Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2023/2831(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0367/2023

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/09/2023 - 7.2

Testi adottati :

P9_TA(2023)0322

Testi adottati
PDF 124kWORD 45k
Il-Ħamis, 14 ta' Settembru 2023 - Strasburgu
Il-Gwatemala: is-sitwazzjoni wara l-elezzjonijiet, l-istat tad-dritt u l-indipendenza ġudizzjarja
P9_TA(2023)0322RC-B9-0367/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Settembru 2023 dwar il-Gwatemala: is-sitwazzjoni wara l-elezzjonijiet, l-istat tad-dritt u l-indipendenza ġudizzjarja (2023/2831(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 144(5) u l-Artikolu 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-28 ta’ Awwissu 2023 it-Tribunal Elettorali Suprem (TSE) tal-Gwatemala ħabbar ir-riżultati uffiċjali ta’ elezzjonijiet paċifiċi u organizzati tajjeb u ddikjara r-rebħa ċara ta’ Bernardo Arévalo u Karin Herrera tal-Movimiento Semilla li ġew eletti rispettivament bħala President u Viċi President tal-Gwatemala;

B.  billi l-President Giammattei rrikonoxxa r-riżultati u appella pubblikament għal tranżizzjoni ordnata u trasferiment tal-poter fl-14 ta’ Jannar 2024;

C.  billi mit-12 ta’ Lulju 2023, il-Movimiento Semilla kien soġġett għal azzjonijiet legali u proċedurali selettivi u arbitrarji mill-Prosekutur Pubbliku, li, skont il-Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali (MOE) tal-UE, “hedded id-dritt u l-opportunità li jipparteċipa f’elezzjonijiet ġenwini u jirrispetta r-rieda tal-votanti”; billi fit-28 ta’ Awwissu 2023, il-Movimiento Semilla reġa’ ġie sospiż b’mod proviżorju mir-Reġistru taċ-Ċittadin tat-TSE, sospensjoni temporanjament revokata mit-TSE fit-3 ta’ Settembru sal-31 ta’ Ottubru 2023;

D.  billi xi membri tal-fergħa ġudizzjarja u l-uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali (Ministerio Público) interferew fil-proċess elettorali; billi diversi prosekuturi tal-Ministerio Público jinsabu fuq il-Lista Engel tal-Istati Uniti, inkluż il-Prosekutur Ġenerali María Consuelo Porras, José Rafael Curruchiche, kap tal-Uffiċċju tal-Ministeru Pubbliku tal-Prosekutur Speċjali Kontra l-Impunità (FECI), u l-Imħallef Fredy Orellana;

1.  Jifraħ lil Bernardo Arévalo u lil Karin Herrera għall-elezzjoni tagħhom; jistieden lill-istituzzjonijiet u s-setturi kollha tas-soċjetà biex jappoġġjaw tranżizzjoni ordnata u trasferiment tal-poter kif mitlub mill-President Giammattei;

2.  Jikkundanna bil-qawwa r-rejds reċenti mwettqa mill-FECI fl-uffiċċji tat-TSE, kif ukoll il-ftuħ ta’ kaxxi li fihom voti mitfugħa fl-elezzjoni ġenerali ta’ Ġunju li għadda u s-sekwestru ta’ materjali tal-kompjuter relatati mat-trażmissjoni tar-riżultati elettorali preliminari, li jiksru l-integrità tal-proċess elettorali u l-katina tal-kustodja; jikkundanna l-fatt li dawn l-avvenimenti seħħew kontra r-rieda tat-TSE, li hija l-awtorità suprema f’dawn il-kwistjonijiet waqt li l-proċess elettorali għadu għaddej; jinsab partikolarment imħasseb dwar il-possibbiltà ta’ ksur fl-ordni kostituzzjonali fil-Gwatemala;

3.  Jiddispjaċih dwar it-tentattivi kontinwi ta’ sospensjoni tal-Movimiento Semilla; jikkundanna u jitlob li tintemm kwalunkwe azzjoni, speċjalment mill-Ministerio Público, biex jinqalbu r-riżultati elettorali, il-passi kontinwi biex jiġu kriminalizzati l-operaturi ġudizzjarji indipendenti, u l-istrumentalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji u tal-prosekuzzjoni biex jiġi mminat l-istat tad-dritt;

4.  Jistieden lill-partiti politiċi, il-fergħat tal-gvern u l-istituzzjonijiet kollha tal-Gwatemala jirrispettaw l-integrità u l-eżitu tal-proċess elettorali, kif espress b’mod ċar miċ-ċittadini tal-Gwatemala bil-voti tagħhom, u jiggarantixxu d-drittijiet ċivili u politiċi tagħhom, inkluża l-protezzjoni tal-uffiċjali eletti, f’konformità mal-istandards internazzjonali u reġjonali u l-liġijiet domestiċi;

5.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-detenzjoni arbitrarja ta’ prosekuturi, imħallfin, ġurnalisti indipendenti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u eks uffiċjali mill-Kummissjoni Internazzjonali kontra l-Impunità fil-Gwatemala; iħeġġeġ il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta’ Virginia Laparra, l-avukat tagħha Claudia González u dawk kollha detenuti b’mod arbitrarju;

6.  Ifakkar li r-rispett għall-indipendenza tal-ġudikatura, il-pluraliżmu politiku u l-libertà tal-espressjoni huma drittijiet fundamentali u pilastri essenzjali tad-demokrazija u l-istat tad-dritt;

7.  Jistieden lill-MOE tal-UE, lis-SEAE, lill-Istati Membri u lid-Delegazzjoni tal-UE jkomplu jimmonitorjaw is-sitwazzjoni fil-Gwatemala sakemm ikun hemm garanziji ċari u serji li r-rieda tal-poplu espressa permezz tal-elezzjonijiet tiġi rispettata; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet li jmiss tal-MOE;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-VP/RGħ, lill-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lin-NU, lill-awtoritajiet tal-Gwatemala u lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali (PARLACEN).

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Diċembru 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza