Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Jannar 2024 dwar l-istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali (2023/2106(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal-15 ta’ Mejju 2019 bit-titolu “L-UE u l-Asja Ċentrali: Opportunitajiet ġodda għal sħubija aktar b’saħħitha”, (JOIN(2019)0009),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2019 dwar l-Istrateġija l-Ġdida dwar l-Asja Ċentrali,
– wara li kkunsidra l-komunikazszjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tad-19 ta’ Settembru 2018 bit-titolu “Konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja – Elementi fundamentali għal Strateġija tal-UE” (JOIN(2018)0031),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal-1 ta’ Diċembru 2021 bit-titolu “Il-Portal Globali” (JOIN(2021)0030),
– wara li kkunsidra l-eżiti tat-18-il laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE u l-Asja Ċentrali, li saret fis-17 ta’ Novembru 2022 f’Samarkand, li ffukat fuq is-sejbien ta’ soluzzjonijiet għal sfidi komuni,
– wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa konġunta mill-kapijiet ta’ stat tal-Asja Ċentrali u l-President tal-Kunsill Ewropew, maħruġa wara t-tieni laqgħa reġjonali ta’ livell għoli li saret f’Cholpon-Ata fit-2 ta’ Ġunju 2023,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra(1),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u Kooperazzjoni li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Kirgiża, min-naħa l-oħra(2),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Ġunju 2022 għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika Kirgiża, min-naħa l-oħra (COM(2022)0277),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tat-Taġikistan, min-naħa l-oħra(3),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra(4),
– wara li kkunsidra l-eżiti tal-Konferenza dwar il-Konnettività bejn l-UE u l-Asja Ċentrali, li saret fit-18 ta’ Novembru 2022, it-tieni Forum Ekonomiku bejn l-UE u l-Asja Ċentrali, li sar mit-18 sad-19 ta’ Mejju 2023, ir-raba’ Forum tas-Soċjetà Ċivili bejn l-UE u l-Asja Ċentrali, li sar fl-10 ta’ Marzu 2023, u s-seba’ Konferenza ta’ Livell Għoli bejn l-UE u l-Asja Ċentrali dwar l-Ambjent u r-Riżorsi tal-Ilma, li saret bejn it-23 u l-24 ta’ Frar 2023,
– wara li kkunsidra l-istudju ffinanzjat mill-UE bit-titolu “Sustainable transport connections between Europe and Central Asia” (Konnessjonijiet tat-trasport sostenibbli bejn l-Ewropa u l-Asja Ċentrali), imwettaq mill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u ppubblikat fit-30 ta’ Ġunju 2023,
– wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Qbil bejn l-UE u l-Każakistan dwar sħubija strateġika fil-qasam tal-materja prima, il-batteriji u l-idroġenu rinnovabbli, iffirmat fis-7 ta’ Novembru 2022,
– wara li kkunsidra r-riżultati tad-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-Istati tal-Asja Ċentrali,
– wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali Konġunt għall-Approfondiment tar-Rabtiet bejn l-UE u l-Asja Ċentrali, approvat matul id-19-il Laqgħa Ministerjali UE-Asja Ċentrali li saret fit-23 ta’ Ottubru 2023,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-kapijiet ta’ stat tal-Asja Ċentrali u tal-Kanċillier Federali tal-Ġermanja wara s-summit tagħhom tad-29 ta’ Settembru 2023 f’Berlin,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Każakistan, il-Kirgistan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Użbekistan,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru III għall-2021-2025,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2020 dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fil-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-UE(5),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0407/2023),
A. billi minn mindu ġiet adottata l-istrateġija tal-UE dwar l-Asja Ċentrali fl-2019, ir-reġjun ġie affettwat minn fatturi esterni sinifikanti, bħall-gwerra illegali ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, it-teħid tal-kontroll tal-Afganistan mit-Talibani u l-politika barranija taċ-Ċina dejjem aktar assertiva, kif ukoll mill-instabbiltà interna, b’mod partikolari l-inkwiet vjolenti fil-Każakistan f’Jannar 2022, ir-repressjoni vjolenti wara protesti mill-Pamiris fl-Oblast Awtonomu ta’ Gorno-Badakhshan tat-Taġikistan f’Novembru 2021 u f’Mejju 2022 u fir-Repubblika ta’ Karakalpakstan, l-Użbekistan, f’Lulju 2022, u l-ġlied ripetut fuq il-fruntiera Kirgiża-Taġikistana;
B. billi l-Asja Ċentrali hija reġjun ta’ interess strateġiku għall-UE f’termini ta’ sigurtà u konnettività kif ukoll f’termini ta’ diversifikazzjoni tal-enerġija u r-riżorsi, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u d-difiża tal-ordni internazzjonali multilaterali bbażat fuq ir-regoli, li ġie sfidat mill-attakk tar-Russja fuq il-valuri tagħna, l-aggravar tal-kriżi globali tal-ikel, l-aggressjoni u l-atroċitajiet, it-tixrid tad-diżinformazzjoni, il-korruzzjoni bl-użu tal-armi u l-indħil fl-elezzjonijiet;
C. billi l-ebda wieħed mill-Istati tal-Asja Ċentrali ma jappoġġja l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja u lanqas ma jirrikonoxxi r-reġjuni Ukreni annessi mir-Russja bħala partijiet mill-Federazzjoni Russa;
D. billi fit-28 ta’ Marzu 2023, il-Mibgħut Speċjali tas-Sanzjonijiet tal-UE stieden lill-pajjiżi fir-reġjun jevitaw li jassistu lit-tentattivi ta’ Moska biex tevadi s-sanzjonijiet imposti fuq ir-Russja minħabba l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna;
E. billi l-uffiċjali u l-propagandisti Russi qed ikomplu jużaw retorika aggressiva kontra xi Stati tal-Asja Ċentrali, b’mod partikolari kontra l-Każakistan, filwaqt li jqajmu dubji dwar l-integrità territorjali u l-identità nazzjonali tal-pajjiż;
F. billi ċirkostanzi bħall-iżolament tar-Russja bħala riżultat tal-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, it-tisħiħ tar-rotot kummerċjali mill-Asja Ċentrali li jevitaw ir-Russja, it-tkabbir ippjanat tal-UE fl-Ewropa tal-Lvant u l-influwenza dejjem tikber taċ-Ċina fir-reġjun jitolbu riforma sħiħa tal-istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali u preżenza aktar attiva tal-UE demokratika fir-reġjun bħala alternattiva għall-atturi awtokratiċi stabbiliti;
G. billi hemm bżonn li tiġi żgurata konnettività bejn l-Ewropa u l-Asja b’mod li tevita li tgħaddi mit-territorju Russu; billi l-UE għandha interess qawwi fit-tiftiħ ta’ kurituri kummerċjali u enerġetiċi effiċjenti bejn l-Ewropa u l-Asja, kif uriet il-Konferenza dwar il-Konnettività bejn l-UE u l-Asja Ċentrali li saret f’Samarkand fit-18 ta’ Novembru 2022;
H. billi l-ħames Stati tal-Asja Ċentrali kollha rratifikaw il-Ftehim ta’ Pariġi; billi huma partikolarment vulnerabbli għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima; billi l-ġestjoni ħażina tal-ilma u t-tniġġis irresponsabbli tax-xmajjar ewlenin għall-irrigazzjoni tal-għelieqi tal-qoton irriżultaw fl-użu u fl-isfruttament ineffettivi tar-riżorsi tal-ilma fir-reġjun; billi l-glaċieri fl-Asja Ċentrali qed ikomplu jonqsu b’mod rapidu, u b’hekk qed jaggravaw waħda mill-aktar kriżijiet serji tal-ilma fid-Dinja u jesponu lill-popolazzjoni vulnerabbli taż-żona għal problemi ta’ saħħa, ekoloġiċi u soċjali diżastrużi; billi l-kunflitti frekwenti dwar l-ilma u l-instabbiltà politika llimitaw l-ippjanar unifikat u l-allokazzjoni effiċjenti tax-xmajjar transkonfinali; billi l-bidliet ġeopolitiċi fir-reġjun usa’ joħolqu opportunitajiet għal kooperazzjoni reġjonali aktar sinifikanti; billi kooperazzjoni reġjonali bħal din uriet li għandha impatt fil-kuntest tad-diplomazija fil-qasam tal-ilma u fis-soluzzjoni tat-tilwim dwar il-fruntieri, u se tkun saħansitra aktar kruċjali biex jiġi indirizzat it-theddid transkonfinali dejjem akbar ikkawżat mit-tibdil fil-klima;
I. billi l-Ftehimiet Imsaħħa ta’ Sħubija u Kooperazzjoni huma ftehimiet ta’ ġenerazzjoni ġdida li huma l-pedament tal-impenn tal‑UE mal-Asja Ċentrali; billi l-Każakistan kien l-ewwel stat tal-Asja Ċentrali li ffirma Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni (EPCA) fl-2015, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2020 wara r-ratifika tiegħu mill-Istati Membri kollha, u għandu jiġi rieżaminat perjodikament; billi n-negozjati dwar l-EPCA UE-Kirgistan ġew konklużi fis-6 ta’ Lulju 2019, iżda l-ftehim għadu ma ġiex iffirmat minħabba tilwima legali bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni; billi n-negozjati dwar l-EPCA UE-Użbekistan ġew konklużi fis-6 ta’ Lulju 2022; billi fil-bidu tal-2023, l-UE u t-Taġikistan bdew negozjati dwar EPCA; billi fl-1998 ġie ffirmat Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) mat-Turkmenistan, iżda l-Parlament ma tax l-approvazzjoni tiegħu biex jirratifika l-ftehim minħabba t-tħassib serju tiegħu dwar il-punti ta’ riferiment fuq terminu qasir għall-progress tat-Turkmenistan dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;
J. billi l-ewwel laqgħa tal-mexxejja tal-UE u tal-Asja Ċentrali saret f’Astana fis-27 ta’ Ottubru 2022, segwita mit-tieni laqgħa ta’ dan it-tip f’Cholpon-Ata fit-2 ta’ Ġunju 2023; billi huwa ppjanat summit tal-mexxejja għall-2024; billi dawn il-laqgħat jirrappreżentaw istituzzjonalizzazzjoni ulterjuri tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Asja Ċentrali u jikkomplementaw il-ħidma ta’ djalogi u pjattaformi reġjonali eżistenti;
K. billi l-ewwel summit C5+1 bejn il-mexxejja tal-Asja Ċentrali u l-President tal-Istati Uniti sar fi New York fid-19 ta’ Settembru 2023; billi s-summit C5+Ġermanja sar f’Berlin fid-29 ta’ Settembru 2023;
L. billi l-ħames Stati tal-Asja Ċentrali kollha għandhom punteġġi baxxi u li qed jonqsu fid-demokrazija u r-rapport Freedom in the World tal-2023 ta’ Freedom House jikklassifikahom bħala reġimi awtoritarji u bħala “mhux liberi”; billi l-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2023 irrapporta deterjorament sinifikanti fis-sitwazzjoni tal-libertà tal-istampa fl-Asja Ċentrali u l-punteġġ medju għall-Asja Ċentrali fl-Indiċi tal-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni tal-2022 kien ferm taħt il-medja globali; billi Reporters Mingħajr Fruntieri rrappurtaw bosta każijiet ta’ awtoritajiet tal-Asja Ċentrali li għamlu pressjoni fuq il-midja tagħhom biex jew tkopri l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja b’mod “newtrali”, jew biex tinjoraha għalkollox;
M. billi l-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament żar it-Taġikistan u l-Użbekistan bejn il-21 u l-25 ta’ Frar 2022 u l-Każakistan u l-Kirgistan bejn il-21 u l-25 ta’ Awwissu 2023; billi d-Delegazzjoni tiegħu għall-Kumitati ta’ Kooperazzjoni Parlamentari UE-Każakistan, UE-Kirgistan, UE-Użbekistan u UE-Taġikistan, u għar-relazzjonijiet mat-Turkmenistan u l-Mongolja żżomm relazzjonijiet interparlamentari regolari mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali;
N. billi fl-Asja Ċentrali, hemm biżgħat fondati sew ta’ radikalizzazzjoni, estremiżmu li qed jikber u theddida terroristika, b’għadd kbir ħafna ta’ eks ġellieda tal-ISIS li qed jirritornaw lejn ir-reġjun u sitwazzjoni mwiegħra ta’ sigurtà fl-Afganistan;
O. billi n-nisa u l-bniet fl-Asja Ċentrali għadhom vulnerabbli mmens għall-abbuż, speċjalment peress li hemm livell għoli ta’ aċċettazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u għarfien baxx tal-istereotipi marbuta mal-ġeneru;
P. billi ż-żwieġ tat-tfal għadu komuni fl-Asja Ċentrali, b’mod partikolari fil-Kirgistan u fit-Taġikistan fejn tifla waħda minn kull tmienja tiżżewweġ qabel l-età ta’ 18-il sena;
L-impenn tal-UE mal-Asja Ċentrali
1. Jissottolinja li l-UE u l-Asja Ċentrali qed jiffaċċjaw bidliet u sfidi ġeopolitiċi globali u reġjonali profondi, li jipprovdu impetu sinifikanti għalihom biex jaħdmu favur kooperazzjoni fit-tul, strutturata u ta’ benefiċċju reċiproku fi kwistjonijiet ta’ interess komuni; iħeġġeġ bil-qawwa lill-UE tintensifika l-impenn tagħha mal-Asja Ċentrali, minħabba l-importanza ġeostrateġika tar-reġjun, u tippromwovi sħubija strateġika ma’ dawn il-pajjiżi billi tespandi l-kooperazzjoni fil-livell politiku u ekonomiku; jilqa’ ż-żieda fil-kuntatt ta’ livell għoli bejn l-UE u l-Asja Ċentrali, b’mod partikolari l-laqgħat bejn il-kapijiet ta’ stat tal-Asja Ċentrali u l-President tal-Kunsill Ewropew, u l-ħidma tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Asja Ċentrali; jitlob segwitu għal dawn il-laqgħat u d-dikjarazzjonijiet ta’ livell għoli kollha b’azzjonijiet konkreti; jilqa’, f’dan il-kuntest, il-fatt li l-ewwel summit bejn l-UE u l-Asja Ċentrali huwa ppjanat għall-2024, u l-approvazzjoni tal-Pjan Direzzjonali Konġunt għall-Approfondiment tar-Rabtiet bejn l-UE u l-Asja Ċentrali, li jservi bħala pjan ta’ azzjoni strateġiku biex jitmexxew ’il quddiem id-djalogu u l-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi, fosthom il-bini ta’ reżiljenza kulturali, soċjali u ekonomika; iħeġġeġ lill-UE tkompli tippromwovi riformi politiċi u ekonomiċi li jsaħħu l-istat tad-dritt, id-demokrazija, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; jinnota li l-Parlament huwa lest li jippromwovi l-kooperazzjoni parlamentari mal-Asja Ċentrali;
2. Jinnota li l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u ż-żieda fin-narrattivi nazzjonalistiċi tagħha dgħajfu l-pożizzjoni tar-Russja fir-reġjun u ħeġġew lill-Asja Ċentrali tfittex kooperazzjoni ma’ atturi oħra, u li dawn l-atturi intensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom mal-Asja Ċentrali; jieħu nota wkoll tal-impenn Ċiniż fir-reġjun; jisħaq li l-UE issa għandha l-opportunità li tespandi r-rabtiet tagħha mal-Asja Ċentrali u jkollha rwol aktar prominenti fir-reġjun; jissottolinja li l-UE għandha tuża din l-opportunità biex trawwem kooperazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku u toffri lill-Asja Ċentrali sħubija li tista’ ssir rotta speċjali fi strateġija usa’ fil-konfront tal-ġirien tal-Lvant tal-UE; iqis li t-tisħiħ ta’ din il-kooperazzjoni jikkontribwixxi wkoll għall-ġlieda kontra l-influwenza tar-Russja fir-reġjun;
3. Jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni transatlantika dwar l-Asja Ċentrali u jistieden lill-UE tieħu inizjattiva fit-tfassil ta’ strateġija konġunta għall-Asja Ċentrali mal-Istati Uniti, li għandha tinkludi kooperazzjoni fl-oqsma tal-promozzjoni tad-demokrazija, l-investimenti u l-kummerċ, l-ekonomija u s-sigurtà reġjonali;
4. Itenni l-impenn tal-UE li taħdem flimkien mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali għall-paċi, is-sigurtà, l-istabbiltà, il-prosperità u l-iżvilupp sostenibbli b’rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali, kif ukoll il-prinċipji tar-rispett għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-pajjiżi kollha, in-nuqqas ta’ użu tal-forza jew it-theddida tal-użu tagħha u s-soluzzjoni paċifika tat-tilwim internazzjonali;
5. Jirrifjuta kwalunkwe tentattiv biex jiġi ffaċilitat jew assistit bi kwalunkwe mod ir-rikonoxximent internazzjonali tal-entità seċessjonista f’Ċipru okkupat, inkluż fir-rigward tal-allegata aċċettazzjoni tagħha bħala osservatur fl-Organizzazzjoni tal-Istati Turkiċi; iħeġġeġ lill-Istati kkonċernati tal-Asja Ċentrali biex effettivament jiddefendu r-rispett tal-prinċipji tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Istati kollha u biex ma jirratifikawx l-Istatut emendat tal-Organizzazzjoni tal-Istati Turkiċi, li jdaħħal fis-seħħ id-deċiżjoni li jingħata status ta’ osservatur;
6. Jirrikonoxxi li l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-implikazzjonijiet tagħha jippreżentaw kemm sfidi kif ukoll opportunitajiet għall-Istati tal-Asja Ċentrali, li tradizzjonalment żammew relazzjonijiet mill-qrib mar-Russja; jissottolinja l-interess tal-UE li żżid ir-relazzjonijiet ekonomiċi u tintensifika r-rabtiet politiċi mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali, parzjalment biex timminimizza ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet kontra r-Russja u l-Bjelorussja; jenfasizza s-sinifikat ta’ skambju mill-qrib kontinwu dwar is-sanzjonijiet u jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati tal-Asja Ċentrali, b’mod partikolari l-Każakistan, il-Kirgistan u l-Użbekistan, jikkooperaw mill-qrib mal-UE, speċjalment mal-Mibgħut tas-Sanzjonijiet tagħha, sabiex jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jipprevjenu ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet; jikkundanna l-proċedura tar-Russja li tirrekluta migranti u ċittadini tal-Asja Ċentrali biex tiġġieled fl-Ukrajna u jappoġġja azzjonijiet immirati biex din tintemm; jinnota l-isforzi individwali tal-Istati tal-Asja Ċentrali biex jiżguraw li t-territorji tagħhom ma jintużawx biex jevitaw is-sanzjonijiet tal-UE u jilqa’ l-miżuri amministrattivi u l-impenn politiku ta’ livell għoli tal-Każakistan f’dan ir-rigward; jistieden lill-UE tuża approċċ differenzjat fl-istrateġija tagħha għall-Asja Ċentrali, li se tivvaluta l-livell ta’ kooperazzjoni mal-UE dwar il-politika ta’ sanzjonijiet fil-konfront tar-Russja; jinnota r-rwol li għandhom l-Istati Membri nfushom biex jiġi żgurat li l-prodotti tal-esportazzjoni li x’aktarx xorta se jaslu r-Russja mill-Asja Ċentrali jgħaddu mill-kontrolli preventivi xierqa;
7. Iqis li huwa meħtieġ rieżami tal-istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali sabiex din tiġi aġġornata fid-dawl tal-avvenimenti ġeopolitiċi li seħħew f’dawn l-aħħar snin; itenni r-rwol ewlieni tal-Ftehimiet Imsaħħa ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bħala l-qafas għall-kooperazzjoni mal-Istati tal-Asja Ċentrali; jinnota, bi tħassib, li l-EPCA mal-Kirgistan, li n-negozjati dwaru ġew konklużi fl-2019, għadu mhux iffirmat; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni javvanzaw malajr fin-negozjati li għaddejjin dwar EPCA mat-Taġikistan, isolvu l-kwistjonijiet pendenti u jiffirmaw il-Ftehimiet Imsaħħa ta’ Sħubija u Kooperazzjoni mal-Kirgistan u l-Użbekistan mingħajr aktar dewmien sabiex il-Parlament jeżerċita l-prerogattivi tiegħu rigward ir-ratifika ta’ dawn il-ftehimiet; jisħaq li l-fatt li ma jiġux iffirmati ftehimiet bħal dawn wara l-konklużjoni tan-negozjati jqajjem dubji dwar il-kredibbiltà tal-UE bħala attur globali;
8. Jinnota li l-Ftehimiet Imsaħħa ta’ Sħubija u Kooperazzjoni mal-Istati tal-Asja Ċentrali nnegozjati s’issa poġġew enfasi qawwija fuq ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; jisħaq fuq l-importanza tal-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-valuri demokratiċi, tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, tal-media ħielsa u tat-tranżizzjoni ekoloġika fl-interazzjonijiet mal-gvernijiet tal-Asja Ċentrali;
Il-kooperazzjoni reġjonali
9. Jissottolinja l-potenzjal kbir ta’ kooperazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku dwar l-iżvilupp sostenibbli, il-konnettività, l-enerġija, il-materja prima kritika u s-sigurtà, u li l-Asja Ċentrali hija reġjun fundamentali għall-konnettività bejn il-Lvant u l-Punent; ifakkar, f’dan il-kuntest, fil-konsegwenzi ġeopolitiċi sinifikanti tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li reġgħet saħħet il-“Kuritur tan-Nofs” (Middle Corridor) mhux biss bħala żona ekonomika reġjonali, iżda wkoll bħala rotta alternattiva u sostenibbli bejn l-Asja u l-Ewropa li tevita li taqsam it-territorju Russu; ifakkar li l-Pont Kontinentali l-Ġdid tal-Ewrasja jgħaddi mit-territorju Russu u Belarussu sanzjonat; jisħaq fuq is-sinifikat tal-promozzjoni tal-integrazzjoni reġjonali tul il-“Kuritur tan-Nofs” u jinnota li sabiex jiġi attirat il-finanzjament tant meħtieġ għal proġetti ta’ infrastruttura fl-ambitu tal-Global Gateway, iridu jiġu eliminati l-ostakli identifikati fl-istudju mwettaq mill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-possibbiltà li l-Bank Ewropew tal-Investiment jappoġġja l-investimenti fl-iżvilupp tal-infrastruttura fl-Istati tal-Asja Ċentrali, speċjalment fil-“Kuritur tan-Nofs”;
10. Jemmen li l-politika tal-UE lejn l-Asja Ċentrali fl-oqsma tal-enerġija, il-konnettività u d-diversifikazzjoni tar-riżorsi għandha tkun ispirata mill-Patt Ekoloġiku Ewropew u bbażata fuq sħubijiet strateġiċi ta’ benefiċċju reċiproku li jqisu l-pekuljaritajiet ta’ kull wieħed mill-Istati tal-Asja Ċentrali, filwaqt li jiżguraw l-aċċess tagħhom għal teknoloġiji moderni u impjiegi ta’ kwalità, filwaqt li jiggarantixxu aċċess sigur u kompetittiv għall-materja prima u l-enerġija għall-UE; jinsab imħasseb, f’dan ir-rigward, bil-fatt li nħolqot dipendenza fuq ir-Russja bħala riżultat tal-iffirmar tal-ftehim dwar il-gass naturali bejn Gazprom u l-Użbekistan permezz tal-Każakistan;
11. Jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-UE fil-finanzjament tar-riformi settorjali tal-Asja Ċentrali, fit-titjib tal-effiċjenza enerġetika tagħha u fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tagħha ta’ gassijiet b’effett ta’ serra; jilqa’ t-tnedija tal-proġett dwar il-Konnettività tal-Enerġija Sostenibbli fl-Asja Ċentrali (SECCA) fl-2022, u jistenna bil-ħerqa l-impatt pożittiv tiegħu fuq it-tisħiħ tal-politiki nazzjonali għat-tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija sostenibbli u ż-żieda fl-investiment, fil-kapaċità u fis-sensibilizzazzjoni rigward l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika fir-reġjun;
12. Jissottolinja l-importanza ta’ klima ta’ investiment pożittiva għall-iżvilupp ekonomiku tal-Asja Ċentrali u tal-kummerċ u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Asja Ċentrali; jenfasizza li klima ta’ investiment pożittiva li twassal għall-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol ta’ kwalità b’salarji adegwati u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti tiddependi minn istituzzjonijiet demokratiċi stabbli, mir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, kif ukoll mill-kapaċità tan-negozji u tas-soċjetà ċivili għall-applikazzjoni tad-diliġenza dovuta;
13. Jinnota l-approċċ li ilhom iħaddnu l-Istati tal-Asja Ċentrali, bl-eċċezzjoni tat-Taġikistan, li jżommu relazzjonijiet mal-Afganistan u l-impenn prammatiku tagħhom li qed jevolvi mat-Talibani, li madankollu ma jirrikonoxxux, minn mindu ħadu l-kontroll fl-2021; jissottolinja li l-pajjiżi fir-reġjun, b’mod partikolari l-Pakistan u ċ-Ċina, iżda anke l-Istati tal-Asja Ċentrali għandhom rwol ewlieni biex jiżguraw l-istabbiltà fl-Afganistan permezz tal-għoti ta’ għajnuna umanitarja, elettriku, opportunitajiet kummerċjali u proġetti konġunti ta’ konnettività; iħeġġeġ lill-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Afganistan ikompli jikkoopera mill-qrib mal-kontropartijiet fl-Istati tal-Asja Ċentrali bħala parti mid-djalogu bejn l-UE u l-Asja Ċentrali dwar l-Afganistan; jirrikonoxxi li l-Asja Ċentrali hija żona kruċjali biex jitrażżnu l-estremiżmu reliġjuż, it-terroriżmu u n-networks tat-traffikar tad-droga u qed tiffaċċja pressjoni migratorja akbar minħabba l-kriżi umanitarja li għaddejja fl-Afganistan; itenni r-rabja tiegħu għat-trattament tan-nisa mit-Talibani bħala inqas minn ċittadini sekondarji u jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Afganistan jikkooperaw mat-Turkmenistan, l-Użbekistan u t-Taġikistan biex jassistu lin-nisa li jippruvaw jaħarbu mill-Afganistan;
14. Jenfasizza r-rwol tal-UE bħala donatur importanti ta’ għajnuna lir-reġjun; jissottolinja l-importanza li jittieħed approċċ magħqud bħala Tim Ewropa, peress li dan jagħmilha possibbli li jinħolqu sinerġiji u jiġi mmassimizzat l-impatt tal-azzjoni meħuda u juri l-benefiċċji tal-kooperazzjoni multilaterali, u jlaqqa’ flimkien l-aħjar għodod u sħab, bħall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-media u l-esperti indipendenti, u s-settur pubbliku u privat, biex jinkiseb l-impatt maħsub; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-viżibbiltà tal-assistenza u l-investiment tal-UE u jitlob li l-assistenza u l-appoġġ baġitarju tal-UE lill-Istati tal-Asja Ċentrali jkunu marbuta ma’ parametri referenzjarji konkreti għall-progress fir-riformi demokratiċi, fid-drittijiet tal-bniedem, fil-protezzjoni, fl-istat tad-dritt u fl-iżvilupp sostenibbli; jisħaq fuq l-importanza ta’ kooperazzjoni koordinata ma’ sħab u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra biex ikunu jistgħu jsiru sinerġiji u tiġi evitata d-duplikazzjoni;
15. Jinnota li t-tibdil fil-klima, il-popolazzjoni li qed tikber u l-ħtiġijiet ekonomiċi qed ipoġġu pressjoni dejjem akbar fuq ir-riżorsi tal-ilma fl-Asja Ċentrali; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni reġjonali aktar mill-qrib dwar din il-kwistjoni bejn il-pajjiżi upstream u downstream sabiex jiġu evitati kunflitti dwar id-distribuzzjoni u l-użu tar-riżorsi tal-ilma; jilqa’ l-pjattaformi reġjonali, bħall-Fond Internazzjonali biex Jissalva l-Baħar ta’ Aral, li jħeġġu d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-Istati tal-Asja Ċentrali; ifakkar li d-djalogu ambjentali bejn l-UE u l-Asja Ċentrali ġie stabbilit sabiex jappoġġja l-istabbilizzazzjoni tal-Baħar ta’ Aral u jrawwem ġestjoni aħjar tar-riżorsi tal-ilma; jitlob li jiġi implimentat il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u jinsab lest li jipprovdi għarfien espert u kooperazzjoni sabiex dan jinkiseb;
16. Jenfasizza li s-soluzzjoni tal-kunflitti, inklużi dawk li jikkonċernaw id-distribuzzjoni tal-ilma, f’konformità mad-dritt internazzjonali u r-relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat, u l-evitar akkost ta’ kollox tal-użu jew tat-theddida tal-forza huma kruċjali biex jinkisbu kemm l-istabbiltà reġjonali fit-tul kif ukoll l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli; jissottolinja l-importanza tad-delimitazzjoni u d-demarkazzjoni ta’ żoni tal-fruntiera kkontestati bejn it-Taġikistan u l-Kirgistan biex jiġi evitat aktar ġlied militari bejn iż-żewġ pajjiżi u jilqa’ l-passi li ħadu ż-żewġ naħat f’dan ir-rigward; itenni l-offerta tal-UE li tappoġġja r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt permezz ta’ assistenza teknika u miżuri għall-bini tal-fiduċja; jilqa’ s-soluzzjoni tal-kwistjoni tad-delimitazzjoni tal-fruntieri bejn il-Kirgistan u l-Użbekistan f’Jannar 2023; itenni li l-UE hija impenjata favur in-nonproliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva fiż-żona;
Id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem
17. Jinsisti li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-konformità mal-obbligi internazzjonali huma importanti għar-relazzjonijiet tal-UE mal-Asja Ċentrali; iħeġġeġ lill-Istati tal-Asja Ċentrali jaderixxu mal-obbligi tagħhom dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jinnota li dan huwa wkoll konformi mal-Ftehimiet ta’ Sħubija u Kooperazzjoni u l-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi Plus; jisħaq fuq l-importanza li jinżammu djalogi regolari dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-Istati tal-Asja Ċentrali, peress li dawn id-djalogi huma strument għall-promozzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u għall-pluraliżmu politiku, u forum biex jitqajmu kwistjonijiet ta’ tħassib; jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE u lir-rappreżentanzi tal-Istati Membri fl-Asja Ċentrali jkomplu jaqdu rwol attiv fil-monitoraġġ tas-sitwazzjoni fuq il-post, jaħdmu mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jirreaġixxu għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-persekuzzjoni politikament motivata, inkluż billi jattendu proċessi u jżuru priġunieri politiċi; iħeġġeġ il-kooperazzjoni mal-korpi tat-trattati tan-NU u l-proċeduri speċjali kif ukoll f’fora multilaterali dwar id-drittijiet tal-bniedem bħall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;
18. Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fuq skala kbira, inkluż l-użu ta’ miżuri ħorox mill-awtoritajiet biex itemmu l-protesti tal-massa u l-inkwiet li rriżulta matul l-hekk imsejħa avvenimenti “Bloody January” fil-Każakistan, kif ukoll fl-Oblast Awtonomu ta’ Gorno-Badakhshan (GBAO) fit-Taġikistan u fir-Repubblika ta’ Karakalpakstan fl-Użbekistan; jistieden lill-awtoritajiet fil-ħames Stati tal-Asja Ċentrali jieħdu miżuri effettivi biex iniedu investigazzjonijiet indipendenti u bir-reqqa dwar l-allegazzjonijiet kollha ta’ tortura u trattament ħażin u ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem, u biex jipprevjenu l-użu ta’ forza eċċessiva u tortura mill-pulizija u l-forzi tas-sigurtà; jistieden lill-gvernijiet tal-Istati tal-Asja Ċentrali jwettqu riformi ġudizzjarji bl-għan li jiżguraw indipendenza u trasparenza akbar;
19. Jissottolinja n-nuqqasijiet demokratiċi fundamentali fl-Asja Ċentrali, fir-rigward tal-governanza demokratika, l-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, li għadhom jippersistu u li dan l-aħħar marru għall-agħar f’diversi aspetti; jissottolinja l-ħtieġa li l-proċessi elettorali jsiru aktar trasparenti, miftuħa u ġusti għall-atturi politiċi kollha; jenfasizza r-rwol importanti li s-soċjetà ċivili jista’ jkollha fl-appoġġ u l-avvanz tar-riformi demokratiċi, il-governanza tajba u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Asja Ċentrali; jiddispjaċih dwar l-approċċ restrittiv li ttieħed f’inizjattivi leġiżlattivi dwar l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-media, li jnaqqsu l-ispazju għall-attivitajiet tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-Istati tal-Asja Ċentrali jieħdu passi sinifikanti biex jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet, jimplimentaw il-konvenzjonijiet rilevanti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u jiżguraw il-konformità mal-obbligi internazzjonali tagħhom rigward il-governanza demokratika u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jinnota li l-Istati impenjaw ruħhom li jagħmlu dan fl-ambitu tal-Ftehimiet ta’ Sħubija u Kooperazzoni mal-UE, il-Ftehimiet Imsaħħa ta’ Sħubija u Kooperazzjoni nnegozjati u l-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi Plus tal-UE; jinnota li l-Istati tal-Asja Ċentrali għandhom popolazzjonijiet żgħażagħ u dinamiċi li għandhom jingħataw opportunitajiet biex jinvolvu ruħhom b’mod sinifikanti fit-tiswir tal-futur ta’ pajjiżhom; jilqa’ l-attivitajiet tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili UE-Asja Ċentrali u jitlob lill-UE ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għas-soċjetà ċivili;
20. Jinnota l-ħtieġa li tingħata spinta lir-reżiljenza tal-Asja Ċentrali kontra d-diżinformazzjoni billi jiġu promossi l-media u l-kontenut indipendenti fil-lingwi lokali, jiżdied il-litteriżmu medjatiku u jiġu organizzati korsijiet immirati għall-ġurnalisti lokali; jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-indipendenza u l-pluraliżmu tal-media u l-libertà tal-espressjoni fl-Asja Ċentrali f’konformità mal-ogħla standards demokratiċi; jitlob trasparenza akbar tas-sjieda u l-finanzjament tal-media bl-għan li jissaħħu l-indipendenza u l-pluraliżmu tal-media; jiddispjaċih li l-awtoritajiet tal-Asja Ċentrali sfruttaw il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni biex jirrestrinġu l-eżerċizzju leġittimu tal-libertà tal-espressjoni, inkluż billi akkużaw lil dawk li jitkellmu dwar il-korruzzjoni, l-inġustizzja u l-abbuż tal-gvern li allegatament xerrdu informazzjoni “falza”, inċitaw “nuqqas ta’ qbil” u ppromwovew “estremiżmu”; jinsab imħasseb dwar l-għadd dejjem akbar ta’ arresti ta’ ġurnalisti u bloggers u dwar it-theddid li jingħalqu mezzi tal-media indipendenti; jinsisti li r-rispett għad-drittijiet tal-ġurnalisti, tal-bloggers indipendenti, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-attivisti ċiviċi u ambjentali jrid jiġi żgurat, li dawn iridu jiġu garantiti protezzjoni kontra l-fastidju, il-pressjoni u t-theddid, li kwalunkwe attakk kontrihom irid jiġi investigat u li dawk kollha detenuti u mibgħuta l-ħabs inġustament jiġu rilaxxati immedjatament u mingħajr kundizzjoni; jikkundanna l-għadd ta’ inizjattivi reċenti tal-gvern biex jagħlaq is-servizzi tal-media indipendenti u jimblokka l-aċċess għas-siti tagħhom fit-Taġikistan u l-Kirgistan, kif ukoll l-abbozz ta’ leġiżlazzjoni dwar il-media li bħalissa qed jiġi kkunsidrat fil-Kirgistan u l-Każakistan li jheddu li jżidu l-kontroll tal-Istat fuq l-operazzjonijiet tal-media;
22. Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, għalkemm l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija allegatament protetta bil-liġi fil-pajjiżi kollha, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, il-vjolenza domestika, iż-żwieġ tat-tfal, id-diskriminazzjoni u l-fastidju tal-minoranzi etniċi u reliġjużi u tal-persuni LGBTIQ għadhom mifruxa fl-Asja Ċentrali; iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-Asja Ċentrali jipprevjenu dan il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta’ liġijiet, kampanji edukattivi u miżuri xierqa, inkluż iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni u l-kwalifiki tal-uffiċjali pubbliċi, b’mod partikolari l-uffiċjali tal-pulizija, it-tisħiħ tal-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jippromwovu bidliet leġiżlattivi, it-titjib tas-servizzi ta’ appoġġ tal-ewwel linja għas-superstiti u s-sensibilizzazzjoni biex jiġu miġġielda l-istereotipi eżistenti u tiġi promossa l-ugwaljanza fis-soċjetà; jesprimi tħassib li l-kriminalizzazzjoni tal-persuni LGBTIQ għadha fis-seħħ, li hemm nuqqas ta’ leġiżlazzjoni bażika kontra d-diskriminazzjoni fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, li qed jintuża stupru korrettiv kontra l-leżbjani u li hemm nuqqas ta’ spazji sikuri għall-persuni LGBTIQ biex jinġabru fihom, li jsiru raids kontinwi fuq il-ħwienet tax-xorb u l-ispazji soċjali, u li l-brutalità tal-pulizija hija mifruxa; jisħaq li kwalunkwe strateġija tal-UE dwar l-Asja Ċentrali trid tkun konformi mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru III;
23. Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-korruzzjoni rampanti u l-kleptokrazija fl-Asja Ċentrali, li jnaqqsu l-fiduċja fil-gvern, iżidu l-inugwaljanza, iċaħħdu liċ-ċittadini mis-servizzi pubbliċi u jnaqqsu t-tkabbir ekonomiku; jistieden lill-gvernijiet tal-Asja Ċentrali jieħdu azzjoni lil hinn mir-retorika mifruxa kontra l-korruzzjoni u finalment, jimpenjaw ruħhom fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kleptokrazija u jadottaw strateġiji nazzjonali li jiffukaw fuq approċċ integrat għall-prevenzjoni u t-trażżin tal-korruzzjoni kif ukoll iżidu t-trasparenza u l-aċċess għall-informazzjoni, u jillimitaw l-influwenza privata;
24. Jissottolinja li l-UE għandha tikkapitalizza fuq l-immaġni pożittiva tagħha fl-Asja Ċentrali billi tinvolvi ruħha f’aktar diplomazija kulturali u pubblika; jirrakkomanda li jissaħħu r-rabtiet u li jiżdiedu l-opportunitajiet għall-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u tal-Asja Ċentrali u li jitrawmu l-kuntatt u l-mobbiltà bejn il-persuni, filwaqt li jiġu offruti opportunitajiet fl-edukazzjoni u x-xjenza, bħall-iskambju fil-livell akkademiku permezz tal-programmi Erasmus+ u Orizzont 2020, u li jiżdied it-turiżmu sostenibbli;
25. Jinnota r-rieda tal-Istati tal-Asja Ċentrali li jibdew djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża mal-UE u jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-konsultazzjonijiet dwar l-iżvilupp ta’ pjanijiet direzzjonali ta’ riforma mmirati u komprensivi għall-Istati tal-Asja Ċentrali biex titwitta t-triq għall-faċilitazzjoni tal-viża u l-ftehimiet ta’ riammissjoni;
Il-kooperazzjoni bilaterali
26. Jinnota li l-Każakistan huwa l-ewwel Stat tal-Asja Ċentrali b’EPCA ratifikat, li jipprovdi pedament sod għall-espansjoni tal-kooperazzjoni f’oqsma ewlenin ta’ interess reċiproku, bħall-konnettività, l-effiċjenza enerġetika, l-ekonomija ekoloġika u d-diġitalizzazzjoni; jilqa’ l-iffirmar tal-memorandum ta’ qbil bejn ir-Repubblika tal-Każakistan u l-UE dwar sħubija strateġika dwar il-materja prima sostenibbli, il-batteriji u l-ktajjen tal-valur tal-idroġenu rinnovabbli; jistieden lill-awtoritajiet tal-Każakistan ikomplu jimplimentaw riformi politiċi u ekonomiċi, li għandhom isaħħu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba; jissottolinja li l-implimentazzjoni tal-viżjoni ta’ “Każakistan Ġust u Ekwu” trid tiżgura r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda, u ttejjeb il-qafas elettorali f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-OSKE; jistieden lill-awtoritajiet tal-Każakistan ilestu l-investigazzjoni dwar l-avvenimenti ta’ Jannar 2022, jippubblikaw is-sejbiet tagħhom u jiżguraw il-ġustizzja għall-vittmi tat-tortura; jinnota l-benefiċċji potenzjali ta’ żieda fl-iskambji bejn il-persuni mal-Każakistan permezz ta’ ftehim għall-faċilitazzjoni tal-viża, li l-konsultazzjonijiet tiegħu bdew f’Mejju 2023;
27. Jissottolinja li l-iffirmar li jmiss tal-EPCA u l-implimentazzjoni li għaddejja tal-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi Plus ipoġġu aktar enfasi fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-Kirgistan f’konformità mal-impenji internazzjonali tiegħu; josserva, bi tħassib, id-deterjorament tal-istandards demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem f’dawn l-aħħar snin, meta wieħed iqis li l-Kirgistan tqies bħala l-aktar pajjiż demokratiku fir-reġjun b’soċjetà ċivili vibranti u media ħielsa; jinsab imħasseb dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni politika, fost l-oħrajn rappreżentanti tal-Partit tad-Demokratiċi Soċjali, u l-impatt negattiv tal-inizjattivi leġiżlattivi mmirati lejn l-attivitajiet tal-media indipendenti u tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari l-liġi dwar “informazzjoni falza” u l-abbozzi ta’ liġijiet dwar “rappreżentanti barranin”, “il-media tal-massa” u “l-protezzjoni tat-tfal minn informazzjoni dannuża”, u l-għadd dejjem jikber ta’ każijiet kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ħaddiema tal-media u l-ġurnalisti kif ukoll il-mezzi tal-media; jappella lill-UE tkompli tappoġġja lis-soċjetà ċivili u lill-media indipendenti;
28. Jinnota li l-bidu tan-negozjati dwar il-ftehim EPCA mat-Taġikistan huwa opportunità biex jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kooperazzjoni u l-iskambji bilaterali; jissottolinja l-ħtieġa ta’ kooperazzjoni mill-qrib kontinwa dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà peress li l-Afganistan għadu sors ta’ tħassib dwar l-instabbiltà u s-sigurtà minħabba t-tmexxija ħarxa mit-Talibani u l-kriżijiet umanitarji li għaddejjin fil-pajjiż; itenni li l-ġlieda leġittima kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti m’għandhiex tintuża bħala skuża biex trażżan l-attività tal-oppożizzjoni, timpedixxi l-libertà tal-espressjoni jew ixxekkel l-indipendenza tal-ġudikatura; jilqa’ l-interess tat-Taġikistan li jissieħeb fl-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi Plus, li jista’ jappoġġja t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u jagħti spinta lill-kummerċ, u jirrikjedi implimentazzjoni effettiva tal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol; jistieden lit-Taġikistan itejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni, u jieqaf jintimida u jippersegwita l-ħaddiema tal-media, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-avukati indipendenti u s-soċjetà ċivili kif ukoll iwaqqaf ir-repressjoni tal-minoranza Pamiri fil-GBAO;
29. Jinnota li t-Turkmenistan jibqa’ l-uniku Stat tal-Asja Ċentrali mingħajr FSK mal-UE, li jillimita l-ambitu għal impenn bilaterali; jisħaq li t-Turkmenistan jeħtieġ li juri titjib fid-demokrazija mwiegħra tiegħu u fir-rekord tad-drittijiet tal-bniedem sabiex il-Parlament jerġa’ jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu u jirratifika l-FSK; iħeġġeġ lill-Gvern tat-Turkmenistan jiddekriminalizza r-relazzjonijiet sesswali kunsenswali bejn l-irġiel; jinnota li għandu jkun fl-interess tat-Turkmenistan li l-pajjiż jinfetaħ sabiex jiġi evitat li jkun outlier fir-reġjun b’għażliet limitati għall-kooperazzjoni; jirrikonoxxi l-potenzjal ta’ kooperazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku f’oqsma bħall-enerġija, il-konnettività u l-kummerċ, u jilqa’ l-interess espress tat-Turkmenistan li jforni l-gass lill-Ewropa permezz tal-bini ta’ pipeline tal-gass Trans-Kaspju;
30. Jinnota r-riformi mħabbra fl-Użbekistan li għandhom l-għan li tinkiseb bidla ġenwina fil-pajjiż f’termini ta’ żvilupp soċjoekonomiku, amministrazzjoni effiċjenti, sistema ġudizzjarja aktar indipendenti u rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; jisħaq li r-riforma kostituzzjonali hija opportunità biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt u biex ir-riformi jingħataw bażi legali soda; itenni, madankollu, it-tħassib serju tiegħu dwar ir-rekord fqir tal-Użbekistan dwar id-demokrazija, il-libertà tal-media, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, inkluża r-repressjoni brutali fuq il-protesta ta’ Karakalpakstan, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ assoċjazzjoni kemm għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi kif ukoll għall-partiti politiċi, u l-persekuzzjoni tal-ġurnalisti, tal-bloggers indipendenti, tal-produtturi tal-kontenut u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u t-theddid kontrihom; ifakkar lill-awtoritajiet fl-importanza li jirrispettaw il-libertà tal-espressjoni, kemm online kif ukoll offline, il-libertà tal-għaqda, il-libertà tal-assoċjazzjoni u l-indipendenza tal-media; jilqa’ b’sodisfazzjon xi titjib notevoli fid-drittijiet tan-nisa fl-Użbekistan; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Użbekistan jiddekriminalizza r-relazzjonijiet sesswali kunsenswali bejn l-irġiel; jilqa’ t-tlestija tan-negozjati dwar l-EPCA UE-Użbekistan u jtenni t-talba tiegħu biex jitlestew malajr il-proċeduri legali u tekniċi meħtieġa biex jiġi ffirmat l-EPCA; jilqa’ r-rwol ewlieni tal-Użbekistan fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali f’diversi oqsma, fosthom il-konnettività u l-użu tar-riżorsi tal-ilma;
o o o
31. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u lill-presidenti, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Każakistan, il-Kirgistan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Użbekistan.