Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2023 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tariffi u l-imposti pagabbli lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, li jemenda r-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 297/95 u r-Regolament (UE) 658/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM(2022)0721 – C9-0426/2022 – 2022/0417(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2022)0721),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 114, 168(4), il-punti (b) u (c), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9‑0426/2022),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-24 ta’ Jannar 2023(1),
– wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni,
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-18 ta' Ottubru 2023, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Baġits,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A9-0224/2023),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt(2);
2. Jitlob lill-Kummissjoni terġa’ tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b’mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b’mod sustanzjali;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fit-12 ta’ Lulju 2023 (Testi adottati, P9_TA(2023)0273).
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari tat-12 ta' Diċembru 2023 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2024/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tariffi u l-imposti pagabbli lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, li jemenda r‑Regolamenti (UE) 2017/745 u (UE) 2022/123 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 658/2014 tal Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 297/95