Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Novembru 2023 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (applikazzjoni ppreżentata mill-Belġju – EGF/2023/002 BE/Makro) (COM(2023)0470 – C9-0369/2023 – (2023/0352(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2023)0470 – C9‑0369/2023),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/691(1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (“ir-Regolament dwar il-FEG”),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027(2), u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda(3), u b’mod partikolari l-punt 9 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0351/2023),
A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta’ bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, u biex tgħinhom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; billi din l-għajnuna hija fornuta permezz ta’ appoġġ finanzjarju li jingħata lill-ħaddiema u lill-kumpaniji li jkunu ħadmu għalihom;
B. billi l-Belġju ppreżenta l-applikazzjoni EGF/2023/002 BE/Makro għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), wara 1 431 sensja(4) fis-settur tal-ekonomija kklassifikati taħt id-Diviżjoni 47 tan-NACE Reviżjoni 2 (Negozju bl-imnut, għajr ta’ vetturi bil-mutur u muturi) fil-Provinċiji ta’ Antwerp, Flanders tal-Lvant, Brabant Fjamming, Hainaut u Liège, f’perjodu ta’ referenza għall-applikazzjoni mill-10 ta’ Jannar 2023 sal-10 ta’ Mejju 2023;
C. billi l-applikazzjoni hija relatata ma’ 1 431 ħaddiem li ngħataw is-sensja fil-kumpanija Makro Cash & Carry Belgium NV (Makro NV);
D. billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterju ta’ intervent tal-Artikolu 4(2), il-punt (a), tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 200 ħaddiem li ngħataw is-sensja matul perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur f’impriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema li ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi downstream u/jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun intemmet;
E. billi l-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna naqqsu l-kompetittività ekonomika u għandhom impatt negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku fil-Belġju;
F. billi Makro NV kienet topera ħdax-il ħanut għal prodotti tal-ikel u mhux tal-ikel għall-professjonisti tas-servizzi tal-ikel u tax-xorb (il-marka “Metro”) u sitt iħwienet bħal dawn għall-klijenti ġenerali (il-marka “Makro”); billi wara snin ta’ diffikultajiet finanzjarji u tnaqqis fil-bejgħ, Makro NV applikat għar-riorganizzazzjoni ġudizzjarja fl-2022; billi s-sensji rriżultaw mill-fatt li ma saret ebda offerta tajba biex jiġu akkwistati l-marka Makro u l-falliment sussegwenti tagħha;
G. billi r-rekwiżiti tal-liġi Belġjana dwar il-ġestjoni attiva tar-ristrutturar li jipprevedu servizzi ta’ rikollokament għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja ma japplikawx fil-każ ta’ falliment;
H. billi kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG għandhom ikunu diretti primarjament lejn miżuri attivi ta’ politika tas-suq tax-xogħol u servizzi personalizzati li jkollhom l-għan li jintegraw mill-ġdid u malajr lill-benefiċjarji f’impjieg deċenti u sostenibbli fi ħdan is-settur ta’ attività inizjali tagħhom jew barra minnu, filwaqt li jħejjuhom għal ekonomija Ewropea aktar ekoloġika u aktar diġitali;
I. billi l-FEG m’għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 186 miljun (fi prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093;
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2), il-punt (a), tar-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati u li l-Belġju huwa intitolat għal kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 2 828 223 skont dak ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 85 % tal-ispiża totali ta’ EUR 3 327 322, liema spiża tinkludi n-nefqa għal servizzi personalizzati ta’ EUR 3 233 822 u n-nefqa għall-attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar ta’ EUR 93 500;
2. Jinnota li l-awtoritajiet Belġjani ppreżentaw l-applikazzjoni fit-3 ta’ Lulju 2023, u li, wara li l-Belġju ta informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fit-12 ta’ Ottubru 2023 u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess jum;
3. Jinnota li l-applikazzjoni hija relatata ma’ 1 431 ħaddiem li ngħataw is-sensja fil-kumpanija Makro Cash & Carry Belgium NV; jinnota barra minn hekk li b’kollox, 421 ħaddiem se jkunu benefiċjarji fil-mira, ammont li jikkorripondi mal-għadd ta’ eks ħaddiema ta’ Makro f’Wallonia filwaqt li l-awtoritajiet reġjonali Fjammingi jqisu li ma hemmx bżonn li jiżdied l-appoġġ disponibbli għall-eks ħaddiema ta’ Makro fi Flanders bil-kofinanzjament mill-FEG, minħabba s-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol reġjonali tiegħu;
4. Jieħu nota li s-sensji f’Makro qed ikollhom impatt partikolari fuq ħaddiema li għandhom aktar minn 50 sena u/jew b’livell baxx ta’ ħiliet; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-rata tal-qgħad f’Wallonia hija ta’ 8,8 % u aktar minn nofs (55,1 %) tal-persuni f’dan ir-reġjun li kienu qiegħda fl-ewwel kwart tal-2022 għadhom qiegħda sena wara; jenfasizza li 65 % tal-eks ħaddiema ta’ Makro għandhom aktar minn 50 sena u l-maġġoranza tal-forza tax-xogħol ta’ Makro kienet essenzjalment magħmula minn kaxxiera u ħaddiema fl-imħażen; jisħaq li għal dawn il-ħaddiema huwa partikolarment diffiċli li jerġgħu jintegraw ruħhom fl-impjieg;
5. Jilqa’ l-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati tfassal mill-Belġju f’konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira, mar-rappreżentanti tagħhom u mas-sħab soċjali, f’konformità mal-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) 2021/691;
6. Ifakkar li s-servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema u lill-persuni li jaħdmu għal rashom jikkonsistu fl-azzjonijiet li ġejjin: servizzi ta’ informazzjoni, gwida okkupazzjonali u assistenza għar-rikollokament, taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali, appoġġ għall-ħolqien ta’ negozju u kontribuzzjoni għalih, kif ukoll inċentivi u benefiċċji; jilqa’ l-fatt li se tingħata attenzjoni partikolari lil persuni vulnerabbli f’sitwazzjoni ta’ tbatija psikoloġika, dejn, jew diżabbiltà permezz ta’ professjonisti speċjalizzati biex jassistu lil dawn il-gruppi;
7. Jilqa’ l-inklużjoni ta’ modulu dwar l-ekonomija ċirkolari u l-użu effiċjenti tar-riżorsi li ġie żviluppat għall-eks ħaddiema ta’ Swissport (EGF/2020/005 BE), bħala parti mill-offerta standard ta’ taħriġ tas-Servizz Pubbliku Reġjonali tal-Impjiegi u t-Taħriġ Vokazzjonali (Forem), li se jiġi kofinanzjat mill-FSE+; itenni, f’dan il-kuntest, ir-rwol importanti li l-Unjoni għandu jkollha biex tipprovdi l-kwalifiki meħtieġa għat-trasformazzjoni ġusta f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jappoġġja bil-qawwa l-fatt li, matul il-perjodu 2021-2027 tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, il-FEG se jkompli juri solidarjetà mal-persuni affettwati, filwaqt li jressaq l-enfasi minn fuq il-kawża tar-ristrutturar għal fuq l-impatt tiegħu, u jitlob li l-applikazzjonijiet futuri jimmassimizzaw il-koerenza tal-politiki;
8. Jinnota li l-Belġju beda joffri servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta’ Frar 2023 u li għaldaqstant, il-perjodu ta’ eliġibbiltà għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se jkun mill-1 ta’ Frar 2023 sa 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni ta’ finanzjament;
9. Jinnota li l-Belġju beda jġarrab in-nefqa amministrattiva biex jimplimenta l-FEG fl-1 ta’ Jannar 2023 u li għaldaqstant, in-nefqa għal attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-10 ta’ Jannar 2023 sa 31 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni ta’ finanzjament;
10. Jisħaq li l-awtoritajiet Belġjani kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux għajnuna minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni, u li l-prinċipji tal-ugwaljanza fit-trattament u n-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u fl-implimentazzjoni tagħhom;
11. Itenni li l-għajnuna mill-FEG ma tridx tissostitwixxi azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi, jew kwalunkwe allowance jew dritt tal-ħaddiema ssensjati, biex tiġi żgurata l-addizzjonalità sħiħa tal-allokazzjoni;
12. Japprova d-deċiżjoni annessa ma’ din ir-riżoluzzjoni;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex tiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament dwar il-FEG.
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2023/002 BE/Makro
(It-test ta’ dan l-anness mhuwiex riprodott hawnhekk peress li jikkorrispondi għall-att finali, id-Deċiżjoni (UE) 2023/2748.)