Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Ottubru 2023 dwar il-proposta għal reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 (COM(2023)0337 – 2023/0201R(APP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 311, 312 u 323 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE“),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2022/2496 tal-15 ta’ Diċembru 2022 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027(2), u d-dikjarazzjonijiet konġunti maqbula bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni f’dan il-kuntest(3) u d-dikjarazzjonijiet unilaterali relatati(4),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda(5) (l-“FII”),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Ġunju 2023 għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (COM(2023)0337),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Ġunju 2023 bit-titolu “Reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027” (COM(2023)0336) u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha (SWD(2023)0336),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-20 ta’ Ġunju 2023 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Faċilità tal-Ukrajna (COM(2023)0338),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-20 ta’ Ġunju 2023 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (“STEP”) u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE, ir-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241 (COM(2023)0335),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2024, adottat mill-Kummissjoni fil-5 ta’ Lulju 2023 (COM(2023)0300),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni,(6)
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19(7),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(8) (ir-“Regolament Finanzjarju”),
– wara li kkunsidra l-proposta tas-16 ta’ Mejju 2022 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (COM(2022)0223),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar l-impatt fuq il-baġit tal-UE tal-2024 taż-żieda tal-kostijiet tat-teħid b’self tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru(9),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar it-titjib tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027: baġit tal-UE reżiljenti adattat għal sfidi ġodda(10),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(11),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 105(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-ittri mill-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0273/2023),
Valutazzjoni ġenerali tal-proposta tal-Kummissjoni
1. Jilqa’ l-fatt li, wara r-rieżami tagħha tal-qafas finanzjarju pluriennali (“QFP”) 2021-2027, il-Kummissjoni waslet għall-istess konklużjoni bħal dik li wasal għaliha l-Parlament f’Diċembru 2022, jiġifieri li minn meta ntlaħaq qbil dwaru fl-2020, il-QFP ingħeleb minn avvenimenti f’dinja li nbidlet b’mod radikali, li l-flessibbiltà baġitarja ġiet eżawrita minn kriżijiet multipli u hemm bżonn ta’ ħafna aktar sabiex ikun hemm rispons għal ċirkostanzi mhux previsti, li l-QFP fih problemi strutturali evidenzjati mill-iżviluppi ekonomiċi u soċjali u li, b’riżultat ta’ dan, hija essenzjali reviżjoni urġenti tar-regolament dwar il-QFP u l-anness tiegħu;
2. Jissottolinja l-fatt li r-reviżjoni trid tiffoka fuq l-indirizzar tal-konsegwenzi multipli tal-gwerra tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, fuq it-tisħiħ tal-awtonomija strateġika miftuħa u tas-sovranità tal-Unjoni u fuq l-għoti ta’ flessibbiltà adegwata lill-Unjoni biex tirrispondi għall-kriżijiet; jilqa’, għalhekk, il-proposta tal-Kummissjoni għal reviżjoni mmirata bħala l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba iżda jqis li livell ogħla iżda realistiku ta’ ambizzjoni huwa neċessarju biex jiġi żgurat li l-QFP ikun jista’ jindirizza aħjar l-isfidi strutturali fil-baġit u jkun aktar adatt għall-futur;
3. Iqis li r-reviżjoni proposta għandha fil-mira biss uħud mill-aktar oqsma urġenti ta’ tħassib fil-qafas eżistenti u ma tindirizzax kompletament il-ħtiġijiet u l-isfidi kollha identifikati mill-Parlament;
4. Jistenna li l-Kummissjoni tkompli tevalwa bir-reqqa l-ħtiġijiet attwali u futuri kollha, inkluż fir-rigward tal-konverġenza soċjali u ekonomika, l-impatt fuq ir-reġjuni l-aktar affettwati mill-gwerra u r-rispons meħtieġ għall-kriżi tal-klima u tal-bijodiversità; jissottolinja l-pressjoni tal-inflazzjoni madwar l-UE u b’mod partikolari fuq il-benefiċjarji tal-UE bħall-bdiewa, l-istudenti u t-tfal; jiddispjaċih li r-reviżjoni proposta ma tirriflettix il-fatt li l-kriżijiet attwali aggravaw u se jkomplu jaggravaw is-sitwazzjoni soċjoekonomika attwali li qed tiddeterjora għall-persuni l-aktar vulnerabbli fl-Unjoni, speċjalment it-tfal fil-faqar jew f’riskju ta’ faqar, u se jkollha konsegwenzi fit-tul; jisħaq ukoll li r-reviżjoni proposta ma tirriflettix l-ambizzjoni tal-Unjoni li żżid l-isforzi tagħha biex tiġġieled ir-rati allarmanti ta’ faqar fost it-tfal u tikkontribwixxi għall-eradikazzjoni tal-faqar fost it-tfal permezz tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal maħluqa reċentement; jinsisti għalhekk li l-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu t-talba tal-Parlament biex l-isforzi tal-Unjoni lejn il-qerda tal-faqar fost it-tfal jiġu intensifikati b’mod urġenti matul il-perjodu 2024-2027 u jappella għal Garanzija Ewropea għat-Tfal imsaħħa bħala parti mill-QFP ta’ wara l-2027;
5. Jilqa’ l-fatt li, f’konformità mal-pożizzjoni tal-Parlament, il-proposta għal reviżjoni ma twassalx għal reviżjoni ’l isfel tal-pakketti nazzjonali allokati minn qabel; jissottolinja r-rwol ċentrali u l-valur miżjud tal-politika ta’ koeżjoni bħala politika ta’ investiment u strument ta’ konverġenza essenzjali tal-Unjoni;
6. Ifakkar li, b’differenza mill-baġits nazzjonali, fejn l-inflazzjoni taffettwa l-valur nominali kemm tad-dħul kif ukoll tan-nefqa, il-limiti massimi tal-infiq tal-QFP huma aġġustati abbażi ta’ deflatur ta’ 2 % applikat għall-prezzijiet tal-2018, filwaqt li l-limitu massimu tar-riżorsi proprji jaġġusta għall-inflazzjoni; huwa mħasseb ħafna dwar il-fatt li, skont il-Kummissjoni, l-inflazzjoni tista’ tnaqqas il-valur f’termini reali tal-QFP b’EUR 74 biljun matul il-perjodu ta’ seba’ snin b’impatt dirett fuq il-benefiċjarji tal-finanzjament tal-UE;
7. Jissottolinja, madankollu, li, bħala riżultat ta’ inflazzjoni għolja mhux mistennija, id-dħul mitlub mill-Istati Membri għall-infiq tal-QFP naqas bħala perċentwal tal-introjtu nazzjonali gross (“ING”); jinnota, barra minn hekk, li r-ribassi għall-ħames Stati Membri benefiċjarji huma marbuta mal-inflazzjoni u għalhekk żdiedu wkoll b’rata ogħla mil-limiti massimi tal-QFP, u b’hekk dan żid il-piż fuq l-Istati Membri l-oġra li kellhom jagħmlu tajjeb għad-defiċit; jitlob li bħala miżura immedjata r-rifużjonijiet jiġu aġġustati abbażi tad-deflatur ta’ 2 %; Ifakkar, barra minn hekk, fil-pożizzjoni li ilu jħaddan li r-ribassi u mekkaniżmi ta’ korrezzjoni oħra għandhom jiġu aboliti;
8. Jisħaq fuq il-fatt li, minbarra t-tnaqqis tal-valur f’termini reali tal-QFP, l-inflazzjoni wasslet ukoll għal żieda sostanzjali fir-rati tal-imgħax, li żiedet il-kostijiet tas-self tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tar-ripagament tad-dejn tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru (EURI), u għalhekk kompliet tnaqqas il-baġit;
9. Jenfasizza li, anke meta titqies il-proposta tal-Kummissjoni għar-reviżjoni tal-QFP, l-approprjazzjonijiet ta’ impenn totali jammontaw biss għal 1,03 % tal-ING u l-approprjazzjonijiet ta’ pagament totali jammontaw għal 1,02 % biss tal-ING; ifakkar li, oriġinarjament, l-approprjazzjonijiet ta’ pagament fil-QFP attwali kienu ppjanati li jammontaw għal 1,10 % tal-ING; jisħaq li t-tisħiħ propost mill-Kummissjoni mhuwiex previst li jkopri l-impatt tal-inflazzjoni;
10. Jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li r-reviżjoni proposta se tirrikjedi żieda fil-limitu massimu għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament fl-2026 u fl-2027; jisħaq fuq il-fatt li l-kredibbiltà tal-Unjoni tiddependi mill-iżgurar li jkun hemm approprjazzjonijiet ta’ pagament adegwati biex ikopru l-approprjazzjonijiet ta’ impenn; jenfasizza d-dewmien fl-implimentazzjoni ta’ ċerti programmi minħabba l-adozzjoni tardiva tagħhom u t-tfixkil tal-proġetti minħabba l-kriżi tal-COVID-19; jissottolinja, f’dan il-kuntest, ir-riskju ta’ arretrati ta’ pagamenti fis-snin ta’ wara tal-perjodu tal-QFP u għall-QFP sussegwenti; jinsisti, għalhekk, fuq il-ħtieġa li jitneħħa l-limitu massimu annwali fl-approprjazzjonijiet ta’ pagament għal rikors għall-Istrument ta’ Marġini Uniku sabiex jittaffa dan ir-riskju;
11. Jafferma mill-ġdid l-importanza tal-prinċipji orizzontali dwar il-klima, il-bijodiversità u l-ugwaljanza bejn is-sessi li jirfdu l-QFP u l-politiki kollha relatati tal-UE; ifakkar li l-miri relatati mal-klima u mal-bijodiversità kif ukoll l-obbligu li jiġi rispettat il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi huma stipulati fil-FII u jinsisti li dawn id-dispożizzjonijiet iridu wkoll ikunu fil-bażi tal-QFP aġġornat; jistieden lill-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu tagħha skont l-FII u tieħu azzjoni konkreta biex tiżgura li jintlaħqu l-miri u l-objettivi ta’ politika miftiehma;
12. Ifakkar li l-infiq taħt l-Intestatura 7 għandu jkun stabbilit f’livell li jiggarantixxi li l-UE jkollha amministrazzjoni effettiva u effiċjenti, kif propost mill-Kummissjoni;
13. Itenni l-fehma tiegħu li sal-1 ta’ Jannar 2024 irid jiġi stabbilit QFP rivedut u għanmdu jipprovdi qafas għall-baġit tal-2024; jinsisti, għalhekk, fuq il-ħtieġa ta’ adozzjoni b’ħeffa tar-regolament emendat; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-fatt li l-Kummissjoni tat widen għall-appell tal-Parlament biex imexxi ’l quddiem ir-rieżami u r-reviżjoni tiegħu tal-QFP;
14. Itenni t-talbiet li ilu jagħmel li l-istrumenti baġitarji kollha li jkopru l-infiq fil-livell tal-Unjoni jiġu inkorporati bis-sħiħ fil-baġit, u b’hekk jiġu żgurati t-trasparenza, l-obbligu ta’ rendikont, il-kontroll demokratiku sħiħ u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni; jinsisti li l-integrazzjoni ta’ dawn l-istrumenti fil-baġit tal-UE ma għandhiex tirriżulta fi tnaqqis tal-finanzjament tal-politiki u tal-programmi l-oħra tal-UE;
15. Jenfasizza l-fatt li hemm rabta ċara bejn ir-rispett għall-istat tad-dritt u l-implimentazzjoni effiċjenti tal-baġit tal-UE; jilqa’ l-impatt pożittiv tar-Regolament fuq reġim ġenerali ta’ kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE u jemmen li diġà aġixxa bħala deterrent effettiv kontra l-ksur tal-istat tad-dritt; ifakkar lill-Kummissjoni fl-obbligu tagħha skont ir-Regolament li tiżgura li r-riċevituri jew il-benefiċjarji finali tal-fondi tal-UE ma jiġux imċaħħda mill-fondi li huma dovuti lilhom, b’mod partikolari meta jiġu adottati miżuri fil-każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt f’konformità mar-Regolament;
16. Jinsab lest li jimpenja ruħu b’mod attiv u kostruttiv mal-Kunsill u mal-Kummissjoni biex jiżgura li l-qafas rivedut, li jindirizza l-proposta kollha tal-Kummissjoni, jiġi adottat fi żmien xieraq u jidħol fis-seħħ sal-1 ta’ Jannar 2024; ifakkar li, fl-FII, l-istituzzjonijiet jimpenjaw ruħhom li jiddeterminaw arranġamenti speċifiċi għall-kooperazzjoni u d-djalogu matul il-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ reviżjoni sostanzjali tal-QFP;
Appoġġ fit-tul għall-Ukrajna
17. Ifakkar li l-Unjoni u l-poplu tagħha kienu fuq quddiem nett fl-appoġġ lill-Ukrajna mill-bidu nett tal-gwerra, u wrew solidarjetà mal-Ukreni fil-ġlieda tagħhom biex jiddefendu d-demokrazija kontra l-awtoritarjaniżmu; jisħaq fuq il-fatt li sal-lum il-baġit tal-UE pprovda aktar minn EUR 30 biljun f’assistenza finanzjarja; itenni l-fehma tiegħu li l-Unjoni jeħtiġilha tkun fil-qalba tal-isforzi kontinwi biex tappoġġa lill-Ukrajna mill-aspett finanzjarju u tgħinha fit-triq tagħha lejn is-sħubija fl-UE;
18. Jilqa’, għalhekk, il-proposta tal-Kummissjoni għal soluzzjoni strutturali fit-tul għall-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ukrajna ankrata fil-baġit tal-UE, li tkopri l-appoġġ għall-istabbiltà makrofinanzjarja, qafas ta’ investiment u fondi għall-irkupru fuq terminu qasir u medju, għar-riformi relatati mal-adeżjoni u għall-bini tal-kapaċitajiet amministrattivi; iqis li tali strument fit-tul huwa l-uniku mod vijabbli biex jiġu involuti donaturi oħra u jiġi żgurat infiq effettiv u mmirat li jissodisfa l-ħtiġijiet tal-Ukrajna u tal-poplu tagħha; jinsisti li għandu jintlaħaq qbil malajr kemm jista’ jkun dwar il-Faċilità għall-Ukrajna, wara l-adozzjoni tar-Regolament rivedut dwar il-QFP, peress li l-finanzjament fl-ambitu tar-Regolament MFA+(12) huwa previst għall-2023 biss;
19. Iqis li huwa raġonevoli li jinbena ċertu grad ta’ flessibbiltà fil-Faċilità, minħabba l-inċertezzi dwar marbuta mas-sitwazzjoni tal-Ukrajna; jilqa’ l-fatt li, skont il-proposta tal-Kummissjoni, ir-riżerva tal-Ukrajna għandha tiġi mmobilizzata mill-awtorità baġitarja fil-proċedura baġitarja annwali u huwa deċiż li jiżgura li l-Parlament, bħala waħda mill-fergħat tal-awtorità baġitarja, ikollu r-rwol sħiħ tiegħu fil-proċess; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi, fi żmien xieraq, l-informazzjoni kollha meħtieġa biex l-awtorità baġitarja tkun tista’ twettaq dmirijietha;
20. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu protetti l-istat tad-dritt u l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li jiġu pprevenuti, identifikati u kkoreġuti l-frodi, il-korruzzjoni, il-kunflitti ta’ interess u l-irregolaritajiet fl-użu tal-fondi tal-Unjoni fl-Ukrajna, li għandhom ikunu bażat fuq il-prinċipji ta’ trasparenza u responsabbiltà; iqis li l-Faċilità għandu jkun fiha dispożizzjonijiet u salvagwardji stretti biex jintlaħqu dawk l-objettivi;
Il-migrazzjoni u l-isfidi esterni
21. Jiddeplora l-fatt li, anke qabel il-gwerra kontra l-Ukrajna, il-fondi disponibbli taħt l-Intestatura 6 (il-viċinat u d-dinja) kienu inadegwati ħafna u li l-QFP ma kkunsidrax l-finanzjament kontinwu għall-ħtiġijiet tar-rifuġjati mis-Sirja, mill-Iraq u minn pajjiżi oħra, u dan ma ħalla kważi l-ebda marġini biex jiġu indirizzati l-isfidi addizzjonali;
22. Jisħaq fuq il-fatt li, b’mod partikolari wara l-gwerra ta’ agressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-kuntest internazzjonali mar għall-agħar malajr bħala riżultat tal-kriżijiet tal-ikel, tal-enerġija, tal-klima u dik ekonomika, li żiedu b’mod drammatiku l-pressjoni fuq l-Intestatura 6; jinnota li, minbarra r-rikors ripetut għall-Istrument ta’ Flessibbiltà, il-protezzjoni tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (“NDICI”)-Ewropa Globali naqset malajr ħafna u ntużat lil hinn mill-iskop ewlieni tagħha li twieġeb għall-isfidi u l-prijoritajiet emerġenti, filwaqt li l-baġit għall-għajnuna umanitarja bbaża ħafna fuq il-mobilizzazzjoni tar-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza (“SEAR”) li hija taħt pressjoni kbira u li l-ambitu tagħha jestendi lil hinn mill-għajnuna umanitarja;
23. Jilqa’, għalhekk, il-proposta tal-Kummissjoni biex jiżdied il-limitu massimu għall-Intestatura 6 f’konformità mal-appell tal-Parlament, għalkemm jesprimi dispjaċir għall-fatt li r-riżorsi addizzjonali ma jkoprux bis-sħiħ il-ħtiġijiet reali jew jieħdu inkunsiderazzjoni żviluppi mhux prevedibbli; jissottolinja li tisħiħ ulterjuri ta’ EUR 1 biljun fi prezzijiet attwali oltre l-proposta tal-Kummissjoni huwa essenzjali biex terġa’ timtela l-protezzjoni tal-NDICI-Ewropa Globali u b’hekk tinħoloq kapaċità li tirrispondi għall-kriżijiet u għall-ħtiġijiet emerġenti; jisħaq li ż-żieda tiżgura għajnuna umanitarja kontinwa lill-Ukrajna flimkien mal-appoġġ fl-ambitu tal-Faċilità, kif ukoll lill-pajjiżi ġirien, bħall-Moldova li hija affettwata ħafna mill-gwerra kontra l-Ukrajna, u madwar id-dinja; jisħaq li l-bilanċ intern u d-distribuzzjoni bejn il-linji baġitarji kif previsti fir-Regolament tal-NDICI jridu jiġu rrispettati; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-konformità tal-pajjiżi terzi ma’ standards stretti tad-drittijiet tal-bniedem fl-istadji kollha tal-implimentazzjoni tal-politika esterna tal-Unjoni, inkluż fir-rigward tal-migrazzjoni;
24. Jissottolinja li l-gwerra ta’ agressjoni tal-Russja kontra l-Ukrajna, flimkien ma’ żieda fil-ġuħ u l-faqar globali, il-proliferazzjoni ta’ kunflitti armati u diżastri naturali aktar intensi u frekwenti, qed iġiegħlu lil miljuni ta’ persuni jaħarbu minn djarhom u jfittxu protezzjoni fl-UE; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Unjoni tkompli tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri ospitanti għall-akkoljenza, is-sistemazzjoni u l-integrazzjoni tar-rifuġjati;
25. Jisħaq li l-ġestjoni u l-protezzjoni effettivi u ġusti tal-fruntieri esterni tal-UE, filwaqt li tiġi żgurata s-sigurtà tal-Unjoni, flimkien mal-implimentazzjoni bla xkiel u effiċjenti tal-politika tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni u l-ażil, huma prijoritajiet ewlenin u essenzjali biex jiġi ppreżervat il-moviment liberu tal-persuni fl-Unjoni u l-funzjonament xieraq taż-żona Schengen; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi implimentata politika dwar il-migrazzjoni u l-ażil li tkun ibbażata fuq is-solidarjetà, ir-responsabbiltà kondiviża u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, li tipprovdi ċertezza, ċarezza u kundizzjonijiet deċenti u dinjitużi għall-persuni li jaslu fl-UE, f’konformità mal-valuri tal-Unjoni u l-impenji internazzjonali;
26. Jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-implimentazzjoni tal-Patt il-ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil se tirrikjedi EUR 2 biljun addizzjonali bejn l-2025 u l-2027 taħt l-Intestatura 4 (il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri); iqis li r-rikjesti addizzjonali mill-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u għall-Viżi u l-aġenziji deċentralizzati fl-Intestatura 4 jirrikjedu tisħiħ ulterjuri oltre l-proposta tal-Kummissjoni ta’ EUR 1 biljun fi prezzijiet attwali u li r-riżorsi addizzjonali għandhom ikunu disponibbli mill-2024;
27. Ifakkar li t-tqassim preċiż tal-fondi addizzjonali bejn il-programmi u l-linji baġitarji taħt l-Intestaturi 4 u 6 għandu jiġi ddeterminat mill-awtorità baġitarja fil-proċedura baġitarja annwali;
28. Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li tiġi żgurata l-awtonomija strateġika miftuħa tal-Unjoni, titnaqqas id-dipendenza fuq pajjiżi mhux tal-UE u tingħata spinta lill-investimenti madwar l-Unjoni, f’setturi strateġiċi ewlenin, inklużi, fost l-oħrajn, is-saħħa, il-materja prima u l-ispazju, filwaqt li jiġu xprunati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma rrispettatx l-impenn tagħha skont il-programm ta’ ħidma għall-2023 li “jitħeġġeġ il-ħolqien ta’ Fond Ewropew ġdid għas-Sovranità”; jemmen li l-istrateġija industrijali tal-Unjoni għandha tiżgura il-funzjonament korrett tas-suq uniku, tevita distorsjonijiet tas-suq, toħloq kundizzjonijiet ekwivalenti fl-UE u barra mill-UE u tiżgura li n-nies ikollhom il-ħiliet neċessarji;
29. Jirrikonoxxi li, minkejja d-daqs u l-kamp ta’ applikazzjoni limitati tagħha, il-proposta STEP għandha l-potenzjal li tagħti riżultati aktar malajr billi tuża l-istrutturi tal-programmi eżistenti u tfittex li toħloq sinerġiji; iqis li l-proposta STEP għandha taġixxi bħala pjattaforma ta’ ttestjar għal Fond għas-Sovranità komprensiv fil-perjodu tal-QFP li jmiss;
30. Jinnota li l-proposta STEP tikkombina r-riprijoritizzazzjoni tal-fondi taħt programmi eżistenti, inklużi l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, b’rinforzi mmirati għal programmi speċifiċi taħt l-Intestaturi 1 (is-suq uniku, innovazzjoni u diġitali), 3 (ir-riżorsi naturali u l-ambjent) u 5 (is-sigurtà u d-difiża);
31. Jissottolinja li, sabiex jintlaħqu l-objettivi strateġiċi għall-STEP, tissaħħaħ u tissawwar il-politika industrijali tal-Unjoni, jiġi promoss is-sostenn għas-settur tad-difiża, li qatt ma kien daqshekk kruċjali biex jiġu protetti s-sovranità u l-integrità tal-Istati Membri tal-UE f’xenarju tal-politika tad-difiża li nbidel b’mod drammatiku u ferm aktar kumpless, u biex tinbena l-awtonomija strateġika miftuħa tal-Unjoni filwaqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fis-suq uniku, il-finanzjament għall-STEP għandu jiżdied, b’tisħiħ ulterjuri ta’ EUR 2 biljun fil-prezzijiet attwali lil hinn mill-proposta tal-Kummissjoni fl-Intestatura 1 u ta’ EUR 1 biljun fil-prezzijiet attwali lil hinn mill-proposta tal-Kummissjoni fl-Intestatura 5;
32. Jissottolinja li riallokazzjonijiet sinifikanti ġew implimentati mill-2021 fl-intestaturi kollha, u b’hekk il-programmi tqiegħdu taħt pressjoni kbira u f’riskju ta’ tfixkil; ifakkar fil-pożizzjoni li ilu jħaddan li prijoritajiet ġodda jridu jiġu ffinanzjati b’fondi ġodda, pjutost milli permezz ta’ riallokazzjonijiet rikorrenti, u jinsisti għalhekk fuq il-ħtieġa ta’ fondi ġodda addizzjonali biex jiġi żgurat it-twettiq effettiv ta’ programmi oħra taħt l-Intestatura 1;
33. Itenni l-fehma tiegħu li l-approprjazzjonijiet ta’ diżimpenn għandhom jibqgħu fil-baġit u jkunu impenjati mill-awtorità baġitarja permezz tal-proċedura baġitarja annwali u jfakkar fil-pożizzjoni tiegħu dwar ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju f’dak ir-rigward; jilqa’, għalhekk, il-fatt li l-proposta STEP tassumi l-użu mill-ġdid ta’ EUR 1,2 biljun f’impenji ta’ riċerka skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Finanzjarju u li l-Kummissjoni b’hekk tirrikonoxxi b’mod impliċitu l-ineżattezza tal-istima tagħha għad-dekummissjonar tar-riċerka li tirfed il-ftehim tal-QFP tal-2020;
34. Ifakkar fit-talba li ilu jagħmel li l-istrumenti kollha tal-infiq tal-UE għandhom jiġu inkorporati fil-baġit, b’rispett sħiħ tal-prinċipju tal-unità baġitarja; iqis, f’dak ir-rigward, li l-allokazzjoni proposta għall-Fond għall-Innovazzjoni taħt l-Intestatura 3 tirrapreżenta progress importanti lejn il-ibbaġitjar sħiħ tiegħu;
Kostijiet tas-self tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru (“EURI”)
35. Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-ammont programmat fil-QFP biex jitħallsu lura l-kostijiet tas-self assoċjati mal-EURI huwa ferm inqas mir-rekwiżiti, u l-Kummissjoni tistma d-defiċit bejn EUR 17-il biljun u 27 biljun matul il-perjodu tal-QFP; jenfasizza li, diġà fl-abbozz ta’ baġit, iż-żieda fil-kostijiet tal-EURI hija mistennija li tikkonsma r-riżorsi kollha fl-ambitu tal-Istrument ta’ Flessibbiltà u madwar terz tar-riżorsi fl-ambitu tal-kompartiment (a) tal-Istrument ta’ Marġini Uniku fl-2024;
36. Jenfasizza li r-rati tal-imgħax li qed jiżdiedu b’mod qawwi mill-gwerra ta’ agressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna żiedu n-nuqqasijiet strutturali inerenti fl-arkitettura tar-ripagament tad-dejn tal-baġit tal-UE; ifakkar li l-kostijiet tal-imgħax u r-ripagament tad-dejn jiddependu mill-iżviluppi tas-suq, mhumiex infiq diskrezzjonarju u għalhekk ma jistgħux ikunu soġġetti għal limitu massimu tal-infiq taħt limitu massimu tal-QFP mingħajr ma jippreżentaw riskju dirett għall-programmi ta’ investiment u l-benefiċjarji tagħhom u l-kapaċità tal-baġit li jwieġeb għall-ħtiġijiet emerġenti;
37. Ifakkar li l-Parlament appella ripetutament għal soluzzjoni għal din il-problema u insista li l-kostijiet ta’ ripagament tal-EURI jitqiegħdu ’l fuq mil-limiti massimi tal-QFP;
38. Jilqa’ l-ħolqien tal-Istrument EURI bħala strument speċjali li jmur oltre l-limiti massimi tal-QFP li għandu jiġi mmobilizzat kif meħtieġ abbażi tal-ħtiġijiet reali ta’ ripagament; jinsisti, madankollu, li l-Istrument ikopri l-kostijiet kollha ta’ ripagament tal-EURI, mhux biss dawk ’il fuq mill-ammont programmat taħt l-Intestatura 2b (reżiljenza u valuri); jissottolinja li Strument EURI mfassal b’dan il-mod għandu jkun il-mudell għall-ġestjoni tal-kostijiet kollha ta’ ripagament tal-EURI fil-QFP li jmiss;
39. Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-Kummissjoni tipprovdi lill-awtorità baġitarja b’informazzjoni f’waqtha u dettaljata dwar il-kalkoli li fuqhom huma bbażati l-previżjonijiet għall-kostijiet tas-self tal-EURI, inklużi s-suppożizzjonijiet u l-parametri użati, sabiex tkun tista’ ssir ġestjoni responsabbli tal-kostijiet ta’ ripagament;
40. Jirrimarka dwar il-ħtieġa ta’ sett aktar varjat u reżiljenti ta’ sorsi ta’ dħul għall-baġit tal-UE sabiex jiġi pprovdut finanzjament robust u sostenibbli għal QFP imsaħħaħ u estiż; iħeġġeġ lill-Kunsill, għalhekk, japprova malajr il-proposti eżistenti dwar ir-riżorsi proprji ġodda u jissottolinja li huwa meħtieġ progress għal dak li jikkonċerna riżorsi proprji ġodda lil hinn minn dawn il-proposti;
It-tisħiħ tal-kapaċità tal-baġit biex jirreaġixxi għal kriżijiet u ħtiġijiet emerġenti
41. Jirrimarka li l-mudell propost għall-ġestjoni tal-kostijiet ta’ ripagament tal-EURI jkollu l-effett li jirrestawra l-ispazju baġitarju fl-Istrumenti ta’ Flessibbiltà u ta’ Marġini Uniku mill-2024 sal-2027 skont il-programmazzjoni finanzjarja inizjali tal-QFP;
42. Jissottolinja, madankollu, li l-QFP fih ftit wisq flessibbiltà, bl-Istrument ta’ Flessibbiltà u l-marġinijiet mhux allokati li jammontaw biss għal 1,05 % tal-limitu massimu tal-impenji; jisħaq fuq il-fatt li l-QFP attwali kien dipendenti ħafna fuq dik il-flessibbiltà limitata u sfortunatament irrikorra għall-orjentazzjoni mill-ġdid tal-politika ta’ koeżjoni, li mhijiex għodda ta’ rispons għall-kriżijiet iżda li ġiet użata ripetutament biex tagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet fil-flessibbiltà baġitarja jew fil-mekkaniżmi ta’ rispons għall-kriżijiet fil-QFP għad-detriment tal-objettivi ta’ politika fit-tul tagħha;
43. Jissottolinja, barra minn hekk, iż-żieda fil-ħtiġijiet mill-bidu tal-QFP, fl-ambitu tal-għajnuna umanitarja u r-rispons għal emerġenzi ġewwa u barra l-Unjoni u tal-appoġġ fir-rigward tad-diżastri naturali, li qed isiru aktar frekwenti u intensivi b’mod partikolari minħabba t-tibdil fil-klima, u jqis li dawn il-ħtiġijiet x’aktarx li jikbru; jisħaq fuq il-fatt li fl-2021 u fl-2022 l-allokazzjoni annwali għall-SEAR ġiet eżawrita u fl-2023 hija mistennija li tintuża bis-sħiħ; jiddeplora l-fatt li l-benefiċjarji tal-għajnuna fl-ambitu tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE, f’xi każijiet, irċevew inqas minn 50 % tal-għajnuna li normalment kienu jirċievu u kellhom jistennew żmien twil għall-iżborż minħabba l-limitazzjonijiet tal-SEAR;
44. Iqis, f’dan ir-rigward, li l-proposta tal-Kummissjoni biex jiżdied l-Istrument ta’ Flessibbiltà u l-SEAR hija pass fid-direzzjoni t-tajba; jinsisti, madankollu, li l-baġit tal-UE jrid ikun mgħammar bil-flessibbiltà u l-“ispazju” baġitarju meħtieġa biex ikun jista’ jirreaġixxi għall-kriżijiet u jadatta għall-ħtiġijiet emerġenti u li qed jikbru;
45. Ifakkar fit-talbiet tiegħu għal żieda fl-Istrument ta’ Flessibbiltà u fl-SEAR u għal strument speċjali permanenti addizzjonali oltre l-limiti massimi tal-QFP li jippermetti lill-baġit tal-UE jadatta aħjar u jirreaġixxi malajr għall-kriżijiet u l-effetti soċjali u ekonomiċi tagħhom; jifhem li, fin-nuqqas ta’ strument bħal dan, se jibqa’ diffiċli għall-Unjoni li tiżgura t-tħejjija tagħha għal avvenimenti mhux previsti, speċjalment peress li, bħalissa, 99,6 % tal-baġit tal-Unjoni huwa allokat minn qabel; jinsab lest li jaħdem biex isib soluzzjonijiet prammatiċi fuq perjodu ta’ żmien qasir, filwaqt li jirrifletti fuq soluzzjoni aktar strutturali u simplifikata fil-QFP li jmiss;
46. Jissottolinja li l-flessibbiltà baġitarja wriet li tippermetti li r-riżorsi jkunu mmirati fejn ikunu meħtieġa u li l-Unjoni tirrispondi għal avvenimenti mhux previsti u taġġusta l-prijoritajiet tal-infiq tagħha fid-dawl tal-ħtiġijiet politiċi, ekonomiċi jew soċjali li qed jevolvu; jinsisti, għalhekk, li l-Istrument ta’ Flessibbiltà għandu jiżdied b’EUR 3 biljun fi prezzijiet attwali oltre l-proposta tal-Kummissjoni għall-perjodu tal-QFP; iqis, barra minn hekk, li l-ammonti li skadew taħt il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandhom jerġgħu jsiru disponibbli taħt l-Istrument ta’ Flessibbiltà sabiex tissaħħaħ aktar il-flessibbiltà fil-baġit;
47. Jinnota li t-talbiet fuq l-SEAR probabbilment mhux se jonqsu; iqis, għalhekk, li t-tisħiħ tal-SEAR huwa kruċjali biex jippermetti lill-Unjoni taġixxi f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza kkawżati minn diżastri naturali kbar jew kriżijiet tas-saħħa pubblika fl-Istati Membri u fil-pajjiżi tal-adeżjoni u anke biex tappoġġja lil pajjiżi mhux tal-UE li qed ibatu minn kunflitti, kriżijiet tar-rifuġjati jew diżastri naturali; jinsisti, għalhekk, li l-SEAR għandha tiżdied b’EUR 2 biljun fi prezzijiet attwali oltre l-proposta tal-Kummissjoni għall-perjodu tal-QFP; jiddispjaċih, madankollu, dwar id-deċiżjoni li r-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza (EAR) u l-FSUE (Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea) jingħaqdu flimkien fil-QFP attwali, deċiżjoni li wasslet għal nuqqasijiet serji fl-implimentazzjoni u jfakkar fil-pożizzjoni tiegħu li s-SEAR għandha tinqasam mill-ġdid f’żewġ fergħat – l-EAR u l-FSUE;
Rakkomandazzjonijiet u modifiki
48. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iqisu r-rakkomandazzjonijiet u l-modifiki li ġejjin:
(i)
il-limitu massimu tal-Intestatura 1 għandu jiżdied b’EUR 2 biljun fi prezzijiet attwali oltre l-proposta tal-Kummissjoni;
(ii)
il-limitu massimu tal-Intestatura 4 għandu jiżdied b’EUR 1 biljun fi prezzijiet attwali oltre l-proposta tal-Kummissjoni u ż-żieda tiġi applikata għall-intestatura mill-2024;
(iii)
il-limitu massimu tal-Intestatura 5 għandu jiżdied b’EUR 1 biljun fi prezzijiet attwali oltre l-proposta tal-Kummissjoni;
(iv)
il-limitu massimu tal-Intestatura 6 għandu jiżdied b’EUR 1 biljun fi prezzijiet attwali oltre l-proposta tal-Kummissjoni;
(v)
l-Istrument ta’ Flessibbiltà għandu jiżdied b’EUR 3 biljun fi prezzijiet attwali oltre l-proposta tal-Kummissjoni, u tagħmel l-ammonti li skadew taħt il-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni disponibbli mill-ġdid taħt l-Istrument ta’ Flessibbiltà;
(vi)
ir-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza għandha tiżdied b’EUR 2 biljun fi prezzijiet attwali oltre l-proposta tal-Kummissjoni;
(vii)
jiġi previst li l-Istrument EURI, stabbilit bħala strument speċjali oltre l-limiti massimi tal-QFP, ikopri l-kostijiet kollha ta’ ripagament tal-EURI;
(viii)
jitħassar il-limitu massimu annwali fl-approprjazzjonijiet ta’ pagament għal rikors għall-Istrument ta’ Marġini Uniku;
(ix)
Il-proposta għal regolament tal-Kunsill għandha tiġi modifikata kif ġej:
Test propost mill-Kummissjoni
Modifika
Modifika 1 Proposta għal regolament Premessa 4
(4) Jenħtieġ li l-baġit tal-UE jippermetti lill-Unjoni tipprovdi r-risponsi ta’ politika meħtieġa għall-isfidi emerġenti u tissodisfa l-obbligi legali li ma jistgħux jiġu akkomodati fil-limiti massimi eżistenti u lanqas permezz ta’ flessibbiltà eżawrita. Għalhekk, il-limiti massimi tan-nefqa f’approprjazzjonijiet għall-impenji għall-Intestaturi 1, 3, 5, 6, u 7 inkluż is-sublimitu għan-nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet għas-snin 2024, 2025, 2026 u 2027, u l-limitu massimu għall-Intestatura 4 għas-snin 2025, 2026 u 2027 jenħtieġ li jiżdiedu. B’riżultat ta’ dan, il-limiti massimi tan-nefqa f’approprjazzjonijiet ta’ pagament għas-snin 2026 u 2027 jenħtieġ li jiżdiedu.
(4) Jenħtieġ li l-baġit tal-UE jippermetti lill-Unjoni tipprovdi r-risponsi ta’ politika meħtieġa għall-isfidi emerġenti u tissodisfa l-obbligi legali li ma jistgħux jiġu akkomodati fil-limiti massimi eżistenti u lanqas permezz ta’ flessibbiltà eżawrita. Għalhekk, il-limiti massimi tan-nefqa f’approprjazzjonijiet għall-impenji għall-Intestaturi 1, 3, 4, 5, 6, u 7 inkluż is-sublimitu għan-nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet għas-snin 2024, 2025, 2026 u 2027 jenħtieġ li jiżdiedu. B’riżultat ta’ dan, il-limiti massimi tan-nefqa f’approprjazzjonijiet ta’ pagament għas-snin 2026 u 2027 jenħtieġ li jiżdiedu.
Modifika 2 Proposta għal regolament Premessa 11
(11) Minħabba l-inċertezza madwar l-evoluzzjoni futura tar-rati tal-imgħax u sabiex jiġu evitati pressjonijiet bla bżonn fuq il-programmi tal-Unjoni, huwa xieraq li jiġi stabbilit strument speċjali tematiku ġdid biex ikopri l-kostijiet għall-finanzjament kollha tas-self tan-NextGenerationEU li jaqbżu l-ammonti inizjalment ipprogrammati. Jenħtieġ li l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u l-approprjazzjonijiet ta’ pagament korrispondenti meħtieġa fil-baġit tal-Unjoni jkunu disponibbli lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP.
(11) Minħabba l-inċertezza madwar l-evoluzzjoni futura tar-rati tal-imgħax u sabiex jiġu evitati pressjonijiet bla bżonn fuq il-programmi tal-Unjoni, huwa xieraq li jiġi stabbilit strument speċjali tematiku ġdid biex ikopri l-kostijiet għall-finanzjament kollha tas-self tan-NextGenerationEU. Jenħtieġ li l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u l-approprjazzjonijiet ta’ pagament korrispondenti meħtieġa fil-baġit tal-Unjoni jkunu disponibbli lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP;
Modifika 3 Proposta għal regolament Premessa 12
(12) Jenħtieġ li r-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza u l-Istrument ta’ Flessibbiltà jissaħħu sabiex tinżamm biżejjed kapaċità biex l-Unjoni tirreaġixxi għal ċirkostanzi mhux previsti sal-2027.
(12) Jenħtieġ li r-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza u l-Istrument ta’ Flessibbiltà jissaħħu sabiex tinżamm biżejjed kapaċità biex l-Unjoni tirreaġixxi għal ċirkostanzi mhux previsti sal-2027. Sabiex tissaħħaħ aktar il-flessibbiltà fil-baġit, huwa xieraq li l-ammonti li skadew taħt il-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni jerġgħu jsiru disponibbli taħt l-Istrument ta’ Flessibbiltà;
Modifika 4 Proposta għal regolament Premessa 12a (ġdida)
(12a) Minħabba d-dewmien fl-implimentazzjoni ta’ ċerti programmi fis-snin bikrin tal-QFP 2021-2027, inkluż fil-programmi ewlenin, hemm riskju ta’ arretrati ta’ pagamenti fl-aħħar snin tal-QFP meta l-implimentazzjoni taqbad ir-ritmu. Sabiex jittaffa dan ir-riskju u jiġu rispettati l-impenji tal-UE, jenħtieġ li jitneħħa l-limitu annwali fl-approprjazzjonijiet ta’ pagament għar-rikors għall-Istrument ta’ Marġini Uniku;
Modifika 5 Proposta għal regolament Artikolu 1 – paragrafu 2
(2) Fl-Artikolu 9, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej: “2. Ir-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza ma għandhiex taqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 1 739 miljun (fi prezzijiet tal-2018). Kwalunkwe porzjon tal-ammont annwali mhux użat fis-sena n jista’ jintuża sas-sena n+1. Il-porzjon tal-ammont annwali li jirriżulta mis-sena preċedenti għandu jiddaħħal l-ewwel. Kwalunkwe porzjon tal-ammont annwali mis-sena n li ma jintużax fis-sena n+1 għandu jiskadi.”;
(2) Fl-Artikolu 9, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej: “2. Ir-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza ma għandhiex taqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 2 170 miljun (fi prezzijiet tal-2018). Kwalunkwe porzjon tal-ammont annwali mhux użat fis-sena n jista’ jintuża sas-sena n+1. Il-porzjon tal-ammont annwali li jirriżulta mis-sena preċedenti għandu jiddaħħal l-ewwel. Kwalunkwe porzjon tal-ammont annwali mis-sena n li ma jintużax fis-sena n+1 għandu jiskadi.”;
Modifika 6 Proposta għal regolament Artikolu 1 – paragrafu 3
(3) Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin: “Artikolu 10a Strument EURI 1. L-istrument EURI jista’ jintuża biex jiffinanzja l-kostijiet addizzjonali meta, f’sena partikolari, il-kostijiet tal-imgħax u tal-pagamenti ta’ kupuni dovuti fir-rigward tal-fondi mislufa fuq is-swieq kapitali f’konformità mal-Artikolu5(2) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 jaqbżu l-ammonti li ġejjin (fi prezzijiet tal-2018): – 2024 – EUR 1 840 miljun, – 2025 – EUR 2 332 miljun, – 2026 – EUR 3 196 miljun, – 2027 – EUR 4 168 miljun, 2. L-Istrument ta’ Flessibbiltà jista’ jiġi mobilizzat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja stabbilita fl-Artikolu 314 TFUE.”; “Artikolu 10b Riżerva għall-Ukrajna 1. Ir-riżerva għall-Ukrajna tista’ tiġi mmobilizzata għall-iskop uniku ta’ finanzjament tan-nefqa skont [ir-Regolament dwar il-Faċilità għall-Ukrajna] u għandu jkollha l-għan li tipprovdi mill-inqas EUR 2 500 miljun fi prezzijiet attwali bħala ammont indikattiv annwali. 2. Ir-riżerva għall-Ukrajna ma għandhiex taqbeż l-ammont ta’ EUR 50 000 miljun fi prezzijiet attwali għall-perjodu mill-2024 sal-2027. L-ammont annwali mobilizzat taħt ir-Riżerva għall-Ukrajna f’sena partikolari ma għandux jaqbeż l-EUR 16 700 miljun fi prezzijiet attwali. 3. Ir-Riżerva għall-Ukrajna tista’ tiġi mobilizzata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja prevista fl-Artikolu 314 TFUE.”;
(3) Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin: “Artikolu 10a Strument EURI 1. L-istrument EURI għandu jiġi mmobilizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja prevista fl-Artikolu 314 TFUE biex jiffinanzja l-kostijiet tal-imgħax u tal-pagamenti ta’ kupuni dovuti fir-rigward tal-fondi mislufa fuq is-swieq kapitali f’konformità mal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053.”; “Artikolu 10b Riżerva għall-Ukrajna 1. Ir-riżerva għall-Ukrajna tista’ tiġi mmobilizzata għall-iskop uniku ta’ finanzjament tan-nefqa skont [ir-Regolament dwar il-Faċilità għall-Ukrajna] u għandu jkollha l-għan li tipprovdi mill-inqas EUR 2 500 miljun fi prezzijiet attwali bħala ammont indikattiv annwali. 2. Ir-riżerva għall-Ukrajna ma għandhiex taqbeż l-ammont ta’ EUR 50 000 miljun fi prezzijiet attwali għall-perjodu mill-2024 sal-2027. L-ammont annwali mobilizzat taħt ir-Riżerva għall-Ukrajna f’sena partikolari ma għandux jaqbeż l-EUR 16 700 miljun fi prezzijiet attwali. 3. Ir-Riżerva għall-Ukrajna għandha tiġi mobilizzata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja prevista fl-Artikolu 314 TFUE.”;
(3a) L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej: (a) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej: “1. L-Istrument ta’ Marġini Uniku għandu jinkludi: (a) mill-2022, ammonti li jikkorrispondu għal marġnijiet li jkunu għadhom disponibbli taħt il-limiti massimi tal-QFP għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-sena n-1, li għandhom isiru disponibbli lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn għas-snin mill-2022 sal-2027; (b) mill-2022, ammonti ekwivalenti għad-differenza bejn il-pagamenti mwettqa u l-limitu massimu tal-pagamenti tal-QFP tas-sena n-1, biex jiġi aġġustat ’il fuq il-limitu massimu tal-pagamenti għas-snin mill-2022 sal-2027; kif ukoll (c) ammonti addizzjonali li jistgħu jsiru disponibbli lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP f’sena partikolari għal approprjazzjonijiet ta’ impenn jew ta’ pagament, jew it-tnejn li huma, skont il-każ, dment li jiġu kkumpensati kollha mal-marġnijiet f’intestatura waħda jew aktar tal-QFP għas-sena finanzjarja attwali jew is-snin finanzjarji futuri fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn u jiġu kkumpensati kollha mal-marġnijiet taħt il-limitu massimu tal-pagamenti għas-snin finanzjarji futuri fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament. Kwalunkwe aġġustament ’il fuq taħt il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandu jiġi kkumpensat kompletament bi tnaqqis korrispondenti tal-limitu massimu tal-pagamenti għas-sena n-1. L-ammonti jistgħu jiġu mobilizzati biss taħt il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu jekk l-ammonti disponibbli skont il-punti (a) u (b) ta’ dak is-subparagrafu, skont kif ikun applikabbli, ma jkunux suffiċjenti, u fi kwalunkwe każ bħala l-aħħar soluzzjoni bħala rispons għal ċirkostanzi mhux previsti. Rikors għall-punt (c) tal-ewwel subparagrafu ma għandux jirriżulta f’sitwazzjoni fejn jinqabżu l-ammonti totali tal-limiti massimi tal-QFP għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament għas-sena finanzjarja attwali u s-snin finanzjarji futuri. Għalhekk, kwalunkwe ammont ikkumpensat f’konformità ma’ dak il-punt ma għandux jiġi mobbilizzat aktar fil-kuntest tal-QFP.”; (b) il-paragrafu 3 huwa mħassar;
Modifika 8 Proposta għal regolament Artikolu 1 – paragrafu 4
(4) Fl-Artikolu 12, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej: “1. L-Istrument ta’ Flessibbiltà jista’ jintuża għall-finanzjament, għal sena finanzjarja partikolari, ta’ nefqa speċifika mhux prevista f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u approprjazzjonijiet ta’ pagament li jikkorrispondu magħhom li ma jistgħux jiġu ffinanzjati fil-limiti massimi disponibbli ta’ intestatura waħda oħra jew aktar. Il-limitu massimu għall-ammont annwali disponibbli għall-Istrument ta’ Flessibbiltà għandu jkun ta’ EUR 1 562 miljun (fi prezzijiet tal-2018).”;
(4) Fl-Artikolu 12, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej: “1. L-Istrument ta’ Flessibbiltà jista’ jintuża għall-finanzjament, għal sena finanzjarja partikolari, ta’ nefqa speċifika mhux prevista f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u approprjazzjonijiet ta’ pagament li jikkorrispondu magħhom li ma jistgħux jiġu ffinanzjati fil-limiti massimi disponibbli ta’ intestatura waħda oħra jew aktar. Il-limitu massimu għall-ammont annwali disponibbli għall-Istrument ta’ Flessibbiltà għandu jkun ta’ EUR 2 170 miljun (fi prezzijiet tal-2018). Kull sena, l-ammont annwali disponibbli għall-Istrument ta’ Flessibbiltà għandu jiżdied b’ammonti ekwivalenti għall-poryjoni tal-ammont annwali għall-Fond Ewropew ta’ Aġġustament li skadiet fis-sena preċedenti.”;
Modifika 9 Proposta għal regolament Artikolu 1 – paragrafu 5
(5) L-Anness I huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
(5) L-Anness I huwa sostitwit b’dan li ġej:
ANNESS I
QAFAS FINANZJARJU PLURIENNALI (EU-27)
APPROPRJAZZJONIJIET TA’ IMPENN
2021
2022
2023
2024
2025
2026
2027
Total 2021-2027
1. Is-Suq Uniku, l-Innovazzjoni u d-Diġitali
19 712
20 211
19 678
20 399
19 715
19 821
19 624
139 160
2. Il-Koeżjoni, ir-Reżiljenza u l-Valuri
5 996
62 642
63 525
65 079
65 286
56 787
58 809
378 124
2a. Il-Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali
1 666
56 673
57 005
57 436
57 874
48 414
49 066
328 134
2b. Ir-Reżiljenza u l-Valuri
4 330
5 969
6 520
7 643
7 412
8 373
9 743
49 990
3. Ir-Riżorsi naturali u l-Ambjent
53 562
52 626
51 893
52 123
51 195
49 999
49 207
360 605
Li minnhom: Nefqa marbuta mas-suq u pagamenti diretti
38 040
37 544
36 857
36 054
35 401
34 729
34 015
252 640
4. Il-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Fruntieri
1 687
3 104
3 454
3 791
4 302
4 359
4 910
25 607
5. Is-Sigurtà u d-Difiża
1 598
1 750
1 762
2 334
2 497
2 611
2 785
15 337
6. Il-Viċinat u d-Dinja
15 309
15 522
14 789
16 609
15 827
15 046
15 235
108 337
7. L-Amministrazzjoni pubblika Ewropea
10 021
10 215
10 342
10 586
10 887
11 229
11 443
74 723
Li minnhom: Nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet
7 742
7 878
7 945
8 107
8 310
8 541
8 660
57 183
TOTAL TAL-APPROPRJAZZJONIJIET TA’ IMPENN
107 885
166 070
165 443
170 921
169 709
159 852
162 014
1 101 894
TOTAL TAL-APPROPRJAZZJONIET TA’ PAGAMENT
154 065
153 850
152 682
151 436
151 175
159 978
155 025
1 078 211’
(f’miljuni ta’ EUR - prezzijiet tal-2018)
°
° °
49. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Ir-Regolament (UE) 2022/2463 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi strument għall-għoti ta’ appoġġ lill-Ukrajna għall-2023 (assistenza makrofinanzjarja +) (ĠU L 322, 16.12.2022, p. 1).