Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2023/3025(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0510/2023

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2023 - 7.7

Testi adottati :

P9_TA(2023)0479

Testi adottati
PDF 136kWORD 43k
Il-Ħamis, 14 ta' Diċembru 2023 - Strasburgu
Is-sekwestru ta' tfal Tibetani u l-prattiki ta' assimilazzjoni furzata permezz tal-boarding schools Ċiniżi fit-Tibe
P9_TA(2023)0479RC-B9-0510/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2023 dwar is-sekwestru ta’ tfal Tibetani u l-prattiki ta’ assimilazzjoni furzata permezz tal-boarding schools Ċiniżi fit-Tibet (2023/3025(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina u t-Tibet,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi, taħt it-tmexxija ta’ Xi Jinping, il-Gvern Ċiniż sar sistematikament u dejjem aktar oppressiv; billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tibet għadha qed tiddegrada; billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, għad-demokrazija u għall-istat tad-dritt għandhom ikunu fiċ-ċentru tar-relazzjonijiet tal-UE maċ-Ċina;

B.  billi l-awtoritajiet Ċiniżi stabbilew sistema espansiva ta’ boarding schools de facto obbligatorji u politiċizzati ħafna għat-tfal ta’ bejn l-4 u t-18-il sena, li tirrikjedi li dawn jgħaddu minn edukazzjoni obbligatorja bil-Mandarin mingħajr ebda opportunità għal studju sostantiv tal-lingwa, l-istorja jew il-kultura Tibetani; billi madwar 80 % tat-tfal Tibetani, li jammontaw għal madwar miljun, ġew separati mill-familji tagħhom permezz ta’ din is-sistema, bil-għan li jiġu assimilati bil-forza minn perspettiva kulturali, reliġjużi u lingwistika fil-maġġoranza Han; billi kważi ma hemm l-ebda alternattiva privata għal dawn l-iskejjel tal-gvern, li allegatament fihom isseħħ sorveljanza qawwija;

C.  billi l-esperti tan-NU huma mħassba li t-tfal Tibetani għalhekk qed ibatu minn tensjoni psikoloġika u emozzjonali severa, inklużi s-solitudni u l-iżolament, u qed jitilfu l-kapaċità li jikkomunikaw faċilment bil-lingwa nattiva tagħhom mal-familji tagħhom, u dan jikkontribwixxi għall-erożjoni tal-identità individwali u soċjali tagħhom, li tikser id-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u tista’ tammonta għal ġenoċidju;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-politiki repressivi ta’ assimilazzjoni fiċ-Ċina kollha, speċjalment is-sistema ta’ boarding schools fit-Tibet, li jfittxu li jeliminaw it-tradizzjonijiet lingwistiċi, kulturali u reliġjużi distinti fost it-Tibetani u minoranzi oħra, bħall-Ujguri;

2.  Jappella għall-abolizzjoni immedjata tas-sistema tal-boarding schools imposta fuq it-tfal fit-Tibet u l-prattika tas-separazzjonijiet tal-familji, kif enfasizzat mill-esperti tan-NU fi Frar 2023; jistieden ukoll lill-awtoritajiet Ċiniżi jippermettu l-istabbiliment ta’ skejjel Tibetani privati;

3.  Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li timponi restrizzjonijiet fuq il-viżi lill-uffiċjali Ċiniżi marbuta mas-sistema tal-boarding schools fit-Tibet; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kunsill jadottaw sanzjonijiet immirati simili;

4.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-VP/RGħ jitolbu li l-Gvern Ċiniż joħroġ viżi lid-diplomatiċi Ewropej biex iżuru l-boarding schools fit-Tibet, jippermettu lil ġurnalisti indipendenti u osservaturi internazzjonali fir-reġjun u ma jxerrdux aħbarijiet foloz;

5.  Ifakkar fl-importanza li l-UE tqajjem il-kwistjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, b’mod partikolari s-sitwazzjoni fit-Tibet, fid-djalogi politiċi u tad-drittijiet tal-bniedem kollha mal-awtoritajiet Ċiniżi;

6.  Itenni t-talba tiegħu lill-Gvern Ċiniż biex jerġa’ jimpenja ruħu mar-rappreżentanti tal-14-il Dalai Lama biex jistabbilixxi awtonomija ġenwina għat-Tibetani fiċ-Ċina; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jeħilsu lill-Panchen Lama u ma jinterferixxux fid-deżinjazzjoni tal-mexxej spiritwali Tibetan;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-istituzzjonijiet tal-UE, lin-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Mejju 2024Avviż legali - Politika tal-privatezza