Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2023/2110(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0383/2023

Testi mressqa :

A9-0383/2023

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2023 - 7.8
CRE 14/12/2023 - 7.8

Testi adottati :

P9_TA(2023)0480

Testi adottati
PDF 177kWORD 57k
Il-Ħamis, 14 ta' Diċembru 2023 - Strasburgu
Inżidu l-innovazzjoni u l-kompetittività industrijali u teknoloġika
P9_TA(2023)0480A9-0383/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2023 dwar żieda fl-innovazzjoni u fil-kompetittività industrijali u teknoloġika permezz ta’ ambjent favorevoli għan-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu (2023/2110(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 101 sa 109 u l-Artikolu 173 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 27 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-TFUE dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Novembru 2016 bit-titolu “Il-mexxejja li jmiss tal-Ewropa: l-Inizjattiva favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu” (COM(2016)0733),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013(1) (Regolament Orizzont Ewropa),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Mejju 2021 bit-titolu “Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa” (COM(2021)0350),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Lulju 2022 bit-titolu “Aġenda Ewropea għall-Innovazzjoni ġdida” (COM(2022)0332),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2022 dwar l-implimentazzjoni tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Lulju 2023 dwar l-istat tal-Unjoni tal-SMEs(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Settembru 2023 dwar il-Pakkett ta’ Għajnuna għall-SMEs (COM(2023)0535),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A9-0383/2023),

A.  billi għalkemm ġew ippubblikati diversi komunikazzjonijiet mill-istituzzjonijiet tal-UE dwar negozji ġodda, għadhom ma ġew adottati l-ebda definizzjonijiet konkreti ta’ negozju ġdid jew ta’ negozju li qed jespandi;

B.  billi n-negozji ġodda u n-negozji li qed jespandu huma kkaratterizzati minn riżorsi limitati tal-persunal u kapaċità komparattivament limitata biex jikkonformaw ma’ reġimi regolatorji kumplessi jew proċeduri ta’ finanzjament; billi l-ħtiġijiet tan-negozju tagħhom u l-isfidi speċifiċi ta’ spiss huma ta’ natura differenti minn dawk ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) stabbiliti;

C.  billi l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) ġie stabbilit taħt ir-Regolament Orizzont Ewropa;

D.  billi l-Kummissjoni għandha diversi inizjattivi fis-seħħ immirati lejn il-promozzjoni tal-intraprenditorija, l-innovazzjoni u t-trasformazzjoni diġitali fl-UE, bħall-inizjattiva favur in-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu, it-tabella ta’ valutazzjoni tal-ekoinnovazzjoni, il-Komunitajiet ta’ Konoxxenza u l-Innovazzjoni (KICs), il-Pjattaforma Ewropea għall-Kollaborazzjoni bejn ir-Raggruppamenti, id-Deċennju Diġitali u l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali, kif ukoll programmi ta’ finanzjament iddedikati għall-innovazzjoni f’oqsma ta’ politika oħra;

E.  billi hemm disparitajiet storiċi notevoli bejn il-kultura ta’ investiment fl-Ewropa u f’reġjuni oħra tad-dinja, notevolment għall-kapital ta’ riskju u l-investiment informali;

F.  billi l-UE hija impenjata li ttejjeb il-kompetittività industrijali u teknoloġika tagħha fis-suq globali, toħloq ktajjen tal-provvista reżiljenti u diversifikati u tmexxi fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u għalhekk tirrikonoxxi l-ħtieġa li ttejjeb il-pożizzjoni tagħha permezz ta’ appoġġ sostnut għat-tkabbir ta’ negozji ġodda u negozji li qed jespandu, peress li jistgħu jrawmu l-innovazzjoni u jippromwovu l-objettivi tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali;

G.  billi l-UE tirrikonoxxi l-potenzjal ta’ negozji ġodda u negozji li qed jespandu biex imexxu l-innovazzjoni, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi fl-UE, jindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà, jippromwovu s-sostenibbiltà u jikkontribwixxu għall-objettivi stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-programm Ewropa diġitali, l-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Innovazzjoni u l-istrateġija industrijali aġġornata tal-UE;

H.  billi t-trawwim tal-innovazzjoni transsettorjali u l-inkoraġġiment tal-kollaborazzjoni u l-iskambji tal-għarfien fost industriji varji huma imperattivi biex jitmexxew il-kreattività, l-effiċjenza u t-tkabbir trasformattiv fi ħdan ix-xenarju tan-negozji ġodda u n-negozji li qed jespandu;

I.  billi n-negozji ġodda u n-negozji li qed jespandu bħalissa huma mfixkla minn nuqqas ta’ integrazzjoni tas-suq uniku, diskrepanzi regolatorji u piżijiet amministrattivi eċċessivi; billi l-kompetittività Ewropea għadha lura b’rispett ta’ ekonomiji żviluppati oħra, u qed thedded il-potenzjal tal-Ewropa li tiġġenera tkabbir u prosperità;

J.  billi l-għajnuna mill-Istat u r-regoli tal-kompetizzjoni mdgħajfa fl-Unjoni jistgħu jirriskjaw li jżidu l-ostakli għad-dħul fis-suq, b’mod partikolari fil-kuntest tan-negozji ġodda u n-negozji li qed jespandu, u jistgħu jfixklu l-allokazzjoni kompetittiva tal-kapital ibbażata fuq il-mertu;

K.  billi t-trawwim ta’ ekosistema ta’ negozji ġodda inklużiva hija ta’ importanza kbira, peress li d-diversità fit-timijiet u fit-tmexxija sservi bħala katalist għall-innovazzjoni, il-kreattività u r-reżiljenza;

L.  billi infrastruttura diġitali robusta u konnettività mifruxa huma prerekwiżiti fundamentali u faċilitaturi essenzjali ta’ innovazzjoni diġitali inklużiva għal negozji ġodda u negozji li qed jespandu; billi hemm differenzi reġjonali sinifikanti fi ħdan l-UE f’dan ir-rigward; billi hemm bżonn ta’ aktar investiment u avvanzi fl-infrastruttura diġitali biex ilaħħqu mad-domanda tat-teknoloġiji li qed jevolvu u biex l-UE tkun tista’ tibqa’ minn ta’ quddiem fl-innovazzjoni fix-xena globali;

M.  billi r-rapport tal-2023 dwar l-istat tad-Deċennju Diġitali(4) jissottolinja l-fatt li huwa meħtieġ aktar progress fit-trasformazzjoni diġitali tan-negozji, speċjalment fir-rigward tal-użu tal-IA, il-big data u l-cloud computing;

N.  billi aspett ċentrali ta’ attività intraprenditorjali ta’ suċċess huwa l-abbiltà li jinnovaw, jadattaw u jidentifikaw lakuni fis-suq biex jiġu pprovduti prodotti jew servizzi kompetittivi lill-klijenti fuq skala li fl-aħħar mill-aħħar tkun profittabbli; billi għal dawk li jfasslu l-politika, dan jimplika li l-aktar azzjoni effettiva għall-promozzjoni ta’ negozji ġodda u negozji li qed jespandu fl-Unjoni hija l-appoġġ ta’ ambjent regolatorju favorevoli li jiffaċilita d-dħul fis-suq, l-espansjoni tan-negozju u l-aċċess għall-kapital, bil-għan li tistimula l-innovazzjoni, tippromwovi kompetizzjoni b’saħħitha u jiġu żgurati benefiċċji massimi għall-konsumaturi;

Definizzjonijiet

1.  Jistieden lill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, biex tipproponi definizzjonijiet armonizzati u wesgħin għal negozju ġdid u negozju li qed jespandi rispettivament, ibbażati fuq l-iskalabbiltà, filwaqt li tqis kif huma differenti minn xulxin u l-istatus partikolari tagħhom relattiv mal-SMEs, sabiex tiġi evitata l-esklużjoni involontarja ta’ negozji ġodda u negozji li qed jespandu minħabba definizzjonijiet restrittivi;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi n-negozji ġodda u n-negozji li qed jespandu fi ħdan l-SMEs, u biex tuża din id-definizzjoni fil-kuntest tal-politika u l-istatistika;

3.  Jinsab imħasseb li n-nuqqas li jiġu adottati definizzjonijiet xierqa jista’ jimmina l-effettività tal-politiki u l-leġiżlazzjoni eżistenti; jinnota li, għalkemm negozji ġodda u SMEs għandhom xi interessi li jikkoinċidu, huma jvarjaw sostanzjalment ladarba jidħlu fil-fażijiet ta’ ġbir ta’ fondi, tkabbir u maturità; jenfasizza, barra minn hekk, li n-negozji ġodda jiltaqgħu ma’ inċertezza u riskju għoli ta’ falliment, u jiddependu fuq ekosistemi u klassi differenti ta’ investitur; jemmen, għalhekk, li s-sempliċi klassifikazzjoni ta’ negozji ġodda bħala SMEs tillimita t-tkabbir tagħhom, l-aċċess għas-swieq u l-opportunitajiet biex jinvestu;

4.  Huwa konvint li definizzjonijiet iddedikati se jżidu l-opportunitajiet għall-appoġġ permezz ta’ miżuri li huma mfassla għall-ħtiġijiet u l-karatteristiċi speċifiċi ta’ negozji ġodda u negozji li qed jespandu billi jagħtu spinta lill-aċċess tagħhom għas-swieq kapitali Ewropej u għall-investituri privati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkoordinaw aktar l-isforzi rispettivi tagħhom biex jattiraw il-kapital privat f’negozji ġodda u negozji li qed jespandu biex jaqsmu “l-widien tal-mewt” suċċessivi u jimlew il-lakuni rispettivi; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija Ewropea komprensiva favur in-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu li tippromwovi l-innovazzjoni u tindirizza l-isfidi li jiltaqgħu magħhom l-innovaturi individwali, il-fundaturi, in-negozji ġodda u n-negozji li qed jespandu;

Aċċess għall-finanzjament

5.  Jenfasizza l-isfidi li jiltaqgħu magħhom in-negozji ġodda Ewropej fl-aċċess għall-finanzjament, inklużi d-diffikultajiet biex jespandu malajr in-negozji madwar l-Ewropa; iħeġġeġ lill-gvernijiet, lill-istituzzjonijiet finanzjarji u lill-investituri privati jikkollaboraw u jiżviluppaw strateġiji biex tiġi kkultivata kultura ta’ investiment aktar tolleranti għar-riskju;

6.  Jenfasizza l-impatt sinifikanti li l-ħlasijiet tard għandhom fuq il-likwidità għal negozji ġodda u negozji li qed jespandu; jinnota li s-soluzzjonijiet diġitali jistgħu jintużaw biex jiffaċilitaw aktar trasparenza tal-fatturi u ħlasijiet aktar mgħaġġla tal-fatturi;

7.  Jenfasizza r-rwol tal-investituri istituzzjonali, bħall-fondi tal-pensjonijiet u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni, u jappella li dawn jitħallew jinvestu porzjon akbar tal-portafolli tagħhom f’kapital ta’ riskju u investimenti fi stadju bikri, peress li dan jipprovdi sors vitali ta’ finanzjament fuq terminu twil għal negozji ġodda; ifakkar li l-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1023(5) dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv u t-tieni ċans għandha l-għan li tbiddel il-kultura avversa għar-riskju fl-Ewropa;

8.  Ifakkar fir-rwol katalitiku li għandu l-appoġġ pubbliku mmirat, fil-forma ta’ għotjiet, self u garanziji ta’ self, biex jitnaqqas id-distakk ta’ finanzjament għal negozji ġodda u negozji li qed jespandu meta l-investiment privat ikun insuffiċjenti jew mhux disponibbli; huwa tal-fehma li l-użu mill-istituzzjonijiet pubbliċi tal-UE tal-investiment azzjonarju bħala għodda ta’ politika għandu jibqa’ eċċezzjoni u għandu, bħala prinċipju ta’ gwida ġenerali, jindirizza biss in-nuqqasijiet tas-suq; jistenna li l-Kummissjoni tieħu l-akbar attenzjoni tal-interessi tan-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu fl-aċċess kompetittiv għas-suq meta tevalwa l-eżenzjonijiet mir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, ir-regoli tal-kontroll tal-amalgamazzjonijiet u t-tnaqqis tad-dispożizzjonijiet tal-politika tal-kompetizzjoni;

9.  Jisħaq li, fl-ekonomiji tas-suq, il-mekkaniżmu primarju biex jiffinanzja l-ħtiġijiet kapitali tan-negozji, inklużi dawk ta’ negozji ġodda u negozji li qed jespandu, huwa permezz ta’ dejn privat u swieq ta’ ekwità; iħeġġeġ it-tlestija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali biex timmobilizza l-kapital privat u ttejjeb il-moviment transfruntier ta’ tali kapital fl-Unjoni; jappella għal approċċ komprensiv biex jiġu indirizzati d-disparitajiet reġjonali u l-ostakli li jxekklu l-aċċess għall-finanzi fi ħdan l-ekosistema Ewropea ta’ negozji ġodda, filwaqt li jiġu rikonoxxuti x-xenarji finanzjarji differenti fost l-Istati Membri u r-reġjuni;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja u tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ negozji ġodda u negozji li qed jespandu innovattivi fil-programmi ta’ finanzjament tal-UE u tiżgura aċċess aktar faċli għal proċessi ta’ applikazzjoni li jkunu aktar sempliċi għall-programmi ta’ finanzjament tal-UE u sejħiet għall-offerti, kif ukoll ħruġ aħjar, aktar mgħaġġel u eħfef ta’ dawn il-fondi; jirrikonoxxi x-xenarju finanzjarju attwali, li fih negozji ġodda jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jaċċessaw finanzjament immirat permezz ta’ għotjiet, garanziji u self minħabba ostakli burokratiċi u perjodi ta’ stennija fit-tul wara l-approvazzjoni tal-għotja; jenfasizza l-ħtieġa li l-istruttura ta’ finanzjament eżistenti tal-UE tiġi adattata għar-rekwiżiti distintivi ta’ negozji ġodda biex jiġi żgurat li l-appoġġ finanzjarju rilevanti ma jkunx soġġett għal piżijiet amministrattivi żejda; jisħaq, b’mod partikolari, fuq il-ħtieġa li jitħaffef l-iżborż tal-fondi approvati, billi jiġi minimizzat il-perjodu ta’ stennija bejn l-approvazzjoni tal-għotja u l-irċevuta tal-fondi;

11.  Jirrikonoxxi li, minħabba l-ħtiġijiet uniċi tagħhom, is-setturi u l-industriji tal-kultura u kreattivi jeħtieġu mekkaniżmi finanzjarji aċċessibbli u mfassla apposta; jappella għal finanzjament immirat għal negozji ġodda u negozji li qed jespandu fi ħdan is-setturi u l-industriji tal-kultura u kreattivi;

12.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jipprijoritizzaw l-investimenti fl-infrastruttura diġitali fiż-żoni urbani u rurali, billi jadottaw approċċ li jaħseb ’il quddiem li jappoġġja t-tkabbir u s-sostenibbiltà tan-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu u jsaħħaħ it-tmexxija diġitali tal-Ewropa;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw l-ostakli li n-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu jiffaċċjaw fl-aċċess ta’ finanzjament u proċessi ta’ applikazzjoni ta’ finanzjament imfassla apposta b’mod li jippermetti aċċess aktar faċli għall-finanzjament; jappella li l-isforzi jkunu ffukati fuq l-armonizzazzjoni mgħaġġla tas-swieq kapitali madwar l-Unjoni;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ finanzjament għal negozji ġodda u negozji li qed jespandu, inkluż l-akkwist pubbliku u l-għoti ta’ għotjiet, self, garanziji u finanzjament kollettiv, filwaqt li tieħu ħsieb li ma tkeċċix l-investiment privat; iħeġġiġha biex torjenta mill-ġdid il-fondi eżistenti biex jimmiraw lejn in-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu Ewropej b’mod aktar effettiv, inkluż permezz ta’ sejħa speċjali għal proġetti għal teknoloġija profonda u teknoloġija ekoloġika; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata sistema pan-Ewropea volontarja ta’ referenza ta’ kreditu għal negozji ġodda u negozji li qed jespandu li ma jingħatawx self bankarju; jisħaq fuq il-ħtieġa li jespandu inizjattivi bħal VentureEU biex jattiraw investiment privat akbar fit-tul għal negozji ġodda u negozji li qed jespandu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex isaħħu l-inċentivi għal investiment fi stadju bikri mill-investituri informali u mill-investituri; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-aħjar prattiki rilevanti madwar l-UE u tipprovdi rakkomandazzjonijiet biex tippromwovi qafas komuni;

15.  Iħeġġeġ lill-aġenziji tal-gvern u lill-investituri privati jipprovdu għotjiet aktar immirati u self b’imgħax baxx lil negozji ġodda u negozji li qed jespandu f’diversi stadji ta’ tkabbir, filwaqt li jżommu mekkaniżmi kompetittivi ta’ allokazzjoni ta’ kapital u jieħdu l-akbar attenzjoni biex ma jeskludux l-investiment privat;

16.  Huwa favur il-ħolqien ta’ inċentivi u mekkaniżmi ta’ finanzjament biex jappoġġjaw proġetti transsettorjali biex jippermettu lil negozji ġodda u negozji li qed jespandu jesploraw kollaborazzjonijiet mhux konvenzjonali u jagħmlu użu minn għarfien espert divers, partikolarment f’oqsma bħall-enerġija rinnovabbli, il-bijoteknoloġija, il-bliet intelliġenti u s-setturi u l-industriji tal-kultura u kreattivi;

Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni

17.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħolqien tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC), li għandu l-għan li jappoġġja, permezz ta’ għotjiet u strumenti finanzjarji, negozji ġodda innovattivi u negozji li qed jespandu li, minkejja li kellhom każ kummerċjali validu, ma setgħux jiżguraw finanzjament minħabba l-falliment tas-suq; jappella biex il-Fond tal-EIC jagħti attenzjoni speċjali lill-bilanċ ġeografiku; jilqa’ l-pjan ta’ azzjoni ta’ twessigħ tal-EIC u l-għan ġenerali li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li qed jitwessgħu għal sehem ta’ mill-inqas 15 % tal-finanzjament fl-istrumenti kollha tal-EIC, kif inhu rakkomandat mill-Bord tal-EIC; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta bis-sħiħ l-azzjonijiet rakkomandati mill-Bord tal-EIC sabiex tiżgura li l-Fond tal-EIC ikollu impatt tassew Ewropew;

18.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-EIC ikun attur kredibbli tas-suq; ifakkar li l-investimenti tal-EIC għandu jkollhom l-għan li “jressqu viċin” lill-investituri privati aktar milli jkeċċuhom; jappella għal, fid-dawl tal-attività li qed tiżdied tal-EIC, strateġija ċara dwar il-ġestjoni tal-Fond tal-EIC, inkluż fir-rigward tal-metodi u l-kriterji għall-allokazzjoni tal-kapital u l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-maniġers tal-fondi; japprezza d-diliġenza dovuta ta’ kwalità għolja mwettqa mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li din il-kwalità tinżamm, f’konformità mal-istandards tas-suq; jilqa’ u jinkoraġġixxi l-isforzi tal-Bord tal-EIC biex jindirizza b’mod proattiv il-kunflitti ta’ interess permezz ta’ regoli ċari u trasparenti; jilqa’ l-kodiċi ta’ kondotta adottat għall-konsulenti li joffru servizzi lill-applikanti għal sejħiet tal-EIC;

Bank Ewropew tal-Investiment

19.  Iħeġġeġ lill-Grupp tal-BEI, inkluż il-Fond Ewropew tal-Investiment, u lill-banek nazzjonali tal-iżvilupp biex iżidu b’mod ekwu l-appoġġ finanzjarju lil negozji ġodda u negozji li qed jespandu, inklużi dawk li joperaw f’setturi emerġenti u b’potenzjal għoli, b’mod partikolari fl-oqsma tal-enerġija u tar-reżiljenza għall-klima tal-UE u t-trasformazzjoni diġitali; josserva li ħafna negozji ġodda mhumiex konxji biżżejjed mill-offerti tal-BEI u jenfasizza li komunikazzjoni aħjar u sforzi ta’ sensibilizzazzjoni mill-BEI huma essenzjali biex jiġi żgurat li n-negozji ġodda u n-negozji li qed jespandu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-istrumenti u l-appoġġ finanzjarju tal-BEI;

20.  Jirrikonoxxi, b’mod partikolari, li l-Grupp tal-BEI għandu rwol kruċjali fil-forniment ta’ strumenti finanzjarji u riżorsi biex jappoġġjaw lil negozji ġodda u negozji li qed jespandu ta’ teknoloġija nadifa madwar l-Unjoni; jappoġġja appoġġ dedikat għas-self tal-BEI għal negozji ġodda u negozji li qed jespandu involuti fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali biex jindirizzaw id-differenza fil-finanzjament għall-investimenti fl-infrastruttura u l-kapaċità tal-manifattura, soġġett għal kundizzjonijiet; jenfasizza r-rwol kruċjali tal-BEI fl-impenn tal-Unjoni għall-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Ftehim ta’ Pariġi;

Akkwist pubbliku

21.  Jappella għall-iżvilupp ta’ mekkaniżmi effiċjenti u trasparenti biex jiffaċilitaw l-aċċess għal kuntratti ta’ akkwist pubbliku għal negozji ġodda u negozji li qed jespandu li, meta mqabbla ma’ kumpaniji stabbiliti, m’għandhomx l-istess kapaċitajiet legali u amministrattivi, rekord jew esperjenza fl-interazzjoni ma’ amministrazzjonijiet pubbliċi, u biex jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tagħhom fl-għoti ta’ soluzzjonijiet innovattivi għall-isfidi tas-settur pubbliku;

Piżijiet regolatorji

22.  Jilqa’ l-mira tal-Kummissjoni li tnaqqas il-piżijiet assoċjati mar-rekwiżiti ta’ rappurtar b’25 % mingħajr ma jiġu mdgħajfa l-objettivi tal-politika; jemmen li l-Kummissjoni għandha tqis ir-restrizzjonijiet speċifiċi u strutturali tan-negozji ġodda u n-negozji li qed jespandu f’dan ir-rigward sabiex tonqos il-pressjoni tal-ispejjeż u tiġi promossa l-kompetittività; jappella għal approċċ ibbilanċjat dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE fir-rigward tat-trawwim tat-tkabbir, l-intraprenditorija u t-tranżizzjonijiet doppji; jappella għall-applikazzjoni konsistenti tal-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” fid-deliberazzjonijiet interni u fost il-proposti leġiżlattivi rilevanti u l-inizjattivi ta’ politika;

23.  Jenfasizza l-importanza tas-simplifikazzjoni u l-avvanz tal-prinċipju ta’ “darba biss” għall-kondiviżjoni tad-data bejn l-amministrazzjonijiet u l-prinċipju “diġitali b’mod awtomatiku” fi proċeduri amministrattivi, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri; jemmen li l-istandardizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri u l-formoli, f’konformità ma’ dawn il-prinċipji, se jgħinu b’mod sinifikanti lin-negozji ġodda u n-negozji li qed jespandu billi jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi fit-tul; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu progress fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-prinċipji;

24.  Jappella għall-istabbiliment ta’ regolamenti u oqfsa favur in-negozji ġodda li jiffaċilitaw it-tkabbir, l-iskalabbiltà u l-operazzjonijiet transkonfinali tan-negozji ġodda u n-negozji li qed jespandu, filwaqt li jiżguraw il-protezzjoni tal-konsumatur, il-privatezza tad-data u l-kompetizzjoni ġusta; jenfasizza l-importanza li jiġu limitati l-ispejjeż ta’ konformità għal negozji ġodda u negozji li qed jespandu; jistieden lill-Kummissjoni tespandi l-appoġġ għall-SMEs, in-negozji ġodda u n-negozji li qed jespandu fin-navigazzjoni tal-kumplessità regolatorja, billi tespandi l-programmi għall-promozzjoni tal-kliniċi legali, pereżempju fil-kuntest taċ-Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali taħt il-programm Ewropa diġitali;

25.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa u tadotta “test għal negozji ġodda”, fuq l-istess linja tat-test tal-SMEs li adottat fl-2021, sabiex tivvaluta aħjar l-impatt tal-leġiżlazzjoni li tiffoka fuq l-innovazzjoni, il-finanzjament u l-kompetittività; jieħu nota tal-proposta tal-President tal-Kummissjoni biex jiġi stabbilit kontroll tal-kompetittività għal-leġiżlazzjoni ġdida tal-UE li għandha titwettaq minn bord indipendenti; iqis li dan il-kontroll tal-kompetittività għandu jkollu qafas speċjali fir-rigward ta’ negozji ġodda u negozji li qed jespandu u l-SMEs biex jiġi żgurat li r-regolamentazzjoni tinċentiva l-bidu ta’ negozji ġodda fl-Ewropa;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni terġa’ tevalwa l-effett fuq in-negozji l-ġodda li għandha l-leġiżlazzjoni futura ffukata fuq l-SMEs, l-industrija u l-innovazzjoni, filwaqt li tqis il-ħtiġijiet u l-karatteristiċi speċifiċi tan-negozji l-ġodda;

27.  Jieħu nota ta’ għodda ġodda ta’ regolamentazzjoni aħjar u l-prinċipju ta’ “one in, one out”; jemmen li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jeħtieġu ambizzjoni saħansitra akbar fir-rigward tas-simplifikazzjoni regolatorja u t-tnaqqis tal-ispiża tal-konformità, inkluż permezz tal-applikazzjoni konsistenti tal-liġi tal-UE fost l-Istati Membri u billi jiġu indirizzati liġijiet li jikkoinċidu fis-suq uniku, b’mod partikolari għal negozji ġodda u negozji li qed jespandu; jemmen li din is-simplifikazzjoni hija essenzjali biex jitrawmu l-innovazzjoni u l-kompetittività;

Akkwist ta’ talent

28.  Jenfasizza l-urġenza li jitnaqqas id-distakk li jidher li jeżisti fit-talent u li tinħoloq ekosistema li fiha t-talent mhux biss ikun abbundanti, iżda wkoll integrat bis-sħiħ fis-settur tat-teknoloġija; jinnota bi tħassib li l-UE kollha kemm hi għandha inqas programmi ta’ studju għall-ewwel grad fl-IA minn xi pajjiżi ferm iżgħar; jemmen li hemm bżonn ta’ approċċ immirat fil-livell tal-UE biex dan jiġi rratifikat; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-pjan ta’ azzjoni għall-edukazzjoni diġitali, l-inizjattiva tal-universitajiet Ewropej u ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, b’mod aktar wiesa’, jistgħu jiġu estiżi biex jiffaċilitaw aktar l-istabbiliment ta’ kollaborazzjonijiet strateġiċi bejn l-istituzzjonijiet akkademiċi u l-industrija biex jiġi żgurat li l-gradwati jkunu ppreparati sew u mgħammra bil-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol dinamiku; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-investimenti fit-taħriġ u l-edukazzjoni billi joħolqu programmi ta’ studju u korsijiet iffukati fuq ħiliet intraprenditorjali u teknoloġiċi, filwaqt li jintegraw ukoll inizjattivi ta’ tagħlim tul il-ħajja għall-intraprendituri diġà attivi fis-settur, b’mod partikolari għal negozji li qed jespandu;

29.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw inizjattivi li jippromwovu l-ħiliet diġitali u industrijali, il-kooperazzjoni, il-kondiviżjoni tal-għarfien, l-intraprenditorija u l-mentoraġġ fil-livelli kollha tal-edukazzjoni biex jgħammru lill-individwi bl-għarfien u l-ħiliet meħtieġa biex jirnexxu fl-era diġitali; jinnota l-importanza tal-ħiliet tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) f’dan ir-rigward;

30.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw kampanji ta’ għarfien biex jippromwovu l-impjiegi f’ambjenti diġitali u industrijali, b’enfasi speċifika fuq li jattiraw aktar talent femminili lejn dawn is-setturi;

31.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi n-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu fil-programmi ta’ ħiliet u talent tagħha u tenfasizza l-opportunitajiet li n-negozji ġodda u n-negozji li qed jespandu jipprovdu għal gradwati żgħażagħ, inkluż l-impjiegi; jemmen li l-programmi u l-inizjattivi edukattivi eżistenti tal-Unjoni, b’mod speċjali l-Erasmus+, jistgħu jiġu sfruttati għal dawn l-objettivi;

32.  Jisħaq li, fi żminijiet ta’ swieq tax-xogħol stretti tal-UE għall-impjegati tas-sengħa, l-iffaċilitar tar-reklutaġġ ta’ talent internazzjonali huwa essenzjali; jisħaq fuq l-importanza tas-salvagwardja tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, il-promozzjoni tad-diversità u l-inklussività fi ħdan l-ekosistema ta’ negozji ġodda u li qed jespandu u l-iżgurar ta’ opportunitajiet ekwi għal kulħadd, inklużi ż-żgħażagħ, il-professjonisti stabbiliti u l-gruppi sottorappreżentati; jinnota, f’dan ir-rigward, l-inizjattiva tal-Kummissjoni li twaqqaf ir-Riżerva ta’ Talent tal-UE;

Aċċess għas-suq u kompetizzjoni

33.  Huwa konvint li l-ħolqien tal-kundizzjonijiet għan-negozji innovattivi biex joperaw f’ambjent sempliċi, ċar u prevedibbli huwa essenzjali biex tiġi żgurata l-kapaċità tagħhom li jikbru u jespandu fis-suq uniku, peress li l-opportunità li jkollhom aċċess għal suq usa’ se żżid il-kapaċità tagħhom li jattiraw l-investituri; jisħaq fuq l-importanza ta’ oqfsa ta’ politika li jiffaċilitaw u jappoġġjaw il-kollaborazzjoni, billi jneħħu l-ostakli li jirriżultaw minn reġimi regolatorji nazzjonali inkonsistenti u jipprovdu l-inċentivi meħtieġa biex jippromwovu parteċipazzjoni attiva mill-partijiet interessati kollha fi ħdan l-ekosistema tal-innovazzjoni; jappella li jkun hemm mekkaniżmi biex jittaffew ir-riskji assoċjati mal-espansjoni internazzjonali biex jiġi żgurat li n-negozji ġodda u n-negozji li qed jespandu jkollhom l-appoġġ u l-gwida meħtieġa biex jinnavigaw l-inċertezzi inerenti fis-swieq globali;

34.  Jirrikonoxxi li, skont il-Deep Tech Finder tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, aktar minn 10 % tan-negozji ġodda Ewropej li applikaw għal privattivi Ewropej diġà bbenefikaw mill-finanzjament tal-EIC; huwa konvint mill-ħtieġa li titqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-proprjetà intellettwali; huwa tal-fehma li r-riforma tal-Privattiva Unitarja(6) hija eżempju tajjeb li għandha l-għan li tipprovdi protezzjoni uniformi fil-pajjiżi parteċipanti kollha, fuq bażi ta’ punt uniku ta’ servizz, billi tnaqqas il-piżijiet amministrattivi u tiżgura l-konsistenza fil-ġurisprudenza; jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Ftehim dwar il-Qorti Unifikata tal-Privattivi biex jagħmlu dan għall-benefiċċju tal-ekosistema ta’ negozju ġdid;

35.  Jinnota l-objettivi tal-UE li jikkonċernaw l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti(7) u jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra kif jistgħu jitressqu inizjattivi addizzjonali biex tiżdied il-kompetittività ta’ negozji ġodda u negozji li qed jespandu Ewropej involuti fil-ktajjen tal-valur tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti u jikkontribwixxu għal pożizzjoni tagħhom fil-kamp ta’ kompetizzjoni globali ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti; jistieden lill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex tivvaluta kif in-negozji ġodda u n-negozji li qed jespandu rispettivament jistgħu jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ dekarbonizzazzjoni tal-UE, u biex tqis ir-rwol tagħhom fil-proċessi ta’ ppjanar tagħha, bħall-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima;

36.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi kkultivat xenarju teknoloġiku li jinkorpora kemm il-kompetizzjoni kif ukoll l-innovazzjoni; huwa tal-fehma li l-mekkaniżmi regolatorji jridu jadattaw u jevolvu b’mod sinkronizzat mal-avvanzi teknoloġiċi u ċ-ċaqliq fis-suq biex isostnu l-kompetittività u l-innovazzjoni, speċjalment fir-rigward ta’ negozji ġodda Ewropej; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw pjanijiet u strateġiji komprensivi dwar kif tintuża l-innovazzjoni teknoloġika permessa minn negozji ġodda u negozji li qed jespandu biex jippromwovu l-kompetittività u jiksbu miri klimatiċi;

Aċċess għad-data

37.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippermetti għarfien dwar id-data pubblika f’ħin reali li jagħti s-setgħa għal teħid ta’ deċiżjonijiet aħjar u jmexxi l-innovazzjoni għal negozji ġodda u negozji li qed jespandu, filwaqt li tipproteġi d-data personali u data oħra ta’ natura sensittiva, f’konformità mal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar id-data; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-industrija, taħt il-qafas għall-aċċess għad-data finanzjarja, biex tistabbilixxi standards konsistenti u armonizzati għal settijiet ta’ data finanzjarja, kif ukoll qafas biex tiġi żgurata kondiviżjoni ta’ data finanzjarja aktar affidabbli, effiċjenti u innovattiva bejn in-negozji, il-partijiet terzi u l-gvernijiet;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni armonizzata u effettiva tar-regolamenti diġitali riċenti, b’mod partikolari l-Att dwar is-Servizzi Diġitali(8), l-Att dwar is-Swieq Diġitali(9), l-Att dwar il-Governanza tad-Data(10), l-Att dwar id-Data(11) u l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali(12) li jmiss; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jrawmu ekosistema mmexxija mill-Ewropa ta’ swieq għal data mhux personali; jissuġġerixxi l-iżvilupp ta’ oqfsa biex jarmonizzaw it-trattament ta’ settijiet ta’ data bħala assi fil-kontabilità u r-rappurtar finanzjarju;

Ekosistema tal-innovazzjoni u strutturi ta’ appoġġ

39.  Jilqa’ l-avviżi dwar il-ħatra ta’ rappreżentant tal-UE għall-SMEs; jenfasizza ulterjorment il-ħtieġa li dan ir-rappreżentant jagħmel analiżi komprensiva u joħroġ rapporti perjodiċi dwar l-istatus ta’ negozji ġodda u negozji li qed jespandu Ewropej, li jinkludu l-ostakli u l-problemi ta’ kuljum tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħtar punti ta’ kuntatt tan-negozji ġodda u n-negozji li qed jespandu fid-direttorati ġenerali rilevanti biex jikkoordinaw aħjar politiki ddedikati; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi network dedikat ta’ konsulenti għal negozji li qed jespandu bħala parti min-Network Enterprise Europe;

40.  Jenfasizza l-importanza fundamentali li tinħoloq ekosistema ta’ negozji ġodda inklużiva li tipprovdi impjiegi b’opportunitajiet ekwi għal kulħadd, inklużi ż-żgħażagħ, il-professjonisti stabbiliti u l-gruppi sottorappreżentati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jressqu inizjattivi u politiki proattivi li jippromwovu l-inklussività b’mod attiv, billi jindirizzaw l-ostakli sistemiċi u l-preġudizzji u billi jrawmu kundizzjonijiet ekwi għall-gruppi sottorappreżentati; jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ programmi ta’ mentoraġġ rilevanti, opportunitajiet ta’ networking u inizjattivi edukattivi u oħrajn li jimmiraw speċifikament għal gruppi sottorappreżentati;

41.  Jappella għall-għarfien espert biex jinġabar permezz ta’ sħubijiet strateġiċi, kollaborazzjoni u kondiviżjoni ta’ għarfien u riżorsi fost l-akkademja, l-atturi tal-industrija u l-aġenziji tal-gvern, billi jisfruttaw is-saħħiet u l-kompetenza kollettiva tagħhom fil-kuntest tal-istrateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti;

42.  Jirrakkomanda li jissaħħu l-ekosistemi reġjonali ta’ negozji ġodda li jiġbru flimkien universitajiet lokali, intraprendituri, kumpaniji u entitajiet tas-settur pubbliku, inkluż permezz ta’ ċentri ta’ innovazzjoni, inkubaturi, aċċeleraturi u bennejja ta’ riskju, biex jisfruttaw is-saħħiet u r-riżorsi ta’ kull reġjun; jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina aħjar bejn il-politika tal-innovazzjoni bbażata fuq il-post u l-politika tal-innovazzjoni mmexxija mill-eċċellenza fil-livell tal-Unjoni; jieħu nota tal-istejjer ta’ suċċess minn ekosistemi ta’ negozji ġodda u l-lezzjonijiet meħuda mill-esperjenzi tagħhom; jirrakkomanda li dawn l-ekosistemi reġjonali ta’ negozji ġodda jsiru forum għall-mexxejja tal-ekosistemi għall-kondiviżjoni tal-ideat u tal-aħjar prattiki;

o
o   o

43.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1.
(2) ĠU C 167, 11.5.2023, p. 8.
(3) Testi adottati, P9_TA(2023)0294.
(4) Kummissjoni Ewropea, “Rapport tal-2023 dwar l-istat tad-Deċennju Diġitali”, 27 ta’ Settembru 2023.
(5) Id-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar ir-ristrutturar l-insolvenza) (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 18).
(6) S’issa, aktar minn 35 % tal-applikanti li talbu privattiva unitarja huma SMEs, meta mqabbla ma’ 20 % għal privattivi Ewropej ordinarji.
(7) Proposta tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Marzu 2023 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ prodotti ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti (l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti) (COM(2023)0161).
(8) Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1).
(9) Ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) ( ĠU L 265, 12.10.2022, p. 1).
(10) Ir-Regolament (UE) 2022/868 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar il-governanza Ewropea tad-data u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724 (Att dwar il-Governanza tad-Data) (ĠU L 152, 3.6.2022, p. 1).
(11) Proposta tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Frar 2022 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli armonizzati dwar l-aċċess ġust għad-data u l-użu tagħha (L-Att dwar id-Data) (COM(2022)0068).
(12) Proposta tal-Kummissjoni tal-21 ta’ April 2021 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali (Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali) u li jemenda ċerti atti leġiżlattivi tal-Unjoni (COM(2021)0206).

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Mejju 2024Avviż legali - Politika tal-privatezza