Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2022/2154(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0323/2023

Testi mressqa :

A9-0323/2023

Dibattiti :

CRE 08/11/2023 - 19

Votazzjonijiet :

PV 09/11/2023 - 5.21
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2023)0396

Testi adottati
PDF 168kWORD 55k
Il-Ħamis, 9 ta' Novembru 2023 - Brussell
It-tisħiħ tad-dritt ta’ parteċipazzjoni: il-leġittimità u r-reżiljenza tal-proċessi elettorali fis-sistemi politiċi illiberali u r-reġimi awtoritarji
P9_TA(2023)0396A9-0323/2023

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Novembru 2023 dwar rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar it-tisħiħ tad-dritt ta’ parteċipazzjoni: il-leġittimità u r-reżiljenza tal-proċessi elettorali fis-sistemi politiċi illiberali u fir-reġimi awtoritarji (2022/2154(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u b’mod partikolari l-Artikolu 21(3) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Kumment Ġenerali Nru 25 tiegħu dwar id-dritt ta’ parteċipazzjoni fl-affarijiet pubbliċi, id-drittijiet tal-vot u d-dritt ta’ aċċess ugwali għas-servizz pubbliku,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tal-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5(c) tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Diskriminazzjoni Razzjali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 7(a) tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Prinċipji għall-Osservazzjoni Internazzjonali tal-Elezzjonijiet tan-NU,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Prinċipji Globali għall-Osservazzjoni u l-Monitoraġġ tal-Elezzjonijiet Mhux Partiġġjani mill-Organizzazzjonijiet taċ-Ċittadini, approvata minn diversi networks ta’ monitoraġġ elettorali, inkluż in-Network Globali ta’ Osservaturi Elettorali Domestiċi,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ April 2000 dwar l-għajnuna u l-osservazzjoni tal-UE waqt l-elezzjonijiet (COM(2000)0191),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tan-NU għall-Istati dwar l-implimentazzjoni effettiva tad-dritt ta’ parteċipazzjoni fl-affarijiet pubbliċi,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal-25 ta’ Marzu 2020 bit-titolu “Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024” (JOIN(2020)0005),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 118 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0323/2023),

A.  billi d-drittijiet taċ-ċittadini li jipparteċipaw fil-ġestjoni tal-affarijiet pubbliċi, inkluż id-dritt tal-vot, li jikkontestaw u li jiġu eletti f’elezzjonijiet demokratiċi ħielsa, trasparenti, verifikabbli, perjodiċi u ġenwini, huma drittijiet tal-bniedem fundamentali u rikonoxxuti internazzjonalment;

B.  billi l-Artikolu 21 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem jiddikjara li kulħadd għandu d-dritt li jieħu sehem fil-gvern ta’ pajjiżu u li r-rieda tal-poplu, espressa permezz ta’ elezzjonijiet perjodiċi, ġenwini u universali, trid tkun fuq xiex huwa bbażat il-gvern; billi dan il-messaġġ huma mtenni fl-Artikolu 25 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

C.  billi l-Artikolu 5(c) tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Diskriminazzjoni Razzjali jiddikjara li l-Istati Partijiet jimpenjaw ruħhom li jipprojbixxu u jeliminaw id-diskriminazzjoni razzjali fil-forom kollha tagħha u li jiggarantixxu d-dritt ta’ kulħadd, mingħajr distinzjoni ta’ razza, kulur, jew oriġini nazzjonali jew etnika, li skont il-liġi persuna tgawdi b’mod ugwali d-drittijiet politiċi, b’mod partikolari d-dritt li tipparteċipa fl-elezzjonijiet, li tivvota u li toħroġ għall-elezzjoni; billi, madankollu, xi gruppi soċjali bħall-minoranzi, il-persuni b’diżabbiltà, il-persuni mhux residenti u l-popolazzjonijiet mingħajr dar jiffaċċjaw sfidi u diskriminazzjoni addizzjonali;

D.  billi skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, id-dritt ta’ parteċipazzjoni f’elezzjonijiet ħielsa u ġusti huwa intrinsikament marbut ma’ drittijiet bażiċi oħra; billi biex id-dritt għall-vot u għall-elezzjoni jiġi eżerċitat b’mod ġenwin, trid tipprevali klima li fiha d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali jiġu rispettati u jitgawdew minn kulħadd, inklużi d-drittijiet għall-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, l-edukazzjoni, il-libertà ta’ opinjoni u ta’ espressjoni, il-libertà ta’ għaqda paċifika u ta’ assoċjazzjoni, il-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin, is-sigurtà, u rimedju effettiv; billi, biex jiġu ggarantiti elezzjonijiet ħielsa u ġusti, huwa essenzjali li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tan-nisa;

E.  billi demokraziji liberali li ilhom stabbiliti madwar id-dinja kollha qed josservaw tendenzi inkwetanti ta’ deterjorament fl-istrutturi demokratiċi tagħhom, li qed iwasslu għal rigress demokratiku u awtokratizzazzjoni, kif muri miż-żieda fl-illiberaliżmu, it-tnaqqis fil-livelli ta’ parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet, id-diżillużjoni dejjem akbar fir-rigward tal-partiti politiċi u t-tmexxija komuni, u l-popolarità ta’ partiti estremisti; billi d-diskors ta’ mibegħda li qed jiżdied, promoss minn dawn il-partiti estremisti, u li għandu komunitajiet vulnerabbli fil-mira, inklużi minoranzi etniċi u migranti, joħloq klima ta’ vjolenza u jipprevjeni l-kundizzjonijiet meħtieġa biex in-nies jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-parteċipazzjoni politika; billi t-tendenzi inkwetanti tal-erożjoni tal-prinċipji fundamentali tal-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli bħalissa qed jiġu aggravati serjament mill-gwerra ta’ aggressjoni illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna;

F.  billi elezzjonijiet demokratiċi ġenwini huma aspett indispensabbli tal-governanza inklużiva u responsabbli, peress li jipprovdu mandat lill-awtoritajiet miċ-ċittadini;

G.  billi, skont Freedom House, 80 % tan-nies jgħixu f’pajjiżi li mhumiex ħielsa jew li huma parzjalment ħielsa, u dan jillimita d-drittijiet tal-bniedem bażiċi tagħhom; billi aktar minn terz tal-popolazzjoni globali tgħix taħt tmexxija awtoritarja;

H.  billi d-dritt ta’ parteċipazzjoni f’elezzjonijiet ġenwini huwa ostakolat f’reġimi awtokratiċi u illiberali minħabba, fost affarijiet oħra, il-ħolqien ta’ ostakli legali u amministrattivi li jipprevjenu li r-rieda tal-poplu tiġi riflessa, l-ispazju dejjem jiċkien għas-soċjetà ċivili, l-intimidazzjoni tal-votanti u t-twettiq ta’ elezzjonijiet foloz bl-għan li tissaħħaħ is-setgħa tar-reġimi; billi elezzjonijiet bħal dawn mhumiex ħielsa, trasparenti, verifikabbli, pluralistiċi jew ġusti, ma għandhomx kontestazzjoni politika reali u jimponu restrizzjonijiet żejda fuq id-dritt li persuna tivvota, toħroġ għall-elezzjoni u tiġi eletta; billi l-iskwalifiki arbitrarji u politikament iffabbrikati tal-kandidati tal-oppożizzjoni huma wkoll għodod li tradizzjonalment jintużaw minn reġimi awtokratiċi biex jinterferixxu fil-proċessi elettorali;

I.  billi r-reġimi awtokratiċi u illiberali qed ifasslu dejjem aktar narrattiva li tippreżenta l-elezzjonijiet mhux demokratiċi tagħhom bħala ġenwini sabiex jiksbu leġittimità internazzjonali u domestika, li mhijiex ġustifikata minħabba n-natura mhux demokratika li biha jsiru l-elezzjonijiet; billi din il-leġittimità mbagħad tintuża domestikament biex issaħħaħ il-fatt li n-nies jobdu u jappoġġaw ir-reġim u d-dritt tiegħu li jiggverna, u tnaqqas u tiddeleġittimizza kwalunkwe oppożizzjoni kontra r-reġim;

J.  billi l-UE għandha tagħti attenzjoni partikolari meta tagħżel fejn tosserva l-elezzjonijiet sabiex tevita li titqies bħala forza ta’ leġittimizzazzjoni li tappoġġa l-eżiti ta’ elezzjonijiet mhux demokratiċi;

K.  billi d-dgħufija tal-indipendenza ġudizzjarja u l-istat tad-dritt u r-rigress demokratiku ġenerali fir-reġimi awtokratiċi u illiberali jippermettu l-istrateġiji ta’ leġittimizzazzjoni ta’ dawn ir-reġimi, inkluż billi jitneħħew kontrolli effettivi fuq l-infurzar ta’ liġijiet repressivi, il-kontroll tal-media u l-interferenza malizzjuża fil-kanali ta’ komunikazzjoni diġitali;

L.  billi l-libertà u l-pluraliżmu tal-media huma komponenti kruċjali tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, kif ukoll jippermettu li jkun hemm soċjetajiet demokratiċi, ħielsa u parteċipattivi; billi, biex il-media twettaq ir-rwol tagħha, huma essenzjali t-trasparenza tas-sjieda tal-media u l-finanzjament u s-salvagwardji biex jiġi żgurat il-pluraliżmu tal-media u jiġi evitat ir-riskju li l-poter ikun ikkonċentrat fil-media, l-operaturi tal-pjattaformi u l-intermedjarji tal-internet; billi huwa kruċjali li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għal informazzjoni indipendenti u affidabbli; billi t-tixrid ta’ informazzjoni falza, propaganda u diżinformazzjoni joħloq klima ta’ xettiċiżmu globali li jhedded il-libertà tal-informazzjoni u d-dibattitu demokratiku;

M.  billi r-reġimi awtokratiċi u illiberali żviluppaw modi u strateġiji ġodda ta’ finta konformità biex jegħlbu l-ispejjeż ta’ konformità sħiħa mal-istandards internazzjonali ta’ osservazzjoni elettorali mingħajr ma jħabbruhom b’mod ċar; billi tali strateġiji jinkludu t-twettiq ta’ attivitajiet ta’ osservazzjoni domestiċi u internazzjonali li ma jikkonformawx mal-istandards internazzjonali, bħall-użu ta’ osservaturi elettorali foloz li jgħinu biex imexxu d-diskors postelettorali b’appoġġ għar-reġimi awtokratiċi u illiberali; billi ċ-ċittadini f’reġimi bħal dawn għandhom opportunitajiet limitati biex josservaw l-elezzjonijiet, u jekk jagħmlu dan, ir-reġimi jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jiskreditaw lill-osservaturi jew jinjoraw l-isforzi tagħhom;

N.  billi r-reġimi awtokratiċi u illiberali qed jorganizzaw irwieħhom dejjem iktar fl-isforzi tagħhom biex jipprovdu leġittimità internazzjonali lill-elezzjonijiet foloz ta’ xulxin permezz ta’ attivitajiet ta’ osservazzjoni internazzjonali foloz; billi dawn ir-reġimi jikkontribwixxu għall-erożjoni tal-fiduċja globali fl-istituzzjonijiet demokratiċi billi jikkupjaw, jiżviluppaw u jxerrdu prattiki frodulenti mingħajr ma jiġu kkontestati; billi r-reġimi awtokratiċi u illiberali jużaw ukoll istituzzjonijiet internazzjonali għall-benefiċċju tagħhom stess, inkluż għall-promozzjoni ta’ normi rivali fi ħdan l-istituzzjonijiet ta’ governanza globali u l-leġittimizzazzjoni ta’ elezzjonijiet frodulenti;

O.  billi l-Missjonijiet ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE għandhom l-għan li jsaħħu l-fiduċja fl-elezzjonijiet, jiskoraġġixxu l-frodi u jipprovdu valutazzjoni infurmata u fattwali tal-proċessi elettorali;

P.  billi s-severità u l-iskala tal-attakki kontra osservaturi elettorali mhux partiġġjani – inklużi l-fastidju, il-malafama, it-theddid, il-ksur tad-drittijiet, l-espulsjonijiet, il-vjolenza fiżika u wkoll il-qtil – intensifikaw f’dawn l-aħħar snin, u ħolqu ambjent ta’ inċertezza u nuqqas ta’ sigurtà fir-rigward tal-ħidma importanti tagħhom; billi l-UE tqis li l-osservaturi tal-elezzjonijiet huma difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

Q.  billi t-tensjonijiet bejn id-demokraziji u r-reġimi awtoritarji qed isiru aktar ġeopolitiċi; billi din it-tendenza tirrikjedi li l-UE tqajjem it-tħassib demokratiku tagħha fl-ogħla livell politiku, inkluż billi tibni alleanzi aktar strateġiċi għad-demokrazija, billi tqis il-promozzjoni u d-difiża tad-demokrazija bħala interess strateġiku u bħala parti ewlenija mill-istrateġiji ġeoekonomiċi u kummerċjali tagħha u billi ssib mezzi innovattivi biex tappoġġa l-ilħna ċiviċi li jitkellmu kontra l-awtokraziji u l-istrateġiji ta’ leġitimizzazzjoni tagħhom;

R.  billi l-UE għandha tadotta approċċ sistematiku rigward id-dritt ta’ parteċipazzjoni, inkluż billi turi r-rabta qawwija tagħha mad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt u billi tindirizza n-nuqqasijiet elettorali b’mod konsistenti, inkluż meta jseħħu f’pajjiżi sħab viċini; billi, meta tagħmel dan, l-UE għandha tiffoka mhux biss fuq il-proċessi elettorali nfushom, iżda wkoll fuq il-kuntest tal-madwar u l-kawżi sottostanti tal-leġittimizzazzjoni awtoritarja; billi l-atturi Ewropej ma għandhomx jikkontribwixxu biex jilleġittimizzaw l-elezzjonijiet f’reġimi illiberali u awtokratiċi;

1.  Jirrakkomanda lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà:

  

Għarfien tad-dritt ta’ parteċipazzjoni f’elezzjonijiet ġenwini

   (a) ifasslu u jimplimentaw azzjonijiet tal-UE aktar deċiżivi u effettivi biex jippromwovu u jipproteġu d-dritt ta’ parteċipazzjoni, li huwa dritt tal-bniedem universali, bħala parti minn strateġija ħafna usa’ dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-appoġġ għad-demokrazija; jiżguraw li dawn l-azzjonijiet jinkorporaw il-perspettivi tal-ġeneru u l-inklużjoni ta’ gruppi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli;
   (b) jissottolinjaw l-interkonnessjoni intrinsika bejn id-dritt ta’ parteċipazzjoni f’elezzjonijiet ġenwini u libertajiet fundamentali oħra, b’mod partikolari l-libertajiet ta’ moviment, opinjoni u espressjoni, għaqda u assoċjazzjoni, kif ukoll id-dritt li wieħed ikun ħieles mid-diskriminazzjoni, li mingħajrhom it-tgawdija effettiva tad-dritt ta’ parteċipazzjoni f’elezzjonijiet ġenwini hija impossibbli; jissottolinjaw, barra minn hekk, ir-rwol kruċjali tal-istat tad-dritt f’dan ir-rigward;
   (c) jindirizzaw b’mod sistematiku u robust it-tentattivi minn pajjiżi mhux tal-UE biex jirrestrinġu t-tgawdija tad-dritt ta’ parteċipazzjoni tal-minoranzi, inklużi minoranzi etniċi u reliġjużi, u taż-żgħażagħ, in-nisa, il-gruppi indiġeni u gruppi soċjali oħra; jistiednu, b’mod partikolari, lill-awtoritajiet ta’ pajjiżi mhux tal-UE jimmonitorjaw id-diskors ta’ mibegħda mill-awtoritajiet pubbliċi u l-uffiċjali eletti u jadottaw miżuri u sanzjonijiet b’saħħithom u konkreti kontra dan sabiex javvanzaw lejn approċċ ta’ tolleranza żero għar-razziżmu u d-diskriminazzjoni;
   (d) jinvolvu ruħhom ma’ pajjiżi mhux tal-UE biex jiżguraw ambjent aċċessibbli u abilitanti għall-persuni b’diżabbiltà, li jippermettilhom jipparteċipaw fil-ħajja politika u pubblika tal-komunitajiet tagħhom; jenfasizzaw, b’mod partikolari, il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-ostakli legali u amministrattivi għall-parteċipazzjoni politika billi l-proċeduri tal-votazzjoni, il-faċilitajiet u l-materjali elettorali jsiru aktar aċċessibbli, billi jiġu estiżi l-opportunitajiet għall-parteċipazzjoni fil-ħajja politika u pubblika u billi titqajjem kuxjenza dwar id-dritt għall-parteċipazzjoni politika tal-persuni b’diżabbiltà u tinġabar data biex titkejjel din il-parteċipazzjoni politika;
   (e) jissimplifikaw id-dritt ta’ parteċipazzjoni fis-sett ta’ għodod għall-azzjoni esterna tal-UE, li jeħtieġ li jiġi implimentat mid-delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea f’pajjiżi mhux tal-UE f’kooperazzjoni mill-qrib ħafna mal-ambaxxati tal-Istati Membri;
   (f) jirrikonoxxu u jindirizzaw in-nuqqasijiet fit-tgawdija tad-dritt ta’ parteċipazzjoni fl-UE, bil-ħsieb li jsaħħu l-leġittimità u l-kredibbiltà tal-azzjoni esterna tal-UE f’dan il-qasam;
   (g) jirrikonoxxu s-severità tad-diffikultajiet li jkollhom il-persuni li jgħixu taħt reġimi awtokratiċi u illiberali biex jaċċessaw informazzjoni fattwali, mhux iċċensurata u relatata mal-elezzjonijiet u jagħżluha minn fost propaganda sponsorjata mir-reġim, inkluża informazzjoni affidabbli dwar il-kandidati, il-preferenzi tal-votazzjoni u t-tmexxija tal-proċess elettorali, billi dan jillimita r-riżorsi tagħhom biex jivvalutaw jekk l-elezzjonijiet humiex verament kompetittivi u jekk il-preferenzi taċ-ċittadini humiex riflessi fir-riżultati, u jaħdmu biex jevitaw l-użu ħażin tar-riżorsi pubbliċi u tax-xiri tal-voti; iqisu l-erożjoni tal-moral tal-popolazzjoni ċivili kkawżata minn elezzjonijiet manipulati, mhux trasparenti u illeġittimi, peress li joħolqu nuqqas ta’ fiduċja kemm fl-istituzzjonijiet tal-gvern nazzjonali kif ukoll f’dawk internazzjonali;
   (h) jirrikonoxxu l-importanza tal-aċċess għal edukazzjoni universali u mingħajr ħlas li tagħti s-setgħa lin-nies biex jagħmlu għażliet ħielsa fl-elezzjonijiet;
  

Għodod u proċeduri tal-UE

   (i) jiġġieldu n-narrattiva promossa minn reġimi awtokratiċi u illiberali li għandhom mandati miċ-ċittadini tagħhom bħala riżultat ta’ elezzjonijiet ġenwini; jifformulaw, f’dan ir-rigward, strateġija globali komprensiva tal-UE biex tiġġieled l-għodod li dawn ir-reġimi jużaw biex jilleġittimizzaw l-elezzjonijiet, bħal osservaturi foloz u gruppi ta’ osservazzjoni elettorali paralleli, inkluż mill-Istati Membri tal-UE u l-istituzzjonijiet tal-UE, bħal ċerti Membri tal-Parlament Ewropew, minflok missjonijiet internazzjonali standardizzati; jiżguraw li din l-istrateġija tmur lil hinn mid-djalogu u d-dikjarazzjonijiet ta’ tħassib tal-UE, u tkun maħsuba biex ittejjeb l-istandards tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-pajjiżi kkonċernati; jaħdmu ma’ pajjiżi demokratiċi biex isaħħu l-istituzzjonijiet internazzjonali sabiex jevitaw li reġimi awtokratiċi u illiberali jinfiltrawhom u jużawhom għall-finijiet tagħhom stess;
   (j) isaħħu r-rabta bejn il-ħidma ta’ osservazzjoni elettorali u l-appoġġ usa’ tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija bl-użu ta’ għodod politiċi, kummerċjali u ta’ kooperazzjoni; jikkunsidraw strateġiji awtoritarji ta’ leġittimizzazzjoni elettorali bħala sintomi bikrija ta’ tendenzi mhux demokratiċi sottostanti u jirreaġixxu kif xieraq; jiġġieldu kontra narrattivi awtoritarji li jpoġġu s-sigurtà u d-demokrazija f’kuntrast, u b’hekk jillimitaw il-libertajiet fundamentali taħt il-pretest tas-sigurtà tal-istat, u t-tentattivi ta’ reġimi awtokratiċi u illiberali biex jisfruttaw oqsma ta’ politika bħall-klima, l-isport u l-iżvilupp internazzjonali biex isaħħu b’mod falz il-leġittimità tagħhom;
   (k) jiġġieldu l-isforzi tar-reġimi awtokratiċi u illiberali biex joħolqu perċezzjonijiet interni foloz tal-ġenwinità tal-elezzjonijiet foloz tagħhom; jagħtu attenzjoni partikolari lill-abbużi mit-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u mill-intelliġenza artifiċjali relatati mal-manipulazzjoni tal-elezzjonijiet, li r-reġimi awtokratiċi u illiberali qed iwettqu dejjem aktar sabiex jaffettwaw b’mod negattiv il-parteċipazzjoni billi jxerrdu propaganda u diżinformazzjoni u billi jimplimentaw restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-ideat u l-kandidati tal-oppożizzjoni;
   (l) jimmonitorjaw u jiddenunzjaw ir-rwol tal-kumpaniji privati li jispeċjalizzaw f’kampanji ta’ diżinformazzjoni u joffru li jindaħlu b’mod moħbi fl-elezzjonijiet u jimmanipulaw l-opinjoni pubblika f’pajjiżi mhux tal-UE; jieħdu azzjoni effettiva biex jiżguraw li l-affarijiet pubbliċi bbażati fl-UE, il-media u l-kumpaniji online ma jinvolvux ruħhom f’tali mġiba u minflok jirrispettaw b’mod strett id-dritt għall-privatezza u jżommu l-istess livell ta’ protezzjoni tad-data fil-pajjiżi sħab li huma meħtieġa jirrispettaw fl-UE skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data(1), b’mod partikolari matul il-kampanji elettorali; jiżguraw li dawn il-kumpaniji jirrispettaw il-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u jinżammu responsabbli meta jonqsu milli jagħmlu dan;
   (m) jindirizzaw l-użu ta’ osservaturi elettorali preġudikati biex jippruvaw jiskreditaw il-ħidma ta’ missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali internazzjonali u tal-UE ġenwini;
   (n) jirrikonoxxu r-rwol kruċjali tas-soċjetà ċivili biex tiddenunzja l-elezzjonijiet foloz u tiddeleġittimizzahom f’għajnejn il-popolazzjonijiet lokali; jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili indipendenti, lill-forzi tal-oppożizzjoni demokratika, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-media, inkluż permezz ta’ strateġiji ta’ bini tal-kapaċità u ta’ komunikazzjoni, u billi jiġbru data dwar il-ksur tad-dritt ta’ parteċipazzjoni f’elezzjonijiet ġenwini; jenfasizzaw li t-trasparenza rigward il-finanzjament tal-media u l-media verament ħielsa u indipendenti huma kruċjali għall-prevenzjoni ta’ influwenza mhux xierqa;
   (o) jappoġġaw, fiċ-ċiklu elettorali sħiħ, lill-osservaturi tal-elezzjonijiet lokali li l-attivitajiet tagħhom isaħħu t-twemmin tan-nies li d-dritt ta’ parteċipazzjoni tagħhom f’elezzjonijiet ġenwini se jiġi rrispettat, u jikkundannaw bl-aktar mod b’saħħtu l-attakki kontrihom; jappoġġaw networks reġjonali u globali ta’ osservaturi taċ-ċittadini li jipprovdu solidarjetà, bini ta’ kapaċità u skambji ta’ esperjenza ma’ gruppi lokali, li jistgħu jgħinu fil-ġlieda kontra l-isforzi minn reġimi awtokratiċi u illiberali biex jilleġittimizzaw l-elezzjonijiet ta’ xulxin;
   (p) jinkorporaw l-informazzjoni dwar elezzjonijiet ġenwini u d-dritt tan-nies li jipparteċipaw fihom, inkluż dwar id-dritt tal-minoranzi kollha li jivvutaw, fil-kuntest tal-appoġġ għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni fil-proġetti taħt l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali u l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni, inkluż appoġġ għall-osservaturi elettorali bħala difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jappoġġaw il-Kampus Globali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem biex jintlaħaq dak l-għan; jappoġġaw programmi li għandhom l-għan li jtejbu l-qafas leġiżlattiv u amministrattiv għall-elezzjonijiet f’pajjiżi mhux tal-UE, inkluż permezz ta’ appoġġ għall-kummissjonijiet elettorali nazzjonali;
   (q) jagħmlu użu mis-sett ta’ għodod tad-diplomazija kulturali u tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali tal-UE biex isaħħu d-dritt ta’ parteċipazzjoni, jiġġieldu n-narrattivi tar-reġimi awtokratiċi u illiberali biex jippruvaw jilleġittimizzaw l-elezzjonijiet foloz u jsaħħu l-kultura demokratika universali; jibnu tali kooperazzjoni fuq sħubijiet ġenwini, speċjalment minħabba li l-iżgurar tat-trasparenza elettorali, it-twaqqif tal-indħil barrani u t-titjib tad-demokraziji huma ħidma li għadha għaddejja, u li tirrikjedi soluzzjonijiet kuraġġużi, innovattivi u konġunti;
   (r) jipprovdu aktar appoġġ għal inizjattivi relatati mat-taħriġ dwar l-osservazzjoni elettorali u l-bini tal-għarfien fil-livell lokali, reġjonali u internazzjonali u mal-involviment mal-media lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jenfasizzaw l-importanza tal-appoġġ u l-bini tal-kapaċità għall-osservaturi elettorali lokali biex jiżguraw approċċ aktar sostenibbli għall-bini tad-demokrazija;
   (s) jappoġġaw il-Grupp għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet tal-Parlament u l-ħidma tiegħu, speċjalment fil-qafas tal-osservazzjoni elettorali; jivvalutaw kif jindirizzaw ix-xenarju dejjem aktar frekwenti ta’ pajjiżi li qed jirrifjutaw li jistiednu lill-UE tosserva l-elezzjonijiet tagħhom;
   (t) jimmonitorjaw mill-qrib l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE u tal-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) u jinkluduhom bħala parti essenzjali mill-qafas ġenerali għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiż ikkonċernat; isegwu b’mod adegwat ir-rakkomandazzjonijiet tal-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE, b’involviment akbar mill-Parlament; jiżguraw li d-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-UE relatati mal-elezzjonijiet f’pajjiżi mhux tal-UE jkunu strettament konformi mal-valuri tal-UE fl-oqsma tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-elezzjonijiet u jkunu konsistenti mas-sejbiet tal-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE;
   (u) jindirizzaw id-dritt ta’ parteċipazzjoni u l-aspetti l-oħrajn kollha relatati mal-integrità elettorali f’pajjiżi mhux tal-UE permezz ta’ djalogi tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem; jiżguraw li dawk id-djalogi jkunu kkomplementati minn segment li jinvolvi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili indipendenti;
   (v) jużaw ir-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Att Magnitsky tal-UE) għal persuni responsabbli għal ksur serju tad-dritt ta’ parteċipazzjoni u ta’ standards elettorali demokratiċi, u jagħmlu użu ulterjuri mill-miżuri restrittivi tal-UE biex jissanzjonaw lil dawk li gradwalment u bil-moħbi jimminaw id-demokrazija u l-istat tad-dritt f’pajjiżi mhux tal-UE; jiżguraw li s-sospensjoni ta’ dawn il-miżuri restrittivi tiddependi minn titjib reali fid-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-pajjiż ikkonċernat; jikkunsidraw l-iżvilupp ta’ miżuri effettivi u dissważivi kontra persuni involuti f’missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali foloz, inklużi membri tal-parlamenti nazzjonali, politiċi mill-Istati Membri tal-UE u Membri tal-Parlament Ewropew;
   (w) jirrikonoxxu r-rwol tal-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-ODIHR tal-UE u tal-OSKE – inkluż ir-rwol tal-Parlament – biex jagħtu evidenza dwar jekk l-elezzjonijiet humiex ġenwini u jtejbu aktar din l-għodda, inkluż billi jsaħħu l-viżibbiltà tagħha, jikkundannaw missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali foloz u jsaħħu l-istrateġija ta’ komunikazzjoni kemm qabel kif ukoll wara l-elezzjonijiet; iżidu l-appoġġ għal missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali fit-tul, peress li xi wħud mill-ksur l-aktar serju tal-proċessi elettorali jseħħu qabel il-jum tal-votazzjoni; iħejju lill-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE b’għarfien espert tekniku u riżorsi xierqa u aġġornati għall-monitoraġġ adegwat tal-aspetti relatati mar-riskji l-ġodda involuti fl-użu ta’ teknoloġiji ġodda ta’ informazzjoni u komunikazzjoni elettorali;
  

Azzjonijiet tal-UE fil-fora internazzjonali

   (x) jippromwovu kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib bejn il-pajjiżi demokratiċi, l-istituzzjonijiet multilaterali, bħall-ODIHR tal-OSKE u l-Kunsill tal-Ewropa, u l-organizzazzjonijiet li approvaw id-Dikjarazzjoni ta’ Prinċipji għall-Osservazzjoni Internazzjonali tal-Elezzjonijiet tan-NU bħala mezz biex tiġi miġġielda l-leġittimizzazzjoni ta’ elezzjonijiet foloz u osservaturi foloz b’mod aktar effettiv fil-fora internazzjonali, b’mod partikolari n-NU;
   (y) javvanzaw l-idea li jiġu żviluppati linji gwida dwar id-dritt ta’ parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, bl-involviment akbar tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali; jivvalutaw il-fattibbiltà tal-iżvilupp u s-sistematizzazzjoni ulterjuri tal-Kumment Ġenerali Nru 25 għall-Artikolu 25 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi bħala evidenza tar-rabta bejn id-dritt ta’ parteċipazzjoni u d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija sabiex jiġu indirizzati sfidi ġodda, inklużi d-diżinformazzjoni online u ż-żieda fl-awtoritarjaniżmu;
   (z) jikkundannaw ix-xkiel għall-istandards żviluppati internazzjonalment bħala parti mill-isforzi ta’ leġittimizzazzjoni elettorali; jagħtu attenzjoni partikolari lin-narrattivi li jressqu ’l quddiem valuri alternattivi bħala s-sors ta’ leġittimità għal elezzjonijiet mhux ġenwini, bħas-supremazija normattiva tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq standards żviluppati internazzjonalment, valuri reliġjużi u tradizzjonali, idjosinkraziji kulturali jew aġendi li jpoġġu l-iżvilupp fuq quddiem;
   (aa) imexxu l-isforzi biex tingħata aktar viżibbiltà lid-Dikjarazzjoni ta’ Prinċipji għall-Osservazzjoni Internazzjonali tal-Elezzjonijiet tan-NU u l-ħidma ta’ dawk l-organizzazzjonijiet li approvawha u li huma attivi fl-osservazzjoni elettorali; jikkunsidraw jitolbu li tiġi aġġornata l-lista ta’ organizzazzjonijiet li approvaw id-Dikjarazzjoni ta’ Prinċipji għall-Osservazzjoni Internazzjonali tal-Elezzjonijiet tan-NU, bil-ħsieb li jsaħħu l-kredibbiltà tagħha u jistabbilixxu mod ċar ta’ kif issir distinzjoni bejn gruppi ta’ osservazzjoni ġenwini u osservaturi foloz; jieħdu approċċ simili għan-Network Globali ta’ Osservaturi Elettorali Domestiċi; jesploraw modi biex ixekklu l-leġittimità ta’ organizzazzjonijiet paralleli u osservaturi foloz;
   (ab) jippromwovu l-identifikazzjoni espliċita ta’ osservaturi elettorali internazzjonali u nazzjonali mhux partiġġjani bħala difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-fora multilaterali rilevanti u bħala parti mill-kuntatt tal-UE ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra u jinsistu fuq il-protezzjonijiet meħtieġa għal osservaturi elettorali mhux partiġġjani, sabiex ikunu jistgħu jwettqu dmirijiethom b’mod indipendenti u sikur;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.

(1) Ir-Regolament (EU) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Frar 2024Avviż legali - Politika tal-privatezza