Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2023 dwar is-sistema tal-Iskejjel Ewropej: sitwazzjoni attwali, sfidi u perspettivi (2022/2149(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej(1),
– wara li kkunsidra l-istudju mwettaq għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ġunju 2022 bit-titlu “The European Schools system: State of Play, Challenges and Perspectives” (Is-sistema tal-Iskejjel Ewropej: sitwazzjoni attwali, sfidi u perspettivi)(2),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi ta’ Diċembru 2022 bit-titlu “PISA for Schools: How The European Schools Compare Internationally 2022” (PISA għall-Iskejjel: Kif l-Iskejjel Ewropej Jitqabblu Internazzjonalment 2022),
– wara li kkunsidra r-rapport finali tal-2022 tal-Aġenzija Ewropea għall-Ħtiġijiet Speċjali u l-Edukazzjoni Inklużiva bit-titlu “External Evaluation of the Implementation of the European Schools’ Action Plan on Educational Support and Inclusive Education” (Evalwazzjoni Esterna tal-Implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Iskejjel Ewropej dwar l-Appoġġ Edukattiv u l-Edukazzjoni Inklużiva),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-25 ta’ Novembru 2022 bit-titlu “Report on the annual accounts of the European Schools for the financial year 2021” (Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Iskejjel Ewropej għas-sena finanzjarja 2021),
– wara li kkunsidra l-Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Settembru 2011 dwar is-sistema tal-Iskejjel Ewropej(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Novembru 2021 dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni: approċċ olistiku kondiviż(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Mejju 2022 dwar l-istabbiliment taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025 – mikrokredenzjali, kontijiet ta’ apprendiment individwali u apprendiment għal ambjent sostenibbli(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Marzu 2021 dwar it-tfassil tal-politika tal-edukazzjoni diġitali(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Lulju 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, b’riferiment partikolari għall-Osservazzjonijiet Konklużivi tal-Kumitat tan-NU dwar is-CRPD(8),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A9-0205/2023),
A. billi s-Sistema tal-Iskejjel Ewropej (ESS) hija sistema unika li wriet is-saħħiet u l-kwalitajiet tagħha sa mill-ħolqien tagħha fil-ħamsinijiet, kif juru, pereżempju, ir-rikonoxximent tal-Bakkalawrjat Ewropew fl-Istati Membri kollha u ż-żieda kontinwa fl-għadd ta’ Skejjel Ewropej Akkreditati (AES); billi kull ċittadin tal-UE għandu jkollu l-opportunità li jibbenefika minn tali edukazzjoni;
B. billi kulħadd għandu jkollu l-opportunità li jibbenefika mit-tip ta’ edukazzjoni li tipprovdi s-Sistema tal-Iskejjel Ewropej u kull sistema skolastika madwar l-Unjoni Ewropea trid tingħata l-opportunità li tibbenefika mill-għarfien espert pedagoġiku tal-ESS;
C. billi l-ESS, billi tgħaqqad is-sistemi edukattivi tal-Istati Membri – permezz ta’ taqsimiet lingwistiċi paralleli – ma’ dimensjoni Ewropea b’saħħitha, sens ta’ appartenenza u identità kulturali, edukazzjoni multilingwi u enfasi fuq ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, l-arti u l-matematika, kif ukoll innovazzjonijiet pedagoġiċi, tirrappreżenta laboratorju u sors ta’ esperjenza għar-riforma edukattiva, inkluż għall-ħolqien ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (EEA);
D. billi l-ESS għandha tkun allinjata għalkollox mal-politiki edukattivi li tressaq l-Unjoni Ewropea; billi għan ċentrali tal-ESS huwa li tiffaċilita l-mobilità u t-trasferiment lejn u mis-sistemi edukattivi nazzjonali kollha, u l-Istati Membri huma meħtieġa jiżguraw traspożizzjoni ġusta u ugwali tar-riżultati tal-apprendiment tal-ESS;
E. billi l-istruttura ta’ governanza tal-ESS għandha l-vantaġġ li żżomm rabta diretta mal-Istati Membri, iżda tirrikjedi riforma minħabba l-limitazzjonijiet ċari tagħha f’termini ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, ġestjoni tal-bidla u skambju strutturat tal-aħjar prattiki mas-sistemi edukattivi nazzjonali;
F. billi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rwol tal-Kummissjoni fl-ESS jeħtieġ li jitwessa’ u l-forom tal-azzjoni tagħha jitwessgħu, peress li l-involviment tagħha bħalissa huwa limitat għal kwistjonijiet baġitarji, u b’hekk l-aspetti edukattivi, operazzjonali u tar-riżorsi umani daqstant importanti jitħallew barra;
G. billi s-sistema attwali ta’ reklutaġġ tal-għalliema fl-ESS għandha nuqqasijiet serji, li jirriżultaw f’nuqqas ta’ qbil bejn il-ħtiġijiet fil-post u l-persunal attwali sekondat mill-Istati Membri, fi kwistjonijiet bi pjanijiet ta’ reklutaġġ annwali, diffikultajiet biex jinstabu għalliema u persunal kwalifikati, kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji għal għalliema reklutati lokalment u għal persunal edukattiv ieħor u problemi bl-iżvilupp professjonali kontinwu; billi hemm bżonn li tingħata spinta lill-attraenza tal-ESS fost il-komunità tat-tagħlim;
H. billi għalkemm l-ESS għamlet progress fl-inklużjoni ta’ studenti bi bżonnijiet speċjali, b’diżabilità jew b’differenzi fl-apprendiment, hemm nuqqas ta’ appoġġ psikoloġiku u ħtieġa dejjem tikber għal assistenza ta’ appoġġ intensiva; billi l-komunikazzjoni u l-pakketti ta’ impjieg adegwati huma essenzjali biex jiġi żgurat li l-persunal edukattiv u psikoloġiku jipprovdi appoġġ ta’ kwalità, imfassal apposta u kontinwu lill-istudenti;
I. billi l-ESS hija responsabbli biex tiżgura li l-lingwi kollha tal-UE, inklużi dawk żgħar, jitqiesu bl-istess mod, u biex tippromwovi d-diversità lingwistika u kulturali filwaqt li ssaħħaħ id-dimensjoni Ewropea tal-apprendiment; billi għandhom jintlaqgħu l-pjanijiet li t-taqsimiet lingwistiċi kollha jkunu rappreżentati kemm fiċ-ċiklu primarju kif ukoll f’dak sekondarju fi Brussell sal-2028;
J. billi l-ġenituri għandhom rwol ewlieni fl-iskejjel, inkluż billi jorganizzaw attivitajiet extrakurrikulari u jipprovdu servizzi tat-trasport u servizzi oħra, u huma rappreżentati minn assoċjazzjonijiet tal-ġenituri ddedikati;
K. billi r-riżorsi tal-UE jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira tal-baġit tal-ESS, u għalhekk il-Parlament jeħtieġlu jiskrutinizza l-ġestjoni u t-tmexxija tal-ESS b’mod aktar strett filwaqt li l-objettivi u l-prijoritajiet ta’ investiment adottati mill-UE fil-qasam tal-edukazzjoni għandhom jiġu riflessi aħjar fl-ESS;
L. billi n-nuqqas ta’ responsabilità ta’ ċerti pajjiżi ospitanti, li huma responsabbli biex jipprovdu l-binjiet tal-iskejjel u jagħmlu l-manutenzjoni tagħhom, wassal għal kwistjonijiet serji, speċjalment fi Brussell, fejn l-iskejjel qed iħabbtu wiċċhom ma’ iffullar; billi dawn il-kwistjonijiet kellhom riperkussjonijiet profondi fuq l-istandard tal-edukazzjoni, fuq l-aspetti organizzattivi, u fuq is-sikurezza, is-sigurtà u l-benesseri kemm tal-istudenti kif ukoll tal-persunal;
Sitwazzjoni attwali u viżjoni
1. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ valutazzjoni kritika u fil-fond tal-aspetti kollha tal-ESS, u ta’ riforma tas-sistema li tibqa’ valida fil-futur, li jiġu estiżi l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni tagħha u li jiġi żgurat li din isservi bħala mudell għall-iskambju ta’ prattiki tajba fis-sistemi edukattivi kollha;
2. Jistieden lill-Bord tal-Gvernaturi (BtG) tal-Iskejjel Ewropej jaġġorna l-missjoni, il-prinċipji u l-objettivi tal-ESS fil-forma ta’ “Karta tal-ESS” ġdida, li tkun adattata għas-seklu 21 u tipprovdi viżjoni mqawwija mill-ġdid għas-sistema b’objettivi realistiċi li s-sistema tkun tista’ tiġi vvalutata fil-konfront tagħhom u tkun imfassla fuq għarfien espert kemm intern kif ukoll estern; jappella biex din il-“Karta tal-ESS” ġdida tiġi introdotta sa tmiem l-2024;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta r-rwol tal-ESS fl-istabbiliment tal-EEA, inkluż fir-rigward tal-apprendiment tal-lingwi u dimensjoni Ewropea b’saħħitha tal-apprendiment, u fir-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tad-diplomi madwar l-UE, abbażi tal-mudell stabbilit tal-Bakkalawrjat Ewropew;
4. Jitlob li l-Kummissjoni jkollha rwol aktar integrat u attiv, b’mod partikolari f’termini ta’ interkonnessjoni bejn l-ESS u l-EEA; jesprimi x-xewqa espliċita tiegħu li d-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura jkun involut bis-sħiħ fin-negozjati tal-Kummissjoni mal-ESS;
5. Jappella għal aktar responsabilità u trasparenza, skrutinju u kontroll parlamentari aktar stretti, u komunikazzjoni mtejba biex jiżdiedu l-viżibilità u l-fehim tal-ESS u l-Bakkalawrjat Ewropew fil-livelli kollha;
6. Ifakkar lill-Istati Membri fl-obbligu tagħhom li jagħtu u jżommu ammissjoni universitarja mhux diskriminatorja skont il-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej u li jiggarantixxu li d-dispożizzjoni edukattiva sħiħa u l-progress akkademiku jiġu żgurati wkoll għall-istudenti mingħajr taqsima lingwistika; jistieden lill-BtG u lill-Istati Membri jiżguraw traspożizzjoni ġusta u ugwali tar-riżultati tal-apprendiment mill-ESS u l-Bakkalawrjat Ewropew fit-tabelli ta’ ekwivalenza tagħhom u jagħmlu r-rettifiki meħtieġa fis-sistemi nazzjonali ta’ konverżjoni sabiex jikkonformaw għalkollox mal-prinċipju tat-trattament ugwali u jiżguraw li l-istudenti kollha jkunu jistgħu jiċċaqilqu mingħajr problemi lejn kwalunkwe Stat Membru;
7. Jitlob li jkun hemm relazzjoni aktar mill-qrib bejn l-ESS u l-ekosistemi edukattivi lokali, reġjonali u nazzjonali, b’mod partikolari permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki u permezz ta’ kollaborazzjoni dwar programmi u attivitajiet ma’ skejjel sħab minn sistemi nazzjonali;
Governanza, ġestjoni u kwistjonijiet legali
8. Jistieden lill-Kummissjoni biex, sa tmiem l-2024, twettaq rieżami fid-dettall immexxi minn president indipendenti tal-istrutturi ta’ governanza u ġestjoni fl-ESS u f’kull skola individwali f’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tas-Segretarju Ġenerali (OSG) tal-Iskejjel Ewropej u l-BtG, u biex dan ir-rieżami jeżamina r-rwoli, ir-responsabilitajiet u l-istrutturi fis-seħħ fil-livelli kollha, jivvaluta l-indipendenza tal-funzjonijiet u l-kunflitti ta’ interess potenzjali u jidentifika kwistjonijiet regolatorji li huma ta’ tfixkil għall-ESS;
9. Jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi ssimplifikata u li tiżdied il-flessibilità tat‑teħid ta’ deċiżjonijiet tal-BtG permezz ta’ sistema ta’ votazzjoni alternattiva b’konsultazzjoni msaħħa mal-partijiet ikkonċernati tal-ESS sabiex il-BtG ikun jista’ jwieġeb aħjar għall-ħtiġijiet tal-iskejjel; jinsisti, barra minn hekk, fuq komunikazzjoni preċiża tad-deċiżjonijiet fi ħdan l-ESS;
10. Jitlob li jkun hemm responsabilitajiet ċari, teħid ta’ deċiżjonijiet trasparenti, evalwazzjonijiet biennali tal-prestazzjoni, u pjanijiet ta’ taħriġ u żvilupp għall-persunal kollu tal-maniġment, inkluża l-induzzjoni strutturata, fil-livelli ċentrali u tal-iskola;
11. Jitlob lill-OSG u lit-trojka tal-BtG jippreżentaw rapport annwali dettaljat u konġunt tal-ESS lill-Parlament mill-2024, f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kollha tal-ESS, li jippermetti lill-Parlament jimmonitorja l-progress fir-riformi u fl-objettivi, jindika kwistjonijiet kritiċi u jkollu rwol kontinwu fis-sorveljanza u l-ġestjoni tal-bidla;
12. Jistieden lill-BtG:
(a)
jiċċara l-applikabilità tal-leġiżlazzjoni primarja u sekondarja tal-UE għall-ESS;
(b)
jivvaluta l-konformità mal-istandards tas-saħħa, tas-sikurezza u tas-sigurtà fl-iskejjel;
(c)
jiżgura li l-kundizzjonijiet kuntrattwali u tax-xogħol tal-għalliema reklutati lokalment ikunu kompletament konformi mal-liġijiet u l-prinċipji tal-impjieg tal-UE u tal-Istati Membri;
(d)
jemenda r-regolamenti tal-persunal u r-Regoli Ġenerali tal-Iskejjel Ewropej biex jiċċara b’mod espliċitu l-kompetenzi tal-Bord tal-Ilmenti fil-konfront tal-qrati nazzjonali, filwaqt li jiżgura li ma jkun hemm ebda lakuna fil-protezzjoni legali;
(e)
jistabbilixxi ombudsperson indipendenti biex jindirizza l-ilmenti dwar l-amministrazzjoni ħażina u jimmedja fil-kunflitti; u
(f)
jiżviluppa kodiċi ta’ kondotta amministrattiva tajba għall-ġestjoni tal-iskejjel fil-livelli kollha;
13. Jitlob li jsir rieżami tal-mandat tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u tas-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni biex jipprovdu opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet annwali dwar diversi aspetti tal-ESS u jitlob li dawn l-opinjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet jiġu ppreżentati bħala parti mid-deliberazzjonijiet dwar ir-rapport annwali konġunt tal-ESS lill-Parlament;
Riżorsi, infrastruttura u persunal
14. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jissodisfaw bis-sħiħ l-obbligi tagħhom fil-konfront tal-ESS, b’mod partikolari fir-rigward tas-sekondar ta’ għalliema kwalifikati u persunal edukattiv ieħor u l-provvista ta’ infrastruttura adegwata (bini xieraq, il-manutenzjoni u t-titjib tiegħu), u jappella għal sistema vinkolanti ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji diretti biex jiġu żgurati flessibilità u sigurtà akbar kemm għall-ESS kif ukoll għall-Istati Membri;
15. Jitlob li, fid-dawl tar-rieżami ppjanat tal-ftehim attwali dwar il-kondiviżjoni tal-kostijiet fis-sena skolastika 2025/2026, tiġi stabbilita task force dedikata sa nofs l-2025, magħmula minn rappreżentanti tal-kontributuri baġitarji kollha għall-ESS u li tinvolvi esperti pedagoġiċi rilevanti mill-OSG, il-Kummissjoni u l-Istati Membri, b’mandat li jagħmlu suġġerimenti konkreti biex isolvu kwistjonijiet kritiċi ta’ riżorsi u jiżviluppaw mudell komprensiv, adegwat u sostenibbli ta’ kondiviżjoni tal-kostijiet li jippermetti lill-ESS twettaq il-missjoni tagħha f’konformità mal-“Karta tal-ESS” il-ġdida;
16. Iħeġġeġ lill-Istati Membri ospitanti jinkludu l-infrastruttura tal-ESS fi kwalunkwe pjan nazzjonali ta’ investiment fl-infrastruttura tal-iskejjel; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jiżguraw li l-ESS tkun tista’ tibbenefika mill-iżborżi li jmiss tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza lill-Istati Membri, filwaqt li jqisu l-evalwazzjonijiet li jmiss tal-pjanijiet nazzjonali u jqisu kwalunkwe aġġornament rilevanti, bħal aġġornamenti marbuta mal-kapitoli RepowerEU;
17. Jistieden lill-BtG isolvi n-nuqqas kontinwu ta’ għalliema u jiżgura sitwazzjoni ta’ impjieg stabbli u ġusta għal kulħadd billi jżomm il-persunal u jnaqqas id-dawran, u b’hekk jevita eżodu ta’ mħuħ; jappella, f’dan ir-rigward, għal riżorsi addizzjonali u pakkett dwar l-impjiegi msaħħaħ għall-persunal issekondat u rreklutat lokalment bl-istess mod, b’remunerazzjoni kompetittiva, salarji aktar ugwali għall-għalliema tan-nursery, tal-primarja u tas-sekondarja, ċarezza dwar l-istatus u l-istabilità tal-impjieg, sistema ta’ żvilupp professjonali kontinwu (CPD) u prospetti ulterjuri ta’ karriera fl-ESS u lil hinn minnha;
18. Jitlob li kemm l-għalliema kif ukoll l-iskejjel jingħataw grad ogħla ta’ awtonomija biex ikunu jistgħu jirrispondu aħjar għal ħtiġijiet u sitwazzjonijiet speċifiċi, filwaqt li jiġi żgurat b’mod strett li din l-awtonomija akbar tkun akkumpanjata minn mekkaniżmi ta’ valutazzjoni u responsabilità aktar b’saħħithom sabiex jiġu ggarantiti standards armonizzati;
19. Jitlob li jiġu introdotti karigi addizzjonali ta’ maniġment intermedju ffukati fuq metodoloġiji u kurrikuli ta’ tagħlim ta’ kwalità għolja fl-iskejjel, u li l-proċeduri nazzjonali kollha ta’ reklutaġġ ikunu aktar trasparenti u miftuħa;
20. Jirrikonoxxi u jħeġġeġ il-ħidma tal-komunità tal-iskola, speċjalment tal-ġenituri, fil-ħajja skolastika, bħal pereżempju billi jiżguraw attivitajiet extrakurrikulari, u jinsisti fuq il-ħtieġa li l-attivitajiet tal-iskejjel jiġu mmonitorjati biex jiġu ggarantiti ġestjoni tajba, kwalifiki pedagoġiċi xierqa, affordabilità u inklużività; ifakkar li l-Konvenzjoni tagħti lill-ġenituri rwol fil-governanza tal-ESS u jitlob li dan ir-rwol jiġi rikonoxxut b’mod adegwat;
21. Jitlob li jsir rieżami annwali urġenti tal-politika ta’ reġistrazzjoni u tal-miżati tal-iskola sabiex jiġi garantit post għall-istudenti kollha fl-ewwel kategorija, biex it-taħlita soċjoekonomika titwessa’ billi l-ESS tinfetaħ għal aktar kategoriji ta’ studenti u biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-AES, inkluż biex jiġi indirizzat l-iffullar; jenfasizza l-importanza li tiġi infurzata b’mod strett ir-regola tal-aħwa u jinsisti li t-tariffi legali ma għandhomx jipprevjenu lill-ġenituri jew lill-kustodji legali milli jappellaw deċiżjonijiet mill-Awtorità Ċentrali ta’ Reġistrazzjoni li jiksru r-regoli tar-reġistrazzjoni;
22. Jitlob, barra minn hekk, li l-BtG jaħdem fuq pjan ta’ mobilità tal-ESS ambizzjuż u aġġornat regolarment fil-livelli kollha biex it-trasport fl-iskejjel isir aktar effiċjenti, aktar affordabbli, aktar aċċessibbli u aktar ekoloġiku;
Kwalità edukattiva u pedagoġika
23. Jistieden lill-BtG isaħħaħ l-istandards edukattivi u pedagoġiċi billi:
(a)
joħloq task force, b’għarfien espert pedagoġiku rilevanti, biex twettaq konsultazzjonijiet miftuħa, trasparenti u regolari mal-partijiet ikkonċernati u tirrieżamina l-approċċ tal-assigurazzjoni tal-kwalità stabbilit bħala parti mir-riforma tal-Iskejjel Ewropej tal-2009, filwaqt li tiżgura li r-rieżami jitlesta sa nofs l-2024, jiġi aġġornat perjodikament minn hemm ’il quddiem, ikun akkumpanjat minn indikaturi ċari u jiġi mmonitorjat u evalwat;
(b)
jintroduċi reġim ta’ spezzjoni msaħħaħ u responsabbli, inkluż unità tal-assigurazzjoni tal-kwalità fi ħdan l-OSG magħmula minn spetturi permanenti u sekondati, spezzjonijiet speċifiċi għas-suġġett u proċessi ta’ segwitu li jinkludu l-AES;
(c)
isaħħaħ ir-rwol tal-Unità għall-Iżvilupp Pedagoġiku tal-OSG u tal-Kumitat Konġunt tat-Tagħlim; u
(d)
jiżgura l-parteċipazzjoni tal-ESS fi programmi u inizjattivi tal-UE bħall-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+ u l-EEA;
24. Jistieden lill-BtG u lill-OSG jiżviluppaw strateġija tas-CPD u programm ta’ induzzjoni għall-għalliema u persunal edukattiv ieħor fl-ESS kollha sa tmiem l-2024 u jinsisti fuq approċċ wiesa’ għas-CPD, inkluż f’termini ta’ suġġetti u metodoloġiji, biex l-opportunitajiet professjonali jikbru u jiġu żviluppati l-effikaċja kollettiva u l-istrutturi formali li jappoġġjaw lill-għalliema fit-tfassil, l-implimentazzjoni, l-evalwazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki u materjali pedagoġiċi bejn il-klassijiet u s-sistema kollha kemm hi;
25. Jistieden lill-Istati Membri jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tal-għalliema tal-ESS b’esperjenza biex isiru ħarrieġa u mentors fis-sistemi nazzjonali, jitlob lill-BtG jistabbilixxi inċentivi u linji gwida għal dak l-iskop u jenfasizza r-rwol li għandu jkollha l-ESS fl-istabbiliment ta’ modulu tal-għalliema Ewropej, li għandu jiġi inkluż fit-taħriġ inizjali tal-għalliema madwar l-UE;
26. Jinsisti li l-iskejjel jużaw il-potenzjal tal-apprendiment personalizzat; jistieden lill-BtG isaħħaħ l-oqfsa eżistenti u jimplimenta politika ta’ inklużjoni koerenti, uniformi u sistematika fl-ESS kollha li tipprovdi edukazzjoni inklużiva ta’ kwalità, tevita l-esklużjoni minħabba d-diżabilità, tiżgura akkomodazzjoni raġonevoli, tadatta l-proporzjon bejn l-għalliema u l-istudenti, tuża kurrikulu flessibbli, iżżid b’mod konsiderevoli l-għadd ta’ persunal ta’ appoġġ edukattiv u psikoloġiku kwalifikat u tipprovdi servizzi ta’ orjentazzjoni u mentoraġġ; iħeġġeġ il-fatt li jsir progress lejn ir-rikonoxximent tal-eżiti tat-tagħlim ta’ studenti bi bżonnijiet speċjali, b’diżabilità jew b’differenzi fit-tagħlim b’ċertifikazzjoni jew b’diploma ta’ tmiem l-istudji jekk ma jagħmlux il-Bakkalawrjat Ewropew; iħeġġeġ l-introduzzjoni ta’ indiċi ta’ inklużjoni fl-ESS;
27. Jitlob lill-BtG u lill-OSG irawmu ambjent ta’ tagħlim sikur li fih ma tkun permessa l-ebda forma ta’ vjolenza u jsaħħu l-ġlieda kontra l-bullying u l-bullying ċibernetiku fl-ESS billi jiżviluppaw approċċ armonizzat għall-iskola kollha li jinkludi sensibilizzazzjoni, taħriġ, linji gwida dwar kif għandu jiġi ttrattat il‑bullying offline u online, il-promozzjoni ta’ sistema ta’ appoġġ bejn il-pari li tinvolvi għalliema u ġenituri attivi u mħarrġa sew, u sistema ta’ sanzjonar ċara u infurzabbli fil-livelli kollha;
28. Jitlob lill-BtG u lill-OSG jivvalutaw l-inklużjoni ta’ moduli tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) fl-ESS, jistabbilixxu sħubijiet mal-istituzzjonijiet tal-VET u jesploraw il-possibilità li jiġu stabbiliti skejjel Ewropej akkreditati tal-VET madwar l-Unjoni Ewropea;
29. Jinsisti fuq il-ħtieġa li tingħata esperjenza edukattiva sħiħa u ta’ kwalità għolja għall-istudenti kollha, b’mod partikolari fil-lingwa materna tagħhom u għall-istudenti mingħajr taqsima tal-lingwa kemm fiċ-ċiklu primarju kif ukoll f’dak sekondarju; jitlob lill-Bord tal-Ispetturi jikkonsulta lill-istudenti, lill-għalliema u lill-ġenituri dwar l-impatt tat-tnaqqis fl-għadd ta’ lezzjonijiet u suġġetti jew tal-fatt li livelli differenti ta’ klassijiet jitpoġġew flimkien meta l-għadd ta’ studenti jkun taħt il-livell limitu;
30. Jistieden lill-Bord tal-Ispetturi jirrieżamina perjodikament it-tagħlim tat-tieni u t-tielet lingwa abbażi tal-aħħar gwida pedagoġika dwar l-introduzzjoni tal-qari u l-kitba fl-edukazzjoni bikrija, il-metodi ta’ tagħlim kooperattiv u l-adegwatezza ta’ tagħlim differenzjat sabiex jiġi żgurat li l-istudenti ta’ kull età jgawdu l-lingwi li jitgħallmu;
31. Jitlob li jkun hemm mobilità akbar tal-istudenti u l-għalliema fi ħdan l-ESS u lejn u minn sistemi skolastiċi oħra u li l-kurrikuli eżistenti jiġu aġġornati bl-għan li tissaħħaħ aktar id-dimensjoni Ewropea, pereżempju billi jiġi rieżaminat is-sillabu tal-istorja Ewropea, inkluż ir-rwol tal-minoranzi, billi l-edukazzjoni ċivika tiġi mgħallma bħala suġġett awtonomu, billi jiġi inkorporat is-suġġett “Sigħat Ewropej” fil-livelli edukattivi kollha, b’enfasi fuq l-importanza tal-wirt u l-valuri Ewropej, u billi jiġu żviluppati l-intraprenditorija u l-ħiliet personali; jinsisti li jibqgħu jingħataw il-lezzjonijiet tar-reliġjon u l-etika;
32. Jistieden lill-BtG jagħti spinta lill-apprendiment dwar l-ambjent u lill-edukazzjoni diġitali fl-ESS, inkluż billi jimplimenta l-qafas Ewropew ta’ kompetenza għas-sostenibilità u l-qafas ta’ kompetenza diġitali, jinsisti fuq it-titjib tat-tagħlim tal-ħiliet ekoloġiċi u diġitali u jħeġġeġ lill-ESS tieħu sehem f’inizjattivi bħaċ-Ċertifikat Ewropew tal-Ħiliet Diġitali, filwaqt li xorta tagħti valur lill-metodi ta’ apprendiment tradizzjonali li jużaw kotba stampati u tiġġieled l-esklużjoni diġitali;
33. Jissuġġerixxi li jinħoloq avveniment ta’ ċelebrazzjoni annwali biex tinqasam l-aħjar prattika pedagoġika, jinġabar l-għarfien fost l-iskejjel, l-għalliema u l-istudenti u jintwerew il-ħidma u l-proġetti tagħhom lis-sistema usa’, u jiġu mistiedna rappreżentanti tal-edukazzjoni nazzjonali sabiex titqajjem kuxjenza dwar l-ESS;
34. Jitlob li jiġu stabbiliti komunità formali tal-alumni tal-ESS u miżuri biex titqajjem kuxjenza dwarha, u li tinġabar data dwar il-perkorsi edukattivi tal-istudenti wara l-gradwazzjoni, b’mandat biex l-OSG jiġbor informazzjoni anonimizzata;
Prospettivi
35. Jitlob li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-UE lill-ESS ikunu jidhru bħala linja baġitarja separata fil-baġits futuri tal-UE, sabiex tiżdied it-trasparenza, jiġi żgurat l-ippjanar strateġiku u jiġi ffaċilitat l-iskrutinju parlamentari fil-qafas tal-proċedura ta’ kwittanza, u jitlob li l-ESS tiġi inkluża fl-iżvilupp ulterjuri tal-EEA u li t-tnejn li huma jsiru interkonnessi mill-qrib;
36. Jesprimi x-xewqa tiegħu li l-ESS issir sinjal għal edukazzjoni multilingwi u multikulturali ta’ kwalità għolja fl-Ewropa u lil hinn minnha, li turi li “magħquda fid-diversità” tista’ tkun ukoll realtà ħajja fl-isfera edukattiva; jitlob lill-partijiet ikkonċernati kollha jaħdmu lejn dak l-għan bħala kokreaturi, inkluż permezz ta’ kollaborazzjoni msaħħa mal-AES, li l-inklużjoni u l-iżvilupp tagħhom huma kruċjali għas-sistema kollha; jappella biex issir evalwazzjoni mill‑ġdid tal-AES biex jiġu vvalutati modi kif jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ESS għall-Istati Membri kollha billi jiġu stabbiliti proċeduri u rekwiżiti aktar flessibbli għall-akkreditazzjoni tal-iskejjel filwaqt li jittejbu l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-ispezzjoni;
37. Jesprimi x-xewqa tiegħu li l-Parlament Ewropew ikun rappreżentat fuq il-BtG u jitlob li jkun hemm korp espert indipendenti u estern biex jesplora u jipproponi mudelli ta’ governanza alternattivi, inkluż rieżami tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej u l-possibilità li l-istatus legali intergovernattiv tal-iskejjel jiġi sostitwit b’mudell Ewropew supranazzjonali;
o o o
38. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Study – “The European Schools system: State of Play, Challenges and Perspectives” (Is-sistema tal-Iskejjel Ewropej: sitwazzjoni attwali, sfidi u perspettivi), il-Parlament Ewropew, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Unjoni, Dipartiment tal-Politika B – Politiki Strutturali u ta’ Koeżjoni, 9 ta’ Ġunju 2022.