Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Settembru 2023 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bangladesh, b’mod partikolari l-każ ta’ Odhikar (2023/2833(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 144(5) u l-Artikolu 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bangladesh marret ħafna għall-agħar, inkluż fir-rigward ta’ qtil extraġudizzjarju, għajbien sfurzat, libertà tal-espressjoni u drittijiet tal-ħaddiema;
B. billi Odhikar, organizzazzjoni ewlenija tad-drittijiet tal-bniedem, ilha tiffaċċja aktar minn għaxar snin ta’ fastidju u kriminalizzazzjoni, inkluż it-tneħħija mir-reġistru bħala NGO; billi żewġ mexxejja ta’ Odhikar, Adilur Rahman Khan u ASM Nasiruddin Elan, qed jiffaċċjaw akkużi kriminali foloz, b’deċiżjoni meħuda fl-14 ta’ Settembru 2023; billi n-nuqqas li jiġi segwit proċess ġust fil-każ qanqal kundanna mifruxa;
C. billi l-korpi tan-NU u l-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem ikkundannaw lill-Gvern tal-Bangladesh (GoB) u lill-ġudikatura tal-Bangladesh talli b’mod persistenti intimidaw u taw fastidju lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (DDB) u lill-attivisti tas-soċjetà ċivili, inkluż meta tali persuni jinvolvu ruħhom man-NU;
1. Jesprimi tħassib serju dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bangladesh; jinsisti li l-GoB jerġa’ jistabbilixxi ambjent sikur u abilitanti għall-NGOs, id-DDB, l-attivisti u l-minoranzi reliġjużi u jirrispetta l-impenji internazzjonali tal-pajjiż, b’mod partikolari skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;
2. Jikkundanna s-sentenza tal-ħabs mogħtija fl-14 ta’ Settembru 2023 mit-Tribunal għar-Reati Diġitali ta’ Dhaka kontra s-Segretarju tal-Odhikar Adilur Rahman Khan u d-Direttur ASM Nasiruddin Elan; iħeġġeġ lill-GoB jannulla immedjatament u bla ebda kundizzjoni din is-sentenza u jerġa’ jintroduċi r-reġistrazzjoni ta’ Odhikar, u jiżgura li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jaċċessaw għotjiet barranin approvati;
3. Iħeġġeġ lill-GoB jikkoopera man-NU dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu speċjalizzat biex jinvestiga l-allegazzjonijiet ta’ għajbien furzat; jinsisti li osservaturi internazzjonali jitħallew jattendu s-seduti tal-qorti;
4. Ifakkar li proċess ta’ involviment imsaħħaħ Kollox minbarra Armi (KMA) għadu għaddej mal-Bangladesh minħabba l-ksur serju tiegħu tal-konvenzjonijiet internazzjonali; jinsab imħasseb li l-każ ta’ Odhikar huwa pass lura deplorabbli, li jġib miegħu implikazzjonijiet dwar jekk il-preferenzi tal-EBA jibqgħux japplikaw fil-Bangladesh;
5. Jinsab ixxukkjat bil-qtil vjolenti tat-trejdjunjonista Shahidul Islam f’Ġunju 2023 u jitlob li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;
6. Iħeġġeġ lill-GoB jikkonforma mal-istandards ewlenin tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u jimplimenta l-pjan direzzjonali tax-xogħol tiegħu, skont l-impenn tiegħu fi ħdan il-proċess ta’ involviment imsaħħaħ;
7. Jistieden għal darb’ oħra lill-GoB jirrevoka l-Att dwar is-Sigurtà Diġitali u jinkoraġġih jadotta leġiżlazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà li tikkonforma bis-sħiħ mal-istandards internazzjonali;
8. Jinsab imħasseb dwar l-arresti tal-massa tar-rappreżentanti tal-oppożizzjoni u l-użu eċċessiv tal-forza kontra d-dimostranti fil-Bangladesh; jistieden lill-GoB jiggarantixxi l-kundizzjonijiet għal elezzjonijiet ħielsa, ġusti u parteċipattivi fl-2024; jissottolinja li osservazzjoni domestika u internazzjonali mingħajr xkiel hija standard internazzjonali ewlieni;
9. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lid-Delegazzjoni tal-UE u lill-ambaxxati tal-Istati Membri fil-Bangladesh iqajmu tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-ogħla livelli u jżidu l-appoġġ tagħhom għad-DDB lokali, il-ħaddiema tal-unions u l-ġurnalisti taħt attakk, inkluż permezz ta’ proċessi ta’ monitoraġġ;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladesh.