Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2024 dwar ix-xoljiment ippjanat ta’ strutturi essenzjali kontra l-korruzzjoni fis-Slovakkja u l-implikazzjonijiet tiegħu għall-istat tad-dritt (2023/3021(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 4, 6, 7 u 10 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 11, 12, 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta’ Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE, b’mod speċifiku f’Malta u fis-Slovakkja(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ April 2018 dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti investigattivi fl-Ewropa: il-każ tal-ġurnalist Slovakk Ján Kuciak u ta’ Martina Kušnírová(2),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Lulju 2023 bit-titolu “Rapport dwar l-Istat tad-Dritt 2023 – Is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea” (COM(2023)0800),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi matul dawn l-aħħar snin is-Slovakkja żiedet l-isforzi tagħha biex tiġġieled il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata fil-livelli għolja, filwaqt li diversi ex uffiċjali għolja ġew akkużati b’reati ta’ tixħim u ttieħdu deċiżjonijiet ġudizzjarji finali fil-konfront tagħhom; billi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali Slovakk, li beda l-attività tiegħu fl-1 ta’ Settembru 2004, u l-pulizija Slovakka kienu strumentali fil-ġestjoni ta’ każijiet marbuta ma’ korruzzjoni u reati serji, inklużi dawk relatati mal-użu ħażin tal-fondi tal-UE;
B. billi l-għadd baxx ta’ każijiet investigati u n-nuqqas ta’ mekkaniżmu effettiv għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata fis-Slovakkja kienu r-raġunijiet ewlenin għall-ħolqien tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali fis-Slovakkja; billi istitut speċjalizzat simili jeżisti f’diversi Stati Membri oħra, inkluż il-Prosekutur Ewropew speċjalizzat stabbilit reċentement fil-livell tal-UE, li s-Slovakkja approvat fil-Kunsill;
C. billi l-gvern il-ġdid iddeċieda li jxolji l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali u li jnaqqas il-pieni kriminali għal reati serji, inklużi l-korruzzjoni u r-reati ambjentali, billi jemenda l-kodiċi kriminali permezz ta’ proċedura leġiżlattiva rapida fil-bidu tal-mandat tiegħu;
D. billi l-proċedura mħaffa neħħiet il-possibbiltà ta’ dibattitu pubbliku sinifikanti jew ta’ proċess demokratiku dovut; billi aktar minn 20 000 ċittadin ripetutament ħarġu fit-toroq biex jipprotestaw kontra l-proposta kontroversjali; billi aktar minn 100 000 ċittadin iffirmaw b’mod konġunt żewġ petizzjonijiet kontra l-proposti tal-gvern u l-proċess leġiżlattiv rapidu; billi l-President Slovakk esprimiet tħassib serju dwar il-proposta u l-proċedura leġiżlattiva rapida u indikat li se tuża l-veto kontra l-liġi; billi fir-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt 2023, il-Kummissjoni rrakkomandat li s-Slovakkja tiżgura konsultazzjoni pubblika effettiva u involviment tal-partijiet ikkonċernati fil-proċess tat-tfassil tal-liġijiet;
E. billi matul il-proċess leġiżlattiv aċċelerat, il-Gvern Slovakk irrifjuta li jqis l-analiżi esperta u l-opinjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-Kummissjoni, inkluż it-tħassib kbir espress dwar kif il-bidliet proposti jimminaw il-ġlieda kontra l-korruzzjoni;
F. billi, b’mod parallel, il-Ministru tal-Intern għamel bidliet sostanzjali fil-persunal u ħabbar bidliet strutturali u organizzattivi sinifikanti fil-pulizija Slovakka u f’istituzzjonijiet demokratiċi indipendenti oħra, inkluż fir-rigward ta’ investigaturi li kienu qed jaħdmu fuq każijiet kriminali serji u ta’ korruzzjoni fil-livelli għolja fl-Aġenzija Kriminali Nazzjonali tas-Slovakkja, u dan qajjem dubji dwar il-motivazzjonijiet għal tali bidliet; billi l-Gvern Slovakk issostitwixxa membri tal-Kunsill Ġudizzjarju tar-Repubblika Slovakka qabel tmiem il-mandat tagħhom u mingħajr ġustifikazzjoni xierqa;
G. billi l-Gvern Slovakk ippropona leġiżlazzjoni lill-Parlament li telimina l-protezzjoni tal-informaturi għall-uffiċjali tal-pulizija, iddgħajjef il-libertà tal-espressjoni u tillimita d-drittijiet tal-persuni kollha fis-Slovakkja abbażi tal-introduzzjoni ta’ valutazzjoni arbitrarja u soġġettiva, li tmur kontra l-prinċipji tad-Direttiva tal-UE dwar l-Informaturi(3);
H. billi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) iddikjara, fit-18 ta’ Diċembru 2023, li xi emendi leġiżlattivi proposti mill-Gvern Slovakk dwar oqfsa legali u ta’ prosekuzzjoni fundamentali jistgħu joħolqu riskji għall-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll għall-qafas tagħha kontra l-korruzzjoni, u ma jibqgħux jiżguraw li r-reati kontra l-baġit tal-UE jkunu punibbli b’sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi fis-Slovakkja; billi x-xoljiment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali jista’ jimmina l-kollaborazzjoni u l-koordinazzjoni mal-UPPE, l-Aġenzija tal-UE għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi;
I. billi l-Prim Ministru Slovakk spiss jirrikorri għal lingwaġġ diviżiv sabiex jippolarizza s-soċjetà Slovakka; billi skambju ta’ fehmiet rispettuż bejn il-mexxejja politiċi u ċ-ċittadini kollha, inklużi l-istudenti, huwa essenzjali għall-funzjonament tajjeb tad-demokrazija;
J. billi fil-passat, attakki pubbliċi minn politiċi fis-Slovakkja kontra ġurnalisti, is-soċjetà ċivili u gruppi vulnerabbli ħolqu ambjent permissiv għal diskors ta’ mibegħda, li fih twettqu delitti vjolenti serji, inkluż il-qtil ta’ Ján Kuciak u Martina Kušnírová; billi Ján Kuciak speċjalizza fir-rapportar dwar l-evażjoni tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus fuq skala kbira, u wettaq investigazzjonijiet dwar diversi negozjanti b’rabtiet ma’ politiċi ta’ livell għoli; billi l-qtil ta’ Ján Kuciak u Martina Kušnírová huwa wieħed mill-aktar każijiet kumplessi li qed jiġu investigati u ssorveljati mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali; billi hemm riskju li l-fajl jiġi ttrasferit lil prosekutur ġdid jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali jiġi xolt;
1. Jesprimi tħassib serju dwar il-proċess leġiżlattiv aċċelerat mhux ġustifikat tal-Gvern Slovakk, b’mod partikolari fir-rigward tal-emendi proposti tal-kodiċi kriminali u x-xoljiment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali, billi dan jhedded l-integrità tal-proċessi ġudizzjarji, jimmina l-ġlieda tal-Unjoni Ewropea kontra l-frodi u jikkomprometti l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u tal-ambjent naturali fis-Slovakkja; jistieden lill-Gvern Slovakk jikkunsidra mill-ġdid dawn l-emendi fid-dawl tal-konsegwenzi potenzjali tagħhom għall-istat tad-dritt, l-interessi finanzjarji tal-UE u l-qafas tal-UE kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-Gvern Slovakk jirrispetta l-prinċipji vinkolanti tad-Direttiva tal-UE dwar l-Informaturi u jikkunsidra mill-ġdid il-bidliet proposti għall-protezzjoni tal-informaturi fis-Slovakkja; jesprimi tħassib partikolari dwar it-tneħħija retroattiva tal-protezzjoni tal-informaturi, li tirriżulta f’nuqqas ta’ ċertezza tad-dritt; jinnota li l-Uffiċċju Slovakk għall-Protezzjoni tal-Informaturi ssenjala dawn il-kwistjonijiet lill-Kummissjoni;
2. Ifakkar li kwalunkwe riforma kriminali jrid ikun fiha salvagwardji suffiċjenti u adegwati biex jiġu żgurati l-kontinwazzjoni u l-effikaċja ta’ każijiet kriminali ġodda u li għadhom għaddejjin, speċjalment fir-rigward tal-korruzzjoni fil-livelli għolja, kif ukoll biex jiġu ggarantiti l-indipendenza tal-ġudikatura u l-awtonomija tas-servizz ta’ prosekuzzjoni f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni f’rapporti suċċessivi dwar l-istat tad-dritt; jesprimi tħassib li l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-każijiet tal-Prosekutur Speċjali tista’ twassal għal dewmien konsiderevoli, u li xi każijiet jistgħu jitwaqqfu minħabba l-preskrizzjoni; iħeġġeġ lill-gvern jindirizza t-talba li ilha ssir għal riforma tal-paragrafu 363 tal-Liġi Proċedurali Kriminali Slovakka, u jintroduċi l-possibbiltà li tiġi kkontestata deċiżjoni tal-Prosekutur Ġenerali li ma ssirx prosekuzzjoni u miżuri jew salvagwardji oħra biex jiġi evitat l-użu ħażin ta’ din id-dispożizzjoni;
3. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ proċess pubbliku bir-reqqa li jqis l-opinjonijiet tal-esperti u l-istituzzjonijiet rilevanti, bħall-Kummissjoni ta’ Venezja, u jinkludi konsultazzjonijiet adegwati mal-partijiet ikkonċernati u pubbliċi fil-livell nazzjonali u tal-UE dwar kwalunkwe bidla fil-kodiċi kriminali attwali u fl-istrutturi inkarigati mill-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati serji, inklużi każijiet ta’ korruzzjoni fis-Slovakkja;
4. Jappella għal livell aktar adegwat ta’ riżorsi umani u finanzjarji għal każijiet ta’ korruzzjoni u koordinazzjoni aħjar bejn l-investigaturi u l-prosekuturi tal-korruzzjoni, f’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-UPPE, għall-investigazzjoni aktar effettiva ta’ reati relatati mal-korruzzjoni;
5. Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib u tipprovdi informazzjoni dwar dawn l-iżviluppi, filwaqt li tieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex tissalvagwardja l-istat tad-dritt u l-indipendenza ġudizzjarja, speċjalment fir-rigward ta’ każijiet ta’ korruzzjoni fil-livelli għolja, u tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-UE;
6. Jirrikonoxxi u jappoġġja r-rwol u l-involviment importanti taċ-ċittadini u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt; jitlob li l-partijiet ikkonċernati jkunu involuti fil-proċess tat-tfassil tal-liġijiet, speċjalment b’rabta mal-użu ta’ proċeduri rapidi;
7. Jagħti ġieħ lil Ján Kuciak sitt snin wara l-assassinju tiegħu u għall-ħidma essenzjali tiegħu bħala ġurnalist investigattiv; jistieden lill-awtoritajiet Slovakki jiżguraw li ssir ġustizzja;
8. Iħeġġeġ lill-mexxejja politiċi kollha jinvolvu ruħhom b’mod kostruttiv u rispettuż maċ-ċittadini billi jirrispettaw il-prinċipji tad-dibattitu demokratiku u jirrispettaw l-istituzzjonijiet pubbliċi, l-istat tad-dritt u l-libertà akkademika; jistieden, għalhekk, lill-uffiċjali tal-gvern iżommu lura minn attakki verbali fuq individwi, ġurnalisti u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jissottolinja d-dmir tal-uffiċjali pubbliċi u tal-gvern li jservu liċ-ċittadini kollha, speċjalment f’pajjiż bi storja ta’ reati ta’ mibegħda u li fih inqatel ġurnalist;
9. Jikkundanna r-rimarki mhux xierqa u irrispettużi tal-Prim Ministru, inkluż kontra student li kien parti minn inizjattiva biex jitħeġġeġ skambju akkademiku dwar l-istat tad-dritt fis-Slovakkja; jistieden lill-uffiċjali tal-gvern iżommu lura milli jqajmu dubji dwar il-leġittimità tad-deċiżjonijiet tal-qorti; huwa mħasseb ferm dwar il-pjanijiet imħabbra biex tiġi adottata leġiżlazzjoni li ddgħajjef l-ispazju ċiviku, inkluż billi tiġi ristretta l-ħidma tal-NGOs u billi jiġu stigmatizzati l-organizzazzjonijiet li jirċievu finanzjament barrani;
10. Iwissi kontra kwalunkwe ndħil politika fl-indipendenza editorjali u l-integrità ġurnalistika; jinnota bi tħassib ir-ristrutturar ippjanat tar-Radju u t-Televiżjoni tas-Slovakkja, ix-xandar pubbliku ewlieni tal-pajjiż; jissottolinja l-importanza li tinżamm media ħielsa u indipendenti bħala pedament ta’ soċjetà demokratika;
11. Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-Prim Ministru u ta’ diversi uffiċjali tal-gvern li jwaqqfu l-komunikazzjoni mal-organizzazzjonijiet ewlenin tal-media, filwaqt li jirrikonoxxi li dan huwa ostaklu sinifikanti għad-dritt tal-pubbliku li jirċievi informazzjoni rilevanti tal-gvern; jenfasizza li tali azzjonijiet inaqqsu l-libertà u t-trasparenza tal-media u jikkontribwixxu għat-tixrid ta’ diżinformazzjoni manipulattiva fl-ispazju pubbliku;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.
Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).