Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Jannar 2024 dwar l-implikazzjonijiet politiċi tal-iżvilupp ta’ dinjiet virtwali - kwistjonijiet ta’ dritt ċivili, soċjetarju, kummerċjali u tal-proprjetà intellettwali (2023/2062(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 4, 16, 26, 81, 114 u 118 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta’ Berna tal-1886 għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artisitiċi,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Prodotti u s-Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trademarks, kif emendat fit-28 ta’ Settembru 1979 u aġġornat fit-tnax-il edizzjoni tiegħu (12-2023),
– wara li kkunsidra t-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) dwar id-Dritt tal-Awtur tal-1996 u t-Trattat tad-WIPO dwar l-Interpretazzjonijiet, l-Eżekuzzjonijiet u l-Fonogrammi tal-1996,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta’ databases(1),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”)(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”)(3),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I)(4),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter(5),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni)(6) (“ir-Regolament Brussell I”),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE(7),
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom(8),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE(9),
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data(10),
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku(11),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea(12),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE(13),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1807 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar qafas għall-moviment liberu ta’ data mhux personali fl-Unjoni Ewropea(14),
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE(15) (“id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur”),
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibilità għall-prodotti u għas-servizzi(16),
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku(17),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online(18),
– wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali (l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali) u li jemenda ċerti atti leġiżlattivi tal-unjoni (COM(2021)0206),
– wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward tal-istabbiliment ta’ qafas għal Identità Diġitali Ewropea (COM(2021)0281),
– wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli armonizzati dwar l-aċċess ġust għad-data u l-użu tagħha (L-Att dwar id-Data) (COM(2022)0068),
– wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti difettużi (COM(2022)0495),
– wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-adattament tar-regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali għall-intelliġenza artifiċjali (Id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-IA) (COM(2022)0496),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2022/868 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar il-governanza Ewropea tad-data u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724 (Att dwar il-Governanza tad-Data)(19),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali)(20),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali)(21),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2023/988 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 87/357/KEE(22),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq tal-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937(23),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Ottubru 2020 dwar drittijiet tal-proprjetà intellettwali għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-intelliġenza artifiċjali (A9-0176/2020)(24),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Nagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal innovattiv tal-UE – Pjan ta’ azzjoni għall-proprjetà intellettwali b’appoġġ għall-irkupru u r-reżiljenza tal-UE” (COM(2020)0760 final),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Novembru 2021 dwar pjan ta’ azzjoni għall-proprjetà intellettwali b’sostenn għall-irkupru u r-reżiljenza tal-UE(25),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Lulju 2023 intitolat “Inizjattiva tal-UE dwar il-Web 4.0 u d-dinjiet virtwali: vantaġġ inizjali fit-tranżizzjoni teknoloġika li jmiss”,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Mejju 2022 intitolata “Deċennju Diġitali għat-tfal u ż-żgħażagħ: l-istrateġija Ewropea l-ġdida għal internet aħjar għat-tfal (BIK+)” (COM(2022)0212),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0442/2023),
A. billi d-dinjiet virtwali għadhom ma ġewx adottati b’mod wiesa’, għalkemm il-varar tagħhom f’għadd ta’ każijiet ta’ użu f’diversi setturi qajjem kuxjenza ġenerali u attira l-attenzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi;
B. billi huwa essenzjali li nkomplu nippromwovu u niżviluppaw teknoloġiji ġodda, filwaqt li nirrikonoxxu l-potenzjal trasformattiv tagħhom f’oqsma bħall-edukazzjoni, il-kultura, il-kura tas-saħħa, il-gaming u ħafna oħrajn, filwaqt li nindirizzaw ir-riskji li dawn it-teknoloġiji ġodda jistgħu joħolqu;
C. billi, l-esperti jgħidu li jista’ jkun li għad iridu jgħaddu 10 u 15-il sena biex id-dinjiet virtwali jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u li l-iżvilupp tagħhom jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq ix-xenarju diġitali fis-snin li ġejjin, filwaqt li jġib kemm opportunitajiet kif ukoll riskji li jeħtieġ li jiġu indirizzati;
D. billi s-sovranità diġitali hija mezz ta’ promozzjoni tal-kunċett ta’ tmexxija Ewropea u awtonomija strateġika u hija essenzjali biex tiggarantixxi l-kapaċità tal-UE li ssawwar u tinforza l-leġiżlazzjoni fl-ambjent diġitali, tiżgura dinjiet virtwali etiċi, sostenibbli u ċċentrati fuq il-bniedem u tissalvagwardja d-drittijiet u l-valuri fundamentali tal-UE;
Definizzjonijiet
1. Jinnota li l-kunċetti ta’ “metavers” u “dinja virtwali” bħalissa ma għandhomx definizzjonijiet konsolidati;
2. Jilqa’, f’dan ir-rigward, il-proposta inkluża fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni għal definizzjoni li tiffoka fuq il-karatteristiċi ewlenin tad-dinjiet virtwali, kif ġej: “id-dinjiet virtwali huma ambjenti persistenti u immersivi, ibbażati fuq teknoloġiji bħat-3D u r-realtà estiża (XR), li permezz tagħhom id-dinjiet fiżiċi u diġitali jitwaħħdu fil-ħin reali, għal bosta skopijiet bħad-disinjar, il-ħolqien ta’ simulazzjonijiet, kollaborazzjoni, tagħlim, soċjalizzazzjoni, twettiq tat-tranżazzjonijiet jew servizzi tad-divertiment.”; jirrimarka li ħafna mit-teknoloġiji msejħa “dinjiet virtwali” ilhom jeżistu għal snin sħaħ; jissottolinja li strateġija Ewropea futura għandha tkun ankrata fir-riċerka, l-evidenza xjentifika u r-rilevanza għas-soċjetà;
3. Jisħaq fuq l-importanza ewlenija li jiġu promossi l-istandardizzazzjoni u l-interoperabbiltà għall-iżvilupp sħiħ ta’ ekosistema ta’ dinjiet virtwali interkonnessi;
Qafas etiku u legali xieraq
4. Jisħaq li d-dinjiet virtwali aċċessibbli fl-UE għandhom jirrispettaw il-valuri etiċi, il-prinċipji u d-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea(26) u fil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, jiġifieri dwar il-privatezza tad-data, l-istandards tas-sigurtà u s-sikurezza, il-kondiviżjoni tad-data, il-moderazzjoni tal-kontenut, il-ġlieda kontra l-fastidju u d-diskors ta’ mibegħda, iċ-ċibersigurtà, id-drittijiet tal-ħaddiema, il-protezzjoni tal-konsumaturi u tat-tfal, ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà, ir-rispett għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-protezzjoni tal-għarfien espert u s-sigrieti kummerċjali, il-prevenzjoni tal-abbuż u l-frodi online, u dwar swieq kontestabbli u ġusti;
5. Ifakkar li d-dinjiet virtwali għandhom jiġu żviluppati u varati f’konformità mal-prinċipju ġenerali li dak li huwa illegali offline għandu jkun illegali online, filwaqt li jiġi żgurat li jiġu rispettati bis-sħiħ id-drittijiet tan-nies, b’enfasi partikolari fuq it-tfal, bħala utenti, konsumaturi, ħaddiema, investituri, detenturi tad-drittijiet u kreaturi;
6. Jirrimarka li, b’mod partikolari, il-biċċiet ta’ leġiżlazzjoni li ġejjin diġà japplikaw għal aspetti differenti tad-dinjiet virtwali: l-Att dwar is-Servizzi Diġitali; l-Att dwar is-Swieq Diġitali; l-Att dwar il-Governanza tad-Data; l-Att dwar id-Data; l-Att propost dwar l-IA; ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data(27) (GDPR); ir-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti; id-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali; ir-Regolament dwar is-Swieq fil-Kriptoassi; l-Identità Diġitali Ewropea; id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur fis-Suq Uniku Diġitali; ir-Regolament dwar it-Trademark tal-UE; id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tas-Sigrieti Kummerċjali; l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà; u d-Direttiva dwar l-Aċċessibbiltà għall-Web;
7. Jenfasizza l-importanza li tiġi ssorveljata regolarment il-konformità u li jiġi żgurat infurzar effettiv tal-istrumenti legali applikabbli fis-seħħ; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida u l-aħjar prattiki, f’kooperazzjoni ma’ partijiet ikkonċernati differenti, inklużi rappreżentanti mis-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur, kif ukoll l-akkademja, li jiċċaraw l-obbligi u r-responsabbiltajiet legali ta’ kull parti kkonċernata involuta fid-dinjiet virtwali, bħall-operaturi tal-pjattaformi, il-fornituri tas-servizzi, l-iżviluppaturi u l-utenti, skont il-liġi applikabbli tal-UE;
8. Jissottolinja li huwa ta’ importanza kbira li l-Kummissjoni twettaq kontrolli regolari tal-idoneità tal-istrumenti legali applikabbli fis-seħħ, jiġifieri dwar rieżami possibbli tad-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali, id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi(28) u l-Direttiva dwar it-Termini Kuntrattwali Inġusti(29), u jisħaq li kwalunkwe leġiżlazzjoni futura dwar id-dinjiet virtwali għandha tevita duplikazzjonijiet jew inkonsistenzi, filwaqt li timla l-lakuni fejn meħtieġ;
9. Jinnota li xi kwistjonijiet regolatorji huma madankollu diġà evidenti fl-oqsma tad-dritt internazzjonali privat, id-dritt ċivili u l-liġi tal-proprjetà intellettwali, kif speċifikat fit-taqsimiet ta’ hawn taħt;
10. Jenfasizza li r-riċerka reċenti wriet li d-data tas-sensuri tal-VR hija identifikabbli b’mod uniku bħal scan tal-marki tas-swaba’ u tista’ tintuża biex tiġi akkwistata perspettiva profonda tal-personalità tal-utenti u biex tiġi dedotta varjetà ta’ attributi bħall-età, il-ġeneru, l-introjtu, l-etniċità, l-istatus ta’ diżabbiltà, l-istat mentali u l-emozzjonijiet; jemmen li dan iqajjem tħassib etiku u legali sinifikanti, b’mod partikolari b’rabta mar-reklamar immirat ibbażat fuq l-imġiba, li għandu jiġi indirizzat; jisħaq li parti mill-indirizzar ta’ dan it-tħassib etiku dwar il-ġbir ta’ ammonti kbar ta’ data personali, inkluża data tal-utent sensittiva bħad-data bijometrika, data komportamentali, reazzjonijiet emozzjonali u informazzjoni tattili, hija li jiġi ggarantit li l-utenti jkunu konxji mid-data li tkun qed tinġabar u li l-kunsens għall-ġbir ta’ tali data ma jinkisibx biss fil-mument tad-dħul fid-dinja virtwali, iżda għal kull każ ta’ użu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti mill-GDPR, bħal dawk tal-privatezza mid-disinn u l-limitazzjoni tal-iskop;
11. Jisħaq li, kull meta l-identifikazzjoni tal-utent ma tkunx meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali, jiġifieri għal finijiet ta’ responsabbiltà, u tkun teknikament possibbli u raġonevoli, id-dinjiet virtwali għandhom jippermettu l-użu anonimu tas-servizzi bħala mod kif tiġi pprovduta protezzjoni għall-privatezza u jipprevjenu b’mod effettiv l-iżvelar mhux awtorizzat tad-data, is-serq tal-identità u forom oħra ta’ abbuż tad-data personali miġbura online;
12. Jinnota, f’dan ir-rigward, li l-azzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mmirati lejn is-sensibilizzazzjoni, it-titjib tal-ħiliet u l-litteriżmu diġitali u ż-żieda fl-aċċess tal-utenti għal teknoloġiji ewlenin, jiġifieri billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għal infrastruttura tal-internet b’veloċità għolja u tagħmir adegwat, huma kruċjali biex jiġu evitati d-distakki diġitali u għandhom jiġu implimentati malajr kemm jista’ jkun sabiex tiġi promossa soċjetà diġitali inklużiva u kompetittiva u biex jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla lura f’dan l-iżvilupp teknoloġiku rapidu;
Dritt internazzjonali privat
13. Jisħaq li ċerti prinċipji territorjali tradizzjonali dwar il-liġi u l-ġuriżdizzjoni applikabbli jistgħu jirriżultaw bħala inadegwati għad-dinjiet virtwali, li n-nuqqas ta’ territorjalità tagħhom hija permessa bl-użu ta’ teknoloġiji deċentralizzati bħall-blockchain, u joħolqu problemi meta wieħed jiġi biex jiżgura l-applikabbiltà tad-dritt tal-UE u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi u n-negozji;
14. Jinnota b’mod aktar speċifiku li, peress li kull persuna fid-dinja tista’ taċċessa d-dinjiet virtwali, il-“kriterju tal-mosajk” stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li permezz tiegħu, il-parti li tkun ġarrbet il-ħsara tista’ titlob kumpens fil-qrati tal-pajjiżi fejn tkun seħħet mill-inqas parti mill-ħsara, jista’ ma jkunx validu; ifakkar, madankollu, li l-Qorti stabbiliet kriterju addizzjonali li permezz tiegħu, il-partijiet li jkunu ġarrbu l-ħsara jistgħu jitolbu kumpens permezz tal-qrati tal-pajjiż li fih għandhom l-interess ewlieni tagħhom u jafferma li tista’ tiġi kkunsidrata l-kodifikazzjoni ta’ dan il-kriterju fir-Regolament Brussell I;
15. Josserva li d-definizzjoni ta’ “konsumatur” fir-Regolament Brussell I bħalissa hija bbażata fuq relazzjoni kuntrattwali diretta, li hija nieqsa pereżempju bejn l-emittent ta’ token mhux funġibbli (NFT) u x-xerrej meta l-NFT jitqiegħed f’suq sekondarju; jinnota li, konsegwentement, f’każ ta’ tilwima mal-emittent, ix-xerrej finali jkun imċaħħad mit-trattament ġuriżdizzjonali li r-Regolament Brussell I jagħti lill-konsumaturi;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tqis dawn is-sitwazzjonijiet u sitwazzjonijiet potenzjalment problematiċi oħra u tivvaluta l-adegwatezza tad-dispożizzjonijiet eżistenti tad-dritt internazzjonali privat applikabbli fl-UE, filwaqt li tipproponi emendi applikabbli, meta meħtieġ, biex tiggarantixxi li ċ-ċittadini u n-negozji ma jkollhomx għalfejn iressqu litigazzjoni sistematika fi qrati barranin jew skont liġijiet barranin sabiex jiġu infurzati d-drittijiet taħghom, u b’hekk jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom fil-qafas regolatorju tal-UE jkunu garantiti bis-sħiħ, filwaqt li jittieħed kont tar-riskju tal-għażla opportunistika tal-ġuriżdizzjoni, b’mod partikolari min-naħa tal-kumpaniji li mhumiex tal-UE;
Id-dritt ċivili
17. Jinnota li l-għadd u r-rilevanza ekonomika tat-tranżazzjonijiet kummerċjali fid-dinjiet virtwali huma mistennija li jiżdiedu matul l-għaxar snin li ġejjin; jisħaq fuq il-ħtieġa, f’dan il-kuntest, li jiġi żgurat li l-fornituri ta’ oġġetti u servizzi virtwali jkunu jistgħu jiġu identifikati u jinżammu responsabbli għal kwalunkwe ħsara kkawżata mill-prodotti tagħhom;
18. Jirrimarka t-tħassib imqajjem mit-tekniki ta’ reklamar użati fil-bejgħ tal-hekk imsejħa proprjetà immobbli virtwali, bħal xi binja jew biċċa art f’dinja virtwali rappreżentata mit-tokens mhux funġibbli, peress li l-utenti jistgħu jingħataw x’jifhmu li fil-fatt qed jakkwistaw drittijiet ta’ proprjetà, meta, fil-prattika, jiksbu biss liċenzja biex jużaw l-“art” virtwali; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li t-termini u l-kundizzjonijiet applikabbli jkunu trasparenti, ċari, ġusti u faċli biex jinftiehmu, b’mod partikolari peress li ntwera li l-utenti spiss jonqsu milli jaqraw it-termini u l-kundizzjonijiet minħabba n-natura densa u teknika tagħhom;
19. Ifakkar li r-regoli dwar ir-responsabbiltà għandhom japplikaw bis-sħiħ għad-dinjiet virtwali u jissottolinja l-importanza li jiġu stabbiliti miżuri effettivi biex jipprevjenu u jindirizzaw kwalunkwe forma ta’ mġiba dannuża u jinfurzaw il-liġi f’konformità mad-drittijiet fundamentali f’dinjiet virtwali, inkluż, fejn xieraq u mingħajr preġudizzju għad-dritt li jitfittex rimedju ġudizzjarju, l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ rapportar u ta’ soluzzjoni tat-tilwim;
20. Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-użu ta’ avatars u sistemi deċentralizzati, bħal dawk mibnija fuq it-teknoloġija blockchain, jista’ jagħmilha diffiċli ħafna li l-awturi ta’ dannu jinżammu responsabbli; iqis li l-implimentazzjoni ta’ sistemi effettivi ta’ ġestjoni tal-identità hija kruċjali sabiex tippermetti l-identifikazzjoni xierqa u f’waqtha tagħhom u biex jiġu miġġielda l-identitajiet foloz, filwaqt li jitqiesu wkoll l-ispeċifiċitajiet marbuta mal-governanza tal-organizzazzjonijiet awtonomi deċentralizzati (DAOs) u mar-responsabbiltà kollettiva; jilqa’ f’dan ir-rigward l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistudja l-valur miżjud ta’ qafas legali possibbli għad-DAOs;
21. Ifakkar li l-avatars ma għandhomx personalità ġuridika u għalhekk kwalunkwe kwistjoni rigward il-kapaċità ġuridika, id-drittijiet, l-obbligi u r-responsabbiltajiet tagħhom jeħtieġ li tiġi indirizzata b’referenza għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jużawhom; iqis li, hekk kif id-dinjiet virtwali jevolvu u jsiru aktar kumplessi, għandha tingħata kunsiderazzjoni lill-adegwatezza tal-għoti ta’ status legali speċifiku lill-avatars; iqis li l-avatar jew il-persuna wara l-avatar għandha tkunu identifikabbli u għandu jkun applikabbli prinċipju ta’ “Għarfien tal-Klijent Kummerċjali Tiegħek”;
Dritt tal-proprjetà intellettwali
22. Jissottolinja li l-korp tad-dritt tal-UE dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u industrijali, inklużi d-drittijiet tal-awtur, it-trademarks, il-privattivi, id-disinni u s-sigrieti kummerċjali, japplika bis-sħiħ għad-dinjiet virtwali; jenfasizza madankollu li l-iżvilupp ta’ dinjiet virtwali joħloq sfidi ġodda fir-rigward tal-infurzar tal-proprjetà intellettwali, l-identifikazzjoni ta’ dawk li jiksru l-liġi u kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet dwar il-liġi u l-ġuriżdizzjoni applikabbli;
23. Ifakkar li l-operaturi tal-pjattaformi, il-fornituri ta’ servizzi u l-utenti fid-dinjiet virtwali għandhom l-obbligu li jirrispettaw il-prerogattivi esklużivi tad-detenturi tad-drittijiet u d-dritt tagħhom għal remunerazzjoni ġusta; jenfasizza li l-użu ta’ kontenut protett mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI), inkluż fil-format diġitali f’medju elettroniku, bħat-tokens mhux funġibbli, jirrikjedi awtorizzazzjoni permezz ta’ liċenzjar jew assenjar, sakemm ma jkunx kopert minn xi eċċezzjoni jew limitazzjoni għall-protezzjoni tad-DPI (bħal kopja privata, edukazzjoni, riċerka, kwotazzjoni, rieżami, parodija jew pastiċċ); itenni, f’dan ir-rigward, l-importanza li l-fornituri jiżguraw it-trasparenza fir-rigward tal-ambitu tal-liċenzji, inklużi liċenzji territorjali, sabiex jiġi żgurat li l-utenti jkunu jistgħu jiddeterminaw liema użi tal-kontenut protett mid-DPI fid-dinjiet virtwali huma koperti mil-liċenzji li jkollhom u li l-kreaturi u d-detenturi tad-dritt ikunu jistgħu jirċievu rapportar preċiż u xieraq dwar l-użu reali tax-xogħlijiet protetti;
24. Jilqa’ l-aġġornament li ġabet magħha t-tnax-il edizzjoni tal-“klassifikazzjoni ta’ Nizza”, li tippermetti r-reġistrazzjoni ta’ trademarks fi klassijiet li jkopru l-użu tagħhom fid-dinjiet virtwali; jitlob li jkun hemm segwitu mill-qrib dwar l-applikazzjoni konkreta ta’ din il-klassifikazzjoni; jinsab imħasseb, madankollu, dwar l-użu tal-NFTs li jirreferu għal trademarks mingħajr l-awtorizzazzjoni tas-sidien tagħhom u jitlob li jiġu implimentati miżuri effettivi biex jiġu indirizzati dawn il-każijiet u każijiet oħra ta’ ksur; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi żviluppat sett ta’ għodod għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni;
25. Jirrikonoxxi l-applikabbiltà tar-regoli dwar ir-responsabbiltà kif stabbiliti fl-Att dwar is-Servizzi Diġitali u tar-reġim speċjali stabbilit fl-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur biex jiġi kopert it-tlugħ online ta’ kontenut iġġenerat mill-utent; jemmen, madankollu, li hija meħtieġa kjarifika ulterjuri dwar kif ir-regoli eżistenti għandhom japplikaw għas-servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online li jagħmlu l-kontenut disponibbli f’dinjiet virtwali u kif dawn għandhom jiġu infurzati;
26. Jisħaq li l-NFTs ma jagħtu l-ebda DPI bħala tali fuq l-assi diġitali u jindika l-ħtieġa ta’ aktar ċarezza u trasparenza sabiex jiġu evitati l-frodi u l-konfużjoni frekwenti bejn id-dritt għat-token innifsu u d-dritt għall-kontenut protett sottostanti;
27. Jinnota li l-NFTs u offerti oħra bbażati fuq il-blockchain jiffaċilitaw il-bejgħ mill-ġdid kontinwu ta’ assi abbażi ta’ xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur permezz ta’ tranżazzjonijiet online u jemmen li jeħtieġ li tiġi żgurata remunerazzjoni xierqa u proporzjonata tal-awturi għal kull bejgħ mill-ġdid ta’ tali assi;
28. Ifakkar li, skont ir-regoli attwali, l-outputs iġġenerati b’mod awtonomu mis-sistemi tal-IA jistgħu ma jkunux eliġibbli għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, peress li l-prinċipju tal-oriġinalità huwa marbut ma’ persuna fiżika u l-kunċett ta’ “kreazzjoni intellettwali” jippresupponi l-personalità tal-awtur; ifakkar, ukoll, fid-differenza bejn kreazzjonijiet umani assistiti bl-IA u kreazzjonijiet iġġenerati bl-IA; ifakkar li, filwaqt li l-qafas attwali tal-proprjetà intellettwali jibqa’ applikabbli għall-kreazzjonijiet assistiti mill-IA, l-outputs iġġenerati b’mod awtonomu mill-IA joħolqu sfidi regolatorji ġodda għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, bħal kwistjonijiet ta’ sjieda, ta’ awtur u ta’ inventarju, kif ukoll remunerazzjoni xierqa u kwistjonijiet relatati mal-konċentrazzjoni potenzjali tas-suq; jilqa’ l-impenn stabbilit fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-PI għall-Kummissjoni biex tinvolvi ruħha f’diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-isfidi mqajma mill-invenzjonijiet u l-kreazzjonijiet assistiti mill-IA; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni għal dan id-djalogu sabiex ikopri fil-biċċa l-kbira kwistjonijiet relatati mal-IA, inkluża l-IA ġenerattiva;
Aċċessibbiltà u litteriżmu diġitali
29. Jenfasizza li d-dinjiet virtwali jistgħu jipprovdu opportunitajiet għall-forniment ta’ servizzi pubbliċi ta’ interess ġenerali, għall-benefiċċju usa’ taċ-ċittadini; jissottolinja, madankollu, li l-inklużjoni u l-aċċessibbiltà għall-utenti kollha fl-UE jridu jiġu żgurati kemm f’termini ta’ kost u użu tal-hardware kif ukoll il-fehim tas-software; jinnota li l-aċċessibbiltà hija partikolarment importanti fir-rigward tal-iżgurar li gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni bħall-anzjani, il-persuni b’diżabbiltà, it-tfal u l-persuni li jgħixu f’żoni rurali u remoti jiksbu l-ħiliet diġitali essenzjali biex jipparteċipaw f’dinjiet virtwali u għandha tqis aspetti bħall-pożizzjoni ġeografika, il-ġeneru, il-livell ta’ kisba edukattiva u l-isfond soċjoekonomiku;
30. Iżid, f’dan il-kuntest, li l-litteriżmu diġitali huwa tal-akbar importanza biex jiġi żgurat użu sikur u ta’ benefiċċju soċjali u użu infurmat u responsabbli tad-dinjiet virtwali, biex jiġu evitati d-dipendenza tal-utenti, il-prattiki ta’ preġudizzju u diskriminatorji, biex tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni, il-manipulazzjoni u l-abbuż fl-ambjent virtwali u biex jiġi promoss il-kontroll demokratiku;
31. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti miżuri edukattivi effettivi biex jiġi żgurat litteriżmu wiesa’ fir-rigward tad-dinja virtwali fost iċ-ċittadini u biex jittejbu l-ħiliet tal-professjonisti f’oqsma differenti, jiġifieri l-għalliema, u biex jitħeġġeġ u jiġi promoss l-iżvilupp tat-talent u t-teknoloġiji Ewropej, filwaqt li jiġu attirati aktar nies, inklużi aktar nisa, fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika;
32. Jirrakkomanda li s-“sett ta’ għodod għad-dinjiet virtwali” maħsub għall-pubbliku ġenerali, kif deskritt fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, jiġi żviluppat aktar, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Panel taċ-Ċittadini sabiex jgħin liċ-ċittadini jifhmu aħjar kif jimmaniġġjaw l-identitajiet virtwali tagħhom, il-kreazzjonijiet virtwali tagħhom, l-assi virtwali tagħhom u d-data tagħhom, u biex jikkontribwixxu għal strateġija komprensiva tal-UE għad-dinjiet virtwali li tkun kemm sostenibbli kif ukoll iċċentrata fuq il-bniedem;
33. Jilqa’, kif innotat mill-Kummissjoni, il-kontribut pożittiv tal-komunità tal-UE b’sors miftuħ fl-iżvilupp ta’ karatteristiċi ewlenin tad-dinjiet virtwali, bħal fir-rigward tal-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit u teknoloġiji oħra meħtieġa għall-awtentiċità, il-ġestjoni u s-sigurtà ta’ oġġetti u identitajiet virtwali;
o o o
34. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).