Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2023/2832(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0369/2023

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/09/2023 - 7.3

Testi adottati :

P9_TA(2023)0323

Testi adottati
PDF 121kWORD 44k
Il-Ħamis, 14 ta' Settembru 2023 - Strasburgu
Il-każ ta’ Dr Gubad Ibadoghlu, inkarċerat fl-Ażerbajġan
P9_TA(2023)0323RC-B9-0369/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Settembru 2023 dwar il-każ ta’ Dr Gubad Ibadoghlu, inkarċerat fl-Ażerbajġan (2023/2832(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ażerbajġan,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 144(5) u l-Artikolu 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi Gubad Ibadoghlu, ekonomista politiku magħruf u figura prominenti tal-oppożizzjoni, ġie attakkat brutalment u arrestat arbitrarjament fit-23 ta’ Lulju 2023 u għadu l-ħabs fuq akkużi dubjużi, b’kuntatt limitat mal-familja u l-avukat tiegħu u huwa rrappurtat li qed jiġi ttrattat b’mod inuman;

B.  billi huwa magħruf għall-kritika tiegħu tal-Gvern tal-Ażerbajġan, b’mod partikolari fir-rigward tal-korruzzjoni, il-ġestjoni ineffiċjenti tal-finanzi pubbliċi u n-nuqqas ta’ trasparenza baġitarja; billi huwa l-President tal-Moviment għad-Demokrazija u l-Prosperità tal-Ażerbajġan, li b’mod konsistenti qed jiġi mċaħħad mir-reġistrazzjoni;

C.  billi Gubad Ibadoghlu qed jiffaċċja sentenza b’massimu ta’ 12-il sena ħabs fuq akkużi ffabbrikati;

D.  billi huwa rrappurtat li jbati minn kundizzjonijiet tas-saħħa serji li jeħtieġu attenzjoni medika; billi fil-5 ta’ Settembru 2023 il-QEDB adottat miżuri interim temporanji li bihom ordnat lill-Gvern tal-Ażerbajġan jieħu miżuri urġenti biex jiżgura l-protezzjoni ta’ saħħtu; billi t-talbiet tiegħu għal arrest domiċiljari ġew irrifjutati;

E.  billi organizzazzjonijiet indipendenti kredibbli bħalissa għandhom lista twila ta’ 200 priġunier politiku fl-Ażerbajġan, inklużi ġurnalisti, attivisti tad-drittijiet ċivili u politiċi tal-oppożizzjoni; billi attivisti Ażerbajġani tad-drittijiet tal-bniedem, bħal Mahammad Mirzali, huma mhedda wkoll barra mill-fruntieri nazzjonali;

1.  Jitlob għall-ħelsien immedjat u bla kundizzjoni ta’ Gubad Ibadoghlu; jinsisti li jiġi żgurat l-aċċess immedjat tiegħu għal trattament mediku u mediċini adegwati; jissottolinja li l-akkużi kontrih huma foloz, jirriżultaw mill-attiviżmu ċiviku tiegħu u huma politikament motivati;

2.  Jistieden lill-VP/RGħ, lis-SEAE u lill-Istati Membri jikkundannaw il-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-demokrazija fl-Ażerbajġan, u jqajmu każijiet bħal ta’ Gubad Ibadoghlu fil-laqgħat bilaterali kollha u matul in-negozjati għal ftehim ta’ sħubija futur, fejn l-iffirmar tiegħu għandu jkun kundizzjonali fuq il-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha;

3.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan jeħilsu lill-priġunieri politiċi, il-ġurnalisti indipendenti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kollha, iwaqqgħu l-akkużi politikament motivati kollha kontrihom u jwaqqfu r-ripressjoni extraterritorjali;

4.  Jappella għal investigazzjoni indipendenti dwar it-trattament ħażin irrappurtat ta’ Gubad Ibadoghlu u l-ksur tad-drittijiet tiegħu għal proċess ġust; jistieden ukoll lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan jieqfu milli jkomplu jipprojbixxu lil qrabatu milli jitilqu mill-pajjiż;

5.  Jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE tappoġġja l-każ ta’ Gubad Ibadoghlu billi tosserva l-proċess tiegħu, iżżuru fil-ħabs u timmonitorja saħħtu;

6.  Jistieden lill-Ażerbajġan jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini tiegħu u jiżgura ambjent ħieles u sikur biex igawdu b’mod paċifiku d-drittijiet għal-libertà ta’ espressjoni, ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni;

7.  Jitlob li s-sanzjonijiet tal-UE fl-ambitu tar-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem jiġu imposti fuq uffiċjali tal-Ażerbajġan li wettqu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Ażerbajġan.

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Diċembru 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza