Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 13 ta' Lulju 2023 - Strasburgu
L-iskwalifiki politiċi fil-Venezwela
 L-Indja, is-sitwazzjoni fil-Manipur
 Ir-repressjoni tal-media u tal-libertà tal-espressjoni fil-Kirgistan
 Appoġġ għall-Produzzjoni tal-Munizzjon
 Rakkomandazzjonijiet għal riforma tar-regoli tal-Parlament Ewropew dwar it-trasparenza, l-integrità, ir-responsabbiltà u l-ġlieda kontra l-korruzzjon
 Il-ħtieġa ta’ azzjoni tal-UE dwar it-tiftix u s-salvataġġ fil-Mediterran
 L-istat tal-Unjoni tal-SMEs
 L-aċċess pubbliku għad-dokumenti – rapport annwali għas-snin 2019-2021

L-iskwalifiki politiċi fil-Venezwela
PDF 122kWORD 44k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Lulju 2023 dwar l-iskwalifiki politiċi fil-Venezwela (2023/2780(RSP))
P9_TA(2023)0288RC-B9-0331/2023

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 144(5) u l-Artikolu 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-elezzjonijiet tal-Venezwela tal-2024 jistgħu jkunu punt ta’ bidla deċiżiva lejn ir-ritorn għad-demokrazija; billi l-pajjiż qed jesperjenza instabbiltà istituzzjonali, ekonomika u politika; billi aktar minn seba’ miljun ruħ ġew imġiegħla jitilqu mill-pajjiż;

B.  billi l-informazzjoni pubblika, il-libertà ta’ opinjoni u ta’ espressjoni u d-dritt ta’ għaqda ġew ristretti b’mod sistematiku;

C.  billi tliet retturi prinċipali tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (CNE) tal-Venezwela rriżenjaw, u dan wassal biex it-tnejn li fadal jirriżenjaw, u l-Assemblea Nazzjonali illeġittima ħatret rappreżentanti tar-reġim biex jagħżlu r-retturi l-ġodda;

D.  billi l-iskwalifiki arbitrarji u politikament iffabbrikati ta’ kandidati, bħall-iskwalifika ta’ 15-il sena ta’ María Corina Machado u dawk ta’ personalitajiet politiċi prominenti oħra bħal Leopoldo López, Henrique Capriles u Freddy Superlano, imorru kontra r-rakkomandazzjonijiet tal-missjoni ta’ osservazzjoni elettorali (MOE) tal-UE u jirrestrinġu severament id-drittijiet tal-Venezwelani li jagħżlu r-rappreżentanti tagħhom;

E.  billi din hija manuvra oħra mir-reġim, permezz tas-CNE, biex ifixkel il-proċess elettorali u jrażżan kwalunkwe prospettiva ta’ ritorn għad-demokrazija;

F.  billi l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, il-korpi tan-NU, l-Istati Uniti tal-Amerka, il-mexxejja ewlenin fir-reġjun u l-VP/RGħ tal-UE għamlu dikjarazzjonijiet li jikkundannaw dan kollu;

1.  Jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni arbitrarja u antikostituzzjonali biex María Corina Machado, Leopoldo López, Henrique Capriles u Freddy Superlano, fost kandidati oħra, ma jitħallewx joħorġu għall-elezzjoni, kif ukoll l-indħil tar-reġim ta’ Maduro fil-proċess elettorali;

2.  Jitlob proċedura ta’ nomina indipendenti għall-ħatriet tas-CNE;

3.  Jirrikonoxxi l-isforzi tal-oppożizzjoni għar-reġim biex jiġu organizzati elezzjonijiet primarji bħala soluzzjoni demokratika għall-Venezwelani residenti fil-pajjiż u barra mill-pajjiż; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Venezwelani jipprovdu l-kundizzjonijiet biex jiżguraw elezzjonijiet ekwi, liberi, inklużivi u trasparenti;

4.  Jitlob lill-UE tappoġġa ritorn għad-demokrazija fil-Venezwela u tagħmel pressjoni fuq ir-reġim Venezwelan biex jeħles lill-priġunieri politiċi kollha;

5.  Jiddeplora l-fatt li r-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE qed jiġu injorati u jinkoraġġixxi l-isforzi kollha favur l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom;

6.  Jappoġġa bis-sħiħ l-investigazzjonijiet tal-Qorti Kriminali Internazzjonali dwar id-delitti u l-atti ta’ repressjoni estensivi min-naħa tar-reġim Venezwelan u jitlob lill-UE tappoġġa l-investigazzjonijiet dwar l-allegati delitti kontra l-umanità, biex dawk responsabbli jagħtu kont ta’ għemilhom;

7.  Jisħaq li s-summit li se jsir dalwaqt bejn l-UE u l-Komunità ta’ Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew jirrappreżenta opportunità biex il-prinċipji tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem jitħarsu, u jistieden lill-parteċipanti kollha jirrispettaw dawn il-prinċipji; jistieden lill-parteċipanti fis-summit joħorġu dikjarazzjoni li titlob ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-libertajiet fundamentali;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-parteċipanti fis-summit bejn l-UE u l-Komunità ta’ Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-awtoritajiet Venezwelani.


L-Indja, is-sitwazzjoni fil-Manipur
PDF 120kWORD 44k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Lulju 2023 dwar l-Indja, is-sitwazzjoni f’Manipur (2023/2781(RSP))
P9_TA(2023)0289RC-B9-0335/2023

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ġlied vjolenti li seħħ bejn il-komunitajiet etniċi ta’ Meitei u Kuki f’Manipur mit-3 ta’ Mejju 2023 ħalla mill-inqas 120 persuna mejta u 50 000 spustati u qered aktar minn 1 700 dar, aktar minn 250 knisja u diversi tempji u skejjel; billi l-intolleranza lejn il-minoranzi reliġjużi u dawk ta’ twemmin, inklużi l-Insara, tikkontribwixxi għall-vjolenza;

B.  billi kien hemm tħassib dwar politiki politikament motivati u diviżivi li jippromwovu l-maġġoritarjaniżmu Ħindu, u dwar żieda fl-attività minn gruppi militanti;

C.  billi rapporti tal-involviment partiġġjan fil-qtil mill-forzi tas-sigurtà żiedu n-nuqqas ta’ fiduċja fl-awtoritajiet;

D.  billi l-gvern tal-istat ta’ Manipur impona curfew u ħareġ ordnijiet biex jisparaw malli jilmħu lil xi ħadd biex jinforza l-curfew, u għalaq l-internet, b’hekk fixkel b’mod sever il-ġbir ta’ informazzjoni u r-rappurtar mill-media u mill-gruppi tas-soċjetà ċivili;

E.  billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem appella lill-Indja biex tissalvagwardja d-drittijiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u qajjem tħassib dwar l-ispazju li qed jiċkien għas-soċjetà ċivili;

1.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet Indjani biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa u jagħmlu l-akbar sforz biex iwaqqfu minnufih il-vjolenza etnika u reliġjuża li għaddejja, biex jipproteġu l-minoranzi reliġjużi kollha, bħall-komunità Nisranija ta’ Manipur, u biex jantiċipaw kwalunkwe eskalazzjoni ulterjuri;

2.  Jistieden lin-naħat kollha jeżerċitaw trażżin u jħeġġeġ lill-mexxejja politiċi jwaqqfu d-dikjarazzjonijiet xewwiexa, jistabbilixxu mill-ġdid il-fiduċja u jkollhom rwol imparzjali fil-medjazzjoni tat-tensjonijiet; jiddenunzja bl-aktar mod qawwi kwalunkwe retorika nazzjonalistika; jitlob li ma jiġux kriminalizzati dawk li jikkritikaw l-imġiba tal-gvern;

3.  Iħeġġeġ lill-gvern ċentrali tal-Indja u lill-atturi politiċi u lill-mexxejja reliġjużi kollha biex jieħdu passi urġenti biex jirrestawraw il-kalma u jiżguraw djalogu inklużiv li jinvolvi s-soċjetà ċivili u l-komunitajiet milquta;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet jippermettu investigazzjonijiet indipendenti dwar il-vjolenza, jindirizzaw l-impunità u jtemmu l-għeluq tal-internet; jistieden lill-awtoritajiet jagħtu aċċess mingħajr xkiel lill-fornituri tal-għajnuna umanitarja, lill-osservaturi internazzjonali u lill-ġurnalisti;

5.  Jistieden lill-gvern ċentrali jirrevoka l-Att illegali dwar il-Poteri Speċjali tal-Forzi Armati skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Eżami Perjodiku Universali tan-NU, u jirrispetta l-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar l-Użu tal-Forza u tal-Armi tan-Nar mill-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi;

6.  Itenni l-appell tiegħu biex id-drittijiet tal-bniedem jiġu integrati fl-oqsma kollha tas-sħubija bejn l-UE u l-Indja, inkluż il-kummerċ;

7.  Jappella li jissaħħaħ id-Djalogu bejn l-UE u l-Indja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; iħeġġeġ lill-VP/RGħ, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqajmu b’mod sistematiku u pubbliku t-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-Indja fl-ogħla livell, b’mod partikolari fir-rigward tal-libertà tal-espressjoni u tar-reliġjon u l-ispazju li qed jiċkien għas-soċjetà ċivili, u jappoġġja lid-Delegazzjoni tal-UE f’Delhi meta tagħmel dan;

8.  Jappella li jiġi organizzat djalogu regolari bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlament tal-Indja;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet Indjani.


Ir-repressjoni tal-media u tal-libertà tal-espressjoni fil-Kirgistan
PDF 123kWORD 44k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Lulju 2023 dwar ir-repressjoni tal-media u tal-libertà tal-espressjoni fil-Kirgistan (2023/2782(RSP))
P9_TA(2023)0290RC-B9-0333/2023

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kirgistan,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi minn mindu kiseb l-indipendenza fl-1991, il-Kirgistan huwa meqjus bħala l-aktar wieħed demokratiku min-nazzjonijiet tal-Asja Ċentrali, b’soċjetà ċivili vibranti u media ħielsa;

B.  billi f’dawn l-aħħar snin, l-istandards demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem fil-Kirgistan marru għall-agħar b’mod allarmanti; billi l-Indiċi tar-Reporters Mingħajr Fruntieri tal-2023 jindika li l-pajjiż niżel 50 pożizzjoni u issa qiegħed fil-122 post minn 180 pajjiż;

C.  billi għadd ta’ liġijiet qed jintużaw biex irażżnu l-media indipendenti u l-espressjoni libera; billi r-Radio Azattyk kien mġiegħel jagħlaq, il-Kaktus Media qed jiffaċċja investigazzjoni kriminali, il-ġurnalist investigattiv Bolot Temirov tkeċċa illegalment lejn ir-Russja u d-direttur tan-Next TV Taalaibek Duishenbiev ġie ikkundannat talli kopra l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna;

D.  billi fi Frar 2023, il-Kirgistan sar membru tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

1.  Jistieden lill-awtoritajiet Kirgistani jirrispettaw u jiddefendu l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari l-libertà tal-media u l-libertà tal-espressjoni, f’konformità mal-Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kirgistan;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet Kirgistani u lill-membri tal-Parlament jirrevokaw u jirtiraw il-liġi kontroversjali dwar l-“informazzjoni falza” u jirrevedu l-abbozzi ta’ liġijiet dwar ir-“rappreżentanti barranin”, il-“media tal-massa” u l-“protezzjoni tat-tfal minn informazzjoni dannuża”, l-hekk imsejħa “liġi dwar il-propaganda LGBTI”, li huma inkompatibbli mal-impenji internazzjonali tal-Kirgistan;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Kirgistani jeħilsu minnufih lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, lill-ħaddiema tal-media u lill-ġurnalisti kollha detenuti b’mod arbitrarju; iħeġġeġ lill-awtoritajiet, f’dan ir-rigward, jirtiraw l-akkużi kollha kontra Bolot Temirov u Taalaibek Duishenbiev; jitlob, b’mod analogu, li jiġu rtirati l-akkużi kollha kontra d-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi Gulnara Dzhurabayeva, Klara Sooronkulova, Rita Karasartova u Asya Sasykbayeva li talbu trasparenza fir-rigward tad-deċiżjoni tal-gvern li jittrasferixxi il-ġibjun Kempir-Abad lill-Użbekistan;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jieqfu milli jeżerċitaw pressjoni bla preċedent fuq ir-Radio Azattyk u mezzi oħra tal-media u jiżguraw ambjent tax-xogħol sikur għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-media;

5.  Jiddispjaċih dwar it-tkeċċija bikrija reċenti tal-Ombudswoman Atyr Abdrakhmatova; iqis li huwa ta’ importanza kritika li l-pajjiż jirrispetta bis-sħiħ il-Prinċipji ta’ Pariġi dwar l-istandards għall-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

6.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, b’mod partikolari d-Delegazzjoni tal-UE fil-Kirgistan, ikomplu jesprimu t-tħassib serju tagħhom dwar id-deterjorament tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż fl-iskambji kollha tagħhom mal-awtoritajiet Kirgistani;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta mill-ġdid il-benefiċċji tal-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi Plus għall-pajjiż, fid-dawl tal-impenji tal-Kirgistan fil-qafas tal-konvenzjonijiet internazzjonali;

8.  Jistieden lill-Gvern tal-Kirgistan joqgħod lura miċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet li l-UE imponiet fuq ir-Russja għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Asja Ċentrali, lill-Istati Membri, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-awtoritajiet Kirgistani.


Appoġġ għall-Produzzjoni tal-Munizzjon
PDF 160kWORD 46k
Riżoluzzjoni
Test
Anness
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Lulju 2023 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Att b’Appoġġ għall-Produzzjoni tal-Munizzjon (COM(2023)0237 – C9-0161/2023 – 2023/0140(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2023)0237),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), l-Artikolu 114 u l-Artikolu 173(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9‑0161/2023),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2023(1),

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-7 ta' Lulju 2023 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 u l-Artikolu 163 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni, li se tiġi ppubblikata fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-13 ta' Lulju 2023 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2023/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-appoġġ għall-produzzjoni tal-munizzjon (ASAP)

P9_TC1-COD(2023)0140


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2023/1525.)

Anness għar-riżoluzzjoni leġiżlattiva

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL MAL-ADOZZJONI TAR-REGOLAMENT DWAR L-APPOĠĠ GĦALL-PRODUZZJONI TAL-MUNIZZJON (ASAP)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirrikonoxxu l-urġenza tal-ħtieġa li tiġi megħjuna l-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) biex tiżdied il-produzzjoni fil-kuntest tal-isfidi maħluqa mill-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, u jfakkru li r-Regolament dwar l-appoġġ għall-produzzjoni tal-munizzjon (ASAP) jipprovdi rispons immedjat għal dik il-ħtieġa urġenti billi jistabbilixxi strument temporanju ġdid li jiffaċilita investimenti industrijali.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jisħqu fuq il-ħtieġa li jiġu kkunsidrati l-miżuri xierqa kollha biex tissaħħaħ u tiġi żviluppata l-EDTIB, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, u biex jitneħħew l-ostakli u l-effetti lembut sabiex l-industrija tkun tista’ tipproduċi aktar tul il-ktajjen tal-valur.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għalhekk jistiednu lill-Kummissjoni tikkunsidra, kif xieraq, li tressaq malajr kemm jista’ jkun kwalunkwe inizjattiva ulterjuri meħtieġa biex issaħħaħ l-EDTIB, inkluż finanzjament adegwat, pereżempju fil-kuntest tal-Programm Ewropew għall-Investiment fil-Qasam tad-Difiża, kif ukoll qafas legali mmirat biex jiżgura s-sigurtà tal-provvista u jappoġġa l-produzzjoni tal-munizzjon.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaqblu li jeżaminaw kwalunkwe inizjattiva bħal din mingħajr dewmien u fi spirtu ta’ kooperazzjoni sinċiera reċiproka.

(1) Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.


Rakkomandazzjonijiet għal riforma tar-regoli tal-Parlament Ewropew dwar it-trasparenza, l-integrità, ir-responsabbiltà u l-ġlieda kontra l-korruzzjon
PDF 221kWORD 75k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Lulju 2023 dwar ir-rakkomandazzjonijiet għal riforma tar-regoli tal-Parlament Ewropew dwar it-trasparenza, l-integrità, ir-responsabbiltà u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni (2023/2034(INI))
P9_TA(2023)0292A9-0215/2023

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ġunju 2016 għal amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti(1) u r-riżoluzzjoni tal-15 ta’ Jannar 2013 bir-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar Liġi ta’ Proċedura Amministrattiva tal-Unjoni Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Settembru 2017 dwar it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2022 dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar is-suspetti ta’ korruzzjoni mill-Qatar u l-ħtieġa usa’ ta’ trasparenza u responsabbiltà fl-istituzzjonijiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra l-miżuri għat-tisħiħ tal-integrità, l-indipendenza u r-responsabbiltà adottati mill-Konferenza tal-Presidenti tiegħu fit-8 ta’ Frar 2023,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-14 ta’ Frar 2023 li temenda d-deċiżjoni tal-10 ta’ Marzu 2022 dwar it-twaqqif ta’ kumitat speċjali dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni (INGE 2), u adattament tat-titolu u tar-responsabbiltajiet tiegħu(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2023 dwar it-twaqqif ta’ Korp tal-Etika indipendenti tal-UE(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2023 dwar is-segwitu mogħti lill-miżuri mitluba mill-Parlament biex tissaħħaħ l-integrità tal-istituzzjonijiet Ewropej(8),

–  wara li kkunsidra r-Regolament Nru 31 (KEE), 11 (KEEA), li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika(9),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Settembru 2005 li tadotta l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (2005/684/KE, Euratom)(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 u 207 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Bureau tal-14 ta’ Ġunju 2023 dwar regoli ġodda li jirregolaw il-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess f’avvenimenti li jsiru fil-bini tal-Parlament,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat Speċjali dwar l-Indħil Barrani fil-Proċessi Demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-Diżinformazzjoni, u t-Tisħiħ tal-Integrità, tat-Trasparenza u tar-Responsabbiltà fil-Parlament Ewropew (ING2) (A9-0215/2023),

A.  billi investigazzjonijiet li għaddejjin bħalissa mmexxija mill-awtoritajiet Belġjani kixfu suspetti ta’ sistema estremament inkwetanti ta’ korruzzjoni, ħasil ta’ flus u parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali li, sal-lum, tinvolvi tliet Membri tal-Parlament Ewropew (Membri tal-PE) attwali u eks Membru wieħed tal-PE, kif ukoll assistent parlamentari wieħed akkreditat (APA); billi dawn is-suspetti huma relatati mal-influwenza mill-Qatar u mill-Marokk; billi hemm allegazzjonijiet li Stati oħra, bħall-Mawritanja, jistgħu jkunu involuti wkoll;

B.  billi l-fiduċja taċ-ċittadini fl-integrità u l-indipendenza tal-istituzzjonijiet Ewropej hija l-pedament tas-sistema politika Ewropea, li hija partikolarment vulnerabbli fit-tħejjija għall-elezzjonijiet; billi jekk atturi barranin jimminaw il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-UE, dan jista’ jaffettwa l-funzjonament demokratiku tal-UE; billi l-korruzzjoni għandha konsegwenzi finanzjarji sinifikattivi u tikkostitwixxi theddida serja għad-demokrazija, għall-istat tad-dritt u għall-investiment pubbliku;

C.  billi t-tentattivi ta’ ndħil huma fenomenu mifrux li jrid jiġi indirizzat bl-aktar mod vigoruż possibbli; billi l-istituzzjonijiet tal-UE jeħtiġilhom jistinkaw għat-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tad-demokrazija tal-UE;

D.  billi d-dritt għal amministrazzjoni tajba jkopri d-dritt ta’ kull persuna li l-affarijiet tagħha jiġu ttrattati b’mod imparzjali, ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet tal-UE; billi l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni jrid ikollhom l-appoġġ ta’ amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti biex iwettqu xogħolhom;

E.  billi l-Membri tal-PE jeħtiġilhom jaġixxu biss fl-interess pubbliku u jwettqu l-ħidma tagħhom b’integrità, trasparenza, diliġenza, onestà, responsabbiltà u rispett għar-reputazzjoni tal-Parlament, u mingħajr ebda influwenza indebita mir-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess; billi l-Membri tal-PE jeħtiġilhom ikunu indipendenti u jeżerċitaw id-drittijiet tal-vot tagħhom liberament;

F.  billi l-Parlament irreaġixxa malajr għas-suspetti ta’ korruzzjoni li involvew diversi Membri tal-PE u membri tal-persunal, inkluż billi kkoopera bis-sħiħ mal-awtoritajiet Belġjani; billi l-kobor tal-iskandlu enfasizza bosta lakuni fir-regoli tal-Parlament dwar l-integrità u t-trasparenza u l-infurzar tagħhom; billi ħafna ambizzjoni hija meħtieġa biex jiġu introdotti malajr riformi sinifikanti għall-proċeduri interni u l-metodi ta’ ħidma tal-Parlament u biex l-istituzzjonijiet tal-UE jiġu mbuttati jimplimentaw qafas regolatorju ħafna aktar strett;

G.  billi l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-PE fir-rigward tal-interessi finanzjarji u l-kunflitti ta’ interess huwa mmonitorjat minn Kumitat Konsultattiv dwar il-Kondotta tal-Membri magħmul minn ħames Membri tal-PE; billi l-metodi ta’ ħidma u l-mandat tal-Kumitat Konsultattiv urew li mhumiex biżżejjed; billi qatt ma ġiet imposta penali finanzjarja għal ksur tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Membri tal-PE minkejja li ġew iddokumentati mill-inqas 26 ksur fir-rapporti annwali tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Kondotta tal-Membri; billi l-Konferenza tal-Presidenti adottat linji gwida għall-Membri tal-Parlament Ewropew dwar l-interazzjonijiet mar-rappreżentanti ta’ pajjiżi terzi;

H.  billi s-suspetti ta’ korruzzjoni marbuta mal-Qatar u l-Marokk imorru lil hinn mill-Parlament u jinvolvu wkoll istituzzjonijiet oħra tal-UE, kif ukoll politiċi nazzjonali u vuċijiet influwenti f’xi Stati Membri, bħar-riċerkaturi;

I.  billi pajjiżi bħall-Qatar, il-Marokk, iċ-Ċina, ir-Russja, l-Emirati Għarab Magħquda (EGħM), is-Serbja u t-Turkija investew ħafna fl-isforzi ta’ lobbying fi Brussell; billi ċerti organizzazzjonijiet estremisti mill-Qatar u t-Turkija talbu fondi Ewropej;

J.  billi l-EGħM ġew suspettati li qed ifittxu li jinfluwenzaw lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet Ewropej; billi flus li joriġinaw fl-EGħM ġew mislufa lil partit politiku nazzjonali f’mill-inqas okkażjoni waħda;

K.  billi xi stati barranin fittxew modi mhux konvenzjonali biex jindaħlu fl-affarijiet tal-UE billi użaw l-aktar metodi ġodda li saru possibbli mill-iżviluppi teknoloġiċi kontemporanji, kif ukoll billi jirrikorru għal koerċizzjoni ekonomika u enerġetika u finanzjament illegali;

L.  billi l-ħtif mill-elit minn interessi barranin huwa ffaċilitat minn “revolving doors” mingħajr restrizzjonijiet mill-istituzzjonijiet Ewropej lejn pajjiżi awtokratiċi, b’riskju għoli ta’ interferenza dannuża kontra l-interessi u l-valuri tal-UE; billi l-miżuri biex jitnaqqas il-qbid mill-elit mhumiex biżżejjed u ma jwaqqfux lill-eks Membri tal-PE jew lill-eks uffiċjali għolja milli jaħdmu għal gvernijiet jew entitajiet minn pajjiżi b’riskju għoli;

M.  billi l-interferenza mal-istituzzjonijiet tal-UE u nazzjonali ilha teżisti għal ħafna snin iżda l-iskala, l-intensità u l-periklu potenzjali ta’ din l-interferenza żdiedet b’mod enormi fix-xhur ta’ qabel u wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; billi skont is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), l-invażjoni tal-Ukrajna fuq skala sħiħa mir-Russja tiddomina l-attivitajiet osservati ta’ manipulazzjoni u interferenza tal-informazzjoni barranija (FIMI);

N.  billi l-kanali diplomatiċi tar-Russja u taċ-Ċina jservu regolarment bħala faċilitaturi u multiplikaturi tal-operazzjonijiet tal-FIMI skjerati fuq firxa wiesgħa ta’ suġġetti; billi r-Russja taħdem b’mod sistematiku biex iddgħajjef u tifred l-appoġġ internazzjonali għall-Ukrajna, u biex iżżid id-dubju dwar min huwa l-aggressur billi xxerred gideb dwar il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha;

O.  billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2022, il-Parlament identifika lir-Russja u liċ-Ċina bħala s-sorsi primarji ta’ interferenza barranija fl-Ewropa; billi r-Russja tfittex kuntatt ma’ figuri, movimenti u partiti politiċi sabiex tużahom bħala atturi fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE u fid-diskors nazzjonali bil-għan li tilleġittimizza l-pożizzjonijiet tagħha u l-gvernijiet prokurati, tagħmel lobbying għal eżenzjoni mis-sanzjonijiet, ittaffi l-konsegwenzi tal-iżolament internazzjonali tagħha u tnaqqar il-verità u r-realtà oġġettiva; billi gruppi appoġġjati mill-Kremlin nedew attakk ċibernetiku fuq is-sit web tal-Parlament wara l-adozzjoni ta’ riżoluzzjoni li tirrikonoxxi lir-Russja bħala sponsor statali tat-terroriżmu(11);

P.  billi diversi partiti politiċi rappreżentati fil-Parlament fittxew appoġġ finanzjarju minn entitajiet barra l-Ewropa, inkluż mir-Russja; billi skont ir-rieżami tal-intelligence tal-Istati Uniti, ir-Russja b’mod sigriet ipprovdiet mijiet ta’ miljuni ta’ euro lil partiti politiċi barranin u kandidati f’aktar minn erbgħa u għoxrin pajjiż mill-2014 ‘l hawn f’tentattiv biex issawwar avvenimenti politiċi lil hinn mill-fruntieri tagħha; billi l-forzi konnessi mal-Kremlin użaw ukoll kumpaniji fittizji, gruppi ta’ riflessjoni u mezzi oħra biex jinfluwenzaw l-avvenimenti politiċi; billi l-finanzjament politiku Russu xi drabi kien issorveljat minn uffiċjali u leġiżlaturi tal-gvern Russu u ġie eżegwit minn korpi tal-gvern; billi r-Russja użat kriptovaluti, flus kontanti u rigali biex tinfluwenza avvenimenti politiċi f’pajjiżi oħra;

Q.  billi l-partiti tal-lemin estrem mill-Awstrija, Franza u l-Italja ffirmaw ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-partit tar-Russja Magħquda tal-President Putin u jiffaċċjaw allegazzjonijiet tal-midja li huma lesti jaċċettaw finanzjament politiku mir-Russja; billi partiti Ewropej oħra tal-lemin estrem f’pajjiżi bħall-Ġermanja, l-Ungerija u r-Renju Unit allegatament għandhom ukoll kuntatt mill-qrib mal-Kremlin u ħadmu bħala “osservaturi elettorali” fittizji f’elezzjonijiet ikkontrollati mill-Kremlin, pereżempju fir-reġjuni ta’ Donetsk u Luhansk okkupati mir-Russja fil-Lvant tal-Ukrajna, sabiex jimmonitorjaw u jilleġittimizzaw l-elezzjonijiet sponsorjati mir-Russja;

R.  billi s-sejbiet dwar il-kuntatt mill-qrib u regolari bejn l-uffiċjali Russi u r-rappreżentanti ta’ grupp ta’ seċessjonisti Katalani fi Spanja, kif ukoll bejn uffiċjali Russi u l-akbar donatur privat għall-kampanja “Vote Leave” tal-Brexit, jirrikjedu investigazzjoni fil-fond; billi tali attivitajiet huma parti mill-istrateġija usa’ tar-Russja biex tuża kull opportunità biex timmanipula d-diskors b’tali mod li tippromwovi d-destabbilizzazzjoni;

S.  billi għad hemm membri tal-persunal fil-Parlament b’rabtiet magħrufa mal-awtoritajiet Russi; billi sitwazzjoni bħal din toħloq riskju sfaċċat ta’ interferenza barranija malinja; billi bint membru taċ-ċirku intern ta’ Putin ħadmet fil-Parlament bħala intern ta’ Membru tal-PE;

T.  billi l-Ażerbajġan wettaq operazzjonijiet ta’ influwenza fuq skala kbira, li jinvolvu suspetti qawwija ta’ korruzzjoni, kontra membri tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa; billi l-Ażerbajġan irnexxielu jevita investigazzjonijiet fl-elezzjonijiet tiegħu u jaħbi r-rekord tiegħu tad-drittijiet tal-bniedem;

U.  billi l-Mujahideen tal-Iran, organizzazzjoni li l-Human Rights Watch akkużatha b’intimidazzjoni, tortura u xi drabi qtil ta’ membri tad-dijaspora Iranjana, qed tuża prattiki aggressivi u qarrieqa biex tiltaqa’ mal-Membri tal-PE, inkluż billi taħbi l-affiljazzjoni reali tagħhom; billi Membri tal-PE ġew inklużi minn din l-organizzazzjoni bħala kofirmatarji ta’ ittri li ma kinux iffirmaw b’mod konġunt jew innominati bħala koospitanti ta’ konferenzi li qatt ma approvaw; billi dawn ġew irreġistrati bl-użu ta’ aktar minn 45 psewdonimu differenti, bħal “MEK”, “NCRI”, “ISJ”, “APA”, sabiex jiżgwidaw lill-Membri tal-PE u r-Reġistru ta’ Trasparenza;

V.  billi l-kapaċità tar-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess biex jikkondividu l-fehmiet tagħhom ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-Parlament permezz ta’ diskussjoni hija parti vitali għad-demokrazija Ewropea; billi, madankollu, il-mezzi mhux xierqa biex issir tali influwenza, it-tixħim u reati oħra huma inaċċettabbli; billi xi organizzazzjonijiet li jiffokaw fuq kwistjonijiet ta’ politika ġenerali u lobbying mal-Parlament jirċievu fondi minbarra l-UE, inkluż mir-Russja u minn gruppi tal-lemin estrem ibbażati fl-Istati Uniti, u għandhom l-intenzjoni li jinfluwenzaw l-istil ta’ ħajja u l-proċessi demokratiċi Ewropej; billi l-korruzzjoni tar-rappreżentanti pubbliċi ddgħajjef il-prinċipji demokratiċi u għandha tiġi ssodisfata b’tolleranza żero;

W.  billi l-istituzzjonijiet kollha tal-UE li għandhom relazzjonijiet ma’ pajjiżi mhux tal-UE u li jmexxu l-politika barranija tal-UE jeħtieġ li jallokaw aktar riżorsi u jżidu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi fil-pajjiżi sħab tal-UE, inkluż billi jsaħħu l-komunikazzjoni strateġika;

X.  billi huwa meħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri li fihom jinsabu dawn l-istituzzjonijiet fil-ġlieda kontra l-indħil, inkluża l-korruzzjoni; billi dawn l-Istati Membri jeħtiġilhom jadottaw leġiżlazzjoni xierqa biex jittrattaw dawn il-fenomeni; billi, f’dan il-kuntest, il-kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-intelligence, il-pulizija u l-ġudikatura hija essenzjali u trid tissaħħaħ;

Y.  billi diġà jeżistu standards tal-etika fi ħdan l-istituzzjonijiet, iżda dawn huma frammentati ħafna u jiddependu għalkollox fuq approċċ ta’ awtoregolamentazzjoni; billi l-ħolqien ta’ korp tal-etika indipendenti jista’ jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-UE u l-leġittimità demokratika tagħhom; billi l-mekkaniżmi interni ta’ monitoraġġ u twissija tal-istituzzjonijiet tal-UE ma identifikawx il-korruzzjoni u l-indħil barrani;

Z.  billi r-Reġistru ta’ Trasparenza tal-UE ssaħħaħ wara l-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta’ Mejju 2021(12), li stabbilixxa standards għoljin ta’ rappreżentazzjoni ta’ gruppi ta’ interess trasparenti u etika fl-UE; billi r-reġistru, filwaqt li għadu mhux formalment obbligatorju, jippermetti li ħafna laqgħat jibqgħu mhux trasparenti u nstab li kien għad fih għadd kbir ta’ entrati mhux preċiżi; billi r-reġistru jservi biex iżid it-trasparenza tal-influwenza barranija iżda ma jistax jiskoraġġixxi interferenza barranija; billi mhux l-attivitajiet kollha mħallsa minn barra jwasslu għal kunflitti ta’ interess; billi l-miżuri introdotti reċentement mill-Ftehim Interistituzzjonali dwar ir-Reġistru ta’ Trasparenza jeħtieġu ambizzjoni aktar b’saħħitha mill-Parlament biex jiġu żgurati implimentazzjoni, infurzar u sorveljanza xierqa tal-istandards kollha ta’ trasparenza; billi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-reġistru ma jinkludix l-eks Membri tal-PE jew ir-rappreżentanti ta’ Stati mhux tal-UE; billi r-reġistru mhux se jkun soġġett għal rieżami mill-inqas qabel Lulju 2025;

AA.  billi l-iżvelar obbligatorju tal-kunflitti ta’ interess jista’ jkun għodda potenzjali għat-tisħiħ tal-integrità tal-Parlament;

AB.  billi qed jiżdied l-użu ta’ teknoloġija ta’ sorveljanza mmirata, b’mod partikolari minn gvernijiet ripressivi madwar id-dinja biex jintraċċaw l-avversarji politiċi jew jimmonitorjaw il-persuni li jikkritikaw lir-reġim; billi gruppi tipikament vulnerabbli, bħad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, attivisti tas-soċjetà ċivili, ġurnalisti u avversarji politiċi, huma fost il-miri ewlenin, inkluż fi ħdan l-UE; billi s-sett ta’ għodod tal-UE jeħtieġ li jissaħħaħ u jitfassal aħjar għall-isfidi li l-għodod ta’ spyware u sorveljanza globali joħolqu għall-istituzzjonijiet tal-UE u l-individwi;

AC.  billi l-ħidma tal-Kumitat Speċjali dwar l-Indħil Barrani fil-Proċessi Demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-Diżinformazzjoni (INGE 1) u s-suċċessur tiegħu, il-Kumitat Speċjali dwar l-Indħil Barrani fil-Proċessi Demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-Diżinformazzjoni, u t-Tisħiħ tal-Integrità, tat-Trasparenza u tar-Responsabbiltà fil-Parlament Ewropew (INGE 2), xeħtu dawl fuq atturi li jippruvaw jinterferixxu fl-affarijiet Ewropej u żvelaw l-istrateġiji li jużaw; billi ż-żewġ Kumitati Speċjali għamlu proposti sinifikanti u komprensivi dwar kif għandhom jiġu ttrattati l-interferenza malizzjuża; billi hemm bżonn ta’ aktar ċarezza fir-rigward ta’ interferenza barranija, kemm jekk permezz ta’ uffiċjali barranin jew permezz ta’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess fil-livell tal-UE;

AD.  billi t-tisħiħ tar-rekwiżiti ta’ trasparenza għar-rappreżentanti u l-entitajiet ta’ interess, bħall-aġenziji tal-lobbying u l-konsulenza, il-fondazzjonijiet, l-NGOs jew il-gruppi ta’ riflessjoni, jista’ jservi l-għan li jiġi ttraċċat l-indħil barrani; billi r-rekwiżiti ma għandhomx jisstigmatizzaw il-finanzjament barrani leġittimu;

AE.  billi r-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess, bħall-aġenziji tal-lobbying u l-konsulenza, il-fondazzjonijiet, l-NGOs u l-gruppi ta’ riflessjoni, jeħtiġilhom jkunu soġġetti għal skrutinju, diliġenza dovuta u regoli ta’ trasparenza, b’mod partikolari fir-rigward tal-finanzjament, bi kriterji proporzjonali u proċeduri mhux ikkumplikati, b’mod partikolari għal entitajiet żgħar u NGOs żgħar;

AF.  billi r-riżoluzzjonijiet relatati ma’ pajjiżi mhux tal-UE, inklużi riżoluzzjonijiet urġenti skont l-Artikolu 132 u rapporti fuq inizjattiva proprja speċifiċi għall-pajjiż u speċifiċi għar-reġjun, iridu jiġu adottati f’konformità mal-linji gwida u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Parlament, m’għandhom qatt jiġu użati ħażin minn ħadd u m’għandhom qatt jintużaw għal kwalunkwe raġuni oħra għajr għall-ħtieġa urġenti li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ dawk li qed jiffaċċjaw theddida imminenti f’pajjiżi mhux tal-UE; billi r-riżoluzzjonijiet ta’ urġenza jridu jibqgħu għodda essenzjali tal-politika tal-Parlament dwar id-drittijiet tal-bniedem;

AG.  billi l-voti sensittivi dwar il-ftehimiet kummerċjali u ta’ kooperazzjoni jridu jitqiegħdu taħt skrutinju partikolari, peress li għandhom il-potenzjal li jattiraw attenzjoni speċjali mill-kontropartijiet fin-negozjati;

Introduzzjoni

1.  Jiddenunzja, bl-aktar mod qawwi, l-allegati tentattivi tal-Qatar u l-Marokk li jinfluwenza lill-Membri tal-PE, l-eks Membri tal-PE u l-persunal tal-Parlament permezz ta’ atti ta’ korruzzjoni, li jikkostitwixxu ndħil barrani gravi fil-proċessi demokratiċi tal-UE; itenni x-xokk qawwi tiegħu dwar l-allegati atti ta’ korruzzjoni, ħasil ta’ flus u parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali minn tliet Membri tal-PE, eks Membru tal-PE, u APA wieħed bi skambju għal influwenza fuq id-deċiżjonijiet tal-Parlament, u l-kundanna ta’ dawn l-atti; jafferma li għandu tolleranza żero fil-konfront tal-korruzzjoni f’kull sura u forma; jissottolinja li l-imġiba kriminali u l-intenzjonijiet suspettati mill-Membri tal-PE u l-APA taħt investigazzjoni mhumiex rappreżentattivi tal-Parlament kollu, peress li maġġoranza kbira ħafna tal-Membri tal-PE jikkonformaw mar-regoli u l-miżuri attwali fis-seħħ biex jinfurzawhom u huma impenjati bis-sħiħ biex iservu f’isem iċ-ċittadini tal-UE;

2.  Jinsisti li l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tal-investigazzjonijiet li għaddejjin jirrikjedi li l-Parlament u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE jirreaġixxu b’miżuri sodi u immedjati biex jiddefendu d-demokrazija, it-trasparenza, l-integrità u l-obbligu ta’ rendikont u jiġġieldu l-korruzzjoni; ifakkar li l-isforzi attwali biex ikomplu jissaħħu r-regoli attwali sabiex jiġu żgurati l-prevenzjoni u t-tħejjija bl-għan li jissaħħu t-trasparenza u r-responsabbiltà tal-Parlament u tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni huma tal-akbar importanza għat-trawwim tal-fiduċja taċ-ċittadini u l-iżgurar tal-funzjonament xieraq tal-istituzzjonijiet demokratiċi u huma xhieda tas-serjetà tal-impenn tal-Membri tal-PE li jipproteġu u jiddefendu d-demokrazija Ewropea;

3.  Huwa impenjat li jaħdem fil-livelli kollha biex isaħħaħ ir-regoli u kultura ta’ integrità, trasparenza u responsabbiltà fil-Parlament u jappella għal miżuri aktar b’saħħithom biex jiġu indirizzati l-kunflitti potenzjali kollha ta’ interess, inkluż permezz ta’ valutazzjoni bir-reqqa tal-implimentazzjoni ta’ tali miżuri; jinnota li huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet joperaw b’mod trasparenti u jevitaw kwalunkwe kunflitt ta’ interess sabiex tinżamm il-fiduċja taċ-ċittadini fil-ħidma tal-istituzzjonijiet infushom u fl-Unjoni b’mod ġenerali; iqis li huwa tal-ogħla importanza li jiġi żgurat li r-regoli dwar it-trasparenza u r-responsabbiltà jiġu implimentati bis-sħiħ u mtejba ulterjorment, inkluż il-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-PE;

4.  Jafferma l-ħtieġa ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE sabiex ikunu jistgħu jiġġieldu b’mod effettiv kontra din it-tip ta’ attività; jitlob li l-Artikolu 222 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiġi emendat biex jindirizza l-problema tal-indħil barrani malizzjuż; jistieden lill-Istati Membri jirrevedu l-leġiżlazzjoni tagħhom, fejn meħtieġ, sabiex jindirizzaw b’mod aktar effettiv l-indħil barrani, inkluż fil-proċessi demokratiċi fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE;

5.  Jemmen li r-regoli li jindirizzaw lill-Membri tal-PE, l-eks Membri tal-PE, il-persunal tal-gruppi politiċi, l-APAs u l-uffiċjali tal-Parlament u ta’ istituzzjonijiet Ewropej oħra għandhom ikunu mnebbħa mill-ogħla standards ta’ trasparenza, integrità u obbligu ta’ rendikont; jinsisti li l-lakuni potenzjali fir-regoli u l-proċeduri tal-istituzzjonijiet li jippermettu mġiba illegali jeħtieġ li jiġu identifikati b’mod sistematiku u magħluqa bir-reqqa b’kapaċitajiet ta’ kontroll u riformi effettivi; jenfasizza li xi mekkaniżmi kurrenti jeħtieġ li jiġu rieżaminati bil-għan li jiġu evitati kunflitti ta’ interess, titjieb it-trasparenza, u jiġu evitati, skoraġġuti u skoperti interferenza barranija u korruzzjoni;

6.  Jitlob konklużjoni rapida tar-reviżjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-PE bl-għan li jiġu introdotti regoli dwar l-informaturi li huma konformi mal-istandards Ewropej stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Informaturi; iqis li huwa essenzjali li jiġi emendat l-Artikolu 3 tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-PE sabiex jiġu ċċarati r-regoli dwar il-kunflitti ta’ interess u l-obbligi tal-Membri tal-PE biex isolvuhom; jitlob li l-Artikolu 4 tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-PE jiġi emendat sabiex jiġu introdotti rekwiżiti addizzjonali għall-informazzjoni fid-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji tal-Membri; itenni l-opinjoni tiegħu li dikjarazzjoni tal-assi mill-Membri tal-PE qabel u wara l-mandat tagħhom tipprovdi salvagwardji addizzjonali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, skont il-prattiki tajba ta’ ħafna Stati Membri; jemmen li d-dikjarazzjonijiet tal-assi għandhom ikunu aċċessibbli biss għall-awtoritajiet rilevanti, mingħajr preġudizzju għar-regolamenti nazzjonali;

7.  Jilqa’ u jappoġġja bis-sħiħ l-14-il punt approvati mill-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament wara proposta mill-President Metsola biex jiġu riformati r-regoli u l-proċeduri tal-Parlament; jitlob li dawn il-punti jiġu tradotti f’azzjonijiet konkreti malajr kemm jista’ jkun; jinnota li dawn il-proposti huma l-ewwel pass importanti fil-proċess ta’ riforma interna tal-Parlament; huwa impenjat li jiżgura li riformi interni ambizzjużi li jindirizzaw lill-Membri tal-PE jqisu l-libertà tal-mandat stipulata fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Settembru 2005 li tadotta l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew; iqis li din il-libertà tal-mandat għandha tkun ibbilanċjata mal-obbligi tal-Unjoni li “tirrispetta l-prinċipju ta’ l-ugwaljanza taċ-ċittadini tagħha, li għandhom jingħataw attenzjoni ndaqs mill-istituzzjonijiet” u mal-prinċipji li “kull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni”, li d-“deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’mod kemm jista’ jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin” u li “l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b’mod kemm jista’ jkun miftuħ” (l-Artikolu 9 u l-Artikolu 10(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 15(1) tat-TFUE);

8.  Ifakkar li l-istituzzjonijiet tal-UE b’mod ġenerali, kif ukoll l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri, huma miri ta’ interferenza politika barranija, tentattivi ta’ spjunaġġ u tentattivi ta’ korruzzjoni, kif enfasizzat mill-ħidma tal-Kumitati INGE u INGE 2; ifakkar li l-kuntest ġeopolitiku attwali jżid, aktar milli jissostitwixxi, theddid pre-eżistenti għad-demokrazija Ewropea; iħeġġeġ lill-amministrazzjoni tal-Parlament u lill-Membri tal-PE biex ikunu partikolarment viġilanti u biex jiġġieldu kull tentattiv ta’ ndħil fit-tħejjija għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2024;

9.  Jistieden lis-SEAE u lid-delegazzjonijiet tal-UE f’pajjiżi mhux tal-UE jkomplu jsaħħu l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom biex jiġġieldu u jiġġieldu d-diżinformazzjoni u l-propaganda marbuta mal-influwenza tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) tal-UE u r-rwol tal-Parlament fil-PESK; ifakkar li l-komunikazzjoni strateġika proattiva hija kruċjali għall-ġlieda kontra influwenza barranija indebita fl-UE u l-eliminazzjoni ta’ din l-influwenza; jissottolinja, f’dan ir-rigward, l-importanza li jissaħħu r-relazzjonijiet interistituzzjonali u l-kooperazzjoni; jirrimarka li s-SEAE u d-delegazzjonijiet tiegħu għandhom potenzjal konsiderevoli biex jiġbru wkoll informazzjoni dwar l-objettivi ġeopolitiċi tal-UE; jilqa’, f’dan id-dawl, il-laqgħat regolari ta’ tgħarrif tas-SEAE għall-Membri tal-PE, jemmen li għad hemm ħafna lok għal titjib u jitlob li dawn il-laqgħat ta’ informazzjoni jitwettqu aktar ta’ spiss u aktar fil-fond;

Tisħiħ tal-kultura tas-sigurtà fi ħdan il-Parlament sabiex jiġi miġġieled l-indħil barrani b’mod aktar effettiv

10.  Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kultura tas-sigurtà fi ħdan il-Parlament; ifakkar li l-Parlament, bħall-istituzzjonijiet l-oħra kollha Ewropej, huwa mira regolari ta’ tentattivi ta’ interferenza, bħala riżultat tal-impatt li l-pożizzjonijiet tiegħu għandhom fuq id-dinja usa’ u dwar l-imġiba tar-relazzjonjiet esterni tal-UE; jitlob, għalhekk, taħriġ obbligatorju, xieraq u regolari dwar is-sigurtà, l-interferenza, l-istandards etiċi, il-konformità u l-integrità għall-Membri tal-PE kollha u l-uffiċċji tagħhom u għall-persunal kollu tal-Parlament, li jagħmilhom konxji li huma miri potenzjali ta’ atturi statali u mhux statali barranin; jinnota li dan it-taħriġ għandu jinkludi taħriġ komponent dwar is-sigurtà diġitali;

11.  Jirrakkomanda approvazzjoni tas-sigurtà xierqa għall-uffiċjali tal-Parlament u l-persunal tal-gruppi politiċi, u evalwazzjoni ta’ meta tkun meħtieġa l-approvazzjoni tas-sigurtà għall-APAs meta jittrattaw kwistjonijiet ta’ affarijiet barranin, sigurtà u difiża jew kummerċjali, bħal dawk stabbiliti fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-UE; għalhekk, jappella għal kooperazzjoni xierqa mas-servizzi tas-sigurtà nazzjonali biex jiġi żgurat li tali awtorizzazzjonijiet tas-sigurtà jiġu pproċessati malajr; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali jsegwu l-proċeduri u perjodu ta’ żmien komuni kull meta jintalbu jagħtu approvazzjoni tas-sigurtà lill-Membri tal-PE u lill-persunal tal-Parlament, kif ukoll għal kwalunkwe skrinjar tas-sigurtà relatat mal-istituzzjonijiet tal-UE;

12.  Jitlob lis-servizzi tal-Parlament, lill-gruppi politiċi u lill-uffiċċji tal-Membri tal-PE jesploraw l-għażliet għat-twettiq ta’ skrinjar b’sors miftuħ ta’ trainees, APAs, persunal tal-gruppi politiċi, persunal tal-Parlament u kuntratturi esterni għal vulnerabbiltà possibbli għal influwenza mhux Ewropea, bl-użu ta’ kriterji definiti b’mod ċar, qabel ma jibdew jaqdu dmirijiethom, kif ukoll, jekk ikun meħtieġ, matul l-impjieg tagħhom; ifakkar li tali verifika għandha tiġi standardizzata biex jiġu vverifikati d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-applikanti fis-CVs tagħhom;

13.  Ifakkar li, biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb u sikur tal-Parlament, kuntratturi privati huma ingaġġjati biex iwettqu manutenzjoni fuq il-binjiet, is-sistemi tal-IT u l-kameras tiegħu; jitlob li l-amministrazzjoni tal-Parlament teskludi kwalunkwe kumpanija privata jew pubblika mhux tal-UE, kif ukoll kwalunkwe fornitur li jkun ġie mmarkat minn kwalunkwe istituzzjoni tal-UE jew Stat Membru bħala riskju potenzjali għas-sigurtà, minn tali kuntratti jekk ikun hemm raġuni biex wieħed jemmen li jistgħu jesponu lill-Parlament għal riskji għas-sigurtà jew jonqsu milli jipproteġu d-data personali kif suppost; jitlob, f’dan ir-rigward, li tingħata attenzjoni partikolari lill-kumpaniji li huma proprjetà ta’ kumpaniji jew stati mhux tal-UE, bħar-Russja u ċ-Ċina;

14.  Jitlob li s-servizzi tal-Parlament jistabbilixxu sistemi effettivi ta’ monitoraġġ u sorveljanza biex jidentifikaw l-indħil barrani filwaqt li jirrispettaw il-libertà tal-mandat tal-Membri tal-PE u joffru l-opportunità kemm lill-Membri tal-PE kif ukoll lill-persunal li jkollhom l-apparat elettroniku tagħhom skennjat għal għodod ta’ sorveljanza malizzjużi;

15.  Iqis li l-aċċess għall-bini tal-Parlament minn viżitaturi, inklużi rappreżentanti ta’ pajjiżi mhux tal-UE, lobbisti u NGOs, għandu jiġi kkontrollat b’mod aktar strett; jitlob lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jissottometti malajr proposti ġodda f’dan ir-rigward; jitlob restrizzjonijiet fuq l-aċċess għal kwalunkwe rappreżentant u lobbist minn pajjiżi mhux tal-UE u NGOs li jabbużaw mill-aċċess privileġġat tagħhom;

16.  Ifakkar li kwalunkwe viżitatur irid ikun akkumpanjat waqt li jkun fil-bini tal-Parlament sakemm ma jkunux fiż-żoni tal-viżitaturi dedikati; jitlob l-infurzar strett ta’ miżuri restrittivi xierqa fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, bħall-prevenzjoni ta’ membru tal-persunal jew ta’ uffiċċju ta’ Membru tal-PE li preċedentement wettqu tali ksur milli jagħtu aċċess lill-viżitaturi għal perjodu limitat ta’ żmien; jimpenja ruħu li jimplimenta d-Deċiżjoni tal-Bureau li joħloq reġistru tad-dħul, li jikkonforma mal-qafas tal-protezzjoni tad-data tal-UE, għall-persuni kollha li għandhom 18-il sena u aktar li jżuru l-Parlament, li jindika informazzjoni bħad-data, il-ħin u l-iskop taż-żjara, inkluża l-identifikazzjoni tal-Membri tal-PE, il-persunal tal-Membri tal-PE, il-persunal tal-grupp jew l-unitajiet amministrattivi li jiltaqgħu magħhom, id-dettalji ta’ kuntatt tagħhom u l-persuna responsabbli għalihom matul iż-żjara u inkluża l-possibbiltà li uffiċċji differenti tal-Membri tal-PE jistgħu jaqsmu r-responsabbiltà għall-viżitaturi; iqis li dawn il-kundizzjonijiet ta’ dħul m’għandhomx japplikaw għall-persunal ta’ istituzzjonijiet, korpi u aġenziji oħra tal-UE, jew għall-ġurnalisti, li għandhom skema speċifika ta’ aċċess għall-Parlament; jitlob li ssir evalwazzjoni bir-reqqa tal-ħruġ ta’ kards ta’ aċċess tal-familja; jitlob li jsir rieżami tal-kriterji għall-ħruġ abbażi tad-dokumenti rilevanti; jitlob li d-detenturi tal-karta ta’ aċċess tal-familja li għandhom aktar minn 18-il sena jkunu soġġetti għall-proċess tar-reġistru tad-dħul;

17.  Jilqa’ r-riforma tar-regoli ta’ aċċess għal eks Membri tal-PE u eks persunal, b’mod partikolari l-proposta ta’ badge ġdida ta’ aċċess ta’ kuljum biex tissostitwixxi l-badges attwali, u jistieden lill-Parlament jikkunsidra jirtira l-badge ta’ aċċess preċedenti mogħtija lil eks persunal; jistenna rieżami immedjat tal-Artikolu 123 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, segwit minn emenda għall-Artikolu 6 tal-Kodiċi ta’ Kondotta tiegħu; jinsisti li l-eks Membri tal-PE u l-eks persunal ma għandux jibqa’ jkollhom id-dritt li jagħtu l-permess tad-dħul lil ħaddieħor; iqis li l-istess dispożizzjoni għandha tapplika għall-persunal preċedenti;

18.  Jinnota li l-indħil barrani u influwenza illeġittima oħra xi drabi ħadu l-forma ta’ offerta ta’ pożizzjonijiet imħallsa tajjeb lill-eks Membri tal-PE; jinnota li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jittrattaw każijiet potenzjali ta’ “revolving doors” b’mod aktar strett sabiex jipprevjenu kunflitti ta’ interess u jevitaw ħsara lir-reputazzjoni; jitlob li jissaħħu s-salvagwardji kontra interferenza malizzjuża serja permezz ta’ “revolving doors” minn pajjiżi mhux tal-UE b’riskju għoli; jitlob li l-kwistjoni tal-qbid mill-elit tiġi indirizzata fir-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt;

19.  Jirrakkomanda li l-aġenziji u l-istituzzjonijiet tal-UE u korpi oħra tal-UE jimmonitorjaw b’mod proattiv l-attivitajiet professjonali tal-membri tal-persunal tagħhom biex isaħħu l-proċeduri u l-verifiki interni tagħhom dwar is-sitwazzjoni potenzjali ta’ “revolving doors”, fl-ispirtu tar-rakkomandazzjonijiet tal-2021 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri(13);

20.  Jiddikjara li huwa meħtieġ investiment kontinwu sabiex jiġi żgurat li tkun fis-seħħ struttura ta’ sigurtà robusta fi ħdan il-Parlament; jitlob, f’dan ir-rigward, li ssir verifika sħiħa u fil-fond tal-miżuri ta’ sigurtà tal-Parlament minn korp indipendenti; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied l-investiment fl-infrastruttura tal-IT tal-Parlament; iqis li tali sforzi huma meħtieġa biex tiġi żgurata r-reżiljenza tal-Parlament għall-indħil barrani;

21.  Jenfasizza l-ħtieġa ta’ kontroll komprensiv tat-teknoloġija kollha użata fl-istituzzjonijiet sabiex jiġu esklużi l-fornituri minn stati awtokratiċi, b’mod partikolari r-Russja u ċ-Ċina;

22.  Iħeġġeġ aktar azzjoni biex jiġi żgurat li l-isem tal-Parlament ma jintużax ħażin minn atturi esterni biex tinħoloq immaġni falza ta’ leġittimità, kif seħħ diġà bir-rivista falza tal-UE bit-titolu “EP Today”; jitlob riforma tar-regoli li jirrikjedu li l-Membri tal-PE jużaw il-logo tal-Parlament meta jorganizzaw avveniment fil-bini tal-Parlament, peress li l-Parlament ma għandu l-ebda kontroll fuq il-kontenut ta’ avvenimenti bħal dawn u din il-prattika tista’, b’mod mhux intenzjonat, tagħti xi leġittimità lil dikjarazzjonijiet dubjużi jew lil mistednin;

Relazzjonijiet ma’ pajjiżi u entitajiet mhux tal-UE: missjonijiet uffiċjali (inklużi missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali), vjaġġi u gruppi ta’ ħbiberija

23.  Jitlob li jiġu stabbiliti u applikati kriterji oġġettivi biex jiġu identifikati pajjiżi f’riskju li jwettqu operazzjonijiet ta’ ndħil barrani u li dawn li ġejjin jiġu vvalutati bħala parti minn dawn il-kriterji: (a) l-eżistenza ta’ programm ta’ serq tal-proprjetà intellettwali dirett lejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, (b) l-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni li tobbliga lill-atturi mhux statali nazzjonali biex jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ intelligence, (c) il-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, (d) l-eżistenza ta’ politika reviżjonista dwar l-ordni legali internazzjonali attwali, (e) l-applikazzjoni ekstraterritorjali ta’ ideoloġija awtoritarja, u (f) l-identifikazzjoni ta’ attivitajiet ta’ interferenza jew kunflitti ta’ interess fl-istituzzjonijiet Ewropej; jitlob monitoraġġ speċjali mir-Reġistru ta’ Trasparenza tal-UE tar-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess irreġistrati minn pajjiżi meqjusa li huma f’riskju abbażi ta’ dawn il-kriterji oġġettivi;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jaħdmu mal-Parlament, bħala koleġiżlatur, biex itejbu l-kaxxa tal-għodda tal-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej (APPF) u jippermettu t-traċċar effettiv tad-donazzjonijiet lill-pagatur aħħari, u b’hekk ma jħallux li r-regoli dwar id-donazzjonijiet jiġu evitati permezz tal-użu ta’ intermedjarji; jitlob, b’mod partikolari, li l-APPF tingħata mandat biex tikseb informazzjoni direttament mid-donaturi u l-istituzzjonijiet bankarji tagħhom, u biex tiġi stabbilita sistema ta’ notifiki push, li għandha tintbagħat mill-Unitajiet tal-Intelliġenza Finanzjarja fl-Istati Membri lill-APPF meta jiġu identifikati tranżazzjonijiet suspettużi;

25.  Jinnota li l-persunal u r-riżorsi tal-APPF għandhom jissaħħu bil-għan li tissaħħaħ il-kapaċità ta’ skrutinju tagħha u tiġi promossa l-kooperazzjoni mal-Istati Membri biex jiġu mmarkati każijiet potenzjali ta’ finanzjament illeċitu; jirrakkomanda li l-APPF għandha tagħmel użu mid-data pprovduta mill-Pjattaformi Online Kbar Ħafna (VLOPs) fil-libreriji tar-reklamar u, dalwaqt, reġistru Ewropew għar-reklami politiċi, sabiex tidentifika l-finanzjament illeċitu u l-kampanji ta’ influwenza;

26.  Jenfasizza l-importanza li tiġi promossa trasparenza sħiħa dwar id-dħul mill-kampanji elettorali tal-Parlament Ewropew mill-partiti nazzjonali u l-infiq għalihom; jitlob, f’dan il-kuntest, l-adozzjoni ta’ regoli dwar il-kampanji politiċi u l-finanzjament tal-partiti politiċi, inkluż minn pajjiżi mhux tal-UE; jemmen li finanzjament pubbliku adegwat għall-partiti politiċi, limiti fuq il-finanzjament privat u projbizzjoni fuq donazzjonijiet minn pajjiżi mhux tal-UE huma meħtieġa biex jiġi limitat ir-riskju ta’ interferenza barranija permezz tal-partiti politiċi;

27.  Jenfasizza li l-missjonijiet lejn pajjiżi mhux tal-UE jistgħu jintużaw bħala opportunità biex tiġi eżerċitata influwenza indebita fuq il-Membri tal-PE; ifakkar li aġġornamenti obbligatorji u ddedikati dwar is-sigurtà ffukati fuq riskji ta’ interferenza barranija, imfassla għall-pajjiż ta’ destinazzjoni, għandhom jingħataw lill-Membri tal-PE qabel kwalunkwe missjoni; jemmen li tali dokumenti preparatorji u laqgħat għall-missjonijiet għandhom jinkludu wkoll tfakkiriet dwar ir-rekwiżiti ta’ integrità; jenfasizza l-ħtieġa li l-Membri tal-PE u l-persunal tal-Parlament jiġu protetti aħjar kontra attakki ċibernetiċi u hacking meta jivvjaġġaw f’missjonijiet lejn pajjiżi mhux tal-UE;

28.  Jilqa’ l-adozzjoni mill-Konferenza tal-Presidenti, fit-13 ta’ April 2023, ta’ linji gwida dwar ir-relazzjonijiet mar-rappreżentanti ta’ ċerti pajjiżi mhux tal-UE, li f’xi każijiet jirrestrinġu l-kuntatti uffiċjali; iqis, f’dan ir-rigward, li huwa ta’ importanza kbira li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ trasparenza stabbiliti f’dawn il-linji gwida, b’mod partikolari billi jinżammu rekords ta’ kwalunkwe kuntatt mar-rappreżentanti ta’ pajjiżi mhux tal-UE; jitlob, madankollu, dikjarazzjonijiet aktar ġenerali f’każijiet fejn l-isem ta’ individwi jew organizzazzjonijiet jista’ jpoġġi l-ħajja jew is-sikurezza tal-individwi f’riskju;

29.  Jissottolinja li r-responsabbiltà primarja għall-ħatra tal-Membri tal-PE għar-rwoli u biex jintbagħtu fuq missjonijiet hija tal-gruppi politiċi tal-Parlament; jipproponi t-tisħiħ tar-regoli dwar il-missjonijiet uffiċjali mwettqa f’isem il-Parlament, b’mod partikolari:

   (a) li primarjament għandu jkun il-president tal-missjoni uffiċjali li għandu l-privileġġ li jitkellem pubblikament f’isem il-Parlament kollu li jiddefendi l-pożizzjonijiet adottati minnu, filwaqt li dejjem jiggarantixxi d-dritt tal-Membri tal-PE li jitkellmu f’kapaċità personali;
   (b) matul il-missjoni, u b’mod partikolari waqt laqgħat uffiċjali ma’ rappreżentanti barranin u intervisti possibbli, Membri oħra tal-PE jeħtiġilhom jiżguraw b’mod konsistenti u regolari li dan jiġi ddikjarat b’mod ċar u jiġi ċċarat pubblikament li mhumiex qed jitkellmu f’isem il-Parlament jekk jesprimu pożizzjonijiet differenti minn dawk adottati mill-Parlament fl-aktar voti reċenti tiegħu; Membri tal-PE li ma jikkonformawx ma’ din ir-regola għandhom jissejħu għall-ordni mill-president tal-missjoni u, fil-każ ta’ ksur serju jew ksur ripetut ta’ din ir-regola, jistgħu jiġu pprojbiti milli jipparteċipaw f’missjonijiet;

30.  Ifakkar fl-importanza tal-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali biex jipprovdu informazzjoni rilevanti u joħorġu rakkomandazzjonijiet speċifiċi biex is-sistema elettorali ssir aktar reżiljenti u tgħin biex tiġġieled l-indħil barrani fil-proċessi elettorali; jemmen li l-Parlament għandu jipprojbixxi osservazzjoni elettorali mhux awtorizzata u mhux uffiċjali minn Membri tal-PE individwali; jisħaq li l-Membri tal-PE għandhom jipparteċipaw biss f’missjonijiet elettorali li ttieħdet deċiżjoni dwarhom u awtorizzati mill-Konferenza tal-Presidenti; ifakkar fil-proċedura tal-Grupp ta’ Appoġġ għad-Demokrazija u Koordinazzjoni Elettorali għal “każijiet ta’ osservazzjoni elettorali individwali mhux uffiċjali mill-Membri tal-Parlament Ewropew” (adottata fit-13 ta’ Diċembru 2018), li tippermetti l-esklużjoni tal-Membri tal-PE mid-delegazzjonijiet uffiċjali ta’ osservazzjoni elettorali tal-Parlament għat-tul tal-leġiżlatura parlamentari; iħeġġeġ lill-amministrazzjoni tal-Parlament tadotta sanzjonijiet aktar stretti, inklużi multi sostanzjali u miżuri restrittivi oħra, kontra l-Membri tal-PE li jipparteċipaw f’missjonijiet elettorali mhux uffiċjali, kif ukoll dawk li, filwaqt li jipparteċipaw fil-missjonijiet ta’ osservazzjoni awtorizzati tal-Parlament, ma jirrispettawx b’mod strett ir-regoli applikabbli; jemmen li l-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali għandhom jiffukaw aktar fuq l-indħil attwali jew attentat ta’ ndħil qabel il-jum tal-elezzjoni, b’mod partikolari meta din l-interferenza sseħħ online jew fuq il-midja soċjali;

31.  Jinsisti li l-vjaġġi individwali mwettqa mill-Membri tal-PE huma parti integrali mil-libertà tal-mandat tagħhom; itenni t-talba tiegħu għal regoli ta’ trasparenza obbligatorji għal vjaġġi tal-Membri tal-PE mħallsa minn pajjiżi u entitajiet barranin, bir-rekwiżiti dwar id-dettalji li għandhom jiġu pprovduti inklużi l-isem tal-aġent tal-ħlas, lista tan-nefqa u r-raġunijiet għall-vjaġġ iżda mhux limitati għalihom; ifakkar li tali vjaġġi ma jridux jitqiesu bħala delegazzjonijiet uffiċjali tal-Parlament u jitlob lill-Membri tal-PE involuti f’dawn il-vjaġġi biex jevitaw kwalunkwe konfużjoni f’dan ir-rigward, u għal sanzjonijiet stretti għan-nuqqas li jagħmlu dan; iqis li l-missjonijiet imwettqa mill-Membri tal-PE fil-kapaċità tagħhom ta’ rapporteur dejjem jistgħu jitqiesu uffiċjali; jitlob miżuri biex jiġi żgurat li l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn pajjiżi mhux tal-UE relatati mal-mandat ikunu koperti mill-Parlament;

32.  Itenni t-talba tiegħu għal regoli aktar stretti għal vjaġġi minn uffiċjali li jitħallsu minn pajjiżi u entitajiet barranin; jemmen li għandhom jiġu abbozzati regoli simili għal vjaġġi li jsiru mill-APAs jew mill-persunal tal-grupp politiku;

33.  Jissuġġerixxi li l-limitu minimu għar-rigali lill-Membri tal-PE jiġi limitat għal EUR 100; iħeġġeġ monitoraġġ aktar strett tal-istediniet, ir-rigali u l-vjaġġi kollha li jirċievu l-Membri tal-PE u l-persunal meta dawn ikunu relatati ma’ pajjiżi mhux tal-UE;

34.  Iqis li għal pajjizi mhux tal-UE, il-Parlament jeħtieġlu jagħti prijorità assoluta lill-ħidma tad-delegazzjonijiet uffiċjali tiegħu għar-relazzjonijiet ma’ dawn il-pajjiżi; ifakkar li kwalunkwe attività jew laqgħa ta’ kwalunkwe raggruppament mhux uffiċjali ta’ Membri tal-PE li tista’ tirriżulta f’konfużjoni mal-attivitajiet uffiċjali tal-Parlament għandha tiġi pprojbita; jitlob li jkun hemm projbizzjoni ta’ gruppi ta’ ħbiberija ma’ pajjiżi mhux tal-UE li għalihom diġà jeżistu delegazzjonijiet uffiċjali tal-Parlament, filwaqt li jirrikonoxxi li gruppi ta’ ħbiberija għandhom ikomplu jeżistu, fuq bażi ta’ każ b’każ, għal attivitajiet relatati ma’ ċerti territorji mhux sovrani, minoranzi ppersegwitati jew sħab li għalihom ma teżistix delegazzjoni uffiċjali; jenfasizza li l-pajjiżi mhux tal-UE għandhom jinteraġixxu mal-Parlament permezz tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, id-delegazzjonijiet uffiċjali eżistenti tal-Parlament, Kumitati oħra u l-Grupp għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet kif meħtieġ; jissottolinja li ċerti eċċezzjonijiet għandhom ikunu kontinġenti, fost affarijiet oħra, fuq id-dikjarazzjonijiet uffiċjali li jiġu rreġistrati fir-reġistru ta’ trasparenza għall-intergruppi u gruppi informali oħra miżmuma mill-Kwesturi, dawn id-dikjarazzjonijiet li jinkludu l-ismijiet tal-Membri tal-PE u tal-partijiet ikkonċernati kollha involuti, kif ukoll dettalji tal-laqgħat kollha li saru; iqis li l-gruppi ta’ ħbiberija jridu jiddikjaraw pubblikament kwalunkwe assistenza finanzjarja jew appoġġ in natura li jirċievu, inklużi ammonti eżatti ta’ fondi u assistenza pprovduta minn partijiet terzi; iqis, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 35 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu jrid jiġi emendat; jinsisti li l-Artikolu 176 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu jrid jiġi emendat biex jippermetti li l-ksur jiġi ssanzjonat b’mod effettiv; jissottolinja, b’mod parallel, li l-Parlament u l-Membri tiegħu jeħtiġilhom jiżguraw li d-delegazzjonijiet parlamentari jiffunzjonaw b’mod sodisfaċenti, b’mod partikolari billi jirrispettaw il-pożizzjonijiet tal-Parlament kif adottati matul is-sessjonijiet plenarji tiegħu; jitlob, f’dan ir-rigward, li jkun hemm razzjonalizzazzjoni urġenti tad-delegazzjonijiet parlamentari, ir-rwol tagħhom u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-azzjoni tagħhom, u li dawn dejjem jaġixxu b’konsistenza sħiħa mal-korpi l-oħra tal-Parlament involuti fid-determinazzjoni tal-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea;

35.  Iħeġġeġ lill-Membri tal-PE jkunu viġilanti dwar ċerti entitajiet li, bl-iskuża li jittrattaw kwistjonijiet ta’ politika ġenerali, huma vetturi ta’ influwenza u interferenza mhux iddikjarata minn pajjiżi barranin;

Integrità tal-ħidma parlamentari

36.  Ifakkar fl-importanza tar-riżoluzzjonijiet ta’ urġenza bħala parti mill-azzjoni tal-Parlament biex jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja; jiddenunzja kull tentattiv biex jinterferixxi magħhom; jirrikonoxxi li jridu jżommu l-urġenza tagħhom, iżda jipproponi li jingħata ammont ta’ żmien xieraq għall-abbozzar tagħhom sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni xierqa kontra l-influwenza esterna; itenni li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom għandu jiġi rrispettat b’mod strett; jissottolinja li s-saħħa u l-impatt tar-riżoluzzjonijiet ta’ urġenza tal-Parlament dwar id-drittijiet tal-bniedem m’għandhomx jiddgħajfu;

37.  Jemmen li l-indħil barrani jew it-tentattiv ta’ ndħil barrani ma jridux jibqgħu mingħajr konsegwenzi għall-pajjiż responsabbli; biħsiebu jissospendi kwalunkwe proposta leġiżlattiva jew mhux leġiżlattiva dwar il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-istat ta’ tali pajjiż għal perjodu proporzjonat għas-severità tal-interferenza; biħsiebu, fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali, jissospendi l-finanzjament kollu mill-programmi tal-Unjoni lill-awtoritajiet tal-istat ta’ tali pajjiż, filwaqt li jippreserva l-finanzjament għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-midja indipendenti kif ukoll għall-assistenza umanitarja; jemmen li l-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tiegħu għandu jistieden lill-Ambaxxatur għall-UE ta’ tali pajjiż biex jidher fil-Kumitat għall-Affarijiet Barranin għal skambju ta’ fehmiet;

38.  Jirrakkomanda li riżoluzzjonijiet ivvutati mill-Parlament ikunu akkumpanjati minn anness li jkun fih lista ta’ persuni jew istituzzjonijiet milqugħa minn rapporteurs u shadow rapporteurs, bl-eċċezzjoni ta’ individwi li s-sigurtà tagħhom tkun f’riskju li kieku jissemmew, li l-identità tagħhom se tiġi kkomunikata u mħarsa b’mod dovut mill-korp maħtur għal dak l-iskop; jirrakkomanda, għalhekk, li ssir obbligatorja għall-Membri tal-PE li jabbozzaw rapporti jew opinjonijiet li jehmżu lista biex juru l-firxa ta’ għarfien espert u opinjonijiet esterni li jkun irċieva r-rapporteur;

39.  Iqis li għandu jkun obbligatorju għall-Membri kollha tal-PE li jippubblikaw il-laqgħat skedati kollha ma’ partijiet terzi (rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess); jenfasizza l-ħtieġa li l-proċess ta’ żvelar isir kemm jista’ jkun faċli u rapidu, filwaqt li tinżamm l-integrità tal-proċedura; iqis li l-Artikolu 11 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu għandu jiġi emendat biex jinkludi definizzjonijiet ta’ “laqgħa skedata” u “rwol attiv”; jemmen li l-obbligi skont din ir-regola għandhom jiġu estiżi għall-Membri tal-PE kollha; jirrimarka, madankollu, li s-sistema għad-dikjarazzjoni ta’ laqgħat bħal dawn għandha tiġi aġġornata, b’mod partikolari peress li għadha ma tqisx is-sottokumitati; jitlob li d-delegazzjonijiet tal-Parlament jiġu inklużi wkoll fis-sistema; jemmen li għandhom jiġu adottati regoli simili għal-laqgħat li għalihom jattendu uffiċjali tal-Parlament, APAs u persunal tal-gruppi politiċi; jiddispjaċih li xi wħud mill-Membri tal-PE meħtieġa jagħmlu dan ma jiddikjarawx il-laqgħat tagħhom ma’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess;

40.  Jitlob implimentazzjoni, infurzar u superviżjoni ħafna aktar stretti tal-aderenza mad-dispożizzjonijiet attwali tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar ir-Reġistru tat-Trasparenza fil-Parlament; jitlob li l-Membri tal-PE u l-uffiċċji tagħhom ikunu meħtieġa jiddikjaraw laqgħat ma’ rappreżentanti diplomatiċi ta’ pajjiżi mhux tal-UE kif ukoll ma’ rappreżentanti ta’ grupp ta’ interess koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Reġistru ta’ Trasparenza tal-UE, b’eċċezzjonijiet permessi f’każijiet fejn l-isem ta’ individwi jew organizzazzjonijiet ipoġġi l-ħajja jew is-sikurezza tal-individwi f’riskju; jenfasizza li d-dikjarazzjonijiet għandhom ikunu ċari u aċċessibbli għall-pubbliku kemm jista’ jkun; jemmen li għandhom jiġu applikati sanzjonijiet għal kwalunkwe nuqqas ta’ sottomissjoni ta’ dikjarazzjonijiet bħal dawn;

41.  Jinsisti fuq l-obbligu li tiġi ddikjarata l-parteċipazzjoni fi kwalunkwe konferenza jew avveniment organizzat jew iffinanzjat minn entitajiet barranin, kumpaniji privati, NGOs u gruppi ta’ riflessjoni;

42.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li xi Membri tal-PE huma membri ta’ partiti politiċi li rċevew appoġġ finanzjarju minn entitajiet mhux tal-UE, inkluż mir-Russja, u li l-pożizzjonijiet politiċi tagħhom ġew influwenzati b’mod ċar minn dan l-appoġġ;

43.  Itenni li l-Membri tal-PE, il-persunal tagħhom u l-persunal tal-gruppi politiċi għandhom jevalwaw b’mod kritiku u jżommu lura milli jressqu b’mod sistematiku proposti għal emendi miktuba minn qabel minn partijiet terzi;

44.  Jitlob li jinfetħu taħditiet interistituzzjonali biex jiġi rieżaminat il-Ftehim Interistituzzjonali dwar ir-Reġistru tat-Trasparenza ħafna qabel l-iskadenza ta’ Lulju 2025; jitlob rieżami tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet(14) sabiex jiġi vvalutat kif il-prinċipju tat-trasparenza u l-integrità jista’ jiġi inkluż fost l-impenji u l-objettivi komuni tal-proċess leġiżlattiv;

45.  Jinsisti bil-qawwa fuq il-ħtieġa ta’ trasparenza, permezz ta’ reġistrazzjoni fir-Reġistru ta’ Trasparenza tal-UE, rigward il-finanzjament li jirċievu r-rappreżentanti tal-gruppi ta’ interess, bħal NGOs, gruppi ta’ riflessjoni u servizzi ta’ konsulenza, li jixtiequ jkunu involuti mal-Parlament, b’mod partikolari meta jitolbu appoġġ jew sponsorizzazzjoni mill-Membri tal-PE biex jorganizzaw laqgħat fil-bini tal-Parlament, meta jkunu mistiedna għal smigħ, skambji ta’ fehimiet jew kwalunkwe dehra skedata oħra, jew meta jipparteċipaw fi studju jew riċerka f’isem il-Parlament; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-proposta għal kontrolli aktar b’saħħithom fuq ir-rappreżentanti tal-interess, bħall-prerekwiżit li jkunu elenkati fir-Reġistru ta’ Trasparenza sabiex ikunu jistgħu jitkellmu fil-laqgħat tal-kumitati; iħeġġeġ l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi għar-rappreżentanti ta’ interess li l-attivitajiet tagħhom ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Reġistru ta’ Trasparenza, bħal rappreżentanti ta’ pajjiżi mhux tal-UE bi status diplomatiku; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lill-kriterji tal-proporzjonalità u l-ħtieġa li jiġu evitati proċeduri kkumplikati;

46.  Jitlob li ssir valutazzjoni dwar jekk ir-reġistranti attwali fir-Reġistru ta’ Trasparenza tal-UE kinux soġġetti għal influwenza barranija u jekk ikkonformawx b’mod effettiv mal-Kodiċi ta’ Kondotta; jitlob li r-rapport annwali dwar il-funzjonament tar-reġistru jinkludi kapitolu dwar l-inċidenti relatati mar-riskju ta’ interferenza barranija;

47.  Jinsisti li r-Reġistru ta’ Trasparenza tal-UE jrid jissaħħaħ billi jiżdidulu l-baġit tiegħu u l-persunal tiegħu b’tali mod li jkun kapaċi jivverifika l-informazzjoni prevista mill-applikanti u r-reġistranti b’aktar reqqa; jitlob li tiġi kkunsidrata estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, li jiġu stabbiliti obbligi addizzjonali għar-reġistranti u li jittieħdu miżuri aktar restrittivi biex jiġi indirizzat il-ksur tal-Kodiċi ta’ Kondotta;

48.  Iqis li huwa rilevanti għall-Parlament li jiddiskuti modi kif itejjeb it-trasparenza u l-miżuri kontra l-korruzzjoni għar-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess li jfittxu li jinfluwenzaw proposti jew riżoluzzjonijiet leġiżlattivi, inkluż billi jorganizza laqgħat mal-Membri tal-PE, l-uffiċċji jew il-persunal tal-gruppi politiċi tagħhom; jenfasizza li dan jista’ jinkludi miżuri aktar stretti dwar ir-reġistrazzjoni ta’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess fir-Reġistru ta’ Trasparenza;

49.  Ifakkar li r-Reġistru ta’ Trasparenza (Anness II) jirrikjedi li l-NGOs jipprovdu s-sorsi ewlenin ta’ finanzjament tagħhom skont il-kategorija, filwaqt li dan mhuwiex il-każ għar-rappreżentanti ta’ interessi kummerċjali jew l-intermedjarji tagħhom, li huma biss meħtieġa jipprovdu stima tal-ispiża annwali tal-lobbjar; jitlob li jsir skrinjar finanzjarju komprensiv tal-gruppi ta’ interess, l-NGOs u l-konsulenzi kollha qabel ma jiġu elenkati fir-Reġistru ta’ Trasparenza, u li jsir rieżami tar-rappreżentanti kollha ta’ gruppi ta’ interess li bħalissa huma rreġistrati; jitlob li dawn l-organizzazzjonijiet ikunu trasparenti wkoll dwar il-kompożizzjoni tal-korpi governattivi tagħhom u jiddikjaraw il-konformità mal-obbligi legali rilevanti, b’mod partikolari l-obbligi ta’ finanzjament u ta’ kontabbiltà; jitlob li kwalunkwe aġenzija ta’ konsultazzjoni li tixtieq tirreġistra tkun trasparenti dwar l-istruttura tal-klijenti tagħha; jitlob li titfassal definizzjoni legali ċara ta’ “rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess” u “status ta’ NGO”, li tkun tapplika għall-organizzazzjonijiet kollha li jixtiequ jiġu elenkati fir-Reġistru ta’ Trasparenza u jsiru eliġibbli biex jirċievu finanzjament tal-UE; jenfasizza li l-NGOs li jirċievu flus minn partijiet terzi li mhumiex meħtieġa li jiġu elenkati fir-Reġistru ta’ Trasparenza jeħtiġilhom jiżvelaw is-sorsi tal-finanzjament tagħhom billi jipprovdu l-istess informazzjoni bħar-reġistranti regolari kollha; jenfasizza li l-miżuri li jirrikjedu li l-NGOs jiżvelaw is-sorsi kollha ta’ finanzjament iridu jqisu s-sitwazzjoni tal-NGOs li joperaw f’pajjiżi taħt reġimi awtoritarji u illiberali, b’mod partikolari meta l-iżvelar ta’ tali informazzjoni jista’ jpoġġi lilhom u lil xogħolhom f’riskju minħabba l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni repressiva bħal-liġijiet dwar l-“aġenti barranin” u oħrajn simili;

50.  Jinnota li bħala parti mill-iskandlu tal-korruzzjoni reċenti, il-ħidma ta’ żewġ NGOs intużat ħażin biex tiffinanzja attivitajiet illegali u tinfluwenza t-teħid ta’ deċiżjoni tal-Parlament f’isem partijiet terzi;

51.  Jappella għal kontrolli msaħħa fuq rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra li jaħdmu mill-qrib mal-Parlament jew ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE, kif ukoll skrutinju tagħhom, sabiex jiġu identifikati irregolaritajiet, frodi jew ksur tal-obbligi, inklużi attivitajiet li jmorru kontra l-valuri tal-UE, kif definiti fl-Artikolu 2 tat-TUE, jew ksur ta’ obbligi relatati mar-reġistrazzjoni tagħhom fir-Reġistru ta’ Trasparenza; jitlob li l-kuntratti jiġu sospiżi jew itterminati, jew li t-tul ta’ żmien tagħhom jitnaqqas, u li l-fondi jiġu rkuprati f’każ li jseħħ kwalunkwe ksur bħal dan;

52.  Ifakkar li l-miżuri attwali tal-UE kontra l-istazzjonijiet televiżivi Russi għandhom jiġu implimentati bis-sħiħ biex jiġġieldu l-propaganda Russa b’mod aktar effettiv;

53.  Huwa mħasseb bl-indħil tal-organizzazzjonijiet Iżlamisti ispirati minn stati barranin;

54.  Jitlob l-implimentazzjoni urġenti tar-rapport INGE 1, li diġà rrakkomanda li l-istituzzjonijiet tal-UE jirriformaw ir-Reġistru ta’ Trasparenza, inkluż billi jintroduċu regoli ta’ trasparenza aktar stretti, bħal pereżempju għal vjaġġi offruti minn pajjiżi u entitajiet barranin lil uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-UE, billi jsaħħu t-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont tal-gruppi ta’ ħbiberija, billi jimmappjaw il-finanzjament barrani għal-lobbjar relatat mal-UE u billi jiżguraw entrata li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ finanzjament minn gvernijiet barranin; jistieden lill-Istati Membri jarmonizzaw il-liġijiet dwar l-indħil barrani u jipprojbixxu d-donazzjonijiet barranin lill-partiti politiċi u lill-fondazzjonijiet politiċi;

55.  Itenni l-impenn tiegħu li jimplimenta perjodu ta’ preklużjoni ta’ sitt xhur għall-eks Membri tal-PE; jenfasizza li dan il-perjodu għandu jibda immedjatament wara t-tmiem tal-mandat tagħhom; iqis li l-konformità ma’ dan il-perjodu ta’ preklużjoni għandha tiġi mmonitorjata mill-korp tal-etika futur tal-UE;

56.  Jitlob lis-servizzi tal-Parlament joħolqu sistema ta’ monitoraġġ u regoli għar-revoka tal-aċċess tal-eks Membri tal-PE jekk jagħmlu lobbying fil-Parlament f’isem pajjiżi b’riskju għoli wara l-perjodu ta’ preklużjoni tagħhom, jużaw l-għarfien miksub matul iż-żmien tagħhom bħala uffiċjali pubbliċi kontra l-interessi tal-Unjoni u l-interess pubbliku, jew saħansitra jipparteċipaw f’operazzjonijiet ta’ influwenza jew interferenza globali;

57.  Jemmen li l-Membri tal-PE jeħtieġ li jkunu aktar trasparenti dwar kwalunkwe xogħol sekondarju mħallas li jistgħu jagħmlu, bl-applikazzjoni ta’ regoli riveduti u aktar preċiżi rigward id-divulgazzjoni tal-ammonti ta’ introjtu sekondarju miksub, il-pożizzjoni li fiha nkiseb u l-klijenti li f’isimhom il-Membri tal-PE jaħdmu bi ħlas; itenni t-talba tiegħu għal regoli aktar stretti għall-Membri tal-PE li jwettqu xogħol parallel bi ħlas, b’enfasi speċjali fuq ir-restrizzjoni tal-attivitajiet f’isem organizzazzjonijiet jew individwi koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Reġistru ta’ Trasparenza; jimpenja ruħu li jintroduċi projbizzjoni fuq il-Membri tal-PE li jwettqu xogħol sekondarju mħallas għal Stati mhux tal-UE jew entitajiet dipendenti b’riskju għoli matul il-mandat tagħhom; itenni t-talba tiegħu li l-Membri tal-PE jkunu pprojbiti milli jwettqu xogħol parallel imħallas f’isem organizzazzjonijiet jew entitajiet koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Reġistru ta’ Trasparenza sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interess potenzjali fit-twettiq tal-mandat tagħhom; iqis li l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew għandu jkun soġġett għal reviżjoni leġiżlattiva, b’enfasi partikolari fuq il-ħidma sekondarja; jemmen li l-Parlament jeħtieġ li jkun aktar trasparenti dwar din il-kwistjoni; jitlob li d-dikjarazzjonijiet tal-Membri tal-PE dwar ix-xogħol parallel ikunu soġġetti għal kontrolli istituzzjonali u appoġġjati minn dokumenti rilevanti, kif diġà huwa l-każ f’xi Stati Membri;

58.  Jitlob l-infurzar ta’ regoli li jipprojbixxu kwalunkwe attività li timmina l-attivitajiet uffiċjali tal-Parlament, b’mod partikolari jekk dawn l-attivitajiet jinvolvu interazzjoni ma’ pajjiżi mhux tal-UE; jinnota li l-Membri tal-PE huma liberi li jieħdu pożizzjonijiet f’organizzazzjonijiet ibbażati barra mill-UE u li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Reġistru ta’ Trasparenza jew li jaħdmu għal pajjiżi mhux tal-UE jew f’ismu, soġġett għall-eċċezzjonijiet imsemmija x’imkien ieħor f’din ir-riżoluzzjoni, filwaqt li jinsisti li l-Membri tal-PE jeħtiġilhom jiddivulgaw l-ammont ta’ introjtu sekondarju miksub, il-pożizzjoni li fiha jinkiseb u l-klijenti li f’isimhom jaħdmu bi ħlas, f’konformità mal-emendi rilevanti għall-Kodiċi ta’ Kondotta;

59.  Jappoġġja r-rinnovazzjoni tas-sit web tiegħu bl-għan li l-informazzjoni tkun disponibbli fuqu b’mod aktar faċli għall-pubbliku; jitlob li tiġi stabbilita sistema faċli għall-utent fuq is-sit web tagħha li tippermetti li t-test li dwaru tkun saret il-votazzjoni u r-riżultati tal-votazzjoni jiġu ffiltrati skont il-grupp u l-Membru tal-PE għal kull votazzjoni b’sejħa tal-ismijiet; jitlob li tiġi żvelata l-impronta leġiżlattiva tat-testi u l-emendi proposti; ifakkar fir-rekord tiegħu tat-trasparenza u l-isforzi tiegħu biex jiżgura li d-dokumenti, irrispettivament mill-mezz tagħhom, ikunu faċilment aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha u jenfasizza li għandhom ikunu disponibbli f’format miftuħ, faċli għall-utent u li jinqara mill-magni;

60.  Jinsisti li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE li jipparteċipaw fit-trilogi għandhom jagħmlu d-dokumenti leġiżlattivi direttament aċċessibbli skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001(15), sakemm l-iżvelar tagħhom ma jdgħajjifx serjament il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jenfasizza li fis-sentenza reċenti fil-Kawża T-163/21(16), il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-aċċess għad-dokumenti leġiżlattivi kellu jkun wiesa’ kemm jista’ jkun; jistieden lill-Kunsill jikkonforma għalkollox ma’ din is-sentenza; jappella lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE biex jikkonformaw bis-sħiħ mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-540/15(17) fir-rigward tal-aċċess għad-dokumenti tat-trilogu;

61.  Huwa tal-fehma li d-dokumenti li għandhom ikunu direttament aċċessibbli permezz tar-reġistru pubbliku tal-Parlament għandhom jinkludu dokumenti leġiżlattivi preparatorji, bħal dokumenti ta’ trilogu politiċi u tekniċi, inklużi l-verżjonijiet kollha tad-dokument konġunt b’diversi kolonni msemmi fil-Kodiċi ta’ Kondotta għan-negozjar fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

62.  Jilqa’ d-deċiżjoni li jiġi introdott taħriġ obbligatorju dwar l-informaturi għall-maniġers tal-persunal tal-Parlament u għall-APAs; jappella għal azzjoni aktar b’saħħitha biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-informaturi fost il-membri tal-persunal u l-APAs, b’mod partikolari billi jiġi emendat l-Artikolu 22c tar-Regolament Nru 31 (KEE), 11 (KEEA) (“ir-Regolamenti tal-Persunal tal-UE”) biex jiġi allinjat mal-istandards stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/1937 (“id-Direttiva dwar l-Informaturi”) u billi jiġu riveduti r-Regoli Interni tal-Parlament li Jimplimentaw l-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal kif xieraq;

63.  Jenfasizza li l-kodifikazzjoni tar-regoli ta’ amministrazzjoni tajba billi jiġu stabbiliti aspetti ewlenin tal-proċedura amministrattiva, bħan-notifiki, id-dritt li tinstema’ u d-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl tagħha stess, tikkontribwixxi b’mod pożittiv u ssaħħaħ it-trasparenza, l-integrità u r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-UE u tagħmilhom inqas suxxettibbli għall-korruzzjoni;

Kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE u nazzjonali

64.  Jilqa’ l-pakkett imħabbar tal-Kummissjoni dwar id-difiża tad-demokrazija, inkluża direttiva, immirat biex jintroduċi standards komuni ta’ trasparenza u responsabbiltà għal servizzi ta’ rappreżentazzjoni ta’ gruppi ta’ interess diretti jew imħallsa minn barra l-UE, li jikkontribwixxu għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-protezzjoni tal-isfera demokratika tal-UE minn interferenza barranija moħbija; jistieden lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, twettaq valutazzjoni tal-impatt xierqa, f’konformità mal-obbligi stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, qabel ma tippreżenta rakkomandazzjonijiet u proposti leġiżlattivi ġodda;

65.  Jilqa’ t-tħabbira tal-Kummissjoni li se tipproponi, bħala parti mill-pakkett dwar id-difiża tad-demokrazija, direttiva dwar it-trasparenza tar-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess li jaġixxu f’isem pajjiżi mhux tal-UE, li tistabbilixxi rekwiżiti ta’ trasparenza armonizzati għall-forniment ta’ servizzi minn barra l-UE; jilqa’, barra minn hekk, ir-rakkomandazzjoni komplementari dwar elezzjonijiet siguri u reżiljenti u r-rakkomandazzjoni dwar iż-żieda fl-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-involviment magħhom; jistenna li l-proposta tiżgura kundizzjonijiet ekwi għar-rappreżentanza ta’ gruppi ta’ interess fl-UE u tikkonforma mal-liġi internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżerċizzju tal-libertajiet ċiviċi;

66.  Jilqa’ l-pakkett ippjanat tal-Kummissjoni kontra l-korruzzjoni, inkluża l-proposta biex jiġu aġġornati r-regoli tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni permezz tal-liġi kriminali;

67.  Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi reġim ġdid ta’ sanzjonijiet biex jiġu mmirati atti serji ta’ korruzzjoni madwar id-dinja;

68.  Itenni t-talba tiegħu għall-istabbiliment malajr ta’ korp tal-etika indipendenti tal-UE u jimpenja ruħu li jikkonkludi negozjati interistituzzjonali sa tmiem l-2023; ifakkar li kwalunkwe korp bħal dan irid jirrispetta s-separazzjoni tas-setgħat bejn l-istituzzjonijiet; iqis li l-mandat tal-korp għandu jinkludi skrutinju, fuq bażi ta’ każ b’każ, tal-intenzjonijiet tal-Membri tal-PE u tal-eks Membri tal-PE li jaħdmu għal kwalunkwe gvern jew entità mhux tal-UE kkontrollata minn gvern mhux tal-UE matul il-mandat tagħhom jew wara tmiemu, u jemmen li dan il-mandat għandu jkun ta’ natura konsultattiva; jistieden lill-Membri tal-PE jħarsu l-valuri u l-istandards tal-Parlament u ma jaċċettawx impjieg minn gvernijiet awtoritarji, mhux demokratiċi jew entitajiet tal-istat relatati wara t-tmiem tal-mandat tagħhom;

69.  Jiddispjaċih dwar id-dewmien tal-Kummissjoni fit-tressiq tal-proposta tagħha għat-twaqqif ta’ korp ta’ etika tal-UE interistituzzjonali indipendenti u dwar in-nuqqas ta’ ambizzjoni min-naħa tagħha; jitlob li l-istituzzjonijiet jaqblu fil-pront dwar it-termini tat-twaqqif tal-korp sabiex tiġi żgurata aktar konsistenza dwar obbligi etiċi bejn ir-regoli ta’ proċedura u l-kodiċi ta’ kondotta differenti; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu ċċarati u kkomunikati b’mod ċar ir-regoli li japplikaw għall-eks Membri tal-PE involuti f’attivitajiet ta’ lobbjar li jaqgħu taħt ir-Reġistru ta’ Trasparenza; ifakkar fil-ħtieġa li tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-istandards tal-kariga pubblika stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-PE u ta’ regoli oħra adottati mill-Parlament u mill-korpi tiegħu billi jiġi investigat il-ksur u jiġu proposti sanzjonijiet; jinsisti li l-korp tal-etika jrid jiġi mwaqqaf fuq bażi ġuridika ċara u għandu jibda l-ħidma tiegħu mill-aktar fis possibbli; jenfasizza li l-korp tal-etika għandu jingħata setgħat investigattivi xierqa, inkluża l-kapaċità li jaġixxi fuq inizjattiva tiegħu stess, u s-setgħa li jitlob dokumenti amministrattivi, filwaqt li jirrispetta l-immunità tal-Membri tal-PE u l-libertà tal-mandat tagħhom u jissalvagwardja l-garanziji proċedurali applikabbli; huwa tal-fehma li filwaqt li huwa miftuħ għal parteċipazzjoni wiesgħa, se jaħdem mal-Kummissjoni biex jiżgura li n-negozjati ma jiddewmux minn istituzzjonijiet oħra;

70.  Jissottolinja l-intenzjoni tal-Parlament li unilateralment jiżgura li l-Membri tal-PE jkollhom aċċess malajr, faċli u sistematiku għal pariri dwar kunflitti ta’ interess possibbli mill-Kumitat Konsultattiv dwar il-Kondotta tal-Membri; jimpenja ruħu li jirriforma l-Kumitat Konsultattiv; jitlob, għalhekk, li l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-PE jissaħħaħ biex tiġi żgurata sistema aktar effettiva u trasparenti għall-Membri tal-PE u għall-eks Membri tal-PE li jaħdmu għal interessi esterni, f’każ li Membri tal-PE jinstabu li mhumiex qed jikkonformaw mar-regoli u l-obbligi; jissuġġerixxi li l-Kumitat Konsultattiv jista’ jkollu wkoll rwol proattiv, inkluża l-kapaċità li jaġixxi fuq inizjattiva tiegħu stess; jemmen li l-Kumitat Konsultattiv għandu jkun jista’ jittratta l-ilmenti direttament;

71.  Jindika l-ħidma rilevanti tal-Ombudsman f’dan ir-rigward u jemmen li kooperazzjoni addizzjonali bejn il-Parlament u l-Ombudsman tista’ tkun utli fil-futur;

72.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE jżidu l-kooperazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) u mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) u jissottolinja l-ħtieġa partikolari li tiżdied il-kooperazzjoni tiegħu ma’ dawn il-korpi; jenfasizza li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-UPPE għandu jiġi estiż għall-Unjoni kollha, li jiffaċilita l-kooperazzjoni tiegħu ma’ istituzzjonijiet oħra u jiżgura prosekuzzjoni aħjar ta’ każijiet f’pajjiżi li attwalment ma jipparteċipawx fl-UPPE;

73.  Jimpenja ruħu li jintroduċi dikjarazzjoni obbligatorja ta’ assenza ta’ kunflitti ta’ interess għar-rapporteurs u x-shadow rapporteurs;

74.  Itenni li d-deċiżjoni politika dwar il-kunflitti ta’ interess tal-Kummissarji nnominati qabel is-seduti ta’ smigħ tagħhom tibqa’ kompetenza demokratika u istituzzjonali tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament;

75.  Jistieden lis-Segretarjat tar-Reġistru ta’ Trasparenza jipprojbixxi kwalunkwe entità b’relazzjonijiet diretti jew indiretti mal-Gvern tal-Federazzjoni Russa, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 2022 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddistabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna u l-imġiba tal-gwerra illegali ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; jitlob li jkun hemm aktar deliberazzjonijiet dwar approċċ li għandu jiġi applikat għal entitajiet marbuta mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u pajjiżi oħra li jwettqu jew li jidhru li għandhom l-għan li jwettqu ndħil barrani malizzjuż fl-affarijiet Ewropej; jinnota li l-Konferenza tal-Presidenti ddeċidiet li d-diplomatiċi u r-rappreżentanti tal-gvern miċ-Ċina mhux se jiġu mistiedna fil-Parlament; jitlob li r-Reġistru ta’ Trasparenza tal-UE jiġi emendat biex jipprevedi sanzjonijiet kull meta r-reġistrant jirrappreżenta, direttament jew bħala intermedjarju, l-interessi tal-gvernijiet, tal-entitajiet dipendenti jew tal-kumpaniji f’setturi strateġiċi ta’ pajjiżi b’rekord irrapportat ta’ interferenza fil-proċessi demokratiċi fl-UE;

76.  Jinnota li l-linji gwida attwali għall-NGOs u partijiet ikkonċernati oħra mhux koperti mir-Reġistru ta’ Trasparenza wrew li mhumiex biżżejjed; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ verifika bir-reqqa li għandha titwettaq qabel ir-reġistrazzjoni fir-Reġistru ta’ Trasparenza biex jiġu żvelati s-sorsi kollha ta’ finanzjament; jinnota li l-finanzjament mill-fondi tal-UE jrid ikun traċċabbli mir-riċevitur dirett sal-benefiċjarju finali meta jiġi trasferit tul katina; jitlob li jiġu riveduti l-linji gwida għar-reġistrazzjoni fir-Reġistru ta’ Trasparenza biex jinkludu l-fondi kollha li jidħlu u li joħorġu, inkluż it-trasferiment ta’ fondi minn NGO jew parti kkonċernata waħda għal oħra;

77.  Jitlob li l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tal-immunità parlamentari tal-Membri tal-PE jiġu armonizzati bejn l-Istati Membri differenti; jitlob, f’dan ir-rigward, għal rieżami tal-Protokoll Nru 7 għat-TUE u għat-TFUE dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

78.  Jiddeċiedi li jsaħħaħ id-djalogu u l-kooperazzjoni tiegħu mal-awtoritajiet tal-intelliġenza, ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi tat-tliet Stati Membri li jinsab fihom sabiex tiġi żgurata s-sigurtà u l-integrità tal-Parlament u jipproteġih kontra tentattivi ta’ interferenza minn pajjiżi mhux tal-UE; jistieden, għal dan l-għan, lis-servizzi tas-sigurtà tal-Istati Membri jinnotifikaw b’mod sistematiku lill-awtoritajiet Ewropej kompetenti u lis-servizzi tas-sigurtà tal-Istati Membri li fihom jinsab il-Parlament dwar kwalunkwe informazzjoni li jistgħu jiksbu relatata mal-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi fl-Unjoni;

79.  Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jaħdmu lejn regolamenti interni aktar stretti fost l-Istati Membri fir-rigward tal-użu, is-servizzjar u l-akkwist ta’ spyware u għodod ta’ sorveljanza u l-valutazzjoni tal-ispyware u s-sorveljanza tal-għodod li qed jintużaw bħalissa; jinnota li l-UE għandha tuża miżuri regolatorji eżistenti biex iżżomm operaturi internazzjonali malinni fl-industriji ta’ spyware kummerċjali u teknoloġiji ta’ sorveljanza legalment responsabbli;

80.  Jinsisti li għandu jirrevedi l-lista ta’ attivitajiet sanzjonabbli għall-Membri tal-PE abbażi ta’ dan ir-rapport; jitlob li jiġu stabbiliti twissijiet u tfakkiriet xierqa għall-Membri tal-PE li ma jikkonformawx u li jiġu imposti penali xierqa wara perjodu ta’ żmien raġonevoli; jinnota, b’mod partikolari, il-ħtieġa li jiġi rivedut l-Artikolu 176 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu biex jippermetti li jiġu imposti pieni għal reati oħra minbarra l-isfrattar tas-sessjoni plenarja; huwa tal-fehma li għandhom jiġu applikati sanzjonijiet addizzjonali meta Membru tal-PE jinstab ħati li intenzjonalment wettaq reat kriminali fil-qadi ta’ dmirijietu;

81.  Jitlob li ssir reviżjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-liv fl-interess tas-servizz, li jippermetti l-irtirar bikri mhux trasparenti ta’ xi membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-UE;

o
o   o

82.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 86, 6.3.2018, p. 126.
(2) ĠU C 440, 30.12.2015, p. 17.
(3) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 120.
(4) ĠU C 347, 9.9.2022, p. 61.
(5) ĠU C 177, 17.5.2023, p. 109.
(6) Testi adottati, P9_TA(2023)0030.
(7) Testi adottati, P9_TA(2023)0055.
(8) Testi adottati, P9_TA(2023)0054.
(9) ĠU P 45, 14.6.1962, p. 1385.
(10) ĠU L 262, 7.10.2005, p. 1.
(11) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar ir-rikonoxximent tal-Federazzjoni Russa bħala stat li jisponsorizza t-terroriżmu (ĠU C 167, 11.5.2023, p. 18).
(12) Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta’ Mejju 2021 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar reġistru ta’ trasparenza obbligatorju (ĠU L 207, 11.6.2021, p. 1).
(13) Kif stipulat fir-rapport tas-27 ta’ Ottubru 2022 bit-titolu “Rapport Annwali dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2021”.
(14) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(15) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.05.2001, p. 43).
(16) Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Jannar 2023, De Capitani vs Il-Kunsill, T-163/21, ECLI:EU:T:2023:15.
(17) Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Marzu 2018, Emilio de Capitani vs Il-Parlament Ewropew, T-540/15, ECLI:EU:T:2018:167.


Il-ħtieġa ta’ azzjoni tal-UE dwar it-tiftix u s-salvataġġ fil-Mediterran
PDF 147kWORD 52k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Lulju 2023 dwar il-ħtieġa ta’ azzjoni tal-UE dwar it-tiftix u s-salvataġġ fil-Mediterran (2023/2787(RSP))
P9_TA(2023)0293B9-0342/2023

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1951 u l-protokoll addizzjonali tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar tal-1974 (SOLAS) u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar it-Tiftix u s-Salvataġġ fil-Baħar tal-1979 (il-Konvenzjoni dwar it-Tiftix u s-Salvataġġ) kif emendati, u r-riżoluzzjonijiet relatati tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI), b’mod partikolari r-Riżoluzzjoni MSC.167(78) tal-20 ta’ Mejju 2004 bit-titolu “Guidelines on the Treatment of Persons Rescued At Sea” (Linji gwida dwar it-trattament ta’ persuni salvati mill-baħar),

–  wara li kkunsidra l-Kapitolu 5 tal-Konvenzjoni dwar it-Tiftix u s-Salvataġġ rigward il-proċeduri operattivi,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 1, l-Artikolu 2(1), l-Artikolu 3, l-Artikolu 6, l-Artikolu 18, l-Artikolu 19 u l-Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 67(1), l-Artikolu 77(1) u l-Artikolu 77(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 656/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi regoli dwar is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operazzjonali kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra l-Patt Globali tan-NU tad-19 ta’ Diċembru 2018 għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari u dwar ir-Rifuġjati,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624(2),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Settembru 2020 dwar Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil (COM(2020)0609),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Ottubru 2020 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE dwar id-definizzjoni u l-prevenzjoni tal-faċilitazzjoni ta’ dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Mejju 2021 dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-politika barranija tal-UE dwar il-migrazzjoni(4),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa ta’ Ġunju 2019 bit-titolu “Lives saved. Rights protected. Bridging the protection gap for refugees and migrants in the Mediterranean” (Ħajjiet salvati. Drittijiet protetti. L-eliminazzjoni tad-distakk fil-protezzjoni għar-rifuġjati u l-migranti fil-Mediterran), għar-rapport ta’ segwitu tiegħu tal-2021 bit-titolu “A distress call for human rights – The widening gap in migrant protection in the Mediterranean” (Sejħa ta’ emerġenza għad-drittijiet tal-bniedem – Id-distakk dejjem jikber fil-protezzjoni tal-migranti fil-Mediterran” u għall-Kumment tiegħu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ta’ Settembru 2022 intitolat “For the rights of the living, for the dignity of the dead – Time to end the plight of missing migrants in Europe” (Għad-drittijiet tal-ħajjin, għad-dinjità tal-mejtin – Wasal iż-żmien li tintemm is-sitwazzjoni tal-migranti neqsin fl-Ewropa),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Marzu 2022 dwar l-ispazju jiċkien tas-soċjetà ċivili fl-Ewropa(5),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-11 ta’ Ottubru 2022 bit-titolu “Nowhere but back: Assisted return, reintegration and the human rights protection of migrants in Libya” (Imkien ħlief lura: Ir-ritorn assistit, ir-riintegrazzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti fil-Libja),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE tal-21 ta’ Novembru 2022 dwar il-Mediterran Ċentrali,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE tas-6 ta’ Ġunju 2023 għar-rotot tal-Mediterran tal-Punent u tal-Atlantiku,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-20 ta’ Marzu 2023 mill-Missjoni Indipendenti ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni tan-NU fil-Libja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tas-6 ta’ Lulju 2023 bit-titolu “Six steps to prevent future tragedies at sea” (Sitt passi biex jiġu pprevenuti diżgrazzji futuri fil-baħar),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi skont iċ-ċifri tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), mill-2014 ’l hawn 27 633 persuna ġew irreġistrati bħala nieqsa (maħsuba mejta) fil-Mediterran; billi n-numru ta’ mwiet kien l-ogħla fil-Mediterran Ċentrali, fejn l-IOM irrapportat aktar minn 17 000 mewta u persuni li għebu; billi fl-2022, 2 406 persuna ġew irreġistrati bħala mejtin jew nieqsa u għall-2023 iċ-ċifra diġà laħqet l-1 875 persuna mejta jew nieqsa; ifakkar li din ir-rotta hija biss waħda minn ħafna rotot fatali użati minn persuni li jkunu qegħdin ifittxu li jaslu l-Ewropa;

B.  billi ħafna persuni vulnerabbli bħalma huma n-nisa u l-minorenni mhux akkumpanjati jinsabu fost dawk li qed jippruvaw jaslu l-Ewropa billi jaqsmu l-Mediterran; billi ħafna minnhom huma f’riskju li jisfaw vittmi tat-traffikar u l-isfruttament u għalhekk jeħtieġu protezzjoni immedjata;

C.  billi s-salvataġġ tal-ħajjiet huwa qabelxejn att ta’ solidarjetà ma’ dawk fir-riskju, iżda wkoll obbligu legali kemm skont id-dritt tal-Unjoni kif ukoll skont id-dritt internazzjonali, peress li l-Artikolu 98 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) – li ġiet irratifikata mill-Istati Membri kollha u mill-Unjoni nnifisha – jirrikjedi li l-Istati jagħtu assistenza lil kwalunkwe persuna f’diffikultà fuq il-baħar;

D.  billi l-Artikolu 19(2)(g) tal-UNCLOS, moqri flimkien mal-Artikolu 17 tagħha, jipprevedi li vapur barrani għandu d-dritt ta’ passaġġ innoċenti f’baħar territorjali ta’ Stat li huwa parti għall-Konvenzjoni u li l-passaġġ ta’ vapur barrani jrid jitqies li huwa ta’ preġudizzju għall-paċi, il-bon ordni jew is-sigurtà tal-Istat kostali jekk fil-baħar territorjali huwa jkun involut fit-tagħbija jew il-ħatt ta’ kwalunkwe komodità, munita jew persuna li jmorru kontra l-liġijiet u r-regolamenti doganali, fiskali, sanitarji jew tal-immigrazzjoni tal-Istat kostali;

E.  billi d-dritt internazzjonali tal-baħar u d-dritt marittimu jirrikjedu li l-Istati jieħdu miżuri preventivi, ta’ twissija bikrija u ta’ reazzjoni biex jitnaqqas ir-riskju ta’ fatalitajiet fuq il-baħar, inkluż billi joperaw servizzi adegwati u effikaċi tat-tfittxija u s-salvataġġ; billi l-liġi Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem tirrikjedi li l-Istati jwettqu dmirijiet pożittivi fir-rigward tas-salvagwardja tal-ħajjiet ta’ dawk fill-ġuriżdizzjoni tagħhom u jieħdu miżuri preventivi biex jevitaw riskji reali u immedjati għall-ħajja tal-bniedem;

F.  billi fil-każ li ċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ Marittimu (MRCC) responsabbli miż-żona tat-tiftix u s-salvataġġ ma jassumix ir-responsabbiltà għal operazzjoni, inklużi każijiet meta n-nuqqas li jsir dan ikun wieħed sistemiku, il-Linji Gwida 2004 tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) u tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima (MSC) dwar it-trattament tal-persuni salvati fuq il-baħar iqisu li l-ewwel Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ allertat huwa dak responsabbli;

G.  billi d-dritt internazzjonali marittimu u dak dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll id-dritt tal-Unjoni, jeħtieġu l-iżbark tal-persuni salvati f’post sikur; billi d-dritt tal-Unjoni jiddefinixxi “post ta’ sikurezza” bħala post fejn l-operazzjonijiet tas-salvataġġ jitqiesu li jitterminaw u fejn is-sikurezza tal-ħajja tas-superstiti ma tkunx mhedda, fejn jistgħu jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi umani tagħhom u minn fejn jistgħu jsiru l-arranġamenti għat-trasportazzjoni lejn id-destinazzjoni li jmiss jew id-destinazzjoni finali tas-superstiti, b’kont meħud tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom f’konformità mal-prinċipju ta’ non-refoulement;

H.  billi l-bastimenti kollha li joperaw fil-Mediterran, inkluż meta jkunu involuti f’operazzjonijiet tas-salvataġġ, għandhom l-obbligu li jirrispettaw il-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti u regoli applikabbli oħra;

I.  billi, f’konformità mal-Gwida tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE dwar id-definizzjoni u l-prevenzjoni tal-faċilitazzjoni ta’ dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati, “kull min hu involut f’attivitajiet ta’ tfittxija u salvataġġ irid josserva l-istruzzjonijiet li jirċievi mill-awtorità koordinatriċi meta jintervjeni f’avvenimenti ta’ tfittxija u salvataġġ, skont il-prinċipji ġenerali u r-regoli applikabbli tal-liġi internazzjonali marittima u tad-drittijiet tal-bniedem”; billi din tfakkar ukoll li l-“kriminalizzazzjoni ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi jew ta’ atturi mhux statali oħra li jwettqu operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ filwaqt li tikkonforma mal-qafas legali rilevanti tammonta għal ksur tad-dritt internazzjonali, u għalhekk mhijiex permessa mil-liġi tal-UE.”;

J.  billi minn tmiem l-operazzjoni Mare Nostrum fil-31 ta’ Ottubru 2014 ’l hawn, ma saret l-ebda attività proattiva ta’ tiftix u salvataġġ operata minn xi stat fil-Mediterran Ċentrali;

K.  billi, fl-20 ta’ Marzu 2023, il-Kunsill iddeċieda li jestendi l-mandat tal-operazzjoni tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni EUNAVFOR MED IRINI sal-31 ta’ Marzu 2025, li hija inkarigata, fost l-oħrajn, li tappoġġja l-bini tal-kapaċitajiet u li tħarreġ il-gwardja tal-kosta u l-flotta navali tal-Libja;

L.  billi l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) bħalissa qiegħda topera fil-Mediterran permezz ta’ Themis (li tappoġġja lill-Italja fil-Mediterran Ċentrali), Poseidon (li tappoġġja lill-Greċja fil-fruntieri tal-baħar Griegi mat-Turkija) u Indalo (li tappoġġja lil Spanja fil-Mediterran tal-Punent);

M.  billi l-gwardja tal-kosta Libjana qed tkompli tinterċetta jew issalva għadd kbir ta’ persuni fil-baħar; billi f’għadd ta’ okkażjonijiet iċ-Ċentru Konġunt ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ fil-Libja naqas milli jissodisfa għalkollox l-obbligi tiegħu skont id-dritt marittimu internazzjonali li jikkoordina operazzjonijiet ta’ salvataġġ, ta’ spiss ma jirreaġixxix għal sejħiet għall-għajnuna, xekkel il-bastimenti tal-NGOs milli jsalvaw il-ħajjiet u poġġa fil-periklu l-ħajjiet meta kien imur isalva jew jinterċetta persuni fuq il-baħar; billi l-assi tal-Frontex kienu qed jittrażmettu informazzjoni liċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ Marittimu Libjan dwar persuni li jinsabu f’diffikultà fuq il-baħar;

N.  billi l-persuni interċettati mill-gwardja tal-kosta Libjana jiġu trasferiti lejn ċentri ta’ detenzjoni fejn jiġu sistematikament esposti għad-detenzjoni arbitrarja f’kundizzjonijiet inumani, u fejn it-tortura u trattament ħażin ieħor, inkluż l-istupru, kif ukoll il-qtil u l-isfruttament arbitrarji huma endemiċi; billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati huwa tal-fehma li l-Libja ma tissodisfax il-kriterji biex tiġi nnominata bħala post sikur għall-iskop ta’ żbark wara salvataġġ fil-baħar;

O.  billi l-kuntrabandu u t-traffikar tal-migranti huma fenomeni distinti minn xulxin u indirizzati minn oqfsa legali distinti fil-livell tal-Unjoni u fil-livell internazzjonali; billi t-traffikar tal-bnedmin jinvolvi r-reklutaġġ, it-trasport jew il-ħabi ta’ persuna permezz tal-użu ta’ mezzi vjolenti, qarrieqa jew abbużivi għall-iskop ta’ sfruttament, filwaqt li d-dħul klandestin tal-migranti, skont il-Protokoll kontra l-Faċilitazzjoni tad-Dħul Klandestin ta’ Migranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru (il-Protokoll tan-NU kontra l-Faċilitazzjoni tad-Dħul Klandestin) ifisser l-akkwist, sabiex jinkiseb, direttament jew indirettament, benefiċċju finanzjarju jew materjali ieħor, tad-dħul illegali ta’ persuna fi Stat Parti li tiegħu l-persuna ma tkunx ċittadin jew resident permanenti;

P.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta’ approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni, il-Parlament kien tal-fehma li rispons tal-Unjoni permanenti, robust u effikaċi fl-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ fuq il-baħar huwa kruċjali biex tiġi prevenuta eskalazzjoni fl-għadd ta’ mwiet ta’ migranti li jkunu qed jippruvaw jaqsmu l-Baħar Mediterran; billi għandhom jinħolqu mogħdijiet legali u sikuri sabiex jitnaqqsu l-migrazzjoni irregolari u l-għadd ta’ mwiet fil-Mediterran;

Q.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2018 dwar il-progress rigward il-Patti Globali tan-NU għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari u dwar ir-Rifuġjati, il-Parlament appella għal kapaċitajiet akbar ta’ tiftix u salvataġġ għall-persuni li jkunu jinsabu f’diffikultà, biex l-Istati kollha jibdew jużaw kapaċitajiet akbar, u biex jiġi rikonoxxut l-appoġġ mogħti minn atturi privati u NGOs fit-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ salvataġġ fuq il-baħar u fuq l-art;

R.  billi mekkaniżmu ta’ solidarjetà b’saħħtu u permanenti bejn l-Istati Membri huwa prijorità ewlenija biex jiġi żgurat il-qsim ġust tar-responsabbiltà fil-livell tal-Unjoni wara l-iżbark tal-migranti wara operazzjoni ta’ tiftix u salvataġġ;

1.  Jesprimi d-dispjaċir u n-niket kbir tiegħu għat-telf traġiku rikorrenti tal-ħajjiet fil-Mediterran, b’mod partikolari n-nawfraġju reċenti tal-14 ta’ Ġunju 2023, meta bastiment tas-sajd għereq fil-Baħar Jonju lil hinn mill-kosta ta’ Pylos, Messenia, il-Greċja filwaqt li kien qed iġorr madwar 750 persuna, li 104 minnhom ġew salvati, bi 82 ġisem irkuprat u l-bqija nieqsa, maħsuba mejta; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħmlu ħilithom sabiex jidentifikaw l-iġsma u l-persuni neqsin, u jinformaw lil qrabathom; ifakkar fil-ħtieġa li jiġi żgurat it-trattament uman u deċenti tas-superstiti u jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni volontarja biex jirrilokaw lil dawn il-persuni, filwaqt li jqisu r-rabtiet familjari u jiżguraw li jirċievu kura adegwata;

2.  Itenni li, skont id-dritt internazzjonali tal-baħar, hemm l-obbligu li tingħata l-għajnuna lill-persuni li jinsabu f’diffikultà u jistieden lill-Istati Membri kollha biex, kemm individwalment kif ukoll meta jkunu qed jaġixxu bħala Stati Membri tal-UE jew fil-fora internazzjonali rilevanti, jirrispettaw bis-sħiħ l-istandards tad-dritt internazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni rilevanti; jistieden lill-bastimenti kollha li jwettqu operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ biex jikkonformaw mal-istruzzjonijiet mogħtija b’konformità mad-dritt internazzjonali u dak tal-Unjoni miċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ kompetenti u jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u mal-Frontex sabiex jiżguraw is-sikurezza tal-migranti;

3.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li minkejja l-għadd kbir ta’ persuni salvati f’dawn l-aħħar snin, l-IOM irreġistrat 27 633 persuna nieqsa fil-Mediterran mill-2014 ’l hawn; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-prattiki attwali tal-Istati Membri fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ u tibda taħdem minnufih fuq approċċ ġdid, aktar sostenibbli, affidabbli u permanenti għalihom, li jissostitwixxi s-soluzzjonijiet ad hoc eżistenti, u li tipprovdi appoġġ materjali, finanzjarju u operazzjonali lill-Istati Membri sabiex itejbu l-kapaċità ġenerali għas-salvataġġ tal-ħajjiet fil-baħar u għall-koordinazzjoni tal-operazzjonijiet tat-tiftix u salvataġġ;

4.  jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri u lill-Frontex itejbu l-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ proattivi billi jipprovdu biżżejjed bastimenti u tagħmir speċifikament iddedikati għall-operazzjonijiet u l-persunal tat-tiftix u salvataġġ tul ir-rotot fejn jistgħu jagħtu kontribut effettiv biex jiġu salvati l-ħajjiet; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja tali inizjattivi kemm politikament kif ukoll finanzjarjament; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-bastimenti kollha li huma kapaċi jassistu fl-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ, inklużi l-bastimenti mħaddma mill-NGOs; jemmen li l-bastimenti tal-NGOs u l-vapuri tal-merkanzija ma għandhomx ikunu sostitut għall-issodisfar xieraq mill-Istati Membri u mill-Unjoni tal-obbligi tagħhom ta’ tiftix u salvataġġ; jitlob li titwaqqaf missjoni komprensiva ta’ tiftix u salvataġġ tal-UE implimentata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u mill-Frontex;

5.  Iqis li l-atturi kollha fil-Mediterran għandhom jittrażmettu b’mod proattiv l-informazzjoni u, meta xieraq, jgħaddu l-messaġġi ta’ sejħiet ta’ emerġenza dwar persuni f’diffikultà fil-baħar lill-awtoritajiet responsabbli għall-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ u, meta xieraq, lil kwalunkwe bastiment fil-viċinanza li jista’ jinvolvi ruħu b’mod immedjat fit-tiftix u salvataġġ u jieħu lil dawk il-persuni f’port ta’ żbark sikur; iħeġġeġ lill-Istati Membri jqisu kif xieraq il-Gwida tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE dwar id-definizzjoni u l-prevenzjoni tal-faċilitazzjoni ta’ dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati bil-għan li jippermettu l-ħidma tal-atturi kollha ta’ tiftix u salvataġġ; jistieden ukoll lill-Istati Membri jżommu l-eqreb portijiet sikuri tagħhom miftuħa għall-bastimenti tal-NGOs u ma jikkriminalizzawx lil dawk li jipprovdu assistenza lill-migranti f’diffikultà;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol ta’ koordinazzjoni tagħha fil-Grupp ta’ Kuntatt dwar it-Tiftix u Salvataġġ billi torganizza laqgħat aktar regolari u tlaqqa’ lill-atturi kollha involuti fit-tiftix u s-salvataġġ, inklużi l-NGOs u s-sidien tal-bastimenti, bil-ħsieb li jiġu żviluppati sinerġiji u prattiki komuni akbar sabiex jiġi żgurat rispons rapidu f’każ ta’ inċidenti fil-baħar; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta regolarment dwar l-attivitajiet tal-Grupp ta’ Kuntatt dwar it-Tiftix u s-Salvataġġ lill-Parlament;

7.  Jistieden lill-Frontex ittejjeb b’mod sinifikanti l-informazzjoni disponibbli dwar l-attivitajiet operattivi tagħha b’rabta mat-tiftix u s-salvataġġ u tqiegħed informazzjoni preċiża u komprensiva għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fir-rigward tal-attivitajiet tagħha, filwaqt li tirrikonoxxi l-obbligu legali tagħha li ma tiżvelax informazzjoni operattiva li “tista’ tipperikola l-ilħiq tal-objettiv tal-operazzjonijiet”; jistieden lill-Frontex tissodisfa d-dmirijiet speċifiċi tagħha skont ir-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, inkluż li tinforma regolarment lill-Membri tal-Parlament li għandha tagħtihom kont ta’ għemilha b’informazzjoni dettaljata; jisħaq, b’mod partikolari, fuq il-ħtieġa ta’ informazzjoni ta’ wara l-operazzjonijiet aktar dettaljata;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina jekk l-azzjonijiet meħuda minn xi Stati Membri f’konformità mad-dritt nazzjonali tagħhom biex ma jħallux lid-dgħajjes tas-salvataġġ jidħlu fl-ilmijiet territorjali tagħhom mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni u dak internazzjonali u mal-Artikolu 18 tal-Karta, moqri fid-dawl tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, u tieħu azzjoni xierqa meta, fil-valutazzjoni tagħha, issib li l-azzjonijiet tal-Istati Membri ma jikkonformawx mad-dritt tal-Unjoni;

9.  Itenni li l-Istati Membri tal-UE għandhom jiżguraw investigazzjoni fil-pront u indipendenti tan-nawfraġji kollha, filwaqt li f’dawn l-investigazzjonijiet ifittxu l-għarfien espert ta’ korpi speċjalizzati fid-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja li l-UE għandha ssib modi kif tapplika l-prinċipji tat-trasparenza u tal-obbligu ta’ rendikont stabbiliti fir-regoli tal-UE meta tinvestiga n-nawfraġji;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkondividi informazzjoni u data komprensivi dwar il-livell ta’ appoġġ ipprovdut permezz ta’ finanzjament mill-UE u mill-Istati Membri lill-gwardji tal-fruntiera u tal-kosta f’pajjiżi terzi, inklużi l-Libja, it-Turkija, l-Eġittu, it-Tuneżija u l-Marokk, mhux biss permezz ta’ trasferimenti diretti iżda wkoll permezz ta’ assistenza materjali, teknika u ta’ taħriġ, inkluż bħala parti mill-attivitajiet tal-aġenziji tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw l-allegazzjonijiet ta’ ksur serju tad-drittijiet fundamentali mill-gwardja tal-kosta Libjana u jtemmu l-kooperazzjoni f’każ ta’ ksur serju tad-drittijiet fundamentali li jiffaċċjaw il-persuni interċettati fil-baħar;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Frontex jiżguraw li l-iżbark isir biss f’post sikur f’konformità mad-dritt internazzjonali u tal-Unjoni rilevanti, u jiżguraw li tali port ikun l-eqreb port sikur disponibbli għall-iżbark; ifakkar lill-atturi kollha li jeħtiġilhom iżommu lura milli joħorġu struzzjonijiet lill-kaptani tal-bastimenti li jistgħu, direttament jew indirettament, iwasslu għal dewmien bla bżonn fl-iżbark sikur ta’ persuni salvati jew għall-iżbark ta’ persuni salvati f’post mhux sikur;

12.  Itenni li l-perkorsi sikuri u legali huma l-aħjar mod kif jiġi evitat it-telf tal-ħajjiet u jħeġġeġ lill-Istati Membri jintensifikaw il-miżuri ta’ risistemazzjoni u, meta meħtieġ, jistabbilixxu kurituri umanitarji lejn l-Unjoni Ewropea;

13.  Ifakkar li l-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri għandha tiġi implimentata bħala responsabbiltà kondiviża tal-Frontex u l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ġestjoni tal-fruntieri, inkluż gwardji tal-kosta sal-punt li jwettqu operazzjonijiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri marittimi u kwalunkwe kompitu ieħor ta’ kontroll tal-fruntieri;

14.  Jikkundanna bil-qawwa lit-traffikanti kriminali u lil dawk li jiffaċilitaw id-dħul klandestin, li jisfruttaw individwi vulnerabbli u li jipperikolaw il-ħajjiet fil-baħar, u jitlob li jsiru sforzi akbar biex jiġu eliminati n-networks kriminali tagħhom, biex dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja u biex jiġu mfixkla l-attivitajiet illeċiti tagħhom;

15.  Ifakkar li n-nies f’pajjiżi mhux tal-UE jeħtiġilhom jiġu infurmati fi stadju bikri mill-media u mill-istituzzjonijiet edukattivi li r-rotta madwar il-Mediterran hija fatali u perikoluża; jitlob il-kooperazzjoni ma’ dawk il-pajjiżi mhux tal-UE għal dan il-għan;

16.  Jinnota li l-Parlament fil-passat kien tal-fehma li min-naħa tal-Unjoni, rispons permanenti, robust u effettiv fl-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ fil-baħar huwa kruċjali għall-prevenzjoni ta’ aktar imwiet ta’ migranti li jkunu qed jippruvaw jaqsmu l-Mediterran; huwa tal-fehma li l-implimentazzjoni xierqa tal-obbligi skont id-dritt internazzjonali dwar it-tiftix u s-salvataġġ tirrikjedi approċċ aktar proattiv u kkoordinat għall-operazzjonijiet tat-tiftix u s-salvataġġ mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha; jibqa’ konvint li l-Frontex – f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri – għandu jkollha rwol ewlieni f’rispons tal-Unjoni aktar proattiv għat-tiftix u s-salvataġġ;

17.  Iqis li, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaqblu li jiskambjaw il-protokolli dwar it-tiftix u s-salvataġġ u jiżviluppaw l-aħjar prattiki biex jippermettu lill-Istati Membri jaġġustaw il-protokolli tat-tiftix u s-salvataġġ tagħhom; jemmen, barra minn hekk, li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll li torbot il-finanzjament tal-UE għall-ġestjoni tal-fruntieri marittimi mal-użu ta’ protokolli li jiżguraw li tingħata assistenza f’waqtha lill-persuni f’periklu fil-baħar;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti biex tagħmel il-finanzjament lil pajjiżi terzi kundizzjonali fuq il-kooperazzjoni dwar il-ġestjoni tal-flussi migratorji u l-ġlieda kontra t-traffikanti tal-bnedmin u l-faċilitaturi tad-dħul klandestin tal-migranti;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lill-parlamenti nazzjonali tagħhom, lill-Frontex, lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil, lill-Europol, lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati, lill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni u lill-NGOs li jwettqu attivitajiet ta’ tiftix u salvataġġ fil-baħar.

(1) ĠU L 189, 27.6.2014, p. 93.
(2) ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1.
(3) ĠU C 323, 1.10.2020, p. 1.
(4) ĠU C 15, 12.1.2022, p. 70.
(5) ĠU C 347, 9.9.2022, p. 2.


L-istat tal-Unjoni tal-SMEs
PDF 164kWORD 53k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Lulju 2023 dwar l-istat tal-Unjoni tal-SMEs (2023/2750(RSP))
P9_TA(2023)0294RC-B9-0346/2023

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Marzu 2020 bit-titolu “Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa” (COM(2020)0102),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Marzu 2020 bit-titolu “Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali” (COM(2020)0103),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Mejju 2021 bit-titolu “Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa” (COM(2021)0350),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali(1) (id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar strateġija ġdida għall-SMEs Ewropej(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ġunju 2023 bit-titolu “Rapport Annwali dwar l-SMEs Ewropej 2022/2023 – Rieżami tal-Prestazzjoni tal-SMEs 2022/2023”,

–  wara li kkunsidra d-diskors tal-2022 dwar l-Istat tal-Unjoni mill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen fis-seduta plenarja tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Settembru 2022,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) Ewropej iffaċċjaw sfidi u tbatija sinifikanti minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, bit-tnejn wasslu għal tfixkil fil-ktajjen tal-valur globali u inflazzjoni persistenti;

B.  billi l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jirreferi għas-suq uniku, l-iżvilupp sostenibbli u l-ekonomija soċjali tas-suq;

C.  billi l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija tagħna, peress li jirrappreżentaw 99 % tan-negozji kollha fl-UE, jimpjegaw madwar 100 miljun persuna u jirrappreżentaw aktar minn nofs il-prodott domestiku gross tal-Ewropa;

D.  billi l-mikrointrapriżi jirrappreżentaw sehem konsiderevoli tal-SMEs Ewropej u bosta drabi jkollhom diffikultajiet biex jaċċessaw il-finanzi u jiksbu għarfien sħiħ tal-opportunitajiet disponibbli fil-livell Ewropew u f’dak nazzjonali; billi din il-kategorija ta’ intrapriżi ntlaqtet ħażin ħafna mill-kriżi tal-COVID-19 u, mingħajr preġudizzju għad-definizzjoni attwali tal-SME, din jistħoqqilha tirċievi aktar assistenza u tiġi promossa aħjar;

E.  billi fl-istħarriġ konġunt ta’ Ottubru 2022 mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-Kummissjoni, l-SMEs kienu l-aktar pessimisti dwar il-perspettiva ekonomika ġenerali li qatt ġiet irreġistrata; billi fir-rigward tal-aċċess għall-finanzi tal-intrapriżi, l-SMEs enfasizzaw ukoll ir-rieda dejjem tonqos tal-banek li jsellfu u d-disponibbiltà dejjem tonqos tal-linji ta’ kreditu;

F.  billi r-rapport annwali għall-2022/2023 dwar l-SMEs Ewropej enfasizza l-fatt li r-rati ta’ inflazzjoni kkawżaw żieda fir-rati tal-imgħax, li min-naħa tagħhom naqqsu l-aċċess għall-finanzi pubbliċi u privati; billi l-istess rapport irrakkomanda li l-miżuri mmirati biex itaffu l-impatti negattivi tal-inflazzjoni għandhom jiffukaw fuq aċċess imtejjeb għall-finanzi għall-SMEs; billi r-rapport issottolinja n-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa bħala ostaklu għall-SMEs madwar l-UE;

G.  billi n-nefqa operazzjonali industrijali fl-Ewropa hija għolja meta mqabbla mal-kompetituri globali; billi din in-nefqa hija fil-biċċa l-kbira tagħha xprunata minn prezzijiet għoljin tal-enerġija kif ukoll piż regolatorju kbir;

H.  billi l-kompetittività Ewropea għadha lura meta mqabbla ma’ ekonomiji żviluppati oħra, u qed thedded il-potenzjal tal-Ewropa li tiġġenera ġid u prosperità; billi l-leġiżlazzjoni tal-UE trid tkun ibbilanċjata sew bejn it-trawwim tat-tkabbir, l-intraprenditorija, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-produttività tan-negozju;

I.  billi l-piżijiet regolatorji għandhom jitnaqqsu b’mod sostanzjali, inklużi l-kostijiet tal-konformità kkawżati minn regolamentazzjoni żejda u proċeduri amministrattivi u obbligi ta’ rapportar kumplessi żżejjed;

J.  billi 17 % biss tal-SMEs integraw b’suċċess it-teknoloġija diġitali fin-negozji tagħhom; billi d-diġitalizzazzjoni hija kruċjali għal tkabbir ekonomiku b’saħħtu u għall-ħolqien tal-impjiegi fis-suq uniku;

K.  billi l-użu mill-Kummissjoni tal-prinċipju tal-innovazzjoni fit-tħejjija ta’ proposti leġiżlattivi ġodda jtejjeb b’mod sinifikanti l-kundizzjonijiet tas-suq għall-SMEs innovattivi fl-Ewropa, peress li jrawwem kompetizzjoni b’saħħitha fis-suq uniku u jaċċelera t-tranżizzjonijiet doppji tal-Ewropa;

L.  billi matul id-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2022, il-President tal-Kummissjoni ħabbret li l-Kummissjoni kienet se tipproponi pakkett ta’ għajnuna għall-SMEs; billi ħabbret ukoll li d-Direttiva dwar il-Ħlas Tard ser tiġi riveduta peress li kienx ġust li wieħed minn kull erba’ fallimenti fl-UE huma dovuti għal fatturi li ma jitħallsux fil-ħin;

M.  billi l-Parlament Ewropew, li jirrappreżenta l-interessi taċ-ċittadini tal-UE, jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-SMEs fit-trawwim tat-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-koeżjoni soċjali;

1.  Jappella lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni ġenerali tal-effett kumulattiv tal-leġiżlazzjoni tal-UE fuq l-SMEs fl-UE, bil-għan li meta meħtieġ tipproponi simplifikazzjonijiet, kif ukoll qafas abilitanti biex jiġi żgurat li l-UE tkun l-aħjar post biex jiġu stabbiliti l-SMEs f’termini ta’ kompetittività u tkabbir;

2.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu evitati burokrazija eċċessiva u gold-plating u li l-piż regolatorju għall-SMEs jitnaqqas għall-minimu assolut, filwaqt li jinżammu l-ogħla standards għall-protezzjoni tal-konsumaturi, tal-ħaddiema, tas-saħħa u tal-ambjent;

Pakkett ta’ għajnuna għall-SMEs

3.  Jappella għall-adozzjoni urġenti ta’ Direttiva riveduta dwar il-Ħlas Tard, li tipprovdi lill-SMEs b’qafas legali robust u prevedibbli biex jiġi indirizzat id-dewmien fil-pagamenti kemm fir-relazzjonijiet bejn in-negozji kif ukoll bejn in-negozji u l-gvern, filwaqt li jiġi żgurat approċċ ibbilanċjat li jippreserva l-libertà tal-kuntratti;

4.  Jinnota li l-ħlasijiet tard għadhom theddida kbira għas-sopravivenza tal-SMEs, b’mod partikolari fil-klima attwali ta’ inflazzjoni għolja u żieda fil-kostijiet tal-enerġija; jenfasizza li huwa stmat li wieħed minn kull erba’ fallimenti fl-UE jseħħu minħabba fatturi li ma jitħallsux fil-ħin;

5.  Jappoġġa l-istabbiliment ta’ osservatorju dwar il-pagamenti tard, kif imħabbar fl-istrateġija għall-SMEs, sabiex jiġu mmonitorjati x-xejriet u l-iżviluppi fil-puntwalità tal-pagamenti li jsiru lill-SMEs, filwaqt li fl-istess ħin tiġi rrispettata l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġa l-użu mifrux ta’ għodod diġitali, bħall-fatturazzjoni elettronika u l-proċessi ta’ pagament awtomatizzati sabiex jiżdiedu t-trasparenza, is-sigurtà u l-effiċjenza;

6.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-Qafas Temporanju għall-Kriżi u t-Tranżizzjoni jinkludi bis-sħiħ lill-SMEs fl-implimentazzjoni tiegħu; jappella lill-Kummissjoni tiżgura kompetizzjoni ġusta għall-SMEs u tipprevjeni distorsjonijiet fis-suq uniku kkawżati minn illaxkar temporanju ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta reviżjoni possibbli tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat sabiex tevalwa kif l-interessi tal-SMEs jiġu salvagwardjati;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi valutata d-definizzjoni attwali tal-SMEs sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għall-kapital ta’ riskju u tinħoloq definizzjoni standard għal kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja; jiddispjaċih li ma hemm ebda proposta biex tissaħħaħ it-tieqa għall-SMEs f’InvestEU fir-rieżami tal-qafas finanzjarju pluriennali;

8.  Jilqa’ t-tħabbira tal-President tal-Kummissjoni fl-indirizz tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2022 ta’ proposta, bħala parti mill-pakkett ta’ għajnuna għall-SMEs, għal sett uniku ta’ regoli tat-taxxa biex isir in-negozju fl-Ewropa, L-Intrapriżi fl-Ewropa: Qafas għat-Tassazzjoni tal-Introjtu (BEFIT), jieħu nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta l-proposta BEFIT fit-12 ta’ Settembru 2023 bil-ħsieb li titfassal ġabra ta’ regoli ġdida u unika tal-UE dwar it-taxxa korporattiva; jisħaq li l-inizjattiva BEFIT għandha tirrappreżenta opportunità biex jiġu indirizzati l-kostijiet assoċjati mal-konformità mar-regoli tat-taxxa u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv, filwaqt li tgħin biex jiġi minimizzat l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u jitrawmu kundizzjonijiet ekwi għall-SMEs;

9.  Josserva li l-kumpaniji qed jiffaċċjaw ambjent kummerċjali volatili u għadd dejjem akbar ta’ direttivi tal-UE dwar it-taxxa, b’mod partikolari wara l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali mill-Istati Membri; jesprimi dispjaċir għall-fatt li r-rata tat-taxxa effettiva għall-intrapriżi multinazzjonali hija ġeneralment ħafna aktar baxxa minn dik għall-SMEs; jemmen li d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2022/2523 tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar l-iżgurar ta’ livell minimu globali ta’ tassazzjoni għal gruppi ta’ intrapriżi multinazzjonali u gruppi domestiċi fuq skala kbira fl-Unjoni(3) se tgħin tnaqqas id-diskrepanza attwali;

10.  Jappella lill-Kummissjoni tiżgura li jiġu ssodisfati t-talbet speċifiċi tal-SMEs, billi l-BEFIT jinżamm dejjem fakultattiv għall-SMEs, speċjalment dawk li ma jagħmlux negozju transfruntier;

11.  Jieħu nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni, skont ir-regoli proposti tal-BEFIT, li tippermetti lill-SMEs li għandhom operazzjonijiet transfruntiera fi Stati Membri oħra joperaw taħt l-amministrazzjoni tat-taxxa li jafu l-aħjar;

Aċċess imtejjeb tal-SMEs għall-finanzi

12.  Jinnota li l-isfidi ekonomiċi attwali u ż-żieda fir-rati tal-imgħax wasslu għal kundizzjonijiet aktar stretti għall-SMEs li qed jippruvaw jaċċessaw il-finanzjament; jappella lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha fir-rigward tal-unjoni tas-swieq kapitali u tirrilaxxa l-finanzjament għat-tkabbir tal-Ewropa;

13.  Jilqa’ l-ħidma tal-Kummissjoni fuq il-pakkett tal-att dwar il-kwotazzjoni fil-Borża, li għandu l-għan li jtejjeb l-aċċess għas-swieq tal-ishma, b’mod partikolari għall-SMEs, billi jtaffi l-piż amministrattiv assoċjat mal-kwotazzjoni ta’ intrapriża f’Borża; jilqa’ l-pubblikazzjoni tal-pakkett tal-Att dwar il-kwotazzjoni fil-Borża; jagħraf il-potenzjal tiegħu li jiffaċilita l-aċċess għall-kapital għall-SMEs u jippermetti l-iskalabbiltà tagħhom; jirrikonoxxi l-opportunità li tiġi msaħħa l-Unjoni tas-Swieq Kapitali sabiex jiżdiedu l-investimenti fl-SMEs madwar l-UE u jenfasizza l-ħtieġa li tingħata prijorità lill-finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma għall-SMEs fi ħdan il-proġett tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali;

14.  Itenni l-importanza li l-investimenti jiġu diretti lejn l-SMEs bħala kontribut għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjali;

15.  Jappella biex tiġi aċċelerata l-ħidma fuq l-istrateġija Ewropea dwar il-krediti għall-esportazzjoni għall-SMEs sabiex tiġi pprovduta ġabra ta’ garanziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni li jkunu konsistenti u effettivi madwar l-UE;

16.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġati l-SMEs li jesperjenzaw diffikultajiet finanzjarji billi jiġi offrut appoġġ finanzjarju u mhux finanzjarju adegwat biex jiġi evitat il-falliment; jappella lill-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva dwar ir-Ristrutturar Preventiv(4);

17.  Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni għal strateġija dwar l-investiment bl-imnut li tqiegħed l-interessi tal-konsumaturi fiċ-ċentru tal-investiment bl-imnut; itenni l-importanza li jiġi żgurat li l-SMEs jaraw l-opzjonijiet tagħhom ta’ finanzjament imtejba bħala riżultat ta’ parteċipazzjoni ogħla tal-investituri fil-livell tal-konsumatur fis-swieq kapitali, li għandha tkun riżultat ta’ din l-istrateġija;

18.  Jappella li jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet doppji tad-dekarbonizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, peress li l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija tagħna u għalhekk il-pedament tal-kompetittività Ewropea fit-tul;

19.  Ifakkar fil-ħtieġa ta’ kundizzjonijiet diġitali ekwi li jiżguraw l-interoperabilità u l-aċċess mhux diskriminatorju għad-data, li jippermettu t-tkabbir tal-SMEs f’ekonomija tad-data Ewropea ġusta;

20.  Jappella biex l-adozzjoni tal-intelliġenza artifiċjali (IA) tiġi ffaċilitata billi jiġi promoss il-ħolqien ta’ alleanzi tal-SMEs għall-IA fi ktajjen tal-valur strateġiċi;

21.  Jirrikonoxxi li l-kriżi klimatika tirrikjedi t-tranżizzjoni lejn emissjonijiet żero netti ta’ miljuni ta’ SMEs fl-UE; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jagħmlu l-finanzi sostenibbli aktar adatti għall-SMEs;

22.  Jisħaq fuq l-importanza li l-SMEs jiġu involuti fi programmi u riżorsi ddedikati fi ħdan il-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku, b’mod partikolari fl-iżvilupp ta’ teknoloġija nadifa;

23.  Ifakkar li l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) huwa programm ta’ finanzjament Ewropew ġdid u uniku mfassal biex jipprovdi negozji ġodda tat-teknoloġija profonda b’punt uniku ta’ servizz għall-finanzi biex jippermettilhom jiżviluppaw l-innovazzjoni tagħhom minn idea bikrija għal prodott kummerċjabbli, kif ukoll biex ikabbru l-kumpanija; jilqa’ ż-żieda fl-allokazzjoni tal-baġit tal-EIC, kif ukoll l-ambitu estiż tal-attivitajiet ta’ ekwità tiegħu, skont il-proposta għal pjattaforma tat-teknoloġiji strateġiċi għall-Ewropa; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni talloka parti mit-teknoloġiji strateġiċi proposti għall-pjattaforma tal-Ewropa speċifikament għall-SMEs;

24.  Jappella għal aktar inċentivi biex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-SMEs fis-sejħiet ta’ finanzjament ta’ Orizzont Ewropa, filwaqt li jiġi żgurat li s-sottopilastru dwar l-SMEs fl-EIC jkollu l-flessibbiltà li jimmobilizza l-fondi malajr u li jżid il-baġit tiegħu meta jkun meħtieġ;

25.  Jappella għall-għażla ta’ punt uniku ta’ kuntatt fi ħdan il-Kummissjoni biex jipprovdi gwida u appoġġ ċari lill-SMEs; jappella għall-istabbiliment ta’ portal diġitali uniku li jservi bħala punt uniku ta’ servizz li jikkonsolida l-appoġġ, il-forom u l-informazzjoni finanzjarji u mhux finanzjarji rilevanti kollha għall-impriżi kollha, inklużi l-SMEs; jappella għall-inklużjoni tar-rekwiżiti kollha dwar ir-rapportar skont il-leġiżlazzjoni tal-UE, kif ukoll dawk li jirriżultaw mill-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, fi strument ta’ rapportar uniku li jista’ jitfassal b’rekwiżiti speċifiċi u b’indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni lesti għall-użu għall-kumpaniji fuq bażi flessibbli; jenfasizza li dan l-istrument għandu jipprovdi wkoll rabta mal-opportunitajiet ta’ offerti u ta’ finanzjament tal-UE, biex b’hekk l-impriżi jkunu jistgħu jirnexxu fit-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi paralleli;

26.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prattiki u jiżviluppaw proċeduri komplementari fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari dawk li huma ta’ benefiċċju għan-negozji mikro u żgħar;

27.  Jappoġġja l-introduzzjoni ta’ miżuri li jżidu l-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-akkwist pubbliku, inklużi proċessi ta’ sejħiet għall-offerti simplifikati u li jżidu l-użu ta’ għodod diġitali għall-akkwist transfruntier;

28.  Jappella għat-tneħħija urġenti tal-ostakli għall-operazzjonijiet kummerċjali transfruntiera u għall-investimenti intra-UE sabiex jiġi stabbilit suq uniku sħiħ għall-attivitajiet ekonomiċi kollha;

29.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħtar ir-Rappreżentant għall-SMEs imwiegħed mingħajr dewmien; jemmen li r-Rappreżentant għall-SMEs għandu jkun f’pożizzjoni ċentrali taħt il-President tal-Kummissjoni biex jippermetti sorveljanza fuq kwistjonijiet tal-SMEs fid-direttorati ġenerali kollha; jemmen li wieħed mill-kompiti ewlenin tar-rappreżentant għall-SMEs għandu jkun il-ħolqien kondizzjonijiet ekwivalenti għan-negozju transfruntier u li tiġi indirizzata l-gold-plating;

30.  Jemmen li l-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju jeħtieġlu jiġi estiż u li l-membri tal-persunal tiegħu għandhom ikunu fil-parti l-kbira tagħhom esperti indipendenti;

31.  Jappella lill-Kummissjoni taġġorna t-Tabella ta’ Valutazzjoni għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex tippermetti sistema ta’ monitoraġġ li tkun kapaċi tittraċċa l-SMEs bħala benefiċjarji; jisħaq fuq l-importanza li tinġabar data granulari biex jiġu evalwati l-SMEs f’setturi speċifiċi;

32.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi inkluża l-perspettiva tal-SMEs fil-VAT (taxxa fuq il-valur miżjud) fil-pakkett dwar l-Era Diġitali; jappella għall-iżvilupp ta’ linji gwida mfassla apposta għall-SMEs biex jappoġġjaw l-aċċess modest tagħhom għall-benefiċċji tas-suq uniku;

33.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika sett ta’ għodod iddedikat għall-SMEs li jiddeskrivi l-miżuri u l-istrumenti disponibbli għall-Istati Membri biex jappoġġjaw lill-SMEs matul il-kriżi tal-enerġija; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prattiki, b’mod partikolari fir-rigward tal-politiki fiskali li jtaffu l-impatt tal-inflazzjoni u t-tfixkil fil-ktajjen tal-valur fuq l-SMEs;

Għodod ta’ politika adatti għall-SMEs

34.  Jappoġġja bis-sħiħ l-introduzzjoni tal-Kummissjoni ta’ kontroll tal-kompetittività bħala parti mit-tħejjija tagħha għal leġiżlazzjoni ġdida; jemmen li dan il-kontroll għandu jkun inkorporat sew fil-qafas istituzzjonali tal-Kummissjoni;

35.  Jappella biex il-prinċipju tal-innovazzjoni jiġi implimentat u vvalutat għall-atti legali ġodda u riveduti kollha proposti mill-Kummissjoni bl-għan li jiġu mħeġġa innovazzjonijiet li jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi ambjentali, soċjali u ekonomiċi tal-UE u biex jiġu antiċipati u sfruttati l-avvanzi teknoloġiċi futuri; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-impatt negattiv potenzjali ta’ atti legali proposti ġodda fuq l-iżvilupp ta’ innovazzjonijiet u l-introduzzjoni tagħhom fis-suq;

36.  Jappella li jiġi applikat il-prinċipju ta’ “one in, one out” biex jiġi stabbilizzat il-piż regolatorju tal-UE fil-livell attwali tiegħu, għalkemm huwa għoli; jappella lill-Kummissjoni tqis l-aħjar prattiki fil-livell nazzjonali, inkluż il-valutazzjoni ta’ tnaqqis fil-piż regolatorju li jaffettwa lill-SMEs b’mill-inqas 30 % sabiex jitnaqqsu l-pressjonijiet tal-kostijiet u tiġi promossa l-kompetittività; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissemplifikaw il-proċeduri u jimplimentaw il-prinċipji ta’ “darba biss” u “diġitali b’mod awtomatiku”, li b’hekk jiffaċilitaw il-proċessi amministrattivi għall-SMEs;

37.  Jappella għall-applikazzjoni konsistenti tal-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” f’deliberazzjonijiet interni u għat-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ input tal-SMEs, bi spjegazzjoni tar-raġuni għan-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-input tagħhom jekk ikun debitament ġustifikat; jirrikonoxxi l-importanza tal-konsultazzjonijiet mal-bord tal-SMEs u jiddispjaċih għall-fatt li l-użu tagħhom huwa ristrett minħabba nuqqas ta’ riżorsi;

38.  Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu biex itejbu l-aċċess għal ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati; Jenfasizza l-importanza tat-taħriġ tal-ħiliet, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-impjegati tal-SMEs, b’mod partikolari matul is-Sena tal-Ħiliet 2023; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta l-politiki li jippermettu lill-SMEs iżommu forza tax-xogħol b’ħiliet; jissottolinja li inizjattivi bħall-Patt għall-Ħiliet, il-crash courses diġitali, in-network ta’ konsulenti dwar is-sostenibbiltà u ċ-ċentri tal-innovazzjoni diġitali, għandhom jagħtu prijorità lill-assistenza teknika lill-SMEs u lit-taħriġ tal-impjegati tagħhom; jappella biex il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa jindirizzaw b’mod adegwat il-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs; huwa tal-fehma li l-litteriżmu diġitali, il-litteriżmu fl-akkwist pubbliku u l-edukazzjoni finanzjarja u l-ħiliet ta’ ġestjoni tal-katina tal-provvista huma essenzjali biex tiżdied il-kompetittività tal-SMEs;

39.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva għal pass Ewropew tas-sigurtà soċjali biex tiġi ffaċilitata l-mobilità tal-forza tax-xogħol u jittejjeb l-infurzar diġitali tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali, bil-ħsieb li l-awtoritajiet nazzjonali u s-sħab soċjali jiġu pprovduti bi strument f’ħin reali biex jinfurzaw b’mod effettiv id-dritt nazzjonali u tal-UE, inkluża l-verifika tad-dokumenti portabbli A1;

40.  Ifakkar fl-importanza tal-promozzjoni tad-djalogu soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-SMEs, skont il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

41.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li d-differenza bejn il-ġeneri għadha tippersisti fl-intraprenditorija u l-aċċess għall-finanzjament għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju mmexxija min-nisa; jappella lill-Kummissjoni tivvaluta l-ostakli li għadhom jipprevjenu lin-nisa milli jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal intraprenditorjali tagħhom u ssaħħaħ l-iskambju tal-aħjar prattiki fir-rigward tat-tisħiħ tal-ħiliet tan-nisa u l-fiduċja fihom infushom f’dan il-qasam;

42.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u jiġi ssimplifikat ir-reklutaġġ ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi bi kwalifiki għall-SMEs, inkluż billi tiġi esplorata l-possibbiltà li l-industrija jew l-assoċjazzjonijiet tan-negozju jkunu jistgħu jaġixxu bħala impjegaturi ċċertifikati f’isem il-membri tal-SMEs tagħhom;

43.  Jappella għall-implimentazzjoni ta’ politiki favorevoli biex jappoġġaw it-trażmissjoni ta’ SMEs mmexxija mill-familji u jrawmu l-ispirtu intraprenditorjali tal-ġenerazzjoni li jmiss; jappella b’urġenza li ssir valutazzjoni bir-reqqa tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ristrutturar Preventiv; jinkoraġġixxi l-inklużjoni ta’ miżuri ta’ promozzjoni tat-trasferiment ta’ negozji fil-pakkett ta’ għajnuna għall-SMEs, bħall-faċilitazzjoni ta’ barometru Ewropew għat-trasferiment ta’ negozji;

44.  Jilqa’, bħala l-ewwel pass, l-ispinta mħabbra tal-Kummissjoni biex jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti ta’ rapportar għall-kumpaniji u l-amministrazzjonijiet billi l-obbligi ta’ rapportar jitnaqqsu b’25 %; ifakkar, madankollu, li l-obbligi ta’ rapportar jirrappreżentaw biss porzjon żgħir tal-piż regolatorju u li għalhekk huma meħtieġa miżuri aktar drastiċi; jemmen li t-tnaqqis ippjanat fl-obbligi ta’ rapportar għandu japplika għal-leġiżlazzjoni kemm attwali kif ukoll futura;

45.  Jemmen li l-UE għandha tippromwovi għodod diġitali sempliċi u faċli biex jintużaw biex l-SMEs ikunu jistgħu jinnavigaw l-ambjent regolatorju tal-UE;

46.  Jappella lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi t-tixrid tal-aħjar prattiki u l-aċċess għal data preċiża biex jiġu appoġġjati t-trasferimenti u l-kontinwità sikuri, b’mod partikolari għan-negozji tal-familja, fejn il-kontinwità bejn il-ġenerazzjonijiet hija tal-akbar importanza;

47.  Jemmen li l-UE jeħtieġ li ssaħħaħ il-prinċipju tagħha li wieħed ikollu viżibbiltà “kbira fuq affarijiet kbar, u żgħira fuq affarijiet żgħar” biex tiżgura aħjar il-proporzjonalità u s-sussidjarjetà u toħloq ambjent tan-negozju li jwassal għal tkabbir għall-SMEs tagħna;

48.  Jappella għal valutazzjonijiet tal-impatt komprensivi mtejba b’enfasi speċjali fuq l-SMEs, inkluż test vinkolanti tal-SMEs fil-fażi tal-valutazzjoni tal-impatt biex jiġi vvalutat bis-sħiħ l-impatt ekonomiku, inklużi l-kostijiet ta’ konformità, tal-proposti leġiżlattivi dwar l-SMEs; jappella biex it-test jiġi aġġornat matul il-proċess leġiżlattiv kollu; jirrakkomanda rieżami komprensiv tat-test tal-SMEs, bl-introduzzjoni tal-użu ta’ għodod xierqa biex jiġi ffaċilitat l-input tal-SMEs, ir-reviżjoni regolari tal-valutazzjonijiet tal-impatt u d-differenzjazzjoni bejn il-kategoriji tad-daqs differenti tal-SMEs; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza ta’ valutazzjonijiet tal-impatt solidi li jqisu l-kompetittività tan-negozji Ewropej;

49.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġu introdotti rekwiżiti simplifikati u perjodi ta’ riżerva għall-SMEs fil-proposti leġiżlattivi sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità; jappella lill-Kummissjoni tinvolvi lill-SMEs fil-proċess tal-abbozzar ta’ leġiżlazzjoni sekondarja;

o
o   o

50.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 48, 23.2.2011, p. 1.
(2) ĠU C 445, 29.10.2021, p. 2.
(3) ĠU L 328, 22.12.2022, p. 1.
(4) Id-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (id-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza) (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 18).


L-aċċess pubbliku għad-dokumenti – rapport annwali għas-snin 2019-2021
PDF 220kWORD 71k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Lulju 2023 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti – rapport annwali għas-snin 2019-2021 (2022/2015(INI))
P9_TA(2023)0295A9-0179/2023

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b’mod partikolari l-Artikoli 1, 9, 10, 11 u 16 tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-"Karta"), b’mod partikolari l-Artikoli 41 u 42 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni(1),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-30 ta’ April 2008 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (COM(2008)0229),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Marzu 2011 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (COM(2011)0137),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Settembru 2017 dwar it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2019 dwar l-inkjesta strateġika OI/2/2017 tal-Ombudsman dwar it-trasparenza tad-diskussjonijiet leġiżlattivi fil-korpi preparatorji tal-Kunsill tal-UE(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni(5) (id-Direttiva dwar l-Informaturi),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Frar 2021 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti (Artikolu 122(7) – Rapport annwali għas-snin 2016-2018)(6),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ombudsman tal-Ewropew tas-17 ta’ Jannar 2022 fil-Kawża OI/4/2021/MHZ dwar kif l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) tikkonforma mal-obbligi tagħha tad-drittijiet fundamentali u tiżgura l-obbligu ta’ rendikont b’rabta mar-responsabbiltajiet imsaħħa tagħha,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta’ Ħidma ta’ Skrutinju tal-Frontex tal-14 ta’ Lulju 2021 tal-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern dwar l-investigazzjoni ta’ ġbir ta’ informazzjoni dwar il-Frontex rigward l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Settembru 2021 dwar it-tisħiħ tat-trasparenza u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE billi jiġi stabbilit korp tal-etika indipendenti tal-UE(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Ottubru 2021 dwar it-trasparenza tal-UE fl-iżvilupp, ix-xiri u d-distribuzzjoni tal-vaċċini kontra l‑COVID‑19(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2022 dwar ir-rapport annwali rigward l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2020(9),

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar l-eżitu finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, ippubblikat f’Mejju 2022,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-18 ta’ Ottubru 2022 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għas-sena finanzjarja 2020(10),

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Frontex tat-12 ta’ Mejju 2021 bit-titolu “2020 Consolidated Annual Activity Report” (Rapport ta’ Attività Annwali Konsolidat tal-2020),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar is-suspetti ta’ korruzzjoni mill-Qatar u l-ħtieġa usa’ ta’ trasparenza u responsabbiltà fl-istituzzjonijiet Ewropej(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2023 dwar is-segwitu mogħti lill-miżuri mitluba mill-Parlament biex tissaħħaħ l-integrità tal-istituzzjonijiet Ewropej(12),

–  wara li kkunsidra r-rapporti annwali tal-Ombudsman Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(7) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-QĠUE tal-25 ta’ Jannar 2023 fil-Kawża T-163/21, De Capitani vs il-Kunsill(13) (minn hawn ’il quddiem imsejħa s- “sentenza De Capitani vs il-Kunsill”),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-QĠUE tas-27 ta’ Novembru 2019 T-31/18, Luisa Izuzquiza u Arne Semsrott vs L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta(14) (minn hawn ’il quddiem imsejħa “s-sentenza fil-Kawża T-131/18”)

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni, tal-Kunsill u tal-Parlament tal-2019, l-2020 u l-2021 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali(15),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, (A9-0179/2023),

A.  billi t-TUE jipprevedi li “[k]ull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni” u li d-deċiżjonijiet iridu jittieħdu b’mod kemm jista’ jkun miftuħ u qrib taċ-ċittadini(16); billi t-TFUE jipprevedi li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni jwettqu xogħolhom b’mod kemm jista’ jkun miftuħ u li ċ-ċittadini u r-residenti jrid ikollhom id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti(17); billi d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti huwa dritt fundamentali, protett mill-Karta u mit-Trattati, li ċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw b’mod proattiv, u dan jippermettilhom jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt tagħhom li jiskrutinizzaw il-ħidma u l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-UE, b’mod partikolari l-proċess leġiżlattiv; billi l-QĠUE ripetutament saħqet fuq ir-rabta bejn l-aċċess għad-dokumenti u d-demokrazija;

B.  billi r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jirrikonoxxi l-importanza partikolari tal-għoti ta’ aċċess saħansitra usa’ għad-dokumenti meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jaġixxu fil-kapaċità leġiżlattiva tagħhom; jissottolinja l-ħtieġa partikolari li jiġi żgurat aċċess dirett għad-dokumenti leġiżlattivi;

C.  billi l-QĠUE ssottolinjat li l-iskrutinju pubbliku tal-informazzjoni li dwarha tittieħed azzjoni leġiżlattiva huwa prekundizzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet demokratiċi(18); billi l-QĠUE kkonkludiet li l-ftuħ dwar tali informazzjoni jikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-demokrazija billi jippermetti liċ-ċittadini jiskrutinizzaw l-informazzjoni kollha li tkun iffurmat il-bażi għal att leġiżlattiv; billi l-QĠUE sostniet li l-kapaċità taċ-ċittadini li jkollhom aċċess għall-kunsiderazzjonijiet li jirfdu azzjoni leġiżlattiva hija prekundizzjoni għall-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet demokratiċi tagħhom;

D.  billi l-ftuħ u l-governanza tajba fil-funzjonament tal-UE u fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħha huma indispensabbli biex tinbena l-fiduċja fl-Unjoni u se jiżguraw leġittimità, effiċjenza u obbligu ta’ rendikont akbar tal-amministrazzjoni lejn iċ-ċittadini; billi l-funzjonament tal-UE huwa bbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva; billi l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-UE jeħtiġilhom jagħmlu ħilithom biex ikollhom fil-mira l-ogħla standards possibbli fit-trasparenza, l-obbligu ta’ rendikont u l-integrità; billi huwa meħtieġ li jiġu żgurati metodi ta’ skrutinju li jgħaqqdu flimkien l-attivitajiet ta’ sorveljanza demokratika, ta’ kontroll u ta’ monitoraġġ; billi l-ftuħ u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili fil-ħajja demokratika tal-Unjoni huma indispensabbli għall-promozzjoni tal-governanza tajba fl-istituzzjonijiet tal-UE;

E.  billi l-aċċess għal informazzjoni preċiża huwa essenzjali biex tiġi pprevenuta l-miżinformazzjoni u tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni diġitali;

F.  billi fir-rapport dwar l-eżiti finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, il-plenarja tal-konferenza appellat għal aċċessibbiltà mtejba għaċ-ċittadini għal azzjonijiet tal-UE permezz ta’ informazzjoni, edukazzjoni, parteċipazzjoni taċ-ċittadini u trasparenza aħjar; billi hija talbet ukoll li jittejjeb il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE sabiex tiġi żgurata l-kapaċità tal-UE li taġixxi, filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-Istati Membri kollha u jiġi ggarantit proċess trasparenti u li jinftiehem għaċ-ċittadini; billi hemm interess pubbliku ċar fl-iżvelar ta’ dokumenti leġiżlattivi, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt tagħhom li jiskrutinizzaw il-proċess leġiżlattiv; billi skont l-Artikolu 16(8) tat-TUE, il-Kunsill jeħtieġlu jiltaqa’ fil-pubbliku meta jkun qed jiddelibera u jivvota dwar abbozz ta’ att leġiżlattiv; billi l-identifikazzjoni tal-biċċa l-kbira tad-dokumenti preparatorji fi proċeduri leġiżlattivi li għaddejjin bħala “LIMITE” tirrappreżenta restrizzjoni sproporzjonata fuq id-dritt taċ-ċittadini li jkollhom aċċess għad-dokumenti leġiżlattivi; billi sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jeżerċitaw bis-sħiħ id-dritt tagħhom ta’ aċċess għad-dokumenti, id-dokumenti leġiżlattivi kollha prodotti u/jew iċċirkolati fil-korpi preparatorji għandhom jitniżżlu f’reġistru pubbliku li jkun faċli għall-pubbliku biex jużah; billi skont il-QĠUE, l-aċċess għad-dokumenti leġiżlattivi jrid ikun wiesa’ kemm jista’ jkun, u l-ġustifikazzjoni għar-rifjut tal-aċċess għandha tkun ġustifikata, inkluż fi ħdan il-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill(19);

G.  billi l-prinċipji ta’ ftuħ u trasparenza għandhom jirregolaw mhux biss il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, iżda wkoll il-mod li bih jiġi abbozzat test; billi t-trasparenza u l-aċċess għad-dokumenti għandhom ikunu garantiti wkoll fir-rigward ta’ kif jiġu implimentati l-politiki tal-UE fil-livelli kollha, u kif jintużaw il-fondi tal-UE;

H.  billi l-aspettattivi taċ-ċittadini fir-rigward tat-trasparenza, l-obbligu ta’ rendikont tal-istituzzjonijiet pubbliċi, kif ukoll is-soluzzjonijiet tekniċi eventwali evolvew f’dawn l-aħħar snin; billi sabiex jiġu riflessi dawn l-iżviluppi u jiżdiedu l-obbligu ta’ rendikont u l-effiċjenza, jista’ jkun meħtieġ li tiġi infurzata l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali u l-ġurisprudenza tal-QĠUE u tal-QEDB, l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet tekniċi u linji gwida ġodda u l-adozzjoni ta’ miżuri għall-monitoraġġ tal-progress;

I.  billi l-punti ta’ tħassib ewlenin imqajma fl-inkjesti li ngħalqu mill-Ombudsman Ewropew fl-2021 kienu t-trasparenza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, l-obbligu ta’ rendikont u r-rifjut tal-aċċess pubbliku għall-informazzjoni u d-dokumenti (29 %), segwiti mill-kultura ta’ servizz (26 %), l-użu xieraq tad-diskrezzjoni, inkluż fi proċeduri ta’ ksur (18 %), ir-rispett għad-drittijiet proċedurali (12 %) u l-ksur tad-drittijiet fundamentali (11 %)(20); billi, skont ir-rapport annwali tal-Ombudsman tal-2021, l-eżistenza tar-“revolving doors” tibqa’ kwistjoni ta’ tħassib;

J.  billi fil-Każ 1499/2021/SF(21), l-Ombudsman sabet li r-rifjut tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jagħtu aċċess pubbliku sħiħ għad-dokumenti relatati man-negozjati leġiżlattivi kien jikkostitwixxi amministrazzjoni ħażina;

K.  billi r-rieżami tal-proċedura “rapida” tal-Ombudsman fl-2021 biex jiġu ttrattati lmenti dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti wera kemm tnaqqis sinifikanti ta’ żewġ terzi fit-tul ta’ żmien għall-ipproċessar għall-ilmenti quddiem l-Ombudsman kif ukoll żieda fl-għadd ta’ lmenti dwar l-aċċess għad-dokumenti(22);

L.  billi fil-Każ 1499/2021/SF(23), l-Ombudsman sabet li r-rifjut tal-Kunsill li jagħti aċċess pubbliku sħiħ għad-dokumenti relatati man-negozjati leġiżlattivi kien jikkostitwixxi amministrazzjoni ħażina; billi l-fatt li l-pubbliku jinżamm infurmat dwar il-progress tal-proċeduri leġiżlattivi huwa rekwiżit legali; billi l-aċċess f’waqtu għad-dokumenti leġiżlattivi huwa kruċjali biex iċ-ċittadini jeżerċitaw id-dritt tagħhom ibbażat fuq it-Trattati li jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tal-UE;

M.  billi r-rispons tal-Unjoni għall-kriżi tal-COVID‑19 wera l-kapaċità tagħha li taġixxi, iżda wera wkoll il-ħtieġa li jkun hemm aktar trasparenza fi ħdan l-Unjoni, inkluża l-ħtieġa tal-adozzjoni ta' politika aħjar dwar l-indirizzar tad-diżinformazzjoni, sabiex tinkiseb informazzjoni aħjar u aktar preċiża għaċ-ċittadini tal-UE; billi l- “grupp ta’ ħidma ad hoc” tal-Kunsill dwar iċ-ċertifikati tal-COVID-19 wettaq il-ħidma tiegħu mingħajr trasparenza suffiċjenti;

N.  billi l-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal-regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 f’Diċembru 2011; billi n-negozjati dwar dak ir-regolament ilhom wieqfa mill-2012; billi l-UE assumiet ħafna responsabbiltajiet ġodda minn meta daħal fis-seħħ ir-regolament; billi żieda fir-responsabbiltà tirrikjedi żieda fit-trasparenza, fl-iskrutinju demokratiku u fl-obbligu ta’ rendikont, sabiex il-kredibbiltà, il-leġittimità u l-fiduċja tal-UE jibqgħu jiġu rrispettati f’għajnejn iċ-ċittadini;

O.  billi fis-sentenza De Capitani vs Il-Kunsill, il-QĠUE għamlitha ċara li l-iskop tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 huwa li jagħti lill-pubbliku l-aktar dritt ta’ aċċess wiesa’ possibbli, b’tali mod li kull eċċezzjoni li tidderoga mill-prinċipju tkun trid tiġi interpretata u applikata b’mod strett; billi kkjarifikat wkoll li l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jipprevedi, fost l-oħrajn, eċċezzjoni rigward l-aċċess għad-dokumenti leġiżlattivi jekk l-iżvelar tagħhom jimmina serjament il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-istituzzjoni inkwistjoni; billi meta jirrifjuta li jagħti aċċess għad-dokumenti billi jinvoka din l-eċċezzjoni, il-Kunsill jeħtieġlu juri li l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni jimmina speċifikament u effettivament il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tiegħu u li r-riskju ta’ tali mminar ikun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku;

P.  billi wara li s-sentenza fil-Kawża T-131/18 ġiet deċiża favur il-Frontex, il-QĠUE ordnat lil żewġ individwi jħallsu EUR 23 700 lill-Frontex għall-irkupru tat-tariffi legali tagħha, ammont li aktar tard il-QĠUE naqqset għal EUR 10 520; billi fid-deċiżjoni tagħha tal-15 ta’ Diċembru 2022 fil-Kawżi Magħquda 1261/2020 u 1361/2020(24), l-Ombudsman sabet amministrazzjoni ħażina fil-prattiki reċenti tal-Frontex rigward l-aċċess għad-dokumenti, speċifikament ir-rifjut tagħha li tikkomunika permezz tal-posta elettronika ma’ individwi li jitolbu aċċess għad-dokumenti; billi dawn il-prattiki ta’ invokazzjoni ta’ ostakli tekniċi għall-aċċess għad-dokumenti u l-isforzi biex jiġu rkuprati spejjeż legali eċċessivi mill-ilmentaturi għandhom effett dissważiv fuq il-membri tas-soċjetà li jfittxu aċċess għad-dokumenti mill-Frontex u jistgħu eventwalment jikkontribwixxu għal aktar oskurità, nuqqas akbar ta’ trasparenza u saħansitra inaċċessibbiltà sħiħa għad-dokumenti dwar l-attivitajiet tal-Frontex; billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Ottubru 2021(25) u fir-Rapport ta’ Ħidma ta’ skrutinju tal-frontex, il-Parlament appella lill-Frontex biex toqgħod lura milli tfittex li tirkupra l-ispejjeż (eċċessivament għoljin) ta’ avukati esterni minn rikorrenti f’kawżi tal-qorti bbażati fuq talbiet għal aċċess għall-informazzjoni;

Żviluppi reċenti

1.   Jisħaq li l-istituzzjonijiet tal-UE huma obbligati jimplimentaw l-Artikolu 15(3) tat-TFUE f’konformità mal-prinċipji demokratiċi, b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikolu 10(3) tat-TUE u fl-Artikolu 42 tal-Karta; ifakkar li l-Artikolu 10(3) tat-FUE jirrikonoxxi li “[k]ull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni”, u b’hekk jenfasizza li d-deċiżjonijiet iridu jittieħdu b’mod kemm jista’ jkun miftuħ u qrib taċ-ċittadini; jisħaq li t-trasparenza u l-aktar aċċess pubbliku wiesa’ possibbli għad-dokumenti huma essenzjali biex jiġu żgurati l-obbligu ta’ rendikont u l-iskrutinju demokratiku tal-istituzzjonijiet tal-UE, u li l-fiduċja taċ-ċittadini fl-UE tiddependi direttament fuq it-trasparenza;

2.  Jieħu nota tal-fatt li l-Kummissjoni tirċievi l-akbar numru ta’ applikazzjonijiet inizjali għall-aċċess pubbliku għad-dokumenti (7 445 fl-2019, 8 001 fl-2020, 8 420 fl-2021), segwita mill-Kunsill (2 567 fl-2019, 2 321 fl-2020, 2 083 fl-2021) u l-Parlament (645 fl-2019, 442 fl-2020, 499 fl-2021); jirrikonoxxi l-fatt li r-rata ta’ rispons tal-istituzzjonijiet hija ġeneralment pjuttost pożittiva (fl-2019, kienet ta’ 78 % għall-Kummissjoni, 74,7 % għall-Kunsill u 93 % għall-Parlament); fl-2020 rati ta’ 81 % għall-Kummissjoni, 84,1 % għall-Kunsill u 93 % għall-Parlament; u fl-2021 rati ta’ 73,7 % għall-Kummissjoni, 83,3 % għall-Kunsill u 95 % għall-Parlament); jenfasizza madankollu li dewmien regolari u rifjuti bla bażi għall-iżvelar tad-dokumenti, anke b’mod parzjali, jimminaw id-dritt taċ-ċittadini għall-iskrutinju fuq l-istituzzjonijiet tal-UE; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi tal-UE jipprovdu statistika dwar id-dewmien fir-rispons għat-talbiet għal aċċess; jisħaq li, għall-Kummissjoni, ir-rieżamijiet tad-deċiżjonijiet inizjali jiddewmu f’85 % tal-każijiet(26);

3.  Jinsab imħasseb dwar l-użu frekwenti tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 biex ma jingħatax aċċess sħiħ għad-dokumenti; itenni li istituzzjoni, korp jew organu li jinvokaw waħda mill-eċċezzjonijiet dwar l-aċċess għad-dokumenti taħt dan l-artikolu jeħtiġilhom iwettqu evalwazzjoni oġġettiva u individwali, juru li r-riskju għall-interess protett huwa fondat tajjeb, prevedibbli u mhux purament ipotetiku, u jiġġustifikaw kif xieraq kif l-aċċess għad-dokument jimmina b’mod speċifiku u effettiv l-interess protett(27); jappella lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi tal-UE biex jintegraw dawn il-valutazzjonijiet fil-prattiki tagħhom biex jipprovdu aċċess għad-dokumenti; jenfasizza li għadu jista’ jkun possibbli li jiġu żvelati xi partijiet ta’ dokument meta partijiet oħra jkollhom bżonn jiġu protetti; filwaqt li jitqies l-interess pubbliku prevalenti tal-iżvelar, inkluża l-ħtieġa li tiġi żgurata governanza tajba, effiċjenza u obbligu ta’ rendikont, kif ukoll l-involviment aktar mill-qrib taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet; jenfasizza l-ġurisprudenza tal-QĠUE(28) li tirrikonoxxi d-dritt tal-pubbliku li jikseb aċċess għad-dokumenti mill-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill li jaġixxu fil-kuntest tal-proċess leġiżlattiv; jinnota, madankollu, li l-aċċess għad irid jintalab b’mod attiv(29); jinnota bi tħassib li l-problemi komuni li n-nies jiffaċċjaw meta jitolbu aċċess għad-dokumenti huma r-rifjut għall-aċċess mill-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi abbażi ta’ argumenti mhux sostanzjali u inkonsistenzi fit-trattament ta’ talbiet għal aċċess għad-dokumenti simili; jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jiżviluppaw l-aħjar prattiki biex jippermettu applikazzjoni u interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u tal-ġurisprudenza rilevanti tal-QĠUE; jappella wkoll lill-aġenziji tal-UE biex jimplimentaw r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 fil-politiki tagħhom dwar l-aċċess għad-dokumenti(30);

4.  Ifakkar li skont l-Ombudsman Ewropew, ir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għad-dokumenti, b’mod partikolari dokumenti leġiżlattivi, għandhom ikunu eċċezzjoni u limitati għal dak li huwa assolutament neċessarju; ifakkar ukoll li kwalunkwe deċiżjoni li ċċaħħad l-aċċess pubbliku għad-dokumenti trid tkun ibbażata fuq eżenzjonijiet legali definiti b’mod ċar u strett, akkumpanjati minn ġustifikazzjoni motivata u speċifika, biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jifhmu r-rifjut għall-aċċess u jagħmlu użu effettiv mir-rimedji legali disponibbli; iqis li approċċ aktar proattiv jgħin biex tiġi żgurata trasparenza effettiva u għall-prevenzjoni ta’ tilwim legali li jiswa ħafna flus u li jkun ta’ piż bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet;

5.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-aċċess għall-pariri pprovduti mis-servizzi legali tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi huwa limitat wisq; jisħaq li l-ħarsien tal-interess tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi li jfittxu parir legali u li jirċievu pariri sinċiera, oġġettivi u komprensivi billi jillimitaw l-aċċess pubbliku jista’ jsir biss jekk ir-riskju li l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jkun qed jiġi mminat ikun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku u jekk il-parir legali jkopri kwistjonijiet ta’ natura partikolarment sensittiva; jieħu nota tas-sentenza tal-QĠUE(31) li ddikjarat li r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jimponi, fil-prinċipju, obbligu li jiġu żvelati l-opinjonijiet tas-servizz legali tal-Kunsill relatati ma’ kwalunkwe proċess leġiżlattiv; jinnota li skont il-QĠUE, l-unika raġuni possibbli għal rifjut minħabba l-protezzjoni ta’ parir legali mogħti fil-kuntest tal-proċess leġiżlattiv hija jekk il-kontenut tal-opinjoni jkun partikolarment sensittiv fin-natura jew ikollu ambitu partikolarment wiesa’ li jmur lil hinn mill-kuntest tal-proċess leġiżlattiv; itenni l-opinjoni tal-QĠUE li, f’każijiet bħal dawn, l-istituzzjoni kkonċernata hija obbligata tagħti dikjarazzjoni dettaljata li fiha tiddeskrivi r-raġunijiet għal tali rifjut;

6.  Jinnota bi tħassib kbir li fl-2021, wara talba għall-aċċess pubbliku għall-messaġġi testwali li ġew skambjati bejn il-President tal-Kummissjoni u l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ kumpanija farmaċewtika dwar ix-xiri ta’ vaċċini kontra l-COVID‑19, il-Kummissjoni rrifjutat li tirrikonoxxi li tali messaġġi testwali jaqgħu fid-definizzjoni ta’ “dokument” skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001; jinnota li, anke jekk il-Kummissjoni jkollha tirreġistra u tfittex tali messaġġi testwali, xorta tista’ tiddeċiedi li ma tagħtix aċċess pubbliku sħiħ għalihom jekk japplikaw l-eċċezzjonijiet elenkati fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 bħall-interessi kummerċjali; ifakkar li r-reġistrazzjoni ta’ dokument hija konsegwenza tal-eżistenza ta’ dokument u mhux prerekwiżit għall-eżistenza tiegħu; jieħu nota tal-fatt li l-Ombudsman sabet amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-Kummissjoni f’dan il-każ(32); jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tagħti segwitu għar-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman wara l-inkjesta tagħha biex terġa’ ssir tfittxija oħra ta’ messaġġi testwali rilevanti; jistieden lill-Kummissjoni twettaq tfittxija sħiħa mingħajr dewmien; jesprimi tħassib serju dwar id-distanza dejjem tikber bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-UE li din is-sitwazzjoni kkawżat;

7.  Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-politika interna tal-Kummissjoni hija, effettivament, li ma tirreġistrax messaġġi testwali, peress li targumenta li l-messaġġi testwali huma “dokumenti ta’ ħajja qasira” min-natura tagħhom u “mhumiex maħsuba li jkun fihom informazzjoni importanti relatata mal-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni”; jirrimarka, madankollu, li fil-prattika l-messaġġi testwali qed jintużaw għal dan l-iskop; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ġġib il-linji gwida interni tagħha dwar ir-reġistrazzjoni tad-dokumenti f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u tirreġistra messaġġi testwali relatati mal-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet tagħha; jinnota b’interess il-fatt li f’bosta Stati Membri saret prattika komuni għall-korpi pubbliċi li jarkivjaw messaġġi testwali relatati mal-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet tagħhom, soġġett għal-liġijiet dwar l-aċċess għad-dokumenti;

8.  Jinnota li l-Kummissjoni kienet qed tħassar dokumenti, inklużi minuti minn laqgħat magħluqa, rapporti u dokumenti interni; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li din il-prattika wasslet għall-għajbien ta’ korrispondenza importanti rilevanti għal deċiżjonijiet ta’ politika; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura reġistrazzjoni u arkivjar sistematiċi ta’ korrispondenza mhux privata relatata ma’ deċiżjonijiet politiċi ewlenin b’mod awtomatiku;

9.  Jiddispjaċih dwar id-diffikultà tal-Parlament biex jikseb aċċess għal informazzjoni sħiħa u dettaljata mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-dritt tal-UE; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ ħarsiet ġenerali ppubblikati b’mod proattiv ta’ informazzjoni aġġornata dwar l-aħħar proċedimenti fil-każijiet ta’ ksur speċifiċi kollha, speċjalment dawk li fihom il-ksur ilu pendenti għal perjodu twil ta’ żmien, kif ukoll in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-EU Pilot, djalogu informali bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE qabel ksur possibbli; jemmen li dan ifixkel l-iskrutinju parlamentari u pubbliku; jistieden lill-istituzzjonijiet jirrispettaw il-prinċipju tal-kooperazzjoni sinċiera u jippubblikaw din l-informazzjoni b’mod proattiv;

10.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tippubblikax b’mod proattiv statistika li tindika l-effikaċja tal-politiki tal-UE, b’mod partikolari dawk relatati mal-ġustizzja u l-affarijiet interni, li, fil-biċċa l-kbira, ifixklu l-iskrutinju pubbliku fuq politiki li għandhom impatt sinifikanti fuq id-drittijiet fundamentali; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika tali statistika b’mod proattiv sabiex tagħti prova li l-politiki huma neċessarji u proporzjonati biex jintlaħqu l-objettivi tagħhom;

11.  Jesprimi dispjaċir għall-fatt li d-dokumenti uffiċjali sikwit jiġu kklassifikati żżejjed mill-istituzzjonijiet tal-UE; itenni l-pożizzjoni tiegħu minn rapporti preċedenti dwar l-aċċess għad-dokumenti dwar il-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli ċari u uniformi għall-klassifikazzjoni u d-deklassifikazzjoni tad-dokumenti u li tiġi stabbilita awtorità indipendenti tal-UE biex tissorvelja l-infurzar ta’ dawn ir-regoli; jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ segwitu serju mill-Kummissjoni u mill-Kunsill;

12.  Jisħaq li l-ftehimiet internazzjonali għandhom forza vinkolanti u għandhom impatt fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE, u jissottolinja l-ħtieġa ta’ trasparenza fin-negozjati tal-Parlament matul il-proċess kollu, inkluż billi jiġi żgurat aċċess għad-dokumenti rilevanti għall-MEPs; ifakkar li skont l-Artikolu 218 tat-TFUE, il-Parlament “għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura”;

13.  Jieħu nota tal-fatt li fl-2021 il-Kunsill ikklasifika 1 327 dokument leġiżlattiv minn total ta’ 3 586 miżjuda mar-reġistru bħala “LIMITE”, u li 839 minnhom sussegwentement saru pubbliċi fuq talba(33); jisħaq li l-użu eċċessiv ta’ “LIMITE” jfixkel u jdewwem serjament l-aċċess taċ-ċittadini għad-dokumenti; jistieden lill-Kunsill jirrevedi l-linji gwida tiegħu għall-klassifikazzjoni ta’ dokumenti bħala “LIMITE” sabiex jiżgura pubblikazzjoni proattiva b’mod awtomatiku u juża “LIMITE” biss f’każijiet eċċezzjonali debitament ġustifikati, u jikkunsidra mill-ġdid regolarment din il-limitazzjoni; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Kunsill jippreżenta informazzjoni disponibbli dwar dokumenti leġiżlattivi f’reġistru li mhuwiex komplet u li mhuwiex faċli għall-użu tal-utent;

14.  Jesprimi tħassib dwar id-diffikultajiet fl-aċċess għad-dokumenti ta’ ċerti aġenziji tal-UE li jżommu liċ-ċittadini u lill-MEPs milli jiskrutinizzawhom b’mod effettiv; iqis li huwa meħtieġ żvelar ta’ laqgħat u interazzjonijiet bejn l-aġenziji tal-UE u partijiet terzi biex tiġi żgurata trasparenza akbar;

15.  Jinnota li l-Frontex stabbiliet reġistru tad-dokumenti fuq sit web apposta, kif ukoll il-fatt li, fl-ewwel sena mit-tnedija tagħha f’Marzu 2022, il-Frontex tellgħet kważi 2 000 dokument fir-reġistru; jiddispjaċih, madankollu, li r-reġistru fih ftit wisq dokumenti relatati mal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet konġunti, li hija l-attività ewlenija tal-aġenzija; jisħaq li l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Frontex huwa meħtieġ biex wieħed jifhem il-ħidma tal-aġenzija, u jiddispjaċih li, fl-2020, anqas minn 5 % tat-talbiet għal aċċess pubbliku għad-dokumenti rċevew aċċess sħiħ, u b’hekk saret prevenzjoni ta’ skrutinju pubbliku effettiv; japprova r-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman, wara l-inkjesta fuq inizjattiva proprja tagħha 4/2021/MHZ, li l-aġenzija għandha tieħu approċċ aktar proattiv għat-trasparenza bil-għan li jiġi żgurat obbligu ta’ rendikont akbar għall-operazzjonijiet tagħha;

16.  Jesprimi tħassib serju dwar id-dewmien twil biex il-Membri tal-PE jingħataw aċċess għar-rapport tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) dwar l-imġiba ħażina ta’ diversi impjegati tal-Frontex, inkluż il-maniġment superjuri, fir-rigward tal-attivitajiet operattivi tiegħu; jinsab imħasseb dwar il-fatt li kemm il-Bord ta’ Tmexxija tal-Frontex kif ukoll l-OLAF ma ddefinewx is-sjieda tar-rapport u l-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet għall-pubblikazzjoni tiegħu wara talbiet mill-MEPs u l-Ombudsman; jisħaq li d-deċiżjoni li r-rapport tal-OLAF ma jsirx disponibbli mal-ewwel għall-MEPs kollha tista’ tikkontradixxi l-ħtieġa ta’ skrutinju demokratiku tal-aġenzija; jitlob li s-sejbiet tar-rapporti futuri tal-OLAF dwar il-Frontex isiru disponibbli pubblikament u jappella biex l-MEPs jingħataw aċċess immedjat għal dawn ir-rapporti addizzjonali meta jiġu ffinalizzati sabiex jiġi żgurat l-iskrutinju tagħhom tal-aġenzija;

17.  Jinsab imħasseb serjament dwar il-fatt li MEPs, ex MEPs u persunal tal-Parlament Ewropew huma allegatament involuti f’korruzzjoni, ħasil tal-flus u parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali bi skambju għal influwenza fuq id-deċiżjonijiet tal-Parlament; ifakkar fl-importanza tat-trasparenza u l-aċċess għad-dokumenti fil-prevenzjoni u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u biex jiġi żgurat l-obbligu tal-obbligu ta’ rendikont tal-persuni li jwettqu dmirijiet pubbliċi; jinnota li livell għoli ta’ trasparenza, inkluż l-aċċess għad-dokumenti, jagħmilha aktar faċli li jiġu segwiti l-attivitajiet relatati mal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u jista’ jgħin biex jiġu esposti attivitajiet kriminali; ifakkar fir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2022 u tas-16 ta’ Frar 2023 u jappella għall-implimentazzjoni rapida u sħiħa tagħhom;

18.  Jilqa’ l-fatt li l-Kumitat Speċjali dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni, u t-tisħiħ tal-integrità, tat-trasparenza u tal-obbligu ta’ rendikont fil-Parlament Ewropew (INGE 2) ingħata l-kompitu li jidentifika nuqqasijiet potenzjali fir-regoli tal-Parlament u jagħmel proposti għal riformi mmirati lejn it-tisħiħ tal-fiduċja pubblika fil-Parlament, filwaqt li jipproteġi d-dritt tal-MEPs li jwettqu l-mandati tagħhom b’mod liberu; jitlob li r-rakkomandazzjonijiet finali tal-INGE 2 jiġu implimentati malajr; itenni t-talba tiegħu għall-introduzzjoni ta’ rekwiżit obbligatorju għall-MEPs kollha, l-assistenti parlamentari akkreditati u l-membri biex jippubblikaw il-laqgħat skedati kollha ma’ persuni li jkunu esterni għall-Parlament meta dawn il-laqgħat ikunu relatati ma’ xi rapport, rapport fuq inizjattiva jew riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew;

19.  Jappella għal aktar trasparenza dwar l-applikazzjonijiet nazzjonali għal finanzjament, dwar il-komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u dwar l-implimentazzjoni tal-finanzjament tal-UE;

20.  Jesprimi dispjaċir kbir għall-fatt li għadha mhux disponibbli ħarsa ġenerali kompleta u pubblika tal-finanzjament mill-UE lil pajjiżi mhux membri tal-Unjoni biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ migrazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura trasparenza, inkluż billi tistabbilixxi ħarsa ġenerali ċara tal-istrumenti kollha fil-qafas tal-baġit tal-UE użati biex jiffinanzjaw il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi mhux tal-Unjoni fil-qasam tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, inkluża l-informazzjoni dwar l-ammont, l-iskop u s-sors tal-finanzjament, kif ukoll informazzjoni dettaljata dwar kwalunkwe miżura potenzjali oħra ta’ appoġġ ipprovduta minn aġenziji tal-UE bħall-Frontex, sabiex jiġi żgurat li l-Parlament u l-pubbliku jkunu jistgħu jeżerċitaw skrutinju tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa u timplimenta metodoloġija preċiża għas-segwitu tan-nefqa ta’ 10 % allokata għall-migrazzjoni u l-ispostament furzat biex tiżgura b’mod effettiv trasparenza u obbligu ta’ rendikont xierqa fir-rigward ta’ din in-nefqa, kif meħtieġ mir-Regolament (UE) 2021/947(34);

21.  Ifaħħar lill-QĠUE talli xandret b’mod dirett fuq is-sit web tagħha l-għoti tas-sentenzi tagħha u l-qari tal-konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jsegwu s-seduti ta’ smigħ bl-istess kundizzjonijiet bħallikieku kienu fiżikament preżenti; jistieden lill-QĠUE xxandar ukoll is-seduti kollha b’mod dirett;

22.  Jisħaq fuq l-importanza li tissaħħaħ it-trasparenza tad-deċiżjonijiet meħuda fil-proċeduri ta’ ksur; jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta’ trasparenza rigward l-ittri ta’ intimazzjoni u l-proċeduri ta’ ksur kontra l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-konformità mal-Artikolu 218 tat-TFUE u tagħmel disponibbli għall-pubbliku dokumenti rilevanti, bħal dokumenti mibgħuta lill-Istati Membri, b’rabta ma’ proċeduri ta’ ksur;

Is-sitwazzjoni leġiżlattiva attwali

23.  Jirrimarka li, b’konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-TUE u tat-TFUE, id-dritt tal-aċċess għad-dokumenti jappartjeni lill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi kollha tal-UE(35); jinnota li minħabba l-obbligi msaħħa tat-trasparenza stabbiliti fit-Trattati, kwalunkwe reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 ma għandhiex tbaxxi l-livell attwali ta’ trasparenza; jenfasizza r-rwol kruċjali tal-ġurisprudenza rilevanti biex ir-regolament jinżamm aġġornat mal-iżviluppi attwali(36); jenfasizza l-ħtieġa li fi ħdan l-UE l-ġurisprudenza rilevanti tiġi kkodifikata, it-trasparenza tissaħħaħ aktar u l-obbligu ta’ rendikont jiġi żgurat;

24.  Ifakkar li mhijiex il-forma tad-dokument jew il-fatt li jkun ġie rreġistrat li jagħmluh dokument ta’ istituzzjoni partikolari, iżda pjuttost jekk il-kontenut tiegħu jikkonċernax xi kwistjoni relatata mal-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ dik l-istituzzjoni;

Rakkomandazzjonijiet

25.  Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li żżid it-trasparenza fi ħdan l-UE abbażi ta’ “trasparenza prestabbilita”; jitlob bil-ħerqa lill-Kummissjoni ma tikkunsidra l-ebda proposta għar-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 li tnaqqas l-istandards tat-trasparenza u l-aċċess għad-dokumenti; jiddeplora l-fatt li n-negozjati ilhom żmien twil wieqfa u jħeġġeġ bil-qawwa lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jissoktaw in-negozjati mal-istituzzjonijiet l-oħra abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni mill-2008 u l-2011; jinnota li kwalunkwe riforma se jkollha bżonn tindirizza kwistjonijiet ewlenin bħall-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi kollha tal-UE, l-ambitu tar-raġunijiet għar-rifjut biex jingħata aċċess għad-dokumenti, id-definizzjoni ta’ “dokument”, il-verifika tal-interess pubbliku, it-trasparenza fil-proċess leġiżlattiv u l-oppożizzjoni għall-eżenzjonijiet ta’ kategorija, kif ukoll biex tiġi integrata l-ġurisprudenza tal-QĠUE u tal-QEDB u biex jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi ġodda; jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jaħdmu b’mod kostruttiv bil-għan aħħari li jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jeżerċitaw bis-sħiħ id-dritt tagħhom ta’ aċċess għad-dokumenti u b’hekk jeżerċitaw ir-rwol ta’ skrutinju tagħhom fir-rigward tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-UE;

26.  Jiddispjaċih li l-Parlament ripetutament irrifjuta li jagħti aċċess pubbliku għad-dokumenti, anke wara li din il-prattika ġiet ikklassifikata bħala amministrazzjoni ħażina mill-Ombudsman, u titolbu jagħti eżempju tajjeb; jappella għal aktar trasparenza, inkluż permezz ta’ aċċess aħjar għad-dokumenti, sabiex ikun jista’ jsir skrutinju pubbliku;

27.  Jenfasizza, fid-dawl tal-iskandli reċenti, ir-riskji tal-laqgħat bil-magħluq; jesprimi dispjaċir kbir għall-fatt li l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-aġenziji u l-korpi tal-UE spiss wisq jinsistu li jsiru laqgħat bil-magħluq mingħajr ġustifikazzjoni xierqa; iqis li t-talbiet għal-laqgħat bil-magħluq għandhom jiġu evalwati kif xieraq; jappella għall-iżvilupp ta’ kriterji u regoli ċari li jirregolaw it-talbiet għal sessjonijiet bil-magħluq fl-istituzzjonijiet tal-UE;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tkun aktar trasparenti fir-rigward tal-kuntratti ma’ partijiet terzi; jistieden lill-Kummissjoni tkun aktar proattiva fil-pubblikazzjoni ta’ ammont kbir ta’ informazzjoni kemm jista’ jkun dwar il-proċessi tal-offerti meta mqabbel mal-prattiki attwali tagħha;

29.  Jilqa’ r-rakkomandazzjonijiet prattiċi tal-Ombudsman dwar kif għandhom jiġu rreġistrati l-messaġġi testwali u l-messaġġi istantanji mibgħuta jew riċevuti mill-membri tal-persunal fil-kapaċità professjonali tagħhom(37); jirrikonoxxi l-fatt li l-messaġġi testwali u l-messaġġi istantanji relatati max-xogħol huma “dokumenti” skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti u jistieden lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi l-oħra tal-UE jirrikonoxxu dan ukoll, isegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman kif xieraq u dan is-segwitu jagħmluh pubbliku; jistieden lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi l-oħra tal-UE japplikaw b’mod strett dan il-kunċett ta’ “dokument”, ħaġa li hija partikolarment importanti f’soċjetà tal-informazzjoni u fil-kuntest ta’ forom ġodda ta’ komunikazzjoni li qed jintużaw biex jiġu diskussi kwistjonijiet relatati mal-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet;

30.  Jilqa’ l-linji gwida tal-2021 tal-Ombudsman għall-amministrazzjoni tal-UE dwar il-politiki u l-prattiki biex jagħtu effett lid-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti bil-ħsieb li jittejbu l-proċeduri interni sabiex il-proċess isir faċli u jkun miftuħ għaċ-ċittadini, inkluż billi l-pubbliku jingħata informazzjoni dwar kif għandu jressaq talba ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti, dwar il-proċedura segwita mill-istituzzjonijiet biex fit-trattament tat-talbiet u dwar il-mezzi ta’ rimedju(38); jappella lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi biex jużaw dawn il-linji gwida bħala bażi għall-proċeduri tagħhom ta’ aċċess għad-dokumenti;

31.  Jinkoraġġixxi lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi jistabbilixxu, fuq is-siti web rispettivi tagħhom, pariri dwar liema informazzjoni għandu jkun fiha talba għal dokumenti skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 sabiex jiġi ssimplifikat l-ipproċessar tat-talbiet;

32.  Jenfasizza li t-trasparenza u l-aċċess sħiħ għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet iridu jkunu r-regola, u li l-eċċezzjonijiet għal dik ir-regola iridu jiġu interpretati b’mod strett, filwaqt li jitqies l-interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar; jappella sabiex l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi kollha tal-UE jippubblikaw b’mod proattiv id-dokumenti fuq is-siti web tagħhom u jagħmluha eħfef biex iċ-ċittadini jfittxu dawn id-dokumenti sabiex ikun jista’ jsir l-iskrutinju pubbliku; jissottolinja li nuqqas ta’ għarfien dwar jekk id-dokumenti fil-fatt jeżistux jista’ jimpedixxi liċ-ċittadini milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jitolbu aċċess; jisħaq li l-fatt li jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jifhmu, isegwu fid-dettall u jipparteċipaw fil-proċess leġiżlattiv huwa rekwiżit legali skont it-Trattati u l-Karta, u huwa rekwiżit bażiku għall-iskrutinju demokratiku u għad-demokrazija inġenerali; jissottolinja li, skont il-QĠUE(39), iċ-ċittadini jeħtiġilhom ikunu wkoll kapaċi jsegwu fid-dettall il-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fi ħdan il-korpi preparatorji involuti fi proċeduri leġiżlattivi u jrid ikollhom aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha; jappella lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi tal-UE sabiex ikollhom politika ta’ “trasparenza mid-disinn” u jippubblikaw id-dokumenti marbuta mal-fajls leġiżlattivi b’mod proattiv, inklużi dokumenti li jiffurmaw parti minn proċeduri leġiżlattivi jew li jkunu relatati magħhom, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli u b’mod li jkun faċli għall-utent u aċċessibbli, kif ukoll jippubblikaw ilmenti b’rispons għar-rifjuti li jingħata aċċess; jemmen li dokumenti tat-trilogu, bħal aġendi, sommarji ta’ eżiti, minuti u approċċi ġenerali fil-Kunsill, huma relatati ma’ proċeduri leġiżlattivi u għandhom jiġu ttrattati bħala dokumenti leġiżlattivi; jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jikkonformaw bis-sħiħ mas-sentenza tal-QĠUE fil-Kawża T‑540/15(40) dwar l-aċċess għad-dokumenti tat-trilogu; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE, b’mod partikolari lill-Kunsill, biex itejbu r-regoli u l-proċeduri tagħhom dwar it-trasparenza leġiżlattiva, inklużi l-aċċessibbiltà u l-klassifikazzjoni tad-dokumenti leġiżlattivi; itenni t-talba tiegħu lill-Frontex biex ittemm minnufih il-prattika tagħha li titlob li l-applikanti jkopru l-ispejjeż tal-avukati esterni f’kawżi tal-qorti relatati ma’ talbiet għall-aċċess għall-informazzjoni(41);

33.  Jilqa’ l-passi l-ġodda ta’ trasparenza meħuda mill-Kunsill fl-2020, f’konformità mal-proposti magħmula mill-Ombudsman fl-inkjesti tagħha dwar it-trasparenza leġiżlattiva fil-Kunsill u t-trasparenza tat-trilogi(42), biex jespandi l-iżvelar proattiv ta’ dokumenti leġiżlattivi, inklużi rapporti ta’ progress dwar negozjati dwar abbozzi ta’ liġijiet u mandati tal-Kunsill għal negozjati mal-Parlament Ewropew, u biex jiżgura l-applikazzjoni limitata tat-tikketta “LIMITE” għal tali dokumenti, inkluża r-restrizzjoni kemm tal-għadd ta’ dokumenti taħt din it-tikketta kif ukoll tad-durata tal-validità ta’ din it-tikketta; jesprimi dispjaċir għall-fatt li għad hemm differenzi bejn il-presidenzi fir-rigward tal-prattiki tagħhom dwar il-pubblikazzjoni proattiva tad-dokumenti; jinsisti li l-pubblikazzjoni sistematika tal-mandat biex jinbdew negozjati tat-trilogu u tal-pożizzjoni finali tal-Kunsill li tapprova l-eżitu tan-negozjati hija minimu assolut, u li sabiex tiġi riflessa t-trasparenza tal-Parlament fin-negozjati leġiżlattivi, il-Kunsill għandu wkoll jirreġistra b’mod sistematiku l-identitajiet tal-Istati Membri meta jesprimu l-pożizzjonijiet tagħhom fil-Kunsill; jappella għall-istabbiliment ta’ linji gwida vinkolanti permanenti għall-presidenzi kollha, abbażi tal-inizjattiva tal-Presidenza Finlandiża;

34.  Jistieden lill-Kunsill jippubblika b’mod proattiv il-kuntatti tiegħu mal-lobbisti; jistieden lill-Kunsill jerġa’ jiftaħ id-djalogu bejn l-Istati Membri u s-Segretarjat Ġenerali dwar miżuri biex jittejbu l-konsistenza, l-istandardizzazzjoni u ċ-ċarezza tal-ġestjoni tad-dokumenti fil-Kunsill kollu; jisħaq dwar il-ħtieġa li l-Kunsill jippubblika d-dokumenti fil-ħin;

35.  Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tabbozza linji gwida interni ġodda dwar it-trasparenza u l-aċċess għad-dokumenti u jistieden lill-istituzzjonijiet l-oħra jsegwu din l-inizjattiva; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiżgura li l-linji gwida jinvolvu politika ta’ “trasparenza mid-disinn” u jirriflettu l-ġurisprudenza rilevanti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman minn dawn l-aħħar snin(43);

36.  Jappella lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet , lill-korpi u lill-organi l-oħra tal-UE jkunu aktar proattivi fil-pubblikazzjoni tad-dokumenti u tal-istatistika rigward kif jittrattaw it-talbiet għall-aċċess għad-dokumenti, peress li tali informazzjoni tgħin fil-valutazzjoni tal-approċċ proattiv tal-istituzzjonijiet għall-aċċess għad-dokumenti;

37.  Itenni l-appell urġenti tiegħu lill-istituzzjonijiet tal-UE biex iħaffu bil-ħidma tagħhom dwar l-istabbiliment ta’ bażi ta’ data konġunta ddedikata u faċli għall-utent dwar l-istat tal-fajls leġiżlattivi (Bażi ta’ Data Leġiżlattiva Konġunta), kif miftiehem fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet(44) tat-13 ta' April 2016, biex tiġi żgurata trasparenza akbar; jisħaq li d-dokumenti li jsiru pubbliċi għandhom jiġu ppubblikati f’format li jippermettilhom li jkunu jistgħu jitfittxu u jinqraw mill-magni;

38.  Jappella lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE jiżguraw li d-dokumenti uffiċjali kollha jiġu pprovduti sistematikament f’format miftuħ, faċli għall-utent u li jinqara mill-magni, li huwa partikolarment essenzjali għad-data diġitali u finanzjarja, u jiżguraw l-istess format għad-dokumenti ppubblikati fil-passat; jappella sabiex l-Artikolu 122(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu jiġi emendat biex jiġi żgurat li d-data tiġi pprovduta f’format miftuħ u li jista’ jinqara mill-magni; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE jikkunsidraw li jżidu l-għadd u jkabbru l-kategoriji ta’ dokumenti li jagħmlu disponibbli direttament fir-reġistri pubbliċi tagħhom u jtejbu r-rintraċċabbiltà u l-aċċessibbiltà tad-dokumenti fil-paġni tal-internet tagħhom; huwa tal-fehma li l-kategoriji ta’ dokumenti li għandhom ikunu magħmula aċċessibbli direttament permezz tar-reġistru pubbliku tal-Parlament għandhom jinkludu d-dokumenti leġiżlattivi preparatorji, irrispettivament minn jekk ikunux ġew abbozzati mill-Parlament waħdu jew flimkien mal-istituzzjonijiet l-oħra, bħal pereżempju d-dokumenti tat-trilogu politiċi u tekniċi, inklużi l-verżjonijiet kollha tad-dokument konġunt b’diversi kolonni msemmi fil-Kodiċi ta’ Kondotta għan-negozjar fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, soġġett għall-eċċezzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja;

39.  Iqis li l-mod attwali biex tinstab l-istorja tal-votazzjoni tal-MEPs permezz ta’ fajls PDF li jkopru mijiet ta’ voti fuq is-sit web tal-Parlament, mhuwiex faċli għall-utent u ma jikkontribwix għat-trasparenza tal-UE; jistieden lill-Bureau tal-Parlament jiżviluppa sistema faċli għall-utent li fiha, għal kull votazzjoni b’sejħa tal-ismijiet, it-test ivvutat u r-riżultati tal-votazzjonijiet għal kull grupp u l-MEP ikunu viżibbli; jappella sabiex ir-riżultati tal-votazzjonijiet b’sejħa tal-ismijiet, id-data dwar l-attendenza tal-MEPs u t-testi vvotati jkunu magħmula disponibbli f’formati li jistgħu jinqraw mill-magni;

40.  Ifakkar li applikazzjoni għall-aċċess għal dokument trid tiġi ttrattata fil-pront(45); jinnota bi tħassib serju li l-Ombudsman tirċievi ħafna lmenti miċ-ċittadini dwar dewmien estrem biex jinkiseb aċċess għad-dokumenti mitluba; jappoġġja l-fehmiet tal-Ombudsman li l-aċċess imdewwem huwa effettivament aċċess miċħud u li l-proċessi amministrattivi għandhom jiġu ssimplifikati biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jirċievu aċċess għad-dokumenti fil-ħin; jappella lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi tal-UE jiżguraw konformità mal-iskadenzi, għal aktar data dwar il-konformità tagħhom mal-iskadenzi u biex jingħataw spjegazzjonijiet lill-applikanti li jiddikjaraw ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ konformità mal-iskadenzi; jappella wkoll lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni biex iġġiegħel lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE jikkonformaw mal-iskadenzi; jisħaq li l-pubblikazzjoni proattiva ta’ dokumenti fir-reġistru hija l-aħjar soluzzjoni biex jitnaqqas l-għadd ta’ talbiet għal aċċess għad-dokumenti u jiġi evitat dewmien;

41.  Jenfasizza li l-pandemija u l-bidliet fil-proċeduri ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE irriżultaw biex naqas ir-ritmu tal-ipproċessar tat-talbiet għall-aċċess għad-dokumenti; jisħaq li huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet jistabbilixxu mekkaniżmi biex jiżguraw li jinżamm l-ogħla livell ta’ trasparenza u aċċess għad-dokumenti anke f’każ ta’ kriżi;

42.  Jinnota bi tħassib li bħalissa l-uniku mod kif iċ-ċittadini jistgħu jikkontestaw ir-rifjut ta’ talba għall-aċċess għal dokument jew in-nuqqas ta’ rispons fil-ħin meta l-iskadenzi ma jiġux rispettati huwa billi jressqu lment lill-Ombudsman, li r-rakkomandazzjonijiet tagħha sfortunatament mhumiex legalment vinkolanti, jew billi jiftħu proċedimenti tal-qorti kontra l-istituzzjoni quddiem il-QĠUE, li jinvolvi proċess estremament twil u għali, u eżiti inċerti, u dan joħloq piż mhux raġonevoli u dissważiv li jnaffar liċ-ċittadini li jkunu jixtiequ jikkontestaw deċiżjoni li jiġi rifjutat l-aċċess (parzjali); jenfasizza li, fil-prattika, dan ifisser li ma hemm l-ebda rimedju effettiv kontra deċiżjoni negattiva dwar talba għall-aċċess għad-dokumenti; jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE biex madankollu jagħtu segwitu b’mod sħiħ u fil-pront lid-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman; jappella lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi tal-UE jadottaw proċeduri aktar rapidi, aktar aċċessibbli u aktar simplifikati għat-trattament tal-ilmenti dwar ir-rifjuti li jingħata aċċess u miżuri biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jikkontestaw id-deċiżjonijiet jekk ikun meħtieġ; jirrakkomanda, f’dan il-kuntest, il-ħatra ta’ uffiċjali anzjani jew esperti indipendenti bil-kapaċità li jeżaminaw mill-ġdid, mingħajr dewmien żejjed, l-appelli li jikkonċernaw talbiet għall-aċċess għad-dokumenti; jenfasizza li l-impożizzjoni ta’ tariffi legali għoljin ħafna fuq is-soċjetà ċivili għandha effett dissważiv fuq l-aċċess tagħha għall-ġustizzja fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti, li huwa dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 42 tal-Karta, u timmina d-dritt tas-soċjetà ċivili għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta;

o
o   o

43.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.
(2) ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 159.
(3) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 120.
(4) ĠU C 411, 27.11.2020, p. 149.
(5) ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17.
(6) ĠU C 465, 17.11.2021, p. 54.
(7) ĠU C 117, 11.3.2022, p. 159.
(8) ĠU C 184, 5.5.2022, p. 99.
(9) ĠU C 342, 6.9.2022, p. 58.
(10) ĠU L 45, 14.2.2023, p. 13.
(11) ĠU C 177, 17.5.2023, p. 109.
(12) Testi adottati, P9_TA(2023)0054.
(13) Is-Sentenza tal-25 ta’ Jannar 2023, De Capitani vs Il-Kunsill, T-163/21, ECLI:EU:T:2023:15.
(14) Is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2019 Luisa Izuzquiza u Arne Semsrott vs L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, T-31/18, ECLI:EU:T:2019:815.
(15) ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13.
(16) L-Artikolu 10(3) tat-TUE, fid-dawl tat-tlettax-il premessa tal-preambolu tiegħu, kif ukoll tal-Artikolu 1(2) u tal-Artikolu 9 tiegħu.
(17) L-Artikolu 15 tat-TFUE.
(18) Is-sentenza tal-QĠUE tal-1 ta’ Lulju 2008, Ir-Renju tal-Iżvezja u Maurizio Turco vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, C-39/05 P u C-52/05, ECLI:EU:C:2008:374. u s-sentenza tal-QĠUE tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea vs Access Info Europe, C-280/11P, ECLI:EU:C:2013:671.
(19) Is-sentenza De Capitani vs Il-Kunsill.
(20) Ombudsman Ewropew, “Rapport Annwali 2021”, it-18 ta’ Mejju 2022, p. 31.
(21) L-Ombudsman Ewropew, “Deċiżjoni dwar ir-rifjut tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li jagħti aċċess pubbliku sħiħ għad-dokumenti relatati man-negozjati dwar l-abbozz tal-“Att dwar is-Swieq Diġitali”, is-27 ta’ Ġunju 2022.
(22) L-Ombudsman Ewropew, “Ir-Rapport Annwali tal-2021”, it-18 ta’ Mejju 2022.
(23) L-Ombudsman Ewropew, “Deċiżjoni dwar ir-rifjut tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li jagħti aċċess pubbliku sħiħ għad-dokumenti relatati man-negozjati dwar l-abbozz tal-“Att dwar is-Swieq Diġitali”, is-27 ta’ Ġunju 2022.
(24) L-Ombudsman Ewropew, “Deċiżjoni dwar kwistjonijiet relatati ma’ kif l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) tikkomunika maċ-ċittadini fir-rigward tal-aċċess tagħha għall-portal tad-dokumenti”, il-15 ta’ Diċembru 2022.
(25) Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Ottubru 2021 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għas-sena finanzjarja 2019 (ĠU L 47, 25.2.2022, p. 11).
(26) L-Ombudsman Ewropew, “Ombudsman asks Commission to deal urgently with systemic delays in processing public access to documents requests” (L-Ombudsman titlob lill-Kummissjoni tittratta b’mod urġenti d-dewmien sistemiku fl-ipproċessar tat-talbiet għall-aċċess pubbliku għad-dokumenti), it-28 ta’ Marzu 2023.
(27) is-sentenza tal-QĠUE tat-22 ta’ Marzu 2018, Emilio De Capitani vs Il-Parlament Ewropew, T-540/15, ECLI:EU:T:2018:167; is-sentenza tal-QĠUE tal-1 ta’ Lulju 2008, Ir-Renju tal-Iżvezja u Maurizio Turco vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, C‑39/05 P u C‑52/05, ECLI:EU:C:2008:374.
(28) Is-sentenza De Capitani vs Il-Kunsill.
(29) Is-sentenza De Capitani vs Il-Kunsill.
(30) Becker, M., “The European Commission Deletes Mass Amounts of Emails and Does’t Archive Chats” (Il-Kummissjoni Ewropea tħassar ammonti enormi ta’ e-mails u ma tarkivjax iċ-chats), Der Spiegel, it-12 ta’ Novembru 2021.
(31) Is-sentenza tal-QĠUE tal-21 ta’ April 2021, Laurent Pech vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, T-252/19, ECLI:EU:C:2021:203.
(32) L-Ombudsman Ewropew, “Deċiżjoni dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni Ewropea ta’ aċċess pubbliku għal messaġġi testwali li sar skambju tagħhom bejn il-President tal-Kummissjoni u l-Uffiċjal eżekuttiv ta’ kumpanija farmaċewtika dwar ix-xiri ta’ vaċċin kontra l-COVID-19”, is-16 ta’ Settembru 2021;
(33) Abbozz tal-għoxrin rapport annwali tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.
(34) Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1).
(35) L-Artikolu 15(3) tat-TFUE.
(36) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-QĠUE tat-18 ta’ Lulju 2017, Il-Kummissjoni Ewropea vs Patrick Breyer, IT-213/15, ECLI:EU:C:2017:563; is-sentenza tal-QĠUE tal-1 ta’ Settembru 2021, Andrea Homoki vs Il-Kummissjoni Ewropea, T-517/19, ECLI:EU:T:2021:529. u s-sentenza tal-QĠUE tal-21 ta’ April 2021, Laurent Pech vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, T-252/19, ECLI:EU:C:2021:203.
(37) L-Ombudsman Ewropew, "Nota konklużiva dwar l-inizjattiva strateġika dwar kif l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-UE jirreġistraw il-messaġġi testwali u istantanji mibgħuta/riċevuti mill-membri tal-persunal fil-kapaċità professjonali tagħhom), it-13 ta’ Lulju 2022.
(38) L-Ombudsman Ewropew, “A short guide for the EU administration on policies and practices to give effect to the right of public access to documents” (Gwida qasira għall-amministrazzjoni tal-UE dwar il-politiki u l-prattiki biex jingħata effett lid-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti), is-27 ta’ Ottubru 2021.
(39) Is-sentenza De Capitani vs Il-Kunsill.
(40) Is-sentenza tal-QĠUE tat-22 ta’ Marzu 2018, Emilio De Capitani vs Il-Parlament Ewropew, T-540/15, ECLI:EU:T:2018:167.
(41) Id-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2021/1613 tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ April 2021 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għas-sena finanzjarja 2019 (ĠU L 340, 24.9.2021, p. 324).
(42) L-Ombudsman Ewropew, “Ombudsman welcomes steps to make EU law making more accessible to the public” (L-Ombudsman tilqa’ l-passi biex id-dritt tal-UE jsir aktar aċċessibbli għall-pubbliku), is-16 ta’ Lulju 2020.
(43) Ara, pereżempju, id-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew fil-Każ 2142/2018/EWM dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni Ewropea li tagħti aċċess għall-pożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar dokument ta’ gwida li jikkonċerna l-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi fuq in-naħal; is-sentenza tal-QĠUE tal-14 ta’ Settembru 2022, Pollinis France vs Il-Kummissjoni Ewropea, T‑371/20 u T‑554/20, ECLI:EU:T:2022:556; u s-sentenza tal-QĠUE tat-22 ta’ Marzu 2018, Emilio De Capitani vs Il-Parlament Ewropew, T-540/15, ECLI:EU:T:2018:167.
(44) Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, (ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1).
(45) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, l-Artikolu 7.

Avviż legali - Politika tal-privatezza