Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2023/2031(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0322/2023

Testi mressqa :

A9-0322/2023

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2023 - 10.5
CRE 13/12/2023 - 10.5

Testi adottati :

P9_TA(2023)0465

Testi adottati
PDF 204kWORD 63k
L-Erbgħa, 13 ta' Diċembru 2023 - Strasburgu
Ir-rwol tal-politika tal-iżvilupp tal-UE fit-trasformazzjoni tal-industriji estrattivi għall-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw
P9_TA(2023)0465A9-0322/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2023 dwar ir-rwol tal-politika tal-iżvilupp tal-UE fit-trasformazzjoni tal-industriji estrattivi għall-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (2023/2031(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jistipula li “L-objettiv prinċipali tal-politika ta’ koperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni għandu jkun it-tnaqqis u, eventwalment, il-qerda tal-faqar. L-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-objettivi ta’ koperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x’aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw”,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tan-NU bit-titolu “Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development” (Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli), adottata fis-Summit tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fi New York fil-25 ta’ Settembru 2015 u s-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) inklużi fiha,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) – COP21 f’Pariġi fit-12 ta’ Diċembru 2015 (il-Ftehim ta’ Pariġi),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni tan-NU, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-13 ta’ Settembru 2007,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Għaxar Prinċipji tal-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) Nru. 169 dwar il-Popli Indiġeni u Tribali,

–  wara li kkunsidra t-tmien Konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO, kif definiti fid-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, b’mod partikolari d-Deċiżjoni COP VIII/28 – Linji gwida volontarji dwar l-inklużjoni tal-kwistjonijiet relatati mal-bijodiversità fil-valutazzjoni tal-impatt,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida għall-Valutazzjoni taċ-Ċiklu tal-Ħajja Soċjali tal-Prodotti tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP),

–  wara li kkunsidra l-eliġibbiltà tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), l-attivitajiet esklużi u l-lista tas-setturi esklużi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni tat-30 ta’ Ġunju 2017 dwar il-Kunsens Ewropew Ġdid għall-Iżvilupp – “Id-dinja tagħna, id-dinjità tagħna, il-futur tagħna”(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/947(2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal-1 ta’ Diċembru 2021 bit-titolu “Il-Portal Globali” (JOIN(2021)0030),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 bit-titolu “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (COM(2019)0640),

–  wara li kkunsidra l-proposta tas-16 ta’ Marzu 2023 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għall-iżgurar ta’ provvista sigura u sostenibbli ta’ materja prima kritika u li jemenda r-Regolamenti (UE) 168/2013, (UE) 2018/858, 2018/1724 u (UE) 2019/1020 (COM(2023)0160) (l-Att dwar il-Materja Prima Kritika),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija l-ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP) (wara l-Ftehim ta’ Cotonou),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Frar 2014 dwar il-promozzjoni tal-iżvilupp permezz ta’ prattiki ta’ negozju responsabbli, inkluż ir-rwol tal-industriji estrattivi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Marzu 2023 dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp(4) (PCD),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A9-0322/2023),

A.  billi l-industriji estrattivi jistgħu jiġu definiti bħala li jinkludu attivitajiet differenti mill-estrazzjoni ta’ materja prima (fjuwils fossili, minerali u aggregati), l-ipproċessar tagħhom u l-konverżjoni tagħhom fi prodotti u servizzi għall-użu mill-konsumaturi, skont in-Nazzjonijiet Uniti(5);

B.  billi l-operazzjonijiet tal-estrazzjoni minerarja fuq skala kbira (LSM) u tal-estrazzjoni artiġjanali u fuq skala żgħira (ASM) kienu tradizzjonalment jeżistu flimkien, it-tip ta’ impjieg u l-valur lokali pprovdut kien ivarja b’mod sinifikanti, peress li l-ASM fil-biċċa l-kbira topera bi gradi għoljin ta’ informalità, intensità tax-xogħol u illegalità, standards okkupazzjonali ħżiena tas-saħħa, tas-sikurezza u tal-ambjent, u livelli relattivament baxxi ta’ investiment kapitali, mekkanizzazzjoni u rkupru ta’ minerali, filwaqt li tipprovdi impjiegi u introjtu għal ħaddiema mingħajr sengħa ħafna drabi f’żoni remoti u rurali, filwaqt li l-impjiegi tal-LSM normalment hija mekkanizzata ħafna u regolata b’mod formali, u tikkontribwixxi għall-ekonomija nazzjonali, iżda bi ftit impatt pożittiv fuq il-komunitajiet lokali; billi skont l-UNEP, il-proġett tal-estrazzjoni artiġjanali u fuq skala żgħira f’żoni protetti u f’ekosistemi kritiċi (ASM-PACE) jistma li l-ASM tipproduċi madwar 10 % tad-deheb tad-dinja, bejn 15 % u 20 % tad-djamanti tagħha, bejn 20 % u 25 % tal-landa u t-tantalu tagħha u 80 % tal-ħaġar prezzjuż ikkulurit(6); billi l-ASM spiss tinvolvi lin-nisa, u b’hekk iżżid il-vulnerabbiltà tagħhom, minħabba n-nuqqas ta’ aċċess għal, l-użu ta’ u l-kontroll fuq art li hija għonja fir-riżorsi u riżorsi produttivi u finanzi oħra;

C.  billi r-riżorsi minerali mhux rinnovabbli għandhom rwol dominanti f’81 pajjiż li kollettivament jirrappreżentaw kwart tal-PDG dinji, nofs il-popolazzjoni tad-dinja u kważi 70 % ta’ dawk li jgħixu f’faqar estrem, skont il-Bank Dinji(7);

D.  billi l-estrazzjoni u l-ipproċessar tar-riżorsi naturali jammontaw għal madwar nofs l-emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra (GHG) u aktar minn 90 % tal-impatti globali fuq il-bijodiversità u l-istress idriku(8);

E.  billi d-deċiżjoni dwar jekk ir-riżorsi naturali humiex sfruttati, liema riżorsi huma involuti u kif dan isir taqa’ taħt is-sovranità ta’ kull pajjiż;

F.  billi l-industriji estrattivi għandu jkollhom rwol kruċjali fl-iżvilupp ta’ ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma għonja fir-riżorsi, billi jipprovdu dħul pubbliku mill-estrazzjoni minerarja u operazzjonijiet relatati mal-estrazzjoni minerarja (minn konċessjonijiet, taxxi u nfiq dirett u indirett fil-pajjiż ta’ operazzjoni), opportunitajiet ta’ impjieg u ta’ infrastruttura, li għandhom il-potenzjal li jnaqqsu l-faqar u jappoġġjaw it-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp soċjali fil-livell nazzjonali u lokali, jekk ikunu preżenti ċerti fatturi;

G.  billi l-industriji estrattivi jista’ jkollhom ukoll impatti soċjali, ekonomiċi, ambjentali u istituzzjonali negattivi severi fil-livell lokali, nazzjonali, reġjonali u globali, billi jikkontribwixxu għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, ix-xogħol furzat, it-tħaddim tat-tfal, l-ispostament furzat, il-faqar, it-tniġġis, il-kompetizzjoni fl-użu tal-ilma, it-telfien tal-bijodiversità, id-deforestazzjoni, il-qerda ta’ siti kulturali u spiritwali, il-fastidju tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent, it-tfixkil tan-nisġa soċjali, il-korruzzjoni, il-volatilità fil-prezzijiet tal-komoditajiet, il-flussi finanzjarji illeċiti, il-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, u l-kunflitti armati, kif ukoll joħolqu ħafna sfidi minħabba n-natura “enklava” tal-industrija estrattiva, bi ftit rabtiet mal-ekonomija lokali; billi l-industriji estrattivi spiss jaffettwaw id-drittijiet tal-komunitajiet indiġeni, u l-istudji tal-impatt ambjentali u soċjali jista’ jkollhom rwol kruċjali biex jipproteġu dawn id-drittijiet;

H.  billi l-aktar teknoloġiji ġodda u adattati kif ukoll id-diġitalizzazzjoni jistgħu jillimitaw ferm– min-natura tagħhom – l-impatti invażivi tal-industriji estrattivi;

I.  billi skont l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE)(9), madwar nofs il-produzzjoni globali tar-ram u tal-litju kienet ikkonċentrata f’żoni li diġà jbatu minn stress idriku qawwi; billi, barra minn hekk, il-maġġoranza tal-postijiet ta’ tħaffir attwali u potenzjali jinsabu f’żoni rurali u indiġeni;

J.  billi l-impatt soċjali u ambjentali negattiv tal-industriji estrattivi jirriskja li jsir aktar sever fil-futur, minħabba x-xejra lejn estrazzjoni minerarja ta’ minerali ta’ kwalità inferjuri, li se twassal għal ammonti akbar ta’ skart, kif ukoll għal domandi ogħla għall-enerġija u l-ilma; billi dan huwa partikolarment inkwetanti għall-persuni emarġinati u vulnerabbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fejn l-impatti tat-tibdil fil-klima diġà qed iżidu l-iskarsezza tal-ilma; jirrimarka, barra minn hekk, li hekk kif ir-riżervi faċilment aċċessibbli jispiċċaw, l-esplorazzjoni qed timxi lejn żoni remoti u spiss fraġli, bħal fil-każ tal-estrazzjoni minerarja minn fond il-baħar;

K.  billi analiżi mill-Bank Dinji(10) tiddikjara li 44 % tal-minjieri operattivi kollha jinsabu fil-foresti, u dan iwassal għal impatt sinifikanti fuq id-deforestazzjoni, kif ukoll fuq il-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali li jiddependu mill-foresti għall-għajxien tagħhom;

L.  billi d-dritt għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni u r-rimedju huma drittijiet tal-bniedem protetti internazzjonalment minquxa fi ftehimiet multilaterali, li jindirizzaw b’mod partikolari t-teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali, li huma ta’ importanza partikolari fil-każ tal-estrazzjoni minerarja;

M.  billi l-industriji estrattivi jistgħu jaffettwaw b’mod pożittiv jew negattiv diversi Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU b’mod dirett jew indirett, b’mod partikolari l-SDG 1 (l-ebda faqar), l-SDG 3 (saħħa tajba u benesseri), l-SDG 6 (ilma nadif u sanità), l-SDG 7 (enerġija affordabbli u nadifa), l-SDG 8 (xogħol deċenti u tkabbir ekonomiku), l-SDG 13 (azzjoni klimatika), l-SDG 15 (il-ħajja fuq l-art) u l-SDG 16 (il-paċi, il-ġustizzja u istituzzjonijiet b’saħħithom);

N.  billi l-SDGs huma universali u għalhekk jirrikjedu koerenza mill-UE fl-azzjoni interna u esterna tagħha; billi ntwera li l-Unjoni Ewropea għandha impatt negattiv fuq il-progress tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw lejn l-SDGs permezz tal-konsum tagħha tar-riżorsi, l-hekk imsejjaħ effett konsegwenzjali(11);

O.  billi l-Ftehimiet ta’ Żvilupp tal-Komunità (CDAs) jistgħu jipprovdu mezz biex tissaħħaħ u titmexxa ’l quddiem relazzjoni sostenibbli u ta’ benefiċċju reċiproku għall-gvernijiet, il-kumpaniji u l-komunitajiet, kif ukoll mezz biex jiġu pprevenuti l-kunflitti u jiżdiedu t-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont; billi l-Bank Dinji jqis is-CDAs bħala l-aħjar prattika għal ftehimiet estrattivi(12); billi l-10 Prinċipji tal-Estrazzjoni Minerarja tal-Kunsill Internazzjonali dwar l-Estrazzjoni Minerarja u l-Metalli (ICMM) jinkoraġġixxu lill-membri tiegħu jwettqu involviment xieraq tal-partijiet ikkonċernati u jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi u tal-komunitajiet ospitanti(13); billi l-Istandard tal-Inizjattiva għal Assigurazzjoni Responsabbli tal-Estrazzjoni Minerarja (IRMA) għal Estrazzjoni Minerarja Responsabbli kienet qed tiżviluppa l-aħjar prattiki dwar kif tista’ ssir estrazzjoni minerarja responsabbli;

P.  billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma għonja fir-riżorsi spiss isofru mis-“saħta tar-riżorsi”, peress li abbundanza ta’ riżorsi naturali s’issa għadha ma wasslitx għall-iżvilupp ekonomiku tagħhom minħabba, fosthom, regolamenti ħżiena, korruzzjoni, nuqqas ta’ trasparenza u ta’ obbligu ta’ rendikont, u dipendenza żejda mid-dħul mill-industriji estrattivi u nuqqas sussegwenti ta’ diversifikazzjoni ekonomika; billi l-Afrika, b’mod partikolari r-reġjun sub-Saħarjan, saret każ klassiku tas-“saħta tar-riżorsi”, minkejja li għandha 30 % tar-riżervi minerali tad-dinja, 8 % tal-gass naturali tad-dinja u 12 % tar-riżervi taż-żejt tad-dinja(14);

Q.  billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw spiss iffaċċjaw sfidi biex jiġbru dħul suffiċjenti minn attività estrattiva minħabba sistemi tat-taxxa dgħajfa jew rigressivi, nuqqas ta’ reżiljenza istituzzjonali, ippjanar fit-tul inadegwat, piżijiet ta’ dejn mhux sostenibbli, flussi finanzjarji illeċiti, korruzzjoni u evażjoni tat-taxxa;

R.  billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jesportaw il-materja prima jiddependu ħafna mid-dħul mit-taxxa minn dawn l-esportazzjonijiet;

S.  billi l-aċċellerazzjoni tal-isforzi biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u tiġi indirizzata d-domanda li qed tiżdied b’mod rapidu għall-materja prima indispensabbli biex jinkisbu t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà u diversifikazzjoni stabbiliti fl-UE, tqajjem kemm sfidi kif ukoll opportunitajiet biex is-settur tal-industriji estrattivi jsir sostenibbli u għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma għonja fir-riżorsi; billi l-UE tista’ tistabbilixxi oqfsa għas-settur tal-industriji estrattivi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw b’tali mod li din id-domanda tiġi sfruttata aħjar f’konformità mal-SDGs billi jiżdied l-ispazju fiskali tagħhom u tingħata spinta lin-nefqa pubblika, kif ukoll ir-rwol tagħhom fil-komunità internazzjonali, filwaqt li jitnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta’ gassijiet serra; billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jeħtieġ li jnaqqsu d-dipendenza tagħhom mill-industriji estrattivi u jespandu l-ekonomiji tagħhom f’setturi orjentati lejn il-futur bħal teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti biex iwessgħu s-sorsi ta’ dħul tagħhom;

T.  billi l-Artikolu 3(5) tat-TUE jobbliga lill-Unjoni biex, fost l-oħrajn, “tikkontribwixxi għall-paċi, is-sigurtà, l-iżvilupp sostenibbli tal-pjaneta, is-solidarjetà u r-rispett reċiproku bejn il-popli, il-kummerċ liberu u ġust, il-qerda tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem”; billi, f’konformità mal-Artikolu 21(1) tat-TUE “l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tkun gwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien tagħha stess”, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

U.  billi l-impenn politiku tal-UE favur il-PCD ġie affermat mill-ġdid fil-Kunsens Ewropew Ġdid għall-Iżvilupp tal-2017, li identifika l-PCD bħala “element kruċjali tal-istrateġija [tal-UE] biex tilħaq l-SDGs u kontribut importanti għall-objettiv usa’ tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp Sostenibbli (PCSD)”;

V.  billi l-politika tal-iżvilupp tal-UE għandha tappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fit-trasformazzjoni tal-industriji estrattivi tagħhom biex jiġi żgurat li dawn jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli f’konformità mal-SDGs u l-Ftehim ta’ Pariġi;

W.  billi l-attivitajiet tal-industriji estrattivi qed iseħħu fil-kuntest globali tal-Ftehim ta’ Pariġi li għandu l-għan li jżomm iż-żieda fit-temperatura globali f’dan is-seklu sew taħt żewġ gradi ogħla mil-livelli preindustrijali u jagħmel il-flussi finanzjarji konsistenti ma’ emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet serra u perkors reżiljenti għat-tibdil fil-klima, kif ukoll fil-kuntest Ewropew tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima(15) li tistipula n-newtralità klimatika fl-UE sal-2050 u tnaqqis ta’ 55 % tas-CO2 sal-2030 meta mqabbel mal-livelli tal-1990, il-pakkett ta’ regolamentazzjoni “Lesti għall-mira ta’ 55 %” jinkludi, fost l-oħrajn, miri vinkolanti ta’ effiċjenza u ċirkolarità, u fil-kuntest tas-Sistema Ewropea għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet riveduta u estiża;

X.  billi l-UE reċentement adottat jew se tadotta leġiżlazzjoni biex ittejjeb ir-responsabbiltà soċjali korporattiva u l-imġiba responsabbli fin-negozju li se jkollha impatt fuq l-industriji estrattivi li joperaw fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħar-Regolament dwar il-Minerali ta’ Kunflitt(16), id-Direttiva dwar ir-Rapportar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà(17), id-Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva li jmiss(18), ir-Regolament dwar il-Projbizzjoni tal-Prodotti tax-Xogħol Furzat li jmiss(19) u l-Att dwar il-Materja Prima Kritika;

Y.  billi r-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas li jiżgura provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika u li jemenda r-Regolamenti (UE) 168/2013, (UE) 2018/858, 2018/1724 u (UE) 2019/1020(20) (l-Att Ewropew dwar il-Materja Prima Kritika) ma jivvalutax b’mod adegwat l-impatti soċjali, ambjentali, tad-drittijiet tal-bniedem u ekonomiċi tal-proposta fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw (kif preskritt mill-għodda għal Regolamentazzjoni Aħjar #35 u l-għodda tal-SDG #19) u fuq l-għajxien tal-komunitajiet indiġeni lokali, inklużi n-nisa u l-bniet(21);

Z.  billi l-impenn tal-UE għal tranżizzjoni ġusta jestendi fuq livell globali u għall-ħtieġa ta’ riformi profondi fid-dimensjonijiet finanzjarji, ta’ governanza, soċjali u ambjentali tas-settur estrattiv;

AA.  billi l-minerali ma humiex distribwiti b’mod uniformi madwar id-dinja, u dan għandu impatt enormi fuq in-Nofsinhar Globali; billi analiżi(22) sabet li fl-2019, 79 % tal-estrazzjoni globali tal-minerali tal-metall oriġinat minn ħamsa mis-sitt bijomi l-aktar għonja fl-ispeċi;

AB.  billi t-Trattat dwar l-Ibħra Miftuħa(23) adottat f’Ġunju 2023 jipprevedi qafas għall-protezzjoni tal-ibħra miftuħa mill-impatti tal-industriji estrattivi u jistabbilixxi l-kondiviżjoni tal-benefiċċji mir-riżorsi ġenetiċi marittimi bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw; billi l-UE wiegħdet EUR 40 miljun bħala parti minn Programm Globali tal-Oċeani sabiex tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-implimentazzjoni tat-trattat;

It-tisħiħ tal-politika ta’ żvilupp tal-UE

1.  Ifakkar li l-UE hija l-akbar donatur ta’ għajnuna għall-iżvilupp fid-dinja, prinċipalment permezz ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u Stati Membri; jisħaq, għalhekk, fuq l-importanza li l-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli jiġu integrati fl-azzjoni esterna kollha tal-UE, b’mod partikolari fil-politiki relatati mal-industriji estrattivi, f’konformità mal-obbligu legali tal-UE li tiżgura l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, kif stabbilit fl-Artikolu 208 tat-TFUE;

2.  Jistieden lill-UE tippromwovi sħubija bejn partijiet ugwali bejn l-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jiddependu b’mod sinifikanti mill-industriji estrattivi; jissottolinja li l-proġetti kollha tal-UE fil-qasam tal-estrazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom joħolqu sitwazzjonijiet ta’ benefiċċju għal kulħadd, inkluż għall-komunitajiet lokali, u għandhom iqiegħdu l-iżvilupp iċċentrat fuq in-nies u ċċentrat fuq l-ambjent fil-qalba tal-objettivi tagħhom u tal-oqfsa ta’ politika operazzjonali kollha; jisħaq, għal dan il-għan, li l-UE għandha tappoġġja lill-pajjiżi b’introjtu baxx u li huma għonja fir-riżorsi biex jitbiegħdu min-natura enklava u mill-mudell ta’ estrazzjoni tas-settur tal-estrazzjoni minerarja, u biex tipprovdi lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw spazju ta’ politika suffiċjenti biex jagħmlu dan, inkluż permezz tal-użu ta’ għodod kummerċjali internazzjonali sabiex tinkiseb industrijalizzazzjoni bbażata fuq ir-riżorsi fil-livell lokali; jisħaq ukoll li l-proġetti jridu jitwettqu b’mod ġust u favorevoli għall-klima u mhux għad-detriment tal-ambjent, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-paċi, permezz tal-aktar metodi innovattivi disponibbli; jirrimarka li l-faċilitazzjoni tal-investiment sostenibbli u l-istrateġija ġenerali tal-UE għall-kummerċ u l-investiment għandhom jinkoraġġixxu opportunitajiet ta’ investiment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, sabiex jintlaħqu l-SDGs; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel is-sostenibbiltà prijorità tal-proġetti tas-settur tal-materja prima fl-ambitu tal-Inizjattiva Global Gateway u tiffaċilita l-aċċess għall-finanzi kif xieraq;

3.  Jisħaq fuq l-importanza li l-industriji estrattivi sostenibbli jiġu integrati fl-ekonomija lokali, sabiex tiġi żviluppata kapaċità industrijali lokali b’valur miżjud għoli għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jemmen li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom id-dritt li jużaw taxxi fuq l-esportazzjoni u restrizzjonijiet kummerċjali leġittimi biex jiżviluppaw il-bażi industrijali tagħhom stess u jużaw ir-riżorsi tad-dazji fuq l-esportazzjoni mill-industriji estrattivi għall-iżvilupp tal-bniedem u t-tisħiħ tas-servizzi pubbliċi bħall-edukazzjoni u s-saħħa; jistieden lill-UE tirrieżamina r-restrizzjonijiet fuq it-taxxi fuq l-esportazzjoni fil-ftehimiet kummerċjali tagħha mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

4.  Jissottolinja li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom jirrispettaw, u jitolbu lill-pajjiżi sħab tagħhom jirrispettaw, il-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet lokali u tal-popli indiġeni, b’mod partikolari d-dritt tal-popli indiġeni għal kunsens liberu u infurmat qabel l-approvazzjoni ta’ kwalunkwe proġett ta’ estrazzjoni li jaffettwa l-artijiet jew it-territorji tagħhom, f’konformità mad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP) u l-Konvenzjoni Nru 169 tal-ILO dwar il-Popli Indiġeni u Tribali; jirrimarka li l-estrazzjoni minerarja żżid ir-riskju tal-ħtif tal-art, f’kuntest fejn il-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw spiss jonqsu milli jirrikonoxxu d-drittijiet normali tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet għall-artijiet li jgħixu fihom; jitlob li jkun hemm konformità mal-Linji Gwida Volontarji tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti, biex jiġi evitat il-ħtif tal-art li jirriżulta mill-industriji estrattivi; jisħaq li l-promozzjoni tad-drittijiet tal-popli indiġeni u l-prattiki tradizzjonali tagħhom hija importanti biex jinkiseb żvilupp sostenibbli u jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima;

5.  Iħeġġeġ lill-UE ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma għonja fir-riżorsi biex inaqqsu d-dipendenza tagħhom mill-industriji estrattivi u jiddiversifikaw l-ekonomiji tagħhom, li huma sensittivi għax-xokkijiet ekonomiċi u l-volatilità tal-prezzijiet, billi tippromwovi alternattivi sostenibbli;

6.  Iqis li l-UE għandha tappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma għonja fir-riżorsi biex jaqbdu u jimmaniġġjaw id-dħul tagħhom mill-ekonomija estrattiva b’mod effettiv u trasparenti sabiex jinkiseb żvilupp inklużiv u sostenibbli għall-benefiċċju tal-popolazzjonijiet tagħhom u l-avvanz tal-SDGs;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-djalogu u l-kooperazzjoni tagħha mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, it-trade unions, il-komunitajiet lokali u l-popli indiġeni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw affettwati direttament mill-industriji estrattivi, sabiex tippromwovi d-drittijiet tagħhom u tiżgura l-involviment sinifikattiv u l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward tat-tfassil u l-valutazzjoni tal-impatti tal-proġetti ewlenin tal-Global Gateway; jissottolinja li l-atturi tas-soċjetà ċivili għandu jkollhom rappreżentanza formali fil-bord ta’ governanza tal-Global Gateway; jilqa’ t-tħabbira tat-tnedija tal-Pjattaforma ta’ Djalogu tas-Soċjetà Ċivili u tal-Awtoritajiet Lokali ta’ Global Gateway biex jiġi żgurat li jseħħ djalogu sinifikattiv meta jintgħażlu u jiġu appoġġjati l-proġetti ta’ Global Gateway;

8.  Jitlob li jitlaqqa’ Grupp ta’ Monitoraġġ ta’ Global Gateway (GGMG) biex jipprovdi sorveljanza robusta u effettiva tal-proġetti kollha ta’ Global Gateway u r-rispett tagħhom għall-prinċipju tal-PCD, magħmul minn atturi tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari, dawk li jirrappreżentaw il-popli indiġeni, il-Membri tal-Parlament Ewropew, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri u esperti rilevanti oħra; jisħaq li l-GGMG għandu jfassal rapport annwali dwar l-impatt tal-proġetti ta’ Global Gateway fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent, il-libertajiet ċivili, il-paċi, l-inugwaljanza u t-tnaqqis tal-faqar; jistieden lill-President tal-Kummissjoni jistieden lill-President tal-GGMG għal-laqgħat kollha tal-Bord ta’ Governanza; jissottolinja li l-GGMG għandu jkollu aċċess għad-dokumenti u l-minuti kollha tal-laqgħat tal-Grupp Konsultattiv dwar in-Negozju, il-Bord ta’ Governanza u l-Pjattaforma ta’ Djalogu tas-Soċjetà Ċivili u tal-Awtoritajiet Lokali;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kapaċità tal-atturi tas-soċjetà ċivili biex jinvolvu ruħhom b’mod effettiv fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, inkluż billi tipprovdi taħriġ u appoġġ f’oqsma bħal-litteriżmu legali, il-ħiliet tan-negozjar, il-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u l-monitoraġġ tal-proġetti;

10.  Jappella lill-UE tappoġġja l-isforzi tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inkluż permezz ta’ assistenza teknika lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, bħall-uffiċjali tal-gvern, il-ġudikatura u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, biex isaħħu l-oqfsa legali u regolatorji tagħhom għall-industriji estrattivi, inklużi miżuri biex iżidu l-governanza u t-trasparenza, jiġġieldu l-korruzzjoni, il-ġestjoni ħażina tad-dħul, il-frodi u l-evażjoni tat-taxxa u l-flussi finanzjarji illeċiti, itejbu l-istandards tax-xogħol, tad-drittijiet tal-bniedem u dawk ambjentali, u jsaħħu l-infurzar tal-liġi; ifakkar li wħud mir-riżorsi naturali li jikkontribwixxu għal uħud mill-aktar kunflitti dejjiema u brutali fid-dinja jgħaddu minn ktajjen tal-provvista marbuta ma’ kumpaniji li joperaw f’pajjiżi żviluppati, jiġifieri fl-UE; jenfasizza l-ħtieġa, għalhekk, li jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja għall-vittmi tal-applikazzjoni ħażina soċjali jew ambjentali tal-leġiżlazzjoni minn kumpaniji multinazzjonali li joperaw f’pajjiżi li qed jiżviluppaw;

11.  Jappella lill-Kummissjoni tressaq Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE dwar l-Investiment Responsabbli fl-Industriji Estrattivi f’Pajjiżi li qed Jiżviluppaw li jkun volontarju għan-negozji u l-istituzzjonijiet ta’ finanzjament għall-iżvilupp, abbozzat b’kontributi mill-industrija u mit-trade unions, kif ukoll minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u minn rappreżentanti ta’ komunitajiet indiġeni u komunitajiet lokali; iqis li l-kodiċi għandu jartikola impenji ċari u prinċipji gwida mfassla apposta għall-investiment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw f’konformità, fost l-oħrajn, mal-proċessi ta’ diliġenza dovuta kif definiti mil-leġiżlazzjoni tal-UE u standards, linji gwida u inizjattivi internazzjonali eżistenti bħall-SDGs tan-NU, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Globali tan-NU, il-Linji Gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) għall-Intrapriżi Multinazzjonali, l-istandards ISO 26000 u l-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi; jisħaq li l-kunsens liberu, minn qabel u infurmat tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali u l-iżvilupp sostenibbli lokali għandu jkun l-objettiv ġenerali tal-kodiċi; jemmen li l-kodiċi għandu jkopri, bħala minimu, impenji dwar:

   (a) l-involviment tal-partijiet ikkonċernati; iqis li meta pajjiż terz ma jkunx illeġiżla għal CDAs obbligatorji, in-negozji Ewropej għandhom jimplimentawhom bħala prerekwiżit għan-negozju; iqis li l-ftehimiet għandhom jiġu nnegozjati fil-qafas ta’ pjattaformi b’diversi partijiet ikkonċernati li jinvolvu b’mod sinifikanti lill-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali, filwaqt li jikkonformaw b’mod effettiv mal-prinċipju ta’ kunsens liberu, minn qabel u infurmat u għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku;
   (b) it-trasparenza, inkluż rappurtar proattiv ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG) dwar proġetti f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, f’konformità mal-prinċipju ta’ materjalità doppja, kif ukoll il-pubblikazzjoni ta’ kuntratti u tranżazzjonijiet finanzjarji, inkluż l-għoti ta’ dettalji dwar il-pagamenti magħmula lill-gvernijiet ospitanti; jissottolinja li l-informazzjoni pubblika kollha għandha tiġi pprovduta b’mod ċar u li jinftiehem biex l-atturi rilevanti jinżammu responsabbli;
   (c) l-Istat tad-dritt u l-prevenzjoni tal-korruzzjoni, inkluża l-konformità mal-oqfsa legali, il-miżuri kontra l-korruzzjoni, it-trasparenza fit-tranżazzjonijiet finanzjarji u l-protezzjoni tal-informaturi;
   (d) kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, bħall-użu tat-tħaddim furzat u tat-tħaddim tat-tfal, id-drittijiet tal-ħaddiema, l-ispostament, id-diskriminazzjoni, id-drittijiet indiġeni, id-drittijiet tan-nisa u l-bniet, l-edukazzjoni, is-saħħa u s-sikurezza, kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri;
   (e) il-protezzjoni ambjentali, il-prestazzjoni u l-impatt, inklużi l-miżuri ta’ prevenzjoni tat-tniġġis, l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-miżuri u r-riżorsi biex jiġu żgurati r-riċiklaġġ xieraq u l-immaniġġjar tal-iskart tal-materja prima;
   (f) il-kontenut lokali u d-diversifikazzjoni ekonomika, inklużi opportunitajiet għaż-żieda tal-valur lokali, l-iżvilupp tal-ħiliet u t-trasferiment tat-teknoloġija biex jiġu promossi d-diversifikazzjoni ekonomika u t-tkabbir inklużiv fil-pajjiżi sħab;
   (g) il-konservazzjoni u l-bijodiversità;
   (h) inizjattivi tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, inklużi programmi ta’ taħriġ u pjattaformi għall-kondiviżjoni tal-għarfien biex jittejjeb il-fehim ta’ prattiki ta’ investiment responsabbli fl-industriji estrattivi;
   (i) mekkaniżmi ta’ lmentar u salvagwardji biex jiġu indirizzati l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-impatti ambjentali kkawżati mill-industriji estrattivi, inkluż l-istabbiliment ta’ korpi ta’ monitoraġġ indipendenti, mekkaniżmi ta’ lmentar u rimedji adegwati;
   (j) qafas ta’ monitoraġġ u rappurtar biex tiġi żgurata l-konformità mal-kodiċi, li jinvolvi rappurtar perjodiku, verifika indipendenti minn parti terza u divulgazzjoni pubblika tal-indikaturi tal-prestazzjoni;

12.  Jikkundanna x-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal; jappella biex tittieħed azzjoni aktar effettiva ħalli jiġu protetti u appoġġjati l-vittmi tax-xogħol furzat u tat-tħaddim tat-tfal, u biex tinstab soluzzjoni sistemika li tqis il-fatturi kollha, jiġifieri l-faqar, l-inugwaljanza, in-nuqqas ta’ aċċess għall-edukazzjoni, u l-aċċettazzjoni soċjali tat-tħaddim tat-tfal;

13.  Iħeġġeġ lill-UE tirdoppja l-isforzi tagħha biex tiġġieled it-tħaddim tat-tfal fl-attivitajiet estrattivi u fil-programmi ta’ appoġġ li jipprovdu opportunitajiet edukattivi u prospetti alternattivi li jiġġeneraw introjtu, sabiex tneħħi lit-tfal minn dawk l-attivitajiet fil-qafas tal-programm tematiku “Sfidi Globali” tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) – Ewropa Globali;

14.  Jistieden lill-UE żżid it-trasferimenti tat-teknoloġija, il-kondiviżjoni tal-għarfien u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet fir-rigward tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b’mod partikolari f’oqsma relatati mal-ġestjoni ambjentali, il-prattiki tal-estrazzjoni minerarja responsabbli u l-użu sostenibbli tar-riżorsi fis-settur tal-industriji estrattivi;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja inċentivi u programmi tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, b’mod partikolari dawk li jinvolvu n-nisa, għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jieħdu passi biex jifformalizzaw is-settur tal-ASM u jintegrawh fl-ekonomija rurali u nazzjonali sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-għajxien tal-komunitajiet lokali, kif ukoll biex jitwaqqfu l-flussi finanzjarji illeċiti li spiss huma responsabbli għall-korruzzjoni u l-kunflitti armati; ifakkar li l-ASM hija attività bbażata ħafna fuq il-ġeneru; jistieden lill-UE tappoġġja l-formazzjoni ta’ kooperattivi u assoċjazzjonijiet tal-estrazzjoni minerarja għan-nisa sabiex jittejbu l-parteċipazzjoni tan-nisa, is-setgħa tan-negozjar, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-indipendenza ekonomika; jenfasizza t-theddida għas-sigurtà tal-ikel u r-riskji ambjentali u tas-saħħa assoċjati mal-attivitajiet mhux regolati tal-ASM fiż-żoni rurali u l-fatt li skont l-UNEP, ħafna attivitajiet tal-ASM iseħħu fuq beni komuni globali ta’ artijiet forestali f’ekosistemi kritiċi li ma kinux jintużaw qabel;

16.  Jinnota bi tħassib li għall-maġġoranza tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma għonja fir-riżorsi, l-isfruttament tal-minjieri, taż-żejt jew tal-gass ma ssarrafx fi żvilupp ekonomiku, uman u soċjali b’bażi wiesgħa; jissottolinja li l-indirizzar tas-“saħta tar-riżorsi” jew il-“paradoss tal-abbundanza” jinvolvi mhux biss id-diversifikazzjoni ekonomika, iżda wkoll it-tisħiħ tar-reżiljenza istituzzjonali, ir-rispett tal-istat tad-dritt u ż-żieda fl-ispazju fiskali ta’ pajjiżi terzi biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp sostenibbli; jisħaq li l-UE għandha tinkoraġġixxi b’mod proattiv il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi fil-pajjiżi sħab, bħat-tassazzjoni diretta, u tagħmilha possibbli li jiġu applikati taxxi fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti bażiċi, sakemm dan ikun kompatibbli mad-WTO u mhux applikat b’mod diskriminatorju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom biex iżidu l-finanzjament konċessjonali b’mod parallel mal-Att dwar il-Materja Prima Kritika; itenni li l-limiti massimi fl-Intestatura 6 tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) iridu jiżdiedu kif xieraq fil-kuntest tar-rieżami tal-QFP li jmiss;

17.  Ifakkar li l-impatti tal-estrazzjoni minerarja jistgħu jestendu għal snin lil hinn mill-għeluq tal-minjiera nnifisha, peress li l-iskart tal-minjieri huwa tossiku, u għalhekk ifixkel l-ambjent, is-servizzi tal-bijodiversità u l-għajxien assoċjat; jappella, għaldaqstant, li jkun hemm governanza effettiva tar-riżorsi minerali matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-operazzjonijiet tal-estrazzjoni minerarja, li tirrikjedi, fost l-oħrajn:

   ir-rikonoxximent tad-drittijiet ta’ kunsens liberu, minn qabel u infurmat tal-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali; l-aċċess tagħhom għall-informazzjoni għall-parteċipazzjoni pubblika effettiva fit-teħid tad-deċiżjonijiet, u l-assigurazzjoni li l-persuni li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ma jiġux penalizzati, ippersegwitati jew iffastidjati,
   it-trasparenza sħiħa tas-settur tal-estrazzjoni fir-rigward tad-dħul u l-kuntratti, f’konformità mar-rekwiżiti tal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI), inkluż dwar it-trasparenza ambjentali,
   l-indirizzar tal-impatti soċjali tal-estrazzjoni minerarja u l-mitigazzjoni tagħhom permezz ta’ approċċ xprunat minn prinċipju ta’ “evita, immitiga, irrestawra”;

Azzjonijiet tal-UE fil-livell multilaterali

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi inizjattiva tal-G20 biex l-estrattivi jaħdmu għall-iżvilupp sostenibbli lokali f’pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma għonja fir-riżorsi; jisħaq li l-inizjattiva għandha titfassal apposta skont kull kuntest u tista’ tinkludi, fost l-oħrajn, appoġġ finanzjarju, assistenza għad-dejn, serħan u kanċellazzjoni tad-dejn, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-governanza, it-tassazzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni taġixxi bħala medjatur f’taħditiet dwar il-ħelsien mid-dejn sabiex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jingħataw l-ispazju finanzjarju ħalli jittrasformaw l-industriji estrattivi mhux sostenibbli u jattiraw industriji estrattivi sostenibbli, kif ukoll jaderixxu ma’ standards ambjentali u soċjali sodi; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja r-riforma u l-espansjoni tal-Inizjattiva dwar is-Sospensjoni tas-Servizz tad-Dejn biex tinkludi pajjiżi vulnerabbli b’introjtu medju, li ħafna minnhom jiddependu mill-estrazzjoni, u biex tħaddem Mekkaniżmu ta’ Skambju tad-Dejn (DSM) fit-tul ħalli jiġu ffaċilitati l-iskambji tad-dejn favur il-klima u n-natura; jisħaq fuq il-ħtieġa li jintemmu r-rifuġji fiskali bħala mezzi għall-flussi finanzjarji illeċiti fis-settur tal-estrazzjoni;

19.  Jistieden lill-UE tippromwovi sħubijiet inklużivi u trasparenti bejn diversi partijiet ikkonċernati fil-livell reġjonali u internazzjonali, billi tiffaċilita d-djalogu u l-kollaborazzjoni bejn il-gvernijiet, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, is-settur privat u l-istituzzjonijiet internazzjonali sabiex tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli fl-industriji estrattivi, filwaqt li trawwem proċessi inklużivi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet; jenfasizza li l-kuntest attwali tad-domanda globali dejjem tikber għal materja prima kritika u l-instabbiltà ġeopolitika li qed tiżdied ifissru li hemm bżonn li jiżdiedu l-isforzi biex tiġi żgurata provvista stabbli, adegwata u diversifikata ta’ materja prima kritika; jisħaq, madankollu, fuq il-ħtieġa li nitbiegħdu minn kultura ta’ estrattiviżmu għal sistema ta’ governanza tar-riżorsi li tqis, fost l-oħrajn, ir-rata ta’ tnaqqis, id-disponibbiltà ta’ sostituti, l-effiċjenza, ir-riċiklaġġ u s-sostenibbiltà tal-konsum; jilqa’ s-sħubija bejn l-UE u t-Tim Qafas Interaġenzjali tan-NU għall-Azzjoni Preventiva, li għandha l-għan li tappoġġja lill-partijiet ikkonċernati nazzjonali u lokali biex itejbu l-ġestjoni tal-art u tar-riżorsi naturali għall-prevenzjoni tal-kunflitti u għal koordinazzjoni aħjar;

20.  Jinnota bi tħassib kbir li jekk ma tiġix ġestita u mmitigata kif xieraq, iż-żieda fid-domanda għal materja prima kritika se twassal għal impatti ambjentali u soċjali negattivi, b’mod partikolari għas-setturi li juru dipendenza qawwija mis-servizzi tal-ekosistema (bħall-agrikoltura, it-turiżmu bbażat fuq in-natura u s-sajd); jisħaq fuq il-ħtieġa li tingħata prijorità lis-sostenibbiltà, lill-effiċjenza u liċ-ċirkolarità fil-livell multilaterali u li titnaqqas id-domanda għal materjali verġni, b’mod partikolari biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tibdil fil-klima, l-istress idriku u t-tniġġis u t-telfien tal-bijodiversità;

21.  Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa urġenti ta’ trattat vinkolanti tan-NU dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem biex jirregola l-attivitajiet ta’ korporazzjonijiet tranżnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra, li jistabbilixxi obbligi ċari dwar id-drittijiet tal-bniedem, rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta u dispożizzjonijiet għall-aċċess għal rimedju, f’konformità mal-Qafas tan-NU “Ipproteġi, Irrispetta u Rrimedja”; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaqdu rwol attiv fin-negozjati attwali dwar l-istrument li għandu jħeġġeġ lill-atturi korporattivi u lill-investituri fis-settur tal-estrazzjoni biex jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, u r-rispett għall-ambjent;

22.  Itenni l-appell tiegħu lill-UE biex tfittex aktar ftehimiet internazzjonali dwar l-għoti ta’ finanzjament għall-klima, it-trasferiment tat-teknoloġija nadifa u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra li joriġinaw, b’mod partikolari, mis-settur tal-estrazzjoni;

23.  Jistieden lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex itejbu l-kooperazzjoni reġjonali tagħhom, billi jiżviluppaw jew jadottaw standards u normi komuni ambjentali, soċjali u tax-xogħol għas-settur tal-industriji estrattivi;

24.  Jitlob lill-UE tappoġġja, b’mod partikolari, lill-Istati Membri tal-Unjoni Afrikana fl-implimentazzjoni ulterjuri tal-Viżjoni dwar l-Estrazzjoni Minerarja fl-Afrika, qafas ta’ politika adottat fl-2009 biex jiġi żgurat li l-kontinent juża r-riżorsi minerali tiegħu b’mod strateġiku għal żvilupp soċjoekonomiku b’bażi wiesgħa, bil-għan li jiġi aġġornat il-qafas sabiex jitħaddnu l-SDGs u l-aġenda dwar it-tibdil fil-klima, bħala opportunità għal żvilupp sostenibbli fil-kontinent; jissottolinja li l-appoġġ tal-UE għandu jinkludi t-tisħiħ tal-kapaċitajiet, l-appoġġ finanzjarju, it-trasferimenti tat-teknoloġija nadifa u l-ġestjoni sostenibbli tal-katina tal-provvista;

25.  Jistieden lill-UE tappoġġja inizjattivi reġjonali, internazzjonali u globali biex ittejjeb it-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont fl-użu u l-ġestjoni tar-riżorsi estrattivi, inkluż l-EITI, li jippromwovi t-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont f’pajjiżi għonja fiż-żejt, fil-gass u fir-riżorsi minerali, l-Appoġġ Programmatiku Globali għall-Estrattivi, fond fiduċjarju tal-Bank Dinji b’diversi donaturi għall-implimentazzjoni inklużiva u sostenibbli tal-EITI f’pajjiżi li qed jiżviluppaw li jiddependu mir-riżorsi biex jappoġġja t-tnaqqis tal-faqar u jagħti spinta lit-tkabbir u l-iżvilupp inklużiv u sostenibbli, il-Proċess ta’ Kimberley, li jipprevjeni l-fluss ta’ djamanti tal-konflitt, u l-Prinċipji Volontarji dwar is-Sigurtà u d-Drittijiet tal-Bniedem;

26.  Jistieden lill-UE tappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tagħhom biex jinnegozjaw kuntratti ġusti u trasparenti ma’ kumpaniji tal-industrija estrattiva; jilqa’, f’dan ir-rigward, l-appoġġ finanzjarju tal-UE mogħti lill-Inizjattiva Connex tal-G7, li ssaħħaħ l-għarfien espert fin-negozjati tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar is-settur tal-estrazzjoni, sabiex il-kuntratti ta’ investiment jitfasslu b’tali mod li jippromwovu s-sostenibbiltà u l-iżvilupp;

27.  Jitlob lill-Kummissjoni żżid l-appoġġ tagħha għas-Sħubija Ewropea għal Minerali Responsabbli, sħubija b’diversi partijiet ikkonċernati maħluqa biex issaħħaħ l-impatt tar-Regolament tal-UE dwar il-Minerali ta’ Kunflitt, billi tiffinanzja aktar proġetti ta’ żvilupp immirati lejn it-titjib tal-prattiki tal-estrazzjoni minerarja lokali, b’mod partikolari fl-ASM, filwaqt li ġġib kundizzjonijiet soċjali, ambjentali u ekonomiċi aħjar għall-ħaddiema tal-minjieri u l-komunitajiet lokali tal-minjieri;

28.  Jitlob lill-Kummissjoni tqis kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Bank Dinji minħabba l-għarfien tagħha tas-settur tal-estrazzjoni u l-appoġġ tagħha tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-proċessi ta’ tranżizzjoni sostenibbli u ekoloġika;

29.  Jistieden lill-UE tipprovdi lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw appoġġ finanzjarju u assistenza teknika biex tgħinhom jimplimentaw il-Qafas Globali tal-Bijodiversità ta’ Kunming-Montreal u t-Trattat tan-NU dwar l-Ibħra Miftuħa;

It-tisħiħ tal-politika u l-qafas legali tal-UE

30.  Jilqa’ l-fatt li l-UE ħadet passi biex tiżviluppa regolamenti vinkolanti fil-qasam tad-diliġenza dovuta korporattiva, bħar-Regolament dwar il-Minerali ta’ Kunflitt, id-Direttiva dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà, l-abbozz ta’ direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva u l-abbozzi ta’ regolamenti dwar il-projbizzjoni ta’ prodotti magħmula b’xogħol furzat u dwar il-Materja Prima Kritika, li għandhom, flimkien, direttament jew indirettament, ikollhom sehem fit-trasformazzjoni tas-settur tal-estrazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

31.  Jitlob lill-Kummissjoni tuża l-proċess ta’ rieżami tal-2023 tar-Regolament dwar il-Minerali ta’ Kunflitt, li mill-2021 obbliga lill-kumpaniji tal-UE jiksbu l-importazzjonijiet tagħhom ta’ landa, tantalu, tungstenu u deheb b’mod responsabbli u tiżgura li l-ktajjen tal-provvista tagħhom ma jikkontribwixxux għall-finanzjament ta’ kunflitt armat, bħala opportunità biex jiġi vvalutat bir-reqqa l-impatt tar-regolament fuq il-post u l-possibbiltà li jiġu inklużi aktar miżuri obbligatorji u jiġu koperti minerali oħra; jissottolinja l-ħtieġa li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-komunitajiet affettwati jiġu inklużi b’mod sinifikattiv matul il-proċess ta’ rieżami;

32.  Jilqa’ l-iffirmar li se jseħħ tal-Ftehim ta’ Sħubija l-ġdid bejn l-UE u l-membri tal-OSAKP, peress li jipprovdi qafas imsaħħaħ u modernizzat għall-kooperazzjoni mal-pajjiżi AKP, li fih referenzi speċifiċi għall-industriji estrattivi, bħall-promozzjoni tat-trasparenza, l-obbligu ta’ rendikont u l-ġestjoni responsabbli tal-industriji estrattivi u t-tisħiħ tar-responsabbiltà soċjali korporattiva u l-imġiba responsabbli fin-negozju sabiex jinkisbu tkabbir u żvilupp inklużivi u sostenibbli; ifakkar, f’dan il-kuntest, li s-sostenibbiltà tinvolvi konformità mal-proċessi ta’ diliġenza dovuta, kif definit mil-leġiżlazzjoni tal-UE u l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali, kif ukoll mal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti, fejn huma kkonċernati d-drittijiet tal-pussess tal-art;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta aħjar l-impatt tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE fuq l-iżvilupp sostenibbli fis-settur tal-industriji estrattivi sabiex jiġi żgurat użu effettiv u responsabbli tar-riżorsi finanzjarji tal-UE;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tintegra kunsiderazzjonijiet dwar l-iżvilupp sostenibbli u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment kollha tal-UE mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, billi tinkludi dispożizzjonijiet li jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-protezzjoni ambjentali u d-distribuzzjoni ekwa tad-dħul mill-industriji estrattivi;

o
o   o

35.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 210, 30.6.2017, p. 1.
(2) ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1.
(3) ĠU C 285, 29.8.2017, p. 87.
(4) Testi adottati, P9_TA(2023)0071.
(5) NU, “Transforming Extractive Industries for Sustainable Development” (Nittrasformaw l-Industriji Estrattivi għall-Iżvilupp Sostenibbli), Mejju 2021, p. 3.
(6) UNEP, “Mineral Resource Governance in the 21st Century. Gearing Extractive Industries Towards Sustainable Development” (Il-Governanza tar-Riżorsi Minerali fis-Seklu 21. Ingranaġġ tal-Industriji Estrattivi Lejn Żvilupp Sostenibbli), Mejju 2021, p. 81.
(7) Il-Bank Dinji, “The Growing Role of Minerals and Metals for a Low Carbon Future” (Ir-Rwol Dejjem Jikber tal-Minerali u l-Metalli għal Futur b’Emissjonijiet Baxxi tal-Karbonju), Ġunju 2017, p. 26.
(8) Panel Internazzjonali dwar ir-Riżorsi, “Global Resources Outlook” (Prospetti Globali dwar ir-Riżorsi), 2019.
(9) AIE, “The Role of Critical Minerals in Clean Energy Transitions” (Ir-Rwol tal-Minerali Kritiċi fit-Tranżizzjonijiet tal-Enerġija Nadifa), Rapport Speċjali dwar il-Perspettiva tal-Enerġija Dinjija, 2021, p. 128.
(10) Il-Bank Dinji, “Forest-Smart Mining: Identifying Factors Associated with the Impacts of Large-Scale Mining on Forests” (Estrazzjoni Minerarja Li Tirrispetta l-Foresti: Fatturi ta’ Identifikazzjoni Assoċjati mal-Impatti tal-Estrazzjoni Minerarja fuq Skala Kbira fuq il-Foresti), 2019.
(11) In-Network ta’ Soluzzjonijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDSN), “Europe Sustainable Development Report” (Rapport dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-Ewropa), 2022, disponibbli fuq: https://s3.amazonaws.com/sustainabledevelopment.report/2022/europe-sustainable-development-report-2022.pdf.
(12) Il-Bank Dinji, “Mining Community Development Agreements Source Book” (Il-Ftehim dwar l-Iżvilupp tal-Komunità tal-Estrazzjoni Minerarja Ktieb Sors), 2012, disponibbli fuq: https://openknowledge.worldbank.org/server/api/core/bitstreams/8161b734-e57b-572c-863a-851103471a5f/content.
(13) https://www.icmm.com/en-gb/our-principles/mining-principles/mining-principles
(14) UNEP, “Our work in Africa” (Il-ħidma tagħna fl-Afrika), https://www.unep.org/regions/africa/our-work-africa.
(15) Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).
(16) Ir-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta’ landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta’ riskju għoli (ĠU L 130, 19.5.2017, p. 1).
(17) Id-Direttiva (UE) 2022/2464 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li temenda r-Regolament (UE) Nru 537/2014, id-Direttiva 2004/109/KE, id-Direttiva 2006/43/KE u d-Direttiva 2013/34/UE, fir-rigward tar-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà (ĠU L 322, 16.12.2022, p. 15).
(18) Il-proposta tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Frar 2022 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 (COM(2022)0071).
(19) Il-proposta tal-14 ta’ Settembru 2022 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat fis-suq tal-Unjoni (COM(2022)0453).
(20) SWD(2023)0161.
(21) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=celex%3A52023SC0161
(22) Luckeneder, S., Giljum, S., Schaffartzik, A., Maus, V. u Tost, M., “Surge in global metal mining threatens vulnerable ecosystems” (Iż-żieda fl-estrazzjoni minerarja globali tal-metall thedded l-ekosistemi vulnerabbli), Global Environmental Change, Volum 69, 2021.
(23) Il-Ftehim skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-Konservazzjoni u l-Użu Sostenibbli tad-Diversità Bijoloġika Marina fiż-Żoni lil hinn mill-Ġuriżdizzjoni Nazzjonali, 19 ta’ Ġunju 2023.

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Mejju 2024Avviż legali - Politika tal-privatezza