Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2023/2993(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0492/2023

Testi mressqa :

B9-0492/2023

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2023 - 7.3

Testi adottati :

P9_TA(2023)0475

Testi adottati
PDF 251kWORD 57k
Il-Ħamis, 14 ta' Diċembru 2023 - Strasburgu
Qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × MON 89034 × 5307 × GA21 u tletin subkombinazzjoni
P9_TA(2023)0475B9-0492/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2023 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, jikkonsistu minn jew li huma prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × MON 89034 × 5307 × GA21 u tletin subkombinazzjoni, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D092592/03 – 2023/2993(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

—  wara li kkunsidra l-abbozz tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, li jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × MON 89034 × 5307 × GA21 u tletin subkombinazzjoni, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D092592/03),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament(1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 19(3) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni(2),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fit-18 ta’ April 2023, u ppubblikata fil-5 ta’ Ġunju 2023(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta’ organiżmi ġenetikament modifikati (“OĠM”)(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 112(2) u (3) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

A.  billi fit-13 ta’ April 2018, Syngenta Crop Protection NV/SA, ibbażata fil-Belġju, f’isem Syngenta Crop Protection AG, ibbażata fl-Iżvizzera, ressqet applikazzjoni quddiem l-awtorità kompetenti tal-Ġermanja (l-“applikazzjoni”) għat-tqegħid fis-suq ta’ ikel, ta’ ingredjenti tal-ikel u ta’ għalf li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × MON 89034 × 5307 × GA21, jew li jikkonsistu jew huma prodotti minnu, f’konformità mal-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003. L-applikazzjoni kkonċernat ukoll l-introduzzjoni fis-suq ta’ prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × MON 89034 × 5307 × GA21, jew li jikkonsistu minnu (“il-qamħirrum ĠM derivat minn trasformazzjoni multipla”), għal użi għajr għall-ikel u għall-għalf, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni;

B.  billi l-applikazzjoni kienet tikkkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, jikkonsistu minn jew jiġu prodotti minn 30 sottokombinazzjoni, mis-56 possibbli, tal-eventi ta’ trasformazzjoni uniċi li jikkostitwixxu l-qamħirrum ĠM bi trasformazzjoni multipla;

C.  billi, fil-5 ta’ Ġunju 2023, l-EFSA ħarġet opinjoni favorevoli f’konformità mal-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003. L-EFSA kkonkludiet li l-qamħirrum ĠM bi trasformazzjoni multipla kif deskritt fl-applikazzjoni, huwa sikur daqs il-komparatur mhux ġenetikament modifikat tiegħu u daqs il-varjetajiet ta’ referenza mhux ġenetikament modifikati magħżula f’dak li għandu x’jaqsam mal-effetti potenzjali fuq saħħet il-bniedem, saħħet l-annimali u l-ambjent;

D.  billi l-qamħirrum ĠM bi trasformazzjoni multipla fih ġeni li jagħtu reżistenza għal żewġ erbiċidi u jipproduċi sitt proteini insettiċidi;

Nuqqas ta’ valutazzjoni tal-erbiċidi komplementari

E.  billi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 503/2013(5) jirrikjedi valutazzjoni dwar jekk il-prattiki agrikoli mistennija jinfluwenzawx l-eżitu tal-punti tat-tmiem studjati; billi, skont dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, dan huwa speċjalment rilevanti għall-pjanti reżistenti għall-erbiċidi;

F.  billi l-maġġoranza l-kbira tal-għelejjel ĠM ġew ġenetikament modifikati sabiex ikunu tolleranti għal erbiċida “komplementari” waħda jew aktar li jistgħu jintużaw matul il-kultivazzjoni tal-għalla ĠM, mingħajr ma l-għalla tmut, kif ikun il-każ għal għalla mhux tolleranti għall-erbiċidi; billi hemm għadd ta’ studji li juru li l-għelejjel ĠM li jittolleraw l-erbiċidi jirriżultaw f’użu akbar ta’ erbiċidi komplementari, fil-biċċa l-kbira minħabba li jfeġġ ħaxix ħażin li jittollera l-erbiċidi(6);

G.  billi l-għelejjel ġenetikament modifikati tolleranti għall-erbiċidi jwaħħlu lill-bdiewa f’sistema ta’ ġestjoni tal-ħaxix ħażin li hija fil-biċċa l-kbira jew kompletament dipendenti mill-erbiċidi, u tagħmel dan billi titlob premium għaż-żrieragħ ġenetikament modifikati li jista’ jiġi ġġustifikat biss jekk il-bdiewa li jixtru tali żerriegħa jbexxu wkoll l-erbiċidi komplementari; billi dipendenza akbar fuq erbiċidi komplementari fuq azjendi agrikoli li jħawlu l-għelejjel ġenetikament modifikati se tħaffef il-ħruġ mill-ġdid u t-tixrid ta’ ħaxix ħażin reżistenti għal dawk l-erbiċidi, u b’hekk tiskatta l-ħtieġa ta’ aktar użu ta’ erbiċidi, ċirku vizzjuż magħruf bħala “l-ispirall tal-erbiċidi”;

H.  billi l-impatti negattivi li jirriżultaw minn dipendenza eċċessiva fuq l-erbiċidi se jaggravaw is-saħħa tal-ħamrija, il-kwalità tal-ilma, u l-bijodiversità ta’ fuq u ta’ taħt l-art, kif ukoll iwasslu għal żieda fl-esponiment tal-bniedem u tal-annimali, potenzjalment ukoll permezz ta’ żieda fir-residwi tal-erbiċidi fuq l-ikel u l-għalf;

I.  billi l-glufosinat huwa kklassifikat bħala sustanza tossika għar-riproduzzjoni 1B u għalhekk jissodisfa l-“kriterji ta’ limitu” stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7) billi l-approvazzjoni għall-użu tal-glufosinat fl-Unjoni skadiet fil-31 ta’ Lulju 2018;

J.  billi l-EFSA kkonkludiet f’Novembru 2015 li huwa improbabbli li l-glifosat huwa karċinoġeniku u l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi kkonkludiet f’Marzu 2017 li l-ebda klassifikazzjoni ma kienet iġġustifikata; billi, għall-kuntrarju, fl-2015, l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer, l-aġenzija speċjalizzata fil-kanċer tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, ikklassifikat il-glifosat bħala sustanza probabbilment karċinoġenika għall-bnedmin; billi għadd ta’ studji xjentifiċi riċenti rieżaminati bejn il-pari jikkonfermaw il-potenzjal karċinoġeniku tal-glifosat(8);

K.  billi artikolu xjentifiku rieżaminat bejn il-pari minn espert involut fl-iżvilupp ta’ pjanti ĠM iqajjem dubji dwar is-sikurezza tal-għelejjel ĠM tolleranti għat-2,4-D minħabba d-degradazzjoni tiegħu fi prodotti ta’ dekompożizzjoni ċitotossiċi(9);

L.  billi l-għelejjel ġenetikament modifikati tolleranti għall-erbiċidi jwaħħlu lill-bdiewa f’sistema ta’ ġestjoni tal-ħaxix ħażin li hija fil-biċċa l-kbira jew kompletament dipendenti mill-erbiċidi, u tagħmel dan billi titlob premium għaż-żrieragħ ġenetikament modifikati li jista’ jiġi ġġustifikat biss jekk il-bdiewa li jixtru tali żerriegħa jbexxu wkoll l-erbiċida komplementari; billi d-dipendenza akbar mill-erbiċidi fl-azjendi agrikoli li jkabbru għelejjel tolleranti għall-erbiċidi taċċellera l-ħolqien u t-tixrid ta’ ħaxix ħażin reżistenti għall-erbiċidi, u b’hekk twassal għall-ħtieġa ta’ użu saħansitra akbar ta’ erbiċidi; billi, bħala konsegwenza, l-impatti negattivi li jirriżultaw minn dipendenza eċċessiva mill-erbiċidi se jaggravaw is-saħħa tal-ħamrija, il-kwalità tal-ilma, u l-bijodiversità ta’ taħt u ta’ fuq l-art, kif ukoll iwasslu għal żieda fl-esponiment tal-bniedem u tal-annimali, potenzjalment ukoll permezz ta’ żieda fir-residwi ta’ erbiċidi fuq l-ikel u l-għalf;

M.  billi l-valutazzjoni tar-residwi ta’ erbiċidi u tal-metaboliti misjuba fi pjanti ĠM titqies li ma taqax taħt il-kompetenza tal-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati ("il-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM") u għalhekk ma ssirx bħala parti mill-proċess ta’ awtorizzazzjoni għall-OĠM;

Mistoqsijiet pendenti dwar it-tossini Bt

N.  billi għadd ta’ studji juru li ġew osservati effetti sekondarji li jistgħu jaffettwaw is-sistema immunitarja wara esponiment għal tossini Bt u li xi tossini Bt jista’ jkollhom proprjetajiet aġġuvanti(10), li jfisser li jistgħu jżidu l-allerġeniċità ta’ proteini oħra li jiġu f’kuntatt magħhom;

O.  billi studju xjentifiku sab li t-tossiċità tat-tossini Bt tista’ tissaħħaħ ukoll permezz ta’ interazzjoni mar-residwi mill-bexx bl-erbiċidi u li huma meħtieġa aktar studji dwar l-effetti kombinatorji ta’ events ta’ trasformazzjoni multiplu (għelejjel ĠM li ġew immodifikati biex ikunu tolleranti għall-erbiċidi u jipproduċu insettiċidi fil-forma ta’ tossini Bt)(11); billi l-valutazzjoni tal-interazzjoni potenzjali ta’ residwi tal-erbiċidi u l-metaboliti tagħhom mat-tossini Bt titqies, madankollu, li ma taqax taħt il-kompetenza tal-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM u għalhekk ma ssirx bħala parti mill-valutazzjoni tar-riskju;

Għelejjel Bt: effetti fuq organiżmi li ma humiex fil-mira

P.  billi, għall-kuntrarju tal-użu ta’ insettiċidi, meta l-esponiment ikun fiż-żmien tal-bexx u għal żmien limitat wara, l-użu ta’ għelejjel Bt ĠM iwassal għal esponiment kontinwu tal-organiżmi fil-mira u dawk mhux fil-mira għat-tossini Bt;

Q.  billi s-suppożizzjoni li t-tossini Bt juru modalità ta’ azzjoni waħda speċifika għall-mira ma tistax tibqa’ titqies bħala korretta u l-effetti fuq organiżmi mhux fil-mira ma jistgħux jiġu esklużi(12); billi ġie rrapportat li għadd dejjem akbar ta’ organiżmi mhux fil-mira jiġu affettwati b’ħafna modi; billi 39 pubblikazzjoni rieżaminati bejn il-pari li jirrappurtaw effetti negattivi sinifikanti tat-tossini Bt fuq ħafna speċijiet “barra mill-firxa” jissemmew f’ħarsa ġenerali reċenti(13);

Kummenti tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru u tal-partijiet ikkonċernati

R.  billi l-Istati Membri ssottomettew ħafna kummenti kritiċi lill-EFSA matul il-perjodu ta’ konsultazzjoni ta’ tliet xhur(14);

S.  billi analiżi dettaljata minn organizzazzjoni ta’ riċerka indipendenti sabet, inter alia, li l-EFSA intenzjonalment warrbet kwistjonijiet kruċjali. L-organizzazzjoni indipendenti ta’ riċerka targumenta wkoll li l-inġinerija ġenetika tal-pjanti tal-ikel għandha saffi ta’ kumplessità li jmorru ferm lil hinn minn dak li jista’ jiġi vvalutat mill-istandards attwali tal-valutazzjoni tar-riskju u li d-dikjarazzjonijiet dwar is-sikurezza tal-pjanti jsiru abbażi ta’ proċessi ta’ approvazzjoni li jikkunsidraw biss riskji li huma l-aktar faċli biex jiġu vvalutati(15);

Il-ħarsien tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni

T.  billi rapport tal-2017 mir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-dritt għall-ikel sab li, b’mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-pestiċidi perikolużi għandhom impatti katastrofiċi fuq is-saħħa(16); billi l-Mira 3.9 tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU (“SDG tan-NU”) għandha l-għan li sal-2030 tnaqqas b’mod sostanzjali l-għadd ta’ mwiet u mard minn sustanzi kimiċi perikolużi u t-tniġġis u l-kontaminazzjoni tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija(17);

U.  billi l-Qafas Globali tal-Bijodiversità ta’ Kunming-Montreal (“Qafas ta’ Kunming-Montreal”), miftiehem fil-COP15 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB tan-NU) ta’ Diċembru 2022, jinkludi mira globali biex sal-2030 ir-riskju tal-pestiċidi jitnaqqas b’mill-inqas 50 %(18);

V.  billi r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jiddikjara li l-ikel jew l-għalf ġenetikament modifikat ma jridx ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u jirrikjedi li l-Kummissjoni tqis kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti fid-dritt tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħra rilevanti għall-kwistjoni taħt kunsiderazzjoni meta tkun qed tabbozza d-deċiżjoni tagħha; billi tali fatturi leġittimi għandhom jinkludu l-obbligi tal-Unjoni skont l-SDGs tan-NU u l-KDB tan-NU;

Proċess deċiżjonali mhux demokratiku

W.  billi l-vot fl-24 ta’ Ottubru 2023 tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf imsemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ma ta l-ebda opinjoni(19), jiġifieri l-awtorizzazzjoni ma kinitx appoġġjata minn maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri;

X.  billi, fit-tmien leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adotta total ta’ 36 riżoluzzjoni li joġġezzjonaw għat-tqegħid fis-suq ta’ OĠM għall-ikel u l-għalf (33 riżoluzzjoni) u għall-kultivazzjoni ta’ OĠM fl-Unjoni (tliet riżoluzzjonijiet); billi, fid-disa’ leġiżlatura tiegħu, il-Parlament diġà adotta 36 oġġezzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ OĠM;

Y.  billi minkejja r-rikonoxximent tagħha stess tan-nuqqasijiet demokratiċi, in-nuqqas ta’ appoġġ mill-Istati Membri u l-oġġezzjonijiet tal-Parlament, il-Kummissjoni qiegħda tkompli tawtorizza l-OĠM;

Z.  billi mhija meħtieġa l-ebda bidla fil-liġi biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi li ma tawtorizzax OĠM meta ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri favur fil-Kumitat ta’ Appell(20);

1.  Iqis li l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta’ implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003;

2.  Iqis li l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi mhuwiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(21), huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward tal-ikel u l-għalf ĠM, jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa umana, is-saħħa u l-benesseri tal-annimali, u l-interessi tal-ambjent u tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effikaċi tas-suq intern;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tagħha u tippreżenta abbozz ġdid lill-kumitat;

4.  Jappella lill-Kummissjoni ma tawtorizzax għelejjel ĠM tolleranti għall-erbiċidiminħabba ż-żieda assoċjata fl-użu ta’ erbiċidi komplementari u għalhekk iż-żieda fir-riskji għall-bijodiversità, għas-sikurezza tal-ikel u għas-saħħa tal-ħaddiema;

5.  Jenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni għall-użi tal-ikel jew tal-għalf ta’ kwalunkwe pjanta ĠM li tkun saret tolleranti għall-erbiċidi li huma pprojbiti fl-Unjoni, bħall-glufosinat, hija inkoerenti mal-impenji internazzjonali tal-Unjoni skont, fost l-oħrajn, l-SDGs tan-NU u l-KDB tan-NU, inkluż il-Qafas ta’ Kunming-Montreal adottat reċentement(22);

6.  Jistenna li l-Kummissjoni, b’urġenza, u fil-ħin għall-konklużjoni taħt din il-leġiżlatura, twettaq l-impenn tagħha li tressaq proposta(23) biex tiżgura li kimiċi perikolużi pprojbiti fl-Unjoni ma jiġux prodotti għall-esportazzjoni;

7.  Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni fl-aħħar irrikonoxxiet, f’ittra datata l-11 ta’ Settembru 2020 lill-Membri, il-ħtieġa li tqis is-sostenibbiltà fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni dwar OĠM(24); jesprimi d-diżappunt kbir tiegħu, madankollu, li, minn dak iż-żmien ’l hawn il-Kummissjoni kompliet tawtorizza OĠM għall-importazzjoni fl-Unjoni, minkejja l-oġġezzjonijiet li għadhom għaddejjin mill-Parlament u mill-maġġoranza tal-Istati Membri li jivvutaw kontra;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għal darba oħra, tqis l-obbligi tal-Unjoni skont il-ftehimiet internazzjonali, bħall-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima, il-KDB tan-NU u l-SDGs tan-NU; itenni l-appell tiegħu li l-abbozzi ta’ atti ta’ implimentazzjoni jkunu akkumpanjati minn memorandum ta’ spjegazzjoni li jispjega kif dawn jirrispettaw il-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara”(25);

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.
(2) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(3) Opinjoni xjentifika tal-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati dwar il-“Valutazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat 5307 × Bt11 × MIR162 × MIR604 × MON89034 x 5307 x GA21 u 30 subkombinazzjoni, għall-użi fl-ikel u fl-għalf, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (l-applikazzjoni EFSA-GMO-DE-2018-149)”. Il-Ġurnal tal-EFSA 2023;21(6):8011 https://doi.org/10.2903/j.efsa.2023.8011.
(4)–––––––––––––––––––––––––––––––––––– Fit-tmien leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adotta 36 riżoluzzjoni li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni tal-OĠM. Barra minn hekk, fid-disa’ leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adotta r-riżoluzzjonijiet li ġejjin:Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat MZHG0JG (SYN-ØØØJG-2), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 202, 28.5.2021, p. 11). Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata A2704-12 (ACS-GMØØ5-3) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 202, 28.5.2021, p. 15). Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom qamħirrum ġenetikament modifikat MON 89034 × 1507 × MON 88017 × 59122 × DAS-40278-9, li jikkonsistu minn tali qamħirrum jew li huma prodotti minnu u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn, tlieta jew erbgħa mill-eventi uniċi MON 89034, 1507, MON 88017, 59122 u DAS-40278-9 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 202, 28.5.2021, p. 20).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Novembru 2019 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qoton ġenetikament modifikat LLCotton25 (ACS-GHØØ1-3) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 208, 1.6.2021, p. 2).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Novembru 2019 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 89788 (MON-89788-1), li jikkonsistu minn tali fażola tas-sojja jew li huma prodotti minnha skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 208, 1.6.2021, p. 7).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Novembru 2019 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom qamħirrum ġenetikament modifikat MON 89034 × 1507 × NK603 × DAS-40278-9 u s-subkombinazzjonijiet MON 89034 × NK603 × DAS-40278-9, 1507 × NK603 × DAS-40278-9 u NK603 × DAS-40278-9, li jikkonsistu minn tali qamħirrum jew li huma prodotti minnu, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 208, 1.6.2021, p. 12).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Novembru 2019 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × 1507 × 5307 × GA21, li jikkonsistu minn tali qamħirrum jew li huma prodotti minnu u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn, tlieta, erbgħa jew ħamsa mill-eventi uniċi Bt11, MIR162, MIR604, 1507, 5307 u GA21 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 208, 1.6.2021, p. 18).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Mejju 2020 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87708 × MON 89788 × A5547-127, li jikkonsistu minnha jew li huma prodotti minnha, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 323, 11.8.2021, p. 7).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Novembru 2020 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 89034 × MIR162 × NK603, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn jew tlieta mill-eventi uniċi MON 87427, MON 89034, MIR162 u NK603, u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1111, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 415, 13.10.2021, p. 2).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Novembru 2020 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata SYHT0H2 (SYN-ØØØH2-5), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 415, 13.10.2021, p. 8).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Novembru 2020 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 87460 × MON 89034 × MIR162 × NK603, li jikkonsistu minn tali qamħirrum jew li huma prodotti minnu u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn, tlieta, erbgħa jew ħamsa mill-eventi uniċi MON 87427, MON 87460, MON 89034, MIR162 and NK603 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 415, 13.10.2021, p. 15).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87751 × MON 87701 × MON 87708 × MON 89788, li jikkonsistu minnha jew li huma prodotti minnha, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 445, 29.10.2021, p. 36).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 89034 × MIR162 × MON 87411 u l-qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn jew tlieta mill-eventi uniċi MON 87427, MON 89034, MIR162 u MON 87411, li jikkonsistu minnhom jew li huma prodotti minnhom, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 445, 29.10.2021, p. 43).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MIR604 (SYN-IR6Ø4-5) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 445, 29.10.2021, p. 49).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 88017 (MON-88Ø17-3), li jikkonsistu minnu jew li huma prodotti minnu, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 445, 29.10.2021, p. 56).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 89034 (MON-89Ø34-3), li jikkonsistu minnu jew li huma prodotti minnu skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 445, 29.10.2021, p. 63).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2021 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB614 × T304-40 × GHB119 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 474, 24.11.2021, p. 66).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2021 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jkun fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MZIR098 (SYN-ØØØ98-3), li jikkonsistu minnu jew li jkunu prodotti minnu, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 474, 24.11.2021, p. 74).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Lulju 2021 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mll-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-81419-2, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 99, 1.3.2022, p. 45).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Lulju 2021 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mll-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-81419-2 × DAS–44406–6, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 99, 1.3.2022, p. 52).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Lulju 2021 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, li jikkonsistu minn jew li jkunu prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 × MIR162 × MON810 × NK603 u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn jew tlieta mill-eventi uniċi 1507, MIR162, MON810 u NK603, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 99, 1.3.2022, p. 59).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Lulju 2021 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt 11 (SYN-BTØ11-1), li jikkonsistu minnu jew li huma prodotti minnu skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 99, 1.3.2022, p. 66). Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Frar 2022 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata GMB151 (BCS-GM151-6), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 342, 6.9.2022, p. 22). Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Frar 2022 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB614 (BCS-GHØØ2-5) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 342, 6.9.2022, p. 29). Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 2022 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB811 (BCS-GH811-4), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 347, 9.9.2022, p. 48). Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 2022 dwar l-abbozz ta’ Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom il-kolza ġenetikament modifikata 73496 (DP-Ø73496-4), li jikkonsistu minnha jew li huma prodotti minnha, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 347, 9.9.2022, p. 55). Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ April 2022 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87769 × MON 89788, li jikkonsistu minnha jew li huma prodotti minnha, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 434, 15.11.2022, p. 42).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ġunju 2022 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, li jikkonsistu minn jew li jkunu prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat DP4114 × MON 810 × MIR604 × NK603 u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn jew tlieta mill-eventi uniċi DP4114, MON 810, MIR604 u NK603, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 32, 27.1.2023, p. 6).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ġunju 2022 dwar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/797 tad-19 ta’ Mejju 2022 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, li jikkonsistu jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 × DAS-40278-9 u s-sottokombinazzjoni tiegħu T25 × DAS-40278-9, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 32, 27.1.2023, p. 14).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Diċembru 2022 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata A5547-127 (ACS-GMØØ6-4), li jikkonsistu minnha jew li huma prodotti minnha skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 177, 17.5.2023, p. 2).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Marzu 2023 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom il-kolza ġenetikament modifikata MON 94100 (MON-941ØØ-2), li jikkonsistu minnha jew li huma prodotti minnha, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2023)0063).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Mejju 2023 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qoton ġenetikament modifikat 281-24-236 × 3006-210-23 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2023)0202).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Settembru 2023 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87419 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2023)0307).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Settembru 2023 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat GA21 × T25 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2023)0308).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Ottubru 2023 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, jikkonsistu minn jew li huma prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat MON 89034 × 1507 × MIR162 × NK603 × DAS-40278-9 u disa’ subkombinazzjonijiet, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2023)0337).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Ottubru 2023 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li ġġedded l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MIR162 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2023)0338).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 503/2013 tat-3 ta’ April 2013 dwar applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta’ ikel u għalf ġenetikament modifikat skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemendaw ir-Regolamenti (KE) Nru 641/2004 u (KE) Nru 1981/2006 (ĠU L 157, 8.6.2013, p. 1).
(6) Ara, pereżempju, Bonny, S., ‘Genetically Modified Herbicide-Tolerant Crops, Weeds, and Herbicides: Overview and Impact” (Għelejjel Ġenetikament Modifikati Tolleranti għall-Erbiċidi, Ħaxix Ħażin, u Erbiċidi: Ħarsa Ġenerali u Impatt), Environmental Management, Jannar 2016, 57(1), pp. 31-48, https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pubmed/26296738 u Benbrook, C.M., “Impacts of genetically engineered crops on pesticide use in the U.S. – the first sixteen years” (L-impatti ta’ għelejjel ġenetikament modifikati fuq l-użu tal-pestiċidi fl-Istati Uniti – l-ewwel sittax-il sena), Environmental Sciences Europe, 28 ta’ Settembru 2012, Vol 24(1), https://enveurope.springeropen.com/articles/10.1186/2190-4715-24-24.
(7) Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).
(8) Ara, pereżempju, https://www.sciencedirect.com/science/article/pii/S1383574218300887, https://academic.oup.com/ije/advance-article/doi/10.1093/ije/dyz017/5382278, https://journals.plos.org/plosone/article?id=10.1371/journal.pone.0219610, u https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pmc/articles/PMC6612199/.
(9) Lurquin, P.F., “Production of a toxic metabolite in 2, 4-D-resistant GM crop plants” (Produzzjoni ta’ metabolit tossiku f’pjanti tar-raba’ ĠM reżistenti għal 2, 4-D), 3 Biotech 2016(6), 82, https://doi.org/10.1007/s13205-016-0387-9.
(10) Għal rieżami, ara Rubio-Infante, N., Moreno-Fierros, L., “An overview of the safety and biological effects of Bacillus thuringiensis Cry toxins in mammals”, Journal of Applied Toxicology, Mejju 2016, 36(5), pp. 630 648, https://onlinelibrary.wiley.com/doi/full/10.1002/jat.3252.
(11) https://www.sciencedirect.com/science/article/pii/S0278691516300722?via%3Dihub.
(12) Ara, pereżempju, Hilbeck, A., Otto, M., “Specificity and combinatorial effects of Bacillus thuringiensis Cry toxins in the context of GMO environmental risk assessment”, Frontiers in Environmental Science 2015, 3:71, https://doi.org/10.3389/fenvs.2015.00071.
(13) Hilbeck, A., Defarge, N., Lebrecht, T., Bøhn, T., “Insecticidal Bt crops. EFSA’s risk assessment approach for GM Bt plants fails by design" (L-għelejjel Bt tal-insettiċidi. L-approċċ tal-valutazzjoni tar-riskju tal-EFSA għal pjanti Bt ĠM ifalli mid-disinn), RAGES 2020, p. 4, https://www.testbiotech.org/sites/default/files/RAGES_report-Insecticidal%20Bt%20plants.pdf.
(14) https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/action/downloadSupplement?doi=10.2903%2Fj.efsa.2023.8011&file=efs28011-sup-0018-Annex_8.pdf.
(15) https://www.testbiotech.org/node/3142.
(16) https://www.ohchr.org/en/documents/thematic-reports/ahrc3448-report-special-rapporteur-right-food.
(17) https://indicators.report/targets/3-9/.
(18) ara: https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_22_7834.
(19) ara: https://food.ec.europa.eu/system/files/2023-11/sc_modif-genet_20231024_sum.pdf.
(20) Il-Kummissjoni “tista’”, u mhux “għandha”, tmexxi bl-awtorizzazzjoni jekk ma jkun hemm l-ebda maġġoranza kwalifikata ta’ Stati Membri favur fil-Kumitat ta’ Appell, skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
(21) Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u r-rekwiżiti tal-liġi dwar l-ikel, li tistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u tistabbilixxi proċeduri dwar materji ta’ sigurtà fl-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).
(22) F’Diċembru 2022, intlaħaq qbil dwar qafas globali dwar il-bijodiversità fil-COP15 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika li jinkludi mira globali għat-tnaqqis tar-riskju tal-pestiċidi b’mill-inqas 50 % sal-2030 (ara: https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/ip_22_7834).
(23) Kif deskritt fl-anness tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Ottubru 2020 bit-titolu “Strateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà Lejn Ambjent Ħieles mit-Tossiċità”, COM(2020)0667, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=COM%3A2020%3A667%3AFIN#document2.
(24) https://tillymetz.lu/wp-content/uploads/2020/09/Co-signed-letter-MEP-Metz.pdf
(25) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (ĠU C 270, 7.7.2021, p. 2), il-paragrafu 102.

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Mejju 2024Avviż legali - Politika tal-privatezza