Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2023/2084(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0429/2023

Testi mressqa :

A9-0429/2023

Dibattiti :

PV 16/01/2024 - 16
CRE 16/01/2024 - 16

Votazzjonijiet :

PV 17/01/2024 - 8.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2024)0023

Testi adottati
PDF 172kWORD 55k
L-Erbgħa, 17 ta' Jannar 2024 - Strasburgu
L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-parlamenti nazzjonali
P9_TA(2024)0023A9-0429/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Jannar 2024 dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-parlamenti nazzjonali (2023/2084(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b’mod partikolari l-Artikolu 5 dwar l-għoti tal-kompetenzi u s-sussidjarjetà, l-Artikolu 10(1) dwar id-demokrazija rappreżentattiva, l-Artikolu 10(2) dwar ir-rappreżentanza taċ-ċittadini tal-UE, l-Artikolu 10(3) dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tal-Unjoni, l-Artikolu 10(4) dwar ir-rwol tal-partiti politiċi Ewropej, l-Artikolu 11 dwar id-demokrazija parteċipattiva, l-Artikolu 12 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali, l-Artikolu 48(3) dwar il-proċedura ta’ reviżjoni ordinarja u l-Artikolu 48(7) (klawżola passerelle) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea(1) anness mat-Trattat ta’ Amsterdam u l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità(2) anness mat-Trattat ta’ Liżbona,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 15 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikoli 41 u 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta’ Mejju 2009 dwar l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali taħt it-Trattat ta’ Liżbona(3), tas-16 ta’ April 2014 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali(4) u tad-19 ta’ April 2018 dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw il-parlamenti nazzjonali(5),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (COM(2021)0734),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u dwar ir-relazzjonijiet mal-parlamenti nazzjonali għall-2018 tal-11 ta’ Lulju 2019 (COM(2019)0333), għall-2019 tat-30 ta’ Ġunju 2020 (COM(2020)0272), għall-2020 tat-23 ta’ Lulju 2021 (COM(2021)0417) u għall-2021 tal-1 ta’ Awissu 2022 (COM(2022)0366),

–  wara li kkunsidra r-rapporti annwali tad-Direttorat għar-Relazzjonijiet mal-Parlamenti Nazzjonali tal-Parlament Ewropew, b’mod partikolari r-rapport tal-2022 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali tal-UE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-20 ta’ Jannar 2021 dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea fl-2017, fl-2018 u fl-2019(6) u tad-19 ta’ Mejju 2022 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt tal-2021(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar l-idoneità regolatorja tal-Unjoni Ewropea u s-sussidjarjetà u l-proporzjonalità – rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li jkopri s-snin 2017, 2018 u 2019(8),

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-Task Force dwar is-Sussidjarjetà, il-Proporzjonalità u dwar li “Isir inqas b’mod iktar effiċjenti” tal-10 ta’ Lulju 2018 intitolat “Sussidjarjetà attiva – mod ġdid ta’ ħidma”(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew rigward il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa(10) u tal-4 ta’ Mejju 2022 dwar is-segwitu għall-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar it-talba biex titlaqqa’ Konvenzjoni għar-reviżjoni tat-Trattati(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2023 dwar proposti tal-Parlament Ewropew għar-reviżjoni tat-Trattati(13),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (TSKG), li jistabbilixxi l-organizzazzjoni ta’ konferenzi interparlamentari għall-finijiet tad-diskussjoni tal-politiki baġitarji u kwistjonijiet oħra koperti mit-Trattat,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Marzu 2023 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika 2023(14),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza wara l-Konferenza tal-Ispeakers tal-Parlamenti tal-Unjoni Ewropea li saret fi Praga fl-24 u l-25 ta’ April 2023(15),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Laqgħa Plenarja tal-LXIX Konferenza tal-Kumitati Parlamentari għall-Affarijiet tal-Unjoni (COSAC) li saret fi Stokkolma fl-14-16 ta’ Mejju 2023(16),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Léon dwar il-parlamentariżmu adottata fil-Konferenza għall-Kommemorazzjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Parlamentariżmu: it-Tisħiħ tal-Parlamenti għat-Tisħiħ tad-Demokrazija, li saret f’Léon bejn it-30 ta’ Ġunju u l-1 ta’ Lulju 2023(17),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta’ Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni għat-tfassil ta’ rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A9-0429/2023),

A.  billi l-parteċipazzjoni attiva tal-parlamenti nazzjonali fl-affarijiet Ewropej u l-iskrutinju msaħħaħ tal-gvernijiet nazzjonali mill-parlamenti nazzjonali huma strumentali biex jiġu żgurati r-responsabbiltà demokratika u l-leġittimità tas-sistema istituzzjonali tal-UE;

B.  billi l-parlamenti nazzjonali “jikkontribwixxu attivament għall-funzjonament tajjeb tal-Unjoni” (l-Artikolu 12 tat-TUE) u flimkien mal-Parlament Ewropew rwol essenzjali fit-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tal-proġett tal-UE, it-trawwim tal-fiduċja taċ-ċittadini u l-kontribut għas-sostenibbiltà u r-reżiljenza tal-proġett Ewropew;

C.  billi l-għodod attwali għall-parteċipazzjoni tal-parlamenti nazzjonali fl-affarijiet Ewropej fil-biċċa l-kbira mhumiex magħrufa, kemm fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet kif ukoll il-pubbliku ġenerali; billi hemm bżonn li titqajjem kuxjenza dwar dawn l-għodod;

D.  billi l-obbligu ta’ rendikont u l-iskrutinju parlamentari tal-gvernijiet nazzjonali fi ħdan il-qafas tal-affarijiet Ewropej, li jiddependu fuq prattiki nazzjonali individwali, huma l-pedament tar-rwol tal-parlamenti nazzjonali fil-qafas attwali tat-Trattat Ewropew;

E.  billi dan l-obbligu ta’ rendikont u dan l-iskrutinju jistgħu jiġu ffaċilitati permezz ta’ aktar trasparenza fil-Kunsill, speċjalment fir-rigward tar-rekord tal-votazzjoni u l-pożizzjonijiet tal-Istati Membri; billi l-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew għandhom iżidu l-pressjoni fuq il-Kunsill biex jaġixxi b’mod aktar trasparenti u jaderixxi aktar mal-obbligu ta’ rendikont matul il-proċess leġiżlattiv kollu; billi, barra minn hekk, l-aċċess għad-dokumenti ta’ istituzzjonijiet oħra tal-UE jippermetti lill-parlamenti nazzjonali jeżerċitaw skrutinju kif xieraq;

F.  billi nuqqas ta’ trasparenza fil-proċessi leġiżlattivi u deċiżjonali tal-UE jġib miegħu r-riskju li jimmina kemm il-prerogattivi tal-parlamenti nazzjonali taħt it-Trattati u l-Protokolli rilevanti kif ukoll, b’mod partikolari, ir-rwol tagħhom fl-iskrutinju tal-gvernijiet nazzjonali tagħhom kif rappreżentati fil-Kunsill;

G.  billi l-pluraliżmu parlamentari jarrikkixxi d-dibattitu fil-livell Ewropew u għalhekk huwa ta’ benefiċċju kbir għall-Unjoni u għar-rappreżentanza tal-minoranzi parlamentari fl-affarijiet Ewropej u jgħin biex jikkontrobilanċja l-maġġoranzi f’kull parlament filwaqt li jirrispettahom bis-sħiħ u skont il-proporzjonijiet tagħhom; billi l-fehmiet u r-rappreżentanza tal-minoranzi parlamentari nazzjonali għandhom jitqiesu fil-livell tal-UE u jistgħu jkunu utli, fost l-oħrajn, fi proċess futur għar-reviżjoni tat-Trattati tal-UE, filwaqt li jiġu rispettati l-kompetenzi tal-parlamenti nazzjonali fir-rigward tar-rappreżentanza tagħhom;

H.  billi l-Protokoll Nru 2 (l-Artikolu 6) jirrikonoxxi li l-parlamenti nazzjonali jistgħu jikkonsultaw lill-parlamenti reġjonali b’setgħat leġiżlattivi, iżda r-rwol tal-parlamenti reġjonali jiddependi fil-biċċa l-kbira fuq l-arranġamenti nazzjonali u ħafna drabi jibqa’ konsultattiv; billi l-Kummissjoni, il-Kunsill, l-Istati Membri u l-parlamenti nazzjonali tagħhom għandhom iqisu r-rwol u jippromwovu l-involviment tal-parlamenti reġjonali b’setgħat leġiżlattivi, speċjalment meta l-kompetenzi reġjonali esklużivi jistgħu jiġu affettwati;

I.  billi ħafna mill-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni għandhom mandat elettorali reġjonali; billi jista’ jsir dibattitu dwar ir-rwol tal-Kumitat tar-Reġjuni biex il-parlamenti reġjonali jitqarrbu lejn il-proċess ta’ integrazzjoni ġenerali u biex tissaħħaħ id-demokrazija Ewropea;

J.  billi l-parlamenti nazzjonali u r-rwol tagħhom fi ħdan il-qafas istituzzjonali tal-UE ġew indirizzati minn għadd ta’ proposti li jinsabu fir-rapport dwar l-eżitu finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (CoFoE); billi l-esperjenza tal-CoFoE wriet il-potenzjal ta’ alleanza produttiva ġdida bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew;

K.  billi l-parlamenti nazzjonali għandhom rwol fi kwalunkwe reviżjoni tat-Trattati Ewropej, b’mod partikolari bl-għan li jissaħħu d-dimensjoni parlamentari u l-ħajja demokratika tal-UE; billi l-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ġunju 2022, appella għal Konvenzjoni għar-reviżjoni tat-Trattati;

L.  billi sfera pubblika Ewropea tista’ titrawwem minn sensiela ta’ fora dwar l-aġenda Ewropea u fora bħal dawn jistgħu jiġu approvati permezz ta’ “Ġimgħa Ewropea” komuni, li fiha membri tal-kmamar parlamentari nazzjonali u reġjonali jiddiskutu simultanjament l-affarijiet Ewropej mal-Kummissarji, mal-Membri tal-Parlament Ewropew, u mal-ministri mill-presidenza tal-Kunsill attwali; billi l-iżvilupp ta’ sfera pubblika Ewropea vera jibbenefika wkoll minn sensibilizzazzjoni akbar fost iċ-ċittadini u l-parteċipazzjoni u d-djalogu maċ-ċittadini;

M.  billi l-involviment tal-parlamenti nazzjonali fl-affarijiet tal-UE jenħtieġ li jissaħħaħ ukoll f’approċċ tematiku, ibbażat fuq il-kumitat jew ad hoc; billi l-format tal-Laqgħat tal-Kumitati Interparlamentari (ICM) jenħtieġ li jiġi rfinat iktar;

N.  billi l-parlamenti nazzjonali juru interess li jkunu involuti aktar mill-qrib fis-sustanza tal-politiki u fil-leġiżlazzjoni tal-UE aktar milli biss fil-qafas tas-sistema ta’ twissija bikrija (STB), li tikkonċerna esklussivament is-sussidjarjetà;

O.  billi l-implimentazzjoni tad-dritt tal-parlamenti nazzjonali li jiskrutinizzaw il-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, fuq il-bażi tal-STB, saħħet l-involviment tal-parlamenti nazzjonali fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE;

P.  billi l-opinjonijiet motivati mressqa mill-parlamenti nazzjonali jsaħħu l-proċess leġiżlattiv Ewropew billi jivvalutaw il-konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà; billi l-perjodu ta’ tmien ġimgħat stabbilit fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 wera li mhuwiex adegwat għall-monitoraġġ f’waqtu tal-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u għandu jiġi estiż fil-qafas ta’ reviżjoni li jmiss tat-Trattat;

Q.  billi l-partiti politiċi Ewropej għandhom rwol kritiku fit-tnaqqis tad-disparità bejn l-UE u l-parlamenti nazzjonali; billi l-ostakli regolatorji jipprevjenu impenn aktar sinifikanti bejn il-partiti politiċi Ewropej u l-partiti nazzjonali; billi għodod ta’ kooperazzjoni innovattivi u iktar b’saħħithom bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew jistgħu jiġu kkunsidrati, inkluż djalogu iktar intensiv fost il-familji u l-gruppi politiċi;

R.  billi r-rapport ta’ implimentazzjoni tal-2018 irrakkomanda li l-parlamenti nazzjonali jingħataw il-possibbiltà li jissottomettu proposti kostruttivi għall-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni u b’kunsiderazzjoni xierqa għad-dritt ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni;

S.  billi l-CoFoE rrakkomandat li l-parlamenti nazzjonali u l-parlamenti reġjonali b’setgħat leġiżlattivi “jingħataw il-possibbiltà li jissuġġerixxu inizjattiva leġiżlattiva fil-livell Ewropew”, strument li jagħtihom l-opportunità li jissuġġerixxu proposti kostruttivi għall-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni u b’kunsiderazzjoni xierqa għad-dritt ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni, wara li l-ewwel ikun inkiseb l-appoġġ tal-Parlament; billi l-għan li jinkiseb dritt sħiħ ta’ inizjattiva għall-Parlament Ewropew ġie enfasizzat bosta drabi waqt il-leġiżlatura attwali;

T.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ġunju 2022, il-Parlament appella għall-istabbiliment ta’ dritt ġenerali dirett ta’ inizjattiva leġiżlattiva għall-Parlament Ewropew; billi, wara l-għoti ta’ dan id-dritt, il-proċeduri tal-“karta ħadra” għandhom ikunu diretti lejn il-Parlament;

U.  billi l-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ “karta ħamra” ma tistax titqies għodda xierqa u kostruttiva fir-rigward tal-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea;

V.  billi l-IPEX, li hija pjattaforma għall-iskambju kontinwu ta’ informazzjoni fost il-parlamenti nazzjonali u bejn il-parlamenti nazzjonali u l-istituzzjonijiet Ewropej, jeħtieġ li tiġi żviluppata aktar skont l-istrateġija diġitali tagħha; billi l-Parlament Ewropew għandu rwol ewlieni biex ikun ta’ appoġġ f’dan;

W.  billi l-parlamenti nazzjonali għandhom kompetenzi rilevanti fl-oqsma tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja skont l-Artikoli 70, 85 u 88 tat-TFUE u għandu jkollhom rwol ħafna iktar importanti fil-futur fir-rigward tal-politika tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni billi jibnu wkoll fuq il-Konferenza Interparlamentari (IPC) dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni u l-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PESK/PSDK) kif stabbilit mill-Artikolu 10 tal-Protokoll Nru 1;

L-iskrutinju tal-attività governattiva fl-affarijiet Ewropej

1.  Iqis li l-implimentazzjoni tad-drittijiet u d-dmirijiet tal-parlamenti nazzjonali li joriġinaw mit-Trattat ta’ Liżbona tejbet ir-rwol tagħhom fil-qafas kostituzzjonali Ewropew u għalhekk jiġu ggarantiti aktar pluraliżmu, leġittimità demokratika u l-funzjonament aħjar tal-Unjoni;

2.  Huwa tal-fehma li l-obbligu ta’ rendikont tal-gvernijiet nazzjonali lejn il-parlamenti nazzjonali kif rikonoxxut mill-Artikolu 10(2) tat-TUE huwa l-qofol tar-rwol tal-kmamar parlamentari nazzjonali fl-Unjoni Ewropea; iqis li l-parlamenti nazzjonali huma sħab fiż-żamma tal-bilanċ istituzzjonali tal-UE; iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali jeżerċitaw bis-sħiħ il-funzjonijiet Ewropej tagħhom sabiex jinfluwenzaw u jiskrutinizzaw direttament il-kontenut tal-politiki Ewropej, b’mod partikolari permezz tal-monitoraġġ tal-gvernijiet nazzjonali tagħhom li jaġixxu bħala membri tal-Kunsill Ewropew; jistieden lill-membri tal-parlamenti nazzjonali u reġjonali jrawmu kuxjenza Ewropea fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom u jirrikonoxxu l-impatt dirett tal-politiki tal-UE fuq il-kostitwenti tagħhom; ifaħħar l-esperjenza tajba tal-kooperazzjoni bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew u jqis li l-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew għandhom il-potenzjal li jkunu alleati naturali fit-tiswir ta’ dimensjoni parlamentari aktar b’saħħitha tal-UE;

3.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-parlamenti nazzjonali jingħataw biżżejjed żmien,il-kapaċità, ir-riżorsi u l-aċċess meħtieġ għall-informazzjoni sabiex iwettqu r-rwol kostituzzjonali tagħhom ta’ skrutinju u b’hekk jilleġittimizzaw l-attività tal-gvernijiet nazzjonali meta dawn il-gvernijiet jaġixxu fil-livell Ewropew; ifakkar fl-importanza tal-aċċess għall-informazzjoni u jirrikonoxxi li l-Kunsill jeħtieġlu jadotta s-salvagwardji meħtieġa għas-sigurtà tad-dokumenti filwaqt li jiżgura li l-parlamenti nazzjonali jkunu jistgħu jwettqu skrutinju demokratiku fuq il-gvernijiet rispettivi tagħhom, fost affarijiet oħra permezz tal-aċċess għall-bażi tad-data leġiżlattiva tal-Kunsill, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ ukoll il-kunfidenzjalità;

4.  Iqis li t-trasparenza tal-metodi ta’ ħidma u l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE tirrappreżenta prekundizzjoni biex il-parlamenti nazzjonali jkunu jistgħu jwettqu b’mod effettiv ir-rwol istituzzjonali tagħhom derivata mit-Trattati; jitlob, għalhekk, li r-rekords tal-votazzjoni tal-Istati Membri fil-Kunsill isiru pubbliċi; jitlob, barra minn hekk, li l-parlamenti nazzjonali jagħmlu użu sħiħ mill-kompetenzi rispettivi tagħhom, inter alia billi jadattaw l-organizzazzjoni interna, l-iskedi u r-regoli ta’ proċeduri tagħhom biex ikunu jistgħu jagħmlu dan; jimpenja ruħu u jħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali u lill-Parlament Ewropew jintroduċu għodod ta’ kooperazzjoni iktar innovattivi u b’saħħithom fil-livell politiku u amministrattiv, li jibdew b’forom iktar intensivi ta’ skambju u djalogu fost il-familji u l-gruppi politiċi Ewropej;

5.  Jinkoraġġixxi d-djalogu msaħħaħ bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-parlamenti nazzjonali, u jfakkar li d-deċiżjonijiet iridu jittieħdu skont il-kompetenzi kostituzzjonali, it-Trattati tal-UE u l-acquis tal-UE u billi titqies id-delineazzjoni ċara bejn il-kompetenzi rispettivi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-korpi lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej;

6.  Jiddikjara li l-allinjament tas-Semestru Ewropew mal-aġendi tal-parlamenti nazzjonali jista’ jkompli jikkontribwixxi għall-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi, filwaqt li jenfasizza li tali allinjament m’għandux jinjora s-setgħat tal-awtogovernanza u r-regoli speċifiċi tal-proċedura ta’ kull kamra parlamentari;

7.  Jitlob li l-parlamenti nazzjonali jkollhom rwol aktar b’saħħtu fl-implimentazzjoni ta’ perjodu nazzjonali għad-djalogu tal-politika baġitarja u ekonomika, li matulu l-parlamenti nazzjonali jkunu jistgħu jikkooperaw, jiddeliberaw u jikkontribwixxu għas-Semestru Ewropew billi jipprovdu lill-gvernijiet tagħhom b’mandat fir-relazzjonijiet tagħhom mal-Kummissjoni u l-Kunsill;

L-iżvilupp ta’ sfera pubblika Ewropea

8.  Jisħaq fuq ir-rilevanza tal-prinċipju ta’ rappreżentanza proporzjonali ta’ membri minn partiti politiċi differenti f’dan ir-rigward; jirrakkomanda, għalhekk, li d-delegazzjonijiet parlamentari nazzjonali li jaġixxu quddiem l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jirriflettu d-diversità politika;

9.  Jinnota l-fatt li r-rieda vinkolanti tal-maġġoranzi parlamentari tista’ tiġi espressa fl-opinjonijiet maħruġa mill-parlamenti nazzjonali, fi ħdan jew barra l-qafas tal-STB; japprova l-idea, madankollu, li minoranzi politiċi parlamentari nazzjonali jingħataw il-possibbiltà li jesprimu opinjonijiet fejn huma ma jaqblux, li mbagħad jistgħu jiġu inkorporati fl-annessi għal opinjonijiet bħal dawn;

10.  Jemmen li l-interazzjoni mal-parlamenti nazzjonali tista’ tiġi msaħħa b’mod indirett billi tingħata s-setgħa lill-partiti politiċi Ewropej; itenni s-sejħa fit-tul tiegħu biex dawn il-partiti jkunu jistgħu jimpenjaw ruħhom fl-isferi politiċi tal-Istati Membri u jappoġġjaw il-partiti membri tagħhom meta jkunu involuti kwistjonijiet tal-UE; jappella għall-konklużjoni rapida tar-riformulazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej(18) biex il-partiti politiċi Ewropej ikunu jistgħu jappoġġjaw il-partiti membri tagħhom fil-kampanji għall-elezzjonijiet Ewropej u l-kampanji referendarji dwar kwistjonijiet tal-UE;

11.  Jemmen li t-twaqqif ta’ Ġimgħa Ewropea annwali tippermetti lill-Membri tal-Parlament Ewropew, lill-Kummissarji u lill-ministri tal-presidenzi tal-Kunsill attwali biex joħorġu quddiem il-parlamenti nazzjonali u, fejn xieraq, reġjonali kollha sabiex jiddiskutu u jispjegaw l-aġenda Ewropea flimkien ma’ dawk il-parlamentari nazzjonali; jissuġġerixxi li tinbeda diskussjoni dwar l-abbozzar ta’ dikjarazzjoni politika komuni jew ta’ qafas ta’ ftehim bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew, jiġifieri dwar l-organizzazzjoni tal-Ġimgħa Ewropea proposta, sabiex jiġi pprovdut qafas iktar koerenti ta’ kooperazzjoni fil-livell politiku, istituzzjonali u amministrattiv; iqis li l-Ġimgħa Ewropea proposta għandha tislet tagħlimiet minn fora attwali u preċedenti, bħall-ġimgħa parlamentari organizzata mill-Konferenza tas-Semestru Ewropew u l-IPC dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni Ekonomika u l-Governanza fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-CoFoE; jemmen, barra minn hekk, li laqgħat u l-caucuses tal-familji politiċi bejn u fi ħdan il-gruppi politiċi nazzjonali u Ewropej fil-qafas tal-kooperazzjoni interparlamentari tal-UE jistgħu jġibu valur miżjud fil-forma ta’ dibattitu politiku Ewropew awtentiku;

12.  Iqis li involviment iktar b’saħħtu tal-parlamenti nazzjonali mill-pajjiżi kandidati huwa għodda essenzjali sabiex l-istrateġija ta’ tkabbir tal-UE tirnexxi; jissuġġerixxi l-involviment tar-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali mill-pajjiżi kandidati fil-Ġimgħa Ewropea proposta;

Appoġġ għar-riforma tas-Sistema ta’ Twissija Bikrija

13.  Jenfasizza li l-aktar prerogattiva sostanzjali għall-parlamenti nazzjonali li ġab miegħu t-Trattat ta’ Liżbona kienet il-kapaċità ta’ skrutinju tal-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà fl-istadji bikrija tal-proċeduri leġiżlattivi tal-UE;

14.  Jinnota li proċeduri bħall-karti “sofor” jew “oranġjo” ma ntużawx b’mod estensiv; jissuġġerixxi li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE u l-Istati Membri jaqblu dwar il-fehim komuni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità oriġinarjament mehmuż mat-Trattat ta’ Amsterdam, il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u l-prattika tal-Kummissjoni stess; iqis li l-iżvilupp ta’ dan il-fehim komuni għandu jinkludi l-elementi kollha tas-sussidjarjetà u jista’ jitrawwem permezz ta’ għodod ġodda ta’ kooperazzjoni;

15.  Jirrikonoxxi t-talba tal-parlamenti nazzjonali biex jestendu l-perjodu ta’ tmien ġimgħat li matulu jistgħu joħorġu opinjonijiet motivati skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 1; jenfasizza, madankollu, li l-qafas attwali tat-Trattat ma jipprevedix tali estensjoni; jinnota li, bħala miżura ta’ mitigazzjoni, mill-2019, il-Kummissjoni bdiet teskludi l-perjodu tal-festi tal-aħħar tas-sena meta stabbiliet il-perjodu ta’ tmien ġimgħat biex il-parlamenti nazzjonali jibagħtu opinjonijiet motivati; jemmen, għalhekk, li l-introduzzjoni ta’ perjodu ta’ tnax-il ġimgħa għandha tiġi kkunsidrata fil-qafas ta’ reviżjoni li jmiss tat-Trattat;

16.  Jistieden lill-parlamenti nazzjonali jinkludu l-opinjonijiet motivati tal-parlamenti reġjonali b’setgħat leġiżlattivi fl-opinjonijiet motivati finali tagħhom li jintbagħtu lill-Presidenti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni meta jkunu affettwati kompetenzi esklużivi reġjonali;

17.  Jissuġġerixxi li titwaqqaf sistema, xi drabi msejħa proċedura ta’ “karta ħadra”, li biha tal-anqas terz tal-parlamenti nazzjonali ikun jista’ jitlob lill-Kummissjoni jew lill-Parlament Ewropew, ladarba dan tal-aħħar ikun ingħata dritt dirett ġenerali ta’ inizjattiva, iressqu proposta bil-għan li jinfluwenzaw b’mod pożittiv id-dibattitu Ewropew; jissuġġerixxi, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni jew il-Parlament Ewropew jistgħu jgawdu d-diskrezzjoni jew li jaċċettaw tali proposti jew li joħorġu tweġiba formali li tissottolinja r-raġunijiet tagħha biex ma tagħmilx dan; jirrimarka li tali proċedura ma tistax tikkonsisti fi dritt ta’ inizjattiva jew id-dritt li tiġi rtirata jew emendata leġiżlazzjoni peress li dan ifixkel il-“metodu tal-Unjoni” u d-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn il-livell nazzjonali u dak Ewropew, u b’hekk ma jirrispettax it-Trattati;

L-implimentazzjoni tad-dritt għall-informazzjoni

18.  Jafferma mill-ġdid li l-Artikolu 12 tat-TUE u l-Protokoll Nru 1 jagħtu lill-parlamenti nazzjonali d-dritt li jirċievu informazzjoni direttament mill-istituzzjonijiet Ewropej; jissuġġerixxi li d-dritt għall-informazzjoni jiġi estiż ukoll għall-parlamenti reġjonali b’setgħat leġiżlattivi;

19.  Jirrakkomanda li l-parlamenti nazzjonali jużaw il-pjattaforma IPEX fil-mument opportun biex jiżguraw bidu bikri tal-mekkaniżmu ta’ skrutinju nazzjonali; jirrakkomanda l-użu tal-IPEX bħala mezz għall-kondiviżjoni sistematika tal-informazzjoni u l-immarkar bikri tat-tħassib dwar is-sussidjarjetà; jilqa’ l-verżjoni aġġornata tal-Linji Gwida tal-IPEX, approvati fil-laqgħa tas-Segretarji Ġenerali fi Frar 2023, li tirrifletti l-verżjoni l-ġdida tal-pjattaforma IPEX u l-opportunitajiet u l-għodod offruti minn din il-verżjoni l-ġdida;

Il-viżwalizzazzjoni ta’ kooperazzjoni interistituzzjonali aħjar

20.  Jieħu nota tal-kooperazzjoni attwali bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali fil-COSAC, fl-IPC dwar il-PESKu fil-qafas tal-Artikolu 13 tat-TSKG; jieħu nota, barra minn hekk, ta’ forom aktar reċenti ta’ kooperazzjoni interparlamentari bħall-Grupp Konġunt ta’ Skrutinju Parlamentari dwar l-Europol u l-ICM dwar l-Evalwazzjoni tal-Eurojust; jisħaq fuq il-fatt li t-tali kooperazzjoni għandha tiġi żviluppata fuq il-bażi tal-prinċipji ta’ kunsens, kondiviżjoni ta’ informazzjoni u konsultazzjoni sabiex il-parlamenti nazzjonali jeżerċitaw skrutinju fuq il-gvernijiet u l-amministrazzjonijiet rispettivi tagħhom;

21.  Itenni li l-qafas attwali tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-parlamenti nazzjonali jista’ jiġi ssimplifikat u armonizzat sabiex isir aktar effiċjenti u effettiv; jitlob, f’dan il-kuntest, reviżjoni tal-impenn bejn l-Unjoni u l-parlamenti nazzjonali tagħha fil-pjattaformi u l-fora eżistenti, bil-għan li dawn ir-relazzjonijiet jissaħħu u jiġu adattati għall-ħtiġijiet attwali; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-parlamenti reġjonali b’setgħat leġiżlattivi biex ikollhom involviment iktar attiv u interazzjoni diretta bejniethom, filwaqt bli jirrispettaw ir-rwol u l-kompetenzi tal-parlamenti nazzjonali;

22.  Jirrimarka li t-tisħiħ tad-djalogu politiku u tekniku bejn il-kumitati parlamentari, kif ukoll il-gruppi politiċi, kemm fil-livell nazzjonali u kif ukoll f’dak Ewropew, ikun pass produttiv ħafna lejn kooperazzjoni interparlamentari sħiħa; jissuġġerixxi, għal dan l-għan, li titqajjem aktar sensibilizzazzjoni fil-livell nazzjonali dwar l-għodod possibbli ta’ kooperazzjoni; jipproponi, għalhekk, l-allokazzjoni ta’ riżorsi addizzjonali biex dan l-għan jintlaħaq, fost affarijiet oħra, biex jiġu ffinanzjati l-użu ta’ konferenzi bil-video, skambji tal-persunal jew proġetti pilota;

23.  Jirrikonoxxi r-rilevanza tal-ICMs stabbiliti fl-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll Nru 1 u s-suċċess settorjali ta’ “metodu ta’ kumitat” fil-kooperazzjoni interparlamentari; jemmen li tista’ tinkiseb kooperazzjoni interistituzzjonali aħjar jekk l-ICM tingħata aktar rilevanza mill-Membri tal-Parlament Ewropew u mill-parlamenti nazzjonali u jekk ikunu ppreparati għal kooperazzjoni aktar mill-qrib; iqis li r-regoli ta’ proċedura jistgħu jinbidlu sabiex jirregolaw forom aktar b’saħħithom ta’ kooperazzjoni bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew, b’rispett sħiħ tal-kompetenzi istituzzjonali tagħhom u d-distribuzzjoni tagħhom;

24.  Jirrakkomanda li l-parlamenti nazzjonali jkunu involuti bis-sħiħ fl-iżvilupp kontinwu tal-PSDK; jemmen li tali involviment għandu jiġi promoss f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Parlament Ewropew, bi qbil mal-Artikolu 10 tal-Protokoll Nru 1 u b’rispett sħiħ għad-dispożizzjonijiet tal-kostituzzjonijiet nazzjonali fir-rigward tal-politiki ta’ sigurtà u difiża; jistieden lill-parlamenti nazzjonali jirriflettu f’aktar dettall dwar il-prijoritizzazzjoni tal-kapaċità tad-difiża fil-livell tal-UE, inkluż permezz ta’ laqgħat interparlamentari konġunti bejn rappreżentanti mill-parlamenti nazzjonali u Membri tal-Parlament Ewropew, fil-kuntest tal-IPC dwar il-PESK/PSDK u permezz ta’ djalogu politiku;

25.  Ifakkar l-importanza li jissaħħu l-kooperazzjoni u d-djalogu bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew dwar id-dritt ta’ inkjesta;

o
o   o

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 202, 7.6.2016, p. 203.
(2) ĠU C 115, 9.5.2008, p. 206.
(3) ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 94.
(4) ĠU C 443, 22.12.2017, p. 40.
(5) ĠU C 390, 18.11.2019, p. 121.
(6) ĠU C 456, 10.11.2021, p. 56.
(7) ĠU C 479, 16.12.2022, p. 18.
(8) ĠU C 81, 18.2.2022, p. 74.
(9) Sussidjarjetà attiva – mod ġdid ta’ ħidma, rapport tat-Task Force dwar is-Sussidjarjetà, il-Proporzjonalità u dwar li “Isir inqas b’mod iktar effiċjenti”, 10 ta’ Lulju 2018.
(10) ĠU C 270, 7.7.2021, p. 71.
(11) ĠU C 465, 6.12.2022, p. 109.
(12) ĠU C 493, 27.12.2022, p. 130.
(13) Testi adottati, P9_TA(2023)0427.
(14) Testi adottati, P9_TA(2023)0078.
(15) https://parleu2022.cz/wp-content/uploads/2023/04/EUSC-Prague-Presidency-Conclusions-final-EN-1.pdf.
(16) https://secure.ipex.eu/IPEXL-WEB/download/file/8a8629a88827df1e018828991e660000/Contribution adopted by the LXIX COSAC.pdf.
(17) https://www.congreso.es/backoffice_doc/prensa/notas_prensa/99181_1688138271277.pdf.
(18) ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' Ġunju 2024Avviż legali - Politika tal-privatezza