Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Novembru 2023 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 4/2023 tal-baġit ġenerali tal-2023 - Tnaqqis fl-approrjazzjonijiet ta’ pagament, aġġustamenti oħra u aġġornamenti tekniċi (14622/2023 – C9-0410/2023 – 2023/0367(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(1), u b’mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2023, adottat b’mod definittiv fit-23 ta’ Novembru 2022(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027(3),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda(4),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom(5),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 4/2023, adottat mill-Kummissjoni fil-11 ta’ Ottubru 2023 (COM(2023)0530),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 4/2023, adottata mill-Kunsill fid-9 ta’ Novembru 2023 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fit-13 ta’ Novembru 2023 (14622/2023 – C9-0410/2023),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 94 u 96 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0363/2023),
A. billi l-għan ewlieni tal-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 4/2023 huwa li jaġġorna n-naħa tan-nefqa tal-baġit, fost affarijiet oħra biex jitnaqqsu l-approprjazzjonijiet tal-proġett tar-Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali (ITER) b’EUR 280 000 000 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u b’EUR 264 000 000 f’approprjazzjonijiet ta’ pagament, minħabba dewmien fl-implimentazzjoni, u biex jitnaqqas il-livell ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament għall-Programm Ewropa Diġitali, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni għal ammont totali ta’ EUR 3 000 000 000;
B. billi l-impatt nett globali tal-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 4/2023 fuq in-nefqa jammonta għal tnaqqis ta’ EUR 247 500 000 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ EUR 3 254 800 000 f’approprjazzjonijiet ta’ pagament;
1. Jieħu nota tal-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 4/2023, kif imressaq mill-Kummissjoni;
2. Jenfasizza t-tnaqqis propost għall-proġett ITER, li jiżdied mat-tnaqqis li sar fiż-żmien tan-negozjati tal-baġit 2023 u t-tnaqqis propost mill-Kummissjoni fl-abbozz ta’ baġit 2024; jesprimi tħassib konsiderevoli dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-ITER u jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat bis-sħiħ dwar l-iżviluppi u l-impatt tagħhom fuq il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni u tagħti spjegazzjoni aktar dettaljata tar-raġunijiet għad-dewmien sinifikanti fil-programm;
3. Jesprimi tħassib serju dwar id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-programmi fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) attwali u t-tnaqqis konsegwenti fl-approprjazzjonijiet ta’ pagament; jistieden lill-Istati Membri jkomplu malajr bl-implimentazzjoni, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, biex jiżguraw l-assorbiment sħiħ tal-approprjazzjonijiet disponibbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi evitata kriżi tal-pagamenti fi tmiem il-QFP attwali; ifakkar, fid-dawl ta’ dan, il-proposta tiegħu li jiġi emendat l-Istrument ta’ Marġini Uniku sabiex jitneħħa l-limitu massimu annwali fl-approprjazzjonijiet ta’ pagament għal rikors għal dak l-Istrument bħala parti mir-reviżjoni tal-QFP u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jappoġġaw il-proposta tal-Parlament;
4. Jindika b’mod partikolari t-tnaqqis fl-approprjazzjonijiet ta’ pagament għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) propost mill-Kummissjoni minħabba l-fatt li għadd ta’ fatturi ta’ valur għoli għadhom qed jiġu analizzati u xi rekwiżiti ta’ kundizzjonalità tal-pagamenti għadhom ma ġewx issodisfati għal ċerti proġetti; iqis li tali dewmien huwa problematiku ħafna peress li l-AMIF irid ikun flessibbli u reattiv fil-każ ta’ flussi migratorji; jistieden lill-Kummissjoni tħaffef il-proċess sabiex tkun tista’ tappoġġa bis-sħiħ lill-Istati Membri meta jiffaċċjaw flussi migratorji għoljin;
5. Jilqa’ l-proposta li jiżdied il-livell ta’ approprjazzjonijiet għas-sigurtà tal-bini u tas-sistemi tal-IT tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u li jiġu allokati tmien aġenti temporanji addizzjonali; itenni l-pożizzjoni li ilu jħaddan dwar il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-aġenziji li l-mandat tagħhom ġie estiż jirċievu żieda proporzjonata fil-persunal u fil-baġit;
6. Jieħu nota tal-aġġustamenti proposti mill-Kummissjoni fir-rigward tal-intestatura 7; jenfasizza l-fatt li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jeħtieġu r-riżorsi neċessarji biex ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi legali u kuntrattwali tagħhom flimkien mal-mandat tagħhom; jilqa’ l-isforzi li saru mill-Istituzzjonijiet biex ikopru kważi l-ammonti kollha meħtieġa minħabba r-rata ogħla ta’ aġġornament tas-salarji permezz ta’ riallokazzjonijiet u l-posponiment ta’ investimenti mhux obbligatorji; jieħu nota taż-żieda żgħira meħtieġa fir-rigward tan-nefqa tal-pensjonijiet u l-ammont meħtieġ mill-Iskejjel Ewropej biex ikopru l-ispiża tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija;
7. Iqis li l-Unjoni għandha tipprovdi rispons qawwi għall-ħtiġijiet li qed jiżdiedu b’rata mgħaġġla, b’mod partikolari fir-rigward tal-għajnuna umanitarja, inkluż fil-Lvant Nofsani u l-Kawkasu; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltajiet baġitarji biex tipprovdi appoġġ diġà fl-2023, permezz ta’ abbozz ieħor ta’ baġit emendatorju jew trasferiment;
8. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 4/2023;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 4/2023 ġie adottat b’mod definittiv u biex tiżgura li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.