Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2023/0038M(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0314/2023

Testi mressqa :

A9-0314/2023

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 22/11/2023 - 8.7

Testi adottati :

P9_TA(2023)0418

Testi adottati
PDF 153kWORD 48k
L-Erbgħa, 22 ta' Novembru 2023 - Strasburgu
Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE-New Zealand (Riżoluzzjoni)
P9_TA(2023)0418A9-0314/2023

Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Novembru 2023 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand (06600/2023 – C9-0247/2023 – 2023/0038M(NLE))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (06600/2023),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand (FTA), li ġie ffirmat fid-9 ta’ Lulju 2023,

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 91(1), l-Artikolu 100(2), l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(v), u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (C9-0247/2023),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand(1) tal-21 ta’ Settembru 2007,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u New Zealand, min-naħa l-oħra(2), iffirmat fil-5 ta’ Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1007 tal-20 ta’ Ġunju 2022 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u New Zealand, min-naħa l-oħra(3),

–  wara li kkunsidra d-direttivi ta’ negozjati tal-Kunsill tat-8 ta’ Mejju 2018 għal Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ma’ New Zealand,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Settembru 2017 għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati ta’ Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ma’ New Zealand (COM(2017)0469), u l-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni li takkumpanjaha (SWD(2017)0289),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Ottubru 2022 dwar l-eżitu tar-rieżami tal-Kummissjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ 15-il Punt dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2022 dwar l-istrateġija Indo-Paċifika fil-qasam tal-kummerċ u tal-investiment(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Ottubru 2017 li fiha r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar il-mandat ta’ negozjar propost għal negozjati kummerċjali ma’ New Zealand(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni reċenti tiegħu tal-25 ta’ Frar 2016 dwar il-bidu tan-negozjati dwar l-FTA mal-Awstralja u New Zealand(7),

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tat-13 ta’ Marzu 2020 bit-titolu “Trade Sustainability Impact Assessment in support of FTA negotiations between the European Union and New Zealand” (Valutazzjoni tal-Impatt tas-Sostenibbiltà Kummerċjali b’appoġġ għan-negozjati tal-FTA bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand), ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ tal-Kummissjoni(8),

–  wara li kkunsidra l-ftehimiet bilaterali l-oħra bejn l-UE u New Zealand, b’mod partikolari l-ftehimiet dwar il-miżuri sanitarji applikabbli fil-kummerċ ta’ annimali ħajjin u ta’ prodotti tal-annimali (9) u dwar għarfien reċiproku b’relazzjoni mal-istima ta’ konformità(10),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal-20 ta’ Ġunju 2023 dwar “Strateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika” (JOIN(2023)0020),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’Ġunju 2022 bit-titolu “Is-saħħa tas-sħubiji tal-kummerċ: flimkien għal tkabbir ekonomiku ekoloġiku u ġust” (COM(2022)0409),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Frar 2021 bit-titolu “Rieżami tal-Politika Kummerċjali – Politika Kummerċjali Miftuħa, Sostenibbli u Assertiva” (COM(2021)0066),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 bit-titolu “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (COM(2019)0640),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Mejju 2017 fil-proċedura 2/15(11), skont l-Artikolu 218(11) tat-TFUE, mitluba fl-10 ta’ Lulju 2015 mill-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra konvenzjonijiet ewlenin tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima, inkluż il-Ftehim ta’ Pariġi tal-2015,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2023 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni(12),

–  wara li kkunsidra t-TFUE, b’mod partikolari l-Artikoli 91, 100, 168 u 207 flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0314/2023),

A.  billi l-UE u New Zealand huma sħab tal-istess fehma u jikkondividu valuri fundamentali, bħar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, u t-tnejn jappoġġjaw sistema kummerċjali bbażata fuq ir-regoli, bl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) fiċ-ċentru tagħha; billi ż-żewġ partijiet huma impenjati li jiġġieldu t-tibdil fil-klima u jipproteġu d-drittijiet soċjali u huma marbuta bil-Ftehim ta’ Pariġi u l-konvenzjonijiet tal-ILO;

B.  billi New Zealand tinsab fir-reġjun Indo-Paċifiku, li huwa dinamiku u strateġikament importanti; billi New Zealand hija membru tal-Ftehim Komprensiv u Progressiv għas-Sħubija Trans-Paċifika, tas-Sħubija Ekonomika Komprensiva Reġjonali, tal-Kooperazzjoni Ekonomika Asja-Paċifiku u tal-Qafas Ekonomiku għall-Prosperità Indo-Paċifiku;

C.  billi l-kummerċ bilaterali tal-merkanzija bejn l-UE u New Zealand kellu valur ta’ EUR 9 biljun fl-2022 u l-valur tal-kummerċ tas-servizzi ammonta għal EUR 3,5 biljun fl-2021;

D.  billi New Zealand hija t-53 l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE għall-merkanzija; billi l-UE hija t-tielet l-akbar sieħeb kummerċjali ta’ New Zealand għall-merkanzija; billi l-esportazzjonijiet agrikoli lejn New Zealand irrappreżentaw 11,5 % (EUR 722 miljun) tal-esportazzjonijiet totali tagħha lejn New Zealand fl-2022; billi l-esportazzjonijiet agrikoli rrappreżentaw 64,9 % (EUR 1 822 miljun) tal-esportazzjonijiet totali tagħha lejn l-UE fl-2022;

E.  billi fl-2020 New Zealand ibbenefikat minn EUR 8,5 biljun ta’ investiment dirett barrani tal-UE, u dan jagħmel lill-UE t-tieni l-akbar investitur fi New Zealand;

F.  billi l-valutazzjoni tal-impatt ekonomiku mwettqa mill-Kummissjoni sabet li, bħala riżultat tal-FTA, il-flussi ta’ investiment tal-UE fi New Zealand jistgħu jikbru bi 80 % u l-kummerċ bilaterali jista’ jiżdied bi 30 %; billi żieda fil-kummerċ se ġġib magħha opportunitajiet ekonomiċi u tkabbir ekonomiku għall-kumpaniji u l-konsumaturi fuq iż-żewġ naħat;

G.  billi New Zealand hija wieħed minn sitt membri biss tad-WTO li ma għandhomx arranġament preferenzjali ta’ aċċess għas-suq mal-UE; billi New Zealand għandha ftehimiet kummerċjali li joffru aċċess preferenzjali lil 8 mill-aktar 10 sħab kummerċjali importanti tagħha koperti b’arranġamenti kummerċjali preferenzjali;

H.  billi dan huwa l-ewwel ftehim kummerċjali tal-UE allinjat mal-approċċ il-ġdid tal-UE għall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, li huwa bbażat fuq il-prinċipju tal-kooperazzjoni u jinkludi dispożizzjonijiet infurzabbli b’sanzjonijiet bħala l-aħħar alternattiva f’każijiet fejn jinkisru l-Ftehim ta’ Pariġi u l-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO;

I.  billi l-kummerċ miftuħ u ġust huwa wieħed mill-erba’ pilastri tal-pjan industrijali tal-Patt Ekoloġiku tal-UE; billi l-ftehimiet kummerċjali għandhom ikunu konformi mal-objettivi u l-miri tal-Patt Ekoloġiku tal-UE u dan l-allinjament għandu jiġi mmonitorjat mill-qrib;

1.  Iqis li dan il-ftehim huwa ta’ importanza kbira għar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u New Zealand u l-promozzjoni ta’ kummerċ ibbażat fuq ir-regoli u l-valuri, f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew; iqis, barra minn hekk, li dan se jġib benefiċċji li jmorru lil hinn mill-gwadanji purament ekonomiċi;

2.  Jenfasizza l-importanza strateġika tal-ftehim fil-kuntest ġeopolitiku attwali u jqis li huwa pass kbir ’il quddiem għall-ambizzjoni tal-UE li tapprofondixxi r-relazzjonijiet mar-reġjun, kif deskritt fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-5 ta’ Lulju 2022 dwar l-istrateġija Indo-Paċifika fil-qasam tal-kummerċ u tal-investiment;

3.  Jilqa’ l-fatt li l-ftehim huwa komprensiv u ekonomikament ibbilanċjat u huwa l-aktar ftehim kummerċjali ambizzjuż u progressiv tal-UE sal-lum b’relazzjoni mal-kapitolu tiegħu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli; jenfasizza l-fatt li l-ftehim iwettaq il-prijoritajiet stabbiliti fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tal-25 ta’ Frar 2016 u tas-26 ta’ Ottubru 2017; jinnota li l-ftehim jinkludi mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim biex jiżgura li d-drittijiet u l-obbligi li jinsabu fil-ftehim jiġu rispettati, ħalli n-negozji, il-ħaddiema u l-konsumaturi jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji tiegħu;

4.  Jilqa’ b’sodisfazzjon qawwi l-fatt li l-ftehim jintegra, għall-ewwel darba, l-approċċ il-ġdid tal-UE għall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli u jinkorpora livell bla preċedent ta’ impenji ambjentali u tax-xogħol sabiex jimplimenta b’mod effettiv il-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO ratifikati mill-partijiet u l-Ftehim ta’ Pariġi; jilqa’ l-possibbiltà ta’ sanzjonijiet kummerċjali bħala l-aħħar alternattiva f’każijiet ta’ ksur serju tal-Ftehim ta’ Pariġi u tal-istandards ewlenin tal-ILO; jistieden liż-żewġ partijiet jiddefinixxu sett ta’ prinċipji gwida li għandhom jitqiesu essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi; jitlob li jiġu definiti miri u skedi ta’ żmien speċifiċi biex jikkomplementaw l-attivitajiet primarjament iċċentrati fuq il-kooperazzjoni bil-għan li jinkisbu prattiki sostenibbli; jistenna li New Zealand tagħmel progress konkret fi żmien raġonevoli lejn ir-ratifika u l-implimentazzjoni effettiva ta’ żewġ konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO (Nru 87 dwar il-libertà ta’ assoċjazzjoni u d-dritt ta’ organizzazzjoni u Nru 138 dwar l-età minima), f’konformità mal-impenji stabbiliti fil-ftehim; jilqa’ l-fatt li l-UE u New Zealand qablu li jirriflettu d-deċiżjoni reċenti tal-ILO li żżid is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali mal-istandards ewlenin tax-xogħol, meta jkun xieraq; jilqa’ l-fatt li l-ftehim għandu artikolu dwar il-kummerċ u l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli; jinnota li l-partijiet huma mistennija jimplimentaw l-obbligi tagħhom relatati mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri kemm skont il-konvenzjonijiet tal-ILO kif ukoll dawk tan-NU fil-kuntest tal-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni kontra n-nisa fil-ħajja ekonomika u fl-impjiegi; jilqa’ d-dispożizzjoni speċifika dwar il-kummerċ u r-riforma u t-tnaqqis progressiv tas-sussidji għall-fjuwils fossili; jistieden lill-partijiet jintensifikaw l-impenn dwar din il-kwistjoni fl-ambitu tad-WTO u jiżviluppaw pjan direzzjonali ta’ implimentazzjoni biex jiċċaraw l-ambizzjoni bilaterali tagħhom u l-isforzi konġunti fil-fora internazzjonali rilevanti; jilqa’ l-fatt li l-ftehim jilliberalizza l-oġġetti u s-servizzi ekoloġiċi mad-dħul fis-seħħ u fih lista ta’ dawn l-oġġetti u s-servizzi; jitlob rieżami regolari u sistematiku ta’ din il-lista; jirrimarka li l-UE u New Zealand se jikkooperaw dwar l-ekonomija ċirkolari, il-ktajjen tal-provvista mingħajr deforestazzjoni u l-ipprezzar tal-karbonju; jisħaq li l-ftehim jinkludi klawżola ta’ nonregressjoni li tipprojbixxi lill-partijiet milli jdgħajfu, inaqqsu jew jonqsu milli jinfurzaw l-istandards tax-xogħol u ambjentali sabiex jinkoraġġixxu l-kummerċ; jemmen li l-FTA jistabbilixxi punt ta’ riferiment għall-kummerċ sostenibbli u għandu jitqies bħala standard tad-deheb fin-negozjati u r-rieżamijiet attwali u futuri tal-FTA;

5.  Jilqa’ l-inklużjoni ta’ kapitolu dwar il-kooperazzjoni kummerċjali u ekonomika mal-Māori, flimkien ma’ dispożizzjonijiet speċifiċi rigward il-Māori f’diversi postijiet oħra fil-ftehim, u jisħaq fuq kemm huwa importanti li ċ-ċittadini u l-kumpaniji kollha fl-UE u fi New Zealand ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-opportunitajiet ta’ kummerċ u ta’ investiment li jġib miegħu l-ftehim;

6.  Jemmen li l-ftehim se joħloq kundizzjonijiet ekwi ma’ sħab kummerċjali oħra li diġà għandhom FTAs ma’ New Zealand; jinnota l-livell għoli ta’ liberalizzazzjoni tat-tariffi skont il-ftehim, li se jinvolvi t-tneħħija ta’ 100 % tat-tariffi ta’ New Zealand fuq l-esportazzjonijiet tal-UE mad-dħul fis-seħħ u t-tneħħija ta’ 98,5 % tat-tariffi tal-UE fuq il-kummerċ ta’ New Zealand wara seba’ snin; jinnota n-natura kontrostaġjonali tal-produzzjoni agrikola rispettiva tagħna; jinnota li n-natura sensittiva ta’ ċerti setturi agrikoli Ewropej ittieħdet inkonsiderazzjoni debitament permezz ta’ kwoti tariffarji u perjodi ta’ tranżizzjoni itwal; jilqa’ l-fatt li dan il-ftehim jillimita l-importazzjoni tal-laħam taċ-ċanga għal laħam tal-ogħla kwalità li jkun ġej minn bhejjem magħlufa l-ħaxix; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-ġestjoni tal-kwoti tariffarji għall-prodotti agrikoli u tirrapporta lura lill-Parlament; jilqa’ l-inklużjoni ta’ kapitoli speċifiċi dwar kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji, sistemi tal-ikel sostenibbli u t-trattament xieraq tal-annimali u jistieden liż-żewġ partijiet ikomplu l-iskambji dwar l-eżiti għal prattiki agrikoli sostenibbli; ifakkar li New Zealand ipprojbiet it-trasport ta’ annimali ħajjin bil-baħar u li l-iskambji dwar din il-kwistjoni huma ta’ interess partikolari għall-isforzi futuri tal-UE biex issaħħaħ il-prattiki tagħha dwar it-trattament xieraq tal-annimali;

7.  Jilqa’ l-protezzjoni li l-ftehim jipprovdi għall-ismijiet ta’ 163 indikazzjoni ġeografika (IĠ) Ewropea tal-oġġetti tal-ikel u l-lista sħiħa tal-inbejjed u l-ispirti b’IĠ tal-UE (qrib 2 000 isem); jenfasizza l-fatt li l-ftehim jipprevedi l-għażla li jiżdiedu aktar ismijiet ta’ IĠ fil-futur; jinnota li l-ftehim jinkludi wkoll dispożizzjonijiet komprensivi ta’ proprjetà intellettwali dwar id-drittijiet tal-awtur, it-trademarks u d-disinji industrijali; jilqa’ l-progress li sar u jfakkar li l-għan aħħari jibqa’ l-protezzjoni u l-infurzar effettivi fuq iż-żewġ naħat;

8.  Jemmen li l-impenji ta’ aċċess għas-suq għall-merkanzija, fid-dawl tat-tneħħija tad-dazji relattivament għoljin fuq prodotti industrijali bħall-karozzi u t-tessuti, u l-impenji dwar is-servizzi, inklużi l-kunsinna, it-telekomunikazzjonijiet, is-servizzi finanzjarji u s-servizzi internazzjonali tat-trasport marittimu, għandhom il-potenzjal li jagħtu spinta sinifikanti lill-kummerċ bilaterali; iqis li l-ftehim jippromwovi t-trasparenza u l-użu ta’ standards internazzjonali biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-suq, filwaqt li jissalvagwardja l-livelli ta’ protezzjoni li kull parti tqis xierqa; jinnota li l-ftehim jafferma mill-ġdid id-dritt ta’ kull parti li tirregola l-kisba ta’ objettivi ta’ politika leġittimi; japprezza l-fatt li New Zealand aċċettat iċ-ċertifikati tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE u d-dispożizzjonijiet tal-anness dwar l-inbid u l-ispirti, li se jiffaċilitaw rispettivament il-kummerċ fis-settur tal-vetturi u f’dak tal-inbid u l-ispirti;

9.  Jilqa’ l-fatt li l-UE u New Zealand se jiftħu b’mod reċiproku s-swieq tal-akkwist tagħhom lil hinn minn dak li diġà huwa kopert bil-Ftehim tad-WTO dwar l-Akkwist Pubbliku; jisħaq li l-kumpaniji tal-UE se jitħallew jippreżentaw offerti għal kuntratti tal-gvern ċentrali u sottoċentrali ta’ New Zealand fl-istess livell bħall-kumpaniji lokali; jistieden liż-żewġ partijiet jadottaw kriterji ta’ sostenibbiltà għas-swieq tal-akkwist skont id-dispożizzjonijiet tal-FTA;

10.  Jinnota li l-ftehim jinkludi kapitolu speċifiku dwar il-kummerċ diġitali, li se jiżgura l-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali fit-tranżazzjonijiet kummerċjali diġitali u se jiffaċilita l-flussi transfruntiera tad-data, filwaqt li jirrispetta l-acquis tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza; jilqa’ l-fatt li l-ftehim se jgħin biex jiġi żgurat ambjent online sikur għall-konsumaturi u se jippreserva livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali u l-privatezza fl-UE; jilqa’ l-inklużjoni ta’ artikoli ambizzjużi dwar il-protezzjoni tal-kodiċi tas-sors u l-kummerċ mingħajr karti;

11.  Jissottolinja l-fatt li l-maġġoranza qawwija tal-kumpaniji tal-UE u ta’ New Zealand huma intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs); jilqa’ l-fatt li l-FTA inkluda kapitolu speċifiku dwar l-SMEs, li jindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom u se jippermettilhom jiksbu l-benefiċċju massimu mill-ftehim, b’mod partijiet permezz ta’ klawżoli li bis-saħħa tagħhom iż-żewġ partijiet jimpenjaw ruħhom favur it-trasparenza fir-rigward tal-aċċess għas-suq u favur il-kondiviżjoni tal-informazzjoni rilevanti; jitlob li kull parti tistabbilixi fil-pront punti ta’ kuntatt għall-SMEs u mezz diġitali (bħal sit web speċifiku għall-SMEs) biex tiżgura li l-informazzjoni rilevanti dwar l-aċċess għas-suq tkun disponibbli faċilment għall-SMEs;

12.  Jistieden lill-partijiet jistabbilixxu malajr il-gruppi konsultattivi interni rispettivi tagħhom wara li l-ftehim jidħol fis-seħħ u jiżguraw li jkunu jistgħu jiffunzjonaw kif suppost u jikkontribwixxu b’mod attiv għall-implimentazzjoni tal-ftehim, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatti tas-sostenibbiltà;

13.  Jilqa’ l-kapitolu speċfiku dwar l-SMEs; iqis, madankollu, minħabba li dan l-FTA huwa meqjus bħala punt ta’ riferiment għal ftehimiet kummerċjali futuri, li jista’ jsir aktar biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-SMEs u jiġi massimizzat il-benefiċċju sħiħ tagħhom mill-ftehim; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-effettività tal-kapitoli kollha dwar l-SMEs fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE, inkluża analiżi ta’ jekk jissodisfawx il-ħtiġijiet tal-SMEs, sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji sħaħ tal-ftehimiet u sabiex iservu bħala bażi għall-formulazzjoni futura tal-kapitoli dwar l-SMEs fil-ftehimiet kummerċjali;

14.  Jemmen li dan il-ftehim huwa kompletament konformi mal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika reċenti peress li jipprovdi qafas biex sħab affidabbli jindirizzaw tħassib komuni dwar is-sigurtà huma u jistabbilixxu standards għoljin komuni u jipprevedu diversifikazzjoni, li hija mmirata lejn l-iżvilupp sostenibbli u toffri mudell għal sħab affidabbli oħra;

15.  Jilqa’ l-ftehim, li se joħloq aktar opportunitajiet ta’ kummerċ ħieles u ġust bejn l-UE u New Zealand; jistieden lill-Parlament Ewropew jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-ftehim;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u ta’ New Zealand.

(1) ĠU C 32, 6.2.2008, p. 1.
(2) ĠU L 321, 29.11.2016, p. 3.
(3) ĠU L 171, 28.6.2022, p. 1.
(4) ĠU C 132, 14.4.2023, p. 99.
(5) ĠU C 47, 7.2.2023, p. 15.
(6) ĠU C 346, 27.9.2018, p. 219.
(7) ĠU C 35, 31.1.2018, p. 136.
(8) Ir-rapport finali – “Trade Sustainability Impact Assessment in support of FTA negotiations between the European Union and New Zealand” (Valutazzjoni tal-Impatt tas-Sostenibbiltà Kummerċjali b’appoġġ għan-negozjati tal-FTA bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand), Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, Direttorat C – l-Asja u l-Amerka Latina, Unità C2 – in-Nofsinhar u x-Xlokk tal-Asja, l-Awstralja, New Zealand, it-13 ta’ Marzu 2020.
(9) Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u New Zealand dwar il-miżuri sanitarji applikabbli fil-kummerċ ta’ annimali ħajjin u ta’ prodotti tal-annimali (ĠU L 57, 26.2.1997, p. 5).
(10) Il-Ftehim dwar għarfien reċiproku b’relazzjoni mal-istima ta’ konformità bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand (ĠU L 229, 17.8.1998, p. 62).
(11) L-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2017, 2/15, ECLI:EU:C:2017:376.
(12) Testi adottati, P9_TA(2023)0417.

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Frar 2024Avviż legali - Politika tal-privatezza