Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2024 dwar id-diversità kulturali u l-kundizzjonijiet għall-awturi fis-suq Ewropew tal-istreaming tal-mużika (2023/2054(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali,
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2021-2027) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1295/2013(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali)(3),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali)(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura u l-Istrateġija tal-UE għar-Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Ottubru 2021 dwar il-Media tal-Ewropa fid-Deċennju Diġitali: Pjan ta’ Azzjoni b’Appoġġ għall-Irkupru u t-Trasformazzjoni(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Ottubru 2021 dwar is-sitwazzjoni tal-artisti u l-irkupru kulturali fl-UE(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Mejju 2021 dwar l-intelliġenza artifiċjali fl-edukazzjoni, fil-kultura u fis-settur awdjoviżiv(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Ottubru 2020 b’rakkomandazzjonijiet għall-Kummissjoni dwar qafas tal-aspetti etiċi tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati(9),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Ottubru 2020 dwar drittijiet tal-proprjetà intellettwali għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-intelliġenza artifiċjali(10),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Settembru 2020 dwar l-irkupru kulturali tal-Ewropa(11),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A9-0388/2023),
A. billi s-settur tal-mużika huwa pilastru ewlieni tal-kultura, bħala komponent vitali tad-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni, bl-akbar firxa pubblika ta’ kwalunkwe settur kulturali u kreattiv (CCS);
B. billi s-settur tal-mużika huwa parti importanti tas-CCS, li huwa rikonoxxut bħala wieħed mill-14-il ekosistema ewlenija għall-bini tal-ekonomija Ewropea, peress li jġib miegħu t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, inkluż għaż-żgħażagħ;
C. billi l-kompożituri, l-awturi tal-kanzunetti u l-artisti huma fil-qalba tal-katina tal-valur tas-settur tal-mużika u huma l-ewwel u qabel kollox l-ixprunaturi kreattivi tal-mużika kollha distribwita fuq il-pjattaformi tal-istreaming;
D. billi l-innovazzjonijiet rapidi fit-teknoloġiji diġitali matul dawn l-aħħar żewġ deċennji ttrasformaw b’mod profond is-settur tal-mużika, b’mod partikolari l-mod kif il-mużika tinħoloq, tiġi prodotta u distribwita u l-mod kif in-nies ikollhom aċċess għaliha u jużawha;
E. billi s-settur tal-mużika qed jadatta b’mod kostanti u rapidu, b’mudelli kummerċjali ġodda, modi ġodda ta’ interazzjoni mal-udjenzi u l-użu ta’ pjattaformi komplementari bħal pjattaformi tal-media soċjali jew apps tal-vidjo f’forma qasira, li joħolqu kemm opportunitajiet kif ukoll sfidi ġodda; billi, f’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġu indirizzati sfidi sinifikanti, bħall-promozzjoni tad-diversità kulturali u r-remunerazzjoni ġusta għall-awturi;
F. billi l-mod ewlieni li bih in-nies issa jgawdu l-mużika huwa permezz ta’ servizzi ta’ streaming ta’ mużika jew permezz ta’ pjattaformi tal-mużika diġitali jew permezz ta’ pjattaformi fejn l-utenti online jtellgħu kontenut, inklużi pjattaformi tal-media soċjali, streaming ta’ spettaklu dirett jew apps tal-vidjo f’forma qasira, li jipprovdu aċċess sa 100 miljun silta mużikali u li huma disponibbli kullimkien, fi kwalunkwe ħin u fuq kull tip ta’ apparat, jew b’xejn jew bi ħlas ta’ abbonament fix-xahar komparattivament baxx;
G. billi l-istreaming jirrappreżenta 67 % tad-dħul globali tas-settur tal-mużika(12); billi s-settur globali tal-mużika esperjenza tkabbir sostnut, li laħaq il-qofol tiegħu fl-2022 bi tmien sena konsekuttiva ta’ tkabbir u dħul annwali ta’ USD 22,6 biljun; billi l-għadd dejjem jikber ta’ investituri fis-settur tal-mużika jiżvela l-valur ekonomiku ġenerali enormi tiegħu;
H. billi l-awturi u l-artisti spiss ma jiġux rikonoxxuti jew remunerati b’mod li jirrifletti l-firxa vera tal-kontribut tagħhom, li jirriżulta f’maġġoranza tal-awturi jirċievu dħul baxx ħafna mis-suq tal-istreaming tal-mużika u spiss ifisser li ma jkunux jistgħu jsostnu l-karrieri professjonali tagħhom, u dan joħloq żbilanċ sinifikanti maż-żmien li jeħtieġ li jiġi indirizzat(13); billi hemm bżonn li jiġu esplorati mudelli aktar ġusti ta’ allokazzjoni tad-dħul mill-istreaming għall-awturi u l-artisti, billi jiġu eżaminati mekkaniżmi disponibbli differenti, bħal mudelli pro rata u ċċentrati fuq l-utent jew mudelli totalment ġodda; billi l-kriterji dwar kif l-istreams jingħaddu mill-pjattaformi jista’ jkollhom ukoll impatt fuq il-prattiki ta’ manipulazzjoni tal-istreaming;
I. billi l-istudji jindikaw li s-sitwazzjoni attwali hija kkaratterizzata minn sfidi ġodda, kif ukoll diversi kwistjonijiet sistemiċi li ilhom jeżistu li s-settur tal-mużika għadu qed jiffaċċja, b’mod partikolari tnaqqis fil-valur ġenerali tal-prodotti, konċentrazzjoni ta’ dħul mit-tikketti ewlenin u l-aktar artisti popolari, nuqqas ta’ data ta’ kwalità biex jiġu identifikati kif xieraq l-awturi, l-artisti jew detenturi oħra tad-drittijiet, il-manipulazzjoni tal-istreaming, l-użu illegali ta’ kontenut mużikali minn fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni tal-kontenut online u ħwienet ta’ pjattaformi u apps online dominanti; ifakkar li dawn il-fatturi kollha jaffettwaw il-ġustizzja u s-sostenibbiltà tad-dħul iġġenerat mis-suq tal-istreaming tal-mużika;
J. billi l-prezz medju ta’ abbonament ta’ kull xahar għal servizz ta’ streaming tal-mużika ma żdiedx matul is-snin mit-tnedija ta’ tali servizzi, speċjalment meta jitqiesu l-inflazzjoni u ż-żieda kbira fil-kontenut disponibbli;
K. billi d-drittijiet tal-awturi ma għandhomx jitqiesu bħala assi mingħajr ħlas għall-istrateġiji kummerċjali u promozzjonali tas-servizzi tal-mużika stess;
L. billi l-pjattaformi tal-istreaming tal-mużika, permezz tal-użu tagħhom ta’ algoritmi u sistemi ta’ rakkomandazzjoni, għandhom rwol essenzjali fl-iskoperta tal-kontenut u għalhekk għandhom impatt sinifikanti fuq id-diversità kulturali; billi dawn jistgħu wkoll jinfluwenzaw, jagħżlu jew iżidu l-viżibbiltà ta’ ċerti siltiet mużikali u għalhekk id-dħul tal-awturi u tal-kompożituri, kif ukoll ta’ atturi oħra fis-CCS Ewropej;
M. billi l-pjattaformi tal-istreaming tal-mużika għandhom ikomplu bl-isforzi tagħhom biex iżidu t-trasparenza u t-traċċabbiltà ġenerali f’ħafna aspetti operazzjonali ta’ rilevanza għolja għall-awturi, l-artisti u detenturi oħra tad-drittijiet; billi l-pjattaformi tal-istreaming tal-mużika ma għandhom l-ebda obbligu li jipprovdu trasparenza dwar l-algoritmi u l-għodod ta’ rakkomandazzjoni tagħhom jew li jiżguraw il-promozzjoni ta’ xogħlijiet mużikali Ewropej;
N. billi l-promozzjoni tad-diversità kulturali fis-suq Ewropew tal-istreaming tal-mużika, inkluża l-promozzjoni tal-artisti Ewropej madwar id-dinja, jeħtieġ li tiġi analizzata aktar biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-CCS Ewropew, li ma jistax jiddependi biss fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali ta’ operaturi globali privati dominanti;
O. billi s-settur tal-mużika qed iħabbat wiċċu dejjem aktar maż-żieda tal-kontenut iġġenerat mill-IA b’għadd dejjem jikber ta’ siltiet mużikali li kuljum jinvadu l-pjattaformi tal-istreaming, u li jipperikola t-tkabbir fl-iżbilanċi eżistenti fir-rigward tal-iskopribbiltà u r-remunerazzjoni tal-awturi; billi l-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-IA għandu minflok iservi u jsaħħaħ il-kreattività tal-bniedem u l-użu tagħhom għandu jkun trasparenti;
P. billi diversi studji identifikaw każijiet ta’ frodi u manipulazzjoni tal-istreaming, peress li ċerti atturi jaħdmu biex jimmanipulaw is-sistema billi jnaqqsu d-dħul li għandu jmur għall-awturi u l-artisti, pereżempju, billi jużaw bots biex iżidu artifiċjalment in-numru ta’ semmiegħa għal ċerti siltiet mużikali mtellgħin(14); billi s-sistemi ta’ detezzjoni u l-mekkaniżmi ta’ identifikazzjoni biex itaffu din l-imġiba frodulenti fuq il-pjattaformi tal-istreaming tal-mużika s’issa huma limitati;
Q. billi huwa importanti li jiġi żgurat suq uniku li jiffunzjona għad-distribuzzjoni online tal-mużika; billi, għalhekk, għandhom isiru aktar sforzi dedikati biex jiġu indirizzati u eliminati d-diskrepanzi u l-iżbilanċi, fid-dawl tal-impatt tagħhom fuq is-suq, b’mod partikolari fir-rigward tas-sehem tad-dħul mill-pjattaformi tal-istreaming; billi għal dan l-għan, għandhom isiru aktar investigazzjoni u analiżi biex tinġabar data u jiġu identifikati fatturi li jistgħu joħolqu ostakli għaċ-ċirkolazzjoni ta’ kontenut mużikali madwar l-Ewropa;
R. billi l-identifikazzjoni xierqa tal-awturi hija kruċjali mhux biss għar-rikonoxximent u r-remunerazzjoni aħjar tagħhom, iżda wkoll biex jiġu żgurati d-diversità u t-trasparenza fuq il-pjattaformi;
1. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu appoġġjati u jinħolqu regoli li jiżguraw ekosistema ġusta u sostenibbli għall-istreaming tal-mużika fl-Unjoni li tippromwovi d-diversità kulturali kif ukoll tindirizza l-iżbilanċi li jaffettwaw b’mod negattiv lis-settur, speċjalment l-awturi u l-artisti tiegħu, u li jistgħu jżommuh milli jiffjorixxi;
2. Jenfasizza li l-atturi kollha fil-katina tal-valur tal-istreaming tal-mużika jeħtieġ li jinvolvu ruħhom fi djalogu effettiv li jinkludi l-awturi u l-artisti u jagħmlu l-bidliet meħtieġa biex jiżguraw ekosistema ġusta, inklużiva u sostenibbli fis-settur, sabiex ikun jista’ jikkontribwixxi għad-diversità kulturali, billi jipprovdi opportunitajiet għall-iskoperta tal-artisti, kif ukoll billi jippromwovi r-repertorji lokali;
3. Jinnota bi tħassib li l-iżbilanċ attwali fl-allokazzjoni tad-dħul fis-suq tal-istreaming tal-mużika jpoġġi fi żvantaġġ kemm lill-awturi kif ukoll lill-artisti u jqiegħed is-sostenibbiltà tal-karrieri professjonali tagħhom fis-suq diġitali fir-riskju; jilqa’ kwalunkwe sforz lejn remunerazzjoni aktar ġusta għall-awturi u l-artisti, b’rikonoxximent tal-importanza tar-rwol tagħhom fis-settur tal-mużika Ewropew;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt tal-prattiki kuntrattwali eżistenti fis-suq Ewropew tal-istreaming tal-mużika, kif ukoll tal-mudell attwali ta’ distribuzzjoni tad-dħul għas-servizzi tal-istreaming tal-mużika, fuq id-diversità kulturali u l-prinċipju ta’ remunerazzjoni xierqa u proporzjonata għall-awturi u l-artisti, u jistedinha tesplora, f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, miżuri xierqa, inklużi mudelli alternattivi u aktar ġusti għar-riallokazzjoni tad-dħul mill-istreaming; jistieden lill-Kummissjoni teżamina jekk hemmx livell għoli ta’ konċentrazzjoni fl-industrija tal-mużika u tivvaluta l-impatt tagħha fuq id-diversità kulturali, fuq ir-remunerazzjoni tal-awturi u fuq il-kompetizzjoni;
5. Iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati kollha jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jegħlbu l-iżbilanċi attwali u jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja u tinkoraġġixxi l-progress f’dan ir-rigward u tikkunsidra proposti ta’ politika xierqa, jekk l-inizjattivi volontarji tal-partijiet ikkonċernati jonqsu milli jipproduċu soluzzjonijiet sinifikanti;
Lejn ekosistema sostenibbli għall-awturi
6. Jenfasizza li r-rwol ewlieni tal-awturi għandu jiġi rifless permezz ta’ viżibbiltà akbar fuq is-servizzi tal-istreaming tal-mużika u distribuzzjoni aktar ibbilanċjata tad-dħul mill-istreaming; jistieden lill-industrija tesplora mudelli ġodda għall-allokazzjoni tad-dħul mill-istreaming sabiex tiżgura l-aktar distribuzzjoni ugwali u ġusta possibbli għall-awturi u l-artisti;
7. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tevalwa jekk l-użu ta’ teknoloġiji ġodda, bħall-blockchain, u l-kodiċijiet ta’ identifikazzjoni internazzjonali tad-detenturi tad-drittijiet, ix-xogħlijiet mużikali u r-reġistrazzjonijiet ta’ smigħ għandhomx il-potenzjal li jtejbu t-trasparenza u l-kosteffiċjenza fis-suq tal-istreaming tal-mużika, b’mod partikolari għall-preċiżjoni tal-metadata u r-remunerazzjoni, speċjalment għall-awturi u l-artisti; jiddispjaċih li, b’mod ġenerali, is-servizzi tal-istreaming tal-mużika huma nieqsa b’mod sinifikanti minn tali rekwiżiti ta’ trasparenza u identifikazzjoni;
8. Jissottolinja l-importanza li l-awturi jsiru membri ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv biex jiġi żgurat id-dritt għal ftehimiet kollettivi u rappreżentanza kollettiva; jenfasizza li n-negozjati kollettivi permezz tas-soċjetajiet tal-awturi għandhom l-għan li jiżguraw valur xieraq għall-użu tax-xogħlijiet tal-awturi fis-suq tal-istreaming tal-mużika, kif ukoll li jiffaċilitaw aċċess aktar ġust għas-swieq u d-diversità kulturali fl-Unjoni; ifakkar fl-importanza tad-Direttiva 2014/26/UE(15), li tipprovdi l-qafas għall-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali online tad-drittijiet tal-awturi għas-servizzi tal-istreaming tal-mużika, tiżgura l-għażla libera tal-awturi għall-aktar mod effiċjenti għall-ġestjoni tad-drittijiet ta’ remunerazzjoni tagħhom, u tistabbilixxi livell għoli ta’ trasparenza u regoli ta’ governanza tajba għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, li huma kruċjali għall-ġestjoni effettiva tar-repertorji fuq il-pjattaformi tal-istreaming tal-mużika;
9. Jenfasizza li huwa essenzjali li tittejjeb l-identifikazzjoni ta’ kull min hu involut fil-proċess tal-kreattività, b’mod partikolari l-awturi u l-artisti, dwar is-servizzi tal-istreaming tal-mużika, billi tiġi żgurata l-allokazzjoni komprensiva u preċiża tal-metadata minn meta tinħoloq kwalunkwe silta mużikali sa meta tittella’ fuq servizz tal-istreaming tal-mużika; iħeġġeġ, f’dan ir-rigward, l-użu tal-kodiċijiet ta’ identifikazzjoni internazzjonali kollha (IPI(16), ISWC(17), ISRC(18), IPN(19) u ISNI(20)); jenfasizza li l-identifikazzjoni xierqa tal-kreaturi għandha rwol ewlieni fit-tfittxija u fl-iskopribbiltà tax-xogħlijiet, u tippermetti remunerazzjoni xierqa għall-kreaturi fid-distribuzzjoni tad-dħul;
10. Jistieden lill-atturi kollha tal-industrija tal-mużika jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiżguraw l-allokazzjoni komprensiva u korretta tal-metadata tal-kanzunetti billi jidentifikaw u jirrapportaw b’mod preċiż id-data tal-awturi għax-xogħlijiet mużikali tagħhom fuq servizzi tal-istreaming, inkluż meta l-kontenut jittella’ minn awturi totalment indipendenti;
11. Jisħaq fuq il-ħtieġa li titqajjem kuxjenza, b’mod partikolari fost l-awturi żgħażagħ, dwar l-importanza li jingħataw kreditu u jitħallsu għall-mużika tagħhom fis-suq tal-istreaming; jilqa’ l-programmi u l-inizjattivi ta’ riċerka rilevanti, inkluż fil-livell internazzjonali, u jistieden lill-Kummissjoni tesplora modi kif tappoġġja tali inizjattivi;
12. Ifakkar fil-ħtieġa li jiġi żgurat il-valur tad-drittijiet tal-awturi, irrispettivament minn x’joffru s-servizzi tal-istreaming tal-mużika; jinnota li diversi studji reċenti(21),(22) juru li l-maġġoranza tal-awturi u l-artisti ma jirċevux dħul suffiċjenti mill-istreaming tal-mużika; jitlob li ssir reviżjoni tar-rati tar-royalties prediġitali biex jinġiebu konformi ma’ rati ġusti u moderni; jikkundanna l-eżistenza ta’ kwalunkwe skema, bħall-hekk imsejħa “skemi payola”, li jġiegħlu lill-awturi jaċċettaw dħul aktar baxx jew ebda dħul bi skambju għal viżibbiltà akbar, u b’hekk ikomplu jnaqqsu d-dħul mill-istreaming tagħhom li diġà huwa baxx ħafna, speċjalment fid-dawl li l-wegħda ta’ viżibbiltà akbar tibqa’ ma titwettaqx fil-biċċa l-kbira tal-każijiet;
13. Jinnota li l-kompetizzjoni bejn il-fornituri tal-istreaming tal-mużika fis-suq Ewropew hija dominata minn ftit atturi globali; ifakkar fil-ħtieġa li jiġi implimentat malajr l-Att dwar is-Suq Diġitali u l-Att dwar is-Servizzi Diġitali sabiex tiġi żgurata ekosistema ġusta, billi jintemmu l-prattiki ta’ kompetizzjoni inġusti mill-pjattaformi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online u l-fornituri tas-servizzi tal-istreaming tal-mużika fis-suq tal-istreaming tal-mużika, bħal dawk li jippermettu lill-utenti jagħmlu streaming illegali jew iniżżlu illegalment kontenut protett; jisħaq fuq il-ħtieġa għal trasparenza u awditjar effiċjenti f’dan ir-rigward; jenfasizza l-ħtieġa li tali ksur jiġi eliminat fuq il-pjattaformi u minnhom, kif ukoll fuq l-app stores;
14. Jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat investiment f’talent u mużika Ewropej ġodda, inklużi artisti lokali, artisti speċjalizzati u artisti minn komunitajiet vulnerabbli, permezz ta’ strumenti ta’ finanzjament xierqa, inkluż il-programm Ewropa Kreattiva biex tingħata spinta lill-investiment f’forom aktar diversi ta’ repertorju f’termini ta’ lingwa jew ġeneru, fil-forniment ta’ ħiliet diġitali u fit-trasformazzjoni diġitali tal-mudelli kummerċjali u jisħaq fuq il-ħtieġa li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-awturi dwar id-drittijiet tagħhom;
15. Jappoġġja l-promozzjoni tal-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar l-ispettakli diretti tal-artisti fuq il-pjattaformi, speċjalment għall-artisti lokali, biex jiġu ffaċilitati skoperti ġodda u viżibbiltà ulterjuri;
16. Jitlob lill-partijiet ikkonċernati kollha fis-settur tal-istreaming tal-mużika jaħdmu flimkien biex jivvalutaw u jnaqqsu l-impronta tal-karbonju tal-mużika diġitali;
Prominenza u skopribbiltà ta’ xogħlijiet mużikali Ewropej
17. Jitlob li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex jiġu ggarantiti l-viżibbiltà u l-aċċessibbiltà tax-xogħlijiet mużikali Ewropej, meta jitqies l-ammont kbir ta’ kontenut li qed jikber b’mod kostanti fuq il-pjattaformi tal-istreaming tal-mużika u n-nuqqas ta’ regoli tal-Unjoni biex jirregolawhom b’mod armonizzat;
18. Jilqa’ l-istudju mniedi mill-Kummissjoni li għandu l-għan li jivvaluta l-iskopribbiltà tax-xogħlijiet mużikali Ewropej fl-ekosistema tal-mużika, inkluż permezz ta’ servizzi ta’ streaming tal-mużika; jitlob lill-Kummissjoni, abbażi ta’ dawn ir-riżultati, tipproponi miżuri adegwati, inkluż qafas legali biex jiġu żgurati l-viżibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-prominenza tax-xogħlijiet mużikali Ewropej fuq il-pjattaformi tal-istreaming tal-mużika;
19. Jistieden lill-Kummissjoni, f’dan il-kuntest, tiżgura li tali qafas legali jinkludi indikaturi speċifiċi tad-diversità li jippermettu valutazzjoni indipendenti tal-użu u l-viżibbiltà tax-xogħlijiet Ewropej u d-diversità tagħhom fil-ġeneri, il-lingwi u l-awturi indipendenti;
20. Jisħaq, barra minn hekk, li tali qafas legali jkun jeħtieġ li l-Kummissjoni tidentifika l-aħjar prattiki biex tittestja kontenut diversifikat promoss fuq l-interfaċċi tal-pjattaformi u timmonitorja u tirrapporta regolarment dwar dan b’metodoloġija ċara biex tifhem u tivvaluta l-viżibbiltà tax-xogħlijiet mużikali Ewropej, fost l-oħrajn, f’playlists organizzati minn edituri, interfaċċi tal-utent, għażliet algoritmiċi u sistemi ta’ rakkomandazzjoni biex jiġu żgurati l-prominenza u l-iskopribbiltà;
21. Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor data u twettaq analiżi bir-reqqa bil-għan li tiżgura l-iskopribbiltà ta’ xogħlijiet mużikali Ewropej permezz ta’ servizzi ta’ streaming tal-mużika, kif ukoll toħloq djalogu strutturat bejn il-partijiet kollha involuti; jitlob lill-Kummissjoni, abbażi tas-sejbiet, tirrifletti dwar il-possibbiltà li jiġu imposti miżuri konkreti, bħal kwoti ta’ xogħlijiet mużikali Ewropej fuq il-pjattaformi tal-istreaming tal-mużika;
22. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw modi adegwati biex jippreservaw il-wirt mużikali diġitali Ewropew, filwaqt li jnaqqsu d-dipendenza de facto fuq il-pjattaformi kummerċjali tal-istreaming tal-mużika sabiex jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tax-xogħlijiet mużikali Ewropej fuq terminu twil;
Lejn l-użu etiku tal-IA
23. Jitlob l-użu etiku tal-IA fis-CCS, inkluża l-mużika, u jenfasizza li l-IA tista’ tkun għodda għall-artisti biex jesploraw, jinnovaw u jsaħħu l-kreazzjonijiet tagħhom stess; jappella għal trasparenza massima u jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti legali kollha tal-Unjoni dwar l-iżvilupp, il-produzzjoni u t-twassil ta’ xogħlijiet mużikali permezz ta’ teknoloġiji tal-IA; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-implikazzjonijiet speċifiċi tal-użi tal-IA fis-CCS;
24. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi dispożizzjonijiet legali mmirati biex tiżgura t-trasparenza tal-algoritmi u s-sistemi ta’ rakkomandazzjoni tal-kontenut ta’ pjattaformi kollha rilevanti tal-istreaming tal-mużika, bil-għan tal-prevenzjoni ta’ prattiki inġusti l-istreaming frodulenti li jintużaw biex jitnaqqsu l-ispejjeż u jkomplu jwaqqgħu l-valur għall-awturi professjonali; jitlob lis-servizzi tal-mużika jkomplu jinvestu f’għodod adegwati biex jidentifikaw tali attivitajiet;
25. Jenfasizza li ż-żieda fil-kontenut iġġenerat mill-IA wasslet għal għadd dejjem jikber ta’ siltiet mużikali mtellgħin fuq pjattaformi tal-istreaming, li jagħmel l-iżgurar tal-prominenza u l-iskopribbiltà tax-xogħlijiet mużikali Ewropej saħansitra aktar importanti; jenfasizza li l-pubbliku għandu jiġi konxju jekk ix-xogħlijiet mużikali, il-kanzunetti jew l-artisti li jisimgħu fuq il-pjattaformi tal-istreaming tal-mużika ġewx iġġenerati mill-IA u/jew mingħajr il-kontribut sostanzjali ta’ awturi umani; jisħaq, f’dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li ssir ħidma biex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu infurmati tajjeb, u jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi stabbilita tikketta ċara, f’waqtha u viżibbli biex il-pubbliku jkun infurmat dwar xogħlijiet purament iġġenerati mill-IA li ma jinvolvux l-espressjoni tal-personalità jew tal-kreattività tal-awtur;
26. Jilqa’ d-djalogu bejn il-partijiet ikkonċernati dwar l-indirizzar tat-tixrid tad-deepfakes fuq il-pjattaformi tal-istreaming tal-mużika, u jitlob li jiġu kkunsidrati l-interessi tal-awturi u l-artisti kollha; ifakkar li d-deepfakes huma outputs prodotti minn mudelli u applikazzjonijiet tal-IA li jistgħu jużaw l-identitajiet, il-vuċijiet u x-xbihat tal-awturi u tal-artisti mingħajr il-kunsens tagħhom; jitlob li jkun hemm żieda fl-użu ta’ għodod ta’ identifikazzjoni biex jiġu identifikati d-deepfakes u l-kontenut manipulat u jitlob mekkaniżmi ta’ rapportar faċilment aċċessibbli għall-awturi, l-artisti u detenturi oħra tad-drittijiet;
27. Jisħaq li l-awturi, l-artisti u detenturi oħra tad-drittijiet għandhom jitħallew jirriżervaw u jilliċenzjaw id-drittijiet għall-użu tax-xogħol tagħhom għat-taħriġ, l-iżvilupp jew id-disinn tal-IA lil hinn mir-riċerka xjentifika; jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa ta’ trasparenza dwar il-kontenut tat-taħriġ protett skont il-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur għall-finijiet ta’ sistemi ġenerattivi tal-IA sabiex jiġi żgurat li jkun konformi mal-liġi applikabbli tal-Unjoni jew nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur u jisħaq li, għalhekk, il-fornituri ta’ tali sistemi ġenerattivi tal-IA jeħtiġilhom jiddokumentaw u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku sommarju dettaljat biżżejjed dwar l-użu ta’ tali data ta’ taħriġ, irrispettivament minn fejn ikun sar tali taħriġ, sabiex jippermettu l-applikazzjoni xierqa tal-eċċezzjoni tal-estrazzjoni ta’ test u ta’ data prevista skont il-liġi tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur;
Perspettivi
28. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi osservatorju Ewropew tal-mużika biex jipprovdi informazzjoni dwar is-swieq tal-mużika fl-Unjoni billi jiġbor u janalizza data fl-Istati Membri, kif ukoll biex janalizza kwistjonijiet legali li jaffettwaw is-settur tal-mużika, b’mod partikolari s-suq tal-istreaming tal-mużika u jirrapporta dwarhom, bil-ħsieb li jiġi żviluppat is-settur;
29. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli ttejjeb il-programm Ewropa Kreattiva, b’mod partikolari permezz ta’ azzjoni komprensiva dwar il-mużika;
30. Jenfasizza li l-mużika għandha potenzjal kbir biex tippromwovi aktar il-kultura, l-istorja, il-wirt, il-valuri u d-diversità Ewropej; jemmen li l-mużika għandha wkoll il-potenzjal li tikkontribwixxu għas-setgħa ta’ persważjoni tal-Unjoni; jenfasizza li l-promozzjoni tal-artisti Ewropej f’pajjiżi terzi għandha tkun enfasi qawwija tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, tiżviluppa strateġija ta’ esportazzjoni Ewropea komprensiva dwar ix-xogħlijiet mużikali Ewropej;
31. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi djalogu strutturat bejn il-partijiet ikkonċernati kollha sabiex jiġu diskussi l-kwistjonijiet attwali li jaffettwaw is-suq tal-istreaming tal-mużika u biex jaħdmu flimkien biex jinstabu soluzzjonijiet komuni għal distribuzzjoni aktar ġusta tad-dħul mill-pjattaformi tal-istreaming tal-mużika, b’mod partikolari għall-awturi, l-artisti u l-produtturi żgħar u mikro indipendenti, b’mod parallel mal-proposti leġiżlattivi mistennija tagħha rigward it-trasparenza tal-algoritmi u l-prominenza tax-xogħlijiet mużikali Ewropej;
32. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-introduzzjoni ta’ strateġija industrijali Ewropea għall-mużika biex l-Unjoni jkollha rwol fil-promozzjoni tad-diversità tal-artisti u tax-xogħlijiet mużikali tagħha, billi ssir enfasi fuq is-saħħa u d-diversità tas-settur tal-mużika Ewropew, tingħata spinta lill-atturi iżgħar, jiġi akkwistat aktar investiment, jiġi pprovdut aktar esponiment għall-artisti u jiġu kkwantifikati r-riżultati;
o o o
33. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Briefing – “Research for CULT Committee: Cultural diversity and the conditions for authors in the European music streaming market: a bibliographical review” (Riċerka għall-Kumitat CULT: Id-diversità kulturali u l-kundizzjonijiet għall-awturi fis-suq Ewropew tal-istreaming tal-mużika: rieżami biblijografiku), Parlament Ewropew, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Unjoni, Dipartiment Tematiku għall-Politiki Strutturali u ta’ Koeżjoni, Ġunju 2023.
Stqarrija għall-istampa – “Fake streams, real phenomenon: the CNM working with the industry to fight streaming fraud” (Streams foloz, fenomenu reali: is-CNM jaħdem mal-industrija fil-ġlieda kontra l-istreaming frodulenti), Centre national de la musique, 16 ta’ Jannar 2023.
Id-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu online fis-suq intern (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 72).
European Composer u Songwriter Alliance, “Music streaming and its impact on music authors – why we should fix streaming and how to ensure a sustainable future for all music creators (Streaming tal-mużika u l-impatt tiegħu fuq l-awturi tal-mużika – għaliex għandna nirranġaw l-istreaming u kif niżguraw futur sostenibbli għall-kompożituri u l-awturi kollha tal-mużika), Lulju 2023.
Legrand Network, “Study on the place and role of authors and composers in the European music streaming market” (Studju dwar il-post u r-rwol tal-awturi u l-kompożituri fis-suq Ewropew tal-istreaming tal-mużika), European Grouping of Societies of Authors and Composers, 28 ta’ Settembru 2022.