Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2023/2819(DEA)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0365/2023

Testi mressqa :

B9-0365/2023

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2023)0310

Testi adottati
PDF 126kWORD 44k
L-Erbgħa, 13 ta' Settembru 2023 - Strasburgu
Ebda oġġezzjoni għal att delegat: miżuri temporanji ta’ emerġenza tal-frott u l-ħxejjex ikkawżati minn avvenimenti meteoroloġiċi avversi
P9_TA(2023)0310B9-0365/2023

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-regolament delegat tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Awwissu 2023 dwar miżuri temporanji ta’ emerġenza li jidderogaw fir-rigward tas-sena 2023 minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/126 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, biex jissolvew problemi speċifiċi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex ikkawżati minn avvenimenti meteoroloġiċi avversi u miżuri marbuta magħhom (C(2023)05365 – 2023/2819(DEA))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2023)05365),

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Awwissu 2023, li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-Regolament Delegat,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, bid-data 30 ta’ Awwissu 2023,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013(1), u b’mod partikolari l-Artikolu 45, il-punt (c), u l-Artikolu 152(6) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,

–  wara li kkunsidra l-fatt li ma tqajmet l-ebda oġġezzjoni fil-perjodu stabbilit fl-Artikolu 111(6), it-tielet u r-raba’ inċiżi, tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li skadew fit-12 ta’ Settembru 2023,

A.  billi, minħabba l-avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi li seħħew f’diversi reġjuni tal-Istati Membri fir-rebbiegħa tal-2023, il-produzzjoni tal-frott u l-ħxejjex saritilha ħsara drammatika u dan affettwa kemm il-volum prodott kif ukoll il-kwalità tiegħu;

B.  billi t-telf fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata (VMP) fis-settur tal-frott u l-ħxejjex għandu t-tendenza li jkollu impatt kbir fuq l-ammont ta’ għajnuna tal-Unjoni li jirċievu l-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-sena sussegwenti;

C.  billi l-avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi jfixklu wkoll lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti peress li jaffettwaw l-istabbiltà finanzjarja u l-programmi operazzjonali tagħhom lil hinn mis-sena 2023, peress li l-VMP għas-sena 2023 għandu impatt fuq il-kalkolu tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni, minħabba l-fatt li l-ammont ta’ għajnuna tal-Unjoni jiġi kkalkulat bħala perċentwal tal-VMP ta’ kull organizzazzjoni tal-produtturi;

D.  billi, fil-każ li kellu jseħħ telf sostanzjali fil-VMP fl-2023, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jkun qed jissograw li jitilfu r-rikonoxximent uffiċjali tagħhom, peress li wieħed mill-kriterji għal tali rikonoxximent huwa li jintlaħaq ċertu VMP minimu stabbilit fil-livell nazzjonali;

E.  billi dan ipoġġi f’riskju l-istabbiltà fit-tul tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi bħala elementi ewlenin tal-organizzazzjoni tas-Suq Komuni fis-settur tal-frott u l-ħxejjex;

F.  billi, biex jittaffew dawk id-diffikultajiet, huwa meħtieġ li ssir deroga mid-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kalkolu tal-VMP stabbilit fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/126(2) applikabbli fis-settur tal-frott u l-ħxejjex;

G.  billi, skont ir-regolament delegat, meta jkun seħħ tnaqqis ta’ mill-inqas 35 % fil-valur ta’ prodott minħabba l-avvenimenti meteoroloġiċi avversi tar-rebbiegħa tal-2023 li jaqgħu barra mir-responsabbiltà u l-kontroll tal-organizzazzjoni tal-produtturi jew tal-assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, il-VMP ta’ dak il-prodott fl-2023 għandu jitqies li jirrappreżenta 100 % tal-VMP għall-medja tal-ħames perjodi ta’ referenza ta’ 12-il xahar preċedenti, esklużi l-inqas u l-ogħla valuri;

1.  Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-Regolament delegat;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/126 tas-7 ta’ Diċembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’rekwiżiti addizzjonali għal ċerti tipi ta’ intervent speċifikati mill-Istati Membri fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom għall-perjodu mill-2023 sal-2027 skont dak ir-Regolament kif ukoll regoli dwar il-proporzjon għall-istandard 1 tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (KAAT) (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 52).

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Diċembru 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza