Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Novembru 2023 dwar l-effikaċja tas-sanzjonijiet tal-UE fuq ir-Russja (2023/2905(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u l-Ukrajna, b’mod partikolari minn mindu l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna eskalat fi Frar 2022,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra l-11-il pakkett konsekuttiv ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja li ġew adottati mill-UE minn Frar 2022 ’il quddiem,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2332 tat-28 ta’ Novembru 2022 dwar l-identifikazzjoni tal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni bħala qasam ta’ kriminalità li jissodisfa l-kriterji speċifikati fl-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea(1),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu tas-7 ta’ Lulju 2023 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u ta’ pieni għall-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi, mill-24 ta’ Frar 2022, meta r-Russja varat mill-ġdid il-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata, mhux ġustifikata u illegali tagħha kontra l-Ukrajna, is-sitwazzjoni ġeopolitika fl-Ewropa nbidlet b’mod fundamentali; billi l-forzi tar-Russja wettqu attakki indiskriminati kontra żoni residenzjali u infrastruttura ċivili u qatlu eluf ta’ ċivili Ukreni, iddeportaw bil-forza u tefgħu l-ħabs illegalment ċittadini Ukreni fir-Russja u fit-territorji tal-Ukrajna okkupati mir-Russja u wettqu atti ta’ terrur fil-pajjiż kollu;
B. billi, minn mindu r-Russja invadiet b’mod estensiv lill-Ukrajna fi Frar 2022, l-UE imponiet 11-il pakkett ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja bl-għan li ddgħajjef il-bażi ekonomika tagħha u b’hekk tillimita l-kapaċità tagħha li tmexxi gwerra, inklużi miżuri restrittivi kontra kważi 1 800 individwu u entità responsabbli għall-gwerra fl-Ukrajna jew involuti fiha, projbizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet ta’ bosta oġġetti u servizzi mir-Russja bħaż-żejt u l-materja prima, u projbizzjoni fuq l-esportazzjonijiet lejn ir-Russja ta’ armi, tagħmir militari u oġġetti b’użu doppju; billi s-sanzjonijiet jinkludu wkoll projbizzjoni fuq it-tranżazzjonijiet kollha mal-Bank Ċentrali tar-Russja, l-esklużjoni ta’ banek Russi ewlenin mis-sistema ta’ messaġġi finanzjarji SWIFT u s-sospensjoni tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni ta’ ċerti stabbilimenti ta’ diżinformazzjoni Russi proprjetà tal-Istat jew appoġġjati mill-Istat;
C. billi, barra minn hekk, il-Kunsill impona miżuri restrittivi fl-ambitu tar-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem fuq diversi individwi responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa u fit-territorji tal-Ukrajna li r-Russja okkupat temporanjament; billi l-UE adottat ukoll sanzjonijiet addizzjonali kontra l-Belarussja, b’reazzjoni għall-involviment tagħha fil-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna, u kontra l-Iran, fir-rigward tal-użu ta’ droni Iranjani fil-gwerra tar-Russja;
D. billi l-kejl tal-impatt tas-sanzjonijiet jippreżenta bosta sfidi, inkluż in-nuqqas ta’ ċifri u ta’ statistika affidabbli; billi l-impatt tas-sanzjonijiet tal-UE ma jistax jiġi sseparat faċilment mill-impatt tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti u ta’ sanzjonijiet oħra, il-kontrosanzjonijiet Russi jew l-impatt tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; billi l-biċċa l-kbira tal-esperti jwissu li, għalkemm is-sanzjonijiet qed jaħdmu, l-impatt tagħhom mhuwiex sever biżżejjed biex jillimita l-kapaċità tar-Russja li tmexxi gwerra kontra l-Ukrajna u jitolbu miżuri addizzjonali biex jiżdiedu l-kamp ta’ applikazzjoni tas-sanzjonijiet u l-infurzar tagħhom; billi, għalkemm is-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja huma bla preċedent, l-impatt fuq l-ekonomija Russa s’issa jidher li huwa iżgħar milli kien previst fil-bidu u hemm sinjali inkwetanti li l-effikaċja tas-sanzjonijiet qiegħda tnin; billi s-sanzjonijiet kontra r-Russja ġiegħlu u għadhom qed iġiegħlu lil dawk li jinsabu fil-mira tagħhom ifittxu persistentement soluzzjonijiet alternattivi onerużi;
E. billi l-Istati Membri tal-UE, flimkien mal-Koalizzjoni għal-Limitu Massimu tal-Prezzijiet, introduċew limiti massimi tal-prezzijiet fuq iż-żejt mhux maħdum li jinġarr bil-baħar, fuq iż-żjut tal-petroleum u fuq iż-żjut miksuba minn minerali bituminużi li joriġinaw mir-Russja jew li jiġu esportati minnha; billi ffissaw dawn il-limiti massimi tal-prezzijiet fil-livell ta’ USD 60 għal kull barmil għaż-żejt mhux maħdum, USD 45 għal kull barmil għall-prodotti tal-petroleum bi skont u USD 100 għal kull barmil għall-prodotti tal-petroleum primjum; billi studji varji jistmaw li l-ispejjeż tal-produzzjoni għaż-żejt mhux maħdum Russu għal kull barmil huma ta’ madwar USD 15 u għad-diżil USD 20; billi, għalhekk, il-limiti massimi attwali tal-prezzijiet għadhom qed jippermettu profitti sinifikanti għar-reġim ta’ Putin;
F. billi d-dħul tar-Russja mill-esportazzjonijiet taż-żejt u tal-gass naqas bi 38 % bejn Jannar 2022 u Jannar 2023; billi s-sehem tar-Russja fid-domanda Ewropea għall-gass naqas minn 45 % fl-2021 għal 23 % fl-2022 u għal anqas minn 10 % f’Jannar 2023; billi, skont ir-rapporti, il-volum tal-produzzjoni Russa ta’ gass naturali likwifikat (LNG) żdied għal livelli rekord; billi, minkejja s-sanzjonijiet tal-UE fuq il-faħam Russu, il-produzzjoni tiegħu żdiedet b’0,3 % meta mqabbla mal-2021, u laħqet livell rekord; billi, sa mill-bidu tal-gwerra, ir-Russja kisbet EUR 532 biljun fi dħul mill-esportazzjonijiet tal-fjuwils fossili, li minnhom ix-xiri min-naħa tal-Istati Membri kien jammonta għal aktar minn EUR 178 biljun; billi, fl-2022 biss, id-dħul mir-riżorsi tal-enerġija Russi ammonta għal USD 321 biljun;
G. billi, minn Awwissu 2023 ’il quddiem, ħareġ biċ-ċar li r-Russja qed tfittex modi ġodda għaċ-ċirkomvenzjoni tal-limitu massimu tal-prezzijiet fuq is-sanzjonijiet fil-konfront taż-żejt, u l-prezzijiet taż-żejt Russu fis-swieq globali bdew jogħlew; billi r-Russja kienet kapaċi tidderieġi mill-ġdid l-esportazzjonijiet taż-żejt mhux maħdum mill-Ewropa lejn swieq alternattivi bħall-Indja, iċ-Ċina u t-Turkija; billi l-importazzjonijiet tal-UE mill-Indja u minn nazzjonijiet oħra ta’ prodotti tal-petroleum magħmula biż-żejt Russu żdiedu bil-qawwi, u dan qed joħloq rotta alternattiva għaż-żejt Russu u jdgħajjef l-impatt tas-sanzjonijiet tal-UE; billi l-bastimenti tal-UE ttrasportaw l-ogħla proporzjon ta’ żejt mhux maħdum Russu kemm fl-2022 kif ukoll fl-2023; billi, fl-2022, is-sehem tad-dħul mill-esportazzjonijiet tar-riżorsi tal-enerġija ammonta għal terz tal-introjtu totali fil-baġit tal-Federazzjoni Russa; billi s-sanzjonijiet fuq l-esportazzjoni tar-riżorsi tal-enerġija Russi qed ikollhom impatt qawwi fuq id-dħul mill-Istat Russu; billi, wara l-introduzzjoni tal-limitu massimu tal-prezzijiet fuq iż-żejt f’Diċembru 2022, l-introjtu tar-Russja mill-esportazzjoni tar-riżorsi tal-enerġija naqas b’mod sinifikanti meta mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-gwerra; billi d-dħul tar-Russja miż-żejt reġa’ għola fl-ewwel nofs tal-2023, u żdied għall-ogħla livell minn Novembru 2022 ’il quddiem;
H. billi x-xiri min-naħa tal-Istati Membri tal-UE ta’ LNG Russu jew ta’ żejt ta’ oriġini Russa minn pajjiżi mhux tal-UE mhuwiex ristrett u bħalissa qed jaqbeż sew il-livelli osservati qabel Frar 2022; billi r-Russja hija t-tieni l-akbar fornitur ta’ LNG tal-UE, wara l-Istati Uniti biss; billi ż-żieda fl-importazzjonijiet tal-LNG mir-Russja tmur kontra l-għan tal-UE li ttemm id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili Russi; billi r-Russja għadha qed iddaħħal madwar EUR 690 miljun kuljum mill-esportazzjonijiet tagħha tal-fjuwils fossili (data minn Awwissu 2023); billi l-UE għadha qed tibgħat EUR 2 biljun fix-xahar lir-Russja għall-fjuwils fossili; billi, minħabba li l-importazzjonijiet tal-gass bil-pipeline u tal-LNG għadhom għaddejjin, kif ukoll minħabba eċċezzjonijiet varji għall-projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni taż-żejt mhux maħdum u tal-prodotti taż-żejt, l-UE għadha waħda mill-akbar klijenti tar-Russja għall-fjuwils fossili;
I. billi, skont iċ-ċifri uffiċjali Russi, l-ekonomija Russa allegatament ċkienet bi 2,1 % biss fl-2022, ħafna anqas milli kien mistenni, minkejja l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna u s-sanzjonijiet internazzjonali; billi l-Fond Monetarju Internazzjonali jbassar, abbażi taċ-ċifri uffiċjali Russi, li l-ekonomija Russa se tikber bi 2,2 % fl-2023 u b’1,1 % fl-2024; billi r-Russja ħabbret li, fl-2024, il-baġit tagħha għad-difiża se jiżdied bi kważi 70 % u se jilħaq l-ammont ta’ EUR 107 biljun, jew 6 % tal-PDG (żieda apparagun tal-ammont ta’ EUR 63 biljun, jew 3,9 % tal-PDG, fl-2023);
J. billi, madankollu, fl-1 ta’ Novembru 2023, il-President Russu talab lill-uffiċjali jindirizzaw il-kwistjoni tal-inflazzjoni għolja u wissa li l-ekonomija Russa qed tiffaċċja pressjoni akbar mis-sanzjonijiet tal-Punent; billi l-inflazzjoni għadha għolja fir-Russja, u qed tiżdied hekk kif l-ekonomija qed tiffaċċja rublu aktar dgħajjef u żieda fl-infiq militari fuq l-offensiva fl-Ukrajna;
K. billi l-importazzjonijiet tal-UE mir-Russja naqsu minn Frar 2022 ’il quddiem; billi, minkejja s-sanzjonijiet, fil-prattika xi Stati Membri żiedu l-kummerċ mar-Russja minn Frar 2022 ’il hawn;
L. billi għadd ta’ kumpaniji tal-UE jgawdu minn derogi skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014(2) u, għalhekk, qed ikomplu jwettqu attivitajiet ta’ negozju ma’ entitajiet Russi li huma taħt sanzjonijiet finanzjarji u kummerċjali; billi l-kompetenza tal-għoti tad-derogi tappartjeni lill-awtoritajiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-UE jiġu sempliċement infurmati dwar id-derogi mogħtija, mingħajr il-kapaċità li jikkontestawhom; billi l-Parlament u istituzzjonijiet oħra ma għandhomx aċċess għal dik l-informazzjoni essenzjali; billi din il-prattika ta’ deroga tnaqqas b’mod konsiderevoli l-impatt mixtieq tas-sanzjonijiet tal-UE, u b’hekk iċċaħħad waħda mill-għodod ewlenin tal-politika barranija tal-UE mill-effikaċja u mill-kredibbiltà tagħha;
M. billi, f’tentattiv biex tiġġieled is-sanzjonijiet, ir-Russja rrikorriet għand pajjiżi li ma imponewx sanzjonijiet fuqha biex tfittex teknoloġija u prodotti oħra; billi r-relazzjonijiet dejjem aktar mill-qrib bejn ir-Russja u ċ-Ċina, kemm f’termini ta’ kummerċ fl-enerġija u fl-oġġetti b’użu doppju, kif ukoll ta’ appoġġ diplomatiku u strateġiku, fixklu l-impatt tas-sanzjonijiet tal-UE fuq ir-Russja; billi l-kummerċ tar-Russja maċ-Ċina laħaq livelli rekord fl-2022 u fl-2023; billi ċ-Ċina issa hija s-sors ta’ madwar nofs l-importazzjonijiet tar-Russja, żieda minn kwart qabel il-gwerra; billi l-volum tal-kummerċ tar-Russja mal-Indja u mat-Turkija żdied ukoll b’mod sinifikanti;
N. billi diversi analiżijiet tal-armi Russi maqbuda wrew li r-Russja qed tkompli timporta komponenti kritiċi tal-Punent minħabba l-kapaċità tagħha li ssib fornituri u rotot alternattivi, tant li l-importazzjonijiet ta’ oġġetti ewlenin bħas-semikondutturi saħansitra qed jilħqu livelli li jaqbżu dawk ta’ qabel is-sanzjonijiet; billi diversi pajjiżi li ma imponewx sanzjonijiet, bħaċ-Ċina, it-Turkija, l-Emirati Għarab Magħquda, il-Każakistan, il-Kirgiżistan, xi pajjiżi mill-Kawkasu tan-Nofsinhar u s-Serbja, saru rotot ta’ tranżitu li permezz tagħhom l-entitajiet Russi jirridirezzjonaw il-prodotti li jimportaw mill-UE lejn ir-Russja jew jipprovdu rotot alternattivi għall-importazzjonijiet ta’ oġġetti b’użu doppju u teknoloġija u tagħmir magħmulin barra mill-pajjiż;
O. billi, f’Diċembru 2022, l-UE ħatret lil David O’Sullivan bħala Mibgħut Speċjali Internazzjonali għall-Implimentazzjoni tas-Sanzjonijiet tal-UE; billi għodda speċifika kontra ċ-ċirkomvenzjoni ġiet inkluża fl-aħħar pakkett ta’ sanzjonijiet, adottat f’Ġunju 2023;
P. billi Rosatom u s-settur tal-enerġija nukleari Russu għadhom mhumiex inklużi fil-pakketti ta’ sanzjonijiet; billi Rosatom, permezz tas-sussidjarji tagħha, qed tipprovdi importazzjonijiet kritiċi ta’ teknoloġiji u materjali lill-kumpless militari u industrijali Russu; billi, matul il-perjodu 2022-2023, l-Istati Membri għamlu progress sinifikanti fit-tnaqqis tad-dipendenza tagħhom fuq l-industrija nukleari Russa;
Q. billi, fit-2 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal direttiva dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u ta’ pieni għall-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni(3), bil-għan li jiġu ffaċilitati l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-ikkastigar ta’ ksur tas-sanzjonijiet tal-UE fl-Istati Membri kollha;
R. billi r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni Russi li qed jgħixu fl-eżilju fl-UE batew minħabba l-impatt sproporzjonat ta’ xi wħud mis-sanzjonijiet fuq il-ħajja tagħhom ta’ kuljum b’modi li ma jikkorrispondux mal-objettiv tal-politika ta’ sanzjonijiet tal-UE u minflok qed jagħmlu ħsara lill-kredibbiltà tal-UE;
1. Jikkundanna mill-ġdid bl-aktar mod qawwi l-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata, illegali u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-involviment tar-reġim ta’ Lukashenka fil-Belarussja; jistieden mill-ġdid lir-Russja ttemm minnufih l-attivitajiet militari kollha fl-Ukrajna u tirtira mingħajr kundizzjonijiet il-forzi kollha u t-tagħmir militari kollu mit-territorju kollu tal-Ukrajna rikonoxxut internazzjonalment, ittemm id-deportazzjonijiet furzati tagħha ta’ ċivili Ukreni u teħles lill-Ukreni kollha detenuti u deportati, b’mod partikolari lit-tfal;
2. Jissottolinja li l-objettiv tas-sanzjonijiet tal-UE b’reazzjoni għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna huwa li jdgħajfu b’mod strateġiku l-bażi ekonomika u industrijali Russa, b’mod partikolari l-kumpless militari u industrijali, sabiex jikkompromettu l-kapaċità tal-Federazzjoni Russa li tkompli tmexxi l-gwerra, li tattakka l-popolazzjoni ċivili u li tikser l-integrità territorjali tal-Ukrajna, kif ukoll ifixklu l-aċċess tar-Russja għat-teknoloġiji u l-komponenti militari u jimmiraw lejn l-eliti politiċi u ekonomiċi Russi biex idgħajfu l-appoġġ tagħhom għar-reġim;
3. Ifakkar li l-effikaċja tas-sanzjonijiet internazzjonali tiddependi mis-sodezza, mill-koeżjoni, mill-kooperazzjoni, mill-onestà u mir-rispett għall-impenji tal-Istati li jkunu adottaw tali sanzjonijiet; jistieden lill-Istati Membri jidentifikaw b’mod ċar l-assi barranin Russi sanzjonati li qed jinżammu fil-ġuriżdizzjonijiet tagħhom u jiżguraw li dawn jitneħħew b’mod effettiv mill-portata tal-entitajiet Russi; jenfasizza l-ħtieġa ta’ approċċ aktar armonizzat u trasparenza akbar dwar ir-rappurtar tal-ammont ta’ assi ffriżati u tal-post fejn jinsabu;
4. Jissottolinja li, peress li s-sanzjonijiet tal-UE fuq ir-Russja huma strument ta’ politika barranija li għandu l-għan li jtemm gwerra illegali, iċ-ċirkomvenzjoni ta’ tali restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti kritiċi għall-gwerra f’ċerti każijiet gravi tista’ titqies u titressaq quddiem il-ġustizzja bħala kompliċità fid-delitti tal-gwerra tar-Russja;
5. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsaħħu u jiċċentralizzaw, fil-livell tal-UE, is-sorveljanza tal-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet u jiżviluppaw mekkaniżmu ta’ prevenzjoni u monitoraġġ taċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet biex jillimitaw il-kapaċità tar-Russja li tevita s-sanzjonijiet; jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jikkooperaw aktar mill-qrib dwar l-investigazzjonijiet ta’ ksur u ta’ ċirkomvenzjoni ta’ sanzjonijiet u juru l-konsegwenzi ta’ tali ksur billi jipprevjenu u/jew jipprosegwixxu b’mod dinamiku u vigoruż il-ksur tas-sanzjonijiet tal-UE; jitlob, f’dan ir-rigward, lill-istituzzjonijiet tal-UE jilħqu ftehim malajr dwar direttiva ambizzjuża dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u ta’ pieni għall-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni; jissottolinja li l-pieni għandhom jibqgħu proporzjonati iżda ħorox biżżejjed biex ikollhom effett ta’ deterrent; jistieden lill-Kunsill Ewropew jadotta deċiżjoni li tespandi s-setgħat tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew biex jinkludi r-reat ta’ ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, li tagħti lok għal armonizzazzjoni akbar u prosekuzzjoni konsistenti u uniformi ta’ tali reati fl-UE kollha;
6. Jesprimi t-tħassib serju dwar il-kummerċ li għaddej ta’ oġġetti sanzjonati li huma kritiċi għall-gwerra bejn l-Istati Membri u r-Russja; jiddeplora n-nuqqas serju ta’ kultura ta’ konformità fir-rigward tas-sanzjonijiet tal-UE fuq ir-Russja; jikkundanna l-prattika li fiha l-oġġetti sanzjonati mill-UE jinbiegħu lil kumpaniji jew individwi minn pajjiżi mhux tal-UE u mbagħad jintbagħtu direttament mill-UE lejn ir-Russja; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jistabbilixxu sistemi li permezz tagħhom l-informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet tista’ tiġi kondiviża b’mod aktar effikaċi sabiex jittejjeb l-infurzar tas-sanzjonijiet relatati ma’ oġġetti militari u b’użu doppju; jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jipprovdu l-informazzjoni u l-assistenza meħtieġa lill-kumpaniji sabiex itejbu l-konformità mas-sanzjonijiet tal-UE u jikkollaboraw mal-kumpaniji li l-prodotti tagħhom qed jiġu esportati lejn ir-Russja sabiex jiġi mminimizzat ir-riskju li jiksru mingħajr ma jafu l-kontrolli tal-esportazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jinvestigaw bir-reqqa l-konformità tal-kumpaniji mar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni għall-oġġetti elenkati u jimponu penali dissważivi;
7. Jistieden lill-Istati Membri jespandu l-kontrolli tal-esportazzjoni biex ikopru aktar kategoriji ta’ oġġetti, jallinjaw il-kontrolli tal-esportazzjoni bejn il-ġuriżdizzjonijiet u jinfurzaw il-miżuri b’mod konsistenti biex jingħalqu l-lakuni; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jieħdu miżuri partikolari biex jipprevjenu li prodotti tat-teknoloġija avvanzata li qed jiġu esportati lejn pajjiżi mhux tal-UE jispiċċaw fir-Russja, u jimmonitorjaw b’mod kostanti l-iżviluppi sabiex jidentifikaw kif jaħdmu l-iskemi ta’ ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet u jadattaw ir-reġimi ta’ sanzjonijiet kif xieraq;
8. Iħeġġeġ lill-kumpaniji mill-UE u mill-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali tal-UE jirtiraw l-operazzjonijiet tagħhom mir-Russja u jeżerċitaw diliġenza partikolari meta jesportaw oġġetti li huma pprojbiti milli jiġu esportati lejn ir-Russja; jenfasizza li l-kumpaniji tal-UE u s-sussidjarji tagħhom li jinstabu li qed jiksru l-miżuri restrittivi tal-UE għandhom ikunu ineliġibbli għall-finanzjament, inkluż għal offerti u forom oħra ta’ finanzjament bħala parti mill-Faċilità għall-Ukrajna u għal programmi oħra ta’ rikostruzzjoni fl-Ukrajna; iqis li l-kumpaniji li jużaw derogi mill-applikazzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja, u, bħala tali, li jkomplu attivitajiet ta’ negozju mar-Russja, ma għandhomx jibbenefikaw minn fondi tal-UE, minn assistenza teknika jew minn parteċipazzjoni fi proġetti ffinanzjati mill-UE; iqis li dawn il-kumpaniji għandhom jitqiegħdu awtomatikament fuq is-Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni u li l-istatus tagħhom fuq l-għodda għall-kejl tar-riskju Arachne għandu jiġi aġġornat kif xieraq; jemmen li l-istess prinċipju għandu japplika, mutatis mutandis, għall-akkwist pubbliku, fejn id-dipartimenti tal-gvern jew l-awtoritajiet lokali ma għandhomx jitħallew jixtru xogħol, oġġetti jew servizzi minn kumpaniji li jidderogaw mis-sanzjonijiet tal-UE skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014;
9. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jtejbu l-komunikazzjoni strateġika tal-UE dwar is-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja u jiġġieldu d-diżinformazzjoni dwarhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi biex jinfurmaw lill-pubbliku ġenerali dwar il-miżuri restrittivi tal-UE kontra r-Russja, b’mod partikolari l-objettiv tagħhom, u biex f’dan ir-rigward jużaw l-esperjenza tal-Mibgħut tas-Sanzjonijiet tal-UE biex jikkonvinċu lis-sħab internazzjonali, lill-organizzazzjonijiet u lill-industriji ewlenin dwar il-ħtieġa li tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tal-isforzi mmirati lejn it-tnaqqis tad-dħul disponibbli għall-kontinwazzjoni tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna;
10. Iħeġġeġ lill-pajjiżi kandidati u lill-pajjiżi kandidati potenzjali kollha għall-adeżjoni mal-UE biex jallinjaw strettament mas-sanzjonijiet tal-UE b’reazzjoni għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna bħala sinjal tat-tħejjija tagħhom biex jassumu l-obbligi tas-sħubija fl-UE;
11. Jikkundanna l-imġiba tal-Istati, tal-fornituri ta’ servizzi legali, ta’ entitajiet u individwi oħra li jgħinu lir-Russja tevita l-effetti tas-sanzjonijiet tal-UE; ifakkar li l-ksur tas-sanzjonijiet jirrappreżenta reat fil-livell tal-UE, u għandu impatt serju fuq l-interessi finanzjarji tal-UE; jitlob lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE, inkluż lill-Mibgħut tas-Sanzjonijiet tal-UE, biex jintensifikaw il-ħidma tagħhom ħalli jillimitaw l-evażjoni u ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja, li jdgħajfu serjament l-effikaċja tas-sanzjonijiet tal-UE u jostakolaw l-isforzi internazzjonali biex tintemm il-gwerra; jisħaq li l-assi kkonfiskati bħala riżultat ta’ ksur tas-sanzjonijiet iridu jintużaw għall-kumpens tal-vittmi tal-aggressjoni tar-Russja, kif ukoll għar-rikostruzzjoni u għar-riformi tal-infrastruttura, skont il-Faċilità għall-Ukrajna; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jivvalutaw mill-ġdid ir-relazzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi li ma jagħmlux biżżejjed sforzi biex jillimitaw l-evażjoni u ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE fuq ir-Russja, inkluża l-assistenza finanzjarja pprovduta lil dawn il-pajjiżi u kwalunkwe aċċess preferenzjali għas-swieq tal-UE; jinsab imħasseb dwar rapporti li l-Ażerbajġan u pajjiżi oħra jaħbu l-gass Russu; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jużaw l-għodod kollha possibbli biex jikkonvinċu lill-Gvern tal-Ażerbajġan ħalli jieqaf jikkollabora mar-reġim Russu;
12. Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jikkontribwixxu b’mod attiv biex tinżamm l-unità dwar is-sanzjonijiet u għalhekk jitlob li jiġu previsti b’mod sistematiku l-perjodi ta’ tiġdid għar-reġimi kollha ta’ sanzjonijiet relatati mal-azzjonijiet tar-Russja kontra l-Ukrajna ta’ mhux anqas minn 12-il xahar u li jiġu adottati aktar pakketti ta’ sanzjonijiet immirati biex jillimitaw b’mod strateġiku l-kapaċità tar-Russja li tiffinanzja l-kampanja tal-gwerra tagħha; jappoġġja lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà biex ikompli jikkontribwixxi għall-għaqda fit-tul u għal aktar effikaċja billi juża b’mod sħiħ id-dritt tiegħu li jressaq proposti;
13. Jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina l-interpretazzjoni tagħha tas-sanzjonijiet li jwasslu għas-sekwestru u l-konfiska ta’ oġġetti u vetturi għall-użu personali biss; jisħaq li tali konformità żejda tiskredita l-għan u l-istrument tas-sanzjonijiet;
14. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsaħħu u jżidu l-koordinazzjoni dwar l-infurzar tas-sanzjonijiet eżistenti fuq l-esportazzjonijiet taż-żejt Russi; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħlqu bis-sħiħ is-suq tal-UE għall-fjuwils fossili li joriġinaw mir-Russja; jappella għal ittestjar armonizzat tal-oriġini tal-fjuwils fossili, tal-LNG u tal-importazzjonijiet ta’ fjuwils fossili raffinati biex tiġi evitata l-esportazzjoni mill-ġdid tal-enerġija Russa lejn l-UE;
15. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu mal-G7 biex inaqqsu b’mod sostanzjali l-limitu massimu tal-prezz fuq iż-żejt u l-prodotti tal-petroleum Russi, jimponu projbizzjoni sħiħa fuq l-importazzjoni tal-LNG Russu u tal-gass likwifikat miż-żejt fl-UE u fuq l-importazzjoni ta’ fjuwil u prodotti oħra tal-petroleum minn pajjiżi mhux tal-UE jekk dawk il-prodotti jkunu ġew prodotti bl-użu ta’ żejt Russu, u jipprojbixxu l-vjeġġ ta’ esportazzjonijiet taż-żejt u tal-LNG Russi mit-territorju tal-UE; jitlob lill-UE tintroduċi limiti massimi tal-prezzijiet u tal-volum fuq l-importazzjonijiet tal-fertilizzanti mir-Russja u mill-Belarussja fl-UE;
16. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimponu sanzjonijiet fuq il-kumpaniji taż-żejt Russi ewlenin kollha, fuq Gazprombank, fuq is-sussidjarji tagħhom, u fuq il-bordijiet u l-maniġment tagħhom; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jespandu s-sanzjonijiet kontra r-Russja fuq l-importazzjonijiet tal-aluminju u jintroduċu sanzjonijiet kontra l-proġett tal-LNG Arctic-2; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jipproponu restrizzjoni fuq is-servizzi tat-tankers u embargo fuq il-bejgħ ta’ tankers lir-Russja, kif ukoll restrizzjoni fuq is-servizzi ta’ assigurazzjoni Ewropej għat-tankers jekk dawn jintużaw biex jiġi esportat iż-żejt Russu; jistieden lill-pajjiżi tal-Koalizzjoni għal-Limitu Massimu tal-Prezzijiet jipprojbixxu t-trażbord taż-żejt Russu u tal-LNG mill-ilmijiet territorjali tagħhom u miż-żoni ekonomiċi esklużivi; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jsaħħu l-limitu massimu tal-prezz taż-żejt u l-konformità mal-limitu massimu tal-prezz, b’mod partikolari, billi jirrikjedu li l-attestazzjonijiet tal-prezzijiet għall-merkanzija taż-żejt Russa jistgħu jinħarġu biss minn lista bajda ta’ negozjanti approvati u billi jirrikjedu li t-tankers kollha li jgħaddu mill-ilmijiet territorjali Ewropej jivverifikaw li jkollhom assigurazzjoni adegwata kontra t-tixrid taż-żejt (“P&I”);
17. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jespandu s-sanzjonijiet biex jinkludu projbizzjoni sħiħa fuq il-kummerċjalizzazzjoni u l-qtugħ ta’ djamanti ta’ oriġini Russa jew esportati mill-ġdid mir-Russja fl-UE; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jissanzjonaw l-intrapriża tal-istat Alrosa u jintroduċu b’mod wiesa’ sistemi li jintraċċaw l-oriġini tad-djamanti bbażati fuq teknoloġiji ġodda;
18. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jillimitaw, malajr kemm jista’ jkun, il-kooperazzjoni tagħhom ma’ Rosatom, kif ukoll it-tmexxija u s-sussidjarji tagħha, għal dak li huwa strettament meħtieġ għas-sigurtà tal-enerġija tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom jiskrinjaw il-kooperazzjoni eżistenti ma’ Rosatom u jipprovdu appoġġ għas-sostituzzjoni tal-fjuwil, tal-ispare parts u tas-servizzi Russi b’alternattivi possibbli, filwaqt li titqies l-esperjenza ta’ suċċess tal-Ukrajna; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprevjenu l-bastimenti tas-sussidjarja ta’ Rosatom Atomflot milli jidħlu fil-portijiet tal-UE u jsaħħu l-pressjoni internazzjonali biex itemmu l-okkupazzjoni tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Zaporizhzhia u jiżguraw b’mod aktar wiesa’ s-sikurezza tal-impjanti tal-enerġija nukleari affettwati mill-kunflitti; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprojbixxu l-importazzjoni ta’ prodotti nukleari Russi;
19. Jinsab imħasseb dwar il-fatt li r-Russja hija kapaċi tikseb għadd sinifikanti tal-komponenti tal-kompjuter meħtieġa biex tipproduċi missili ballistiċi u missili kruċiera billi tuża l-programm spazjali tagħha (Roscosmos) bħala mezz biex takkwista teknoloġiji b’applikazzjonijiet kemm ċivili kif ukoll militari; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jwaqqfu minnufih il-kunsinni ta’ tali komponenti lir-Russja u jadottaw miżuri addizzjonali li jkomplu jfixklu l-katina tal-provvista militari tar-Russja u jimmiraw lejn atturi esterni li jfittxu li jappoġġjaw l-isforz tal-gwerra tar-Russja, inkluż permezz tal-produzzjoni ta’ droni u missili;
20. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsibu perkorsi legali li jippermettu l-konfiska ta’ assi Russi ffriżati u l-użu tagħhom għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna u l-kumpens għall-vittmi tal-aggressjoni tar-Russja; jilqa’ t-tħabbira mill-Gvern Belġjan dwar it-tassazzjoni tar-rikavat miksub mill-assi immobbilizzati li huma proprjetà tar-Russja miżmuma minn Euroclear;
21. Jitlob li l-miżuri restrittivi kontra l-Belarussja jkunu allinjati bis-sħiħ ma’ dawk attwalment fis-seħħ kontra r-Russja, peress li r-reġim ta’ Lukashenka huwa kompliċi serjament fil-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna;
22. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, flimkien mal-Kummissjoni, iwettaq rieżami komprensiv tas-sanzjonijiet tal-UE b’reazzjoni għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u jippreżenta proposti dwar kif jistgħu jittejbu aktar it-tħejjija, iż-żamma, il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u tal-infurzar tas-sanzjonijiet tal-UE, u l-koordinazzjoni tagħhom mal-alleati trans-Atlantiċi, mas-sħab tal-G7 u tal-G20, ma’ sħab oħra tal-istess fehma u mal-membri tan-NU b’mod ġenerali; itenni l-pożizzjoni tiegħu dwar iż-żamma ta’ kooperazzjoni trans-Atlantika robusta bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar is-sanzjonijiet, l-għeluq ta’ kwalunkwe lakuna li tista’ tippermetti lir-Russja tevita s-sanzjonijiet u tissimplifika l-kontrolli tal-esportazzjoni;
23. Jistieden lill-Kunsill iħaffef il-ħidma tiegħu biex jintlaħaq ftehim għall-adozzjoni rapida tar-regolament propost dwar miżuri restrittivi kontra atti serji ta’ korruzzjoni; jistieden lill-Kunsill jimponi malajr sanzjonijiet fl-ambitu ta’ dan ir-reġim il-ġdid fuq persuni fiżiċi u ġuridiċi responsabbli għal atti ta’ korruzzjoni fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u li għandhom l-għan li jappoġġjaw ir-reġim Russu;
24. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jżidu t-trasparenza u l-professjonaliżmu tagħhom fir-rigward tal-mod li bih jidentifikaw il-persuni li għandhom jiġu mmirati jew meħlusa minn sanzjonijiet personali; itenni li l-modus operandi attwali qed jagħmel ħsara lir-reputazzjoni tar-reġim ta’ sanzjonijiet eżistenti;
25. Jenfasizza li l-effikaċja limitata tas-sanzjonijiet tissottolinja l-ħtieġa ta’ approċċ aktar komprensiv fil-konfront tar-Russja; jitlob, għalhekk, li s-sanzjonijiet tal-UE b’reazzjoni għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna jkunu inkorporati fi strateġija politika u diplomatika komprensiva fil-konfront tar-Russja li tinkludi wkoll appoġġ għall-oppożizzjoni, għas-soċjetà ċivili u għall-media indipendenti u għall-ġurnalisti tar-Russja li huma kontra l-gwerra, il-koordinazzjoni mas-sħab internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-interferenza tar-Russja fil-proċessi demokratiċi u fil-kunflitti internazzjonali, u l-kooperazzjoni multilaterali effikaċi biex jiġi kkumpensat it-tfixkil jew l-abbuż tal-istituzzjonijiet jew tal-mekkaniżmi multilaterali min-naħa tar-Russja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimminimizzaw il-konsegwenzi negattivi għar-rappreżentanti tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili Russi u Belarussi li jinsabu fl-eżilju, peress li dawk il-konsegwenzi ma jikkontribwixxix biex jintlaħaq l-objettiv iddikjarat tas-sanzjonijiet, jiġifieri l-limitazzjoni tal-kapaċità tar-Russja li twettaq il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna;
26. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Gvern u lill-Verkhovna Rada tal-Ukrajna, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u lill-awtoritajiet Russi u Belarussi.
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6).
Il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u ta’ pieni għall-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni (COM(2022)0684).