Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2023/2107(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0373/2023

Testi mressqa :

A9-0373/2023

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2023 - 10.3
CRE 13/12/2023 - 10.3

Testi adottati :

P9_TA(2023)0463

Testi adottati
PDF 165kWORD 57k
L-Erbgħa, 13 ta' Diċembru 2023 - Strasburgu
Ir-relazzjonijiet UE-Ġappun
P9_TA(2023)0463A9-0373/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2023 dwar ir-relazzjonijiet UE-Ġappun (2023/2107(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta adottata fid-29 Summit bejn UE u l-Ġappun li sar Brussell fit-13 ta’ Lulju 2023,

–  wara li kkunsidra l-41 Laqgħa Interparlamentari UE-Ġappun, li saret Strażburgu fit-13 ta’ Lulju 2023,

–  wara li kkunsidra d-19-il Djalogu ta’ Livell Għoli dwar l-Ambjent bejn l-UE u l-Ġappun, li sar fit-23 ta’ Jannar 2023,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika(2), fis-seħħ minn Frar 2019,

–  wara li kkunsidra d-dokument intitolat “Towards a Green Alliance to protect our environment, stop climate change and achieve green growth” (Lejn Alleanza Ekoloġika biex jitħares l-ambjent tagħna, jitwaqqaf it-tibdil fil-klima u jinkiseb it-tkabbir ekoloġiku), adottat fis-Summit UE-Ġappun tas-27 ta’ Mejju 2021,

–  wara li kkunsidra l-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża approvata mill-Kunsill fil-21 ta’ Marzu 2022,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija Diġitali bejn il-Ġappun u l-UE li ġiet varata fis-Summit UE-Ġappun li sar Tokyo fit-12 ta’ Mejju 2022,

–  wara li kkunsidra l-Kunċett Strateġiku tan-NATO għall-2022, adottat fis-Summit ta’ Madrid fid-29 u fit-30 ta’ Ġunju 2022,

–  wara li kkunsidra d-dokument strateġiku intitolat “Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b’Saħħitha – Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea” ta’ Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tas-16 ta’ Settembru 2021 intitolata “L-Istrateġija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku” (JOIN(2021)0024) u l-istrateġiji Indo-Paċifiċi adottati minn diversi Stati Membri tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal-1 ta’ Diċembru 2021 intitolata “Il-Portal Globali” (Global Gateway) (JOIN(2021)0030),

–  wara li kkunsidra “The Partnership on Sustainable Connectivity and Quality Infrastructure between the European Union and Japan” (Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Konnettività Sostenibbli u Infrastrutturi ta’ Kwalità) iffirmata Brussell fis-27 ta’ Settembru 2019 matul l-ewwel Forum Europa dwar il-Konnettività,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal-20 ta’ Ġunju 2023 intitolata “Strateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika” (JOIN(2023)0020),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għas-Saħħa Globali tat-30 ta’ Novembru 2022,

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ġappun dwar is-semikondutturi u l-Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ġappun biex jappoġġa konnettività globali permezz ta’ kejbil sottomarin sigur, reżiljenti u sostenibbli, iffirmati fit-3 ta’ Lulju 2023 f’Tokyo waqt l-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta’ Sħubija Diġitali bejn il-Ġappun u l-UE,

–  wara li kkunsidra l-Arranġament Amministrattiv dwar il-Kooperazzjoni fil-Ktajjen tal-Provvista tal-Materja Prima Kritika bejn l-UE u l-Ġappun, iffirmat fis-6 ta’ Lulju 2023,

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Kooperazzjoni UE-Ġappun dwar l-Idroġenu, iffirmat mill-Kummissjoni u mill-Ġappun fit-2 ta’ Diċembru 2022,

–  wara li kkunsidra l-ħames laqgħa tad-Djalogu dwar il-Politika Spazjali bejn l-UE u l-Ġappun, li saret Brussell fis-17 ta’ Jannar 2023, u l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni Copernicus,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal-10 ta’ Marzu 2023 dwar l-aġġornament tal-Istrateġija dwar is-Sigurtà Marittima tal-UE u l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha “Strateġija mtejba għas-Sigurtà Marittima kontra tħeddidiet marittimi li qegħdin jevolvu” (JOIN(2023)0008),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/362 tal-14 ta’ Frar 2023 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun dwar ċerti dispożizzjonijiet ta’ ftehimiet bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għas-servizzi tal-ajru(3),

–  wara li kkunsidra l-Arranġament Amministrattiv bejn EUNAVFOR ATALANTA u l-Forzi tal-Ġappun għall-Iskjerament tad-Difiża f’Wiċċ il-Baħar għall-Infurzar fil-Ġlieda kontra l-Piraterija, iffirmat fil-15 ta’ Marzu 2023,

–  wara li kkunsidra l-Arranġament Qafas ta’ Riċerka għall-kooperazzjoni fil-qasam tal-prospettiva bejn iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) u l-Istitut Nazzjonali tal-Politika Xjentifika u Teknoloġika (NISTEP), iffirmat fit-13 ta’ Lulju 2023,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji tal-Kummerċ Diġitali adottati fit-tielet Djalogu Ekonomiku ta’ Livell Għoli bejn l-UE u l-Ġappun li sar fis-27 ta’ Ġunju 2023,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1453 tat-13 ta’ Lulju 2023 li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1533 li jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni tal-għalf u tal-ikel li joriġinaw jew li jintbagħtu mill-Ġappun wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima(4),

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Kopresidenti tal-Forum Ministerjali UE-Indo-Paċifiku, li sar Stokkolma fit-13 ta’ Mejju 2023,

–  wara li kkunsidra l-pjan il-ġdid tal-Ġappun għal Indo-Paċifiku liberu u miftuħ (“Il-Futur tal-Indo-Paċifiku”) imħabbar f’Marzu 2023,

–  wara li kkunsidra l-istrateġiji ta’ sigurtà tal-Ġappun aġġornati f’Diċembru 2022 (Strateġija ta’ Sigurtà Nazzjonali, Strateġija ta’ Difiża Nazzjonali, Programm ta’ Tisħiħ tad-Difiża),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tal-Ġappun għas-Saħħa, varata f’Mejju 2022,

–  wara li kkunsidra l-Hiroshima for Global Peace Plan,

–  wara li kkunsidra d-dokument intitolat “ASEAN Outlook on the Indo-Pacific” (AOIP) (Prospettivi tal-ASEAN dwar ir-Reġjun Indo-Paċifiku), maħruġ fl-34 Summit tal-ASEAN, li sar f’Ġunju 2019,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji tal-G20 għall-Investimenti Infrastrutturali ta’ Kwalità,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida Operattivi tal-G20 dwar il-Finanzjament Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar il-Ġlieda Kontra t-Tixħim tal-Uffiċjali Pubbliċi Barranin fit-Tranżazzjonijiet Kummerċjali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali dwar l-Imġiba Responsabbli fin-Negozju,

–  wara li kkunsidra l-Komunikat tal-Mexxejja tal-G7 f’Hiroshima, tal-20 ta’ Mejju 2023, inklużi d-dikjarazzjonijiet tal-mexxejja dwar l-Ukrajna, il-Viżjoni dwar id-Diżarm Nukleari, ir-Reżiljenza Ekonomika u s-Sigurtà Ekonomika, il-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija bbażata fuq l-Enerġija Nadifa u d-Dikjarazzjoni ta’ Azzjoni għal Sigurtà tal-Ikel Globali Reżiljenti,

–  wara li kkunsidra s-Sħubija tal-G7 għall-Infrastruttura u l-Investiment Globali,

–  wara li kkunsidra l-Komunikat adottat mill-Ministri għas-Saħħa fl-okkażjoni tas-Summit tal-G7 ta’ Nagasaki tal-14 ta’ Mejju 2023,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta dwar era ġdida tas-sħubija trilaterali tat-18 ta’ Awwissu 2023 maqbula mill-Ġappun, mir-Repubblika tal-Korea u mill-Istati Uniti waqt is-summit trilaterali tal-mexxejja li sar Camp David,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-25 ta’ Novembru 2020 intitolat “NATO 2030: United for a New Era” (NATO 2030: magħqudin għal era ġdida) tal-Grupp ta’ Riflessjoni maħtur mis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO),

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) konkluża fl-10 ta’ Diċembru 1982 u li ilha fis-seħħ mis-16 ta’ Novembru 1994,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Globali ta’ Kunming-Montreal dwar il-Bijodiversità, adottat fid-19 ta’ Diċembru 2022 fil-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP15) għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-aggressjoni kontra l-Ukrajna, adottata fit-2 ta’ Marzu 2022,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Ftehim ta’ Pariġi, fis-seħħ mill-4 ta’ Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ April 2014 li fiha r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar in-negozjati dwar ftehim ta’ sħubija strateġika UE-Ġappun(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Diċembru 2018 dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni tad-data personali mogħtija mill-Ġappun(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Lulju 2020 dwar il-ħtif internazzjonali u nazzjonali ta’ tfal tal-Unjoni minn ġenitur fil-Ġappun(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Novembru 2020 dwar ir-Rieżami tal-Politika Kummerċjali tal-UE(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Jannar 2021 dwar il-konnettività u r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Asja(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Ġunju 2022 dwar l-UE u l-isfidi tas-sigurtà fl-Indo-Paċifiku(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Jannar 2023 dwar l-implimentazzjoni tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni – rapport annwali 2022(11),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0373/2023),

A.  billi fl-2024 l-UE u l-Ġappun se jiċċelebraw 50 sena ta’ relazzjonijiet diplomatiċi; billi matul id-deċennji r-rappreżentanti tagħhom iltaqgħu fl-ogħla livelli fil-qafas ta’ 29 summit;

B.  billi l-Ġappun huwa s-sieħeb strateġiku prinċipali tal-UE fir-reġjun Indo-Paċifiku; billi ż-żewġ naħat jaqsmu flimkien firxa ferm wiesgħa ta’ valuri u għanijiet; billi l-isfidi globali u, b’mod partikolari, it-tensjonijiet dejjem akbar fir-reġjun Indo-Paċifiku jirrikjedu sħubija dejjem aktar stretta bejn l-UE u l-Ġappun; billi l-UE u l-Ġappun isegwu approċċi komuni f’livell bilaterali u f’fora multilaterali bħall-G7, il-G20, in-Nazzjonijiet Uniti, l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-OECD, kif ukoll allinjament bħala donaturi tal-istess fehma;

C.  billi l-UE u l-Ġappun impenjaw ruħhom biex jikkollaboraw flimkien u ma’ firxa wiesgħa ta’ sħab tal-istess fehma bil-għan li jippromwovu l-paċi, is-sigurtà, l-istat tad-dritt, ir-responsabbiltà ambjentali u klimatika, ir-reżiljenza ekonomika, il-valuri demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem, u jippromwovu l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u l-multilateraliżmu, inkluża l-libertà ta’ navigazzjoni, f’xenarju ta’ sigurtà globali u reġjonali dejjem akter kumpless; billi l-UE u l-Ġappun jistinkaw biex jaqsmu bejniethom ir-responsabbiltà fir-relazzjonijiet internazzjonali ħalli jrawmu żvilupp u prosperità ġusti u sostenibbli, jindirizzaw il-bżonnijiet umanitarji, jiksbu diġitalizzazzjoni u żvilupp teknoloġiku antropoċentriċi, jindirizzaw il-kriżijiet tal-klima u tal-bijodiversità u jtejbu s-sigurtà tas-saħħa;

D.  billi l-gwerra Russa kontra l-Ukrajna wriet il-bżonn li jitjiebu l-alleanzi fir-reġjun Indo-Paċifiku u jkun hemm kollaborazzjoni aktar stretta mas-sħab tal-istess fehma fid-dinja kollha;

E.  billi l-Ġappun huwa attur importanti f’diversi fora u pjattaformi ta’ djalogu fir-reġjun Indo-Paċifiku, pereżempju, is-Summit tal-Asja tal-Lvant u d-Djalogu Kwadrilaterali ta’ Sigurtà (QUAD);

F.  billi l-UE hija s-sieħeb prinċipali ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, wieħed mis-sħab kummerċjali l-aktar importanti u l-investitur ewlieni fir-reġjun Indo-Paċifiku; billi s-sigurtà tal-Ewropa u dik tar-reġjun Indo-Paċifiku huma interkonnessi mill-qrib;

G.  billi għall-UE huwa importanti ferm li tikkoopera mal-Ġappun fid-dawl tal-piż ekonomiku, demografiku u politiku dejjem akbar tar-reġjun Indo-Paċifiku kif ukoll tal-pożizzjoni strateġika tal-pajjiż f’termini ġeopolitiċi u ġeoekonomiċi; billi kemm l-UE kif ukoll il-Ġappun qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi soċjoekonomiċi simili; billi l-UE u xi Stati Membri tagħha jindirizzaw il-kwistjonijiet tar-reġjun Indo-Paċifiku permezz tal-istrateġiji tagħhom għar-reġjun Indo-Paċifiku; billi l-Ġappun kien wieħed mill-ewwel pajjiżi li adotta strateġija ta’ sigurtà ekonomika u l-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni dwar l-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika fl-20 ta’ Ġunju 2023;

H.  billi l-UE u l-Ġappun jimmiraw lejn paċi u stabbiltà fir-reġjun Indo-Paċifiku kollu kemm hu, u dan huwa marbut b’mod inseparabbli mal-paċi u mal-istabbiltà tal-kontinent Ewropew; billi reġjun Indo-Paċifiku li jkun liberu u miftuħ huwa għalhekk interess fundamentali li jfittxu kemm il-Ġappun kif ukoll l-UE, b’mod partikolari bil-promozzjoni ta’ ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli li fih il-pajjiżi kollha jirrispettaw id-dritt internazzjonali u l-prinċipju tas-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti; billi l-Ġappun huwa difensur importanti tal-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli fir-reġjun; billi ż-żewġ naħat jopponu kwalunkwe tentattiv unilaterali ta’ tibdil tal-istatus quo bil-forza jew bil-koerċizzojni fl-Istrett tat-Tajwan u tennew aktar minn darba li huwa pprojbit il-ksib ta’ territorju bil-forza; billi ż-żewġ naħat iqisu li l-kunflitti fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar u fil-Baħar taċ-Ċina tal-Lvant għandhom jiġu solvuti paċifikament abbażi tad-dritt internazzjonali, inkluża l-UNCLOS, u mingħajr l-ebda parti tirrikorri għall-koerċizzjoni kontra l-pretendenti l-oħra; billi l-UNCLOS tiddefinixxi l-qafas ġuridiku li fih għandhom isiru l-attivitajiet kollha fl-oċeani u fl-ibħra;

I.  billi f’Diċembru 2022 il-Ġappun adotta strateġiji nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża ġodda; billi fid-19 ta’ April 2021 il-Kunsill adotta l-istrateġija tal-UE għall-kooperazzjoni fir-reġjun Indo-Paċifiku;

J.  billi l-UE u l-Ġappun jorganizzaw regolarment konsultazzjonijiet u djalogi dwar kwistjonijiet marbuta mas-sigurtà u mad-difiża, fosthom iċ-ċibersigurtà, id-diżinformazzjoni u l-ispazju, filwaqt li jikkooperaw ukoll f’dawk li huma n-nonproliferazzjoni nukleari, id-diżarm nukleari u l-ġestjoni tal-kriżijiet; billi l-UE u l-Ġappun dan l-aħħar varaw djalogu strateġiku fil-livell tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin;

K.  billi l-Ġappun huwa sieħeb tan-NATO fid-difiża tan-normi u tar-regoli globali; billi s-sħubija NATO-Ġappun kompliet tissaħħaħ bil-Programm ta’ Sħubija Individwali Personalizzat għall-perjodu 2023-2026;

L.  billi EUNAVFOR ATALANTA u l-Forza Ġappuniża ta’ Difiża jikkooperaw b’suċċess u jwettqu eżerċizzji navali konġunti fil-Golf ta’ Aden u fil-Baħar Għarbi; billi l-UE u l-Ġappun qegħdin jeżaminaw il-kooperazzjoni biex jagħtu taħriġ u tisħiħ tal-kapaċitajiet fl-oqsma tas-sigurtà marittima u taż-żamma tal-paċi għas-sħab fix-Xlokk tal-Asja u fl-Afrika, anki permezz tal-proġett “Rotot Marittimi Kritiċi fl-Oċean Indjan” (CRIMARIO) tal-UE;

M.  billi l-Ġappun u l-UE kkundannaw konġuntament il-ksur kontinwu tar-riżoluzzjoni rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Korea ta’ Fuq; billi l-UE esprimiet solidarjetà mal-Ġappun kontra l-provokazzjonijiet tal-Korea ta’ Fuq;

N.  billi kemm l-UE kif ukoll il-Ġappun urew appoġġ affidabbli għall-Ukrajna u l-kundanna tagħhom għall-gwerra ta’ aggressjoni brutali, mhux provokata u illegali tar-Russja; billi l-UE u l-Ġappun impenjaw ruħhom li jżommu l-pressjoni fuq ir-Russja, anki permezz ta’ miżuri restrittivi, u jipprevjenu li r-Russja taħrab mill-miżuri restrittivi;

O.  billi t-tisħiħ tal-forzi militari, l-attivitajiet militari u politika barranija dejjem aktar assertiva taċ-Ċina qed jikkawżaw tensjonijiet fir-reġjun Indo-Paċifiku;

P.  billi kemm l-UE kif ukoll il-Ġappun kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ operazzjonijiet ta’ influwenza barranija u kampanji ta’ diżinformazzjoni min-naħa ta’ atturi awtoritarji;

Q.  billi kemm l-UE kif ukoll il-Ġappun impenjaw ruħhom favur in-newtralità klimatika sal-2050; billi l-Ġappun huwa sieħeb kruċjali għall-UE fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi; billi biex tiġi indirizzata l-kriżi doppja tal-klima u tal-bijodiversità hemm bżonn kontributi adegwati min-naħa tal-UE u tal-Ġappun għall-finanzjamenti għall-klima, inkluż b’mod partikolari l-Fond għat-Telf u l-Ħsara;

R.  billi l-Prim Ministru Ġappuniż Shinzo Abe kien mistieden speċjali fil-Forum dwar il-Konnettività tal-UE li sar Brussell f’Settembru 2019, li fih l-UE u l-Ġappun ikkonkludew Sħubija dwar il-Konnettività Sostenibbli u l-Infrastrutturi ta’ Kwalità; billi din is-sħubija kienet l-ewwel waħda ta’ din ix-xorta; billi l-UE u l-Ġappun impenjaw ruħhom li jsostnu konnettività sigura, sostenibbli u affidabbli fil-kuntest tas-Sħubija għall-Infrastruttura u l-Investiment Globali; billi għandhom prijorità partikolari l-kejbils sottomarini transoċeaniċi, anki tul ir-rotta Artika, u l-proġetti dwar it-trasformazzjoni tal-enerġija, kif ukoll l-investiment fil-ktajjen tal-provvista reżiljenti;

S.  billi t-trasformazzjoni diġitali u l-kompetizzjoni globali għat-teknoloġija għandhom dimensjonijiet ekonomiċi u ta’ sigurtà importanti; billi l-UE u l-Ġappun għandhom interessi komuni li jikkooperaw fil-qasam tal-iffissar ta’ standards internazzjonali, tal-intelliġenza artifiċjali (IA), l-infrastrutturi tan-network, tal-computing kwantistiku u tat-teknoloġiji innovattivi;

T.  billi fil-futur qarib jidħol fis-seħħ ftehim ta’ sħubija ġdid bejn l-UE u l-Istati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku; billi dan jiftaħ opportunitajiet għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Ġappun f’dak li għandu x’jaqsam mal-impenn rispettiv tagħhom mal-pajjiżi tar-reġjun Indo-Paċifiku;

U.  billi l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali tiffissa standards ta’ regolamentazzjoni globali għas-sikurezza, għas-sigurtà u għall-prestazzjoni ambjentali tat-trasport marittimu internazzjonali;

V.  billi l-UE u l-Ġappun huma d-donaturi prinċipali ta’ għajnuna globali għall-iżvilupp; billi l-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Aġenzija Ġappuniża għall-Kooperazzjoni Internazzjonali ffirmaw ftehimiet, anki fil-qasam tat-trasport, tal-investimenti infrastrutturali, tal-mikrofinanzi u tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

W.  billi l-kooperazzjoni fi kwistjonijiet xjentifiċi, tas-soċjetà, kulturali u politiċi u l-iskambju reċiproku ta’ esperjenza jistgħu jsaħħu s-sħubija u jiksbu riżultati għaċ-ċittadini taż-żewġ naħat; billi d-diplomazija parlamentari u r-relazzjonijiet bejn il-partiti jistgħu jiżvolġu rwol kostruttiv f’dan il-kuntest;

X.  billi s-Sħubija Diġitali bejn il-Ġappun u l-UE ġiet varata fis-Summit UE-Ġappun li sar Tokyo fit-12 ta’ Mejju 2022;

Y.  billi t-tieni Forum Ministerjali UE-Reġjun Indo-Paċifiku sar Stokkolma fit-13 ta’ Mejju 2023;

Z.  billi d-49 summit tal-G7 sar Hiroshima mid-19 sal-21 ta’ Mejju 2023;

AA.  billi l-Ġappun għadu ma aboliex il-piena tal-mewt u jkompli japplikaha;

AB.  billi l-Ġappun ma jinsabx f’pożizzjonijiet għoljin ħafna fit-tqabbil internazzjonali fil-qasam tal-parità bejn il-ġeneri;

AC.  billi l-Ġappun irratifika fid-19 ta’ Lulju 2022 il-Konvenzjoni Nru 105 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar l-Abolizzjoni tax-Xogħol Furzat;

1.  Jenfasizza li r-relazzjoni bejn l-UE u l-Ġappun hija waħda bejn sħab tal-istess fehma, mibnija fuq bażi soda ta’ valuri komuni, demokrazija, kummerċ ħieles, għanijiet komuni u interessi kompatibbli ma’ xulxin, fatt li jagħmel lill-Ġappun wieħed mis-sħab tal-UE l-aktar importanti u fdati fid-dinja; jenfasizza bil-qawwa l-interess tal-UE li tapprofondixxi u twessa’ din is-sħubija b’mod bilaterali kif ukoll f’kuntesti plurilaterali u multilaterali; huwa favur approċċ tat-tip “Tim Ewropa” fir-rigward tar-relazzjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, flimkien, l-UE u l-Ġappun jirrappreżentaw kważi 25 % tal-PDG dinji, is-sħubija tista’ u jmissha tiżvolġi rwol importanti biex tgħin jissawwar ordni internazzjonali paċifiku, ibbażat fuq ir-regoli, inklużiv, ġust, sostenibbli u prosperu;

2.  Jirrikonoxxi r-rwol fundamentali tal-ftehim ta’ sħubija ekonomika UE-Ġappun u tal-ftehim ta’ sħubija strateġika UE-Ġappun f’din ir-relazzjoni f’mument ta’ taqlib ġeopolitiku; jinkoraġġixxi liż-żewġ naħat juru r-rieda politika meħtieġa biex jirratifikaw il-ftehim ta’ sħubija strateġika, b’mod partikolari dawk l-Istati Membri tal-UE li għadhom ma għamlux hekk; jitlob li jkun hemm implimentazzjoni sħiħa taż-żewġ ftehimiet; jilqa’ pożittivament l-iżvilupp ta’ network dejjem aktar sfiq ta’ djalogi, konsultazzjonijiet, memoranda u ftehimiet bilaterali, bis-Summit UE-Ġappun annwali fiċ-ċentru; jilqa’ favorevolment ukoll relazzjonijiet dejjem aktar stretti bejn il-Ġappun u l-Istati Membri individwali tal-UE; jissottolinja s-sinifikat tan-network multilaterali tal-politika kummerċjali u jfaħħar lill-Ġappun għar-rwol ta’ gwida tiegħu fil-konklużjoni tal-Ftehim Komprensiv u Progressiv għas-Sħubija Trans-Paċifika (CPTPP) u jirrakkomanda lill-UE tfittex kooperazzjoni mill-qrib u, meta possibbli, l-integrazzjoni;

3.  Ifaħħar is-suċċess diplomatiku tax-xogħol tal-Presidenza Ġappuniża tal-G7 fl-2023; jistieden lill-Kummissjoni tikkonċentra fuq ir-riżultati identifikati fil-Komunikat tal-Mexxejja tal-G7 f’Hiroshima u jilqa’ favorevolment il-kooperazzjoni eċċellenti ġenerali fi ħdan il-G7 fir-rigward, fost oqsma oħra, tar-reżiljenza ekonomika u tas-sigurtà ekonomika; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-UE, inklużi tal-aġenziji u tal-istituzzjonijiet finanzjarji tagħha, teħtieġ ukoll li tikkoopera mill-qrib ħafna mal-Ġappun fil-G20, fid-WTO, fin-Nazzjonijiet Uniti u fl-aġenziji speċjalizzati tagħhom, fil-UNFCCC, fl-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-istandardizzazzjoni, fl-istituzzjonijiet finanzjarji u fil-formati internazzjonali l-oħra favur il-paċi, is-sigurtà marittima, in-nonproliferazzjoni u r-reżilejnza għat-theddid ibridu kif ukoll id-drittijiet tal-bniedem, il-prosperità, l-istat tad-dritt u l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU; jilqa’ pożittivament il-fatt li l-Ġappun ingħaqad mal-Arranġament Proviżorju ta’ Arbitraġġ tal-Appell bejn Bosta Partijiet (MPIA) fl-2023 u jistenna li l-Ġappun se jaħdem b’mod kostruttiv għal riforma sinifikattiva tad-WTO u, f’dak il-kuntest, tas-sistema tagħha għas-soluzzjoni ta’ tilwim; jitlob it-twaqqif ta’ proċess regolari ta’ konsultazzjoni parlamentari qabel l-avvenimenti multilaterali;

4.  Josserva b’interess l-isforzi tal-Ġappun biex jippromwovi arkitettura ta’ stabbiltà reġjonali affidabbli mmexxija mill-kunċett ta’ reġjun Indo-Paċifiku liberu u miftuħ, pereżempju permezz tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-QUAD, tad-djalogu tiegħu mal-Istati insulari tal-Paċifiku jew tal-Ftehim ta’ Camp David ta’ dan l-aħħar maqbul mar-Repubblika tal-Korea u mal-Istati Uniti; jilqa’ pożittivament il-passi importanti li ħadu l-Gvern Ġappuniż u r-Repubblika tal-Korea biex jibnu relazzjonijiet orjentati lejn il-futur, billi ż-żewġ pajjiżi huma sħab strateġiċi tal-UE, ta’ importanza fundamentali, tal-istess fehma; jirrikonoxxi t-tħassib kbir tal-Ġappun rigward it-theddida rrappreżentata mill-programmi missilistiċi ballistiċi u mill-belliġeranza dejjem akbar tal-Korea ta’ Fuq; isostni t-talbiet ġustifikati sew tal-Ġappun f’dan il-kuntest, anki f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwistjoni tal-ħtif, u jipproponi li l-Istati Membri tal-UE jmisshom iqisu approċċ aktar koordinat fl-hekk imsejħa Enforcement Coordination Cell (Ċellola ta’ Koordinament tal-Infurzar), li tinsab f’Yokosuka, fil-Ġappun; biħsiebu jikkoopera b’mod kostanti mal-Ġappun ħalli jopponi l-politiki eċċessivament assertivi taċ-Ċina fil-konfront tal-ġirien tagħha; jaqsam mal-Ġappun il-pożizzjoni skont liema t-Tajwan huwa sieħeb importanti u ħabib prezzjuż; itenni li l-paċi u l-istabbiltà fl-Istrett tat-Tajwan jikkostitwixxu elementi indispensabbli ta’ sigurtà u prosperità għall-komunità internazzjonali; jenfasizza li bidla fl-istatus quo fl-Istrett tat-Tajwan hija possibbli biss b’mezzi paċifiċi u bil-kunsens reċiproku; itenni l-appoġġ sħiħ għall-għaqda u għaċ-ċentralità tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) u għall-integrazzjoni tal-Prospettivi tal-ASEAN dwar ir-Reġjun Indo-Paċifiku (AOIP); jisħaq fuq l-importanza ta’ reġjun Indo-Paċifiku liberu u miftuħ, li jkun inklużiv, prosperu u sigur ukoll, kif affermat fid-dikjarazzjoni konġunta tas-Sammit UE-Ġappun tat-13 ta’ Lulju 2023; jikkondividi bis-sħiħ, f’dan il-kuntest, il-kunsiderazzjoni għolja li għandu l-Ġappun fir-rigward tal-ASEAN u s-sostenn tal-Ġappun għall-iżvilupp ta’ kapaċitajiet marittimi għall-pajjiżi ġirien; jisħaq fuq il-bżonn li l-UE tqawwi l-preżenza navali tagħha u żżid l-eżerċizzji konġunti mal-Ġappun u l-waqfiet anki fil-portijiet Ġappuniżi, bi qbil mal-istrateġija tal-UE għall-kooperazzjoni fir-reġjun Indo-Paċifiku u mal-Boxxla Strateġika tal-UE; jilqa’ pożittivament il-fatt li ċerti formati viċi ministerjali ġodda fir-reġjun jinkludu wkoll lill-UE; jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rwol tal-Ġappun fil-kooperazzjoni reġjonali fl-Artiku u huwa favur kollaborazzjoni soda bejn l-UE u l-Ġappun f’dik li hi riċerka fl-Artiku;

5.  Japprezza immens l-appoġġ robust u sod tal-Ġappun, li jinkludi USD 7,6 biljun f’assistenza finanzjarja u f’għotjiet favur l-Ukrajna bħala sostenn għall-awtodifiża tagħha kontra l-gwerra ta’ aggressjoni Russa, b’mod partikolari permezz tal-forniment ta’ vetturi tat-trasport, ġkieket kontra l-balal u tagħmir għat-tneħħija tal-mini; jilqa’ pożittivament il-fatt li fis-7 ta’ Ottubru 2023 beda l-ewwel ċiklu ta’ negozjati bejn il-Ġappun u l-Ukrajna rigward ftehim bilaterali dwar garanziji ta’ sigurtà, kif previst fid-Dikjarazzjoni Konġunta ta’ Appoġġ għall-Ukrajna; jilqa’ pożittivament il-fatt li l-Ġappun adotta firxa wiesgħa ta’ sanzjonijiet fil-konfront tar-Russja, inklużi l-kontrolli fuq l-esportazzjonijiet ta’ teknoloġiji sensittivi, u jsostni aktar allinjament mal-miżuri restrittivi tal-UE; jaqbel mal-Ġappun li huwa ta’ importanza kruċjali li jiġi promoss l-allinjament tal-atturi internazzjonali kollha li jappoġġaw il-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti tas-sovranità nazzjonali u tal-integrità territorjali bil-għan li tiġi faċilitata r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti u jiġi evitat kwalunkwe tentattiv unilaterali intiż li jbiddel l-istatus quo bil-forza jew bil-koerċizzjoni; jesprimi tħassib għall-fatt li l-bilanċ tal-potenza navali u l-kalkolu strateġiku jistgħu jintlaqtu b’mod negattiv jekk Moska u Beijing jagħqdu l-isforzi tagħhom fit-tilwim territorjali tagħhom mal-Ġappun u mal-pajjiżi tax-Xlokk tal-Asja; jesprimi l-impenn ċar tal-UE li tappoġġa l-isforzi biex jiġu difiżi l-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun Indo-Paċifiku, b’mod partikolari fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar, fil-Baħar taċ-Ċina tal-Lvant u fl-Istrett tat-Tajwan, u li tippromwovi reġjun Indo-Paċifiku liberu u miftuħ u jsostni l-Prospettivi tal-ASEAN dwar ir-Reġjun Indo-Paċifiku (AOIP);

6.  Jitlob b’urġenza kooperazzjoni msaħħa mal-Ġappun fl-iżvilupp ta’ relazzjonijiet aktar ibbilanċjati mal-pajjiżi tan-Nofsinhar Globali; jisħaq fuq l-importanza tal-implimentazzjoni tal-politika neċessarja relatata mat-tibdil fil-klima, tal-finanzjament ta’ kummerċ sostenibbli u liberu u ta’ tranżizzjoni enerġetika internazzjonali ġusta; jisħaq fuq l-importanza tal-inizjattiva Global Gateway u l-importanza tal-kooperazzjoni mal-Ġappun biex jiġi żgurat li l-Global Gateway tkun koordinata tajjeb mas-Sħubija tal-G7 għall-Infrastruttura u l-Investiment Globali; jemmen li l-azzjonijiet koordinati fl-investimenti strateġiċi huma ta’ importanza ġeopolitika kbira, permezz tal-mobilizzazzjoni ta’ fondi pubbliċi u privati; jilqa’ b’sodisfazzjon l-ewwel proġetti ta’ konnettività UE-Ġappun u l-proġett “Far North Fiber”;

7.  Jieħu nota tal-bidla fl-istrateġija ta’ sigurtà nazzjonali tal-Ġappun, inkluża ż-żieda fil-baġit ta’ 2 % tal-PDG; jisħaq fuq l-importanza li jkun għassa, u fl-istess ħin jippromwovi l-paċi u l-istabbiltà u jikkontribwixxi biex jonqsu t-tensjonijiet; jilqa’ pożittivament, fl-istess ħin, l-isforzi kollha tal-Ġappun maħsuba biex jistabbilizzaw ir-relazzjonijiet diplomatiċi maċ-Ċina bil-għan li jonqos it-twegħir; jenfasizza li l-oqfsa msaħħa tal-politika tad-difiża tal-UE u tal-Ġappun joffru opportunitajiet ta’ kooperazzjoni ġodda, anki f’dawk li huma s-sigurtà tal-linji marittimi ta’ komunikazzjoni, il-ġlieda kontra l-piraterija u t-terroriżmu u d-difiża tal-libertà ta’ navigazzjoni fir-reġjun; jilqa’ pożittivament il-parteċipazzjoni tal-Ġappun fl-eżerċizzju militari EUNAVFOR ATALANTA u jitlob li jiġi finalizzat il-ftehim li għaddej dwar il-komunikazzjoni mal-Ġappun; ikompli jsostni l-impenn tal-Ġappun favur in-nonproliferazzjoni u dinja mingħajr armi nukleari; jitlob li tinħoloq sħubija ta’ sigurtà komprensiva bejn l-UE u l-Ġappun bħala bażi għal konsultazzjonijiet imsaħħa, eżerċizzji komuni, riċerka u żvilupp komuni fil-qasam tad-difiża u kollaborazzjoni fl-ippjanar konġunt ta’ kontinġenza għal kriżijiet perikolużi; jilqa’ pożittivament il-formati ta’ djalogu 2+2 tal-Istati Membri mal-Ġappun; jilqa’ favorevolment il-Programm ta’ Sħubija Individwali Personalizzat bejn in-NATO u l-Ġappun, iżda jiddispjaċih bil-fatt li l-ftuħ tal-uffiċċju ta’ kollegament tan-NATO fil-Ġappun iddewwem; jipproponi li jinħoloq format ta’ djalogu fil-qasam tas-sigurtà bejn l-UE, in-NATO u l-erba’ pajjiżi sħab tal-Asja-Paċifiku (il-Ġappun, il-Korea, l-Awstralja u New Zealand); jinkoraġġixxi lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jistazzjona attaché militari f’Tokyo; isostni l-parteċipazzjoni tal-Ġappun fl-operazzjonijiet PSDK tal-UE u jkun jilqa’ pożittivament in-negozjati dwar Ftehim Qafas ta’ Parteċipazzjoni UE-Ġappun; jikkritika l-fatt li l-proġett ta’ Kooperazzjoni Msaħħa fil-qasam tas-Sigurtà fl-Asja u mal-Asja (ESIWA) mhuwiex sostanzjali ħafna; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni msaħħa ta’ għarfien marittimu abbażi tal-inizjattiva CRIMARIO; jinsisti fuq il-bżonn li nsegwu l-għan li nwessgħu l-preżenza marittima koordinata tal-UE fl-Oċean Indjan tal-Majjistral anki għall-Paċifiku; jilqa’ pożittivament il-parteċipazzjoni Ewropea, permezz ta’ bastimenti u inġenji tal-ajru ta’ sorveljanza minn Franza, mir-Renju Unit u mill-Ġermanja, fil-monitoraġġ ta-sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti; jinsisti li jiġu inklużi l-kwistjonijiet ta’ sigurtà mhux konvenzjonali pereżempju d-diżinformazzjoni, is-settur ċibernetiku, anki b’mod partikolari l-attakki ċibernetiċi sponsorizzati mill-Istati, l-ispazju u t-tibdil fil-klima; jitlob kooperazzjoni aktar stretta u skambju tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-monitoraġġ tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni u tal-indħil min-naħa ta’ atturi barranin u tal-ġlieda kontra dawn il-fenomeni, kif ukoll tal-kapaċitajiet ta’ previżjoni strateġika;

8.  Jikkondividi l-enfasi tal-Ġappun fuq ir-reżiljenza u s-sigurtà ekonomika u jilqa’ pożittivament l-appoġġ tiegħu għall-paradigma maħsub biex inaqqas ir-riskji; jieħu nota, f’dan il-kuntest, tal-Pjattaforma ta’ Koordinament tal-G7 dwar il-Koerċizzjoni Ekonomika; jipproponi djalogu dwar is-sigurtà ekonomika fil-kuntest tad-Djalogu Ekonomiku f’Livell Għoli UE-Ġappun; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza enormi tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-governanza u tal-istandardizzazzjoni tas-servizzi diġitali u tal-kummerċ ta’ prodotti diġitali, inklużi regoli internazzjonali vinkolanti, b’mod partikolari rigward is-sigurtà tad-data, u bil-għan li jinħolqu opportunitajiet kompetittivi ġusti; jilqa’ b’sodisfazzjon, f’dan il-kuntest, is-Sħubija Diġitali UE-Ġappun; jilqa’ pożittivament in-negozjati dwar il-flussi tad-data fil-qafas tal-ftehim ta’ sħubija ekonomika, dment li d-dispożizzjonijiet orizzontali tal-2018 dwar il-flussi transfruntieri tad-data u l-protezzjoni tad-data personali jkunu integrati fit-test; jibqa’ fiduċjuż li tinżamm l-adegwatezza reċiproka tal-liġijiet fil-qasam tal-protezzjoni tad-data; japprezza l-Qafas tal-G7 għal Kollaborazzjoni fl-Istandardizzazzjoni tat-Teknoloġija Diġitali, il-kooperazzjoni mal-Japan Organization for Metals and Energy Security (Organizzazzjoni tal-Ġappun għall-Metalli u s-Sigurtà Enerġetika, JOGMEC) rigward il-materja prima, id-djalogu fil-qasam tal-politika industrijali u l-Hiroshima AI Process għal intelliġenza artifiċjali responsabbli; isostni l-intenzjoni tal-Ġappun li tagħmel id-demokrazija aktar reżiljenti, billi tirrespinġi t-tentattivi ta’ manipulazzjoni, inkluż it-theddid ibridu, maħsuba biex jimminaw il-fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi; jilqa’ pożittivament, f’dan il-kuntest, l-impenn fil-konfront tal-Mekkaniżmu ta’ Risposta Rapida tal-G7 bħala parti minn sforz kollettiv biex tissaħħaħ id-demokrazija f’livell dinji; isostni l-issuktar tal-kooperazzjoni trilaterali biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fil-livell globali bejn l-UE, il-Ġappun u l-Istati Uniti bil-għan li tiġi indirizzata l-problema tas-sussidji u tal-kundizzjonijiet tas-suq inġusti u li jiġu inklużi sħab oħra; jiddispjaċih bir-riluttanza tal-Ġappun li jipparteċipa f’Orizzont Ewropa; jopponi kwalunkwe eskluzjoni tal-Ġappun minn Orizzont Ewropa u jsostni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jippromwovu l-parteċipazzjoni tal-Ġappun; jemmen li l-adeżjoni tal-Ġappun ma’ Orizzont Ewropa tkun reċiprokament vantaġġuża; jenfasizza li huwa fl-interess reċiproku li tissaħħaħ il-kooperazzjoni u jiżdiedu l-finanzjamenti għax-xjenza, għar-riċerka u għall-innovazzjoni; jimmira li jkompli jsaħħaħ il-kooperazzjoni strateġika dwar il-konnettività diġitali sigura, it-teknoloġiji l-ġodda u l-approċċi komuni għall-iżvilupp diġitali f’livell kemm bilaterali kif ukoll multilaterali; jisħaq fuq l-importanza tal-iffissar ta’ standards internazzjonali abbażi tal-użu ta’ normi miftuħa u mmexxija mill-valuri; ifittex approċċ aktar komuni għat-trasferimenti teknoloġiċi; jixtieq janalizza kooperazzjoni aktar stretta fil-qasam taċ-ċibersigurtà permezz tat-taħriġ konġunt u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni; jisħaq fuq l-importanza strateġika tal-kejbils sottomarini tat-telekomunikazzjonijiet; jemmen li l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni Copernicus, li jipprevedi aċċess liberu u miftuħ għad-data mis-satelliti ta’ osservazzjoni tad-Dinja u l-iskambju ta’ prattiki tajbin, huwa eżempju tajjeb ta’ kooperazzjoni spazjali ċivili li se jkun ta’ ġid għall-ġestjoni fit-tul tar-riżorsi naturali u tal-adattament għall-klima; josserva li l-kooperazzjoni fil-qasam tal-informazzjoni satellitari u tal-ispazju tista’ tiġi eżaminata ulterjorment biex jiżdiedu s-sorveljanza marittima u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni;

9.  Jiddispjaċih bil-fatt li l-Alleanza Ekoloġika UE-Ġappun tal-2021 għadha, fil-biċċa l-kbira, wegħda li ma nżammitx; josserva li l-Ġappun esprima l-impenn kostanti tiegħu biex jissaħħu l-ambizzjonijiet ambjentali reċiproċi fil-livell nazzjonali u multilaterali bi qbil mal-Alleanza Ekoloġika UE-Ġappun; ikun jilqa’ b’mod pożittiv rwol aktar attiv f’dan ir-rigward min-naħa taċ-Ċentru għall-Kooperazzjoni Industrijali UE-Ġappun u tad-Diskussjoni Imprenditorjali madwar Mejda UE-Ġappun, b’mod partikolari dwar ir-riċiklaġġ; jitlob l-aċċelerazzjoni tal-kooperazzjoni enerġetika UE-Ġappun, b’mod partikolari fis-setturi tal-gass naturali likwifikat, tar-riforma tas-suq tal-elettriku u tat-teknoloġiji innovattivi għall-enerġija rinnovabbli; jisħaq fuq il-bżonn li jissaħħaħ id-djalogu UE-Ġappun lejn sigurtà enerġetika, filwaqt li tiġi sostnuta t-tranżizzjoni ekoloġika u tonqos id-dipendenza mir-reġimi totalitarji tal-ktajjen tal-provvista ta’ bażi; josserva li l-Ġappun impenja ruħu li jiskarika l-ilma ttrattat bis-sistema ALPS (Advanced Liquid Processing System) minn Fukushima abbażi biss ta’ standards xjentifiċi, trasparenza u superviżjoni indipendenti; jistieden lill-UE u lill-Ġappun jappoġġaw il-monitoraġġ internazzjonali u indipendenti fit-tul tal-iskariku; jittama fi rwol aktar proattiv min-naħa tal-Ġappun rigward it-telf u l-ħsara, kif ukoll il-finanzjament għall-klima, fit-28 laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (COP28); jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-implimentazzjoni tal-Qafas Globali ta’ Kunming-Montreal dwar il-Bijodiversità, billi l-protezzjoni tal-klima u tal-bijodiversità huma intrinsikament marbutin; ifakkar fil-bżonn ta’ kooperazzjoni biex isir progress fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU), billi jissaħħu l-governanza globali tal-oċeani u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-oċeani;

10.  Jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni bilaterali u tal-kuntatti interpersonali għall-qsim tal-aħjar prattiki dwar kwistjonijiet bħall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet ekonomiċi għan-nisa, il-politika tas-saħħa, is-sigurtà tal-ikel, it-tixjiħ tas-soċjetà, l-iżviluppi kulturali l-ġodda bħall-kultura diġitali jew il-kultura ekoloġika, l-awtonomija lokali, l-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili jew l-prattiki fid-dinja tax-xogħol; japprezza l-iskambji parlamentari u bejn il-partiti u jsostni l-istedina indirizzata lil delegazzjoni ta’ livell għoli tal-Parlament Ġappuniż fi Brussell fl-2024 biex jiġu ċċelebrati l-50 anniversarju tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-UE u l-Ġappun u l-ħames anniversarju tal-Ftehim ta’ Konnettività UE-Ġappun; jenfasizza d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem, li fih l-UE u l-Ġappun jistgħu jiddiskutu, pereżempju, dwar il-piena tal-mewt, li għadha teżisti fil-Ġappun u li l-UE fundamentalment topponi, u dwar kwistjonijiet oħra marbuta mad-drittijiet tal-bniedem ta’ interess reċiproku; japprezza l-iskambju reċiproku dwar l-isforzi biex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni tas-Sinti, tal-Burakumin u ta’ minoranzi oħra; jistieden lill-Kummissjoni tiffinanzja aktar riċerka marbuta mal-Ġappun biex titrawwem il-kompetenza Ewropea dwar il-Ġappun; jipproponi li jinħoloq forum ta’ mexxejja żgħażagħ UE-Ġappun dwar is-sħubija globali favur l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli; itenni t-tħassib tiegħu dwar il-ħtif ta’ minuri mill-ġenituri; jilqa’ b’sodisfazzjon il-Linji Gwida tal-Gvern Ġappuniż dwar ir-Rispett tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Ktajjen tal-Provvista Responsabbli tal-2022; jilqa’ b’sodisfazzjon, f’dan il-kuntest, ir-ratifika min-naħa tal-Ġappun tal-Konvenzjoni Nru 105 tal-ILO dwar ix-Xogħol Furzat fl-2022; jittama li l-Ġappun jirratifika l-konvenzjonijiet ewlenin li fadal u li jista’ jadotta fl-2024 leġiżlazzjoni ekwivalenti għall-proposta għad-direttiva tal-UE dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva; jilqa’ favorevolment il-Komunikat adottat mill-Ministri għas-Saħħa tal-G7 fit-13 u fl-14 ta’ Mejju 2023 f’Nagasaki; jissottolinja li d-dokument jirrikonoxxi l-bżonn ta’ riċerka dwar il-COVID fit-tul (long COVID) u jistieden lill-UE u lill-Ġappun jirrikonoxxu s-sindromi post-akuti marbuta ma’ mard infettiv (PAISs) bħall-COVID fit-tul, is-sindromu ta’ wara l-vaċċin u l-enċefalomijelite mijalġika/sindromu ta’ għeja kronika bħala kriżijiet tas-saħħa pubblika u jikkollaboraw fir-riċerka b’finijiet dijanjostiċi u terapewtiċi;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lill-Gvern tal-Ġappun, lill-Parlament Ġappuniż u lill-organizzazzjonijiet u lill-istituzzjonijiet kollha msemmija fit-test.

(1) ĠU L 216, 24.8.2018, p. 4.
(2) ĠU L 330, 27.12.2018, p. 3.
(3) ĠU L 50, 17.2.2023, p. 1.
(4) ĠU L 179, 14.7.2023, p. 90.
(5) ĠU C 443, 22.12.2017, p. 49.
(6) ĠU C 388, 13.11.2020, p. 150.
(7) ĠU C 371, 15.9.2021, p. 2.
(8) ĠU C 425, 20.10.2021, p. 155.
(9) ĠU C 456, 10.11.2021, p. 117.
(10) ĠU C 493, 27.12.2022, p. 32.
(11) ĠU C 214, 16.6.2023, p. 26.

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Mejju 2024Avviż legali - Politika tal-privatezza