Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2023/2772(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0366/2023

Testi mressqa :

B9-0366/2023

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2023)0326

Testi adottati
PDF 135kWORD 49k
Il-Ħamis, 14 ta' Settembru 2023 - Strasburgu
Ftuħ tan-negozjati għal ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerka dwar it-tisħiħ tal-ktajjen tal-provvista internazzjonali tal-minerali kritiċi
P9_TA(2023)0326B9-0366/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Settembru 2023 dwar il-ftuħ tan-negozjati għal ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerka dwar it-tisħiħ tal-ktajjen tal-provvista internazzjonali tal-minerali kritiċi (2023/2772(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Ġunju 2023 għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerka dwar it-tisħiħ tal-ktajjen tal-provvista internazzjonali ta’ minerali kritiċi (COM(2023)0327),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-10 ta’ Marzu 2023 tal-President tal-Istati Uniti Joe Biden u tal-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen,

–  wara li kkunsidra l-Att tal-Istati Uniti dwar it-Tnaqqis tal-Inflazzjoni (IRA) tal-2022,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta wara l-laqgħa tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-31 ta’ Mejju 2023,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-ftuħ tan-negozjati għal ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerka dwar it-tisħiħ tal-ktajjen tal-provvista internazzjonali tal-minerali kritiċi (O-000037/2023 – B9‑0027/2023),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 136(5) u l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,

A.  billi l-UE u l-Istati Uniti jikkondividu valuri komuni u interess komuni fundamentali fit-tiswir ta’ kuntest internazzjonali li jsaħħaħ il-multilateraliżmu u l-valuri demokratiċi, jiddefendi d-drittijiet tal-bniedem, isostni d-dritt internazzjonali u jippromwovi ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u l-iżvilupp sostenibbli fid-dinja kollha;

B.  billi l-Istati Uniti huma membru fundatur tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u ilhom għexieren ta’ snin sostenituri qawwijin ta’ ordni dinji multilaterali bbażat fuq ir-regoli;

C.  billi l-UE u l-Istati Uniti dan l-aħħar varaw id-Djalogu dwar l-Inċentivi tal-Enerġija Nadifa bejn l-UE u l-Istati Uniti, iċċentrat fuq il-possibbiltà ta’ reviżjonijiet tar-regoli għas-sussidji ekoloġiċi li ż-żewġ partijiet setgħu jipproponu fil-livell ta’ WTO; billi varaw ukoll l-Inizjattiva Trans-Atlantika dwar il-Kummerċ Sostenibbli bħala parti mill-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti, bil-ħsieb li jiġi amplifikat il-potenzjal tas-suq trans-Atlantiku bħala katalizzatur għad-dekarbonizzazzjoni u għat-tranżizzjoni ekoloġika;

D.  billi l-ġirja dinjija biex jissawwar il-futur tal-produzzjoni tat-teknoloġiji enerġetiċi nodfa qed taqbad ritmu ġmielu, taħt l-influwenza, fost oħrajn, tal-interventi pubbliċi;

E.  billi l-objettiv tal-promozzjoni tal-produzzjoni nadifa u tal-innovazzjoni fit-teknoloġiji nodfa kif ukoll l-intensifikazzjoni tal-isforzi relatati mal-klima għandhom jinkoraġġixxu l-produzzjoni ta’ teknoloġiji nodfa fl-UE, filwaqt li jsaħħu r-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista internazzjonali f’kooperazzjoni mas-sħab affidabbli u jnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi mhux mixtieqa;

F.  billi struttura multilaterali ta’ kooperazzjoni dwar materja prima kritika tista’ tagħti benefiċċji ekonomiċi u soċjali fir-rigward tal-produzzjoni estrattiva tal-materja prima kritika u tinkludi salvagwardji effettivi li jnaqqsu l-impatti fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi fil-limiti globali eżistenti;

G.  billi, filwaqt li l-IRA jirrappreżenta l-akbar investiment uniku fl-azzjoni klimatika u l-enerġija nadifa fl-istorja tal-Istati Uniti, dan jinkludi dispożizzjonijiet li huma diskriminatorji u jimminaw il-kundizzjonijiet ekwi; billi, b’mod partikolari, l-IRA jeskludi lill-esportaturi tal-UE mill-krediti ta’ taxxa jew mis-sussidji mogħtija fl-ambitu tal-iskema, fosthom l-esportaturi tal-UE ta’ vetturi li jaħdmu bil-batterji jew vetturi li jaħdmu b’ċellula tal-fjuwil;

H.  billi l-UE u l-Istati Uniti ma għandhomx ftehim ta’ kummerċ ħieles bejniethom;

I.  billi l-adozzjoni ta’ ftehim dwar il-minerali kritiċi hija ġustifikata bil-għan li lill-UE jingħata status ekwivalenti għal dak ta’ sħab fi ftehim ta’ kummerċ ħieles mal-Istati Uniti għall-fini tal-kreditu għal vetturi nodfa tal-IRA;

J.  billi l-inklużjoni kontinwa tal-Parlament Ewropew fil-proċess sal-adozzjoni ta’ mandat għal negozjati tkun tiżgura proċess aktar sod u demokratikament leġittimu;

1.  Jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni mal-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti fl-ogħla livell u jħeġġeġ lill-partijiet isibu soluzzjonijiet biex jaslu għal rimedju għad-dispożizzjonijiet diskriminatorji tal-IRA, li jaffettwaw lill-esportaturi tal-UE fis-suq tal-Istati Uniti u jimminaw il-kundizzjonijiet ekwi;

2.  Jilqa’ l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim mal-Istati Uniti dwar it-tisħiħ tal-ktajjen tal-provvista internazzjonali ta’ minerali kritiċi, sal-punt li dawn in-negozjati se jiksbu riżultat ibbilanċjat li jkun kompatibbli mar-regoli tad-WTO u jtejjeb il-kooperazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku;

3.  Jisħaq li l-UE għandha wħud mill-ogħla standards fid-dinja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet klimatiċi u ambjentali u li dawn għandhom jippermettu lill-prodotti tal-UE jikkwalifikaw għall-benefiċċji previsti taħt l-IRA; jenfasizza li l-ftehim għandu wkoll jirrispetta bis-sħiħ l-acquis tal-UE relatat mal-klima u mas-sostenibbiltà, għandu jkun kompatibbli mal-isforzi tal-UE maħsuba biex isaħħu l-awtonomija strateġika miftuħa tagħha, u għandu jkun mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni adottata dan l-aħħar u għall-proposti leġiżlattivi attwalment pendenti, inkluż ir-Regolament (UE) 2023/1542 dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji(1), l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti(2) u l-Att dwar il-Materja Prima Kritika(3);

4.  Jappoġġja l-kooperazzjoni trans-Atlantika, inkluż permezz ta’ fora internazzjonali, dwar standardizzazzjoni ġusta u inklużiva għall-valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja u għall-estrazzjoni, it-tikkettar u r-riċiklaġġ ta’ minerali kritiċi, bil-għan li jinbnew ktajjen ta’ valur u tal-provvista sostenibbli; jilqa’ t-tnedija tal-Inizjattiva Trans-Atlantika dwar il-Kummerċ Sostenibbli u jistenna b’interess li l-programm ta’ ħidma tagħha jiġi implimentat malajr; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-Istati Uniti biex tesplora l-potenzjal sħiħ tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija, tikkollabora mill-qrib mas-sħab strateġiċi l-oħra biex tippromwovi ktajjen ta’ valur globali reżiljenti, sostenibbli u affidabbli għall-materjali kritiċi, u tuża dan il-ftehim bħala opportunità biex jinħoloq valur miżjud fil-pajjiżi mnejn joriġinaw dawk il-minerali kritiċi u biex tiġi stabbilita kooperazzjoni magħhom u fl-istess ħin jitnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi mhux mixtieqa;

5.  Jappoġġja l-objettiv iddikjarat tal-ftehim li jsaħħaħ il-ktajjen tal-provvista internazzjonali ta’ minerali kritiċi, u b’hekk jipprevedi impenji reċiproċi f’termini ta’ kummerċ, xogħol u ambjent u jippromwovi l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ta’ batteriji għall-vetturi elettriċi billi jiġi formalizzat l-impenn komuni tal-UE u tal-Istati Uniti biex jiffaċilitaw il-kummerċ u jnaqqsu l-inċertezza għan-negozji;

6.  Jilqa’ l-objettiv li jinbena fehim komuni ta’ politiki u prattiki distorsivi mhux tas-suq fil-qasam tal-minerali kritiċi u tiġi żviluppata azzjoni koordinata, anki mas-sħab strateġiċi l-oħra, biex trawwem id-diversifikazzjoni tal-ktajjen tal-provvista u tnaqqas il-vulnerabbiltajiet u d-dipendenzi strateġiċi mhux mixtieqa;

7.  Jisħaq li l-ftehim għandu jwassal ukoll għal ċarezza fir-rigward tad-definizzjonijiet rilevanti, u jistieden liż-żewġ partijiet jaqblu fuq il-minerali kollha elenkati fl-IRA li għandhom jiġu koperti taħt il-ftehim u jiddefinixxu l-lista ta’ setturi relatati mal-minerali kritiċi li huma s-suġġett tal-ftehim;

8.  Jitlob li l-ftehim ikopri wkoll il-minerali kritiċi miksuba permezz tar-riċiklaġġ; jilqa’ r-referenza fl-abbozzi tad-direttivi tan-negozjati għall-ħtieġa li tiġi promossa ċ-ċirkolarità iżda jiddispjaċih għall-fatt li dawn ma jinkludux b’mod espliċitu l-materja prima riċiklata fil-kamp ta’ applikazzjoni tan-negozjati;

9.  Jilqa’ l-ambizzjoni ddikjarata fid-direttivi tan-negozjati fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati mal-aspetti tas-sostenibbiltà u max-xogħol u tar-referenza għall-prinċipji u għad-drittijiet fundamentali fuq il-post tax-xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol; jissottolinja li l-ftehim għandu wkoll jirrispetta bis-sħiħ l-approċċ tal-UE għall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli u għandu jkun mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni adottata dan l-aħħar u għall-proposti leġiżlattivi attwalment pendenti, fosthom il-proposta għal regolament dwar il-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat fis-suq tal-Unjoni(4);

10.  Jisħaq fuq l-importanza tal-inklużjoni ta’ mekkaniżmu ta’ trasparenza għall-kondiviżjoni reċiproka tal-informazzjoni dwar l-appoġġ pubbliku mogħti lis-settur tal-minerali kritiċi, kif ukoll ta’ sistema ta’ twissija bikrija għat-tfixkil fil-katina tal-provvista għall-minerali kritiċi;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tivvaluta l-impatt potenzjali li tħalli l-IRA fuq l-industrija Ewropea u l-kompetittività tagħha, inklużi d-distorsjonijiet fil-kummerċ u fl-investimenti, fid-dawl tal-isfidi attwali għall-ktajjen tal-provvista u l-kostijiet għoljin relatati mal-enerġija, mat-trasport u mal-materja prima, u tkompli d-djalogu tagħha mal-Istati Uniti f’dak li għandu x’jaqsam mal-indirizzar ta’ dawn il-kwistjonijiet;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni tal-impatt ex post ta’ dan il-ftehim u tanalizza sa liema punt qiegħed jilħaq l-objettivi ddikjarati tiegħu, sa mhux aktar tard minn sentejn wara li jiġi ratifikat;

13.  Jieħu nota tal-kalendarju ambizzjuż għall-konklużjoni tan-negozjati mal-Istati Uniti; ifakkar, f’dan il-kuntest, fl-importanza li l-Parlament jiġi involut minnufih u b’mod sħiħ f’kull fażi tan-negozjati bil-għan li jiġi żgurat l-iskrutinju demokratiku; ifakkar li kwalunkwe ftehim formali li jirriżulta minn tali negozjati se jeħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament; jisħaq li l-bżonn ta’ soluzzjoni malajr ma għandux imur askapitu tal-ambizzjoni;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkomunika lill-Gvern tal-Istati Uniti li ftehim dwar il-minerali kritiċi għandu jitqies biss bħala wieħed mill-ewwel passi lejn l-indirizzar tal-aspetti kollha li jħassbu l-UE – kemm dwar l-IRA, mingħajr preġudizzju għal azzjoni possibbli fil-livell tad-WTO, kif ukoll, mil-lat aktar ġenerali, dwar id-diverġenzi pendenti fil-qasam tal-kummerċ fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli l-impenn tagħha mal-Gvern tal-Istati Uniti biex tindirizza tħassib pendenti ieħor;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Uffiċċju tar-Rappreżentant tal-Istati Uniti għall-Kummerċ kif ukoll lill-Kungress tal-Istati Uniti.

(1) Ir-Regolament (UE) 2023/1542 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2023 dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji, li jemenda d-Direttiva 2008/98/KE u r-Regolament (UE) 2019/1020 u li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE (ĠU L 191, 28.7.2023, p. 1).
(2) Il-proposta tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Marzu 2023 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ prodotti ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti (l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti) (COM(2023)0161).
(3) Il-proposta tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Marzu 2023 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas li jiżgura provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika u li jemenda r-Regolamenti (UE) 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1724 u (UE) 2019/1020 (COM(2023)0160).
(4) Il-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Settembru 2022 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat fis-suq tal-Unjoni (COM(2022)0453).

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Diċembru 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza