Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2023 dwar disinn li joħloq dipendenza tas-servizzi online u protezzjoni tal-konsumatur fis-suq uniku tal-UE (2023/2043(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 169 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Avviż tal-Kummissjoni bit-titolu “Gwida dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur” (2021/C 526/01),
– wara li kkunsidra l-Avviż tal-Kummissjoni bit-titolu “Gwida dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/83/UE dwar Drittijiet tal-Konsumatur” (2021/C 525/01),
– wara li kkunsidra l-Avviż tal-Kummissjoni bit-titolu “Gwida dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur” (2019/C 323/04),
– wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni bit-titolu “Studju tal-imġiba dwar prattiki kummerċjali żleali fl-ambjent diġitali: elementi qarrieqa u personalizzazzjoni manipulattiva: rapport finali”, Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi, 2022,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-grupp kumplessiv tal-organizzazzjoni tal-konsumaturi BEUC tal-2022 bit-titolu “EU Consumer protection 2.0. Protecting fairness and consumer choice in a digital economy” (Protezzjoni tal-Konsumatur mill-UE 2.0. Il-ħarsien tal-ġustizzja u l-għażla tal-konsumatur f’ekonomija diġitali),
– wara li kkunsidra l-konsultazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Ġustizzja diġitali – kontroll tal-idoneità tal-liġi tal-konsumatur tal-UE u r-rapport sommarju tagħha”,
– wara li kkunsidra l-istudju tas-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew tal-2019 bit-titolu “Użu dannuż tal-internet. Parti I: Dipendenza fuq l-internet u użu problematiku”,
– wara li kkunsidra r-rapport tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2021 bit-titolu “L-Aġenda Komuni tagħna – Rapport tas-Segretarju Ġenerali”,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-12 ta’ Marzu 2009 dwar il-ħarsien tal-konsumatur, partikolarment tal-minorenni, fir-rigward tal-użu tal-logħob tal-kompjuter(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2022/2065 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali)(2),
– wara li kkunsidra l-Proposta għal Regolament li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali) (COM(2021)0206),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)(3),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Kumment Ġenerali Nru 25 (2021) għall-Konvenzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal fir-rigward tal-ambjent diġitali,
– wara li kkunsidra l-istrateġija tal-Kummissjoni għal Internet Aħjar għat-Tfal,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A9-0340/2023),
A. billi fl-ekonomija tal-lum ibbażata fuq l-attenzjoni, il-kumpaniji tat-teknoloġija jużaw il-funzjonalitajiet tad-disinn u tas-sistema biex jieħdu vantaġġ mill-vulnerabbiltajiet tal-utenti u tal-konsumaturi sabiex jiġbdu l-attenzjoni tagħhom u jżidu l-ammont ta’ ħin li dawn iqattgħu fuq il-pjattaformi diġitali; billi ħafna servizzi diġitali, bħal logħob online, media soċjali, servizzi ta’ streaming għal films, serje jew mużika, swieq online jew ħwienet online jistgħu jkunu mfassla biex iżommu lill-utenti fuq il-pjattaforma għall-itwal żmien possibbli sabiex jimmassimizzaw id-data miġbura u l-ħin li jaħlu u l-flus li jonfqu hemm kif ukoll jimmassimizzaw l-attivitià, l-interazzjoni, il-produzzjoni tal-kontenut, l-iżvilupp tan-network u l-kondiviżjoni tad-data; billi dan japplika b’mod partikolari għal servizzi ta’ monetizzazzjoni tad-data; billi konsegwentement ħafna servizzi online huma mfassla biex iservu diversi għanijiet f’daqqa, jiġifieri li jottimizzaw l-esperjenza tal-utenti u jżommu l-attenzjoni tal-utenti u għalhekk li joħolqu dipendenza kemm jista’ jkun; billi mhux is-servizzi diġitali kollha huma bbażati fuq l-istess mudell ta’ negozju, b’tali mod li filwaqt li xi servizzi diġitali jaħdmu fuq il-monetizzazzjoni tad-data u l-ħin imqatta’ fuq l-applikazzjoni sabiex jiġbru d-data u jużawha għal skopijiet ta’ reklamar, servizzi diġitali oħra jaħdmu parzjalment jew kompletament b’mudelli bbażati fuq abbonament li jista’ jkun fihom karatteristiċi ta’ disinn li joħolqu dipendenza jew le; billi xi servizzi ma jiddependux b’suċċess fuq disinn li jtawwal il-ħin imqatta’ fuq il-pjattaforma; billi s-suċċess kummerċjali u l-iżvilupp etiku tal-apps mhumiex reċiprokament esklużivi; billi t-termini “disinn manipulattiv”, “disinn li joħloq dipendenza” jew “disinn ta’ mġiba” tas-servizzi online jiddeskrivu karatteristiċi li jwasslu għal riskji u ħsarat relatati mal-imġiba, inklużi forom ta’ dipendenza diġitali, bħal, “użu eċċessiv jew ta’ ħsara tal-internet”, “dipendenza fuq l-ismartphone”, “dipendenza fuq it-teknoloġija jew fuq l-internet”, “dipendenza fuq il-media soċjali”; billi hemm kunsens dejjem jikber fost l-akkademiċi li jeżistu fenomeni, bħal “dipendenza fuq il-media soċjali”; billi rridu nħarsu lejn il-karatteristiċi li jżommu l-attenzjoni jew dawk li joħolqu dipendenza li jinċitaw dik l-imġiba, mhux il-media jew l-apparati bħala tali; billi hija meħtieġa aktar riċerka biex jinftiehmu aħjar il-kwistjonijiet sottostanti, l-impatt tas-servizzi online u s-soluzzjonijiet potenzjali;
B. billi s-servizzi diġitali, inkluża l-media soċjali, qed ibiddlu radikalment is-soċjetà u qed iġibu effetti pożittivi bħal żieda fl-effiċjenza, il-konnettività, l-aċċessibbiltà u l-ħin liberu, kif ukoll jippermettu lit-tfal u liż-żgħażagħ jikkollegaw, jitgħallmu u japprezzaw perspettivi u fehmiet differenti, kif ukoll jibnu l-għarfien u jesploraw oqsma ta’ interess; billi l-apps jistgħu jgħinuna nsiru aktar produttivi jew nagħmlu aktar eżerċizzju, jew isolvu problemi speċifiċi, kif muri mill-apps tat-traffiku, dawk bankarji jew dawk tat-traduzzjoni; billi d-diġitizzazzjoni u l-media soċjali joħolqu wkoll sfidi ġodda għas-soċjetà u jirrikjedu attenzjoni għall-politika kemm għar-riskji għas-saħħa fiżika kif ukoll għal dawk mentali assoċjati mal-użu tas-servizzi online; billi bit-titjib kollu li t-teknoloġija ġabet fil-ħajjiet tal-individwi, l-użu sofistikat ta’ disinn li joħloq dipendenza, ta’ mġiba jew qarrieqi jew persważiv jista’ jkollu konsegwenzi dannużi li jaffettwaw l-imġiba online tal-konsumaturi, u għalhekk huwa meħtieġ li r-regolaturi u r-riċerkaturi jingħataw l-għodod li jeħtieġu biex janalizzaw l-effetti tal-użu ta’ dawn il-pjattaformi;
C. billi żgħażagħ bejn is-16 u l-24 sena jqattgħu medja ta’ aktar minn seba’ sigħat kuljum fuq l-Internet(4); billi wieħed minn kull erbat itfal u żgħażagħ juru użu “problematiku” jew “disfunzjonali” tal-ismartphone, jiġifieri mudelli ta’ mġiba li jirriflettu d-dipendenza(5); billi r-riċerka tissuġġerixxi li l-użu problematiku tal-ismartphones qed ikompli jiżdied u li ħafna tfal rarament jiskonnettjaw mill-media soċjali, iżda jużawh b’mod kostanti matul il-jum u jħossuhom insikuri mingħajr il-mowbajl tagħhom; billi r-riċerka tissuġġerixxi wkoll li ż-żieda fil-problemi tas-saħħa mentali fl-adolexxenti tista’ tkun relatata mal-użu eċċessiv tal-media soċjali u li l-pressjoni tal-media soċjali ġiet identifikata bħala waħda mill-ħames kawżi ewlenin ta’ diffikultajiet fis-saħħa mentali għat-tfal; billi l-popolazzjonijiet iżgħar huma aktar vulnerabbli għall-iżviluppi psikopatoloġiċi, u l-imġiba dannuża u l-kundizzjonijiet tas-saħħa mentali stabbiliti fit-tfulija jistgħu jsawru l-kors tal-ħajja sussegwenti; billi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa rrikonoxxiet id-dipendenza fuq il-logħob bħala disturb tas-saħħa mentali;
D. billi d-dipendenza relatata mal-użu tal-Internet turi effetti sekondarji simili għal dipendenzi relatati mas-sustanzi, inkluża evidenza ta’ tolleranza u rikaduta(6); billi teżisti regolamentazzjoni stretta għal prodotti u servizzi oħra li joħolqu dipendenza, sabiex jipprevjenu d-dipendenza u jipproteġu lill-konsumaturi mill-ħsara; billi l-użu problematiku tal-ismartphone jew tal-Internet ġie marbut ma’ sodisfazzjon tal-ħajja aktar baxx u sintomi tas-saħħa mentali bħal dipressjoni, awtostima baxxa, disturbi fl-immaġni tal-ġisem, disturbi fl-ikel, ansjetà, livelli għoljin ta’ stress perċepit, negliġenza tal-familja u ħbieb, telf ta’ awtokontroll, nuqqas ta’ rqad u sintomi ossessivi u kompulsivi, bħal xiri kompulsiv fost adulti żgħażagħ(7); billi l-utenti li jużaw ħafna l-media diġitali għandhom ċans darbtejn aktar li jkollhom kwistjonijiet ta’ saħħa mentali, inklużi fatturi ta’ riskju għas-suwiċidju u l-awtokorriment; billi t-tfal u ż-żgħażagħ huma aktar vulnerabbli għal dawn is-sintomi; billi l-kundizzjonijiet tas-saħħa mentali stabbiliti fit-tfulija jistgħu jsawru l-kors tal-ħajja sussegwenti ta’ individwu; billi l-użu eċċessiv tal-Internet huwa assoċjat ma’ problemi b’obbligi ta’ kuljum, gradi li qed jonqsu, prestazzjoni fqira fl-iskola u akkademika jew prestazzjoni fqira fix-xogħol; billi l-prevalenza tad-dipendenzi diġitali u l-assoċjazzjoni tagħhom ma’ sintomi ta’ disturbi mentali komuni hija problema tas-saħħa pubblika li qed tikber u bħala tali, għandha tkun ta’ tħassib għal dawk li jfasslu l-politiki; billi riċerka ulterjuri hija meħtieġa sabiex tinforma aħjar l-iżvilupp tal-aktar kriterji dijanjostiċi xierqa u tiddetermina fatturi ta’ riskju għal dipendenzi diġitali differenti; billi ċerti servizzi, prodotti jew karatteristiċi li jistgħu ma jaffettwawx lill-adulti jistgħu minflok ikunu riskjużi ħafna, joħolqu dipendenza jew ikunu ta’ ħsara b’xi mod ieħor għat-tfal, inkluż minħabba l-impatt kumulattiv ta’ taħlita ta’ diversi karatteristiċi jew l-impatt fit-tul fuq perjodu ta’ żmien;
E. billi s-servizzi u l-prodotti online kollha li x’aktarx jiġu aċċessati mit-tfal għandhom jitfasslu bl-aħjar interessi tat-tfal bħala kunsiderazzjoni primarja; billi ċerti servizzi u prodotti online jistgħu jkunu riskjużi ħafna, joħolqu dipendenza, jew ikunu ta’ ħsara b’xi mod ieħor għat-tfal, inkluż minħabba l-impatt ikkombinat ta’ diversi karatteristiċi jew l-impatt kumulattiv tagħhom fuq perjodu ta’ żmien;
F. billi skont xi riċerka, ħin eċċessiv quddiem l-iskrin jew użu problematiku jistgħu jkollhom impatt fuq l-iżvilupp tal-moħħ; billi żidiet fil-problemi tal-użu tal-media soċjali huma marbuta ma’ defiċits ta’ attenzjoni, medda iqsar ta’ attenzjoni, impulsività u sintomi ta’ disturb ta’ iperattività ta’ defiċit ta’ attenzjoni (ADHD)(8); billi l-użu intensiv tal-media soċjali ġie assoċjat ma’ livelli aktar baxxi ta’ materja griża f’ċerti żoni tal-moħħ, bħalma huwa l-każ ta’ sustanzi oħra li joħolqu dipendenza; billi ġie muri li ħin eċċessiv quddiem l-iskrin għandu effetti potenzjali fuq in-newrożvilupp, it-tagħlim u l-memorja, u l-istil ta’ ħajja sedentarja marbut mal-ħin imqatta’ fuq il-media elettronika jġib riskju potenzjali akbar ta’ newrodeġenerazzjoni bikrija(9);
G. billi d-disinn li joħloq dipendenza jista’ jitqies li għandu impatt negattiv fuq kulħadd, mhux biss fuq individwi li juru mudelli ta’ użu problematiċi; billi d-disinn li joħloq dipendenza, jagħmilha diffiċli li wieħed jiffoka fuq il-kompitu f’idejh minħabba distrazzjonijiet bħal messaġġi u notifiki li kontinwament ifixklu l-konċentrazzjoni tan-nies; billi d-disinn li joħloq dipendenza tas-servizzi online iwassal għal pressjoni akbar biex issir prestazzjoni u pressjoni soċjali biex ikunu online u konnessi b’mod permanenti, u dan iżid ir-riskju ta’ stress u eżawriment; billi l-konsumaturi online qegħdin dejjem aktar iħabbtu wiċċhom ma’ ammont eċċessiv ta’ informazzjoni u stimuli sensorjali eċċessivi matul il-ġurnata, li jistgħu jwasslu għal limitazzjoni fil-kapaċità konjittiva tagħhom, u l-interfaċċi tal-utent joffru biss kontroll limitat fuq id-data tagħhom; billi l-ħin li n-nies iqattgħu quddiem l-iskrins huwa ħin li ma jqattgħux biex ikunu attivi, jiċċaqilqu, ikunu barra, jew jaqtgħu u jirrilassaw, li kollha huma assoċjati mal-benessri fiżiku u mentali kif ukoll huma kruċjali għall-iżvilupp tat-tfal; billi l-adolexxenti li jqattgħu ammont żgħir ta’ ħin fuq il-komunikazzjoni elettronika huma ġeneralment l-aktar kuntenti; billi n-nies li jieqfu jużaw il-media soċjali għal ġimgħa jesperjenzaw titjib sinifikanti fil-benessri;
H. billi bħala medja, bniet adolexxenti jqattgħu aktar ħin online, fuq l-ismartphones, fuq il-media soċjali u jibagħtu l-messaġġi mis-subien; billi s-subien iqattgħu aktar ħin fuq il-logħob u l-apparat elettroniku b’mod ġenerali; billi l-bniet juru assoċjazzjoni aktar b’saħħitha bejn il-ħin quddiem l-iskrin u s-saħħa mentali fqira mis-subien u huma aktar minn darbtejn aktar probabbli li jkollhom livelli klinikament rilevanti ta’ sintomi depressivi mis-subien; billi servizzi online li joħolqu dipendenza spiss ikunu mmirati lejn il-minorenni jew ikunu aċċessibbli għat-tfal ta’ kull età; billi s-servizzi u l-prodotti kollha li x’aktarx jiġu aċċessati mit-tfal iridu jkunu sikuri għalihom u jqisu l-aħjar interessi tat-tfal;
I. billi l-interfaċċi ta’ xi servizzi diġitali jisfruttaw vulnerabbiltajiet psikoloġiċi simili għal dawk involuti fid-dipendenza fuq il-logħob tal-azzard; billi l-karatteristiċi tad-disinn li joħloq dipendenza intenzjonalment għandhom rwol fil-vulnerabbiltajiet tal-konsumaturi, u jagħmluhom iqattgħu ħafna aktar ħin fuq l-applikazzjonijiet u jikkunsmaw aktar milli maħsub; billi l-pjattaformi jużaw tekniki ta’ ludifikazzjoni, jiġifieri disinn tal-imġiba li juża mekkaniżmi tal-logħob biex jippremjaw it-tlestija tal-kompiti u jagħtu lill-utenti l-illużjoni tal-għażla u l-kontroll, filwaqt li jkunu soġġetti għal skeda ta’ żmien deliberatament ikkurata ħafna;
J. billi l-karatteristiċi tad-disinn li joħloq dipendenza huma ħafna drabi marbuta ma’ mudelli psikosoċjali li jilagħbu fuq il-ħtiġijiet psikoloġiċi, il-vulnerabbiltajiet u x-xewqat tal-konsumaturi, bħall-appartenenza soċjali, l-ansjetà soċjali, il-biża’ li wieħed jitlef xi ħaġa (imħeġġa billi l-informazzjoni tkun disponibbli temporanjament biss, bħal permezz ta’ “stories”, “qed jittajpja...”), l-effetti tan-network, il-ħtieġa biex jintemmu l-kompiti fi fluss, anki jekk interrotti, pereżempju billi jitneħħew il-mumenti intuwittivi kollha biex jintemm kompitu, magħrufa wkoll bħala “stopping cues” (scrolling bla tmiem, “flashes” ta’ kontenut ta’ rilevanza għolja li jinħbew malajr biex ittella’ l-newsfeed tiegħek), “autoplay” billi jiġu stabbiliti għanijiet għall-utenti, bħal “streaks” u tingħata għajnuna għat-telf ta’ awtokontroll; billi l-karatteristiċi tad-disinn jistgħu joħolqu dipendenza għal raġunijiet differenti, bħal premju varjabbli intermittenti, li jwassal għal żieda qawwija tad-dopamina, bħad-dinamika ta’ slot machines, bħal notifiki “push”, jew reċiproċità soċjali li twassal għal reazzjonijiet kimiċi tal-moħħ, fejn minn naħa waħda in-nies jirċievu sodisfazzjon soċjali, bħal likes, u min-naħa l-oħra n-nies iħossu pressjoni soċjali biex jirrispondu lin-nies, bħalma huma l-konfermi li l-messaġġi jkunu nqraw; billi l-karatteristiċi deskritti hawn fuq huma kkombinati ma’ personalizzazzjoni granulari biex jiġu influwenzati l-utenti fuq livell individwali, u b’hekk jiżdiedu l-mudelli ta’ mġiba u r-riskji identifikati; billi t-tfal huma aktar vulnerabbli għal dawk il-karatteristiċi, speċjalment fi stadji ta’ żvilupp aktar bikrija;
K. billi s-servizzi mmexxija mid-data moderna jpoġġu lill-konsumatur f’pożizzjoni aktar dgħajfa u joħolqu żbilanċi fil-poter u asimmetrija diġitali li jirriżultaw fi stat universali ta’ vulnerabbiltà diġitali li jirriżulta minn fatturi interni u esterni lil hinn mill-kontroll tal-konsumatur; billi l-konsumaturi qed jiffaċċjaw b’mod kostanti l-IA li tista’ faċilment tidentifika u tisfrutta l-vulnerabbiltajiet u s-servizzi tagħhom li regolarment ibiddlu l-arkitetturi tal-għażla tagħhom biex jimmassimizzaw ir-rati ta’ konverżjoni u l-interazzjoni; billi dan juri li l-kunċett ta’ vulnerabbiltà ma jridx ikun ristrett għal gruppi “tradizzjonalment protetti” iżda jrid jinkludi l-konsumaturi kollha;
L. billi l-prattiki li joħolqu dipendenza ġew studjati b’mod empiriku u jinkludu karatteristiċi ta’ disinn bħal “scrolling infinit”, tlugħ mill-ġdid tal-paġna “pull-to-refresh”, karatteristiċi tal-vidjo “li jindaqqu awtomatikament mingħajr tmiem”, rakkomandazzjonijiet personalizzati, “notifiki ta’ qbid mill-ġdid (recapture)”, jiġifieri notifiki biex terġa’ tikseb l-attenzjoni tal-utenti wara li jitilqu minn servizz jew app, “riproduzzjoni bl-appuntament” f’ċerti mumenti matul il-ġurnata, disinn li jwassal għal “time fog” li jikkawża perċezzjoni dilwita tal-ħin jew “notifiki soċjali foloz” li joħolqu l-illużjoni ta’ aġġornamenti fi ħdan iċ-ċirku soċjali tal-utent online, billi tali karatteristiċi spiss jinstabu flimkien ma’ elementi personalizzati; billi l-konsumaturi huma mħajra jqattgħu aktar ħin fuq dawn il-pjattaformi; billi karatteristiċi oħra tad-disinn persważivi huma elementi bħal-“like-button”, il-“funzjonijiet tal-konferma li l-messaġġi jkunu nqraw”, il-wirjiet ta’ “qed jittajppja”, iżda wkoll in-numru ta’ segwaċi miġbura fuq pjattaforma, il-kuluri li jużaw il-pjattaformi, notifiki “push” u restrizzjonijiet tal-ħin tal-kontenut, bħal “stories” temporanjament disponibbli; billi l-iżvilupp estremament rapidu tal-media soċjali jirrikjedi riċerka kontinwa speċjalment fir-rigward tas-saħħa mentali u fir-rigward tal-minorenni;
M. billi ċerti sistemi ta’ rakkomandazzjoni, li huma bbażati kemm fuq il-personalizzazzjoni kif ukoll fuq l-interazzjoni bħall-klikks u l-likes, jirrappreżentaw karatteristika importanti ta’ disinn persważiv, li joħloq dipendenza jew ta’ mġiba; billi s-sistemi ta’ rakkomandazzjoni fl-istess ħin jistgħu jikkontribwixxu għall-funzjonalità tal-pjattaformi biex tissaħħaħ l-interazzjoni soċjali, iżda spiss ikunu mmirati wkoll biex iżommu lill-utenti fuq il-pjattaforma; billi l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) introduċa għadd ta’ obbligi ta’ trasparenza dwar is-sistemi ta’ rakkomandazzjoni;
N. billi ħafna kumpaniji tat-teknoloġija jużaw dashboards sperimentali biex jibbażaw id-deċiżjonijiet tad-disinn tagħhom fuqhom; billi tali esperimenti fil-ħajja reali jsiru direttament fuq il-konsumaturi mingħajr l-għarfien jew il-kunsens tagħhom; billi mhuwiex ċar sa liema punt tali esperimenti huma soġġetti għal miżuri ta’ sikurezza minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza fl-użu tagħhom;
O. billi l-karatteristiċi tad-disinn li joħloq dipendenza deskritti hawn fuq ma jistgħux jiġu solvuti sempliċement billi jiġu imposti limiti ta’ żmien fuq is-servizzi online, peress li dan l-approċċ jittrasferixxi l-piż fuq l-individwu minflok jindirizza l-kwistjoni ewlenija tad-disinn li joħloq dipendenza tas-servizzi online mmexxija bl-iskop ta’ qligħ; billi l-ebda waħda mill-pjattaformi ta’ “soluzzjonijiet” implimentata ma wasslet għal bidla serja jew tnaqqis fl-użu tas-servizzi online; billi l-adoloxxenti ma jaċċettawx faċilment ir-regolamentazzjoni tal-ġenituri tal-użu tagħhom tal-media soċjali u ħafna drabi jsibuha faċli biex iduru ma’ kwalunkwe restrizzjoni teknika imposta fuqhom; billi miżuri bħall-kontrolli tal-ġenituri u l-litteriżmu diġitali huma komplementari għar-responsabbiltà tal-fornituri li jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet tat-tfal fl-ambjent diġitali, b’mod partikolari permezz ta’ miżuri ta’ sikurezza mid-disinn biex jiġi żgurat li d-disinn tal-prodotti u s-servizzi tagħhom ma jikkawżax ħsara lit-tfal; billi r-riċerka wriet li l-istabbiliment ta’ regoli ċari u komunikazzjoni kostruttiva mat-tfal jista’ jgħin biex tiġi evitata d-dipendenza fuq il-media soċjali; billi s-servizzi diġitali għandhom jipprovdu pjattaforma li l-ġenituri u l-edukaturi jkunu jistgħu jikkonsultaw għal informazzjoni dwar il-perikli tal-użu eċċessiv tal-Internet u kif jikkomunikaw dwar il-kwistjoni mat-tfal u ż-żgħażagħ; billi qed isiru diskussjonijiet fil-kuntest ta’ inizjattivi mhux leġiżlattivi li għaddejjin bħalissa bħall-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE dwar disinn adattat għall-età (bħala parti mill-istrateġija Ewropea tal-2022 għal Internet aħjar għat-tfal (BIK+)), l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea għas-saħħa mentali, u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (DEAP) 2021-2027;
P. billi l-Artikoli 25, 27, 28 u 38 tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali jipprevedu projbizzjoni ta’ karatteristiċi qarrieqa jew manipulattivi, obbligi ta’ trasparenza u għażla għas-sistemi ta’ rakkomandazzjoni u t-tfassil ta’ profili kif ukoll miżuri għall-protezzjoni tal-minorenni; billi d-DSA jintroduċi dispożizzjonijiet kontra l-użu ta’ “elementi qarrieqa” iżda dawn huma limitati għall-arkitettura tal-għażla u jinfluwenzaw l-għażliet iżda ma jindirizzawx disinn ta’ mġiba li joħloq dipendenza per se, barra minn hekk huma limitati fl-ambitu peress li ma japplikawx għas-servizzi kollha online iżjda japplikaw biss għal pjattaformi online, u b’hekk jeskludu servizzi problematiċi kruċjali bħal-logħob online; billi l-leġiżlazzjoni orizzontali, l-Att dwar l-IA(10) li daqt jiġi adottat ifittex li jipprojbixxi s-sistemi tal-IA li jużaw karatteristiċi subliminali iżda huwa limitat għal sistemi li “huma manipulattivi apposta jew jużaw tekniki qarrieqa”;
Disinn li joħloq dipendenza ta’ servizzi online
1. Jilqa’ l-kontroll tal-idoneità tal- “ġustizzja diġitali” imwettaq mill-Kummissjoni Ewropea tal-liġi tal-konsumatur, bħala opportunità unika biex titwitta t-triq għal ġenerazzjoni ġdida ta’ leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur li se treġġa’ lura t-tendenzi negattivi, li ilhom idgħajfu l-pożizzjoni tal-konsumaturi u jnaqqsu d-drittijiet tal-konsumaturi f’dinja ddominata mit-teknoloġiji diġitali; għal dan l-għan, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex il-kontroll tal-idoneità tagħha jirrevedi l-kunċetti u d-definizzjonijiet fil-liġi tal-konsumatur bħad-definizzjoni ta’ “konsumatur”, “konsumatur vulnerabbli” u “negozjant” sabiex tipproteġi lill-konsumaturi mill-ħsara u tirreaġixxi għall-isfidi li ġġib magħha l-epoka tad-data;
2. Jemmen li d-dipendenza diġitali u t-teknoloġiji persważivi huma problemi li jirrikjedu rispons regolatorju komprensiv mill-UE, b’sensiela ta’ inizjattivi ta’ politika ta’ appoġġ, biex tiġi indirizzata b’mod sinifikanti d-dipendenza diġitali u biex iċ-ċittadini jingħataw is-setgħa li jiddeterminaw kif jużaw is-servizz u l-prodotti diġitali biex iwessgħu l-għanijiet tagħhom stess u jiġu protetti kontra forom ġodda ta’ dipendenza u użi problematiċi tal-Internet;
3. Jinsab allarmat li ċerti pjattaformi u kumpaniji teknoloġiċi oħra jisfruttaw vulnerabbiltajiet psikoloġiċi biex jiddisinjaw interfaċċi diġitali għal interessi kummerċjali li jimmassimizzaw il-frekwenza u t-tul taż-żjarat tal-utenti, sabiex itawlu l-użu tas-servizzi online u joħolqu impenn mal-pjattaforma; jisħaq li d-disinn li joħloq dipendenza jista’ jikkawża ħsara lis-saħħa fiżika u psikoloġika kif ukoll ħsara materjali lill-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta b’mod urġenti jekk hemmx lakuni regolatorji eżistenti u tagħlaqhom, fejn xieraq, fir-rigward tal-vulnerabbiltajiet tal-konsumaturi, l-elementi qarrieqa u l-karatteristiċi li joħolqu dipendenza tas-servizzi diġitali;
4. Jisħaq li minkejja l-qafas legali tal-UE li qed jevolvi b’mod b’saħħtu fil-qasam diġitali, inklużi d-DSA jew l-Att dwar l-IA, il-kwistjoni tad-disinn li joħloq dipendenza mhix koperta biżżejjed fil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, u jekk ma tiġix indirizzata tista’ twassal għal aktar deterjorament fil-qasam tas-saħħa pubblika, speċjalment dik li taffettwa lill-minorenni; iqis li jekk is-suġġett ikompli ma jiġix indirizzat, il-Parlament għandu jieħu rwol ta’ tmexxija u juża d-dritt tiegħu ta’ inizjattiva leġiżlattiva; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura infurzar b’saħħtu u robust tal-leġiżlazzjoni eżistenti kollha dwar il-kwistjoni bl-ogħla grad possibbli ta’ trasparenza; jistieden lill-Kummissjoni tadotta l-linji gwida meħtieġa skont l-Artikoli 25 u 35 tad-DSA għal dak l-għan;
5. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina liema inizjattivi ta’ politika huma meħtieġa u tipproponi leġiżlazzjoni kontra d-disinn li joħloq dipendenza, fejn xieraq u meħtieġ; jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tiżgura livell ugwali ta’ ġustizzja online u offline; iħeġġeġ lill-Kummissjoni fir-rieżami tagħha tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali(11) (UCPD), id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur(12) u d-Direttiva dwar it-Termini Kuntrattwali Inġusti(13) – l-hekk imsejjaħ kontroll tal-idoneità diġitali – tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni fl-ambjent diġitali b’attenzjoni biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li qed jikbru madwar id-disinn li joħloq dipendenza, ta’ mġiba u manipulattiv tas-servizzi online u fi ħdan dan ir-rieżami tivvaluta wkoll id-definizzjoni ta’ “konsumatur”, “konsumatur vulnerabbli” u “negozjant” fl-era diġitali; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat infurzar effettiv u koerenti tal-liġi tal-konsumatur, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lil gruppi vulnerabbli bħat-tfal;
6. Ifakkar li l-istudju tal-imġiba tal-Kummissjoni dwar prattiki kummerċjali żleali fl-ambjent diġitali sab li dispożizzjonijiet ta’ trasparenza kontra elementi qarrieqa u prattiki ta’ personalizzazzjoni manipulattivi kemm għall-konsumaturi medji kif ukoll dawk vulnerabbli mhumiex biżżejjed biex jikkumbattu l-konsegwenzi negattivi; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta b’mod urġenti li jiġu pprojbiti l-aktar prattiki dannużi, li għadhom mhumiex imniżżla fuq lista sewda bħala prattiki kummerċjali qarrieqa fl-Anness I tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali jew leġiżlazzjoni oħra tal-UE; ifakkar li diversi elementi qarrieqa u prattiki manipulattivi diġà jistgħu jiġu pprojbiti skont il-lista ta’ prattiki kummerċjali qarrieqa fl-Anness I tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali; barra minn hekk, l-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali bbażati fuq il-prinċipji dwar id-diliġenza professjonali, l-ommissjonijiet u l-azzjonijiet qarrieqa, u l-prattiki aggressivi jipprovdu bażi għall-valutazzjoni tal-ġustizzja tal-biċċa l-kbira tal-prattiki min-negozju għall-konsumatur;
7. Ifakkar li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tassonomiji tal-elementi qarrieqa tinnota li ċerti karatteristiċi tad-disinn li joħolqu dipendenza jista’ jkun li mhumiex ikkunsidrati fil-leġiżlazzjoni attwali, inkluż l-iscrolling infinit u l-funzjoni awtomatika tal-autoplay; jisħaq li karatteristiċi oħra ta’ disinn li joħolqu dipendenza bħal notifiki “push” kostanti jew notifiki tal-konferma li l-messaġġi nqraw mhumiex koperti mil-leġiżlazzjoni eżistenti lanqas; ifakkar li għad hemm inċertezzi legali dwar ir-regoli applikabbli għal disinn ta’ interfaċċi li joħloq dipendenza; jissottolinja l-gwida tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali; jisħaq fuq l-importanza li l-gwida tinżamm aġġornata u li tiġi pprovduta ċertezza legali fil-kuntest ta’ żviluppi teknoloġiċi ġodda; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta u tipprojbixxi tekniki dannużi li joħolqu dipendenza li mhumiex koperti mil-leġiżlazzjoni eżistenti;
8. Iqis li kwalunkwe reviżjoni tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali għandha tqis is-suxxettibbiltà tal-konsumaturi minħabba l-pożizzjoni ta’ setgħa mhux ugwali fir-relazzjoni bejn in-negozjant u l-konsumatur li tirriżulta minn fatturi interni u esterni lil hinn mill-kontroll tal-konsumatur; jisħaq li l-awtonomija tal-konsumaturi ma għandhiex tiġi mminata mill-prattiki kummerċjali tan-negozjanti, b’mod partikolari d-disinn u t-tħaddim tal-interfaċċa; għal dan l-għan, huwa tal-fehma li d-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali għandha tintegra l-kunċett ta’ asimmetrija diġitali; jinnota li kemm il-konsumaturi kif ukoll l-infurzaturi spiss ma jkunux jafu x’jiġri wara l-interfaċċi tas-servizzi online minħabba nuqqas ta’ għarfien u informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li treġġa’ lura l-oneru tal-provi għal prattiki li l-Kummissjoni jew l-awtoritajiet nazzjonali sabu li joħolqu dipendenza jew jassumi li jagħmlu dan; iqis li l-impriżi għandu jkollhom obbligu li jiżviluppaw prodotti u servizzi diġitali etiċi u ġusti li jkunu ħielsa minn elementi qarrieqa u disinn qarrieqi jew li joħloq dipendenza; iqis li dan jikkostitwixxi diliġenza professjonali raġonevoli; jinnota li l-kondiviżjoni tal-eżiti li jinsabu fuq dashboards tal-esperimentazzjoni tal-fornituri tas-servizzi online, fejn applikabbli, u l-effetti konsegwenti fuq l-utenti fuq il-pjattaformi tagħhom mal-awtoritajiet u l-konsumaturi hija strumentali biex jiġu ppruvati l-effetti tal-karatteristiċi tad-disinn, inkluż li l-karatteristika tad-disinn ma toħloqx dipendenza; jistieden lill-Kummissjoni teżamina u tirrevedi l-esperimentazzjoni mal-konsumaturi f’dan ir-rigward; iqis li d-definizzjoni ta’ “deċiżjoni tranżazzjonali” fid-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali tinkludi t-tkomplija tal-użu tas-servizz (eż. l-iscrolling permezz ta’ feed), biex tara l-kontenut tar-reklamar jew tikklikkja link, kif deskritt fil-linji gwida tal-Kummissjoni dwar id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali; itenni li l-liġi orizzontali tal-konsumatur trid twieġeb għall-fatt li l-asimmetrija diġitali taffettwa wkoll l-infurzaturi u għal dan l-għan jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi u fejn rilevanti ssaħħaħ ir-Regolament dwar il-Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumatur(14);
9. Jappella li ssir valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-effetti li joħolqu dipendenza u fuq is-saħħa mentali ta’ sistemi ta’ rakkomandazzjoni bbażati fuq l-interazzjonijiet, b’mod partikolari sistemi iperpersonalizzati, li jżommu lill-utenti fuq il-pjattaforma għal żmien twil kemm jista’ jkun aktar milli jagħtuhom informazzjoni b’mod aktar newtrali u jagħtu attenzjoni partikolari lis-servizzi mhux koperti mill-obbligi skont d-DSA; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara aktar il-valutazzjoni tar-riskju u l-mitigazzjoni tal-pjattaformi online kbar ħafna (VLOPs) fir-rigward tal-ħsara potenzjali għas-saħħa kkawżata mid-disinn li joħloq dipendenza tas-sistemi ta’ rakkomandazzjoni fl-infurzar tal-Artikoli 34 u 35 tad-DSA; jappella ukoll li jiġi eżaminat jekk u sa liema punt huwa mixtieq obbligu li ma jintużawx sistemi ta’ rakkomandazzjoni bbażati fuq l-interazzjonijiet u jekk il-liġi tal-konsumatur għandhiex tagħti lill-konsumaturi personalizzazzjoni sinifikanti li tippermettilhom kontroll effettiv; jissottolinja li huwa evidenti mit-testimonjanzi tal-informaturi li jistgħu jintużaw sistemi alternattivi ta’ rakkomandazzjoni aktar sikuri, bħal dawk ibbażati fuq ordni kronoloġika, dawk b’aktar kontroll reali tal-utent fuq il-kontenut li jintwera jew dawk ibbażati fuq konfigurazzjonijiet aktar sikuri, jeżiġi l-protezzjoni tal-konsumaturi permezz ta’ alternattivi aktar sikuri anki jekk dawn l-alternattivi jkunu inqas profittabbli għall-pjattaformi tal-media soċjali; jistieden lill-Kummissjoni tesplora opportunitajiet biex tippromwovi l-ftuħ tal-infrastruttura tan-network soċjali sabiex l-utenti jistgħu jkollhom aċċess għal applikazzjonijiet ta’ partijiet terzi jew li jżidu funzjonalitajiet esterni mal-interfaċċi oriġinali u b’hekk jitbiegħdu mill-aspetti oriġinali u li joħolqu dipendenza tal-media soċjali;
Disinn etiku tas-servizzi online
10. Jitlob li, fir-rieżami tagħha tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar id-disinn li joħloq dipendenza, il-Kummissjoni tressaq “dritt li wieħed ma jiġix disturbat” diġitali sabiex tagħti s-setgħa lill-konsumaturi billi tneħħi l-karatteristiċi kollha li jfittxu l-attenzjoni mid-disinn u tippermetti lill-utenti jagħżlu li jattivaw dawn il-karatteristiċi b’mezzi sempliċi u faċilment aċċessibbli, possibbilment bi twissija obbligatorja mehmuża dwar il-perikli potenzjali tal-attivazzjoni ta’ dawn il-karatteristiċi “opt-in”, filwaqt li l-konsumaturi jingħataw għażla u awtonomija reali mingħajr ma jitgħabbew b’piż żejjed ta’ informazzjoni;
11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi disinn etiku tas-servizzi online b’mod awtomatiku; jemmen bis-sħiħ li l-fornituri għandhom jitbiegħdu mill-karatteristiċi tal-pjattaforma li jinkoraġġixxu enfażi fuq il-monopolizzazzjoni tal-attenzjoni tal-utenti; jistieden lill-Kummissjoni toħloq lista ta’ prattiki tajba ta’ karatteristiċi tad-disinn li ma joħolqux dipendenzi jew mhumiex manipulattivi u tiżgura li l-utenti jkollhom kontroll sħiħ u jistgħu jieħdu azzjonijiet konxji u infurmati online mingħajr ma jiffaċċjaw ammont eċċessiv ta’ informazzjoni jew ikunu soġġetti għal influwenzar subkonxju; jisħaq li l-azzjonijiet ta’ politika f’dan il-qasam m’għandhomx ipoġġu piż fuq il-konsumaturi, speċjalment l-utenti vulnerabbli jew il-kustodji legali tagħhom, iżda jindirizzaw il-ħsara kkawżata mid-disinn li joħloq dipendenza; jinnota l-aħjar prattiki ta’ “aħsibha qabel ma tikkondividi”, it-tifi tan-notifiki kollha awtomatikament, rakkomandazzjonijiet online aktar newtrali, bħal dawk ibbażati fuq ordni kronoloġika jew kontroll akbar mill-utent, għażla minn qabel bejn apps bil-kulur u fuq skala griża, jew twissijiet meta l-utenti jqattgħu aktar minn 15-il minuta jew 30 minuta fuq servizz speċifiku jew imblukkar awtomatiku ta’ ċerti servizzi online meta dak is-servizz ikun intuża għal perjodu ta’ żmien partikolari, speċjalment għall-minorenni, l-opzjoni biex l-utenti jillimitaw l-aċċess għal ċerti applikazzjonijiet bejn ċerti ħinijiet, b’mod partikolari għall-minorenni, jew sommarji ta’ kull ġimgħa tal-ħin totali, mqatta’ quddiem l-iskrin, diżaggregat ulterjorment skont is-servizz online jew kampanji ta’ sensibilizzazzjoni fl-applikazzjonijiet dwar ir-riskji potenzjali li jirriżultaw minn imġiba online problematika; barra minn hekk, jemmen li l-użu wiesa’ ta’ linji gwida edukattivi u pjanijiet ta’ prevenzjoni, kif ukoll kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, għandhom jippromwovu strateġiji ta’ awtokontroll biex jgħinu lill-individwi jiżviluppaw imġiba online aktar sikura u drawwiet ġodda tajbin għas-saħħa;
12. Jemmen li kwalunkwe rispons fil-livell tal-UE għandu jkollu l-għan li joħloq konsultazzjoni, kooperazzjoni u kollaborazzjoni sinifikattivi mal-partijiet ikkonċernati u bejniethom, u għandu jinvolvi b’mod partikolari dawk li jfasslu l-liġijiet, il-korpi tas-saħħa pubblika, il-professjonisti tal-kura tas-saħħa, l-industrija, b’mod partikolari l-SMEs, kif ukoll ir-regolaturi tal-media, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u l-NGOs; jisħaq li l-partijiet ikkonċernati huma mħeġġa jaħdmu b’mod kollaborattiv biex jiżviluppaw, jivvalutaw u jieħdu azzjonijiet regolatorji biex jipprevjenu u jimminimizzaw il-ħsara assoċjata ma’ mġiba online problematika; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita djalogu sinifikattiv bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu pprovduti fora xierqa għal dan id-djalogu;
13. Jisħaq fuq l-impatt sinifikanti tad-disinn li joħloq dipendenza fuq l-individwi kollha iżda speċjalment fuq it-tfal u l-adolexxenti; jissottolinja l-ħtieġa għal aktar riċerka dwar id-disinn li joħloq dipendenza, il-forom u l-effetti tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina, tiffaċilita u tiffinanzja riċerka mmirata u jistiedenha tagħmel sforzi internazzjonali addizzjonali biex tippromwovi r-regolamentazzjoni tad-disinn li joħloq dipendenza online f’dan ir-rigward u l-ħtieġa li jiġu promossi u implimentati inizjattivi tal-politika u standards tal-industrija dwar is-sikurezza mid-disinn ta’ servizzi u prodotti diġitali għat-tfal li jistgħu jrawmu l-konformità mad-drittijiet tat-tfal;
o o o
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Il-ħin medju ta’ kuljum imqatta’ fl-użu tal-Internet mill-utenti online madwar id-dinja sar-raba’ kwart tas-sena 2022, skont l-età u l-ġeneru, Statista, it-22 ta’ Mejju 2023, https://www.statista.com/statistics/1378510/daily-time-spent-online-worldwide-by-age-and-gender/.
Lopez-Fernandez, O. and Kuss, D., Harmful Internet Use Part I: Internet addiction and problematic use (L-użu dannuż tal-Internet - Parti I: Id-dipendenza fuq l-Internet u l-użu problematiku tiegħu), EPRS, STOA, p. 51, https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2019/624249/EPRS_STU(2019)624249_EN.pdf.
Lopez-Fernandez, O. and Kuss, D., Harmful Internet Use Part I: Internet addiction and problematic use (L-użu dannuż tal-Internet - Parti I: Id-dipendenza fuq l-Internet u l-użu problematiku tiegħu), EPRS, STOA, p. 51, https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2019/624249/EPRS_STU(2019)624249_EN.pdf.
Ara, fost l-oħrajn: Sohn, S., Rees, P., Wildridge, B., Kalk, N. J., u Carter, B. R. (2019). Prevalence of problematic smartphone usage and associated mental health outcomes amongst children and young people: a systematic review, meta-analysis and GRADE of the evidence (Il-prevalenza tal-użu problematiku tal-ismartphone u r-riżultati tas-saħħa mentali assoċjati fost it-tfal u ż-żgħażagħ: analiżi sistematika, metaanaliżi u GRADE tal-evidenza). BMC Psychiatry, 19, 2019. Peterka-Bonetta, J., Sindermann, C., Elhai, J.D., Montag, C., Personality associations with smartphone and internet use disorder: a comparison study including links to impulsivity and social anxiety (Assoċjazzjonijiet tal-personalità b’disturb fl-ismartphone u fl-użu tal-internet: studju ta’ tqabbil li jinkludi rabtiet mal-impulsività u l-ansjetà soċjali). Front Public Health 7:127, 2019; Samra, A., Warburton, W. A., u Collins, A. M., Social comparisons: A potential mechanism linking problematic social media use with depression (Paraguni soċjali: Mekkaniżmu potenzjali li jorbot l-użu problematiku tal-media soċjali mad-dipressjoni). Journal of Behavioral Addictions, 2022; Laconi, S. et al. Cross-cultural study of Problematic Internet Use in nine European countries (Studju transkulturali dwar l-Użu Problematiku tal-Internet f’disa’ pajjiżi Ewropej), Fi: Computers in Human Behavior, 84, pp.430-440, 2018; Lopez-Fernandez, O. u Kuss, D. Harmful Internet Use Part I: Internet addiction and problematic use (L-użu dannuż tal-Internet - Parti I: Id-dipendenza fuq l-Internet u l-użu problematiku tiegħu), EPRS, STOA, p. 51; Cesarina Mason, M., Zamparo, G., Marini, A., u Ameen, N. Glued to your phone? Generation Z’s smartphone addiction and online compulsive buying (Imwaħħal mat-telefon tiegħek? Id-dipendenza fuq l-ismartphone tal-Ġenerazzjoni Z u x-xiri kompulsiv online) Fi: Computers in Human Behaviour, Vol.136, Novembru 2022; Learning to deal with Problematic Usage of the Internet (Tagħlim biex jittrattaw Użu Problematika tal-Internet), Edizzjoni Riveduta/Azzjoni COST 2023; cBoer, M. #ConnectedTeens Social media use and adolescent wellbeing (#ConnectedTeens: L-użu tal-media soċjali u l-benesseri tal-adolexxenti), 2022; Neophytou, E. Manwell, L.A. u Eikelboom, R. Effects of excessive screen time on neurodevelopment, learning, memory, mental health, and neurodegeneration: a scoping review (L-effetti tal-ħin eċċessiv quddiem l-iskrin fuq l-iżvilupp newroloġiku, it-tagħlim, il-memorja, is-saħħa mentali, u n-newrodeġenerazzjoni: reviżjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni), Int J Ment Health Addiction, 19, 2019, pp. 724-744.
Boer, M. #ConnectedTeens Social media use and adolescent wellbeing (#ConnectedTeens: L-użu tal-media soċjali u l-benesseri tal-adolexxenti), 2022; Boer, M., Stevens, G. Finkenauer, C., van den Eijnden, R., Attention Deficit Hyperactivity Disorder-Symptoms, Social Media Use Intensity, and Social Media Use Problems (Id-Disturb tal-Iperattività u ta’ nuqqas ta’ attenzjoni: Sintomi kif ukoll l-Użu Intensiv u Problemi tal-Media Soċjali), F’Adolescents: Investigating Directionality, Child Development, 91, 4, 2020.
Neophytou, E., Manwell, L.A. u Eikelboom R., Effects of excessive screen time on neurodevelopment, learning, memory, mental health, and neurodegeneration: a scoping review (L-effetti tal-ħin eċċessiv quddiem l-iskrin fuq l-iżvilupp newroloġiku, it-tagħlim, il-memorja, is-saħħa mentali, u n-newrodeġenerazzjoni: reviżjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni), Int J Ment Health Addiction, 19, 2019, pp. 724-744.
Koning, I.M., et al., Bidirectional effects of internet-specific parenting practices and compulsive social media and internet game rules, (Effetti bidirezzjonali ta’ prattiki tat-trobbija tat-tfal speċifiċi għall-Internet u regoli kompulsivi dwar il-media soċjali u l-logħob tal-internet), Journal of Behavioral Addictions 2018, 624-632.
Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1).