ pajjiżi li jikkondividu l-valuri u l-prinċipji fundamentali tal-UE u jikkontribwixxu għal multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli;
   (t) jadattaw l-istruttura tas-SEAE sabiex jiżviluppa prijoritajiet strateġiċi u jkun jista’ jmexxi l-azzjoni tal-UE, inkluża l-politika l-ġdida tat-tkabbir, it-theddid ċibernetiku u ibridu u d-diżinformazzjoni, l-iżvilupp ta’ strumenti ta’ difiża u sfidi emerġenti oħra fid-dawl tal-iżviluppi ġeopolitiċi fundamentali li għaddejjin bħalissa bħal – b’mod partikolari – il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; jallokaw ir-riżorsi skont dawn il-prijoritajiet, filwaqt li jevitaw li joperaw f’sajlos; isaħħu l-isforzi għall-ġlieda kontra l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi fil-pajjiżi sħab tal-UE, inkluż permezz tat-tixrid ta’ diżinformazzjoni manipulattiva, u jespandu r-riżorsi u l-għarfien espert fis-SEAE u fid-delegazzjonijiet tal-UE dwar id-diplomazija dwar il-klima;
   (u) jiżguraw li l-istruttura u l-persunal tas-SEAE jirriflettu b’mod adegwat il-ħtieġa kontinwa li jinbena u jinżamm għarfien espert ġeografiku, inkluż fil-kwartieri ġenerali, u relazzjonijiet bilaterali b’saħħithom ma’ pajjiżi madwar id-dinja kollha, peress li dan huwa l-pedament għat-trawwim ta’ alleanzi u sħubijiet reġjonali u multilaterali effettivi u biex l-UE tinbidel f’attur globali effettiv; jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-azzjonijiet tas-SEAE jkunu infurmati b’mod xieraq u sostnuti minn għarfien espert kemm ġeografiku kif ukoll tematiku; jiżguraw li d-dipartimenti ġeografiċi fil-kwartieri ġenerali jkollhom persunal ottimali sabiex jipprovdu għarfien espert ta’ kwalità u f’waqtu għal azzjonijiet tematiċi mfassla apposta madwar id-dinja;
   (v) jiżguraw li s-SEAE jasserixxi b’mod effettiv it-tmexxija tiegħu fil-passi strateġiċi għall-ipprogrammar pluriennali ta’ strumenti ta’ azzjoni esterna, inkluż l-istabbiliment ta’ allokazzjonijiet għall-pajjiżi u dawk reġjonali u l-abbozzar tar-rieżami futur tagħhom ta’ nofs it-terminu, u jiżguraw li għal dan l-għan is-SEAE jkollu l-viżjoni strateġika, l-għarfien espert, il-persunal u r-riżorsi biex imexxi;
   (w) itejbu l-flessibbiltà operazzjonali u l-koordinazzjoni tas-SEAE u tad-delegazzjonijiet tal-UE biex jirreaġixxu għal kwistjonijiet u sfidi emerġenti b’mod aktar rapidu u effettiv; jistabbilixxu sistema ta’ twissija rapida biex is-SEAE u l-Parlament ikunu infurmati kif xieraq dwar is-sitwazzjonijiet fuq il-post;
   (x) jiżguraw li s-SEAE jkun jista’ jagħżel u jirrekluta l-persunal diplomatiku permanenti tiegħu tal-UE; jiżviluppaw sistema għall-iżvilupp tal-karriera għad-diplomatiċi u l-uffiċjali tal-UE fis-SEAE sabiex jiġi żgurat bilanċ fil-karigi maniġerjali tas-SEAE;
   (y) jivvalutaw l-isfidi maħluqa mis-sekondar temporanju lis-SEAE ta’ diplomatiċi tal-Istati Membri li aktar tard jirritornaw għas-servizzi diplomatiċi nazzjonali tagħhom;
   (z) itejbu l-koordinazzjoni interna bejn is-servizzi ġeografiċi u orizzontali tas-SEAE;
   (aa) jiżguraw li r-riżorsi finanzjarji disponibbli, l-għarfien espert tal-persunal u l-politika ta’ reklutaġġ, inklużi r-rekwiżiti ta’ kwalifiki aktar stretti għall-aktar pożizzjonijiet importanti, ikunu jaqblu mal-livell ta’ ambizzjoni u jappoġġaw il-flessibbiltajiet operattivi meħtieġa sabiex is-SEAE jkun jista’ jirreaġixxi f’ħin reali għall-isfidi ġeopolitiċi emerġenti; jiggarantixxu konformità sħiħa mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni tas-SEAE li jistipula li l-VP/RGħ għandu jiżgura l-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni esterna tal-UE, b’mod partikolari permezz tal-istrumenti ta’ assistenza esterna; jiżguraw li s-SEAE jkollu riżorsi umani adegwati biex jiggarantixxi reazzjonijiet operazzjonali immedjati f’sitwazzjonijiet ta’ prijorità;
   (ab) jirrevedu l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni tas-SEAE biex jitneħħew ir-referenzi skaduti u jqisu l-istrumenti applikabbli fil-perjodu 2021-2027, b’mod partikolari l-NDICI-Ewropa Globali;
   (ac) isaħħu l-viżibbiltà tal-azzjoni u l-assistenza tal-UE fil-fora multilaterali kollha u fuq il-post, pereżempju permezz tal-programm “Tim Ewropa” li indirizza l-effetti devastanti tal-kriżi tal-COVID-19 fil-pajjiżi u r-reġjuni sħab, b’mod partikolari fl-Afrika;
   (ad) iżidu l-viżibbiltà tal-UE u jxerrdu l-fehim tal-interessi, il-pożizzjonijiet u l-azzjonijiet tal-UE; jgħammru b’mod urġenti lis-SEAE u, b’mod partikolari, lid-delegazzjonijiet tal-UE bl-għodod biex iżidu l-attivitajiet tad-diplomazija pubblika u tad-diplomazija kulturali u jiżviluppaw il-kapaċitajiet ta’ komunikazzjoni strateġika tagħhom, li jippermettilhom jikkomunikaw b’mod aktar effettiv kemm ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet kif ukoll mal-pubbliku ġenerali f’pajjiżi terzi, u b’mod partikolari biex jiġġieldu d-diżinformazzjoni u l-propaganda; iqisu l-ħtieġa dejjem akbar li jiġu miġġielda l-ispjunaġġ u l-influwenza barranija malizzjuża, li qed jintużaw dejjem aktar biex jimminaw l-ordni demokratiku fl-Unjoni u fil-pajjiżi fil-viċinanza tal-Unjoni; iżidu l-parteċipazzjoni tad-delegazzjonijiet tal-UE fil-media soċjali, fit-TV u fid-dibattiti, inkluż fil-lingwi lokali, sabiex jinvolvu ruħhom fil-ġlieda kontra n-narrattivi sabiex jiġu antiċipati l-kampanji ta’ diżinformazzjoni; jiċċaraw ir-rwoli tad-delegazzjonijiet u tal-kwartieri ġenerali fil-kisba ta’ dan l-għan; jibnu l-kapaċità biex jiżguraw is-sikurezza tal-persunal tad-Delegazzjonijiet tal-UE, inklużi l-membri tal-familja tagħhom, meta jissemmew fil-propaganda jew ikunu soġġetti għal fastidju u intimidazzjoni fil-pajjiż fejn ikunu qed iservu; itejbu l-fluss tal-informazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-kwartieri ġenerali tas-SEAE u d-delegazzjonijiet tal-UE, kif ukoll bejn id-delegazzjonijiet fuq livell reġjonali;
   (ae) isaħħu l-kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa, speċjalment mal-Ftehim Parzjali Miftuħ dwar ir-Rotot Kulturali Ewropej tal-Kunsill tal-Ewropa, li, minbarra l-importanza kulturali u turistika tiegħu għall-Istati Membri tal-UE, huwa wkoll strument istituzzjonali għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet kulturali ma’ pajjiżi terzi u għall-preservazzjoni tal-wirt kulturali kondiviż tagħhom;
  

L-irfinar tal-għodod u t-tisħiħ tas-sett tal-għodod

   (af) ittemmu d-duplikazzjoni tal-persunal, tar-riżorsi u tar-responsabbiltà tal-Kummissjoni u tas-SEAE fid-delegazzjonijiet tal-UE; jikkonvertu d-delegazzjonijiet tal-UE f’ambaxxati ġenwini tal-UE, b’katina waħda ċara ta’ kmand għall-persunal tagħhom, inklużi l-uffiċjali tal-Kummissjoni, immexxija mill-ambaxxatur tal-UE għall-pajjiż u taħt ir-responsabbiltà unika tas-SEAE li jaħdem f’koordinazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istati Membri; isaħħu l-koordinazzjoni, il-kooperazzjoni u l-ħidma politika konġunta mar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE, il-missjonijiet tal-PSDK jew l-uffiċċji tal-Bank Ewropew tal-Investiment, li għandhom ikunu akkumpanjati minn aktar koordinazzjoni fil-kwartieri ġenerali u struzzjonijiet unifikati fuq il-post; isaħħu l-awtorità tal-kapijiet tad-delegazzjonijiet fuq il-persunal tad-delegazzjonijiet, indipendentement mill-oriġini tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jiddistribwixxu mill-ġdid il-kompiti skont il-prijoritajiet tal-UE; jiżguraw li d-delegazzjonijiet ikollhom u jkunu jistgħu jużaw għarfien espert settorjali fl-oqsma tal-politika rilevanti għar-relazzjonijiet bilaterali mal-pajjiż sieħeb rispettiv fil-ħidma politika tagħhom; jaħdmu biex jinġabru flimkien ir-riżorsi tal-istituzzjonijiet tal-UE u tiġi żgurata preżenza unifikata tal-UE f’kull pajjiż, u jiġbru flimkien taħt l-istess saqaf lill-atturi differenti tal-UE preżenti; jinkoraġġixxu aktar ħidma u inizjattivi konġunti fil-livell tal-pajjiż biex tiżdied l-influwenza politika u l-viżibbiltà tal-UE fil-pajjiżi sħab;
   (ag) isaħħu s-sezzjonijiet politiċi, tal-istampa u tal-informazzjoni tad-Delegazzjoni tal-UE madwar id-dinja, filwaqt li jiżguraw li jkollhom persunal, għarfien espert u riżorsi finanzjarji suffiċjenti u xierqa biex jipprovdu analiżi politika f’waqtha u ta’ kwalità tajba u rappurtar lill-kwartieri ġenerali, jinvolvu ruħhom b’mod sinifikanti mal-atturi lokali, jibnu alleanzi b’saħħithom, inkluż fil-livell reġjonali u multilaterali, u jżidu l-fehim tal-UE, u l-viżibbiltà u l-profil politiku tagħha;
   (ah) jagħtu lid-delegazzjonijiet tal-UE f’pajjiżi terzi r-riżorsi u l-għarfien espert meħtieġa biex jiżguraw l-effettività tal-iżvilupp billi jinvolvu ruħhom fi djalogu ekwu mal-pajjiżi sħab, inkluża s-soċjetà ċivili, u jidentifikaw il-prijoritajiet speċifiċi għall-iżvilupp ta’ kull pajjiż u jipprovdu appoġġ dirett kif xieraq permezz tal-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;
   (ai) jistabbilixxu l-funzjoni konsulari tal-ambaxxati tal-UE f’pajjiżi terzi u jsaħħu u jiżguraw il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE u d-delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi terzi, b’mod partikolari fil-pajjiżi fejn l-Istati Membri ma għandhomx rappreżentanza konsulari; jipprovdu lid-delegazzjonijiet mezzi suffiċjenti biex ikunu jistgħu jassistu b’mod aktar effettiv liċ-ċittadini tal-UE, inkluż fi żminijiet ta’ kriżi, fost l-oħrajn lil dawk li jkunu qed jiffaċċjaw proċedimenti kriminali u dawk fil-ħabs jew ikkundannati għall-mewt;
   (aj) jiżguraw li d-delegazzjonijiet tal-UE jipprovdu kontinwazzjoni effettiva għall-ħidma mwettqa mill-Missjonijiet ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE, inkluż segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tagħhom u monitoraġġ tal-iżviluppi lokali rilevanti għall-ħidma tagħhom matul il-perjodi bejn il-missjonijiet;
   (ak) jappoġġjaw liċ-Ċentru tal-UE ta’ Rispons għall-Kriżijiet fil-koordinazzjoni tar-rispons tal-ambaxxati u tad-delegazzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri u s-servizzi li joffru liċ-ċittadini tal-UE fi żminijiet ta’ kriżi;
   (al) jiżguraw li ċ-Ċentru ta’ Rispons għall-Kriżijiet tas-SEAE jkollu r-riżorsi xierqa, inklużi r-riżorsi finanzjarji u umani, sabiex ikun jista’ jilħaq l-objettivi tiegħu b’mod effettiv u effiċjenti, b’mod partikolari minħabba li s-servizzi pprovduti huma sensittivi għaż-żmien u jeħtieġu reazzjonijiet rapidi;
   (am) jikkunsidraw li titwaqqaf sistema għall-fluss kontinwu ta’ intelligence mill-Istati Membri lejn is-SEAE dwar kwistjonijiet barranin u ta’ sigurtà li jseħħu barra mill-Unjoni; itejbu l-protokolli ta’ sigurtà tas-servizzi li jaħdmu fuq l-intelligence u/jew b’informazzjoni sensittiva;
   (an) jimmassimizzaw il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni mal-presidenza b’rotazzjoni u l-ministri tal-affarijiet barranin tal-Istati Membri, inkluż billi jafdawhom b’kompiti u missjonijiet speċifiċi f’isem l-Unjoni sabiex jiġu żgurati l-impenn politiku, il-viżibbiltà u l-unità xierqa tal-UE;
   (ao) jadattaw il-kamp ta’ applikazzjoni u l-mandat tal-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill li jittrattaw kwistjonijiet ta’ politika barranija għall-kompiti tar-Rappreżentant Għoli u għall-istruttura tas-SEAE; joħolqu tali korp b’mod partikolari għat-twettiq tal-prattika relatata mal-protokoll; joħolqu struttura ta’ appoġġ dedikata fi ħdan is-SEAE biex tkopri l-kwistjonijiet orizzontali kollha marbuta mar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE, inkluż ir-Rappreżentant għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Promozzjoni tal-Libertà ta’ Reliġjon jew ta’ Twemmin, il-Mibgħut Speċjali tal-UE għal Kwistjonijiet tal-Artiku u l-Mibgħut Speċjali tal-UE għan-Nonproliferazzjoni u d-Diżarm u l-implimentazzjoni tal-mandat tagħhom; jintegraw bis-sħiħ lir-Rappreżentanti Speċjali u l-Mibgħuta tal-UE bħala Ambaxxaturi tal-UE fi ħdan l-istruttura tas-SEAE u jpoġġuhom taħt l-awtorità unika tar-Rappreżentant Għoli;
   (ap) jikkunsidraw li jippożizzjonaw mill-ġdid ir-rwol tal-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Promozzjoni tal-Libertà ta’ Reliġjon jew ta’ Twemmin – li dalwaqt se jinħatar – taħt l-awtorità tas-SEAE, jew, jekk dan ma jkunx fattibbli, jipprevedu relazzjoni ta’ ħidma eċċezzjonalment mill-qrib bejn il-Mibgħut Speċjali u s-SEAE;
   (aq) isaħħu b’mod adegwat l-unità għall-infurzar tas-sanzjonijiet tas-SEAE billi jipprovdu l-mezzi u l-persunal meħtieġa, minħabba l-importanza dejjem tikber tas-sanzjonijiet fil-kuntest ġeopolitiku l-ġdid;
   (ar) jistiednu lis-SEAE jikkunsidra l-aġġornament tal-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea tal-2016 filwaqt li jieħdu kont tal-Boxxla Strateġika tal-UE u l-ħtieġa li tittieħed azzjoni b’mod integrat dwar il-PSDK; jadottaw programm ta’ ħidma bi prijoritajiet politiċi fil-bidu ta’ kull mandat, li jiddeskrivi, b’mod partikolari, il-pjanijiet għall-integrazzjoni tal-politika barranija tal-UE u d-dimensjoni esterna tal-politiki interni tal-UE; jinkarigaw lis-SEAE jwettaq rieżami strateġiku regolari tad-dokument;
   (as) iżidu l-effettività tal-laqgħat tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem billi jiżguraw il-parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili, billi jqajmu l-passi li jmiss – u jaqblu dwarhom – biex jiġi indirizzat il-ksur prevalenti tad-drittijiet tal-bniedem, u billi jwettqu valutazzjoni komprensiva tal-progress fuq impenji preċedenti;
   (at) itejbu d-diplomazija preventiva tal-Unjoni Ewropea bħala għodda proattiva ta’ politika esterna biex tipprevjeni t-tilwim mal-pajjiżi terzi u bejn pajjiżi terzi u biex tillimita l-konsegwenzi meta jinqalgħu l-kunflitti;
   (au) jiżguraw li d-delegazzjonijiet tal-UE jsegwu r-riżoluzzjonijiet ta’ urġenza tal-Parlament, jistiednu lill-awtoritajiet jindirizzaw il-problemi enfasizzati fir-riżoluzzjonijiet u jipprovdu appoġġ lis-soċjetà ċivili u atturi oħra li d-drittijiet tagħhom ġew miksura; isaħħu l-kapaċità tal-punti fokali tad-drittijiet tal-bniedem fid-delegazzjonijiet tal-UE għal dan l-għan;
   (av) isaħħu l-attivitajiet tas-SEAE dwar il-protezzjoni tal-wirt kulturali u d-djalogu interreliġjuż permezz tal-ħidma tad-delegazzjonijiet tagħha u f’koordinazzjoni mal-missjonijiet diplomatiċi u l-istituti kulturali nazzjonali tal-Istati Membri;
   (aw) jiżviluppaw strument tal-UE li jkollu s-sura tal-wiċċ kulturali tal-Unjoni madwar id-dinja permezz ta’ azzjoni ta’ diplomazija kulturali u relazzjonijiet kulturali internazzjonali bbażati fuq qafas ta’ kooperazzjoni kulturali u kokreazzjoni, li jinvolvi b’mod attiv is-soċjetà ċivili u s-setturi kulturali fil-pajjiżi terzi; iqisu l-fatt li dan l-istrument jista’ jkollu l-għan li jippromwovi l-UE madwar id-dinja, jipprovdi assistenza tal-UE għall-bini tal-kapaċità, kif ukoll assistenza finanzjarja, lis-setturi kulturali, kreattivi u innovattivi tas-soċjetà ċivili tal-pajjiżi terzi; jiżguraw li dan l-istrument jinkludi l-promozzjoni tad-djalogu interkulturali, il-mobbiltà tal-artisti u l-professjonisti kulturali bejn l-UE u l-pajjiżi terzi u l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni; jiżguraw li dan is-sett ta’ għodod jinkludi l-kooperazzjoni mill-qrib mal-Istituti Nazzjonali tal-Unjoni Ewropea għall-Kultura (EUNIC), kif ukoll ma’ sħab tal-istess fehma u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-UNESCO, abbażi tal-esperjenza tagħhom;
   (ax) jadattaw l-organizzazzjoni tas-SEAE u s-servizzi korrispondenti tal-Kummissjoni għal ħtiġijiet strateġiċi ġodda li jirriżultaw mill-kuntest ġeopolitiku ġdid mingħajr aktar dewmien, b’attenzjoni speċjali għall-Artiku, u fost l-oħrajn fir-rigward tal-istrateġija tal-Global Gateway tal-UE, id-diplomazija klimatika u diġitali, l-Amerika Latina, l-Asja Ċentrali u l-Indo-Paċifiku; jippermettu mandati flessibbli sabiex ikun jista’ jirreaġixxi fil-pront għal theddid eżistenti u ġdid, u emerġenti;
   (ay) jimplimentaw bis-sħiħ il-mandat tar-Rappreżentant Għoli fil-kapaċità tiegħu ta’ Viċi President tal-Kummissjoni sabiex jiżguraw il-konsistenza tal-azzjoni esterna tal-UE u l-kompitu tas-SEAE li jappoġġa lir-Rappreżentant Għoli f’dan ir-rwol; għal dan l-għan, isaħħu r-rwol ta’ koordinazzjoni tas-SEAE sabiex jiżguraw il-konsistenza tal-azzjoni esterna tal-UE, inkluż fir-rigward tal-istrutturi organizzattivi tal-Kummissjoni, sabiex jitnaqqsu l-kumplessità u d-duplikazzjoni istituzzjonali, u jiżdiedu l-effiċjenza u l-koerenza tal-politika esterna tal-UE; ibiddlu l-isem tal-pożizzjoni tal-VP/RGħ għal Kummissarju għall-Affarijiet Barranin;
   (az) isaħħu b’mod sinifikanti u urġenti l-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC) tal-Unjoni, li għandha tkun l-istruttura ppreferuta ta’ kmand u kontroll, inkluż ukoll għal operazzjonijiet militari eżekuttivi u b’mod partikolari għal operazzjonijiet tal-kapaċità futura ta’ skjerament rapidu; jilħqu minnufih il-kapaċità operattiva sħiħa tal-MPCC, inkluż li jkun hemm żieda konsiderevoli fil-persunal b’sa 250 membru tal-persunal kif ukoll titjib tal-infrastruttura u t-tagħmir, f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2018, li stabbilixxew l-2020 bħala skadenza għal dan;
   (ba) jiżguraw li t-“Tim Ewropa” jkun aktar minn slogan u jikseb riżultati fil-post; itejbu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn id-delegazzjonijiet tal-UE u l-missjonijiet tal-PSDK tal-UE f’pajjiż terz partikolari; jikkunsidraw il-missjonijiet tal-Parlament barra mill-UE bħala parti sħiħa mill-politika esterna tal-UE, li għalhekk iridu jgawdu l-appoġġ sħiħ tad-delegazzjonijiet tal-UE barra mill-UE;
   (bb) jiddedikaw riżorsi xierqa għal oqsma ta’ diplomazija settorjali b’dimensjonijiet esterni importanti, b’mod partikolari fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali u tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, tal-ġeneru u l-ugwaljanza, fil-qasam diġitali, taż-żgħażagħ, tal-kultura, tax-xjenza u tal-edukazzjoni, kif ukoll tal-governanza ekonomika u monetarja, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;
  

Żieda fil-leġittimità

   (bc) jirrevedu d-Dikjarazzjoni dwar ir-Responsabbiltà Politika tal-2010 u b’hekk jipprovdu lill-Parlament il-mezzi biex jaqdi bis-sħiħ ir-rwol tiegħu fl-azzjoni esterna tal-Unjoni, inklużi l-funzjonijiet tiegħu ta’ kontroll politiku kif previst fl-Artikoli 14(1) u 36 tat-TUE;
   (bd) ikomplu bl-isforzi biex jagħtu ħajja ġdida lill-persunal tas-SEAE u jiżviluppaw korp diplomatiku Ewropew permanenti u speċjalizzat mill-bidu nett, permezz ta’ kompetizzjonijiet miftuħa speċjalizzati u mmirati ffukati fuq ir-reklutaġġ ta’ gradwati żgħażagħ b’talent, ħiliet u potenzjal xierqa;
   (be) jipprovdu lis-SEAE mandat politiku xieraq li jagħtih rwol reali u sostanzjali fit-tfassil u t-tmexxija tal-ippjanar tal-politika lil hinn mill-fokus primarju attwali tiegħu fuq ir-rwol tiegħu li jiffoka fuq Brussell, li jfittex kunsens u li jimmaniġġja;
   (bf) jippromwovu taħriġ komuni u miżuri konkreti oħra għall-konsolidazzjoni ta’ kultura diplomatika komuni tal-UE u livell ogħla ta’ għarfien espert fost il-persunal kollu tas-SEAE li għandhom sfondi diplomatiċi, kulturali u istituzzjonali differenti, li għandhom jinkludu taħriġ dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa fir-Relazzjonijiet Esterni 2020-2025 (GAP III), dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, dwar l-isfruttament u l-abbuż sesswali, inkluż il-fastidju sesswali, fil-kwartieri ġenerali u fid-delegazzjonijiet tal-UE, sabiex jiġi miġġieled il-preġudizzju inkonxju u jissaħħu l-ugwaljanza, id-diversità u l-inklużjoni bejn il-ġeneri; jinkoraġġixxu kooperazzjoni aktar mill-qrib mas-servizzi diplomatiċi u d-diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE u l-prattika ta’ taħriġ konġunt u skambji ta’ esperjenza u prattika tajba bħala parti mill-iżvilupp professjonali kontinwu tagħhom u biex jikkontribwixxu aktar għal immaġni unifikata tal-UE fir-relazzjonijiet esterni;
   (bg) itejbu t-taħriġ għall-persunal tad-delegazzjonijiet tal-UE dwar il-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta’ reliġjon jew ta’ twemmin, speċjalment fir-rigward taż-żieda fl-enfasi fuq il-fehim ta’ aspetti reliġjużi speċifiċi tal-pajjiż ikkonċernat, inkluż ukoll fuq il-komponenti strutturali tiegħu bħall-istrutturi ta’ governanza, il-ġustizzja u s-sistema legali u r-rabta bejn l-istat u r-reliġjon jew it-twemmin;
   (bh) jippermettu awtonomija funzjonali sħiħa tas-SEAE f’termini tar-reklutaġġ u l-karrieri fi ħdan l-istruttura tiegħu, inkluż għall-pożizzjonijiet tal-uffiċċju tal-VP/RGħ; jieħdu passi biex jiżguraw li s-sekondar mill-Istati Membri mas-SEAE jkun pass attraenti fil-karriera;
   (bi) isaħħu u jinforzaw ir-regoli dwar l-impjieg ta’ wara l-karriera pubblika tal-persunal tas-SEAE u tal-delegazzjonijiet tal-UE u jeżerċitaw skrutinju strett biex jevitaw il-kunflitt ta’ interess u revolving doors; jadottaw u jimplimentaw mingħajr aktar dewmien id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni awtonomi fil-qasam tal-attivitajiet u tal-inkarigi esterni, li joħolqu bażi ġuridika sui generis għall-kapijiet tad-delegazzjonijiet biex jipproteġu aħjar id-dehra u r-reputazzjoni tal-UE fit-totalità tagħha; irawmu kultura ta’ integrità fi ħdan is-SEAE u d-delegazzjonijiet tal-UE billi jrawmu l-għarfien u l-fehim tar-regoli tal-etika min-naħa tal-persunal; jiżguraw li tali regoli japplikaw ukoll għad-detenturi attwali u preċedenti tal-mandat li jmexxu l-pożizzjonijiet fl-affarijiet esterni tal-UE;
   (bj) jiżguraw li l-ħatra tar-rappreżentanti speċjali tal-UE, tar-rappreżentanti tal-UE u tal-ambaxxaturi għall-UE tista’ tiġi kkonfermata biss wara valutazzjoni pożittiva mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament;
   (bk) jappoġġjaw bis-sħiħ u jiżviluppaw il-proġett pilota “Lejn Akkademja Diplomatika Ewropea”, li ġie estiż b’sena sabiex jiġu integrati dawn il-funzjonijiet fi ħdan strutturi organizzattivi permanenti; jiżguraw it-trasparenza tal-kriterji ta’ reklutaġġ għall-parteċipanti f’dan il-programm u li jiġu allokati biżżejjed riżorsi għal dan il-proġett sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva u f’waqtha, inkluż ukoll għall-ħidma biex tiġi stabbilita struttura permanenti għall-Akkademja Diplomatika Ewropea; jiżguraw l-istabbiliment ta’ struttura permanenti għall-Akkademja Diplomatika Ewropea, li għandha tiffoka fuq gruppi fil-mira differenti bħala parteċipanti futuri; iqisu l-fatt li anke jekk fil-fażi inizjali tagħha l-Akkademja tista’ tiffoka fuq l-ispeċjalizzazzjoni professjonali tad-diplomatiċi nazzjonali, m’għandux jiġi eskluż li fil-ġejjieni jkun hemm sistema ta’ selezzjoni għall-għażla, ir-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ Ewropej li ma jkunux diplomatiċi tal-Istati Membri u li jkunu lestew l-edukazzjoni għolja; jiddeterminaw modi għall-gradwati tal-Akkademja Diplomatika Ewropea biex jingħaqdu mas-SEAE u biex ikollhom il-possibbiltà li jsiru persunal permanenti tas-SEAE;
   (bl) jiżguraw li l-gradwati tal-Akkademja jiksbu ħiliet u kompetenzi komuni biex jippromwovu u jiddefendu b’mod effettiv il-prinċipji u l-interessi tal-UE fid-dinja permezz ta’ istruzzjoni dwar il-kwistjonijiet kollha, inklużi, fost l-oħrajn, id-diplomazija pubblika u kulturali, ekonomika, klimatika, diġitali u ċibernetika, mirfuda minn kultura diplomatika komuni u esprit de corps reali;
   (bm) jipprovdu lill-VP/RGħ l-ispazju u l-appoġġ meħtieġa biex jimplimenta l-politika esterna tal-UE b’mod effettiv u f’waqtu sabiex din il-politika tal-UE tkun aktar minn sempliċiment somma tal-partijiet tagħha u biex il-persuna li jkollha dak l-uffiċċju tkun il-vuċi unika tal-politika esterna tal-UE madwar id-dinja, appoġġata mill-piż tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri;
   (bn) iżidu l-aċċess tal-Parlament għad-dokumenti, peress li skambju formali aħjar tal-informazzjoni jtejjeb il-kooperazzjoni u l-fehim bejn l-istituzzjonijiet; jaġġornaw il-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta’ Novembru 2002 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-aċċess mill-Parlament Ewropew għal informazzjoni sensittiva tal-Kunsill fil-qasam tal-politika tas-sigurtà u tad-difiża(8), jaċċettaw l-involviment attiv tal-Parlament fil-politika barranija tal-UE permezz tal-istrumenti speċifiċi tiegħu, l-importanza u n-natura unika tal-programmi ta’ demokratizzazzjoni tal-Parlament, bħad-“Djalogu Jean Monnet” li għandu l-għan li jrawwem u jsaħħaħ il-ħidma tal-parlamenti; iħeġġu lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE jipparteċipaw u jaħdmu flimkien f’attivitajiet li għandhom l-għan li jikkontrobattu r-rigress globali tad-demokrazija, inkluż permezz tal-osservazzjoni elettorali, l-attivitajiet ta’ medjazzjoni u djalogu, il-prevenzjoni tal-kunflitti, l-għoti u n-network tal-Premju Sakharov kif ukoll id-diplomazija parlamentari; jippromwovu t-tisħiħ tal-qafas tar-relazzjonijiet interistituzzjonali bejn il-Parlament u s-SEAE, inklużi d-delegazzjonijiet tiegħu, permezz ta’ ftehim qafas, li jista’ jsaħħaħ id-diplomazija parlamentari u jsaħħaħ is-sett ta’ għodod tal-UE għall-azzjoni esterna;
   (bo) jieħdu passi serji u sostenibbli biex itejbu l-bilanċ bejn is-sessi fi ħdan is-SEAE, b’mod partikolari fil-maniġment superjuri u l-pożizzjonijiet politiċi; jiżguraw tmexxija attenta għall-kwistjonijiet tal-ġeneru u bbilanċjata mil-lat tal-ġeneru li żżid l-għadd u l-perċentwal tan-nisa f’pożizzjonijiet maniġerjali superjuri u intermedji fis-servizzi tas-SEAE permezz ta’ proċeduri ta’ reklutaġġ reattivi għall-kwistjonijiet tal-ġeneru li għandhom l-għan attiv li jnaqqsu l-preġudizzju bejn il-ġeneri fil-proċessi tar-reklutaġġ u japplikaw għażla preferenzjali abbażi tal-ġeneru meta l-kandidati għall-impjieg ikunu ugwalment kompetenti;
   (bp) jaġġornaw l-Istrateġija tas-SEAE dwar il-Ġeneri u l-Opportunitajiet Indaqs 2018-2023 billi jinkludu impenji politiċi konkreti, li jistgħu jitkejlu u vinkolanti dwar il-preżenza tan-nisa fil-pożizzjonijiet maniġerjali f’konformità mal-miri u l-objettivi tal-GAP III u billi jinkludu miri tad-diversità, speċjalment fir-rigward tar-razza, il-kapaċità u l-isfond etniku;
   (bq) jieħdu passi serji u sostenibbli biex itejbu l-bilanċ ġeografiku fi ħdan is-SEAE fil-livelli kollha, b’mod partikolari fil-pożizzjonijiet tal-maniġment superjuri u ta’ kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-UE; jieħdu miżuri biex jiżguraw diversità ġeografika akbar tal-persunal fid-dipartimenti u d-delegazzjonijiet tal-UE u jipprevjenu r-rappreżentanza żejda ta’ xi Stati Membri;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.

(1) ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30.
(2) ĠU C 53, 3.8.2010, p. 1.
(3) ĠU C 65, 19.2.2016, p. 168.
(4) Testi adottati, P9_TA(2022)0406.
(5) Testi adottati, P9_TA(2023)0009.
(6) Testi adottati, P9_TA(2023)0010.
(7) Artikolu 27(1) tat-TUE.
(8) ĠU C 298, 30.11.2002, p. 1.


Is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika 2023
PDF 174kWORD 56k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2023 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika 2023 (2022/2150(INI))
P9_TA(2023)0078A9-0044/2023

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 136 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-TFUE dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 tat-TUE u t-TFUE dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1177/2011 tat-8 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar miżuri ta' infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet tal-baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro(8),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni(9) (ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza(10) (ir-Regolament dwar l-RRF),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Il-Mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss" (COM(2020)0456),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2021 bit-titolu "Il-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika fl-2021: biex tingħeleb il-COVID-19, ikun appoġġat l-irkupru u tkun modernizzata l-ekonomija tagħna" (COM(2021)0500),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2021 bit-titolu "Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali" (COM(2021)0102),

–  wara li kkunsidra l-Impenn Soċjali ta' Porto tas-7 ta' Mejju 2021 tal-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Parlament u s-sħab soċjali,

–  wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-Bord Fiskali Ewropew tas-16 ta' Ġunju 2021 dwar il-pożizzjoni fiskali xierqa għaż-żona tal-euro fl-2022,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar il-fehmiet tal-Parlament dwar il-valutazzjoni li qed issir mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2020 dwar il-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli – Kif niffinanzjaw il-Patt Ekoloġiku(12),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Bord Fiskali Ewropew tas-26 ta' Ottubru 2022,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2021 dwar ir-rieżami tal-qafas leġiżlattiv makroekonomiku għal impatt aħjar fuq l-ekonomija reali tal-Ewropa u trasparenza aħjar tat-teħid ta' deċiżjonijiet u tal-akkontabbiltà demokratika(13),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2022 dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas ta' governanza ekonomika tal-UE (COM(2022)0583),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2022 bit-titolu "Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2023" (COM(2022)0780),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2022 bit-titolu "Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2023" (COM(2022)0781) u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2022 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (COM(2022)0782),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal rapport konġunt dwar l-impjiegi tal-Kummissjoni u l-Kunsill, tat-22 ta' Novembru 2022 (COM(2022)0783),

–  wara li kkunsidra t-Tbassir Ekonomiku tal-Ħarifa 2022, maħruġ mill-Kummissjoni fil-11 ta' Novembru 2022,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits,

–  wara li kkunsidra l-ittri tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0044/2023),

A.  billi s-Semestru Ewropew għandu rwol essenzjali fil-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u baġitarji fl-Istati Membri, u b'hekk jissalvagwardja l-istabbiltà makroekonomika tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja; billi dan il-proċess m'għandux jinjora l-objettivi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u lanqas kwistjonijiet oħra relatati mas-settur finanzjarju u tat-taxxa; billi l-integrazzjoni ta' dawn il-kwistjonijiet m'għandhiex tnaqqas mill-fokus prinċipalment ekonomiku u fiskali tagħha;

B.  billi skont it-tbassir ekonomiku tax-xitwa tal-Kummissjoni, ir-rata ta' tkabbir tal-prodott domestiku gross (PDG) għall-2022 hija mistennija li tkun ta' 3,5 % kemm għall-UE-27 kif ukoll għaż-żona tal-euro, iżda hija mistennija li fl-2023 tonqos għal 0,9 % għaż-żona tal-euro u 0,8% għall-UE-27; billi xi Stati Membri mhux se jkunu jistgħu jiksbu l-PDG ta' qabel il-pandemija sal-2024, filwaqt li ż-żona tal-euro kollha kemm hi diġà hija żewġ punti perċentwali 'l fuq minnu; billi l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-abbozzi ta' pjanijiet baġitarji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro tindika pożizzjoni fiskali espansjonarja f'xi Stati Membri; billi r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-politika ekonomika għaż-żona tal-euro kollha kemm hi hija ta' pożizzjoni fiskali newtrali għall-2023;

C.  billi skont it-tbassir tax-xitwa tal-Kummissjoni, l-inflazzjoni fiż-żona tal-euro għandha tilħaq quċċata ta' 8,4 % fl-2022 u mbagħad tonqos gradwalment għal 5,6 % fl-2023 u 2,5 % fl-2024; billi, madankollu, skont l-istimi fil-projezzjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), l-inflazzjoni, minbarra l-enerġija u l-ikel, hija mistennija li tiżdied minn 3,9 % fl-2022 għal 4,2 % fl-2023; billi t-tkabbir fil-pagi huwa mistenni bħalissa li jimmitiga parzjalment biss it-telf fl-introjtu reali, mingħajr ma jiskatta ċirku vizzjuż persistenti bejn il-pagi u l-inflazzjoni; billi l-livell ta' inflazzjoni jvarja bejn l-Istati Membri u bejn il-gruppi ta' introjtu, u l-gruppi b'introjtu baxx isofru aktar proporzjonalment, b'mod partikolari peress li l-inflazzjoni hija prinċipalment xprunata minn żviluppi fil-prezzijiet f'oġġetti essenzjali li ma jistgħux jiġu sostitwiti;

D.  billi skont it-tbassir tal-ħarifa tal-Kummissjoni, id-defiċit tal-gvern huwa mistenni li jiżdied għal 3,6 % tal-PDG fl-2023 (3,7 % fiż-żona tal-euro) u li jonqos għal 3,2 % tal-PDG (3,3 % fiż-żona tal-euro) fl-2024;

E.  billi skont it-tbassir tal-ħarifa tal-Kummissjoni, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG huwa mistenni li jonqos għal 86 % fl-UE fi tmiem l-2022 (94 % fiż-żona tal-euro) mil-livell storikament għoli ta' 91,5 % irreġistrat fl-2020 (99 % fiż-żona tal-euro); billi l-proporzjon tad-dejn għall-PDG huwa mistenni li jonqos marġinalment fl-UE għal madwar 85 % fl-2023 u 84 % fl-2024 (92 % u 91 % fiż-żona tal-euro); billi l-proporzjonijiet għoljin tad-dejn għall-PDG, li huma ogħla b'mod sinifikanti mill-valur ta' referenza ta' 60 %, flimkien ma' żieda fir-rati tal-imgħax f'sitwazzjoni makroekonomika inċerta ħafna jaf jipperikolaw is-sostenibbiltà tad-dejn fit-tul u jaf jirrappreżentaw xkiel għall-irkupru;

F.  billi t-trasformazzjoni diġitali u ta' newtralità klimatika tista' tirnexxi biss fil-livell Ewropew, u billi hu tal-akbar importanza għall-vijabbiltà futura tal-UE li jiġu stabbilizzati f'livell ogħla investimenti mmirati li jsaħħu t-tkabbir fit-tul; billi, għalhekk, jeħtieġ li tingħata tweġiba f'waqtha dwar il-kwistjoni ta' kif jiġi żgurat livell ogħla ta' investiment privat u pubbliku, anki wara l-iskadenza mistennija tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) fl-2026;

G.  billi t-tkabbir tal-produttività tal-UE għadu baxx; billi t-tisħiħ tal-produttività u tal-kompetittività globali tal-UE jirrikjedi riformi strutturali, sostenibbli, soċjalment ibbilanċjati u li jsaħħu t-tkabbir, u livell sostanzjali ta' investiment, b'mod partikolari l-investimenti strateġiċi;

H.  billi l-inflazzjoni u t-tbassir ekonomiku qed joperaw f'kundizzjonijiet ta' inċertezza akbar; billi tali inċertezza ġġiegħel lill-UE u lill-Istati Membri jibqgħu viġilanti u jieħdu azzjoni rapida jekk ir-riskji jimmaterjalizzaw;

I.  billi d-differenzi rigward it-tbassiriet nazzjonali għat-tkabbir tal-PDG, l-inflazzjoni, il-qgħad, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika, id-dejn pubbliku gross u l-bilanċ tal-kont kurrenti juru l-ħtieġa ta' approċċi flessibbli u mfassla apposta; billi huwa meħtieġ qafas ċar u mhux ambigwu għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-governanza ekonomika ġdida mill-Istati Membri;

Prospetti ekonomiċi għall-UE

1.  Jinsab imħasseb li l-UE hija waħda mill-aktar ekonomiji avvanzati esposti għal riskji 'l isfel, minħabba l-prossimità ġeografika tagħha mal-Ukrajna u d-dipendenza qawwija tagħha fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija, b'mod partikolari fuq il-gass mir-Russja; jenfasizza li l-impatt tal-inflazzjoniu tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija jwassal għall-erożjoni tal-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi u tal-kompetittività industrijali, b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs); jirrikonoxxi l-inizjattivi tal-Kummissjoni u tal-Kunsill biex jindirizzaw din il-problema; ifakkar li rata ta' inflazzjoni li toqrob lejn il-livell ta' mira tal-BĊE se tkun kundizzjoni għal tkabbir ekonomiku sostenibbli fit-tul; jenfasizza li tnaqqis fid-domanda aggregata, flimkien ma' kundizzjonijiet ta' finanzjament inqas favorevoli, jistgħu jwasslu għal tnaqqis qawwi fl-investiment u għaldaqstant fit-tkabbir ekonomiku; jinkwieta li l-investiment fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika jistgħu jbatu wkoll, għalkemm dawn huma preċiżament l-investimenti meħtieġa biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili importati u tiġi limitata l-inflazzjoni xprunata mill-prezzijiet tal-enerġija;

2.  Jifhem li l-livelli tad-dejn għall-PDG tal-gvernijiet żdiedu f'dawn l-aħħar snin, parzjalment minħabba ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali; jissottolinja li f'ħafna Stati Membri, il-proporzjonijiet tad-dejn għall-PDG tal-gvern huma storikament għoljin, u dan, flimkien mar-rati ta' imgħax li qed jiżdiedu, wasslu għal żieda qawwija fl-ispiża tal-interessi fuq id-dejn; jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' dħul pubbliku adegwat u prevedibbli biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fi żminijiet ta' ħtiġijiet ta' investiment urġenti u xokkijiet ekonomiċi frekwenti; jenfasizza d-diversi osservazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni bħala parti mis-Semestru Ewropew dwar it-taħlita tat-taxxa; jissottolinja li fiċ-ċirkostanzi attwali, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw ukoll li jżidu d-dħul minn profitti mhux mistennija, b'mod partikolari tal-kumpaniji tal-enerġija li bbenefikaw b'mod eċċessiv mill-kriżi tal-enerġija; itenni li tkabbir ekonomiku robust, politiki fiskali sodi u bilanċ b'saħħtu bejn id-dħul u l-infiq tal-gvern huma meħtieġa biex jitnaqqas id-dejn li jintiret, biex id-dejn isir sostenibbli fit-tul u biex jinħoloq l-ispazju fiskali meħtieġ biex jiġu indirizzati sfidi futuri;

3.  Jaqbel mal-osservazzjoni tal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet ekonomiċi li qed jiddeterjoraw żiedu l-vulnerabbiltajiet u r-riskju assoċjati mal-iżbilanċi preeżistenti, u li jistgħu jitfaċċaw żbilanċi ġodda; jinnota li l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku ħareġ twissija li fiha appella għal aktar qawmien ta' kuxjenza fir-rigward tar-riskji għall-istabbiltà finanzjarja li jirriżultaw minn waqgħa qawwija fil-prezzijiet tal-assi; jinsab imħasseb li r-rati tas-self ipotekarju li qed jiżdiedu u d-deterjorament fil-kapaċità tas-servizz tad-dejn li jirriżulta minħabba tnaqqis fl-introjtu reali tal-unitajiet domestiċi jistgħu jikkawżaw aktar tbatija għall-familji u għas-swieq finanzjarji;

4.  Jisħaq li l-objettiv primarju tal-BĊE huwa li jżomm l-istabbiltà fil-prezzijiet, filwaqt li l-għan tal-Unjoni kollha kemm hi għandu jkun li timminimizza l-impatt tat-taqlib attwali fuq l-ekonomija reali, u b'hekk tiddefendi l-benesseri taċ-ċittadini tagħha, u b'mod partikolari lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli, u tippreserva l-istruttura tal-produzzjoni tagħha, il-kompetittività internazzjonali tal-kumpaniji tagħha u kundizzjonijiet ta' xogħol deċenti, f'konformità mal-Artikolu 3 tat-TUE; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' politiki u riformi fiskali, strutturali u regolatorji adegwati u kkoordinati li jikkomplementaw l-azzjonijiet tal-politika monetarja tal-BĊE biex iniżżlu l-inflazzjoni għal-livell ta' mira, li huma kapaċi wkoll jappoġġaw l-introjtu tal-unitajiet domestiċi u jipprovdu appoġġ immirat u temporanju lill-kumpaniji u l-SMEs li jsofru minn konġestjonijiet fil-provvista u spejjeż għoljin tal-enerġija; jinnota li żidiet ulterjuri fir-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE jew issikkar kwantitattiv jitfgħu pressjoni konsiderevoli fuq Stati Membri li għandhom ħafna dejn, u jistgħu jwasslu għal aktar tnaqqis fl-attività ekonomika;

5.  Jaqbel mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li impuls fiskali fuq bażi wiesgħa għall-ekonomija ma jkunx xieraq fl-2023; jilqa' t-talba tal-Kummissjoni lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri mmirati biex jikkumpensaw għall-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq l-unitajiet domestiċi vulnerabbli u l-kumpaniji; jaqbel mal-Kummissjoni li tenfasizza li miżuri bħal dawn għandhom iżommu l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija; jinnota bi tħassib l-analiżi tal-Kummissjoni li 70 % tal-miżuri introdotti s'issa mill-Istati Membri biex itaffu l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda eċċezzjonali fil-prezzijiet tal-enerġija ma kinux iffukati fuq unitajiet domestiċi vulnerabbli u ditti esposti u żewġ terzi minnhom ma inkludews biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija; ifakkar li l-Istati Membri jsibu ruħhom fi spazji fiskali ferm diverġenti fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' miżuri mmirati li jiġġieldu l-kriżi tal-enerġija; jinnota li hekk kif il-kriżi tal-enerġija għadha għaddejja, din is-sitwazzjoni tinvolvi r-riskju li tiżdied id-diverġenza bejn l-Istati Membri;

6.  Jaqbel mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li l-politiki fiskali għandu jkollhom l-għan li jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju u jiżguraw is-sostenibbiltà fiskali permezz ta' konsolidazzjoni gradwali u investiment u riformi li jsaħħu t-tkabbir sostenibbli;

7.  Jenfasizza r-rwol tal-Istrument Ewropew għal Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta' Qgħad f'Emerġenza (SURE) bħala element kruċjali biex iħares iċ-ċittadini u jtaffi l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19; jissottolinja li dan l-istrument ipprovda stabbilizzazzjoni makroekonomika tal-UE permezz ta' appoġġ għall-politiki fiskali kontroċikliċi nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jsaħħu l-iskemi nazzjonali tagħhom ta' benefiċċji tal-qgħad; jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq l-esperjenza tal-istrument SURE bbażata fuq is-self għal sitwazzjonijiet ta' kriżi li fihom l-iskemi nazzjonali temporanjament ma jkollhomx biżżejjed riżorsi, u b'hekk jillimitaw l-istabbilizzazzjoni makroekonomika potenzjali; jitlob lill-Kummissjoni tqis l-osservazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri fir-rigward tal-implimentazzjoni u t-trasparenza tal-istrument SURE;

8.  Jemmen li awtosuffiċjenza enerġetika Ewropea akbar, id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija u konnessjonijiet tal-enerġija intra-Ewropej imtejba jsaħħu l-ekonomija tal-UE u jilħqu l-miri tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

Is-Semestru Ewropew u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF)

9.  Josserva l-impatt imdaqqas tal-istrument NextGenerationEU (NGEU) kif stmat mill-Kummissjoni, il-BĊE u l-Fond Monetarju Internazzjonali, b'mod partikolari żieda fit-tkabbir tal-PDG sa 1,5 % ogħla milli mingħajr l-investiment tal-NGEU jekk l-istrument jiġi implimentat b'mod effettiv; jenfasizza li l-maġġoranza tar-riformi u l-investimenti, li huma essenzjali biex jiżdiedu l-livelli ta' produzzjoni potenzjali fit-tul tal-Istati Membri, għad trid titlesta; jaqbel mal-Kummissjoni li t-tisħiħ tal-kompetittività tal-UE u l-potenzjal fit-tul tagħha għal tkabbir sostenibbli jibqgħu kruċjali għall-prosperità ekonomika u l-protezzjoni soċjali;

10.  Jinnota li ħafna Stati Membri qed ibatu minn sfidi strutturali u nuqqas ta' investiment, li jxekklu l-potenzjal tat-tkabbir tagħhom; jenfasizza li l-indirizzar ta' dawn iż-żewġ elementi b'mod ibbilanċjat huwa kruċjali għal irkupru sostenibbli u tkabbir kontinwu, u huwa kruċjali mhux biss biex titjieb il-ħila tal-UE li tirreżisti u tlaħħaq mal-isfidi eżistenti iżda wkoll biex jitwettqu t-tranżizzjonijiet doppji b'mod sostenibbli u ġust;

11.  Ifakkar li s-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika huwa l-qafas stabbilit għall-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji, ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi fl-Unjoni Ewropea kollha, u b'hekk tiġi salvagwardjata l-istabbiltà makroekonomika u l-koeżjoni soċjali; ifakkar li l-Kummissjoni enfasizzat li s-Semestru Ewropew għandu l-għan li jidentifika l-għażliet ta' politika rilevanti, jiċċara l-prijoritajiet ta' politika, jipprovdi gwida politika u jiżgura l-monitoraġġ u s-segwitu tal-politiki;

12.  Jemmen li r-riformi futuri tas-Semestru Ewropew għandhom jimmiraw għal proċess aktar trasparenti u demokratiku fir-rigward tad-definizzjoni tal-objettivi tal-politika u t-tmexxija tal-koordinazzjoni tal-politika, kif ukoll l-involviment tal-Parlament fil-monitoraġġ u l-iskrutinju;

13.  Jilqa' r-rabta mill-qrib bejn is-Semestru Ewropew u l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, fejn il-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (NRRPs) iridu jkunu konsistenti mal-isfidi u l-prijoritajiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, kif ukoll dawk identifikati fl-aktar rakkomandazzjonijiet reċenti tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro għall-Istati Membri li għandhom l-euro bħala l-munita tagħhom; jenfasizza r-rwol ewlieni li għandhom il-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza biex imexxu l-aġendi ta' riforma u investiment tal-Istati Membri; jappella għal monitoraġġ effettiv tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs); jinnota li lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, ir-rakkomandazzjonijiet li ma jiġux indirizzati se jkomplu jiġu mmonitorjati fl-ambitu tal-qafas tas-Semestru Ewropew;

14.  Ifakkar li mill-2019, sitt Stati Membri rċevew CSRs bl-għan li jindirizzaw il-karatteristiċi tas-sistema tat-taxxa li jistgħu jiffaċilitaw ippjanar aggressiv tat-taxxa; jinnota li dawn l-Istati Membri għamlu impenji fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom biex jirriformaw il-politiki tat-taxxa tagħhom sabiex jiġi miġġieled l-ippjanar aggressiv tat-taxxa; jilqa' l-fatt li xi ġuriżdizzjonijiet diġà implimentaw xi wħud minn dawk il-bidliet; jiddispjaċih dwar id-dewmien fl-implimentazzjoni fil-ġuriżdizzjonijiet oħrajn; ifakkar li, fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-2022, żewġ Stati Membri biss irċevew rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż dwar l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, filwaqt li xi wħud għadhom ma implimentaw l-ebda bidla iżda xorta ma rċevewx rakkomandazzjoni;

15.  Jenfasizza r-rwol essenzjali li għandha l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex tikkontribwixxi biex l-Unjoni titgħammar bl-għodod meħtieġa biex tiffaċċja b'suċċess l-isfidi globali li jirriżultaw mit-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija; ifakkar li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ma tiħux post ir-rwol speċifiku tal-investimenti pubbliċi u privati nazzjonali biex jinkisbu l-objettivi tal-politika tal-UE f'dan ir-rigward;

Komunikazzjoni dwar orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas ta' governanza ekonomika tal-UE

16.  Jinnota li l-flessibbiltà politika maħluqa permezz tal-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-Istati Membri kif ukoll għar-reżiljenza ekonomika u soċjali tagħhom fiċ-ċirkostanzi ta' bħalissa; jaqbel mal-analiżi tal-Bord Fiskali Ewropew li s-sospensjoni kontinwa tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir qed toħloq vojt dannuż u jitlob rieżami urġenti tal-qafas fiskali tal-UE, li preferibbilment għandu jiġi komplut qabel id-diżattivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali;

17.  Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas ta' governanza ekonomika tal-UE; jesprimi tħassib dwar id-dewmien tagħha; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-proposti leġiżlattivi jiġu adottati u implimentati qabel ma jiskadi ż-żmien u l-leġiżlatura attwali tasal fi tmiemha; jissottolinja li l-effettività ta' kull qafas tiddependi wkoll mill-infurzar xieraq tiegħu;

18.  Jaqbel mal-orjentazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tas-simplifikazzjoni tal-qafas, id-differenzi fil-perkorsi tat-tnaqqis tad-dejn tal-Istati Membri u l-użu ta' analiżi komprensiva tas-sostenibbiltà tad-dejn; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ is-sjieda nazzjonali tat-trajettorji fiskali, ibbażata fuq qafas ta' sorveljanza tal-UE trasparenti u bbażat fuq ir-riskju, u għalhekk issegwi mogħdija ta' aktar flessibbiltà u responsabbiltà; ifakkar li flessibbiltà msaħħa għall-Istati Membri timxi id f'id ma' aktar responsabbiltà, b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni effettiva u f'waqtha tal-investimenti u r-riformi maqbula; jinnota li xi wħud mill-għodod issuġġeriti mill-Kummissjoni jistgħu jagħmlu l-proċess ta' governanza ekonomika aktar opak;

19.  Jisħaq li l-qafas regolatorju rivedut għandu jippermetti lill-Istati Membri jkollhom biżżejjed libertà biex iwasslu miżuri deċiżivi ta' riżoluzzjoni ta' kriżijiet meta jkunu meħtieġa; huwa tal-opinjoni li l-implimentazzjoni ta' miżuri tali m'għandhiex teħtieġ is-sospensjoni tad-dispożizzjonijiet regolatorji permezz ta' klawżoli liberatorji; jinnota li, fil-ġejjieni, l-attivazzjoni ta' klawżoli liberatorji għandha tibqa' miżura tal-aħħar istanza fil-każ ta' ċirkostanzi mhux previsti;

20.  Jilqa' l-għażla tan-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali bħala indikatur operazzjonali uniku; jinnota li dan l-indikatur, minħabba li hu ankrat fuq is-sostenibbiltà tad-dejn, jista' jgħin il-qafas isir kemm aktar trasparenti kif ukoll aktar faċli biex jiġi ġestit; jitlob li d-dispożizzjoni relatata mal-kontabbiltà tan-nefqa tal-investiment fil-kalkolu tan-nefqa tal-Istati Membri stipulata fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-flessibbiltà fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir tat-13 ta' Jannar 2015(14) għandha tiġi applikata wkoll fil-kalkolu tan-nefqa netta fil-qafas rivedut previst għall-governanza ekonomika tal-UE; huwa tal-opinjoni li, flimkien mat-tipi ta' nefqa speċifikati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tad-9 ta' Novembru 2022(15) u li diġà jipprevedi livell ta' aġġustament strutturali tal-indikatur, l-investiment fir-riżoluzzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi bħala parti mill-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku (MIP) għandu jkun eżentat mill-indikatur tan-nefqa netta;

21.  Jinnota li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tpoġġi l-analiżijiet tas-sostenibbiltà tad-dejn (DSAs) fiċ-ċentru tar-regoli fiskali u tissuġġerixxi li jintużaw biex jiġu ddeterminati l-pjanijiet fiskali-strutturali pluriennali; jissottolinja li d-DSAs xorta jirrikjedu stima ta' varjabbli mhux osservabbli, u dan jimmina t-trasparenza u jfixkel is-sjieda u l-prevedibbiltà, u għaldaqstant jitħalla spazju għad-diskrezzjoni;

22.  Jinnota li minħabba l-punti tat-tluq differenti u bl-għan li jiġu stimulati l-investiment u r-riformi, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-Istati Membri jkunu jistgħu jkollhom perkorsi differenti għat-tnaqqis tad-dejn, dment li dawn isaħħu t-tkabbir u jevitaw il-proċikliċità, itejbu s-sostenibbiltà tad-dejn u jkunu konformi mal-objettivi tal-UE, b'mod partikolari dawk tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, ir-reżiljenza soċjali u l-awtonomija strateġika; jenfasizza l-ħtieġa ta' kriterji komuni li jiżguraw li minkejja aktar flessibbiltà speċifika għall-pajjiż fit-tnaqqis tad-dejn, l-Istati Membri kollha jiġu vvalutati skont l-istess standards, jiġu ttrattati b'mod ugwali, u li l-flessibbiltà bl-ebda mod ma twassal għall-infurzar b'mod mhux ugwali tal-qafas ġenerali; jinnota li l-kriterji komuni għandhom jinkludu kriterji għad-definizzjoni tal-perkorsi tal-Istati Membri tat-tnaqqis tad-dejn; jisħaq li t-tnaqqis tad-dejn għandu jsir b'mod li jiffavorixxi t-tkabbir u li l-kriterji regolatorji sottostanti għandhom jiġu definiti fir-rigward tat-tkabbir fil-produzzjoni u fl-infiq tal-Istati Membri;

23.  Jissottolinja li s-Semestru Ewropew iqis il-qafas futur tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika; jenfasizza li din l-enfasi fuq terminu medju m'għandhiex twassal biex l-isforzi meħtieġa ta' konsolidazzjoni fiskali jiġu posposti għal żmien twil wisq;

24.  Jenfasizza li azzjoni ulterjuri biex jiġu miġġielda l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa fl-UE u fil-fora globali hija komplement meħtieġ għar-riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE;

25.  Jisħaq fuq ir-rwol li l-baġits nazzjonali jeħtieġ li jiżvolġu għall-iffinanzjar taż-żewġ tranżizzjonijiet, kif ukoll għall-ippreservar tal-awtonomija strateġika; jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni għall-istabbiliment ta' Fond Ewropew għas-Sovranità; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu rigward dan l-istrument kif espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2023 dwar strateġija tal-UE biex tingħata spinta lill-kompetitività industrijali, lill-kummerċ u lill-impjiegi ta' kwalità(16);

26.  Jinnota li filwaqt li l-politika monetarja hija maħsuba u mfassla bħala strument uniku, il-politika fiskali ġenerali hija r-riżultat tal-aggregazzjoni tal-politiki fiskali nazzjonali; jissottolinja li, minbarra r-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet s'issa kienet limitata u s-sitwazzjoni u l-isfidi taż-żona tal-euro ma kinux faċli li jiġu meqjusa; josserva li għadu fil-biċċa l-kbira każwali jekk l-aggregazzjoni tal-politiki fiskali nazzjonali tirriżultax f'pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro li hija xierqa u konsistenti mal-politika monetarja; jenfasizza li filwaqt li finanzi pubbliċi sodi jippermettu lill-istabbilizzaturi awtomatiċi nazzjonali jgħinu lill-Istati Membri jilħqu pożizzjoni fiskali nazzjonali xierqa, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma tidentifika l-ebda mekkaniżmu xieraq biex jiġi żgurat li l-pożizzjoni fiskali reali taż-żona tal-euro tkun konformi ma' dik rakkomandata; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel aktar biex tinkoraġġixxi koordinazzjoni fiskali aħjar;

27.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ l-effettività u l-infurzar tal-MIP bħala parti minn rieżami akbar tar-regoli fiskali; jinnota li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tirrikonoxxi l-inkonsistenzi potenzjali bejn l-applikazzjoni tar-regoli fiskali u r-rakkomandazzjonijiet fl-ambitu tal-MIP; jinnota li l-komunikazzjoni tad-9 ta' Novembru 2022 ma tinkludi l-ebda strument li jippermetti l-korrezzjoni ta' inkonsistenzi bħal dawn;

28.  Jilqa' l-fatt li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2022 tirrikonoxxi l-ħtieġa li ssaħħaħ il-mekkaniżmu ta' infurzar u l-applikazzjoni xierqa tiegħu billi tiddependi fuq sett usa' ta' sanzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tikkomplementa dan is-sett ta' għodod b'approċċ ibbażat fuq l-inċentivi;

29.  Jinnota d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li istituzzjonijiet fiskali indipendenti għandu jkollhom rwol importanti fil-proċess ta' governanza ekonomika; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiċċara r-rwol tal-Bord Fiskali Ewropew f'dan ir-rigward;

30.  Ifakkar li l-ftehim dwar tfassil aħjar tal-liġijiet itenni li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom bħala koleġiżlaturi fuq bażi ugwali u li l-Kummissjoni għalhekk jeħtieġ li tittrattahom b'mod ugwali, filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ tal-kompetenzi definiti mit-Trattati; ifakkar fl-importanza li l-qafas tal-governanza ekonomika jkun suġġett għar-responsabbiltà demokratika; jenfasizza li l-Parlament għandu għaldaqstant ikun involut għalkollox fir-riforma tal-qafas ta' governanza ekonomika, kif ukoll fit-tmexxija futura tal-governanza ekonomika fl-UE; jisħaq fuq ir-rwol u r-responsabbiltà tal-parlamenti nazzjonali fl-iskrutinju tal-azzjonijiet kollettivi tal-gvernijiet nazzjonali; jitlob għar-rispett neċessarju tal-prinċipji ta' solidarjetà u proporzjonalità;

o
o   o

31.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41.
(2) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 33.
(3) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 1.
(4) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 8.
(5) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 12.
(6) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(7) ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.
(8) ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11.
(9) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1.
(10) ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17.
(11) ĠU C 67, 8.2.2022, p. 90.
(12) ĠU C 415, 13.10.2021, p. 22.
(13) ĠU C 99, 1.3.2022, p. 191.
(14) Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Jannar 2015 bit-titolu "L-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-patt tal-istabbiltà u Tkabbir" (COM(2015)0012).
(15) COM(2022)0583.
(16) Testi adottati, P9_TA(2023)0053.


Is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: prijoritajiet soċjali u tal-impjieg għall-2023
PDF 186kWORD 64k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2023 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: prijoritajiet soċjali u tal-impjieg għall-2023 (2022/2151(INI))
P9_TA(2023)0079A9-0051/2023

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 9 u 149 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2022 dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2023 (COM(2022)0780),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2022 għal Rapport Konġunt tal-Kummissjoni u tal-Kunsill dwar l-Impjiegi (COM(2022)0783),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2022 għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro (COM(2022)0782),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2022 bit-titolu "Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2023" (COM(2022)0781),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2022 dwar l-Abbozz ta' Pjanijiet Baġitarji għall-2023: Valutazzjoni Ġenerali (COM(2022)0900),

–  wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR), ipproklamat mill-Kunsill, mill-Parlament u mill-Kummissjoni f'Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2022 dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE (COM(2022)0583),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol ta' Novembru 2021 dwar Labour Shortages and Surpluses (In-nuqqas u l-eċċess ta' ħaddiema),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A9-0051/2023),

A.  billi r-rapport konġunt dwar l-impjiegi għall-2023 isaħħaħ l-enfasi fuq l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u l-EPSR, f'konformità mal-impenji tal-Pjan ta' Azzjoni tal-EPSR ta' Marzu 2021 u mad-Dikjarazzjoni ta' Porto mill-Mexxejja tal-UE tat-8 ta' Mejju 2021; billi l-implimentazzjoni tiegħu għandha ssaħħaħ l-ispinta tal-Unjoni lejn tranżizzjoni ekoloġika, diġitali u ġusta u tikkontribwixxi għall-kisba ta' konverġenza soċjali u ekonomika 'l fuq; billi ħafna valutazzjonijiet tas-Semestru Ewropew imwettqa mill-Kummissjoni jissuġġerixxu li l-livell ta' konformità mar-rakkomandazzjonijiet tiegħu kien baxx, parzjalment minħabba l-infurzabbiltà limitata tiegħu, inkluż fi kwistjonijiet ta' politika soċjali;

B.  billi stħarriġ tal-Eurofound(1) juri li għadhom qed jiġu rrapportati sfidi tal-għoli tal-ħajja fl-Istati Membri kollha tal-UE, fejn 48 % tar-rispondenti qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-ħajja; billi l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kkawżat kriżijiet umanitarji, enerġetiċi u ekonomiċi fl-UE u aggravat l-inugwaljanzi eżistenti; billi l-azzjonijiet skont l-EPSR jgħinu biex jinħolqu opportunitajiet ta' impjiegi ta' kwalità għolja u sistemi ta' protezzjoni soċjali ġusti, u dan huwa kruċjali għat-titjib tar-reżiljenza futura;

C.  billi, filwaqt li l-qgħad fl-UE baqa' stabbli b'rata ta' 6 % f'Awwissu 2022, il-kumpaniji tal-UE qed jitħabtu biex isibu l-impjegati bil-ħiliet meħtieġa; billi d-disponibbiltà ta' persunal imħarreġ u maniġers b'esperjenza hija l-aktar problema importanti għal kwart tal-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) tal-UE, li min-naħa tagħhom jirrappreżentaw 99 % tan-negozji kollha tal-UE(2);

D.  billi stħarriġ tal-Ewrobarometru wera li l-inugwaljanzi soċjali huma l-aktar tħassib serju tan-nies fl-UE u dawn l-inugwaljanzi ġew aggravati bil-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll bi problemi strutturali oħra; billi l-inugwaljanzi għoljin fl-introjtu jista' jkollhom effetti ta' ħsara fuq it-tkabbir ekonomiku u jimminaw il-koeżjoni soċjali; billi ż-żieda kontinwa tal-għoli tal-ħajja u l-inflazzjoni eżaġerata, stimulati minn żidiet enormi fil-prezz tal-enerġija, tal-fjuwil, tal-ikel u tal-oġġetti essenzjali madwar l-Ewropa, qed joħolqu kriżi ekonomika u soċjali; billi anke qabel il-pandemija, 78 % tan-nies fl-UE xtaqu li l-gvernijiet nazzjonali tagħhom jagħmlu aktar biex inaqqsu l-inugwaljanzi fl-introjtu(3); billi r-rieżami li jmiss tal-qafas ta' governanza ekonomika jirrappreżenta opportunità unika biex jiġi appoġġat l-investiment soċjali;

E.  billi l-faqar, inkluż il-faqar fost dawk li jaħdmu, għadu sfida għal ħafna Stati Membri; billi l-ħaddiema b'kuntratti temporanji jiffaċċjaw riskju ħafna ogħla ta' faqar fost dawk li jaħdmu milli dawk b'kuntratti permanenti; billi l-faqar fost dawk li jaħdmu tela' minn 8,5 % fl-2010 għal 9 % fl-2019 fl-UE iżda baqa' stabbli bejn l-2020 u l-2021 minħabba l-intervent ta' politika rapidu matul il-pandemija; billi l-faqar fost dawk li jaħdmu għandu jiġi mmonitorjat mill-qrib, b'mod speċjali fid-dawl tal-impatt negattiv reċenti tal-inflazzjoni fuq il-pagi reali; billi l-livelli tal-pagi reali għadhom taħt il-livell tas-sena tal-kriżi 2009 f'ħafna pajjiżi tal-UE; billi l-gruppi vulnerabbli u l-ħaddiema b'introjtu baxx qed jintlaqtu l-aktar, iżda l-istandards tal-għajxien tal-klassi medja wkoll qed jiddeterjoraw b'rata mgħaġġla;

F.  billi għall-persuni f'impjieg, ir-riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali fl-UE kien ta' 11,1 % fl-2021; billi aktar minn 8 % tan-nies għadhom jiddedikaw aktar minn 40 % tal-introjtu disponibbli tagħhom għall-akkomodazzjoni, u ftit li xejn sar progress fit-tnaqqis tan-numru ta' persuni mingħajr dar madwar l-Istati Membri tal-UE; billi s-sistemi ta' protezzjoni soċjali jinsabu taħt pressjoni kbira biex jimmitigaw l-impatt soċjali tal-kriżi u jiżguraw kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti għal kulħadd kif ukoll aċċess għal servizzi essenzjali bħas-saħħa, l-edukazzjoni u l-akkomodazzjoni; billi s-servizzi soċjali f'xi Stati Membri għadhom żviluppati b'mod mhux uniformi u mhux ugwali madwar l-UE, u jiffaċċjaw nuqqas ta' finanzjament u nuqqas ta' standards ta' kwalità;

G.  billi t-tibdil fil-klima u l-qerda ambjentali aggravaw l-inugwaljanzi peress li jaffettwaw b'mod sproporzjonat lill-foqra u lill-gruppi l-aktar vulnerabbli; billi patt ekoloġiku ffukat fuq l-investimenti biex issir it-tranżizzjoni lejn ekonomija dekarbonizzata u newtrali għall-klima, għandu jmur id f'id mal-investiment fin-nies li ma jifilħux għall-bidla; billi jeħtieġ li jiġi żgurat futur sostenibbli għal kulħadd;

H.  billi, skont l-aħħar rapport tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), it-tibdil fil-klima, it-tisħin globali u t-telf tal-bijodiversità qed jaċċelleraw b'mod esponenzjali, kif muri bl-avvenimenti estremi u drammatiċi tat-temp reċenti madwar id-dinja; billi n-nies fl-Ewropa qed iħossu l-effetti tal-kriżi klimatika u l-avvenimenti estremi tat-temp ikkawżati mit-tibdil fil-klima dejjem b'aktar intensità; billi l-miri tad-dekarbonizzazzjoni tal-2030 żdiedu biex tintlaħaq in-newtralità karbonika sal-2050; billi ż-żieda fl-isforzi ta' mitigazzjoni u adattament qed twassal għal trasformazzjoni profonda tal-ekonomiji u s-swieq tax-xogħol Ewropej u nazzjonali;

I.  billi l-inflazzjoni għolja madwar l-UE, b'żidiet rapidi fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel, qed tpoġġi piż fuq l-unitajiet domestiċi u l-SMEs, u qed tolqot lill-persuni l-aktar vulnerabbli u bl-inqas introjtu; billi ż-żidiet rapidi fil-prezzijiet u l-kundizzjonijiet tas-suq tal-enerġija qed jaggravaw il-faqar enerġetiku, li għalih kienu diġà esposti aktar minn 50 miljun ruħ fl-UE fl-2019, qabel il-bidu tal-pandemija; billi skont il-projezzjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) l-inflazzjoni se tibqa' għolja fl-2023 ('il fuq mill-mira tiegħu ta' 2 %) u l-BĊE mistenni jkompli jgħolli r-rati tal-imgħax fix-xhur li ġejjin; billi l-kriżi tal-għoli tal-ħajja u d-distorsjonijiet fis-suq tal-akkomodazzjoni, bħaż-żieda fil-finanzjalizzazzjoni, għandhom implikazzjonijiet negattivi fuq l-aċċessibbiltà tal-prezzijiet tal-akkomodazzjoni, bir-riskju li tkompli tiżdied il-problema ta' persuni mingħajr dar;

J.  billi l-UE teħtieġ strateġija industrijali li tagħmel il-bażi industrijali tagħha aktar reżiljenti, soċjalment effettiva u sostenibbli mill-aspett ambjentali; billi tranżizzjoni soċjalment ġusta u l-futur tal-industrija jeħtieġu investiment pubbliku enormi; billi tali strateġija hija kruċjali biex jiġi żgurat ir-rispett tal-objettivi klimatiċi, b'mod partikolari l-Ftehim ta' Pariġi; billi l-istrateġija industrijali tal-UE trid timxi id f'id ma' strateġija tax-xogħol; billi kwalunkwe mudell ta' produzzjoni ġust u sostenibbli għandu jpoġġi lill-ħaddiema u lit-trade unions, kif ukoll l-interessi u l-għarfien espert dejjiemi tal-ħaddiema, proprju fil-qalba tal-iżvilupp tiegħu biex jiżgura l-funzjonament demokratiku tiegħu;

K.  billi, jekk tkun regolata tajjeb, l-ekonomija diġitali l-ġdida, inkluża l-intelliġenza artifiċjali (IA), għandha l-potenzjal li tkun ta' benefiċċju għas-soċjetà kollha kemm hi billi ttejjeb il-kwalità tal-ħajja u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, u tippreserva l-impjiegi u fl-istess ħin toħloq opportunitajiet ġodda ta' impjiegi ta' kwalità, filwaqt li trawwem il-prosperità u tiffaċilita t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli, robusta u reżiljenti;

L.  billi skont l-Eurofound, 20 % tal-impjiegi fl-Ewropa kienu ta' "kwalità ħażina" fl-2017, u dan poġġa s-saħħa fiżika jew mentali tal-ħaddiema f'riskju akbar; billi skont l-OECD, l-inċertezza finanzjarja u n-nuqqas ta' sigurtà tal-impjiegi huma fatturi ta' riskju assoċjati ma' saħħa mentali ħażina; billi l-investiment f'impjiegi fit-tul ta' kwalità huwa essenzjali għall-ġlieda kontra s-saħħa mentali ħażina fost il-ħaddiema;

M.  billi l-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat il-ħtieġa ta' aktar viġilanza u investiment fl-Istati Membri kollha biex jiġi żgurat li jkunu mħejjija b'mod adegwat biex jindirizzaw kriżijiet tas-saħħa futuri u jkunu jistgħu wkoll jippreservaw il-kwalità tal-kura għall-mard u l-kundizzjonijiet l-oħra kollha; billi għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet tal-gruppi vulnerabbli;

N.  billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandhom ikunu fil-qalba tal-istrateġija annwali għat-tkabbir sostenibbli tal-2023;

O.  billi l-ħaddiema tas-sengħa, l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja huma ta' importanza ewlenija biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni sostenibbli u ġusta tal-ekonomija Ewropea; billi l-programmi ta' titjib tal-ħiliet, ta' taħriġ mill-ġdid u ta' taħriġ għandhom ikunu disponibbli għall-ħaddiema kollha, inklużi dawk b'diżabilità, u għandhom ikunu adattati wkoll għall-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tal-ħaddiema;

P.  billi l-ħaddiema għandhom id-dritt għal livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tagħhom, b'post tax-xogħol aċċessibbli u ambjent li jikkonforma mal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-istandards dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali u jikkontribwixxi għaliha;

1.  Jenfasizza l-fatt li l-azzjoni politika rapida u kkoordinata tal-UE matul il-pandemija tal-COVID-19 immitigat l-iskossi ekonomiċi u pproteġiet lill-popolazzjoni mill-aktar konsegwenzi negattivi tal-kriżi; jemmen li, għalkemm il-konsegwenzi mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna joħolqu sfidi ekonomiċi, soċjali u ġeopolitiċi multipli ġodda għall-ekonomija u s-soċjetà tal-UE, sfidi soċjali oħra li ilhom aktar fit-tul, bħall-faqar, l-esklużjoni soċjali, l-emerġenzi klimatiċi u tal-bijodiversità u l-inugwaljanzi qed ikomplu jikbru u jridu jiġu indirizzati wkoll;

2.  Japprova l-ambizzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri li jikkoordinaw aktar mill-qrib ir-risponsi politiċi tal-UE biex jimmitigaw il-piż fuq terminu qasir tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija u tal-ikel, l-inflazzjoni, it-tfixkil fil-katina tal-provvista, inkluż in-nuqqas ta' mediċini, iż-żieda fil-livelli tad-dejn u ż-żieda fil-kostijiet tas-self, inkluż is-self ipotekarju, għall-unitajiet domestiċi u n-negozji Ewropej, speċjalment l-SMEs u l-imprendituri; jinsisti li l-Unjoni Ewropea teħtieġ mudell tal-enerġija li jiżgura aċċess universali għal sorsi tal-enerġija dekarbonizzati u li jtemm il-faqar enerġetiku; jenfasizza l-fatt li l-investiment soċjali huwa essenzjali biex jingħata lok għal żvilupp sostenibbli fuq terminu medju u twil u li s-sistemi ta' benesseri nazzjonali għandhom funzjoni essenzjali ta' stabbilizzazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa ta' Fond tal-UE għas-Sovranità sabiex jiġi żgurat, fost affarijiet oħra, li l-Istati Membri kollha jkollhom il-flessibbiltà biex jindirizzaw l-isfidi soċjali, klimatiċi u ambjentali;

3.  Jisħaq li wħud mill-għanijiet ta' tkabbir ekonomiku sostenibbli jridu jkunu li tiġi żgurata trasformazzjoni soċjoekoloġika inklużiva tal-ekonomiji tagħna, jiġu evitati l-iżbilanċi soċjali, ekonomiċi u ambjentali billi jiġi miġġieled il-faqar, jitnaqqsu l-inugwaljanzi, u jinħolqu impjiegi deċenti b'pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati, filwaqt li jiġi żgurat l-allinjament mal-SDGs u l-EPSR;

4.  Jinsab imħasseb li 21,7 % tal-popolazzjoni tal-UE tinsab f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali, fejn in-nisa u l-adulti żgħażagħ huma aktar suxxettibbli li jkunu f'riskju; jinnota li l-mira ewlenija li l-faqar jitnaqqas bi 15-il miljun persuna mhux se tintlaħaq mingħajr ma jiġu indirizzati dawk l-aktar vulnerabbli; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jiżviluppaw modi mmirati ta' appoġġ għall-persuni qiegħda fit-tul u dawk mingħajr dar, kif ukoll il-persuni li jħabbtu wiċċhom ma' diversi ostakli u forom ta' diskriminazzjoni; jisħaq li huwa meħtieġ introjtu minimu adegwat biex in-nies jinħarġu mill-faqar; jissottolinja li l-problema tal-persuni mingħajr dar hija waħda mill-aktar forom estremi ta' esklużjoni soċjali u li l-Pjattaforma Ewropea għall-ġlieda kontra l-kondizzjoni ta' persuni mingħajr dar hija għodda essenzjali bl-objettiv finali li ttemm il-problema tal-persuni mingħajr dar sal-2030; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw strateġiji nazzjonali ambizzjużi, b'finanzjament nazzjonali u tal-UE adegwat, ibbażati fuq il-prinċipju tal-akkomodazzjoni l-ewwel biex jippromwovu l-prevenzjoni tal-problema ta' persuni mingħajr dar u jipprovdu aċċess għal akkomodazzjoni adegwata, sikura u affordabbli għal kulħadd; jisħaq li l-kriżi tal-għoli tal-ħajja tagħmel l-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal, tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ Imsaħħa u tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità fil-livell nazzjonali saħansitra aktar importanti; jistieden lill-Kummissjoni tkun aktar attiva fil-ġlieda kontra l-faqar, speċjalment il-faqar fost it-tfal u l-faqar fost dawk li jaħdmu; jistieden lill-Kummissjoni tistinka favur monitoraġġ dettaljat tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għat-Tfal fl-Istati Membri kollha;

5.  Jisħaq li s-servizzi pubbliċi ta' kwalità u ffinanzjati sew, inklużi s-servizzi soċjali, jikkontribwixxu għal valuri demokratiċi ewlenin bħar-rispett għad-drittijiet fundamentali u tal-bniedem u għandhom rwol kruċjali biex jingħelbu l-kriżijiet; iwissi li l-persuni vulnerabbli mingħajr ebda aċċess jew b'aċċess limitat għal servizzi soċjali mmirati jsofru wkoll impatt negattiv fuq l-aċċess tagħhom għal servizzi pubbliċi importanti oħra, bħall-kura tas-saħħa jew it-taħriġ; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà ta' reviżjoni tal-Qafas ta' Kwalità tal-UE għas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex itejbu l-aċċess għal servizzi essenzjali ta' kwalità tajba, b'mod partikolari l-akkomodazzjoni, l-enerġija, it-trasport, l-ilma, is-sanità, is-servizzi finanzjarji u l-komunikazzjoni diġitali; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tinkludi kunsiderazzjonijiet soċjali b'mod aktar effettiv fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u twessa' l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament Ġenerali ta' Eżenzjoni ta' Kategorija fir-reviżjoni li jmiss tiegħu sabiex jikkontribwixxi għal aċċess aħjar għal oġġetti u servizzi essenzjali u għall-kwalità aħjar tagħhom;

6.  Jissottolinja l-ħtieġa tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fis-Semestru Ewropew għal investiment f'benefiċċju adegwat kontra d-diżabilitajiet li jkun kompatibbli ma' forom oħra ta' introjtu, biex jitnaqqas ir-riskju ta' faqar li jħabbtu wiċċhom miegħu l-persuni b'diżabilità;

7.  Jemmen li l-politiki tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jridu jkunu ankrati u integrati fil-fażijiet kollha tal-governanza ekonomika; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza soċjali fir-relazzjonijiet tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-femminilizzazzjoni tal-faqar fil-forom kollha tiegħu, b'mod partikolari billi jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol f'setturi femminilizzati; jitlob it-tisħiħ ta' politiki sensittivi għall-ġeneru fil-livell tal-UE, peress li dan huwa essenzjali biex jiġi żgurat li l-impatt tal-kriżi tal-għoli tal-ħajja ma jwessax l-inugwaljanza bejn il-ġeneri;

8.  Jitlob proċess ta' Semestru Ewropew aktar demokratiku, fejn il-Parlament ikun involut mill-qrib, b'mod partikolari fl-istabbiliment tal-prijoritajiet tal-politika ekonomika u soċjali; iqis li proċess rivedut tas-Semestru Ewropew għandu jsegwi l-proċedura leġiżlattiva ordinarja u għalhekk ikun miftiehem bejn il-Kunsill u l-Parlament; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa arkitettura ta' governanza ekonomika fl-UE bbażata fuq is-solidarjetà, l-integrazzjoni, il-ġustizzja soċjali u l-konverġenza, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja, inkluża sistema edukattiva pubblika għal kulħadd, impjiegi ta' kwalità u żvilupp sostenibbli;

9.  Jinsab imħasseb dwar l-effetti serji soċjali u fuq l-impjiegi tal-kriżi attwali, b'mod speċjali għaż-żgħażagħ; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li kull żagħżugħ u żagħżugħa fl-Ewropa jkollhom aċċess għall-edukazzjoni, għal traineeships imħallsa u għas-suq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jagħtu prijorità lill-ġlieda kontra l-qgħad; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-Istrument Ewropew għal Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta' Qgħad f'Emerġenza (SURE) biex jingħata appoġġ lil skemi ta' xogħol b'ħinijiet iqsar, lill-introjtu tal-ħaddiema u lil ħaddiema li, kieku, jingħataw is-sensja temporanjament minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, fost kawżi oħrajn, kif ukoll biex jiġu mmitigati l-iskossi asimetriċi;

10.  Jappoġġa bidla lejn mudell ta' tkabbir sostenibbli, inklużiv u reżiljenti, li jappoġġa l-konverġenza soċjali 'l fuq u li jsaħħaħ l-iżvilupp sostenibbli u r-reżiljenza tal-ekonomija u tas-soċjetajiet tal-UE; jilqa' l-progress li sar dis-sena lejn l-implimentazzjoni sħiħa tal-EPSR, iżda għadu qed jistenna li jara implimentazzjoni sħiħa, inkluż tal-miri ewlenin rilevanti tiegħu għall-2030, protokoll ta' progress soċjali u l-promozzjoni ta' investimenti orjentati lejn il-futur iffokati fuq it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali ġusti, b'dimensjoni soċjali b'saħħitha, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li l-inizjattivi ta' finanzjament tal-UE futuri li jappoġġaw l-industrija u s-sovranità jiżguraw tkabbir fit-tul sostenibbli kif ukoll progress soċjali; iqis essenzjali li l-aspetti rilevanti li ġejjin jiġu integrati fi kwalunkwe strument ta' finanzjament futur:

   il-ġustizzja soċjali bħala prinċipju gwida sabiex l-UE ssir aktar reżiljenti għat-theddid dejjem jiżdied għas-saħħa u l-benesseri,
   enfasi qawwija fuq il-ħaddiema, b'tali mod li l-investimenti għandhom joħolqu impjiegi ta' kwalità tajba biex jelevaw il-klassijiet baxxi u medji u joħolqu benefiċċji tanġibbli għall-ħaddiema u l-komunitajiet li spiss jiġu injorati u jitħallew jibqgħu lura,
   ġustizzja ambjentali biex tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tal-proġetti sabiex ikunu ta' benefiċċju għall-komunitajiet żvantaġġati li jintlaqtu b'mod sproporzjonat min-nuqqas ta' investiment fl-infrastruttura kritika, it-tniġġis u t-tibdil fil-klima;

12.  Jieħu nota tal-proċess rivedut tas-Semestru Ewropew, b'kamp ta' applikazzjoni usa' u sorveljanza multilaterali msaħħa sabiex jiġu żgurati s-sostenibbiltà u l-investimenti ewlenin filwaqt li tiġi żgurata l-istabbiltà fiskali u jitqiesu r-riformi u l-investimenti permezz tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (NRRPs), it-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn enerġija nadifa permezz ta' REPowerEU u l-SDGs tan-NU; iqis li r-regoli fiskali Ewropej għandhom jippermettu l-finanzjament u l-investiment pubbliku meħtieġa tat-tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija mingħajr emissjonijiet tal-karbonju, kif ukoll l-implimentazzjoni xierqa tal-prinċipji tal-EPSR; jisħaq li għalkemm hemm bżonn li jitnaqqas id-dejn pubbliku f'perjodu ta' żmien raġonevoli, l-Istati Membri iżgħar jew aktar midjuna jeħtieġu perkorsi ta' aġġustament individwali aktar flessibbli li jippermettulhom biżżejjed spazju fiskali biex iwettqu l-investimenti u r-riformi meħtieġa għal tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali soċjalment ġusti b'mod li ħadd ma jitħalla jibqa' lura; ifakkar lill-Istati Membri fl-impenn tagħhom li jwettqu riformi u jagħmlu investimenti li jikkontribwixxu għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv, itaffu l-impatt soċjali u ekonomiku tal-kriżi, b'mod partikolari fuq il-gruppi vulnerabbli, u jikkontribwixxu wkoll għall-implimentazzjoni tal-EPSR permezz tal-NRRPs tagħhom; jenfasizza l-impenn tagħhom li jkomplu jsegwu din l-implimentazzjoni fil-livell tal-UE u dak nazzjonali sabiex inaqqsu l-inugwaljanzi, jiddefendu l-pagi deċenti, jiġġieldu l-esklużjoni soċjali u l-faqar, filwaqt li jiġi segwit l-objettiv tal-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal u jiġu indirizzati r-riskji ta' esklużjoni soċjali, sabiex jitrawmu l-konverġenza ekonomika u soċjali 'l fuq u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja;

13.  Ifakkar li s-Semestru Ewropew għandu jintegra iktar il-prinċipji tal-EPSR, inkluż il-prinċipju Nru 11 dwar il-kura tat-tfal u l-appoġġ għat-tfal; jenfasizza li d-disponibbiltà ta' servizzi b'xejn u ta' kwalità bħall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, l-edukazzjoni, is-saħħa, kif ukoll l-aċċess għal akkomodazzjoni adegwata u nutrizzjoni tajba għas-saħħa hija kundizzjoni neċessarja biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs u jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali; jinnota li l-indirizzar tal-faqar fost it-tfal jirrikjedi miżuri komprensivi u integrati ffinanzjati b'mod xieraq, flimkien mal-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal fil-livell nazzjonali; itenni t-talba tiegħu għal żieda fil-finanzjament tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal b'baġit iddedikat ta' mill-inqas EUR 20 biljun u biex l-Istati Membri jallokaw mill-inqas 5 % tal-fondi tal-FSE+ tagħhom għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal u għall-promozzjoni tal-benesseri tat-tfal;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu d-dimensjoni soċjali tas-Semestru Ewropew u l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b'mod speċjali fid-dawl tar-rieżami tal-governanza ekonomika u d-diżattivazzjoni li ġejja tal-klawżola liberatorja; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-preżentazzjoni ta' strument għal qafas ta' konverġenza soċjali, biex jiġu mmonitorjati r-riskji ta' konverġenza soċjali, jiġi evitat li azzjonijiet politiċi jew skossi ekonomiċi oħra jkollhom effetti kollaterali soċjali negattivi fuq il-konverġenza soċjali 'l fuq, jiġu identifikati l-intoppi potenzjali għall-implimentazzjoni xierqa tal-EPSR u jiġu stabbiliti miri soċjali; jemmen li r-riskji ta' diverġenza soċjali għandhom jiġu inklużi fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u jitqiesu meta jkunu qed jiġu definiti mogħdijiet ta' aġġustament fiskali;

15.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' investiment pubbliku u privat biex jissaħħaħ il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u jiġu appoġġati l-SMEs; jissottolinja l-importanza li jiġu żviluppati l-ħiliet u l-kwalifiki xierqa fil-forza tax-xogħol biex tkun tista' tiġi ssodisfata d-domanda għal ħaddiema tas-sengħa matul it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali; ikompli jappoġġa lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni tal-impjegaturi u l-ħaddiema Ewropej billi trawwem u tħeġġeġ proċessi ta' djalogu soċjali u kopertura ta' negozjar kollettiv; jilqa' l-inklużjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tad-dispożizzjonijiet ta' djalogu soċjali u negozjar kollettiv fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż 2020-2021; jiddispjaċih li, filwaqt li d-djalogu soċjali ġie inkluż fi 15-il rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż (CSR) fl-2020, dan jidher biss f'żewġ CSRs fl-2022; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi n-negozjar kollettiv, id-demokrazija fuq il-post tax-xogħol, u d-djalogu soċjali matul is-Semestru Ewropew, u b'mod speċifiku fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, sabiex jiġu żgurati pagi diċenti permezz tan-negozjar kollettiv;

16.  Jisħaq fuq l-importanza ta' valutazzjoni aħjar tal-impatt distributtiv ta' politiki u riformi eżistenti u ġodda mmonitorjati permezz tal-proċess tas-Semestru Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi rekwiżiti ta' valutazzjoni tal-impatt distributtiv għall-programmi nazzjonali ta' riforma (PNR); jirrimarka li l-konsolidazzjoni fiskali tista' tkun ġusta u sostenibbli biss jekk l-impatt distributtiv tan-nefqa riallokata jew taċ-ċaqliq fid-dħul ikun ikkalibrat sew u jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjali, ekonomiċi u reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi metodoloġija u għanijiet ċari f'termini ta' ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità; ifakkar lill-Istati Membri fir-rekwiżiti li jinkludu fil-PNR spjegazzjoni ta' kif il-miżuri mistennija jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd u l-integrazzjoni ta' dawk l-objettivi;

17.  Iqis li t-tabella ta' valutazzjoni soċjali riveduta tista' ma tkoprix b'mod adegwat l-20 prinċipju tal-EPSR; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tikkunsidra reviżjoni u titjib ulterjuri tat-tabella ta' valutazzjoni soċjali, bl-inklużjoni ta' indikaturi rilevanti, pereżempju b'rabta mal-benesseri soċjali, u diżaggregazzjoni tad-data skont fatturi differenti, bħall-ġeneru, l-età u l-introjtu, biex jiġu identifikati d-diverġenzi soċjali u l-impatt tal-politiki fuq gruppi differenti, b'mod partikolari dawk f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, permezz ta' valutazzjoni dinamika; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jiġu inklużi indikaturi li jirriflettu bis-sħiħ ix-xejriet u l-kawżi tal-inugwaljanza, bħal indikaturi dwar opportunitajiet indaqs, impjieg ta' kwalità tajba, distribuzzjoni tal-ġid, aċċess universali għal servizzi pubbliċi ta' kwalità tajba, inklużi l-enerġija, l-ilma u s-sanità, pensjonijiet adegwati, ir-rata ta' persuni mingħajr dar, skemi ta' introjtu minimu, mard okkupazzjonali (inklużi kundizzjonijiet tas-saħħa mentali) u benefiċċji tal-qgħad, kif ukoll indikaturi li jkejlu l-impatt soċjali tad-degradazzjoni ambjentali u t-tibdil fil-klima; ifakkar lill-Kummissjoni li l-indikatur "fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali" ma jaqbadx il-kawżi usa' u aktar kumplessi tal-inugwaljanzi;

18.  Jieħu nota tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi orjentazzjonijiet għar-reviżjoni tal-qafas ta' governanza ekonomika biex tissaħħaħ is-sostenibbiltà tad-dejn u jittejjeb it-tkabbir sostenibbli u inklużiv permezz tal-investiment u r-riformi; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta liema nefqa u investiment huma meħtieġa biex jintlaħqu objettivi soċjoekonomiċi fit-tul u li huma meħtieġa biex ikun hemm konformità mal-istadji importanti tal-NRRP; jemmen li s-sistemi fiskali għandhom jitfasslu b'tali mod li jnaqqsu l-inugwaljanzi, jippromwovu l-ġustizzja u jipproteġu lill-unitajiet domestiċi, u għandhom ikunu bbilanċjati sabiex is-sistemi jsiru aktar ġusti u aktar effiċjenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri effettivi biex jiġġieldu l-evitar u l-frodi tat-taxxa bħala mezz importanti biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi ekonomiċi u jitjieb il-ġbir tad-dħul mit-taxxi fl-Istati Membri; ifakkar li rata tat-taxxa minima effettiva għal kumpaniji multinazzjonali kbar fl-Unjoni Ewropea tista' tikkontribwixxi biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tad-dumping fiskali u tiżgura li l-korporazzjonijiet kollha jħallsu s-sehem ġust tagħhom ta' taxxa fuq il-profitti ġġenerati mill-attivitajiet tagħhom fl-UE;

19.  Jinsab imħasseb dwar ix-xenarju ekonomiku attwali, it-tbassir għall-futur qrib u l-impatt li ż-żidiet fil-pagi taħt l-inflazzjoni jista' jkollhom fuq l-istandards tal-għajxien fl-UE; iqis li ż-żieda fil-kapaċità tal-akkwist hija wieħed mill-modi biex jiġi żgurat irkupru ekonomiku ulterjuri, iżda li b'mod ġenerali t-tkabbir fil-pagi mhux se jlaħħaq mal-inflazzjoni matul is-sena li ġejja, b'tali mod li l-ħaddiema se tonqsilhom il-kapaċità tal-akkwist; ifakkar li l-pagi deċenti huma għodda essenzjali li tgħin lill-unitajiet domestiċi jlaħħqu maż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija; jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu kontra l-atti kompetittivi bbażati fuq pagi baxxi u standards tal-kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena, u jimplimentaw malajr id-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Pagi Minimi(4), sabiex, kif inhu rrakkomandat, il-pagi minimi jiżdiedu għal mill-inqas 60 % tas-salarju medjan gross ta' pajjiż jew 50 % tal-medja grossa; jistieden lill-Kummissjoni taħdem biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien u timmonitorja s-sitwazzjoni tal-pagi minimi u tiżgura li s-salarji baxxi, u b'mod partikolari l-pagi minimi, jirriflettu l-għoli tal-ħajja li qed jiżdied; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw pagi minimi adegwati, bl-għan li jinkiseb standard tal-għajxien deċenti, jitnaqqas il-faqar fost il-ħaddiema u jiġu promossi l-koeżjoni soċjali u l-konverġenza soċjali 'l fuq, filwaqt li titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri; jisħaq li, sabiex jiġi estiż is-sehem tal-unitajiet domestiċi fil-faxxa tal-introjtu medju, dawn l-isforzi għandhom jiġu kkombinati ma' politiki li jwessgħu l-kopertura tan-negozjar kollettiv u jagħtu spinta lir-rati ta' sħubija fit-trade unions;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta r-reviżjoni possibbli tad-direttiva Ewropea dwar l-akkwist pubbliku sabiex issaħħaħ il-kopertura tan-negozjar kollettiv billi ġġiegħel lill-kumpaniji jikkonformaw mal-ftehimiet ta' negozjar kollettiv, inkluż it-tisħiħ tal-klawżola soċjali, u tiffavorixxi lill-kumpaniji li jirrispettaw id-drittijiet tax-xogħol u dawk soċjali, filwaqt li teskludi mis-sejħiet għall-offerti lil dawk il-kumpaniji li jkunu ġew issanzjonati minħabba l-involviment tagħhom fi prattiki ta' union-busting;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw pagi deċenti u impjiegi ta' kwalità, kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u jippromwovu saħħa fiżika u mentali tajba, b'mod partikolari permezz tas-sikurezza okkupazzjonali; ifakkar, f'dan il-kuntest, fl-importanza tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u d-dritt għall-iskonnessjoni, b'mod speċjali issa li l-linji bejn l-ambjenti professjonali u dawk privati qed isiru dejjem inqas ċari bl-iżvilupp tat-telexogħol; jilqa' l-ftehim bejn il-Kunsill u l-Parlament dwar id-direttiva dwar it-trasparenza fil-pagi(5) u jitlob l-implimentazzjoni rapida tagħha; jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw ix-xogħol ta' valur ugwali skont kriterji newtrali għall-ġeneru oġġettivi;

22.  Jilqa' l-ftehim dwar l-adozzjoni tal-Fond Soċjali għall-Klima bħala punt ta' tluq ambizzjuż biex jiġi indirizzat l-impatt li l-estensjoni tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għas-setturi tal-bini u tat-trasport bit-triq se jkollha fuq il-mikrointrapriżi, l-utenti tat-trasport u l-unitajiet domestiċi vulnerabbli; jissottolinja li l-objettiv ġenerali huwa li jikkontribwixxi għal tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika fejn ħadd ma jitħalla jibqa' lura; jitlob aktar għodda biex jiġu indirizzati l-impatt mhux ugwali tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali fuq gruppi ta' introjtu differenti kif ukoll il-konsegwenzi soċjali tat-trasformazzjoni tas-soċjetajiet tagħna lejn in-newtralità klimatika; jenfasizza l-urġenza li jiġu adottati strumenti li jippermettu lill-partijiet kollha tas-soċjetà jgawdu l-benefiċċji ta' ekonomija newtrali għall-klima, u li jipproteġu lill-mikrointrapriżi, lill-utenti tat-trasport u lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli kemm mill-impatt tat-tibdil fil-klima kif ukoll min dak tat-tniġġis; jinsisti li l-politiki u l-objettivi soċjali u ambjentali jridu jiġu integrati fuq bażi ugwali ma' dawk ekonomiċi; huwa konvint, f'dan ir-rigward, li l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir huwa skadut u la joffri l-flessibbiltà u lanqas l-arkitettura meħtieġa biex jiġi stabbilit qafas ġdid għall-governanza tal-iżvilupp sostenibbli u l-progress soċjali fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tissalvagwardja d-dritt għas-saħħa u għal ambjent tajjeb għas-saħħa fil-livell tal-UE, peress li dan id-dritt huwa essenzjali kemm biex jiġi żgurat it-twettiq tal-biċċa l-kbira tad-drittijiet fundamentali l-oħrajn kif ukoll biex tinkiseb tranżizzjoni inklużiva;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibnu fuq il-Fond Soċjali għall-Klima u jistabbilixxu s-sisien għall-iżvilupp ta' skemi ta' protezzjoni soċjali ekoloġiċi fil-livell nazzjonali bl-appoġġ tal-UE, sabiex issaħħu r-reżiljenza soċjali kontra l-impatti tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali billi jindirizzaw l-effetti sekondarji tal-politiki ekoloġiċi fuq l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tal-għajxien u jiżguraw li l-komunitajiet milquta jkunu ppreparati bis-sħiħ għal suq tax-xogħol ġdid; jirrimarka li għal dawn l-iskemi jistgħu jiġu kkunsidrati l-aspetti li ġejjin:

   (a) protezzjoni tas-saħħa soċjali għall-persuni milquta minn avvenimenti assoċjati mat-tibdil fil-klima;
   (b) protezzjoni tal-qgħad ikkomplementata minn politiki tax-xogħol attivi għall-ħaddiema li jitilfu s-sigħat tax-xogħol jew l-impjieg tagħhom minħabba kundizzjonijiet klimatiċi estremi jew avvenimenti relatati, jew li jingħataw is-sensja minħabba l-għeluq tal-industriji b'intensità qawwija ta' karbonju;
   (c) programmi ta' xogħlijiet pubbliċi li jipprovdu appoġġ fi flus jew in natura u jikkontribwixxu għar-riabilitazzjoni tal-assi u tal-infrastruttura filwaqt li jtejbu l-ħiliet u l-impjegabbiltà tal-ħaddiema u jiżguraw li jkollhom l-għodod biex jintegraw ruħhom fi swieq tax-xogħol lokali jew ġodda;
   (d) benefiċċji ta' assistenza soċjali għall-persuni milquta minn skossi klimatiċi, li jappoġġaw l-introjtu u s-sigurtà alimentari tagħhom;
   (e) skemi ta' garanzija tal-impjiegi u taħriġ jew riorjentazzjoni professjonali li joħolqu opportunitajiet ġodda għall-ħaddiema u l-komunitajiet li ma jistgħux jibqgħu jaqilgħu l-għajxien tagħhom permezz tal-attivitajiet preċedenti tagħhom minħabba miżuri ta' protezzjoni ambjentali u li jiżguraw li jkunu għadhom jistgħu jiġu inklużi fis-suq tax-xogħol;
   (f) strateġiji ta' żvilupp tal-ħiliet u ta' antiċipazzjoni bl-objettivi li jtejbu l-ħiliet ġeneriċi, settorjali u speċifiċi għall-okkupazzjoni għall-ekonomija ekoloġika;
   (g) skemi ta' finanzjament li jappoġġaw lill-unitajiet domestiċi fir-rinnovazzjonijiet favur l-effiċjenza fl-enerġija sabiex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku;

24.  Jisħaq li l-appoġġ għall-SMEs, inkluż it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi bla bżonn, huwa essenzjali sabiex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jadattaw bis-sħiħ l-attivitajiet tagħhom għat-tranżizzjoni ekoloġika u jżommu l-forza tax-xogħol tagħhom, speċjalment fil-każ ta' negozji ġodda, filwaqt li jiġu ssalvagwardjati l-ogħla livelli ta' protezzjoni tal-ħaddiema u tal-ambjent, u tingħata għajnuna lill-impjegaturi Ewropej biex jinvestu fit-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità;

25.  Jissottolinja l-piż regolatorju fuq l-impjegaturi tal-UE u l-impatt negattiv possibbli tiegħu fuq il-kompetittività, it-tkabbir u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità; ikompli jappoġġa l-prinċipju ta’“One In, One Out” u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar aktar ambizzjuża, li għandha twassal għal tnaqqis tal-piż regolatorju għall-impjegaturi tal-UE;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi direttiva biex tirregola l-kundizzjonijiet tat-telexogħol fl-UE kollha u tiżgura kundizzjonijiet deċenti tax-xogħol u tal-impjieg fl-ekonomija diġitali; iqis li d-dritt għall-iskonnessjoni huwa essenzjali biex jiġi żgurat il-benesseri mentali tal-impjegati u ta' dawk li jaħdmu għal rashom, speċjalment il-ħaddiema nisa u l-ħaddiema f'forom mhux standard ta' xogħol, u għandu jiġi kkomplementat minn direttiva dwar ir-riskji psikosoċjali u l-benesseri fuq il-post tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi, f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali, direttiva dwar l-istandards u l-kundizzjonijiet minimi biex jiġi żgurat li l-ħaddiema kollha jkunu jistgħu jeżerċitaw b'mod effettiv id-dritt tagħhom ta' skonnessjoni; jenfasizza li l-inizjattiva li ġejja tal-Kummissjoni dwar "approċċ komprensiv għas-saħħa mentali" li għandha tiġi ppubblikata f'Ġunju hija opportunità tajba biex jiġu mnedija dawn id-direttivi;

27.  Jenfasizza li, f'sitwazzjoni meta l-popolazzjoni fl-età tax-xogħol qed tiċkien, huwa essenzjali li jkun hemm politiki li jġibu aktar nies fis-suq tax-xogħol; jemmen li l-integrazzjoni tal-migranti fis-suq tax-xogħol se jkollha impatt pożittiv fuq il-provvista tax-xogħol, se tnaqqas in-nuqqasijiet tal-ħaddiema, u se tappoġġa rati ogħla ta' impjieg(6); jinnota, madankollu, li l-ħaddiema migranti għadhom qed jesperjenzaw trattament mhux ugwali u sfruttament tal-ħaddiema; jisħaq li l-ħaddiema migranti kollha għandhom ikunu protetti kontra l-isfruttament, inkluż, billi jiġi ggarantit l-aċċess effettiv tagħhom għall-ġustizzja u r-rimedju; iqis li dan għandu jiġi kkombinat ma' politiki oħra li jippermettu ħajja tax-xogħol aktar b'saħħitha, itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, u jadattaw aħjar is-swieq tax-xogħol għall-ħtiġijiet li jinbidlu tal-ħaddiema tul ħajjithom;

28.  Jitlob l-inklużjoni aħjar tal-gruppi vulnerabbli fis-Semestru Ewropew, l-implimentazzjoni ta' miżuri li jappoġġaw l-impjieg taż-żgħażagħ u tal-anzjani, u opportunitajiet aħjar għall-persuni b'diżabilità, kif ukoll għodod effiċjenti li jipprevjenu d-diskriminazzjoni; jisħaq fuq l-importanza ta' miżuri għall-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi inkluż it-tagħlim tal-lingwi bħala l-bażi għall-komunikazzjoni fl-oqsma kollha tal-operat tan-negozju, li jippermettu l-parteċipazzjoni fit-taħriġ vokazzjonali u t-taħriġ mill-ġdid biex jiġu żviluppati l-kompetenzi rilevanti;

29.  Jisħaq li l-impjegaturi jeħtieġ li jrawmu r-rabtiet interġenerazzjonali fi ħdan il-kumpaniji u t-tagħlim interġenerazzjonali bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani, u viċi versa; jissottolinja li forza tax-xogħol akbar fl-età tista' tgħin lil negozju jiżviluppa prodotti u servizzi ġodda biex jadatta għall-ħtiġijiet ta' soċjetà li qed tixjieħ b'mod iktar kreattiv u produttiv; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu inċentivi biex jinkoraġġixxu t-trasferiment tal-għarfien bejn il-ġenerazzjonijiet u miżuri speċifiċi li jiffaċilitaw l-impjieg taż-żgħażagħ u t-tranżizzjoni ta' qabel l-irtirar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-impatti possibbli fuq iż-żgħażagħ fil-valutazzjonijiet tal-politiki, f'konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ;

30.  Jinsab imħasseb dwar in-numru għoli ta' persuni li jitilqu kmieni mill-iskola, minħabba li dawn jinsabu f'riskju li jispiċċaw qiegħda u jkomplu jsaħħu ċ-ċiklu tal-faqar ġenerazzjonali, peress li, fl-2021, 11,4 % taż-żgħażagħ irġiel u 7,9 % taż-żgħażagħ nisa fl-UE telqu kmieni mill-edukazzjoni jew mit-taħriġ; jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina, flimkien mal-Istati Membri, mas-soċjetà ċivili u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet xierqa biex it-tfal u ż-żgħażagħ jibqgħu jmorru l-iskola; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-aċċess għaż-żgħażagħ għal traineeships u apprendistati mħallsa, ta' kwalità u inklużivi; jinsisti li ż-żgħażagħ jiksbu l-ewwel esperjenza ta' xogħol adegwata u ta' kwalità, u jingħataw opportunitajiet ta' titjib tal-ħiliet u kwalifiki jew kredenzjali ġodda; jikkundanna l-prattika ta' traineeships mhux imħallsa bħala forma ta' sfruttament tal-ħaddiema żgħażagħ, u ksur tad-drittijiet tagħhom, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, b'kollaborazzjoni mal-Parlament, u b'rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, itemmu t-traineeships mhux imħallsa u jipproponu qafas legali komuni biex tkun żgurata remunerazzjoni ġusta għat-traineeships u l-apprendistati sabiex jiġu evitati l-prattiki ta' sfruttament; jikkundanna l-prattika ta' kuntratti ta' żero sigħat u jistieden lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ lill-impjegaturi li jipprovdu traineeships u apprendistati liż-żgħażagħ b'diżabilità; jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina l-istrumenti Ewropej eżistenti bħall-Qafas ta' Kwalità għat-Traineeships u l-Qafas Ewropew għal Apprendistati ta' Kwalità u Effettivi u tinkludi kriterji ta' kwalità għall-offerti magħmula liż-żgħażagħ, inklużi l-prinċipju ta' remunerazzjoni ġusta għat-trainees u l-interns, l-aċċess għall-protezzjoni soċjali, l-impjiegi sostenibbli u d-drittijiet soċjali;

31.  Jinsab imħasseb dwar id-diskrepanzi bejn l-analiżi u r-rakkomandazzjonijiet taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) dwar il-politika tal-ħiliet u l-politiki implimentati fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, li jistgħu jkunu qed jikkawżaw ineffiċjenzi; jiġbed l-attenzjoni għall-evidenza stipulata fir-rapporti tas-Cedefop dwar l-użu insuffiċjenti tal-ħiliet, il-kwalifiki eċċessivi, id-domandi baxxi tal-ħiliet u l-kumplessità limitata f'ħafna impjiegi Ewropej u l-livell relattivament modest ta' domandi tal-ħiliet diġitali fl-Ewropa, peress li dan jista' jfixkel it-tranżizzjoni diġitali u jkollu impatt fuq il-kompetittività tal-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti u tikkoordina azzjonijiet politiċi li jikkontribwixxu biex jiżdied in-numru ta' impjiegi aktar kumplessi diġitalment u tiffaċilita t-tfassil ta' inċentivi li jagħtu spinta lit-titjib fil-ħiliet diġitali tal-ħaddiema; inklużi t-taħriġ u l-edukazzjoni tul il-ħajja; jenfasizza li tali inizjattivi għandhom ikunu mmirati wkoll lejn il-minoranzi u l-gruppi vulnerabbli biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-suq tax-xogħol għal kulħadd peress li 45 % tal-forza tax-xogħol tal-UE jemmnu li jeħtieġu għarfien u ħiliet ġodda minħabba t-teknoloġiji diġitali ġodda fuq il-post tax-xogħol tagħhom;

32.  Ifakkar li l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità tajba u l-implimentazzjoni ta' strateġiji ta' żamma huma l-aħjar mod biex tiġi attirata forza tax-xogħol tas-sengħa u biex l-impjegaturi jiġu inċentivati ħalli jinvestu fil-ħaddiema tagħhom; jenfasizza li r-rapporti tas-Cedefop jenfasizzaw li d-diffikultajiet ta' reklutaġġ (inklużi dawk dovuti għall-ispariġġ fil-ħiliet) jirriflettu wkoll sa punt konsiderevoli kwalità ħażina tal-impjiegi, nuqqas ta' politika tar-riżorsi umani orjentata lejn in-nies u opportunitajiet ta' tfassil tax-xogħol mhux sfruttati; jistieden lill-Kummissjoni tikkontribwixxi għall-indirizzar tad-differenzi fil-kompetenzi li jeżistu fl-Ewropa u tirrevedi l-politiki tagħha ta' tiġdid u titjib tal-ħiliet fid-dawl tas-sejbiet tas-Cedefop; jenfasizza l-ħtieġa akuta ta' aktar appoġġ għat-taħriġ tul il-ħajja u r-riorjentazzjoni professjonali f'konformità mal-mira tal-2030 li mill-inqas 60 % tal-adulti kollha jsegwu taħriġ kull sena;

33.  Jisħaq li l-antiċipazzjoni tas-suq tax-xogħol iwasslu għal ekonomiji iktar reżiljenti, u dan jirrikjedi politiki attivi tas-suq tax-xogħol, inklużi t-titjib u t-tiġdid tal-ħiliet tal-ħaddiema, kif ukoll sistemi ta' protezzjoni soċjali b'saħħithom; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' ħaddiema rapportat f'ħafna okkupazzjonijiet, b'mod partikolari dawk relatati mal-kwalifiki tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, l-arti u l-matematika (STEM), mal-edukazzjoni u mal-kura tas-saħħa; jisħaq kemm fuq il-ħtieġa li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, peress li dan jgħin ukoll biex jittaffew in-nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol, kif ukoll fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-programmi edukattivi tal-UE, filwaqt li jiġu appoġġati l-isforzi tal-impjegati u tal-għalliema biex iħarrġu l-ħiliet it-tajba;

34.  Jitlob li l-istrateġija ekoloġika industrijali tal-UE tiżgura li l-impjiegi tal-futur mhux biss ikunu ekoloġiċi, iżda fuq kollox ikunu deċenti, imħallsa tajjeb, u bbażati fuq kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin, b'saħħa u sikurezza okkupazzjonali, protezzjoni soċjali robusta u ugwaljanza bejn il-ġeneri; jitlob ukoll li tiżgura li n-nies ikunu remunerati b'mod adegwat f'konformità mal-kwalifiki u l-kompetenzi ċċertifikati tagħhom; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi biex titrawwem konverġenza soċjali u ekonomika kif ukoll biex jiġi evitat distakk dejjem akbar fl-appoġġ u l-investiment pubbliku minħabba l-kapaċitajiet fiskali differenti tal-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu tajjeb mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, u fondi u pjattaformi rilevanti oħra tal-UE, sabiex jiżguraw li l-impjiegi li qed jiġu eliminati b'mod gradwali b'riżultat tat-tranżizzjoni ekoloġika jiġu sostitwiti b'impjiegi ta' kwalità fl-istess oqsma; jenfasizza, f'dan is-sens, il-potenzjal tal-ekonomija ċirkolari kif ukoll ir-rwol li l-proċessi ta' akkwist pubbliku għandu jkollhom fil-promozzjoni tan-negozjar kollettiv u ta' kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin; jisħaq li politika ekoloġika industrijali tal-UE tista' ssir wieħed mis-sorsi ewlenin ta' ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa fis-snin li ġejjin, kemm fis-setturi emerġenti kif ukoll f'dawk tradizzjonali, b'riflessjoni tal-fatt li l-attivitajiet ekonomiċi sostenibbli jirrikjedu ħafna iktar ħaddiema mill-attivitajiet li jissostitwixxu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-pjan industrijali tal-UE jikseb tranżizzjoni ġusta u objettivi li jinkludu l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità b'kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u paga tajba, il-promozzjoni tan-negozjar kollettiv u l-aderenza mal-ftehimiet kollettivi;

35.  Ifakkar fir-rwol kruċjali tas-sħab soċjali Ewropej, nazzjonali u settorjali fl-antiċipazzjoni tat-tibdil; jenfasizza l-ħtieġa li t-trade unions u r-rappreżentanti tal-ħaddiema jiġu infurmati u kkonsultati mill-qrib fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, sabiex jiġu żgurati tranżizzjonijiet ġusti; jistieden lill-Istati Membri jikkonsultaw lis-sħab soċjali matul it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali (programmi nazzjonali ta' riforma pjanijiet ta' stabbiltà/konverġenza jew pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza); jisħaq fuq ir-rwol kritiku tan-negozjar kollettiv biex jiġu żgurati l-ogħla standards ta' saħħa u sikurezza okkupazzjonali, l-iżviluppi tal-ħiliet rilevanti u l-antiċipazzjoni strateġika tat-tibdil; jisħaq li d-drittijiet tal-bniedem Ewropej u internazzjonali jiggarantixxu li l-ħaddiema kollha jkollhom id-dritt li jorganizzaw, jiffurmaw u jissieħbu ma' trade union, jinvolvu ruħhom f'negozjar kollettiv, jieħdu azzjoni kollettiva biex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jgawdu l-protezzjoni fl-ambitu tal-ftehimiet kollettivi; jistieden lill-Istati Membri jneħħu kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali li tfixkel in-negozjar kollettiv, inkluż billi jiżguraw l-aċċess tat-trade unions għall-postijiet tax-xogħol għall-fini ta' organizzazzjoni, kondiviżjoni ta' informazzjoni u konsultazzjoni, sabiex tissaħħaħ ir-rappreżentanza tal-ħaddiema;

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Eurofound, The cost-of-living crisis and energy poverty in the EU: Social impact and policy responses – Background paper (Il-kriżi tal-għoli tal-ħajja u l-faqar enerġetiku fl-UE: Impatt soċjali u risponsi ta' politika – Dokument ta' sfond), 2022.
(2) Eurostat, Key Figures on European Businesses (Ċifri ewlenin dwar in-negozji Ewropej), Edizzjoni 2022, p. 10.
(3) Ewropa Soċjali: Stħarriġ tal-Ewrobarometru juri li l-Ewropej jappoġġaw politiki soċjali aktar b'saħħithom u aktar infiq soċjali.
(4) Id-Direttiva (UE) 2022/2041 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 275, 25.10.2022, p. 33).
(5) Il-proposta għal Direttiva għat-tisħiħ tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta' trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi ta' infurzar (COM(2021)0093).
(6) https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Migrant_integration_statistics.


Rapport ta' implimentazzjoni dwar il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE
PDF 178kWORD 58k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2023 dwar ir-rapport ta' implimentazzjoni dwar il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE (2020/2202(INI))
P9_TA(2023)0080A9-0052/2023

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika(1) ("il-Ftehim dwar il-Ħruġ") inkluż il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq mehmuż miegħu ("il-Protokoll"),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni politika li tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit(2), li takkumpanja l-Ftehim dwar il-Ħruġ,

–  wara li kkunsidra l-ftehim fil-prinċipju mħabbar dwar il-Qafas ta' Windsor;

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Belfast (tal-Ġimgħa l-Kbira) tal-10 ta' April 1998, iffirmat mill-Gvern tar-Renju Unit, mill-Gvern tal-Irlanda u mill-parteċipanti l-oħra fin-negozjati multipartitiċi (il-"Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira"),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta' April 2017 dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea(3), tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit(4), tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit(5), tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit(6), tat-18 ta' Settembru 2019 dwar il-qagħda kurrenti tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea(7), tal-15 ta' Jannar 2020 dwar l-implimentazzjoni u s-sorveljanza tad-dispożizzjonijiet rigward id-drittijiet taċ-ċittadini fil-Ftehim dwar il-Ħruġ(8), tat-12 ta' Frar 2020 dwar il-mandat propost għan-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq(9), tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq(10), tat-28 ta' April 2021 dwar l-eżitu tan-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit(11) u tas-16 ta' Frar 2022 dwar il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea(12),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tad-29 ta' Jannar 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika(13),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra(14) (il-"Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni"),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A9-0052/2023),

A.  billi l-Ftehim dwar il-Ħruġ konkluż bejn l-UE u r-Renju Unit daħal fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2020;

B.  billi l-Ftehim dwar il-Ħruġ ippermetta l-ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea; billi l-Ftehim dwar il-Ħruġ stabbilixxa Kumitat Konġunt, li huwa responsabbli għall-monitoraġġ u għall-promozzjoni tal-implimentazzjoni u tal-applikazzjoni tal-ftehim; billi l-Ftehim dwar il-Ħruġ stabbilixxa sitt kumitati speċjalizzati li jkopru l-oqsma li ġejjin: id-drittijiet taċ-ċittadini, dispożizzjonijiet ta' separazzjoni oħra, l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq, Ġibiltà, iż-żoni ta' bażi sovrana f'Ċipru, u d-dispożizzjonijiet finanzjarji;

C.  billi l-Ftehim dwar il-Ħruġ, b'mod partikolari l-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq, u l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jikkostitwixxu qafas komuni għar-relazzjoni tar-Renju Unit mal-UE; billi ż-żewġ ftehimiet intlaħaq qbil dwarhom u ġew ratifikati mill-UE u mir-Renju Unit u huma trattati legalment vinkolanti skont id-dritt pubbliku internazzjonali; billi r-relazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit trid tkun ibbażata fuq ir-rispett sħiħ għal dawk l-impenji internazzjonali; billi l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (FKK) huwa bbażat fuq l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u tal-Protokoll, li jfisser li l-isfidi ta' implimentazzjoni fl-ambitu tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u tal-Protokoll huma għalhekk marbuta b'mod inseparabbli mal-FKK; billi dawk l-isfidi ta' implimentazzjoni jista' jkollhom implikazzjonijiet estensivi u konsegwenzi serji għar-relazzjoni usa' bejn l-UE u r-Renju Unit;

D.  billi t-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit u taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu fl-UE; billi l-protezzjoni ta' dawn id-drittijiet tibqa' għaddejja legalment lil hinn mit-tlestija tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE;

E.  billi l-inkonsistenza bejn l-istatus mogħti fl-ambitu tal-Iskema għall-Kisba tal-Istatus ta' Stabbilit għaċ-Ċittadini tal-UE (EUSS) u d-drittijiet previsti mill-Ftehim dwar il-Ħruġ tista' toħloq riskju ta' inċertezza legali għaċ-ċittadini tal-UE;

F.  billi l-Awtorità ta' Monitoraġġ Indipendenti (IMA) tar-Renju Unit għall-Ftehimiet dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini ġiet stabbilita fil-31 ta' Diċembru 2020;

G.  billi aderenza kontinwa mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem kienet wieħed mir-rekwiżiti essenzjali fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, b'mod partikolari fir-rigward tal-infurzar tal-liġi u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali; billi l-Ftehim dwar il-Ħruġ jiddikjara li ma jrid ikun hemm "l-ebda tnaqqis ta' drittijiet, salvagwardji jew ugwaljanza ta' opportunitajiet" għan-nies fl-Irlanda ta' Fuq;

H.  billi l-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi saldu finanzjarju ordnat u ġust mar-Renju Unit;

I.  billi, fl-10 ta' April 1998, il-Ftehim ta' Belfast (tal-Ġimgħa l-Kbira) ġie ffirmat mill-Gvern tar-Renju Unit, mill-Gvern tal-Irlanda u mill-parteċipanti l-oħra fin-negozjati multipartitiċi; billi l-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq jevita "fruntiera fiżika" fuq il-gżira tal-Irlanda, jiżgura l-funzjonament ta' ekonomija fil-gżira kollha kemm hi u jissalvagwardja d-dimensjonijiet kollha tal-Ftehim ta' Belfast (tal-Ġimgħa l-Kbira), filwaqt li jipproteġi l-integrità tas-suq uniku tal-UE; billi wara snin ta' negozjati intensi mar-Renju Unit, il-Protokoll kien l-unika soluzzjoni li nstabet; billi għaldaqstant dan jipprovdi l-uniku qafas biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi speċifiċi għall-Irlanda ta' Fuq tad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mis-suq uniku u mill-unjoni doganali;

J.  billi fit-13 ta' Ottubru 2021, il-Kummissjoni, f'turija ta' flessibilità u prammatiżmu, ipproponiet għadd ta' proposti estensivi biex tagħmel l-implimentazzjoni tal-Protokoll aktar flessibbli;

K.  billi r-Renju Unit ma żammx l-obbligi internazzjonali tiegħu billi adotta u estenda b'mod unilaterali l-perjodi ta' grazzja; billi, bħala riżultat ta' din l-estensjoni unilaterali, inkisru għadd ta' aspetti ċentrali tal-Protokoll;

L.  billi r-Renju Unit reċentement ressaq l-Abbozz ta' Liġi rigward il-Protokoll dwar l-Irlanda ta' Fuq li għandu l-għan li b'mod unilaterali ma jibqax japplika diversi dispożizzjonijiet tal-Protokoll; billi tali proposta tikkostitwixxi ksur ċar u inaċċettabbli tal-impenji internazzjonali fl-ambitu tal-Ftehim dwar il-Ħruġ;

M.  billi l-ftehim fil-prinċipju mħabbar dan l-aħħar dwar il-Qafas ta' Windsor jistabbilixxi t-termini għal implimentazzjoni flessibbli iżda effettiva tal-Protokoll; billi l-Gvern tar-Renju Unit ħabbar, f'dan il-kuntest, il-waqfien u s-sospensjoni tal-Abbozz ta' Liġi propost rigward il-Protokoll dwar l-Irlanda ta' Fuq;

N.  billi uffiċjali eletti u partijiet ikkonċernati fl-Irlanda ta' Fuq għandhom għarfien u esperjenza diretti tal-konsegwenzi prattiċi tal-implimentazzjoni tal-Protokoll;

O.  billi huwa neċessarju li jiġu ppreservati kundizzjonijiet ekwivalenti u ċertezza legali għan-negozji u għaċ-ċittadini;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Ifakkar li l-Ftehim dwar il-Ħruġ ippermetta l-ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-UE, filwaqt li mminimizza t-tfixkil soċjali u ekonomiku u evita xenarju ta' "preċipizju"; ifakkar li n-negozjar tiegħu kien proċess politiku storiku iżda kkumplikat u twil li għalih iż-żewġ partijiet iddedikaw riżorsi politiċi, amministrattivi u finanzjarji konsiderevoli; jirrimarka li dan kien perjodu ta' inċertezza kbira ħafna għall-EU-27, għar-Renju Unit u għall-partijiet ikkonċernati rispettivi tagħhom; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Ftehim dwar il-Ħruġ għadu ma ġiex implimentat bis-sħiħ; jissottolinja li l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, li huma bbażati fuq id-dritt internazzjonali, hija u se tibqa' dejjem prijorità ewlenija għall-UE;

2.  Jinnota li, kif mistenni, il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE rriżulta f'interruzzjonijiet fil-kummerċ u fil-ktajjen tal-provvista bejn l-UE u r-Renju Unit, f'aktar inċertezzi għaċ-ċittadini u għan-negozji, u fi spejjeż dejjem jiżdiedu għan-negozjanti f'diversi setturi, għall-investituri u għall-industrija minħabba nuqqas ta' trasport, dewmien fit-trasport marittimu, diffikultajiet fil-konformità mar-regoli tal-importazzjoni li qed jinbidlu u taqlib fil-fruntieri doganali li rriżultaw minn sistemi regolatorji doppji u formalitajiet addizzjonali; jinnota, għalhekk, li l-Brexit wera li huwa ta' ħsara għal dawk kollha kkonċernati, u aktar u aktar għar-Renju Unit; jinnota li r-reġjuni involuti fi proġetti Interreg mar-Renju Unit ġew affettwati b'mod partikolari; jirrimarka li s-sitwazzjoni kienet tkun ħafna agħar għaċ-ċittadini, għan-negozji u għall-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-UE u fir-Renju Unit bl-istess mod mingħajr il-Ftehim dwar il-Ħruġ;

3.  Jenfasizza li l-Ftehim dwar il-Ħruġ ipprovda l-qafas legali għas-salvagwardja tad-drittijiet taċ-ċittadini; tiġi evitata "fruntiera fiżika" fuq il-gżira tal-Irlanda u jiġi rrispettat il-Ftehim ta' Belfast (tal-Ġimgħa l-Kbira), filwaqt li jiġu protetti l-integrità u l-funzjonament tas-suq uniku u l-unjoni doganali tal-UE, tiġi żgurata soluzzjoni finanzjarja ġusta u jiġu stabbiliti sistema effettiva għas-soluzzjoni tat-tilwim u istituzzjonijiet konġunti biex jimmonitorjaw u jinfurzaw l-implimentazzjoni tagħha;

4.  Jinnota li għad irid isir xi titjib importanti biex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet taċ-ċittadini u li l-ewwel tliet snin tal-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ ittebbgħu mill-ksur kontinwu mir-Renju Unit tal-impenji tiegħu, kif ukoll minn aktar theddid ta' ksur, fl-ambitu tal-Protokoll;

5.  Itenni li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Ħruġ iridu jiġu rispettati u implimentati; jisħaq li l-konformità mat-trattati tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt internazzjonali u li r-relazzjoni ta' fiduċja bejn l-UE u r-Renju Unit tiddependi fuq ir-rispett tal-partijiet kollha tal-impenji legalment vinkolanti tagħhom;

6.  Ifakkar li l-Ftehim dwar il-Ħruġ għandu effett dirett fuq l-ordinamenti ġuridiċi rispettivi tal-UE u tar-Renju Unit; jirrimarka li d-dispożizzjonijiet tiegħu jistgħu jiġu invokati direttament fil-qrati nazzjonali mis-suġġetti ġuridiċi kkonċernati; jissottolinja li kwalunkwe miżura ta' implimentazzjoni nazzjonali kontradittorja trid tiġi injorata u ma tistax tiġi infurzata;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ppreservat ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), li huwa meħtieġ biex jiġi interpretat d-dritt applikabbli tal-UE; ifakkar li l-qrati tar-Renju Unit jeħtiġilhom iqisu b'mod xieraq il-każistika tal-QĠUE stabbilita wara l-perjodu tranżitorju, u jenfasizza li d-drittijiet garantiti mit-taqsima dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jistgħu jiġu invokati direttament miċ-ċittadini tal-UE fil-qrati tar-Renju Unit u miċ-ċittadini tar-Renju Unit fil-qrati tal-Istati Membri; ifakkar ukoll li l-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprovdi rwol għall-QĠUE, billi jippermetti lill-qrati tar-Renju Unit jitolbuha, taħt ċerti kundizzjonijiet, deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tat-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ għal tmien snin wara tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni;

Id-drittijiet taċ-ċittadini

8.  Ifakkar li t-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi li ċ-ċittadini kollha tal-UE li kienu jirrisjedu legalment fir-Renju Unit u ċ-ċittadini kollha tar-Renju Unit li kienu jirrisjedu legalment fl-EU-27 fl-aħħar tal-perjodu ta' tranżizzjoni fil-31 ta' Diċembru 2020 u li għadhom jagħmlu hekk, igawdu s-sett sħiħ ta' drittijiet kif stabbiliti skont id-dritt tal-Unjoni u kif inhuma interpretati mill-QĠUE; ifakkar li t-tfal huma protetti wkoll mill-Ftehim dwar il-Ħruġ, dment li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 10(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ ikunu ssodisfati; jisħaq li l-implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Ħruġ relatati mad-drittijiet taċ-ċittadini hija meħtieġa biex tissalvagwardja dawk id-drittijiet u tipprovdi ċ-ċertezza legali meħtieġa miċ-ċittadini tal-UE u tar-Renju Unit u l-familji tagħhom;

9.  Ifakkar, kif enfasizzat fl-Artikolu 5 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li l-UE u r-Renju Unit għandhom, b'rispett reċiproku sħiħ u bona fide, jassistu lil xulxin fir-rigward tal-kompiti li jirriżultaw mill-Ftehim dwar il-Ħruġ.

10.  Jilqa' l-istabbiliment tal-EUSS min-naħa tar-Renju Unit biex tissodisfa l-obbligi tagħha fil-konfront taċ-ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom, iżda jtenni wkoll it-tħassib tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' ċarezza legali, peress li l-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà stabbiliti mir-Renju Unit għall-aċċess għad-drittijiet fl-ambitu tal-EUSS xorta għadhom differenti minn dawk previsti fil-Ftehim dwar il-Ħruġ; ifakkar li l-Ftehim dwar il-Ħruġ jagħmilha ċara li l-proċeduri amministrattivi taħt sistema kostituttiva jridu jkunu "mingħajr intoppi, trasparenti u sempliċi";

11.  Jinnota li, sal-31 ta' Diċembru 2022, u fl-ambitu tal-EUSS, ir-Renju Unit irċieva  7 040 670 applikazzjoni li minnhom 988 440 waslu wara l-iskadenza tat-30 ta' Ġunju 2021; jinnota li mill-eżiti konklużi, 50 % (3 420 270) ingħataw status ta' stabbilit, 39 % (2 707 800) ingħataw biss status li jippreċedi l-istatus ta' stabbilit u 11 % kellhom eżiti oħra (inklużi 442 770 applikazzjoni rifjutata, 152 990 applikazzjoni rtirata jew nulla, u 135 840 applikazzjoni invalida);

12.  Huwa mħasseb ħafna dwar l-inkonsistenzi fir-rigward tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, pereżempju bil-fatt li ċ-ċittadini tal-UE bi status li jippreċedi l-istatus ta' stabbilit jeħtiġilhom iressqu t-tieni applikazzjoni biex jiksbu status ta' stabbilit, li jista' jwassal għal telf awtomatiku u illegali tad-drittijiet tagħhom; ifakkar li l-ewwel mewġa ta' ċittadini tal-UE bi status li jippreċedi l-istatus ta' stabbilit li jeħtiġilhom japplikaw għall-istatus ta' stabbilit se jkollhom jibdew iressqu l-applikazzjonijiet tagħhom fit-tieni nofs tal-2023; jesprimi tħassib li, matul it-tieni applikazzjoni tagħhom, iċ-ċittadini eliġibbli tal-UE se jkollhom jagħtu prova ta' residenza kontinwa, u b'hekk il-proċedura ta' applikazzjoni għal status ta' stabbilit issir aktar oneruża mill-proċedura għal status li jippreċedi l-istatus ta' stabbilit;

13.  Ifakkar li dawk il-persuni li għadhom ma kisbux id-drittijiet ta' residenza permanenti – jiġifieri dawk li ma għexux fl-Istat ospitanti għal tal-anqas ħames snin – xorta għadhom kompletament protetti mill-Ftehim dwar il-Ħruġ u se jkunu jistgħu jibqgħu jirrisjedu fl-Istat ospitanti u jiksbu drittijiet ta' residenza permanenti fl-Istat ospitanti wara li jagħlqu ħames snin bħala residenti;

14.  Jinnota li l-iskadenza għall-biċċa l-kbira taċ-ċittadini tal-UE biex japplikaw għal status ta' stabbilit għalqet fit-30 ta' Ġunju 2021; jisħaq li, skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ, iċ-ċittadini tal-UE u l-familji tagħhom li jistgħu juru raġunijiet raġonevoli għalfejn ma rrispettawx l-iskadenzi xorta jistgħu japplikaw għall-EUSS; jirrikonoxxi li l-Gvern tar-Renju Unit għażel li ma jirrifjuta ebda applikazzjoni mressqa wara l-iskadenza uffiċjali; jilqa' l-flessibbiltà murija mill-Gvern tar-Renju Unit f'dak ir-rigward; jinsab xorta mħasseb, madankollu, dwar is-sitwazzjoni tal-applikanti li ressqu l-applikazzjoni tard, peress li ħafna ċittadini għadhom ma jafux x'inhu l-istatus tal-immigrazzjoni tagħhom;

15.  Jinsab imħasseb dwar id-dewmien twil ħafna fit-teħid tad-deċiżjonijiet mill-Gvern tar-Renju Unit b'rabta mad-drittijiet taċ-ċittadini; jinnota li, minn Diċembru 2022, 181 000  applikazzjoni kienu qed jistennew deċiżjoni; jinsab partikolarment imħasseb dwar id-dewmien fir-rigward ta' każijiet ta' riunifikazzjoni tal-familja; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-dewmien fit-teħid tad-deċiżjonijiet għal każijiet ta' riunifikazzjoni tal-familja żdied minn medja ta' 95 jum kalendarju f'Lulju 2021 għal 291 jum kalendarju f'Ġunju 2022; jistieden lill-Gvern tar-Renju Unit jagħmel l-almu tiegħu biex iħaffef il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu;

16.  Ifaħħar il-ħidma tal-IMA, li r-rwol tagħha huwa li tiżgura li l-awtoritajiet tar-Renju Unit jimplimentaw b'mod adegwat u effettiv id-drittijiet previsti fil-ftehimiet dwar id-drittijiet taċ-ċittadini; itenni l-importanza li jiġi żgurat li l-IMA tkun tista' twettaq ir-rwol tagħha b'mod ġenwinament indipendenti;

17.  Jilqa' r-rapport dwar it-tieni stħarriġ tal-IMA ta' Lulju 2022; jinnota, bi tħassib, li tlieta minn kull erbgħa li wieġbu ma kinux semgħu dwar l-IMA qabel l-istħarriġ tal-2022; jistieden lill-IMA ttejjeb l-isforzi tagħha ta' komunikazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni;

18.  Jilqa' u kien qiegħed isegwi mill-qrib l-isfida legali mressqa mill-IMA f'Diċembru 2021 quddiem il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja tar-Renju Unit dwar il-pożizzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit li ċ-ċittadini tal-UE li jonqsu jew milli japplikaw għal status ta' stabbilit inkella milli jerġgħu japplikaw għal status li jippreċedi l-istatus ta' stabbilit qabel l-iskadenza tal-istatus tagħhom li jippreċedi l-istatus ta' stabbilit awtomatikament jitilfu d-drittijiet tagħhom; jinnota li, fis-sentenza li ngħatat fil-21 ta' Diċembru 2022, il-Qorti Għolja tar-Renju Unit iddikjarat li l-EUSS, bil-mod kif qiegħda taħdem bħalissa, hija illegali f'dan ir-rigward; jappoġġa l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fil-proċedimenti tal-qorti; jilqa' t-tħabbira reċenti mill-Home Office tar-Renju Unit li tikkonferma li mhux se jappella s-sentenza u jistenna li din tiġi implimentata malajr; jisħaq li, skont l-Artikolu 15(3) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, ladarba ċ-ċittadini jiksbu d-dritt ta' residenza permanenti, dan jista' jintilef biss permezz ta' assenza mill-Istat ospitanti għal perjodu li jaqbeż ħames snin konsekuttivi;

19.  Jenfasizza r-rwol tal-Kumitat Speċjalizzat dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini fl-iffaċilitar tal-applikazzjoni tat-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ; jenfasizza l-importanza tal-ħidma tiegħu u tar-rapporti tiegħu dwar l-implimentazzjoni tad-drittijiet ta' residenza; jistieden lill-Istati Membri u lir-Renju Unit ikomplu jipprovdu informazzjoni statistika kompluta u aġġornata lill-Kumitat Speċjalizzat dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Gvern tar-Renju Unit jerġgħu jlaqqgħu l-Kumitat Speċjalizzat dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini malajr kemm jista' jkun u jkomplu jorganizzaw laqgħat kull tliet xhur sakemm il-kwistjonijiet kollha mqajma jkunu ġew indirizzati bis-sħiħ;

20.  Jilqa' s-sitt rapport konġunt dwar l-implimentazzjoni tad-drittijiet ta' residenza skont it-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tas-26 ta' Jannar 2022; jieħu nota tal-pubblikazzjoni regolari ta' rapporti konġunti dwar l-implimentazzjoni tad-drittijiet ta' residenza fl-ambitu tal-Ftehim dwar il-Ħruġ mill-Kumitat Speċjalizzat dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini, u tar-rapporti annwali mis-segretarjat tal-kumitat lill-Kumitat Konġunt; jenfasizza l-utilità tagħhom fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tat-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ;

21.  Itenni l-fehma tiegħu li tingħata ċertezza akbar liċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit jekk jinħarġilhom dokument fiżiku, li għandu jikkomplementa l-istatus diġitali eżistenti tagħhom, bħala prova tad-drittijiet tagħhom bħala residenti; jesprimi t-tħassib tiegħu li l-approċċ diġitali biss jista' jkollu effett negattiv u diskriminatorju fuq l-applikanti minn gruppi vulnerabbli u jitlob li tingħata għajnuna f'każijiet bħal dawn; ifakkar il-pożizzjoni tiegħu li sistema dikjaratorja tipprovdi saħansitra aktar ċertezza legali għaċ-ċittadini kkonċernati, filwaqt li ttaffi l-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet tar-Renju Unit;

22.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-diffikultajiet li ċ-ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom jistgħu jesperjenzaw meta jippruvaw jirritornaw lejn ir-Renju Unit minħabba n-nuqqas ta' għarfien tal-linji tal-ajru dwar il-proċess diġitali għall-verifika tal-istatus ta' stabbilit jew li jippreċedi l-istatus ta' stabbilit u n-nuqqas ta' kapaċità tagħhom li jivverifikaw dan fil-gates tal-ajruport qabel ma jitilgħu abbord; jistieden lill-Gvern tar-Renju Unit ikompli jaħdem mat-trasportaturi biex jinstabu soluzzjonijiet;

23.  Jiddispjaċih dwar id-dewmien dejjem akbar biex jinħarġu d-dokumenti ta' residenza u viżi ta' dħul għaċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Renju Unit jiżviluppaw pjanijiet biex inaqqsu l-għadd ta' applikazzjonijiet pendenti;

24.  Jiddeplora d-deċiżjoni tar-Renju Unit li jimponi tariffi differenti għall-applikanti għal viża skont il-pajjiżi tal-UE ta' oriġini tagħhom;

25.  Jistieden lill-Gvern tar-Renju Unit ikompli jiggarantixxi d-drittijiet ta' residenza taċ-ċittadini tal-UE li jinsabu l-ħabs bi status li jippreċedi l-istatus ta' stabbilit, kif previst mill-Ftehim dwar il-Ħruġ;

26.  Jinsab imħasseb dwar id-diffikultajiet li jiffaċċjaw iċ-ċittadini tar-Renju Unit biex jiċċaraw l-istatus tagħhom f'xi pajjiżi tal-UE; jistieden lill-Istati Membri juru flessibbiltà fir-rigward tal-ipproċessar ta' applikazzjonijiet li jkunu waslu tard; jistieden lill-Istati Membri li għażlu implimentazzjoni skont l-Artikolu 18(4), li ma tirrikjedix proċess ta' applikazzjoni biex jiġu kkonfermati d-drittijiet skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ, jindirizzaw it-tħassib tar-Renju Unit relatat mal-evidenza tal-istatus u l-kapaċità taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu fl-UE li jaċċessaw il-benefiċċji u s-servizzi; jilqa' l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex tipprovdi gwida lill-Istati Membri f'dan ir-rigward; jistieden lill-Istati Membri b'sistema kostituttiva jikkunsidraw l-adozzjoni ta' sistema dikjaratorja jew partijiet minn tali sistema;

27.  Jenfasizza l-importanza tal-organizzazzjonijiet fil-livell lokali biex jippromwovu r-rispett tad-drittijiet taċ-ċittadini fir-Renju Unit u fl-UE fl-ambitu tal-Ftehim dwar il-Ħruġ; jinnota b'dispjaċir li wħud mill-organizzazzjonijiet li jippromwovu d-drittijiet taċ-ċittadini tar-Renju Unit fl-Ewropa kellhom iwaqqfu l-ħidma tagħhom minħabba nuqqas ta' fondi;

28.  Itenni li d-drittijiet taċ-ċittadini huma prijorità ewlenija għall-Parlament u jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jimmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, sabiex dawk id-drittijiet jiġu protetti bis-sħiħ;

29.  Ifakkar li kwalunkwe ċittadin tal-UE li jirrisjedi fir-Renju Unit għandu d-dritt li jressaq petizzjoni lill-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE); ifakkar li ċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu fl-UE wkoll iżommu d-dritt li jressqu petizzjoni lill-Parlament;

30.  Jistieden lill-awtoritajiet tar-Renju Unit jiggarantixxu d-drittijiet soċjali u tal-impjiegi taċ-ċittadini tal-UE u l-libertà tal-moviment tal-ħaddiema transfruntiera abbażi tan-nondiskriminazzjoni u r-reċiproċità;

Il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq

31.  Ifakkar li l-Protokoll intlaħaq qbil dwaru bħala kompromess biex jiġu ssalvagwardjati l-partijiet kollha tal-Ftehim ta' Belfast (tal-Ġimgħa l-Kbira) u jiġi evitat l-istabbiliment ta' "fruntiera fiżika" fuq il-gżira tal-Irlanda, filwaqt li tiġi protetta l-integrità tas-suq uniku tal-UE; ifakkar, barra minn hekk, li l-verżjoni finali tal-Protokoll kienet fil-fatt proposta mill-Gvern tar-Renju Unit, li wasslet għall-abbandun ta' verżjonijiet preċedenti tal-"garanzija ta' kontinġenza"; jinnota li, sa issa, l-applikazzjoni tal-Protokoll uriet li, f'diversi aspetti importanti, qed taqdi b'suċċess l-iskop tiegħu;

32.  Jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas min-naħa tar-Renju Unit li jaġixxi f'konformità mal-impenji tiegħu skont il-Protokoll għal dawn l-aħħar tliet snin; jiddispjaċih, b'mod partikolari, għan-nuqqas ta' appoġġ mogħti lill-persunal tal-UE inkarigat mill-monitoraġġ tal-kontrolli doganali fil-Baħar Irlandiż, l-aċċess insuffiċjenti tal-persunal tal-UE għad-data doganali tar-Renju Unit u l-perjodi ta' grazzja unilaterali suċċessivi li dgħajfu l-verifiki fil-fruntieri, bi ksur ċar tal-Protokoll;

33.  Jenfasizza li l-Protokoll iqiegħed lill-Irlanda ta' Fuq f'pożizzjoni unika billi jagħti aċċess għall-merkanzija prodotta fl-Irlanda ta' Fuq kemm għas-suq uniku tal-UE kif ukoll għas-suq intern tar-Renju Unit; jissottolinja li l-verifiki u l-kontrolli neċessarji jridu jsiru fil-punti ta' dħul fuq merkanzija li tidħol fl-Irlanda ta' Fuq mill-bqija tar-Renju Unit jew minn kwalunkwe pajjiż terz ieħor;

34.  Jirrimarka li l-inċertezza kontinwa rigward l-arranġamenti kummerċjali għall-Irlanda ta' Fuq hija ta' ħsara u ta' detriment għan-negozji; josserva li l-flussi ta' investiment fl-Irlanda ta' Fuq qed jonqsu u li qed jiddgħajfu l-vantaġġi disponibbli fl-ambitu tal-aċċess għas-suq doppju previst mill-Protokoll; jirrikonoxxi li n-negozji fl-Irlanda ta' Fuq se jkunu taħt aktar pressjoni minħabba li se jkollhom jindirizzaw id-differenzi bejn il-politiki tar-Renju Unit u tal-UE;

35.  Jisħaq li kwalunkwe ksur tal-Protokoll huwa ksur tal-impenji legali internazzjonali u jikkostitwixxi turija inaċċettabbli ta' nuqqas ta' rispett għall-istat tad-dritt;

36.  Jesprimi tħassib serju fil-konfront tal-Abbozz rigward il-Protokoll dwar l-Irlanda ta' Fuq li ġie propost, li jagħti setgħat estensivi lill-ministri tar-Renju Unit biex b'mod unilaterali jieqfu japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll, u dan jista' jdgħajjef il-Ftehim ta' Belfast (tal-Ġimgħa l-Kbira), jikkontribwixxi għall-inċertezza ekonomika u politika fl-Irlanda ta' Fuq u jkollu impatti negattivi fuq il-protezzjoni tal-konsumatur, in-negozju u l-ħaddiema;

37.  Jissottolinja li ftehim bilaterali ma jistax jinbidel unilateralment u li dan idgħajjef ir-relazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit; itenni s-sejħa tiegħu lill-awtoritajiet tar-Renju Unit biex jirrispettaw bis-sħiħ il-Ftehim ta' Belfast (tal-Ġimgħa l-Kbira) fil-partijiet kollha tiegħu, kif maqbul fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, u biex jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda tnaqqis tad-drittijiet għaċ-ċittadini fl-Irlanda ta' Fuq;

38.  Jilqa' t-tħabbira reċenti ta' ftehim fil-prinċipju bejn l-UE u r-Renju Unit dwar il-Protokoll – 'l hekk imsejjaħ Qafas ta' Windsor – li se jiżgura l-implimentazzjoni flessibbli, iżda effettiva tiegħu u r-rispett għall-Ftehim ta' Belfast (tal-Ġimgħa l-Kbira), filwaqt li tiġi salvagwardjata l-integrità tas-suq uniku tal-UE; jittama li l-kondiviżjoni tal-poter fl-Irlanda ta' Fuq tkun tista' tiġi restawrata malajr kemm jista' jkun f'konformità mal-impenji fl-ambitu tal-Ftehim ta' Belfast (tal-Ġimgħa l-Kbira) u għall-benefiċċju tal-poplu fl-Irlanda ta' Fuq; jistenna li l-ftehim politiku jiġi implimentat bis-sħiħ, li jippermetti kapitolu ġdid fis-sħubija bejn l-UE u r-Renju Unit ibbażat fuq fiduċja reċiproka u kooperazzjoni sħiħa; jilqa', għalhekk, it-tħabbira mill-Gvern tar-Renju Unit, fil-kuntest tal-Qafas ta' Windsor, li se jwaqqaf il-proċess tal-Abbozz ta' Liġi dwar il-Protokoll tal-Irlanda ta' Fuq, u mhux qed jipproċedi bih;

39.  Ifakkar fid-dikjarazzjoni unilaterali magħmula mill-Gvern tar-Renju Unit, fil-kuntest tal-Protokoll, dwar il-funzjonament tad-dispożizzjoni tal-"Kunsens demokratiku fl-Irlanda ta' Fuq" b'mod konsistenti mal-Ftehim ta' Belfast (tal-Ġimgħa l-Kbira); jissottolinja li, skont dik id-dikjarazzjoni unilaterali, il-"kunsens demokratiku" għall-Protokoll irid jiġi pprovdut fi żmien xieraq b'maġġoranza sempliċi tal-Assemblea tal-Irlanda ta' Fuq; ifakkar li, fl-aktar elezzjonijiet reċenti fl-Irlanda ta' Fuq, maġġoranza ċara tal-votanti vvotat għall-partiti li esprimew l-appoġġ tagħhom għaż-żamma tal-Protokoll;

40.  Jissottolinja li l-UE minn dejjem baqgħet miftuħa għal diskussjonijiet mal-Gvern tar-Renju Unit biex jinstabu soluzzjonijiet komuni li jippermettu l-funzjonament sostenibbli u fit-tul tal-Protokoll; ifakkar fil-proposti estensivi magħmula mill-Kummissjoni f'Ottubru 2021 biex jinstabu soluzzjonijiet prammatiċi, raġonevoli u flessibbli biex jiġu indirizzati l-isfidi ta' implimentazzjoni tal-Protokoll; jilqa' t-tħabbira taż-żewġ partijiet li hemm rieda politika biex jinvolvu ruħhom b'mod kostruttiv f'negozjati ġenwini permezz tal-Kumitat Konġunt tal-UE u r-Renju Unit biex jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli rigward oqsma possibbli ta' frizzjoni; jistieden lill-Gvern tar-Renju Unit jinvolvi b'mod proattiv lill-Assemblea tal-Irlanda ta' Fuq u lil uffiċjali eletti u partijiet ikkonċernati oħra fl-Irlanda ta' Fuq fid-diskussjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll;

41.  Jirrimarka li t-Taqsima 75 tal-Att tar-Renju Unit dwar in-Nazzjonalità u l-Fruntieri, li tirrikjedi li dawk mingħajr status ta' immigrazzjoni tar-Renju Unit (inklużi ċittadini tal-UE, bl-eċċezzjoni taċ-ċittadini Irlandiżi) ikollhom awtorizzazzjoni elettronika għall-ivvjaġġar (ETA) qabel ma jidħlu fl-Irlanda ta' Fuq, se jkollha impatt negattiv fuq iċ-ċittadini tal-UE residenti fl-Irlanda; jisħaq, barra minn hekk, li s-sistema tal-ETA ma tkunx kompletament konformi mal-Artikolu 2 tal-Protokoll, li jipproteġi d-drittijiet tal-individwi u jirrikjedi li r-Renju Unit jiżgura li ma jkun hemm l-ebda tnaqqis tad-drittijiet, tas-salvagwardji jew tal-ugwaljanza tal-opportunitajiet, inkluż billi tiġi pprovduta protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni; jenfasizza li kwalunkwe proposta tar-Renju Unit li fl-aħħar mill-aħħar tista' tirrikjedi li ċ-ċittadini tal-UE residenti fl-Irlanda jirreġistraw sabiex jiksbu eżenzjoni mis-sistema tal-ETA tkun sproporzjonata u li l-implimentazzjoni tagħha tammonta għal ksur possibbli tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni kif stabbilit fit-TFUE;

42.  Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-inizjattivi legali mnedija mill-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim dwar il-Ħruġ; jilqa' l-adozzjoni tal-ftehim interistituzzjonali dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar il-mekkaniżmi ta' infurzar tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u l-FKK(15), li jkun jippermetti lill-UE tieħu azzjoni fil-pront fil-forma ta' miżuri jekk ikun hemm ksur tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u/jew tal-FKK; jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament u lill-Kunsill infurmati bis-sħiħ u fi żmien opportun dwar l-iżviluppi rilevanti kollha li jistgħu jwasslu għall-adozzjoni ta' miżuri jew azzjonijiet min-naħa tal-Kummissjoni; jissottolinja li s-sett ta' għodod ta' infurzar skont l-FKK jista' jintuża wkoll biex jissaħħaħ l-infurzar tal-Protokoll;

Saldu finanzjarju

43.  Ifakkar li l-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi saldu finanzjarju uniku mar-Renju Unit, li jinkludi l-obbligazzjonijiet legali kollha li jirriżultaw minn impenji pendenti u jipprevedi entrati li ma jidhrux fil-karta bilanċjali, obbligazzjonijiet kontinġenti u spejjeż finanzjarji oħra mġarrba direttament bħala riżultat dirett tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE; jissottolinja li dan is-saldu finanzjarju mhuwiex somma f'daqqa ta' darba, iżda arranġament biex jiġu kklerjati l-impenji pendenti li saru matul is-sħubija tar-Renju Unit fl-UE;

44.  Jilqa' l-kooperazzjoni produttiva f'dan il-qasam u l-fatt li l-UE u r-Renju Unit affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jikkonformaw mal-obbligi finanzjarji tagħhom skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ;

Il-Governanza u r-rwol tal-Parlament Ewropew

45.  Jilqa' l-fatt li l-istrutturi ta' governanza responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ huma kompletament operattivi, b'mod partikolari l-Kumitat Speċjalizzat tiegħu dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini, li jiltaqa' b'mod regolari ħafna; jistieden lir-Renju Unit jagħmel użu sħiħ minn dawn l-istrutturi minflok ma jsegwi azzjoni unilaterali;

46.  Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jimmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet taċ-ċittadini u l-Protokoll; jilqa' l-kooperazzjoni produttiva ħafna bejn il-Parlament u l-Kummissjoni dwar dawn il-kwistjonijiet;

47.  Jilqa' l-involviment attiv tal-Assemblea Parlamentari ta' Sħubija bejn l-UE u r-Renju Unit; jemmen li din l-assemblea tipprovdi qafas tajjeb għall-kooperazzjoni parlamentari f'dak li jirrigwarda sfidi komuni, inkluż l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u l-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq; jilqa' l-fatt li t-territorji devoluti ngħataw rwol attiv matul it-tieni Assemblea Parlamentari ta' Sħubija bejn l-UE u r-Renju Unit f'Novembru 2022 u jistenna li dan ir-rwol jissaħħaħ fil-futur;

48.  Jilqa' l-Grupp ta' Kuntatt tar-Renju Unit stabbilit mill-Kumitat tar-Reġjuni fi Frar 2020, li jipprovdi forum għal djalogu kontinwu u sħubija politika bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE u tar-Renju Unit; jimpenja ruħu li jadotta interazzjoni simili bejn il-Grupp ta' Kuntatt tar-Renju Unit u d-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-Renju Unit biex jipprovdi evidenza bbażata fuq it-territorju dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ;

49.  Ifakkar li, fil-31 ta' Diċembru 2020, Spanja u r-Renju Unit laħqu fehim dwar qafas possibbli għal ftehim dwar Ġibiltà; ifakkar li, fl-20 ta' Lulju 2021, il-Kummissjoni ppreżentat rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati mar-Renju Unit dwar Ġibiltà u għad-direttivi ta' negozjar relatati; jinnota li, fil-5 ta' Ottubru 2021, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit dwar Ġibiltà, kif ukoll id-direttivi ta' negozjar; jinnota li, minn Ottubru 2022, tlestew disa' ċikli ta' negozjar;

o
o   o

50.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.
(2) ĠU C 34, 31.1.2020, p. 1.
(3) ĠU C 298, 23.8.2018, p. 24.
(4) ĠU C 346, 27.9.2018, p. 2.
(5) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 32.
(6) ĠU C 162, 10.5.2019, p. 40.
(7) ĠU C 171, 6.5.2021, p. 2.
(8) ĠU C 270, 7.7.2021, p. 21.
(9) ĠU C 294, 23.7.2021, p. 18.
(10) ĠU C 362, 8.9.2021, p. 90.
(11) ĠU C 506, 15.12.2021, p. 26.
(12) ĠU C 342, 6.9.2022, p. 78.
(13) ĠU C 331, 17.8.2021, p. 38.
(14) ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.
(15) Proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra (COM(2022)0089).


Ir-relazzjonijiet UE-Armenja
PDF 205kWORD 71k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2023 dwar ir-relazzjonijiet UE-Armenja (2021/2230(INI))
P9_TA(2023)0081A9-0036/2023

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra(1) (CEPA), li daħal fis-seħħ b'mod sħiħ fl-1 ta' Marzu 2021,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-17 ta' Mejju 2022 dwar ir-Rapport ta' Implimentazzjoni tas-Sħubija fir-rigward tal-Armenja (SWD(2022)0154),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Ottubru 2022 wara l-laqgħa kwadrilaterali bejn il-President Aliyev, il-Prim Ministru Pashinyan, il-President Macron u l-President Michel,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, f'isem l-Unjoni Ewropea, tad-19 ta' Novembru 2020 dwar in-Nagorno-Karabakh,

–  wara li kkunsidra d-digrieti tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tas-7 ta' Diċembru 2021 fil-kawżi bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan,

–  wara li kkunsidra d-digrieti tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tat-22 ta' Frar 2023 dwar l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali (L-Armenja vs L-Ażerbajġan u L-Ażerbajġan vs L-Armenja),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-26 ta' Mejju 2020, relatata mal-kawża Makuchyan u Minasyan vs L-Ażerbajġan u L-Ungerija (17247/13), li saret definittiva fit-12 ta' Ottubru 2020,

–  wara li kkunsidra l-attivitajiet tal-Kopresidenti tal-Grupp ta' Minsk tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tat-2 ta' Lulju 2021 bit-titolu "Irkupru, reżiljenza u riforma: il-prijoritajiet tas-Sħubija tal-Lvant wara l-2020" (SWD(2021)0186),

–  wara li kkunsidra l-Indiċi tas-Sħubija tal-Lvant tal-2021,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI) tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari r-raba' rapport tagħha dwar l-Armenja, ippubblikat fl-4 ta' Ottubru 2016, u l-konklużjonijiet tagħha dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-Armenja, ippubblikati fl-10 ta' Settembru 2019,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2418 tal-25 ta' Jannar 2022 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (APKE) intitolat "Alleged violations of the rights of LGBTI people in the Southern Caucasus" (Allegat ksur tad-drittijiet tal-persuni LGBTI fil-Kawkasu tan-Nofsinhar),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa wara ż-żjara tagħha fl-Armenja mis-16 sal-20 ta' Settembru 2018, ippubblikat fid-29 ta' Jannar 2019,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, tat-18 ta' Marzu 2020, bit-titolu "Il-politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020: It-Tisħiħ tar-Reżiljenza – Sħubija tal-Lvant li tikseb riżultati għal kulħadd" (JOIN(2020)0007),

–  wara li kkunsidra l-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment ippubblikat fit-2 ta' Lulju 2021,

–  wara li kkunsidra l-programm indikattiv pluriennali (2021-2027) tal-Kummissjoni għall-Armenja,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tar-raba' laqgħa tal-Kunsill ta' Sħubija UE-Armenja tat-18 ta' Mejju 2022,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSKE, tas-27 ta' Ottubru 2021, dwar l-elezzjonijiet parlamentari bikrin fl-Armenja li saru fl-20 ta' Ġunju 2021,

–  wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali tal-UE għall-involviment mas-soċjetà ċivili fl-Armenja 2021-2027,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-4 ta' Lulju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra(2),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Ġunju 2020(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, fosthom dawk tat-13 ta' Settembru 2012 dwar l-Ażerbajġan: il-każ ta' Ramil Safarov(4), tal-15 ta' April 2015 dwar għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen(5), tal-20 ta' Mejju 2021 dwar il-priġunieri tal-gwerra wara l-kunflitt l-aktar reċenti bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan(6), tal-10 ta' Marzu 2022 dwar il-qerda tal-wirt kulturali fin-Nagorno-Karabakh(7), tat-8 ta' Ġunju 2022 dwar is-sigurtà fiż-żona tas-Sħubija tal-Lvant u r-rwol tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni(8), tat-18 ta' Jannar 2023 dwar l-implimentazzjoni tal-politika estera u ta' sigurtà komuni - rapport annwali 2022(9) u tad-19 ta' Jannar 2023 dwar il-konsegwenzi umanitarji tal-imblokk fin-Nagorno-Karabakh(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0036/2023),

A.  billi, għal aktar minn tletin sena, il-kunflitt tan-Nagorno-Karabakh kif ukoll l-inkursjoni reċenti min-naħa tal-Ażerbajġan fit-territorju sovran Armen ikkawżaw għexieren ta' eluf ta' vittmi, qerda enormi u l-ispostament ta' mijiet ta' eluf ta' persuni; billi l-kunflitt tan-Nagorno-Karabakh għadu ma ġiex solvut;

B.  billi, skont l-istimi, madwar 4 500 ruħ mill-Ażerbajġan u mill-Armenja għadhom jirriżultaw nieqsa u huma mijiet ta' eluf il-persuni spostati internament minħabba l-ewwel kunflitt tan-Nagorno-Karabakh li jmur lura għas-snin Disgħin;

C.  billi, skont id-dikjarazzjoni tal-waqfien mill-ġlied tad-9 ta' Novembru 2020, il-partijiet impenjaw ruħhom li jżommu l-pożizzjonijiet li kellhom f'dik id-data, jiskambjaw il-priġunieri tal-gwerra u detenuti oħra, u jiżblokkaw il-kollegamenti ekonomiċi u tat-trasport kollha fir-reġjun;

D.  billi d-dikjarazzjoni trilaterali tad-9 ta' Novembru 2020, introdotta wara l-gwerra ta' 44 ġurnata mibdija mill-Ażerbajġan fl-2020, ma kinitx ġiet implimentata b'mod sħiħ u l-waqfien mill-ġlied għadu jinkiser ripetutament, li wassal għal aktar vittmi; billi l-gwerra ta' 44 ġurnata kkawżat 3 825 vittma fuq in-naħa Armena u 203 persuni għadhom jirriżultaw nieqsa, fosthom ċivili;

E.  billi f'Settembru 2022, l-Ażerbajġan attakka tliet provinċji Armeni: Gegharkunik, Syunik u Vayots Dzor; billi skont ir-rapporti tal-awtortajiet Armeni, l-attakk irriżulta fl-okkupazzjoni ta' 220 km2 ta' territorju sovran Armen, ħalla lil 201 persuna, kemm militari kif ukoll ċivili, mejta u li 27 ruħ għadhom neqsin;

F.  billi l-awtoritajiet Armeni jistimaw li l-bumbardamenti fuq oġġetti u infrastrutturi ċivili laqtu 36 komunità u insedjament, 192 dar, żewġ skejjel, ċentru mediku, tliet guesthouses, kif ukoll linji tal-provvista ta' enerġija u pipelines; billi dan jikkostitwixxi ksur evidenti tal-integrità territorjali tal-Armenja u tan-normi tad-dritt internazzjonali li jipprojbixxu li jintlaqtu infrastrutturi ċivili;

G.  billi l-azzjonijiet militari tal-Ażerbajġan isegwu d-dikjarazzjonijiet inkwetanti tal-awtoritajiet tal-Ażerbajġan, li jirreferu għat-territorju tar-Repubblika tal-Armenja bħala art anċestrali tal-Ażerbajġan u jheddu li jużaw il-forza; billi minn Diċembru 2022, it-traffiku ċivili bejn l-Armenja u n-Nagorno-Karabakh fil-kuritur ta' Lachin ġie mblukkat u dan ħalla impatt negattiv fuq il-konsenji ta' ikel u ta' provvisti u servizzi essenzjali oħra lir-reġjun;

H.  billi fit-22 ta' Frar 2023, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ħarġet digriet vinkolanti li jindika li l-Ażerbajġan jeħtieġlu jieħu l-miżuri kollha għad-dispożizzjoni tiegħu biex jiżgura l-moviment mingħajr xkiel ta' persuni, vetturi u merkanzija tul il-kuritur ta' Lachin fiż-żewġ direzzjonijiet;

I.  billi fis-16 ta' Settembru 2022 il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-miżura proviżorja tagħha tad-29 ta' Settembru 2020, li permezz tagħha l-partijiet ġew mistiedna jirrispettaw l-impenji li ħadu fl-ambitu tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali tal-Kunsill tal-Ewropa, anki għal dak li għandu x'jaqsam mal-priġunieri tal-gwerra, għadha fis-seħħ u tapplika għal dak li qiegħed jiġri f'dan il-każ partikolari;

J.  billi sorsi kredibbli, inklużi filmati, juru eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji, għajbien furzat u profanazzjoni ta' katavri ta' priġunieri tal-gwerra u ta' detenuti Armeni oħra; billi l-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) fis-7 ta' Diċembru 2021 ordnat u fit-12 ta' Ottubru 2022 tenniet l-obbligu tal-Ażerbajġan "li jipproteġi mill-vjolenza u mill-offiżi fuq il-persuna lil dawk kollha arrestati relatati mal-kunflitt tal-2020 u li għadhom miżmuma f'detenzjoni, u li jiżgura s-sigurtà u l-ugwaljanza tagħhom quddiem il-liġi"; billi dehru wkoll filmati li juru allegati delitti tal-gwerra kontra ċittadini tal-Ażerbajġan waqt il-gwerra tal-2020;

K.  billi, minkejja li l-awtoritajiet tal-Ażerbajġan ħelsu xi priġunieri tal-gwerra Armeni, numru mhux iddikjarat tagħhom, kemm militari kif ukoll ċivili, għadu miżmum f'detenzjoni fl-Ażerbajġan f'kundizzjonijiet mhux magħrufa;

L.  billi l-UE hija impenjata li tippromwovi reġjun tal-Kawkasu tan-Nofsinhar sigur, stabbli, paċifiku u prosperu għall-ġid tal-persuni kollha li jgħixu fir-reġjun; billi l-UE lesta tiżvolġi rwol attiv bħala medjatur onest fil-proċess ta' medjazzjoni għall-finijiet ta' soluzzjoni paċifika sostenibbli u bħala sieħba affidabbli;

M.  billi l-UE ssostni r-riżoluzzjoni paċifika ta' eventwali kunflitti reġjonali mhux riżolti bis-saħħa ta' mezzi diplomatiċi;

N.  billi b'segwitu għal-laqgħa kwadrilaterali bejn il-President Aliyev, il-Prim Ministru Pashinyan, il-President Macron u l-President Michel fis-6 ta' Ottubru 2022 fi Praga, fl-20 ta' Ottubru 2022 l-UE bagħtet kapaċità temporanja ta' monitoraġġ fuq ix-xaqliba Armena tal-konfini internazzjonali mal-Ażerbajġan, bl-objettiv li jsiru monitoraġġ, analiżi u rapportar dwar is-sitwazzjoni fir-reġjun, li damet sad-19 ta' Diċembru 2022; billi fit-23 ta' Jannar 2023, l-UE ddeċidiet li tistabbilixxi missjoni ċivili fl-Armenja; billi l-Missjoni Ewropea fl-Armenja tnediet fl-20 ta' Frar 2023;

O.  billi l-Armenja u l-Ażerbajġan ippreżentaw proposti dwar il-kundizzjonijiet għal trattat ta' paċi li jirregola r-relazzjonijiet interstatali tagħhom; billi l-mexxejja politiċi tal-pajjiżi dan l-aħħar qablu li jintensifikaw il-ħidma sostanzjali biex imexxu 'l quddiem l-abbozz ta' test;

P.  billi l-eżitu tal-kunflitt tal-2020 fin-Nagorno-Karabakh u fiż-żoni tal-madwar ittrawmatizzaw is-soċjetà Armena u tefgħu lill-pajjiż fi kriżi politika profonda; billi fil-pajjiż, sussegwentement, saru elezzjonijiet parlamentari bikrin fl-2021; billi l-kampanja elettorali ħarġet fid-dieher polarizzazzjoni profonda, riflessa f'retorika ħarxa; billi r-riżultat elettorali ma naqasx it-tensjonijiet politiċi, li komplew imorru għall-agħar minħabba l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà li l-Armenja għandha quddiemha;

Q.  billi normalizzazzjoni sostenibbli tar-relazzjonijiet bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan timponi li jieqfu l-vjolenzi kollha, li jiġu indirizzati l-kawżi profondi tal-kunflitt, b'mod partikolari li jiġu garantiti d-drittijiet u s-sigurtà tal-popolazzjoni Armena tan-Nagorno-Karabakh, u li l-ftehimiet stipulati bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan jiġu implimentati bis-sħiħ bil-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà fit-tul tar-relazzjonijiet bilaterali u tar-reġjun f'sens usa' fit-totalità tiegħu; billi tali għan jista' jintlaħaq biss meta l-awtoritajiet tal-Armenja u tal-Ażerbajġan ikunu jistgħu jiggarantixxu l-koeżistenza paċifika u r-rispett tad-drittiijiet tal-minoranzi;

R.  billi l-kunflitti armati bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan ħallew impatt katastrofiku fuq il-patrimonju kulturali, reliġjuż u storiku tar-reġjun kollu kemm hu;

S.  billi, fid-digriet tal-QIĠ tas-7 ta' Diċembru 2021, li ordna lill-Ażerbajġan jipprevjeni u jikkastiga l-atti ta' vandaliżmu u profanazzjoni li jolqtu l-patrimonju kulturali Armen, saru allegazzjonijiet gravi rigward l-involviment tal-awtoritajiet tal-Ażerbajġan fil-qerda ta' ċimiterji, knejjes u monumenti storiċi fin-Nagorno-Karabakh;

T.  billi l-Armenja wriet solidarjetà mal-poplu tat-Turkija wara t-terremot devastanti tas-6 ta' Frar 2023 peress li bagħtet ħaddiema tas-salvataġġ u għajnuna umanitarja; billi dan il-pass storiku jista' jikkontribwixxi aktar għall-proċess ta' normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi;

U.  billi r-relazzjonijiet UE-Armenja jissejsu fuq valuri komuni, bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u fuq interess komuni rigward l-impenn tal-Armenja fir-riformi ekonomiċi u politiċi kif ukoll fil-kooperazzjoni reġjonali, inkluż fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant; billi l-għan aħħari tal-Unjoni għandu jkun dak li ssostni l-Armenja fil-proċess ta' riformi tagħha;

V.  billi d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, anki permezz tar-rispett tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, hija prinċipju kruċjali tas-CEPA;

W.  billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti u s-soċjetà ċivili indipendenti spiss ikollhom iħabbtu wiċċhom ma' diskors ta' mibegħda online u kampanji ta' malafama, u jkunu l-bersall ta' diversi gruppi tal-lemin marbutin mar-reġimi preċedenti fl-Armenja; billi ma jirċevux protezzjoni u rikonoxximent għax-xogħol li jagħmlu għas-soċjetà u għar-riformi demokratiċi fil-pajjiż, b'mod partikolari għal dak li għandu x'jaqsam mal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;

X.  billi fl-20 ta' Ottubru 2022 filgħaxija koppja ta' żgħażagħ omosesswali ta' 16 u 21 sena kkommettiet suwiċidju doppju bħala konsegwenza tad-diskriminazzjoni pervażiva fis-soċjetà Armena, bħala riżultat ta' snin sħaħ ta' nuqqas ta' azzjoni f'dawk li huma inizjattivi kontra d-diskriminazzjoni u għall-ugwaljanza min-naħa tal-gvern; billi, wara dak li ġara, id-diskors ta' mibegħda nfirex b'impunità fuq il-media soċjali u fuq l-applikazzjonijiet ta' messaġġi, b'hekk kebbes id-diskriminazzjoni eżistenti fil-konfront tal-persuni LGBTIQ; billi dan l-aħħar saru attakki kontra "Right Side", organizzazzjoni mhux governattiva (NGO) li tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem tal-persuni transġeneru; billi l-awturi tal-attakki xerrdu informazzjoni falza, inċitaw għall-mibegħda u heddew bil-mewt lill-fundatriċi tagħha, id-difensur tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni tranġeneru Lilit Martirosyan; billi kontra n-nisa trans saru aggressjonijiet vjolenti ripetuti mis-sajf tal-2022, inkluż inċident li sar f'Lulju tal-2022 f'Yerevan li fih dak responsabbli mill-aggressjoni xandar fuq streaming dirett l-attakk fuq il-media soċjali, u qala' kliem ta' tifħir;

Y.  billi d-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBTIQ fl-Armenja huma, fl-aħjar possibbiltà, injorati u, fl-agħar, suġġetti għal ġlieda attiva min-naħa tal-gvern u tal-istituzzjonijiet statali; billi l-Indiċi u l-Mappa Rainbow Europe tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Persuni Leżbjani u Gay – Ewropa juru li l-Armenja hija waħda mill-pajjiżi bl-akbar defiċits ta' leġiżlazzjoni u politiki maħsuba biex jipproteġu lill-persuni LGBTIQ, u li kienet it-tielet pajjiż fost l-agħar f'dan ir-rigward fil-Kunsill tal-Ewropa, pariġġ il-Federazzjoni Russa;

Z.  billi fl-2022 l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa adottat riżoluzzjoni dwar il-ksur tad-drittijiet tal-persuni LGBTI fil-Kawkasu tan-Nofsinhar u ppreżentat diversi talbiet lill-awtoritajiet biex jirriformaw il-leġiżlazzjoni ħalli jiġi indirizzat dan il-ksur; billi r-rakkomandazzjonijiet jirriflettu r-riżultati tal-ECRI tal-2016; billi diġà fl-2019 l-ECRI kienet ikkonkludiet li r-rakkomandazzjonijiet tagħha ma kinux tqisu b'mod debitu u li l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi Kriminali l-ġdid ma kienet ġiet adottata; billi n-nuqqas ta' risposta tal-Gvern lir-rakkomandazzjonijiet tal-organi internazzjonali huwa allarmanti;

AA.  billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem irrikonoxxiet fis-sentenza tagħha dwar il-Kawżi 71367/12 u 72961/12 (Ogazenova vs L-Armenja) li jinħtieġu miżuri tad-dritt kriminali fir-rigward tad-diskors ta' mibegħda, b'mod partikolari għal raġunijiet ta' orjentament sesswali u ħajja sesswali; billi d-dritt nazzjonali attwalment jipprojbixxi d-diskors ta' mibegħda, iżda l-orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru għadhom mhumiex inklużi fil-karatteristiċi tal-vittmi ta' reat minkejja r-rakkomandazzjonijiet tal-organi internazzjonali rilevanti f'dan ir-rigward;

AB.  billi l-Armenja għamlet titjib ta' 16-il punt f'dawn l-aħħar ħames snin, mill-2016 sal-2021, fl-indiċi dwar il-perċezzjoni tal-korruzzjoni ta' Transparency International;

AC.  billi l-Armenja għamlet titjib demokratiku sinifikanti u progress pożittiv kontra l-korruzzjoni, iżda r-riformi ġudizzjarji u dawk fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li kienet wegħdet, naqsu r-ritmu fl-2021 wara l-kriżi politika u ekonomika kkaġunata mill-pandemija u mill-kunflitt imġedded tan-Nagorno-Karabakh;

AD.  billi l-Armenja tokkupa l-ewwel pożizzjoni fost il-ġirien tagħha fl-Indiċi dwar id-Demokrazija 2021 tal-Economist Intelligence Unit u fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa 2022 ta' Reporters mingħajr fruntieri;

AE.  billi l-Armenja tjiebet il-pożizzjonijiet tagħha fir-rapport tal-Bank Dinji "Women, Business and Law 2022", fil-"Global Startup Ecosystem Index Report 2022" u fil-"World Economic Forum Travel and Tourism Competitiveness Report 2021";

AF.  billi l-pożizzjoni tal-Armenja fl-indiċi 2020-2021 tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant tjiebet u laħqet l-ewwel post f'termini ta' demokrazija u governanza tajba; billi l-Armenja rċeviet valutazzjoni pożittiva fir-rapport "Nations in Transit 2022" ta' Freedom House;

AG.  billi l-gwerra ta' aggressjoni Russa fil-konfront tal-Ukrajna kellha implikazzjonijiet negattivi għar-reġjun tal-Kawkasu tan-Nofsinhar u kompliet tikkomplika s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-reġjun;

AH.  billi l-allegata disponibbiltà Russa li tiggarantixxi s-sigurtà tal-Armenja rriżultat ineżistenti, kif juri n-nuqqas ta' risposta għall-attakki kontinwi tal-Ażerbajġan anki fid-dawl tat-tentattiv Armen li tirrikorri għall-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar is-Sigurtà Kollettiva (CSTO); billi l-partiti demokratiċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Armenja bdew iqajmu dubji rigward l-adeżjoni tal-pajjiż mas-CSTO; billi l-forzi taż-żamma tal-paċi Russi stazzjonati fir-reġjun la riedu u lanqas setgħu jipprevjenu attakki ulterjuri mill-Ażerbajġan u l-preżenza tagħhom naqset b'mod kostanti, speċjalment wara li bdiet l-gwerra ta' aggressjoni illegali Russa kontra l-Ukrajna;

AI.  billi l-Armenja hija esposta għad-diżinformazzjoni tal-pajjiżi ġirien, b'mod partikolari tal-media Russi, peress li l-organi ta' informazzjoni Armeni joqogħdu fil-biċċa l-kbira fuq sorsi u aġenziji tal-istampa Russi;

AJ.  billi l-Armenja hija fil-mira tal-attivitajiet ta' informazzjoni tal-Ażerbajġan, b'mod partikolari bil-ħsieb li jagħtu fastidju lill-utenti tal-media soċjali u jxerrdu informazzjoni falza;

Riżoluzzjoni tal-kunflitti u normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet Armenja-Ażerbajġan

1.  Iqis li l-kunflitt armat tan-Nagorno-Karabakh bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan, li matul is-snin ikkawża qerda u tbatija enormi, xekkel b'mod sinifikanti l-iżvilupp soċjoekonomiku u l-istabbiltà tar-reġjun tal-Kawkasu tan-Nofsinhar kollu kemm hu; jinsab konvint li paċi dejjiema u sostenibbli bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan ma tistax tinkiseb bil-mezzi militari u bit-theddid tal-forza, iżda teħtieġ soluzzjoni politika komprensiva f'konformità mad-dritt internazzjonali, inklużi l-prinċipji minquxa fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, fl-Att Finali ta' Helsinki tal-OSKE tal-1975, b'mod partikolari n-nonrikors għall-użu tal-forza, l-integrità territorjali u d-drittijiet ugwali u l-awtodeterminazzjoni tal-popli, u l-Prinċipji Bażiċi tal-2009 tal-Grupp ta' Minsk tal-OSKE u l-ftehimiet li laħqu ż-żewġ partijiet, fosthom id-Dikjarazzjoni ta' Alma-Ata tal-1991;

2.  Jafferma mill-ġdid li, biex ikun effikaċi, trattat ta' paċi komprensiv irid jinkludi dispożizzjonijiet li jiggarantixxu l-integrità tat-territorju sovran Armen, id-drittijiet u s-sigurtà tal-popolazzjoni Armena residenti fin-Nagorno-Karabakh u f'żoni oħra li huma teatru ta' kunflitti u r-ritorn rapidu u sikur fi djarhom tar-rifuġjati u tal-persuni spostati internament; ifakkar li l-kawża profonda tal-kunflitt, jiġifieri s-sitwazzjoni u s-sigurtà tal-popolazzjoni Armena tan-Nagorno-Karabakh u l-istatus tal-ex reġjun awtonomu, għadha mhijiex riżolta; jistieden lill-komunità internazzjonali żżomm l-attenzjoni tagħha fuq dan il-kunflitt, li jirrigwarda l-istabbiltà u s-sigurtà tar-reġjun kollu kemm hu;

3.  Jikkundanna bil-qawwa l-aggressjoni militari fuq skala kbira min-naħa tal-Ażerbajġan f'Settembru 2022 kontra bosta postijiet fit-territorju sovran tal-Armenja, li kkostitwixxa ksur gravi tal-waqfien mill-ġlied u kkontradixxa impenji preċedenti, inklużi dawk meħuda fil-qafas tat-taħditiet bil-medjazzjoni tal-UE; jikkundanna l-inkursjonijiet militari minn Mejju 2021 fit-territorju tal-Armenja rikonoxxut fuq livell internazzjonali; ifakkar li dan huwa konsegwenza tal-ksur tal-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Armenja rrapportat f'Mejju u f'Novembru 2021; iħeġġeġ ir-ritorn tal-forzi kollha fil-pożizzjonijiet okkupati fid-9 ta' Novembru 2020 u jisħaq fuq il-fatt li l-aħħar aggressjoni ta' Settembru mhijiex direttament marbuta bl-ebda mod mal-kunflitt li ilu għaddej fin-Nagorno-Karabakh; itenni li l-integrità territorjali tal-Armenja għandha tiġi rispettata f'konformità mad-dritt internazzjonali u mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u għaldaqstant jistieden lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan jirtiraw minnufih miż-żoni kollha tat-territorju tal-Armenja u jeħilsu lill-priġunieri tal-gwerra li jinsabu taħt il-kontroll tagħhom; iħeġġeġ lill-UE tkun involuta b'mod aktar attiv fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan; jenfasizza li ż-żewġ naħat għandhom jirrispettaw il-prinċipju tal-integrità territorjali, fundamentali biex tintlaħaq il-paċi fir-reġjun;

4.  Jikkundanna l-imblokk li għaddej tal-kuritur ta' Lachin, li qiegħed jaggrava l-kriżi umanitarja fin-Nagorno-Karabakh; jikkundanna l-inċident fatali bejn l-Ażerbajġan u l-Armeni ta’ Nagorno-Karabakh fil-5 ta' Marzu 2023, li rriżulta f’bosta mwiet u għal darb'oħra jikkomprometti l-proċess ta' paċi bejn iż-żewġ pajjiżi; iħeġġeġ lill-Ażerbajġan ineħħi kwalunkwe ostaklu li jkun ixekkel il-libertà u s-sigurtà tal-moviment tul il-kuritur kif stabbilit fid-dikjarazzjoni trilaterali tad-9 ta' Novembru 2020; jistieden lill-Armenja u lill-Ażerbajġan jindirizzaw il-punti ta' tħassib kollha relatati mal-funzjonament tal-kuritur ta' Lachin permezz tad-djalogu u tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet involuti kollha;

5.  Jiddeplora l-bosta vittmi, il-ħsarat u l-qerda; josserva b'mod partikolari li l-attakk ikkawża kważi 300 vittma, fosthom 210 militari u ċivili Armeni, u li mill-inqas 7 600 ċivili sfaw spostati mill-provinċji Armeni ta' Vayots Dzor, Syunik u Gegharkunik, skont l-Uffiċċju tal-Ombudsman Armen;

6.  Iħeġġeġ lill-Armenja u lill-Ażerbajġan jimplimentaw b'mod sħiħ id-dikjarazzjoni tripartitika dwar il-waqfien mill-ġlied tad-9 ta' Novembru 2020 fl-aspetti kollha tagħha u jikkundanna lill-Ażerbajġan għall-ksur regolari tal-waqfien mill-ġlied; jisħaq fuq il-bżonn li jitmexxew 'il quddiem id-diskussjonijiet dwar it-trattat ta' paċi futur, li jiġu indirizzati l-kawżi profondi tal-kunflitt u li l-partijiet jastjenu minn kwalunkwe pass li jista' jwassal biex it-tensjonijiet ikomplu jiħraxu; ifakkar li l-implimentazzjoni tal-Artikolu 9 tad-dikjarazzjoni tal-waqfien mill-ġlied tad-9 ta' Novembru 2020 ma tistax tmur kontra l-integrità territorjali u s-sovranità tar-Repubblika tal-Armenja;

7.  Jistieden liż-żewġ partijiet jimplimentaw b'urġenza miżuri li jħejju l-popolazzjonijiet rispettivi tagħhom għall-koeżistenza paċifika, fosthom dawk li jsaħħu l-kuntatti interpersonali; jinsisti fuq il-bżonn urġenti li ż-żewġ partijiet, speċjalment l-awtoritajiet tal-Ażerbajġan, jastjenu minn kwalunkwe retorika jew azzjoni ostili li jistgħu jiġu perċepiti bħala inċitament għall-mibegħda jew vjolenza vera u proprja jew bħala turija ta' appoġġ għall-impunità, jew li jirriskjaw li jikkompromettu l-isforzi maħsuba li jistabbilixxu u jippromwovu atmosfera li tiffavorixxi l-fiduċja u r-rikonċiljazzjoni, il-kooperazzjoni u l-paċi sostenibbli; jenfasizza l-bżonn urġenti ta' żieda u ta' kredibbiltà tal-miżuri li jsaħħu l-fiduċja bil-għan li jiġu miġġielda l-problemi li ilhom preżenti rigward il-polarizzazzjoni, in-nuqqas ta' fiduċja, id-diskors ta' mibegħda u retorika xewwiexa oħra;

8.  Jistieden lill-Armenja u lill-Ażerbajġan joħolqu mekkaniżmu ta' ġustizzja ta' tranżizzjoni bħala pass fid-direzzjoni tat-tisħiħ tal-fiduċja biex jilħqu paċi u rikonċiljazzjoni dejjiema, ħalli jiġu rikonoxxuti s-sofferenzi taż-żewġ naħat, b'mandat biex jinxteħet dawl fuq id-destin tal-persuni neqsin, jiġu rimpatrijati l-priġunieri tal-gwerra u jiġu stabbiliti l-veritajiet storiċi abbażi ta' valutazzjoni tal-fatti li ġraw matul il-kunflitt armat, li beda fl-1988; jipproponi l-inklużjoni tal-membri tal-komunità akkademika, tal-ġurnalisti indipendenti u tal-attivisti tas-soċjetà ċivili miż-żewġ naħat f'dan il-mekkaniżmu; jirrakkomanda li l-UE tappoġġa u tgħin tiffaċilita din il-ħidma f'kollaborazzjoni ma' organi oħrajn bħan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tal-Ewropa u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħrajn;

9.  Ifakkar li l-atteġġjament passiv perċepit tal-UE matul u immedjatament wara l-gwerra tal-2020 tat lill-atturi reġjonali l-oħra, bħar-Russja, l-Iran u t-Turkija, l-opportunità li jiksbu influwenza fir-reġjun; jenfasizza li diplomazija Ewropea preventiva aktar attiva setgħet għenet biex timpedixxi riżultat bħal dan; jappoġġa bil-qawwa, għaldaqstant, l-inizjattiva tal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel li jikkonvoka u jimmedja laqgħat bilaterali bejn il-mexxejja tal-Armenja u tal-Ażerbajġan fi Brussell u jinkoraġġixxi l-ħidma fil-post tar-rappreżentant speċjali tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia; jisħaq fuq l-importanza ta' involviment b'saħħtu u kostanti tal-UE u ta' format ta' medjazzjoni mmexxi mill-UE, bil-għan li jipprevjeni aktar attakki u jsib soluzzjoni paċifika għall-kunflitt;

10.  Jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jintensifikaw l-isforzi biex jerġgħu jagħtu l-ħajja u jikkontribwixxu b'mod effikaċi għar-riżoluzzjoni paċifika ta' dan il-kunflitt, anki permezz tal-appoġġ għall-miżuri ta' stabbilizzazzjoni, riabilitazzjoni wara l-kunflitt, rikostruzzjoni u tisħiħ tal-fiduċja;

11.  Iħeġġeġ lill-gvernijiet taż-żewġ pajjiżi jimpenjaw ruħhom b'mod sħiħ biex jabbozzaw trattat ta' paċi komprensiv u reċiprokament aċċettabbli li jkun jindirizza s-sigurtà tal-popolazzjoni Armena tan-Nagorno-Karabakh, ir-ritorn tal-persuni spostati internament u tar-rifuġjati u l-protezzjoni tal-patrimonju kulturali, reliġjuż u storiku; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, il-laqgħat tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin taż-żewġ pajjiżi fit-30 ta' Settembru 2022 f'Ġinevra u fit-8 ta' Novembru 2022 f'Washington D.C.;

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-twaqqif tal-kummissjonijiet għad-delimitazzjoni tal-fruntieri tal-Ażerbajġan u tal-Armenja u jieħu nota tad-diskussjonijiet inizjali li saru fir-rigward tal-proċess tad-delimitazzjoni tal-fruntieri; jilqa' pożittivament it-tielet laqgħa tal-kummissjonijiet għad-delimitazzjoni tal-fruntieri fit-3 ta' Novembru 2022 fi Brussell u jħeġġeġ lill-UE ssegwi mill-qrib dan il-proċess; jistieden liż-żewġ naħat jiffinalizzaw il-proċess tad-delimitazzjoni tal-fruntieri u jiffirmaw trattat ta' paċi mill-aktar fis possibbli, kif ukoll jikkollaboraw biex ilestu l-proċess tat-tneħħija tal-mini;

13.  Jilqa' pożittivament il-ftehim li ntlaħaq fl-okkażjoni tal-laqgħa kwadrilaterali bejn il-President Aliyev, il-Prim Ministru Pashinyan, il-President Macron u l-President Michel tas-6 ta' Ottubru 2022 fil-qafas tal-laqgħa tal-Komunità Politika Ewropea ta' Praga biex tintbagħat missjoni ċivili tal-UE magħmula minn 40 espert fil-qasam tal-monitoraġġ għal perjodu ta' xahrejn, li ntemm fid-19 ta' Diċembru 2022, fuq ix-xaqliba Armena tal-konfini mal-Ażerbajġan bil-għan li ssostni t-tisħiħ tal-fiduċja permezz tal-monitoraġġ tar-rispett tal-waqfien mill-ġlied u ssostni l-ħidma tal-kummissjonijiet tal-fruntieri;

14.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-tnedija ta' missjoni ċivili tal-Unjoni Ewropea fl-Armenja fl-ambitu tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, li l-għan tagħha hu li tgħin iżżid is-sigurtà fir-reġjun billi tnaqqas l-għadd ta' inċidenti fiż-żoni teatru ta' kunflitt u tal-fruntiera fl-Armenja, li tbaxxi l-livell ta' riskji għall-popolazzjoni li tgħix f'dawn iż-żoni u b'hekk tikkontribwixxi għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan u fl-istess ħin iżżid il-viżibbiltà tal-UE fir-reġjun; jilqa' b'sodisfazzjon id-disponibbiltà tal-Armenja li taġevola l-missjoni fuq it-territorju tagħha u jistieden lill-Ażerbajġan jippermetti l-preżenza tal-missjoni tal-UE anki fuq in-naħa tiegħu tal-konfini; jitlob li l-proċess ta' delimitazzjoni jiġi ffaċilitat fil-livell internazzjonali mill-UE u/jew mill-OSKE bil-għan li jiġu żgurati l-kredibbiltà, l-ekwità u s-sostenibbiltà;

15.  Itenni l-bżonn li jintlaħaq qbil fuq it-trasport u l-komunikazzjoni, kif ukoll li dawn jiġu implimentati b'mezzi paċifiċi, bejn ir-reġjuni tal-Punent tal-Ażerbajġan u r-Repubblika Awtonoma tan-Nakhchivan, li ma jiksirx l-integrità territorjali tal-Armenja; jinsisti fuq il-fatt li l-Armenja u l-Ażerbajġan għandhom jaqblu bilateralment bejniethom fuq il-modalitajiet ta' trasport tal-merkanzija fuq din ir-rotta; jinnota li l-iżblokk tat-trasport reġjonali u tal-infrastrutturi ta' kollegament se jippreżenta opportunità importanti ta' żvilupp soċjoekonomiku fir-reġjun tal-Kawkasu tan-Nofsinhar kollu kemm hu;

16.  Jilqa' pożittivament l-assistenza umanitarja li tat l-UE lill-popolazzjoni milquta mill-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh u fil-madwar tiegħu u r-rwol ta' tmexxija tagħha biex tagħti l-assistenza tagħha għat-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji fiż-żoni milquta mill-kunflitt; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura finanzjamenti u assistenza addizzjonali għall-isforzi tat-tneħħija tal-mini, inklużi t-tagħmir, it-taħriġ u l-edukazzjoni dwar ir-riskju; jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni fil-qasam tat-tneħħija tal-mini ma' esperti tal-Istati Membri tal-UE u NGOs;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-assistenza tal-UE lill-persuni fil-bżonn, taġevola l-implimentazzjoni ta' miżuri aktar ambizzjużi għat-tisħiħ tal-fiduċja u tippromwovi d-djalogu interreliġjuż u interetniku, tipproteġi d-drittijiet tal-minoranzi u tintensifika l-kuntatti interpersonali bejn iċ-ċittadini bil-għan li titfa' s-sisien għal koeżistenza sostenibbli u paċifika; jitlob li jinstabu soluzzjonijiet reċiprokament aċċettabbli għar-ritorn sikur tal-popolazzjonijiet spostati;

18.  Josserva li l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna ħolqot bosta sfidi għall-Armenja f'termini ta' sigurtà u żvilupp ekonomiku, b'implikazzjonijiet soċjetali importanti kkawżati mill-wasla tal-massa ta' ċittadini Russi fil-pajjiż u mill-impatt indirett fuq l-ekonomija Armena tas-sanzjonijiet internazzjonali kontra r-Russja; jistieden lill-UE tassisti lill-Armenja biex ittaffi l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali ta' dawn l-iżviluppi;

19.  Jissuġġerixxi l-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' garanzija internazzjonali temporanju għas-sikurezza u għas-sigurtà tal-popolazzjoni Armena fin-Nagorno-Karabakh u tal-persuni kollha li jirritornaw fih;

20.  Jisħaq fuq l-importanza tal-medjazzjoni internazzjonali, fid-dawl tal-iżbilanċ sinifikanti ta' poter bejn iż-żewġ naħat, u tar-rwol partikolarment importanti tal-UE f'dan il-kuntest biex tiżgura ftehim ġust u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-popolazzjoni tan-Nagorno-Karabakh;

21.  Jitlob li lill-organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali, b'mod partikolari n-Nazzjonijiet Uniti, jingħata l-aċċess għan-Nagorno-Karabakh u jfakkar li attwalment l-aċċess għar-reġjun huwa permess biss lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, u dan mhuwiex biżżejjed biex issir valutazzjoni preċiża tal-kundizzjonijiet u tal-bżonnijiet tal-popolazzjoni residenti hemm;

22.  Jesprimi tħassib dwar il-preżenza tal-hekk imsejħa "forzi taż-żamma tal-paċi" Russi u dwar l-impatt potenzjali tagħhom fuq l-iżviluppi politiċi fil-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-futur tal-programm ta' riformi tar-reġjun;

23.  Josserva li fi żmien tliet snin, jiġifieri meta jiskadi l-mandat għall-konsolidament tal-paċi tal-forzi Russi, għandha tiġi żgurata preżenza ġdida ta' forzi tal-paċi fuq il-post, u jisħaq li din tal-aħħar tkun iggarantita minn missjoni ta' forzi taż-żamma tal-paċi internazzjonali;

24.  Għadu mħasseb bis-serjetà bid-destin tal-priġunieri tal-gwerra Armeni u taċ-ċivili li kienu jinsabu f'detenzjoni matul l-kunflitt kif ukoll warajh u li għadhom miżmuma illegalment mill-Ażerbajġan; jilqa' pożittivament il-ħelsien ta' wħud minnhom; ma japprovax il-kundanna u d-detenzjoni mtawla tat-33 priġunier tal-gwerra u ċivili kkonfermati; jissottolinja li l-priġunerija tagħhom tmur kontra l-appelli kollha tal-komunità internazzjonali, inkluż tal-Parlament, biex jinħelsu l-priġunieri tal-gwerra u lill-priġunieri ċivili kollha li fadal; jenfasizza li kemm l-Armenja kif ukoll l-Ażerbajġan huma partijiet tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra (III) relatata mat-Trattament tal-Priġunieri tal-Gwerra, li tistabbilixxi li l-priġunieri tal-gwerra għandhom jiġu ttrattati dejjem b'mod uman u meħlusa u rimpatrijati mingħajr dewmien wara li jieqfu l-ostilitajiet attivi; jiddispjaċih, madankollu, li għadhom mhumiex magħrufa d-destin u l-post fejn jinsabu aktar minn 200 Armen, fosthom 20 ċivili, fir-rigward tal-gwerra tal-2020; josserva li l-Grupp ta' Ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Għajbien Sfurzat jew Involontarju beda l-proċeduri u talab informazzjoni mill-Ażerbajġan fir-rigward ta' mill-inqas 18-il persuna nieqsa; jistieden lin-naħat kollha jiċċaraw id-destin u l-post fejn jinsabu l-persuni li għebu u jittrattaw il-katavri b'dinjità; jitlob għal darb'oħra l-ħelsien minnufih u mingħajr kundizzjonijiet tad-detenuti kollha li fadal, inklużi dawk li nqabdu matul il-konfronti militari reċenti, u li jiġu ttrattati f'konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali;

25.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli t-tortura, il-mutilazzjoni u l-qtil ta' persunal militari Armen, inklużi nisa, u tmien priġunieri tal-gwerra diżarmati Armeni min-naħa tal-forzi armati tal-Ażerbajġan f'Settembru 2022; jiddeplora l-fatt li l-awturi ffilmjaw dawn l-atti faħxin u tellgħuhom fuq il-media soċjali; jieħu nota tar-rapporti tal-gruppi għad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari ta' Human Rights Watch, li jikklassifikaw dan l-att bħala delitt tal-gwerra; jitlob li ssir investigazzjoni totali, indipendenti u imparzjali biex jiġu identifikati l-persuni responsabbli u jagħtu kont ta' għemilhom;

26.  Jikkundanna l-każijiet kollha ta' tortura u għajbien furzat kif ukoll it-trattament ħażin u l-profanazzjoni tal-katavri; jitlob lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan jiżguraw li l-investigazzjoni li bdiet fit-2 ta' Ottubru 2022 mill-uffiċċju tal-prosekutur militari tkun trasparenti u effikaċi u twassal biex jiġi aċċertat li s-suldati u l-kmandanti responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom; jinnota, f'dan il-kuntest, li s'issa mhijiex disponibbli informazzjoni għal dan l-iskop; jistieden fl-istess ħin lill-awtoritajiet investigattivi Armeni jkomplu l-investigazzjonijiet tal-filmati tal-2020 li juru suldati tal-Ażerbajġan jisfaw, allegatament, vittmi ta' delitti tal-gwerra u jidentifikaw lill-awturi responsabbli u jġegħluhom jagħtu kont ta' għemilhom;

27.  Jinsisti fuq il-fatt li ż-żewġ Stati għandhom l-obbligu internazzjonali li jwettqu investigazzjonijiet indipendenti, fil-pront, pubbliċi u effikaċi u jħarrku l-allegazzjonijiet kredibbli kollha relatati ma' ksur gravi tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u ksur ieħor tad-dritt internazzjonali u mad-delitti tal-gwerra, bil-għan li jiġi żgurat li dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom u l-vittmi jingħataw id-dritt għal rimedju;

28.  Jiddenunzja l-qerda tal-patrimonju kulturali, reliġjuż u storiku tal-Armenja u tal-Ażerbajġan mill-bidu tal-kunflitt tan-Nagorno-Karabakh; iħeġġeġ lill-Ażerbajġan u lill-Armenja jastjenu milli jeqirdu, ma jeħdux ħsieb jew jalteraw l-oriġini tal-patrimonju kulturali, reliġjuż jew storiku fir-reġjun u minflok jistinkaw biex jippreservaw, jipproteġu u jippromwovu din id-diversità rikka; jitlob li tintrefa' r-responsabbiltà ta' tali azzjonijiet; jenfasizza li l-qerda tal-patrimonju kulturali żżid it-tensjoni u l-mibegħda bejn il-pajjiżi u tikkontribwixxi għad-destabbilizzazzjoni tar-reġjun, b'hekk jiġu mminati l-isforzi tat-taħditiet bilaterali li saru dan l-aħħar; jitlob li s-siti li ġarrbu danni jiġu restawrati konformement mal-istandards u mal-indikazzjonijiet tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) kif ukoll involviment akbar tal-komunità internazzjonali fil-protezzjoni tal-patrimonju kulturali u reliġjuż tar-reġjun; jiddeplora l-fatt li, sentejn wara li ġiet iffirmata d-dikjarazzjoni tal-waqfien mill-ġlied tad-9 ta' Novembru 2020, il-missjoni tal-UNESCO għadha ma tistax iżżur iż-żoni milquta; jistieden lill-Armenja u lill-Ażerbajġan jikkooperaw b'mod sħiħ mal-UNESCO u jippermettu u jaġevolaw b'urġenza ż-żjara tal-missjoni tagħha fiż-żewġ pajjiżi mingħajr kundizzjonijiet preliminari; jieħu nota tad-disponibbiltà espressa mill-Armenja li tirċievi din il-missjoni;

29.  Jinkoraġġixxi aktar kuntatti bilaterali bejn l-awtoritajiet politiċi tal-Armenja u tal-Ażerbajġan; jissottolinja r-rwol li żvolġiet is-soċjetà ċivili taż-żewġ pajjiżi biex jitjiebu r-relazzjonijiet ta' bejniethom; jisħaq fuq il-bżonn li ssir konsultazzjoni u kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dwar kwistjonijiet relatati mar-rikonċiljazzjoni u mal-assistenza umanitarja, kif ukoll l-importanza għal dawn l-organizzazzjonijiet li jkollhom finanzjamenti sostenibbli u l-libertà li jagħmlu xogħolhom mingħajr restrizzjonijiet; jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni ssostni lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Armenja u fl-Ażerbajġan li jikkontribwixxu tassew għar-rikonċiljazzjoni;

Politika estera u ta' sigurtà

30.  Isostni n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-Armenja u t-Turkija fl-interess tar-rikonċiljazzjoni, tas-sigurtà u tal-istabbiltà reġjonali kif ukoll tal-iżvilupp soċjoekonomiku u jilqa' favorevolment il-progress li sar s'issa, inkluż l-issuktar tat-titjiriet bejn iż-żewġ pajjiżi; jitlob li l-ftehmiet li laħqu r-rappreżentanti speċjali jiġu implimentati malajr; ifakkar li t-tentattiv preċedenti ta' normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-Armenja u t-Turkija permezz tal-iffirmar tal-protokolli tal-2009 falla minħabba l-appoġġ unilaterali tat-Turkija lill-Ażerbajġan u d-deċiżjoni tagħha li tissubordina l-ftuħ tal-fruntieri u l-istabbiliment ta' relazzjonijiet diplomatiċi mal-Armenja għar-riżoluzzjoni tal-kunflitt tan-Nagorno-Karabakh; jistieden liż-żewġ naħat jimpenjaw ruħhom fil-proċess in bona fide u mingħajr kundizzjonijiet preliminari u jistieden lill-UE tappoġġa b'mod attiv dan il-proċess; jesprimi t-tama li dan jista' jagħti impetu lin-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet fir-reġjun tal-Kawkasu tan-Nofsinhar; jinkoraġġixxi għal darb'oħra lit-Turkija tirrikonoxxi l-Ġenoċidju Armen bil-għan li titwitta t-triq għal rikonċiljazzjoni reali bejn il-poplu Tork u l-poplu Armen, u tirrispetta b'mod sħiħ l-obbligi tagħha li tipproteġi l-patrimonju kulturali Armen;

31.  Ifakkar li l-klawżoli tas-CSTO ma ġewx attivati la matul il-gwerra tal-2020 u lanqas f'Settembru tal-2022, minkejja t-talbiet Armeni; jinkoraġġixxi lill-Armenja, bil-għan li tiżgura protezzjoni aħjar tas-sovranità u tal-integrità territorjali tagħha, tikkunsidra l-possibbiltà li tiddiversifika s-sħubijiet tagħha u l-alleanzi ta' sigurtà potenzjali tagħha mas-sħab Ewro-Atlantiċi reġjonali tagħha, peress li d-dipendenza li ilu jkollha mir-Russja u mill-alleati tagħha fis-CSTO wriet li mhijiex biżżejjed;

32.  Jieħu nota tal-interess tal-Iran li jimpedixxi l-bini ta' infrastrutturi ġodda tat-trasport bejn ir-Repubblika Awtonoma tan-Nakhchivan u r-reġjuni tal-Punent tal-Ażerbajġan, kif maqbul fid-dikjarazzjoni tal-waqfien mill-ġlied tad-9 ta' Novembru 2020, li, f'każ li tassew isir, ikollu impatt sinifikanti fuq il-prospettivi ta' ftehim ta' paċi; jiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet Armeni dwar ir-riskji tal-kooperazzjoni mar-reġim awtoritarju Iranjan li, barra minn delitti u ksur ta' tip ieħor, iforni tagħmir militari użat mir-Russja fil-gwerra ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna;

33.  Isostni l-isforzi tal-Armenja biex tuża l-Assemblea Parlamentari Euronest bħala forum importanti għad-djalogu politiku mal-pajjiżi ġirien u tinkoraġġixxi għaldaqstant lill-Armenja tkompli tagħmel użu tiegħu b'mod totali;

Riformi demokratiċi, stat tad-dritt u governanza tajba

34.  Jilqa' pożittivament id-dħul fis-seħħ totali tas-CEPA fl-1 ta' Marzu 2021 u l-impenn tal-Armenja favur l-implimentazzjoni tiegħu; jissottolinja li l-ftehim jikkostitwixxi qafas għall-kollaborazzjoni bejn l-UE u l-Armenja f'firxa wiesgħa ta' oqsma, bħat-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, b'hekk jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u jippromwovi l-kooperazzjoni settorjali; jilqa' pożittivament il-fatt li l-Gvern Armen jirrikonoxxi s-CEPA bħala pjan strateġiku għar-riformi fundamentali fl-Armenja; ifaħħar lill-Armenja għar-riformi sinifikanti u l-proċess metikoluż ta' demokratizzazzjoni implimentati f'dawn l-aħħar snin, b'hekk kisbet pożizzjoni fuq quddiem nett f'termini ta' demokrazija fir-reġjun; jieħu nota tal-fatt li l-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli rrikonoxxew lill-Armenja bħala demokrazija fil-milja tagħha fir-Rapport 2022 dwar l-Implimentazzjoni tas-Sħubija relatat mal-Armenja;

35.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li għamlet l-Armenja fl-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali tas-CEPA; jistieden lill-Kunsill ta' Sħubija UE-Armenja jikkollabora mill-qrib għall-implimentazzjoni tar-riformi li għaddejjin bħalissa u tal-ġejjieni; josserva li, f'Settembru 2022, l-Armenja temmet jew qiegħda fil-proċess li timplimenta l-miżuri previsti mill-iskadenzi 2019, 2020, 2021 u 2022 tal-pjan direzzjonali tas-CEPA;

36.  Jirrikonoxxi r-riżultati pożittivi tal-Armenja fil-ġlieda kontra l-kriminalità u l-korruzzjoni, li jagħmluha wieħed mill-aktar pajjiżi sikuri fir-reġjun;

37.  Jilqa' pożittivament l-elezzjonijiet parlamentari bikrin tal-2021, li kkonfermaw il-forza tad-demokrazija fl-Armenja u l-appoġġ tal-poplu tagħha għall-programm ta' riformi; jinkoraġġixxi lill-gvern ikompli jimplimenta r-riformi, minkejja l-kuntest internazzjonali diffiċli u l-isfidi li l-Armenja għandha quddiemha, bil-għan li ssaħħaħ l-istituzzjonijiet demokratiċi, l-istat tad-dritt u l-indipendenza ġudizzjarja; itenni li l-UE hija d-donatur prinċipali li jappoġġa l-proċess ta' riforma tal-Armenja u li fl-assistenza tagħha ssegwi approċċ ibbażat fuq inċentivi konformi mal-prinċipji "aktar għal aktar" u "inqas għal inqas";

38.  Jinkoraġġixxi lill-Armenja tkompli l-isforzi tagħha biex timplimenta r-riformi u ssaħħaħ id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba u japprezza l-progress li diġà sar; japprezza l-progress li għamlet l-Armenja fl-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali tagħha għar-riformi ġudizzjarji u ġuridiċi u tal-istrateġija nazzjonali tagħha kontra l-korruzzjoni kif ukoll ir-riformi kostituzzjonali komprensivi u jistieden lill-Armenja tieħu l-miżuri neċessarji bħal protezzjoni aħjar tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari tad-drittijiet tan-nisa u tal-minoranzi, inklużi tal-persuni LGBTIQ; jieħu nota tar-rapporti ta' ċerti NGOs u rappreżentanti tal-oppożizzjoni li jiżvelaw ir-riskju potenzjali ta' rigress mill-inqas f'xi setturi; iħeġġeġ lill-gvern jagħmel progress viżibbli f'dawn is-setturi; jistieden lill-Armenja tkompli tikkoopera mal-UE fl-implimentazzjoni tar-riformi u jistieden lill-UE żżid l-appoġġ f'dawk is-setturi, b'mod partikolari l-appoġġ tekniku u l-iskambju ta' għarfien espert;

39.  Jistieden lill-atturi politiċi kollha tal-pajjiż ikomplu jwettqu r-riformi neċessarji bil-għan li jsaħħu l-istat tad-dritt, il-libertà tal-mezzi ta' informazzjoni u l-indipendenza tal-ġudikatura, filwaqt li jiżguraw ir-rispett sħiħ tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem;

40.  Jesprimi dispjaċir għal-lingwaġġ polarizzanti li sikwit jużaw l-avversarji politiċi u t-tentattivi distruttivi ta' ċerti gruppi politiċi affiljati mar-Russja biex ixekklu l-proċess ta' paċi bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan;

41.  Jieħu nota tar-riformi ambizzjużi fil-pulizija li għamel il-Gvern Armen bl-appoġġ estensiv tal-UE, li jimmiraw li joħolqu ambjent aktar sikur u iżjed fiduċja bejn il-pubbliku u l-pulizija, u b'mod partikolari t-twaqqif ta' servizz ġdid ta' għassa tal-Armenja u l-istabbiliment ippjanat ta' Ministeru tal-Intern;

42.  Jitlob li titlesta l-investigazzjoni komprensiva fl-allegati każijiet ta' abbuż tal-forza min-naħa tal-pulizija fil-konfront ta' dimostranti, ġurnalisti, esponenti tal-oppożizzjoni u attivisti;

43.  Jissottolinja r-rwol importanti tas-soċjetà ċivili fit-tiswir u fl-implimentazzjoni tar-riformi fundamentali; jissottolinja r-rwol importanti li l-NGOs u l-attivisti għad-drittijiet tal-bniedem jiżvolġu fil-protezzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Gvern Armen ikompli jsaħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jdaħħal leġiżlazzjoni maħsuba li ttejjeb il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lid-delegazzjoni tal-UE u lir-rappreżentanti tal-Istati Membri fl-Armenja jżidu l-appoġġ tagħhom għall-ħidma tas-soċjetà ċivili u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Gvern Armen ivara sforzi konġunti biex jindirizza d-diżinformazzjoni diretta lejn l-atturi tas-soċjetà ċivili u l-attivisti għad-drittijiet tal-bniedem immirata biex timmina r-rwol demokratiku tagħhom;

Rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali

44.  Jenfasizza li l-Artikolu 1 tas-CEPA jinkludi bħala objettiv it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja, bil-għan li jissaħħu l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali; jissottolinja l-importanza tal-libertà tal-media, tal-libertà tal-espressjoni u tal-libertà ta' għaqda biex tiġi ppreservata demokrazija dinamika; jinsab imħasseb bil-preżenza tad-diżinformazzjoni u ta' retorika ħarxa, anki diretta lejn il-gruppi emarġinati; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiddefendu kategorikament id-drittijiet tal-bniedem kollha minquxa fil-KEDB, partikolarment fil-każ ta' gruppi vulnerabbli bħal nisa, tfal, persuni b'diżabbiltà u persuni LGBTIQ;

45.  Ifakkar li l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni hija pedament tas-sistemi demokratiċi; iqis li t-tranżizzjoni demokratika fl-Armenja hija opportunità biex tissaħħaħ is-sistema tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa inkoraġġixxa lill-gvern jieħu pożizzjoni fil-pront u jadotta diversi riformi ġuridiċi; iqis li l-awtoritajiet għandhom ir-rakkomandazzjonijiet għad-dispożizzjoni tagħhom biex jagħmlu progress f'dawk li huma drittijiet tal-bniedem u jitlob li jiġu implimentati;

46.  Jilqa' pożittivament it-titjib f'termini ta' libertà tal-media fl-Armenja, kif rifless fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa 2022; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet nazzjonali jkomplu l-implimentazzjoni tar-riformi biex itejbu l-libertà tal-media fil-pajjiż; jissottolinja li l-kuntest tal-media fil-pajjiż huwa varju, iżda wkoll ikkaratterizzat mill-polarizzazzjoni u mill-influwenza tas-sidien tal-media fuq il-politiki editorjali; huwa mħasseb bil-każijiet ta' diskors ta' mibegħda u ta' vjolenza fiżika kontra l-ġurnalisti;

47.  Huwa mħasseb bil-kampanji ta' diżinformazzjoni Russi ma jaqtgħu qatt fl-Armenja, li nxterdu fil-media Armena u fuq il-pjattaformi tal-media soċjali, li huma mmirati lejn l-Unjoni Ewropea u l-Punent b'mod ġenerali; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jikkollaboraw mal-awtoritajiet Armeni fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, b'mod partikolari billi jżidu l-appoġġ favur il-media indipendenti fil-pajjiż u l-isforzi biex jgħallmu u jtejbu d-diversità tas-settur tal-media u jikkontribwixxu biex jogħla l-livell tal-litteriżmu fil-media fl-Armenja;

48.  Jistieden lill-Gvern Armen jastjeni milli juża miżuri li jillimitaw il-libertà tal-kelma u tal-media fil-ġlieda kontra l-indħil barrani, inkluża d-diżinformazzjoni; jinsisti fuq aktar kooperazzjoni mad-diversi partijiet ikkonċernati fir-rigward tal-liġijiet li jħallu impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem, id-demokratizzazzjoni u l-media;

49.  Jisħaq fuq il-bżonn li titjieb is-sitwazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, tar-rappreżentanza tan-nisa u tat-trattament indaqs fil-livelli kollha tal-ħajja politika, ekonomika u soċjali, u tal-ġlieda kontra l-vjolenza domestika u dik ibbażata fuq il-ġeneru; jistieden lill-Armenja tirratifika l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika; jiddispjaċih bil-fatt li l-parteċipazzjoni politika tan-nisa għadha baxxa minkejja l-introduzzjoni ta' kwota tal-ġeneru fil-listi tal-kandidati;

50.  Jenfasizza l-effett speċifiku tal-kunflitt fuq in-nisa u l-gruppi emarġinati, inklużi s-sitwazzjoni vulnerabbli tan-nisa spostati miż-żoni milquta mill-kunflitt u ż-żieda fil-vjolenza domestika fil-perjodu wara l-gwerra reċenti, kif ukoll l-esklużjoni tan-nisa mill-proċess ta' paċi uffiċjali; jistieden lill-Gvern Armen u lill-medjaturi internazzjonali jneħħu l-ostakli għall-parteċipazzjoni tan-nisa u jinkludu sistematikament fil-konsultazzjonijiet kollha lill-esperti nisa u lid-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem;

51.  Jilqa' pożittivament il-progress u l-prijorità mogħtija lill-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà min-naħa tal-Armenja fil-qafas tal-politiki u tal-programmi nazzjonali tagħha, bl-objettiv li jiżguraw il-parteċipazzjoni politika u pubblika tan-nisa fil-livelli kollha tal-proċess deċiżjonali, l-emanċipazzjoni tagħhom u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; josserva li l-adozzjoni tat-tieni pjan ta' azzjoni nazzjonali Armen dwar l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà huwa strumentali biex ikunu kkonsolidati l-isforzi tal-Armenja maħsuba biex jindirizzaw il-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nis u l-bniet fil-kunflitti u biex jikkontribwixxu għal integrazzjoni ulterjuri tal-perspettiva tal-ġeneri fil-governanza tas-settur tas-sigurtà;

52.  Jisħaq fuq l-importanza li ma ssirx diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali u tal-identità tal-ġeneru, u li t-titjib f'dan ir-rigward ikun ta' ġid kbir għall-iżvilupp demokratiku tal-Armenja u jgħin biex isir progress fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jiddispjaċih, madankollu, bil-fatt li l-Armenja għadha lura f'termini ta' difiża tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ u huwa mħasseb bis-sitwazzjoni fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Armeni jsostnu u jippromwovu d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ u jipprevjenu u jiġġieldu l-fobija fil-konfront tal-persuni LGBTIQ, l-esklużjoni soċjali, l-istigmatizzazzjoni u l-forom kollha ta' diskriminazzjoni fil-konfront tal-persuni LGBTIQ fil-leġiżlazzjoni tagħha u jistieden lill-UE tappoġġa lill-Armenja f'dan il-proċess;

Relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali

53.  Josserva li f'dawn l-aħħar 10 snin, il-volum tal-kummerċ bilaterali bejn l-Armenja u l-UE żdied; jinkoraġġixxi lill-Armenja, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, kif ukoll lill-investituri u lill-kumpaniji Ewropej, jieħdu l-passi neċessarji biex isaħħu aktar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali tagħhom;

54.  Josserva li, mill-1 ta' Jannar 2022, l-Armenja ma baqgħetx tibbenefika mill-iskema ġeneralizzata ta' preferenzi (SĠP) u mill-arranġament speċjali tagħha ta' inċentivi għall-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba (SĠP+); jistieden lill-Armenja tibbaża fuq is-suċċessi kummerċjali fl-ambitu tat-tariffi preferenzjali SĠP u SĠP+ u tisfrutta b'mod sħiħ l-opportunitajiet għad-dispożizzjoni tagħha fi ħdan is-CEPA;

55.  Jieħu nota tal-potenzjal tal-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment biex tingħata għajnuna lill-Armenja ħalli tibni ekonomija sostenibbli, dinamika u reżiljenti; jilqa' pożittivament il-progress li għamlet l-Armenja fl-implimentazzjoni tal-inizjattivi emblematiċi;

Kooperazzjoni settorjali

56.  Jilqa' pożittivament l-iffirmar tal-Ftehim dwar Żona ta' Avjazzjoni Komuni Ewropea fil-15 ta' Novembru 2021 u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jiġi ratifikat malajr;

57.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar tal-ftehim ta' kooperazzjoni strateġika mal-Europol f'Settembru 2021 u l-progress konsiderevoli li sar fin-negozjati għall-iffirmar ta' ftehim mal-Eurojust;

58.  Jilqa' pożittivament il-fatt li, f'Ottubru 2022, l-Armenja daħlet fin-Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni bħala osservatur;

59.  Jilqa' favorevolment l-assoċjazzjoni tal-Armenja ma' Orizzont Ewropa, il-programm ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE għall-perjodu 2021-2027, li jippermetti lir-riċerkaturi, lill-innovaturi u lill-entitajiet ta' riċerka Armeni jsaħħu s-sħubijiet mal-kontropartijiet tagħhom fl-UE u jilqa' pożittivament il-kooperazzjoni produttiva tal-Armenja mal-programm Erasmus+;

60.  Jilqa' pożittivament il-fatt li l-Armenja daħlet fil-programm Ewropa Kreattiva 2021-2027, li se ssaħħaħ is-setturi kulturali u kreattivi tal-pajjiż u se jqawwilu l-isforzi għal aktar inklużività, diġitalizzazzjoni u sostenibbiltà;

61.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jirrikonoxxu l-progress li għamlet l-Armenja f'dawn l-aħħar snin fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet għall-faċilitazzjoni tal-viża u ta' riammissjoni, u fil-ftuħ ta' djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viżi mal-Armenja biex jiġu appoġġati l-kuntatti interpersonali, it-tisħiħ tar-rabtiet bilaterali u l-progress tar-riformi;

62.  Itenni t-tħassib tiegħu rigward it-tħaddim attwali tal-impjant nukleari obsolet ta' Metsamor; jitlob l-adozzjoni rapida ta' pjan direzzjonali jew ta' pjan ta' azzjoni għall-għeluq u d-dekummissjonar sikur tal-impjant, fid-dawl tal-bżonn li l-kapaċità enerġetika tiegħu tiġi sostitwita, anki b'sorsi tal-enerġija rinnovabbli, bil-għan li jiġu żgurati s-sigurtà enerġetika u l-iżvilupp sostenibbli tal-Armenja konformement mad-dispożizzjonijiet CEPA; jilqa' b'sodisfazzjon iż-żjara tad-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) fl-Armenja f'Ottubru 2022 u jinkoraġġixxi lill-Awtorità Regolatorja Nukleari Armena trawwem kooperazzjoni reċiproka u tisfrutta b'mod sħiħ l-appoġġ tal-IAEA; iħeġġeġ lill-Armenja tieħu l-miżuri neċessarji kollha biex iġġib l-impjant nukleari ta' Metsamor għal-livell tal-istandards internazzjonali biex tiżgura t-tħaddim sigur u bla periklu, għall-inqas għall-perjodu ta' tranżizzjoni neċessarju, jiġifieri sa meta tkun totalment operattiva alternattiva adegwata ta' sostituzzjoni u tkun garantita s-sigurtà enerġetika;

63.  Jilqa' pożittivament il-miżuri li l-Armenja diġà ħadet fir-rigward tat-tranżizzjoni ekoloġika u l-impenn tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet b'40 % sal-2030; jistieden lill-Armenja tkompli timpenja ruħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima konformement mal-Ftehim ta' Pariġi u fil-bżonn li tħares l-ambjent; jinkoraġġixxi lill-Armenja żżid l-objettivi tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet fl-ambitu tal-kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali biex tirrifletti l-impenn tagħha u r-riżultati tajbin li kisbet fit-tnaqqis tal-emissjonijiet;

64.  Jistieden lill-awtoritajiet Armeni jagħmlu passi deċiżivi biex iħaffu l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli, iżidu l-effiċjenza enerġetika u jiddiversifikaw is-sorsi tal-enerġija, fid-dawl tal-fatt li l-importazzjonijiet ta' gass naturali mir-Russja għadhom jirrappreżentaw aktar minn 80 % tal-importazzjonijiet ta' gass tal-Armenja kif ukoll tal-kooperazzjoni bilaterali bejn l-Armenja u l-Iran f'dak li hu skambju ta' enerġija;

o
o   o

65.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tal-Armenja.

(1) ĠU L 23, 26.1.2018, p. 4.
(2) ĠU C 118, 8.4.2020, p. 43.
(3) ĠU C 362, 8.9.2021, p. 114.
(4) ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 148.
(5) ĠU C 328, 6.9.2016, p. 2.
(6) ĠU C 15, 12.1.2022, p. 156.
(7) ĠU C 347, 9.9.2022, p. 198.
(8) ĠU C 493, 27.12.2022, p. 70.
(9) Testi adottati, P9_TA(2023)0009.
(10) Testi adottati, P9_TA(2023)0012.


Ir-relazzjonijiet UE-Ażerbajġan
PDF 210kWORD 71k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2023 dwar ir-relazzjonijiet UE-Ażerbajġan (2021/2231(INI))
P9_TA(2023)0082A9-0037/2023

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, irratifikata mill-Ażerbajġan fl-2002,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra tal-1984,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet nri 882 tat-30 ta' April 1993, 853 tad-29 ta' Lulju 1993, 874 tal-14 ta' Ottubru 1993 u 884 tat-12 ta' Novembru 1993, tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna, partikolarment ES-11/1 u ES-11/2 ta' Marzu 2022, ES-11/3 ta' April 2022 u ES-11/4 ta' Ottubru 2022,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tas-7 ta' Diċembru 2021,

–  wara li kkunsidra l-attivitajiet tal-Kopresidenti tal-Grupp ta' Minsk tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tas-16 ta' Frar 2006 dwar il-wirt kulturali fl-Ażerbajġan(1), tal-20 ta' Mejju 2021 dwar il-priġunieri tal-gwerra wara l-kunflitt l-aktar reċenti bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan(2), tas-17 ta' Frar 2022 dwar l-implimentazzjoni tal-politika estera u ta' sigurtà komuni – rapport annwali 2021(3), tal-10 ta' Marzu 2022 dwar il-qerda tal-wirt kulturali fin-Nagorno-Karabakh(4) u tat-8 ta' Ġunju 2022 dwar is-sigurtà fiż-żona tas-Sħubija tal-Lvant u r-rwol tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni(5), u tad-19 ta' Jannar 2023 dwar il-konsegwenzi umanitarji tal-imblokk fin-Nagorno-Karabakh(6),

–  wara li kkunsidra d-Digrieti tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tat-22 ta' Frar 2023 dwar l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali (L-Armenja vs L-Ażerbajġan u L-Ażerbajġan vs L-Armenja),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni tat-22 ta' April 1996 bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u r-Repubblika tal-Ażerbajġan mill-parti l-oħra(7),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni Nru 1/2018 tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni UE-Ażerbajġan, tat-28 ta' Settembru 2018, dwar il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Ażerbajġan(8),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2018 lill-Kunsill, il-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar il-Ftehim Komprensiv UE-Ażerbajġan(9),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017(10),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, tat-18 ta' Marzu 2020, bit-titolu "Il-politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020: It-Tisħiħ tar-Reżiljenza – Sħubija tal-Lvant li tikseb riżultati għal kulħadd" (JOIN(2020)0007),

–  wara li kkunsidra l-Kunsill ta' Kooperazzjoni UE-Ażerbajġan tad-19 ta' Lulju 2022 u d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni, tal-14 ta' Lulju 2022, bit-titolu "Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Kooperazzjoni mal-Ażerbajġan" (SWD(2022)0197),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni konġunta tal-Kummissjoni ta' Venezja u tad-Direttorat Ġenerali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Istat tad-Dritt (DGI) tal-Kunsill tal-Ewropa rigward il-Liġi dwar il-Media, approvata mill-Kummissjoni ta' Venezja fil-131 sessjoni plenarja tagħha fis-17-18 ta' Ġunju 2022,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2022 dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni(11),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel tal-14 ta' Diċembru 2021 u tas-6 ta' April 2022 u l-istqarrijiet għall-istampa tiegħu tat-22 ta' Mejju 2022 u tal-31 ta' Awwissu 2022 wara l-laqgħa trilaterali mal-President Ilham Aliyev u mal-Prim Ministru Nikol Pashinyan, u tas-6 ta' Ottubru 2022 wara l-laqgħa kwadrilaterali bejn il-President Aliyev, il-Prim Ministru Pashinyan, il-President Macron u l-President Michel,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, f'isem l-Unjoni Ewropea, tad-19 ta' Novembru 2020 dwar in-Nagorno-Karabakh,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa wara ż-żjara tagħha fl-Ażerbajġan mit-8 sat-12 ta' Lulju 2019(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2019 dwar l-Ażerbajġan, b'mod partikolari l-każ ta' Mehman Huseynov(13) u riżoluzzjonijiet oħra dwar l-Ażerbajġan, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni interim tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, grupp Mammadli kontra l-Ażerbajġan, tat-22 ta' Settembru 2022,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Korp ta' Investigazzjoni Indipendenti dwar l-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni fi ħdan l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tal-15 ta' April 2018,

–  wara li kkunsidra d-digriet tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) dwar l-Applikazzjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali(L-Armenja vs L-Ażerbajġan) tas-7 ta' Diċembru 2021,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari r-rapport ta' monitoraġġ tal-2016 dwar l-Ażerbajġan,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (APKE) intitolat "Alleged violations of the rights of LGBTI people in the Southern Caucasus"(14) (Allegat ksur tad-drittijiet tal-persuni LGBTI fil-Kawkasu tan-Nofsinhar),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni dwar l-Ażerbajġan tal-Kumitat Konsultattiv tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali, ippubblikata fl-4 ta' Frar 2019,

–  wara li kkunsidra r-rapport "Freedom in the World" tal-2022 u r-rapport "Nations in Transit" tal-2022 ta' Freedom House,

–  wara li kkunsidra l-programm indikattiv pluriennali (2021-2027) tal-Kummissjoni għall-Ażerbajġan,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tat-2 ta' Lulju 2021 intitolat "Irkupru, reżiljenza u riforma: il-prijoritajiet tas-Sħubija tal-Lvant wara l-2020" (SWD(2021)0186),

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil dwar Sħubija Strateġika fil-qasam tal-enerġija ffirmat mill-UE u mill-Ażerbajġan fit-18 ta' Lulju 2022,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-8 ta' Ġunju 2016 intitolata "Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali" (JOIN(2016)0029),

–  wara li kkunsidra d-djalogi bilaterali u regolari f'livell għoli bejn l-UE u l-Ażerbajġan dwar is-sigurtà, l-enerġija u t-trasport,

–  wara li kkunsidra l-Indiċi tas-Sħubija tal-Lvant tal-2021,

–  wara li kkunsidra l-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment ippubblikat fit-2 ta' Lulju 2021,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0037/2023),

A.  billi għal aktar minn 30 sena u għadu għaddej, il-kunflitt tan-Nagorno-Karabakh kif ukoll il-gwerra bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan irriżultaw f’għexieren ta' eluf ta' vittmi, qerda enormi anki ta' siti kulturali u reliġjużi u l-ispostament ta' mijiet ta' eluf ta' persuni;

B.  billi l-konfronti militari letali bejn l-Ażerbajġan u l-Armenja għadhom qegħdin ifaqqgħu perjodikament; billi d-dikjarazzjoni ta' waqfien mill-ġlied tad-9 ta' Novembru 2020, introdotta wara l-gwerra ta' 44 ġurnata mibdija li beda l-Ażerbajġan fl-2020, ma ġietx implimentata bis-sħiħ; billi, barra minn hekk, il-waqfien mill-ġlied inkiser diversi drabi, fatt li kkawża mijiet ta' vittmi u l-okkupazzjoni tat-territorju sovran Armen fin-naħa tal-Lvant u tax-Xlokk tal-pajjiż min-naħa tat-truppi tal-Ażerbajġan; billi minn Diċembru 2022, it-traffiku ċivili bejn l-Armenja u n-Nagorno-Karabakh fil-kuritur ta' Lachin ġie mblukkat u dan iħalli impatt negattiv fuq il-konsenji ta' ikel u ta' provvisti essenzjali oħra lir-reġjun;

C.  billi b'segwitu għall-ġlied ta' Settembru 2022, nibtu allegazzjonijiet skont liema ħafna priġunieri tal-gwerra Armeni ġew sottoposti għal abbużi fiżiċi u atti ta' umiljazzjoni; billi nibtu allegazzjonijiet oħra dwar każijiet ta' tortura u abbużi oħra min-naħa tal-forzi tal-Ażerbajġan kontra ċivili Armeni, inklużi l-persuni anzjani, kif ukoll każ ta' eżekuzzjoni ekstraġudizzjarja li sar fil-bidu tal-2021; billi nibtu wkoll allegazzjonijiet marbuta ma' mill-inqas, bejn wieħed u ieħor, 12-il eżekuzzjoni ekstraġudizzjarja oħra ta' truppi u ċivili Armeni li saru fl-2020 u fil-bidu tal-2021;

D.  billi l-forzi taż-żamma tal-paċi Russi stazzjonati fir-reġjun la riedu u lanqas setgħu jipprevjenu attakki ulterjuri mill-Ażerbajġan u l-preżenza tagħhom naqset b'mod kostanti, speċjalment wara li bdiet l-gwerra ta' aggressjoni kriminali Russa kontra l-Ukrajna;

E.  billi l-gwerra ta' aggressjoni Russa fil-konfront tal-Ukrajna kellha implikazzjonijiet għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u kompliet tikkomplika s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-reġjun;

F.  billi l-UE impenjat ruħha li tippromwovi b'mod attiv reġjun tal-Kawkasu tan-Nofsinhar sigur, stabbli, paċifiku u prosperu, b'rabtiet ekonomiċi, politiċi u kulturali b'saħħithom mal-UE; billi l-UE lesta tiżvolġi rwol attiv bħala sieħba kummerċjali affidabbli u medjatur onest biex jintlaħaq ftehim ta' paċi sostenibbli bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan, abbażi tal-azzjoni tagħha fil-promozzjoni tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

G.  billi l-UE ssostni r-riżoluzzjoni paċifika ta' eventwali kunflitti reġjonali mhux riżolti bis-saħħa ta' mezzi diplomatiċi;

H.  billi l-laqgħat ta' livell għoli saru Brussell bejn il-President Aliyev u l-Prim Ministru Pashinyan, bil-medjazzjoni tal-President Charles Michel, li bis-saħħa tagħhom ittieħdu impenji;

I.  billi b'segwitu għal-laqgħa kwadrilaterali bejn il-President Aliyev, il-Prim Ministru Pashinyan, il-President Macron u l-President Michel fis-6 ta' Ottubru 2022 fi Praga, l-UE bagħtet kapaċità temporanja ta' monitoraġġ fuq ix-xaqliba Armena tal-konfini internazzjonali mal-Ażerbajġan, bl-objettiv li jsiru monitoraġġ, analiżi u rapportar dwar is-sitwazzjoni fir-reġjun;

J.  billi f'Marzu 2022 l-Ażerbajġan ippropona ħames prinċipji fundamentali għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-Ażerbajġan u l-Armenja, fosthom ir-rikonoxximent reċiproku tal-integrità territorjali, l-invjolabbiltà tal-fruntieri u l-indipendenza politika, il-konferma reċiproka tal-assenza ta' rivendikazzjonijiet territorjali fil-konfront ta' xulxin, l-obbligu ta' astensjoni mit-theddid għas-sigurtà nazzjonali ta' xulxin, id-delimitazzjoni u d-demarkazzjoni tal-konfini tal-Istat bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan u l-ftuħ għat-traffiku tal-infrastrutturi tat-trasport; billi l-Armenja qablet b'mod preliminari ma' tali prinċipji, u sussegwentement irrispondiet bi prinċipji ulterjuri, fosthom is-sigurtà u d-drittijiet tal-popolazzjoni ta' oriġini etnika Armena fin-Nagorno-Karabakh, id-determinazzjoni tal-istatus definittiv tar-reġjun, ir-ritorn tad-detenuti u r-ripristinu tal-komunikazzjonijiet;

K.  billi normalizzazzjoni sostenibbli tar-relazzjonijiet bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan u bażi għal paċi ġusta u dejjiema jirrikjedu li jieqfu l-vjolenzi kollha, li l-kawżi profondi kollha tal-kunflitt jiġu indirizzati u li l-ftehimiet stipulati miż-żewġ partijiet jiġu implimentati bis-sħiħ bil-għan li jiġi żgurat l-iżvilupp taż-żewġ pajjiżi; billi tali għan jista' jintlaħaq biss jekk l-awtoritajiet tal-Armenja u tal-Ażerbajġan jiggarantixxu l-koeżistenza paċifika, is-sigurtà u r-rispett tad-drittiijiet tal-minoranzi;

L.  billi l-kunflitti armati bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan ħallew impatt katastrofiku fuq il-patrimonju kulturali, reliġjuż u storiku tar-reġjun kollu kemm hu;

M.  billi, fid-digriet tal-QIĠ tas-7 ta' Diċembru 2021 saru allegazzjonijiet gravi rigward l-involviment tal-awtoritajiet tal-Ażerbajġan fil-qerda ta' ċimiterji, knejjes u monumenti storiċi fin-Nagorno-Karabakh; billi skont dan id-digriet l-Armenja għandha l-obbligu li tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex tipprevjeni l-inċitament għall-mibegħda razzjali u l-promozzjoni tagħha mmirata lejn il-persuni ta' oriġini nazzjonali jew etnika tal-Ażerbajġan;

N.  billi s-sitwazzjoni f'termini ta' rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fl-Ażerbajġan għadha negattiva ħafna u għandna titjieb qabel ma l-UE tkompli ssaħħaħ is-sħubija politika u enerġetika tagħha mal-pajjiż;

O.  billi l-UE u l-Ażerbajġan qablu b'mod konġunt, permezz tal-Ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni tal-1996, fuq il-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-demokrazija u tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-partijiet ħadu l-impenn li jikkooperaw għar-rispett u għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari għal dawk tal-minoranzi;

P.  billi, b'diżrispett tal-Kostituzzjoni tal-Ażerbajġan, li tipprevedi l-libertà ta' għaqda paċifika u l-libertà ta' assoċjazzjoni, l-awtoritajiet tal-Ażerbajġan jillimitaw b'mod kostanti u gravi tali libertajiet, b'hekk joħolqu kundizzjonijiet li jwasslu de facto għal projbizzjoni tal-libertà ta' għaqda; billi fl-Ażerbajġan l-ispazju għad-dispożizzjoni tal-attiviżmu indipendenti, tal-ġurnaliżmu kritiku u tal-attività tal-oppożizzjoni politika ġie limitat b'mod gravi; billi bosta attivisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti ġew arrestati u impriġunati skont liġijiet u regolamenti li jillimitaw l-attivitajiet tal-gruppi indipendenti;

Q.  billi fl-Ażerbajġan għadha ma teżistix ġudikatura indipendenti u l-indħil fix-xogħol u fl-indipendenza tal-avukati huwa pervażiv; billi t-trattament ħażin waqt id-detenzjoni mill-pulizija huwa mifrux sew, allegatament għal finijiet ta' estorsjoni ta' konfessjonijiet, filwaqt li lid-detenuti jiġihom miċħud l-aċċess għall-familja, għal avukati indipendenti u għal kura medika indipendenti; billi l-awtoritajiet ġeneralment jiċħdu l-ilmenti ta' tortura u trattament ħażin ieħor waqt id-detenzjoni u dawn il-prattiki jkomplu jsiru b'impunità;

R.  billi l-awtoritajiet tal-Ażerbajġan qed jillimitaw kontinwament il-pluralità tal-media u l-libertà ta' espressjoni; billi l-oppożituri politiċi tal-Gvern, l-attivisti għad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti huma suġġetti għal diskors ta' mibegħda u vjolenza mmotivata minn raġunijiet politiċi u huma impriġunati b'mod arbitrarju; billi dawn il-każijiet mhumiex investigati biżżejjed; billi f'Lulju 2021, il-proġett ta' ġurnaliżmu investigattiv dwar il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni (Organized Crime and Corruption Reporting Project) irrapporta li l-ġurnalisti tal-Ażerbajġan huma fil-mira tal-istrument ta' software ta' spjunaġġ Pegasus tal-NSO;

S.  billi l-Indiċi Rainbow Europe tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Persuni Leżbjani u Gay juri li l-Ażerbajġan għandu l-agħar defiċit ta' leġiżlazzjoni u politiki maħsuba biex jipproteġu lill-persuni LGBTIQ, u jikklassifikawh fl-aħħar post fost il-pajjiżi kollha tal-Kunsill tal-Ewropa; billi d-diskors u r-reati ta' mibegħda fil-konfront tal-persuni LGBTIQ fl-Ażerbajġan jippersistu u, minħabba nuqqas ta' fiduċja fl-awtoritajiet inkarigati mill-infurzar tal-liġi u n-nuqqas ta' azzjoni min-naħa tagħhom, normalment la jiġu rrapportati u lanqas ikkastigati; billi fl-2022 l-APKE adottat riżoluzzjoni dwar il-ksur tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ fil-Kawkasu tan-Nofsinhar u ppreżentat għadd ta' talbiet lill-awtoritajiet biex jirriformaw il-leġiżlazzjoni ħalli jiġi indirizzat dan il-ksur;

T.  billi l-Ażerbajġan ma rrispettax l-obbligu ta' diliġenza dovuta biex jipprevjeni, jinvestiga u jikkastiga l-vjolenza fuq in-nisa u jagħti miżuri ġuridiċi effikaċi għal dan il-għan; billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru għadha pervażiva iżda qajla tiġi rrapportata fl-Ażerbajġan; billi r-rati ta' femminiċidju żdiedu u l-femminiċidju spiss huwa premeditat mill-membri tal-familja; billi għad hemm lakuni gravi fir-risposta uffiċjali għall-femminiċidju, fosthom in-nuqqas ta' protezzjoni u l-possibbiltà ta' rikors għall-appoġġ għall-vittmi li rnexxielhom jibqgħu ħajjin;

U.  billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa huma sistematikament fil-mira, u suġġetti għalihom, ta' theddid, koerċizzjoni, swat mill-pulizija, vjolazzjoni tad-dritt għall-privatezza tagħhom u kampanji ta' malafama speċifiċi għal raġunijiet ta' ġeneru maħsuba biex jiskreditawhom u jsikktuhom; billi l-ġurnalisti nisa u l-operaturi nisa l-oħra tal-media jħabbtu wiċċhom ma' perikli speċifiċi marbuta mal-ġeneru, fosthom abbużi, theddid, intimidazzjonijiet, fastidju sessisti, misoġini u degradanti kif ukoll aggressjonijiet u vjolenzi sesswali;

V.  billi l-korruzzjoni għadha mifruxa sewwa fl-Ażerbajġan; billi rapport tal-Korp ta' Investigazzjoni Indipendenti dwar l-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni fi ħdan l-APKE tal-15 ta' April 2018 stabbilixxa li għadd ta' ex parlamentari tal-APKE ... aġixxew b'mod kuntrarju għall-kodiċi ta' kondotta tal-AKPE u li ċerti membri attwali u ex membri tal-APKE daħlu f'attività ta' korruzzjoni favur l-Ażerbajġan;

W.  billi l-Kawkasu tan-Nofsinhar jokkupa pożizzjoni strateġika fis-suq globali tal-enerġija u l-Ażerbajġan huwa fornitur strateġiku tal-enerġija (speċjalment ta' żejt u gass) tal-UE; billi f'dan ir-rwol tiegħu qed jikseb dejjem aktar importanza fid-dawl tal-bżonn tal-UE li tiddiversifika l-provvisti tal-enerġija tagħha;

X.  billi l-UE ssostni integrazzjoni ekonomika akbar mal-Ażerbajġan permezz tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u l-inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant; billi l-UE hija s-sieħba kummerċjali ewlenija tal-Ażerbajġan u tappoġġa l-adeżjoni tal-pajjiż mad-WTO kif ukoll id-diversifikazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tal-Ażerbajġan;

Y.  billi huwa neċessarju li tiġi żgurata konnettività bejn l-Ewropa u l-Asja li tevita li tgħaddi mit-territorju Russu; billi l-Ażerbajġan jokkupa pożizzjoni strateġika għall-promozzjoni tal-konnettività Ewro-Asjatika; billi l-UE għandha interess qawwi li tiżviluppa kurituri kummerċjali u enerġetiċi effiċjenti bjen l-Ewropa u l-Asja, kif intwera mill-konferenza dwar il-konnettività bejn l-UE u l-Asja Ċentrali li saret Samarkanda fit-18 ta' Novembru 2022;

Z.  billi ilhom għaddejjin mill-2017 in-negozjati dwar ftehim ta' sħubija ġdid bejn l-UE u l-Ażerbajġan; billi l-ftehim il-ġdid bejn l-UE u l-Ażerbajġan għandu jippromwovi l-interessi tal-UE fir-reġjun kif ukoll jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, l-istandards u l-prinċipji demokratiċi, it-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku;

Riżoluzzjoni tal-kunflitti u normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet Armenja-Ażerbajġan

1.  Iqis li l-kunflitt armat bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan fuq in-Nagorno-Karabakh, li matul is-snin ikkawża qerda u tbatija enormi, ostakola b'mod konsiderevoli l-iżvilupp u l-istabbiltà tar-reġjun tal-Kawkasu tan-Nofsinhar kollu kemm hu u għandu riperkussjonijiet fuq l-istabbiltà Ewropea f'sens usa'; jinsab konvint li paċi sostenibbli bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan ma tistax tinkiseb bil-mezzi militari u bit-theddid tal-użu tal-forza, iżda teħtieġ soluzzjoni politika komprensiva f'konformità mad-dritt internazzjonali, inklużi l-prinċipji minquxa fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, fl-Att Finali ta' Helsinki tal-OSKE tal-1975, b'mod partikolari t-tliet prinċipji tan-nonrikors għall-użu tal-forza, tal-integrità territorjali u tal-awtodeterminazzjoni, u l-Prinċipji Bażiċi tal-2009 tal-Grupp ta' Minsk tal-OSKE, kif ukoll il-ftehimiet li laħqu l-partijiet, fosthom id-Dikjarazzjoni ta' Alma-Ata tal-1991; jafferma mill-ġdid li, biex ikun effikaċi, trattat ta' paċi komprensiv irid jinkludi dispożizzjonijiet li jiggarantixxu l-integrità tat-territorju sovran Armen, id-drittijiet u s-sigurtà tal-popolazzjoni Armena residenti fin-Nagorno-Karabakh u f'żoni oħra li huma teatru ta' kunflitti u r-ritorn rapidu u sikur fi djarhom tar-rifuġjati u tal-persuni spostati internament kollha; jistieden lill-komunità internazzjonali tibqa' involuta f'dan il-kunflitt, li jirrigwarda l-istabbiltà u s-sigurtà tar-reġjun kollu kemm hu;

2.  Jilqa' pożittivament il-bosta passi li għamlu l-mexxejja tal-Armenja u tal-Ażerbajġan biex jegħlbu d-diverġenzi tagħhom u jilħqu paċi dejjiema u sostenibbli fir-reġjun u jfaħħar l-impenn kostanti tagħhom fin-negozjati li għaddejjin; jiddenunzja, f’dan ir-rigward, l-imġiba tal-mexxejja tal-Ażerbajġan li ddgħajjef dawn l-isforzi, b’mod partikolari permezz ta’ theddid espliċitu ta’ attakki ulterjuri, ksur frekwenti tal-fruntieri, pretensjonijiet territorjali dwar l-hekk imsejjaħ Ażerbajġan tal-Punent, jew it-tixrid ta’ diskors ta’ mibegħda kontra l-popolazzjoni Armena, speċjalment fl-ambitu tal-edukazzjoni; jistieden lill-mexxejja tal-Ażerbajġan iwaqqfu din l-imġiba, u biex iż-żewġ partijiet ma jitilfux ir-ritmu li qabdu, jaqblu fuq progress konkret u jiżguraw ambjent sigur, protett u prosperu għall-ġid tal-popolazzjonijiet etniċi kollha li jgħixu fir-reġjun;

3.  Jikkundanna bil-qawwa l-aggressjoni militari reċenti fuq skala kbira min-naħa tal-Ażerbajġan f'Settembru 2022 kontra bosta objettivi fit-territorju sovran tal-Armenja, li kkostitwixxa ksur gravi tad-dikjarazzjoni tal-waqfien mill-ġlied ta' Novembru 2020 u kkontradixxa impenji preċedenti, inklużi dawk meħuda fil-qafas tat-taħditiet bil-medjazzjoni tal-UE; jikkundanna l-inkursjonijiet militari li saru lil hinn mill-konfini mhux delimitati minn Mejju 2021; iħeġġeġ ir-ritorn tal-forzi kollha għall-pożizzjonijiet inizjali tagħhom; jikkundanna kwalunkwe tentattiv li jiġi mminat il-proċess ta' paċi u jħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-kunflitt jastjenu minn użu ulterjuri tal-forza; itenni li l-integrità territorjali tal-Armenja u tal-Ażerbajġan trid tiġi rispettata bis-sħiħ mill-partijiet kollha; jissottolinja d-disponibbiltà tal-UE li tkun involuta b'mod aktar attiv fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti fit-tul tar-reġjun; jinsab imħasseb bis-serjetà dwar l-imblokk attwali tal-kuritur ta' Lachin; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan jiżguraw il-libertà u s-sigurtà tal-moviment tul il-kuritur kif preskritt mid-dikjarazzjoni trilaterali tad-9 ta' Novembru 2020; jisħaq fuq l-obbligi tal-Ażerbajġan skont id-digriet tal-QIĠ tat-22 ta' Frar 2023, li jirrikjedi li l-Ażerbajġan jieħu l-miżuri kollha għad-dispożizzjoni tiegħu biex jiżgura l-moviment mingħajr xkiel tal-persuni, tal-vetturi u tal-merkanzija tul il-kuritur ta' Lachin fiż-żewġ direzzjonijiet; jistieden lill-Armenja u lill-Ażerbajġan jindirizzaw il-punti ta' tħassib kollha relatati mal-funzjonament tal-kuritur ta' Lachin permezz tad-djalogu u tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet involuti kollha; jilqa’ pożittivament il-laqgħa reċenti li saret bejn delegazzjoni uffiċjali tal-Ażerbajġan u residenti Armeni tan-Nagorno-Karabakh biex jiddiskutu affarijiet inklużi kwistjonijiet relatati mal-ftuħ mill-ġdid tal-kuritur ta’ Lachin; jistieden lill-Kunsill li, jekk l-ordni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Frar 2023 ma tiġix implimentata immedjatament, jimponi sanzjonijiet immirati kontra uffiċjali tal-gvern tal-Ażerbajġan;

4.  Iħeġġeġ lill-Armenja u lill-Ażerbajġan jimplimentaw b'mod sħiħ id-dikjarazzjoni tripartitika dwar il-waqfien mill-ġlied tad-9 ta' Novembru 2020 fl-aspetti kollha tagħha; jisħaq fuq il-bżonn li jitmexxew 'il quddiem id-diskussjonijiet dwar it-trattat ta' paċi futur u li jiġu indirizzati l-kawżi profondi tal-kunflitt u li l-partijiet jastjenu minn kwalunkwe pass li jista' jwassal biex it-tensjonijiet ikomplu jiħraxu; jinsisti fuq il-bżonn urġenti li l-partijiet jastjenu minn kwalunkwe retorika jew azzjoni ostili li jistgħu jiġu perċepiti bħala inċitament għall-mibegħda jew vjolenza vera u proprja jew bħala turija ta' appoġġ għall-impunità, jew minn azzjonijiet li jirriskjaw li jikkompromettu l-isforzi maħsuba li jistabbilixxu u jippromwovu atmosfera li tiffavorixxi l-fiduċja, ir-rikonċiljazzjoni, il-kooperazzjoni u l-paċi sostenibbli, inklużi l-kuntatti interpersonali; jenfasizza l-bżonn urġenti ta' żieda u ta' kredibbiltà tal-miżuri li jsaħħu l-fiduċja bil-għan li jiġu miġġielda l-polarizzazzjoni, in-nuqqas ta' fiduċja, id-diskors ta' mibegħda u retorika xewwiexa oħra; huwa tal-fehma li l-konsegwenzi ta' dawn l-ostilitajiet u tal-preżenza tal-forzi taż-żamma tal-paċi Russi qed ikollhom effetti anki fuq l-iżviluppi politiċi fir-reġjun; jesprimi tħassib dwar il-preżenza tal-hekk imsejħa forzi taż-żamma tal-paċi Russi u dwar l-impatt potenzjali tagħhom fuq l-iżviluppi politiċi fil-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-futur tal-programm ta' riformi tar-reġjun;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Ażerbajġan għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Armenja, inkluża l-proposta f'Marzu 2022 ta' ħames prinċipji, u jistieden liż-żewġ partijiet isibu soluzzjoni fattibbli biex ikun hemm kollegament bejn ir-reġjun tan-Nakhchivan mal-bqija tal-Ażerbajġan; ifakkar fl-impenn tal-Armenja li tirtira l-forzi armati tagħha u tiggarantixxi s-sikurezza ta' kollegamenti tat-trasport bejn ir-reġjuni tal-Punent tar-Repubblika tal-Ażerbajġan u r-Repubblika Awtonoma tan-Nakhchivan, bil-għan li jiġi żgurat moviment mingħajr ostakli ta' ċittadini, vetturi u merkanzija fiż-żewġ direzzjonijiet; jinnota bi tħassib il-livell baxx ta' preċiżjoni tal-mapep għad-dispożizzjoni relatati mal-mini tal-art; jistieden lill-Kummissjoni timmobilizza l-assistenza favur l-operazzjonijiet ta' tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji fin-Nagorno-Karabakh;

6.  Jistieden lill-Armenja u lill-Ażerbajġan jilħqu paċi u rikonċiljazzjoni dejjiema billi joħolqu mekkaniżmu ta' ġustizzja ta' tranżizzjoni bħala pass fid-direzzjoni tat-tisħiħ tal-fiduċja ħalli jiġu rikonoxxuti s-sofferenzi taż-żewġ naħat u jaħdmu għar-rikonċiljazzjoni abbażi ta' valutazzjoni tal-fatti li ġraw matul il-kunflitt armat, li beda fl-1988; jirrakkomanda li l-UE tappoġġa u tgħin tiffaċilita din il-ħidma f'kollaborazzjoni ma' organi oħrajn bħan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tal-Ewropa, l-OSKE, il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (KISA) u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħrajn;

7.  Ifakkar li l-atteġġjament passiv tal-UE matul u immedjatament wara l-gwerra tal-2020 tat lill-atturi reġjonali l-oħra, bħar-Russja, l-Iran u t-Türkiye, l-opportunità li jkomplu jeżerċitaw l-influwenza tagħhom fir-reġjun; ifakkar li diplomazija Ewropea preventiva aktar attiva setgħet timpedixxi riżultat bħal dan;

8.  Jenfasizza li mill-invażjoni Russa fuq skala kbira tal-Ukrajna fi Frar 2022, il-kuntest fir-reġjun tal-Kawkasu nbidel billi l-kredibbiltà u l-kapaċità tar-Russja bħala intermedjarju u medjatur onest ġew danneġġjati; jissottolinja li r-Russja tiżvolġi rwol diżonest u dannuż fir-reġjun u ma għandha l-ebda interess li ssib soluzzjoni paċifika għall-kunflitt tan-Nagorno-Karabakh inkwantu l-prolungament tiegħu jagħti lil Moska poter importanti li tinfluwenza kemm lill-Armenja kif ukoll lill-Ażerbajġan; iwissi għaldaqstant kontra kwalunkwe ftehim strateġiku mar-Russja, li għandha tiġi ttrattata bħala parja internazzjonali minn mindu bdiet l-invażjoni tal-Ukrajna;

9.  Jikkundanna r-rwol espansjonistiku u destabbilizzanti tat-Türkiye fil-Kawkasu tan-Nofsinhar, anki permezz tal-fatt li bagħtet merċenarji Sirjani jiġġieldu fuq in-naħa tal-Ażerbajġan kontra l-Armenja fit-tieni gwerra tan-Nagorno-Karabakh fl-2020; jemmen li, biex it-Türkiye tkun tista' tiżvolġi rwol kostruttiv fir-reġjun, imissha tikkunsidra mill-ġdid l-appoġġ inkundizzjonat tagħha lill-Ażerbajġan u tieħu passi konkreti lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Armenja;

10.  Jappoġġa bil-qawwa, għaldaqstant, l-inizjattiva tal-President Charles Michel li jikkonvoka u jimmedja laqgħat bilaterali bejn il-mexxejja tal-Armenja u tal-Ażerbajġan u jinkoraġġixxi l-ħidma fil-post tar-rappreżentant speċjali tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia;

11.  Jistieden lill-VP/RGħ u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jintensifikaw l-isforzi biex jerġgħu jagħtu l-ħajja u jikkontribwixxu b'mod effikaċi għar-riżoluzzjoni paċifika ta' dan il-kunflitt, anki permezz tal-appoġġ għall-miżuri ta' stabbilizzazzjoni, riabilitazzjoni wara l-kunflitt, rikostruzzjoni u tisħiħ tal-fiduċja;

12.  Iħeġġeġ lill-gvernijiet taż-żewġ pajjiżi jimpenjaw ruħhom b'mod sħiħ biex jabbozzaw trattat ta' paċi komprensiv u reċiprokament aċċettabbli li jkun jindirizza d-drittijiet u s-sigurtà tal-popolazzjoni kollha tan-Nagorno-Karabakh, ir-ritorn tal-persuni spostati internament u tar-rifuġjati u l-protezzjoni tal-patrimonju kulturali, reliġjuż u storiku; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, il-laqgħat tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin taż-żewġ pajjiżi fit-30 ta' Settembru 2022 f'Ġinevra u fit-8 ta' Novembru 2022 f'Washington D.C.; jisħaq li għandha tinstab soluzzjoni ġuridika fattibbli rigward id-drittijiet u s-sigurtà tal-popolazzjoni tan-Nagorno-Karabakh bil-għan li tiġi garantita riżoluzzjoni dejjiema tal-kunflitt;

13.  Jistieden lill-Ażerbajġan jiżgura s-sikurezza u r-rispett tad-drittijiet tal-minoranzi kollha tar-reġjun tan-Nagorno-Karabakh, inkwantu dan huwa rekwiżiti preliminari essenzjali biex jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għar-riabilitazzjoni wara l-kunflitt u għar-rikonċiljazzjoni reali;

14.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-twaqqif tal-kummissjonijiet għad-delimitazzjoni tal-fruntieri tal-Ażerbajġan u tal-Armenja u jieħu nota tal-progress li sar fir-rigward tal-proċess tad-delimitazzjoni tal-fruntieri; jisħaq fuq l-importanza li jiġu organizzati laqgħat aktar regolari tal-kummissjonijiet tal-fruntieri bil-għan li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet kollha marbuta mal-fruntieri, titjieb is-sitwazzjoni tas-sigurtà u jsir progress fil-qasam tad-delimitazzjoni; jitlob li l-proċess ta' delimitazzjoni jiġi ffaċilitat fil-livell internazzjonali mill-UE bil-għan li jiġu żgurati l-kredibbiltà, l-ekwità u s-sostenibbiltà;

15.  Jilqa' pożittivament il-ħidma tal-Kapaċità ta' Monitoraġġ tal-UE fl-Armenja, li lestiet l-attivitajiet tagħha fid-19 ta' Diċembru 2022; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li fl-20 ta' Frar 2023 intbagħtet missjoni ċivili tal-UE fl-Armenja, fl-ambitu tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, matul ix-xaqliba Armena tal-konfini internazzjonali mal-Ażerbajġan biex tikkontribwixxi għall-istabbilità fiż-żona tal-fruntieri tal-Armenja, issaħħaħ u tippromwovi l-fiduċja, issaħħaħ ir-reżiljenza u tistabbilixxi djalogu bejn iż-żewġ naħat; jilqa' b'sodisfazzjon id-disponibbiltà tal-Armenja li taġevola l-missjoni fuq it-territorju tagħha u jistieden lill-Ażerbajġan jippermetti l-preżenza ta' osservaturi tal-UE anki fuq ix-xaqliba tiegħu tal-konfini;

16.  Jilqa' pożittivament l-assistenza umanitarja li tat l-UE lill-popolazzjoni milquta mill-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh u fil-madwar tiegħu u r-rwol ta' tmexxija tagħha biex tagħti l-assistenza tagħha għall-operazzjonijiet tat-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji fiż-żoni milquta mill-kunflitt; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura finanzjamenti u assistenza addizzjonali għall-isforzi tat-tneħħija tal-mini, inklużi t-tagħmir, it-taħriġ u l-edukazzjoni dwar ir-riskju; jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni fil-qasam tat-tneħħija tal-mini ma' esperti tal-Istati Membri u organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs); jitlob lill-Armenja tforni mapep preċiżi tal-mini tal-art fir-reġjuni deokkupati tal-Ażerbajġan;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-assistenza tal-UE lill-persuni fil-bżonn, anki fin-Nagorno-Karabakh, taġevola l-implimentazzjoni ta' miżuri aktar ambizzjużi għat-tisħiħ tal-fiduċja, tippromwovi d-djalogu interreliġjuż u interetniku, tipproteġi d-drittijiet tal-minoranzi u tintensifika l-kuntatti interpersonali bejn iċ-ċittadini fuq iż-żewġ naħat tal-konfini bil-għan li titfa' s-sisien għal koeżistenza sostenibbli u paċifika; jitlob li jinstabu soluzzjonijiet reċiprokament aċċettabbli għar-ritorn bla periklu tal-popolazzjonijiet spostati;

18.  Jitlob li lill-organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali, b'mod partikolari n-Nazzjonijiet Uniti, jingħata l-aċċess għan-Nagorno-Karabakh u jfakkar li attwalment l-aċċess għar-reġjun huwa permess biss lill-KISA, u dan mhuwiex biżżejjed biex issir valutazzjoni preċiża tal-kundizzjonijiet u tal-bżonnijiet tal-popolazzjoni residenti hemm;

19.  Għadu mħasseb bid-destin tal-priġunieri Armeni, kemm militari kif ukoll ċivili, li kienu jinsabu f'detenzjoni matul l-kunflitt kif ukoll warajh u li għadhom miżmuma mill-Ażerbajġan u jilqa' favorevolment il-ħelsien ta' wħud minnhom; ifakkar li kemm l-Armenja kif ukoll l-Ażerbajġan huma partijiet tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra (III) relatata mat-Trattament tal-Priġunieri tal-Gwerra, li tistabbilixxi li l-priġunieri tal-gwerra għandhom jiġu ttrattati dejjem b'mod uman u meħlusa u rimpatrijati mingħajr dewmien u mingħajr kundizzjonijiet wara li jieqfu l-ostilitajiet attivi; jistieden lin-naħat kollha jiċċaraw id-destin u l-post fejn jinsabu l-persuni li għebu u jittrattaw il-katavri b'dinjità; jitlob il-ħelsien minnufih u mingħajr kundizzjonijiet tad-detenuti kollha li fadal, inklużi dawk li nqabdu matul il-konfronti militari reċenti, u li jiġu ttrattati f'konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali;

20.  Jinsab ixxukkjat bil-filmati li fihom jidhru xeni ta' tortura, mutilazzjoni u qtil ta' suldat Armena u ta' priġunieri tal-gwerra Armeni diżarmati min-naħa tal-forzi armati tal-Ażerbajġan u jikkundanna l-fatt li dawn il-filmati nxterdu pubblikament; jitlob li ssir investigazzjoni totali u imparzjali tal-filmati biex jiġu identifikati l-persuni responsabbli u biex dawn jagħtu kont ta' għemilhom; jikkundanna l-każijiet kollha ta' tortura u għajbien furzat, inklużi dawk imwettqa f'kunflitt armat, kif ukoll it-trattament ħażin u l-profanazzjoni tal-katavri; jisħaq fuq il-fatt li dawn l-atti jiksru l-konvenzjonijiet tal-Ġinevra li ġew ratifikati mill-Ażerbajġan u jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra;

21.  Jiddeplora l-ftuħ tal-hekk imsejjaħ Park tat-Trofej ta' Baku, inawgurat fit-12 ta' April 2021, inkwantu jimmina t-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan; jieħu nota tad-deċiżjoni biex jitneħħew il-figuri tax-xema' diżumanizzanti u l-elmi mill-Park tat-Trofej wara l-protesti internazzjonali u l-azzjoni legali ppreżentata mill-Armenja lill-QIĠ;

22.  Jinsisti fuq il-fatt li ż-żewġ Stati għandhom l-obbligu internazzjonali li jwettqu investigazzjonijiet indipendenti, fil-pront, pubbliċi u effikaċi u jħarrku l-allegazzjonijiet kredibbli kollha relatati ma' ksur gravi tal-konvenzjonijiet ta' Ġinevra u ksur ieħor tad-dritt internazzjonali u mad-delitti tal-gwerra, bil-għan li jiġi żgurat li dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom u l-vittmi jingħataw id-dritt għal rimedju;

23.  Jiddeplora l-qerda tal-patrimonju kulturali, reliġjuż u storiku tal-Armenja u tal-Ażerbajġan mill-bidu tal-kunflitt tan-Nagorno-Karabakh; jitlob li l-Ażerbajġan u l-Armenja jastjenu milli jkomplu jeqirdu u jalteraw dan il-patrimonju u jiggarantixxu f'dan ir-rigward li ma jkunx hemm impedimenti liċ-ċittadini biex jeżerċitaw id-dritt għal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin; iħeġġeġ liż-żewġ pajjiżi jimpenjaw sinċerament ruħhom biex jippreservaw, jipproteġu u jippromwovu din id-diversità rikka tkun xi tkun l-oriġini tagħha u mingħajr approprjazzjoni indebita jew klassifikazzjoni żbaljata; jagħmel appell għar-responsabbiltà rigward ir-reati kollha ta' qerda u alterazzjoni u għall-konservazzjoni u għar-restawr, konformement mal-istandards u mal-indikazzjonijiet tal-UNESCO, tas-siti li ġarrbu danni, kif ukoll involviment akbar tal-komunità internazzjonali fil-konservazzjoni tal-patrimonju kulturali, reliġjuż u storiku tar-reġjun; jistieden lill-Armenja u lill-Ażerbajġan jippermettu u jaġevolaw b'urġenza missjoni tal-UNESCO fiż-żewġ pajjiżi mingħajr kundizzjonijiet preliminari;

24.  Jissottolinja f'dan ir-rigward l-obbligi tal-Ażerbajġan u tal-Armenja skont id-deċiżjoni tal-QIĠ tas-7 ta' Diċembru 2021 dwar l-applikazzjoni ta' miżuri urġenti li jimponu lill-Ażerbajġan jipprevjeni u jikkastiga l-atti ta' vandaliżmu u profanazzjoni li jolqtu l-patrimonju kulturali Armen, fosthom, bħala eżempju, knejjes u postijiet oħra ta' qima, monumenti, imfakar, ċimiterji u artifatti; jinsisti fuq il-fatt li l-Ażerbajġan u l-Armenja jirrispettaw bis-sħiħ il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-UNESCO għall-Protezzjoni tal-Beni Kulturali f'każ ta' Kunflitt Armat tal-1954, imsejħa b'mod komuni l-Konvenzjoni ta' The Hague tal-1945, li tobbliga lill-partijiet jastjenu minn kull att ta' ostilità fir-rigward tal-beni kulturali;

25.  Jinkoraġġixxi aktar kuntatti bilaterali bejn l-awtoritajiet politiċi tal-Armenja u tal-Ażerbajġan kif ukoll inizjattivi li jippromwovu l-kuntatti interpersonali bejn iż-żewġ pajjiżi, speċjalment fil-livell tas-soċjetà ċivili, tal-universitajiet, tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u tal-NGOs; jisħaq fuq il-bżonn li ssir konsultazzjoni u kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dwar kwistjonijiet relatati mar-riżoluzzjoni tal-kunflitti, mal-konsolidament tal-paċi u mar-rikonċiljazzjoni u mal-assistenza umanitarja, kif ukoll l-importanza għal dawn l-organizzazzjonijiet li jkollhom finanzjamenti sostenibbli u l-libertà li jagħmlu xogħolhom mingħajr restrizzjonijiet; jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni ssostni lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Armenja u fl-Ażerbajġan li jikkontribwixxu tassew għar-rikonċiljazzjoni;

26.  Jenfasizza l-effett speċifiku tal-kunflitt fuq in-nisa u l-gruppi emarġinati, inkluża ż-żieda fil-vjolenza domestika fil-perjodu wara l-gwerra reċenti, kif ukoll l-esklużjoni tan-nisa mill-proċess ta' paċi uffiċjali; jistieden lill-Gvern tal-Ażerbajġan u lill-medjaturi internazzjonali jneħħu l-ostakli għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-setturi kollha u jinkludu sistematikament fil-konsultazzjonijiet kollha lill-esperti nisa u lid-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem;

27.  Ifakkar li l-PEV tissottolinja l-bżonn li jissaħħu r-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi ġirien u tippromwovi l-kooperazzjoni reġjonali;

Drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali

28.  Ifakkar li l-Ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni tal-1996 bejn l-UE u l-Ażerbajġan huwa bbażat fuq ir-rispett tad-demokrazija, tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem u dawn inkisru sistematikament fl-Ażerbajġan; jisħaq fuq il-fatt li l-azzjoni esterna tal-UE, inklużi l-ftehimiet tagħha mal-pajjiżi terzi, għandha tissejjes fuq il-valuri fundamentali tal-UE, b'mod partikolar r-rispett tad-demokrazija, tal-stat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-bżonn li kwalunkwe kooperazzjoni ulterjuri bejn l-UE u l-Ażerbajġan tkun subordinata għall-progress effettiv u tanġibbli tal-pajjiż lejn ir-rispett tal-istandards internazzjonali u tal-impenji internazzjonali, b'mod partikolari dawk relatati mad-demokrazija, mad-drittijiet tal-bniedem, mal-istat tad-dritt u mal-libertajiet fundamentali, speċjalment il-libertà ta' espressjoni u assoċjazzjoni, il-governanza tajba, id-drittijiet tal-minoranzi, il-libertà tal-media u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

29.  Jinnota n-natura multikulturali u multireliġjuż tal-Ażerbajġan u jistieden għalhekk lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiżguraw it-trattament mhux diskriminatorju tal-minoranzi nazzjonali u jkomplu b'mod attiv bl-investigazzjonijiet u bil-kundanni għal reati mmotivati mill-mibegħda bi sfond reliġjuż u tal-ġeneru jew għal raġunijiet etniċi; jistieden lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan jiżguraw li l-gruppi minoritarji kollha jirċievu edukazzjoni bil-lingwi nazzjonali tagħhom u jgawdu minn opportunitajiet indaqs, rappreżentanza adegwata fil-ħajja politika u kulturali, fil-mezzi ta' informazzjoni pubbliċi u fl-amministrazzjoni; jistieden lill-Ażerbajġan jipproteġi u jippromwovi l-patrimonju kulturali tanġibbli u mhux tanġibbli, il-lingwi u t-tradizzjonijiet tal-minoranzi nazzjonali tiegħu;

30.  Jenfasizza l-osservazzjonijiet konklużivi dwar l-għaxar, il-ħdax u t-tnax-il rapport dwar l-Ażerbajġan tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali tat-30 ta' Awwissu 2022, li fihom ġie espress tħassib dwar l-inċitament għall-mibegħda razzjali u t-tixrid ta' sterjotipi razzisti fil-konfront ta' persuni ta' oriġini nazzjonali jew etnika Armena, fuq l-internet u l-media soċjali, kif ukoll minn personalitajiet pubbliċi u uffiċjali tal-gvern, u dwar in-nuqqas ta' informazzjoni dettaljata rigward l-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet, il-kundanni u s-sanzjonijiet ta' tali atti;

31.  Jistieden lill-Gvern u lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan jiddefendu b'urġenza l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem u jastjenu minn kwalunkwe applikazzjoni inġustifikata tad-dritt kriminali biex jillimitaw tali drittijiet u libertajiet; jesprimi tħassib kbir għall-fatt li l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fundamentali fl-Ażerbajġan isegwu mudell sistemiku u mifrux u jolqot id-drittijiet taċ-ċittadini għal-libertà u għas-sigurtà;

32.  Jiddispjaċih bil-kbir bis-sitwazzjoni attwali tal-libertà tal-media fl-Ażerbajġan; jesprimi tħassib dwar il-liġi l-ġdida dwar il-media adottata f'Diċembru 2021 li effettivament tipprojbixxi kull forma ta' ġurnaliżmu indipendenti u l-ħidma tal-ġurnalisti eżiljati tal-Ażerbajġan; jissottolinja l-importanza fundamentali tal-libertà ta' espressjoni u tal-libertà tal-media fis-soċjetajiet demokratiċi; jistieden lill-Ażerbajġan iżid l-isforzi tiegħu biex jippermetti ambjent indipendenti u pluralistiku tal-media f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet inklużi fl-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja tas-17 u t-18 ta' Ġunju 2022; iħeġġeġ lill-Ażerbajġan iwaqqaf il-vessazzjonijiet fil-konfront ta' bloggers, ġurnalisti u organizzazzjonijiet fil-qasam tal-media, li jiġu suġġetti għal detenzjoni jew priġunerija fuq il-bażi ta' akkużi varji, u jiżgura li jgawdu minn ambjent ta' xogħol bla periklu; jistieden lill-Ażerbajġan jeħles il-ġurnalisti u l-bloggers kollha attwalment detenuti talli esprimew l-opinjoni tagħhom;

33.  Jistieden lill-Gvern tal-Ażerbajġan jiddepenalizza l-malafama u jimplimenta r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u ta' operaturi oħra tal-media;

34.  Jikkundanna ċ-ċensura tal-aċċess għall-informazzjoni fl-Ażerbajġan u jistieden lill-awtoritajiet itejbu l-aċċess għall-internet u l-kopertura tal-komunikazzjonijiet; jistieden lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan jallinjaw mal-istandards Ewropej il-leġiżlazzjoni u l-prassi li jaffettwaw il-libertà ta' aċċess għall-internet;

35.  Jirrakkomanda lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ u l-kooperazzjoni tagħhom fil-konfront tas-soċjetà ċivili u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari għal dak li għandu x'jaqsam mar-restrizzjonijiet għal xogħolhom; jistieden lill-Gvern tal-Ażerbajġan jistabbilixxi djalogu politiku regolari u approfondit mas-soċjetà ċivili bil-għan li jinkoraġġixxi riformi ambizzjużi u kondiviżi b'mod wiesa' maħsuba biex l-istituzzjonijiet isiru aktar demokratiċi u indipendenti, jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-media u jiżviluppaw kuntest regolatorju li fih is-soċjetà ċivili tkun tista' topera mingħajr indħil indebitu;

36.  Jikkundanna bil-qawwa l-persekuzzjoni u r-repressjoni, kemm f'livell intern kif ukoll barra mill-pajjiż, ta' attivisti politiċi, ġurnalisti, studenti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi dawk arrestati talli għamlu appelli pubbliċi għall-paċi matul il-ġlied ta' Settembru 2022, permezz ta' intimidazzjonijiet, arresti, torturi, detenzjonijiet, kampanji ta' malafama, serq ta' persuni, projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mingħajr ma jiġu infurmati dawk fil-mira tagħhom u azzjonijiet legali; iħeġġeġ lill-Ażerbajġan iwaqqaf dawn il-prattiki u jeħles lill-priġunieri politiċi u lill-priġunieri minħabba twemmin kollha li bħalissa miżmuma f'detenzjoni; jiddispjaċih bil-fatt li l-Ażerbajġan ma kkonformax ruħu b'mod sħiħ mad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-Ażerbajġan jimplimenta b'mod sħiħ dawn id-deċiżjonijiet u jelimina l-għadd akkumulat ta' kawżi li għadhom ma ġewx implimentati; iħeġġeġ lill-Ażerbajġan ikompli jadotta l-miżuri neċessarji kollha biex jimpedixxi l-applikazzjoni arbitrarja tal-leġiżlazzjoni tiegħu għal motivi politiċi; itenni l-pożizzjoni tiegħu skont liema il-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha huwa kundizzjoni indispensabbli għal ftehim ta' sħubija ġdid bjen l-UE u l-Ażerbajġan;

37.  Jistieden lill-Kunsill teżamina l-possibbiltà ta' sanzjonijiet individwali mmirati fl-ambitu tar-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem fil-konfront ta' uffiċjali tal-Ażerbajġan li kkommettew ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, bħall-uffiċjali inkarigati mill-infurzar tal-liġi, b'mod partikolari fid-dawl tal-vjolenza mifruxa tal-pulizija kontra attivisti politiċi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti;

38.  Jistieden lid-delegazzjoni tal-UE u lir-rappreżentanzi tal-Istati Membri tagħha fl-Ażerbajġan iżidu l-appoġġ tagħhom għall-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u, jekk ikun il-każ, jaġevolaw il-ħruġ ta' viżi ta' emerġenza u jagħtu kenn temporanju fl-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Ażerbajġan jirratifika l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat tan-Nazzjonijiet Uniti;

39.  Jikkundanna bil-qawwa l-intimidazzjonijiet, it-theddid ta' mewt u t-tentattivi ta' omiċidju fil-konfront ta' oppożituri tal-Gvern tal-Ażerbajġan, anki fil-pajjiżi Ewropej, u fil-konfront ta' ċittadini tal-Ażerbajġan li ngħataw ażil politiku mill-Istati Membri, bħal Mahammad Mirzali fi Franza; jenfasizza li għall-Istati Membri l-prevenzjoni ta' kwalunkwe att ta' ritaljazzjoni fuq it-territorju tagħhom hija kwistjoni ta' demokrazija, drittijiet tal-bniedem, sigurtà u sovranità; jinsisti biex l-Europol issegwi mill-qrib il-kwistjoni;

40.  Jinsisti li l-Ażerbajġan jiżgura d-dritt għall-għaqda paċifika u jistieden lill-pajjiż ma jibqax jimpedixxi l-marċ tal-Jum Internazzjonali tal-Mara;

41.  Jisħaq fuq l-importanza tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tar-rappreżentanza tan-nisa fil-livelli kollha tal-ħajja soċjali u politika; jistieden lill-Gvern tal-Ażerbajġan jirratifika l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika, jadotta l-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali dwar ir-riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, jimplimenta l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2022-2025 tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti u jadotta u jimplimenta l-politiki maħsuba biex jiġġieldu l-vjolenza domestika u abbażi tal-ġeneru; jinsisti bil-qawwa li l-awtoritajiet tal-Ażerbajġan jagħmlu investigazzjoni fil-pront, imparzjali u effikaċi fuq kull każ irrapportat ta' vjolenza, diskriminazzjoni u fastidju fil-konfront tan-nisa u jiġġieldu l-impunità; jistieden lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan iwaqqfu l-fastidju sistematiku fil-konfront tad-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ġurnalisti nisa u tal-operaturi nisa l-oħra tal-media u jwaqqfu l-kampanji ta' malafama, id-detenzjoni u l-ksur arbitrarju u illeċitu tal-ħajja privata, tal-korrispondenza u ta' komunikazzjonijiet privati oħra speċifiċi għal raġunijiet ta' ġeneru;

42.  Ifakkar li l-pożizzjoni tal-Parlament kienet ċara rigward in-nondiskriminazzjoni fil-konfront tal-persuni LGBTIQ, il-protezzjoni tagħhom kontra d-diskriminazzjoni fid-dritt u fil-prattika u l-prosekuzzjoni tal-atti kollha ta' abbuż, diskors ta' mibegħda u vjolenza fiżika mwettqa fil-konfront tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan jadottaw leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni li żżid l-orjentament sesswali, l-identità u l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi sesswali bħala raġunijiet illegali ta' diskriminazzjoni; iħeġġeġ lill-Ażerbajġan jadotta proċedimenti ċivili, amministrattivi u/jew kriminali biex jipproteġu lill-persuni mid-diskors u mir-reati ta' mibegħda; jistieden lill-awtoritajiet jirriformaw il-leġiżlazzjoni kriminali billi jiżdiedu r-raġunijiet imsemmijin hawn fuq bħala ċirkostanzi aggravanti u jiġġieldu l-vjolenza ispirata mill-fobija fil-konfront tal-persuni LGBTIQ; itenni l-appell tal-APKE lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan biex jinvestigaw il-każijiet ta' arrest illegali ta' persuni LGBTIQ u jipprevjenu u u jiġġieldu l-vjolenza tal-pulizija kontra dawn il-persuni;

43.  Jikkundanna d-diżinformazzjoni li ġejja mill-Ażerbajġan kontra l-Punent, b'mod partikolari wara l-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna; josserva li n-narrattivi użati kontra l-Punent huma riprodotti bl-eżatt mill-propaganda Russa, inklużi l-attakki għad-drittijiet LGBTIQ jew l-allegat theddid għall-valuri tradizzjonali;

44.  Jesprimi dispjaċir kbir għall-inkapaċità tal-Ażerbajġan li jimplimenta b'mod sħiħ il-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali, irratifikata mill-pajjiż, fatt li jikser l-impenn tal-Ażerbajġan li jħares id-drittijiet tal-minoranzi etniċi bħal-Leżgi, it-Talixi, l-Armeni u l-Kurdi;

45.  Jistieden lill-Ażerbajġan jelimina r-restrizzjonijiet attwali, itaffi l-piż amministrattiv fuq l-NGOs u jbiddel il-leġiżlazzjoni restrittiva dwar ir-reġistrazzjoni, l-operat u l-finanzjament tal-NGOs; jistieden lill-Ażerbajġan jelimina wkoll ir-restrizzjonijiet fuq il-komunitajiet reliġjużi, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mar-reġistrazzjoni u mal-finanzjament tagħhom; jistieden lill-Ażerbajġan jelimina r-restrizzjonijiet leġiżlattivi attwali għall-istituzzjonijiet donaturi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali li jappoġġaw il-ħidma tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-Kummissjoni tħaffef l-isforzi tagħha fl-Ażerbajġan biex tneħħi r-restrizzjonijiet għall-attivitajiet tas-soċjetà ċivili, trawwem l-adozzjoni ta' liġijiet ġodda u tipprevedi aktar involviment tal-NGOs indipendenti fil-proġetti ffinanzjati mill-UE u fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni;

46.  Huwa ferm imħasseb bil-fatt li l-abbozz ta' liġi dwar il-partiti politiċi jista' jkompli jillimita l-libertà ta' assoċjazzjoni taċ-ċittadini tal-Ażerbajġan, b'hekk issir aktar diffiċli r-reġistrazzjoni tal-partiti politiċi; iħeġġeġ lill-Ażerbajġan jirriforma l-qafas ġuridiku elettorali tiegħu biex ikun allinjat mal-istandards u mal-obbligi internazzjonali, jiggarantixxi d-drittijiet u l-libertajiet kostituzzjonalment protetti u jindirizza r-rakkomandazzjonijiet pendenti tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Kummissjoni ta' Venezja; jitlob li l-elezzjonijiet isiru f'konformità mal-istandards internazzjonali u fir-rispett tal-impenji tal-Ażerbajġan bħala Stat parteċipanti fl-OSKE;

Governanza tajba, ġustizzja, stat tad-dritt u ġlieda kontra l-korruzzjoni

47.  Huwa mħasseb bin-nuqqas persistenti ta' indipendenza, imparzjalità u effikaċja tal-ġudikatura kif ukoll bin-nuqqas ta' trasparenza fid-deċiżjonijiet tagħha u bin-nuqqasijiet proċedurali sistemiċi; iħeġġeġ lill-Ażerbajġan jirriforma s-servizzi ġudizzjarji u tal-prosekuzzjoni bil-għan li tiġi żgurata l-indipendenza totali tal-ġudikatura, inkluż tal-Kunsill Ġudizzjarju u Legali, li ma għandux ikollu interventi mill-aġenziji inkarigati mill-infurzar tal-liġi bil-għan li tiżdied il-fiduċja tan-nies fis-sistema ġudizzjarja; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Ażerbajġan iwaqqaf ir-restrizzjonijiet tal-aċċess għall-Kamra tal-Avukati min-naħa tal-avukati impenjati f'każijiet marbuta mad-drittijiet tal-bniedem u ma jibqax juża l-proċeduri dixxiplinari bħala mezz biex jeżerċita pressjonijiet fuq tali avukati; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jallinjaw il-Kodiċi ta' Kondotta mal-istandards internazzjonali dwar il-libertà ta' espressjoni; jistieden lill-Ażerbajġan jiżgura u jinforza d-dritt għas-servizzi legali fornuti minn avukati indipendenti; jieħu nota tal-miżuri meħuda biex tissaħħaħ l-indipendenza ġudizzjarja f'konformità mad-Digriet Presidenzjali tat-3 ta' April 2019 dwar l-approfondiment tar-riformi tas-sistema ġudizzjarja u ġuridika, inklużi l-azzjonijiet leġiżlattivi u amministrattivi implimentati biex jiżguraw l-indipendenza tal-ġudikatura u tal-imħallfin; jinkoraġġixxi lill-Ażerbajġan ikompli l-isforzi tiegħu biex jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni fir-rigward tat-tisħiħ tal-indipendenza ġudizzjarja;

48.  Jiddispjaċih bil-progress limitat li sar mill-Ażerbajġan fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni u fil-ġlieda kontriha; jieħu nota tal-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali komprensiv għat-Tisħiħ tal-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni, immirat biex jikkonsolida u jsaħħaħ l-isforzi tal-awtoritajiet kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-Ażerbajġan jindirizza n-nuqqas ta' sistema effikaċi ta' dikjarazzjoni tal-assi għall-membri tal-parlament, għall-imħallfin u għall-prosekuturi biex jissaħħaħ ir-rwol tal-ġudikatura fi ħdan il-Kunsill Ġudizzjarju u Legali u tiġi eliminata l-influwenza indebita tal-gvern fl-Uffiċċju tal-Prosekutur; jiddispjaċih li l-Ażerbajġan ma għandux sistema ta' finanzi pubbliċi trasparenti, anki f'dak li għandu x'jaqsam mal-akkwist u mas-sejħa għall-offerti;

49.  Jikkundanna l-attivitajiet ta' ħtif mill-elit tal-Ażerbajġan f'diversi organizzazzjonijiet internazzjonali maħsuba biex idgħajfu l-kritika internazzjonali tar-reġim, b'mod partikolari fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, kif juri l-każ ta' ċerti membri attwali u preċedenti tal-APKE li kienu daħlu f'attività ta' korruzzjoni favur l-Ażerbajġan;

Sigurtà u sfidi ġeopolitiċi

50.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-appoġġ uffiċjali min-naħa tal-Ażerbajġan favur l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna kif ukoll l-għajnuna umanitarja li ta lill-Ukrajna matul il-gwerra li għaddejja; huwa, madankollu, imħasseb immens għad-Dikjarazzjoni dwar l-Alleanza bejn ir-Repubblika tal-Ażerbajġan u l-Federazzjoni Russa ffirmata fi Frar 2022 f'Moska; jieħu nota, barra minn hekk, tan-nuqqas ta' appoġġ min-naħa tal-Ażerbajġan għar-riżoluzzjonijiet ivvutati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u jħeġġeġ lill-Ażerbajġan jiżgura li ma jkunx hemm ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet kontra r-Russja;

51.  Jesprimi tħassib għall-azzjonijiet destabbilizzanti u terroristiċi fil-Kawkasu tan-Nofsinhar; jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe att ta' terroriżmu; jilqa' pożittivament il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-Ażerbajġan u jappoġġa bis-sħiħ l-approfondiment ulterjuri tal-kooperazzjoni kontra t-terroriżmu; jitlob, b'mod partikolari, kooperazzjoni aktar qawwija fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u kontra r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu Iżlamiku;

52.  Jikkundanna l-użu mifrux enormi u illegali tas-software ta' sorveljanza Pegasus tal-grupp NSO u taċ-ċibersigurtà ta' repressjoni użata mill-Ażerbajġan fil-konfront ta' ġurnalisti, bloggers, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, avukati u politiċi u jistieden lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan jastjenu mill-użu ta' tali software; jerġa' jħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tfassal lista ta' software ta' sorveljanza illeċiti u taġġornaha kontinwament; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jużaw din il-lista biex jiżguraw li ssir diliġenza dovuta sħiħa fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u kontroll idoneu tal-esportazzjonijiet ta' teknoloġiji ta' sorveljanza u assistenza teknika Ewropej u tal-importazzjonijiet lejn l-Istati Membri li joħolqu riskju ċar għall-istat tad-dritt; itenni l-appell tiegħu biex jinħoloq Citizen Lab Ewropew magħmul minn ġurnalisti, esperti tad-drittijiet tal-bniedem u esperti ta' inġinerija inversa tal-malware, li jkun jaħdem biex jaqbad u jikxef l-użu illegali ta' software għal finijiet ta' sorveljanza illeċita;

53.  Ifakkar ir-rwol importanti ta' koordinament li żvolġa l-Ażerbajġan fl-organizzazzjonijiet multilaterali fir-rigward tal-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19;

54.  Jikkundanna bil-qawwa l-eżerċizzji militari tal-Iran tul il-konfini bejn l-Ażerbajġan u l-Iran ibbażati fuq xenarji aggressivi; jistieden lir-Repubblika Iżlamika tal-Iran twaqqaf kwalunkwe provokazzjoni u tirrispetta l-integrità territorjali u s-sovranità tal-Ażerbajġan;

Enerġija, kummerċ, ambjent, kooperazzjoni ekonomika u konnettività

55.  Jieħu nota tat-tlestija tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar bejn l-Ażerbajġan u l-Ewropa u tal-ewwel darba li ntbagħat il-gass f'Diċembru 2020; jirrikonoxxi r-rwol strateġiku li jiżvolġi l-Ażerbajġan bħala fornitur ta' enerġija mill-fjuwils fossili lill-UE u jilqa' pożittivament id-disponibbiltà tiegħu li jikkontribwixxi saħansitra aktar għall-objettivi tal-UE f'termini ta' sigurtà u diversifikazzjoni tal-provvista ta' enerġija u ta' newtralità klimatika, kif definit fil-Patt Ekoloġiku Ewropew; jiddispjaċih bil-fatt li l-ambizzjoni tal-Ażerbajġan li jkun sieħeb strateġiku fis-settur tal-energija ma timxix id f'id mal-isforzi tiegħu fil-qasam tar-riformi demokratiċi u r-rispett tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni ssostni l-investimenti barranin min-naħa ta' sħab internazzjonali, maħsuba biex iżidu l-konnettività bejn l-UE u l-Ażerbajġan; jitlob lill-Kummissjoni tiggarantixxi li l-ebda importazzjoni ta' gass minn pajjiżi terzi tkun fir-realtà taħbi l-gass Russu suġġett għas-sanzjonijiet Ewropej; jistieden lill-Ażerbajġan jimplimenta r-riformi f'konformità mal-impenji internazzjonali li ħa l-pajjiż;

56.  Jieħu nota tal-Memorandum ta' Qbil il-ġdid bejn l-UE u l-Ażerbajġan dwar Sħubija Strateġika fis-Settur tal-Enerġija ffirmat f'Baku fit-18 ta' Lulju 2022 mill-President Aliyev u mill-President tal-Kummissjoni von der Leyen, li jitfa' s-sisien għal kooperazzjoni futura fil-qasam tal-enerġija ekoloġika li jinkludi l-impenn li tirdoppja l-kapaċità tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar biex iwassal kull sena lill-UE mill-inqas 20 biljun metru kubu gass sal-2027; jiddispjaċih, madankollu, li l-memorandum jikkonċentraw biss fuq il-kooperazzjoni fis-settur tal-enerġija u mhuwa suġġett għall-ebda kundizzjonalità; jilqa' b'sodisfazzjon il-parteċipazzjoni tal-Ażerbajġan fil-programm EU4Energy u jħeġġeġ lill-pajjiż jagħmel aktar progress fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika;

57.  Jenfasizza l-potenzjal tal-Ażerbajġan bħala produttur u esportatur futur ta' enerġija rinnovabbli, b'mod partikolari l-enerġija eolica offshore u l-idroġenu ekoloġiku u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ażerbajġan f'dan il-qasam bħala appoġġ għall-isforzi tal-Ażerbajġan biex jevolvi minn fornitur ta' żejt u gass naturali għal sieħeb tal-enerġija rinnovabbli tal-UE; jenfasizza li l-użu tal-fjuwil fossili xejn mhu se jagħmel ħlief jaggrava l-emerġenza klimatika li qegħdin ngħixu fiha; jisħaq fuq il-fatt li l-UE għandha tinvesti fl-enerġija rinnovabbli bil-għan li tirrispetta l-impenn tagħha għall-klima; jistieden lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan jieħdu miżuri kruċjali biex iħaffu l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli u jżidu l-effiċjenza enerġetika;

58.  Jistieden lill-Ażerbajġan jsaħħaħ aktar l-impenn tiegħu fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u fil-ħarsien tal-ambjent; jinkoraġġixxi lill-Ażerbajġan iżid l-objettivi tiegħu li jnaqqas l-emissjonijiet fl-ambitu tal-kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali u jimpenja ruħu bis-serjetà biex inaqqas l-emissjonijiet;

59.  Jieħu nota tal-progress li sar fin-negozjati dwar ftehim bilaterali komprensiv ġdid bejn l-UE u l-Ażerbajġan u jistieden lill-partijiet tan-negozjati jikkunsidraw, fil-ftehim il-ġdid, kooperazzjoni msaħħa barra mis-settur tal-enerġija; jinsisti li għandha tingħata prijorità lid-drittijiet tal-bniedem, lid-demokrazija u lill-governanza tajba; jinkoraġġixxi li jkun hemm aktar kooperazzjoni interparlamentari bejn l-UE u l-Ażerbajġan b'aġenda wiesgħa ta' kwistjonijiet ta' interess reċiproku; jissottolinja li l-governanza tajba u r-rispett tad-dritt u tal-istandards internazzjonali huma fundamentali biex tintlaħaq paċi dejjiema mal-ġirien tal-Ażerbajġan u fir-reġjun f'sens usa';

60.  Jilqa' pożittivament il-flussi kummerċjali konsiderevoli bejn l-UE u l-Ażerbajġan u l-livell għoli ta' investimenti tal-UE fl-Ażerbajġan; jissottolinja li l-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għas-Sħubija tal-Lvant jista' jimmobilizza sa EUR 2 biljun f'investimenti addizzjonali biex tiġi żviluppata ekonomija dinamika u reżiljenti, li se toffri benefiċċji tanġibbli lill-popolazzjoni tal-Ażerbajġan u ssostni it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali tal-pajjiż; jistieden lill-UE tkompli tappoġġa l-iżvilupp reġjonali fl-Ażerbajġan, inklużi l-iżvilupp rurali, l-agrikoltura u s-sikurezza tal-ikel u jilqa' pożittivament l-inizjattivi emblematiċi mmirati biex joffru appoġġ lis-sostenibbiltà ekonomika u lir-reżiljenza fl-Ażerbajġan; jieħu nota tal-potenzjal għal kooperazzjoni futura mal-investituri u mal-kumpaniji Ewropej fil-kuntest tal-proġetti ta' riabilitazzjoni u rikostruzzjoni fl-Ażerbajġan;

61.  Jiddispjaċih li l-Ażerbajġan għamel progress minimu fl-isforzi biex jelimina l-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal, sfruttament sesswali u tallaba furzati;

62.  Jinnota li l-iżblokk tat-trasport reġjonali u tal-infrastrutturi ta' kollegament se jagħti opportunità importanti ta' żvilupp soċjoekonomiku fil-Kawkasu tan-Nofsinhar; jisħaq fuq il-fatt li dan għandu jsir fir-rispett sħiħ tas-sovranità tal-pajjiżi kollha tar-reġjun u abbażi tal-prinċipju ta' reċiproċità; jissottolinja li, bħala parti tad-dikjarazzjoni trilaterali ta' waqfien mill-ġlied ta' Novembru 2020, l-Armenja u l-Ażerbajġan qablu li jiżblukkaw l-kollegamenti bejn ir-reġjuni tal-Punent tar-Repubblika tal-Ażerbajġan u r-Repubblika Awtonoma tal-Nakhichevan u li l-kollegamenti bejn l-Armenja u n-Nagorno-Karabakh jsiru fis-sigurtà;

63.  Jilqa' pożittivament l-inizjattiva li tiġi stabbilita pjattaforma reġjonali ġdida għall-Ażerbajġan, il-Georgia u l-Armenja u jistieden lill-UE tappoġġa l-kooperazzjoni reġjonali bil-għan li jiġu promossi l-paċi, is-sigurtà u l-prosperità fir-reġjun;

64.  Jirrikonoxxi l-pożizzjoni ġeografika strateġika tal-Ażerbajġan bħala l-bieb potenzjali bejn l-Ewropa u l-Asja Ċentrali u lil hinn, fi ħdan l-hekk imsejjaħ "Kuritur tan-Nofs" (Middle Corridor), li se jeħtieġ l-investimenti u l-finanzjamenti tal-UE biex isir totalment operattiv; jissottolinja li l-"Kuritur tan-Nofs" jista' jiżvolġi rwol importanti fit-tiftix ta' alternattivi għar-rotot kummerċjali li jgħaddu mir-Russja;

65.  Iħeġġeġ għalhekk lill-UE tappoġġa lill-Ażerbajġan u lill-pajjiżi ġirien fl-isforzi tagħhom biex jistabbilixxu kollegamenti trans-Kaspiċi u trans-Kawkasiċi u żżomm relazzjonijiet mill-qrib mal-Ażerbajġan u mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali bil-għan li tiżviluppa proġetti ta' konnettività bejn l-Ewropa, il-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-Asja Ċentrali; jitlob li jsir progress deċiżiv fl-istudju dwar il-bini tal-Pipeline tal-Gass Trans-Kaspiku, li jkun jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u għad-diversifikazzjoni tal-fornituri, tas-sorsi u tar-rotot lejn l-Unjoni Ewropea, b'hekk jiġi evitat it-tranżitu mit-territorju Russu; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-iskambji bilaterali fil-qafas tad-Djalogu fil-Livell Għoli dwar it-Trasport;

66.  Jistieden lill-Gvern tal-Ażerbajġan jagħmel użu aħjar tal-programmi u tal-proġetti disponibbli fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari dawk li jippromwovu l-kuntatti interpersonali bejn l-UE u l-Ażerbajġan, bħal ivvjaġġar aktar faċli u skambji akkademiċi;

o
o   o

67.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà kif ukoll lill-Gvern tal-Ażerbajġan.

(1) ĠU C 290 E, 29.11.2006, p. 421.
(2) ĠU C 15, 12.1.2022, p. 156.
(3) ĠU C 342, 6.9.2022, p. 148.
(4) ĠU C 347, 9.9.2022, p. 198.
(5) ĠU C 493, 27.12.2022, p. 70.
(6) Testi adottati, P9_TA(2023)0012.
(7) ĠU L 246, 17.9.1999, p. 3.
(8) ĠU L 265, 24.10.2018, p. 18.
(9) ĠU C 118, 8.4.2020, p. 158.
(10) ĠU C 356, 4.10.2018, p. 130.
(11) ĠU C 347, 9.9.2022, p. 61.
(12) https://rm.coe.int/report-on-the-visit-to-azerbaijan-from-8-to-12-july-2019-by-dunja-mija/168098e108
(13) ĠU C 411, 27.11.2020, p. 107.
(14) https://pace.coe.int/en/files/29711/html

Avviż legali - Politika tal-privatezza