Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2023 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda l-Annessi II u V tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livelli massimi ta’ residwu għat-triċiklażol f’ċerti prodotti jew fuqhom (COM(2023)0499 – 2023/2998(RPS))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda l-Annessi II u V tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livelli massimi ta’ residwu għat-triċiklażol f’ċerti prodotti jew fuqhom (COM(2023)0499),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE(1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1), il-punt (a), tiegħu,
– wara li kkunsidra l-votazzjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, fil-11 ta’ Mejju 2023, li matulha ma ngħatat l-ebda opinjoni,
– wara li kkunsidra l-opinjoni motivata adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel fis-7 ta’ Diċembru 2022 u ppubblikata fit-18 ta’ Jannar 2023(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Jannar 2019 dwar il-proċedura tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi(3),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 5a(4), il-punt (e) u l-Artikolu 5a(5) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni(4),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 112(2), (3) u (4)(c) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,
A. billi matul l-votazzjoni tiegħu fil-11 ta’ Mejju 2023, il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf ma ta l-ebda opinjoni, li jfisser li l-proposta għal regolament ma kinitx appoġġjata minn maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri; billi anki matul il-votazzjoni tat-20 ta’ Settembru 2020 tiegħu, il-Kunsill reġa’ ma ta ebda opinjoni;
B. billi l-proposta għal regolament tal-Kunsill għandha l-għan li żżid il-livell massimu ta’ residwi (“MRL”) għat-triċiklażol fir-ross minn 0,01 għal 0,09 mg/kg;
C. billi r-Regolament (KE) Nru 396/2005 għandu l-għan li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur u dispożizzjonijiet armonizzati tal-Unjoni dwar livelli massimi ta’ residwi ta’ pestiċida fi u fuq l-ikel u l-għalf li joriġinaw minn pjanti u annimali;
D. billi l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5) jipprevedi li l-għan ta’ dak ir-Regolament huwa li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni kemm tas-saħħa tal-bniedem kif ukoll tal-annimali u tal-ambjent u li jtejjeb it-tħaddim tas-suq intern permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli fuq it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, filwaqt li jtejjeb il-produzzjoni agrikola;
E. billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 2020 bit-titolu “Strateġija mill-Għalqa sal-Platt għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent” tirrikonoxxi li l-“ikel Ewropew diġà huwa standard dinji għal ikel li huwa sikur, abbundanti, nutrittiv u ta’ kwalità għolja”;
F. billi t-triċiklażol huwa fungiċida sistemika u protettiva għall-kontroll effikaċi tal-blast tar-ross (Pyricularia grisea Sacc.) li jseħħ fl-istadji kollha tal-progressjoni (blast tal-weraq, taz-zokk u tal-panikula);
G. billi t-triċiklażol ma ġiex inkluż fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fl-2008, wara li l-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali kkonkluda li “li hemm indikazzjonijiet ċari li jista’ jiġi mistenni li għandu effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bnedmin u b’mod partikolari id-data kruċjali nieqsa ma tippermettix li jiġu stipulati id-Doża Aċċettabbli ta’ Kuljum (id-DAK), id-Doża Akuta ta’ Referenza (id-DAR) u l-Livell(i) Aċċettabbli ta’ Espożizzjoni għall-Operaturi (il-LAEO) u valuri bħal dawn huma meħtieġa biex titwettaq l-istima tar-riskju”(6); billi mit-30 ta’ Marzu 2009, it-triċiklażol mhuwiex awtorizzat għall-użu fl-Unjoni ;
H. billi fir-rieżami bejn il-pari tagħha, wara applikazzjoni għall-approvazzjoni għall-użu fl-Unjoni fl-2015, l-EFSA kkonkludiet(7) li kien hemm diversi oqsma kritiċi ta’ tħassib fir-rigward tat-tossikoloġija tat-triċiklażol; billi l-EFSA ma setgħetx tinjora l-potenzjal ta’ ġenotossiċità u karċinoġeniċità tat-triċiklażol, u għalhekk il-valuri ta’ referenza ((id-DAK, id-DAR u l-LAEO) għall-użu fil-valutazzjonijiet tar-riskju għas-saħħa tal-bniedem ma setgħux jiġu stabbiliti; billi, b’riżultat ta’ dan, il-valutazzjoni tar-riskju għall-operaturi, il-ħaddiema, il-persuni fil-qrib, ir-residenti u l-konsumaturi ma setgħetx titwettaq; billi, barra minn hekk, l-EFSA lanqas ma tista’ teskludi proprjetajiet potenzjali li jfixklu s-sistema endokrinali; billi l-applikazzjoni għall-approvazzjoni ġiet għalhekk miċħuda(8);
I. billi, mill-2016, l-użu tat-triċiklażol ġie pprojbit fl-Unjoni kif ukoll l-importazzjonijiet ta’ prodotti b’residwi ogħla mil-livell ta’ kwantifikazzjoni analitika;
J. billi, minħabba l-projbizzjoni fuq dak il-fungiċida, il-bdiewa Ewropej kellhom bil-fors jinvestu biex isibu prattiki agrikoli alternattivi;
K. billi l-projbizzjoni ta’ dak il-fungiċida fl-Unjoni wasslet għal tnaqqis kbir fil-produzzjoni tar-ross fost il-produtturi Ewropej;
L. billi, peress li l-MRL għat-triċiklażol fir-ross tnaqqas għal-limitu ta’ determinazzjoni u sar applikabbli fl-Unjoni kollha fl-2017, il-produtturi tar-ross mhux tal-UE rrikorrew għal tekniki agronomiċi u adattaw il-mudelli kummerċjali tagħhom biex jippermettulhom ikomplu jesportaw lejn l-Unjoni;
M. billi l-katina Ewropea tal-produzzjoni tar-ross appoġġjat b’mod konsistenti l-ħtieġa ta’ reċiproċità tar-regoli fir-rigward tal-użu tal-pestiċidi;
N. billi l-projbizzjoni fuq it-triċiklażol fl-Unjoni toħloq sitwazzjoni ta’ nuqqas totali ta’ reċiproċità għad-detriment tal-produtturi tar-ross li jużaw l-istandards tal-Unjoni;
O. billi din is-sitwazzjoni tista’ fit-tul twassal għal kompetizzjoni inġusta għall-produtturi tar-ross li jissodisfaw l-istandards tal-Unjoni;
P. billi l-politiki li jippermettu l-kummerċ jibqgħu prijorità għall-Parlament Ewropew;
Q. billi, fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2022 (01.09.2021 - 31.07.2022), l-importazzjonijiet tar-ross fl-Unjoni laħqu rekord ta’ 1,67 miljun tunnellata, fuq bażi mitħuna, u ġiet irreġistrata żieda ta’ 36 % minn sena għal sena(9);
R. billi l-importazzjonijiet li ġejjin minn pajjiżi li jippermettu l-użu tat-triċiklażol ammontaw għal volum totali ta’ kważi 194 000 tunnellata metrika, li jikkorrispondi għal madwar 12 % tal-importazzjonijiet totali(10);
S. billi, filwaqt li l-bdiewa tal-Unjoni jkunu soġġetti għall-ogħla rekwiżiti possibbli ta’ sikurezza tal-konsumatur, l-adozzjoni tal-proposta għal regolament tal-Kunsill tippermetti importazzjonijiet fl-Unjoni, li ma jikkonformawx mal-istandards tal-Unjoni;
T. billi l-proposta għal regolament tal-Kunsill, skont is-Sistema ta’ Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (RASFF), kienet tnaqqas in-notifiki b’76 % fl-2021 u b’73 % fl-2022;
U. billi l-adozzjoni tal-proposta għal regolament tal-Kunsill iddgħajjef is-sigurtà tal-ikel u, fin-nuqqas ta’ mezzi xierqa ta’ traċċabbiltà u informazzjoni, tista’ tiġġenera prattiki qarrieqa għall-konsumaturi;
V. billi l-Artikolu 191(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-prinċipju ta’ prekawzjoni bħala wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni;
W. billi, sabiex jitnaqqsu r-riskji u l-impatti tal-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u fuq l-ambjent, il-Kummissjoni u l-Istati Membri huma mħeġġa jindirizzaw il-kwistjoni tal-prodotti agrikoli importati ttrattati b’sustanzi kimiċi li jew huma pprojbiti jew ristretti fl-Unjoni;
1. Jopponi l-adozzjoni tal-proposta għal regolament tal-Kunsill;
2. Iqis li l-proposta għal regolament tal-Kunsill tisboq is-setgħat ta’ implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 396/2005;
3. Iqis li din il-proposta għal regolament tal-Kunsill mhijiex kompatibbli mal-għan u l-kontenut tar-Regolament (KE) Nru 396/2005;
4. Jinnota li l-proposta għal regolament tal-Kunsill ma tikkonformax mal-impenji li saru għas-sikurezza għolja tal-konsumatur;
5. Jinnota li, bħala standards kummerċjali bbażati fuq ir-riskju, l-MRLs jgħinu biex jiġu evitati l-ostakli u t-tfixkil fil-kummerċ, u jissottolinja li kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni differenti jistgħu jwasslu għal ostakli u tfixkil potenzjali fil-kummerċ li jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq il-konsumaturi, il-bdiewa u s-settur tal-ikel fl-Ewropa u lil hinn minnha;
6. Jinsisti li l-MRL għat-triċiklażol fir-ross importat fl-Unjoni għandu jibqa’ 0.01 mg/kg bħal fil-każ tal-produtturi Ewropej tar-ross;
7. Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-proposta għal regolament;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
Reasoned opinion on the setting of import tolerance for tricyclazole in rice ((Opinjoni motivata dwar l-istabbiliment tat-tolleranza tal-importazzjoni għat-triċiklażol fir-ross), EFSA Journal 2023;21(1):7757, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/full/10.2903/j.efsa.2023.7757.
Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).
2008/770/KE: Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/65/KE tat-30 ta’ Settembru 2008 dwar l-esklużjoni tad-dicofol fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dik is-sustanza (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 5108), ĠU L 263, 2.10.2009, p. 16.
Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance tricyclazole, (Konklużjoni tal-EFSA dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva triċiklażol), Ġurnal tal-EFSA 2015;13(2):4032, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/10.2903/j.efsa.2015.4032.
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1826 tal-14 ta’ Ottubru 2016 dwar in-nuqqas ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva triċiklażol, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 279, 15.10.2016, p. 88).