Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Novembru 2023 dwar in-nomina ta’ Bettina Michelle Jakobsen bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri (C9-0332/2023 – 2023/0807(NLE))
(Konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 286(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C9‑0332/2023),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 129 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0292/2023),
A. billi, bl-ittra tat-8 ta’ Settembru 2023, il-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament dwar il-ħatra ta’ Bettina Michelle Jakobsen għall-kariga ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri;
B. billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu evalwa l-kwalifiki tal-kandidata proposta, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 286(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; billi, fil-qafas ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kumitat irċieva curriculum vitae mingħand Bettina Michelle Jakobsen, kif ukoll it-tweġibiet tagħha għall-kwestjonarju miktub li kien indirizzat lilha;
C. billi dan il-Kumitat imbagħad fit-12 ta’ Ottubru 2023, ipproċeda b’seduta ta’ smigħ ma’ Bettina Michelle Jakobsen, li matulha hija għamlet stqarrija preliminari, u wara wieġbet għall-mistoqsijiet li saru mill-membri tal-Kumitat;
1. Jagħti opinjoni favorevoli dwar il-proposta tal-Kunsill għall-ħatra ta’ Bettina Michelle Jakobsen għall-kariga ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta’ informazzjoni, lill-Qorti tal-Awdituri kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet tal-awditjar tal-Istati Membri.