Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2023/2041(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0258/2023

Testi mressqa :

A9-0258/2023

Dibattiti :

PV 12/09/2023 - 20
CRE 12/09/2023 - 20

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2023 - 7.11
CRE 13/09/2023 - 7.11

Testi adottati :

P9_TA(2023)0321

Testi adottati
PDF 203kWORD 70k
L-Erbgħa, 13 ta' Settembru 2023 - Strasburgu
Ir-relazzjonijiet mal-Belarussja
P9_TA(2023)0321A9-0258/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar ir-relazzjonijiet mal-Belarussja (2023/2041(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta’ Ottubru 2020 u tat-22 ta’ Ottubru 2021 dwar il-Belarussja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar Brussell fil-15 ta’ Diċembru 2021,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-G7 tal-4 ta’ Novembru 2022 dwar il-Belarussja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli tat-3 ta’ Marzu 2023 dwar il-kundanna ta’ Ales Bialiatski u Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem oħrajn, u d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli Josep Borrell tas-17 ta’ Jannar 2023 dwar il-proċessi kontra l-mexxejja tal-oppożizzjoni u l-ġurnalisti fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-4 ta’ Mejju 2022 u tal-20 ta’ Lulju 2022 tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sitwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Belarussja, Anaïs Marin, indirizzati lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, l-appell tal-10 ta’ Ottubru 2022 tal-esperti tan-Nazzjonijiet Uniti għall-ħelsien immedjat mill-ħabs tar-rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi Ales Bialiatski u ta’ difensuri oħrajn tad-drittijiet fil-Belarussja u l-osservazzjoni tal-kelliema tan-Nazzjonijiet Uniti għad-drittijiet tal-bniedem, Ravina Shamdasani, tat-3 ta’ Marzu 2023 dwar il-kundanna tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ indipendenza tal-Belarussja mill-Unjoni Sovjetika tal-25 ta’ Awwissu 1991,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Sovranità tal-Istat tar-Repubblika Soċjalista Sovjetika tal-Belarussja tas-27 ta’ Lulju 1990,

–  wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta’ Belavezha ratifikati fl-10 ta’ Diċembru 1991 mill-Kunsill Suprem tal-Belarussja, li ddikjaraw li l-Unjoni Sovjetika ma kinitx għadha teżisti,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Belarussja, adottata fil-15 ta’ Marzu 1994,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, u l-konvenzionijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem l-oħrajn kollha li l-Belarussja hija parti għalihom,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Programm ta’ Azzjoni ta’ Vjenna tal-25 ta’ Ġunju 1993,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari,

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Budapest dwar Garanziji ta’ Sigurtà,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Dinji ta’ Human Rights Watch tal-2022 dwar il-Belarussja,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU Kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali,

–  wara li kkunsidra t-tieni rapport ta’ evalwazzjoni tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin, adottat fit-28 ta’ Ġunju 2022, dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin min-naħa tal-Belarussja,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-4 ta’ Marzu 2022 u tat-3 ta’ Frar 2023 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja fil-kuntest tat-tħejjija għall-elezzjoni presidenzjali tal-2020 u warajha,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Mekkaniżmu ta’ Moska tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) tal-11 ta’ Mejju 2023 dwar it-theddida serja għad-dimensjoni umana tal-OSKE fil-Belarussja mill-5 ta’ Novembru 2020,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta’ investigazzjoni tal-missjoni ta’ ġbir ta’ informazzjoni tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali ta’ Lulju 2022 bit-titolu “Event involving Ryanair flight FR4978 in Belarus airspace on 23 May 2021” (Avveniment li jinvolvi t-titjira ta’ Ryanair FR4978 fl-ispazju tal-ajru tal-Belarussja fit-23 ta’ Mejju 2021),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2495 (2023) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tas-27 ta’ April 2023 bit-titolu “Deportations and forcible transfers of Ukrainian children and other civilians to the Russian Federation or to temporarily occupied Ukrainian territories: create conditions for their safe return, stop these crimes and punish the perpetrators” (Deportazzjonijiet u trasferimenti furzati tat-tfal Ukreni u ta’ persuni ċivili oħra lejn il-Federazzjoni Russa jew lejn territorji Ukreni temporanjament okkupati: noħolqu kundizzjonijiet għar-ritorn sikur tagħhom, inwaqqfu dawn ir-reati u nikkastigaw lill-awturi),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) GB.347/INS/14(Rev.1) tal-20 ta’ Marzu 2023 u r-riżoluzzjoni tagħha tat-12 ta’ Ġunju 2023 dwar il-miżuri rakkomandati mill-Korp ta’ Tmexxija skont l-Artikolu 33 tal-Kostituzzjoni tal-ILO dwar is-suġġett tal-Belarussja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0258/2023),

A.  billi, tliet snin wara l-elezzjonijiet presidenzjali frodulenti tad-9 ta’ Awwissu 2020, ir-reġim illeġittimu ta’ Aliaksandr Lukashenka qed jaggrava r-repressjoni sistematika tiegħu kontra l-poplu Belarussu, li testendi għas-segmenti kollha tas-soċjetà, inkluż l-individwi vulnerabbli u emarġinati; billi l-qrati kkundannaw lil aktar minn 3 000 persuna għal diversi pieni fuq akkużi politikament motivati u aktar minn 1 500 persuna għadhom il-ħabs minħabba raġunijiet politiċi, filwaqt li eluf ta’ persuni oħra jiġu ttorturati sabiex ma jammettux li għandhom tali status u jgħixu taħt il-pressjoni kontinwa ta’ intimidazzjoni, theddid u arrest possibbli u akkużi vvintati; billi r-reġim ta’ Lukashenka wettaq mijiet ta’ kundanni politiċi dwar akkużi kriminali, inkluż it-tneħħija ta’ kważi 100 liċenzja ta’ avukati Belarussi, għalaq mijiet ta’ strumenti tal-media u neħħa r-reġistrazzjoni ta’ aktar minn 1 000 organizzazzjoni mhux governattiva (NGOs); billi bosta imprendituri u ġurnalisti fil-qasam tal-media ġew mġiegħla jaħarbu mill-Belarussja u jerġgħu jniedu l-attivitajiet tagħhom f’eżilju, primarjament fil-Litwanja u fil-Polonja; billi aktar minn 30 ġurnalist u haddiem fil-qasam tal-media għadhom miżmuma l-ħabs fuq akkużi kriminali foloz; billi erba’ trade unions indipendenti ewlenin u l-Kungress Belarussu tat-Trade Unions Demokratiċi ngħalqu u mill-inqas 14 mill-mexxejja u l-membri tagħhom ġew arrestati; billi l-priġunieri politiċi meħlusa jiffaċċjaw diskriminazzjoni estrema, bir-reġim jipprojbixxi l-moviment liberu tagħhom u jżommhom milli jaċċessaw is-suq tax-xogħol, il-kontijiet bankarji tagħhom u assi finanzjarji oħrajn; billi l-azzjonijiet tar-reġim u ċ-ċaħda tal-kura medika u tal-għajnuna legali rriżultaw fil-mewt ta’ priġunieri politiċi inklużi Vitold Ashurak, Dzmitry Dudoits, Aliaksandr Vikhor, Mikalai Klimovicz , Dzmitry Sarokin u Ales Pushkin; billi madwar 300 000 Belarussu u Belarussa ħarbu mill-pajjiż f’dawn l-aħħar snin waħedhom minħabba l-biża’ ta’ destin simili;

B.  billi r-rapporti tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja qabblu r-repressjoni mwettqa mir-reġim ta’ Lukashenka ma’ delitti kontra l-umanità;

C.  billi Mejju u Ġunju 2023 rispettivament immarkaw tliet snin minn meta l-blogger tal-oppożizzjoni Belarussa Siarhei Tsikhanouski u Viktar Babaryka ġew arrestati fuq akkużi politikament motivati matul il-kampanja tagħhom għall-presidenza Belarussa; billi Palina Sharenda-Panasiuk, priġuniera politika u attivista mill-kampanja ċivili tal-Belarussja Ewropea, iddeċidiet li tirrinunzja għaċ-ċittadinanza Belarussa tagħha bi protesta kontra l-kundizzjonijiet ta’ priġunerija ta’ tortura u wara li ressqet applikazzjoni formali, intbagħtet biex twettaq eżami psikjatriku u minn dak iż-żmien ’l hawn mhuwiex magħruf fejn tinsab;

D.  billi mill-inqas 1 300 tifel u tifla b’diżabilità fil-Belarussja qed jinżammu f’istituzzjonijiet li għandhom problemi b’dijanjożi xierqa, edukazzjoni jew riintegrazzjoni soċjali u li għandhom nuqqas ta’ obbligu ta’ rendikont pubbliku u trasparenza;

E.  billi l-komunità internazzjonali, inkluż l-UE u l-Istati Membri tagħha, ma rrikonoxxewx ir-riżultati tal-elezzjoni presidenzjali frodulenti u ma rrikonoxxewx lil Aliaksandr Lukashenka bħala l-president tal-Belarussja; billi l-awtoritajiet Belarussi naqsu milli jwettqu investigazzjonijiet effettivi dwar l-allegazzjonijiet mifruxa ta’ tortura u trattament ħażin ieħor ta’ protestanti paċifiċi mill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi f’Awwissu 2020 wara l-vot presidenzjali frodulenti;

F.  billi r-reġim qed jelimina dak li għad fadal mill-pluraliżmu politiku fil-pajjiż, inkluż permezz tal-hekk imsejħa reġistrazzjoni mill-ġdid tal-partiti politiċi li jmiss, li x’aktarx twassal għall-eliminazzjoni tal-partijiet kollha ħlief dawk li jappoġġjaw lir-reġim; billi l-kostituzzjoni l-ġdida ta’ Frar 2022 toħloq istituzzjonijiet ġodda mhux demokratiċi li jservu biss l-għan li jiżguraw il-kontroll tar-reġim fuq il-poter u li jneħħu l-aħħar tama ta’ leħen fil-proċess politiku lill-Parlament;

G.  billi l-emendi għall-kodiċi kriminali Belarussu daħlu fis-seħħ f’Jannar 2022, u reġgħu introduċew ir-responsabbiltà kriminali għall-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet mhux reġistrati; billi l-ebda organizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem bħalissa mhu qed topera legalment fil-pajjiż; billi, f’Mejju 2022, wara li daħlu fis-seħħ emendi ġodda għall-kodiċi kriminali, l-awtoritajiet estendew l-applikazzjoni tal-piena kapitali għat-tentattiv ta’ atti ta’ terroriżmu, akkuża li qabel kienet tintuża fil-proċessi ta’ attivisti politiċi; billi, f’Lulju 2022, Lukashenka ffirma biex fil-liġi tiddaħħal leġiżlazzjoni li tippermetti li jsiru investigazzjonijiet u proċessi in absentia skont l-Artikoli 48 tal-kodiċi kriminali; billi, f’Jannar 2023, ir-reġim ta’ Lukashenka għadda liġi li se tneħħi ċ-ċittadinanza ta’ dawk eżiljati li jakkużahom bl-hekk imsejħa reati relatati mal-estremiżmu, lista li issa tinkludi aktar minn 2 000 individwu;

H.  billi r-reġim ta’ Lukashenka qed idgħajjef b’mod perikoluż is-sovranità tal-Belarussja billi jibdilha fi Stat satellita tar-Russja u jippermetti li l-Belarussja tiġi assorbita mir-Russja fl-hekk imsejjaħ stat tal-unjoni, u b’hekk dan jagħmel ir-riskju ta’ okkupazzjoni diretta estremament għoli, kontra r-rieda ċara tal-maġġoranza tal-Belarussi; billi Lukashenka ssuġġerixxa patt tal-istat tal-unjoni bejn il-Belarussja, ir-Russja u l-Każakistan biex jikkondividu l-armi nukleari;

I.  billi r-reġim ta’ Lukashenka qed ikompli jeqred il-manifestazzjoni tal-identità nazzjonali tal-Belarussi, inklużi l-lingwa u l-kultura tan-nazzjon; billi huwa qed isegwi politika aggressiva ta’ Russifikazzjoni permezz ta’ detenzjonijiet arbitrarji u speċjalment it-trattament krudili ta’ rappreżentanti tal-kultura, inklużi l-kittieba, l-artisti u l-mużiċisti, u l-persuni li jitkellmu l-Belarussu fil-pubbliku, kif ukoll billi jipprojbixxi simboli nazzjonali u storiċi tal-Belarussja, bħall-bandiera bajda-ħamra-bajda u l-istemma araldika ta’ Pahonia, u billi jagħlaq id-djar tal-pubblikazzjoni, l-iskejjel privati u l-korsijiet tal-lingwa Belarussa;

J.  billi r-reġim ta’ Lukashenka qed ikompli jemarġina l-minoranzi etniċi, reliġjużi u sesswali, b’mod partikolari l-komunitajiet etniċi Litwani u Pollakki, billi jippersegwita lill-mexxejja tagħhom, bħal pereżempju: Andrzej Poczobut, jagħlaq l-istituzzjonijiet edukattivi Litwani u Pollakki, jelimina l-edukazzjoni bl-lingwi etniċi tagħhom u jeqred iċ-ċimiterji ta’ tifkira Pollakki; billi qed ikompli wkoll jagħmel il-komunitajiet u l-individwi reliġjużi soġġetti għal repressjoni, bi ksur tad-dritt għal-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin; billi diversi saċerdoti u pastors Kattoliċi, Protestanti, Ortodossi u Kattoliċi Griegi ġew soġġetti għal diversi forom ta’ persekuzzjoni, li jvarjaw minn multi għal priġunerija fit-tul; billi l-Knisja Ortodossa tal-Belarussja f’ħafna każijiet taqdi l-interessi tar-reġim, inkluż billi tappoġġja l-gwerra tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna; billi l-mibki Arċisqof ta’ Hrodna, Artemy Kishchanka, li kien l-uniku mexxej reliġjuż tal-knisja Ortodossa Belarussa subordinata ta’ Moska – l-Eżarkata Belarussa – li kkundanna l-vjolenza użata mir-reġim ta’ Lukashenka kontra d-dimostranti paċifiċi fl-2020, ġie mġiegħel jirtira, u matul dan il-perjodu kien soġġett għal fastidju li affettwalu saħħtu u ħaffef mewtu;

K.  billi l-individwi LGBTI fil-Belarussja jiffaċċjaw aktar diskriminazzjoni sistemika u vjolenza; billi l-Belarussja tista’ tintroduċi leġiżlazzjoni ta’ “propaganda” LGBTI simili għal dik fir-Russja; billi l-Belarussi li jgħixu, jaħdmu jew ifittxu rifuġju fir-Russja huma fost l-aktar vulnerabbli għar-repressjoni tranżnazzjonali mill-awtoritajiet Belarussi;

L.  billi l-awtoritajiet Belarussi spiss jirrikorru għas-sorveljanza, iċ-ċensura online u d-diżinformazzjoni, u jużaw teknoloġiji biex jikkontrollaw il-popolazzjoni; billi tali prattika ta’ repressjoni tirrappreżenta pass ieħor lejn l-awtoritarjaniżmu diġitali u s-soppressjoni tad-drittijiet diġitali tal-persuni fil-Belarussja, li jwassal fl-intimidazzjoni akbar taċ-ċittadini u t-tiċkin tal-ispazju ċiviku;

M.  billi f’Ottubru 2022, il-Belarussja rtirat mill-ewwel Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi mit-8 ta’ Frar 2023, u b’hekk waqqfet il-mandat tal-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem biex jirċievi u jirrieżamina l-ilmenti dwar id-drittijiet tal-bniedem minn individwi fil-Belarussja; billi dan ħalla lill-Belarussi mingħajr protezzjoni internazzjonali, bil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma jistgħux jilqgħu l-ilmenti tal-Belarussi;

N.  billi r-reġim illeġittimu ta’ Lukashenka qed jappoġġja b’mod attiv u sar kompliċi sħiħ fil-gwerra ta’ aggressjoni mhux iġġustifikata u fid-delitti tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna; billi r-reġim qed jippermetti u jappoġġja direttament l-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna u l-użu mir-Russja ta’ mezzi ta’ terroriżmu, kif muri mir-ridirezzjonar tar-rotta tat-titjira ta’ Ryanair FR4978 f’Mejju 2021 u t-tħabbira li laqgħet l-organizzazzjoni terroristika tar-Russja sponsorjata mill-Istat, il-Grupp Wagner; billi l-maġġoranza tal-Belarussi huma kontra l-parteċipazzjoni ta’ pajjiżhom f’din il-gwerra u wrew dan billi organizzaw protesti paċifiċi li rriżultaw f’arresti, prosekuzzjoni u mġiba ħażina tal-pulizija, f’sabotaġġi fit-trasport ta’ tagħmir militari Russu u billi ngħaqdu jew appoġġjaw ir-reġimi Belarussi li qed jiġġieldu flimkien mal-forzi armati Ukreni; billi, bħala l-uniku pajjiż fl-Ewropa u fl-Asja Ċentrali li jinforza l-piena tal-mewt, kwalunkwe reżistenza għall-involviment tal-Belarussja fil-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna qed tiġi skoraġġuta permezz tal-użu tal-piena kapitali; billi l-kompliċità tar-reġim ta’ Lukashenka fil-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna ġiet iddenunzjata bil-qawwa mill-UE u min-NATO u wasslet għal approċċ komuni bejn l-organizzazzjonijiet abbażi ta’ valutazzjonijiet simili jew saħansitra konġunti, u l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO jeħtieġ li tissaħħaħ kif xieraq;

O.  billi, fis-27 ta’ April 2023, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa ddenunzjat b’mod unanimu d-deportazzjoni, ir-riedukazzjoni u r-Russifikazzjoni tat-tfal Ukreni, li wħud minnhom intbagħtu lejn il-kamp ta’ Dubrava, proprjetà ta’ Belaruskali; billi dawn ir-reati li fihom ir-reġim ta’ Lukashenka huwa kompliċi jistgħu jirrappreżentaw ġenoċidju;

P.  billi r-reġim ta’ Lukashenka jippreżenta theddida diretta għall-UE u għas-sigurtà taċ-ċittadini tagħha; billi dan huwa ppruvat mill-aċċettazzjoni tiegħu tal-użu ta’ armi nukleari tattiċi Russi fit-territorju tiegħu, ir-rifjut tiegħu li jimplimenta rekwiżiti ta’ sikurezza nukleari fl-Impjant tal-Enerġija Nukleari (NPP) tal-Belarussja f’Astravyets, il-ħtif orkestrat tiegħu ta’ titjira ċivili, Ryanair FR4978, l-istrumentalizzazzjoni kontinwa tiegħu tal-migrazzjoni u t-traffikar tal-bnedmin, ir-retorika tal-gwerra aggressiva tiegħu minn Awwissu 2020 u l-promozzjoni tiegħu ta’ preżenza militari Russa akbar fil-Belarussja permezz ta’ manuvri konġunti permanenti;

Q.  billi r-reġim ta’ Lukashenka għadu jġiegħel lill-migranti minn pajjiżi mhux tal-UE jaqsmu l-fruntieri tiegħu mal-Latvja, mal-Litwanja u mal-Polonja; billi l-migranti fil-Belarussja jiffaċċjaw tortura u trattament ħażin ieħor mill-gwardji tal-fruntiera u minn uffiċjali oħra, ostakli għal talba għall-ażil, u refoulement;

R.  billi l-forzi demokratiċi Belarussi mmexxija minn Sviatlana Tsikhanouskaya għandhom struttura stabbilita sew li fuq bażi kontinwa qed tikseb rikonoxximent internazzjonali, inkluż il-formazzjoni reċenti tal-Kabinett Tranżitorju Magħqud, il-Kunsill ta’ Koordinazzjoni mġedded u l-Missjoni tal-Belarussja Demokratika fi Brussell; billi l-Kabinett Tranżitorju Magħqud, il-membri fid-dijaspora ta’ diversi partiti demokratiċi tal-oppożizzjoni u Belarussi oħrajn għandhom rwol vitali biex ikomplu jipprovdu appoġġ attiv lill-priġunieri politiċi, lill-familji tagħhom u lill-attivisti li għadhom fil-Belarussja;

S.  billi Sviatlana Tsikhanouskaya u l-mexxejja tal-partiti politiċi demokratiċi ddikjaraw pubblikament l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Belarussi;

T.  billi, b’reazzjoni għar-repressjoni li għaddejja bħalissa, l-UE u l-Istati Membri tagħha adottaw għadd ta’ miżuri restrittivi kontra r-reġim ta’ Lukashenka, inklużi sanzjonijiet kontra 195 individwu u 34 entità ħatja ta’ involviment dirett fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem u li għenu lir-reġim; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha allokaw aktar minn EUR 100 000 000 biex jgħinu lill-poplu Belarussu u l-aspirazzjonijiet demokratiċi tiegħu;

U.  billi r-reġim ta’ Lukashenka qed irażżan l-effett tas-sanzjonijiet tal-Punent fuq il-Belarussja billi juża l-għajnuna pprovduta mir-Russja, bħall-użu tat-trasport Russu u l-infrastruttura tal-portijiet għall-esportazzjoni ta’ oġġetti Belarussi, aċċess preferenzjali għas-suq Russu u l-posponiment tal-pagamenti tad-dejn lir-Russja, kif ukoll billi jevita s-sanzjonijiet;

V.  billi, bħala riżultat tas-sanzjonijiet tal-Punent, fl-2022 il-PDG tal-Belarussja naqas b’4,7 %, tnaqqis ta’ biss nofs li kien mistenni; billi l-importazzjonijiet tal-UE mill-Belarussja fl-2022 naqsu b’aktar min-nofs meta mqabbla mas-snin preċedenti, minn EUR 6 540 000 000 fl-2021 għal EUR 3 190 000 000; billi l-esportazzjonijiet tal-Belarussja lejn ir-Russja żdiedu b’aktar minn 40 % minn USD 16 300 000 000 fl-2021 għal USD 23 000 000 000 fl-2022; billi fl-2022 l-esportazzjonijiet tal-Belarussja lejn iċ-Ċina kważi rduppjaw;

W.  billi r-reġim ta’ Lukashenka qed jerġa’ jġib lura l-mudell ekonomiku ppjanat ċentralment tal-era Sovjetika, b’mod partikolari permezz tar-regolamentazzjoni tal-prezzijiet bl-imnut, billi jżomm il-produzzjoni industrijali tal-kumpaniji tal-Istat f’livell għoli anke jekk ma jkunx hemm domanda u b’repressjoni fuq in-negozju privat, inkluż billi jipprojbixxi l-bejgħ tal-ishma proprjetà tal-investituri barranin f’kumpaniji fil-Belarussja u jimponi regolamenti li jippermettu l-konfiska ta’ proprjetà privata; billi l-Belarussja naqset milli tirrispetta s-sejbiet ewlenin tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta tal-ILO tal-2004 u r-reġim ta’ Lukashenka kompla jippersegwita lit-trejdunjonisti;

X.  billi, bħala riżultat tal-appoġġ tal-UE, mijiet ta’ Belarussi bħalissa qed jirċievu boroż ta’ studju u ħafna aktar qed jieħdu sehem f’taħriġ online biex isaħħu l-ħiliet professjonali tagħhom u se jkunu involuti fi skambji professjonali;

Ir-repressjoni kontinwa mir-reġim ta’ Lukashenka u l-appoġġ tal-UE għal persuni soġġetti għal repressjoni

1.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi r-repressjoni bla waqfien u l-ksur sistematiku u mifrux tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq kontinwament mir-reġim ta’ Lukashenka, inklużi bosta każijiet ta’ trattament ħażin u tortura, kif ukoll id-detenzjoni f’iżolament ta’ priġunieri politiċi u persuni oħra mħarrka minħabba raġunijiet politikament motivati u l-assistenza medika inadegwata pprovduta lilhom, bħal ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, attivisti tat-trade unions indipendenti u oħrajn; jikkundanna bl-istess mod l-eżerċizzju ta’ pressjoni fil-konfront ta’ dawk li ttieħdu pass kontrihom bl-arrest jew il-kundanna deliberata ta’ qrabathom u r-revoka tal-liċenzji tal-avukati tagħhom; ikompli jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu kuraġġuż tal-Belarussja u mal-membri tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jiddefendu Belarussja sovrana, ħielsa u demokratika fejn jipprevalu l-ġustizzja, il-paċi u d-drittijiet tal-bniedem, u jissograw il-libertà tagħhom u ħajjithom;

2.  Jitlob li r-reġim ta’ Lukashenka jtemm dan iċ-ċirku ta’ vjolenza, tortura, repressjoni u propaganda kontra vuċijiet li ma jaqblux miegħu u kritiċi perċepiti, jeħles immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet il-priġunieri politiċi kollha, il-membri tal-familja tagħhom u l-persuni kollha detenuti b’mod arbitrarju, jiddikjara amnestija universali għal dawk kollha arrestati fuq bażi politika mill-2020 u jippermetti t-trasferiment paċifiku tal-poter wara l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet ħielsa u ġusti;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Belarussi jtemmu immedjatament il-kundizzjonijiet krudili, inumani u degradanti ta’ detenzjoni qabel il-proċess u ta’ priġunerija għall-priġunieri politiċi, inkluż iċ-ċaħda ta’ trattament mediku, prodotti ta’ iġjene bażiċi u aċċess għal avukati u membri tal-familja; jikkundanna l-prattika ta’ “sensiela ta’ arresti”, jew estensjonijiet mhux iġġustifikati ta’ detenzjoni qabel il-proċess għal reati minuri jew fuq akkużi ta’ “estremiżmu” foloz; huwa mħasseb ħafna li l-mexxejja tal-oppożizzjoni demokratika Viktar Babaryka u Maria Kalesnikava li jinsabu fil-ħabs ġew trasferiti b’mod segret fi sptar mingħajr ma ngħatat l-ebda informazzjoni dwar il-kundizzjoni ta’ saħħithom; huwa mħasseb bl-istess mod dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni fuq żmien twil dwar il-kundizzjoni tal-politiċi tal-oppożizzjoni Siarhei Tsikhanouski, Mikalai Statkevich u Maksim Znak, il-ġurnalisti Ihar Losik, Katsiaryna Bakhvalava (isem bħala kittieba: Andreyeva) u Andrzej Poczobut, li l-aħħar wieħed minnhom huwa wkoll wieħed mill-mexxejja tal-minoranza Pollakka fil-Belarussja, u l-attivista mill-kampanja ċivika Ewropea tal-Belarussja, Palina Sharenda-Panasiuk;

4.  Jistieden lir-reġim ta’ Lukashenka jipprovdi immedjatament it-trattament mediku meħtieġ u jiggarantixxi sorveljanza medika xierqa tal-priġunieri politiċi kollha b’mard serju u bi problemi ta’ saħħa, inklużi Maria Kalesnikava, Viktar Babaryka, Ales Bialiatski, Ryhor Kastusiou, Iryna Melkher, Halina Dzerbysh, Henadz Fiadynich, Marfa Rabkova, Vasil Berasneu, Viachaslau Areshka, Uladzimir Hundar, Uladzimir Matskevich, Mikalai Statkevich, Alena Hnauk, Andrei Voinich, Aliaksandr Fiaduta, Mikita Zalatarou, Dzmitry Zalomski, Aliaksei Hubich, Vadzim Hurman, Antanina Kanavalava, Andrei Skurko, Darya Afanasieva, Arsenii Maiseichyk, Ihar Mints, Pavel Hancharyk, Siarhei Batura, Viachaslau Dashkevich, Daniil Kastsiukevich, Mikhail Khamitsevich, Palina Sharenda-Panasiuk, Andrzej Poczobut, Kseniya Lutskina, Maryna Markevich, Yauhen Liulkovich, Volha Tsybulskaya, Volha Zalatar, Artsiom Bayarski, Pavel Kuchynski, Uladzimir Malakhouski, Ruslan Slutski, Alena Maushuk, Larysa Kuzmenka, Kiryl Palcheuski, Yury Prakharenka, Siarhei Verashchahin, Viachaslau Rahashchuk, Aliaksandr Kapshul, Raman Karanevich, Vital Melnik, Aksana Zaretskaya u Viktoryia Kulsha;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet Belarussi jippermettu lid-diplomatiċi u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi l-fondazzjonijiet mediċi indipendenti, b’mod partikolari l-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (ICRC), iżuru l-priġunieri politiċi sabiex ikunu jistgħu jivvalutaw il-kundizzjoni tagħhom u jipprovdu għajnuna; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri tal-UE u lill-istituzzjonijiet internazzjonali bħall-ICRC u l-UNICEF ikomplu jipprovdu appoġġ sistematiku u komprensiv lill-priġunieri politiċi Belarussi u lill-membri tal-familji tagħhom li jinsabu f’sitwazzjoni finanzjarja vulnerabbli, kif ukoll lill-priġunieri politiċi li skontaw il-pieni tagħhom, inkluż appoġġ finanzjarju u assistenza fir-rijabilitazzjoni medika u psikoloġika;

6.  Jitlob investigazzjoni indipendenti u rapport espert dwar l-imwiet ta’ priġunieri politiċi fil-kustodja tar-reġim u l-mewt tal-attivist Raman Bandarenka f’Novembru 2020, li kienet ikkawżata minn swat estrem, allegatament minn uffiċjali tal-pulizija pajżana jew is-sostituti tagħhom;

7.  Jistieden lir-reġim ta’ Lukashenka jżomm lura minn kull tip ta’ fastidju, inkluż ta’ eks priġunieri politiċi li issa nħelsu; iħeġġeġ lir-reġim jippermetti lil dawn l-eks priġunieri jgħixu ħajjithom fil-libertà u jagħtihom aċċess sħiħ għas-suq tax-xogħol u għall-ħajja soċjali, kif ukoll għall-kontijiet bankarji u l-assi tagħhom; jesprimi tħassib dwar l-allegat użu tax-xogħol furzat tal-priġunieri f’kolonji penali Belarussi, b’mod partikolari minn fornituri lil kumpaniji ewlenin ibbażati fl-UE; jistieden lill-kumpaniji kollha bbażati fl-UE jtemmu r-relazzjonijiet ma’ kwalunkwe fornitur Belarussu li juża xogħol furzat fil-ktajjen tal-provvista tiegħu, anke dawk li għadhom mhumiex soġġetti għal miżuri restrittivi, u jistieden lill-Kunsill jimponi sanzjonijiet fuq kwalunkwe kumpanija Belarussa li tuża xogħol furzat fil-ktajjen tal-provvista tagħha; jilqa’ l-adozzjoni reċenti tar-riżoluzzjoni tal-ILO dwar il-miżuri rakkomandati mill-Korp Governattiv taħt l-Artikolu 33 tal-Kostituzzjoni tal-ILO dwar is-suġġett tal-ksur sistematiku tal-libertà ta’ assoċjazzjoni, is-soppressjoni tal-moviment demokratiku tat-trade unions u l-persekuzzjoni kontinwa tal-mexxejja tat-trade unions indipendenti u tal-attivisti tal-Belarussja, u jistieden lill-pajjiżi membri tal-ILO jaġixxu kif xieraq;

8.  Itenni l-fatt li l-irtirar unilaterali tar-reġim ta’ Lukashenka mill-politika tas-Sħubija tal-Lvant, imħabbar fit-28 ta’ Jannar 2021, ma għandu l-ebda leġittimità inkwantu ma jirriflettix ir-rieda reali tal-poplu Belarussu u l-aspirazzjonijiet tiegħu ta’ stat liberu u demokratiku;

9.  Itenni l-kundanna tiegħu għad-deċiżjoni tar-reġim ta’ Lukashenka li jirtira l-Belarussja mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus, ftehim internazzjonali li jimplimenta d-dritt tal-bniedem għal ambjent nadif, tajjeb għas-saħħa u sostenibbli;

10.  Jjitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jesploraw il-possibbiltà li jippermettu lir-rappreżentanti tal-forzi demokratiċi Belarussi, b’mod partikolari lil Sviatlana Tsikhanouskaya, ir-rappreżentanta leġittima tal-poplu Belarussu, u lis-soċjetà ċivili, jieħdu s-siġġijiet vojta li qabel kienu okkupati mir-rappreżentanti tal-awtoritajiet Belarussi f’fora bilaterali u multilaterali, b’mod partikolari fil-qafas tal-politika tas-Sħubija tal-Lvant; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi esperti indipendenti u mhux affiljati Belarussi mar-reġim bħala rappreżentanti nazzjonali tal-Belarussja fi programmi ta’ kooperazzjoni bħal EU4Climate, EU4Environment u inizjattivi oħrajn; iħeġġeġ lill-Kunsill Affarijiet Barranin jestendi stedina permanenti lil Sviatlana Tsikhanouskaya, bħala l-mexxejja tal-Kabinett Tranżitorju Magħqud tal-Belarussja, biex tattendi kwalunkwe laqgħa tiegħu li tikkonċerna lill-Belarussja; jistieden lill-mexxejja tal-Istati Membri, kif ukoll lill-mexxejja politiċi tal-Istati parteċipanti l-oħrajn tal-Komunità Politika Ewropea, jinkludu l-forzi demokratiċi Belarussi fil-Komunità Politika Ewropea, pereżempju billi jagħtuhom status ta’ osservatur;

11.  Jiddenunzja l-“proċessi pubbliċi” politikament motivati u l-akkużi vvintati li għandhom l-għan li jqajmu biża’ fost ir-rappreżentanti u l-partitarji tal-forzi demokratiċi, fis-soċjetà ċivili, fl-istrumenti tal-media indipendenti, fit-trade unions ħielsa, fid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u fil-minoranzi nazzjonali, reliġjużi u sesswali; jikkundanna d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Belarussi tat-23 ta’ Awwissu 2023 biex jiddikjaraw iċ-Ċentru importanti għad-Drittijiet tal-Bniedem Viasna u l-fergħat kollha tiegħu “organizzazzjoni estremista” u jitlob il-ħelsien immedjat tal-President u fundatur tiegħu, il-Premju Nobel għall-Paċi u rebbieħ tal-Premju Sakharov Ales Bialiatski, kif ukoll tal-kollegi tiegħu Valiantsin Stefanovich, Uladzimir Labkovich, Marfa Rabkova u Andrei Chapiuk; jiddenunzja wkoll, b’mod partikolari, il-kundanna għal perjodi twal ta’ ħabs ta’ Henadz Fiadynich, Vasil Berasneu, Viachaslau Areshka, Maryna Zolatava u Liudmila Chekina, kif ukoll il-kundanna fil-kontumaċja ta’ esponenti ewlenin tal-forzi demokratiċi, bħal Sviatlana Tsikhanouskaya, Pavel Latushka, Maryia Maroz, Volha Kavalkova, Siarhei Dyleuski, Valery Tsapkala, Stsiapan Putsila u Yan Rudzik, fuq akkużi foloz ta’ “konfoffa biex jinħataf il-poter” jew “formazzjoni ta’ organizzazzjonijiet estremisti”; jikkundanna l-inkarċerazzjoni kontinwa tal-mexxejja tal-oppożizzjoni demokratika Pavel Sevyarynets u Mikalai Statkevich; jikkundanna l-atti ta’ repressjoni tranżnazzjonali tar-reġim ta’ Lukashenka kontra l-Belarussi li jinsabu barra l-pajjiż, kif ukoll il-faċilitazzjoni u l-kooperazzjoni attiva tar-Russja f’din ir-repressjoni; iħeġġeġ lir-reġim iwaqqaf immedjatament it-tneħħija u t-theddida li jneħħi lit-tfal mill-kustodja tal-ġenituri tagħhom bħala mod kif jikkastiga lill-ġenituri talli jipprotestaw jew ikunu attivi politikament; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jidentifikaw toroq ġodda biex jaħdmu favur il-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha fil-Belarussja;

12.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Belarussi biex b’mod immedjat jibdlu s-sentenzi kollha tal-mewt u jistabbilixxu moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt, bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni sħiħa u permanenti tagħha;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jippermettu lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, lill-avukati u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jipprovdu servizzi lill-priġunieri politiċi u lill-familji tagħhom, b’mod partikolari għajnuna soċjali, kura tas-saħħa u difiża pubblika; jistieden lid-diplomatiċi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, minkejja d-diffikultajiet li jeżistu, jaħdmu mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-istrumenti tal-media indipendenti, il-gruppi favur id-demokrazija u l-familji tal-priġunieri politiċi fil-Belarussja, u jappoġġjahom;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jikkooperaw mas-sħab internazzjonali, bħall-Mekkaniżmu ta’ Moska tal-OSKE u l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, kif ukoll lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fuq il-post, dwar il-monitoraġġ, id-dokumentazzjoni u r-rappurtar tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-delitti kontra l-umanità gravi li qed iseħħu fil-Belarussja, sabiex jiżguraw l-obbligu ta’ rendikont u l-ġustizzja sussegwenti għall-vittmi; jenfasizza l-ħidma siewja tal-NGOs ġewwa u barra l-Belarussja li qed jiddokumentaw każijiet ta’ tortura u b’hekk jagħmlu bażi importanti għall-prosekuzzjoni futura ta’ reati mwettqa mir-reġim ta’ Lukashenka; itenni l-appoġġ tiegħu għall-Pjattaforma ta’ Obbligu ta’ Rendikont Internazzjonali għall-Belarussja;

15.  Itenni l-appell tiegħu lill-Istati Membri tal-UE biex iħejju t-triq għall-prosekuzzjoni kriminali tal-uffiċjali Belarussi li huma responsabbli għal frodi elettorali, ksur tad-drittijiet tal-bniedem u delitti kontra l-umanità gravi jew kompliċi fihom, skont il-prinċipji aċċettati ta’ ġuriżdizzjoni ekstraterritorjali u universali; itenni l-appell tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU biex l-Istati Membri kollha tan-NU jikkunsidraw li jaħdmu lejn l-obbligu ta’ rendikont b’dan il-mod; jappoġġja aktar diskussjonijiet dwar it-twaqqif possibbli f’The Hague ta’ tribunal internazzjonali għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja;

Involviment tar-reġim ta’ Lukashenka fil-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

16.  Jikkundanna bil-qawwa l-involviment tar-reġim ta’ Lukashenka fil-gwerra ta’ aggressjoni mhux iġġustifikata, illegali u mhux ipprovokata tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-promozzjoni min-naħa tiegħu ta’ diskors ta’ mibegħda, diżinformazzjoni u propaganda li tirrepeti r-retorika bellika ta’ Moska; jikkundanna, f’dan ir-rigward, il-provvista massiva ta’ munizzjon u hardware militari tar-reġim lill-aggressuri Russi, b’mod partikolari l-manifattura ta’ komponenti għall-militar Russu, kif ukoll l-istazzjonar ta’ truppi Russi fil-Belarussja u t-taħriġ tagħhom minn għalliema Belarussi, l-ilqugħ tal-organizzazzjoni terroristika illegali u sponsorjata mill-Istat tar-Russja, il-Grupp Wagner, it-theddida ta’ sħubija fl-aggressjoni, flimkien mal-istazzjonar ta’ truppi ħdejn il-fruntiera bejn il-Belarussja u l-Ukrajna, li torbot lit-truppi Ukreni hemmhekk, u l-użu tat-territorju, l-ispazju tal-ajru u l-infrastruttura Belarussi bħala post fejn tinbeda l-invażjoni, kif ukoll għal attakki kontinwi bil-missili fuq miri militari u ċivili fl-Ukrajna; josserva li l-maġġoranza assoluta tal-Belarussi ma taqbilx mal-involviment multidimensjonali fil-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja; jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-attivisti Belarussi li qed jisiltu kontra l-aggressuri fil-Belarussja billi jfixklu l-ferroviji u linji tal-provvista oħrajn użati mill-militar Russu, għall-partiġjani ċibernetiċi tal-Belarussja u għall-voluntiera, b’mod partikolari r-reġimenti Kastuś Kalinouski u dak li kien Pahonia, li qed jiġġieldu b’kuraġġ flimkien mal-forzi armati tal-Ukrajna biex ibiegħdu lill-aggressuri; jappoġġja bis-sħiħ l-għoti ta’ assistenza lil dawn l-opponenti;

17.  Jiddenunzja t-trasferiment illegali ta’ aktar minn 2 150 tifel u tifla, inklużi orfni, minn żoni tal-Ukrajna okkupati mir-Russi għall-hekk imsejħa kampijiet ta’ rikreazzjoni fil-Belarussja, fejn huma soġġetti għal Russifikazzjoni u indottrinazzjoni; jikkundanna bil-qawwa l-involviment tas-Salib l-Aħmar tal-Belarussja fid-deportazzjoni illegali tat-tfal Ukreni; jappoġġja l-investigazzjoni tal-prosekuturi Ukreni dwar ir-rwol tal-Belarussja fid-deportazzjonijiet furzati u jqis li l-azzjonijiet ta’ Lukashenka nnifsu u tar-reġim tiegħu jistgħu jirrappreżentaw delitt kontra l-umanità ta’ “deportazzjoni jew trasferiment bil-forza tal-popolazzjoni” skont l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); iqis lil Lukashenka responsabbli għal dawn id-delitti tal-gwerra, bħal Vladimir Putin u Maria Lvova-Belova, u għalhekk jistieden lill-QKI tikkunsidra li toħroġ mandat internazzjonali għall-arrest simili għal Lukashenka; jistieden lill-Kunsill jespandi l-lista ta’ individwi fil-mira tas-sanzjonijiet tal-UE biex jinkludi dawk involuti f’deportazzjonijiet furzati ta’ tfal Ukreni lejn il-Belarussja;

18.  Jappella għal sinerġiji u koerenza akbar bejn il-Boxxla Strateġija tal-UE u l-Kunċett Strateġiku tan-NATO, b’mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom, bil-għan li tiġi miġġielda l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-kompliċità tar-reġim ta’ Lukashenko f’dan il-kunflitt; jissottolinja l-importanza li tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO fit-trattament tal-aspetti rilevanti kollha tal-involviment tal-Belarussja fil-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna; iqis li huwa neċessarju l-iżvilupp ta’ strateġija komuni għall-preżervazzjoni tal-indipendenza tal-Belarussja, inkluż l-appoġġ internazzjonali għal dan il-għan u għat-tranżizzjoni tal-pajjiż lejn id-demokrazija, bil-parteċipazzjoni tal-UE u tal-istituzzjonijiet internazzjonali bħall-OSKE, il-Kunsill tal-Ewropa u l-G7;

19.  Iqis li, billi ppermetta l-gwerra mhux iġġustifikata tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, ir-reġim ta’ Lukashenko sar kompliċi fid-delitti mwettqa mir-Russja, li jimplika r-responsabbiltà għall-qerda u għad-danni kkawżati lill-Ukrajna; iqis, barra minn hekk, li t-tribunal internazzjonali speċjali dwar id-delitti ta’ aggressjoni mwettqa mir-Russja kontra l-Ukrajna jeħtieġlu jkollu l-ġuriżdizzjoni li jinvestiga mhux biss lil Putin u lit-tmexxija politika u militari Russa, iżda wkoll lit-tmexxija Belarussa; jistieden, għalhekk, lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex jippermettu l-prosekuzzjoni kriminali ta’ uffiċjali Belarussi li huma kompliċi fir-reat ta’ aggressjoni, id-delitti tal-gwerra, id-delitti kontra l-umanità u r-reati ta’ ġenoċidju mwettqa kontra l-Ukraina; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-passi meħuda lejn l-istabbiliment ta’ uffiċċju tal-pajjiż tal-QKI fl-Ukrajna; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsibu perkorsi legali biex jissekwestraw l-assi tat-tmexxija Belarussa u l-entitajiet Belarussi relatati involuti fl-isforz tal-gwerra mir-Russja u, jekk possibbli, jużawhom biex jappoġġjaw ir-rikostruzzjoni tal-Ukrajna;

20.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jwessgħu u jsaħħu l-ambitu tas-sanzjonijiet tagħhom (miżuri restrittivi) u jadottaw sett ġdid ta’ sanzjonijiet kontra l-Belarussja u r-Russja u l-individwi u l-entitajiet legali responsabbli għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja jew li huma kompliċi fihom, taħt ir-reġimi ta’ sanzjonijiet tar-Russja u l-Belarussja u l-Mekkaniżmu Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Att Magnitsky tal-UE), inklużi l-imħallfin li jaqtgħu s-sentenzi, il-prosekuturi, l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, l-uffiċjali tal-ħabs u l-kolonji penali, il-propagandisti u l-aġenti tal-KGB li tgawdi fama ħażina u d-Direttorat Prinċipali għall-Ġlieda kontra l-Kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni (GUBOPiK/HUBAZiK);

21.  Jitlob li s-sanzjonijiet eżistenti kontra r-Russja jittieħdu wkoll kontra l-Belarussja; jinsisti li l-putassa Belarussa, li hija s-sors ewlieni ta’ introjtu tar-reġim, għandha tibqa’ fuq il-lista ta’ sanzjonijiet u ma għandhiex tiġi ttrasportata mit-territorju tal-UE, speċjalment peress li l-produttur ewlieni tal-putassa tal-Belarussja, Belaruskali, huwa direttament involut fit-trasferiment illegali, ir-Russifikazzjoni u l-indottrinazzjoni tat-tfal Ukreni; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu b’mod urġenti l-kapaċità tagħhom li jivvalutaw l-effett reali tas-sanzjonijiet u l-ħsara kollaterali possibbli, sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri restrittivi kollha li jikkonċernaw lill-Belarussja u lill-individwi Belarussi u jfixklu kwalunkwe skema ta’ evażjoni, kif ukoll jipprovdu appoġġ adegwat għall-ħidma tal-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Implimentazzjoni tas-Sanzjonijiet tal-UE dwar l-indirizzar tal-lakuni kollha u t-titjib tal-implimentazzjoni effettiva tas-sanzjonijiet kollha;

22.  jitlob li r-Russja u l-Belarussja jiġu inklużi fil-lista tal-UE ta’ pajjiżi terzi b’riskju għoli fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; jappella għat-tfassil ta’ lista ta’ qraba diretti ta’ dawk marbuta mar-reġim kriminali ta’ Lukashenka li qed igawdu mill-ospitalità tal-pajjiżi tal-UE; jappella għar-rieżami immedjat tal-viżi ta’ dħul u tal-istatus ta’ residenza tagħhom; iħeġġeġ lill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali u lil federazzjonijiet sportivi internazzjonali oħrajn biex ma jippermettux lill-atleti mill-Belarussja u mir-Russja, li ħafna minnhom jappoġġjaw jew saħansitra pparteċipaw fil-gwerra ta’ aggressjoni mhux iġġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, jikkompetu fil-Logħob Olimpiku ta’ Pariġi tal-2024 jew fi kwalunkwe avveniment sportiv internazzjonali ieħor;

23.  Jesprimi dispjaċir għall-fatt li xi Stati Membri qed jagħmlu pressjoni biex jitneħħew is-sanzjonijiet kontra l-produtturi tal-putassa Belarussa, inkluż Belaruskali, u jistieden lill-Istati Membri jidentifikaw approċċi komuni għall-isfidi ppreżentati mis-sanzjonijiet; jikkundanna lil dawk il-pajjiżi terzi li qed jgħinu lir-Russja u lill-Belarussja jagħmlu ċirkomvenzjoni mis-sanzjonijiet imposti u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw sanzjonijiet sekondarji kontra dawk il-pajjiżi terzi; jiddeplora ż-żjara uffiċjali mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ tal-Ungerija f’Minsk fi Frar 2023, li tikkontradixxi l-politika tal-UE dwar il-Belarussja, ir-Russja u l-gwerra tal-aggressjoni kontra l-Ukrajna; jistieden lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jesploraw aktar miżuri lil hinn mis-sanzjonijiet u jiżviluppaw approċċ koerenti u komprensiv fit-tul fil-konfront tal-Belarussja, b’koordinazzjoni mill-qrib mas-sħab tal-UE;

Is-sovranità tal-Belarussja u l-protezzjoni tal-lingwa u l-kultura nazzjonali tagħha

24.  Jinnota bi tħassib kbir is-subordinazzjoni politika, ekonomika, militari u kulturali rampanti tal-Belarussja lejn Moska; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Belarussja saret Stat satellita tar-Russja u jikkundanna l-azzjonijiet taż-żewġ reġimi, li jistgħu jwasslu għall-assorbiment u l-annessjoni eventwali tal-Belarussja mir-Russja; jiddenunzja r-reviżjoniżmu storiku tar-reġim ta’ Lukashenka u t-tentattivi biex jiġġustifika r-reati tiegħu, b’mod partikolari r-repressjoni tal-poplu Belarussu u l-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna; jikkundanna l-użu ta’ armi nukleari tattiċi Russi taħt il-kmand Russu fit-territorju Belarussu, bi ksur sfaċċat tal-istatus ħieles mill-armi nukleari tal-Belarussja, li ġie revokat wara r-referendum kostituzzjonali frodulenti tas-27 ta’ Frar 2022; itenni l-kundanna tiegħu ta’ tali użu, li jmur kontra t-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari u li jista’ jwassal għal riallokazzjonijiet nukleari ulterjuri fir-reġjun; jitlob lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lin-NATO jieħdu l-passi kollha possibbli biex jittrattaw dan l-użu; jiddeplora r-retorika ta’ theddid ta’ Lukashenka dwar l-użu possibbli ta’ armi nukleari; jitlob lill-UE taħdem f’kooperazzjoni mal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika u mal-Grupp ta’ Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari biex tiġi żgurata s-sikurezza nukleari fl-NPP Belarussu f’Astravyets u jesprimi dispjaċir għall-fatt li t-tieni reattur fl-NPP Belarussu ntuża mingħajr ma kien ġie indirizzat kif xieraq it-tħassib dwar is-sikurezza nukleari li tqajjem mill-komunità internazzjonali; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri ma jirrikonoxxu l-ebda ftehim iffirmat mir-reġim ta’ Lukashenka mar-Russja li jċedi s-sovranità tal-Belarussja kontra r-rieda tal-poplu;

25.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jżommu l-unità fl-indirizzar tat-theddid b’diversi aspetti maħuq mir-reġim ta’ Aliaksandr Lukashenka lill-UE, b’mod partikolari l-istrumentalizzazzjoni kontinwa u dejjem tikber tal-migrazzjoni mfassla mill-Istat, li deliberatament tikkawża tbatija umana fil-fruntieri tal-Belarussja mal-Latvja, mal-Litwanja u mal-Polonja u lil hinn minnhom; jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-migrazzjoni għal skopijiet politiċi mill-awtoritajiet Belarussi u jqis dan bħala rimedju organizzat apposta mir-reġim ta’ Lukashenka kontra l-Istati Membri tal-UE għall-appoġġ tagħhom għall-forzi demokratiċi tal-Belarussja, bl-għan li jiddestabbilizza lil dawk l-Istati Membri; huwa mħasseb dwar is-sitwazzjoni umanitarja tul il-fruntieri tal-Belarussja mal-Istati Membri tal-UE; jistieden lill-Istati Membri tal-UE inkwistjoni jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni, bħal li jżommu n-normi bażiċi Ewropej, id-dritt internazzjonali u r-rispett għad-dinjità ta’ kull ħajja umana, speċjalment fid-dawl tal-isfidi, fil-qalba tal-proġett demokratiku Ewropew li fih l-UE tixtieq ukoll li tipparteċipa l-Belarussja; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi ggarantit id-dritt għall-ażil, filwaqt li jiġu pprovduti kundizzjonijiet ta’ akkoljenza umana u dinjituża għall-migranti u għall-persuni li jfittxu ażil fil-fruntiera;

26.  Huwa tal-fehma li l-wasla fil-Belarussja tal-kumpanija militari privata Russa, il-Grupp Wagner, toħloq riskji potenzjali għas-sigurtà għall-Ukrajna, għall-ġirien tal-UE tal-Belarussja u għall-UE kollha kemm hi; itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill biex iżid lill-Grupp Wagner mal-lista ta’ terroristi tal-UE u jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex ikomplu jimmonitorjaw l-attivitajiet tal-Grupp Wagner u jsaħħu l-protezzjoni tal-fruntieri tal-UE bil-għan li tiġi evitata kwalunkwe provokazzjoni min-naħa tal-Grupp Wagner jew kwalunkwe tentattiv min-naħa tal-merċenarji tal-Grupp li jidħlu fl-UE, kif ukoll ikomplu jiġġieldu l-kuntrabandu dejjem akbar ta’ merkanzija mill-Belarussja;

27.  Jinnota d-dipendenza ekonomika dejjem tikber tal-Belarussja fuq ir-Russja u pajjiżi mhux demokratiċi oħrajn, inkluża ċ-Ċina; jiddeplora l-fatt li l-Belarussja qed tirritorna għall-mudell ekonomiku ppjanat ċentralment tal-era Sovjetika, li se jkompli jiżola l-pajjiż mis-suq dinji u jwassal għal dewmien fl-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni u eżodu ta’ mħuħ kontinwu, li kollha jmorru kontra l-interessi tal-poplu Belarussu, li wera inizjattiva intraprenditorjali dejjem akbar f’dawn l-aħħar snin;

28.  Ifakkar lin-negozji kollha tal-UE li joperaw fil-Belarussja dwar l-appell preċedenti biex jeżerċitaw diliġenza partikolari u jiddefendu r-responsabbiltà tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, f’konformità mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jitlob lil tali negozji jastjenu milli jagħmlu kwalunkwe investiment ġdid fil-pajjiż u jitlobhom jipprotestaw pubblikament mal-awtoritajiet Belarussi kontra r-repressjoni kontinwa tal-ħaddiema u taċ-ċittadini b’mod ġenerali;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE jkomplu jappoġġjaw lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fil-Belarussja, minħabba li kellhom rwol importanti fl-appoġġ tal-moviment favur id-demokrazija fil-Belarussja, kemm matul kif ukoll wara l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2020;

30.  Jesprimi solidarjetà mal-Belarussi li qed ifittxu li jipproteġu u jrawmu l-identità nazzjonali tagħhom, b’mod partikolari permezz ta’ sforzi biex jinfirex l-użu tal-lingwa Belarussa; jikkundanna s-sentenza reċenti tal-maniġer tal-arti Pavel Belavus ta’ 13-il sena ħabs għall-isforzi tiegħu biex jippromwovi l-lingwa u l-kultura Belarussi; jintrabat li jżid il-komunikazzjoni tiegħu fil-Belarussja, b’mod partikolari billi jittraduċi r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-Belarussja u l-politiki tas-Sħubija tal-Lvant fil-lingwa, u jistieden lill-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-UE jsegwu;

31.  Iħeġġeġ lir-reġim Belarussu jtemm id-diskriminazzjoni u l-vjolenza tiegħu kontra l-minoranzi kollha, b’mod partikolari l-minoranzi etniċi, reliġjużi u sesswali; jikkundanna lill-awtoritajiet Belarussi peress li mmiraw lejn il-komunitajiet etniċi Litwani u Pollakki tal-pajjiż, b’mod partikolari permezz tad-deċiżjonijiet reċenti mmirati lejn il-likwidazzjoni tal-iskejjel Litwani u Pollakki u l-eliminazzjoni tal-edukazzjoni fil-lingwi Litwani u Pollakki; jistieden lill-awtoritajiet Belarussi jirrispettaw id-drittijiet tal-minoranzi Litwani u Pollakki, inkluż id-dritt għall-edukazzjoni fil-lingwi Litwani u Pollakki; jikkundanna l-arresti ta’ Andżelika Borys, ta’ Andrzej Poczobut u ta’ membri oħrajn tal-komunità Pollakka; iqis li l-akkużi ta’ “inċitament għall-mibegħda” u ta’ “riabilitazzjoni tan-Nażiżmu” li nġiebu kontra Andżelika Borys huma ta’ natura politika u mingħajr mertu jew valur legali, u jieħu nota li hija nħelset minn dawn l-akkużi;

32.  Jikkundanna bil-qawwa l-persekuzzjoni tal-komunitajiet reliġjużi fil-Belarussja, inkluża l-persekuzzjoni kemm ta’ kleriċi kif ukoll lajċi li, fl-attivitajiet reliġjużi tagħhom, jirrifjutaw li jappoġġjaw il-pożizzjoni tar-reġim ta’ Lukashenka u jesprimu nuqqas ta’ qbil mal-politiki tiegħu; jiddenunzja, f’dan ir-rigward, il-kundanna tal-qassis Ortodoss Siarhei Rezanovich, tal-mara u tat-tifel tiegħu ta’ 16-il sena ħabs, il-pressjoni eżerċitata fuq il-mibki Arċisqof Ortodoss, Artemy Kischanika, kif ukoll l-arresti regolari tal-membri tal-kleru, inkluż il-priġunerija f’Mejju 2023 tal-qassisin Kattoliċi Viachaslau Adamovich, Andrei Kulik u Aliaksandr Shautsou u l-katekist Uladzislau Beladzed; jikkundanna wkoll il-konfiska tal-knejjes mill-Kattoliċi f’Minsk u l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe attività politika fil-qafas tal-evangeliżmu tal-Protestanti;

33.  Iħeġġeġ lir-reġim ta’ Lukashenka jtemm minnufih il-persekuzzjoni u d-diskriminazzjoni u l-vjolenza tiegħu kontra individwi LGBTI u biex jiżgura l-protezzjoni u l-inklużjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà; jappoġġja l-isforzi tal-organizzazzjonijiet LGBTI fil-Belarussja f’dik li hija l-promozzjoni ta’ riformi legali li jiżguraw drittijiet u protezzjoni ugwali għall-individwi kollha;

34.  Jiddeplora n-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni fir-rigward tal-persuni b’diżabilità fil-Belarussja, kif ukoll l-għeluq furzat fl-2021 tal-organizzazzjoni ewlenija tal-pajjiż għad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, l-Uffiċċju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità; jiddeplora l-problemi li jiffaċċjaw it-tfal b’diżabilità fil-Belarussja fir-rigward ta’ dijanjożi xierqa, edukazzjoni u riintegrazzjoni soċjali u n-nuqqas ta’ obbligu ta’ rendikont pubblika u t-trasparenza tal-istituzzjonijiet fejn jinżammu dawn it-tfal; jissottolinja l-ħtieġa tad-deistituzzjonalizzazzjoni u t-tħassir tal-Liġi Nru 183-Z tar-Repubblika tal-Belarussja tat-30 ta’ Ġunju 2022 dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità u l-integrazzjoni soċjali tagħhom, li tiddiskrimina kontra t-tfal u l-adulti b’diżabilità, u tillimita l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni primarja, sekondarja u għolja skont il-grad ta’ diżabilità tagħhom; huwa mħasseb li l-awtoritajiet Belarussi jkomplu jqiegħdu l-persuni b’diżabilità differenti fl-istess faċilitajiet u jonqsu milli jipprovdu lil kwalunkwe grupp b’kura speċjalizzata, li aktar minn 10 000 persuna b’diżabilità li jgħixu f’istituzzjonijiet “psikonewroloġiċi” huma mċaħħda mid-drittijiet legali tagħhom, u li l-qrati nnominaw id-diretturi ta’ dawn l-istituzzjonijiet bħala gwardjani legali tagħhom; jissottolinja l-ħtieġa li jitħassru d-dispożizzjonijiet li jippermettu ċ-ċaħda involontarja tal-libertà;

Appoġġ għad-demokrazija u l-aspirazzjonijiet Ewropej

35.  Jenfasizza l-fatt li l-Belarussja għandha rabtiet storiċi mal-bqija tal-Ewropa u taqsam il-wirt tal-kultura u l-identità Ewropej, u li, abbażi tal-aspirazzjonijiet tal-poplu Belarussu, għandha tibqa’ parti mill-ispazju politiku, kulturali u ekonomiku Ewropew; jirrikonoxxi u jappoġġja bil-ħerqa d-dikjarazzjonijiet dwar l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Belarussi magħmula minn Sviatlana Tsikhanouskaya u l-mexxejja tal-partiti politiċi demokratiċi Belarussi; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġija aktar ambizzjuża u komprensiva, flimkien ma’ pjan ekonomiku wiesa’, li jipprovdi appoġġ għall-forzi demokratiċi Belarussi, inklużi l-partiti politiċi tal-oppożizzjoni, l-attivisti tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-artisti indipendenti, it-trade unions indipendenti u l-istrumenti tal-media ħielsa kemm fil-Belarussja kif ukoll barra minnha, bil-ħsieb li titrawwem tranżizzjoni demokratika fil-pajjiż u jiġu rrispettati l-indipendenza u s-sovranità tal-Belarussja; jappella għal programmi komprensivi ta’ bini tal-kapaċitajiet, taħriġ dwar l-għarfien espert legali għall-abbozzar tal-leġiżlazzjoni u dwar is-sigurtà diġitali u personali, inizjattivi ta’ mentoraġġ, traineeships u opportunitajiet edukattivi oħrajn biex dawn l-atturi jingħataw is-setgħa u jitrawwem il-potenzjal tagħhom;

36.  Jappella għal titjib fil-komunikazzjoni tal-UE mal-poplu fil-Belarussja biex tingħatalhom informazzjoni u tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni u l-propaganda mill-mezzi ta’ komunikazzjoni kkontrollati mill-Istat; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jrawmu kuntatti bejn il-popolazzjonijiet tagħhom stess u l-poplu Belarussu, u jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom sabiex itaffu d-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-forzi demokratiċi u l-partiti politiċi tal-oppożizzjoni, l-attivisti tas-soċjetà ċivili u ċittadini Belarussi oħrajn fl-eżilju, pereżempju fil-proċess tal-kisba ta’ permessi ta’ residenza u tal-ftuħ ta’ kontijiet bankarji u fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ applikazzjoni għall-viża fil-Belarussja u f’pajjiżi terzi, inkluż bħala riżultat tal-applikazzjoni żbaljata tar-reġim ta’ sanzjonijiet; jisħaq li l-poplu Belarussu ma għandux jiġi assimilat mar-reġim ta’ Lukashenka u li l-Belarussi li jgħixu fl-eżilju ma għandhomx jiġu diskriminati abbażi tal-involviment tar-reġim fil-gwerra kontra l-Ukrajna; jiddeplora t-tkeċċija intenzjonata tar-reġim ta’ Lukashenka jew in-nuqqas ta’ tiġdid tal-akkreditazzjoni tad-diplomatiċi mill-UE, mill-Istati Membri tagħha u minn pajjiżi oħrajn, sabiex jiġi limitat l-appoġġ tagħhom għall-Belarussi ppersegwitati u l-kapaċità tagħhom li joħorġu viżi; jirrikonoxxi l-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-UE fl-appoġġ tal-kontropartijiet Belarussi tagħhom u fl-assistenza lill-Belarussi matul il-proċess ta’ rilokazzjoni, u jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jippermettu l-ħidma tagħhom;

37.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu jissimplifikaw il-proċeduri għall-kisba ta’ viżi u permessi ta’ residenza għal dawk li jaħarbu mill-Belarussja minħabba raġunijiet politiċi jew għal dawk li jirrikjedu trattament mediku bħala riżultat tal-vjolenza mwettqa kontrihom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħejju regoli u proċeduri biex jittrattaw każijiet li fihom id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti oħrajn tas-soċjetà ċivili titneħħielhom iċ-ċittadinanza tagħhom Belarussa, kif ukoll jipprovdu appoġġ lil dawk il-Belarussi residenti fl-UE li d-dokumenti tal-identità tagħhom waslu biex jiskadu u li ma għandhom l-ebda mezz biex iġedduhom, peress li ma jistgħux jirritornaw il-Belarussja;

38.  Jistieden lill-Kunsill jirrieżamina u jaġġorna l-konklużjonijiet tiegħu dwar il-Belarussja billi jiffoka fuq l-antiċipazzjoni u t-trażżin tar-riskji għas-sigurtà ppreżentati mir-reġim ta’ Lukashenka, il-politika pubblika effettiva tal-UE u l-impenn mal-poplu tal-Belarussja, inklużi dawk f’eżilju, il-kooperazzjoni strutturata mal-forzi demokratiċi Belarussi u mas-soċjetà ċivili u l-appoġġ għall-vittmi tar-reġim ta’ Lukashenka;

39.  Jilqa’ l-ftuħ fi Brussell tal-Missjoni uffiċjali għal Belarussja Demokratika fl-1 ta’ Marzu 2023; jilqa’ wkoll il-ħolqien tal-Kabinett Tranżizzjonali Magħqud bħala l-korp eżekuttiv ċentrali tal-moviment demokratiku, li, flimkien mal-Kunsill ta’ Koordinazzjoni, korp rappreżentattiv unifikat tas-soċjetà demokratika Belarussa, għandu jiġi ttrattat mill-komunità internazzjonali bħala r-rappreżentanti demokratiċi tal-poplu tal-Belarussja; jappella għall-iffirmar ta’ ftehim biex tiġi fformalizzata u sistematizzata l-kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-forzi demokratiċi Belarussi u s-soċjetà ċivili, inkluż il-Kabinett Tranżizzjonali Magħqud u l-Kunsill ta’ Koordinazzjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Kunsill u l-Kummissjoni jżommu l-attenzjoni internazzjonali u l-appoġġ għall-moviment favur id-demokrazija fil-Belarussja, li nbidel wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jitħejjew għal diversi xenarji, bħas-sostituzzjoni (furzata) ta’ Lukashenka jew l-annullament jew l-okkupazzjoni de facto tal-Belarussja mir-Russja, u biex jikkonsultaw mal-Kabinett Tranżizzjonali Magħqud dwar dawn ix-xenarji;

40.  Jilqa’ l-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-programm ta’ appoġġ “EU4Belarus: Nappoġġjaw ir-reżiljenza tas-soċjetà u l-iżvilupp tal-kapital uman”, li għandu l-għan li jappoġġja l-aspirazzjonijiet demokratiċi fil-Belarussja; iqis li tali appoġġ huwa essenzjali għall-preżervazzjoni tal-bidliet fis-soċjetà Belarussa li ħarġu mill-moviment paċifiku favur id-demokrazija matul l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2020; jinsisti li l-fondi tal-EU4Belarus għandhom jiġu mgħoddija b’mod strateġiku f’attivitajiet biex jappoġġjaw l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-poplu tal-Belarussja;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu u jwessgħu l-appoġġ għall-attivitajiet kulturali u edukattivi tas-soċjetà ċivili u tal-istituzzjonijiet akkademiċi Belarussi, inklużi dawk immirati lejn l-appoġġ tal-lingwa Belarussa u tal-media indipendenti; jenfasizza l-importanza tal-appoġġ tad-diġitalizzazzjoni u l-ħolqien ta’ spazji għall-parteċipazzjoni ċivika u politika favur id-demokrazija tal-Belarussi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jappoġġjaw il-media indipendenti tal-Belarussja, li nqerdet wara l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2020 u li kellha tirriloka u tibni l-attivitajiet tagħha mill-ġdid; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f’dan ir-rigward, isaħħu l-kapaċità tal-istrumenti tal-media tal-lingwa Belarussa, inklużi Charter 97, Radio Racyja, Euroradio, Belsat TV, Naša Niva and Novy Čas, u jagħtu attenzjoni partikolari lil sturmenti ġodda bħal NEXTA, Malanka u Zerkalo (li qabel kien TUT.BY); jilqa’ r-rilokazzjoni ta’ Radio Free Europe/Radio Liberty u l-ftuħ tal-uffiċċju tiegħu fil-Litwanja, li jipprovdi kopertura kredibbli tal-media għall-udjenza fil-Belarussja;

42.  Jenfasizza l-importanza li jissaħħu kontinwament ir-rabtiet u l-kooperazzjoni bejn il-Belarussja, minn naħa waħda, u ż-żgħażagħ u l-komunità akkademika fl-UE, min-naħa l-oħra; jilqa’ l-allokazzjoni mill-UE ta’ riżorsi finanzjarji biex tipprovdi opportunitajiet edukattivi għall-istudenti u l-professjonisti Belarussi, b’mod partikolari permezz tal-proġett EU4Belarus MOST+ (“skema ta’ mobbiltà għal kuntatti mmirati bejn il-persuni”); jistenna li dan l-appoġġ jitkompla u li l-Belarussi se jiġu inklużi b’mod sostanzjali fil-programmi tal-UE, bħal Erasmus+ u Orizzont Ewropa; jappella, barra minn hekk, għal appoġġ kontinwu lill-istituzzjonijiet akkademiċi indipendenti Belarussi, inkluża l-Università Ewropea tal-Umanistika f’Vilnius;

43.  Jinsisti li proporzjon sinifikanti tal-appoġġ finanzjarju tal-UE għandu jkompli jiġi indirizzat permezz ta’ mekkaniżmi flessibbli u imparzjali tal-UE, bħall-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED), li jiżguraw immirar tajjeb tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-obbligu ta’ rendikont għalihom, l-istrumenti tal-media indipendenti u l-gruppi favur id-demokrazija; jappella għal finanzjament b’limitu aktar baxx għall-NGOs fil-Belarussja u barra minnha; jissuġġerixxi li l-EED għandu jsaħħaħ l-enfasi tiegħu fuq il-Belarussja, filwaqt li l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-EED b’aktar mezzi biex jappoġġja l-forzi demokratiċi tal-Belarussja;

44.  Jappoġġja t-tħejjijiet għal konferenza internazzjonali tad-donaturi mmexxija mill-UE biex tassisti lill-forzi demokratiċi tal-Belarussja; jappella lill-UE biex timpenja ruħha f’livell operazzjonali mar-rappreżentanti tal-forzi demokratiċi tal-Belarussja sabiex tikkonkludi l-ħidma fuq l-adozzjoni ta’ pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-pakkett ta’ investiment u ekonomiku ta’ EUR 3 000 000 000 li huwa diġà previst mill-Kummissjoni bħala mod kif jitħaddnu l-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-poplu Belarussu; jappella għal djalogu politiku bejn l-UE u l-forzi demokratiċi tal-Belarussja sabiex tinkiseb viżjoni konġunta dwar dan il-pjan ta’ appoġġ imsemmi hawn fuq; jenfasizza l-ħtieġa li ssir diskussjoni pubblika sostantiva sabiex jinbena appoġġ pubbliku għal involviment konsiderevoli tal-UE;

45.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-trasparenza, il-libertà u l-ġustizzja tal-elezzjonijiet parlamentari u lokali tal-2024 fil-Belarussja, b’mod partikolari fid-dawl ta’ restrizzjonijiet legali ġodda fuq il-partiti politiċi u d-dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni Elettorali Ċentrali li jqajmu dubji dwar l-importanza tal-osservazzjoni elettorali internazzjonali u r-rwol tal-Uffiċċju tal-OSKE għall-istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem; jikkundanna l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet intollerabbli għall-attivitajiet tal-partiti demokratiċi tal-oppożizzjoni fil-Belarussja u restrizzjonijiet fuqhom; jikkundanna, b’mod partikolari, il-liġi l-ġdida dwar il-partiti politiċi adottata fi Frar 2023, li għandha l-għan ċar li tfixkel u tiskoraġġixxi l-attivitajiet tal-forzi demokratiċi billi timponi restrizzjonijiet addizzjonali u l-obbligu ta’ reġistrazzjoni mal-Ministeru tal-Ġustizzja; huwa tal-fehma li din il-liġi tipprova tillikwida b’mod deliberat lill-partiti demokratiċi u tipprevenihom milli jieħdu sehem fl-elezzjonijiet parlamentari tal-2024 u fl-aħħar mill-aħħar se twassal għall-projbizzjoni de facto ta’ kwalunkwe partit politiku li jkun kontra r-reġim; jistieden lill-partiti politiċi nazzjonali tal-Istati Membri u lill-partiti politiċi u lill-fondazzjonijiet Ewropej jiżviluppaw aktar il-kooperazzjoni tagħhom mal-partiti politiċi demokratiċi fil-Belarussja u l-appoġġ għalihom;

46.  Jistieden lit-tmexxija tal-forzi demokratiċi Belarussi jżommu l-għaqda u jkomplu jużaw metodi innovattivi biex jinfurmaw u jikkollaboraw mal-poplu tal-Belarussja, b’mod partikolari fil-pajjiż, sabiex iżommu l-fiduċja tagħhom fil-bidla demokratika u jimmobilizzawhom fl-elezzjonijiet li ġejjin;

o
o   o

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, il-Kunsill tal-Ewropa, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, ir-rappreżentanti tal-forzi demokratiċi Belarussi, is-Salib l-Aħmar Internazzjonali, il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, l-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol, il-Fédération Internationale de Football Association, il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ice Hockey, il-Federazzjoni Internazzjonali tat-Tennis, l-Assoċjazzjoni tal-Professjonisti tat-Tennis, l-Assoċjazzjoni tat-Tennis tan-Nisa u l-awtoritajiet de facto tar-Repubblika tal-Belarussja.

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Diċembru 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza