Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Diċembru 2023 dwar 30 sena tal-kriterji ta’ Copenhagen - aktar impetu lill-politika tat-tkabbir tal-UE (2023/2987(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b’mod partikolari l-Artikolu 49 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2023 dwar proposti tal-Parlament Ewropew għar-reviżjoni tat-Trattati(1),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew f’Copenhagen fil-21 u t-22 ta’ Ġunju 1993, magħrufa wkoll bħala l-“kriterji ta’ Copenhagen”,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, f’Tessalonika, fil-21 ta’ Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Frar 2020 bit-titolu “It-titjib tal-proċess tal-adeżjoni – Perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent” (COM(2020)0057),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2022 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar l-istrateġija l-ġdida tal-UE għat-tkabbir(2),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-19 ta’ Ġunju 2020 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar il-Balkani tal-Punent, wara s-Summit 2020,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Ġunju 2022, u tad-29 u t-30 ta’ Ġunju 2023,
– wara li kkunsidra l-Pakkett tat-Tkabbir 2023 tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2023,
– wara li kkunsidra l-prinċipji fundaturi tal-Unjoni Ewropea, inklużi l-impenn għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi t-tkabbir għadu sal-lum wieħed mill-aktar strumenti effettivi tal-politika barranija tal-UE u wieħed mill-aktar politiki ta’ suċċess tal-UE biex tingħata spinta lir-riformi meħtieġa kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi applikanti; billi jibqa’ investiment ġeopolitiku strateġiku u orjentat lejn il-futur favur il-paċi, is-sigurtà, l-istabbiltà, il-kooperazzjoni, il-valuri kondiviżi u l-prosperità fil-kontinent Ewropew;
B. billi ċ-ċikli preċedenti ta’ tkabbir saħħew b’suċċess is-suq uniku, rawmu t-tkabbir ekonomiku u saħħew l-influwenza globali tal-UE;
C. billi l-effettività tat-tkabbir naqset b’mod konsiderevoli matul dawn l-aħħar snin minħabba l-falliment min-naħa tal-UE, b’mod partikolari mill-Kunsill, li twettaq il-wegħdiet tagħha; billi d-dewmien inġust u l-vetoes fil-Kunsill għamlu ħsara konsiderevoli lill-kredibbiltà tal-UE u l-kapaċità li tħeġġeġ it-trasformazzjoni politika fil-pajjiżi tat-tkabbir; billi l-Parlament huwa bla dubju l-istituzzjoni tal-UE li l-aktar tappoġġa t-tkabbir;
D. billi aktar minn 30 sena ilu, fil-21 u t-22 ta’ Ġunju 1993, it-tnax-il Kap ta’ Stat u ta’ Gvern tal-UE ta’ dak iż-żmien iltaqgħu f’Copenhagen u adottaw sett ta’ kriterji għas-sħubija mal-UE, inkluż dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, ekonomija tas-suq u l-kapaċità li jiġi implimentat b’mod effettiv l-acquis tal-UE; billi l-Kriterji ta’ Copenhagen huma kruċjali biex jiġi żgurat li l-pajjiżi li jaspiraw jissieħbu mal-UE jikkondividu valuri komuni, ikollhom istituzzjonijiet stabbli u jkunu jistgħu jimplimentaw il-liġijiet tal-UE b’suċċess;
E. billi, skont l-Artikolu 2 tat-TUE, l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, li huma parti mill-kriterji ta’ Copenhagen u li l-Istati Membri kollha għandhom l-obbligu li jirrispettaw f’kull ħin; billi l-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt tal-Ewropew tfassal biex jiżgura protezzjoni effettiva u koerenti tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri kollha;
F. billi fid-dawl tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u t-theddida Russa dejjem tikber għall-paċi u l-istabbiltà fl-Ewropa, politika tat-tkabbir imsaħħa tibqa’ għodda politika b’saħħitha ħafna għad-dispożizzjoni tal-UE biex tipproteġi u tippromwovi l-paċi, is-sigurtà, l-istabbiltà, il-kooperazzjoni u l-valuri demokratiċi fil-kontinent Ewropew;
G. billi l-adeżjoni mal-UE trid dejjem tkun proċedura bbażata fuq il-mertu li fiha kull applikant jiġi vvalutat fuq il-mertu tiegħu stess fl-issodisfar tal-kriterji ta’ Copenhagen, b’mod partikolari dawk li jiggarantixxu rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem, għad-demokrazija u għall-istat tad-dritt, sabiex jiġi żgurat li t-tkabbir tal-UE jsaħħaħ aktar milli jdgħajjef lill-UE u lis-suq uniku tagħha; billi l-proċess tal-adeżjoni huwa stabbilit fl-Artikolu 49 tat-TUE; billi l-kapaċità ta’ integrazzjoni tal-UE jeħtieġ li titqies ukoll kif previst fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Copenhagen fl-1993; billi l-Parlament talab skadenza ċara għall-konklużjoni tan-negozjati mal-pajjiżi tal-adeżjoni sa mhux aktar tard minn tmiem id-deċennju attwali;
H. billi riforma tal-istrutturi ta’ governanza tal-UE, inkluż li jiġu ssimplifikati l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet, diġà hija meħtieġa fil-kompożizzjoni attwali tal-UE u hija meħtieġa għall-funzjonament xieraq u effiċjenti ta’ Unjoni Ewropea estiża; billi Unjoni rriformata u li tiffunzjona aħjar hija fl-interess kemm tal-Istati Membri attwali kif ukoll ta’ dawk futuri;
I. billi l-aġenda tat-tkabbir kisbet momentum ġdid f’Ġunju 2022; billi fil-Pakkett tat-Tkabbir tagħha tal-2023, il-Kummissjoni rrakkomandat li jinbdew negozjati tal-adeżjoni mal-Ukrajna u mar-Repubblika tal-Moldova, kif ukoll mal-Bożnija-Ħerzegovina ladarba tkun implimentat il-passi meħtieġa, u li l-Georgia tingħata status ta’ kandidat ladarba tkun inkisbet il-konformità rilevanti mal-kriterji tas-sħubija; billi fl-14 u l-15 ta’ Diċembru 2023, il-Kunsill Ewropew se jieħu deċiżjoni dwar dawn ir-rakkomandazzjonijiet; billi l-Montenegro, is-Serbja, il-Maċedonja ta’ Fuq, l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, it-Turkija, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna bħalissa huma pajjiżi kandidati biex jissieħbu mal-UE; billi l-Kosovo u l-Georgia huma kkunsidrati bħala “kandidati potenzjali”; billi l-Kunsill Ewropew ta l-istatus ta’ kandidat lill-Ukrajna u lir-Repubblika tal-Moldova fit-23 u l-24 ta’ Ġunju 2022 u lill-Bożnija-Ħerzegovina fil-15 ta’ Diċembru 2022;
J. billi fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2023 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE, il-Kummissjoni tinnota li l-pajjiżi tat-tkabbir se jkollhom jaġixxu b’determinazzjoni aktar b’saħħitha biex jimplimentaw ir-riformi meħtieġa u jagħmlu progress tanġibbli fir-rigward tal-prinċipji fundamentali sabiex jagħmlu użu sħiħ mill-momentum il-ġdid;
K. billi, fis-17 ta’ Ottubru 2023 fil-Parlament Ewropew, il-Prim Ministru Armen Nikol Pashinyan iddikjara li r-Repubblika tal-Armenja hija lesta li tersaq aktar qrib tal-Unjoni Ewropea, sal-punt li l-Unjoni Ewropea tqis li dan huwa possibbli;
1. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew tal-14 u l-15 ta’ Diċembru 2023 japprova r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ppreżentati fil-Pakkett tat-Tkabbir tagħha tal-2023 fit-8 ta’ Novembru 2023, u jiddeċiedi dwar il-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni mal-Ukrajna u mar-Repubblika tal-Moldova, u l-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni mal-Bożnija-Ħerzegovina, u l-għoti tal-istatus ta’ kandidat lill-Georgia bil-fehim li jittieħdu ċerti passi; jilqa’ l-Pjan ġdid ta’ Tkabbir għall-Balkani tal-Punent imħabbar mill-Kummissjoni matul il-preżentazzjoni tal-Pakkett tat-Tkabbir 2023; jistieden lill-Kunsill jadotta wkoll il-qafas ta’ negozjar mingħajr dewmien ladarba r-rekwiżiti rilevanti b’rabta ma’ kull wieħed mill-pajjiżi kandidati jiġu ssodisfati sabiex in-negozjati tal-adeżjoni jibdew malajr;
2. Ifakkar it-30 anniversarju tal-kriterji ta’ Copenhagen, filwaqt li japprezza s-sinifikat storiku tagħhom biex jipprovdu qafas ċar u effettiv għat-tkabbir tal-UE, u jiċċelebraw il-kisbiet u l-progress li saru minn diversi nazzjonijiet fil-vjaġġ tagħhom lejn is-sħubija mal-UE; jilqa’ l-interess u r-rieda politika murija minn tant pajjiżi sabiex jissieħbu mal-UE, u jirrikonoxxi l-isforzi serji li saru minn bosta pajjiżi tal-adeżjoni biex jissodisfaw ir-rekwiżiti għas-sħubija; jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu favur is-sħubija futura fl-UE tal-pajjiżi kandidati u tal-pajjiżi kandidati potenzjali; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi stabbilita skeda ta’ żmien ċara għat-tkabbir tal-UE għall-pajjiżi kandidati tal-UE biex dawn jikkonkludu n-negozjati tal-adeżjoni mal-UE sa tmiem id-deċennju attwali; jisħaq li ma għandu jkun hemm l-ebda perkors veloċi għas-sħubija; jissottolinja li ma jista’ jkun hemm l-ebda kompromess fir-rigward tal-valuri fundamentali;
3. Jafferma mill-ġdid l-importanza tal-kriterji ta’ Copenhagen fl-iżgurar li l-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali juru impenn konsistenti u dejjiemi favur id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom, u r-riformi ekonomiċi, filwaqt li jadattaw ukoll għall-ħtiġijiet u l-isfidi tal-UE li qed jevolvu; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex japplikaw approċċ aktar kredibbli u bbażat fuq il-mertu, ankrat sew fil-kriterji ta’ Copenhagen;
4. Jemmen li t-tkabbir huwa ta’ importanza strateġika għall-UE, u wisq aktar fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; jisħaq li politika tat-tkabbir imsaħħa saret waħda mill-għodod ġeopolitiċi l-aktar b’saħħithom għad-dispożizzjoni tal-UE u li ma għadx hemm żoni griżi fil-viċinat tagħha; jirrimarka li t-tkabbir huwa investiment strateġiku favur il-paċi, is-sigurtà, l-istabbiltà u l-prosperità, kif ukoll xprun għad-demokrazija u għall-valuri Ewropej fil-kontinent;
5. Jenfasizza s-sinifikat ġeopolitiku tal-inklużjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, l-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia fl-UE, filwaqt li jenfasizza l-bosta sforzi kontinwi tagħhom u l-importanza tal-integrazzjoni tagħhom għall-istabbiltà u għas-sigurtà reġjonali, u jħeġġeġ djalogu u kooperazzjoni kontinwi biex jissolvew il-kunflitti u d-differenzi attwali; jiddeplora bil-qawwa, f’dan ir-rigward, id-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru tal-Ungerija rigward il-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni mal-Ukrajna u l-politika ta’ bidla tal-pajjiż fir-rigward tal-Kosovo, u jinnota li d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Orban jostakolaw il-proċess ta’ tkabbir tal-UE; ifakkar lill-Kunsill fil-konsegwenzi negattivi potenzjali meta l-Ungerija tieħu f’idejha l-Presidenza tal-UE f’Lulju 2024;
6. Itenni t-tħassib tiegħu dwar rapporti li l-Kummissarju għall-Viċinat u t-Tkabbir Olivér Várhelyi qed ifittex deliberatament li jevita u jikkomprometti ċ-ċentralità tar-riformi fil-pajjiżi tal-adeżjoni mal-UE fl-oqsma tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tagħti bidu għal investigazzjoni indipendenti dwar din il-kwistjoni u tirrapporta r-riżultati tal-investigazzjoni lill-Parlament u lill-Kunsill;
7. Jilqa’ r-rieda tal-Gvern tal-Armenja li jersaq aktar qrib l-Unjoni Ewropea u jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra li tmur lil hinn mill-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ fir-relazzjonijiet bilaterali;
8. Jikkonkludi li l-Gvern Tork ma għandu l-ebda interess li jagħlaq id-distakk persistenti u dejjem ikbar bejn it-Turkija u l-UE dwar il-valuri u l-istandards, peress li wera, għal dawn l-aħħar ftit snin, nuqqas ċar ta’ rieda politika li jwettaq ir-riformi neċessarji, b’mod partikolari dwar l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni u l-inklużjoni tal-minoranzi etniċi, reliġjużi u sesswali kollha; jikkonkludi, barra minn hekk, li l-Gvern Tork ma wera l-ebda interess li jirrispetta u jappoġġja l-kriterji ta’ Copenhagen u li jallinja ruħu mal-politiki u l-objettivi tal-UE;
9. Jissottolinja li l-adeżjoni mal-UE trid isseħħ f’konformità mal-Artikolu 49 tat-TUE abbażi tar-rispett għall-proċeduri rilevanti u bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfati l-kriterji stabbiliti, b’mod partikolari l-kriterji ta’ Copenhagen għas-sħubija mal-UE; jissottolinja li l-adeżjoni għandha dejjem tibqa’ proċess ibbażat fuq il-mertu li jirrikjedi l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi rilevanti mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, l-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia, b’mod partikolari fl-oqsma tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, ir-rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom, l-ekonomija tas-suq u l-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE; jilqa’ l-isforzi ta’ ħafna awtoritajiet tal-pajjiżi kandidati u tal-pajjiżi kandidati potenzjali biex imexxu ’l quddiem l-aġenda ta’ riforma u jħeġġiġhom jirduppjaw l-isforzi tagħhom sabiex jagħmlu progress lejn is-sħubija mal-UE, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni; jistenna progress konkret fil-perjodu li ġej permezz tad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina, iffaċilitat mill-UE, u jistenna li l-partijiet iwettqu l-impenji tagħhom; itenni l-istediniet tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ineħħu l-miżuri restrittivi meħuda kontra l-Kosovo; jenfasizza li l-użu ta’ tilwim bilaterali u reġjonali mhux solvut biex jiġu mblukkati l-proċessi tal-adeżjoni tal-pajjiżi kandidati jrid jiġi evitat matul il-proċess ta’ tkabbir tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi mekkaniżmu li se jiżgura li r-riżoluzzjoni u l-arbitraġġ ta’ dawn it-tilwimiet ikunu separati mill-adeżjoni tal-pajjiżi kandidati mal-UE; jinnota li l-użu mill-Istati Membri ta’ kwistjonijiet bilaterali għall-benefiċċju tagħhom stess imur kontra l-ispirtu tat-Trattati tal-UE; f’dan il-kuntest, jiddeplora l-fatt li ċerti Stati Membri qed jerġgħu jibdew jagħmlu talbiet storiċi li jqisu naħa waħda biss, u dan jostakola t-triq lejn l-UE ta’ ċerti pajjiżi kandidati u jwaqqa’ b’mod konsiderevoli l-kredibbiltà tal-UE;
10. Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar l-istabbiliment tal-Faċilità tal-Ukrajna(3), li se tappoġġja wkoll riformi relatati mal-adeżjoni; itenni l-pożizzjoni tiegħu dwar il-faċilità kif adottata f’Ottubru 2023; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ progress fil-proċedura leġiżlattiva u jħeġġeġ lill-Kunsill jadotta malajr approċċ ġenerali dwar ir-regolament, u r-reviżjoni ġenerali tal-qafas finanzjarju pluriennali, sabiex in-negozjati interistituzzjonali jibdew mingħajr aktar dewmien;
11. Jemmen bis-sħiħ li l-allinjament mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-UE huwa neċessità fundamentali għall-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali, u wkoll mod kif tintwera aderenza sħiħa mal-prinċipji fundamentali tal-UE u indikatur importanti għal sħubija futura sostenibbli; itenni li l-adeżjoni tista’ tipproċedi biss ladarba pajjiż jallinja ruħu mas-sanzjonijiet tal-UE kontra l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna;
12. Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jaċċelleraw l-integrazzjoni tal-pajjiżi li juru orjentazzjoni strateġika u impenn sod għar-riformi relatati mal-UE, il-konsolidazzjoni demokratika, il-valuri fundamentali u l-allinjament tal-politika estera u ta’ sigurtà;
13. Jinkoraġġixxi l-applikazzjoni konsistenti tal-istandards u tar-regoli għall-pajjiżi kandidati kollha, u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-kontinwazzjoni tal-effettività, tat-trasparenza u tal-integrità fil-proċess ta’ tkabbir, u li d-deċiżjonijiet kollha jittieħdu b’mod li jkun ġust, imparzjali u li jirrifletti l-prinċipji ewlenin tal-Unjoni;
14. Jistieden lill-Kummissjoni tapplika kundizzjonalità stretta u tivvaluta formalment il-pajjiżi tal-adeżjoni taħt il-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt tal-UE bl-għan li tipprovdi stampa oġġettiva u ċara tas-sitwazzjoni attwali sabiex jiġu evitati nuqqas persistenti ta’ progress, nuqqasijiet serji u rigressjoni; jinnota l-isforzi limitati li saru minn xi pajjiżi tat-tkabbir biex jissodisfaw ir-rekwiżiti għas-sħubija f’konformità mal-kriterji ta’ Copenhagen; jiddispjaċih dwar in-nuqqas serju u inkwetanti ta’ progress – u saħansitra rigress – minn xi pajjiżi tat-tkabbir fi triqithom lejn l-adeżjoni mal-UE; jistieden lill-Kummissjoni, f’dak ir-rigward, tiżborża fondi biss lil pajjiżi li jagħtu riżultati tanġibbli u li jimplimentaw riformi fil-qasam tal-“elementi fundamentali”;
15. Jitlob li l-UE tiżgura li se tħejji ruħha wkoll biex tilqa’ kwalunkwe pajjiż kandidat tal-UE fil-proċess tal-adeżjoni fis-suq uniku tal-UE hekk kif dak il-pajjiż ikun wera l-kapaċità tiegħu li jassumi l-obbligi meħtieġa u jistabbilixxi stat tad-dritt robust; f’dan il-kuntest, jappella għall-introduzzjoni ta’ mudelli ta’ kundizzjonalità pożittiva fejn ikun sar il-progress, għall-għoti ta’ aċċess għas-suq uniku tal-UE, kif ukoll għal politiki u inizjattivi oħra tal-UE abbażi ta’ pjan ta’ azzjoni prijoritarju u programmi settorjali rilevanti, u għall-għoti ta’ aċċess għall-fondi rilevanti tal-UE, b’mod li ċ-ċittadini tal-pajjiżi kandidati jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji tal-adeżjoni matul il-proċess u mhux biss meta dan ikun tlesta; jitlob ukoll li tiġi applikata l-kundizzjonalità negattiva fil-każ ta’ rigressjoni jew nuqqas persistenti ta’ progess b’mod li jiġu sospiżi l-finanzjament ta’ qabel l-adeżjoni u n-negozjati tal-adeżjoni; jitlob, b’mod partikolari, li jiġi introdott obbligu ta’ rendikont aktar strett u infurzabbli fir-rigward tal-infiq ta’ tali finanzjament; jisħaq li l-benefiċċji u l-inizjattivi bħall-Komunità Politika Ewropea mhumiex alternattivi biex jissostitwixxu t-tkabbir, peress li dan jeqred l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-pajjiżi li qed ifittxu li jsiru Stati Membri tal-UE;
16. Jitlob li tiġi kkunsidrata l-ħatra ta’ kap negozjatur tal-UE, li jkollu jagħti obbligu ta’ rendikont lill-Parlament Ewropew, biex iwettaq negozjati taħt mandat wiesa’ għal kull pajjiż;
17. Jisħaq li hemm bżonn ta’ sorveljanza parlamentari aktar b’saħħitha tal-politika tat-tkabbir tal-UE; jinsisti li r-rwol tal-Parlament irid jissaħħaħ matul il-proċess sħiħ tal-adeżjoni, inkluż li huwa jitħalla jiskrutinizza bis-sħiħ il-progress li jkunu għamlu l-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali fl-oqsma tal-politika kollha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iqisu kif xieraq it-tħassib u t-talbiet imressqa mill-Parlament; jenfasizza r-rwol speċifiku tal-korpi parlamentari fil-pajjiżi tat-tkabbir u jitlob li jissaħħaħ ir-rwol tagħhom fil-proċess tal-adeżjoni mal-UE, minħabba r-rwol speċifiku u ewlieni li għandhom fil-proċess ta’ riforma meħtieġ permezz tal-approssimazzjoni leġiżlattiva, is-sorveljanza u s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini;
18. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ riformi interni tal-UE b’mod parallel mal-proċess ta’ tkabbir, biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Unjoni li tintegra membri ġodda b’mod effettiv kif previst fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Copenhagen tal-1993, biex jiġi żgurat li l-proċess ta’ tkabbir jikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-koeżjoni u l-istabbiltà ġenerali tal-Unjoni u biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE li taġixxi billi tirriforma t-teħid tad-deċiżjonijiet, inkluż permezz tal-introduzzjoni ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata, inkluż għal deċiżjonijiet tal-politika estera u ta’ sigurtà u f’oqsma rilevanti għall-proċess tal-adeżjoni; jitlob li jitneħħa, b’mod partikolari, ir-rekwiżit tal-unanimità meta tittieħed deċiżjoni dwar il-bidu tal-proċess tan-negozjati, kif ukoll li jinfetħu u jingħalqu ġabriet u kapitoli individwali ta’ negozjar, iżda jisħaq li d-deċiżjoni finali dwar l-adeżjoni ta’ kull pajjiż kandidat għandha tibqa’ unanima; jitlob, barra minn hekk, li jiġi żgurat il-funzjonament effettiv ta’ Unjoni mkabbra fit-totalità tagħha; ifakkar li l-progress biex tingħeleb l-unanimità jkun possibbli wkoll billi jsir użu sħiħ mill-potenzjal li joffri t-Trattat ta’ Liżbona; ifakkar li r-riformi jistgħu jiżguraw il-funzjonament effettiv ta’ Unjoni mkabbra fit-totalità tagħha, b’mod parallel man-negozjati tal-adeżjoni mal-pajjiżi kandidati, sabiex l-UE tkun lesta tilqa’ membri ġodda f’perjodu ta’ żmien raġonevoli u sa mhux aktar tard minn tmiem id-deċennju attwali;
19. Jappella għal mekkaniżmu ta’ monitoraġġ robust biex jiġu segwiti r-riformi u l-progress li jkunu għamlu l-pajjiżi kandidati biex jirrispettaw il-kriterji politiċi kollha; jitlob, b’mod partikolari, li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ monitoraġġ speċifiku u effettiv biex jipproteġi l-valuri fundamentali u l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, fil-kuntest tal-proċeduri tal-adeżjoni; jitlob li l-mekkaniżmu li jipproteġi l-istat tad-dritt u l-prinċipji u l-valuri fundamentali tal-UE, kif ukoll il-kapaċità ta’ monitoraġġ biex tiġi żgurata l-konformità, jissaħħaħ qabel it-tkabbir li jmiss; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ mekkaniżmu usa’ ta’ kundizzjonalità tal-istat tad-dritt li jkopri l-baġit kollu tal-Unjoni u l-valuri fundamentali kollha tal-Unjoni, kif definit fl-Artikolu 2 tat-TUE;
20. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport Speċjali 01/2022 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri sabiex tiżgura impatt effettiv tal-assistenza finanzjarja tal-UE b’appoġġ għall-istat tad-dritt fil-Balkani tal-Punent, b’mod partikolari billi tiżviluppa linji gwida u punti ta’ riferiment ċari dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-modulazzjoni u l-kundizzjonalità fl-ambitu tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III); jistieden lill-Kummissjoni żżid il-pajjiżi tal-adeżjoni l-ġodda mal-IPA III;
21. Jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-riflessjonijiet li għaddejjin bħalissa u l-perspettivi ta’ riforma fit-tul tal-politiki tal-UE fil-proċess ta’ tkabbir;
22. Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jżidu b’mod sinifikanti l-involviment pubbliku u jsaħħu l-komunikazzjoni strateġika dwar il-benefiċċji tat-tkabbir kemm fil-pajjiżi tal-adeżjoni kif ukoll fl-Istati Membri; jistieden lill-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-adeżjoni biex jikkontribwixxu bis-sħiħ għal dawn l-isforzi; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom b’mod attiv fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u fil-promozzjoni ta’ relazzjonijiet tajba ta’ viċinat fil-pajjiżi tal-adeżjoni; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja b’mod finanzjarju lill-pajjiżi tal-adeżjoni li ġenwinament qed jaħdmu lejn relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat u rikonċiljazzjoni sostenibbli u li huma allinjati bis-sħiħ mal-għanijiet, il-valuri u l-interessi strateġiċi tal-UE, inkluż mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-UE;
23. Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkomplu jappoġġjaw il-litteriżmu fil-media u l-indipendenza tal-media, kif ukoll is-soċjetà ċivili, fil-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali, u jappoġġjawhom fil-ġlieda tagħhom kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil barrani malizzjuż, sabiex isaħħu l-istituzzjonijiet u l-valuri demokratiċi; jenfasizza l-importanza li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu involuti strutturalment fil-proċess ta’ tkabbir; f’dan il-kuntest, jistieden lill-UE talloka riżorsi addizzjonali lill-atturi tas-soċjetà ċivili li jiddedikaw ruħhom għall-valuri u l-prinċipji tal-UE, id-demokrazija, il-konsolidazzjoni tal-paċi u l-kuntatti bejn il-persuni; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu integrati l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-drittijiet tal-bniedem (b’mod partikolari l-libertà ta’ espressjoni), il-protezzjoni tal-minoranzi u l-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f’dawn l-oqsma, kif ukoll li jiġi implimentat bis-sħiħ il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni matul il-proċess tal-adeżjoni; jenfasizza l-importanza li jiżdiedu l-kuntatti bejn il-persuni bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tat-tkabbir;
24. Jistieden lill-Kulleġġ tal-Kummissarji li jmiss jinnomina Kummissarju għat-Tkabbir, kif ukoll jerġa’ jintroduċi d-Direttorat Ġenerali għat-Tkabbir;
25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-adeżjoni.